IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.10.2021
COM(2021) 962 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-Funzjonament tas-Suq Ewropew tal-Karbonju fl-2020 skont l-Artikoli 10(5) u 21(2) tad-Direttiva 2003/87/KE (kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE u d-Direttiva (UE) 2018/410
{COM(2021) 950 final} - {SWD(2021) 308 final}
Werrej
Lista ta’ akronimi u abbrevjazzjonijiet
1. INTRODUZZJONI
2. L-INFRASTRUTTURA U L-KOPERTURA TAL-EU ETS
2.1 Ir-Reġistru tal-UE u r-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea
3. IL-FUNZJONAMENT TAS-SUQ TAL-KARBONJU
3.1. Provvista: kwoti mqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni
3.1.1. Il-limitu massimu
3.1.2. L-allokazzjoni bla ħlas
3.1.3. L-irkantar ta’ kwoti
3.1.4. Deroga minn irkantar sħiħ għall-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana
3.1.5 Il-Programm NER 300
3.1.6. Il-Fond għall-Innovazzjoni
3.1.7. Il-Fond għall-Modernizzazzjoni
3.1.8. Il-kumpens għall-ispejjeż indiretti tal-karbonju
3.1.9. Il-krediti internazzjonali
3.2. Domanda: kwoti maħruġin miċ-ċirkolazzjoni
3.2.1. It-tnaqqis tal-emissjonijiet
3.2.2. L-ibbilanċjar tal-provvista u tad-domanda
4. L-AVJAZZJONI
5. IS-SORVELJANZA TAS-SUQ
6. IL-MONITORAĠĠ, IR-RAPPORTAR U L-VERIFIKA TAL-EMISSJONIJIET
7. IR-RABTA BEJN L-EU ETS U L-ETS ŻVIZZERA
8. L-EFFETTI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA DWAR L-EFFIĊJENZA FL-ENERĠIJA U TAL-PJANIJIET NAZZJONALI DWAR L-ENERĠIJA U L-KLIMA FUQ L-EU ETS
8.1 L-impatt tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija fuq l-EU ETS
8.2 L-impatt tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima fuq l-EU ETS
9. KONKLUŻJONIJIET U ASPETTATTIVI
Lista ta’ akronimi u abbrevjazzjonijiet
AVR
Ir-Regolament dwar l-Akkreditazzjoni u l-Verifika
CEF DI
L-Istrument ta’ Dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
CEMs
Is-Sistemi ta’ Kejl ta’ Emissjonijiet Kontinwi
CINEA
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent
CO2
Diossidu tal-Karbonju
CO2eq
Ekwivalenti ta’ Diossidu tal-Karbonju
CORSIA
L-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali
CP2
It-Tieni Perjodu ta’ Impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto
EA
Il-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni
ŻEE
Iż-Żona Ekonomika Ewropea
EED
Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija
EEX
L-Iskambju tal-Enerġija Ewropew
BEI
Il-Bank Ewropew tal-Investiment
ESMA
L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq
EU27
L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
EU ETS
L-Iskema tal-Unjoni Ewropea għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet
EUTL
Ir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea
GHG
Gass serra
ICAO
L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
ICE
L-InterContinental Exchange Futures Europe
Il-Proġetti ta’ Dimostrazzjoni fil-Qasam tal-Enerġija InnovFin EDP
MAR
Ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq
MiFID2
Id-Direttiva dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji
MiFIR
Ir-Regolament dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji
MRR
Ir-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar
MSR
Ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq
N2O
Ossidu Nitruż
NECPs
Il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima
NER
Ir-Riżerva għal Entranti Ġodda
OTC
Barra l-borża
PFCs
Perfluworokarburi
SARPs
L-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati tal-CORSIA
TNAC
In-Numru Totali ta’ Kwoti fiċ-Ċirkolazzjoni
Ir-Renju Unit
Ir-Renju Unit
UNFCCC
Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
1. INTRODUZZJONI
L-Iskema tal-Unjoni Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) ilha mill-2005 element ċentrali tal-istrateġija tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG). Minn meta tnediet fl-2005, l-emissjonijiet fis-setturi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u tas-sħana kif ukoll fis-setturi industrijali li jużaw l-enerġija b’mod intensiv, koperti mill-EU ETS, naqsu b’madwar 43 %. Flimkien ma’ leġiżlazzjoni oħra, bħal dik dwar l-enerġija rinnovabbli u dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, din ikkontribwiet b’mod sinifikanti sabiex tintlaħaq il-mira ġenerali tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’20 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-UE qabżet din il-mira u sal-2020 naqqset l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’madwar 31 % taħt il-livelli tal-1990.
F’Lulju tal-2021, il-Kummissjoni adottat sensiela ta’ miżuri sabiex il-Patt Ekoloġiku Ewropew isir realtà. Il-proposti għandhom l-għan li jagħmlu l-politiki tal-UE dwar il-klima, l-enerġija, l-użu tal-art, it-trasport u t-tassazzjoni adatti għall-kompitu li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-anqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-EU ETS se jkollha rwol ewlieni fil-kisba ta’ dan l-objettiv. Il-pakkett fih proposta li tiżdied l-ambizzjoni tal-EU ETS b’mira ġdida ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ 61 % taħt il-livelli tal-2005 sal-2030 (meta mqabbla mal-mira attwali ta’ 43 % taħt il-livelli tal-2005), ta’ limitu ġenerali fuq l-emissjonijiet aktar baxx, u ta’ tnaqqis annwaliaktar qawwi tal-emissjonijiet ta’ 4,2 % minflok il-mira attwali ta’ 2,2 % fis-sena. Il-proposta għar-reviżjoni tal-EU ETS testendi wkoll il-kopertura tagħha għall-emissjonijiet marittimi u tipproponi sistema ġdida u separata għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet sabiex tkopri l-emissjonijiet mill-fjuwils użati fit-trasport bit-triq u fil-bini.
Proposta separata ssaħħaħ ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq (MSR), il-mekkaniżmu li jindirizza l-eċċess ta’ kwoti akkumulati fl-EU ETS mill-2019 u ttejjeb ir-reżiljenza tas-sistema għal xokkijiet kbar billi taġġusta l-provvista ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati.
Żewġ proposti addizzjonali mill-pakkett ta’ Lulju jsaħħu l-EU ETS għall-avjazzjoni sabiex jiġi żgurat li s-settur jikkontribwixxi għall-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, u li tiġi implimentata l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) fid-dritt tal-UE b’mod konsistenti mal-objettivi klimatiċi tal-UE għall-2030.
Dan ir-rapport dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju huwa ppreżentat b’konformità mal-Artikoli 10(5) u 21(2) tad-Direttiva 2003/87/KE (id-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet). Ikopri s-sena 2020 u l-ewwel nofs tal-2021 (sat-30 ta’ Ġunju 2021); peress li l-2020 kienet ukoll l-aħħar sena tal-fażi 3 tal-EU ETS (mill-2013 sal-2020), jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ewlenin matul dan il-perjodu.
Ir-rapport jeżamina t-tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet miksub matul il-fażi 3 u l-fatturi li wasslu għal dan (il-Kapitolu 3.2.1), u janalizza r-rwol tal-MSR fit-tnaqqis tal-eċċess ta’ kwoti akkumulati fl-EU ETS (il-Kapitolu 3.2.2). Jenfasizza wkoll l-iżviluppi ewlenin tal-fażi 3 fl-oqsma tal-avjazzjoni (il-Kapitolu 4), tal-allokazzjoni bla ħlas (il-Kapitolu 3.1.2), tal-irkant tal-kwoti, tad-dħul li jirriżulta mill-irkant u l-użu tiegħu (il-Kapitolu 3.1.3), tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-EU ETS (il-Kapitoli 3.1.4 sa 3.1.8), tas-sorveljanza tas-suq (il-Kapitolu 5), u tal-effettività tal-implimentazzjoni tal-EU ETS fil-pajjiżi parteċipanti (il-Kapitolu 6). Ir-rapport jinkludi żewġ kapitoli ġodda: Il-Kapitolu 7 jiddeskrivi l-kollegament bejn l-EU ETS u l-ETS tal-Iżvizzera u jeżamina l-effett li kellu l-kollegament fuq iż-żewġ swieq tal-karbonju, filwaqt li l-Kapitolu 8 jeżamina l-impatt tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/27/UE kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/2002 (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija) u l-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs) tal-2019 dwar l-EU ETS.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, id-data użata għal dan ir-rapport kienet data li kienet jew disponibbli għall-pubbliku jew disponibbli għall-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Ġunju tal-2021. Ir-rapport ikopri d-data tal-2020 għar-Renju Unit (UK), sabiex jirrifletti l-ambitu tal-EU ETS sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-informazzjoni teknika u deskrittiva dwar l-EU ETS ingħatat fl-appendiċijiet tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.
2. L-INFRASTRUTTURA U L-KOPERTURA TAL-EU ETS
Matul il-fażi 3 tal-EU ETS (mill-2013 sal-2020), is-sistema kienet tkopri 28 Stat Membru tal-UE (inkluż ir-Renju Unit) u tliet pajjiżi tal-EFTA - l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja. Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-EU ETS bdiet tkopri 27 Stat Membru flimkien mal-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, kif ukoll l-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku fl-Irlanda ta’ Fuq. Mill-1 ta’ Jannar 2020, l-EU ETS hija marbuta mas-suq tal-karbonju Żvizzeru (ara l-Kapitolu 7).
B’kollox, l-EU ETS tirregola l-emissjonijiet minn aktar minn 10 400 impjant tal-enerġija u tas-sħana u installazzjonijiet tal-manifattura, kif ukoll madwar 350 operatur tal-inġenji tal-ajru li jtiru bejn l-ajruporti taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u miż-ŻEE lejn l-Iżvizzera u r-Renju Unit. Għalkemm fil-bidu tal-fażi 3, l-EU ETS kienet tkopri madwar nofs l-emissjonijiet kollha tal-gassijiet serra fl-UE, bħalissa tkopri madwar 36 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE. Fl-Appendiċi 1 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport tinsab ħarsa ġenerali dettaljata lejn il-kopertura tal-EU ETS fil-fażi 3.
2.1 Ir-Reġistru tal-UE u r-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea
Ir-Reġistru tal-UE u r-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUTL) jintraċċaw is-sidien tal-kwoti ġenerali u dawk tal-avjazzjoni billi jirreġistraw l-ammonti miżmuma fil-kontijiet u t-tranżazzjonijiet bejn il-kontijiet. Dawn is-sistemi jirreġistraw ukoll l-emissjonijiet ta’ installazzjonijiet stazzjonarji (tal-enerġija u tas-sħana, u tal-industrija) u ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru, u l-konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn dawn l-emissjonijiet. Iż-żewġ sistemi jitħaddmu u huma mantnuti mill-Kummissjoni, filwaqt li l-amministraturi tar-reġistri nazzjonali fil-pajjiżi parteċipanti għadhom il-punt ta’ kuntatt għad-detenturi tal-kontijiet u għar-rappreżentanti tagħhom (kumpaniji u individwi). Filwaqt li r-Reġistru tal-UE jżomm il-kontijiet u jirreġistra l-informazzjoni dwar il-konformità, l-EUTL jivverifika, jirreġistra u jawtorizza awtomatikament it-tranżazzjonijiet kollha bejn il-kontijiet, u b’hekk jiżgura li t-trasferimenti kollha jikkonformaw mar-regoli tal-EU ETS.
Id-data rreġistrata fir-Reġistru tal-UE u fl-EUTL għadhom sors importanti ta’ informazzjoni li jirfdu bosta tipi ta’ rapportar dwar l-EU ETS, bħall-kalkolu tal-indikatur tal-eċċess tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq (MSR) (ara l-Kapitolu 3.2.2) u r-rapportar li sar mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. L-EUTL jipprovdi wkoll trasparenza fl-EU ETS, bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-konformità tal-installazzjonijiet stazzjonarji u tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru mad-dispożizzjonijiet tal-EU ETS u dwar it-tranżazzjonijiet bejn il-kontijiet.
Matul il-fażi 3, is-sit web pubbliku tal-EUTL ħadem b’mod affidabbli, u baqa’ operattiv għal 365 jum lejl u nhar kull sena, b’interruzzjonijiet żgħar biss minħabba aġġornamenti tekniċi ppjanati. Dan kien ukoll il-każ fl-2020. Eċċezzjoni waħda kienet it-18 ta’ Awwissu 2020, meta, minħabba problemi tekniċi, diversi tranżazzjonijiet ma ġewx ipproċessati b’mod korrett. Minħabba xogħol ta’ individwazzjoni ta’ soluzzjoni u ta’ tiswija bejn id-19 u l-21 ta’ Awwissu, ir-Reġistru tal-UE ma kienx disponibbli.
Fl-2020 u fl-ewwel sitt xhur tal-2021 twettqu diversi xogħlijiet ta’ żvilupp ewlenin fir-Reġistru tal-UE. L-ewwel nett, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ġie applikat b’mod provviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. Fil-Ftehim, l-UE u r-Renju Unit impenjaw ruħhom li jżommu l-livell ta’ ambizzjoni tal-politiki klimatiċi u ambjentali tagħhom bħal fi tmiem l-2020, u li jadattaw dawn il-politiki bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom. L-Artikolu 392 tal-Ftehim jipprevedi li mill-1 ta’ Jannar 2021, iż-żewġ partijiet għandu jkollhom fis-seħħ sistema ta’ pprezzar tal-karbonju, li tkopri l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana, mill-industrija u mill-avjazzjoni. Il-ġeneraturi tal-elettriku fl-Irlanda ta’ Fuq u t-titjiriet li jitilqu miż-ŻEE lejn ir-Renju Unit għadhom koperti mill-EU ETS, filwaqt li t-titjiriet mir-Renju Unit lejn iż-ŻEE jaqgħu taħt is-sistema tal-ipprezzar tal-karbonju tar-Renju Unit (ara l-Kapitolu 4). B’konsegwenza, il-ġeneraturi tal-elettriku tal-Irlanda ta’ Fuq baqgħu fir-Reġistru tal-UE, u d-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet ġiet emendata sabiex takkomoda l-bidliet fil-kopertura tat-titjiriet.
L-Emenda ta’ Doha li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn (CP2) tal-Protokoll ta’ Kjoto (mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020) ukoll daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2020. Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 389/2013 (ir-Regolament dwar ir-Reġistru), il-Kummissjoni taġixxi bħala l-amministratur tar-Reġistru tal-Protokoll ta’ Kjoto tal-UE, li huwa parti mir-Reġistru tal-UE. Għalkemm il-31 ta’ Diċembru 2020 kien l-aħħar jum tas-CP2, is-sistema ta’ trasparenza u konformità tal-Protokoll ta’ Kjoto se tkompli topera sal-verifika finali tal-konformità. Fl-2023, l-inventarji tal-emissjonijiet għall-aħħar sena tas-CP2 se jiġu rrapportati u riveduti u se jiġi ppreżentat rapport finali.
Il-ftehim dwar il-kollegament bejn l-EU ETS u l-ETS tal-Iżvizzera daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020. Sabiex tkun tista’ titħaddem ir-rabta bejn is-sistemi, fil-21 ta’ Settembru 2020 ġiet stabbilita soluzzjoni provviżorja sabiex jiġu kkollegati r-reġistri taż-żewġ sistemi u sabiex il-kwoti jkunu jistgħu jiġu ttrasferiti bejniethom (ara l-Kapitolu 7).
Fl-aħħar nett, l-implimentazzjoni teknika tar-regoli l-ġodda li ġew introdotti bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 tlestiet b’suċċess u l-funzjonalitajiet il-ġodda saru disponibbli fir-Reġistru tal-UE mill-1 ta’ Jannar 2021.
3. IL-FUNZJONAMENT TAS-SUQ TAL-KARBONJU
3.1. Provvista: kwoti mqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni
3.1.1. Il-limitu massimu
Il-limitu massimu huwa l-kwantità assoluta massima ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jistgħu jiġu emessi mill-entitajiet koperti mill-EU ETS sabiex jiżguraw li tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u li dan jikkorrispondi man-numru ta’ kwoti mqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni tul perjodu ta’ negozjar. Japplika limitu massimu komuni madwar l-UE kollha għall-EU ETS kollha (għal informazzjoni dettaljata dwar il-limitu massimu, ara l-Appendiċi 2 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport). Matul il-fażi 3 tal-EU ETS (mill-2013 sal-2020), il-limitu massimu naqas kull sena bil-fattur lineari ta’ tnaqqis ta’ 1,74 %, sabiex b’hekk ġie żgurat li jonqsu l-emissjonijiet totali (ara l-Kapitolu 3.2.1). Fil-fażi 4 tal-EU ETS (mill-2021 sal-2030), il-limitu massimu kemm għall-installazzjonijiet stazzjonarji kif ukoll għall-avjazzjoni jonqos kull sena bil-fattur ta’ tnaqqis lineari ta’ 2,2 %. Table 1 turi ċ-ċifri għal-limitu massimu fuq l-emissjonijiet minn installazzjonijiet stazzjonarji u n-numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni mqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni kull sena matul il-fażi 3.
Tabella 1. Il-limitu massimu tal-EU ETS fil-fażi 3 tal-EU ETS (mill-2013 sal-2020)
|
Sena
|
Il-limitu massimu annwali (installazzjonijiet stazzjonarji)
|
Il-kwoti tal-avjazzjoni annwali mqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni
|
|
2013
|
2 084 301 856
|
32 455 296
|
|
2014
|
2 046 037 610
|
41 866 834
|
|
2015
|
2 007 773 364
|
50 669 024
|
|
2016
|
1 969 509 118
|
38 879 316
|
|
2017
|
1 931 244 873
|
38 711 651
|
|
2018
|
1 892 980 627
|
38 909 585
|
|
2019
|
1 854 716 381
|
38 830 950
|
|
2020
|
1 816 452 135
|
42 803 537
|
Fl-1 ta’ Frar 2020 daħal fis-seħħ il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet kienet tapplika għar-Renju Unit sal-31 ta’ Diċembru 2020, u skont il-Protokoll tal-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, il-ġenerazzjoni tal-elettriku li tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ fl-EU ETS bid-drittijiet u l-obbligi rilevanti.
Il-Kummissjoni rreaġixxiet għal dawn il-bidliet billi adottat id-Deċiżjoni dwar il-kwantità aġġustata ta’ kwoti mal-UE kollha fis-16 ta’ Novembru 2020. L-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-Irlanda ta’ Fuq biss ġew ikkunsidrati fil-limitu massimu aġġornat (applikat mill-perjodu bażi bejn l-2008 u l-2012), li kkalkola tnaqqis tal-limitu massimu b’mod proporzjonali għall-emissjonijiet mir-Renju Unit li ma baqgħux jitqiesu.
Figure 1
tiġbor fil-qosor it-tnaqqis tal-limitu massimu wara ż-żieda tal-fattur lineari ta’ tnaqqis għal 2,2 % mill-2021. Dan juri wkoll ir-rwol tal-għalf tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq (MSR) u l-kontribuzzjonijiet ta’ posponiment lejn tmiem il-perjodu għall-MSR (ara l-Kapitolu 3.2.2). Il-linji b’linji miksura fl-illustrazzjoni japprossimaw l-impatt tal-mira ogħla għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2030 kif proposta mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Lulju 2021 fil-pakkett ta’ reviżjoni sabiex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Illustrazzjoni 1. It-tnaqqis tal-limitu massimu li japplika l-fattur lineari ta’ tnaqqis ta’ 2,2 % mill-2021
3.1.2. L-allokazzjoni bla ħlas
Għalkemm mill-fażi 3 l-irkantar fil-prinċipju jirrappreżenta d-distribuzzjoni ta’ 57 % tal-kwoti totali tal-volum, volum sinifikanti ta’ kwoti huwa allokat bla ħlas sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (meta l-attivitajiet jgħaddu lejn pajjiżi mhux tal-UE b’politiki klimatiċi anqas ambizzjużi dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, li jista’ jwassal għal żieda ġenerali fl-emissjonijiet). Il-ġenerazzjoni tal-elettriku ma kinitx eliġibbli għal kwoti bla ħlas, u l-allokazzjoni bla ħlas lill-industrija kienet ibbażata fuq parametri referenzjarji tal-prestazzjoni sabiex jissaħħu l-inċentivi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tiżdied l-innovazzjoni.
Fil-bidu tal-fażi 3, inħolqot ir-Riżerva għal Entranti Ġodda (NER) fl-EU ETS sabiex tipprovdi allokazzjonijiet bla ħlas addizzjonali lil installazzjonijiet industrijali ġodda u installazzjonijiet b’kapaċità li tiżdied b’mod sinifikanti, ekwivalenti għal 5 % tal-volum totali ta’ kwoti għal dan il-perjodu. Is-setturi u s-subsetturi meqjusin bħala esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, u li b’hekk ingħataw sehem ogħla ta’ allokazzjoni bla ħlas, tqiegħdu f’lista ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Billi d-domanda għall-allokazzjoni bla ħlas qabżet il-provvista disponibbli, l-allokazzjoni tnaqqset għall-installazzjonijiet kollha bl-istess perċentwal billi ġie applikat il-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali, li ġie rivedut fl-2017. Il-valuri tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali huma ppreżentati fit-Tabella 3.1 tal-Appendiċi 3 għad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan id-dokument.
Ir-Riżerva inizjali kellha 480,2 miljun kwota, wara li tnaqsu 300 miljun kwota għall-programm NER 300 b’appoġġ għall-innovazzjoni (ara l-Kapitolu 3.1.5). Sa Ġunju tal-2021, 178,3 miljun kwota ġew riżervati għal 1 392 installazzjoni għall-fażi 3 kollha. Għalhekk, 301,9 miljun kwota għadhom fir-riżerva. Minn dan l-ammont, se jitqiegħdu 200 miljun kwota fir-Riżerva għall-fażi 4 u l-bqija se jitqiegħdu fl-MSR.
Sa Ġunju tal-2021, il-volum approvat oriġinarjament ta’ allokazzjoni bla ħlas għall-fażi 3 tnaqqas b’madwar 585 miljun kwota minn 6,5 biljun kwota, minħabba installazzjonijiet li għalqu jew naqqsu l-produzzjoni jew il-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom.
Table 2
tiġbor fil-qosor l-allokazzjonijiet bla ħlas lill-industrija fil-fażi 3.
Tabella 2. Il-kwoti bla ħlas allokati lill-industrija, minn Jannar tal-2013 sa Ġunju tal-2021 (f’miljuni)
|
|
2013
|
2014
|
2015
|
2016
|
2017
|
2018
|
2019
|
2020
|
|
L-allokazzjoni bla ħlas
(EU27 + ir-Renju Unit + l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja)
|
903,0
|
874,8
|
847,6
|
821,3
|
796,2
|
771,9
|
748,1
|
724,8
|
|
L-allokazzjoni mir-Riżerva għal Entranti Ġodda (investimenti f’żona ġdida u żidiet fil-kapaċità)
|
11,7
|
15,2
|
18,9
|
22,8
|
24,6
|
26,9
|
29,1
|
28,9
|
|
Il-kwoti bla ħlas li jifdal mhux allokati minħabba għeluq jew bidliet fil-produzzjoni jew fil-kapaċità tal-produzzjoni
|
41,9
|
61,3
|
74,0
|
76,5
|
79,9
|
85,1
|
80,3
|
85,9
|
Għalkemm is-sottomissjonijiet mill-pajjiżi parteċipanti dwar il-bidliet fl-allokazzjoni bla ħlas għall-aħħar sena tal-fażi 3 kienu għadhom jistgħu jintbagħtu fl-2021, il-maġġoranza l-kbira tal-bidliet diġà ġew irrapportati. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li fi tmiem il-fażi 3, kien hemm madwar:
·1 821 installazzjoni mill-11 646 li waqfu joperaw jew li kellhom bidla fiżika li naqqset il-kapaċità tagħhom għal taħt il-limitu u għalhekk il-permess tagħhom tal-GHG ġie rtirat
·505 entranti ġodda
·887 estensjoni sinifikanti tal-kapaċità
·378 tnaqqis sinifikanti tal-kapaċità
·2 985 installazzjoni li għaddew minn waqfiet parzjali u
·1 434 installazzjoni li rkupraw wara waqfien parzjali.
Il-kwoti mhux allokati mill-għeluq, minn waqfiet parzjali jew minn tnaqqis sinifikanti tal-kapaċità (skont l-Artikoli 10a(19) u 10a(20) tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet) se jitqiegħdu fl-MSR f’konformità mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (id-Deċiżjoni dwar l-MSR), bħall-kwoti mhux allokati mill-NER.
Sabiex jiġi evitat ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-allokazzjoni bla ħlas se tkompli fil-fażi 4, ibbażata fuq valuri referenzjarji dderivati mill-prestazzjoni tal-installazzjonijiet li huma fost l-10 % l-aktar effiċjenti fl-UE. Wara li ntlaħaq il-ftehim politiku dwar id-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet riveduta, f’Novembru tal-2017, il-Kummissjoni adottat il-leġiżlazzjoni għall-implimentazzjoni ta’ allokazzjoni bla ħlas lill-industrija fil-fażi 4. L-atti legali adottati huma elenkati fit-Tabella 4.1 tal-Appendiċi 4 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan id-dokument.
3.1.3. L-irkantar ta’ kwoti
Mill-fażi 3, l-irkantar huwa l-metodu primarju tad-distribuzzjoni tal-kwoti fl-EU ETS, li jammonta għal 57 % tal-volum totali. L-irkantar huwa rregolat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 1031/2010 (ir-Regolament dwar l-Irkantar) li jispeċifika l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħrajn ta’ kif jenħtieġ li jsiru l-irkantijiet sabiex jiġi żgurat proċess miftuħ, trasparenti, armonizzat u mhux diskriminatorju.
Fil-fażi 3, l-irkantijiet saru permezz tal-pjattaformi tal-irkant li ġejjin:
·European Energy Exchange AG (EEX), li wettqet l-irkantar fil-funzjoni tagħha ta’ pjattaforma komuni tal-irkantijiet għal 25 Stat Membru li jipparteċipaw fi proċedura ta’ akkwist konġunt. Din twettaq ukoll irkantijiet għall-Polonja (li għażlet li teskludi ruħha mill-proċedura ta’ akkwist konġunt iżda li għadha ma ħatritx pjattaforma tal-irkantijiet għaliha), u, minn Ġunju tal-2019, għall-Iżlanda, għal-Liechtenstein u għan-Norveġja (wara li ġie emendat il-Ftehim dwar iż-ŻEE sabiex l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għall-pjattaforma komuni tal-irkantijiet)
·L-EEX, li twettaq l-irkantar għall-Ġermanja bħala l-pjattaforma tal-irkantijiet ta’ “nonparteċipazzjoni”
·L-ICE Futures Europe (ICE), li twettaq l-irkantar għar-Renju Unit bħala l-pjattaforma tal-irkantijiet ta’ “nonparteċipazzjoni” sal-aħħar tal-2020.
L-EEX inħatret mill-ġdid bħala l-pjattaforma komuni tal-irkantijiet mill-2021, mingħajr bidliet kbar fil-parteċipazzjoni fl-irkanti.
Saru aktar minn 1 800 irkant fil-fażi 3, u sat-30 ta’ Ġunju 2021, din iċ-ċifra kienet ferm akbar minn 1 900.
Table 3
tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-volumi tal-kwoti
rkantati mill-pjattaformi EEX u ICE sat-30 ta’ Ġunju 2021, inkluż l-irkantijiet bikrija
ta’ kwoti ġenerali.
Tabella 3. Il-volumi totali tal-kwoti tal-fażi 3 rkantati, minn Jannar tal-2012 sat-30 ta’ Ġunju 2021
|
Sena
|
Il-kwoti ġenerali
|
Il-kwoti tal-avjazzjoni
|
|
2012
|
89 701 500
|
2 500 000
|
|
2013
|
808 146 500
|
0
|
|
2014
|
528 399 500
|
9 278 000
|
|
2015
|
632 725 500
|
16 390 500
|
|
2016
|
715 289 500
|
5 997 500
|
|
2017
|
951 195 500
|
4 730 500
|
|
2018
|
915 750 000
|
5 601 500
|
|
2019
|
588 540 000
|
5 502 500
|
|
2020
|
778 505 000
|
7 505 000
|
|
2021 (sat-30 ta’ Ġunju 2021)
|
308 326 000
|
1 343 000
|
Sors: EEX
Meta l-MSR saret operattiva f’Jannar tal-2019, din naqqset sostanzjalment il-provvista ta’ kwoti disponibbli għall-irkantar. Ġeneralment, l-irkantijiet twettqu mingħajr tfixkil u l-prezzijiet tal-bejgħ fl-irkant kienu allinjati mill-qrib mal-prezzijiet tas-suq sekondarju.
Fil-fażi 3, total ta’ 15-il irkant minn aktar minn 1 800 ġew ikkanċellati jew minħabba li l-prezz ta’ riżerva ma ntlaħaqx jew minħabba li l-volum totali tal-offerti kien anqas mill-volum irkantat, f’konformità mar-regoli tar-Regolament dwar l-Irkantar.
Figure
2
tagħti ħarsa ġenerali lejn il-prezzijiet tal-bejgħ fl-irkantijiet fis-suq tal-karbonju tal-UE mill-2013.
Illustrazzjoni 2. Il-prezzijiet tal-bejgħ fl-irkantijiet tal-kwoti ġenerali, minn Jannar tal-2013 sat-30 ta’ Ġunju 2021
Sors: EEX
L-għadd ta’ parteċipanti fl-irkantijiet tal-kwoti ġenerali fil-fażi 3 huwa pprovdut fl-Appendiċi 5 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport. Il-pjattaformi tal-irkantijiet jippubblikaw ir-riżultati dettaljati ta’ kull irkant fil-ħin fuq is-siti web speċifiċi. Tinsab aktar informazzjoni dwar it-twettiq tal-irkantijiet, inkluż dwar il-parteċipazzjoni, il-proporzjon ta’ kopertura u l-prezzijiet, fir-rapporti tal-pajjiżi parteċipanti ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni
.
Id-dħul totali ġġenerat mill-Istati Membri, mir-Renju Unit u mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein u min-Norveġja mill-irkantijiet fil-fażi 3 qabeż it-EUR 68 biljun (ara t-Tabelli 5.1, 5.2, u 5.3 fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport). Fl-2020 biss, l-irkantijiet iġġeneraw dħul totali ta’ aktar minn EUR 19-il biljun, u EUR 13,9-il biljun fl-ewwel nofs tal-2021. Id-Direttiva dwar l-EU ETS tipprevedi li jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw tal-anqas 50 % tad-dħul tagħhom mill-irkantijiet, inkluż id-dħul kollu ġġenerat minn kwoti mqassma għall-finijiet tas-solidarjetà u tat-tkabbir, u d-dħul kollu minn kwoti maħruġin fir-rigward tal-avjazzjoni, għal finijiet relatati mal-klima u l-enerġija.
Skont l-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, huwa stmat li fl-2020, madwar 72 % tad-dħul mill-irkantar intuża għall-finijiet tal-klima u tal-enerġija, u matul il-fażi 3 dan kien madwar 75 % (EUR 56,5 biljun) tad-dħul totali. Għalkemm sehem żgħir minn dan l-ammont (madwar 3 % tad-dħul totali sa mill-2013) intnefaq fuq livell internazzjonali, il-parti l-kbira tad-dħul mill-irkantar fil-fażi 3 ntnefaq fuq għanijiet domestiċi tal-klima u l-enerġija (l-aktar fuq l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, u r-riċerka u l-iżvilupp). Fil-prattika, l-Istati Membri jonfqu aktar milli jdaħħlu mill-irkantar fuq finijiet relatati mal-klima u l-enerġija.
3.1.4. Deroga minn irkantar sħiħ għall-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana
Fil-fażi 3, l-Artikolu 10c tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet ippreveda deroga mir-regola ġenerali tal-irkantar tal-kwoti sabiex jappoġġa investimenti fil-modernizzazzjoni tas-settur tal-elettriku f’diversi Stati Membri bi dħul baxx. Il-kwoti bla ħlas skont l-Artikolu 10c tnaqqsu mill-kwantità li l-Istat Membru kieku kien jirkanta. Peress li l-allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas lil ġeneraturi tal-elettriku skont l-Artikolu 10c kienet tinvolvi l-għajnuna mill-Istat, l-iskemi nazzjonali stabbiliti għall-implimentazzjoni tad-deroga skont l-Artikolu 10c ġew approvati skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat u kienu soġġetti għar-rekwiżiti tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.
Il-valur totali tal-appoġġ tal-investiment irrappurtat skont l-Artikolu 10c mill-2009 sal-2020 huwa ta’ aktar minn EUR 13,1 biljun. Kif jidher fl-
Figure 3
, 83 % ta’ dan l-ammont kien iddedikat għat-titjib u l-modifika retroattiva tal-infrastruttura (l-aktar sabiex jiġu modernizzati l-impjanti tal-enerġija tal-faħam u tal-gass, u sabiex jittejbu n-networks tal-elettriku u tas-sħana). L-investimenti residwi kellhom jiddiversifikaw it-taħlita tal-enerġija u jiżviluppaw teknoloġiji nodfa.
Illustrazzjoni 3. L-appoġġ totali skont l-Artikolu 10c għal kull tip ta’ investiment, mill-2013 sal-2019
Sors: Id-DĠ Azzjoni Klimatika
Figure 4
turi n-numru ta’ kwoti tal-Artikolu 10c allokati għall-perjodu bejn l-2013 u l-2019 għal kull Stat Membru tal-UE (ma ġiet allokata l-ebda kwota għall-2020).
Illustrazzjoni 4. Il-kwoti allokati bla ħlas skont l-Artikolu 10c, mill-2013 sal-2019
Sors: Id-DĠ Azzjoni Klimatika
It-Tabella 6.1 tal-Appendiċi 6 għad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport tindika n-numru ta’ kwoti eliġibbli li allokaw bla ħlas l-Istati Membri lill-ġeneraturi tal-elettriku fil-fażi 3. It-Tabella 6.2 tal-Appendiċi 6 tindika n-numru massimu ta’ kwoti fis-sena li għandhom jiġu allokati skont l-Artikolu 10c.
Il-kwoti tal-Artikolu 10c li baqgħu mhux allokati mill-fażi 3 jistgħu jiġu rkantati jew, f’konformità mad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet, jiġu allokati fil-fażi 4 għal investimenti tal-Artikolu 10c magħżula permezz ta’ offerti kompetittivi jew ittrasferiti lill-Fond għall-Modernizzazzjoni.
Figure 5
turi sa liema punt ġew allokati, irkantati jew ittrasferiti għall-fażi 4 l-kwoti tal-Artikolu 10c minn kull sena tal-fażi 3.
Illustrazzjoni 5. Id-distribuzzjoni tal-kwoti residwi tal-Artikolu 10c (allokati, irkantati, ittrasferiti għall-fażi 4)
Sors: Id-DĠ Azzjoni Klimatika
B’mod ġenerali, madwar 74 % tal-kwoti disponibbli tal-Artikolu 10c ġew allokati bejn l-2013 u l-2019. Il-biċċa l-kbira tal-kwoti li kien fadal ġew irkantati, u ammont żgħir biss (madwar 0,5 %) ġie ttrasferit għall-fażi 4. In-numru ta’ kwoti mhux allokati rkantati (jew ippjanati għall-irkantar) mill-Istati Membri skont id-deroga tal-Artikolu 10c fil-fażi 3 huwa indikat fit-Tabella 6.3 tal-Appendiċi 6 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.
L-allokazzjoni tranżizzjonali bla ħlas skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet għadha disponibbli fil-fażi 4, iżda b’dispożizzjonijiet aktar b’saħħithom dwar it-trasparenza, u bl-għażla li l-Istati Membri eliġibbli jistgħu jużaw l-allokazzjoni tal-Artikolu 10c tagħhom kollha jew parti minnha biex jappoġġaw l-investimenti fil-qafas tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Ungerija għażlu li jkomplu jużaw l-Artikolu 10c fil-fażi 4, u jinsabu fil-proċess li jfasslu oqfsa nazzjonali sabiex jimplimentaw din id-dispożizzjoni. Jeħtieġ li dawn jiġu approvati mill-Kummissjoni skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Stati Membri eliġibbli oħrajn għażlu li jirkantaw il-kwoti tal-fażi 4 tagħhom jew li jittrasferixxuhom għall-Fond għall-Modernizzazzjoni. In-numru ta’ kwoti tal-fażi 4 li se jintużaw skont id-deroga tal-Artikolu 10c, li se jiġu ttrasferiti lill-Fond għall-Modernizzazzjoni jew li se jiġu rkantati huwa inkluż fit-Tabella 6.4 tal-Appendiċi 6 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.
3.1.5 Il-Programm NER 300
Fil-fażi 3, l-NER 300 kien programm ta’ finanzjament fuq skala kbira għal proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ proġetti innovattivi ta’ enerġija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. L-għan kien li jintwerew teknoloġiji innovattivi ta’ ġbir u ħżin tal-karbonju sikuri għall-ambjent u ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala kummerċjali fl-UE. L-NER 300 kien iffinanzjat mill-monetizzazzjoni ta’ 300 miljun kwota mir-Riżerva għal Entranti Ġodda (NER). Il-finanzjament ingħata lill-proġetti magħżula wara żewġ sensiliet ta’ sejħiet għall-proposti f’Diċembru tal-2012 u f’Lulju tal-2014.
B’kollox, 38 proġett tal-enerġija rinnovabbli u proġett wieħed ta’ ġbir u ħżin tal-karbonju f’20 Stat Membru ngħataw appoġġ mill-NER 300, li ammonta għal EUR 2,1 biljun. Sat-30 ta’ Ġunju 2021, tmien proġetti kienu saru operattivi: il-proġett tal-bijoenerġija Verbiostraw fil-Ġermanja, il-proġetti ta’ park eoliku fuq l-art Windpark Handalm fl-Awstrija, il-proġetti ta’ parks eoliċi lil hinn mill-kosta Veja Mate u Nordsee One fil-Ġermanja, il-proġett ta’ grilji intelliġenti Puglia Active Network fl-Italja, il-proġetti ta’ parks eoliċi lil hinn mill-kosta Vertimed fi Franza u Winfloat fil-Portugall, kif ukoll il-proġett Minos, tal-enerġija solari kkonċentrata, fil-Greċja. Żewġ proġetti, il-proġett Taljan tal-bijoenerġija BEST u l-proġett Żvediż ta’ park eoliku fuq l-art Windpark Blaiken, huma meqjusin li tlestew.
Erba’ proġetti oħra magħżula wara t-tieni sejħa għall-proposti qegħdin javvanzaw fit-tħejjija tagħhom. Madankollu, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, id-dati tat-tnedija tagħhom ġew emendati. Minħabba d-diffikultajiet għall-kofinanzjament skont ir-rekwiżiti tal-NER 300 flimkien ma’ kuntest ekonomiku u ta’ politika ta’ sfida, 23 proġett ma setgħux jiġbru biżżejjed finanzjament addizzjonali u ġew irtirati mill-programm, u b’hekk b’kollox ġew rilaxxati kważi EUR 1,5 biljun.
Fl-2017, id-Deċiżjoni dwar l-NER 300 emendata
awtorizzat l-investiment mill-ġdid tal-fondi rilaxxati mill-proġetti kkanċellati tal-ewwel sejħa għall-proposti (EUR 708,7 miljun) fil-proġetti appoġġati skont l-istrumenti finanzjarji eżistenti - il-Proġetti InnovFin Energy Demonstration u l-Istrument ta’ Dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li t-tnejn huma mmexxija mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Dawn il-proġetti u l-pipelines relattivi tagħhom qegħdin juru b’suċċess li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament imħallat implimentat qiegħed jaħdem b’mod effiċjenti. L-allokazzjoni sħiħa tal-fondi mhux żborżati tal-NER 300 hija mistennija sal-aħħar tal-2022.
Il-fondi li jifdal mhux minfuqa mit-tieni sessjoni ta’ sejħiet għall-proposti se jiġu mgħoddija lill-Fond għall-Innovazzjoni. Sa issa, ġew ittrasferiti EUR 746,6 miljun lill-Fond għall-Innovazzjoni.
L-Appendiċi 7 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport fih aktar informazzjoni dwar l-NER 300.
3.1.6. Il-Fond għall-Innovazzjoni
Il-Fond għall-Innovazzjoni fil-qafas tal-EU ETS jiġbor mill-anqas EUR 20 biljun għall-perjodu bejn l-2020 u l-2030, mill-irkantar ta’ 450 miljun kwota. B’hekk huwa wieħed mill-akbar programmi fid-dinja li għandu l-għan li jiffinanzja d-dimostrazzjoni kummerċjali ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u soluzzjonijiet industrijali għad-dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija tal-Ewropa, ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli innovattivi, ta’ ħżin tal-enerġija, u tal-użu u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju maqbud.
Il-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent, nediet l-ewwel sejħiet għall-proposti fil-qafas tal-Fond għall-Innovazzjoni fl-2020. Is-sejħiet ġibdu interess sinifikanti minn kumpaniji ta’ kull daqs li kienu qegħdin ifittxu finanzjament għall-proġetti innovattivi tagħhom ta’ teknoloġija nadifa, f’setturi diversi u fl-Istati Membri kollha, flimkien mal-Iżlanda u n-Norveġja. Skont is-sejħa għal proġetti kbar, is-70 proġett li kklassifikaw l-ogħla (minn 311-il applikazzjoni) ġew mistiedna jissottomettu proposta sħiħa għat-tieni stadju sat-23 ta’ Ġunju 2021. Waslu 66 proposta sħiħa, li talbu madwar EUR 6 biljun ta’ appoġġ, imqabbel mal-finanzjament totali disponibbli taħt din is-sejħa ta’ EUR 1 biljun. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni se jkunu disponibbli fir-raba’ trimestru tal-2021.
Is-sejħa għal proġetti żgħar għalqet fl-10 ta’ Marzu 2021 u b’kollox waslu 232 sottomissjoni. 32 proġett żgħir intgħażlu għall-finanzjament u ġew mistiedna għall-fażi tat-tħejjija tal-għotjiet f’Lulju tal-2021, għal volum totali ta’ EUR 118-il miljun. Il-proġetti li rnexxew jinsabu fi 12-il Stat Membru u fl-Iżlanda u n-Norveġja, u se jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kemm fis-setturi tal-enerġija kif ukoll f’dawk tal-industrija.
Intgħażlu 15-il proġett kbir biex jingħataw l-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Proġetti fil-qafas tal-Fond għall-Innovazzjoni għal ammont totali ta’ EUR 4 miljun.
3.1.7. Il-Fond għall-Modernizzazzjoni
Il-Fond għall-Modernizzazzjoni huwa l-istrument ewlieni ta’ finanzjament fil-qafas tal-EU ETS stabbilit bil-għan li jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni fl-Istati Membri ċentrali u tal-Lvant. Dan jiġbor madwar EUR 25 biljun, mill-irkantar ta’ aktar minn 643 miljun kwota fil-fażi 4.
Il-Fond għall-Modernizzazzjoni sar operattiv f’Jannar tal-2021. Fl-ewwel ċiklu biannwali ta’ żborżar, sitt skemi pluriennali ġew ikkonfermati fl-Ungerija, fil-Polonja u fiċ-Ċekja għal volum totali ta’ EUR 304 miljun. L-iskemi jinkludu investimenti fl-enerġija rinnovabbli, fl-effiċjenza enerġetika, fil-grilji intelliġenti, u fl-iżvilupp ta’ grilji tal-enerġija u ta’ komunitajiet tal-enerġija.
It-Tabella 7.3 tal-Appendiċi 7 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport turi n-numru totali ta’ kwoti għal kull Stat Membru benefiċjarju fil-fażi 4.
3.1.8. Il-kumpens għall-ispejjeż indiretti tal-karbonju
Minbarra l-allokazzjoni bla ħlas li tkopri l-emissjonijiet diretti, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat sabiex jikkumpensaw għal xi industriji li jużaw ħafna elettriċità għall-ispejjeż tal-karbonju li jirriżultaw minn emissjonijiet indiretti, jiġifieri minn żieda fil-prezzijiet tal-elettriku minħabba ġeneraturi tal-enerġija li jgħaddu l-kostijiet tax-xiri ta’ kwoti lill-konsumaturi. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata ta’ kumpens għall-ispiża indiretta tal-karbonju madwar l-Istati Membri u sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. L-ewwel edizzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida kienet tapplika għall-ispejjeż indiretti mġarrba mill-2013 sal-2020. Sussegwentement il-Linji Gwida ġew riveduti sabiex ikopru l-perjodu bejn l-2021 u l-2030.
Dan ir-rapport jagħti d-dettalji dwar in-nefqa tal-Istati Membri fl-2020 għall-ispejjeż indiretti mġarrba fl-2019, skont l-ewwel edizzjoni tal-Linji Gwida. Id-data dwar il-kumpens għall-ispejjeż indiretti mġarrba fl-2020 għadha ma hijiex disponibbli. L-Istati Membri li jagħżlu li jibdew jew ikomplu jikkumpensaw għall-ispejjeż indiretti mġarrba fl-2021 u wara, skont il-Linji Gwida riveduti, iridu jinnotifikaw l-iskemi tagħhom lill-Kummissjoni.
L-għadd ta’ Stati Membri li qegħdin jibdew jikkumpensaw għall-ispejjeż indiretti qiegħed dejjem jikber. Sal-lum, il-Kummissjoni approvat 16-il skema fi 15-il Stat Membru. Fl-2020, il-Polonja u r-Rumanija bdew jikkumpensaw l-ispejjeż indiretti għall-ewwel darba. Il-Kummissjoni approvat skema Ċeka ġdida f’Novembru tal-2020 u skema Taljana ġdida f’Lulju tal-2021. Kemm iċ-Ċekja kif ukoll l-Italja se jibdew jikkumpensaw l-ispejjeż indiretti fl-2021 (għall-ispejjeż imġarrba fl-2020).
Id-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tispeċifika li fi żmien tliet xhur wara t-tmiem ta’ kull sena, l-Istati Membri li jkollhom skema ta’ kumpens għall-ispejjeż indiretti fis-seħħ, jenħtieġ li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f’forma li tkun aċċessibbli faċilment, l-ammont totali pprovdut u t-tqassim għal kull settur u subsettur benefiċjarju.
Table 4
hawn taħt tiġbor fil-qosor id-data ppubblikata mill-Istati Membri dwar il-kumpens imli tħallas fl-2020 għall-ispejjeż indiretti mġarrba fl-2019. Dawn huma mqabbla mad-dħul mill-irkantar fl-2019.
Tabella 4. Il-kumpens għall-ispejjeż indiretti tal-karbonju mħallsa mill-Istati Membri tal-UE u mir-Renju Unit fl-2020
|
Stat Membru
|
Kumpens żborżat fl-2020 għall-ispejjeż indiretti mġarrba fl-2019 (f’miljuni ta’ euro)
|
Għadd ta’ benefiċjarji (installazzjonijiet)
|
Dħul mill-irkantar fl-2019 (minbarra kwoti tal-avjazzjoni, f’miljuni ta’ euro)
|
Perċentwal tad-dħul mill-irkantar li ntnefaq fuq il-kumpens tal-ispejjeż indiretti
|
|
DE
|
546
|
902
|
3 146,1
|
17,4 %
|
|
BE (FL)
|
89,4
|
108
|
353,5
|
30,9 %
|
|
BE (WL)
|
20
|
31
|
|
|
|
NL
|
110,1
|
93
|
435,6
|
25,3 %
|
|
EL
|
42,2
|
48
|
503,3
|
8,3 %
|
|
LT
|
0,66
|
1
|
83,7
|
0,7 %
|
|
SK
|
4
|
10
|
244,4
|
4,1 %
|
|
FR
|
266,4
|
302
|
711,6
|
37,4 %
|
|
FI
|
74,6
|
61
|
217,4
|
34,3 %
|
|
ES
|
61
|
204
|
1 225,2
|
5,0 %
|
|
LU
|
10,6
|
4
|
16,8
|
63,0 %
|
|
PL
|
76,6 (340,9 PLN)
|
25
|
2 545,9
|
3 %
|
|
RO
|
Ma japplikax
|
44
|
747,9
|
Ma japplikax
|
|
Ir-Renju Unit
|
57,25 (50,9 GBP)
|
61
|
Ma japplikax
|
Ma japplikax
|
Il-kumpens totali tal-ispejjeż indiretti mħallsa minn 13-il Stat Membru fl-2020 għall-ispejjeż imġarrba fl-2019 ammonta għal mill-anqas EUR 1,358 miljun li huwa aktar mid-doppju tal-ammont li tħallas fl-2019 (għall-ispejjeż imġarrba fl-2018). Din iż-żieda konsiderevoli kienet primarjament relatata maż-żieda fil-prezzijiet tal-karbonju. Il-maġġoranza tal-iskemi ma għandhomx baġit fiss iżda jagħtu l-kumpens abbażi tal-ispejjeż indiretti li jkunu ġġarbu effettivament. Barra minn hekk, il-formula għall-kalkolu tal-kumpens stabbilita fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat tispeċifika li l-Istati Membri jridu jużaw il-prezz forward medju tal-kwoti tas-sena t-1 meta jikkalkolaw il-kumpens żborżat. Dan ifisser li l-prezzijiet forward mill-2018 jintużaw sabiex jiġi kkalkolat il-kumpens għall-ispejjeż indiretti mġarrba fl-2019. Bejn l-2018 u l-2019, il-prezz tal-karbonju użat bħala bażi għall-kumpens żdied minn madwar EUR 6 għal madwar EUR 16-il.
Waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ trasparenza fid-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tispeċifika li l-Istati Membri li nefqu aktar minn 25 % tad-dħul mill-irkantar tagħhom fuq il-kumpens tal-ispejjeż indiretti fi kwalunkwe sena għandhom jippubblikaw rapport li jistabbilixxi r-raġunijiet għaliex dan l-ammont inqabeż. Fl-2020, mill-anqas ħames Stati Membri qabżu l-limitu ta’ 25 %, filwaqt li fl-2019 l-ebda Stat Membru ma qabżu. Barra minn hekk, is-sehem medju mill-kumpens totali meta mqabbel mad-dħul totali mill-irkantar żdied b’mod sinifikanti: tela’ għal 13,7 % fl-2020 meta mqabbel ma’ 7,9 % fl-2019.
Hekk kif il-prezzijiet tal-karbonju jiżdiedu, jiżdiedu wkoll id-dħul mill-irkantar u l-kumpens għall-ispejjeż indiretti; għalhekk, is-sehem relattiv jenħtieġ li jibqa’ simili. Madankollu, fl-2019, il-prezzijiet ogħla tal-karbonju ma ssarrfux fi dħul ogħla mill-irkantar, minħabba li kienet l-ewwel sena li l-MSR naqqset il-volum tal-kwoti rkantati. Fl-2019 ġew irkantati madwar 30 % kwoti inqas milli fl-2018. B’hekk, meta jitqabblu l-ispejjeż indiretti mġarrba fl-2019 u fl-2018 (kumpens imħallas fl-2020 u fl-2019 rispettivament), huwa importanti li jitqies il-fatt li jintużaw il-prezzijiet futuri tal-karbonju sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti ta’ kumpens. Peress li l-prezz medju t-1 żdied aktar mid-dħul mill-irkantar, is-sehem relattiv tal-kumpens meta mqabbel mad-dħul mill-irkantar żdied ukoll.
It-tnaqqis fid-dħul mill-irkantar huwa r-raġuni ewlenija kkwotata mill-Istati Membri biex jispjegaw is-sehem ogħla tad-dħul mill-irkantar li ntnefaq fuq kumpens għall-ispejjeż indiretti tal-karbonju fl-2020. It-tqabbil tad-dħul mill-irkantar tal-10 Stati Membri li taw kumpens kemm fl-2019 kif ukoll fl-2020 (għall-ispejjeż imġarrba fl-2018 u fl-2019 rispettivament) juri li d-dħul naqas b’madwar 4,2 % minħabba li l-MSR naqqset il-volumi tal-irkantar. Raġuni oħra hija li xi Stati Membri għandhom sehem relattivament għoli ta’ industriji intensivi fl-użu tal-elettriku, u b’hekk għandhom ammont relattivament għoli ta’ kumpens għall-ispejjeż indiretti. Peress li dawn l-industriji ma humiex emittenti diretti tas-CO2, ma għandhomx rwol fil-qsim tad-dħul mill-irkantijiet bejn l-Istati Membri, li huwa bbażat fuq emissjonijiet storiċi. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri b’emissjonijiet storikament baxxi minħabba taħlita ta’ enerġija b’livell relattivament baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għandhom it-tendenza li juru ishma relattivament għoljin ta’ dħul mill-irkantar li jintuża għall-kumpens tal-ispejjeż indiretti.
Għalhekk jista’ jiġi konkluż li l-ammonti ogħla ta’ kumpens fl-2020 huma marbuta maż-żieda fil-prezzijiet tal-karbonju. Il-fatt li l-ishma ta’ kumpens żdiedu jista’ jiġi spjegat bl-użu tal-prezz forward tal-karbonju sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens, u bit-tnaqqis fid-dħul mill-irkantar minħabba li l-MSR naqqset il-volumi tal-irkantar.
3.1.9. Il-krediti internazzjonali
Fil-fażi 3, il-parteċipanti fl-EU ETS kellhom il-fakultà li jużaw il-krediti internazzjonali mill-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif u l-Implimentazzjoni Konġunta tal-Protokoll ta’ Kjoto sabiex jissodisfaw il-parti tal-obbligu tagħhom tal-EU ETS. Dawn il-krediti huma strumenti finanzjarji li jenħtieġ li jirrappreżentaw tunnellata ta’ CO2 imneħħija jew imnaqqsa mill-atmosfera bħala riżultat ta’ proġett għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-parteċipanti jistgħu jużaw il-krediti internazzjonali sa tmiem iċ-ċiklu ta’ konformità tal-2020, soġġett għal standards kwalitattivi u kwantitattivi. Il-krediti ma ċċedewx direttament, iżda ġew skambjati għall-kwoti tal-EU ETS.
Fil-bidu tal-fażi 3, l-analisti tas-suq stmaw li l-kwantità ta’ intitolamenti ta’ kreditu internazzjonali użati matul il-fażijiet 2 u 3 (mill-2008 sal-2020) tammonta għal madwar 1,6 biljun kreditu. Sal-1 ta’ Mejju 2021, in-numru totali ta’ krediti internazzjonali użati jew skambjati kien jammonta għal madwar 1,57 biljun, kważi 98 % tal-massimu stmat. In-numru totali ta’ krediti internazzjonali skambjati matul il-fażi 3 ammonta biss għal madwar 506 miljun.
Għal ħarsa ġenerali sħiħa lejn iċ-ċediment u l-iskambju tal-krediti internazzjonali, ara t-Tabelli 8.1, 8.2 u 8.3 tal-Appendiċi 8 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.
F’konformità mad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet, il-krediti internazzjonali ma jistgħux jibqgħu jintużaw għall-konformità mal-EU ETS malli jibda ċ-ċiklu ta’ konformità tal-2021. Dan jiżgura li l-emissjonijiet jitnaqqsu domestikament, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-integrità ambjentali tas-sistema u li titrażżan il-provvista żejda u tiġi ppreservata l-kosteffiċjenza tagħha.
3.2. Domanda: kwoti maħruġin miċ-ċirkolazzjoni
3.2.1. It-tnaqqis tal-emissjonijiet
Mill-bidu tal-fażi 3 fl-2013, l-emissjonijiet minn installazzjonijiet stazzjonarji koperti mill-EU ETS (impjanti tal-enerġija u installazzjonijiet tal-manifattura) naqsu bi kważi 29 % u dan ikkontribwixxa għat-tnaqqis ġenerali ta’ madwar 43 % minn meta ġiet stabbilita s-sistema fl-2005.
Fl-2020, l-emissjonijiet verifikati minn installazzjonijiet stazzjonarji ammontaw għal 1,355 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2eq, tnaqqis ta’ 11,4 % meta mqabbel mal-2019, abbażi tal-informazzjoni rreġistrata fir-Reġistru tal-UE. Kif jidher fit-
Table 5
, it-tnaqqis fl-emissjonijiet kien xprunat l-aktar mill-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana, fejn l-emissjonijiet naqsu b’aktar minn 15 % meta mqabbla mal-2019, u dan jirrifletti kemm it-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll ix-xejriet ta’ dekarbonizzazzjoni osservati qabel. Dawn jinkludu kemm bidla mill-faħam għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass naturali, kif ukoll sostituzzjoni tal-fjuwils fossili minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. L-emissjonijiet mill-installazzjonijiet industrijali naqsu b’7 %, u dan kien l-akbar tnaqqis mill-bidu tal-fażi 3, u l-PDG fl-EU27 naqas b’6 % minħabba l-pandemija.
Tabella 5. L-emissjonijiet verifikati minn installazzjonijiet stazzjonarji (f’miljuni ta’ tunnellati ta’ CO2eq)
|
Sena
|
2011
|
2012
|
2013
|
2014
|
2015
|
2016
|
2017
|
2018
|
2019
|
2020
|
|
Emissjonijiet totali vverifikati
|
1 904
|
1 867
|
1 908
|
1 814
|
1 803
|
1 751
|
1 755
|
1 683
|
1 530
|
1 355
|
|
Bidla mis-sena
x-1
|
|
-2,0 %
|
2,2 %
|
-4,9 %
|
-0,6 %
|
-2,9 %
|
0,2 %
|
-4,1 %
|
-9,1 %
|
-11,4 %
|
|
Emissjonijiet mill-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana vverifikati
|
1 261
|
1 254
|
1 191
|
1 100
|
1 091
|
1 046
|
1 036
|
964
|
822
|
696
|
|
Bidla mis-sena
x-1
|
|
-0,5 %
|
-5,0 %
|
-7,7 %
|
-0,8 %
|
-4,1 %
|
-1,0 %
|
-7,0 %
|
-14,7 %
|
-15,3 %
|
|
Emissjonijiet verifikati mill-installazzjonijiet industrijali
|
643
|
613
|
717
|
714
|
712
|
704
|
719
|
719
|
708
|
659
|
|
Bidla mis-sena
x-1
|
|
-4,7 %
|
17,0 %
|
-0,4 %
|
-0,3 %
|
-1,1 %
|
2,0 %
|
0,1 %
|
-1,6 %
|
-7,0 %
|
|
Ir-rata ta’ tkabbir tal-PDG reali EU27 + ir-Renju Unit
|
1,8 %
|
-0,4 %
|
0,3 %
|
1,8 %
|
2,3 %
|
2,0 %
|
2,6 %
|
2,0 %
|
1,6 %
|
-6 %
|
Sors: L-EUTL, data tal-PDG kif irrapportata fuq Eurostat (kodiċi tat-tabella: tec00115, aċċessata f’Lulju tal-2021). L-emissjonijiet verifikati tal-avjazzjoni huma rrapportati b’mod separat fil-Kapitolu 4.
It-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-2020, li jirriflettu wkoll l-effett tal-pandemija tal-COVID-19, naqqsu d-domanda għall-kwoti, u dan kellu impatt fuq l-eċċess ġenerali tal-kwoti fis-suq tal-karbonju tal-UE, li wassal għal żieda żgħira meta mqabbel mal-2019 (ara l-Kapitolu 3.2.2).
Kif jidher fl-
Figure 6
, matul il-fażi 3, l-aktar flussi importanti tas-sorsi tal-enerġija kienu l-faħam, il-linjite (u l-faħam subbituminuż) u l-gass naturali. Dawn it-tliet gruppi flimkien jirrappreżentaw madwar 75 % tal-emissjonijiet tal-fjuwils fossili f’kull sena, iżda s-sehem tal-faħam qiegħed jonqos b’mod ċar, filwaqt li s-sehem tal-gass naturali qiegħed jiżdied. Dan kien aktar evidenti fl-2019 u fl-2020 - l-emissjonijiet mill-faħam kienu jirrappreżentaw sehem ta’ 16 % biss tal-emissjonijiet totali f’dawn is-sentejn (tnaqqis meta mqabbel ma’ 29 % fl-2013), l-emissjonijiet tal-2020 mill-gass naturali kienu jammontaw għal 35 % (żieda meta mqabbla ma’ 24 % fl-2013), filwaqt li l-emissjonijiet mil-linjite naqsu ftit mill-ogħla livell tagħhom ta’ 27 % fl-2014 għal 23 % fl-2020. Simili għas-snin preċedenti, fl-aħħar sena tal-fażi 3, sorsi sinifikanti oħra tal-enerġija kienu jinkludu prinċipalment il-gass tar-raffineriji (u gassijiet oħra dderivati mill-proċess) u tipi oħra ta’ fjuwils fossili, li jammontaw għal 8,4 % u 6,8 % tal-emissjonijiet totali rrapportati mill-kombustjoni rispettivament.
Illustrazzjoni 6. Is-sehem tal-emissjonijiet skont it-tip ta’ fjuwil (% tal-emissjonijiet totali mill-fjuwil fl-EU ETS, it-tikketti ma jidhrux jekk il-fjuwil qatt ma jaqbeż it-3 % tat-total), [*] mhux koperti mill-fjuwils speċifikati l-oħra
Abbażi tar-rapporti tal-Artikolu 21 tal-2021 sottomessi mill-Istati Membri, l-emissjonijiet bi klassifikazzjoni żero mill-bijomassa naqsu minn 150 Mt fl-2019 għal 142 Mt fl-2020, livell simili bħal fl-2018.
2 163 minn 9 623 installazzjoni (22,5 % tal-installazzjonijiet kollha li’ rapportaw fl-iskema tal-EU ETS) irrapportaw l-użu tal-bijomassa. L-emissjonijiet totali tal-bijomassa fl-2020 huma madwar għaxar darbiet anqas mill-emissjonijiet tal-fjuwils fossili mis-setturi koperti mill-EU ETS. L-emissjonijiet minn bijomassa mhux bi klassifikazzjoni żero għadhom minimi, b’madwar 0,9 Mt CO2eq u jammontaw għal anqas minn 0,1 % tal-emissjonijiet totali tal-EU ETS.
Mill-1 ta’ Jannar 2022, il-kriterji l-ġodda dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ sostenibbiltà skont id-Direttiva 2018/2001 (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli)
se japplikaw fl-EU ETS għall-emissjonijiet tal-bijomassa bi klassifikazzjoni żero. Dan se jsaħħaħ il-kriterji attwali dwar il-bijofjuwils u l-bijolikwidi fl-EU ETS, u se jżid kriterji ġodda għall-bijomassa solida u gassuża.
Figure 7
tagħmel distinzjoni bejn l-installazzjonijiet tal-kategoriji A, B u C u turi l-emissjonijiet li joriġinaw mill-bijomassa rrapportati fil-fażi 3. Hija jteskludi l-fażi tal-assorbiment u l-valur nett tal-emissjonijiet.
Illustrazzjoni 7. L-emissjonijiet li joriġinaw minn bijomassa bi klassifikazzjoni żero fil-fażi 3 tal-EU ETS (mill-2013 sal-2020)
(f’miljuni ta’ tunnellati ta’ CO2eq)
Diżaggregazzjoni tal-emissjonijiet tal-fażi 3 vverifikati li mhumiex ta’ CO2 minn installazzjonijiet stazzjonarji skont it-tip ta’ GHG (N2O u PFCs) hija pprovduta fit-Tabella 9.1 tal-Appendiċi 9 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.
Fl-2020, 92 812-il kwota ġew ikkanċellati fuq bażi volontarja. B’kollox, fil-fażi 3, ġew irreġistrati kanċellazzjonijiet volontarji ta’ 498 435 kwota sal-aħħar ta’ Ġunju tal-2021. Il-biċċa l-kbira tal-kanċellazzjonijiet fil-fażi 3 ġew awtorizzati mid-detenturi tal-kontijiet fir-Reġistri tal-Ġermanja, tal-Iżvezja, tan-Norveġja, tan-Netherlands u tar-Renju Unit.
3.2.2. L-ibbilanċjar tal-provvista u tad-domanda
Fil-bidu tal-fażi 3, l-EU ETS kellha żbilanċ strutturali għoli bejn il-provvista u d-domanda tal-kwoti, li jirriżulta f’madwar 2,1 biljun kwota. Sabiex tindirizza dan l-iżbilanċ, bħala miżura għal żmien qasir, fl-2014 il-Kummissjoni pposponiet l-irkantar ta’ 900 miljun kwota mill-2014, l-2015, u mill-2016 sal-2019 u l-2020, u bħala soluzzjoni fit-tul ħolqot l-MSR fl-2015
. L-MSR taġġusta l-volumi tal-irkantar skont il-limiti ddefiniti minn qabel tan-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni (TNAC) sabiex iżżomm is-suq tal-karbonju f’bilanċ.
Mill-2018 sal-2019, meta l-MSR bdiet topera, l-eċċess tal-kwoti naqas b’mod sinifikanti minn 1,65 biljun għal madwar 1,385 biljun kwota. Fl-2020, minħabba domanda aktar baxxa, l-eċċess żdied għal 1,579 biljun kwota. L-eċċess addizzjonali tal-2020 huwa mistenni li jiġi assorbit matul is-sentejn sa erba’ snin li ġejjin.
Figure 8
tippreżenta l-iżvilupp tal-eċċess ta’ kwoti fis-suq Ewropew tal-karbonju sa tmiem l-2020.
Illustrazzjoni 8. L-eċċess ta’ kwoti fil-fażi 3 tal-EU ETS (mill-2013 sal-2020)
Sors: Id-DĠ Azzjoni Klimatika
Meta l-EU ETS ġiet riveduta fl-2018
, saru bidliet kbar fil-funzjonament tal-MSR, kif jidher fl-Illustrazzjoni 10.1 tal-Appendiċi 10 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.
Dan ir-rapport jikkonsolida ċ-ċifri tal-provvista u d-domanda li huma ppubblikati skont l-ordni kronoloġika tal-obbligi ta’ rapportar li jirriżultaw mid-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha.
Figure 9
turi l-kompożizzjoni tal-provvista u tad-domanda kumulattivi fl-2020. Id-data rilevanti ġiet ippubblikata wkoll fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-TNAC għall-finijiet tal-MSR.
Illustrazzjoni 9. Il-provvista u d-domanda kumulattivi fl-EU ETS fi tmiem l-2020
Provvista (kumulattiva, biljuni)
Domanda (kumulattiva, biljuni)
Sors: Id-DĠ Azzjoni Klimatika (*Iċ-ċifra finali tal-kwoti mhux allokati għall-installazzjonijiet skont l-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-kwoti mhux allokati għall-installazzjonijiet minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 10a(19) u (20) ta’ dik id-Direttiva kienet għadha mhix disponibbli meta kien qiegħed jiġi ffinalizzat dan ir-rapport.)
Bi tħejjija li l-MSR issir operattiva fl-2019, il-Kummissjoni ppubblikat regolarment it-TNAC għas-sena preċedenti, li bdiet f’nofs Mejju tal-2017
. F’Mejju tal-2021, it-TNAC li jikkorrispondi għal 1 578 772 426 kwota, ġie ppubblikat għall-ħames darba
. Għal darba oħra, il-komunikazzjoni twassal għat-tqegħid ta’ kwoti fl-MSR, u se tnaqqas il-volum tal-irkantar fl-2021 u fl-2022.
Fuq il-bażi tal-funzjonament tal-EU ETS fl-2020 u l-2021, it-TNAC u l-leġiżlazzjoni riveduta, il-volumi tal-irkantar fl-2021 tnaqqsu bi kważi 40 %, jiġifieri bi kważi 320 miljun kwota. Il-volumi tal-irkantar fl-2022 se jitnaqqsu wkoll b’mod simili. It-Tabella 10.1 tal-Appendiċi 10 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport tipprovdi l-informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet lill-MSR skont l-Istat Membru minn meta saret operattiva fl-2019 sal-aħħar tal-2021.
Fl-2021, il-Kummissjoni wettqet l-ewwel rieżami tal-MSR
, bħala parti mill-inizjattiva ġenerali sabiex issaħħaħ l-EU ETS. Dan wera li l-MSR kienet qiegħda tissodisfa l-għan tagħha li tnaqqas l-eċċess ta’ kwoti u tistabbilizza s-suq tal-karbonju tal-UE, anke matul il-pandemija tal-COVID-19.
L-MSR bdiet tindirizza l-iżbilanċi storiċi fl-2019, u dan wassal għad-dħul ta’ kważi biljun kwota. Dan jinkludi aġġustament ta’ 264 miljun kwota rtirati mill-volumi tal-irkantar fl-2019, 397 miljun kwota rtirati mill-volumi tal-irkantar matul l-2019 u l-2020, u aktar minn 300 miljun kwota li se jiġu rtirati mill-volumi tal-irkantar matul l-2020 u l-2021, li jirrappreżentaw 24 % tal-eċċess tas-sena preċedenti f’kull każ. It-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-2020 minħabba l-kriżi tal-COVID-19 se jirriżulta fi dħul ta’ 379 miljun kwota aktar fl-MSR fil-perjodu bejn l-2021 u l-2022. .
Id-dħul fl-MSR huwa mistenni li jkompli jnaqqas il-provvista tal-irkantar fis-snin li ġejjin: l-eċċess se jibqa’ ogħla mil-limitu massimu u l-perjodu ta’ wara l-pandemija tal-COVID-19 se jaffettwa d-domanda. Għalhekk, l-MSR se tkompli tindirizza l-iżbilanċ storiku li żviluppa fis-suq tal-karbonju tal-UE matul il-fażijiet 2 u 3 filwaqt li fl-istess ħin twieġeb għall-impatt tax-xokk tad-domanda kkawżat mill-pandemija.
4. L-AVJAZZJONI
Is-settur tal-avjazzjoni ilu jagħmel parti mill-EU ETS sa mill-2012. Il-leġiżlazzjoni oriġinali kienet tkopri t-titjiriet kollha lejn iż-ŻEE u ’l barra minnha. Madankollu, l-UE llimitat temporanjament l-obbligi tal-ETS għat-titjiriet fiż-ŻEE għal-linji tal-ajru ta’ kull nazzjonalità, sabiex tappoġġa l-iżvilupp ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni.
F’Ottubru tal-2016, l-Assemblea tal-ICAO qablet dwar riżoluzzjoni dwar CORSIA, li għandha tibda fl-2021. CORSIA hija skema ta’ kumpens għall-karbonju bil-għan li tistabbilizza l-emissjonijiet netti mill-avjazzjoni internazzjonali f’livelli fissi permezz tax-xiri u l-kanċellazzjoni ta’ krediti internazzjonali. Fid-dawl ta’ dan il-ftehim, id-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet ġiet emendata fl-2017 sabiex testendi l-ambitu tal-EU ETS fiż-ŻEE għall-avjazzjoni sal-2023.
B’riżultat tal-Ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera li jikkollegaw is-swieq tal-karbonju rispettivi tagħhom (ara l-Kapitolu 7), mill-1 ta’ Jannar 2020, l-ambitu tal-avjazzjoni tal-EU ETS ġie estiż għat-titjiriet kollha li jitilqu miż-ŻEE lejn l-Iżvizzera. Min-naħa tagħha, l-Iżvizzera tapplika l-ETS tagħha għat-titjiriet kollha li jitilqu lejn l-ajruporti taż-ŻEE. Dan jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet tar-rotot.
Abbażi tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, li ntlaħaq f’Diċembru tal-2020 u beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021, l-EU ETS għadha tapplika wkoll għal titjiriet miż-ŻEE lejn ir-Renju Unit, filwaqt li l-ETS il-ġdida tar-Renju Unit tapplika għal titjiriet lejn iż-ŻEE li jitilqu mir-Renju Unit.
Fl-2020, inħarġu kwoti f’konformità mal-ambitu intra-ŻEE tal-EU ETS għall-avjazzjoni, estiża għall-Iżvizzera. L-allokazzjoni bla ħlas ammontat għal kemxejn aktar minn 32,5 miljun kwota. Dan jinkludi l-allokazzjoni bla ħlas (ftit aktar minn 31,7 miljun kwota) u kważi 0,8 miljun kwota bla ħlas allokati mir-riżerva speċjali għall-entranti l-ġodda u għall-operaturi li qegħdin jikbru b’rata mgħaġġla. Barra minn hekk, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru amministrati minn amministraturi nazzjonali fiż-ŻEE rċevew madwar 0,5 miljun kwota tal-avjazzjoni Żvizzera mingħajr ħlas taħt l-ETS Żvizzera.
Il-volum ta’ kwoti tal-avjazzjoni rkantati fl-2020 kien ta’ madwar 9,2 miljun kwota.
Fil-fażi 3 tal-EU ETS (mill-2013 sal-2020), l-emissjonijiet mill-avjazzjoni żdiedu sena wara sena sal-2020, meta din ix-xejra nqalbet mill-pandemija tal-COVID-19. Bejn l-2013 u l-2019, l-emissjonijiet minn titjiriet koperti mill-EU ETS żdiedu b’27,5 %. Fl-2020, l-emissjonijiet verifikati tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru amministrati mill-istati taż-ŻEE naqsu drastikament bi 63 % meta mqabbla mal-2019 minħabba l-pandemija u r-restrizzjonijiet relatati fuq l-ivvjaġġar, u laħqu 24,9 miljun tunnellata ta’ CO2 skont l-EU ETS u 0,3 miljun tunnellata skont l-ETS Żvizzera (25,2 miljun tunnellata ta’ CO2 f’
Table 6
hawn taħt). Dan kien ifisser li l-2019 kienet is-sena bl-ogħla emissjonijiet tal-avjazzjoni sal-lum.
Table 6
turi sommarju tal-emissjonijiet verifikati, tal-allokazzjoni bla ħlas, u tal-volumi tal-irkantar għas-settur tal-avjazzjoni sa mill-bidu tal-fażi 3.
Tabella 6. Is-settur tal-avjazzjoni: l-emissjonijiet verifikati, l-allokazzjonijiet bla ħlas u l-volumi tal-irkantar, mill-2013 sal-2021
(f’miljuni)
|
Sena
|
2012
|
2013
|
2014
|
2015
|
2016
|
2017
|
2018
|
2019
|
2020
|
2021
|
|
Emissjonijiet verifikati (f’miljuni ta’ tunnellati ta’ CO2eq)
|
84
|
53,5
|
54,8
|
57,1
|
61,5
|
64,4
|
67,5
|
68,2
|
25,2
|
|
|
Bidla fl-emissjonijiet verifikati sas-sena x-1
|
|
-
|
2,5 %
|
4,1 %
|
7,7 %
|
4,8 %
|
4,8 %
|
1 %
|
-63 %
|
|
|
Allokazzjoni bla ħlas (EU27 + ir-Renju Unit + l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja
+ l-Iżvizzera għall-2020 u l-2021)
|
173,8
|
32,4
|
32,4
|
32,1
|
32,0
|
33,1
|
31,3
|
31,3
|
32,5
|
17,3
|
|
L-allokazzjoni bla ħlas minn riżerva speċjali għal entranti ġodda u għall-operaturi li qegħdin jikbru malajr
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
1,1
|
1,1
|
1,0
|
0,8
|
0,3
|
|
Volumi ta’ kwoti rkantati
|
2,5
|
0
|
9,3
|
16,4
|
6,0
|
4,7
|
5,6
|
5,5
|
9,2
|
1,3
|
Sorsi: L-EUTL, id-DĠ Azzjoni Klimatika
Il-volumi ta’ kwoti tal-avjazzjoni rkantati matul il-perjodu bejn l-2013 u l-2015 jirriflettu d-deċiżjoni tal-2014 tal-koleġiżlaturi li “jitwaqqaf l-arloġġ”
u li l-obbligi tal-klima jiġu limitati biss għal titjiriet fi ħdan iż-ŻEE. Għas-settur tal-avjazzjoni l-konformità ġiet posposta għall-2013
. Għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni mill-2013 u l-2014, il-konformità seħħet bejn Jannar u April tal-2015.
L-inklużjoni tas-settur tal-avjazzjoni fl-EU ETS kellha impatt sinifikanti fuq il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema kollha kemm hi fil-fażi 3. Sal-2020, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru kienu ċedew 308 miljun kwota tal-avjazzjoni u 139 miljun kwota ġenerali. Din l-aħħar ċifra turi li s-settur tal-avjazzjoni kellu jixtri volumi kbar ta’ kwoti mingħand l-installazzjonijiet stazzjonarji, u b’hekk ikkontribwixxa għall-istrinġenza u l-ambizzjoni ġenerali tal-EU ETS.
L-impatt sinifikanti tal-COVID-19 fuq l-avjazzjoni internazzjonali kellu wkoll riperkussjonijiet fuq il-CORSIA. L-emissjonijiet globali mill-avjazzjoni fl-2020 naqsu għal anqas minn 54 % tal-livelli tal-2019. Fid-dawl ta’ dan l-impatt, l-industrija tal-avjazzjoni, appoġġata minn bosta pajjiżi parteċipanti tal-ICAO, talbet b’suċċess l-aġġustament tal-linja bażi tal-CORSIA mill-medja oriġinali tal-emissjonijiet tal-2019 u l-2020 għall-emissjonijiet tal-2019 għall-fażi pilota (is-snin 2021 sal-2023). Peress li l-industrija tal-avjazzjoni ma hijiex mistennija li tirkupra qabel l-2023 (ritorn għal-livelli tat-traffiku tal-2019), x’aktarx li mhu se jkun hemm l-ebda obbligu ta’ kumpens jew se jkun hemm ftit obbligi ta’ kumpens għal-linji tal-ajru matul il-fażi pilota tal-CORSIA.
Id-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ambizzjoni ġenerali u l-integrità ambjentali globali ta’ CORSIA. L-Artikolu 3d tad-Direttiva jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni “twettaq studju dwar il-ħila tas-settur tal-avjazzjoni li jgħaddi l-ispiża tas-CO2 lill-klijenti tiegħu bl-intenzjoni li tagħmel proposta sabiex jiżdied il-persentaġġ ta’ bejgħ bl-irkant”.
Bħala parti mill-pakkett ġenerali għat-Twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ippubblikat fl-14 ta’ Lulju 2021, u abbażi tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet kif emendata fl-2017
, il-Kummissjoni pproponiet li temenda l-EU ETS għall-avjazzjoni
. Fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja lil din il-proposta hemm rapport dwar il-valutazzjoni tal-CORSIA u l-istudju dwar il-kost trasferit. Hija tfittex li timplimenta l-CORSIA fid-dritt tal-UE b’mod li huwa konsistenti mal-objettiv dwar il-klima tal-UE għall-2030.
5. IS-SORVELJANZA TAS-SUQ
Matul il-fażi 3 tal-EU ETS (mill-2013 sal-2020), ġie stabbilit qafas legali robust għas-sorveljanza tas-suq tal-karbonju tal-UE. Id-derivattivi fil-kwoti tal-emissjonijiet kienu kklassifikati bħala strumenti finanzjarji mill-bidu nett tal-EU ETS. Madankollu, minn Jannar tal-2018, il-kwoti ta’ emissjonijiet innegozjati fil-pront huma kklassifikati wkoll bħala strumenti finanzjarji skont id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID). Il-klassifikazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet ġiet riflessa f’għadd ta’ atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, inkluż ir-Regolament dwar l-Irkantar, għas-sorveljanza tas-suq primarju (irkantijiet). Għalhekk, in-negozjar kollu tal-kwoti tal-emissjonijiet huwa effettivament soġġett għall-istess reġim li japplika għas-swieq finanzjarji tal-UE.
Ir-regoli ewlenin tas-suq finanzjarju li japplikaw għan-negozjar ta’ kwoti tal-emissjonijiet huma:
·Id-Direttiva u r-Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II/MIFIR), li jistabbilixxu rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni għaċ-ċentri tan-negozjar u għall-intermedjarji finanzjarji (ditti tal-investiment), rekwiżiti importanti ta’ rapportar u trasparenza sabiex jiġi evitat l-abbuż tas-suq u regoli dwar is-superviżjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
·Ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq, li huwa s-sett ta’ regoli tal-UE li jipprojbixxi tipi differenti ta’ abbuż tas-suq, bħal abbuż minn informazzjoni privileġġata jew manipulazzjoni tas-suq permezz ta’ prattiki bħat-tixrid ta’ informazzjoni jew għajdut foloz. Ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq japplika għall-parteċipanti kollha fis-suq, irrispettivament minn jekk l-abbuż iseħħx fl-UE jew barra mill-UE.
·Id-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus, li tistabbilixxi salvagwardji importanti kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Is-suq huwa ssorveljat mill-awtoritajiet finanzjarji ta’ 27 Stat Membru, taħt il-koordinazzjoni tar-regolatur Ewropew, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). F’konformità mar-regoli tas-suq finanzjarju, iċ-ċentri tan-negozjar u d-ditti tal-investiment huma soġġetti għal rekwiżiti robusti ta’ rapportar u trasparenza. Dan jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jimmonitorjaw l-imġiba kummerċjali tal-parteċipanti fis-suq. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq jobbliga lill-parteċipanti fis-suq jirrapportaw ordnijiet u tranżazzjonijiet suspettużi mingħajr dewmien. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom is-setgħa li jimponu azzjoni ta’ rimedju jew penali meta jiddeċiedu li ċertu aġir jagħti lok għall-abbuż tas-suq.
Ir-regoli tas-suq finanzjarju huma salvagwardja importanti tal-integrità u t-trasparenza tas-suq tal-karbonju tal-UE. Sa issa, il-qafas stabbilit ħadem tajjeb u huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li r-regoli jiġu implimentati kif suppost.
Kull sena, l-ESMA tippubblika stima tad-daqs ta’ swieq Ewropej diversi, inkluż is-suq tal-karbonju. Fl-aktar stima riċenti għall-2020, l-ESMA kkalkolat l-attività kummerċjali totali fil-kwoti tal-emissjonijiet kienet ta’ madwar EUR 687 biljun. Minn dan it-total, id-derivattivi tal-kwoti tal-emissjonijiet jirrappreżentaw bil-bosta l-akbar sehem mis-suq. Il-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet isiru f’ċentri tan-negozjar (madwar 95 %), u sehem żgħir biss jitwettaq barra l-borża (OTC).
Id-derivattivi għandhom rwol kruċjali peress li jipprovdu lill-operaturi tal-ETS b’modi flessibbli kif jimmaniġġjaw ir-riskju tagħhom tal-prezz tal-karbonju. Dawn il-kuntratti huma offruti minn skambji u intermedjarji finanzjarji, li huma bla ħlas għall-kwoti tal-emissjonijiet “ta’ pakkett” fi prodotti finanzjarji diversi, soġġett għall-preferenzi tas-suq u għall-qafas legali stabbilit.
Kif ġara fis-swieq kollha, is-suq tal-karbonju tal-UE wkoll ħass l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020. Minħabba l-kriżi, il-prezz tal-kwoti tal-emissjonijiet naqas għal EUR 14,71 mil-livell medju fl-2019 ta’ EUR 24,84. Madankollu, il-prezzijiet tal-karbonju reġgħu żdiedu malajr. L-analisti tas-suq indikaw li r-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq (MSR) tejbet b’mod sinifikanti r-reżiljenza tas-suq għal xokkijiet kbar fid-domanda, bħax-xokk ikkawżat mill-pandemija globali.
Hemm ħafna fatturi li jistgħu jinfluwenzaw il-prezz tal-kwoti tal-emissjonijiet
. B’mod partikolari, l-analisti ewlenin tas-suq jindikaw l-MSR, li qiegħda tassorbi l-eċċess tas-suq, u l-aspettattivi ta’ politika fit-tul tal-atturi tas-suq. Is-suq tal-karbonju qiegħed iħares ’il quddiem u jantiċipa bidliet leġiżlattivi futuri. Iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika għall-2030, minquxa fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, teħtieġ limitu aktar baxx tal-emissjonijiet tal-EU ETS, li jnaqqas il-provvista tal-kwoti. Skont l-analisti, il-parteċipanti fis-suq diġà qegħdin iqisu din il-bidla mistennija.
L-entitajiet ta’ konformità mal-ETS għadhom il-kategorija dominanti kemm fis-suq primarju kif ukoll f’dak sekondarju. L-għadd ta’ offerenti eliġibbli għall-irkantijiet fil-pjattaforma komuni tal-irkantar żdied kemxejn u laħaq id-90 parteċipant sa Diċembru tal-2020. Il-maġġoranza l-kbira tal-parteċipanti kienu operaturi (72 %), filwaqt li l-bqija kienu kumpaniji ta’ investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu (18 %), kif ukoll persuni eżentati mir-rekwiżiti tal-MiFID (10 %).
Fis-suq sekondarju, ir-regoli tal-MiFID jirrikjedu li ċ-ċentri tan-negozjar u d-ditti tal-investiment jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti l-pożizzjonijiet miżmuma fil-kwoti tal-emissjonijiet. It-tqassim aggregat tal-pożizzjonijiet fil-kwoti tal-emissjonijiet miżmuma minn parteċipanti diversi fis-suq, inklużi d-ditti tal-investiment, huwa wkoll disponibbli għall-pubbliku u jiġi ppubblikat kull ġimgħa fuq il-paġni web tal-ESMA. Dawn ir-rapporti jagħtu indikazzjoni tajba tad-distribuzzjoni tal-volumi bejn il-parteċipanti fis-suq u juru li l-fondi ta’ investiment, li jistgħu jkunu assoċjati ma’ mġiba spekulattiva, bħalissa għandhom sehem żgħir mill-pożizzjonijiet totali fis-suq.
Il-bidu tal-fażi 4 kien ikkaratterizzat minn bidla sinifikanti fis-suq sekondarju. Storikament, is-sehem ewlieni tan-negozjar fis-suq sekondarju kien iseħħ fuq il-pjattaforma ta’ skambju ICE Futures Europe bbażata fir-Renju Unit. Fis-7 ta’ Ġunju 2021, ICE London mexxiet in-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE (kemm dawk innegozjati fil-pront kif ukoll dawk derivattivi) għas-sussidjarja tagħha fin-Netherlands, ICE Endex. In-negozjar fuq ICE Endex huwa soġġett għas-superviżjoni tal-Awtorità Netherlandiża għas-Swieq Finanzjarji.
Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fl-2021 ġeddet l-interess fil-prezzijiet tal-karbonju u fir-reġim ta’ sorveljanza tas-suq tal-karbonju tal-UE. Hemm qbil komuni li l-kawża ewlenija taż-żieda hija l-prezzijiet globali rekord tal-gass, filwaqt li ż-żieda fil-prezz tal-karbonju għandha effett ferm iżgħar. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2021 turi li l-effett taż-żieda fil-prezz tal-gass fuq il-prezz tal-elettriku huwa disa’ darbiet akbar mill-effett taż-żieda fil-prezz tal-karbonju. Il-formazzjoni ġusta tal-prezzijiet u l-integrità tas-suq tal-karbonju tal-UE huma ggarantiti minn reġim robust ta’ sorveljanza applikabbli wkoll għal swieq finanzjarji oħra. Madankollu, il-Kummissjoni ħabbret li se titlob lill-ESMA tkompli ttejjeb il-monitoraġġ tal-iżviluppi fis-suq tal-karbonju tal-UE.
6. IL-MONITORAĠĠ, IR-RAPPORTAR U L-VERIFIKA TAL-EMISSJONIJIET
Għall-fażi 3 (mill-2013 sal-2020) u lil hinn minnha, ir-rekwiżiti għall-monitoraġġ, għar-rapportar, għall-verifika u għall-akkreditazzjoni tal-EU ETS huma armonizzati fir-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar (MRR) u fir-Regolament dwar l-Akkreditazzjoni u l-Verifika (AVR).
Is-sistema ta’ monitoraġġ fl-EU ETS hija mfassla bħala approċċ ta’ elementi importanti li jagħti lill-operaturi grad għoli ta’ flessibbiltà sabiex jiżguraw il-kosteffiċjenza, filwaqt li tinkiseb affidabbiltà kbira tad-data dwar l-emissjonijiet immonitorjata. Għal dan il-għan, l-operaturi jistgħu jużaw diversi metodi ta’ monitoraġġ (“ibbażati fuq il-kalkolu” jew “ibbażati fuq il-kejl” kif ukoll, b’eċċezzjoni, “approċċi ta’ riżerva”), inkluża taħlita ta’ metodi għall-partijiet individwali ta’ installazzjoni. Għall-operaturi ta’ inġenji tal-ajru, huma permessibbli biss approċċi bbażati fuq il-kalkolu, fejn il-konsum tal-fjuwil huwa l-parametru ċentrali li jrid jiġi kkalkolat għat-titjiriet koperti mill-EU ETS. Ir-rekwiżit li l-installazzjonijiet u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkollhom pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti rilevanti abbażi tal-MRR ma jħallihomx jagħmlu għażla arbitrarja ta’ metodi ta’ monitoraġġ u varjazzjonijiet temporali (għal ħarsa ġenerali dettaljata lejn il-monitoraġġ applikat fil-pajjiżi parteċipanti tal-EU ETS, ara l-Kapitolu 11.1 tal-Appendiċi 11 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport).
L-AVR stabbilixxa approċċ armonizzat madwar l-UE kollha għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi. Il-verifikaturi jridu jiġu akkreditati minn Korp Nazzjonali ta’ Akkreditazzjoni sabiex iwettqu l-verifiki f’konformità mal-AVR. Din is-sistema ta’ akkreditazzjoni uniformi tippermetti lill-verifikaturi joperaw b’rikonoxximent reċiproku fil-pajjiżi parteċipanti kollha, u b’hekk jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq intern u tiżgura li jkun hemm biżżejjed verifikaturi madwar l-UE (għal ħarsa ġenerali dettaljata tal-implimentazzjoni tal-AVR fil-pajjiżi parteċipanti tal-EU ETS, ara l-Kapitolu 11.2 tal-Appendiċi 11 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport).
Wara l-ewwel aġġornament tal-MRR u tal-AVR fl-2018 sabiex jittejbu, jiġu ċċarati u ssimplifikati r-regoli dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar, il-verifika u l-akkreditazzjoni u sabiex tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema, beda t-tieni aġġornament taż-żewġ regolamenti fi Frar tal-2019. L-għan kien li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti bħall-implimentazzjoni tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Dan irriżulta fl-adozzjoni, fl-14 ta’ Diċembru 2020, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2020/2085 li jemenda l-MRR, u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2020/2084 li jemenda l-AVR.
Il-pajjiżi li jipparteċipaw fl-EU ETS jieħdu approċċi diversi għall-awtoritajiet kompetenti inkarigati mill-implimentazzjoni. F’xi pajjiżi, huma involuti diversi awtoritajiet lokali, filwaqt li f’oħrajn, l-implimentazzjoni hija aktar ċentralizzata (għal ħarsa ġenerali dettaljata lejn l-arranġamenti amministrattivi fil-pajjiżi parteċipanti tal-EU ETS, ara l-Kapitolu 11.3 tal-Appendiċi 11 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport). B’mod ġenerali, l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-EU ETS fil-pajjiżi parteċipanti wriet li hija fil-biċċa l-kbira effettiva matul il-fażi 3.
Fir-rigward tal-miżuri ta’ konformità, id-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tipprevedi penali ta’ EUR 100 (indiċjata mal-inflazzjoni) għal kull tunnellata ta’ CO2 emessa li għaliha ma tkun ġiet ċeduta l-ebda kwota fi żmien xieraq, minbarra l-prezz taċ-ċediment. Penali oħra li japplikaw għal ksur fl-implimentazzjoni tal-EU ETS huma bbażati fuq dispożizzjonijiet nazzjonali stabbiliti minn kull pajjiż ikkonċernat (għal ħarsa ġenerali dettaljata lejn il-konformità mal-EU ETS fil-pajjiżi parteċipanti, ara l-Kapitolu 11.4 tal-Appendiċi 11 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport).
L-effiċjenza tas-sistema ta’ konformità tjiebet peress li l-MRR jippermetti lill-pajjiżi jagħmlu r-rapportar elettroniku obbligatorju. Matul il-fażi 3, kien hemm aktar minn nofs il-pajjiżi parteċipanti tal-EU ETS li rrapportaw l-użu ta’ mudelli elettroniċi għall-pjanijiet ta’ monitoraġġ, għar-rapporti dwar l-emissjonijiet, għar-rapporti ta’ verifika u/jew għar-rapporti dwar it-titjib. L-oħrajn irrapportaw li jużaw xi forma ta’ sistema tal-IT awtomatizzata għar-rapportar tal-EU ETS.
Matul il-fażi 3, u minkejja s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli minħabba l-kriżi tal-COVID-19 li affettwat iċ-ċikli ta’ konformità tal-2020 u l-2021, il-livell ta’ konformità mal-EU ETS baqa’ konsistentement għoli ħafna. L-operaturi responsabbli għal aktar minn 99 % tal-emissjonijiet minn installazzjonijiet stazzjonarji u mill-avjazzjoni fil-biċċa l-kbira tas-snin issodisfaw l-obbligi legali tagħhom.
7. IR-RABTA BEJN L-EU ETS U L-ETS ŻVIZZERA
In-negozjati dwar ir-rabta tal-EU ETS mas-suq tal-karbonju tal-Iżvizzera ġew konklużi matul il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC f’Diċembru tal-2015. Abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2240
, il-Ftehim ta’ Konnessjoni
ġie ffirmat, ġie applikat b’mod provviżorju mit-23 ta’ Novembru 2017, u ġie approvat f’isem l-UE bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/219
. L-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera skambjaw l-istrumenti ta’ ratifika fis-6 ta’ Diċembru 2019, wara li l-Konfederazzjoni Żvizzera estendiet l-ETS tagħha għall-avjazzjoni permezz tad-Deċiżjoni 2/2019 fil-5 ta’ Diċembru 2019
. Konsegwentement, il-Ftehim ta’ Konnessjoni daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020
. Minn dak iż-żmien, l-emissjonijiet fl-2020 fl-EU ETS u fl-ETS Żvizzera huma koperti mis-sistemi konnessi.
Il-Ftehim ta’ Konnessjoni ma jaffettwax il-karattru indipendenti tal-ETS tal-UE u tal-Iżvizzera. Iż-żewġ sistemi baqgħu indipendenti minn xulxin, għall-kuntrarju tas-sistemi tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein u tan-Norveġja, li huma integrati bis-sħiħ fl-EU ETS permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE. Il-Ftehim ta’ Konnessjoni jiddefinixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li taħthom iż-żewġ sistemi huma konnessi u jistabbilixxi l-mekkaniżmu meħtieġ sabiex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet
.
L-inklużjoni tal-avjazzjoni fil-Ftehim ta’ Konnessjoni kienet rekwiżit kruċjali għall-UE. Abbażi tal-Artikolu 6 tal-Ftehim, l-Iżvizzera tapplika l-istess approċċ għall-kopertura, il-limitu massimu u l-allokazzjoni tal-kwoti bħall-EU ETS. It-titjiriet domestiċi Żvizzeri u t-titjiriet mill-Iżvizzera lejn iż-ŻEE huma koperti mill-ETS Żvizzera, filwaqt li t-titjiriet miż-ŻEE lejn l-Iżvizzera jaqgħu taħt l-EU ETS. Dan jippermetti li l-Ftehim ta’ Konnessjoni jikkontribwixxi għall-integrità ambjentali kemm tal-EU ETS kif ukoll tal-ETS tal-Iżvizzera.
Kif jidher fit-
Table 7
, il-kompatibbiltà taż-żewġ sistemi ma hijiex kwistjoni ta’ daqs, iżda kwistjoni ta’ rekwiżiti u kunsiderazzjonijiet kwalitattivi sabiex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-swieq tal-karbonju konnessi u l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi.
Tabella 7. Tqabbil tal-EU ETS mal-ETS Żvizzera
|
|
EU ETS
|
ETS Żvizzera
|
|
Numru ta’ kwoti ġenerali rkantati fl-2020
|
778 505 000
|
265 000 (li minnhom 175 000 kienu rkantati fl-2021 minħabba l-kanċellazzjoni tal-irkanti fl-2020)
|
|
Numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni rkantati fl-2020
|
9 174 000
|
196 500
|
|
Numru ta’ kwoti ġenerali allokati bla ħlas fl-2020
|
66 775 8544
|
4 391 331
|
|
Numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni allokati bla ħlas fl-2020 lill-operaturi
|
Kwoti tal-avjazzjoni tal-UE għall-EU ETS
|
Kwoti tal-avjazzjoni Żvizzeri għall-ETS Żvizzera
|
Kwoti tal-avjazzjoni Żvizzeri għall-ETS Żvizzera
|
Kwoti tal-avjazzjoni tal-UE għall-EU ETS
|
|
|
32 486 017
|
501 278
|
570 696
|
473 521
|
|
Emissjonijiet verifikati ta’ installazzjonijiet stazzjonarji fl-2020
|
1 355 141 953
|
4 874 278
|
|
Emissjonijiet verifikati tal-operaturi tal-avjazzjoni fl-2020
|
EU ETS
|
ETS Żvizzera
|
ETS Żvizzera
|
EU ETS
|
|
|
24 917 481
|
299 610
|
283 329
|
366 102
|
|
Għadd ta’ installazzjonijiet stazzjonarji fl-2020
|
10 437
|
51
|
|
Għadd ta’ operaturi tal-avjazzjoni fl-2020
|
352
|
3
|
Sors: L-EUTL u r-Reġistru Żvizzeru
Mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Konnessjoni, l-emissjonijiet iġġenerati taħt kwalunkwe waħda minn dawn iż-żewġ sistemi jistgħu jiġu koperti minn kwoti ta’ ċediment maħruġa fi kwalunkwe waħda mis-sistemi. Għalhekk, l-operaturi taż-żewġ sistemi jista’ jkollhom aċċess għal suq akbar, u dan jista’ jwassal għal titjib fl-effiċjenza. Sabiex dan iseħħ, saret rabta diretta, kif meħtieġ mill-Artikolu 3(2) tal-Ftehim, bejn ir-reġistri taż-żewġ sistemi għat-trasferiment ta’ kwoti minn kont f’sistema waħda għal kont fis-sistema l-oħra.
Wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Konnessjoni fl-2020, l-operaturi (kemm stazzjonarji kif ukoll tal-avjazzjoni) użaw 642 413-il kwota maħruġa skont l-ETS Żvizzera, filwaqt li għamlu użu mill-flessibbiltà miżjuda offruta mir-rabta bejn l-UE u l-ETS Żvizzera.
It-Tabelli 8 u 9 ta’ hawn taħt juru l-effett tal-konnessjoni jew l-estent sa fejn l-operaturi amministrati mill-EU ETS (
Table 8
) jew mill-ETS Żvizzera (
Table 9
) ibbenefikaw mir-rabta bl-użu ta’ kwoti maħruġa fis-sistema l-oħra sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ ċediment.
Fl-EU ETS, l-installazzjonijiet stazzjonarji ftit li xejn użaw kwoti tal-ETS Żvizzera għall-konformità, u 0,0044 % tal-obbligi ġew issodisfati bl-użu ta’ anqas minn 60 000 kwota ġenerali Żvizzera. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru koperti mill-EU ETS issodisfaw 2,34 % tal-obbligi bl-użu ta’ kwoti tal-avjazzjoni Żvizzeri iżda l-ebda kwota ġenerali.
Tabella 8. L-unitajiet użati għall-konformità fl-EU ETS
Fl-ETS Żvizzera, l-installazzjonijiet stazzjonarji ssodisfaw 0,19 % tal-obbligi tagħhom bl-użu ta’ kwoti tal-EU ETS. B’kuntrast ma’ dan, il-kwoti ġenerali u tal-avjazzjoni tal-EU ETS ammontaw għal aktar minn 40 % tal-konformità tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru koperti mill-ETS Żvizzera. Dan kien minħabba l-allokazzjoni ta’ kwoti mill-UE li rċevew xi operaturi fl-ETS Żvizzera sabiex ikopru l-emissjonijiet tagħhom taħt l-EU ETS.
Tabella 9. L-unitajiet użati għall-konformità fl-ETS Żvizzera
Tabella 10. It-trasferimenti ta’ kwoti bejn l-UE u l-ETS Żvizzera, minn Settembru tal-2020 sa April tal-2021
|
Trasferimenti
(kwoti ġenerali u tal-avjazzjoni miż-żewġ sistemi)
|
|
Minn
|
Sa
|
Numru totali
|
|
UE
|
CH
|
977,065
|
|
CH
|
UE
|
450,578
|
|
Bilanċ
|
526,487
|
8. L-EFFETTI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA DWAR L-EFFIĊJENZA FL-ENERĠIJA U TAL-PJANIJIET NAZZJONALI DWAR L-ENERĠIJA U L-KLIMA FUQ L-EU ETS
Ir-rapport dwar is-suq tal-karbonju għandu jqis l-effetti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u l-impatt ġenerali tal-politiki u l-miżuri li hemm fil-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima (NECPs), dwar it-tħaddim tal-EU ETS, inkluż il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda tal-kwoti fis-suq tal-karbonju tal-UE. Dan il-kapitolu jkopri dawn iż-żewġ suġġetti.
8.1 L-impatt tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija fuq l-EU ETS
Hemm diversi interazzjonijiet bejn l-EU ETS u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, b’mod partikolari fejn il-miżuri ta’ politika jkollhom impatt fuq l-effiċjenza fl-enerġija tal-operaturi soġġetti għas-sistema. L-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija jippromwovi miżuri kosteffettivi għall-effiċjenza fl-enerġija billi jirrikjedi li l-operaturi l-kbar iwettqu verifika tal-enerġija kull erba’ snin jew jużaw sistema ċċertifikata ta’ ġestjoni tal-enerġija jew ambjentali. Dan jgħin lill-operaturi l-kbar jidentifikaw it-telf tal-enerġija, il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija u l-miżuri kosteffettivi sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom.
Dispożizzjoni ċentrali tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija mmirata direttament lejn il-produzzjoni tal-iffrankar tal-enerġija hija l-Artikolu 7, li jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ politika sabiex jiksbu l-iffrankar tal-enerġija. Peress li l-Istati Membri għandhom għażla dwar liema setturi għandhom jiffokaw fuqhom, dawn il-miżuri jistgħu jinteraġixxu mal-obbligi skont l-EU ETS. Fir-rigward tal-impatti potenzjali fuq is-setturi tal-EU ETS, il-miżuri tal-Istati Membri jistgħu jiġu kklassifikati f’erba’ kategoriji:
·Miżuri ta’ politika dwar l-effiċjenza enerġetika implimentati f’setturi barra mill-ambitu tal-EU ETS li ma għandhom l-ebda interazzjoni diretta mas-sistema, bħas-sostituzzjoni ta’ fuklar tal-faħam antik b’bojler aktar effiċjenti li jaħdem bil-bijomassa.
·Miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija mmirati lejn konsum imnaqqas tal-enerġija pprovduta mis-setturi tal-ETS, bħall-elettriku, it-tisħin distrettwali u r-raffineriji li jipprovdu fjuwil għat-trasport u t-tisħin. Dawn jinkludu l-iżolament ta’ bini pprovdut b’tisħin distrettwali, li jissostitwixxi l-apparat elettriku u l-miżuri tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil għat-trasport. Filwaqt li d-deċiżjonijiet rilevanti jaqgħu barra mill-installazzjonijiet koperti mill-EU ETS, is-sinjal tal-prezz tal-karbonju jista’ jinċentiva azzjoni mill-atturi tas-suq, b’mod predominanti mill-konsumaturi.
·Miżuri ta’ politika li jippromwovu azzjonijiet li jwasslu għal bidla fil-vettur tal-enerġija, bħas-sostituzzjoni ta’ ħiter tal-elettriku b’ħiter solari (li twassal għal anqas konsum tal-enerġija f’settur tal-ETS) jew is-sostituzzjoni ta’ bojler tal-gass b’pompa tas-sħana (li twassal għal konsum akbar tal-enerġija f’settur tal-ETS).
·Miżuri ta’ politika li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika tal-proċessi ewlenin tal-installazzjonijiet soġġetti għall-EU ETS.
Dawn il-miżuri tal-aħħar jinteraġixxu direttament mal-EU ETS. Fil-perjodu bejn l-2014 u l-2020, il-Belġju, in-Netherlands u r-Rumanija rrapportaw miżuri ta’ politika tal-Artikolu 7 iffokati fuq installazzjonijiet tal-ETS - ftehimiet volontarji (fil-każ tal-Belġju u n-Netherlands) jew ekwivalenti (għar-Rumanija). Dawn il-miżuri kienu jammontaw għal sehem kbir tal-iffrankar kumulattiv tal-enerġija rrapportat minn dawn il-pajjiżi għall-2014 sal-2018: 61 % għall-Belġju, 20 % għan-Netherlands u 44 % għar-Rumanija. Filwaqt li l-ftehimiet volontarji jistipulaw li l-operaturi jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom li jilħqu l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija jew tal-iffrankar tal-enerġija, dawn il-miri ma humiex limitati għall-konsum tal-enerġija soġġett għall-EU ETS. Fil-prattika, il-biċċa l-kbira tal-iffrankar tal-enerġija x’aktarx li jiġi minn titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fil-proċessi industrijali li jaqgħu taħt l-EU ETS, iżda parti mill-iffrankar tista’ tiġi mill-konsum tal-enerġija barra mis-sistema (eż. l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil fit-trasport, l-effiċjenza fl-enerġija fl-uffiċċji). Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jinkludu mill-anqas miżura ta’ politika waħda mmirata lejn l-industriji li huma wkoll koperti mill-EU ETS fl-ambitu tal-azzjoni tagħhom, id-data rrapportata tal-Artikolu 7 ma tagħmilx distinzjoni bejn is-sehem tal-iffrankar mill-industriji tal-ETS u l-iffrankar minn (sub)setturi oħra.
Għall-perjodu bejn l-2014 u Ġunju tal-2020, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija indirizzaw l-interazzjonijiet mal-EU ETS.
·L-Artikolu 7(4)(b) irrefera għal għażla li l-Istati Membri jistgħu jużaw meta jikkalkolaw l-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020. Dawn jistgħu jeskludu mill-kalkolu l-bejgħ kollu jew parti mill-bejgħ tal-enerġija użata f’siti industrijali koperti mill-EU ETS. L-għażla ntużat minn 15-il Stat Membru.
·L-Artikolu 7(4)(c) ippermetta li l-Istati Membri jirrapportaw l-iffrankar tal-enerġija minn miżuri li jippromwovu l-effiċjenza fl-enerġija min-naħa tal-provvista lejn l-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 7(2) u (3). Din l-għażla ntużat biss minn tliet Stati Membri.
L-iffrankar tal-enerġija mill-miżuri ta’ politika tal-effiċjenza enerġetika fl-ETS inaqqas id-domanda għall-kwoti. L-impatt fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huwa aktar kumpless, peress li l-ETS tillimita l-emissjonijiet aggregati tal-entitajiet koperti kollha, u l-MSR tieħu ħsieb l-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda. L-iffrankar tal-enerġija fis-setturi direttament inklużi fl-ETS jew indirettament marbuta magħha jista’ għalhekk jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jew għat-tnaqqis tal-prezzijiet tal-karbonju. Barra minn hekk, sa fejn il-miżuri tal-politika dwar l-effiċjenza fl-enerġija jindirizzaw il-fallimenti tas-suq u l-ostakli għall-adozzjoni ta’ miżuri kosteffettivi għall-iffrankar tal-enerġija, u għandhom benefiċċji addizzjonali, dawn jippermettu wkoll lill-parteċipanti jnaqqsu l-emissjonijiet b’kostijiet aktar baxxi. Min-naħa l-oħra, l-inċentiv tal-prezz tal-karbonju tal-EU ETS jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-miri tal-UE u l-miri nazzjonali indikattivi tal-effiċjenza fl-enerġija skont l-Artikolu 3.
8.2 L-impatt tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima fuq l-EU ETS
27 pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs) li ġew iffinalizzati fl-2019 jagħtu ħarsa ġenerali lejn kif l-Istati Membri tal-UE qegħdin joqorbu lejn l-ewwel fażi tat-tranżizzjoni tagħhom lejn in-newtralità klimatika mill-2021 sal-2030.
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-NECPs uriet li skont il-miżuri eżistenti u ppjanati, l-Istati Membri qegħdin jippjanaw li jnaqqsu l-emissjonijiet b’41 % taħt il-livelli tal-1990, u b’hekk jaqbżu l-mira preċedenti tal-UE għat-tnaqqis b’40 % sal-2030. Il-pjanijiet jindikaw ukoll li kważi l-Istati Membri kollha li jużaw il-faħam sabiex jiġġeneraw l-elettriku qegħdin jeliminawh gradwalment jew stabbilew dati sa meta għandu jinqata’. Total ta’ 21 Stat Membru diġà ma jużaw l-ebda faħam f’termini ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, jew impenjaw ruħhom li gradwalment jeliminaw il-faħam (inklużi l-linjite u l-pit), u indikaw dati speċifiċi fl-NECPs tagħhom. F’dan il-kuntest, l-NECPs jipprevedu li l-użu tal-faħam se jonqos b’70 % sal-2030 meta mqabbel mal-2015, bl-elettriku rinnovabbli mistenni jilħaq 60 % tal-elettriku prodott sal-2030. Dawn l-iżviluppi jaffettwaw direttament l-EU ETS, u potenzjalment iwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet mis-settur tal-enerġija, u fi tnaqqis sussegwenti fid-domanda għall-kwoti tal-emissjonijiet. Sa fejn dawn l-eliminazzjonijiet gradwali mmexxija mill-politika jaċċelleraw l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam immexxija mis-suq tal-karbonju u dawk l-impatti ma jiġux newtralizzati mir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq, dawn jistgħu jbaxxu l-prezzijiet tal-karbonju fl-ETS.
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni wriet ukoll li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE skont il-miżuri eżistenti u ppjanati jista’ jilħaq bejn 33,1 u 33,7 % sal-2030, u jaqbeż il-mira tal-2030 ta’ mill-anqas 32 %. Aktar investimenti u riformi fl-enerġija rinnovabbli identifikati fl-NECPs għandhom il-potenzjal li jkomplu jżidu dan is-sehem. Fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija, hija meħtieġa ambizzjoni akbar sabiex tintlaħaq il-mira tal-2030. Għalkemm il-pjanijiet u l-miżuri finali ppjanati fil-livell tal-UE juru aktar sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni, għad fadal sforzi sinifikanti xi jsiru sabiex jingħalaq id-distakk. Peress li dawn l-iżviluppi jaffettwaw lis-setturi li huma direttament inklużi fl-EU ETS jew li huma indirettament marbuta magħha, jistgħu jnaqqsu d-domanda għall-kwoti. Min-naħa l-oħra, l-inċentiv tal-prezz tal-karbonju tal-EU ETS jikkontribwixxi għall-kisba tal-miri nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija stabbiliti fl-NECPs.
Mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-NECPs finali f’Ottubru tal-2020, xi Stati Membri għamlu bidliet u adattamenti fil-pjanijiet tagħhom. Tinsab aktar informazzjoni dettaljata dwar l-implikazzjonijiet ta’ dan fir-Rapport ta’ Progress tal-UE dwar l-Azzjoni Klimatika għall-2021. L-Istati Membri kollha huma mistennija jissottomettu l-aġġornamenti tal-NECPs tagħhom f’Ġunju tal-2023 (f’forma ta’ abbozz) u fl-2024 (il-pjanijiet finali). Dawn jenħtieġ li jirriflettu l-ambizzjoni akbar f’konformità mal-mira tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-anqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990, inkluż potenzjalment billi jitqiesu l-miri ogħla fl-2030 għall-effiċjenza enerġetika (iffrankar ta’ 36 sa 39 % tal-konsum finali u tal-enerġija primarja) u l-enerġija rinnovabbli (sehem ta’ 40 % għall-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE) proposti mill-Kummissjoni bil-pakkett leġiżlattiv sabiex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-abbozzi tal-pjanijiet aġġornati kollha sal-aħħar tal-2023 u l-pjanijiet finali sal-aħħar tal-2024.
9. KONKLUŻJONIJIET U ASPETTATTIVI
Fil-fażi 3 tal-EU ETS (mill-2013 sal-2020), l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u mill-installazzjonijiet industrijali koperti mis-sistema naqsu bi kważi 29 %, u dan ikkontribwixxa għat-tnaqqis ġenerali ta’ madwar 43 % minn meta ġiet stabbilita s-sistema fl-2005. Għalkemm it-tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet bi 11,4 % fl-2020 bla dubju jista’ jiġi attribwit fil-biċċa l-kbira għall-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, din kienet sena oħra f’xejra kważi mingħajr interruzzjoni ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet sena wara sena fil-fażi 3. Dan jirrifletti x-xejriet tad-dekarbonizzazzjoni identifikati l-aktar fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana. B’konferma ta’ din ix-xejra, l-emissjonijiet fl-2019 qabel il-pandemija naqsu b’aktar minn 9 % meta mqabbla mal-2018.
Fl-avjazzjoni, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti mill-ETS żdiedu b’27,5 % bejn l-2013 u l-2019, u żdiedu kull sena sal-2020, meta x-xejra nqalbet mill-pandemija u l-emissjonijiet verifikati naqsu drastikament bi 63 % meta mqabbla mal-2019. Dan ifisser li l-2019 kienet is-sena bl-ogħla emissjonijiet mill-avjazzjoni sal-lum.
Il-bidliet leġiżlattivi miftiehma fil-fażi 3 sabiex jinformaw l-EU ETS u sabiex jindirizzaw l-eċċess tal-kwoti qegħdin ikomplu juru riżultati pożittivi. Mill-2018 sal-2019, meta bdiet topera r-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq, l-eċċess naqas b’mod sinifikanti minn 1,65 biljun kwota għal madwar 1,39 biljun. Għalkemm fl-2020 l-eċċess żdied minħabba domanda aktar baxxa, l-eċċess addizzjonali huwa mistenni li jiġi assorbit bejn sentejn u erba’ snin oħra, u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq. Barra minn hekk, abbażi tal-indikatur tal-eċċess ippubblikat u tal-leġiżlazzjoni tal-EU ETS għall-fażi 4 (mill-2021 sal-2030), il-volumi tal-irkantar fl-2021 tnaqqsu bi kważi 40 % u l-volumi fl-2022 se jitnaqqsu b’mod simili.
It-tmiem tal-fażi 3, wara li bdiet taħdem ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq, kien ikkaratterizzat minn żieda fil-fiduċja tal-parteċipanti fis-suq li ġiet riflessa f’sinjal aktar b’saħħtu tal-prezz tal-karbonju. Fl-2020 u l-2021, minkejja s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli għall-industrija u l-avjazzjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19, is-sinjal tal-prezz tal-karbonju baqa’ stabbli fl-2020 u żdied b’mod konsiderevoli fl-2021, influwenzat minn prezzijiet għoljin tal-gass u mill-antiċipazzjoni tas-suq tal-implikazzjonijiet tal-ambizzjoni klimatika akbar għall-2030.
Il-prezz ogħla tal-kwoti tal-emissjonijiet wassal għal żieda sostanzjali fid-dħul totali mill-irkantar iġġenerat mill-pajjiżi parteċipanti tal-EU ETS. Bejn l-2012 u t-30 ta’ Ġunju 2021, dan id-dħul qabeż it-EUR 83,5 biljun, b’aktar minn EUR 19-il biljun iġġenerati fl-2020 u qrib l-EUR 14-il biljun fl-ewwel nofs tal-2021. Fil-fażi 3 b’mod ġenerali, sehem għoli (75 %) minn dan id-dħul intuża għal skopijiet relatati mal-klima u l-enerġija.
Matul il-fażi 3, u minkejja s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli minħabba l-kriżi tal-COVID-19 fiċ-ċikli ta’ konformità tal-2020 u l-2021, il-livell ta’ konformità fl-EU ETS baqa’ konsistentement għoli ħafna. L-operaturi responsabbli għal aktar minn 99 % tal-emissjonijiet kemm mill-installazzjonijiet stazzjonarji kif ukoll mill-avjazzjoni fil-biċċa l-kbira tas-snin issodisfaw l-obbligi legali tagħhom. L-istruttura tal-EU ETS baqgħet b’saħħitha u l-organizzazzjoni amministrattiva implimentata fil-pajjiżi parteċipanti wriet li kienet effettiva.
L-ewwel ftehim li jorbot l-EU ETS ma’ sistema oħra – l-ETS Żvizzera, fl-aħħar sena tal-fażi 3, irawwem aktar flessibbiltà u effiċjenza fiż-żewġ swieq tal-karbonju, billi jippermetti lill-operaturi taż-żewġ sistemi jgawdu l-benefiċċji ta’ suq akbar.
Għas-snin li ġejjin, bħala parti mill-pakkett sabiex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew adottat f’Lulju tal-2021, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ u tespandi r-rwol tal-ipprezzar tal-karbonju sabiex l-UE tkun tista’ tilħaq l-ambizzjonijiet klimatiċi ogħla tagħha. L-EU ETS tibqa’ pilastru ewlieni tal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima. Ir-rapport li jmiss dwar is-suq tal-karbonju, li se jiġi ppubblikat lejn l-aħħar tal-2022, se jipprovdi ħarsa ġenerali lejn it-tħaddim tal-EU ETS fil-fażi 4.