IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.12.2021
COM(2021) 778 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Bini ta' ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta' azzjoni għall-ekonomija soċjali
{SWD(2021) 373 final}
1.Introduzzjoni
Kuljum, madwar 2,8 miljun entità tal-ekonomija soċjali fl-Ewropa joffru soluzzjonijiet konkreti u innovattivi għall-isfidi ewlenin li qed inħabbtu wiċċna magħhom. Dawn joħolqu u jżommu impjiegi ta’ kwalità, jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali u tas-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati u opportunitajiet indaqs għal kulħadd, jixprunaw l-iżvilupp ekonomiku u industrijali sostenibbli, jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fis-soċjetajiet tagħna, jaqdu rwol importanti fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali tal-Ewropa, u jagħtu ħajja ġdida liż-żoni rurali u depopolati tal-Ewropa
.
Matul il-pandemija tal-COVID-19, ħafna entitajiet tal-ekonomija soċjali kienu fuq quddiem nett tal-kriżi. Dawn ipproduċew maskri tal-wiċċ, appoġġaw l-edukazzjoni diġitali online, għenu lin-nies fil-bżonn u pprovdew għajnuna ta’ prossimità fil-komunitajiet lokali.
Partijiet mill-ekonomija soċjali jikkontribwixxu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali billi jipprovdu oġġetti u servizzi sostenibbli u jnaqqsu d-distakk diġitali. Il-mudelli ta’ negozju parteċipattivi tagħhom, li jqisu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, tal-impjegati u ta’ partijiet ikkonċernati oħra, jgħinu biex jiġi żgurat li t-tranżizzjonijiet ikunu ġusti.
Barra minn hekk, l-ekonomija soċjali tikkontribwixxi għad-diversità tal-forom tal-kumpaniji fl-Ewropa, u trawwem għażla akbar għall-konsumatur u kwalità akbar tal-prodott/tas-servizz. L-ekonomija soċjali tagħti kontribut importanti għall-PDG fil-pajjiżi fejn hija żviluppata l-aktar, pereżempju 10 % fi Franza. Għal din ir-raġuni ġiet inkluża bħala l-qalba tal-ekosistema tal-“Prossimità u l-ekonomija soċjali”, waħda mill-14-il ekosistema industrijali identifikati fl-aġġornament tal-Istrateġija Industrijali tal-UE.
L-ekonomija soċjali tista’ tgħin fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali u twettaq il-Pjan ta’ Azzjoni 2021 tiegħu u l-miri ewlenin tal-2030, pereżempju ż-żieda fir-rata ta’ impjieg u t-tnaqqis fin-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali. L-ekonomija soċjali timpjega madwar 13,6-il miljun persuna; l-impjieg bi ħlas ivarja bejn 0,6 % u 9,9 % fost l-Istati Membri. Dan juri l-iżvilupp mhux uniformi tal-ekonomija soċjali fl-UE iżda jiżvela wkoll li hemm potenzjal ekonomiku u ta’ ħolqien ta’ impjiegi kbir mhux sfruttat għall-ekonomija soċjali f’diversi Stati Membri u reġjuni jekk jiġu stabbiliti miżuri adegwati.
L-ekonomija soċjali tikkomplementa l-azzjoni tal-Istati Membri fl-għoti ta’ servizzi soċjali ta’ kwalità b’mod kosteffettiv. Din tikkomplementa wkoll l-isforzi tagħhom biex jintegraw liż-żgħażagħ u lill-gruppi żvantaġġati (eż. il-persuni b’diżabilità, il-persuni akbar fl-età, il-persuni qiegħda fit-tul, il-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, razzjali jew etniku minoritarju (b’mod partikolari r-Rom), il-ġenituri waħedhom) fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b’mod ġenerali. Pereżempju, l-ekonomija soċjali tgħin sabiex jinbnew pontijiet bejn il-persuni b’diżabilità u l-impjieg fis-suq tax-xogħol miftuħ; u tipprovdi servizzi li huma essenzjali biex jappoġġaw l-għajxien indipendenti tagħhom. Barra minn hekk, l-ekonomija soċjali tgħin biex tittejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Minn naħa waħda, ħafna nisa għandhom aċċess għas-suq tax-xogħol permezz ta’ impjiegi maħluqa mill-ekonomija soċjali, min-naħa l-oħra, is-servizzi soċjali u ta’ kura pprovduti mill-ekonomija soċjali jippermettu lin-nisa jaċċessaw is-suq tax-xogħol usa’.
Bl-istess mod, l-ekonomija soċjali tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fil-livell tal-UE u f’dak globali. Dan għaliex hija attiva madwar id-dinja fit-tnaqqis tal-faqar, fl-ixprunar tat-tranżizzjoni lejn bliet u komunitajiet sostenibbli, il-konsum u l-produzzjoni responsabbli u l-finanzi sostenibbli. Bħala tali, l-organizzazzjonijiet kollaborattivi u mingħajr skop ta’ qligħ huma pilastru ewlieni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika tal-Ewropa.
L-ekonomija soċjali għandha l-potenzjal li ssawwar mill-ġdid l-ekonomija wara l-COVID permezz ta’ mudelli ekonomiċi inklużivi u sostenibbli li jwasslu għal trasformazzjoni ekoloġika, ekonomika u soċjali aktar ġusta.
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi lill-Istati Membri b’opportunitajiet sinifikanti biex jimplimentaw ir-riformi u l-investimenti permezz tal-intraprenditorija soċjali u inklużiva. Barra minn hekk, xi Stati Membri qiesu l-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija inklużiva bħala prijoritajiet fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-Kummissjoni se timmonitorja u tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet rispettivi tagħhom.
L-ekonomija soċjali għandha rwol ewlieni fit-tranżizzjoni lejn spazji tal-għajxien aktar sbieħ, sostenibbli u inklużivi u stili tal-ħajja kif promossi mill-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, li jġibu approċċi u soluzzjonijiet transdixxiplinari ġodda adattati għall-ħtiġijiet u għall-aspirazzjonijiet tal-komunitajiet lokali.
Madankollu, parti minn dan il-potenzjal għadha ma ġietx sfruttata biżżejjed. L-ekonomija soċjali għadha mhux magħrufa għal wisq nies. Ħafna konsumaturi jixtiequ jixtru b’mod aktar responsabbli f’termini tas-sorsi tal-oġġetti u s-servizzi li jixtru, iżda mhux neċessarjament ikunu jafu kif jagħmlu dan. Il-kapital ta’ investiment fit-tul u paċenzjuż, mhux dejjem ikun disponibbli faċilment għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali. L-awtoritajiet pubbliċi ma jużawx bis-sħiħ il-possibbiltajiet eżistenti biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-intrapriżi soċjali għall-akkwist pubbliku, jew għall-finanzjament, u lanqas il-flessibbiltà offruta mir-regoli attwali tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Minħabba li ma humiex mifhuma u rikonoxxuti biżżejjed, l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiżviluppaw u jżidu l-attivitajiet tagħhom u, għalhekk, jinżammu lura milli jwasslu impatt ekonomiku u soċjali saħansitra akbar. Dawn jeħtieġu aktar appoġġ u appoġġ aħjar biex jikbru u jirnexxu.
Sabiex jiġi ottimizzat il-potenzjal tal-ekonomija soċjali fis-Suq Uniku, jenħtieġ li jsir aktar biex jiġu replikati l-esperjenzi ta’ suċċess madwar l-Istati Membri u, fejn possibbli, biex l-intrapriżi soċjali jiġu megħjuna jikbru minn intrapriżi lokali għal Ewropej, inkluż permezz tal-użu ta’ għodod diġitali.
Dan il-pjan ta’ azzjoni jfittex li jtejjeb l-innovazzjoni soċjali, jappoġġa l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali u jagħti spinta lis-setgħa trasformattiva soċjali u ekonomika tagħha. Jipproponi serje ta’ azzjonijiet għall-perjodu 2021-2030. Jibni fuq l-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali (SBI) u l-inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu. Tħejja permezz ta’ proċess miftuħ u inklużiv fuq perjodu ta’ sentejn.
2.Id-definizzjoni tal-ekonomija soċjali
L-ekonomija soċjali tinkludi firxa ta’ entitajiet b’mudelli ta’ negozju u organizzattivi differenti. Dawn joperaw f’varjetà kbira ta’ setturi ekonomiċi: l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd, il-kostruzzjoni, l-użu u t-tiswija, l-immaniġġar tal-iskart, il-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, l-enerġija u l-klima, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni, l-attivitajiet tal-proprjetà immobbli, l-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet tal-ħidma soċjali, l-arti, il-kultura u l-media.
Fil-kuntest ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni u inizjattivi relatati tal-UE, l-ekonomija soċjali tkopri entitajiet li jikkondividu l-prinċipji u l-karatteristiċi komuni ewlenin li ġejjin: il-primat tan-nies kif ukoll l-iskop soċjali u/jew ambjentali fuq il-profitt, l-investiment mill-ġdid tal-biċċa l-kbira tal-profitti u s-surpluses biex jitwettqu attivitajiet fl-interess tal-membri/utenti (“interess kollettiv”) jew tas-soċjetà inġenerali (“interess ġenerali”) u governanza demokratika u/jew parteċipattiva.
Tradizzjonalment, it-terminu ekonomija soċjali jirreferi għal erba’ tipi ewlenin ta’ entitajiet li jipprovdu oġġetti u servizzi lill-membri jew lis-soċjetà tagħhom b’mod ġenerali: il-kooperattivi, is-soċjetajiet ta’ benefiċċju reċiproku, l-assoċjazzjonijiet (inklużi l-organizzazzjonijiet tal-karità), u l-fondazzjonijiet. Dawn huma entitajiet privati, indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi u b’forom ġuridiċi speċifiċi.
L-intrapriżi soċjali issa huma ġeneralment mifhuma bħala li jagħmlu parti mill-ekonomija soċjali. L-intrapriżi soċjali joperaw billi jipprovdu oġġetti u servizzi għas-suq b’mod intraprenditorjali u spiss innovattiv, filwaqt li jkollhom objettivi soċjali u/jew ambjentali bħala r-raġuni għall-attività kummerċjali tagħhom. Il-profitti huma prinċipalment investiti mill-ġdid bil-għan li jintlaħaq l-objettiv soċjetali tagħhom. Il-metodu tal-organizzazzjoni u tas-sjieda tagħhom isegwi wkoll prinċipji demokratiċi jew parteċipattivi jew jiffoka fuq il-progress soċjali. L-intrapriżi soċjali jadottaw varjetà ta’ forom ġuridiċi skont il-kuntest nazzjonali.
Termini bħal “intrapriżi tal-ekonomija soċjali”, “intrapriżi soċjali u solidali” u “t-tielet settur” jintużaw ukoll minn xi partijiet ikkonċernati, pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jirreferu għal entitajiet tal-ekonomija soċjali. L-intrapriżi soċjali għall-integrazzjoni fix-xogħol huma tip komuni ta’ intrapriża soċjali madwar l-Ewropa. Dawn jispeċjalizzaw fl-għoti ta’ opportunitajiet tax-xogħol għall-persuni żvantaġġati.
Il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet proposti f’dan il-pjan ta’ azzjoni huma rilevanti għall-entitajiet kollha tal-ekonomija soċjali, madankollu xi wħud jistgħu jkunu speċifiċi għal kategorija waħda jew oħra.
3.Il-ħolqien tal-qafas it-tajjeb biex l-ekonomija soċjali tirnexxi
3.1.L-iżvilupp ta’ oqfsa ġuridiċi u ta’ politika
L-evidenza turi l-importanza li jittejjeb l-“ambjent abilitanti” biex l-ekonomija soċjali tirnexxi. Kif ikkonfermat mir-riċerka u mill-partijiet ikkonċernati, l-oqfsa ġuridiċi u ta’ politika jiffurmaw parti essenzjali minn dan l-ambjent iżda l-adattament tagħhom għall-ħtiġijiet tal-ekonomija soċjali ma huwiex kompitu faċli.
In-natura transsettorjali tal-ekonomija soċjali u l-fatt li din tkopri tipi differenti ta’ entitajiet huma sfidi importanti għall-awtoritajiet pubbliċi, li jagħmluha diffiċli li jiġi żviluppat approċċ effettiv. Punti tad-dħul uniċi u ċari fl-amministrazzjonijiet pubbliċi huma rari. L-entitajiet tal-ekonomija soċjali spiss isibuha kkumplikata li jagħżlu forma ġuridika minn għażliet differenti li ma jkunux imfassla bis-sħiħ għall-ħtiġijiet tagħhom.
L-iżvilupp ta’ oqfsa koerenti għall-ekonomija soċjali jinvolvi li jitqiesu n-natura u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħha fir-rigward ta’ bosta politiki u dispożizzjonijiet orizzontali u settorjali bħal dawk relatati mat-tassazzjoni, l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni, is-suq soċjali u tax-xogħol, l-edukazzjoni, il-ħiliet u t-taħriġ, is-servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-kura, l-appoġġ għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs), l-ekonomija ċirkolari, eċċ.
Pereżempju, it-tassazzjoni hija politika importanti għall-ekonomija soċjali. Ftit pajjiżi żviluppaw qafas ta’ tassazzjoni speċifiku u konsistenti għall-intrapriżi soċjali. Ħafna jipprovdu inċentivi li jvarjaw minn eżenzjonijiet mit-taxxa korporattiva fuq il-profitti miżmuma għal eżenzjonijiet mill-VAT jew rati mnaqqsa tal-VAT, kostijiet tal-assigurazzjoni soċjali mnaqqsa/koperti minn sussidji, jew tnaqqis fit-taxxa għal donaturi privati u istituzzjonali. Madankollu, l-aċċess għal dawn l-inċentivi jista’ jkun kumpless u l-azzjonijiet differenti mhux dejjem jibbenefikaw minn koordinazzjoni xierqa.
Il-politiki pubbliċi settorjali huma rilevanti wkoll għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali peress li huma sħab importanti għall-awtoritajiet pubbliċi fil-forniment ta’ servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-kura. Fid-dawl tat-tixjiħ demografiku, l-ekonomija tal-kura qed tespandi, u qed tipprovdi opportunitajiet tax-xogħol. Madankollu, il-ħaddiema li jipprovdu servizzi f’dawn is-setturi (b’forza tax-xogħol fil-biċċa l-kbira tagħha magħmula minn nisa) jiffaċċjaw ħafna sfidi, f’termini ta’ pagi baxxi u kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji. L-Istrateġija Ewropea dwar l-Indukrar il-ġdida, imħabbra għall-2022, se tipprovdi opportunità biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-kura filwaqt li ssaħħaħ il-profil tal-valur miżjud qawwi tal-ekonomija soċjali f’dan is-settur, biex tgħin ukoll fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Meta jiżviluppaw oqfsa ġuridiċi u ta’ politika xierqa, l-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li jqisu d-diversità tal-forom ġuridiċi koperti mill-ekonomija soċjali. Filwaqt li l-kooperattivi, is-soċjetajiet ta’ benefiċċju reċiproku, il-fondazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet u l-intrapriżi soċjali għandhom ħafna affarijiet komuni, madankollu għandhom ukoll objettivi u modi differenti ta’ operat u jiffaċċjaw ostakli speċifiċi.
Fl-ekonomija soċjali, il-kooperattivi jirrappreżentaw forma stabbilita sew ta’ mudell tan-negozju tal-ekonomija soċjali. Huma ġestiti mill-produtturi, l-utenti jew il-ħaddiema u huma mmexxija skont ir-regola ta’ “membru wieħed, vot wieħed”. Dawn urew li huma versatili maż-żmien u bejn is-setturi, u joffru soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi tas-soċjetà. Madankollu, il-kooperattivi jirrapportaw li l-istruttura tas-sjieda tagħhom tagħmilha aktar diffiċli għalihom biex jibbenefikaw minn investimenti fl-ekwità. L-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju speċifiku jista’ jkollu rwol kruċjali meta l-kooperattivi jiġu stabbiliti fil-kuntest ta’ akkwiżizzjonijiet mill-ħaddiema bil-għan li jiġu ppreservati l-impjiegi u l-kontinwazzjoni ta’ attività ekonomika vijabbli.
Is-soċjetajiet ta’ benefiċċju reċiproku jirrapportaw li r-regoli eżistenti ma jqisux biżżejjed in-natura mhux għall-profitt tagħhom. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se żżid l-għarfien fost l-awtoritajiet nazzjonali dwar l-ispeċifiċitajiet tal-mudell mutwu u l-possibbiltajiet għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv.
Il-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet fl-ekonomija soċjali jispjegaw li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex igawdu mill-benefiċċji sħaħ tas-Suq Uniku. Pereżempju, l-assoċjazzjonijiet jiffaċċjaw limitazzjonijiet fit-tħaddim tal-attivitajiet tagħhom b’mod transfruntier. Din il-kwistjoni hija indirizzata wkoll fir-rapport tal-Parlament Ewropew b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar statut għall-assoċjazzjonijiet transfruntiera Ewropej u għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li se jiġi adottat dalwaqt. Biex tifhem aħjar il-kwistjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-assoċjazzjonijiet, il-Kummissjoni se tniedi studju li jipprovdi analiżi komparattiva tar-reġimi ġuridiċi u tax-xenarji tal-assoċjazzjonijiet fl-UE.
Bl-istess mod, il-fondazzjonijiet jirrapportaw kwistjonijiet bit-trattament tat-taxxa ta’ donazzjonijiet transfruntiera lil organizzazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku
fi Stati Membri oħra. Skont il-prinċipju tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital u n-nondiskriminazzjoni u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja
, id-donaturi jridu jipproduċu analiżi tal-komparabbiltà każ b’każ
biex jibbenefikaw minn regoli ta’ tassazzjoni favorevoli għad-donazzjonijiet transfruntiera tagħhom. Madankollu, fil-prattika, il-proċeduri applikati mill-Istati Membri jżidu l-kostijiet amministrattivi u ta’ konformità u joħolqu inċertezza kemm għall-entitajiet filantropiċi kif ukoll għad-donaturi. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tiftaħ proċeduri ta’ ksur f’każijiet fejn l-ostakli għall-attivitajiet transfruntiera jirriżultaw min-nuqqas ta’ traspożizzjoni, il-ksur jew l-implimentazzjoni ħażina tad-dritt tal-Unjoni.
Mill-2011, diversi Stati Membri stabbilew oqfsa u politiki legali mmirati fir-rigward tal-intrapriżi soċjali u/jew l-ekonomija soċjali. Minbarra li kkontribwixxa għar-rikonoxximent tagħhom, dan irriżulta fi żviluppi pożittivi oħra f’xi każijiet, bħall-ħolqien ta’ unitajiet ministerjali speċifiċi u djalogu msaħħaħ bejn il-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet pubbliċi. F’xi pajjiżi ġew żviluppati tikketti jew sistemi ta’ ċertifikazzjoni li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għal politiki speċifiċi u jippermettu trattament speċifiku. Ir-riformi ta’ suċċess jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għal Stati Membri oħra.
Il-Kummissjoni żviluppat għadd ta’ għodod u riżorsi biex tappoġġa lill-Istati Membri u t-tagħlim reċiproku fost dawk li jfasslu l-politika. Il-Kummissjoni qed tħejji, flimkien mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), linji gwida dwar oqfsa ġuridiċi xierqa għall-intrapriżi soċjali li għandhom jiġu ppubblikati fl-2022. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll gwida u ġabra ta’ prattiki tajbin dwar l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli. Dan il-materjal kollu u din l-esperjenza kollha jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jtejbu l-oqfsa nazzjonali u reġjonali tagħhom. L-Istati Membri għandhom ukoll l-opportunità li jiksbu għarfien espert imfassal apposta permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.
Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi t-tagħlim reċiproku u se tipprovdi gwida u appoġġ lill-Istati Membri billi:
–Torganizza webinars u workshops mill-2022 għall-uffiċjali pubbliċi abbażi tal-eżerċizzji tal-mmappjar, il-ġbir u l-iskambju ta’ prattiki tajbin fir-rigward ta’ diversi oqsma ta’ politika bħall-għajnuna mill-Istat, it-tassazzjoni, l-investiment soċjali, it-trasferimenti tan-negozju lill-impjegati, it-tikketti u s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni, u l-kejl tal-impatt soċjali.
–Tippubblika gwida dwar l-oqfsa rilevanti tat-tassazzjoni għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali, abbażi tal-analiżi u l-kontribut disponibbli pprovduti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali.
–Tippubblika gwida li tiċċara r-regoli eżistenti dwar it-trattament tat-taxxa ta’ donazzjonijiet transfruntiera ta’ benefiċċju pubbliku li jaffettwaw il-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni mal-Istati Membri.
–Tniedi studju dwar it-tikketti/l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni tal-ekonomija soċjali nazzjonali li jimmappja dawk eżistenti fl-Istati Membri u jidentifika prattiki tajbin u karatteristiċi u kriterji komuni. Se jkollu wkoll l-għan li jipprovdi approċċ u gwida komuni lill-Istati Membri u jesplora l-possibbiltà ta’ rikonoxximent reċiproku volontarju.
Filwaqt li timplimenta dawn l-azzjonijiet, bil-għan li tipprovdi approċċ komprensiv għall-ekonomija soċjali u tiffaċilita l-iżvilupp uniformi tagħha madwar l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE, il-Kummissjoni se tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas tal-ekonomija soċjali fl-2023. Din sejra:
–Tistieden lil dawk li jfasslu l-politika jadattaw aħjar l-oqfsa ġuridiċi u ta’ politika għall-ħtiġijiet tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali.
–Tipprovdi rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ politiki speċifiċi bħall-politika dwar l-impjiegi, l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku, it-tassazzjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-ħiliet u t-taħriġ, il-kura u s-servizzi soċjali, il-forniment ta’ appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju mfassal apposta għall-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tan-negozju, u l-istatistika.
–Tenfasizza kif l-istrutturi istituzzjonali u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati jistgħu jiffaċilitaw il-ħidma tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali.
3.2.L-ekonomija soċjali u l-għajnuna mill-Istat
L-appoġġ finanzjarju pubbliku għandu rwol importanti biex jippermetti l-bidu u l-iżvilupp tal-atturi tal-ekonomija soċjali. Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ifittex li jżomm bilanċ bejn dan l-appoġġ u l-kompetizzjoni ġusta. Jispikkaw diversi sfidi u opportunitajiet għall-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali.
Waħda mill-kwistjonijiet hija li l-awtoritajiet pubbliċi u l-benefiċjarji spiss ma jagħmlux l-aħjar użu mill-possibbiltajiet eżistenti tal-għajnuna mill-Istat. Il-partijiet ikkonċernati jirrapportaw li l-awtoritajiet pubbliċi spiss jillimitaw bla bżonn l-ammont ta’ għajnuna li jagħtu lill-intrapriżi soċjali għal-limitu ġenerali de minimis (EUR 200 000 fuq perjodu ta’ 3 snin) u ma jqisux possibbiltajiet oħra f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, bħall-għajnuna reġjonali, l-għajnuna għall-finanzjament tar-riskju jew l-għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati, fejn l-ammonti massimi tal-għajnuna huma ġeneralment ogħla.
Barra minn hekk, ir-regoli eżistenti tal-UE fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI) jiftħu possibbiltajiet konsiderevoli għall-għajnuna mill-Istat. L-entitajiet jistgħu jibbenefikaw biss minn din il-flessibbiltà jekk ikunu ġew fdati b’missjoni speċifika, jiġifieri s-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi mhux dejjem jużaw din il-possibbiltà sal-potenzjal sħiħ tagħha, pereżempju fir-rigward tal-attivitajiet tal-intrapriżi soċjali li jiffukaw fuq il-forniment ta’ impjiegi għal persuni vulnerabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni se tiffaċilita l-aċċess għall-gwida rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat u se tiddiskuti din it-tema fil-webinars u fil-workshops li se torganizza (ara l-parti 3.1).
It-tieni kwistjoni hija li l-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali jirrapportaw li d-daqs tal-appoġġ eżistenti għall-għajnuna mill-Istat disponibbli għalihom mhux dejjem ikun adegwat, b’mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna għall-aċċess għall-finanzjament u s-sussidji għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati rregolati mir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (“GBER”). Fil-fatt hemm evidenza li turi li l-intrapriżi soċjali ġeneralment għandhom diffikultà akbar mill-intrapriżi standard biex jaċċessaw il-finanzjament (ara t-taqsima 4.2).
Il-Kummissjoni, fir-reviżjoni tal-GBER li se ssir fid-dawl tal-iskadenza tiegħu fl-aħħar tal-2023, se tikkunsidra jekk l-evidenza disponibbli tiġġustifikax l-illaxkar tar-regoli fir-rigward tal-għajnuna għall-aċċess tal-intrapriżi soċjali għall-finanzjament u fir-rigward tal-għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati jew żvantaġġati serjament.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fid-definizzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali kull fejn ikun xieraq, bil-għan li jippermettu li jiġu koperti l-attivitajiet ta’ kwalifika mwettqa mill-intrapriżi soċjali. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jinvestu aktar fit-taħriġ u fil-bini tal-kapaċitajiet għall-amministrazzjonijiet tagħhom bil-għan li jżidu l-livell ta’ għarfien tagħhom dwar ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
3.3.Aċċess aħjar għas-swieq: akkwist pubbliku soċjalment responsabbli
Il-forniment ta’ oġġetti u servizzi lill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll lill-intrapriżi tradizzjonali huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, u l-istess jgħodd għall-kooperazzjoni magħhom. Dawn jiġġeneraw dħul u jippermettulhom isiru finanzjarjament indipendenti. Minħabba li l-akkwist pubbliku jirrappreżenta 14 % tal-PDG Ewropew, huwa rikonoxxut fil-biċċa l-kbira bħala għodda politika ewlenija li tappoġġa l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali u tal-intrapriżi soċjali.
Ir-reviżjoni mill-ġdid tal-2014 tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku ħolqot ħafna opportunitajiet għall-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha biex jużaw l-akkwist pubbliku biex jiksbu diversi objettivi ta’ politika, inkluż it-trawwim tal-protezzjoni ambjentali u l-insegwiment ta’ objettivi soċjali. Pereżempju, ir-regoli jsemmu b’mod speċifiku li l-aspetti soċjali huma fost il-fatturi li jistgħu jiġu inklużi fil-kriterji tal-għoti abbażi tal-kriterji tal-“aktar offerta ekonomikament vantaġġuża”. Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex iżżid l-għarfien dwar il-valur miżjud tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u soċjalment responsabbli, tipprovdi gwida u xxerred prattiki tajbin. Pereżempju, dan l-aħħar il-Kummissjoni ppubblikat gwida riveduta dwar “Ix-Xiri Soċjali” b’suġġerimenti u eżempji prattiċi.
F’dawn l-aħħar snin, xi awtoritajiet lokali u reġjonali u bliet wettqu s-setgħa tal-akkwist pubbliku strateġiku biex jilqgħu għall-isfidi/il-ħtiġijiet tas-soċjetà u tiġi xprunata bidla sistemika. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-offerti pubbliċi għadhom jingħataw biss abbażi tal-kriterju tal-prezz u l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli għadu ferm inqas magħruf u żviluppat mill-akkwist pubbliku ekoloġiku. Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha biex tenfasizza l-benefiċċji konkreti u l-modi kif tuża l-akkwisti pubbliċi u l-proċeduri ta’ konċessjonijiet biex tikseb l-objettivi ta’ politika soċjali u tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, u tipprovdi servizzi soċjali ta’ kwalità għolja.
B’mod parallel, huwa importanti li tissaħħaħ il-kapaċità tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali biex jitfgħu offerti għall-akkwisti pubbliċi, u li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-atturi tal-ekonomija soċjali għall-akkwist privat. L-interazzjonijiet man-negozji tradizzjonali jgħinu lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali jiżviluppaw u jikbru u din il-kooperazzjoni żdiedet. Madankollu, hemm lok għal integrazzjoni aktar sistematika fil-ktajjen tal-valur tan-negozji tradizzjonali u għal sħubija magħhom biex jitfgħu offerti b’mod konġunt għall-akkwist pubbliku, anke permezz tal-pilotaġġ ta’ proġetti ġodda fi ħdan il-Programm tas-Suq Uniku.
Il-Kummissjoni se:
–Issaħħaħ l-isforzi tagħha biex iżżid l-għarfien, trawwem l-iskambju ta’ prattiki tajbin u tħarreġ kemm lill-uffiċjali tal-akkwist pubbliku kif ukoll lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali dwar kif jużaw proċeduri ta’ akkwisti pubbliċi u ta’ konċessjonijiet biex jiksbu l-objettivi ta’ politika soċjali. Għal dan il-għan, se jiġu organizzati workshops fl-Istati Membri.
–Tniedi inizjattiva ġdida taħt il-Programm tas-Suq Uniku fl-2022 li tappoġġa l-ħolqien ta’ sħubijiet lokali u reġjonali bejn l-entitajiet tal-ekonomija soċjali u n-negozji tradizzjonali, li jippermettu suq minn negozju għal negozju tax-“xiri soċjali”.
–Ittejjeb l-użu ta’ klawżoli soċjali fil-proċeduri tal-offerti tal-Kummissjoni stess kull meta jkun possibbli.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se toħroġ rapport biex ittejjeb l-użu ta’ akkwist pubbliku soċjalment responsabbli fl-Istati Membri.-
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lil awtoritajiet pubbliċi kompetenti oħra jrawmu u jimmonitorjaw l-adozzjoni tal-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli fit-territorju tagħhom b’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali.
3.4.Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali fil-livelli reġjonali u lokali
Il-mudelli ta’ negozju tal-ekonomija soċjali jġibu valur lill-ekonomiji u lis-soċjetajiet lokali billi jrawmu l-inklużività, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tagħhom. Dawn għandhom għeruq lokali b’saħħithom u għandhom primarjament l-għan li jservu lill-komunità fejn huma bbażati, u jżommu l-popolazzjoni, l-attivitajiet ekonomiċi u d-dħul f’livell lokali. Bħala tali, huma jikkontribwixxu biex jixprunaw l-iżvilupp ekonomiku lokali f’setturi speċifikament rilevanti għar-reġjuni, pereżempju fiż-żoni rurali, fir-rigward tal-agrikoltura u l-produzzjoni organika tal-ikel jew fl-ekonomija blu. Dawn irawmu ktajjen ta’ valur qosra li jiffaċilitaw il-produzzjoni u l-konsum lokali, u jappoġġaw l-azzjoni klimatika u l-ekonomija ċirkolari. Dawn jikkontribwixxu wkoll għall-forniment ta’ servizzi soċjali li spiss ikunu limitati f’żoni rurali u aktar remoti.
Kif imħabbar fil-Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE, il-Kummissjoni se twettaq sensiela ta’ azzjonijiet li se jippermettu lill-intraprendituri u lin-negozji ż-żgħar jiċċaqilqu lejn żoni rurali u jikkontribwixxu għall-adattament tagħhom għall-ambjent ekonomiku li qed jinbidel, jipprovdu opportunitajiet għal prattiki kummerċjali innovattivi, jikkooperaw u jiffurmaw gruppi kif ukoll jiżviluppaw setturi ġodda tal-ekonomija. Se ssir enfasi speċifika fuq ktajjen tal-provvista qosra ta’ prodotti agroalimentari, li jorbtu direttament lill-produtturi mal-konsumaturi u kkomplementati minn azzjonijiet li jiżviluppaw opportunitajiet ta’ impjieg u tagħlim għaż-żgħażagħ u l-iżvilupp sostenibbli tal-bijoekonomija.
Ħafna awtoritajiet reġjonali u lokali Ewropej għandhom setgħat biex jiżviluppaw strateġiji u strumenti ħalli jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ekosistemi tal-ekonomija soċjali lokali u reġjonali. Hemm lok li jsir użu aħjar minn dan il-potenzjal.
L-iskambju u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma mod effettiv biex jittejjeb it-tagħlim reċiproku dwar l-ekonomija soċjali. Dan huwa minnu b’mod partikolari għall-kooperazzjoni transfruntiera. L-appoġġ huwa disponibbli taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta biex jgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jsaħħu l-kooperazzjoni mal-atturi tal-ekonomija soċjali, anke bħala parti mill-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. Il-Pjattaforma għal Tranżizzjoni Ġusta tipprovdi pjattaforma attiva ta’ skambju għall-partijiet ikkonċernati kollha fir-reġjuni partikolarment affettwati mit-tranżizzjoni klimatika, inklużi l-atturi tal-ekonomija soċjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġa t-tagħlim bejn il-pari, il-kooperazzjoni u l-bini tal-komunità fost ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali. Pereżempju, l-inizjattiva Ewropea tar-Reġjuni tal-Ekonomija Soċjali u l-Missjonijiet tal-Ekonomija Soċjali saħħu l-profil tal-ekonomija soċjali fil-livell lokali u appoġġaw finanzjarjament l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ tagħlim reċiproku mal-awtoritajiet lokali u mal-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali. Din il-ħidma hija appoġġata aktar minn inizjattivi lokali bħall-Patt tas-Sindki tal-UE.
Il-Kummissjoni se tiżviluppa aktar dawn l-inizjattivi li jappoġġaw il-kooperazzjoni tranżnazzjonali b’enfasi fuq l-iffaċilitar ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta (ara t-taqsima 4.3). Se tinkoraġġixxi wkoll l-użu tal-Programm Interreg Ewropew u s-sħubija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti għall-ekonomija soċjali biex trawwem skambji transfruntiera u interreġjonali.
Il-Kummissjoni se:
–Tappoġġa lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex jagħtu spinta lill-ekonomija soċjali u lill-innovazzjoni soċjali fiż-żoni rurali permezz tan-network futur tal-UE għall-Politika Agrikola Komuni u jintegraw aktar ir-Raggruppamenti tal-Innovazzjoni Soċjali u Ekoloġika (CSEI) fil-politika Ewropea dwar ir-raggruppamenti industrijali biex tiġi pprovduta gwida u jiġu appoġġati r-riċerka u l-bini ta’ kapaċitajiet ġodda, l-iskambju ta’ prattiki tajbin u n-networking transfruntier.
–Tespandi n-network tar-Reġjuni Ewropej tal-Ekonomija Soċjali biex jissaħħu sħubijiet reġjonali u lokali ġodda b’mod partikolari biex tingħata spinta lit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi fit-territorji.
–Issaħħaħ in-networking bejn in-negozji rurali permezz tan-Network Enterprise Europe, kif ukoll permezz ta’ sejħiet għal kooperazzjoni interreġjonali permezz tal-Missjonijiet Ewropej tal-Ekonomija Soċjali. Il-Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE se tagħmel enfasi speċifika fuq l-intraprenditorija u l-ekonomija soċjali fiż-żoni rurali.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu punti ta’ kuntatt tal-ekonomija soċjali lokali li jaqdu r-rwol ta’ ambaxxaturi tal-ekonomija soċjali, jipprovdu appoġġ bejn il-pari, jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali, u jikkollaboraw mal-awtoritajiet li jġestixxu l-fondi Ewropej.
3.5.Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali fil-livell internazzjonali
It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, it-tibdil demografiku u l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali huma sfidi globali. L-UE u l-pajjiżi terzi jikkondividu objettivi komuni, inkorporati fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-ekonomija soċjali tista’ tgħin biex jintlaħqu dawn l-objettivi kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Għalhekk, l-azzjonijiet imħabbra fit-taqsimiet l-oħra ta’ dan il-Pjan jistgħu jispiraw ukoll l-appoġġ għall-ekonomija soċjali f’pajjiżi mhux tal-UE.
Il-grad ta’ żvilupp tal-ekonomija soċjali jvarja b’mod sinifikanti fost il-pajjiżi terzi. Xi wħud għandhom tradizzjonijiet li ilhom jeżistu għal bosta snin f’ċerti oqsma tal-ekonomija soċjali. Oħrajn għandhom ekosistemi ta’ innovazzjoni soċjali jew ta’ intrapriżi soċjali li qed jiffjorixxu, iżda f’ħafna mudelli tal-ekonomija soċjali għadhom qed jibdew jevolvu. Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jibbenefikaw mill-kondiviżjoni tal-esperjenza u tal-prattiki tajbin, li jistgħu jgħinu biex jaċċelleraw ir-riformi.
Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-politika tal-UE dwar il-kooperazzjoni internazzjonali appoġġat l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali. Pereżempju, is-sħubija tal-UE mal-Alleanza Kooperattiva Internazzjonali tejbet il-viżibbiltà u r-riċerka dwar il-kooperattivi madwar id-dinja, kif ukoll iffaċilitat il-bini tal-kapaċitajiet u n-networking. Il-Kummissjoni ffinanzjat ukoll diversi programmi reġjonali għall-bini tal-kapaċitajiet li jappoġġaw u jsaħħu l-ekonomija soċjali u l-ekosistemi tal-intraprenditorija soċjali.
Hemm ukoll lok biex jissaħħu d-djalogu u l-kollaborazzjoni dwar l-ekonomija soċjali mas-sħab internazzjonali ewlenin bħall-OECD, it-Task Force tan-NU għall-Ekonomija Soċjali u Solidali u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol. Dan se jgħin biex jissaħħaħ il-profil tal-ekonomija soċjali lil hinn mill-fruntieri tal-UE u jippermetti kondiviżjoni aħjar tal-gwida u l-għodod ta’ politika disponibbli żviluppati mill-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari b’kooperazzjoni mal-OECD. Il-Kummissjoni se tibni fuq dawk l-inizjattivi u se tippromwovi aktar l-ekonomija soċjali fix-xena internazzjonali.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni se:
–Tippromwovi l-immirar tal-ekonomija soċjali u tal-intraprenditorija soċjali fil-programmi taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u l-Istrumenti ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, pereżempju billi taħdem mad-delegazzjonijiet tal-UE u mal-awtoritajiet pubbliċi f’pajjiżi mhux tal-UE, biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ miżuri ddedikati għall-ekonomija soċjali.
–Ittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-intraprendituri soċjali fil-Balkani tal-Punent, is-Sħubija tal-Lvant u l-Viċinat tan-Nofsinhar, billi tniedi azzjonijiet biex tingħata spinta lill-inizjattivi fil-livell lokali u biex l-intermedjarji jiġu appoġġati fl-iżvilupp ta’ prodotti finanzjarji adattati għall-ħtiġijiet tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali.
Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet pubbliċi f’pajjiżi mhux tal-UE jagħmlu użu minn gwida politika u minn għodod disponibbli b’xejn dwar l-ekonomija soċjali pprovduti mill-Kummissjoni Ewropea b’kooperazzjoni mal-OECD u l-ILO.
4.Il-ftuħ ta’ opportunitajiet għall-iżvilupp tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali
4.1.L-appoġġ għan-negozju u l-bini tal-kapaċitajiet
Il-biċċa l-kbira tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali għandhom dimensjoni intraprenditorjali b’saħħitha u jagħtu kontribut konsiderevoli għat-tkabbir sostenibbli u għall-impjiegi. Huma jinvolvu ruħhom fi skambji tas-suq u jiġġeneraw dħul mill-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi. Filwaqt li ħafna jixtiequ jibqgħu żgħar u lokali, xi wħud jistgħu jkunu jixtiequ jespandu għal swieq oħra fl-UE u lil hinn minnha. Għalhekk, dawn jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ għall-iżvilupp tan-negozju biex jespandu u jiżviluppaw. Madankollu, l-iskemi ta’ appoġġ eżistenti mhux dejjem iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-mudelli ta’ negozju tagħhom f’termini ta’ governanza, allokazzjoni tal-profitti, kundizzjonijiet tax-xogħol u impatt fuq is-soċjetà. Barra minn hekk, l-impjegati, inklużi dawk minn gruppi żvantaġġati, għandhom ħtiġijiet importanti ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid bħal f’partijiet oħra tal-ekonomija. Fil-kuntest ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ u taż-żieda fl-eżodu ta’ mħuħ, it-trasferiment tal-għarfien interġenerazzjonali u l-intraprenditorija tal-anzjani jista’ jkollhom rwol importanti.
Il-mudelli ta’ negozju tal-ekonomija soċjali jistgħu jinfluwenzaw u joħolqu effetti konsegwenzjali għan-negozju tradizzjonali. Għadd dejjem akbar ta’ negozji tradizzjonali qed joqorbu lejn l-għanijiet tal-ekonomija soċjali. Pereżempju, il-“korporazzjonijiet ta’ benefiċċju” u l-“intrapriżi ta’ impatt” jinkorporaw ambizzjonijiet sostenibbli fil-missjonijiet tagħhom, filwaqt li intrapriżi oħra qed jadottaw miżuri ad hoc biex itejbu t-trasparenza u jikkomunikaw b’mod aktar attiv mal-komunitajiet. Dan u l-inkorporazzjoni gradwali tal-kriterji ta’ governanza ambjentali, soċjali u korporattiva (ESG) fil-governanza tan-negozji tradizzjonali u l-politiki ta’ investiment tal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fondi ta’ investiment, qed joħolqu opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni u l-arrikkiment reċiproku kif ukoll l-aċċess għal swieq ġodda. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll l-interazzjonijiet bejn l-entitajiet tal-ekonomija soċjali u n-negozji tradizzjonali billi tippromwovi l-aħjar prattiki bħal fil-qasam tal-intraprenditorija soċjali
.
Minħabba n-natura trażversali tal-ekonomija soċjali, l-iskemi li jindirizzaw l-innovazzjoni, it-tħejjija għall-investiment, l-internazzjonalizzazzjoni tan-negozju, l-iżvilupp rurali, u l-ekonomija ċirkolari huma rilevanti għalihom, anke jekk spiss jiġu indirizzati lill-SMEs b’mod ġenerali. Madankollu, l-informazzjoni rilevanti għandha t-tendenza li tkun imxerrda u diffiċli biex tiġi aċċessata. Anke meta jeżistu inizjattivi ddedikati, il-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali ta’ spiss ma jkunux konxji biżżejjed dwarhom jew isibuhom kumplessi. In-networks rappreżentattivi u n-networks ta’ intraprenditorija jistgħu jgħinu, iżda dawn in-networks ma jeżistux fil-pajjiżi kollha.
Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan il-pjan ta’ azzjoni jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-programmi u l-finanzjament rilevanti tal-UE fil-perjodu 2021-2027. Il-finanzjament tal-UE bħall-fondi Ewropew tal-politika ta’ koeżjoni, huwa implimentat fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Aktar sorsi ta’ finanzjament huma disponibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll minn atturi privati. In-navigazzjoni ta’ dan ix-xenarju tista’ tkun diffiċli, b’mod partikolari għal entitajiet żgħar.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni se:
–Tiffaċilita, taħt il-Patt għall-Ħiliet, l-istabbiliment ta’ sħubija għall-ħiliet għall-ekosistema industrijali tal-Prossimità u l-Ekonomija Soċjali, fil-kuntest tal-Aġenda għall-Ħiliet u l-Istrateġija Industrijali Ewropea aġġornata. Mill-2022, se jiġu stabbiliti ċentri ddedikati għan-networking, l-għarfien, il-gwida u r-riżorsi biex jiġu appoġġati l-firmatarji tal-Patt fl-isforzi tagħhom biex joffru opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid għall-persuni fl-età tax-xogħol.
–Tagħti spinta lill-espansjoni u tippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni tal-ekonomija soċjali billi timmobilizza n-networks ta’ appoġġ għan-negozju u l-pjattaformi ta’ sħubija fil-livell Ewropew bħan-Network Enterprise Europe
u l-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni bejn ir-Raggruppamenti
.
–Tniedi Gateway tal-Ekonomija Soċjali tal-UE unika ġdida fl-2023 biex jiġi pprovdut punt tad-dħul ċar għall-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali u atturi u individwi rilevanti oħra li jfittxu informazzjoni dwar il-finanzjament, il-politiki, in-networks/il-pjattaformi u l-inizjattivi rilevanti tal-UE. Din il-gateway se tissimplifika l-aċċess għall-appoġġ eżistenti u ttejjeb is-sensibilizzazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-UE f’dan il-qasam. Barra minn hekk, il-Gateway se tiffaċilita l-aċċess għal inizjattivi rilevanti għall-bini tal-kapaċitajiet u tipprovdi gwida speċifika dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE (taħriġ, workshops, webinars, gwidi prattiċi u għodod).
Se tiġi pprovduta wkoll gwida dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE permezz taċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU, in-Network Enterprise Europe u l-Helpdesk tas-Servizzi Soċjali tal-UE. Għall-awtoritajiet maniġerjali tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, hija disponibbli gwida permezz tal-pjattaforma FI-compass li tipprovdi appoġġ konsultattiv dwar l-istrumenti finanzjarji implimentati taħt is-sistema ta’ ġestjoni kondiviża.
Bil-għan ta’ bini usa’ tal-kapaċitajiet, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ networks rappreżentattivi tal-ekonomija soċjali, b’mod partikolari fl-Istati Membri tal-UE fejn l-intrapriżi soċjali u l-ekosistemi tal-ekonomija soċjali ma jiġux żviluppati sal-potenzjal sħiħ tagħhom.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-inkubuturi tan-negozju tradizzjonali biex jestendu l-appoġġ tagħhom għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali, u jtejbu l-opportunitajiet ta’ appoġġ għat-tħejjija għall-investiment fin-negozju. Il-proġett pilota “Inkubatur Aħjar” li tnieda mill-Kummissjoni Ewropea jista’ jservi bħala ispirazzjoni.
Twessigħ tal-attrattività tal-intraprenditorija
L-intraprenditorija soċjali u l-ekonomija soċjali jistgħu jkunu partikolarment attraenti fost iż-żgħażagħ, il-persuni b’diżabilità, bi sfond ta’ migrazzjoni, in-nisa u intraprendituri sottorappreżentati oħra. Huwa interessanti li l-prevalenza ta’ intraprendituri nisa hija akbar fl-intraprenditorija soċjali milli fl-intraprenditorija konvenzjonali fejn il-preżenza tan-nisa hija biss ta' 30 %. Is-sensibilizzazzjoni dwar dawn il-mudelli alternattivi ta’ negozju tista’ ttejjeb l-attrattività tal-intraprenditorija b’mod aktar ġenerali u tgħin fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Ġenerazzjonijiet iżgħar qed juru interess kbir fl-iżvilupp sostenibbli u, b’riżultat ta’ dan, l-ekonomija soċjali tista’ tinteressahom. F’dawn l-aħħar snin, l-edukazzjoni intraprenditorjali saret aktar komuni fis-sistemi edukattivi. Madankollu, il-mudelli ta’ negozju tal-ekonomija soċjali, inklużi l-forom kooperattivi, għadhom ’il bogħod milli jkunu komponent standard fil-kurrikuli kollha tal-edukazzjoni intraprenditorjali u fil-korsijiet fin-negozju.
Il-Kummissjoni se:
–Tniedi Akkademja ġdida tal-Politika dwar l-Intraprenditorija taż-Żgħażagħ fl-2022 taħt il-FSE+. Din se trawwem l-intraprenditorija taż-żgħażagħ, inkluż għall-intraprendituri nisa u soċjali, billi taħdem ma’ dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u man-networks tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ.
–Trawwem it-tagħlim reċiproku bejn l-intraprendituri tal-ekonomija soċjali billi tippromwovi aħjar il-programm Erasmus għall-Intaprendituri Żgħażagħ fost il-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali.
Il-Kummissjoni se teżamina modi kif trawwem sinerġiji bejn programmi differenti ta’ finanzjament tal-UE biex tidentifika proġetti ta’ suċċess li jistgħu potenzjalment jitkabbru għall-intrapriżi soċjali.
Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti Ewropej bħall-Universitajiet Ewropej biex jistimulaw l-ekonomija u l-intraprenditorija soċjali.
4.2.It-titjib fl-aċċess għall-finanzjament
Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, huwa stmat li mill-inqas EUR 2,5 biljun ġew mobilizzati mill-baġit tal-UE biex jappoġġaw l-ekonomija soċjali. B’mod ġenerali, l-ambizzjoni tal-Kummissjoni hija li żżid il-livell ta’ appoġġ għall-perjodu 2021-2027. Huwa mistenni li se jiġi mmobilizzat aktar investiment, bis-saħħa ta’ effett multiplikatur mistenni ogħla tal-InvestEU u ta’ appoġġ imsaħħaħ għall-impatt u l-innovazzjoni soċjali. Programmi oħra tal-UE se joffru appoġġ iddedikat jew indirett għall-ekonomija soċjali; dawn jinkludu pereżempju l-qasam tal-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali tal-Fond Soċjali Ewropew Plus, Orizzont Ewropa, il-Programm tas-Suq Uniku, Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, Ewropa Kreattiva u l-Programm LIFE. Fil-livell nazzjonali, il-finanzjament tal-UE se jkun disponibbli b’mod partikolari permezz tal-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Wara l-appoġġ immirat ipprovdut fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, b’mod partikolari permezz tal-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), aktar intermedjarji u investituri huma konxji mill-entitajiet tal-ekonomija soċjali, inklużi l-intrapriżi soċjali, u qed jipprovdu finanzjament li jista’ jitħallas lura u appoġġ għall-iżvilupp tan-negozju biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tagħhom. Il-banek etiċi kellhom rwol importanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, it-tikketta tal-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropew (EuSEF) ippermettew lill-investituri jidentifikaw faċilment il-fondi li jinvestu f’intrapriżi soċjali. Mill-kriżi finanzjarja tal-2008, is-settur tal-mikrofinanzjament esperjenza wkoll tkabbir konsiderevoli fl-UE u fil-pajjiżi ġirien. Ħafna istituzzjonijiet tal-mikrofinanzjament huma parti mill-ekonomija soċjali, b’missjoni soċjali ddedikata biex jgħinu lill-individwi minn gruppi vulnerabbli u b’diffikultajiet ħalli jaċċessaw is-sistema bankarja tradizzjonali biex joħolqu negozji, u b’hekk joħolqu impjiegi għalihom infushom u għal oħrajn. B’mod ġenerali, l-użu ta’ prodotti finanzjarji bħal garanziji wera li huwa mod effettiv kif jiġi mmobilizzat il-finanzjament privat għall-intrapriżi soċjali minn investituri tradizzjonali kif ukoll filantropiċi.
Minkejja dan l-iżvilupp pożittiv, analiżi tas-swieq finanzjarji tal-intrapriżi soċjali żvelat spariġġ persistenti bejn id-domanda u l-provvista ta’ finanzjament ripagabbli għall-intrapriżi soċjali fl-Ewropa, f’termini kemm ta’ aċċess għad-dejn kif ukoll għall-ekwità. Fil-qasam tal-finanzjament tal-intrapriżi soċjali, id-diskrepanza fil-finanzjament kienet stmata għal kważi EUR 1 biljun fis-sena madwar l-Ewropa, filwaqt li fil-qasam tal-mikrofinanzjament, id-diskrepanza kienet stmata għal EUR 12,9-il biljun fis-sena madwar l-UE. Hemm differenzi konsiderevoli fost u fi ħdan il-pajjiżi. B’mod ġenerali, għad hemm biżżejjed lok biex tittejjeb il-provvista tal-finanzjament imfassla apposta għad-diversi stadji taċ-ċiklu tal-ħajja tal-intrapriża (jiġifieri it-tnissil, il-bidu, l-espansjoni).
Għaldaqstant, il-Kummissjoni se:
–Tniedi prodotti finanzjarji ġodda fl-2022 taħt il-programm InvestEU bil-għan li timmobilizza l-finanzjament privat immirat lejn il-ħtiġijiet tal-intrapriżi soċjali fi stadji differenti tal-iżvilupp. Dan se jinkludi garanziji biex ikun permess l-aċċess għall-kreditu għall-intrapriżi soċjali u l-mikrointrapriżi, investimenti fl-ekwità u ta’ kważi ekwità f’intrapriżi soċjali u f’intrapriżi xprunati mill-impatt, kif ukoll investimenti kapitali f’intermedjarji finanzjarji. Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU se jipprovdi appoġġ għall-intermedjarji finanzjarji.
Il-fondazzjonijiet huma parti mill-ekonomija soċjali u għandhom ukoll rwol importanti fil-provvista ta’ ffinanzjar b’għotjiet għall-ekonomija soċjali, l-innovazzjoni soċjali u objettivi ta’ politika oħra tal-UE. Hemm interess dejjem akbar fost l-atturi filantropiċi biex jagħmlu investimenti relatati mal-missjonijiet, inkluż f’organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali. Sabiex tisfrutta dan il-potenzjal, il-Kummissjoni qed tivvaluta t-tnedija ta’ mekkaniżmi ddedikati ta’ investiment konġunt ma’ fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet filantropiċi madwar oqsma ta’ missjoni fil-mira, bil-għan li l-kapital addizzjonali jiġi indirizzat għas-sostenibbiltà, l-inklużjoni, l-innovazzjoni soċjali, l-akkomodazzjoni u l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, il-pluraliżmu tal-media, u l-iżvilupp ta’ ekosistemi b’impatt soċjali. Fil-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv tagħha, il-Kummissjoni diġà ħabbret il-ħolqien ta’ proġett pilota bbażat fuq l-ekwità permezz ta’ InvestEU biex tappoġġa s-settur tal-media tal-aħbarijiet.
Skont l-interess tas-suq, iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU jista’ jappoġġa l-istabbiliment ta’ pjattaformi ta’ investiment transfruntiera li jiġbru flimkien sħab interessati f’investimenti fl-ekonomija soċjali.
Biex tikkomplementa l-azzjoni ewlenija ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni se:
–B’kooperazzjoni mas-sħab ta’ implimentazzjoni tal-InvestEU, tiżgura li l-intermedjarji finanzjarji tal-InvestEU li jipprovdu finanzjament lill-intrapriżi soċjali jkunu faċli biex jiġu identifikati mill-benefiċjarji potenzjali, inkluż permezz tal-Portal InvestEU u l-Gateway tal-Ekonomija Soċjali.
–Tikkomplementa l-istrumenti finanzjarji bl-appoġġ permezz ta’ għotjiet għall-bini tas-swieq finanzjarji tal-intrapriżi soċjali fl-Ewropa billi tappoġġa l-istabbiliment ta’ strumenti finanzjarji ġodda u programmi ta’ tħejjija għall-investiment.
–Tikkomplementa l-istrumenti ta’ investiment fl-ekwità bl-appoġġ permezz ta’ għotjiet immirati lejn it-tnaqqis tal-kostijiet tat-tranżazzjoni għall-investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’intrapriżi soċjali.
–Tappoġġa n-networks tal-UE attivi fl-oqsma tal-mikrofinanzjament u l-finanzjament tal-intrapriżi soċjali bil-għan li ttejjeb is-sensibilizzazzjoni u s-sinjalazzjoni għall-finanzjament tal-UE, ittejjeb il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet membri, u tipprovdi riċerka u data.
Minbarra l-iżvilupp ta’ strumenti ġodda, l-Istati Membri għandhom il-potenzjal li jintroduċu miżuri sistemiċi biex jagħtu spinta lill-finanzjament disponibbli. L-inizjattivi eżistenti jinkludu l-għażla għall-impjegati li jikkontribwixxu għal fondi tal-pensjonijiet u skemi tat-tfaddil b’orjentazzjoni soċjali.
Barra minn hekk, titjib fil-fehim u l-adozzjoni tal-metodoloġiji tal-kejl tal-impatt soċjali jista’ jippermetti lill-ekonomija soċjali tikkomunika l-impatt tagħha u taċċessa b’mod aktar faċli l-finanzjament xprunat mill-impatt. Jeżistu bosta metodoloġiji, iżda l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jirrapportaw li d-diversità tal-għodod u r-riżorsi disponibbli tista’ tkun skoraġġanti u diffiċli biex tiġi nnavigata, speċjalment għal entitajiet iżgħar jew b’inqas esperjenza. L-approċċi għall-kejl tal-impatt soċjali jenħtieġ li jiġu kkunsidrati sew u jkunu proporzjonati u adattati għad-diversità tal-atturi, id-daqs u l-istadju tal-iżvilupp.
Il-Kummissjoni se:
–Tappoġġa l-iżvilupp tal-kejl u l-ġestjoni tal-impatt soċjali billi timmappja u tirrieżamina l-prattiki eżistenti u tniedi taħriġ għall-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali, ittejjeb il-fehim u tiffaċilita l-adozzjoni ta’ tali prattiki. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa metodoloġiji standard sempliċi għall-valutazzjoni tal-impatt soċjali għall-atturi tal-ekonomija soċjali fl-UE fl-2023.
L-abbozz ta’ rapport tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli jargumenta li, fid-dawl ta’ pandemija u kwistjonijiet soċjali mhux imwieġba marbuta ma’ tranżizzjoni sostenibbli, huwa importanti li jiġu identifikati attivitajiet u entitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu biex isir progress fir-rigward tal-objettivi soċjali. Il-Pjattaforma tindika li gwida komuni dwar tassonomija soċjali tista’ żżid it-trasparenza tal-investimenti u tipprevjeni l-ħasil soċjali. Kif meħtieġ skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija u kif indikat fil-pjan ta’ azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni se tħejji rapport dwar l-estensjoni possibbli tat-Tassonomija tal-UE għal Finanzi Sostenibbli għall-objettivi soċjali.
4.3.Il-massimizzazzjoni tal-kontribut tal-ekonomija soċjali għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali
L-Unjoni Ewropea qed taspira li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050 filwaqt li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura. Dan, u l-ħtieġa li jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità, jitnaqqas it-tniġġis u jittejjeb l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, huma fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ miżuri leġiżlattivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Barra minn hekk, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni nediet il-Patt Klimatiku Ewropew
li jappoġġa l-wegħdiet klimatiċi miċ-ċittadini u mill-organizzazzjonijiet b’benefiċċji diretti anke għall-ekonomija soċjali.
Barra minn hekk, it-tranżizzjoni diġitali Ewropea għandha l-għan li tagħti s-setgħa lin-nies u lin-negozji biex iħaddnu futur diġitali ċċentrat fuq il-bniedem, sostenibbli u aktar prosperuż. B’mod partikolari, waħda mill-miri tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa li mill-inqas 80 % ta’ dawk li għandhom bejn is-16 u l-74 sena jenħtieġ li jkollhom ħiliet diġitali bażiċi.
L-ekonomija soċjali tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika billi tiżviluppa prattiki, oġġetti u servizzi sostenibbli għall-iżvilupp industrijali, pereżempju fl-oqsma tal-ekonomija ċirkolari, l-agrikoltura organika, l-enerġija rinnovabbli, l-akkomodazzjoni u l-mobilità. B’dan il-mod, iżżid ukoll l-aċċettazzjoni ta’ tibdil fl-imġiba li jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Ħafna minn dawn is-soluzzjonijiet huma inklużivi, u jindirizzaw lil dawk l-aktar milquta mit-tranżizzjoni ekoloġika, jew b’aktar diffikultajiet biex jadattaw għaliha, pereżempju permezz tat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, billi jipprovdu opportunitajiet tax-xogħol f’oqsma li huma favur l-ambjent, u jiżviluppaw prodotti u servizzi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali. Dan huwa kontribut kruċjali, peress li l-qasam tal-adattament ftit li xejn jingħata attenzjoni mill-intrapriżi kummerċjali.
L-entitajiet tal-ekonomija soċjali li qed ifittxu li jiksbu impatti kemm soċjali kif ukoll ambjentali, jirrapportaw il-ħtieġa ta’ appoġġ biex jidentifikaw u jadottaw prattiki aktar ekoloġiċi u jibnu l-kapaċità u l-għarfien, inkluż dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament għal għanijiet ambjentali.
Bl-istess mod, l-ekonomija soċjali hija proponent importanti ta’ tranżizzjoni diġitali ġusta u inklużiva. Pereżempju, l-atturi tal-ekonomija soċjali li jaħdmu fuq “Tech4Good” ivaraw teknoloġiji diġitali (eż. it-Teknoloġija ta’ Reġistru Distribwit, il-big data, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġija ta’ assistenza) biex jiksbu impatt ekoloġiku jew soċjali
. Fl-ekonomija soċjali, qed jitfaċċaw mudelli ġodda ta’ negozju diġitali, pereżempju fl-ekonomija kollaborattiva u tal-pjattaformi. Il-kooperattivi tal-pjattaformi huma eżempju ta’ negozji rregolati minn parteċipazzjoni li jużaw pjattaformi diġitali biex jiffaċilitaw l-involviment taċ-ċittadini u l-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi prodotti fuq livell lokali, bil-għan li jiksbu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-membri tagħhom. B’mod aktar ġenerali, it-teknoloġiji diġitali jistgħu jservu ta’ lieva billi jiffaċilitaw ir-replikazzjoni u l-espansjoni ta’ inizjattivi tal-ekonomija soċjali ta’ suċċess madwar l-Istati Membri u s-Suq Uniku. Barra minn hekk, it-teknoloġiji diġitali jistgħu jgħinu biex jittejbu l-proċessi ta’ ħidma fl-entitajiet tal-ekonomija soċjali. L-ipproċessar, il-ġestjoni u l-ġbir tad-data għadhom ma humiex prattiki mifruxa fi ħdan l-entitajiet tal-ekonomija soċjali. Fl-istess ħin, l-intrapriżi soċjali diġitali pijunieri qed jippermettu tranżizzjonijiet diġitali billi jagħmlu t-teknoloġija adattabbli, bi prezz raġonevoli u aċċessibbli pereżempju permezz ta’ “digital commons” u teknoloġiji b’sors miftuħ.
Il-possibbiltà għall-mudelli ta’ negozju tal-ekonomija soċjali li joperaw bħala aġenti tat-tranżizzjoni ekoloġika, u l-indirizzar tal-ħtiġijiet tagħhom f’termini tal-adozzjoni diġitali, soluzzjonijiet teknoloġiċi inklużivi u aċċess għad-data, se jkunu kruċjali għall-irkupru tagħhom wara l-COVID u r-reżiljenza tagħhom fit-tul.
Il-Kummissjoni se:
–Tniedi perkors ta’ tranżizzjoni għall-ekosistema industrijali “Prossimità u ekonomija soċjali” biex taħdem aktar mal-awtoritajiet pubbliċi u mal-partijiet ikkonċernati għal ekosistema tal-ekonomija soċjali msaħħa u aktar reżiljenti fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-perkors ta’ tranżizzjoni se jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni f’dan il-qasam.
–Tappoġġa l-kooperazzjoni tranżnazzjonali biex tingħata spinta lill-kapaċità tal-ekonomija soċjali biex jiġu adottati prattiki, prodotti u servizzi aktar ekoloġiċi, u jittejbu l-kapaċitajiet diġitali tagħhom.
–Tniedi azzjoni dwar il-finanzjament innovattiv fil-Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida bl-għan li toħloq proġett pilota għall-mobilizzazzjoni tal-kontributi filantropiċi.
–Tiżviluppa kodiċi ta’ kondotta dwar l-użu u l-ġestjoni tad-data fl-ekonomija soċjali, b’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati biex tiġi appoġġata l-adozzjoni tad-data u tat-teknoloġija.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżgura li strutturi rilevanti ta’ appoġġ għan-negozju fil-livell Ewropew jikkondividu l-esperjenza dwar kif jipprovdu appoġġ imfassal apposta lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali. Dan se jinkludi l-Aċċeleratur tat-Trasformazzjoni Diġitali taħt il-programm ta’ Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali u n-Network Enterprise Europe.
Peress li l-ekonomija soċjali għandha għeruq lokali b’saħħithom, hemm lok biex l-awtoritajiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili, il-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali u n-negozji tradizzjonali jiżviluppaw patti ekoloġiċi lokali u jiġbru flimkien ir-riżorsi għall-investiment u l-innovazzjoni fil-livell lokali u reġjonali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta b’benefiċċji lokali.
Il-Kummissjoni se:
–Taħdem mal-bliet biex jiġu żviluppati Patti Ekoloġiċi Lokali jew azzjonijiet ta’ ċittadinanza ekoloġika, billi ssaħħaħ l-involviment tal-atturi u l-komunitajiet tal-ekonomija soċjali fil-Patt tas-Sindki tal-UE, l-Inizjattiva Urbana Ewropea, l-Inizjattiva ta’ Sfida għall-Bliet Intelliġenti, u l-Inizjattiva tal-Bliet u r-Reġjuni Ċirkolari, il-Pjattaforma għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u l-Patt Klimatiku Ewropew.
Il-kontribut tal-ekonomija soċjali huwa partikolarment notevoli għall-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari fejn hija l-pijuniera ta’ attivitajiet u mudelli ta’ negozju li jżommu l-valur tal-prodotti u tal-materjal għall-itwal żmien possibbli, inaqqsu l-iskart, jipprovdu opportunitajiet għaċ-ċittadini li jiffrankaw l-ispejjeż u joħolqu impjiegi lokali, speċjalment f’attivitajiet ta’ tiswija, użu mill-ġdid, kondiviżjoni u riċiklaġġ. Dan il-potenzjal jista’ jiġi promoss ulterjorment permezz ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-lok għal użu akbar ta’ dawn il-prattiki u billi jissaħħu s-sħubijiet man-negozji tradizzjonali tul il-ktajjen tal-valur u s-sħubijiet pubbliċi-privati li jinvolvu l-awtoritajiet pubbliċi, l-istituti tar-riċerka, l-industrija u l-entitajiet tal-ekonomija soċjali.
Il-Kummissjoni se:
–Toħroġ gwida dwar kif jiġu appoġġati l-adozzjoni u s-sħubijiet għall-ekonomija ċirkolari bejn l-intrapriżi soċjali u atturi oħra, inklużi n-negozji tradizzjonali, u żżid l-għarfien dwar l-ekonomija soċjali fil-kuntest tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, in-Network Enterprise Europe u networks oħra.
Is-sħab tal-ekonomija soċjali għandhom rwol ewlieni fil-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali, akkomodazzjoni kooperattiva u strateġiji ta’ żvilupp urban. F’dan ir-rigward, huma qed jiffaċċjaw distakk annwali fl-investiment ta’ EUR 57 biljun, li għandu konsegwenzi negattivi f’termini tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-akkomodazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni tal-istokk tal-akkomodazzjoni tal-UE. Permezz tal-Inizjattiva dwar l-Akkomodazzjoni bi Prezz Raġonevoli, il-Kummissjoni se ttejjeb il-kapaċità ta’ rinnovazzjoni fl-akkomodazzjoni soċjali u bi prezz raġonevoli billi timmobilizza sħubijiet transsettorjali għal proġetti pilota li jinvolvu 100 distrett ta’ rinnovazzjoni u billi tippromwovi djar kwalitattivi, abitabbli, aċċessibbli u bi prezz raġonevoli.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni tal-UE jaħdmu mal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp tal-istrateġiji tagħhom fil-qafas tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u jagħmlu użu aħjar mill-finanzjament eżistenti biex jippermettu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-ekonomija soċjali.
4.4.L-għoti ta’ spinta lill-innovazzjoni soċjali
L-innovazzjoni soċjali toffri modi ġodda tal-produzzjoni ta’ oġġetti, l-organizzazzjoni u t-twassil ta’ servizzi u forom ġodda ta’ parteċipazzjoni ċivika li jirrispondu għall-ħtiġijiet soċjali jew l-sfidi tas-soċjetà konkreti. Din tbiddel ir-relazzjonijiet soċjali u tista’ toffri approċċi ta’ politika ġodda, li potenzjalment iwasslu għal tibdil sistemiku. Billi joperaw b’mod minn isfel għal fuq u li jkunu qrib il-komunitajiet, iċ-ċittadini u l-problemi li jiffaċċjaw, l-entitajiet tal-ekonomija soċjali għandhom il-kapaċità li jsibu soluzzjonijiet innovattivi.
F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni nediet diversi inizjattivi biex tippromwovi l-innovazzjoni soċjali (eż. permezz ta’ Orizzont 2020 inkluża l-Kompetizzjoni Ewropea għall-Innovazzjoni Soċjali, il-Programm EaSI jew il-FSE). L-appoġġ għall-Ikkuntrattar b’Eżiti Soċjali ġie pprovdut ukoll bħala mod ta’ esperimentazzjoni tal-innovazzjoni soċjali u l-finanzjament
. Il-Kummissjoni se tkompli b’dawn l-inizjattivi u se tibni komunità Ewropea ta’ innovaturi soċjali biex trawwem it-tagħlim bejn il-pari u l-impriżi intraprenditorjali konġunti, filwaqt li tespandi fuq in-Network ta’ Alumni tal-Kompetizzjoni Ewropea għall-Innovazzjoni Soċjali.
Madankollu, l-espansjoni tal-innovazzjonijiet soċjali tibqa’ sfida, inkluż l-aspett li dawn jiġu adottati b’suċċess minn dawk li jfasslu l-politika, is-sejbien ta’ sħab f’territorji oħra, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll barra mill-pajjiż, u l-adattament tas-soluzzjonijiet żviluppati x’imkien ieħor għall-kundizzjonijiet lokali. Dan jirriżulta f’opportunitajiet mitlufa biex jinkiseb impatt sistemiku u jiġi rrealizzat il-potenzjal sħiħ tal-investiment inizjali (spiss inkluż il-finanzjament pubbliku). Il-Kummissjoni qed tappoġġa l-istabbiliment ta’ ċentri nazzjonali ta’ kompetenza għall-innovazzjoni soċjali sabiex tagħti spinta lill-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni inkluż tal-atturi tal-ekonomija soċjali u ta’ intraprendituri soċjali ġodda
. Hemm ukoll lok għat-tisħiħ tal-kollaborazzjonijiet bejn is-settur pubbliku, l-atturi filantropiċi u tal-investiment soċjali, biex jiġu kkatalizzati aħjar ir-riżorsi disponibbli u jiġu permessi l-adozzjoni u r-replikazzjoni tal-innovazzjoni soċjali.
Il-Kummissjoni se:
–Tagħti spinta lill-innovazzjoni soċjali permezz ta’ approċċ ġdid għall-kooperazzjoni tranżnazzjonali taħt il-FSE+. Fl-2022 se jiġi stabbilit “Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza għall-Innovazzjoni Soċjali” ġdid. Dan se jorganizza tagħlim reċiproku u l-bini tal-kapaċitajiet għall-awtoritajiet rilevanti u l-istrutturi ta’ appoġġ. Barra minn hekk, se tiġi stabbilita skema ġdida ta’ għotjiet li tiffaċilita t-trasferiment u/jew l-espansjoni tal-innovazzjoni soċjali.
–Tipproponi fl-2022 Fond Ewropew ta’ Katalizzatur għall-Innovazzjoni Soċjali taħt Orizzont Ewropa li jinvolvi liċ-ċittadini, lill-akkademiċi, lill-intraprendituri, lill-filantropiċi, lill-investituri ta’ impatt u lill-amministraturi pubbliċi, bil-għan li jiġu appoġġati r-replikazzjoni u l-espansjoni ta’ innovazzjonijiet soċjali ta’ suċċess biex isir progress fl-objettivi tal-ħames Missjonijiet tal-UE.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipprovdi għotjiet taħt Orizzont Ewropa biex iżżid l-għarfien u tiffaċilita l-aċċess tal-intraprendituri soċjali għar-riżorsi ta’ ekosistemi tal-innovazzjoni pan-Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali.
5.It-tisħiħ tar-rikonoxximent tal-ekonomija soċjali u l-potenzjal tagħha
Kif muri mill-pajjiżi fejn hija l-aktar avvanzata, ekonomija soċjali li tkun aktar viżibbli, inkluż permezz tal-ġbir ta’ data u statistika xierqa, hija kruċjali għar-rikonoxximent u l-iżvilupp tagħha.
Mill-2011, il-Kummissjoni kkontribwiet biex issaħħaħ l-viżibbiltà u l-profil tal-ekonomija soċjali, tal-intrapriżi soċjali u tal-innovazzjoni soċjali madwar l-UE permezz ta’ diversi azzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-finanzjament jew tar-riċerka. Fl-Istati Membri wkoll, l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet ikkonċernati adottaw inizjattivi interessanti biex jagħtu spinta lill-viżibbiltà u lill-fehim tal-ekonomija soċjali, inklużi tikketti u mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni speċifiċi, jew kampanji ta’ komunikazzjoni fuq skala kbira.
L-evidenza turi li l-pubbliku ġenerali, inklużi ż-żgħażagħ u l-persuni żvantaġġati, is-sħab soċjali, il-partijiet ikkonċernati u l-finanzjaturi, għad m’għandhomx biżżejjed għarfien dwar l-impatt pożittiv tal-ekonomija soċjali. Peress li dan jaffettwa l-iżvilupp ta’ politiki ta’ appoġġ u opportunitajiet tas-suq rilevanti, l-għoti ta’ spinta lill-viżibbiltà tal-ekonomija soċjali jeħtieġ li jibqa’ prijorità. Il-Kummissjoni se tuża dan il-Pjan ta’ Azzjoni biex taħdem mal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livelli kollha biex jinżamm il-momentum.
Il-Kummissjoni se:
–Twettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni regolari skont approċċ ta’ komunikazzjoni fit-tul li jenfasizza r-rwol u l-ispeċifiċitajiet tal-ekonomija soċjali, anke b’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali.
Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll l-organizzazzjoni ta’ summits regolari tal-ekonomija soċjali ospitati mill-Istati Membri u minn atturi oħra.
L-eżistenza ta’ data u statistika rilevanti hija kruċjali wkoll biex il-mudelli ta’ negozju tal-ekonomija soċjali jiġu mifhuma aħjar u tiġi żgurata politika bbażata fuq l-evidenza. Madankollu, id-data eżistenti dwar l-ekonomija soċjali spiss tkun skarsa, mhux kompluta u diffiċli biex titqabbel. Pereżempju, ftit Stati Membri biss adattaw is-sistemi nazzjonali ta’ kontabilità tagħhom biex jiġbru data supplimentari (“kontijiet satellita”) dwar l-ekonomija soċjali, minkejja l-appoġġ finanzjarju disponibbli mill-baġit tal-UE. B’riżultat ta’ dan, l-istatistika dwar id-daqs, il-forza tax-xogħol, l-iżvilupp u l-isfidi tal-ekonomija soċjali hija nieqsa. Fil-livell tal-UE, ftit eżerċizzji komparattivi, iżda mhux eżawrjenti, tal-ġbir tad-data pprovdew stimi iżda dawn se jkollhom bżonn jiġu aġġornati. Hemm ukoll nuqqas ta’ data dwar id-daqs u l-piż potenzjali tad-donazzjonijiet filantropiċi u l-potenzjal li dan it-tip ta’ investiment privat jiġi ingranat għal aktar ekonomija soċjali u għanijiet oħra tal-politika tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa politiki bbażati fuq l-evidenza, billi tidentifika, tiġbor u tanalizza informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dwar l-ekonomija soċjali fl-Istati Membri kollha. Dan se jikkontribwixxi wkoll għall-monitoraġġ tal-ekosistema industrijali tal-Prossimità u l-Ekonomija Soċjali.
Il-Kummissjoni se:
–Tniedi studju ġdid biex tiġbor informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dwar l-ekonomija soċjali li tkopri lill-Istati Membri kollha tal-UE.
–Tniedi studju speċifiku dwar id-donazzjonijiet filantropiċi fl-UE.
Fl-aħħar nett, l-interess akkademiku fl-ekonomija soċjali kiber, iżda d-djalogu u l-arrikkiment reċiproku tal-ideat mad-dinja tat-tfassil tal-politika jistgħu jittejbu. Il-Kummissjoni se tfittex li tiffaċilita dawn l-iskambji.
6.It-triq ’il quddiem
Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-Kummissjoni ħadet passi sinifikanti biex tagħti spinta lill-iżvilupp tal-ekonomija soċjali u tal-intrapriżi soċjali bħala parti mill-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew. Il-kisbiet tal-passat jeħtieġ li jiġu kkonsolidati u msaħħa sabiex l-UE tkun tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet u tisfrutta l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-isfidi demografiċi u mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li tibni ekonomija ġusta, inklużiva u reżiljenti bħala tweġiba fit-tul għall-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19.
Dan il-pjan ta’ azzjoni jipprovdi qafas Ewropew sal-2030 biex ikompli jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali. Huwa jistabbilixxi serje ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti flimkien mal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-kisba tal-miri tiegħu dwar l-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar.
Il-Kummissjoni se tenfasizza l-potenzjal tal-ekonomija soċjali li toħloq l-impjiegi u trawwem il-koeżjoni soċjali fil-kuntest tal-proċess tas-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi.
Il-pjan ta’ azzjoni ġie żviluppat b’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali, u l-implimentazzjoni tiegħu se tirrikjedi bl-istess mod l-impenn u l-kooperazzjoni tagħhom fil-livelli kollha – tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, u internazzjonali.
L-implimentazzjoni b’suċċess se tiddependi wkoll fuq li tissieħeb mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadottaw jew jaġġornaw l-istrateġiji u l-miżuri tal-ekonomija soċjali tagħhom b’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali. Għal dan il-għan, hija tistedinhom jaħtru koordinaturi tal-ekonomija soċjali fl-istituzzjonijiet tagħhom biex imexxu l-istrateġiji tagħhom, jiżguraw tfassil konsistenti tal-politika fost id-dipartimenti tal-gvern, jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali u jikkoordinaw mal-awtoritajiet li jimmaniġġjaw il-fondi strutturali.
Il-Kummissjoni se tassisti lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-istrateġiji u l-miżuri tagħhom għall-ekonomija soċjali u tappoġġa l-ħidma tal-koordinaturi tal-ekonomija soċjali bil-għan li jiġi implimentat u segwit dan il-pjan ta’ azzjoni.
Il-Kummissjoni se taħdem ukoll fi sħubija mill-qrib ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE, jiġifieri l-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment.
Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE japprovaw dan il-Pjan ta’ Azzjoni u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-implimentazzjoni tiegħu bl-involviment dirett tal-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali. Hija se taħdem mal-grupp ta’ esperti tagħha dwar l-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali li se jiġġedded fi tmiem il-mandat attwali.
Il-Kummissjoni se tqis l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni fl-2025 u tippubblika rapport li jindika l-progress u l-iżviluppi l-ġodda.
Azzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom
Tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas tal-ekonomija soċjali. (ara t-taqsima 3.1)
|
2023
|
Torganizza webinars u workshops għall-uffiċjali pubbliċi fir-rigward ta’ diversi oqsma ta’ politika b’rilevanza għall-ekonomija soċjali. (ara t-taqsima 3.1)
|
2022, 2023
|
Tniedi inizjattiva ġdida taħt il-Programm tas-Suq Uniku li tappoġġa l-ħolqien ta’ sħubijiet lokali u reġjonali bejn l-entitajiet tal-ekonomija soċjali u n-negozji tradizzjonali, li jippermettu suq minn negozju għal negozju tax-“xiri soċjali”. (ara t-taqsima 3.3)
|
2022
|
Ittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-intraprendituri soċjali fil-Balkani tal-Punent, is-Sħubija tal-Lvant u l-Viċinat tan-Nofsinhar, billi tniedi azzjonijiet biex tingħata spinta lill-inizjattivi fil-livell lokali u biex l-intermedjarji jiġu appoġġati fl-iżvilupp ta’ prodotti finanzjarji adattati għall-ħtiġijiet tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali. (Ara t-taqsima 3.5)
|
2023
|
Tniedi Gateway tal-Ekonomija Soċjali tal-UE unika ġdida biex jiġi pprovdut punt tad-dħul ċar għall-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali u atturi u individwi rilevanti oħra li jfittxu informazzjoni dwar il-finanzjament, il-politiki u l-inizjattivi rilevanti tal-UE. (ara t-taqsima 4.1)
|
2023
|
Tniedi Akkademja ġdida tal-Politika dwar l-Intraprenditorija taż-Żgħażagħ, li se trawwem l-intraprenditorija taż-żgħażagħ, inkluż għall-intraprendituri nisa u soċjali, billi taħdem ma’ dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u man-networks tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ. (ara t-taqsima 4.1)
|
2022
|
Tniedi prodotti finanzjarji ġodda taħt il-programm InvestEU bil-għan li timmobilizza l-finanzjament privat immirat lejn il-ħtiġijiet tal-intrapriżi soċjali fi stadji differenti tal-iżvilupp. (ara t-taqsima 4.2)
|
2022
|
Tappoġġa l-iżvilupp tal-kejl u l-ġestjoni tal-impatt soċjali biex tassisti lill-atturi tal-ekonomija soċjali fl-UE. (ara t-taqsima 4.2)
|
2023
|
Tniedi perkors ta’ tranżizzjoni għall-ekosistema industrijali “Prossimità u ekonomija soċjali” biex taħdem aktar mal-awtoritajiet pubbliċi u mal-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni f’dan il-qasam. (ara t-taqsima 4.3)
|
2022
|
Tagħti spinta lill-innovazzjoni soċjali permezz ta’ approċċ ġdid għall-kooperazzjoni tranżnazzjonali taħt il-FSE+ u l-istabbiliment ta’ “Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza għall-Innovazzjoni Soċjali” ġdid. (ara t-taqsima 4.4)
|
2022
|