IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.9.2021
COM(2021) 580 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY
dwar ir-rieżami tal-qafas prudenzjali tal-UE għall-assiguraturi u r-riassiguraturi fil-kuntest tal-irkupru tal-UE wara l-pandemija
1.Solvenza II u l-kuntest tar-rieżami tagħha
Il-poloz tal-assigurazzjoni jiffurmaw parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej. Għal ħafna attivitajiet soċjali u ekonomiċi, hija meħtieġa polza tal-assigurazzjoni bħala protezzjoni kontra r-riskji potenzjali. Kuntratt tal-assigurazzjoni jista’ jkun ukoll prodott għat-tifdil, li se jiddetermina l-benessri fit-tul tad-detenturi, filwaqt li l-assiguraturi jistgħu jgħaddu dan it-tfaddil permezz tas-swieq finanzjarji għall-ekonomija reali. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom ukoll rwol essenzjali fl-ekonomija reali peress li jkopru r-riskji għall-individwi u n-negozji bi skambju għall-ħlas tal-primjums. Billi tiġbor flimkien primjums minn għadd kbir ta’ klijenti u tiddiversifika bejn għadd kbir ta’ riskji individwali, l-assigurazzjoni privata tipprovdi protezzjoni bi prezz affordabbli għall-individwi u n-negozji kontra avvenimenti li mod ieħor potenzjalment jistgħu jkunu devastanti finanzjarjament, u b’hekk tikkontribwixxi għar-reżiljenza tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna.
Il-kapaċità ta’ investiment tal-assiguraturi hija orjentata lejn l-ekonomija reali u tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u l-finanzjament fit-tul tan-negozji Ewropej, inklużi l-SMEs, u l-infrastruttura, li joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fl-Unjoni. Skont id-data mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), fl-2020 l-assiguraturi fl-UE ġabru aktar minn EUR 1 triljun fi primjums u ġarrbu pretensjonijiet ta’ madwar EUR 800 biljun.
Fi tmiem l-2020, b’mod ġenerali, l-assiguraturi u r-riassiguraturi tal-UE kienu rriżervaw aktar minn EUR 7 triljun biex ikunu jistgħu jħallsu għal pretensjonijiet futuri mistennija u kellhom assi b’valur ta’ aktar minn EUR 10 triljun, biex b’hekk is-settur kien fost l-akbar investituri istituzzjonali. Is-settur baqa’ kapitalizzat tajjeb matul il-pandemija tal-COVID-19 bi proporzjon medju ta’ kapital regolatorju għar-rekwiżiti kapitali ta’ 235 % fi tmiem l-2020, li iżda kien 7 punti perċentwali inqas milli kien fi tmiem l-2019.
Minħabba r-rwol kruċjali tagħhom, ir-reżiljenza finanzjarja tal-assiguraturi hija tal-ogħla importanza. Ir-regoli prudenzjali għal dan is-settur huma stabbiliti fid-Direttiva 2009/138/KE (Solvenza II), li ilha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016. L-objettivi prinċipali ta’ Solvenza II huma li jiġu protetti d-detenturi ta’ polza u l-benefiċjarji, kif ukoll li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja.
Id-Direttiva fiha diversi mandati għall-Kummissjoni biex tirrieżamina l-funzjonament tal-elementi ewlenin tar-regoli prudenzjali:
–Il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-funzjonament tal-miżuri li jkopru s-sitwazzjoni partikolari tal-assiguraturi li jipprovdu l-garanziji fit-tul, li huma rilevanti għal ħafna prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja. Dawn il-“miżuri ta’ garanzija fit-tul” għandhom l-għan li jtaffu l-impatt tal-fluttwazzjonijiet tas-suq fuq perjodu qasir fuq il-pożizzjonijiet ta’ solvenza tal-assiguraturi. Proporzjonijiet ta’ solvenza aktar stabbli jevitaw li jkun hemm żvantaġġi kompetittivi indebiti għall-mudelli tan-negozju bbażati fuq li joffru garanziji fit-tul u, fl-aħħar mill-aħħar, iżidu l-istabbiltà finanzjarja.
–Il-Kummissjoni trid tirrieżamina l-kalkoli tar-rekwiżiti kapitali. Dawn il-kalkoli huma mistennija li jkunu sensittivi għar-riskji li l-assiguraturi u r-riassiguraturi huma esposti għalihom, u r-reviżjoni għandha l-għan li tivverifika l-adegwatezza ta’ din is-sensittività għar-riskju.
–Il-mandat legali jkopri r-regoli relatati mal-ġestjoni kapitali fi ħdan il-gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.
–Il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-każ għal aktar allinjament tar-regoli tal-assigurazzjoni dwar il-ġestjoni ta’ kriżijiet u l-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni.
Lil hinn mill-mandati legali, ir-rieżami huwa opportunità għal riflessjoni usa’ dwar it-tagħlimiet meħuda mindu r-regoli daħlu fis-seħħ.
Minħabba l-volum sinifikanti ta’ investimenti ġestiti mill-assiguraturi u mir-riassiguraturi, ir-rieżami vvaluta wkoll jekk is-settur jistax jikkontribwixxi għall-prijoritajiet politiċi tal-UE — speċjalment l-Unjoni tas-Swieq Kapitali kif ukoll għall-miri klimatiċi u ambjentali skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Pereżempju, il-miri tal-klima tal-UE għall-2030 se jirrikjedu investiment annwali addizzjonali ta’ EUR 350 biljun sempliċiment biex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni fis-settur tal-enerġija. Ir-rwol tal-investiment privat sar ukoll aktar prominenti minħabba l-ħtieġa ta’ rkupru ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19. Filwaqt li s-settur tal-assigurazzjoni jista’ jikkontribwixxi għal dawk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament b’investimenti privati, jista’ jkollu wkoll rwol importanti fil-protezzjoni tal-individwi u n-negozji kontra r-riskji klimatiċi u b’hekk jgħin lis-soċjetà tagħna tadatta għat-tibdil fil-klima kif enfasizzat fl-istrateġija dwar l-adattament għall-klima.
Ir-rieżami kien opportunità biex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju jwassal għal investiment fit-tul mis-settur tal-assigurazzjoni.
Barra minn hekk, hemm kunsens fost il-partijiet ikkonċernati li l-prinċipju tal-proporzjonalità minqux f’Solvenza II, jiġifieri l-applikazzjoni tar-regoli b’mod li jkun proporzjonat man-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju ta’ assiguratur, jista’ jittejjeb. Filwaqt li Solvenza II hija ġeneralment meqjusa bħala suċċess, minħabba l-allinjament aktar mill-qrib tar-regoli prudenzjali ma’ prattiki ta’ ġestjoni tar-riskju tal-ogħla livell, dan seta’ rriżulta f’kumplessità żejda għal xi mudelli ta’ negozju.
Fl-aħħar nett, Solvenza II, kuntrarjament għall-qafas prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, bħalissa ma għandha l-ebda għodod makroprudenzjali speċifiċi biex jindirizzaw espliċitament l-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi, u sa issa m’hemm l-ebda qafas komuni għat-tħejjija u r-riżoluzzjoni għall-kriżijiet għall-assiguraturi li qed ifallu, fl-interess tad-detenturi tal-poloz u tal-pubbliku inġenerali.
F’dan l-isfond, dan ir-rieżami għandu l-għan li:
·jipprovdi inċentivi biex l-assiguraturi jikkontribwixxu għall-finanzjament sostenibbli fit-tul tal-ekonomija;
·ittejjeb is-sensittività għar-riskju;
·jimmitiga l-volatilità fuq terminu qasir eċċessiva fil-pożizzjonijiet ta’ solvenza tal-assiguraturi;
·itejjeb il-proporzjonalità;
·itejjeb il-kwalità, il-konsistenza u l-koordinazzjoni tas-superviżjoni tal-assigurazzjoni fl-UE, u jtejjeb il-protezzjoni tad-detenturi tal-poloz u tal-benefiċjarji, inkluż meta l-assiguratur tagħhom ifalli;
·jindirizza aħjar l-akkumulazzjoni potenzjali tar-riskju sistemiku fis-settur tal-assigurazzjoni;
·ittejjeb it-tħejjija għal xenarji estremi li jistgħu jwasslu għall-ħtieġa ta’ rkupru jew riżoluzzjoni tal-assiguratur jew ir-riassiguratur li jkun qed ifalli.
Għall-ħidma tagħha fuq ir-rieżami, il-Kummissjoni setgħet tibni fuq il-kontribuzzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati (prinċipalment ippreżentati matul il-konsultazzjoni pubblika) u l-opinjoni tal-EIOPA ppubblikata fis-17 ta’ Diċembru 2020.
Dwar is-sostenibbiltà, il-Kummissjoni qieset ukoll opinjoni separata mill-EIOPA, ippubblikata f’Settembru 2019. F’konformità ma’ dik l-opinjoni, il-Kummissjoni tipproponi li temenda r-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju għall-assiguraturi u r-riassiguraturi billi żżid obbligu ta’ analiżi tax-xenarji fuq terminu twil b’rabta mal-klima. Fi stadju aktar tard, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li testendi dan ir-rekwiżit għal riskji ambjentali oħra. Dan se jikkontribwixxi għall-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li r-riskji klimatiċi jiġu ġestiti u integrati fis-sistema finanzjarja u għall-oqsma strateġiċi ta’ azzjoni stabbiliti fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2021. Barra minn hekk, se tiġi varata aktar ħidma biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tar-rekwiżiti kapitali eżistenti tas-Solvenza II għall-assi ekoloġiċi.
Wara li kkonkludiet ir-rieżami tagħha, il-Kummissjoni qed tressaq proposti leġiżlattivi biex temenda d-Direttiva 2009/138/KE u biex toħloq qafas tal-UE għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-assiguraturi u r-riassiguraturi. Ir-reviżjoni tad-direttiva Solvenza II hija spjegata fit-taqsima li jmiss.
2.Implikazzjonijiet tar-rieżami għal Solvenza II u l-Atti Delegati li jissupplimentawha
Ir-rieżami għandu l-għan li jikseb il-bosta objettivi tiegħu billi jimmira lejn elementi speċifiċi tal-qafas regolatorju:
–It-titjib tas-sensittività għar-riskju u l-mitigazzjoni tal-volatilità indebita se jinkisbu permezz ta’ tibdil għall-miżuri ta’ garanzija fit-tul kif spjegat ukoll fit-taqsima 4, b’mod partikolari l-estrapolazzjoni ta’ rati ta’ interess mingħajr riskju u aġġustament tal-volatilità li jintużaw fil-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni.
–Se jkun possibbli li r-regoli prudenzjali jsiru aktar proporzjonali billi jkun permess li aktar assiguraturi żgħar jiġu eżentati mir-regoli ta’ Solvenza II u billi jinħoloq qafas aktar adattat għall-assiguraturi bħala assiguraturi bi profil ta’ riskju baxx.
–L-irfinar tar-regoli dwar it-trasparenza se jsir billi d-divulgazzjonijiet meħtieġa mill-assiguraturi jiġu adattati aħjar għall-informazzjoni meħtieġa mir-riċevituri, u billi ssir differenza bejn l-informazzjoni għad-detenturi ta’ polza u l-analisti.
–It-titjib tal-kwalità tas-superviżjoni u ż-żieda fil-livell tal-kundizzjonijiet se jsiru permezz ta’ bosta bidliet, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità kontinwa mar-regoli prudenzjali, in-negozju tal-assigurazzjoni transfruntiera u l-gruppi tal-assigurazzjoni.
–Se jiġi żgurat li r-riskji klimatiċi u sistemiċi jiġu ġestiti u sorveljati aħjar billi jiġu introdotti rekwiżiti ġodda dwar l-analiżi tax-xenarju fit-tul għall-klima.
Minħabba r-rabtiet mill-qrib bejn Solvenza II u r-Regolament Delegat (UE) 2015/35 tagħha, se jkunu meħtieġa emendi għaż-żewġ atti biex jintlaħqu l-objettivi kollha tar-rieżami.
Id-direttiva Solvenza II tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta ċerti regoli permezz ta’ atti delegati. F’għadd ta’ oqsma, il-Kummissjoni qed tipproponi aġġustamenti għal dawn ir-responsabbiltajiet sabiex tikseb l-objettivi tagħha f’dan ir-rieżami aħjar. F’tali każijiet, il-Kummissjoni se jkollha tistenna l-finalizzazzjoni tal-proċess leġiżlattiv qabel ma tippromulga l-bidliet meħtieġa għar-Regolament Delegat. Għaldaqstant, sabiex tiżgura li r-rieżami tal-qafas ta’ Solvenza II isir b’mod konsistenti, u fid-dawl tal-interazzjoni mill-qrib bejn is-suġġetti differenti, il-Kummissjoni mhijiex se tintroduċi tibdil fir-Regolament Delegat f’dan l-istadju.
Fid-dawl tal-importanza tas-suġġetti li se jkunu jeħtieġu bidliet għar-Regolament Delegat, il-Kummissjoni hija impenjata li tinteraġġixxi mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn sabiex tibda, mingħajr dewmien, it-taħditiet dwar il-kontenut possibbli ta’ dawn il-bidliet. Tali taħditiet se jsiru b’mod parallel mal-proċess leġiżlattiv għall-emendar ta’ Solvenza II. Il-Kummissjoni se tlaqqa’ laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Settur Bankarju, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni u r-Riżoluzzjoni.
3.Irkupru u Riżoluzzjoni
Il-proposta dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-assiguraturi/riassiguraturi u l-awtoritajiet rilevanti jkunu mħejjija aħjar biex jindirizzaw każijiet ta’ diffikultà finanzjarja sinifikanti fis-settur biex jimmitigaw il-konsegwenzi negattivi tagħhom. Se tipprovdi wkoll l-għodod meħtieġa lill-awtoritajiet nazzjonali biex jgħinu biex tinżamm il-kopertura tal-assigurazzjoni għad-detenturi ta’ polza u biex jipproteġu l-ekonomija reali, l-istabbiltà finanzjarja u lill-kontribwenti permezz ta’ proċess ordnat ta’riżoluzzjoni għall-assiguraturi li jfallu.
Minkejja l-qafas prudenzjali robust maħluq minn Solvenza II, is-sitwazzjonijiet ta’ diffikultà finanzjarja ma jistgħux jiġu esklużi kompletament. Il-falliment diżordinat tal-assiguraturi/riassiguraturi jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq id-detenturi ta’ polza, il-benefiċjarji, il-partijiet danneġġjati jew in-negozji affettwati, partikolarment meta servizzi ta’ assigurazzjoni kritiċi ma jkunux jistgħu jiġu sostitwiti f’ammont raġonevoli ta’ żmien u b’kost raġonevoli. Il-ġestjoni ta’ sitwazzjoni qrib il-falliment jew il-falliment ta’ ċerti (ri)assiguraturi, partikolarment gruppi transfruntieri kbar, jew il-falliment simultanju ta’ bosta (ri)assiguraturi jistgħu wkoll iwasslu għall-instabbiltà finanzjarja jew inkella jamplifikawha.
Il-proposta ġiet żviluppati f’konsistenza sħiħa mal-qafas ta’ Solvenza II u hija proporzjonali għall-karatteristiċi speċifiċi tan-negozju tal-assigurazzjoni/riassigurazzjoni. Se tikkomplementa l-qafas rivedut ta’ Solvenza II u se ssaħħaħ il-fiduċja fis-settur tal-assigurazzjoni fl-UE sabiex tkun jista’ jaqdi kompletament ir-rwol tiegħu fl-irkupru ekonomiku wara l-kriżi tal-COVID-19, f’konformità mal-objettivi politiċi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Patt Ekoloġiku Ewropew.
4.L-Atti Delegati li ġejjin
L-emendi futuri għar-Regolament Delegat se jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jinkisbu l-objettivi tar-rieżami ta’ Solvenza II. Rigward is-suġġetti għal rieżami mhux koperti f’din it-taqsima, il-Kummissjoni beħsiebha temenda r-regolament delegat ġeneralment f’konformità mal-Opinjoni tal-EIOPA.
Investimenti fl-ekwità
L-intenzjoni li jittejjeb il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija bħala parti mir-rieżami ta’ Solvenza II tissemma fil-pjan il-ġdid għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali adottat fl-24 ta’ Settembru 2020.
Kif imħabbar fil-pjan, aktar speċifikament il-Kummissjoni beħsiebha tivvaluta kemm huma xierqa r-regoli ta’ Solvenza II rigward il-kriterji għall-investimenti fl-ekwità fit-tul, il-kalkolu tal-marġni tar-riskju u l-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-assiguraturi - bil-għan kemm li tiġi evitata mġiba proċiklika indebita u biex tiġi riflessa aħjar in-natura fit-tul tan-negozju tal-assigurazzjoni.
Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tirrevedi l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-klassi ta’ assi ta’ ekwità fuq terminu twil li ġew introdotti permezz tar-Regolament Delegat (UE) 2019/931 (li emenda r-Regolament Delegat ta’ Solvenza II l-oriġinali).
B’mod partikolari, se tikkunsidra li tissimplifika l-kundizzjonijiet skont liema l-investimenti fl-ekwità, inkluż permezz ta’ fondi infrastrutturali, jiġu ttrattati bħala “fit-tul”. Dan iwassal biex jitwessa’ l-ambitu tal-ekwitajiet li jistgħu jkunu soġġetti għall-fattur ta’ riskju aktar favorevoli ta’ 22 % (minflok id-39 % ta’ referenza użat għal ekwitajiet elenkati u d-49 % għall-ekwitajiet mhux elenkati).
F’dan l-istadju, huwa diffiċli li jiġi vvalutat l-ammont ta’ investiment fl-ekwità li jista’ jibbenefika mit-trattament preferenzjali għal investimenti fit-tul abbażi ta’ sett rivedut ta’ kriterji. Skont xenarju kawt, li jassumi li 15 % biss tal-ekwitajiet addizzjonali jikkwalifikaw bħala fit-tul, it-tnaqqis fir-rekwiżiti kapitali għar-riskju tal-ekwistà jilħaq madwar EUR 10.5 biljun (tnaqqis ta’ aktar minn 6 % meta mqabbel mal-livelli attwali għall-assiguraturi bl-użu tal-formola standard). Dan il-flus jista’ jkompli jiġi investit fl-ekonomija.
Għaldaqstant, billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-trattament preferenzjali għall-investimenti fl-ekwità fit-tul, ir-rieżami tal-kriterji tal-eliġibbiltà għall-klassi tal-assi ta’ ekwitajiet fit-tul jgħin lill-assiguraturi jżidu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-irkupru ekonomiku u l-finanzjament fit-tul tan-negozji Ewropej, inklużi l-SMEs, u l-infrastruttura.
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tqis li l-qafas għall-investimenti fit-tul fl-ekwità jenħtieġ li jibqa’ prudenzjalment robust, sabiex ir-rieżami ma jkunx ta’ ħsara għall-protezzjoni tad-detenturi ta’ polza u l-istabbiltà finanzjarja, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għal Unjoni tas-Swieq Kapitali.
Marġni ta’ riskju
Il-marġni ta’ riskju huwa parti mill-valur tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni. Għandu l-għan li jiżgura li l-valwazzjoni tagħhom tkun konformi ma’ dak li parti oħra tkun teħtieġ biex taċċetta dawk l-obbligazzjonijiet fi trasferiment distakkat. Il-formola użata għall-kalkolu tal-marġni ta’ riskju turi tendenza, għan-negozju tal-assigurazzjoni fit-tul, li jipproduċi valuri aktar volatili u ogħla milli mistennija osservabbli fi tranżazzjonijiet distakkati. L-EIOPA pproponiet li tiġi emendata l-formola tal-marġni ta’ riskju b’żewġ parametri addizzjonali. L-ewwel, l-EIOPA qieset parametru “lambda” dependenti fuq il-ħin li waħdu jnaqqas il-valur u l-volatilità tal-marġni ta’ riskju għan-negozju fit-tul. It-tnaqqis ikun partikolarment sinifikanti għan-negozju aktar fit-tul. It-tieni, l-EIOPA ħasbet f’parametru ta’ livell minimu li jipprovdi salvagwardja u jiżgura li l-marġni tar-riskju ma jaqax taħt ċertu livell meta mqabbel mal-kalkolu attwali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-marġni ta’ riskju għal negozju partikolarment fit-tul.
Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tibni fuq l-approċċ tal-lambda propost mill-EIOPA, iżda mingħajr parametru tal-livell minimu, biex tippermetti mitigazzjoni tal-volatilità aktar effettiva milli skont il-proposta tal-EIOPA.
Se tikkunsidra wkoll li tnaqqas ir-rata tal-kost tal-kapital użata fil-kalkolu tal-marġni tar-riskju minn 6 % għal 5 %, f’konformità mat-tnaqqis fil-kost kapitali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tul l-aħħar snin.
Kollox ma’ kollox, dan it-tibdil maħsub inaqqas id-daqs tal-marġni tar-riskju b’aktar minn EUR 50 biljun madwar is-settur fl-UE, u b’hekk tiżdied il-kapaċità tal-industrija tal-assigurazzjoni li tinvesti fin-negozji tal-UE.
Aġġustament tal-volatilità
Ħafna kumpaniji tal-assigurazzjoni huma disposti li jżommu sehem sinifikanti tal-assi tagħhom fuq perjodu twil ta’ żmien. Madankollu, il-fluttwazzjonijiet fil-qosor fil-valur ta’ dawn l-assi jiġu riflessi meta tiġi kkalkulata l-pożizzjoni ta’ solvenza tagħhom. Dan huwa minkejja l-fatt li l-kumpanija tal-assigurazzjoni tista’ tkun kapaċi li żżomm dawn l-assi fit-tul u għal din ir-raġuni jista’ jkun li ma ġġarrabx telf fil-frattemp. L-aġġustament tal-volatilità għandu l-għan li jimmitiga l-volatilità fil-qosor tas-solvenza tal-assiguraturi billi jqis il-perspettiva fit-tul tal-kumpanija tal-assigurazzjoni. Inaqqas l-impatt tal-bidliet fuq terminu qasir fil-firxiet tal-kreditu fuq il-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni, biex b’hekk ir-riżorsi kapitali jsiru anqas volatili.
Id-Direttiva proposta żżid il-perċentwal tal-firxa tal-kreditu aġġustata għar-riskju li sservi ta’ bażi għall-aġġustament tal-volatilità. Aġġustament tal-volatilità ogħla li jirriżulta minn din il-bidla proposta jista’ jikkumpensa b’mod aktar effettiv għall-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-assi fil-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni.
Fl-istess ħin, l-esperjenza turi wkoll li l-impatt tal-aġġustament tal-volatilità fuq il-valur tal-obbligazzjonijiet jista’ jeċċedi l-moviment tal-prezzijiet tal-assi. Tali qabża fil-valur fl-aġġustament tal-volatilità tnaqqas b’mod artifiċjali l-provvedimenti tekniċi tal-assiguraturi, u għalhekk id-Direttiva proposta fiha salvagwardja li tindirizza l-kwistjoni.
Is-salvagwardja tieħu l-forma ta’ element speċifiku għall-impenn, li jenħtieġ li jiġi speċifikat permezz ta’ atti delegati. Biex tikkalkula dak l-element, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-parir tal-EIOPA u jista’ jkun li tibdel ir-Regolament Delegat biex tindirizza l-qabża fil-valur dovut għal differenza fis-sensittività għall-firxa tal-kreditu tal-assi u s-sensittività tal-obbligazzjonijiet għar-rata tal-imgħax.
Aġġustament ta’ korrispondenza
Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll emendi possibbli għar-Regolament Delegat f’konformità mal-parir tal-EIOPA fir-rigward tar-regoli dwar il-benefiċċji tad-diversifikazzjoni u l-eliġibbiltà tal-assi għall-aġġustament ta’ korrispondenza.
Meta l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jkollhom bonds jew assi oħrajn b’karatteristiċi simili għall-maturità, il-bidliet fil-firxiet fuq dawn l-assi ma jiġux realizzati bħala telf. L-aġġustament ta’ korrispondenza għandu l-għan li jqis il-fatt li ħafna kumpaniji tal-assigurazzjoni huma aktar probabbli li jżommu l-assi sal-maturità meta jidentifikaw portafolli ta’ assi u obbligazzjonijiet bi flussi ta’ flus korrespondenti (“portafoll tal-aġġustamenti ta’ korrispondenza”) u jimmaniġjaw tali portafolli separatament mill-bqija tan-negozju tagħhom. Aktar speċifikament, l-aġġustament ta’ korrispondenza jikkompensa parti mill-bidliet relatati mal-moviment fil-valur tal-assi f’portafolli tal-aġġustamenti ta’ korrispondenza bil-bidliet fil-valur tal-obbligazzjonijiet f’dawn il-portafolli. Għal dan il-għan, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jistgħu jirċievu approvazzjoni biex iżidu l-aġġustament ta’ korrispondenza mal-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax għall-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni f’portafoll tal-aġġustamenti ta’ korrispondenza.
Biex iqisu l-probabbiltà baxxa li r-riskji kollha jimmaterjalizzaw fl-istess ħin, u li l-gwadanni f’xi oqsma jistgħu jikkumpensaw għat-telf f’oħrajn, ir-rekwiżiti kapitali ta’ Solvenza II ġeneralment jipprevedu għall-benefiċċji tad-diversifikazzjoni bejn tipi differenti ta’ riskju. Minħabba l-ġestjoni separata ta’ portafoll tal-aġġustamenti ta’ korrispondenza u l-bqija tal-impriża, ir-regoli bħalissa jipprojbixxu r-rikonoxximent tal-benefiċċji tad-diversifikazzjoni bejn it-tnejn fil-kalkolu bil-formula standard tar-rekwiżiti kapitali. Madankollu, l-EIOPA sabet li l-ġestjoni separata fiha nfisha ma tipprevjenix id-diversifikazzjoni fil-prattika u l-projbizzjoni ġenerali tal-benefiċċji tad-diversifikazzjoni fil-kalkolu tal-formula standard jista’ jkun li rriżultat f’rekwiżiti kapitali għoljin għal xejn għall-kumpaniji li japplikaw l-aġġustament ta’ korrispondenza. Il-Kummissjoni għaldaqstant se tikkunsidra li tneħħi dik il-projbizzjoni ġenerali fil-kuntest tal-portafolli tal-aġġustament ta’ korrespondenza kif irrakkomandat mill-EIOPA. Il-benefiċċji ta’ diversifikazzjoni addizzjonali li jirriżultaw għall-kumpaniji li jużaw l-aġġustament ta’ korrispondenza u li jikkalkulaw ir-rekwiżiti kapitali bil-formula standard inaqqsu r-rekwiżiti kapitali tagħhom.
Barra minn hekk, jistgħu jiġu introdotti salvagwardji biex jiġi evitat abbon żejjed mill-aġġustament ta' korrispondenza meta l-portafoll korrespondenti jkun fih assi ristrutturati li jiddependu fuq il-prestazzjoni tal-assi sottostanti.
Benefiċċji tad-Diversifikazzjoni
Mod ieħor biex jiġi appoġġat il-provvediment tal-finanzjament fit-tul mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni huwa billi jittejjeb ir-rikonoxximent tal-benefiċċji tad-diversifikazzjoni bejn kategoriji differenti ta’ riskji tas-suq permezz ta’ parametri ta’ korrelazzjoni. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li temenda r-Regolament Delegat f’konformità mal-parir tal-EIOPA dwar l-istabbiliment tal-parametru tal-korrelazzjoni bejn ir-riskju tal-firxa u r-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax. Dan se jipprovdi aktar ċertezza mir-regoli attwali, fejn il-parametru tal-korrelazzjoni jiddependi fuq jekk il-kumpanija hijiex esposta għal żieda jew tnaqqis fir-rati tal-imgħax. Il-bidla se twassal ukoll, bħala medja, għal benefiċċji akbar għad-diversifikazzjoni bejn dawn iż-żewġ riskji.
Estrapolazzjoni
Ir-rati tal-interess huma xprun importanti għall-ammonti li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jridu jwarrbu għal pretensjonijiet u benefiċċji futuri. Għaldaqstant, il-ġestjoni tar-rati tal-interess hija kruċjali għan-negozju tal-assigurazzjoni/riassigurazzjoni, u jenħtieġ li r-regoli prudenzjali jipprovdu l-inċentivi xierqa f’dan ir-rigward.
Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom obbligi li jistgħu jirriżultaw fi pretensjonijiet jew ħlasijiet tal-benefiċċji fil-futur imbiegħed. Dan l-aspett fuq terminu twil tan-negozju tal-assigurazzjoni jagħmilha neċessarja li r-rati tal-imgħax jiġu estrapolati, minħabba li r-rati fis-swieq finanzjarji jistgħu jiġu osservati biss sa ċerti maturitajiet.
Minħabba li l-assiguraturi fil-biċċa l-kbira jiddependu fuq il-bonds, is-self jew investimenti simili b’introjtu fiss biex jikkorrespondu mal-obbligazzjonijiet tagħhom, huwa raġonevoli li jiġi ddeterminat il-punt tat-tluq għall-estrapolazzjoni fuq il-bażi tal-fond tas-swieq tal-bonds. Madankollu, l-informazzjoni dwar rati tal-imgħax aktar fit-tul tista’ tkun osservabbli minn strumenti finanzjarji oħrajn li mhumiex bonds. Sabiex tiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni tad-detenturi ta’ polza, id-Direttiva proposta tintroduċi tibdil għall-prinċipji biex jiġu estrapolati r-rati tal-imgħax mingħajr riskju. Id-Direttiva proposta tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-formula għall-estrapolazzjoni, sabiex il-metodu tal-estrapolazzjoni jqis informazzjoni dwar rata tal-imgħax aktar fit-tul, meta dawn ikunu disponibbli, biex tiġi evitata l-kompjaċenza u jiġu żgurati l-inċentivi xierqa.
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tikkunsidra tibni fuq il-formula u l-parametrizzazzjoni proposti mill-EIOPA.
Minħabba li l-metodu ta’ estrapolazzjoni l-ġdid se jkollu impatt sinifikanti fuq ir-riżorsi kapitali tal-assiguraturi f’bosta swieq, id-Direttiva proposta tipprevedi introduzzjoni gradwali tal-metodu sal-aħħar tal-2031, li hija konsistenti mad-durata tad-dispożizzjonijiet tranżitorji eżistenti fid-Direttiva Solvenza II. Din l-introduzzjoni gradwali se tevita t-tfixkil, billi l-impatt tal-metodu l-ġdid ta’ estrapolazzjoni se jiddaħħal bil-mod.
Il-kalkolu tar-rekwiżit kapitali għar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax
Analiżijiet reċenti wrew li r-regoli ta’ Solvenza II ma jirriflettux kif xieraq ir-riskji relatati maċ-ċaqliq tar-rati tal-imgħax, meta dawn ir-rati jkunu baxxi jew saħansitra negattivi.
Ir-rekwiżit kapitali għar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax bil-formula standard jenħtieġ għalhekk li jiġi rivedut biex iqis l-esperjenza miksuba fl-aħħar snin f’ambjent ta’ rati tal-imgħax baxxi.
Barra minn hekk, il-kalkolu tal-formula standard jenħtieġ li jkun konsistenti wkoll mal-metodoloġija għad-determinazzjoni tar-rati tal-imgħax mingħajr riskju għall-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-estrapolazzjoni.
Il-Kummissjoni għaldaqstant se tikkunsidra li tirrifletti l-parir tal-EIOPA dwar il-kalkolu tar-rekwiżit kapitali għar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax, bl-eċċezzjoni ta’ provvediment għall-estrapolazzjoni għar-rati tal-imgħax fit-tul.
Għal dan il-għan, għal kull munita, ir-rati tal-imgħax bla riskju stressjati għall-maturitajiet sal-punt tat-tluq tal-linja bażi tal-estrapolazzjoni se jiġu derivati abbażi tal-approċċ u l-parametrizzazzjoni proposti mill-EIOPA fl-Opinjoni tagħha. Ir-rati li jifdal jistgħu jiġu estrapolati fl-istess mod bħar-rati bla riskju tal-linja bażi, madankollu, lejn rata forward aħħarija stressjata.
B’mod simili għall-emendi għar-regoli dwar l-estrapolazzjoni, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tintroduċi l-bidliet għall-kalkolu tal-formula standard għar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax gradwalment fuq perjodu ta’ ħames snin wara l-adozzjoni tal-emendi, kif propost mill-EIOPA fl-Opinjoni tagħha.
Rikonoxximent ulterjuri tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju fi ħdan il-formola standard
Il-Kummissjoni se tikkunsidra li testendi r-rikonoxximent, fi ħdan il-formula standard, ta’ forom innovattivi ta’ kondiviżjoni tat-telf mhux proporzjonali bejn l-assiguraturi u r-riassiguraturi tagħhom, f’konformità mal-Opinjoni tal-EIOPA. F’dan il-kuntest, l-introduzzjoni ta’ salvagwardji speċifiċi tgħin biex jiġu esklużi każijiet possibbli li r-riskji jiġu sottovalutati.
L-effett ta’ garanziji jew riassigurazzjoni kompatibbli mal-għajnuna mill-Istat
Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll li tipprovdi ċ-ċarezza dwar ir-rikonoxximent tal-effett ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ garanziji jew riassigurazzjoni pprovduti mill-Istati Membri, f’konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE, fil-kuntest tas-sottoskrizzjoni tal-assigurazzjoni u r-riskji tas-suq.
Pereżempju, bosta Stati Membri pprovdew skemi bħal dawn tul il-kriżi tal-COVID-19, biex jiżguraw li l-assiguraturi tal-kreditu kienu kapaċi jkomplu jipprovdu l-protezzjoni minkejja ċ-ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali.
Self ipotekarju
Finalment, huwa meħtieġ aktar xogħol fuq il-valutazzjoni tar-riskju relatat mas-self ipotekarju li joriġina mill-assiguraturi, biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ arbitraġġ regolatorju bejn settur u ieħor. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-emenda tal-atti delegati sabiex tallinja aħjar l-ikkalibrar tar-riskju ta’ inadempjanza tal-kontroparti bil-formola standard għas-self ipotekarju mal-qafas tar-riskju ta’ kreditu għas-settur bankarju.
5.Ħidma li għaddejja lil hinn mir-Rieżami ta’ Solvenza II
Lil hinn mill-ħidma fuq ir-rieżami deskritta fit-taqsimiet preċedenti, il-Kummissjoni qiegħda tevalwa l-każ għal allinjament potenzjali tar-regoli dwar l-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni u qiegħda timmonitorja r-rwol tal-assigurazzjoni fil-kuntest tal-interruzzjoni tan-negozju tul il-pandemiji. Il-Kummissjoni se tkompli din il-ħidma bil-ħsieb ta’ inizjattivi futuri possibbli.
5.1. Skemi ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni
L-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni (IGSs) jużaw kontribuzzjonijiet miġbura mill-industrija tal-assigurazzjoni biex jipprovdu protezzjoni tal-aħħar istanza għad-detenturi ta’ polza, il-benefiċjarji u l-partijiet danneġġati meta l-assiguraturi tagħhom ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-impenni kuntrattwali tagħhom f’każ ta’ falliment.
Fl-UE bħalissa ma hemmx qafas armonizzat għal dawn l-iskemi. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri stabbilixxew skema waħda jew aktar, spiss b’risposta għal fallimenti passati mill-assiguraturi, iżda dawn ivarjaw f'termini tal-ambitu, il-karatteristiċi u t-tifsila. Fl-opinjoni tagħha dwar ir-rieżami tal-2020 ta’ Solvenza II, l-EIOPA rrakkomandat li l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija jiġu allinjati fil-livell tal-UE, abbażi ta’ sett ta’ prinċipji minimi.
Il-ħolqien ta’ xbieki ta’ sikurezza tal-aħħar istanza jistgħu, pereżempju, jippromwovu l-fiduċja fis-suq uniku.
Madankollu, l-introduzzjoni ta’ qafas komuni minimu għal dawn l-iskemi fl-Ewropa jista’ jinvolvi spejjeż ta’ implimentazzjoni sinifikanti għall-assiguraturi, b’mod partikolari fl-Istati Membri li bħalissa ma għandhomx tali skema jew fejn ikunu meħtieġa bidliet fl-iskemi eżistenti biex jiġu konformi mal-qafas il-ġdid.
Il-Kummissjoni vvalutat dawn l-impatti kollha fir-rieżami tagħha ta’ Solvenza II u tqis li, minħabba l-inċertezzi ekonomiċi maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll il-ħtieġa ta’ attenzjoni ffukata fuq l-irkupru ekonomiku, l-azzjoni biex jiġu allinjati r-regoli għall-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni mhijiex xierqa f’dan l-istadju.
Madankollu, minħabba li tali azzjoni tkun tikkostitwixxi titjib kbir fil-protezzjoni tad-detenturi ta’ polza madwar l-UE, il-Kummissjoni hija impenjata li tirrievalwa l-approprjatezza u t-twaqqit tal-allinjament fil-futur.
5.2. Ir-rwol tal-assigurazzjoni matul il-pandemiji u avvenimenti oħra ta’ tfixkil fuq skala kbira
Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat xi kwistjonijiet b’rabta mar-rwol li l-assiguraturi u r-riassiguraturi jistgħu jaqdu biex jipprovdu protezzjoni kontra l-konsegwenzi ta’ avvenimenti sistemiċi li jfixklu l-ekonomija, speċjalment meta l-gvernijiet jiddeċiedu li jwaqqfu l-attività pubblika u n-negozju privat.
L-esperjenza għandha tippermetti li jinsiltu tagħlimiet u jiġu identifikati modi biex is-soċjetà titħejja aħjar għal avvenimenti ta’ tfixkil fuq skala kbira fil-futur.
Il-pandemija enfasizzat il-ħtieġa għal informazzjoni aktar ċara u sempliċi dwar it-termini tal-kopertura tal-assigurazzjoni u l-garanziji offruti lill-konsumaturi, b’mod partikolari rigward l-assigurazzjoni tal-interruzzjoni tan-negozju u tal-ivvjaġġar, u li kostantement jiġi vverifikat li l-prodotti tal-assigurazzjoni jkomplu jimxu mal-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni beħsiebha taħdem mill-qrib mal-EIOPA biex tintensifika s-sorveljanza tal-prodotti tal-assigurazzjoni u tanalizza l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-konsumatur fl-ambjent postpandemiku.
Aktar fit-tul, il-Kummissjoni se tqis il-vijabbiltà tal-modi potenzjali li nżidu kemm it-tħejjija kif ukoll ir-reżiljenza tagħna għall-pandemiji u avvenimenti simili, inkluż permezz tal-użu tal-kapaċitajiet ta’ previżjoni. Għal dan il-għan, hija involuta f’taħditiet mal-partijiet ikkonċernati kollha biex tesplora mekkaniżmi u inċentivi għal aktar kuxjenza u kopertura ta’ riskji relatati mal-pandemiji fil-kuntratti tal-assigurazzjoni, inklużi riskji ta’ “interruzzjoni tan-negozju mhux minħabba ħsara” (non-damage business interruption risks), u biex tiżdied ir-reżiljenza tal-ekonomija għal diversi avvenimenti fuq skala kbira.
Dan huwa dibattitu kumpless li jeħtieġ valutazzjoni tal-assigurabbiltà ta’ bosta tipi ta’ riskju sistemiku. Irid ukoll iqis bosta sfidi, inkluża evalwazzjoni tad-disponibbiltà ta’ riżorsi finanzjarji fl-ambjent postpandemiku, u fil-kuntest ġenerali tal-fażi tal-irkupru, biex titjieb ir-reżiljenza għal avvenimenti inċerti fil-futur.
Dan jeħtieġ ukoll li tiġi vvalutata l-kapaċità tas-settur tal-assigurazzjoni li jforni kopertura tal-assigurazzjoni msaħħa kontra riskji relatati mal-pandemiji, u biex jifforma, ukoll abbażi tal-kapaċitajiet ta’ previżjoni, fehim tajjeb tal-ħtiġijiet tan-negozji (ta’ daqsijiet differenti) għal prodotti tal-assigurazzjoni fl-ambjent postpandemiku.
L-EIOPA kisbet għarfien espert rilevanti f’dan il-qasam u diġà bdiet ħidma esploratorja biex tivvaluta l-għażliet u l-miżuri rigward l-assigurabbiltà ta’ telf minħabba pandemija, inklużi mekkaniżmi għall-prevenzjoni tar-riskji pandemiċi u forom ta’ kopertura tal-assigurazzjoni għar-riskji tal-interruzzjoni tan-negozju matul pandemiji.
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-EIOPA u l-partijiet ikkonċernati kollha fuq xi wħud mill-elementi li jikkonċernaw l-assigurazzjoni tal-interruzzjoni tan-negozju tul il-pandemiji, imsemmija qabel.
Minbarra l-esperjenza tal-pandemija tal-COVID-19, l-għargħar u n-nirien fl-Ewropa tul ix-xhur sajfin tal-2021 urew, għal darba oħra, l-impatti li qed jintensifikaw tal-kriżi tal-klima, u ssottolinjaw l-importanza li titqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-kopertura tal-assigurazzjoni għar-riskji klimatiċi. Filwaqt li l-assiguraturi ħallsu kumpensi konsiderevoli, id-dannu kumplessiv għas-sidien tal-proprjetà kien ferm ogħla, u ħafna proprjetajiet ma kinux assigurati kontra d-dannu mġarrab.
Il-kopertura tal-assigurazzjoni kontra r-riskji klimatiċi bejn l-Istati Membri, u l-kumpens medju tal-assigurazzjoni għat-telf mir-riskji klimatiċi kien baxx daqs 5 % jew anqas f’xi partijiet tal-Ewropa. It-tibdil fil-klima jista’ jiggrava l-problema minħabba perikli addizzjonali, bħal nuqqas staġjonali sever ta’ ilma.
Sabiex tanalizza l-problemi u tintensifika l-isforzi biex tnaqqas id-distakk tal-protezzjoni tal-klima, il-Kummissjoni se twaqqaf Djalogu dwar ir-Reżiljenza għall-Klima sal-2022, li jlaqqa’ flimkien l-assiguraturi, ir-riassiguraturi, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn.
6.Konklużjonijiet
B’konklużjoni, is-settur tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandu rwol importanti x’jaqdi biex jinkisbu bosta objettivi ta’ prijorità għolja tal-UE. Ir-rieżami ta’ Solvenza II huwa strumentali f’dan ir-rigward, minħabba li jagħmel is-settur aktar reżiljenti u effiċjenti, kif ukoll jagħti spinta lill-kapaċità tiegħu għall-investiment.
Il-Kummissjoni għalhekk titlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex javvanzaw malajr fin-negozjati interistituzzjonali dwar l-emendi għad-Direttiva 2009/138/KE – u l-ħolqien ta’ qafas ta’ riżoluzzjoni għall-assiguraturi.