Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE2419

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika (riformulazzjoni)” (COM(2021) 558 final — 2021/0203 (COD))

    EESC 2021/02419

    ĠU C 152, 6.4.2022, p. 134–137 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 152/134


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika (riformulazzjoni)”

    (COM(2021) 558 final — 2021/0203 (COD))

    (2022/C 152/22)

    Relatur:

    Alena MASTANTUONO

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 13.9.2021

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.9.2021

    Bażi legali

    Artikoli 194(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fil-plenarja

    9.12.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    565

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    118/1/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta għar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, peress li tindirizza qasam ta’ azzjoni li huwa kruċjali biex tinkiseb dekarbonizzazzjoni sħiħa tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE.

    1.2.

    Il-KESE jilqa’ n-natura vinkolanti tal-mira l-ġdida tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi li l-miri tal-effiċjenza dejjem aktar eżiġenti fil-livell tal-UE, li jitolbu li l-Istati Membri jnaqqsu l-konsum tal-enerġija b’9 % fl-2030 meta mqabbel mal-projezzjonijiet tax-xenarju ta’ referenza tal-2020, huma ta’ sfida u ambizzjużi. Skont ir-Rapport ta’ Progress tal-2020 (1), huma biss 12-il Stat Membru li bejn wieħed u ieħor laħqu l-miri nazzjonali indikattivi tagħhom għall-2020.

    1.3.

    Il-pandemija tal-COVID-19 imminat l-isforzi kollettivi tal-UE u ċertament se jkollha konsegwenzi ulterjuri f’termini tal-ilħuq ta’ miri ogħla. L-ilħuq tal-kontributi nazzjonali indikattivi se jirrikjedi sforzi akbar mill-Istati Membri kollha, u għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi differenti ta’ kull Stat Membru.

    1.4.

    Il-KESE jtenni l-pożizzjoni tiegħu fl-Opinjoni dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima (2) li l-għan għandu jkun li jinkiseb l-akbar tnaqqis possibbli tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bl-inqas kost soċjoekonomiku possibbli. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu kkombinati strumenti kompatibbli ma’ suq regolat tajjeb u miżuri regolatorji fejn meħtieġ, inklużi strumenti finanzjarji bl-appoġġ tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u tan-Next Generation EU biex jikkontribwixxu għal ambjent tal-enerġija aktar effiċjenti.

    1.5.

    Il-KESE jilqa’ r-rwol ewlieni tas-settur pubbliku, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, stabbilit fid-Direttiva riformulata proposta dwar l-Effiċjenza Enerġetika, u jenfasizza li dan se jirrikjedi li jkun hemm biżżejjed għajnuna finanzjarja u teknika kif ukoll persunal imħarreġ. Il-Kumitat japprova l-miżuri relatati mar-rinnovazzjoni u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija li għandhom jiġu adottati mis-settur pubbliku, u jqis li dawn jgħinu lis-settur tal-kostruzzjoni, b’mod speċifiku lill-SMEs, u huma inċentiv biex jiġu żviluppati u implimentati teknoloġiji ġodda u jinħolqu impjiegi fl-ambitu tal-Istrateġija Mewġa ta’ Rinnovazzjoni.

    1.6.

    Il-KESE japprezza wkoll l-enfasi akbar fuq l-għoti ta’ informazzjoni u l-awtonomizzazzjoni tal-konsumaturi, pereżempju fil-qasam tar-rekwiżiti kuntrattwali jew l-użu ta’ lingwaġġ ċar u li jinftiehem. Huwa jisħaq fuq ir-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fil-kampanji ta’ informazzjoni dwar il-benefiċċji tal-effiċjenza enerġetika.

    1.7.

    Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija wriet kemm din il-kwistjoni tista’ taffettwa malajr u b’mod sever l-unitajiet domestiċi u n-negozji. L-importanza tal-miżuri biex jittaffew dawn l-ispejjeż saret ċara aktar kmieni milli kien mistenni. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-inċentivi u l-għodod għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika biex jiġu megħjuna l-klijenti u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli, u jirrimarka li miri ambizzjużi għat-tisħin/tkessiħ distrettwali jistgħu jaggravaw il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali. Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ l-proposta li jinħoloq Fond Soċjali għall-Klima, u jitlob li jkun hemm konformità mal-prinċipju ta’ “tranżizzjoni ġusta” sabiex jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti tal-Istati Membri.

    1.8.

    Il-KESE jifhem l-għan u l-benefiċċji tal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”. Madankollu, din mhux dejjem hija soluzzjoni kosteffettiva. F’xi każijiet jista’ jkun aktar effiċjenti li minflok tiġi ffrankata l-enerġija, tiġi prodotta minn sorsi sikuri u sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

    1.9.

    Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jiżguraw sinerġiji bejn l-inizjattivi fl-ambitu tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”. Fil-każ ta’ emendi sostantivi għall-pakkett, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jfasslu valutazzjoni tal-impatt.

    2.   Sfond u fatti

    2.1.

    L-effiċjenza enerġetika hija qasam ewlieni ta’ azzjoni fit-triq lejn id-dekarbonizzazzjoni sħiħa tal-ekonomija tal-Unjoni. Id-Direttiva riformulata proposta dwar l-Effiċjenza Enerġetika hija komponent importanti tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”, li jimplimenta l-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku tal-UE u jistabbilixxi t-triq biex jintlaħqu l-għanijiet il-ġodda tal-Unjoni li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-inqas 55 % sal-2030.

    2.2.

    Il-proposta hija parti minn din il-politika usa’ u għandha tkun konsistenti b’mod sħiħ ma’ inizjattivi oħra tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” (bħall-bidliet fis-sistema EU ETS; l-aġġustament tal-mekkaniżmu finanzjarju biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-pakkett; ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi; id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli; standards tal-emissjonijiet aktar qawwija għall-vetturi bil-mutur; u d-Direttiva riveduta dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi) sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli mixtieq tal-UE.

    2.3.

    L-għan ewlieni tal-proposta huwa li jitnaqqas l-użu kumplessiv tal-enerġija u l-emissjonijiet. L-objettivi bażiċi tagħha huma: li jiġi sfruttat il-potenzjal mhux sfruttat tal-iffrankar tal-enerġija fl-ekonomija kollha; li jiġu riflessi l-miri akbar tal-effiċjenza enerġetika tal-Pjan dwar il-Mira Klimatika; u li jiġu stabbiliti miżuri għall-Istati Membri li huma kompatibbli mal-mira klimatika aktar ambizzjuża għall-2030 ta’ tnaqqis ta’ 55 % tal-emissjonijiet. Dan irid isir billi jiġu kkunsidrati kif imiss il-fatturi soċjali u dwar is-sostenibbiltà, billi jkun hemm kontribut għal konsum tal-enerġija bi prezz raġonevoli u inklużiv kif miftiehem mill-Impenn Soċjali konġunt ta’ Porto u filwaqt li jiġi osservat bis-sħiħ il-prinċipju ta’ “tranżizzjoni ġusta”.

    2.4.

    Dan jibni fuq il-prinċipju gwida ta’ “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, li għandu jitqies fis-setturi kollha, u jmur lil hinn mis-sistema tal-enerġija u jinkludi s-settur finanzjarju.

    2.5.

    Id-Direttiva riformulata tipproponi li tiġi stabbilita mira annwali vinkolanti aktar ambizzjuża għat-tnaqqis tal-użu tal-enerġija fil-livell tal-UE. Għandha wkoll l-għan li tiggwida l-istabbiliment tal-kontributi nazzjonali, li kważi se jirduppjaw l-obbligi annwali tal-Istati Membri għall-iffrankar tal-enerġija.

    2.6.

    Bħala xprun u biex ikun ta’ eżempju għal setturi oħra, is-settur pubbliku se jkun meħtieġ jirrinnova 3 % tal-istokk tal-bini tiegħu kull sena biex titħaffef il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni u tiġi kkunsidrata l-effiċjenza enerġetika fl-akkwist pubbliku ta’ oġġetti, servizzi, xogħlijiet u bini. Iż-żewġ inizjattivi għandhom il-potenzjal li joħolqu impjiegi sostenibbli ġodda u jnaqqsu l-infiq pubbliku fuq l-użu u l-ispejjeż tal-enerġija.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta għal Direttiva riformulata dwar l-Effiċjenza Enerġetika, peress li tindirizza qasam ta’ azzjoni li huwa kruċjali biex tinkiseb dekarbonizzazzjoni sħiħa tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE. B’mod ġenerali, it-tilħiq tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi jirrikjedi li l-politiki kollha dwar il-klima u l-enerġija jiġu mfassla mill-ġdid. It-tisħiħ tal-qafas tal-politika dwar l-effiċjenza enerġetika permezz ta’ taħlita speċifika ta’ miżuri ta’ politika se jgħin biex jimmobilizza l-investiment meħtieġ għat-tranżizzjoni. Għalhekk, il-KESE jemmen li r-reviżjoni tad-Direttiva, li tinkludi l-mira ġenerali tal-effiċjenza enerġetika għall-UE, għandha tibgħat is-sinjal it-tajjeb għal din ir-riforma.

    3.2.

    Il-KESE japprezza l-kisbiet tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika. Fl-istess ħin, il-Kumitat huwa konxju sew dwar in-nuqqasijiet fl-isforzi kollettivi tal-UE biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija.

    3.3.

    Il-pandemija tal-COVID-19 imminat l-isforzi kollettivi tal-UE u ċertament se jkollha konsegwenzi ulterjuri f’termini tal-ilħuq ta’ miri ogħla. Il-kisba tal-kontributi nazzjonali indikattivi se tirrikjedi sforzi akbar mill-Istati Membri kollha. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu kkombinati strumenti kompatibbli ma’ suq regolat sew, bħal taxxi, dazji u drittijiet limitati iżda li jistgħu jiġu nnegozjati, bħas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS), u miżuri regolatorji, fejn meħtieġ.

    3.4.

    Il-KESE jtenni l-osservazzjoni li għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima (3) li l-għan għandu jkun li jinkiseb l-akbar tnaqqis possibbli tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bl-inqas kost soċjoekonomiku possibbli. Jeħtieġ li jintlaħaq il-bilanċ it-tajjeb sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE b’kost totali minimu. Il-kosteffiċjenza tal-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija tipikament tonqos hekk kif il-volum tal-enerġija ffrankata jiżdied: il-miżuri inizjali jistgħu jiġu applikati faċilment, iżda miżuri ulterjuri jiswew aktar flus u jagħtu riżultat iżgħar. Il-proposta għandha ssib bilanċ u tiżgura li l-kost eċċessiv ma jiġix mgħoddi lill-konsumaturi tal-enerġija.

    3.5.

    Il-KESE jappoġġja l-inċentivi u l-għodod għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, sabiex jittaffew l-impatt soċjali tal-proposta u biex jiġu megħjuna l-konsumaturi u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli li ntlaqtu partikolarment ħażin mill-COVID-19. Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari l-proposta li jinħoloq Fond Soċjali għall-Klima, li għandu jipprovdi riżorsi finanzjarji addizzjonali bil-għan li tiġi evitata żieda fil-faqar enerġetiku, u jitlob li jkun hemm konformità mal-prinċipju ta’ “tranżizzjoni ġusta” sabiex jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti tal-Istati Membri.

    3.6.

    Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jiżguraw sinerġiji bejn l-inizjattivi fl-ambitu tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”. Fil-każ ta’ emendi sostantivi għall-pakkett, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jfasslu valutazzjoni tal-impatt.

    3.7.

    Il-KESE jilqa’ r-rwol ewlieni stabbilit fid-Direttiva għas-settur pubbliku, li għandu jaħdem fuq it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija fis-servizzi u fil-bini. Il-KESE jifhem l-isfida li jsir progress fis-setturi rilevanti kollha, fuq kollox fit-trasport, fil-bini pubbliku, fl-ICT, fil-ġestjoni tat-territorju, u fil-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart. Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-Artikolu 6 tad-Direttiva jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ rinnovazzjoni biex jinkludi l-korpi pubbliċi kollha fil-livelli amministrattivi kollha u l-aspetti kollha tal-attivitajiet tagħhom. Il-KESE jenfasizza li dan ser jirrikjedi assistenza finanzjarja u teknika suffiċjenti kif ukoll persunal imħarreġ. Għalhekk, f’konformità mal-Opinjoni tiegħu dwar ir-riforma tal-qafas fiskali tal-UE (4), il-KESE jirrakkomanda li tiġi applikata r-“regola tad-deheb” għall-investiment pubbliku biex tiġi ssalvagwardjata l-produttività u l-bażi soċjali u ekoloġika għall-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri. Il-KESE jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jaħdmu flimkien mal-gvern ċentrali u l-partijiet kollha tas-settur tal-kostruzzjoni sabiex jinkisbu sinerġiji u jiġu eliminati l-ostakli bla bżonn għall-implimentazzjoni tal-miri ta’ rinnovazzjoni.

    3.8.

    Il-KESE japprova l-miżuri li għandhom jiġu adottati mis-settur pubbliku bil-għan li jiġi appoġġjat is-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari l-SMEs, u li jiġu żviluppati u implimentati teknoloġiji ġodda skont l-Istrateġija Mewġa ta’ Rinnovazzjoni. Kriterji bħall-kosteffettività u l-fattibbiltà ekonomika kif ukoll kriterji ta’ kwalità u soċjali għandhom jiġu applikati fl-akkwist pubbliku u jibqa’ jkollhom rwol f’oqsma oħra biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

    3.9.

    Il-KESE jilqa’ n-natura vinkolanti tal-mira l-ġdida tal-UE u għalhekk jirrakkomanda li l-miri nazzjonali indikattivi jqisu l-punti ta’ tluq differenti u ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi u l-potenzjal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, inklużi dawk tal-Istati Membri gżejjer u l-gżejjer l-oħrajn, kif ukoll l-isforzi li saru f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2020 (5).

    3.10.

    Il-KESE jenfasizza r-rabta mill-qrib bejn l-isforz biex tinkiseb l-effiċjenza enerġetika u l-missjoni u l-miri tan-Next Generation EU, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-KESE jitlob li sehem sostanzjali mis-37 % tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li huma delimitati għall-proġetti ekoloġiċi jiġu allokati għal proġetti tal-effiċjenza enerġetika f’konformità mad-domanda reali u l-ħtieġa f’kull Stat Membru.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Il-KESE jifhem l-għan u l-benefiċċji tal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”. Madankollu, din mhux dejjem hija soluzzjoni kosteffettiva u dan il-prinċipju ma għandux jitqies bħala Vanġelu. F’xi każijiet jista’ jkun aktar effiċjenti li minflok tiġi ffrankata l-enerġija, tiġi prodotta minn sorsi sikuri u sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

    4.2.

    Il-KESE jirrakkomanda li jitqiesu d-differenzi nazzjonali meta jiġu adattati l-perċentwali fl-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika: ma għandux ikun hemm rata fissa waħda għall-Istati Membri kollha iżda minflok rata differenzjata mfassla apposta għaċ-ċirkostanzi ta’ kull pajjiż. Jekk il-formula għall-kalkolu tal-kontributi tal-Istati Membri għall-miri tal-effiċjenza enerġetika għandha tkun ibbażata parzjalment fuq l-intensità enerġetika tal-PDG, din għandha tiġi aġġustata biex tirrifletti s-sehem tal-industrija fil-PDG, sabiex pajjiżi aktar industrijalizzati ma jkunux żvantaġġati.

    4.3.

    Il-KESE jilqa’ r-rekwiżit li l-Istati Membri jirrapportaw dwar l-istrumenti tal-effiċjenza enerġetika, inkluża l-prestazzjoni tagħhom. Fl-istess waqt, il-KESE, flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fl-Istati Membri, inklużi l-imsieħba soċjali, huwa lest li jkollu rwol ta’ appoġġ fit-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ assistenza fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-KESE jissottolinja l-importanza li l-partijiet ikkonċernati kollha (il-produtturi, il-fornituri, il-maniġers tal-faċilitajiet, l-utenti u l-konsumaturi) jiġu infurmati kif imiss dwar ir-rekwiżiti addizzjonali sabiex tiżdied l-adozzjoni tal-kuntratti tal-effiċjenza enerġetika u tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Huwa jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tieħu rwol attiv u ewlieni hawnhekk u jtenni l-importanza tas-soċjetà ċivili, li hija ħerqana li tikkontribwixxi għal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni u li tippromovi programmi ta’ taħriġ.

    4.4.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma inkludietx obbligi mandatorji għall-awditi, peress li dan jimponi kundizzjonijiet fuq il-pjani ta’ investiment tal-kumpaniji. Il-kumpaniji dejjem huma lesti li jtejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom, u s-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija wrew li huma alternattiva kosteffettiva għall-awditi.

    4.5.

    Il-KESE japprezza wkoll l-enfasi akbar fuq l-għoti ta’ informazzjoni u l-awtonomizzazzjoni tal-konsumaturi, fir-rigward ir-rekwiżiti kuntrattwali u l-użu ta’ lingwaġġ ċar u li jinftiehem. Huwa jenfasizza r-rwol importanti tar-regolaturi f’dan il-qasam, speċjalment fi swieq b’għadd limitat ta’ operaturi ekonomiċi.

    4.6.

    Fil-fehma tal-KESE, huwa fundamentali li l-professjonisti kollha li jikkontribwixxu għall-approċċ il-ġdid għall-politika dwar l-effiċjenza enerġetika jkunu ngħataw it-taħriġ adegwat sabiex ikollhom il-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa, filwaqt li jirrikonoxxi n-nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati f’dan is-settur.

    4.7.

    Bħal fl-Opinjoni tiegħu dwar Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa, il-Kumitat jenfasizza li l-iżolament tal-ħitan bi spazju u tal-art huma l-aktar miżuri effiċjenti ta’ ffrankar tas-CO2, kif ukoll l-aktar sempliċi u l-inqas għaljin. Iżda anke dawn il-miżuri relattivament irħas huma għaljin wisq għal ħafna sidien tad-djar, minkejja li jirriżultaw fi spejjeż tal-enerġija aktar baxxi. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-gvernijiet nazzjonali jintroduċu skema ta’ sussidju għal dawn il-miżuri peress li għandhom ukoll il-potenzjal li joħolqu l-impjiegi. Studju ta’ Renovate Europe juri li għal kull EUR 1 miljun investiti fir-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini, fl-UE nħolqu medja ta’ 18-il impjieg (6).

    4.8.

    Filwaqt li l-KESE jemmen li limitu massimu fuq il-konsum tal-enerġija huwa indikatur utli ħafna fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħall-konsum mill-unitajiet domestiċi, għandu dubji dwar jekk indikatur bħal dan waħdu huwiex xieraq għas-settur industrijali. It-teknoloġiji innovattivi għad-dekarbonizzazzjoni spiss ikunu aktar intensivi fl-enerġija minn alternattivi konvenzjonali (iżda li jniġġsu aktar). Għalhekk, l-impożizzjoni ta’ limitu massimu fuq il-konsum fuq l-industrija jista’ jipprevjeni lil dan is-settur milli jiddekarbonizza l-proċessi tiegħu, kif ukoll jikkomprometti l-output industrijali.

    4.9.

    Il-KESE jirrimarka li miri ambizzjużi għat-tisħin/tkessiħ distrettwali jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fil-faqar enerġetiku peress li bosta familji bi dħul baxx jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali, li għandha t-tendenza li tiġi ġestita ċentralment. L-emendi għad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika ma jridux ikunu retroattivi, u l-bidla fid-definizzjoni ta’ tisħin/tkessiħ ċentrali effiċjenti (l-Artikolu 24) ma għandhiex tapplika għal sistemi li diġà qed joperaw, iżda biss għal dawk ġodda jew rinnovati.

    Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  COM(2020) 564 final.

    (2)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 143.

    (3)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 143.

    (4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Riforma tal-qafas fiskali tal-Unjoni Ewropea għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni ġusta, adottata 20.10.2021 (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 11).

    (5)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-22-2020-INIT/mt/pdf

    (6)  https://www.renovate-europe.eu/wp-content/uploads/2020/06/BPIE-Research-Layout_FINALPDF_08.06.pdf.


    Top