Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XG0629(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru tas-settur tal-isport 2020/C 214 I/01

    ST/8926/2020/INIT

    ĠU C 214I, 29.6.2020, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CI 214/1


    Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru tas-settur tal-isport

    (2020/C 214 I/01)

    IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL

    FILWAQT LI JFAKKRU LI:

    1.

    It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 qed ikollha impatt enormi madwar id-dinja f’termini ta’ saħħa pubblika, attivitajiet ekonomiċi, impjiegi u ħajja soċjali.

    2.

    Fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, li jiġu salvati l-ħajjiet u tiġi protetta s-saħħa taċ-ċittadini tagħna, tibqa’ l-ewwel u l-ogħla prijorità.

    3.

    Sabiex titrażżan il-firxa tal-COVID-19, ġew introdotti diversi miżuri fl-Istati Membri, skont l-istadju tal-epidemija u ċirkostanzi speċifiċi oħra. F’kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi, kien hemm reazzjonijiet immedjati viżibbli mis-settur tal-isport. Is-settur tal-isport ikkontribwixxa għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-virus fil-fażi bikrija tat-tifqigħa, permezz ta’ diversi miżuri u rakkomandazzjonijiet immirati lejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, fosthom l-organizzazzjonijiet sportivi, il-clubs, l-atleti, il-coaches, il-persunal u l-voluntiera sportivi, kif ukoll l-ispettaturi u ċ-ċittadini.

    4.

    Fl-istess ħin, is-settur tal-isport intlaqat ħażin ħafna mill-pandemija, inkluż f’termini ekonomiċi (1). Il-pandemija tal-COVID-19 qed tħalli konsegwenzi devastanti fuq is-settur kollu kemm hu fil-livelli kollha, speċjalment fuq organizzazzjonijiet u clubs sportivi, kampjonati u ċentri ta’ fitness, atleti, coaches, persunal sportiv, voluntiera fl-isport u negozju relatat mal-isport (2), inkluż l-organizzaturi ta’ eventi sportivi u l-media sportiva.

    5.

    Il-miżuri sanitarji tal-awtoritajiet tas-saħħa u r-rakkomandazzjonijiet għal tbegħid soċjali għandhom konsegwenzi għal organizzazzjonijiet kontra d-doping, u jxekkluhom milli jwettqu kontrolli tad-doping. Dan jista’ jkollu impatt fuq il-possibbiltajiet li tiġi protetta l-integrità tal-isport.

    6.

    Tħassib dejjem akbar relatat mat-tixrid globali tal-virus wassal għal deċiżjonijiet uffiċjali biex jiġu kkanċellati jew posposti avvenimenti u kompetizzjonijiet sportivi madwar id-dinja kollha (3). Attivitajiet sportivi fil-livelli kollha u l-funzjonament regolari ta’ organizzazzjonijiet u clubs sportivi ġew ristretti, imfixkla jew imwaqqfa.

    7.

    Il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini kellha tiġi aġġustata wkoll. Tista’ ssir ħafna ħsara lill-benesseri ġenerali taċ-ċittadini meta jibqgħu d-dar u jaħdmu minn hemm, kif ukoll minħabba t-tbegħid soċjali u l-opportunitajiet limitati għal attività fiżika regolari. Il-lockdowns sħaħ u parzjali wrew li huwa importanti għas-saħħa fiżika u mentali li jiġu offruti opportunitajiet għal dawk li baqgħu d-dar jew qed jaħdmu mid-dar biex f’dawn iċ-ċirkostanzi mingħajr preċedent jipprattikaw l-isport u jżommu l-attività fiżika għaddejja (4).

    8.

    Jistgħu jkunu meħtieġa sforzi ulterjuri fil-livelli lokali, nazzjonali, reġjonali u tal-UE biex jiġi protett u appoġġat is-settur tal-isport u jitħares il-kontribut tal-isport għas-saħħa fiżika u mentali taċ-ċittadini tagħna (5) u l-iżvilupp tas-soċjetà tagħna fis-sitwazzjoni attwali tal-pandemija kif ukoll fil-kuntest tal-istrateġiji ta’ ħruġ u ta’ tkomplija wara l-pandemija.

    JISSOTTOLINJAW LI:

    9.

    Fiż-żmien ta’ kriżi tas-saħħa, is-solidarjetà u l-fehim reċiproku fil-livelli kollha - bejn iċ-ċittadini, il-moviment sportiv, is-settur privat, l-Istati Membri, l-UE u l-istituzzjonijiet internazzjonali fis-setturi kollha - huma meħtieġa biex jiġu ppreservati komunitajiet attivi u b’saħħithom.

    10.

    Ir-rwol tal-isport fis-soċjetà u s-setgħa tiegħu li jikkontribwixxi għall-benesseri taċ-ċittadini fil-kriżi tal-COVID-19, speċjalment permezz ta’ organizzazzjonijiet sportivi u l-involviment ta’ atleti b’diversi modi bħala mudelli pożittivi (6), kif ukoll permezz ta’ ħidma dedikata ta’ coaches bl-użu ta’ għodod innovattivi, pjattaformi u metodi ta’ kkowċjar ġodda u flessibbli, għandu jiġi rikonoxxut u promoss.

    11.

    Minħabba rekwiżiti ta’ tbegħid soċjali, jenħtieġ li ssir enfasi speċifika fuq il-possibbiltajiet li wieħed ikun fiżikament attiv għaċ-ċittadini li normalment jipparteċipaw fi sport li jsir fuq ġewwa, sport ta’ kuntatt u f’timijiet. Billi matul il-pandemija tal-COVID-19 l-enfasi qiegħda fuq il-prattika tal-isport fid-dar jew individwalment, ikun importanti li f’kooperazzjoni mal-moviment sportiv jiġu vvalutati l-effetti possibbli tal-kriżi fuq l-attività fiżika taċ-ċittadini u fuq il-prattika tal-isport fil-clubs sportivi, kif ukoll fuq l-involviment tal-voluntiera.

    12.

    Fil-qasam tal-isport, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, u minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri tal-UE ħadu miżuri differenti biex jappoġġaw is-settur tal-isport u jimmotivaw liċ-ċittadini biex jibqgħu fiżikament attivi.

    13.

    Fiċ-ċirkostanzi inċerti u li qed jinbidlu u waqt li jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi simili, l-Istati Membri tal-UE rrikonoxxew l-importanza tal-kollaborazzjoni u tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjonijiet nazzjonali tagħhom, inkluż miżuri li ttieħdu biex jittaffew il-konsegwenzi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19, il-possibbiltajiet ta’ taħriġ għall-atleti u l-attività fiżika taċ-ċittadini. Il-kondiviżjoni ta’ ideat dwar strateġiji potenzjali ta’ ħruġ u ta’ tkomplija u l-passi li għandhom jittieħdu sabiex jiġi attivat mill-ġdid b’suċċess is-settur tal-isport huma eżempji ta’ kif ħidma konġunta tista’ ġġib valur miżjud.

    14.

    Sabiex ikomplu jingħelbu l-isfidi li feġġew fis-settur tal-isport minħabba l-pandemija tal-COVID-19, hija meħtieġa kooperazzjoni transettorjali wiesgħa (7). F’dan ir-rigward, il-kollaborazzjoni fil-livelli kollha, fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż il-moviment sportiv, għandha tiġi mħeġġa.

    15.

    L-attivitajiet tas-settur tal-isport iridu jerġgħu jibdew f’kundizzjonijiet sikuri għall-partijiet kollha involuti. Il-laxkar tal-miżuri speċifiċi stabbiliti fis-settur tal-isport biex titrażżan il-firxa tal-COVID-19 għandu jipproċedi b’kawtela u gradwalment, b’valutazzjoni tar-riskji potenzjali biex tiġi evitata t-tneħħija prematura tal-miżuri ta’ konteniment.

    16.

    Billi l-isport u l-attività fiżika qed jaqdu rwol importanti waqt il-kriżi tal-COVID-19 u ċertament ser jaqdu rwol saħansitra aktar importanti fis-soċjetà ta’ wara l-pandemija, huma rilevanti programmi ta’ rkupru nazzjonali u Ewropej għall-futur tas-settur tal-isport.

    17.

    Waqt li jittieħed kont tal-kapaċità tal-isport li jikkontribwixxi biex l-Ewropej jifhmu lil xulxin b’mod reċiproku, u soġġett għas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Istati Membri, jenħtieġ li ċ-ċirkolazzjoni u l-mobbiltà liberi tal-atleti tagħna, il-coaches u l-partitarji jinġabu kif kienu b’mod sikur u fejn possibbli b’mod koordinat, filwaqt li jittieħed kont tan-natura speċifika tal-isport.

    18.

    L-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, jistgħu jissupplimentaw l-isforzi nazzjonali biex jingħata l-appoġġ meħtieġ biex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tal-isport.

    JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    19.

    Jiżguraw gwida adegwata, jappoġġaw l-irkupru u jinkoraġġixxu żvilupp sostenibbli ulterjuri tas-settur tal-isport.

    20.

    Jippromwovu l-possibiltajiet biex jingħata appoġġ lis-settur tal-isport permezz tal-programmi u l-fondi tal-UE disponibbli u eliġibbli, inkluż il-programm Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

    21.

    Jesploraw il-possibilitajiet taħt il-miżuri u l-inizjattivi orizzontali rilevanti, inkluż l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII), l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII+), l-Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) u l-Qafas Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat, kif ukoll inizjattivi oħra tal-UE għall-irkupru, f’konformità mal-prijoritajiet nazzjonali u f’kooperazzjoni mal-korpi rilevanti. Jenħtieġ li l-iskambju ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattiki dwar l-appoġġ fis-settur tal-isport jiġi organizzat b’modi differenti, bħal attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari jew laqgħat bejn Stati Membri interessati.

    22.

    Iħeġġu l-kontinwazzjoni tal-programmi u l-inizjattivi regolari ta’ finanzjament tal-isport diġà stabbiliti fil-livelli nazzjonali u lokali, speċjalment għall-organizzazzjonijiet tal-isport tal-massa.

    23.

    Jippromwovu r-rwol u l-valur tal-isport u l-attività fiżika f’termini tal-kontribut tiegħu għas-saħħa fiżika u mentali taċ-ċittadini, speċjalment f’perijodi ta’ kriżi bħalma huma l-pandemija tal-COVID-19 u wara.

    24.

    F’kooperazzjoni mal-moviment sportiv, isaħħu s-sinerġiji mas-setturi tal-ekonomija u l-intraprenditorija, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex jingħataw opportunitajiet ġodda lill-atleti u liċ-ċittadini kollha biex ikunu fiżikament attivi, inkluż permezz tal-użu ta’ għodod diġitali.

    25.

    Jippromwovu kooperazzjoni u konsultazzjonijiet transettorjali fl-oqsma li huma rilevanti għall-isport fil-livelli kollha, inkluż mal-moviment sportiv, il-qasam tan-negozju relatat mal-isport u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi li s-settur sportiv qed jiffaċċa minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-isport fis-soċjetà.

    26.

    Jippromwovu s-solidarjetà fost federazzjonijiet sportivi, clubs, organizzazzjonijiet u atleti biex jikkontribwixxu għall-irkupru sostenibbli u l-iżvilupp ulterjuri tas-settur tal-isport u jirrikonoxxu l-Mudell Ewropew tal-Isport (8) bħala eżempju ta’ dan ibbażat fuq sistema ta’ solidarjetà.

    27.

    Jippromwovu r-rwol tal-isport u l-attività fiżika bħala għodda għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali lejn komunitajiet aktar b’saħħithom u aktar attivi (9). F’dan il-kuntest, jissensibilizzaw dwar l-aħjar prattiki; jenfasizzaw il-potenzjal sħiħ tal-isport u tal-attività fiżika għall-iżvilupp territorjali; u jagħmlu użu xieraq mill-flussi ta’ finanzjament, bħall-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur tal-isport fil-futur.

    28.

    Ikomplu jiskambjaw b’mod regolari informazzjoni, ideat u esperjenzi sabiex jiġu identifikati u implimentati prattiki tajba u tkun tista’ ssir ħidma konġunta fuq l-istrateġiji ta’ ħruġ mill-COVID-19 u ta’ tkomplija wara l-pandemija, kif ukoll biex jiġu prevenuti u ssir tħejjija għal kriżijiet futuri, biex b’hekk jiġu żgurati l-iżvilupp sostenibbli u r-reżiljenza tas-settur tal-isport tal-UE.

    JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

    29.

    Tkompli tikkondividi b’mod regolari informazzjoni dwar possibbiltajiet għal arranġamenti flessibbli rigward l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Erasmus+: Proġetti tal-isport fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti, u jipprovdu possibbiltajiet fil-programmi annwali futuri u sejħiet għal proposti biex jappoġġaw l-irkupru tas-settur tal-isport.

    30.

    Tirrifletti dwar il-possibbiltà u r-rilevanza tal-introduzzjoni ta’ aktar mekkaniżmi ta’ flessibbiltà fil-programmi ta’ finanzjament futuri fil-qasam tal-isport, biex b’hekk l-UE tkun tista’ tirrispondi fil-ħin għall-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 u sitwazzjonijiet ta’ sfida possibbli fil-futur.

    31.

    Tippreżenta u xxerred aktar informazzjoni u aġġornamenti regolari lill-Istati Membri dwar il-possibbiltajiet ta’ appoġġ lis-settur tal-isport biex jittaffew il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, inkluż permezz ta’ miżuri orizzontali bħas-CRII, is-CRII+ kif ukoll inizjattivi oħra tal-UE għall-irkupru u mekkaniżmi ta’ finanzjament xierqa oħra, u tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi dwar l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi disponibbli għas-settur tal-isport.

    32.

    Ixxerred informazzjoni dwar attività fiżika li ttejjeb is-saħħa, fejn xieraq f’kooperazzjoni ma’ korpi rilevanti bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), u tippromwovi kampanji, bħal #BeActive (10), sabiex timmotiva liċ-ċittadini biex jibqgħu fiżikament attivi.

    33.

    Twettaq riċerka u analiżi tal-impatti tal-kriżi tal-COVID-19, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, u tagħmilhom disponibbli għat-tħejjija tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport li jmiss.

    34.

    Tappoġġa l-ġbir u l-analiżi ta’ data u informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fl-isport u l-impatt tal-COVID-19, fejn xieraq permezz tal-Ewrobarometru u l-Eurostat.

    35.

    Tappoġġa kooperazzjoni transettorjali bejn is-settur tal-isport u setturi rilevanti oħra (11), speċjalment dwar l-użu ta’ għodod innovattivi u diġitali sabiex l-isport isir aktar reżiljenti għal kriżijiet potenzjali futuri.

    36.

    Tniedi djalogu mal-Istati Membri u mal-moviment sportiv dwar attivitajiet futuri li jorbtu l-isport u s-saħħa fi ħdan il-qafas tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, is-segwitu tal-Appell ta’ Tartu għal Stil ta’ Ħajja Tajjeb għas-Saħħa, u avvenimenti u attivitajiet sportivi rilevanti oħra.

    37.

    Tniedi djalogu mal-federazzjonijiet sportivi Ewropej u internazzjonali u mal-Istati Membri, sabiex jiġu diskussi l-possibbiltajiet ta’ kontinwazzjoni sikura ta’ avvenimenti sportivi internazzjonali ewlenin.

    JISTIEDNU LILL-MOVIMENT SPORTIV BIEX:

    38.

    Isegwi l-linji gwida mid-WHO, mill-ECDC (12) u mill-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali, rigward il-prevenzjoni u t-tixrid tal-virus COVID-19 u rigward il-protokolli ta’ tkomplija tal-isport.

    39.

    Iħeġġeġ lill-atleti u liċ-ċittadini biex jipprattikaw l-isport u jibqgħu fiżikament attivi b’mod sikur f’ċirkostanzi bla preċedent jew eċċezzjonali

    40.

    Jinkoraġġixxi liċ-ċittadini biex ikomplu jappoġġaw is-settur tal-isport billi jikkunsidraw il-possibilitajiet li jżommu s-sħubija tagħhom u jżommu l-biljetti għal avvenimenti sportivi li jistgħu jiġu skedati mill-ġdid.

    41.

    Jesplora soluzzjonijiet possibbli għall-aġġornament tal-kalendarji sportivi nazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-kalendarji sportivi Ewropej u internazzjonali.


    (1)  Studju tal-2018 dwar l-impatt ekonomiku tal-isport permezz tal-Kontijiet Satellita għall-Isport juru li l-isport jammonta għal 2,12 % tal-PDG tal-UE u l-impjiegi marbuta mal-isport jammontaw għal 5,67 miljun ruħ (2,72 % tal-impjiegi tal-UE).

    (2)  Għall-fini ta’ dawn il-Konklużjonijiet, “negozju relatat mal-isport” jirreferi għal attivitajiet ta’ profitt relatati ma’ prodotti, servizzi, avvenimenti, persuni, faċilitajiet, postijiet, jew ideat marbuta mal-isport.

    (3)  Pereżempju, il-Logħob Olimpiku ta’ Tokyo 2020 u l-UEFA EURO 2020 ġew posposti għall-2021.

    (4)  Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, https://www.who.int/news-room/campaigns/connecting-the-world-to-combat-coronavirus/healthyathome/healthyathome---physical-activity

    (5)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni transettorjali ta’ attività fiżika favur is-saħħa (ĠU C 354, 4.12.2013, p. 1).

    (6)  Pereżempju, “Athletes at the forefront of the COVID-19 response” (L-atleti fuq quddiem tar-rispons għall-COVID-19) https://www.olympic.org/news/athletes-at-the-forefront-of-the-covid-19-response; “Pass the message to kick out Coronavirus” (Għaddi l-messaġġ biex inkeċċu l-Coronavirus) https://www.who.int/news-room/detail/23-03-2020-pass-the-message-five-steps-to-kicking-out-coronavirus

    (7)  Inkluż fl-oqsma tas-saħħa, l-impjiegi, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, id-diġitalizzazzjoni, l-innovazzjoni, il-mobbiltà u t-trasport, l-ippjanar urban, it-turiżmu u l-ambjent.

    (8)  Għalkemm minħabba d-diversità tal-istrutturi tal-isport Ewropej ma hemmx definizzjoni tal- Mudell Ewropew tal-Isport, dan jingħaraf minn xi karatteristiċi ewlenin. Dawn il-karatteristiċi jinkludu l-istruttura piramidali, is-sistema miftuħa ta’ promozzjoni u relegazzjoni, l-approċċ tal-massa u s-solidarjetà, ir-rwol fl-identità nazzjonali, l-istrutturi bbażati fuq l-attività volontarja u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.

    (9)  Pereżempju fi ħdan ix-SHARE – SportHub: Alleanza għall-iżvilupp reġjonali fl-Ewropa - inizjattiva

    (10)  Jew taħt ċirkostanzi bla preċedent u eċċezzjonali, #BeActiveAtHome

    (11)  Inkluż l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, it-turiżmu, l-ekonomija u l-intraprenditorija

    (12)  Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.


    Top