This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020XC0720(01)
Publication of an application for approval of an amendment, which is not minor, to a product specification pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs 2020/C 238/06
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għal speċifikazzjoni ta’ prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2020/C 238/06
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għal speċifikazzjoni ta’ prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2020/C 238/06
C/2020/4952
ĠU C 238, 20.7.2020, p. 16–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
20.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 238/16 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għal speċifikazzjoni ta’ prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2020/C 238/06)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni ta’ emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTA/TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI LI MHIJIEX MINURI
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
“VINAGRE DE JEREZ”
Nru tal-UE: PDO-ES-0723-AM01 — 18.12.2018
DOP (X) IĠP ()
1. Grupp applikant u interess leġittimu
Consejo Regudor de las Denominaciones de Origen Protegidas [Bord Regolatorju għad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti] “Jerez-Xérès-Sherry”; “Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda” u “Vinagre de Jerez”. Avenida Alcalde Álvaro Domecq n° 2. 11402 Jerez de la Frontera (Cádiz). Spanja Tel. (+ 34) 956 332 050. vinjerez@sherry.org
L-Ordni tat-12 ta’ Frar 2018 (tad-Dipartiment Reġjonali tal-Agrikoltura, is-Sajd u l-Iżvilupp Rurali tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalusia) li tapprova r-Regolament dwar il-funzjonament tal-Bord Regolatorju għad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetta “Jerez-Xérès-Sherry”, “Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda” u “Vinagre de Jerez” tipprevedi li l-Bord Regolatorju huwa l-korp maniġerjali tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Vinagre de Jerez” skont it-termini stabbiliti fil-Kapitolu IV tat-Titolu III tal-Liġi 2/2011 tal-25 ta’ Marzu 2011 dwar il-kwalità tal-ikel u tas-sajd f’Andalusia. Għalhekk, huwa ċar li għandu interess leġittimu li japplika għal din l-emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
Spanja
3. Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i
☐ |
Isem tal-prodott |
☒ |
Deskrizzjoni tal-prodott |
☐ |
Żona ġeografika |
☐ |
Prova tal-oriġini |
☒ |
Metodu ta’ produzzjoni |
☒ |
Rabta |
☐ |
Tikkettar |
☐ |
Oħrajn [għandu jiġi speċifikat] |
4. Tip ta’ emenda/i
☒ |
Emenda għall-ispeċifikazzjoni ta’ prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
☐ |
Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata li għaliha ma ġiex ippubblikat Dokument Uniku (jew l-ekwivalenti) li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
5. Emenda/i
Qed jiġu proposti erba’ emendi fundamentali b’impatt fuq diversi taqsimiet tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u d-Dokument Uniku, li huma riprodotti hawn biex jispjegaw il-bidliet proposti:
5.1. It-tneħħija tar-rekwiżiti dwar l-estratt xott u l-kontenut ta’ rmied tal-ħall protett
It-taqsimiet ikkonċernati:
It-Taqsima B.2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.2 tad-Dokument Uniku.
Test preċedenti:
(…)
Għandu jkollu kontenut minimu ta’ estratt xott ta’ 1,3 gramma għal kull litru u perċentwal ta’ aċidità bħala aċidu aċetiku, il-minimu għall-“Vinagre de Jerez Gran Reserva” huwa ta’ 2,3 grammi għal kull litru u perċentwal ta’ aċidità bħala aċidu aċetiku.
Kontenut ta’ rmied ta’ bejn 2 u 7 grammi/litru, ħlief għall-“Vinagre de Jerez Gran Reserva”, li jrid ikollu bejn 4 u 8 grammi/litru.
Test emendat:
(Dawn iż-żewġ rekwiżiti huma mħassra mit-taqsima B.2)
It-Taqsima F.4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 5.3 tad-Dokument Uniku.
Test preċedenti:
(…)
Il-maturazzjoni fi btieti tal-ballut u l-kundizzjonijiet mikroklimatiċi partikolari tal-kantini jiżguraw ukoll li l-ħall jikseb ċerti karatteristiċi partikolari ħafna matul il-proċess tal-maturazzjoni. It-tip ta’ bettija użata - kartell tal-ballut Amerikan, aromatizzat fit-tul bl-inbejjed sherry - għandu kapaċità għall-mikroossiġenazzjoni li hija ideali għall-iżvilupp bil-mod tal-ħall u tippermetti r-rilaxx gradwali tal-komponenti matul it-tqaddim, li jgħinu fl-istabbilizzazzjoni tas-sustanzi koloranti, jiffurmaw gruppi ta’ polimeri u jagħtu t-tonalitajiet karatteristiċi bejn l-ambra u l-kawba, in-noti ta’ vanilla u l-aromi tal-kafè abjad u tal-kafè mitħun “torrefacto”. Barra minn hekk, l-emiċelluloża tal-injam tippermetti li l-kontenut tal-ilma jevapora gradwalment, u dan iżid l-estratt xott, il-melħ minerali u l-kontenut tal-irmied tal-ħall. Konsegwentement, il-“Vinagre de Jerez” għandu jkollu kontenut minimu ta’ estratt xott ta’ 1,3 grammi għal kull litru u perċentwal ta’ aċidità bħala aċidu aċetiku, il-minimu għall-“Vinagre Jerez Gran Reserva” huwa ta’ 2,3 grammi għal kull litru u perċentwal ta’ aċidità bħala aċidu aċetiku, u kontenut ta’ rmied ta’ bejn 2 u 7 grammi/litru, ħlief għall-“Vinagre de Jerez Gran Reserva”, li jrid ikollu bejn 4 u 8 grammi/litru.
(…)
Test emendat:
(…)
Il-maturazzjoni fi btieti tal-ballut u l-kundizzjonijiet mikroklimatiċi partikolari tal-kantini jiżguraw ukoll li l-ħall jikseb ċerti karatteristiċi partikolari ħafna matul il-proċess tal-maturazzjoni. It-tip ta’ bettija użata - kartell tal-ballut Amerikan, aromatizzat fit-tul bl-inbejjed sherry - għandu kapaċità għall-mikroossiġenazzjoni li hija ideali għall-iżvilupp bil-mod tal-ħall u tippermetti r-rilaxx gradwali tal-komponenti matul it-tqaddim, li jgħinu fl-istabbilizzazzjoni tas-sustanzi koloranti, jiffurmaw gruppi ta’ polimeri u jagħtu t-tonalitajiet karatteristiċi bejn l-ambra u l-kawba, in-notai ta’ vanilla u l-aromi tal-kafè abjad u tal-kafè mitħun “torrefacto”.
(…)
Raġuni għall-emenda
L-istabbiliment fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ kontenut minimu ta’ rmied u ta’ kontenut ta’ estratt xott li kien imur lil hinn mir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-ħall kien jirrifletti l-valuri ġenerali li tradizzjonalment kienu jinstabu fil-ħall protett. Dawn kienu ġeneralment ogħla, minħabba l-karatteristiċi tal-materja prima użata għall-produzzjoni tal-inbid adattat għall-produzzjoni tal-ħall, bħala riżultat tal-prattika tal-użu tal-most miksub b’ċerta pressa (it-tieni ppressar) u l-ħsad esklussivament bl-idejn, li għalhekk, jinkludi z-zkuk. Iż-żewġ fatturi kellhom impatt dirett fuq il-kontenut tal-irmied u l-estratt xott tal-inbid adattat għall-produzzjoni tal-ħall, u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar fuq il-ħall li jirriżulta.
Illum il-ġurnata, kważi nofs l-għeneb imkabbar fiż-żona tal-produzzjoni għad-denominazzjoni ta’ oriġini jinħasad b’mod mekkaniku bħala riżultat tat-titjib teknoloġiku li sar mill-vitikulturi: ix-xejriet ta’ tħawwil adattati aħjar għall-mekkanizzazzjoni, it-taħriġ tal-ogħla dwieli, l-użu ta’ produtturi tal-għeneb li jittrattaw aħjar id-dwieli u l-għeneb, eċċ.. Dan kollu jfisser li parti kbira mill-għeneb użat għall-produzzjoni tal-inbejjed adatti biex isir il-“Vinagre de Jerez” jitgħaffeġ mingħajr iz-zkuk, li jnaqqas b’mod sinifikanti l-livell ta’ tannini u b’hekk ta’ rmied u estratt xott.
Bl-istess mod, ix-xejra tal-produtturi li jipproduċu ħall aktar fin u eleganti wasslet għal żieda fl-użu tal-most mill-ewwel pressa, miksub bi pressa baxxa ħafna u ġeneralment imtejjeb permezz ta’ kontroll tat-temperatura. Għal darb’oħra dan ifisser il-kisba ta’ nbejjed li jfuħu aktar u li huma aktar delikati iżda li għandhom ukoll inqas struttura, kontenut aktar baxx ta’ rmied u inqas estratt xott. Barra minn hekk, għandu jitqies ukoll li dawn iż-żewġ parametri mhux neċessarjament jaffettwaw il-kwalità tal-ħall. Dak li dejjem huwa ħafna aktar importanti huwa li jkun hemm materja prima ta’ kwalità, li tkun vinifikata sew, sustanzjata, bl-espressjoni xierqa ta’ varjetà u terroir.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Bord Regolatorju, li ħa pariri mingħand il-Kumitat Tekniku maħluq għal dan il-għan, jipproponi t-tneħħija ta’ dawn il-parametri mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-ħall jibqgħu applikabbli.
5.2. L-użu tal-most tal-għeneb
It-taqsimiet ikkonċernati:
It-Taqsima B.4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.2 tad-Dokument Uniku.
Test preċedenti:
(…)
Barra minn hekk, skont il-varjetà tal-inbid użata, il-“Vinagre de Jerez” ħelu mezzan jista’ jinqasam fit-tipi li ġejjin, li jistgħu jappartjenu għal kwalunkwe waħda mill-kategoriji deskritti fil-punt preċedenti:
1) |
“Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni li miegħu jiżdiedu l-inbejjed Pedro Ximénez matul il-proċess tal-produzzjoni. |
2) |
“Vinagre de Jerez al Moscatel”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni li miegħu jiżdiedu l-inbejjed Moscatel matul il-proċess tal-produzzjoni. |
Test emendat:
(…)
B.4.2. It-tipi li ġejjin ta’ “Vinagre de Jerez” ħelu mezzan jinsabu f’kull waħda mill-kategoriji ta’ hawn fuq:
1) |
“Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni, li miegħu jiżdied l-inbid Pedro Ximénez jew il-most ta’ għeneb tal-varjetà Pedro Ximénez misjur ħafna jew li jara ħafna xemx miż-żona tal-produzzjoni, u li miegħu jkun żdied l-alkoħol vinuż newtrali biex iwaqqaf il-fermentazzjoni. |
2) |
“Vinagre de Jerez al Moscatel”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni, li miegħu jiżdied l-inbid Moscatel jew il-most ta’ għeneb tal-varjetà Moscatel misjur ħafna jew li jara ħafna xemx miż-żona tal-produzzjoni, u li miegħu jkun żdied l-alkoħol vinuż newtrali biex iwaqqaf il-fermentazzjoni. |
It-Taqsima C.5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott; l-ebda emenda tad-Dokument Uniku
Test preċedenti:
Il-prattiki li ġejjin huma permessi fil-produzzjoni ta’ “Vinagre de Jerez”:
(…)
Bl-istess mod, għal “Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez” u “Vinagre de Jerez al Moscatel”, hija permessa ż-żieda ta’ nbejjed imsaħħin mill-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”.
Test emendat:
Il-prattiki li ġejjin huma permessi fil-produzzjoni ta’ “Vinagre de Jerez”:
(…)
Bl-istess mod, għal “Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez” u “Vinagre de Jerez al Moscatel”, hija permessa ż-żieda ta’ nbejjed imsaħħin mill-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”, bħalma hija ż-żieda tal-most ta’ għeneb misjur ħafna jew li jara ħafna x-xemx ta’ dawn il-varjetajiet miż-żona tal-produzzjoni, u li miegħu jkun żdied l-alkoħol vinuż newtrali biex iwaqqaf il-fermentazzjoni. Dan tal-aħħar għandu jiġi wkoll mill-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”.
Raġuni għall-emenda
Meta tfasslet l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għad-denominazzjoni ta’ oriġini, id-dolċifikazzjoni possibbli ta’ ħall protett biex isir il-ħall ħelu mezzan kien limitat għall-inbejjed imsaħħin magħmula bl-użu tal-varjetajiet Pedro Ximénez jew Moscatel fil-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”.
Madankollu, il-ħtieġa li dawn l-inbejjed — skont l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry” — ikollhom qawwa alkoħolika ta’ 15 % vol. tillimita bil-kbir il-possibbiltajiet għall-użu tagħhom, peress li din tnaqqas il-grad ta’ aċidità u żżid il-kontenut ta’ alkoħol, li jista’ jqiegħed il-ħall li jirriżulta barra mil-limiti stabbiliti għal dawn il-parametri fl-ispeċifikazzjoni.
Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-għan kwalitattiv huwa li dan il-ħall jinkorpora ċertu livell ta’ ħlewwa kif ukoll il-karatteristiċi organolettiċi tipiċi tal-varjetajiet imsemmija, li fiż-żona jiksbu personalità evidenti ħafna, kemm minħabba l-karatteristiċi tal-varjetà kif ukoll minħabba l-prattiki tradizzjonali ta’ maturazzjoni żejda jew ta’ “asoléo” [ħami bix-xemx].
L-użu tal-most tal-għeneb minn dawn il-varjetajiet misjura ħafna jew moħmija bix-xemx miż-żona tal-produzzjoni li miegħu jkun żdied l-alkoħol vinuż newtrali biex iwaqqaf il-fermentazzjoni (li jrid ikun ġej ukoll mill-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”) se jagħmilha possibbli li jinkiseb ħall protett arrikkit b’mod sottili bin-noti ta’ dawn il-varjetajiet u bil-ħlewwa meħtieġa, iżda mingħajr ma jiġi dilwit b’mod eċċessiv il-grad ta’ aċidità jew tiżdied b’mod sinifikanti l-qawwa alkoħolika.
5.3. Protezzjoni tat-tipi ta’ “Vinagre de Jerez” ħelu mezzan u ħelu
It-taqsimiet ikkonċernati:
It-Taqsima B.2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 3.2 tad-Dokument Uniku
Test preċedenti:
Il-karatteristiċi analitiċi speċifiċi tal-ħall protett huma dawn li ġejjin:
Il-kontenut residwu ta’ alkoħol ma għandux jaqbeż it-3 % fil-volum, ħlief fil-każ tal-ħall Pedro Ximénez u Moscatel, li fih ma għandux jaqbeż l-4 % fil-volum.
L-aċidu aċetiku totali għandu jkun mill-inqas 70 gramma/litru, ħlief fil-każ tal-ħall Pedro Ximénez u Moscatel, li jista’ jkollu 60 gramma/litru. Fil-każ tal-ħall tal-Gran Reserva, l-aċidu aċetiku totali għandu jkun mill-inqas 80 gramma/litru.
(…)
Il-ħall tal-kategoriji Pedro Ximénez u Moscatel għandu jkun fih mill-inqas 60 gramma/litru ta’ sustanzi ta’ riduzzjoni minn dawn it-tipi ta’ nbid.
Test emendat:
Il-karatteristiċi analitiċi speċifiċi tal-ħall protett huma dawn li ġejjin:
Il-kontenut ta’ alkoħol residwu ma għandux jaqbeż it-3 % fil-volum, ħlief għall-ħall ħelu jew ħelu mezzan, li fih ma għandux jaqbeż l-4 % fil-volum.
Il-kontenut totali ta’ aċidu aċetiku għandu jkun mill-inqas 70 gramma/litru, ħlief għall-ħall ħelu jew ħelu mezzan, li jista’ jkollu 60 gramma/litru. Fil-każ tal-ħall tal-Gran Reserva, l-aċidu aċetiku totali għandu jkun mill-inqas 80 gramma/litru.
(…)
Il-“Vinagre de Jerez” ħelu mezzan għandha jkun fih mill-inqas 60 gramma/litru ta’ sustanzi ta’ riduzzjoni.
Il-“Vinagre de Jerez” ħelu għandu jkun fih mill-inqas 150 gramma/litru ta’ sustanzi ta’ riduzzjoni.
It-Taqsima B.4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 3.2 tad-Dokument Uniku
Test preċedenti:
Il-kategoriji li ġejjin jistgħu jintgħarfu fuq il-bażi tal-perjodi differenti ta’ tqaddim tal-ħall:
(…)
Barra minn hekk, skont il-varjetà tal-inbid użata, il-“Vinagre de Jerez” ħelu mezzan jista’ jinqasam fit-tipi li ġejjin, li jistgħu jappartjenu għal kwalunkwe waħda mill-kategoriji deskritti fil-punt preċedenti:
(1) |
“Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni li miegħu jiżdiedu l-inbejjed Pedro Ximénez matul il-proċess tal-produzzjoni. |
(2) |
“Vinagre de Jerez al Moscatel”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni li miegħu jiżdiedu l-inbejjed Moscatel matul il-proċess tal-produzzjoni. |
Test emendat:
B.4.1. Il-kategoriji li ġejjin jistgħu jintgħarfu fuq il-bażi tal-perjodi differenti ta’ tqaddim tal-ħall:
(…)
B.4.2. It-tipi li ġejjin ta’ “Vinagre de Jerez” ħelu mezzan jinsabu f’kull waħda mill-kategoriji ta’ hawn fuq:
(1) |
“Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni, li miegħu jiżdied l-inbid Pedro Ximénez jew il-most ta’ għeneb tal-varjetà Pedro Ximénez misjur ħafna jew li jara ħafna xemx miż-żona tal-produzzjoni, u li miegħu jkun żdied l-alkoħol vinuż newtrali biex iwaqqaf il-fermentazzjoni. |
(2) |
“Vinagre de Jerez al Moscatel”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni, li miegħu jiżdied l-inbid Moscatel jew il-most ta’ għeneb tal-varjetà Moscatel misjur ħafna jew li jara ħafna xemx miż-żona tal-produzzjoni, u li miegħu jkun żdied l-alkoħol vinuż newtrali biex iwaqqaf il-fermentazzjoni. |
B.4.3. Il-ħall deskritt fil-punt preċedenti jista’ jitqiegħed fis-suq bħala “Vinagre de Jerez Dulce”, sakemm ikun fih mill-inqas 150 gramma/litru ta’ sustanzi ta’ riduzzjoni.
It-Taqsima C.5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott; l-ebda emenda tad-Dokument Uniku
Test preċedenti:
Il-prattiki li ġejjin huma permessi fil-produzzjoni ta’ “Vinagre de Jerez”:
(…)
Bl-istess mod, għal “Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez” u “Vinagre de Jerez al Moscatel”, hija permessa ż-żieda ta’ nbejjed imsaħħin mill-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”.
(…)
Test emendat:
Il-prattiki li ġejjin huma permessi fil-produzzjoni ta’ “Vinagre de Jerez”:
(…)
Bl-istess mod, għal “Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez” u “Vinagre de Jerez al Moscatel”, hija permessa ż-żieda ta’ nbejjed imsaħħin mill-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”, bħalma hija ż-żieda tal-most ta’ għeneb misjur ħafna jew li jara ħafna x-xemx ta’ dawn il-varjetajiet miż-żona tal-produzzjoni, u li miegħu jkun żdied l-alkoħol vinuż newtrali biex iwaqqaf il-fermentazzjoni. Dan tal-aħħar għandu jiġi wkoll mill-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”.
Fil-każ tal-“Vinagre de Jerez Dulce”, minbarra l-kontenut minimu ta’ sustanza ta’ riduzzjoni mill-inbejjed Pedro Ximénez u Moscatel jew il-most speċifikat fil-punt B.4, hija permessa ż-żieda ta’ most ikkonċentrat u most ikkonċentrat rettifikat.
(…)
Raġuni:
Kif iddikjarat fil-punt preċedenti, l-ispeċifikazzjoni attwali tal-prodott tistipula li prodotti mill-kategoriji differenti bbażati fuq perjodi ta’ tqaddim (“Vinagre de Jerez”, “Vinagre de Jerez Reserva” u “Vinagre de Jerez Gran Reserva”) jistgħu jiġu kklassifikati bħala ħall ħelu mezzan, jekk ikollhom kontenut ta’ sustanza ta’ riduzzjoni ta’ mill-inqas 60 gramma/litru, minħabba l-użu ta’ nbejjed xierqa magħmula mill-varjetajiet Pedro Ximénez jew Moscatel.
Dan il-ħall ħelu mezzan huwa bla dubju marbut direttament mal-inbejjed tradizzjonali msaħħa tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”, li minnhom storikament tnissel il-“Vinagre de Jerez”, u mal-varjetajiet tradizzjonalment użati fiż-żona għall-produzzjoni ta’ dawn l-inbejjed. Għalhekk, issa qed jiġi propost li tiġi estiża l-lista ta’ ħall protett possibbli biex tinkludi mhux biss dawk dolċifikati bil-Pedro Ximénez jew il-Moscatel iżda wkoll dawk li ġew miżjuda magħhom il-most ikkonċentrat jew il-most ikkonċentrat rettifikat, peress li dawn l-ingredjenti jintużaw ħafna wkoll għad-dolċifikazzjoni tal-inbejjed Jerez.
Dan jagħmilha wkoll possibbli li jiġu ssupplimentati l-ħlewwa pprovduta minn dawn il-varjetajiet, li tippermetti li l-ħall li jirriżulta jilħaq livelli ta’ mill-inqas 150 g/l, livell li fih il-perċezzjoni tal-ħlewwa diġà hija sinifikanti ħafna, kif inhu l-każ għall-inbid protett bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”.
5.4. Emenda tad-definizzjoni ta’ nbid adattat u titjib tal-lista ta’ materja prima
Taqsima kkonċernata:
It-Taqsima D tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 3.2 tad-Dokument Uniku
Test preċedenti:
Il-ħall kopert bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Vinagre de Jerez” jinkiseb esklussivament mill-fermentazzjoni aċetika ta’ “nbejjed adattati”.
(…)
Dawn l-inbejjed jiġu prodotti skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għad-denominazzjonijiet tagħhom, f’konformità mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-provenjenza tal-għeneb miż-żona DOP u l-prattiki enoloġiċi speċifikati fil-leġiżlazzjoni applikabbli.
Test emendat:
Il-ħall kopert bid-Denominazzjoni “Vinagre de Jerez” jinkiseb mill-fermentazzjoni aċetika ta’ “nbejjed adattati”.
(…)
Dawn l-inbejjed jiġu prodotti skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għad-denominazzjonijiet tagħhom, f’konformità mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-provenjenza tal-għeneb miż-żona DOP u l-prattiki enoloġiċi speċifikati fil-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-bidu spontanju tal-proċess tal-aċetifikazzjoni seta’ wassal biex il-qawwa alkoħolika tonqos sa taħt il-limiti stabbiliti f’dik il-leġiżlazzjoni.
Barra minn hekk, għall-“Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez” u “Vinagre de Jerez al Moscatel”, hija permessa ż-żieda ta’ nbejjed imsaħħa mill-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”, kif ukoll iż-żieda tal-most tal-għeneb misjur ħafna jew li jara ħafna xemx ta’ dawn il-varjetajiet miż-żona tal-produzzjoni li miegħu jkun żdied l-alkoħol vinuż newtrali biex iwaqqaf il-fermentazzjoni. Dan tal-aħħar għandu jiġi wkoll mill-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”.
Fil-każ tal-“Vinagre de Jerez Dulce”, hija permessa wkoll iż-żieda ta’ most ikkonċentrat u most ikkonċentrat rettifikat.
Raġuni:
Il-kliem attwali tat-taqsima (D) jipprevedi l-possibbiltà li jiġi prodott il-“Vinagre de Jerez” minn inbejjed koperti bid-denominazzjonijiet ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry” u “Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda” li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti rispettivi tagħhom. Għandu jiġi mfakkar li l-“Vinagre de Jerez” storikament oriġina minn inbejjed fil-proċess tat-tqaddim, li naturalment “ġew mibdula” (aċetifikati) permezz tal-azzjoni tal-batterji tal-aċidu aċetiku.
Madankollu, waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet imsemmija hawn fuq hija li dawn l-inbejjed għandu jkollhom qawwa alkoħolika proprja minima ta’ 15 % vol. L-aċetifikazzjoni naturali ta’ spiss tfisser li parti minn dak l-alkoħol jiġi ttrasformat f’aċidu aċetiku, li jnaqqas il-kontenut alkoħoliku totali taħt dan il-limitu.
Għalhekk huwa propost li tiġi inkluża fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-“Vinagre de Jerez” il-possibbiltà għall-inbejjed adattati li jkollhom qawwa alkoħolika taħt il-limiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott rispettivi tagħhom, bħala riżultat tal-bidu spontanju tal-proċess ta’ aċetifikazzjoni.
Fl-aħħar nett, u skont l-emendi li jinsabu fit-taqsimiet preċedenti, il-lista tal-materja prima hija kompluta.
DOKUMENT UNIKU
“VINAGRE DE JEREZ”
Nru tal-UE: PDO-ES-0723-AM01 — 18.12.2018
DOP (X) IĠP ()
1. Isem
“Vinagre de Jerez”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.8: prodotti oħra elenkati fl-Anness I għat-Trattat (ħwawar eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
“Vinagre de Jerez” huwa l-prodott li jirriżulta mill-fermentazzjoni aċetika ta’ nbejjed adattati magħmulin fiż-żona tal-produzzjoni, magħmulin u mmaturati permezz tal-prattiki tradizzjonali deskritti fit-Taqsima 3.4, bil-karatteristiċi organolettiċi u analitiċi deskritti hawn taħt.
Il-karatteristiċi analitiċi speċifiċi tal-ħall protett huma dawn li ġejjin:
— |
Il-kontenut ta’ alkoħol residwu ma għandux jaqbeż it-3 % fil-volum, ħlief għall-ħall ħelu jew ħelu mezzan, li fih ma għandux jaqbeż l-4 % fil-volum. |
— |
L-aċidu aċetiku totali għandu jkun mill-inqas 70 gramma/litru, minbarra l-ħall ħelu jew ħelu mezzan, li jista’ jkollu 60 gramma/litru. Fil-każ tal-ħall tal-Gran Reserva, l-aċidu aċetiku totali għandu jkun mill-inqas 80 gramma/litru. |
— |
Kontenut massimu ta’ sulfat ta’ 3,5 grammi/litru. |
— |
Il-“Vinagre de Jerez” ħelu mezzan għandha jkun fih mill-inqas 60 gramma/litru ta’ sustanzi ta’ riduzzjoni. |
— |
Il-“Vinagre de Jerez” ħelu għandu jkun fih mill-inqas 150 gramma/litru ta’ sustanzi ta’ riduzzjoni. |
Il-ħall kopert bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Vinagre de Jerez” ivarja fil-kulur mid-deheb antik għal kawba u għandu dehra densa u lixxa u tleqq. L-aroma tiegħu hija intensa, kemxejn alkoħolika, b’noti ta’ nbid u injam predominanti. It-togħma tiegħu hija pjaċevoli, minkejja l-aċidità, u jħalli togħma persistenti wara.
Il-kategoriji li ġejjin jistgħu jintgħarfu fuq il-bażi tal-perjodi differenti ta’ tqaddim tal-ħall:
(a) |
“Vinagre de Jerez”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni, immaturat għal mill-inqas sitt xhur. |
(b) |
“Vinagre de Jerez Reserva”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni, immaturat għal mill-inqas sentejn. |
(c) |
“Vinagre de Jerez Gran Reserva”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni, immaturat għal mill-inqas għaxar snin. |
It-tipi li ġejjin ta’ “Vinagre de Jerez” ħelu mezzan jinsabu f’kull waħda mill-kategoriji ta’ hawn fuq:
— |
“Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni, li miegħu jiżdied l-inbid Pedro Ximénez jew il-most tal-għeneb tal-varjetatijiet Pedro Ximénez misjur ħafna jew li jara ħafna xemx miż-żona tal-produzzjoni, u li miegħu jkun żdied l-alkoħol vinuż newtrali biex iwaqqaf il-fermentazzjoni. |
— |
“Vinagre de Jerez al Moscatel”: il-ħall kopert minn din id-denominazzjoni, li miegħu jiżdied l-inbid Moscatel jew il-most tal-għeneb tal-varjetà Moscatel misjur ħafna jew li jara ħafna xemx miż-żona tal-produzzjoni, u li miegħu jkun żdied l-alkoħol vinuż newtrali biex iwaqqaf il-fermentazzjoni. |
Fl-aħħar nett, it-tipi deskritti fil-paragrafu preċedenti jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala “Vinagre de Jerez Dulce”, sakemm ikollhom kontenut ta’ sustanza ta’ riduzzjoni ta’ mill-inqas 150 gramma/litru.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-ħall kopert bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Vinagre de Jerez” jinkiseb mill-fermentazzjoni aċetika ta’ “nbejjed adattati”.
Il-materja prima għall-produzzjoni tal-“Vinagre de Jerez” hija għalhekk l-“inbejjed adattati”. Dawn l-inbejjed jiġu minn produtturi li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni tal-ħall, li tikkoinċidi maż-żona tal-produzzjoni li tikkorrispondi mad-denominazzjonijiet ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry” u “Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda” u jistgħu jkunu:
(a) |
L-inbejjed tal-istess sena mibgħuta bil-qawwa alkoħolika naturali tagħhom bil-volum. |
(b) |
L-inbejjed maturi li jkunu kkompletaw il-perjodi minimi medji ta’ tqaddim stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tagħhom. |
Dawn l-inbejjed jiġu prodotti skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għad-denominazzjonijiet tagħhom, b’konformità mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-provenjenza tal-għeneb miż-żona DOP u l-prattiki enoloġiċi speċifikati fil-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-bidu spontanju tal-proċess tal-aċetifikazzjoni seta’ wassal biex il-qawwa alkoħolika tonqos sa taħt il-limiti stabbiliti f’dik il-leġiżlazzjoni.
Barra minn hekk, għal “Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez” u “Vinagre de Jerez al Moscatel”, hija permessa ż-żieda ta’ nbejjed imsaħħa mill-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”, kif ukoll iż-żieda tal-most tal-għeneb misjur ħafna jew li jara ħafna xemx ta’ dawn il-varjetajiet miż-żona tal-produzzjoni, u li miegħu jkun żdied l-alkoħol vinuż newtrali biex iwaqqaf il-fermentazzjoni. Dan tal-aħħar għandu jiġi wkoll mill-fabbriki tal-inbid elenkati fir-reġistri għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry”.
Fil-każ ta’ “Vinagre de Jerez Dulce”, hija permessa wkoll iż-żieda ta’ most ikkonċentrat u most ikkonċentrat rettifikat.
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
(a) |
Denaturazzjoni Il-kunsinni kollha ta’ nbid adattat għandhom jgħaddu minn denaturazzjoni permezz ta’ aċetifikazzjoni parzjali mad-dħul fil-faċilitajiet tal-produtturi rreġistrati, bl-użu għal dan il-għan ta’ ħall mill-ħażniet tagħhom fi kwantità suffiċjenti b’tali mod li t-taħlita li tirriżulta tilħaq klassifikazzjoni minima ta’ 1 ° ta’ kontenut ta’ aċidu aċetiku. |
(b) |
Aċetifikazzjoni L-aċetifikazzjoni tikkonsisti fit-trasformazzjoni tal-kontenut alkoħoliku tal-inbid f’aċidu aċetiku permezz tal-azzjoni tal-batterji aċetiċi. Hemm żewġ modi possibbli ta’ produzzjoni ta’ “Vinagre de Jerez”:
|
(c) |
Tqaddim jew maturazzjoni Is-sistema speċjali ta’ tqaddim jew maturazzjoni meħtieġa għall-ksib ta’ ħall protett tista’ tkun permezz tas-sistema klassika “criaderas y solera” [(fejn il-btieti huma irranġati f’livelli differenti magħrufa bħala criaderas li jikkorrispondu għal gradi differenti ta’ tqaddim, bl-eqdem fil-livell tal-art (solera), u l-livelli aktar baxxi huma perjodikament miżjuda bil-ħall minn dawk aktar fl-għoli) jew is-sistema “añadas” [vendemmja], li l-ħall jiġi soġġett għaliha matul il-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex jinkisbu l-kwalitajiet organolettiċi u analitiċi tal-kategoriji rispettivi tagħhom.
|
3.5. Regoli speċifiċi li jikkonċernaw it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li l-isem irreġistrat jirreferi għalih
Il-fliexken li jkun fihom il-“Vinagre de Jerez” għall-konsum dirett għandhom ikunu magħmulin mill-ħġieġ jew minn materjali oħra li ma jikkompromettux il-proprjetajiet speċifiċi tal-prodott u għandu jkollhom il-kapaċitajiet nominali li huma awtorizzati għal dan il-prodott fi kwalunkwe ħin.
Il-“Vinagre de Jerez” għandu jiġi bbottiljat:
(1) |
Fil-faċilitajiet tal-ibbottiljar li huma tad-ditti rreġistrati fir-reġistru tal-Kantini għall-Maturazzjoni u l-Provvista tal-Ħall, jew |
(2) |
Fil-faċilitajiet tal-ibbottiljar awtorizzati mill-Bord Regolatorju u li huma l-proprjetà tal-operaturi ekonomiċi li jinsabu ġewwa jew barra ż-Żona tal-Produzzjoni, li jixtru l-“Vinagre de Jerez” bl-ingrossa minn ditti rreġistrati u li huma involuti biss fl-istadju tal-ibbottiljar. |
Fiż-żewġ każijiet, biex ikunu awtorizzati, dawn il-faċilitajiet tal-ibbottiljar għandhom juru lill-Bord Regolatorju li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti legali li huma fis-seħħ f’kull reġjun għall-attività tal-ibbottiljar tal-ħall, u għandu jkollhom fis-seħħ sistema ta’ kontroll tal-kwalità li tiżgura t-traċċabbiltà totali u t-trattament xieraq tal-prodott li jixtru mingħand il-produtturi rreġistrati għall-ibbottiljar.
3.6. Regoli speċifiċi li jikkonċernaw it-tikkettar tal-prodott li l-isem irreġistrat jirreferi għalih
Il-kliem Denominación de Origen “Vinagre de Jerez” (Denominazzjoni ta’ Oriġini “Vinagre de Jerez”) għandu jidher b’mod prominenti fuq it-tikketti prinċipali u ta’ wara, li għandhom jindikaw ukoll it-tip ta’ ħall u, b’mod ġenerali, l-informazzjoni kollha stipulata mil-leġiżlazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, il-ħall għandu jitqiegħed fis-suq b’siġilli ta’ kwalità maħruġa mill-Bord Regolatorju jew b’tikketti ta’wara li jkollhom is-simbolu distintiv tad-denominazzjoni ta’ oriġini kif ukoll kodiċi alfanumeriku li jidentifika, skont ir-regoli stabbiliti mill-bord regolatorju.
Il-Bord Regolatorju għandu jivverifika li t-tikketti li jkollhom l-isem protett “Vinagre de Jerez” jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u mar-regolament dwar it-tikkettar speċifiku għad-denominazzjoni ta’ oriġini.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ta’ produzzjoni għall-“Vinagre de Jerez” tinkludi l-art li tinsab fil-muniċipalitajiet ta’ Jerez de la Frontera, El Puerto de Santa María, Sanlúcar de Barrameda, Trebujena, Chipiona, Rota, Puerto Real u Chiclana de la Frontera fil-provinċja ta’ Cádiz, u Lebrija fil-provinċja ta’ Sevilja, li tinsab fil-Lvant ta’ 5° 49′ Punent u fin-Nofsinhar ta’ 36° 58′ Tramuntana.
Iż-żona tal-produzzjoni deskritta hawn fuq hija l-istess bħaż-żona tal-produzzjoni għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini “Jerez-Xérès-Sherry” u “Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda”.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
L-ispeċifiċità taż-żona tal-produzzjoni tal-“Vinagre de Jerez” hija bbażata fuq fatturi storiċi, naturali u umani:
(a) |
Fatturi storiċi Il-vitikultura u l-produzzjoni tal-inbid u tal-ħall ilhom jagħmlu parti mis-sinsla tad-distrett ta’ Jerez għal eluf ta’ snin, sa minn żmien il-Feniċi. Il-pożizzjoni ġeografika taż-żona ta’ Jerez, qrib portijiet kummerċjali importanti bħal Cadiz u Sevilja, b’sinifikat storiku kbir, żgurat li l-inbejjed u l-ħall lokali kienu ta’ spiss inklużi fit-tagħbija tal-bastimenti li jbaħħru lejn il-Kontinent Amerikan jew lejn is-swieq fit-Tramuntana tal-Ewropa, u żgurat ukoll li għat-tqaddim tal-inbejjed u tal-ħall, il-kontenituri li kienu jintużaw kienu jsiru fil-kolonji barranin ta’ Spanja, mill-ballut Amerikan. Bl-istess mod, is-sistema “criaderas y soleras”, aspett tradizzjonali tal-produzzjoni tal-inbid Jerez, għandha oriġini storika ċara li tmur lura għas-seklu 17 u għall-ħtieġa li tissodisfa d-domanda tas-swieq għall-inbejjed u l-ħall ta’ kwalità konsistenti, li ma jiddependux mill-bidliet ta’ kull ħsad. |
(b) |
Fatturi naturali Iż-żona tal-produzzjoni hija kkaratterizzata minn art ċatta jew kemxejn immewġa, b’inklinazzjonijiet ta’ bejn 10 % u 15 %, fejn it-tip ta’ ħamrija prevalenti hija magħrufa bħala “albariza”, ħamrija ratba, bajda, ġibsija b’kapaċità kbira li żżomm l-umdità. Hija notevoli għall-kontenut tal-karbonat tal-kalċju, tat-tafal u tas-silika tagħha. Il-klima hija sħuna, b’temperaturi minimi fix-xitwa ta’ madwar 5 °C u temperaturi massimi fis-sajf ta’ madwar 35 °C. Iż-żona tal-produzzjoni tgawdi aktar minn 300 jum ta’ xemx fis-sena u medja annwali ta’ xita ta’ madwar 600 litru għal kull metru kwadru, bil-biċċa l-kbira tax-xita tinżel f’Novembru, Diċembru u Marzu. Fi kwalunkwe każ, dan il-fattur għandu jitqies flimkien mal-ħamrija “albariza” karatteristika taż-żona, bil-kapaċità tagħha li żżomm l-umdità u tipprevjeni l-evapotraspirazzjoni. Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota l-influwenza taż-żewġ irjieħ prevalenti tar-reġjun fuq il-klima: ir-riħ tal-Lvant, li jiġi mill-intern tal-pajjiż u huwa sħun u xott, u r-riħ tal-Punent, li jiġi mill-oċean u li jġib livell għoli ta’ umdità u jaġixxi bħala fattur importanti ta’ moderazzjoni, speċjalment fis-sajf. |
(c) |
Fatturi umani Is-sistema “criaderas y solera” li tintuża l-aktar għat-tqaddim tal-“Vinagre de Jerez” hija sistema tradizzjonali ta’ maturazzjoni fiż-żona tal-produzzjoni, bħalma huwa l-użu tal-“bota”, bettija tradizzjonali magħmula mill-ballut Amerikan u mimlija b’togħma intensa tal-inbid. L-arkitettura għandha wkoll rwol importanti fin-natura speċjali tal-ħall bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Vinagre de Jerez”. Il-kantini użati għat-tqaddim tal-ħall għandhom tendenza li jkollhom soqfa b’żewġ quċċati u soqfa għolja, li jgħinu biex jiżguraw li jkun hemm volum kbir ta’ arja fuq ġewwa, li jnaqqas l-effetti tal-varjazzjonijiet fit-temperatura ta’ barra. Il-ħitan għandhom tendenza li jkunu ħoxnin biżżejjed biex jipprovdu l-insulazzjoni u t-twieqi huma għoljin sabiex l-arja tkun tista’ tiċċirkola biex tieħu vantaġġ miż-żiffa friska tal-lejl tar-riħ tal-Punent, filwaqt li jiġi evitat li d-dawl jaqa’ direttament fuq il-btieti. |
5.2. Speċifiċità tal-prodott
L-ispeċifiċità tal-“Vinagre de Jerez” għandha tiġi attribwita primarjament għall-materja prima li huwa magħmul minnha: l-inbejjed adattati. Iż-żona tal-produzzjoni hija wkoll l-oriġini ta’ ċerti nbejjed li għandhom karattru straordinarjament awtentiku, u xi wħud mill-karatteristiċi tagħhom jidhru b’mod ċar fil-“Vinagre de Jerez”: il-kuluri li jvarjaw minn deheb antik għal kawba u l-aromi daqsxejn alkoħoliċi, b’noti predominanti tal-inbid u tal-injam.
Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona u l-karatteristiċi arkitettoniċi tal-kantini, li jgħinu biex tinħoloq mikroklima speċifika fil-kantini, jiffavorixxu l-konċentrazzjoni tal-komponenti tal-ħall permezz tal-proċess tal-maturazzjoni, li jħalli togħma persistenti wara.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott
Il-karatteristiċi orografiċi kollha tal-ħamrija u tal-klima msemmija hawn fuq jagħtu lill-għeneb taż-żona tal-produzzjoni karatteristiċi distintivi li jsawru ħafna mill-ispeċifiċitajiet tal-inbejjed adattati u, min-naħa tagħhom, tal-“Vinagre de Jerez”. L-influwenza tal-fatturi naturali fuq l-inbejjed adattati miksuba mill-varjetajiet tal-għeneb użat (Palomino, Moscatel, u Pedro Ximénez) hija deċiżiva. F’reġjuni sħan bħaż-żona tal-produzzjoni tal-“Vinagre de Jerez”, l-għeneb jimmatura malajr ħafna u l-meraq tiegħu, li huwa ħelu ħafna, għandu t-tendenza li jkollu valuri tal-aċidità relattivament baxxi. Id-dawl totali integrali fiż-żona tal-produzzjoni matul l-aktar perjodu attiv tad-dielja huwa partikolarment għoli, li jippermetti lill-frott jiżviluppa u jimmatura sew. Barra minn hekk, iż-żona tal-produzzjoni hija kkaratterizzata min-nixfa tas-sjuf tagħha, li tikkoinċidi mal-perjodu bejn il-maturazzjoni u l-ħsad, u mill-prevalenza tar-riħ tal-Lvant, li huwa estremament sħun u xott. F’dan il-kuntest, ir-riħ tal-Lvant, li jkun ġej mill-Oċean Atlantiku, bil-karattru termali distintiv tiegħu, iġib żiffa frekwenti matul il-lejl fis-sajf, li tipproduċi ħafna nida, u b’hekk tikkumpensa għad-defiċit tal-ilma li jista’ jiġi aggravat mid-dawl qawwi tax-xemx fiż-żona. Il-ħamrija “albariza” wkoll għandha rwol deċiżiv f’dan ir-rigward, peress li l-kapaċità tagħha li żżomm l-umdità tiżgura li r-riżervi tal-ilma jkunu disponibbli fis-sottoswol.
Min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi li jiġu mit-taħlita ta’ ħmira magħżula fi żminijiet żemżem u marbuta mal-kundizzjonijiet ambjentali taż-żona għandhom importanza kbira. Il-metabolizzazzjoni tal-alkoħols u tal-polialkoħols tal-inbid mill-ħmira li tipproduċi l-alkoħol li sseħħ fiż-żona magħrufa bħala “Marco de Jerez” tirriżulta f’sett ta’ elementi sekondarji u f’bidla tal-komponenti primarji tal-inbid: tnaqqis fil-kontenut tal-gliċerina u żieda fil-kontenut tal-aċetaldeid u fil-prodotti tal-esterifikazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-aċetaldeidi li jirriżultaw jagħtu lok għall-aċetoina, li fil-preżenza ta’ alkoħols aktar qawwija tagħti l-aroma karatteristika tagħha lil “Vinagre de Jerez”. Il-preżenza ta’ kwantità konsiderevoli ta’ alkoħol hija wkoll ta’ importanza enormi għall-kwalità u l-personalità tal-“Vinagre de Jerez”, minħabba li twassal għal komposti esterifikati (essenzjalment aċetat etiliku) li jistrutturaw il-ħall, u b’hekk jagħtuh aktar kumplessità u jibbilanċjaw l-ewwel aromi tal-aċetifikazzjoni.
Il-maturazzjoni fi btieti tal-ballut u l-kundizzjonijiet mikroklimatiċi partikolari tal-kantini jiżguraw ukoll li l-ħall jikseb ċerti karatteristiċi partikolari ħafna matul il-proċess tal-maturazzjoni. It-tip ta’ bettija użata għandha l-kapaċità ta’ mikroossiġenazzjoni li hija ideali għall-iżvilupp bil-mod tal-ħall u tippermetti r-rilaxx gradwali tal-komponenti waqt it-tqaddim, li jgħinu fl-istabbilizzazzjoni tas-sustanzi koloranti, jiffurmaw gruppi ta’ polimeri u jagħtu t-tonalitajiet karatteristiċi bejn l-ambra u l-kawba, in-noti ta’ vanilla u l-aromi tal-kafà abjad u tal-kafè inkaljat “torrefacto”.
Is-sistema “criaderas y soleras”, li hija s-sistema dominanti ta’ maturazzjoni fiż-żona, tiffavorixxi omoġenizzazzjoni sinifikanti tal-ħall billi timmodera l-effetti tad-diversi vendemmji. Fl-aħħar nett, l-istruttura arkitettonika tal-kantini taż-żona ta’ Jerez, billi tgħin biex iżżomm il-kundizzjonijiet mikroklimatiċi, mhux biss tiffaċilita l-ossiġenazzjoni bil-mod tal-ħall, iżda wkoll iżżomm il-btieti f’kundizzjoni perfetta, li tippermetti l-maturazzjoni tal-“Vinagre de Jerez”.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
L-ispeċifikazzjoni emendata tal-prodott tinsab fil-link li ġej:
https://juntadeandalucia.es/export/drupaljda/Pliego_Vinagre_Jerez_modificado.pdf
jew permezz tal-paġna ewlenija tal-Ministeru Reġjonali għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Iżvilupp Rurali (https://juntadeandalucia.es/organismos/agriculturaganaderiapescaydesarrollosostenible.html), billi ssegwi l-passaġġ tan-navigazzjoni: “Áreas de actividad”/“Industrias y Cadena Agroalimentaria”/“Calidad”/“Denominaciones de calidad”/“Vinagres”.