EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020XC0508(01)
Communication from the Commission Guidance on free movement of health professionals and minimum harmonisation of training in relation to COVID-19 emergency measures – recommendations regarding Directive 2005/36/EC 2020/C 156/01
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Gwida dwar il-moviment liberu tal-professjonisti fil-kura medika u l-armonizzazzjoni minima tat-taħriġ fir-rigward tal-miżuri ta’ emerġenza tal-COVID-19 — rakkomandazzjonijiet rigward id-Direttiva 2005/36/KE 2020/C 156/01
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Gwida dwar il-moviment liberu tal-professjonisti fil-kura medika u l-armonizzazzjoni minima tat-taħriġ fir-rigward tal-miżuri ta’ emerġenza tal-COVID-19 — rakkomandazzjonijiet rigward id-Direttiva 2005/36/KE 2020/C 156/01
C/2020/3072
OJ C 156, 8.5.2020, p. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
8.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 156/1 |
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Gwida dwar il-moviment liberu tal-professjonisti fil-kura medika u l-armonizzazzjoni minima tat-taħriġ fir-rigward tal-miżuri ta’ emerġenza tal-COVID-19 — rakkomandazzjonijiet rigward id-Direttiva 2005/36/KE
(2020/C 156/01)
Il-kriżi tal-COVID-19 titlob miżuri immedjati u eċċezzjonali fil-qasam tas-saħħa pubblika. L-Istati Membri qed jitħabtu biex jipprovdu biżżejjed persunal mediku biex jiġġieldu l-kriżi filwaqt li jkomplu jagħmlu d-dijanjosi, u jittrattaw il-pazjenti u jieħdu ħsiebhom. Il-qagħda fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u fl-istituzzjonijiet ta’ taħriġ jista’ jkollha impatt fuq il-possibbiltà li jiġi pprovdut taħriġ sħiħ lill-professjonijiet fil-kura medika, b’mod partikolari t-taħriġ prattiku.
Filwaqt li reazzjoni rapida għall-kriżi hija ta’ importanza kbira, wieħed għandu jżomm f’moħħu l-effetti li kwalunkwe miżura ta’ emerġenza jista’ jkollha, fuq perjodu ta’ żmien medju jew fit-tul, u li l-impatti negattivi tagħha jittaffew kemm jista’ jkun billi nkunu inġenjużi u flessibbli. Il-Kummissjoni tixtieq tappoġġa lill-Istati Membri billi tipprovdi assistenza u informazzjoni, u b’mod partikolari billi tenfasizza ċerti aspetti tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li huma importanti meta jitqies kif jistgħu jitnaqqsu l-konsegwenzi tal-impatt tal-kriżi fuq il-professjonisti fil-kura medika. Dan jinkludi l-impatti fuq ir-rekwiżiti ta’ taħriġ armonizzat u s-salvagwardja tad-drittijiet sħaħ tal-professjonisti fil-kura medika, inkluż ir-rikonoxximent iffaċilitat tal-kwalifiki għall-moviment transkonfinali u l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ saħħa u sikurezza għall-pazjenti.
L-għan ta’ din il-gwida hu li tiżgura kemm jista’ jkun il-moviment liberu tal-professjonist fil-kura medika, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi straordinarji li qegħdin iħabbtu wiċċhom bħalissa. Din il-gwida tikkumplimenta l-informazzjoni pprovduta fil-Komunikazzjoni dwar l-assistenza ta’ emerġenza tal-UE fil-kooperazzjoni transkonfinali fil-kura tas-saħħa relatata mal-kriżi tal-COVID-19 (2) u fil-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi (3).
Il-Kummissjoni tixtieq tassigura lill-Istati Membri li se tkun disponibbli li tiddiskuti, ma’ kull wieħed u waħda minnhom, il-problemi partikolari li ltaqgħu magħhom matul il-kriżi u li se tindirizzahom, jekk ikun xieraq u meħtieġ, b’mod adegwat, bl-użu tal-mezzi amministrattivi u leġiżlattivi kollha għad-dispożizzjoni tagħha.
Id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar ir-rikonoxximent transkonfinali ta’ kwalifiki professjonali. Għal ċerti professjonijiet settorjali bħall-infermiera ta’ kura ġenerali, id-dentisti (inklużi l-ispeċjalisti), it-tobba (inkluża firxa ta’ speċjalisti) u l-ispiżjara, id-Direttiva tistabbilixxi wkoll rekwiżiti minimi ta’ taħriġ fil-livell tal-UE. Skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri ospitanti għandhom jirrikonoxxu awtomatikament il-kwalifiki mogħtija meta jintemm dan it-taħriġ, elenkat fl-Anness V tad-Direttiva. Il-kwalifiki tal-professjonisti l-oħra fil-kura medika, bħall-infermiera speċjalizzati li għalihom ma jeżistux rekwiżiti minimi ta’ taħriġ fil-livell tal-UE, mhumiex soġġetti għal rikonoxximent awtomatiku. L-Istati Membri ospitanti jistgħu (iżda mhumiex obbligati) jivverifikaw il-kwalifiki ta’ dawk il-professjonisti u jistgħu jimponu miżuri ta’ kumpens fejn xieraq.
Jenħtieġ li l-punti li ġejjin jiggwidaw lill-Istati Membri meta jikkunsidraw il-miżuri biex jindirizzaw in-nuqqas immedjat tal-persunal jew il-miżuri għat-taħriġ tal-professjonisti tal-ġejjieni fil-kura medika.
1. Rikonoxximent u permess għax-xogħol għall-professjonisti fil-kura medika f’sitwazzjonijiet transkonfinali
a. |
Id-Direttiva tipprovdi lill-professjonisti li jitolbu għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom f’pajjiż ieħor tal-UE bi drittijiet li jiżguraw li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jivvalutaw it-talbiet tagħhom kif xieraq u fi ħdan ċerti salvagwardji proċedurali u f’ċerti skadenzi. Dawn ir-regoli jistabbilixxu l-massimu li jista’ jkun meħtieġ mill-professjonisti fil-kura medika. Ma jobbligawx lill-Istati Membri jimponu restrizzjonijiet fir-rigward tal-proċeduri ta’ rikonoxximent. Għaldaqstant:
It-taħriġ ta’ ċerti professjonijiet fil-kura medika, bħat-tobba b’taħriġ mediku bażiku, għadd ta’ speċjalizzazzjonijiet mediċi bħall-mediċina respiratorja jew l-anestesija, u l-infermiera tal-kura ġenerali, jissejjes fuq armonizzazzjoni minima skont id-Direttiva.
Għall-professjonijiet l-oħra fil-kura medika, l-Istati Membri jistgħu jimponu kontroll minn qabel tal-kwalifiki tal-professjonisti li l-attivitajiet tagħhom għandhom implikazzjonijiet fuq is-saħħa u fuq is-sigurtà. Dan jista’ jkun il-każ għall-infirmiera speċjalizzati (b’paragaun mal-infermiera ta’ kura ġenerali), għal ċerti tobba speċjalisti, pereżempju jekk l-Istat Membru riċeventi għandu speċjalità regolata li ma teżistix fl-Istat Membru li jibgħat, jew għall-professjonisti paramediċi bħall-fiżjoterapisti.
|
b. |
Id-Direttiva ma tapplikax għall-applikanti li għadhom mhumiex ikkwalifikati bis-sħiħ fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Dan ma jżommx lill-Istat Membru ospitanti milli jagħti d-dritt lil dawn il-professjonisti fil-kura tas-saħħa li jipprovdu servizzi limitati tas-saħħa fit-territorju tiegħu jew li jiġu impjegati skont il-liġi nazzjonali tiegħu, inkluż permezz ta’ proċeduri speċifiċi li ġew stabbiliti biex jirreaġixxi għall-kriżi. |
2. Gradwazzjoni bikrija għall-professjonijiet settorjali fil-kura medika jew adattamenti temporanji tal-kurrikuli minħabba l-kriżi
Xi Stati Membri jista’ jkun li qed jikkunsidraw gradwazzjoni bikrija għall-istudenti fi stadju avvanzat ta’ taħriġ biex ikun hemm persunal mediku disponibbli jew minħabba li l-aħħar xhur ta’ taħriġ ma jistgħux jitlestew minħabba l-kriżi (istituzzjonijiet ta’ taħriġ magħluqa, nuqqas ta’ kapaċità li jiġi pprovdut taħriġ prattiku strutturat fl-isptarijiet, eċċ.) Kwalunkwe kunsiderazzjoni bħal din teħtieġ li tqis il-fatt li l-professjonijiet settorjali fil-kura medika huma soġġetti għal rekwiżiti minimi ta’ taħriġ fil-livell tal-UE.
a. |
Jekk ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva jiġu ssodisfati, il-gradwazzjoni bikrija għall-professjonijiet settorjali jew it-tqassir tat-taħriġ jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u huwa konformi mad-Direttiva. Il-kwalifiki elenkati fl-Anness V jistgħu jingħataw lill-professjonisti inkwistjoni u dawn ikollhom kull dritt għar-rikonoxximent awtomatiku fil-ġejjieni. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, f’pajjiżi fejn it-taħriġ imur lil hinn mir-rekwiżiti minimi meħtieġa mid-Direttiva. |
b. |
Jekk ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva ma jiġux ssodisfati, jeħtieġ li tintalab deroga mill-Artikolu 21(6) tad-Direttiva biex l-istudenti li jiggradwaw fl-2020 ikunu jistgħu jiksbu id-diploma elenkata fl-Anness V, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali marbuta mal-COVID-19. L-Artikolu 61 tad-Direttiva jipprovdi l-possibbiltà li tkun permessa deroga mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva għal perjodu limitat permezz tal-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni jekk Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet kbar biex japplika dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva. L-att ta’ implimentazzjoni jista’ jkun jew Deċiżjoni jew Regolament. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut ta’ kwalunkwe deroga jiddependu fuq iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ Stat Membru partikolari. Il-ħtieġa għal deroga jkollha tiġi ddeterminata abbażi ta’ informazzjoni ċara u konkreta mill-Istati Membri kkonċernati dwar liema regoli ma jkunux jistgħu jsegwu minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u jekk dan ikunx japplika għall-gradwati kollha jew biss għal dawk individwali jew għal istituti speċifiċi, reġjuni, eċċ. Barra minn hekk, l-Istat Membru jkollu jispeċifika l-mezzi li bihom il-gradwati jkunu jistgħu jlestu l-partijiet neqsin tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ u f’liema tul ta’ żmien. Id-deroga, jekk titqies xierqa, tkun tinsab f’att ta’ implimentazzjoni u tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi msemmija fir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ jinkisbu, għalkemm parzjalment wara li tkun inħarġet id-diploma. It-tlestija tat-taħriġ f’konformità mad-Direttiva jista’ jinkiseb b’modi differenti, pereżempju b’esperjenza professjonali miksuba matul il-qagħda ta’ emerġenza jew wara, b’aktar taħriġ speċjalizzat jew bi programmi ta’ żvilupp professjonali kontinwu. Għalhekk ma jkunx meħtieġ li jerġgħu lura għall-programm ta’ taħriġ inizjali jew li l-gradwati tal-2020 jiġu integrati fil-programm tas-sena ta’ wara ladarba l-emerġenza tispiċċa. Id-diplomi li jinħarġu abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’deroga ma jkunux eliġibbli għal rikonoxximent awtomatiku mill-Istat Membru ospitanti sakemm jiġu ssodisfati r-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ. Il-Kummissjoni tqis li tali diplomi jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ suppliment għad-diploma, bid-dettalji tal-partijiet tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ li jonqsu. Dan jippermetti l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas u jħaffef il-proċess ta’ rikonoxximent għall-gradwati li jixtiequ jieħdu vantaġġ mid-dritt tal-moviment liberu qabel ma jkunu lestew il-partijiet neqsin mit-taħriġ tagħhom. L-informazzjoni fis-suppliment għad-diploma tgħin lill-Istat Membru ospitanti biex jiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent u l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens possibbli, b’għarfien sħiħ tal-kuntest u tar-raġunijiet eċċezzjonali għan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti minimi.
|
3. Rikonoxximent tal-professjonisti fil-kura medika bi kwalifiki minn barra l-UE/l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA)
Ir-rikonoxximent tal-professjonisti fil-kura medika b’diplomi miksuba minn barra l-UE/l-EFTA jingħata skont il-proċeduri nazzjonali fl-Istati Membri. Madankollu, għall-professjonijiet fil-kura medika fejn ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ jiġu armonizzati fil-livell tal-UE, inklużi t-tobba u l-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ tal-UE għandhom jitħarsu (l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva). Jekk il-professjonisti jkollhom kwalifika minn pajjiż terz/mill-EFTA f’wieħed minn dawk il-professjonijiet li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti armonizzati, l-Istat Membru li jkun beħsiebu jirrikonoxxi tali diploma jrid japplika miżuri ta’ kumpens. Inkella, dawn il-professjonisti jistgħu jitħallew jaħdmu fil-kura tas-saħħa, iżda mingħajr ma jitqiesu bħala membru tal-professjoni li għaliha ma jilħqux l-istandards ta’ kwalifiki stipulati fid-Direttiva.
Pereżempju, infermier kwalifikat minn pajjiż terz li t-taħriġ tiegħu ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi ta’ armonizzazzjoni jista’ jitħalla jaħdem bħala assistent tal-kura tas-saħħa li jwettaq inkarigi limitati kif speċifikat għal attivitajiet bħal dawn fil-liġi nazzjonali.
L-Istati Membri jistgħu jimpjegaw professjonisti fil-kura medika b’diplomi minn pajjiżi terzi jew billi jiżguraw li l-kwalifiki professjonali tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ fil-livell tal-UE jew billi jagħtuhom status differenti minn dak ta’ membru sħiħ ta’ wieħed mill-professjonijiet li għalihom ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ huma armonizzati fl-UE. |
Kuntatt: grow-regulated-professions@ec.europa.eu
(1) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.