IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.12.2020
COM(2020) 798 final
2020/0353(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2020) 420 final} - {SWD(2020) 334 final} - {SWD(2020) 335 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-iżvilupp u l-produzzjoni tal-batteriji huma imperattivi strateġiċi għall-Ewropa fil-kuntest tat-tranżizzjoni enerġetika nadifa. Huma wkoll komponent ewlieni tas-settur awtomotiv tal-Ewropa. Fl-UE, it-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) u huwa l-kawża ewlenija tat-tniġġis tal-arja fil-bliet.
L-użu aktar mifrux ta’ vetturi elettriċi se jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-emissjonijiet noċivi mit-trasport bit-triq. Fl-UE, mistennija sseħħ żieda qawwija fl-elettrifikazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri, vannijiet, karozzi tal-linja – u, sa ċertu punt, trakkijiet – bejn l-2020 u l-2030. Din qed tiġi xprunata prinċipalment mil-leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi l-emissjonijiet tas-CO2 għall-manifatturi tal-vetturi, iżda wkoll mil-leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi miri minimi tal-Istati Membri għall-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa. L-elettrifikazzjoni ta’ xi servizzi residenzjali, bħall-ħażna tal-enerġija jew it-tisħin, se tkompli fuq dan u se tgħin biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet.
Skont l-istimi tal-Forum Ekonomiku Dinji, hemm bżonn li l-produzzjoni globali tal-batteriji tiżdied b’fattur ta’ 19 biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li timmodernizza l-qafas leġiżlattiv tal-UE għall-batteriji. Hija parti integrali mill-Patt Ekoloġiku tal-UE, l-istrateġija ġdida tal-UE għat-tkabbir, li għandha l-għan li tittrasforma l-UE f’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn: (i) ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra sal-2050; (ii) it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi; u (iii) ħadd u l-ebda post ma jitħalla jaqa’ lura. Hija tibni fuq l-impenji u r-rapporti adottati mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi l-pjan ta’ azzjoni strateġika dwar il-batteriji, il-pjan ta’ azzjoni ġdid għal ekonomija ċirkolari, l-istrateġija industrijali ġdida għall-Ewropa u l-istrateġija ta’ mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, li għandha l-għan li twassal tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mat-trasport sal-2050.
Minbarra l-ħidma tal-Kummissjoni, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament talbu għal azzjoni maħsuba biex tappoġġa t-tranżizzjoni għall-elettromobbiltà, il-ħażna tal-enerġija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u katina tal-valur ta’ batterija sostenibbli. Il-Bank Ewropew tal-Investiment ħabbar ukoll li qed jistenna li jżid is-sostenn tiegħu għal proġetti relatati mal-batteriji għal aktar minn EUR 1 biljun ta’ finanzjament fl-2020.
Din l-inizjattiva tindirizza tliet gruppi ta’ problemi marbuta ħafna ma’ xulxin relatati mal-batteriji.
·L-ewwel grupp jirrigwardja n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas li jipprovdu inċentivi għall-investiment fil-kapaċità tal-produzzjoni għal batteriji sostenibbli. Dawn il-problemi huma marbuta mal-funzjonament ineffiċjenti tas-suq uniku u man-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti biżżejjed ta’ kompetizzjoni minħabba oqfsa regolatorji diverġenti fi ħdan is-suq intern. Il-kawżi sottostanti ta’ dan jinkludu l-implimentazzjoni irregolari tad-Direttiva dwar il-Batteriji u n-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli u komparabbli madwar l-UE.
·It-tieni grupp ta’ problemi jirrigwardja l-funzjonament subottimali tas-swieq tar-riċiklaġġ u l-ġestjoni ta’ materjali f’ċirku mhux magħluq biżżejjed, li jillimitaw il-potenzjal tal-UE li ttaffi r-riskju tal-provvista għall-materja prima. Hemm għadd ta’ nuqqasijiet fil-qafas regolatorju attwali. Dawn in-nuqqasijiet jinkludu nuqqas ta’ regoli ċari u armonizzati biżżejjed, u dispożizzjonijiet fid-Direttiva dwar il-Batteriji li ma jqisux l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq riċenti. Dawn inaqqsu l-profittabbiltà tal-attivitajiet ta’ riċiklaġġ u jżommu lura l-investiment f’teknoloġiji ġodda u f’kapaċità addizzjonali għar-riċiklaġġ tal-batteriji tal-futur.
·It-tielet grupp ta’ problemi jirrigwardja r-riskji soċjali u ambjentali li bħalissa mhumiex koperti mil-liġi ambjentali tal-UE. Dawn il-problemi jinkludu: (i) nuqqas ta’ trasparenza fl-akkwist tal-materja prima; (ii) sustanzi perikolużi; u (iii) l-potenzjal mhux sfruttat biex jiġu bbilanċjati l-impatti ambjentali taċ-ċikli tal-ħajja tal-batteriji.
Fl-għerq ta’ dawn il-kwistjonijiet hemm il-fallimenti tas-suq u n-nuqqasijiet ta’ informazzjoni. Dawn it-tnejn huma relatati mal-funzjonament tas-suq uniku. Barra minn hekk, huma aggravati mit-tielet problema, li hija l-kumplessità tal-ktajjen tal-valur tal-batteriji.
L-objettivi tal-proposta huma tlieta: 1) it-tisħiħ tal-funzjonament tas-suq intern (inkluż il-prodotti, il-proċessi, l-iskart ta’ batteriji u l-materjal riċiklat), billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni permezz ta’ sett komuni ta’ regoli; 2) il-promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari; u 3) it-tnaqqis tal-impatti ambjentali u soċjali matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batterija. Dawn it-tliet objettivi huma interkonnessi b’mod qawwi.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-qafas regolatorju attwali jkopri biss l-istadju ta’ tmiem il-ħajja tal-batteriji permezz tad-Direttiva dwar il-Batteriji. Bħalissa ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali fl-UE li tkopri aspetti oħrajn tal-fażijiet tal-produzzjoni u tal-użu tal-batteriji, bħall-prestazzjoni elettrokimika u d-durabbiltà, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jew l-akkwist responsabbli.
F’konformità mal-prinċipju “one-in-one-out”, ir-Regolament propost għandu jieħu post id-Direttiva attwali dwar il-Batteriji.
Il-proposta hija kompletament konformi mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ambjent u l-iskart. Hija tikkomplementa din il-leġiżlazzjoni, inklużi: Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw; Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart; Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE); Id-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku; Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis); u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH).
Din il-proposta tintroduċi rekwiżiti progressivi biex timminimizza l-impronta tal-karbonju tul iċ-ċiklu tal-batteriji. F’dan il-kuntest, l-isforzi biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju fil-proċess tal-manifattura se jwasslu indirettament għall-promozzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE
L-inizjattiva hija konsistenti mal-obbligi internazzjonali tal-UE fil-qasam tal-politika kummerċjali, b’mod partikolari minħabba li tiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn prodotti manifatturati fl-UE u prodotti importati.
L-inizjattiva tqabel bis-sħiħ mal-prinċipju ta’ innovazzjoni, u għall-azzjonijiet abilitanti relatati taħt il-finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni taħt Orizzont 2020.
Il-proposta għandha wkoll l-għan li tiżgura obbligi sempliċi u razzjonalizzati ta’ monitoraġġ u rapportar, biex b’hekk tillimita l-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, f’konformità mal-approċċ tal-UE għal regolamentazzjoni aħjar u l-kontroll tal-idoneità fuq ir-rapportar u l-monitoraġġ.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jrid jintuża għal miżuri li għandhom l-għan li jistabbilixxu jew jiżguraw il-funzjonament tas-suq uniku. Din hija bidla mill-bażi ġuridika attwali billi d-Direttiva dwar il-Batteriji 2006/66/KE kienet ibbażata fuq l-Artikolu 175 tat-TKE (issa l-Artikolu 191 tat-TFUE) u fuq l-Artikolu 95 tat-TKE (issa l-Artikolu 114 tat-TFUE) għad-dispożizzjonijiet identifikati relatati mal-prodotti.
Il-proposta tindirizza għadd ta’ problemi ewlenin relatati mas-suq uniku. Dawn jinkludu: (i) kundizzjonijiet mhux ekwi għall-batteriji mqiegħda fis-suq peress li r-regoli applikabbli huma soġġetti għall-interpretazzjoni; (ii) ostakli għall-funzjonament tas-swieq tar-riċiklaġġ; (iii) implimentazzjoni mhux uniformi tad-Direttiva dwar il-Batteriji; (iv) il-ħtieġa urġenti għal investiment fuq skala kbira biex ikun hemm reazzjoni għas-suq li qed jinbidel; (v) il-ħtieġa għal ekonomiji ta’ skala; u (vi) il-ħtieġa għal qafas regolatorju stabbli u kompletament armonizzat.
Fl-istess ħin, hemm ukoll għadd ta’ problemi ambjentali relatati mal-produzzjoni, l-użu u l-ġestjoni ta’ batteriji fi tmiem ħajjithom. Il-problemi ambjentali li mhumiex koperti direttament mill-acquis ambjentali tal-UE, u li b’hekk jeħtieġu intervent regolatorju, jistgħu kollha jkunu marbuta mal-funzjonament tas-suq uniku. Problema waħda bħal din hija l-impatti negattivi fuq l-ambjent ta’ sustanzi perikolużi li jinsabu fil-batteriji meta ma jintremewx kif suppost, problema li tista’ tissolva permezz tal-ġbir u r-riċiklaġġ xierqa tal-batteriji portabbli. Waħda mir-raġunijiet għaliex il-livelli tal-ġbir ta’ batteriji portabbli huma baxxi hija li l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ ġbir għandu prezz, u s-suq uniku ma jimplimentax il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas b’mod adegwat u armonizzat. Il-livelli subottimali tal-ġbir huma wkoll problematiċi minn perspettiva tal-profittabbiltà tan-negozju. Dan għaliex it-teknoloġiji tar-riċiklaġġ huma intensivi fil-kapital u, b’hekk, jirrikjedu ekonomiji ta’ skala sinifikanti, f’xi każijiet lil hinn mis-swieq nazzjonali tal-UE. Problema oħra hija n-nuqqas li jitbaxxa l-impatt ambjentali totali tal-batteriji billi tiżdied iċ-ċirkolarità tal-katina tal-valur tal-batteriji. Hawnhekk, il-kawża ewlenija tal-problema hija għal darba oħra falliment tas-suq. Ma hemm l-ebda allinjament tal-inċentivi (u tal-informazzjoni) bejn atturi differenti fil-katina tal-valur. Barra minn hekk, fis-suq għall-batteriji tal-vetturi elettriċi fit-tieni ħajja, ma hemm l-ebda ċertezza legali dwar l-istat tal-iskart tal-batteriji użati u hemm ukoll informazzjoni inadegwata biex titbassar l-imġiba tal-batteriji.
B’hekk, l-objettiv tal-proposta huwa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ regoli komuni għall-atturi ekonomiċi fis-suq uniku u li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-miżuri se jwasslu għal aktar armonizzazzjoni: (i) ir-rekwiżiti tal-prodott għall-batteriji mqiegħda fis-suq tal-Unjoni; u (ii) il-livell tas-servizzi tal-immaniġġar tal-iskart ipprovduti min-negozji. Il-proposta se tistabbilixxi wkoll rekwiżiti biex jiġi żgurat suq li jiffunzjona tajjeb għall-materja prima sekondarja, filwaqt li jiġu evitati u jitnaqqsu l-impatti ambjentali mill-produzzjoni u l-użu tal-batteriji (kif ukoll it-trattament tagħhom – inkluż ir-riċiklaġġ – fi tmiem il-ħajja tal-batterija). Dan se jippromwovi industrija ċirkolari tal-batteriji madwar l-Ewropa, u jevita l-frammentazzjoni minn approċċi nazzjonali possibbilment diverġenti.
Il-manifattura u l-użu tal-batteriji, il-katina tal-valur sottostanti, u l-immaniġġar ta’ batteriji fi tmiem ħajjithom huma kwistjonijiet trasversali li jaffettwaw ħafna oqsma ta’ politika. Għalhekk, minbarra li ssegwi l-objettivi tas-suq intern, il-proposta se tikkontribwixxi wkoll għal objettivi relatati mal-ambjent, it-trasport, l-azzjoni klimatika, l-enerġija u l-kummerċ internazzjonali. L-analiżi tal-impatt tal-miżuri proposti turi li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-objettivi tas-suq intern huma predominanti u li l-benefiċċji ambjentali huma komplementari. Għalhekk, huwa xieraq li l-Artikolu 114 tat-TFUE jintuża bħala bażi ġuridika unika.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Hemm valur miżjud ċar fl-iffissar ta’ rekwiżiti komuni fil-livell tal-UE li jkopru ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-batteriji. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-manifatturi, l-importaturi u l-operaturi ekonomiċi jkunu soġġetti b’mod aktar wiesa’ għal rekwiżiti armonizzati li jridu jiġu ssodisfati meta (i) titqiegħed batterija fis-suq tal-Unjoni u (ii) tiġi pprovduta informazzjoni lill-klijenti fis-suq uniku kollu. Ir-riċiklaturi jridu jkunu jistgħu joperaw ukoll b’rekwiżiti uniformi li japplikaw għan-negozji kollha tar-riċiklaġġ bl-istess mod madwar l-UE. Fin-nuqqas ta’ intervent fil-livell tal-UE li jistabbilixxi regoli armonizzati, intervent fil-livell nazzjonali jwassal għal diverġenza fir-rekwiżiti għall-operaturi ekonomiċi.
L-iżvilupp ta’ katina sostenibbli tal-valur tal-batteriji huwa intensiv fil-kapital u jirrikjedi ekonomiji ta’ skala li jmorru lil hinn minn dak li jistgħu jipprovdu l-ekonomiji nazzjonali. Il-kisba ta’ dan tirrikjedi suq uniku armonizzat u li jiffunzjona tajjeb fl-Istati Membri kollha fejn l-operaturi ekonomiċi kollha tal-katina tal-valur tal-batteriji jkunu soġġetti għall-istess regoli.
Barra minn hekk, huma meħtieġa regoli komuni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, li se tikkontribwixxi għat-trawwim ta’ mudelli kummerċjali, prodotti u materjali Ewropej innovattivi u sostenibbli. Dawn l-objettivi ma jistgħux jiġu stabbiliti mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom: l-iskala tal-azzjoni meħtieġa tfisser li dan jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, azzjoni uniformi tal-UE hija ġustifikata u neċessarja.
•Proporzjonalità
Il-miżuri proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza regolatorja meħtieġa biex jiġi inċentivat l-investiment fuq skala kbira fl-ekonomija ċirkolari, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.
B’mod ġenerali, l-għażla ta’ politika proposta hija bidla gradwali meta mqabbla mal-qafas regolatorju u istituzzjonali eżistenti (jiġifieri d-Direttiva attwali dwar il-Batteriji). Għall-istadji aktar bikrin fil-katina tal-valur li għalihom bħalissa ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE, il-bidliet proposti huma l-aktar fil-livell tal-informazzjoni u r-rekwiżiti bażiċi għall-batteriji li għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-UE.
Għal uħud mill-għażliet ta’ politika proposti, il-valutazzjoni tal-impatt sabet li approċċ gradwali jkun l-aħjar biex iħares il-prinċipju tal-proporzjonalità. Għalhekk, il-proposta tinkludi żieda gradwali fl-ambizzjoni u r-rekwiżiti f’għadd ta’ oqsma. Pereżempju, dan huwa l-każ għad-dispożizzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni u tad-durabbiltà għall-batteriji industrijali rikarikabbli. Din id-dispożizzjoni tinkludi obbligi ta’ informazzjoni bħala l-ewwel pass; hija ma tirrikjedix l-iffissar ta’ valuri minimi rilevanti sakemm ikun hemm aktar informazzjoni disponibbli.
•Għażla tal-istrument
L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Batteriji u l-analiżi li saret qabel il-valutazzjoni tal-impatt urew li l-armonizzazzjoni tinkiseb aħjar permezz ta’ Regolament, għall-kuntrarju ta’ Direttiva fil-qafas tal-approċċ preċedenti aktar limitat. Miżuri nazzjonali diverġenti dwar il-ġbir u l-irkupru tal-iskart wasslu għal qafas regolatorju inkoerenti għall-operaturi ekonomiċi u għall-produtturi. Dawn l-ostakoli eżistenti fil-forma ta’ oqfsa regolatorji nazzjonali diverġenti jistgħu jitneħħew biss permezz ta’ regoli aktar dettaljati u armonizzati dwar l-organizzazzjoni tal-proċessi ta’ ġbir u rkupru u r-responsabbiltajiet relatati. Dawn ir-regoli dettaljati u armonizzati jenħtieġ li jinkludu rekwiżiti li japplikaw direttament għan-negozji.
Regolament se jistabbilixxi rekwiżiti diretti għall-operaturi kollha, u b’hekk jipprovdi ċ-ċertezza legali meħtieġa u l-possibbiltà ta’ infurzar ta’ suq kompletament integrat madwar l-UE. Regolament se jiżgura wkoll li l-obbligi jiġu implimentati fl-istess ħin u bl-istess mod fis-27 Stat Membru kollha.
L-istrument se jistabbilixxi wkoll għadd ta’ mandati biex il-Kummissjoni tiżviluppa miżuri ta’ implimentazzjoni. Dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni se jippermettu lill-Kummissjoni telabora aktar dwar ir-regolament, jekk ikun meħtieġ, u jippermettu li r-regoli komuni jiġu stabbiliti aktar fil-ħin. Ir-Regolament se jnaqqas ukoll l-inċertezzi fuq l-iskedi ta’ żmien matul il-proċess tat-traspożizzjoni tipikament assoċjati ma’ Direttiva f’qasam fejn iż-żmien u ċ-ċertezza legali huma ta’ importanza kritika minħabba ż-żidiet imbassra fid-daqs tas-suq u l-bidliet fid-dinamiċi tas-suq b’mod aktar ġenerali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
F’April 2019, il-Kummissjoni ppubblikat evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Batteriji, f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar u b’kont meħud tal-ispeċifikazzjonijiet tal-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Batteriji. Is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni huma miġbura fil-qosor fl-Anness 6 tal-valutazzjoni tal-impatt, u inkorporati fl-analiżi (b’mod partikolari t-taqsima dwar id-definizzjoni tal-problemi).
Din il-proposta ta’ politika tinkludi miżuri li jindirizzaw l-oqsma identifikati fl-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Batteriji, fejn in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni jew dispożizzjonijiet mhux dettaljati biżżejjed iwasslu għal eżiti frammentati fis-suq uniku. Dawn qed joħolqu distorsjoni tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni billi ma jipprovdux ċarezza u kosteffiċjenza (pereżempju, l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi). Il-proposta tinkludi wkoll għadd ta’ miżuri li jiżguraw li l-ambjent regolatorju jkun aġġornat u adatt għall-iskop biex jittratta ma’ novitajiet teknoloġiċi bħall-batteriji għall-vetturi elettriċi, ir-roti elettriċi u l-iscooters elettriċi, jew il-possibbiltà għat-“tieni ħajja” tal-batteriji industrijali.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
F’konformità mal-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar, saru diversi attivitajiet ta’ konsultazzjoni. Deskrizzjoni qasira ta’ dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni tinsab fil-punti ta’ hawn taħt.
·Bħala parti mit-tħejjija ta’ inizjattiva regolatorja dwar ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-batteriji, bejn Ġunju u Novembru 2019 ġiet organizzata l-ewwel sessjoni ta’ konsultazzjoni mid-DĠ GROW. Din kienet tikkonsisti f’konsultazzjoni pubblika miftuħa li għaliha ġew riċevuti 180 kontribuzzjoni, u tliet laqgħat pubbliċi mal-partijiet ikkonċernati dwar is-sejbiet ta’ żewġ studji ta’ fattibbiltà.
·Wara deċiżjoni politika li strument legali uniku jissostitwixxi d-Direttiva dwar il-Batteriji u jinkorpora r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-batteriji rikarikabbli li fuqhom id-DĠ GROW ilu jaħdem minn nofs l-2018, bejn Frar u Mejju 2020 saret it-tieni sessjoni ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni. Din it-tieni sessjoni kienet tinkludi:
–intervisti mmirati mar-rappreżentanti tal-katina tal-valur tal-batteriji, il-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet ambjentali;
–stħarriġ tan-negozji (manifatturi, maniġers tal-iskart u riċiklaturi);
–stħarriġ tar-rappreżentanti tal-proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni (iffinanzjat fil-qafas tal-programmi Orizzont 2020 u LIFE);
–laqgħat settorjali mal-partijiet ikkonċernati;
–laqgħa mal-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri.
·Il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu fuq ir-regolament propost ġiet ippubblikata fit-28 ta’ Mejju 2020, u l-perjodu biex jingħata r-rispons intemm fid-9 ta’ Lulju 2020. B’kollox, waslu 103 risposti, li fil-biċċa l-kbira jappoġġaw il-pożizzjonijiet stabbiliti mill-partijiet ikkonċernati aktar kmieni fil-proċess (pereżempju, matul il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati fil-mira).
B’mod ġenerali, l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni wrew li hemm rikonoxximent ġenerali fost il-pubbliku li hemm bżonn ta’ inizjattiva regolatorja li tkopri l-katina kollha tal-valur tal-batteriji b’mod integrat. Il-partijiet ikkonċernati li pparteċipaw fil-konsultazzjonijiet pubbliċi ġeneralment irrikonoxxew li bidliet teknoloġiċi, ekonomiċi u soċjali jiġġustifikaw il-ħolqien ta’ qafas regolatorju ġdid għall-batteriji. Il-partijiet ikkonċernati qablu wkoll li għandu jkun hemm armonizzazzjoni aħjar tar-regoli eżistenti u qafas tal-UE li jkopri ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-batteriji. Huma qalu li dan il-qafas għandu jinkludi regoli ta’ sostenibbiltà komuni u aktar stretti għall-batteriji, il-komponenti, l-iskart tal-batteriji u l-materjali riċiklati, sabiex jiġu stabbiliti regoli ċari u komuni li jiggarantixxu l-funzjonament tas-suq uniku tal-UE.
Il-ħtiġijiet ewlenin espressi mir-rappreżentanti mill-industrija kienu għal: (i) qafas regolatorju stabbli li jiżgura ċ-ċertezza tal-investiment; (ii) kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni li jippermettu l-produzzjoni sostenibbli tal-batteriji; u (iii) il-funzjonament effiċjenti tas-swieq tar-riċiklaġġ biex tiżdied id-disponibbiltà ta’ materja prima sekondarja ta’ kwalità. It-tħassib ewlieni espress minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili kien dwar il-ħtieġa ta’ akkwist sostenibbli u l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari għall-katina tal-valur tal-batteriji.
Il-konklużjonijiet dettaljati mill-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati huma inklużi fl-Anness 2 u fl-Anness 9 tal-valutazzjoni tal-impatt.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Sabiex tappoġġa l-analiżi tal-għażliet differenti, il-Kummissjoni tat diversi kuntratti ta’ appoġġ lil esperti esterni, inkluż għal:
·studju li jivvaluta l-fattibbiltà ta’ miżuri li jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-qafas attwali tal-UE dwar il-batteriji;
·studju li jindirizza suġġetti speċifiċi (it-tieni ħajja, restrizzjonijiet, skemi ta’ depożitu u ta’ rifużjoni, eċċ.);
·studju preparatorju dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija tal-batteriji elettrokimiċi rikarikabbli b’memorja interna;
·studju tal-fattibbiltà ta’ segwitu dwar il-batteriji sostenibbli;
·valutazzjoni tal-impatt dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija tal-batteriji elettrokimiċi rikarikabbli b’memorja interna.
Dawn l-esperti ħadmu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni matul il-fażijiet differenti tal-istudju.
Minbarra dawn l-istudji ta’ appoġġ, ġie identifikat għarfien espert addizzjonali permezz tar-riċerka fil-letteratura u permezz tar-risposti tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta hija bbażata fuq valutazzjoni tal-impatt. Wara li indirizza l-kummenti tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju maħruġa fl-opinjoni negattiva tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2020, il-valutazzjoni tal-impatt irċeviet opinjoni pożittiva b’riżervi fit-18 ta’ Settembru 2020. Fl-opinjoni finali tiegħu, il-Bord talab aktar dettalji, prinċipalment dwar il-linja bażi u dwar il-kompożizzjoni tal-għażliet ta’ politika.
Il-valutazzjoni tal-impatt tinkludi 13-il miżura maħsubin biex jindirizzaw il-problemi relatati ma’: (i) in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas biex jiġu pprovduti inċentivi għal investimenti fil-kapaċità tal-produzzjoni għal batteriji sostenibbli; (ii) il-funzjonament subottimali tas-swieq tar-riċiklaġġ; u (iii) ir-riskji soċjali u ambjentali li bħalissa mhumiex koperti mill-acquis ambjentali tal-UE. Dawn it-13-il miżura huma bbażati fuq: (i) l-analiżi mill-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Batteriji; (ii) il-konsultazzjonijiet pubbliċi għal din l-inizjattiva; (iii) id-diversi studji ta’ appoġġ; u (iv) impenji politiċi bħall-Patt Ekoloġiku. Dawn jirriflettu l-fatt li hemm bżonn risposti tul katina tal-valur kumplessa.
F’kull waħda mit-13-il miżura ta’ politika wiesgħa, ġew ikkunsidrati diversi sottomiżuri. F’ħafna każijiet, dawn is-sottomiżuri jkunu alternattivi għal xulxin (pereżempju, għall-Miżura 3, il-miri tar-rata tal-ġbir għall-batteriji portabbli jistgħu jkunu jew 65 % jew inkella 75 %, iżda mhux it-tnejn). F’każijiet oħrajn, is-sottomiżuri huma mfassla b’tali mod li jistgħu jkunu kumulattivi u/jew komplementari (pereżempju, għall-miżura 13, “passaport” ta’ batterija għal batteriji industrijali jaħdem flimkien mal-obbligi tal-informazzjoni). Dawn is-sottomiżuri kollha huma analizzati f’dettall proporzjonat fl-Anness 9 tal-valutazzjoni tal-impatt, b’kunsiderazzjoni tal-impatti tagħhom meta mqabbla max-xenarju ta’ żamma tal-istatus quo.
Sabiex tiġi ffaċilitata l-analiżi, is-sottomiżuri huma miġbura f’erba’ għażliet ta’ politika ewlenin, li huma mqabbla max-xenarju ta’ żamma tal-istatus quo. Dawn l-erba’ għażliet huma stabbiliti hawn taħt.
·L-għażla 1, dik ta’ żamma tal-istatus quo, hija għażla li żżomm id-Direttiva dwar il-Batteriji, li tkopri l-aktar l-istadju ta’ tmiem il-ħajja tal-batteriji, kif inhi. Għall-istadji aktar bikrija fil-katina tal-valur, bħalissa ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ u, għalhekk, din se tibqa’ l-istess. Aktar dettalji dwar din l-għażla huma mogħtija fit-Taqsima 5 dwar il-linja bażi u fl-Anness 9.
·L-għażla 2, l-għażla tal-livell medju ta’ ambizzjoni, hija għażla li tibni fuq id-Direttiva dwar il-Batteriji, iżda gradwalment issaħħaħ u żżid il-livell ta’ ambizzjoni. Għall-istadji aktar bikrija fil-katina tal-valur li għalihom bħalissa ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE, il-bidla proposta hija li jiddaħħlu informazzjoni u rekwiżiti bażiċi bħala kundizzjoni biex il-batteriji jitqiegħdu fis-suq tal-UE.
·L-għażla 3, l-għażla tal-livell għoli ta’ ambizzjoni, hija approċċ kemxejn aktar ta’ tfixkil, iżda xorta fil-limiti ta’ dak li huwa teknikament fattibbli. Din tinvolvi, pereżempju, l-iffissar ta’ valuri ta’ limitu u limiti li għandhom jiġu rrispettati fi żmien stipulat.
·L-għażla 4, l-għażla tal-livell għoli ħafna ta’ ambizzjoni, tinkludi miżuri li jmorru ferm lil hinn mill-qafas regolatorju attwali u mill-prattiki kummerċjali attwali.
It-Tabella 1 tippreżenta ħarsa ġenerali lejn is-sottomiżuri differenti inklużi fl-għażliet ta’ politika, bl-għażla ppreferuta bbażata fuq il-valutazzjoni tal-impatt immarkata b’kulur aħdar.
L-għażla ppreferuta tal-Kummissjoni hija kombinazzjoni tal-Għażla 2 u l-Għażla 3. Il-kombinazzjoni magħżula tipprovdi approċċ ibbilanċjat f’termini ta’ effettività (il-kisba tal-objettivi) u effiċjenza (il-kosteffettività). L-għażla ppreferuta se tiffaċilita r-risposta tal-UE għall-kundizzjonijiet tas-suq li jinbidlu malajr u se tappoġġa b’mod ambizzjuż bidla lejn ekonomija b’livell aktar baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, mingħajr ma jkun hemm riskju ta’ kostijiet eċċessivi jew tfixkil.
Tabella 1: Għażla ppreferuta
Miżuri
|
Għażla 2 - livell medju ta’ ambizzjoni
|
Għażla 3 - livell għoli ta’ ambizzjoni
|
Għażla 4 - livell għoli ħafna ta’ ambizzjoni
|
1. Klassifikazzjoni u definizzjoni
|
Kategorija ġdida għall-batteriji tal-vetturi elettriċi
Limitu tal-piż ta’ 5 kg biex issir distinzjoni bejn batteriji portabbli u dawk industrijali
|
Metodoloġija ġdida ta’ kalkolu għar-rati ta’ ġbir ta’ batteriji portabbli bbażati fuq il-batteriji disponibbli għall-ġbir
|
/
|
2. It-tieni ħajja tal-batteriji industrijali
|
Fi tmiem l-ewwel ħajja, il-batteriji użati jitqiesu bħala skart (ħlief għall-użu mill-ġdid). L-adattament għal skop differenti huwa meqjus bħala operazzjoni ta’ trattament tal-iskart. Il-batteriji adattati għal skop differenti (it-tieni ħajja) jitqiesu bħala prodotti ġodda li għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-prodott meta jitqiegħdu fis-suq
|
Fi tmiem l-ewwel ħajja, il-batteriji użati ma jitqisux bħala skart. Il-batteriji adattati għal skop differenti (it-tieni ħajja) jitqiesu bħala prodotti ġodda li għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-prodott meta jitqiegħdu fis-suq.
|
It-tħejjija obbligatorja għat-tieni ħajja
|
3. Ir-rata tal-ġbir għall-batteriji portabbli
|
mira ta’ ġbir ta’ 65 % fl-2025
|
mira ta’ ġbir ta’ 70 % fl-2030
|
mira ta’ ġbir ta’ 75 % fl-2025
|
4. Ir-rata ta’ ġbir għall-batteriji awtomotivi u dawk industrijali
|
Sistema ġdida ta’ rapportar għall-batteriji awtomotivi, tal-vetturi elettriċi u industrijali
|
Il-mira tal-ġbir għall-batteriji li jħaddmu vetturi tat-trasport ħfief.
|
Il-mira espliċita tal-ġbir għall-batteriji industrijali, tal-vetturi elettriċi u awtomotivi
|
5. L-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-irkupru tal-materjali
|
Batteriji tal-joni tal-litju u Co, Ni, Li, Cu:
Batteriji tal-joni tal-litju b’effiċjenza tar-riċiklaġġ: 65 % sal-2025
Ir-rati tal-irkupru tal-materjal għall-Co, għan-Ni, għal-Li, għall-Cu: risp. 90 %, 90 %, 35 % u 90 % fl-2025
Batteriji taċ-ċomb u tal-aċidu u ċomb:
Batteriji taċ-ċomb u tal-aċidu b’effiċjenza tar-riċiklaġġ: 75 % sal-2025
Irkupru ta’ materjal għaċ-ċomb: 90 % sal-2025
|
Batteriji tal-joni tal-litju u Co, Ni, Li, Cu:
Batteriji tal-joni tal-litju b’effiċjenza tar-riċiklaġġ: 70 % sal-2030
Ir-rati tal-irkupru tal-materjal għall-Co, għan-Ni, għal-Li, għall-Cu: risp. 95 %, 95 %, 70 % u 95 % fl-2030
Batteriji taċ-ċomb u tal-aċidu u ċomb:
Batteriji taċ-ċomb u tal-aċidu b’effiċjenza tar-riċiklaġġ: 80 % sal-2030
Irkupru ta’ materjal għaċ-ċomb: 95 % sal-2030
|
/
|
6. L-impronta tal-karbonju għall-batteriji industrijali u tal-vetturi elettriċi
|
Dikjarazzjoni obbligatorja dwar l-impronta tal-karbonju
|
Il-klassijiet tal-prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju u l-limiti massimi tal-karbonju għall-batteriji bħala kundizzjoni għat-tqegħid fis-suq
|
/
|
7. Il-prestazzjoni u d-durabbiltà tal-batteriji industrijali u tal-vetturi elettriċi rikarikabbli
|
Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-prestazzjoni u d-durabbiltà
|
Ir-rekwiżiti minimi ta’ prestazzjoni u durabbiltà għal batteriji industrijali bħala kundizzjoni għat-tqegħid fis-suq
|
/
|
8. Batteriji portabbli mhux rikarikabbli
|
Il-parametri tekniċi għall-prestazzjoni u d-durabbiltà tal-batteriji primarji portabbli
|
L-eliminazzjoni gradwali tal-batteriji primarji portabbli ta’ użu ġenerali
|
L-eliminazzjoni gradwali totali tal-batteriji primarji
|
9. Il-kontenut irriċiklat fil-batteriji industrijali, tal-vetturi elettriċi u awtomotivi
|
Dikjarazzjoni obbligatorja tal-livelli ta’ kontenut irriċiklat, fl-2025
|
Livelli obbligatorji ta’ kontenut irriċiklat, fl-2030 u fl-2035
|
/
|
10. Ir-responsabbiltà estiża tal-produtturi
|
Speċifikazzjonijiet ċari għall-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi għall-batteriji industrijali
Standards minimi għall-PROs
|
/
|
/
|
11. Ir-rekwiżiti tad-disinn għall-batteriji portabbli
|
It-tisħiħ tal-obbligu tal-possibbiltà li tinqala’ l-batterija
|
Obbligu ġdid dwar is-sostitwibbiltà
|
Rekwiżit dwar l-interoperabbiltà
|
12. L-għoti ta’ informazzjoni
|
L-għoti ta’ informazzjoni bażika (fl-għamla ta’ tikketti, dokumentazzjoni teknika jew online)
L-għoti ta’ informazzjoni aktar speċifika lill-utenti finali u lill-operaturi ekonomiċi (b’aċċess selettiv)
|
L-istabbiliment ta’ sistema ta’ skambju elettroniku tal-informazzjoni għall-batteriji u skema ta’ passaporti (għall-batteriji industrijali u tal-vetturi elettriċi biss)
|
/
|
13. Id-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista għall-materja prima fil-batteriji industrijali u tal-vetturi elettriċi
|
Id-diliġenza dovuta volontarja għall-katina tal-provvista
|
Id-diliġenza dovuta obbligatorja għall-katina tal-provvista
|
/
|
Didaskalija: aħdar = l-għażla ppreferuta; aħdar ċar = l-għażla ppreferuta sakemm issir klawżola ta’ reviżjoni.
L-objettiv tal-Miżura 1 dwar il-klassifikazzjoni u d-definizzjoni huwa li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet attwali dwar il-kategoriji tal-batteriji u li dawn jiġu aġġornati f’konformità mal-aħħar żviluppi teknoloġiċi (Għażla 2). Il-bidliet amministrattivi fi wħud mid-dispożizzjonijiet fid-Direttiva attwali dwar il-Batteriji għandhom itejbu l-effettività ta’ diversi dispożizzjonijiet oħrajn, mingħajr ma jiġġeneraw kostijiet ekonomiċi jew piż amministrattiv sinifikanti. Il-partijiet ikkonċernati qalu li huma jaċċettaw bis-sħiħ din il-miżura. Il-possibbiltà li tiġi stabbilita metodoloġija ġdida għar-rati tal-ġbir abbażi ta’ “disponibbli għall-ġbir” (Għażla 3) hija proposta li tiġi vvalutata mill-ġdid permezz ta’ klawżola ta’ rieżami.
Għall-Miżura 2 dwar il-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-batteriji industrijali fit-tieni ħajja, il-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi stmati għall-Għażliet 2 u 3 ikunu ekwivalenti (jekk wieħed jassumi livelli ugwali ta’ penetrazzjoni fis-suq), filwaqt li jiġi rikonoxxut li hemm kompromessi bejn il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ batteriji fit-tieni ħajja, minn naħa, u r-riċiklaġġ, min-naħa l-oħra. Il-kostijiet amministrattivi tal-Għażla 3 – li taħtha l-batteriji użati mhux neċessarjament jitqiesu bħala skart fi tmiem l-ewwel ħajja tagħhom (u jitqiesu biss bħala skart meta d-detentur tal-batterija jiddeċiedi li jarmi l-batterija) – huma ferm aktar baxxi minn dawk għall-Għażla 2. L-Għażla 3 tqieset bħala l-għażla ppreferuta fil-valutazzjoni tal-impatt għar-raġuni li hija l-aħjar waħda biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ suq għall-batteriji fit-tieni ħajja u kienet appoġġata mill-partijiet ikkonċernati. L-Għażla 2 – li taħtha l-batteriji jsiru skart – twassal għal kostijiet addizzjonali għall-permessi meħtieġa biex jiġi ttrattat l-iskart perikoluż, li kienet kwistjoni ta’ tħassib partikolari għall-partijiet ikkonċernati. Din l-għażla tista’ għalhekk tillimita l-iżvilupp tas-suq tat-tieni ħajja għall-batteriji billi l-kostijiet huma ogħla. Il-Kummissjoni kkonkludiet li kombinazzjoni tal-Għażla 2 u l-Għażla 3, fejn jiġu stabbiliti l-kriterji speċifiċi għat-tmiem tal-istatus ta’ skart inkluż kontroll tal-istat tas-saħħa li l-batteriji għandhom jissodisfaw sabiex jintbagħtu għal adattament għal skop differenti jew għal manifattura mill-ġdid, tipprovdi l-aktar soluzzjoni xierqa. Dan l-approċċ, appoġġat minn rekwiżiti estiżi tar-responsabbiltà tal-produttur, għandu l-għan li jinkoraġġixxi l-adattament għal skop differenti u l-manifattura mill-ġdid tal-batteriji filwaqt li jiżgura li l-iskart ta’ batteriji jkun soġġett għal trattament xieraq skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u l-ftehimiet internazzjonali.
Għall-Miżura 3 dwar mira ta’ rata tal-ġbir għall-batteriji portabbli, l-għażla ppreferuta hija l-Għażla 2 għal mira ta’ ġbir ta’ 65 % fl-2025 u l-Għażla 3 għal mira ta’ 70 % fl-2030. Dawn l-għażliet huma stmati li jiswew madwar EUR 1,09 u EUR 1,43 per capita kull sena rispettivament, li għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-mekkaniżmu tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produtturi. Hemm żewġ raġunijiet għaż-żieda fil-miri tal-ġbir b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-linja bażi. L-ewwel nett, minħabba li l-benefiċċji ambjentali jiżdiedu b’mod mhux lineari minħabba ż-żieda fil-ġbir ta’ batteriji tal-joni tal-litju. It-tieni, minħabba li l-evidenza turi li hemm ekonomiji ta’ skala u kisbiet fl-effiċjenza li għandhom isiru. Bħala prinċipju aċċettat b’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati jaċċettaw miri ta’ ġbir ogħla sakemm dawn ikunu realistiċi u jkollhom biżżejjed żmien biex jilħqu l-miri. Dan jitqies li mhuwiex il-każ għall-Għażla 4, mira ta’ ġbir ta’ 75 % sal-2025.
L-għażla ppreferuta għall-Miżura 4 hija l-Għażla 2, sistema ta’ rapportar ġdida għall-batteriji awtomotivi u industrijali. Din il-miżura mhijiex mistennija twassal għal kostijiet ekonomiċi jew piż amministrattiv sinifikanti, iżda għandha tirriżulta f’żieda fir-rati tal-ġbir. L-Għażla 3, mira speċifika ta’ ġbir għall-batteriji użati fil-mezzi ta’ trasport ħafif, hija mistennija li twassal għal żieda sinifikanti fir-rati tal-ġbir. Madankollu, minħabba l-ħtieġa li l-ewwel tiġi żviluppata l-metodoloġija “disponibbli għall-ġbir”, qed jiġi propost li din l-Għażla tiġi vvalutata mill-ġdid permezz ta’ klawżola ta’ rieżami.
L-għażla ppreferuta għall-Miżura 5 dwar l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-irkupru tal-materjal hija l-Għażla 2, li żżid il-miri għall-batteriji taċ-ċomb u tal-aċidu, flimkien mal-Għażla 3, li twassal miri ġodda għall-batteriji tal-joni tal-litju, il-kobalt, in-nikil, il-litju u r-ram. L-Għażla 2 tistabbilixxi miri għall-2025 abbażi ta’ dak li huwa teknikament fattibbli bħalissa, filwaqt li l-Għażla 3 tistabbilixxi miri għall-2030 abbażi ta’ dak li se jkun teknikament fattibbli fil-futur. Minħabba l-grad għoli ta’ inċertezza fuq għadd ta’ varjabbli, instab li kien diffiċli li jiġi kkwantifikat l-impatt ekonomiku u ambjentali ta’ dawn l-għażliet. L-istimi tal-immudellar jindikaw li, anki bl-aktar suppożizzjonijiet konservattivi, dan ikollu impatt pożittiv.
Għall-Miżura 6 dwar l-impronta tal-karbonju tal-batteriji tal-vetturi elettriċi, l-għażla ppreferuta hija l-Għażla 2, dikjarazzjoni obbligatorja, ikkomplementata, maż-żmien, bl-Għażla 3, li tistabbilixxi l-klassijiet tal-prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju u l-valuri ta’ limitu massimi bħala kundizzjoni għat-tqegħid tal-batteriji fis-suq tal-UE. L-introduzzjoni bil-quddiem tal-Għażla 3 tkun aktar effettiva mill-Għażla 2, iżda hija meħtieġa aktar żmien biex jitlesta l-qafas metodoloġiku u ta’ informazzjoni meħtieġ. Madankollu, l-Għażla 2 se tippermetti l-introduzzjoni gradwali tal-miżuri previsti fl-Għażla 3. Tali miżuri għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-objettiv tal-Unjoni li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050 u li tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima, kif iddikjarat fil-Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari, għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva. L-att delegat li jistabbilixxi l-valuri tal-limiti tal-karbonju se jkun appoġġat minn valutazzjoni tal-impatt dedikata.
Għall-Miżura 7 dwar il-prestazzjoni u d-durabbiltà tal-batteriji industrijali rikarikabbli u tal-vetturi elettriċi, l-għażla ppreferuta hija l-Għażla 2, li ġġib magħha rekwiżiti ta’ informazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir. Din tgħin biex jiġu armonizzati l-kalkolu u d-disponibbiltà tal-karatteristiċi tal-prestazzjoni u tad-durabbiltà tal-batteriji u, b’hekk, tippermetti lill-konsumaturi u lin-negozji jieħdu deċiżjonijiet informati. Ladarba l-informazzjoni meħtieġa tkun disponibbli u x-xogħol ta’ standardizzazzjoni jkun tlesta, se jkun possibbli li jiġu introdotti rekwiżiti minimi ta’ prestazzjoni (Għażla 3) fi stadju aktar tard. Il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-għażla hija aktar effettiva fit-tul biex tgħin lis-suq jaqleb għal batteriji bi prestazzjoni aħjar, u b’hekk twassal għal bidla lejn impatt ambjentali aktar baxx.
Għall-Miżura 8 dwar batteriji portabbli mhux rikarikabbli, l-għażla preferuta hija l-Għażla 2, li tistabbilixxi parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabilità sabiex jiġi mminimizzat l-użu ineffiċjenti tar-riżorsi u tal-enerġija. Dawn il-parametri se jiġu adottati wkoll mir-rekwiżiti tat-tikkettar li huma koperti mill-Miżura 12 biex tingħata informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-batteriji tal-konsumaturi. Fir-rigward tal-Għażliet 3 u 4, il-konklużjoni hija li attwalment ma hemmx biżżejjed evidenza disponibbli biex jintwerew l-effettività u l-fattibilità ta’ tneħħija parzjali jew sħiħa ta’ batteriji mhux rikarikabbli. Il-produtturi u r-riċiklaturi tal-batteriji mhux rikarikabbli huma kontra dawn iż-żewġ għażliet aktar ambizzjużi.
L-għażla ppreferuta għall-Miżura 9 hija kemm l-Għażla 2, li tintroduċi dikjarazzjoni obbligatorja tal-kontenut irriċiklat, fil-perjodu ta’ żmien qasir, kif ukoll l-Għażla 3, li tistabbilixxi miri obbligatorji għall-kontenut irriċiklat għal-litju, il-kobalt, in-nikil u ċ-ċomb fl-2030 u fl-2035. Iż-żewġ għażliet huma komplementari u jikkontribwixxu biex jiġi pprovdut qafas legali prevedibbli li jħeġġeġ lill-atturi tas-suq jinvestu f’teknoloġiji ta’ riċiklaġġ li altrimenti ma jiġux żviluppati minħabba li mhumiex kost-kompetittivi mal-produzzjoni ta’ materja prima primarja.
Għall-Miżura 10 dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, ma ġiet proposta l-ebda għażla ta’ ambizzjoni għolja minħabba li tinvolvi prinċipalment l-irfinar tad-dispożizzjonijiet eżistenti skont id-Direttiva dwar il-Batteriji. Il-miżura proposta twassal għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-iskemi tal-EPR għall-batteriji tal-vetturi elettriċi u dawk industrijali li bħalissa huma kklassifikati bħala batteriji industrijali u għall-PROs għall-batteriji portabbli. Il-kostijiet ekonomiċi ta’ din il-miżura huma mistennija li jkunu negliġibbli u fil-biċċa l-kbira kkumpensati mill-benefiċċji ambjentali taż-żieda fir-rati ta’ ġbir.
Għall-Miżura 11 dwar ir-rekwiżiti tad-disinn għall-batteriji portabbli, l-għażla ppreferuta hija t-tisħiħ tal-obbligu tal-possibbiltà li tinqala’ l-batterija (Għażla 2) u obbligu ġdid tas-sostitwibbiltà tal-batteriji (Għażla 3). Il-kostijiet ekonomiċi ta’ dawn l-għażliet huma negliġibbli, filwaqt li se jiġġeneraw benefiċċji ambjentali u ffrankar tar-riżorsi. Hija tagħmel dan billi tiffaċilita l-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riċiklaġġ tal-batteriji u l-apparat li fih ikunu integrati.
Għall-Miżura 12 dwar l-għoti ta’ informazzjoni affidabbli, hija ppreferuta kombinazzjoni kemm tal-Għażla 2 kif ukoll tal-Għażla 3. L-Għażla 2, li tintroduċi sistema ta’ tikkettar stampata u oħra online li jipprovdu informazzjoni bażika u aktar personalizzata, hija ppreferuta minħabba li tgħin biex tipprovdi informazzjoni aħjar lill-konsumaturi u lill-utenti finali u tistimola bidla fis-suq lejn batteriji li jirrispettaw aktar l-ambjent. Il-prinċipju tal-Għażla 3, sistema ta’ skambju elettroniku u passaport tal-batteriji, kif propost mill-Alleanza Globali tal-Batteriji, huwa aċċettat minn bosta organizzazzjonijiet globali. Is-sistema ta’ skambju elettroniku se jkollha spiża amministrattiva ta’ darba biex titwaqqaf, iżda se twassal għal simplifikazzjoni amministrattiva u kostijiet ta’ implimentazzjoni aktar baxxi fit-tul. Barra minn hekk, il-passaport tal-batteriji għandu jippermetti lill-operaturi tat-tieni ħajja jieħdu deċiżjonijiet kummerċjali informati u jippermetti lir-riċiklaturi jippjanaw aħjar l-operazzjonijiet tagħhom u jtejbu l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ tagħhom.
Għall-Miżura 13 dwar id-diliġenza dovuta għall-materja prima, l-għażla ppreferuta hija l-Għażla 3, approċċ obbligatorju. Hemm livell ġust ta’ kunsens fost il-partijiet ikkonċernati li din l-għażla tkun aktar effettiva fl-indirizzar tar-riskji soċjali u ambjentali relatati mal-estrazzjoni tal-materja prima, l-ipproċessar u n-negozjar ta’ ċerta materja prima għall-finijiet tal-manifattura tal-batteriji. Jenħtieġ li din l-għażla tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-ħidma li għaddejja fuq proposta għal leġiżlazzjoni transettorjali dwar il-governanza korporattiva sostenibbli li l-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta fl-2021.
L-Anness 3 tal-Valutazzjoni tal-Impatt jipprovdi ħarsa ġenerali fil-qosor lejn il-kostijiet u l-benefiċċji u, b’mod partikolari, il-kwantifikazzjoni tagħhom.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-miżuri proposti għandhom impatt negliġibbli f’termini ta’ piż amministrattiv.
Din il-proposta ta’ politika tagħmel użu massimu mill-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni biex jitnaqqsu l-kostijiet amministrattivi. Pereżempju, il-Miżura 12 tipproponi li jiġi stabbilit skambju elettroniku tal-informazzjoni għall-batteriji li jżomm informazzjoni dwar kull mudell ta’ batterija portabbli u industrijali mqiegħed fis-suq. Taħt il-Miżura 12, għandu jiġi prodott ukoll passaport tal-batteriji għal kull batterija industrijali u tal-vetturi elettriċi individwali mqiegħda fis-suq. L-iżvilupp kemm tas-sistema tal-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll tas-sistema ta’ passaporti se jinvolvi kostijiet konsiderevoli kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għan-negozji. Madankollu, dan se jipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni b’għodda b’saħħitha għall-infurzar tal-obbligi fir-regolament propost, kif ukoll għodda ta’ intelliġenza tas-suq għar-reviżjoni u l-irfinar tal-obbligi fil-futur.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta timplika l-użu tal-persunal u l-flus biex jinxtraw id-data u s-servizzi. Uħud mir-rekwiżiti tal-persunal huma mistennija li jiġu ssodisfati taħt l-allokazzjonijiet eżistenti għall-Kummissjoni, għaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) u għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA). Ir-riżorsi tal-persunal tal-Kummissjoni meħtieġa se jiġu ssodisfati mill-persunal tad-DĠ li diġà huwa assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew ġie skjerat mill-ġdid fi ħdan id-DĠ. Dawn l-impjegati se jingħaqdu ma’ allokazzjoni addizzjonali ta’ persunal li għandha tingħata lid-DĠ maniġerjali skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Il-proposta tinkludi diversi artikoli li jagħtu dettalji dwar flussi ta’ xogħol ulterjuri li jeħtieġ li jitwettqu biex jikkomplementaw ir-Regolament u li jeħtieġ li jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni/delegati f’perjodu ta’ żmien ta’ 3-8 snin. Dawn se jkunu jkopru: il-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà; is-sistema tal-kontroll tal-konformità; u l-immaniġġar tal-iskart; l-informazzjoni; u t-tikkettar. Lista dettaljata ta’ dawn l-azzjonijiet ippjanati hija pprovduta hawn taħt:
·tiġi segwita l-ħidma ta’ standardizzazzjoni fis-CEN/CENELEC;
·jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet komuni dwar: (i) il-prestazzjoni u d-durabilità għal batteriji portabbli mhux rikarikabbli; (ii) il-prestazzjoni u d-durabilità għal batteriji industrijali rikarikabbli; u (iii) għas-sikurezza għas-sistemi għall-ħażna tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji.
·jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ regoli tal-kalkolu armonizzati għal: (i) id-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju (inkluża r-reviżjoni tar-regoli tal-kategorija marbutin mal-impronta ambjentali tal-prodott (PEFCR) għall-batteriji tal-vetturi elettriċi u għall-batteriji industrijali rikarikabbli); u (ii) il-kalkolu tal-klassijiet ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju għall-batteriji tal-vetturi elettriċi u għall-batteriji industrijali rikarikabbli;
·jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ regoli tal-kalkolu armonizzati għal: (i) il-kontenut riċiklat fil-batteriji tal-vetturi elettriċi u fil-batteriji industrijali rikarikabbli; (ii) l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ, (iii) il-materjali rkuprati, u (iv) il-klassifikazzjoni tal-iskart;
·titfassal gwida dwar il-possibbiltà li l-batteriji portabbli jinqalgħu u jiġu sostitwiti;
·tiġi stabbilita sistema ta’ skambju elettroniku tal-informazzjoni għas-sottomissjoni tal-informazzjoni relatata ma’ batteriji tal-vetturi elettriċi u batteriji industrijali rikarikabbli;
·jiġu żviluppati kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku dwar il-batteriji;
·tiġi emendata l-lista ta’ skart fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE;
·titwettaq valutazzjoni tar-riskji fuq is-sustanzi użati fil-batteriji, kif ukoll ġestjoni tar-riskji tagħhom;
·jiġu emendati l-obbligi tar-rapportar.
Il-JRC se jkollu rwol ewlieni fl-appoġġ lill-Kummissjoni bi ftit mix-xogħol tekniku meħtieġ. Madwar EUR 6.2 miljun se jiffinanzjaw l-istudji meħtieġa u ftehim amministrattiv mal-JRC maħsuba biex jappoġġaw lill-Kummissjoni f’għadd ta’ flussi tax-xogħol stabbiliti fil-punti ta’ hawn taħt.
·L-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet komuni dwar: (i) il-prestazzjoni u d-durabbiltà għall-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali (ii) il-prestazzjoni u d-durabbiltà għall-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-batteriji industrijali rikarikabbli u (iii) għas-sikurezza tas-sistemi għall-ħażna tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji.
·It-tfassil ta’ regoli armonizzati għal: (i) il-ġbir separat ta’ batteriji portabbli; (ii) id-dikjarazzjoni tal-impronti tal-karbonju; (iii) il-kalkolu tal-impronta tal-karbonju, tal-kontenut riċiklat u tal-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u (iv) il-kalkolu tal-klassijiet ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi u batteriji industrijali rikarikabbli.
·L-analiżi tal-kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku (inklużi l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-akkwist pubbliku u l-kontrolli legali fuq ir-regoli proposti dwar l-akkwist pubbliku).
·L-appoġġ għall-gwida dwar il-possibbiltà li l-batteriji portabbli jinqalgħu u jiġu sostitwiti;
·L-appoġġ għall-iżvilupp ta’ emendi mmirati tal-entrati fil-Lista Ewropea ta’ Skart rilevanti għall-batteriji;
·L-appoġġ għall-eliminazzjoni gradwali ta’ batteriji portabbli mhux rikarikabbli ta’ użu ġenerali;
·L-appoġġ għar-rekwiżiti dwar it-tikkettar;
·L-iżvilupp tal-kriterji tal-GPP.
L-ECHA se tappoġġa wkoll lill-Kummissjoni fl-immaniġġar tas-sustanzi tal-batteriji u r-restrizzjoni regolatorja tagħhom bħala parti mill-attivitajiet eżistenti ta’ REACH. Dan jirrikjedi total ta’ żewġ membri tal-persunal bħala aġenti temporanji (AD 5-7) ekwivalenti għal full-time (FTE) fl-ECHA (spiża medja ta’ EUR 144 000 fis-sena fuq medda ta’ seba’ snin u aktar). Barra minn hekk, se jkun meħtieġ aġent kuntrattwali FTE wieħed (CA FG III, spiża medja ta’ EUR 69 000 fis-sena fuq medda ta’ tliet snin) biex tiżdied il-bażi tal-għarfien u jiġi ffaċilitat pjan ta’ ħidma u tal-iffissar tal-prijoritajiet informat. Dan il-pjan ta’ ħidma għandu jkun ibbażat fuq studju li jibni l-għarfien attwali tal-ECHA fuq kif l-industrija tal-batteriji timmaniġġa s-sustanzi kimiċi perikolużi tagħha biex tidentifika s-sustanzi rilevanti għall-ġestjoni tar-riskji regolatorji fil-futur. Huwa stmat li l-istudju se jiswa EUR 400 000 (fuq medda ta’ 3 snin) biex tiġi esternalizzata parti mill-ħtiġijiet tar-riċerka.
Id-DĠ GROW ikkalkula li l-iżvilupp tas-sistema ta’ skambju elettroniku tal-informazzjoni proposta għall-informazzjoni dwar il-batteriji se jiswa madwar EUR 10 miljun. Studju tal-fattibbiltà, li għandu jitnieda fl-2021, se jivvaluta wkoll x’inhi l-aħjar arkitettura għas-sistema ta’ skambju elettroniku tal-informazzjoni proposta u x’servizzi għandha twassal.
Il-Kummissjoni Ewropea se tkun responsabbli għan-negozjar tar-Regolament, l-implimentazzjoni ġenerali tiegħu, u l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni/delegati kollha previsti mir-Regolament. Dan se jkun jirrikjedi dawn li ġejjin: (i) ix-xogħol imwettaq fil-JRC u fl-ECHA u (ii) il-proċessi normali tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-proċeduri ta’ komitoloġija. Is-simulazzjonijiet finanzjarji attwali huma bbażati fuq żewġ karigi ta’ FTE AD biex iwettqu biss il-kompiti maniġerjali, jiġifieri (i) in-negozjar u l-implimentazzjoni ġenerali tar-Regolament; u (ii) ix-xogħol preparatorju differenti u l-abbozzar tal-leġiżlazzjoni sekondarja skont l-iskadenzi proposti fir-Regolament dwar il-Batteriji. Il-kompiti tekniċi jistgħu jitwettqu minn espert nazzjonali ssekondat wieħed FTE (minħabba l-iskeda ta’ żmien mistennija) u minn aġenti kuntrattwali. Miż-żewġ kariġi AD, wieħed ġie allokat mill-ġdid fi ħdan id-DĠ ENV. Il-kostijiet tal-persunal fil-Kummissjoni jammontaw għal kost totali ta’ EUR 3 075 000 abbażi tal-aħħar aġġornament tal-kost tal-persunal COM irrappurtat fuq is-sit web tad-DG BUDG:
https://myintracomm.ec.europa.eu/budgweb/en/pre/legalbasis/Pages/pre-040-020_preparation.aspx
.
Għandu jiġi nnotat li l-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva hija kompatibbli mal-proposta tal-QFP ta’ wara l-2020.
Fil-perjodu 2021-2029 se jkunu meħtieġa xi riżorsi addizzjonali biex isir progress fil-ħidma biex: (i) jiġu żviluppati standards u speċifikazzjonijiet komuni dwar il-prestazzjoni u d-durabbiltà tal-batteriji; (ii) jiġu żviluppati reġoli ta’ kalkolu armonizzati għall-ġbir separat tal-batteriji portabbli, id-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju, il-kalkolu tal-klassijiet ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju, u l-kalkolu tal-kontenut riċiklat u l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ; (iii) titfassal gwida dwar il-possibbiltà li l-batteriji portabbli jinqalgħu u jiġu sostitwiti; (iv) tittieħed deċiżjoni dwar il-formati u jiġu żviluppati sistemi biex jiġu riċevuti sottomissjonijiet marbuta mal-iskambju elettroniku tal-informazzjoni; u (v) jiġu żviluppati kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku. Ir-riżorsi għall-istudji u l-arranġamenti amministrattivi f’dan il-kuntest se jkunu koperti mill-programm LIFE għal ammont totali ta’ madwar EUR 4,7 miljun, kif ukoll EUR 10,7 miljun taħt l-operat u l-iżvilupp tas-suq intern ta’ oġġetti u servizzi.
Il-baġit tal-proposta huwa ppreżentat fi prezzijiet attwali ħlief għall-komponent tal-ECHA tal-baġit li indiċizza s-salarji għal tkabbir ta’ 2 % fis-sena. Se jkunu meħtieġa riżorsi addizzjonali għall-ECHA biex jiżdied is-sussidju li tirċievi.
Id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża ma’ din il-proposta tistabbilixxi l-implikazzjonijiet tar-riżorsi baġitarji, umani u amministrattivi.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-għan tal-bidla proposta fil-klassifikazzjoni tal-batteriji huwa li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti biex jiġi żgurat li jkunu jkopru l-batteriji kollha, inklużi t-tipi ta’ batteriji ġodda possibbli. L-arranġamenti ta’ monitoraġġ ikollhom jiżguraw li l-miżuri l-ġodda jiġu implimentati u infurzati kif maħsub.
L-iffissar ta’ mira ġdida tar-rata ta’ ġbir għall-batteriji portabbli jirrikjedi l-monitoraġġ tar-rata ta’ ġbir fl-Istati Membri. Dan ġie stabbilit għall-mira attwali ta’ 45 % u kien jinvolvi li l-Eurostat jiġbor informazzjoni mill-Istati Membri fuq bażi annwali. Għalhekk, l-iffissar ta’ mira ġdida ma jkunx jinvolvi obbligi ta’ rapportar addizzjonali.
Il-ħolqien ta’ sistema ta’ rapportar għall-batteriji awtomotivi u dawk industrijali jirrikjedi l-ġbir ta’ informazzjoni li diġà hija ġġenerata fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, għall-batteriji awtomotivi u tal-vetturi elettriċi, is-sistema ta’ rapportar tista’ tinbena fuq is-sistema stabbilita mid-Direttiva dwar il-Vetturi li Ma Għadhomx Jintużaw.
Il-mira tal-effiċjenza tar-riċiklaġġ għall-batteriji tal-litju hija stabbilita għal 65 % mill-2025. L-Eurostat ilu jiġbor data dwar l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ għall-batteriji taċ-ċomb, tal-kadmju u batteriji oħrajn fuq bażi annwali mill-2014. Għalhekk, tkun żieda minuri li tiġi inkluża l-effiċjenza tar-riċiklaġġ tal-litju mal-proċedura stabbilita tal-ġbir tad-data.
L-obbligu li tiġi rrappurtata l-impronta tal-karbonju assoċjata maċ-ċiklu tal-ħajja ġenerali (minbarra l-fażi tal-użu) tal-batteriji mqiegħda fis-suq jirrekjedi l-iżvilupp ta’ għodda tal-IT li tippermetti lill-manifatturi jdaħħlu l-informazzjoni direttament. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li toffri għodda bbażata fuq l-internet u aċċess b’xejn għal-libreriji ta’ settijiet ta’ data sekondarji biex tiffaċilita l-proċess tal-kalkolu tal-impronta tal-karbonju, abbażi tar-regoli adottati. Id-data ppreżentata tista’ tintuża biex jiġu stabbiliti parametri referenzjarji tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, biex jiġi vvalutat jekk l-introduzzjoni ta’ klassijiet ta’ prestazzjoni tal-intensità tal-gassijiet serra tkunx utli biex tittejjeb l-impronta tal-karbonju u l-prestazzjoni ambjentali tal-batteriji u biex tiġi vvalutata l-ħtieġa għal inċentivi addizzjonali u/jew miżuri ta’ kundizzjonalità tas-suq.
B’mod simili, l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-prestazzjoni u d-durabbiltà għandu jifforma parti mid-dokumentazzjoni teknika. Skont it-tip ta’ batterija, din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli wkoll online f’bażi tad-data tal-batterija u/jew fil-passaport tal-batterija.
L-obbligu għall-produtturi li jipprovdu informazzjoni dwar l-ammont ta’ kontenut irriċiklat għandu jsegwi metodoloġija armonizzata.
Għall-possibbiltà li tinqala’, l-obbligi attwali għandhom jissaħħu, u qed jiġu proposti dispożizzjonijiet ġodda għas-sostitwibbiltà.
Id-dispożizzjonijiet dwar l-impronta tal-karbonju u d-dikjarazzjonijiet tal-kontenut irriċiklat, u dwar il-politika ta’ diliġenza dovuta għall-akkwist responsabbli tal-materja prima jkunu jeħtieġu verifika minn parti terza, fil-prinċipju, permezz tal-korpi nnotifikati.
L-awtoritajiet tas-suq nazzjonali jkunu responsabbli biex jivverifikaw il-validità tal-informazzjoni pprovduta biex jiġu ssodisfati l-obbligi kollha fir-Regolament.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Billi l-istrument legali huwa Regolament li huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri, ma hemmx bżonn ta’ dokument ta’ spjegazzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-Kapitolu I tar-Regolament fih Dispożizzjonijiet Ġenerali.
L-Artikolu 1 jistipula li r-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti dwar is-sostenibbiltà, is-sikurezza u t-tikkettar li jippermettu t-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fis-servizz ta’ batteriji, kif ukoll rekwiżiti għall-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ ta’ skart ta’ batteriji. Ir-Regolament għandu japplika għat-tipi kollha ta’ batteriji u jelenka l-erba’ kategoriji ta’ batteriji, jiġifieri batteriji portabbli, batteriji awtomotivi, batteriji tal-vetturi elettriċi u batteriji industrijali.
L-Artikolu 2 fih id-definizzjonijiet.
L-Artikolu 3 jistabbilixxi l-prinċipju tal-moviment liberu fis-suq uniku għall-batteriji li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament.
L-Artikolu 4 jagħti sommarju ta’ liema dispożizzjonijiet jistabbilixxu u jinkludu preċiżjonijiet dwar ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà, sikurezza u tikkettar u għaldaqstant jirreferi għall-Kapitoli II u III. Għall-bqija, il-batteriji ma għandhomx jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem, għas-sikurezza, għall-proprjetà jew għall-ambjent.
L-Artikolu 5 jikkonċerna r-rekwiżit li l-Istati Membri jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar biex jittrattaw il-fażi ta’ tmiem il-ħajja tal-batteriji.
Il-Kapitolu II tar-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-sostenibbiltà u tas-sikurezza.
L-Artikolu 6, flimkien mal-Anness I, jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ sustanzi perikolużi fil-batteriji, b’mod partikolari l-merkurju u l-kadmju.
L-Artikolu 7, flimkien mal-Anness II, jistabbilixxi regoli dwar l-impronta tal-karbonju tal-batteriji tal-vetturi elettriċi u tal-batteriji industrijali rikarikabbli. Ir-rekwiżiti huma mqassma fi stadji b’tali mod li l-ewwel ikun hemm rekwiżit ta’ informazzjoni fil-forma ta’ dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju. Wara, il-batteriji għandhom ikunu soġġetti għal klassifikazzjoni fi klassijiet ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju. Fl-aħħar mill-aħħar, u abbażi tar-riżultati ta’ valutazzjoni tal-impatt iddedikata, il-batteriji se jkollhom jikkonformaw mal-limiti massimi tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja. L-iskeda ta’ żmien għat-tliet rekwiżiti hija l-1 ta’ Lulju 2024 għad-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju, l-1 ta’ Jannar 2026 għall-klassijiet tal-prestazzjoni u l-1 ta’ Lulju 2027 għal-limiti massimi tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja.
L-Artikolu 8 jesiġi li, mill-1 ta’ Jannar 2027, id-dokumentazzjoni teknika għall-batteriji industrijali u tal-vetturi elettriċi b’memorja interna li jkun fihom il-kobalt, iċ-ċomb, il-litju jew in-nikil f’materjali attivi għandu jkun fiha informazzjoni dwar l-ammont tal-materjali msemmija hawn fuq li jkunu ġew irkuprati u li jkunu preżenti f’kull mudell ta’ batterija u lott għal kull impjant tal-manifattura. Mill-1 ta’ Jannar 2030, dawk il-batteriji għandu jkun fihom is-sehem minimu li ġej ta’ kobalt, ċomb, litju jew nikil irkuprat mill-iskart tal-kobalt, taċ-ċomb, tal-litju jew tan-nikil preżenti f’materjali attivi f’dawk il-batteriji: 12 % kobalt; 85 % ċomb, 4 % litju u 4 % nikil. Mill-1 ta’ Jannar 2035, is-sehem minimu tal-kobal, il-litju jew in-nikil irkuprat għandu jiżdied għal 20 % kobalt, 10 % litju u 12 % nikil. Għaċ-ċomb is-sehem minimu għandu jibqa’ ta’ 85 %. Fejn ġustifikat u xieraq minħabba d-disponibbiltà tal-kobalt, iċ-ċomb, il-litju jew in-nikil irkuprat mill-iskart, jew in-nuqqas tiegħu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat biex temenda l-miri.
L-Artikolu 9, flimkien mal-Anness III, jesiġi li, mill-1 ta’ Jannar 2026, il-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jiġu ssodisfati l-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għal dawk il-parametri u li temendahom fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku. Sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fattibbiltà tal-miżuri biex jiġi eliminat gradwalment l-użu tal-batteriji portabbli mhux rikarikabbli ta’ użu ġenerali u, għal dak l-għan, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tikkunsidra li tieħu l-miżuri xierqa, inkluża l-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi.
L-Artikolu 10, flimkien mal-Anness IV, jistabbilixxi rekwiżit ta’ informazzjoni dwar il-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u d-durabbiltà għall-batteriji industrijali rikarikabbli u għall-batteriji tal-vetturi elettriċi b’memorja interna. Mill-1 ta’ Jannar 2026, il-batteriji industrijali rikarikabbli għandhom jissodisfaw il-valuri minimi li l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta permezz ta’ att delegat.
L-Artikolu 11 jesiġi li l-manifatturi għandhom jiddisinjaw l-apparati, li fihom jiġu inkorporati l-batteriji portabbli, b’tali mod li l-iskart tal-batteriji jkun jista’ jitneħħa faċilment u jiġi sostitwit mill-utent finali jew minn operaturi indipendenti.
L-Artikolu 12, flimkien mal-Anness V, jesiġi li s-sistemi għall-ħażna tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji jkunu sikuri waqt l-operazzjoni u l-użu normali tagħhom, inkluża evidenza li jkunu ġew ittestjati b’suċċess għall-parametri tas-sikurezza stipulati fl-Anness V, li għalihom għandhom jintużaw metodoloġiji tal-ittestjar mill-aktar avvanzati. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda, permezz ta’ att delegat, ir-rekwiżiti tas-sikurezza li għandhom jitqiesu biex tiġi ttestjata s-sikurezza tal-batteriji li huma stabbiliti fl-Anness V.
Il-Kapitolu III tar-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ tikkettar u informazzjoni.
L-Artikolu 13 u l-Anness VI jesiġu li, mill-1 ta’ Jannar 2027, il-batteriji għandhom jiġu ttikkettati b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx, sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-batteriji u tal-karatteristiċi ewlenin tagħhom. Id-diversi tikketti fuq il-batterija jew l-imballaġġ tal-batterija għandhom jinformaw ukoll dwar it-tul tal-ħajja, il-kapaċità tal-iċċarġjar, ir-rekwiżit dwar il-ġbir separat, il-preżenza ta’ sustanzi perikolużi u r-riskji għas-sikurezza. Il-kodiċi QR li jrid jiġi stampat jew imnaqqax fuq il-batterija għandu, skont it-tip ta’ batterija, jagħti aċċess għall-informazzjoni li hija rilevanti għall-batterija inkwistjoni. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet armonizzati għal ċerti rekwiżiti ta’ tikkettar.
L-Artikolu 14 jesiġi li l-batteriji industrijali rikarikabbli u l-batteriji tal-vetturi elettriċi għandu jkollhom sistema ta’ ġestjoni tal-batterija li taħżen l-informazzjoni u d-data meħtieġa biex jiġu ddeterminati l-istat tas-saħħa u tul tal-ħajja mistenni tal-batteriji f’konformità mal-parametri stipulati fl-Anness VII. L-aċċess għad-data dwar dawk il-parametri fis-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija għandu jiġi pprovdut lill-persuna ġuridika jew fiżika li tkun akkwistat il-batterija legalment jew lil kwalunkwe parti terza li taġixxi f’isimha fi kwalunkwe ħin biex tevalwa l-valur residwu tal-batterija, tiffaċilita l-użu mill-ġdid tagħha, tadattaha għal skop differenti jew timmanifatturaha mill-ġdid u biex tqiegħed il-batterija għad-dispożizzjoni ta’ aggregaturi indipendenti li joperaw impjanti tal-enerġija virtwali fil-grilji tal-elettriku.
Il-Kapitolu IV fih regoli dwar il-valutazzjoni tal-konformità tal-batteriji u huwa magħmul l-aktar minn dispożizzjonijiet standard. Huwa utli li jissemmew l-Artikolu 17 u l-Artikolu 18.
L-Artikolu 17 jikkonċerna l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u jistabbilixxi żewġ proċeduri ta’ valutazzjoni differenti skont ir-rekwiżit tal-prodott li għandu jiġi vvalutat. L-Anness VIII jiddeskrivi fid-dettall il-proċeduri applikabbli. Il-Kummissjoni tista’, abbażi ta’ att delegat, temenda l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità kemm biex iżżid il-passi ta’ verifika mal-proċedura, kif ukoll biex tbiddel il-modulu ta’ valutazzjoni, abbażi tal-iżviluppi fis-suq tal-batteriji jew fil-katina tal-valur tal-batteriji.
L-Artikolu 18 jikkonċerna d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE li tiddikjara li ntweriet il-konformità mar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, is-sikurezza u t-tikkettar tar-Regolament. L-Anness IX tar-Regolament jistabbilixxi fid-dettall l-istruttura tal-mudell għad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE.
Il-Kapitolu V jikkonċerna n-notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u huwa magħmul l-aktar minn dispożizzjonijiet standard. Uħud mid-dispożizzjonijiet huma mmodifikati sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-korpi nnotifikati. Għal dan l-għan huwa utli li jissemmew l-Artikolu 23, l-Artikolu 25, l-Artikolu 27, l-Artikolu 28 u l-Artikolu 33.
L-Artikolu 23 jistabbilixxi rekwiżiti relatati mal-awtoritajiet tan-notifika. L-awtoritajiet tan-notifika għandhom ikunu oġġettivi u imparzjali fl-attività tagħhom u għandhom jissalvagwardjaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jiksbu. Madankollu, huma għandhom ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar il-korpi nnotifikati mal-awtoritajiet nazzjonali, mal-awtoritajiet tan-notifika ta’ Stati Membri oħrajn u mal-Kummissjoni biex jiżguraw tali konsistenza fil-valutazzjoni tal-konformità.
L-Artikolu 25 fih rekwiżiti relatati mal-korpi nnotifikati. Għandu jkun possibbli għall-korp innotifikat u għall-persunal li jimpjega, li jżommu l-indipendenza mill-operaturi ekonomiċi fil-katina tal-valur tal-batteriji u minn kumpaniji oħrajn, b’mod partikolari mill-manifatturi tal-batteriji, l-imsieħba kummerċjali tal-manifatturi tal-batteriji, l-investituri azzjonarji fl-impjanti tal-manifatturi tal-batteriji u minn korpi nnotifikati oħrajn u mill-assoċjazzjonijiet kummerċjali tal-korpi nnotifikati u mill-kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji tagħhom.
L-Artikolu 27 jittratta dwar is-sussidjarji u s-sottokuntrattar mill-korpi nnotifikati. Filwaqt li huwa aċċettat li l-korpi nnotifikati jissottokuntrattaw partijiet mill-attivitajiet tagħhom marbuta mal-valutazzjoni tal-konformità jew jirrikorru għal sussidjarja, għandu jiġi aċċertat li ċerti attivitajiet u proċessi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet jitwettqu esklussivament mill-korp innotikat individwali li jwettaq il-valutazzjoni tal-konformità.
L-Artikolu 28 jikkonċerna l-applikazzjoni għal notifika. F’konformità mal-Artikolu 25, jenħtieġ li l-korp innotifikat ikun jista’ jiddokumenta l-indipendenza tiegħu u jipprovdiha lill-awtorità tan-notifika.
L-Artikolu 33 jirrigwarda l-obbligi operazzjonali tal-korpi nnotifikati. F’każ ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni negattiva, l-operatur ekonomiku għandu jitħalla jikkomplementa d-dokumentazzjoni dwar il-batterija qabel it-tieni u l-aħħar deċiżjoni tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità dwar iċ-ċertifikazzjoni.
Il-Kapitolu VI jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi. Id-dispożizzjonijiet huma standard, iżda ta’ min isemmi l-Artikolu 39.
L-Artikolu 39, flimkien mal-Anness X, jesiġi li għandhom jiġu stabbiliti politiki ta’ diliġenza dovuta għall-batteriji industrijali rikarikabbli u l-batteriji tal-vetturi elettriċi mqiegħda fis-suq uniku. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tirrieżamina l-lista ta’ sustanzi u kategoriji ta’ riskju kkonċernati minn dan l-obbligu.
Il-Kapitolu VII fih obbligi li jirrigwardjaw l-immaniġġar tal-batteriji fi tmiem ħajjithom. Jidher li huwa rilevanti li ssir referenza speċifika għad-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni, ir-responsabbiltà estiża tal-produtturi, il-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ, inklużi l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ, l-informazzjoni dwar tmiem il-ħajja, l-adattament tal-batteriji għal skop differenti u r-rapportar. Ir-regoli li jinsabu f’dan il-Kapitolu jissostitwixxu r-regoli korrispondenti fid-Direttiva 2006/66/KE, li titħassar b’effett mill-1 ta’ Lulju 2023.
L-Artikolu 46 jesiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu Reġistru li għandu jservi biex jissorvelja l-konformità tal-produtturi mar-rekwiżiti dwar l-immaniġġar tal-batteriji fi tmiem ħajjithom. Ir-Reġistru għandu jkun ġestit mill-awtorità kompetenti fi Stat Membru. Il-produtturi huma obbligati jirreġistraw u r-reġistrazzjoni għandha tingħata wara applikazzjoni li għandha tinkludi l-informazzjoni kollha elenkata fl-Artikolu.
L-Artikolu 47 jistabbilixxi r-responsabbiltà estiża tal-produttur għall-batteriji li jiġu fornuti fi Stat Membru għall-ewwel darba. Dan jinvolvi rekwiżit għall-produtturi tal-batteriji biex jiżguraw li jiġu ssodisfati l-obbligi tal-immaniġġar tal-iskart. Sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom, il-produtturi jistgħu wkoll jorganizzaw ruħhom b’mod kollettiv f’organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi. Din ir-responsabbiltà tinkludi b’mod partikolari l-obbligi li jiġu ffinanzjati u organizzati l-ġbir separat u t-trattament tal-iskart ta’ batteriji, li dawn jiġu rrapportati lill-awtorità kompetenti, li tingħata promozzjoni lill-ġbir separat tal-batteriji u li tiġi pprovduta informazzjoni, inkluż dwar aspetti ta’ tmiem il-ħajja tal-batteriji.
L-Artikolu 48 jistipula li l-produtturi, individwalment jew permezz ta’ organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jiżguraw il-ġbir tal-iskart kollu ta’ batteriji portabbli, irrispettivament min-natura, il-marka jew l-oriġini tagħhom. Għal dak l-għan għandhom jistabbilixxu, mingħajr ħlas għall-utent finali, netwerk ta’ punti ta’ ġbir f’kooperazzjoni ma’ operaturi oħra involuti, inklużi distributuri, skart ta’ tagħmir elettriku u faċilitajiet ta’ vetturi li m’għadhomx jintużaw, awtoritajiet pubbliċi u punti ta’ ġbir volontarji. Barra minn hekk, il-produtturi huma obbligati jipprevedu l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-ġbir u t-trasport tal-iskart ta’ batteriji minn dawk il-punti ta’ ġbir biex jiżguraw li l-iskart ta’ batteriji portabbli jkun sussegwentement soġġett għal trattament u riċiklaġġ. Il-produtturi ta’ skart ta’ batteriji portabbli huma obbligati jilħqu l-miri tal-ġbir stipulati fl-Artikolu. L-arranġamenti għall-ġbir huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti, li għandha tivverifika li l-produtturi jikkonformaw mal-obbligi rigward il-ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli, inkluż li jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri.
L-Artikolu 49 jesiġi li l-produtturi tal-batteriji awtomotivi, tal-batteriji industrijali u tal-batteriji tal-vetturi elettriċi, individwalment jew permezz ta’ organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, jorganizzaw il-ġbir tal-iskart kollu ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi. Il-ġbir għandu jkun mingħajr ħlas u mingħajr obbligu fuq l-utent finali li jixtri batterija ġdida. Il-produttur għandu jieħu lura l-iskart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi mingħand l-utenti finali jew minn punti ta’ ġbir aċċessibbli b’kooperazzjoni mad-distributuri ta’ dawn it-tipi ta’ batteriji, tal-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku u tal-faċilitajiet għat-trattament u r-riċiklaġġ ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw, mal-awtoritajiet pubbliċi u ma’ partijiet terzi li jwettqu l-immaniġġar tal-iskart f’isimhom.
L-Artikolu 55 jistabbilixxi r-rati ta’ ġbir li għandhom jinkisbu mill-Istati Membri tal-iskart ta’ batteriji portabbli, minbarra attwalment l-iskart ta’ batteriji minn mezzi ta’ trasport ħfief. Ir-rati ta’ ġbir għandhom jiżdiedu gradwalment sabiex jiġi żgurat li, sa tmiem l-2025, jinġabar 65 % tal-iskart ta’ batteriji portabbli u, sa tmiem l-2030, jinġabru 70 % ta’ tali batteriji.
L-Artikolu 56, jistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-faċilitajiet ta’ trattament biex l-iskart kollu tal-batteriji li jinġabar ikun soġġett għal trattament xieraq u riċiklaġġ. Fejn l-installazzjonijiet u l-proċessi ta’ trattament ikunu koperti mid-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali, dik id-Direttiva se tapplika. Fi kwalunkwe każ, it-trattament għandu jitwettaq billi jiġu previsti l-aħjar tekniki disponibbli u r-rekwiżiti jiġu speċifikati aktar fil-parti A tal-Anness XII. Fid-dawl tal-ġerarkija tal-iskart kif stabbilita mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE, il-batteriji ma għandhomx jintremew f’miżbla jew jiġu inċinerati.
L-Artikolu 57 jikkonċerna l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-miri tal-irkupru tal-materjali u jistabbilixxi li l-iskart kollu tal-batteriji li jinġabar għandu jidħol f’operazzjoni ta’ riċiklaġġ. Il-proċessi ta’ riċiklaġġ għandhom jiksbu effiċjenzi minimi ta’ riċiklaġġ, kif stabbiliti fl-Anness XII, li se jiżdiedu maż-żmien. Dawn ir-rekwiżiti huma stabbiliti fir-rigward tal-batteriji taċ-ċomb u tal-aċidu, tan-nikil u tal-kadmju, dawk ibbażati fuq il-litju u batteriji oħrajn.
L-Artikolu 59 fih rekwiżiti relatati mal-operazzjonijiet ta’ adattament għal skop differenti u ta’ manifattura mill-ġdid għat-tieni ħajja tal-batteriji industrijali u tal-vetturi elettriċi. Dan jinkludi rekwiżiti biex tiġi ffaċilitata tali operazzjoni, inkluż għall-produtturi tal-batteriji rispettivi biex jipprovdu aċċess lill-operaturi inkarigati mill-adattament għal skop differenti għas-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija biex jiddeterminaw l-istat tas-saħħa ta’ batterija. Jistabbilixxi wkoll obbligi għall-persuni li jwettqu l-adattament tal-batteriji għal skop differenti jew il-manifattura mill-ġdid tagħhom biex ikun żgurat li l-eżami, l-ittestjar tal-prestazzjoni, l-ippakkjar u l-vjeġġ tal-batteriji u tal-komponenti tagħhom jitwettqu skont kontrolli adegwati tal-kwalità u l-istruzzjonijiet tas-sikurezza. Il-persuni li jwettqu operazzjonijiet ta’ adattament tal-batteriji għal skop differenti jew il-manifattura mill-ġdid tagħhom għandhom jiżguraw li l-batterija adattata għal skop differenti jew manifatturata mill-ġdid tkun konformi ma’ dan ir-Regolament u ma’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra u mar-rekwiżiti tekniċi għall-iskop speċifiku tal-użu tagħha meta titqiegħed fis-suq. Madankollu, fejn jintwera li batterija soġġetta għal adattament għal skop differenti jew għal manifattura mill-ġdid tqiegħdet fis-suq qabel ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw l-impronta tal-karbonju, il-kontenut riċiklat, il-prestazzjoni u d-durabbiltà, kif ukoll id-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista (inklużi fl-Artikoli 7, 8, 10 u 39 tar-Regolament), l-obbligi skont dawk id-dispożizzjonijiet ma għandhomx japplikaw għal dik il-batterija meta tiġi adattata għal skop differenti jew manifatturata mill-ġdid. Sabiex jiġi ddokumentat li batterija ma għadhiex skart, l-operatur li jwettaq l-operazzjoni rilevanti għandu juri dan li ġej fuq talba ta’ awtorità kompetenti: 1) evidenza tal-evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa jew tal-ittestjar, 2) ċertezza tal-użu ulterjuri (permezz ta’ fattura jew kuntratt ta’ bejgħ), u 3) protezzjoni xierqa kontra l-ħsara waqt it-trasport, it-tagħbija u l-ħatt. Din l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti finali u ta’ partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom, skont termini u kundizzjonijiet ugwali, bħala parti mid-dokumentazzjoni teknika li takkumpanja l-batterija adattata għal skop differenti meta titqiegħed fis-suq jew fis-servizz.
L-Artikolu 60 fih rekwiżiti għall-għoti ta’ informazzjoni rigward l-iskart ta’ batteriji. Dan jinkludi obbligi lejn il-produtturi, jew l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi tagħhom, lejn l-utenti finali u d-distributuri fir-rigward tal-kontribut tagħhom għat-trattament fi tmiem il-ħajja. Dan l-Artikolu jistabbilixxi wkoll obbligi li tiġi pprovduta informazzjoni rilevanti għas-sikurezza matul il-ġbir u l-ħażna tal-iskart ta’ batteriji lid-distributuri u l-operaturi involuti fil-ġbir u t-trattament tal-iskart, kif ukoll li tiġi pprovduta informazzjoni lil dawk l-operaturi biex jiffaċilitaw it-tneħħija tal-iskart ta’ batteriji u t-trattament sussegwenti.
L-Artikolu 61 jikkonċerna r-rappurtar mill-operaturi rispettivi involuti fl-immaniġġar tal-iskart lill-awtorità kompetenti dwar l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji. Dan jinkludi speċifikament rekwiżiti għall-produtturi, jew għall-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom, biex jirrapportaw l-ammont ta’ batteriji mqiegħda fis-suq, tal-iskart ta’ batteriji miġbur u kkonsenjat għat-trattament u r-riċiklaġġ, u għall-operaturi tar-riċiklaġġ biex jirrapportaw dwar l-iskart ta’ batteriji li jidħlu għar-riċiklaġġ, l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-livelli ta’ materjali rkuprati mill-iskart ta’ batteriji u l-ammont ta’ batteriji li ġew ittrattati u rriċiklati.
L-Artikolu 62 jikkonċerna r-rapportar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni, għal kull sena kalendarja, skont it-tip ta’ batterija u l-kimika tagħhom, l-ammont ta’ batteriji fornuti għall-ewwel darba għad-distribuzzjoni jew l-użu fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru, l-ammont ta’ skart ta’ batteriji miġbur skont dan, u d-data li tikkonċerna l-livelli ta’ riċiklaġġ miksuba u jekk ġewx issodisfati l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-livelli ta’ rkupru ta’ materjal stabbiliti fir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-format għar-rappurtar.
Il-Kapitolu VIII jikkonċerna l-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni.
L-Artikolu 64 jikkonċerna s-sistema ta’ skambju elettroniku li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sal-1 ta’ Jannar 2026. Is-sistema għandu jkollha l-informazzjoni u d-data dwar il-batteriji industrijali rikarikabbli u dawk tal-vetturi elettriċi b’memorja interna, kif stipulat fl-Anness XIII. Dik l-informazzjoni u d-data għandhom ikunu jistgħu jiġu ssortjati u jitfittxu, filwaqt li jiġu rrispettati l-istandards miftuħa għall-użu minn partijiet terzi. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom ikunu jistgħu jdaħħlu fis-sistema informazzjoni f’format li jista’ jinqara mill-magni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, permezz tas-sistema, ċerta informazzjoni msemmija fl-Artikolu 62 u għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi dettalji dwar l-arkitettura tas-sistema, il-format li fih għandha tiġi ppreżentata l-informazzjoni u r-regoli għall-aċċess, il-kondiviżjoni, il-ġestjoni, l-esplorazzjoni, il-pubblikazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni u tad-data fis-sistema.
L-Artikolu 65 jikkonċerna l-passaport tal-batteriji u jesiġi li, sal-1 ta’ Jannar 2026, il-batteriji industrijali u l-batteriji tal-vetturi elettriċi għandu jkollhom rekord elettroniku għal kull batterija individwali li jqiegħdu fis-suq. Ir-rekords għandhom ikunu uniċi għal kull batterija, li għandhom jiġu identifikati permezz ta’ identifikatur uniku. Il-passaport tal-batterija għandu jkun marbut mal-informazzjoni dwar il-karatteristiċi bażiċi ta’ kull tip u mudell ta’ batterija maħżuna fis-sorsi ta’ data tas-sistema stabbilita skont l-Artikolu 64 u għandu jkun aċċessibbli online.
Il-Kapitolu IX jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet standard dwar is-sorveljanza tas-suq.
L-Artikolu 69 jippermetti lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq jitolbu lill-operaturi ekonomiċi jieħdu azzjonijiet korrettivi abbażi tas-sejbiet jew li l-batterija ma tkunx konformi jew inkella li l-operatur ekonomiku jkun jikser obbligu li jirriżulta mir-regoli dwar is-suq uniku jew is-sostenibbiltà, is-sikurezza, l-ittikkettar u d-diliġenza dovuta.
Il-Kapitolu X jikkonċerna l-akkwist pubbliku ekoloġiku, il-proċedura għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda u l-emendar ta’ dawk eżistenti dwar is-sustanzi perikolużi u r-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-iskemi ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista.
L-Artikolu 70 jikkonċerna l-akkwist pubbliku ekoloġiku u jirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti, meta jakkwistaw batteriji jew prodotti li fihom batteriji jikkunsidraw l-impatti ambjentali tal-batteriji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom bil-ħsieb li jiżguraw li tali impatti jinżammu għal minimu. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti huma mitluba jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi u kriterji għall-għoti ta’ kuntratt ibbażati fuq l-Artikoli 7 sa 10 biex jiżguraw li jintgħażel prodott minn fost prodotti b’impatti ambjentali ferm aktar baxxi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi kriterji minimi obbligatorji għall-akkwist pubbliku ekoloġiku permezz ta’ atti delegati.
L-Artikolu 71 fih il-proċedura għall-emendar tar-restrizzjonijiet dwar is-sustanzi perikolużi, minbarra l-Artikolu 6 u l-Anness I.
L-Artikolu 72 jikkonċerna l-iskemi ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista u r-rikonoxximent tagħhom mill-Kummissjoni. Il-gvernijiet, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-gruppi ta’ organizzazzjonijiet interessati li jkunu żviluppaw u jissorveljaw skemi ta’ diliġenza dovuta jistgħu japplikaw mal-Kummissjoni biex l-iskemi ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista tagħhom, li ġew żviluppati u ssorveljati minnhom, jiġu rikonoxxuti mill-Kummissjoni. Meta l-Kummissjoni tiddetermina li l-iskema ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista, meta tiġi implimentata b’mod effettiv minn operatur ekonomiku, tippermetti lil dak l-operatur ekonomiku jikkonforma mar-rekwiżit li jistabbilixxi politika ta’ diliġenza dovuta, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħti lil dik l-iskema rikonoxximent ta’ ekwivalenza mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.
Il-Kapitolu XI jistabbilixxi s-setgħat delegati u l-proċedura tal-kumitat.
Il-Kapitolu XII jistabbilixxi emenda għar-Regolament (UE) 2109/1020.
Il-Kapitolu XIII jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet finali.
2020/0353 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija tal-Ewropa għat-tkabbir li għandha tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku ikun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Bidla mill-użu tal-fjuwils fossili fil-vetturi għall-elettromobbiltà hija wieħed mill-prerekwiżiti biex tintlaħaq il-mira tan-newtralità klimatika fl-2050. Sabiex il-politiki tal-Unjoni dwar il-prodotti jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-livell globali, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-prodotti kkummerċjalizzati u mibjugħa fl-Unjoni jiġu akkwistati u manifatturati b’mod sostenibbli.
(2)Il-batteriji huma b’hekk sors importanti ta’ enerġija u wieħed mill-instigaturi ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli, il-mobbiltà ekoloġika, l-enerġija nadifa u n-newtralità klimatika. Huwa mistenni li d-domanda għall-batteriji se tikber b’mod rapidu fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari għall-vetturi elettriċi tat-trasport bit-triq li jużaw il-batteriji għall-ġbid, u b’hekk dan is-suq isir dejjem aktar strateġiku fil-livell globali. Se jkompli jkun hemm progress tekniku u xjentifiku sinifikanti fil-qasam tat-teknoloġija tal-batteriji. Fid-dawl tal-importanza strateġika tal-batteriji, u biex tiġi pprovduta ċertezza legali lill-operaturi kollha involuti u jiġu evitati d-diskriminazzjoni, l-ostakoli għall-kummerċ u d-distorsjonijiet fis-suq għall-batteriji, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-parametri tas-sostenibbiltà, il-prestazzjoni, is-sikurezza, il-ġbir, ir-riċiklaġġ u t-tieni ħajja tal-batteriji, kif ukoll dwar l-informazzjoni dwar il-batteriji. Jeħtieġ li jinħoloq qafas regolatorju armonizzat biex jittratta ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-batteriji li jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni.
(3)Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġabet magħha titjib fil-prestazzjoni ambjentali tal-batteriji u stabbiliet xi regoli u obbligi komuni għall-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari permezz ta’ regoli armonizzati għall-kontenut ta’ metalli tqal u tikkettar tal-batteriji u permezz ta’ regoli u miri għall-immaniġġar tal-iskart kollu ta’ batteriji, abbażi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur.
(4)Ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni, l-impatt u l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2006/66/KE enfasizzaw mhux biss il-kisbiet iżda wkoll il-limitazzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, b’mod partikolari f’kuntest li nbidel b’mod fundamentali kkaratterizzat mill-importanza strateġika tal-batteriji u ż-żieda fl-użu tagħhom.
(5)Il-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika tal-Kummissjoni dwar il-Batteriji jistabbilixxi miżuri li jappoġġaw l-isforzi li tinbena katina tal-valur tal-batteriji fl-Ewropa li tħaddan l-estrazzjoni tal-materja prima, l-akkwist u l-ipproċessar sostenibbli, il-materjali sostenibbli tal-batteriji, il-manifattura taċ-ċelloli kif ukoll l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-batteriji
(6)Fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni kkonfermat l-impenn tagħha li timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji u ddikjarat li se tipproponi leġiżlazzjoni biex tiżgura katina tal-valur tal-batteriji sikura, ċirkolari u sostenibbli għall-batteriji kollha, inkluż biex tforni s-suq dejjem jikber ta’ vetturi elettriċi.
(7)Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Ottubru 2019 dwar “Aktar ċirkolarità – Tranżizzjoni għal soċjetà sostenibbli”, il-Kunsill appella, inter alia, għal politiki koerenti li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jtejbu s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tal-batteriji biex jakkumpanjaw it-tranżizzjoni għall-elettromobbiltà. Barra minn hekk, il-Kunsill appella għal reviżjoni urġenti tad-Direttiva 2006/66/KE, li jenħtieġ li tinkludi l-batteriji u l-materjali rilevanti kollha u li jenħtieġ li tikkunsidra, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti speċifiċi għal-litju u l-kobalt kif ukoll mekkaniżmu li jippermetti l-adattament ta’ dik id-Direttiva għall-bidliet futuri fit-teknoloġiji tal-batteriji.
(8)Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għal Ekonomija Ċirkolari adottat fil-11 ta’ Marzu 2020 jiddikjara li l-proposta għal qafas regolatorju ġdid għall-batteriji se tikkunsidra regoli dwar il-kontenut riċiklat u miżuri biex jittejbu r-rati ta’ ġbir u ta’ riċiklaġġ tal-batteriji kollha, biex jiġi żgurat l-irkupru ta’ materjali ta’ valur u biex tingħata gwida lill-konsumaturi u se tindirizza t-tneħħija gradwali possibbli tal-batteriji mhux rikarikabbli fejn jeżistu alternattivi. Barra minn hekk, huwa ddikjarat li se jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u trasparenza, b’kont meħud tal-impronta tal-karbonju tal-manifattura tal-batteriji, l-akkwist etiku tal-materja prima u s-sigurtà tal-provvista sabiex jiġu ffaċilitati l-użu mill-ġdid, l-adattament għal skop differenti u r-riċiklaġġ tal-batteriji.
(9)L-indirizzar taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-batteriji kollha mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jirrikjedi l-istabbiliment ta’ rekwiżiti armonizzati tal-prodotti u tal-kummerċjalizzazzjoni, inklużi proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, kif ukoll rekwiżiti biex jiġi indirizzat bis-sħiħ l-istadju ta’ tmiem il-ħajja tal-batteriji. Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-istadju ta’ tmiem il-ħajja huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet ambjentali tal-batteriji u, b’mod partikolari, biex jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ swieq tar-riċiklaġġ għall-batteriji u swieq għall-materja prima sekondarja mill-batteriji sabiex jingħalqu ċ-ċrieki tal-materjali. Sabiex jintlaħqu l-objettivi previsti biex jiġi indirizzat iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ batterija fi strument legali wieħed, filwaqt li jiġu evitati l-ostakoli għall-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni u tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-suq intern, jenħtieġ li r-regoli li jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-batteriji jkunu ta’ applikazzjoni uniformi għall-operaturi kollha madwar l-Unjoni, u ma jagħtux lok għal implimentazzjoni diverġenti mill-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/66/KE tiġi sostitwita minn Regolament.
(10)Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għat-tipi kollha ta’ batteriji u akkumulaturi mqiegħda fis-suq jew fis-servizz fl-Unjoni, kemm jekk weħidhom jew inkorporati f’apparati jew inkella fornuti ma’ vetturi u apparati elettriċi u elettroniċi. Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika irrispettivament minn jekk batterija tkunx iddisinjata speċifikament għal prodott jew tkunx ta’ użu ġenerali u irrispettivament minn jekk tkunx inkorporata fi prodott jew tkunx fornuta flimkien ma’ prodott li fih għandha tintuża jew inkella separatament minnu.
(11)Prodotti mqiegħda fis-suq bħala pakketti ta’ batteriji, li huma batteriji jew gruppi ta’ ċelloli konnessi flimkien u/jew magħluqin f’kisi estern sabiex jifformaw unità kompleta li tkun lesta għall-użu li l-utent finali mhuwiex maħsub li jifred jew jiftaħ u li jikkonformaw mad-definizzjoni ta’ batteriji, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti applikabbli għall-batteriji. Il-prodotti mqiegħda fis-suq bħala moduli ta’ batteriji, li jikkonformaw mad-definizzjoni ta’ pakkett ta’ batteriji, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti applikabbli għall-pakketti ta’ batteriji.
(12)Fil-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tar-Regolament, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ batteriji f’konformità mad-disinn u l-użu tagħhom, indipendentement mill-kimika tal-batteriji. Il-klassifikazzjoni f’batteriji portabbli, minn naħa waħda, u batteriji industrijali u batteriji awtomotivi, min-naħa l-oħra, skont id-Direttiva 2006/66/KE, jenħtieġ li tiġi żviluppata aktar biex tkun tirrifletti aħjar l-iżviluppi ġodda fl-użu tal-batteriji. Il-batteriji li jintużaw għat-trazzjoni f’vetturi elettriċi u li skont id-Direttiva 2006/66/KE jaqgħu fil-kategorija ta’ batteriji industrijali, jikkostitwixxu parti tas-suq kbira u li qed tikber minħabba t-tkabbir rapidu ta’ vetturi elettriċi tat-trasport bit-triq. Għalhekk huwa xieraq li dawk il-batteriji li jintużaw għat-trazzjoni f’vetturi tat-triq jiġu kklassifikati bħala kategorija ġdida ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi. Il-batteriji użati għat-trazzjoni f’vetturi oħra tat-trasport inkluż it-trasport bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru, għadhom jaqgħu fil-kategorija ta’ batteriji industrijali skont dan ir-Regolament. It-tip ta’ batteriji industrijali jinkludi grupp wiesa’ ta’ batteriji, maħsuba biex jintużaw għall-attivitajiet industrijali, l-infrastruttura tal-komunikazzjoni, l-attivitajiet industrijali jew il-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika. Minnbarra din il-lista mhix eżawrjenti ta’ eżempji, kwalunkwe batterija li la tkun batterija portabbli, la batterija awtomotiva u lanqas batterija ta’ vetturi elettriċi jenħtieġ li tiġi kkunsidrata batterija industrijali. Il-batteriji użati għall-ħżin tal-enerġija f’ambjenti privati jew domestiċi huma kkunsidrati batteriji industrijali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-batteriji kollha użati fil-mezzi tat-trasport ħfief, bħal roti elettriċi u skuters, jiġu kklassifikati bħala batteriji portabbli, huwa meħtieġ li tiġi ċċarata d-definizzjoni ta’ batteriji portabbli u li jiġi introdott limitu fuq il-piż għal batteriji bħal dawn.
(13)Jenħtieġ li l-batteriji jiġu ddisinjati u manifatturati b’tali mod li jittejbu kemm jista’ jkun il-prestazzjoni, id-durabbiltà u s-sikurezza tagħhom u li titnaqqas kemm jista’ jkun l-impronta ambjentali tagħhom. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi ta’ sostenibbiltà għall-batteriji industrijali rikarikabbli u għall-batteriji tal-vetturi elettriċi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh, billi tali batteriji jirrappreżentaw is-segment tas-suq li huwa mistenni li jiżdied l-aktar fis-snin li ġejjin.
(14)Sabiex jiġi żgurat li l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament jitwettqu u sabiex tiġi mmonitorjata u vverifikata l-konformità tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar.
(15)Jenħtieġ li l-użu ta’ sustanzi perikolużi fil-batteriji jkun ristrett sabiex titħares is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u titnaqqas il-preżenza ta’ sustanzi bħal dawn fl-iskart. Għalhekk, minbarra r-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huwa xieraq li jiġu stabbiliti restrizzjonijiet għall-merkurju u l-kadmju f’ċerti tipi ta’ batteriji. Il-batteriji użati f’vetturi li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li jiġu esklużi mill-projbizzjoni li jkun fihom il-kadmju.
(16)Sabiex jiġi żgurat li s-sustanzi perikolużi li jippreżentaw riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent meta jintużaw fil-batteriji, ikunu jistgħu jiġu indirizzati kif xieraq, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tar-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi perikolużi fil-batteriji.
(17)Jenħtieġ li l-proċedura għall-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda u għall-emendar ta’ dawk attwali dwar is-sustanzi perikolużi fil-batteriji tkun issimplifikata bis-sħiħ bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Sabiex tiżgura t-teħid tad-deċiżjonijiet, il-koordinazzjoni u l-ġestjoni effettivi tal-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi relatati ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“l-Aġenzija”) twettaq kompiti speċifikati fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskji minn sustanzi fil-manifattura u l-użu ta’ batteriji u ta’ dawk li jistgħu jseħħu wara tmiem il-ħajja tagħhom, kif ukoll fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi soċjoekonomiċi u l-analiżi tal-alternattivi, f’konformità mal-gwida rilevanti mill-Aġenzija. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u l-Analiżi Soċjoekonomika tal-Aġenzija jiffaċilitaw it-twettiq ta’ ċerti kompiti konferiti lill-Aġenzija b’dan ir-Regolament.
(18)Jenħtieġ li l-introduzzjoni massiva mistennija tal-batteriji f’setturi bħall-mobbiltà u l-ħażna tal-enerġija tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju, iżda biex jiġi mmassimizzat dan il-potenzjal, huwa meħtieġ li ċ-ċiklu tal-ħajja ġenerali tagħhom ikollu impronta tal-karbonju baxxa. Skont ir-Regoli tal-Kategorija Marbutin mal-Impronta Ambjentali tal-Prodott għall-Batteriji Rikarikabbli b’Enerġija Speċifika Għolja għall-Applikazzjonijiet Mobbli, it-tibdil fil-klima huwa t-tieni l-ogħla kategorija ta’ impatt għall-batteriji wara l-użu tal-minerali u l-metalli. Għalhekk, id-dokumentazzjoni teknika għall-batteriji industrijali rikarikabbli u għall-batteriji u l-batteriji tal-vetturi elettriċi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh imqiegħda fis-suq tal-Unjoni jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju, li jenħtieġ li tkun speċifika, jekk ikun meħtieġ, għal kull lott tal-manifattura. Il-batteriji jiġu manifatturati f’lottijiet, magħmula f’ammonti speċifiċi f’ċerti perjodi ta’ żmien. L-armonizzazzjoni tar-regoli tekniċi għall-kalkolu tal-impronta tal-karbonju għall-batteriji industrijali rikarikabbli u l-batteriji tal-vetturi elettriċi kollha b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh imqiegħda fis-suq tal-Unjoni hija prerekwiżit għall-introduzzjoni ta’ rekwiżit sabiex id-dokumentazzjoni teknika tal-batteriji tkun tinkludi dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju u, sussegwentement, għall-istabbiliment ta’ klassijiet tal-prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju li jippermettu l-identifikazzjoni tal-batteriji b’impronti tal-karbonju aktar baxxi b’mod ġenerali. Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni u ta’ tikkettar ċar dwar l-impronta tal-karbonju tal-batteriji minnhom infushom mhumiex mistennija li jwasslu għall-bidla fl-imġiba meħtieġa biex jiġi żgurat li jintlaħaq l-objettiv tal-Unjoni li tiddekarbonizza s-setturi tal-mobbiltà u tal-ħażna tal-enerġija, f’konformità mal-objettivi maqbula fil-livell internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima. Għalhekk, se jiġu introdotti limiti massimi tal-karbonju, minbarra valutazzjoni tal-impatt dedikata biex jiġu ddeterminati dawk il-valuri. Billi tipproponi l-livell limitu massimu tal-impronta tal-karbonju, il-Kummissjoni, fost l-oħrajn, se tqis id-distribuzzjoni relattiva tal-valuri tal-impronta tal-karbonju fil-batteriji fis-suq, l-ammont ta’ progress fit-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tal-batteriji mqiegħda fis-suq tal-Unjoni u l-kontribut effettiv u l-potenzjali ta’ din il-miżura għall-objettivi tal-Unjoni dwar il-mobbiltà sostenibbli u n-newtralità klimatika sal-2050. Sabiex ikun hemm trasparenza dwar l-impronta tal-karbonju tal-batteriji, u biex is-suq tal-Unjoni jimxi lejn batteriji b’livell baxx ta’ karbonju, irrispettivament minn fejn dawn jiġu prodotti, hija ġġustifikata żieda gradwali u kumulattiva fir-rekwiżiti tal-impronta tal-karbonju. B’riżultat ta’ dawn ir-rekwiżiti, l-emissjonijiet tal-karbonju evitati fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji se jikkontribwixxu għall-objettiv tal-Unjoni li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Dan jista’ jippermetti wkoll politiki oħrajn fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, bħal inċentivi jew kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, li jrawmu l-produzzjoni ta’ batteriji b’impatti ambjentali aktar baxxi.
(19)Ċerti sustanzi li jinsabu fil-batteriji, bħall-kobalt, iċ-ċomb, il-litju jew in-nikil, jinkisbu minn riżorsi skarsi li mhumiex faċilment disponibbli fl-Unjoni, u xi wħud huma meqjusa bħala materja prima kritika mill-Kummissjoni. Dan huwa qasam fejn l-Ewropa teħtieġ li ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha u żżid ir-reżiljenza tagħha bi tħejjija għat-tfixkil potenzjali fil-provvista minħabba kriżijiet tas-saħħa jew kriżijiet oħrajn. It-tisħiħ taċ-ċirkolarità u tal-effiċjenza fir-riżorsi b’żieda fir-riċiklaġġ u fl-irkupru ta’ dik il-materja prima, se jikkontribwixxi biex jintlaħaq dak l-għan.
(20)Iż-żieda fl-użu tal-materjali rkuprati tappoġġa l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari u tippermetti użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-materjali, filwaqt li tnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq materjali minn pajjiżi terzi. Għall-batteriji, dan huwa partikolarment rilevanti għall-kobalt, iċ-ċomb, il-litju u n-nikil. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi promoss l-irkupru ta’ materjali bħal dawn mill-iskart, billi jiġi stabbilit rekwiżit fuq il-livell ta’ kontenut irriċiklat fil-batteriji li jużaw il-kobalt, iċ-ċomb, il-litju u n-nikil f’materjali attivi. Dan ir-Regolament jistabbilixxi miri obbligatorji ta’ kontenut riċiklat għall-kobalt, iċ-ċomb, il-litju u n-nikil u li jenħtieġ li jintlaħqu sal-2030. Għall-kobalt, il-litju u n-nikil huma stabbiliti miri miżjuda sal-2035. Jenħtieġ li l-miri kollha jqisu d-disponibbiltà tal-iskart, li minnu jistgħu jiġu rkuprati materjali bħal dawn, il-fattibbiltà teknika tal-proċessi ta’ rkupru u manifattura involuti, kif ukoll iż-żmien meħtieġ mill-operaturi ekonomiċi biex jadattaw il-proċessi tal-provvista u l-manifattura tagħhom. Għalhekk, qabel ma dawn il-miri obbligatorji jsiru applikabbli, jenħtieġ li r-rekwiżit relatat mal-kontenut irriċiklat ikun limitat għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kontenut irriċiklat.
(21)Sabiex jitqies ir-riskju tal-provvista tal-kobalt, iċ-ċomb, il-litju u n-nikil u sabiex tiġi vvalutata d-disponibbiltà tagħhom, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-miri għas-sehem minimu tal-kobalt, iċ-ċomb, il-litju jew in-nikil irriċiklati preżenti f’materjali attivi fil-batteriji.
(22)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kalkolu u l-verifika, għal kull mudell u lott ta’ batteriji u għal kull impjant tal-manifattura, l-ammont ta’ kobalt, ċomb, litju jew nikil irkuprat minn skart preżenti f’materjali attivi fil-batteriji u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għad-dokumentazzjoni teknika, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.
(23)Jenħtieġ li l-batteriji mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jkunu durabbli u bi prestazzjoni għolja. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti parametri ta’ prestazzjoni u durabbiltà għal batteriji portabbli ta’ użu ġenerali, kif ukoll għal batteriji industrijali rikarikabbli u batteriji tal-vetturi elettriċi. Għall-batteriji tal-vetturi elettriċi, il-Grupp ta’ Ħidma informali tal-UNECE dwar il-Vetturi Elettriċi u l-Ambjent qed jiżviluppa rekwiżiti ta’ durabbiltà fil-vetturi, għalhekk, dan ir-Regolament qed joqgħod lura milli jistabbilixxi rekwiżiti ta’ durabbiltà addizzjonali. Min-naħa l-oħra, fil-qasam tal-batteriji għall-ħżin tal-enerġija, il-metodi ta’ kejl eżistenti biex jiġu ttestjati l-prestazzjoni u d-durabbiltà tal-batterija mhumiex meqjusa preċiżi u rappreżentattivi biżżejjed biex jippermettu l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi. Jenħtieġ li l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi relatati mal-prestazzjoni u d-durabbiltà ta’ dawn il-batteriji tkun akkumpanjata minn standards armonizzati adegwati jew speċifikazzjonijiet komuni disponibbli.
(24)Sabiex jitnaqqsu l-batteriji b’impatt ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-parametri tal-prestazzjoni u tad-durabbiltà u l-istabbiliment ta’ valuri minimi għal dawk il-parametri għal batteriji portabbli ta’ użu ġenerali u għal batteriji industrijali rikarikabbli.
(25)Xi batteriji mhux rikarikabbli ta’ użu ġenerali jistgħu jimplikaw użu ineffiċjenti tar-riżorsi u tal-enerġija. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti oġġettivi fir-rigward tal-prestazzjoni u d-durabbiltà ta’ batteriji bħal dawn sabiex jiġi żgurat li jitqiegħdu fis-suq inqas batteriji portabbli mhux rikarikabbli ta’ użu ġenerali u bi prestazzjoni baxxa, b’mod partikolari, meta, abbażi ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja, l-użu alternattiv ta’ batteriji rikarikabbli jirriżulta f’benefiċċji ambjentali ġenerali.
(26)Sabiex jiġi żgurat li l-batteriji portabbli inkorporati fl-apparat ikunu soġġetti għal ġbir separat, trattament u riċiklaġġ ta’ kwalità għolja xierqa ladarba jkunu saru skart, huma meħtieġa dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata l-possibbiltà tagħhom li jinqalgħu u jiġu sostitwiti f’apparat bħal dan. Jenħtieġ li l-batteriji użati jkunu wkoll sostitwibbli sabiex jittawwal it-tul tal-ħajja mistenni tal-apparat li jkunu parti minnu. Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu kkumplimentati b’rekwiżiti stabbiliti għal prodotti partikolari li jaħdmu bil-batteriji fil-miżuri ta’ implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Fejn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni tistabbilixxi rekwiżiti aktar speċifiċi, għal raġunijiet ta’ sikurezza, fir-rigward tat-tneħħija tal-batteriji minn prodotti (eż. ġugarelli), jenħtieġ li japplikaw dawk ir-regoli speċifiċi.
(27)Il-batteriji affidabbli huma fundamentali għall-operat u s-sikurezza ta’ ħafna prodotti, apparat u servizzi. Għalhekk, jenħtieġ li l-batteriji jiġu ddisinjati u manifatturati biex jiżguraw l-operazzjoni u l-użu sikur tagħhom. Dan l-aspett huwa partikolarment rilevanti għas-sistemi għall-ħażna tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji, li bħalissa mhumiex koperti minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Il-parametri li għandhom jiġu kkunsidrati fit-testijiet tas-sikurezza jenħtieġ li jiġu stipulati għal dawk is-sistemi għall-ħażna tal-enerġija.
(28)Sabiex l-utenti finali jingħataw informazzjoni trasparenti, affidabbli u ċara dwar il-batteriji u l-karatteristiċi ewlenin tagħhom, u dwar l-iskart ta’ batteriji, biex l-utenti finali jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati meta jixtru u jarmu l-batteriji u biex l-operaturi tal-iskart ikunu jistgħu jittrattaw b’mod xieraq l-iskart ta’ batteriji, jenħtieġ li l-batteriji jiġu ttikkettati. Jenħtieġ li l-batteriji jkunu ttikkettati bl-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-karatteristiċi ewlenin tagħhom, inklużi l-kapaċità u l-kontenut tagħhom ta’ ċerti sustanzi perikolużi. Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-informazzjoni matul iż-żmien, jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun magħmula disponibbli wkoll permezz tal-kodiċijiet QR.
(29)L-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-batteriji hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-utenti finali bħala konsumaturi jkunu infurmati tajjeb u fil-ħin u, b’mod partikolari, li jkollhom bażi komuni biex iqabblu batteriji differenti qabel ma jixtru. Għalhekk, il-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali u l-batteriji awtomotivi jenħtieġ li jiġu mmarkati b’tikketta li jkun fiha l-informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju minimu tagħhom meta jintużaw f’applikazzjonijiet speċifiċi. Barra minn hekk, huwa importanti li l-utent finali jiġi ggwidat biex jarmi l-iskart ta’ batteriji b’mod xieraq.
(30)Jenħtieġ li l-batteriji industrijali rikarikabbli u l-batteriji tal-vetturi elettriċi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh ikollhom sistema ta’ ġestjoni tal-batterija li taħżen id-data sabiex l-istat tas-saħħa u t-tul tal-ħajja mistenni tal-batteriji jkunu jistgħu jiġu ddeterminati fi kwalunkwe ħin mill-utent finali jew minn kwalunkwe parti terza oħra li taġixxi f’ismu. Sabiex batterija tiġi adattata għal skop differenti jew manifatturata mill-ġdid, jenħtieġ li l-aċċess għas-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija jiġi pprovdut lill-persuna li tkun xtrat il-batterija jew lil kwalunkwe parti terza li taġixxi f’isimha fi kwalunkwe ħin għall-evalwazzjoni tal-valur residwu tal-batterija, l-iffaċilitar tal-użu mill-ġdid, l-adattament tal-batterija għal skop differenti jew il-manifattura mill-ġdid tagħha u t-tqegħid tal-batterija għad-dispożizzjoni tal-aggregaturi indipendenti, kif definiti fid-Direttiva (UE) 201/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li joperaw impjanti tal-enerġija virtwali fi grilji tal-elettriku. Jenħtieġ li dan ir-rekwiżit japplika flimkien mad-dritt tal-Unjoni dwar it-tip ta’ approvazzjoni tal-vetturi, inklużi speċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu joriġinaw mix-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma informali tal-UNECE dwar il-Vetturi Elettriċi u l-Ambjent dwar l-aċċess għad-data f’vetturi elettriċi.
(31)Għadd ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-prodott skont dan ir-Regolament, inkluż dwar il-prestazzjoni, id-durabbiltà, l-adattament għal skop differenti u s-sikurezza, jenħtieġ li jitkejlu bl-użu ta’ metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli li jqisu l-metodoloġiji mill-aktar avvanzati tal-kejl u tal-kalkolu rikonoxxuti b’mod ġenerali. Sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm ostakli għall-kummerċ fis-suq intern, jenħtieġ li l-istandards jiġu armonizzati fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li tali metodi u standards, sa fejn ikun possibbli, iqisu l-użu tal-batteriji fil-ħajja reali, ikunu jirriflettu l-firxa medja tal-imġiba tal-konsumaturi u jkunu robusti sabiex jiskoraġġixxu ċ-ċirkomvenzjoni intenzjonali u mhux intenzjonali. Ladarba tkun ġiet adottata referenza għal tali standard skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi stabbilita preżunzjoni ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti speċifiċi għall-prodott adottati abbażi ta’ dan ir-Regolament, dment li l-eżitu ta’ tali metodi juri li jintlaħqu l-valuri minimi stabbiliti għal dawk ir-rekwiżiti sostantivi. Fin-nuqqas ta’ standards ippubblikati fiż-żmien tal-applikazzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-prodott, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta speċifikazzjonijiet komuni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u jenħtieġ li l-konformità ma’ tali speċifikazzjonijiet twassal ukoll għall-preżunzjoni tal-konformità. F’każijiet fejn jinstab, fi stadju aktar tard, li l-ispeċifikazzjonijiet komuni għandhom xi nuqqasijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, temenda jew tħassar l-ispeċifikazzjonijiet komuni inkwistjoni.
(32)Sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-informazzjoni għal finijiet ta’ sorveljanza tas-suq, sabiex wieħed jadatta għal teknoloġiji ġodda u sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza f’każ ta’ kriżijiet globali, bħall-pandemija tal-Covid-19, jenħtieġ li jkun possibbli li tingħata informazzjoni rigward il-konformità mal-atti kollha tal-Unjoni applikabbli għall-batteriji online fil-forma ta’ dikjarazzjoni tal-konformità unika tal-UE.
(33)Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistipula regoli dwar l-akkreditament tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, jipprovdi qafas għas-sorveljanza tas-suq tal-prodotti u għall-kontrolli fuq il-prodotti minn pajjiżi terzi, u jistipula l-prinċipji ġenerali tal-markatura CE. Jenħtieġ li dak ir-Regolament ikun applikabbli għall-batteriji koperti minn dan ir-Regolament sabiex ikun żgurat li l-prodotti li jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-merkanzija fl-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti li jipprovdu livell għoli ta’ ħarsien ta’ interessi pubbliċi bħas-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza u l-ambjent.
(34)Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu juru u l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw li l-batteriji li tqiegħdu fis-suq ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, huwa neċessarju li jiġu previsti proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità. Id-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi moduli għall-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, li jvarjaw minn dawk l-inqas stretti sa dawk l-aktar stretti skont il-livell ta’ riskju involut u l-livell ta’ sikurezza meħtieġ. Skont l-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċiżjoni, fejn tkun meħtieġa valutazzjoni tal-konformità, il-proċeduri li għandhom jintużaw għal dik il-valutazzjoni għandhom jintgħażlu minn fost dawk il-moduli.
(35)Madankollu, il-moduli magħżula ma jirriflettux ċerti aspetti speċifiċi tal-batteriji u, b’hekk, huwa meħtieġ li jiġu adattati l-moduli magħżula għall-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità. Sabiex jitqiesu n-novità u l-kumplessità tar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, tas-sikurezza u tat-tikkettar stabbiliti f’dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-batteriji mqiegħda fis-suq mar-rekwiżiti legali, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ tal-emendar tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità billi jiżdiedu l-passi tal-verifiki jew billi jinbidel il-modulu tal-valutazzjoni, abbażi tal-iżviluppi fis-suq tal-batteriji jew fil-katina tal-valur tal-batteriji.
(36)Il-markatura CE fuq batterija tindika l-konformità ta’ dik il-batterija ma’ dan ir-Regolament. Il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-markatura CE u r-relazzjoni tagħha ma’ markaturi oħrajn huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Jenħtieġ li dawk il-prinċipji japplikaw għall-markatura CE fuq il-batteriji. Sabiex jiġi żgurat li l-batterija tinħażen, tintuża u tintrema b’mod li ma jkunx ta’ periklu mil-lat tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, jenħtieġ li jiġu stipulati regoli speċifiċi li jirregolaw it-twaħħil tal-markatura CE fil-każ tal-batteriji.
(37)Il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti f’dan ir-Regolament jeħtieġu l-intervent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dawk il-korpi jiġu nnotifikati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri lill-Kummissjoni.
(38)Minħabba n-novità u l-kumplessità tar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, tas-sikurezza u tat-tikkettar għall-batteriji u sabiex jiġi żgurat livell konsistenti ta’ kwalità fit-twettiq tal-valutazzjoni tal-konformità tal-batteriji, jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti għall-awtoritajiet tan-notifika involuti fil-valutazzjoni, fin-notifika u fil-monitoraġġ tal-korpi nnotifikati. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-awtorità tan-notifika tkun oġġettiva u imparzjali fir-rigward tal-attività tagħha. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet tan-notifika jkunu meħtieġa jissalvagwardjaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jiksbu, madankollu, jenħtieġ li jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar il-korpi nnotifikati mal-awtoritajiet nazzjonali, mal-awtoritajiet tan-notifika ta’ Stati Membri oħrajn u mal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-valutazzjoni tal-konformità.
(39)Huwa essenzjali li l-korpi nnotifikati kollha jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fl-istess livell u f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta u awtonomija. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jixtiequ jiġu nnotifikati sabiex jipprovdu attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jkomplu japplikaw bħala prerekwiżit għaż-żamma tal-kompetenza tal-korp innotifikat. Sabiex tiġi żgurata l-awtonomija tiegħu, jenħtieġ li l-korp innotifikat u l-persunal li jimpjega jżommu l-indipendenza mill-operaturi ekonomiċi fil-katina tal-valur tal-batteriji u minn kumpaniji oħrajn, inklużi assoċjazzjonijiet tan-negozju u kumpaniji prinċipali u sussidjarji. Jenħtieġ li l-korp innotifikat jintalab jiddokumenta l-indipendenza tiegħu u jipprovdi dik id-dokumentazzjoni lill-awtorità tan-notifika.
(40)Jekk korp ta’ valutazzjoni tal-konformità juri konformità mal-kriterji stipulati fi standards armonizzati, jenħtieġ li jkun preżunt li dan jikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti f’dan ir-Regolament.
(41)Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità spiss jissottokuntrattaw partijiet mill-attivitajiet tagħhom marbuta mal-valutazzjoni tal-konformità jew jirrikorru għal sussidjarja. Madankollu, ċerti attivitajiet u proċessi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, kemm fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità tal-batteriji kif ukoll fir-rigward ta’ attivitajiet oħrajn interni għall-korp innotifikat, jenħtieġ li jitwettqu esklussivament mill-korp innotifikat individwali nnifsu, sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-awtonomija tiegħu. Barra minn hekk, sabiex jiġi ssalvagwardjat il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ sabiex il-batteriji jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, jenħtieġ li s-sottokuntratturi tal-valutazzjoni tal-konformità u s-sussidjarji jissodisfaw l-istess rekwiżiti bħall-korpi nnotifikati b’rabta mat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità skont dan ir-Regolament.
(42)Billi s-servizzi offruti minn korpi nnotifikati fi Stat Membru jistgħu jkunu relatati ma’ batteriji mqiegħda fis-suq fl-Unjoni kollha, huwa xieraq li l-Istati Membri l-oħrajn u l-Kummissjoni jingħataw l-opportunità li jqajmu oġġezzjonijiet dwar korp innotifikat. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex titlob lill-awtorità tan-notifika tieħu azzjoni korrettiva fil-każ li korp innotifikat ma jissodisfax, jew ma jkunx għadu jissodisfa, ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
(43)Fl-interessi tal-iffaċilitar u l-aċċellerazzjoni tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità, taċ-ċertifikazzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-aċċess għas-suq u, fid-dawl tan-novità u l-kumplessità tar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, tas-sikurezza u tat-tikkettar għall-batteriji, huwa kruċjali li l-korpi nnotifikati jkollhom aċċess kontinwu għat-tagħmir tal-ittestjar u l-faċilitajiet tal-ittestjar kollha meħtieġa u li huma japplikaw il-proċeduri mingħajr ma joħolqu piżijiet bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi. Għall-istess raġuni, u biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi, huwa meħtieġ li l-korpi nnotifikati japplikaw il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità b’mod konsistenti.
(44)Qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar jekk il-batterija tistax tingħata ċertifikat ta’ konformità, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku li jkun jixtieq iqiegħed batterija fis-suq jitħalla jikkomplementaha bid-dokumentazzjoni fuq il-batterija.
(45)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippermetti koordinazzjoni u kooperazzjoni xierqa bejn il-korpi nnotifikati.
(46)Huwa xieraq li l-obbligi marbuta mat-tqegħid ta’ batterija fis-suq jew fis-servizz jitpoġġew fuq l-operaturi ekonomiċi, li jinkludu l-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur, id-distributur, il-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni, jew kwalunkwe persuna ġuridika oħra li tieħu r-responsabbiltà legali b’rabta mal-manifattura tal-batteriji, tagħmilhom disponibbli jew tqegħedhom fis-suq jew fis-servizz.
(47)Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu responsabbli għall-konformità tal-batteriji mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, b’rabta mar-rwoli rispettivi tagħhom fil-katina tal-provvista, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi, bħas-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza u l-protezzjoni tal-proprjetà u l-ambjent.
(48)Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li jqiegħdu fis-suq biss dawk il-batteriji li jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament. Huwa meħtieġ li jkun hemm distribuzzjoni ċara u proporzjonata tal-obbligi li jikkorrispondu għar-rwol ta’ kull operatur ekonomiku fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni.
(49)Il-manifattur, li għandu għarfien dettaljat tad-disinn u tal-proċess tal-produzzjoni, huwa fl-aħjar pożizzjoni biex iwettaq il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità. Għalhekk, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-konformità tibqa’ l-obbligu tal-manifattur biss.
(50)Jenħtieġ li l-manifattur jipprovdi informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar l-użu maħsub tal-batterija sabiex jippermetti t-tqegħid fis-suq, it-tqegħid fis-servizz, l-użu u l-ġestjoni ta’ tmiem il-ħajja tal-batterija b’mod korrett u sikur, inkluż l-adattament possibbli tagħha għal skop differenti.
(51)Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u l-konsumaturi, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi, bħala parti mid-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, jindikaw indirizz ta’ sit web minbarra l-indirizz postali.
(52)Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-batteriji minn pajjiżi terzi li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, kemm jekk ikunu importati bħala batteriji awtonomi kif ukoll jekk ikunu jinsabu fi prodotti, u b’mod partikolari li l-manifatturi jkunu wettqu proċeduri xierqa ta’ valutazzjoni tal-konformità fir-rigward ta’ dawk il-batteriji. Għalhekk, jenħtieġ li ssir dispożizzjoni għall-importaturi biex jiżguraw li l-batteriji li jqiegħdu fis-suq u fis-servizz ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u li l-markatura CE fuq il-batteriji u d-dokumentazzjoni mfassla mill-manifatturi jkunu disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali.
(53)Meta jqiegħed batterija fis-suq jew fis-servizz, jenħtieġ li kull importatur jindika fuq il-batterija l-isem tal-importatur, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata, kif ukoll l-indirizz postali. Jenħtieġ li jiġu previsti eċċezzjonijiet f’każijiet fejn id-daqs tal-batterija ma jippermettix li jsir dan. Dan jinkludi każijiet fejn l-importatur ikollu jiftaħ l-imballaġġ biex ipoġġi l-isem u l-indirizz fuq il-batterija jew fejn il-batterija tkun żgħira wisq fid-daqs biex fuqha titwaħħal din l-informazzjoni.
(54)Billi d-distributur iqiegħed batterija fis-suq wara li din tkun tqiegħdet fis-suq jew tqiegħdet fis-servizz mill-manifattur jew mill-importatur, jenħtieġ li d-distributur jaġixxi bl-attenzjoni dovuta biex jiżgura li l-immaniġġar tal-batterija ma jaffettwax ħażin il-konformità tagħha mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
(55)Kwalunkwe importatur jew distributur li jew iqiegħed batterija fis-suq jew fis-servizz taħt l-isem proprju jew it-trademark tal-importatur jew tad-distributur jew inkella jimmodifika batterija b’tali mod li l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament tista’ tiġi affettwata jew jimmodifika l-iskop ta’ batterija diġà mqiegħda fis-suq jenħtieġ li jitqies bħala l-manifattur u jenħtieġ li jassumi l-obbligi tal-manifattur.
(56)Id-distributuri u l-importaturi, minħabba li huma qrib is-suq, jenħtieġ li jkunu involuti fil-kompiti ta’ sorveljanza tas-suq imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, u jenħtieġ li jkunu ppreparati biex jipparteċipaw b’mod attiv, billi jipprovdu lil dawk l-awtoritajiet bl-informazzjoni kollha meħtieġa relatata mal-batterija kkonċernata.
(57)L-iżgurar tat-traċċabbiltà ta’ batterija matul il-katina tal-provvista kollha jgħin biex is-sorveljanza tas-suq tkun aktar sempliċi u effiċjenti. Sistema ta’ traċċabbiltà effettiva tiffaċilita l-kompitu tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li jittraċċaw lill-operaturi ekonomiċi li qiegħdu fis-suq jew għamlu disponibbli fis-suq jew fis-servizz batteriji mhux konformi. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu meħtieġa jżommu l-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet tagħhom ta’ batteriji għal ċertu perjodu ta’ żmien.
(58)L-estrazzjoni, l-ipproċessar u n-negozjar tar-riżorsi minerali naturali huma fundamentali biex jipprovdu l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tal-batteriji. Il-manifatturi tal-batteriji, irrispettivament mill-pożizzjoni jew l-influwenza tagħhom fuq il-fornituri u l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, mhumiex iżolati mir-riskju li jikkontribwixxu għal impatti negattivi fil-katina tal-provvista tal-minerali. Għal xi materja prima, aktar minn nofs il-produzzjoni globali hija għall-użu fl-applikazzjonijiet tal-batteriji. Pereżempju, aktar minn 50 % tad-domanda globali għall-kobalt u aktar minn 60 % tal-litju fid-dinja jintużaw għall-produzzjoni tal-batteriji. Madwar 8 % tal-produzzjoni globali tal-grafit naturali u 6 % tal-produzzjoni globali tan-nikil imorru għall-manifattura tal-batteriji.
(59)Huma ftit biss dawk il-pajjiżi li jfornu dawk il-materjali u, f’xi każijiet, l-istandards baxxi ta’ governanza jistgħu jaggravaw il-problemi ambjentali u soċjali. L-estrazzjoni u r-raffinar tal-kobalt u tan-nikil huma relatati ma’ firxa kbira ta’ kwistjonijiet soċjali u ambjentali, inkluż il-potenzjal ta’ periklu ambjentali u s-saħħa tal-bniedem. Filwaqt li l-impatti soċjali u ambjentali tal-grafit naturali huma inqas severi, l-estrazzjoni tiegħu għandha proporzjonijiet għoljin ta’ operazzjonijiet artiġjanali u fuq skala żgħira, li jseħħu l-aktar f’kuntesti informali u jistgħu jwasslu għal impatti serji fuq is-saħħa u l-ambjent, inkluż l-ebda għeluq regolari tal-minjieri u l-ebda riabilitazzjoni, li jirriżultaw fil-qerda tal-ekosistemi u tal-ħamrija. Għal-litju, iż-żieda mistennija fl-użu tiegħu fil-manifattura tal-batteriji x’aktarx li tpoġġi pressjoni addizzjonali fuq l-operazzjonijiet ta’ estrazzjoni u raffinar, u dan jirrakkomanda li l-litju jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista. Jenħtieġ li ż-żieda kbira ħafna mistennija fid-domanda għall-batteriji fl-Unjoni ma tikkontribwixxix għal żieda ta’ tali riskji ambjentali u soċjali.
(60)Uħud mill-materji primi inkwistjoni, bħall-kobalt, il-litju u l-grafit naturali, huma meqjusa bħala materji primi kritiċi għall-UE u l-akkwist sostenibbli tagħhom huwa meħtieġ biex l-ekosistema tal-batteriji tal-UE tkun tista’ taħdem b’mod xieraq.
(61)Diġà hemm fis-seħħ għadd ta’ sforzi volontarji minn atturi fil-katina tal-provvista tal-batteriji sabiex tiġi inkoraġġuta l-aderenza ma’ prattiki ta’ akkwist sostenibbli, inkluż l-Inizjattiva għall-Assigurazzjoni tal-Estrazzjoni Responsabbli (Initiative for Responsible Mining Assurance, IRMA), l-Inizjattiva għal Minerali Responsabbli (Responsible Minerals Initiative, RMI) u l-Qafas ta’ Valutazzjoni Responsabbli għall-Industrija tal-Kobalt (Cobalt Industry Responsible Assessment Framework, CIRAF). Madankollu, l-isforzi volontarji biex jiġu stabbiliti skemi ta’ diliġenza dovuta jistgħu ma jiżgurawx li l-operaturi ekonomiċi kollha li jqiegħdu l-batteriji fis-suq tal-Unjoni jirrispettaw l-istess sett ta’ regoli minimi.
(62)Fl-Unjoni, ġew introdotti rekwiżiti ġenerali dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward ta’ ċerti minerali u metalli bir-Regolament (UE) Nru 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Madankollu, dak ir-Regolament ma jindirizzax il-minerali u l-materjali użati għall-produzzjoni tal-batteriji.
(63)Għalhekk, fid-dawl tat-tkabbir esponenzjali mistenni fid-domanda għall-batteriji fl-UE, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku li jqiegħed batterija fis-suq tal-UE jistabbilixxi politika ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti, bl-objettiv li jiġu indirizzati r-riskji soċjali u ambjentali inerenti fl-estrazzjoni, l-ipproċessar u n-negozjar ta’ ċerta materja prima għall-finijiet tal-manifattura tal-batteriji.
(64)Meta tiġi implimentata politika ta’ diliġenza dovuta bbażata fuq ir-riskji, jenħtieġ li din tkun ibbażata fuq prinċipji ta’ diliġenza dovuta rikonoxxuti internazzjonalment fl-Għaxar Prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Linji Gwida għall-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja Soċjali tal-Prodotti, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, u l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju (RBC), li jirriflettu fehim komuni fost il-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati, u li jenħtieġ li jitfasslu għall-kuntest u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull operatur ekonomiku. B’rabta mal-estrazzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċ tar-riżorsi minerali naturali użati għall-produzzjoni tal-batteriji, il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli (il-“Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta”) tirrappreżenta sforz li ilu għaddej mill-gvernijiet u mill-partijiet ikkonċernati biex jistabbilixxu prattika tajba f’dan il-qasam.
(65)Skont il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta, id-diliġenza dovuta hija proċess kontinwu, proattiv u reattiv li permezz tiegħu l-kumpaniji jistgħu jiżguraw li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u ma jikkontribwixxux għall-kunflitt. Id-diliġenza dovuta bbażata fuq ir-riskju tirreferi għall-passi li jenħtieġ li jieħdu l-kumpaniji biex jidentifikaw u jindirizzaw ir-riskji attwali jew potenzjali sabiex jipprevjenu jew jimmitigaw l-impatti negattivi assoċjati mal-attivitajiet tagħhom jew mad-deċiżjonijiet dwar l-akkwist. Kumpanija tista’ tivvaluta r-riskju li jinħoloq mill-attivitajiet u r-relazzjonijiet tagħha u tadotta miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji f’konformità mal-istandards rilevanti pprovduti skont il-liġi nazzjonali u internazzjonali, ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju minn organizzazzjonijiet internazzjonali, l-għodod appoġġati mill-gvern, l-inizjattivi volontarji mis-settur privat u l-politiki u s-sistemi interni tal-kumpanija. Dan l-approċċ jgħin ukoll biex jiġi skalat l-eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta għad-daqs tal-attivitajiet jew għar-relazzjonijiet tal-katina tal-provvista tal-kumpanija.
(66)Jenħtieġ li l-politiki obbligatorji dwar id-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista jiġu adottati jew immodifikati u li jindirizzaw, mill-inqas, l-aktar kategoriji ta’ riskji soċjali u ambjentali prevalenti. Jenħtieġ li dan ikopri l-impatti attwali u prevedibbli, minn naħa waħda, fuq il-ħajja soċjali, b’mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem kif ukoll is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u d-drittijiet tax-xogħol, u, min-naħa l-oħra, fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq l-użu tal-ilma, il-protezzjoni tal-ħamrija, it-tniġġis tal-arja u l-bijodiversità, inkluża l-ħajja komunitarja.
(67)Fir-rigward tal-kategoriji ta’ riskju soċjali, jenħtieġ li l-politiki tad-diliġenza dovuta jindirizzaw ir-riskji fil-katina tal-provvista relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż is-saħħa tal-bniedem, il-protezzjoni tat-tfal u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, f’konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Jenħtieġ li l-politiki ta’ diliġenza dovuta jinkludu informazzjoni dwar kif l-operatur ekonomiku kkontribwixxa għall-prevenzjoni ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u dwar l-istrumenti fis-seħħ mal-istruttura tan-negozju tal-operatur biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u t-tixħim. Il-politiki tad-diliġenza dovuta jenħtieġ li jiżguraw ukoll l-implimentazzjoni korretta tar-regoli tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol kif elenkati fl-Anness I tad-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO.
(68)Fir-rigward tal-kategoriji ta’ riskju ambjentali, jenħtieġ li l-politiki tad-diliġenza dovuta jindirizzaw ir-riskji fil-katina tal-provvista tal-batteriji relatati mal-protezzjoni tal-ambjent naturali u tad-diversità bijoloġika f’konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li tinkludi wkoll il-konsiderazzjoni tal-komunitajiet lokali, u l-protezzjoni u l-iżvilupp ta’ dawk il-komunitajiet.
(69)L-obbligi tad-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista dwar l-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji soċjali u ambjentali assoċjati mal-materja prima li tidħol fil-manifattura tal-batteriji jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 19 tal-UNEP dwar il-Governanza tar-Riżorsi Minerali, li tirrikonoxxi l-kontribut importanti tas-settur tal-estrazzjoni għall-kisba tal-Aġenda 2030 u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.
(70)Strumenti leġiżlattivi oħra tal-UE li jistabbilixxu rekwiżiti rigward id-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista jenħtieġ li japplikaw sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet speċifiċi bl-istess objettiv, natura u effett f’dan ir-Regolament li jistgħu jiġu adattati fid-dawl tal-emendi leġiżlattivi futuri.
(71)Sabiex tadatta għall-iżviluppi fil-katina tal-valur tal-batteriji, inkluż għall-bidliet fil-ambitu u n-natura tar-riskji ambjentali u soċjali rilevanti, kif ukoll għall-progress tekniku u xjentifiku fil-batteriji u l-kimiki tal-batteriji, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-lista ta’ materja prima u l-kategoriji ta’ riskji u r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista.
(72)Huma meħtieġa regoli armonizzati għall-immaniġġar tal-iskart biex jiġi żgurat li l-produtturi u operaturi ekonomiċi oħrajn ikunu soġġetti għall-istess regoli fl-Istati Membri kollha fl-implimentazzjoni tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi għall-batteriji. Huwa neċessarju li jiġi mmassimizzat il-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji u li jiġi żgurat li l-batteriji kollha miġbura jiġu riċiklati permezz ta’ proċessi li jilħqu effiċjenzi minimi komuni ta’ riċiklaġġ biex jinkiseb livell għoli ta’ rkupru tal-materjal. L-evalwazzjoni tad-Direttiva 2006/66/KE sabet li wieħed min-nuqqasijiet tagħha huwa n-nuqqas ta’ dettall fid-dispożizzjonijiet tagħha, li jwassal għal implimentazzjoni mhux uniformi u joħloq ostakli sinifikanti għall-funzjonament tas-swieq tar-riċiklaġġ u livelli subottimali ta’ riċiklaġġ. Konsegwentement, jenħtieġ li regoli aktar dettaljati u armonizzati jevitaw id-distorsjoni tas-suq għall-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji, jiżguraw l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti fl-Unjoni kollha, iżidu l-armonizzazzjoni tal-kwalità tas-servizzi tal-immaniġġar tal-iskart ipprovduti mill-operaturi ekonomiċi u jiffaċilitaw is-swieq tal-materja prima sekondarja.
(73)Dan ir-Regolament jibni fuq ir-regoli dwar l-immaniġġar tal-iskart u l-prinċipji ġenerali stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jenħtieġ li jiġu adattati biex jirriflettu s-sitwazzjoni speċifika tal-batteriji. Sabiex il-ġbir tal-iskart ta’ batteriji jiġi organizzat bl-aktar mod effettiv, huwa importanti li dan isir b’konnessjoni mill-qrib mal-post fejn jinbiegħu l-batteriji fi Stat Membru, u qrib l-utent finali. L-iskart ta’ batteriji jista’ jinġabar kemm flimkien ma’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku kif ukoll ma’ vetturi li m’għadhomx jintużaw, permezz ta’ skemi ta’ ġbir nazzjonali stabbiliti abbażi tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u tad-Direttiva 2000/53/KE. Filwaqt li r-Regolament attwali jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-batteriji, hemm bżonn approċċ koerenti u komplementari, li jibni fuq u jarmonizza aktar l-istrutturi eżistenti tal-immaniġġar tal-iskart. Konsegwentement, u sabiex tiġi rrealizzata b’mod effettiv responsabbiltà estiża tal-produtturi relatata mal-immaniġġar tal-iskart, jenħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi fir-rigward tal-Istat Membru fejn il-batteriji jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba.
(74)Sabiex jiġi ssorveljat li l-produtturi jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jiżguraw it-trattament tal-iskart ta’ batteriji mqiegħda fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit reġistru u li dan ikun ġestit mill-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru. Jenħtieġ li l-produtturi jkunu obbligati jirreġistraw, sabiex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jissorveljaw li l-produtturi jkunu konformi mal-obbligi tagħhom. Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni jiġu ssimplifikati fl-Unjoni kollha. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi fl-Unjoni kollha għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta, permezz ta’ format armonizzat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.
(75)Fid-dawl tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, huwa xieraq li l-obbligi tal-ġestjoni ta’ tmiem il-ħajja tal-batteriji jiġu stabbiliti fuq il-produtturi li jenħtieġ li jinkludu kwalunkwe manifattur, importatur jew distributur li, irrispettivament mit-teknika tal-bejgħ użata, inkluż permezz ta’ kuntratti mill-bogħod kif definiti fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, iforni batterija għall-ewwel darba għad-distribuzzjoni jew l-użu, inkluż meta din tiġi inkorporata f’apparat jew vetturi, fit-territorju ta’ Stat Membru fuq bażi professjonali.
(76)Jenħtieġ li l-produtturi jkollhom responsabbiltà estiża tal-produtturi għall-immaniġġar tal-batteriji tagħhom fl-istadju ta’ tmiem il-ħajja tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li huma jiffinanzjaw l-kostijiet tal-ġbir, tat-trattament u tar-riċiklaġġ tal-batteriji kollha miġbura, għar-rapportar dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji u għall-għoti ta’ informazzjoni lill-utenti finali u lill-operaturi tal-iskart dwar il-batteriji u l-użu mill-ġdid u l-immaniġġar xierqa tal-iskart ta’ batteriji. Jenħtieġ li l-obbligi relatati mar-responsabbiltà estiża tal-produtturi japplikaw għall-forom kollha ta’ provvista, inkluż il-bejgħ mill-bogħod. Jenħtieġ li l-produtturi jkunu jistgħu jeżerċitaw dawk l-obbligi b’mod kollettiv, permezz ta’ organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jieħdu r-responsabbiltà f’isimhom. Jenħtieġ li l-produtturi jew l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni u li jiddokumentaw li għandhom il-mezzi finanzjarji biex ikopru l-kostijiet li jirriżultaw mir-responsabbiltà estiża tal-produtturi. Fejn ikun meħtieġ biex tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq intern u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-modulazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa lill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi mill-produtturi, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.
(77)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jirregola r-responsabbiltà estiża tal-produtturi għall-batteriji b’mod eżawrjenti u, għalhekk, jenħtieġ li r-regoli stipulati dwar l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi fid-Direttiva 2008/98/KE ma japplikawx għall-batteriji.
(78)Sabiex jiġi żgurat riċiklaġġ ta’ kwalità għolja fil-ktajjen tal-provvista tal-batteriji, tingħata spinta lill-użu ta’ materja prima sekondarja ta’ kwalità u jitħares l-ambjent, jenħtieġ li livell għoli ta’ ġbir u riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji jkun ir-regola. Il-ġbir tal-iskart ta’ batteriji huwa pass kruċjali fundamentali biex jingħalaq iċ-ċirku għall-materjali ta’ valur li jinsabu fil-batteriji permezz tar-riċiklaġġ tagħhom u biex tinżamm il-katina tal-valur tal-batteriji ġewwa l-Unjoni, u b’hekk jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-materjali rkuprati li jistgħu jintużaw aktar għall-manifattura ta’ prodotti ġodda.
(79)Jenħtieġ li l-produtturi tal-batteriji kollha jkunu responsabbli għall-finanzjament u l-organizzazzjoni tal-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji. Jenħtieġ li huma jagħmlu dan billi jistabbilixxu netwerk ta’ ġbir li jkopri t-territorju kollu tal-Istati Membri, li jkun qrib l-utent finali u li ma jimmirax biss lejn iż-żoni u l-batteriji fejn il-ġbir ikun profittabbli. Jenħtieġ li n-netwerk ta’ ġbir jinkludi kwalunkwe distributur, faċilità ta’ trattament awtorizzata għall-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku u vetturi li ma għadhomx jintużaw, faċilitajiet għall-iskart goff u atturi oħrajn minn jeddhom, bħall-awtoritajiet pubbliċi u l-iskejjel. Sabiex tiġi vverifikata u mtejba l-effettività tan-netwerk tal-ġbir u l-kampanji ta’ informazzjoni, jenħtieġ li jitwettaq stħarriġ regolari dwar il-kompożizzjoni tal-inqas fil-livell NUTS 2 dwar l-iskart muniċipali mħallat u l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku miġbur biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ skart ta’ batteriji portabbli fihom.
(80)Il-batteriji jistgħu jinġabru flimkien mal-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, permezz ta’ skemi ta’ ġbir nazzjonali stabbiliti abbażi tad-Direttiva 2012/19/UE u ma’ vetturi li ma għadhomx jintużaw f’konformità mad-Direttiva 2000/53/KE. F’dan il-każ, bħala rekwiżit ta’ trattament minimu obbligatorju, jenħtieġ li l-batteriji jitneħħew mill-iskart ta’ apparat miġbur u mill-vetturi li ma għadhomx jintużaw. Wara t-tneħħija tagħhom, jenħtieġ li l-batteriji jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, notevolment jenħtieġ li jingħaddu lejn il-kisba tal-mira tal-ġbir għat-tip ta’ batterija inkwistjoni u jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ trattament u riċiklaġġ stipulati f’dan ir-Regolament.
(81)Meta wieħed iqis l-impatt ambjentali u t-telf ta’ materjali minħabba li l-iskart ta’ batteriji ma jinġabarx separatament, u konsegwentement ma jiġix ittrattat b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, jenħtieġ li l-mira tal-ġbir għall-batteriji portabbli diġà stabbilita skont id-Direttiva 2006/66/KE tkompli tapplika u tiżdied gradwalment. Dan ir-Regolament jinvolvi li l-batteriji portabbli jkunu jinkludu wkoll batteriji li jħaddmu mezzi tat-trasport ħfief. Billi ż-żieda attwali fil-bejgħ ta’ dan it-tip ta’ batteriji tagħmilha diffiċli li jiġi kkalkolat l-ammont tagħhom li jitqiegħdu fis-suq u jinġabru fi tmiem ħajjithom, jenħtieġ li dawn il-batteriji portabbli jiġu esklużi mir-rata tal-ġbir attwali għall-batteriji portabbli. Din l-esklużjoni għandha tiġi rieżaminata flimkien mal-mira tal-ġbir għall-iskart ta’ batteriji portabbli, li tista’ tindirizza wkoll il-bidliet fil-metodoloġija biex tiġi kkalkolata r-rata tal-ġbir għall-batteriji portabbli. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport biex tirfed dawn ir-rieżamijiet.
(82)Jenħtieġ li r-rata tal-ġbir tal-batteriji portabbli tkompli tiġi kkalkolata abbażi tal-bejgħ annwali medju fis-snin preċedenti sabiex ikun hemm miri proporzjonati għal-livell ta’ konsum tal-batteriji fi Stat Membru. Sabiex il-bidliet jiġu riflessi bl-aħjar mod fil-kompożizzjoni tal-kategorija ta’ batteriji portabbli, kif ukoll fit-tul tal-ħajja u x-xejriet tal-konsum tal-batteriji, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-metodoloġija biex tikkalkula u tivverifika r-rata tal-ġbir għall-batteriji portabbli.
(83)Jenħtieġ li jinġabru l-batteriji kollha tal-karozzi, industrijali u tal-vetturi elettriċi u, għal dak l-għan, jenħtieġ li l-produtturi ta’ tali batteriji jintalbu jaċċettaw u jieħdu lura mingħajr ħlas, l-iskart kollu tal-batteriji awtomotivi, industrijali u tal-vetturi elettriċi mingħand l-utenti finali. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi dettaljati ta’ rapportar għall-atturi kollha involuti fil-ġbir tal-iskart ta’ batteriji awtomotivi, industrijali u tal-vetturi elettriċi.
(84)Fid-dawl tal-ġerarkija tal-iskart kif stabbilita bl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE li tagħti prijorità lill-prevenzjoni, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u f’konformità mal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2008/98/KE u l-Artikolu 5(3)(f) tad-Direttiva 1999/31/KE, jenħtieġ li l-batteriji miġbura ma jiġux inċinerati jew jintremew fil-landfills.
(85)Kwalunkwe faċilità permessa li twettaq operazzjonijiet ta’ trattament u riċiklaġġ tal-batteriji jenħtieġ li tkun konformi mar-rekwiżiti minimi biex tipprevjeni impatti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u biex tippermetti grad għoli ta’ rkupru ta’ materjali li jinsabu fil-batteriji. Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tirregola għadd ta’ attivitajiet industrijali involuti fit-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji, li għalihom tiżgura rekwiżiti ta’ permessi u kontrolli speċifiċi li jirriflettu l-aħjar tekniki disponibbli. Fejn l-attivitajiet industrijali relatati mat-trattament u r-riċiklaġġ ta’ batteriji mhumiex koperti mid-Direttiva 2010/75/KE, jenħtieġ li l-operaturi, fi kwalunkwe każ, ikunu obbligati japplikaw l-aħjar tekniki disponibbli, kif definiti fl-Artikolu 3(10) ta’ dik id-Direttiva, u r-rekwiżiti speċifiċi stipulati f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-rekwiżiti rigward it-trattament u r-riċiklaġġ tal-batteriji, fejn rilevanti, jiġu adattati mill-Kummissjoni fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku u t-teknoloġiji ġodda emerġenti fl-immaniġġar tal-iskart. Għalhekk, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar ta’ dawk ir-rekwiżiti.
(86)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti miri għall-effiċjenza tal-proċessi ta’ riċiklaġġ u miri għall-irkupru tal-materjali sabiex tiġi żgurata l-produzzjoni ta’ materjali rkuprati ta’ kwalità għall-industrija tal-batteriji, filwaqt li fl-istess ħin jiġu żgurati regoli ċari u komuni għar-riċiklaturi u jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jew impedimenti oħrajn għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għall-materja prima sekondarja mill-iskart ta’ batteriji. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti effiċjenzi tar-riċiklaġġ, bħala kejl tal-ammont totali ta’ materjali rkuprati, għall-batteriji taċ-ċomb u tal-aċidu, għall-batteriji tan-nikil u tal-kadmju u għall-batteriji tal-litju u jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll miri għal-livelli ta’ materjali ta’ kobalt, ċomb, litju u nikil irkuprati biex jintlaħaq livell għoli ta’ rkupru tal-materjal fl-Unjoni kollha. Ir-regoli dwar il-kalkolu u r-rappurtar dwar l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 493/2012 jenħtieġ li jkomplu japplikaw. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-kalkolu u l-verifika tal-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-irkupru tal-materjali fil-proċessi tar-riċiklaġġ għall-batteriji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi tali regoli. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina wkoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 493/2012 biex ikun jirrifletti sewwa l-iżviluppi teknoloġiċi u l-bidliet li seħħew fil-proċessi tal-irkupru industrijali, testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom biex ikopru l-miri eżistenti u ġodda, u tipprovdi għodod għall-karatterizzazzjoni ta’ prodotti intermedji. Il-faċilitajiet ta’ trattament u ta’ riċiklaġġ jenħtieġ li jiġu mħeġġa jintroduċu skemi ċċertifikati ta’ ġestjoni ambjentali skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(87)Jenħtieġ li jkun possibbli li jitwettaq trattament u riċiklaġġ barra l-Istat Membru kkonċernat jew barra l-Unjoni, fejn il-vjeġġ tal-iskart ta’ batteriji jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1418/2007 u fejn l-attivitajiet ta’ trattament u riċiklaġġ jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli għal dan it-tip ta’ skart, skont il-klassifikazzjoni tagħhom fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE, kif emendata. Dik id-Deċiżjoni, kif emendata, jenħtieġ li tiġi riveduta biex tkun tirrifletti l-kimiki kollha tal-batteriji. Fejn tali trattament jew riċiklaġġ isir barra mill-Unjoni, sabiex jingħadd lejn l-effiċjenzi u l-miri tar-riċiklaġġ, jenħtieġ li l-operatur li għan-nom tiegħu jitwettaq ikun obbligat li jirrapporta dwaru lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rispettiv u li jagħti prova li t-trattament jitwettaq f’kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk skont dan ir-Regolament. Sabiex jiġi stabbilit x’inhuma r-rekwiżiti biex tali trattament jitqies bħala ekwivalenti, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ regoli dettaljati li jkun fihom il-kriterji għall-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet ekwivalenti.
(88)Batteriji industrijali u ta’ vetturi elettriċi li ma għadhomx tajbin għall-iskop inizjali li għalih ġew manifatturati jistgħu jintużaw għal skop differenti bħala batteriji stazzjonarji għall-ħażna tal-enerġija. Qed jitfaċċa suq għat-tieni ħajja tal-batteriji industrijali u tal-vetturi elettriċi użati u sabiex tiġi appoġġata l-applikazzjoni prattika tal-ġerarkija tal-iskart, jenħtieġ li jiġu definiti regoli speċifiċi li jippermettu l-adattament responsabbli tal-batteriji użati għal skop differenti, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ prekawzjoni u tiġi żgurata s-sikurezza tal-użu għall-utenti finali. Jenħtieġ li kwalunkwe batterija użata bħal din tgħaddi minn valutazzjoni tal-istat tas-saħħa tagħha u tal-kapaċità disponibbli biex taċċerta l-adegwatezza tagħha għall-użu għal kwalunkwe skop ieħor għajr dak oriġinali tagħha. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-istima tal-istat tas-saħħa tal-batteriji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.
(89)Jenħtieġ li l-produtturi u d-distributuri jkunu involuti b’mod attiv fl-għoti ta’ informazzjoni lill-utenti finali li jenħtieġ li l-batteriji jinġabru separatament, li l-iskemi ta’ ġbir ikunu disponibbli u li l-utenti finali jkollhom rwol importanti fl-iżgurar ta’ ġestjoni ambjentalment ottimali tal-iskart ta’ batteriji. Kemm id-divulgazzjoni tal-informazzjoni lill-utenti finali kollha, kif ukoll ir-rapportar dwar il-batteriji jenħtieġ li jagħmlu użu minn teknoloġiji tal-informazzjoni moderni. Jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata jew b’mezzi klassiċi, bħal fuq barra, posters u kampanji tal-midja soċjali, jew inkella b’mezzi aktar innovattivi, bħall-aċċess elettroniku għas-siti web ipprovduti mill-kodiċijiet QR imwaħħla mal-batterija.
(90)Sabiex tkun tista’ ssir il-verifika tal-konformità mal-obbligi rigward il-ġbir u t-trattament tal-batteriji u l-effettività tagħhom, huwa meħtieġ li l-operaturi rispettivi jirrapportaw lura lill-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-produtturi tal-batteriji u operaturi oħrajn tal-immaniġġar tal-iskart li jiġbru l-batteriji jirrapportaw għal kull sena kalendarja, fejn applikabbli, id-data dwar il-batteriji mibjugħa u l-iskart ta’ batteriji miġbur. Fir-rigward tat-trattament u r-riċiklaġġ, jenħtieġ li l-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart u r-riċiklaturi jkollhom obbligi ta’ rapportar, rispettivament.
(91)Għal kull sena kalendarja, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-ammont ta’ batteriji fornuti fit-territorju tagħhom u l-ammont tal-iskart ta’ batteriji miġbur, skont it-tip u l-kimika. Fir-rigward tal-batteriji portabbli, jenħtieġ li d-data dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji minn mezzi tat-trasport ħfief tiġi rrapportata separatament fid-dawl tal-ħtieġa li tinġabar data biex tippermetti l-adattament tal-mira tal-ġbir, meta jitqies is-sehem mis-suq ta’ tali batteriji u l-iskop u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Jenħtieġ li tali informazzjoni tiġi pprovduta b’mod elettroniku u tkun akkumpanjata minn rapport ta’ kontroll tal-kwalità. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għar-rapportar ta’ dik id-data u l-informazzjoni lill-Kummissjoni, kif ukoll għall-metodi ta’ verifika, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.
(92)Għal kull sena kalendarja, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni l-livelli tal-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-livelli tal-materjali rkuprati miksuba, filwaqt li jqisu l-passi individwali kollha tal-proċess tar-riċiklaġġ u l-frazzjonijiet tal-output.
(93)Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tul il-ktajjen tal-provvista u tal-valur għall-partijiet ikkonċernati kollha, huwa meħtieġ li tiġi prevista sistema elettronika li timmassimizza l-iskambju tal-informazzjoni, li tippermetti t-traċċar u r-rintraċċar tal-batteriji, tipprovdi informazzjoni dwar l-intensità tal-karbonju tal-proċessi tal-manifattura tagħhom, kif ukoll dwar l-oriġini tal-materjali użati, il-kompożizzjoni tagħhom, inklużi l-materja prima u s-sustanzi kimiċi perikolużi, l-operazzjonijiet u l-possibbiltajiet ta’ tiswija, l-adattament għal skop differenti u ż-żarmar, u l-proċessi ta’ trattament, riċiklaġġ u rkupru li għalihom tista’ tkun soġġetta l-batterija fi tmiem ħajjitha. Jenħtieġ li dik is-sistema elettronika tiġi stabbilita f’fażijiet b’sistema ta’ prototip li tkun disponibbli għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri mill-inqas sena qabel il-finalizzazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-karatteristiċi finali u l-politika dwar l-aċċess għad-data tas-sistema sabiex jippermettu l-kontribut u l-konformità f’waqtha tagħhom. Tali politika dwar l-aċċess għad-data jenħtieġ li tqis il-prinċipji rilevanti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluża l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-governanza tad-data Ewropea (l-Att dwar il-Governanza tad-Data). Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ skambju elettroniku għal informazzjoni dwar il-batteriji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.
(94)Jenħtieġ li jiġi stabbilit Passaport tal-Batteriji, li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jiġbru u jużaw mill-ġdid b’mod aktar effiċjenti l-informazzjoni u d-data dwar batteriji individwali mqiegħda fis-suq u jagħmlu għażliet informati aħjar fl-attivitajiet ta’ ppjanar tagħhom. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-passaport tal-batteriji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.
(95)Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tas-suq u l-kontroll tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti li jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-merkanzija jissodisfaw ir-rekwiżiti li jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi, bħas-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza, il-protezzjoni tal-proprjetà u tal-ambjent, jenħtieġ li dak ir-Regolament japplika għall-batteriji koperti minn dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1020 jiġi emendat kif xieraq.
(96)Jenħtieġ li l-batteriji jitqiegħdu fis-suq biss jekk ma jippreżentawx riskju għas-saħħa tal-bniedem, għas-sikurezza, għall-proprjetà jew għall-ambjent meta jinħażnu u jintużaw kif suppost għall-għan maħsub tagħhom, jew taħt kundizzjonijiet ta’ użu li jistgħu jkunu previsti b’mod raġonevoli, jiġifieri meta tali użu jista’ jirriżulta minn imġiba tal-bniedem legali u faċilment prevedibbli.
(97)Jenħtieġ li tkun teżisti proċedura li taħtha l-partijiet interessati jiġu informati b’miżuri li jkunu maħsuba li jittieħdu fir-rigward ta’ batteriji li jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem, għas-sikurezza, għall-proprjetà jew għall-ambjent. Jenħtieġ li din tippermetti wkoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri, b’kooperazzjoni mal-operaturi ekonomiċi rilevanti, jaġixxu fi stadju bikri fir-rigward ta’ tali batteriji. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina jekk il-miżuri nazzjonali fir-rigward tal-batteriji mhux konformi humiex ġustifikati jew le.
(98)Jenħtieġ li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikollhom id-dritt li jitolbu lill-operaturi ekonomiċi jieħdu azzjonijiet korrettivi abbażi ta’ sejbiet jew li l-batterija ma tkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew inkella li l-operatur ekonomiku jikser ir-regoli dwar id-disponibbiltà ta’ batterija jew it-tqegħid tagħha fis-suq, jew dwar is-sostenibbiltà, is-sikurezza u t-tikkettar jew dwar id-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista.
(99)L-akkwist pubbliku jikkostitwixxi settur importanti fir-rigward tat-tnaqqis tal-impatti tal-attivitajiet tal-bniedem fuq l-ambjent u biex jistimula t-trasformazzjoni tas-suq lejn prodotti aktar sostenibbli. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kontraenti, kif definiti fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fid-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-entitajiet kontraenti kif definiti fid-Direttiva 2014/25/UE jqisu l-impatti ambjentali meta jakkwistaw batteriji jew prodotti li fihom il-batteriji, sabiex jippromwovu u jistimulaw is-suq għal mobbiltà nadifa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-ħażna tal-enerġija u, b’hekk, jikkontribwixxu għall-objettivi tal-politika dwar l-ambjent, il-klima u l-enerġija tal-Unjoni.
(100)Sabiex tiġi stabbilita l-ekwivalenza tal-iskemi ta’ diliġenza dovuta li ġew żviluppati mill-gvernijiet, mill-assoċjazzjonijiet tal-industrija u mill-gruppi ta’ organizzazzjonijiet interessati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-lista ta’ materja prima u r-riskji soċjali u ambjentali assoċjati jinżammu aġġornati, kif ukoll li tinżamm il-konsistenza mar-Regolament dwar il-Minerali ta’ Kunflitt u d-Diliġenza Dovuta tal-OECD f’termini tal-obbligi għall-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.
(101)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-iskemi ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.
(102)Meta jiġu adottati atti delegati fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(103) Is-setgħat ta’ implimentazzjoni li jingħataw lill-Kummissjoni b’dan ir-Regolament u li mhumiex relatati mad-determinazzjoni ta’ jekk il-miżuri meħuda mill-Istati Membri fir-rigward ta’ batteriji mhux konformi humiex ġustifikati jew le jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(104)Jenħtieġ li l-proċedura konsultattiva tintuża għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-Kummissjoni taċċerta li korp innotifikat ma jissodisfax jew ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti għan-notifika tiegħu, sabiex jitlob lill-awtorità tan-notifika tieħu l-azzjoni korrettiva meħtieġa, inkluż l-irtirar tan-notifika, jekk ikun meħtieġ.
(105)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih li jiddeterminaw jekk miżura nazzjonali meħuda fir-rigward ta’ batterija konformi li tippreżenta riskju hijiex ġustifikata jew le fejn, f’każijiet debitament ġustifikati relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza, il-proprjetà jew l-ambjent, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jirrikjedu dan.
(106)Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawk ir-regoli jiġu infurzati. Jenħtieġ li l-penali previsti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
(107)Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien ambjentali u tal-ħtieġa li jitqiesu żviluppi ġodda bbażati fuq fatti xjentifiċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent u l-funzjonament tas-suq intern. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi fir-rapport tagħha evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji tas-sostenibbiltà, tas-sikurezza, tat-tikkettar u tal-informazzjoni, il-miżuri tal-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji u r-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista. Fejn xieraq, jenħtieġ li r-rapport ikun akkumpanjat minn proposta biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.
(108)Hemm bżonn li jiġi previst biżżejjed żmien għall-operaturi ekonomiċi biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, u għall-Istati Membri biex jistabbilixxu l-infrastruttura amministrattiva neċessarja għall-applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita wkoll għal data fejn dawk it-tħejjijiet ikunu jistgħu jiġu ffinalizzati b’mod raġonevoli.
(109)Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw ir-reġistru tal-produtturi stabbilit skont id-Direttiva 2006/66/KE u biex jieħdu l-miżuri amministrattivi meħtieġa fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jżommu l-kontinwità għall-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/66/KE titħassar mill-1 ta’ Lulju 2023. L-obbligi skont dik id-Direttiva relatati mal-monitoraġġ u r-rapportar tar-rata tal-ġbir ta’ batteriji portabbli u l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ tal-proċessi ta’ riċiklaġġ għandhom jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2023, u l-obbligi relatati għat-trażmissjoni tad-data lill-Kummissjoni għandhom jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2025, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità sakemm jiġu adottati regoli tal-kalkolu u formati tar-rapportar ġodda mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.
(110)Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiggarantixxi l-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li jiżgura li l-batteriji mqiegħda fis-suq jissodisfaw ir-rekwiżiti li jipprevedu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tas-sikurezza, tal-proprjetà u tal-ambjent, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri, iżda pjuttost jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, minħabba l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti dwar is-sostenibbiltà, is-sikurezza, it-tikkettar u l-informazzjoni li jippermettu t-tqegħid ta’ batteriji fis-suq jew fis-servizz, kif ukoll rekwiżiti għall-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji.
2.Dan ir-Regolament għandu japplika għall-batteriji kollha, jiġifieri l-batteriji portabbli, il-batteriji awtomotivi, il-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-batteriji industrijali, irrispettivament mill-forma, il-volum, il-piż, id-disinn, il-kompożizzjoni tal-materjal, l-użu jew l-iskop tagħhom. Huwa għandu japplika wkoll għal batteriji inkorporati fi prodotti oħrajn jew miżjuda magħhom.
3.Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal batteriji:
(a)f’tagħmir konness mal-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà essenzjali tal-Istati Membri, l-armi, il-munizzjon u l-materjal tal-gwerra, bl-esklużjoni ta’ prodotti li mhumiex maħsuba għal skopijiet speċifikament militari; u
(b)f’tagħmir maħsub biex jintbagħat fl-ispazju.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“batterija” tfisser kwalunkwe sors ta’ enerġija elettrika ġġenerata permezz ta’ konverżjoni diretta ta’ enerġija kimika u li tikkonsisti f’ċellola tal-batteriji waħda jew aktar mhux rikarikabbli jew rikarikabbli jew fi gruppi tagħhom;
(2)“ċellola tal-batterija” tfisser l-unità funzjonali bażika f’batterija kostitwita minn elettrodi, elettroliti, kontenitur, terminals u, jekk applikabbli, separaturi u li fihom il-materjali attivi li r-reazzjoni tagħhom tiġġenera enerġija elettrika;
(3)“materjali attivi” tfisser materjal li jirreaġixxi b’mod kimiku biex jipproduċi enerġija elettrika meta tiġi skarikata ċ-ċellola tal-batterija;
(4)“batterija mhux rikarikabbli” tfisser batterija li mhijiex iddisinjata biex tiġi ċċarġjata mill-ġdid b’mod elettriku;
(5)“batterija rikarikabbli” tfisser batterija li hija ddisinjata biex tiġi ċċarġjata mill-ġdid b’mod elettriku;
(6)“batterija b’memorja interna” tfisser batterija mingħajr apparat estern imwaħħal għall-ħażna tal-enerġija;
(7)“batterija portabbli” tfisser kwalunkwe batterija li:
–hija ssiġillata;
–tiżen inqas minn 5 kg;
–mhijiex iddisinjata għal skopijiet industrijali; u
–la hija batterija ta’ vettura elettrika u lanqas batterija awtomotiva;
(8)“batteriji portabbli ta’ użu ġenerali” tfisser batteriji portabbli bil-formati komuni li ġejjin: 4,5 Volts (3R12), D, C, AA, AAA, AAAA, A23, 9 Volts (PP3);
(9)“mezz ta’ trasport ħafif” ifisser vetturi bir-roti li għandhom mutur elettriku ta’ inqas minn 750 watt, li fuqhom il-vjaġġaturi jkunu bilqiegħda meta l-vettura tkun miexja u li jistgħu jitħaddmu bil-mutur elettriku waħdu jew b’kombinazzjoni ta’ qawwa motorizzata u saħħa fiżika tal-bniedem;
(10)“batterija awtomotiva” tfisser kwalunkwe batterija li tintuża biss għall-istartjar, it-tidwil jew it-tqabbid tal-karozzi;
(11)“batterija industrijali” tfisser kwalunkwe batterija ddisinjata għal użi industrijali u kwalunkwe batterija oħra esklużi l-batteriji portabbli, il-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-batteriji awtomotivi;
(12)“batterija tal-vetturi elettriċi” tfisser kwalunkwe batterija ddisinjata speċifikament biex tipprovdi trazzjoni lil vetturi ibridi u elettriċi għat-trasport bit-triq;
(13)“sistema stazzjonarja għall-ħażna tal-enerġija tal-batterija” tfisser batterija industrijali rikarikabbli b’memorja interna ddisinjata speċifikament biex taħżen u twassal l-enerġija elettrika fil-grilja, irrispettivament minn fejn tintuża l-batterija u minn min;
(14)“tqegħid fis-suq” ifisser it-tqegħid ta’ batterija fis-suq tal-Unjoni għall-ewwel darba;
(15)“tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq” ifisser kwalunkwe provvista ta’ batterija għad-distribuzzjoni jew għall-użu fis-suq matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas;
(16)“tqegħid fis-servizz” ifisser l-ewwel użu, għall-għan maħsub, ta’ batterija fl-Unjoni;
(17)“mudell ta’ batterija” huwa kwalunkwe batterija manifatturata li tiġi prodotta f’serje;
(18)“impronta tal-karbonju” tfisser is-somma tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) u t-tneħħija tal-gassijiet serra f’sistema ta’ prodotti, espressa bħala ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju (CO2) u bbażata fuq studju dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodotti (Product Environmental Footprint, PEF) bl-użu tal-kategorija tal-impatt unika tat-tibdil fil-klima;
(19)“operatur ekonomiku” jfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur, id-distributur jew il-fornitur tas-servizzi ta’ ġestjoni li huwa soġġett għall-obbligi b’rabta mal-manifattura tal-batteriji, it-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni jew it-tqegħid tagħhom fis-suq jew fis-servizz f’konformità ma’ dan ir-Regolament;
(20)“operatur indipendenti” jfisser persuna fiżika jew ġuridika, minbarra negozjant jew sewwej jew manifattur mill-ġdid awtorizzat, li tkun indipendenti mill-manifattur u mill-produttur u li tkun direttament jew indirettament involuta fit-tiswija, fil-manutenzjoni jew fl-adattament tal-batteriji għal skop differenti, inklużi l-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart, is-sewwejja, manifatturi jew id-distributuri ta’ tagħmir għat-tiswija, għodod jew spare parts, kif ukoll il-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, l-operaturi li joffru servizzi ta’ spezzjoni u ttestjar, l-operaturi li joffru taħriġ għall-installaturi, il-manifatturi u s-sewwejja ta’ tagħmir għal vetturi li jużaw fjuwils alternattivi;
(21)“kodiċi QR” ifisser barcode matriċi li jgħaqqad ma’ informazzjoni dwar mudell ta’ batterija;
(22)“sistema ta’ ġestjoni tal-batterija” tfisser apparat elettroniku li jikkontrolla jew jimmaniġġa l-funzjonijiet elettriċi u termali tal-batterija, li jimmaniġġa u jaħżen id-data dwar il-parametri għad-determinazzjoni tal-istat tas-saħħa u tul tal-ħajja mistenni tal-batteriji stipulati fl-Anness VII u li jikkomunika mal-vettura jew mal-apparat fejn tkun inkorporata l-batterija;
(23)“apparat” ifisser kwalunkwe tagħmir elettriku jew elettroniku, kif definit mid-Direttiva 2012/19/UE, li huwa mħaddem kompletament jew parzjalment minn batterija jew li kapaċi jkun imħaddem hekk;
(24)“stat ta’ ċarġ” ifisser il-kapaċità disponibbli f’batterija espressa bħala persentaġġ tal-kapaċità nominali;
(25)“stat tas-saħħa” jfisser kejl tal-kundizzjoni ġenerali ta’ batterija rikarikabbli u l-kapaċità tagħha li twassal il-prestazzjoni speċifikata meta mqabbla mal-kundizzjoni inizjali tagħha;
(26)“adattament għal skop differenti” jfisser kwalunkwe operazzjoni li tirriżulta f’partijiet mill-batterija jew fil-batterija sħiħa li tintuża għal skop jew applikazzjoni differenti minn dak/dik li għalih(a) kienet maħsuba oriġinarjament il-batterija;
(27)“manifattur” ifisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura batterija jew li tagħmel lil xi ħadd jiddisinja jew jimmanifattura batterija, u li tikkummerċjalizza dik il-batterija taħt isimha stess jew it-trademark tagħha;
(28)“speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jippreskrivi r-rekwiżiti tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati minn prodott, proċess jew servizz;
(29)“standard armonizzat” ifisser standard armonizzat kif definit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;
(30)“markatura CE” tfisser markatura li permezz tagħha l-manifattur jindika li l-batterija hija konformi mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni li tipprevedi t-twaħħil tagħha;
(31)“akkreditament” tfisser akkreditament kif definit fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;
(32)“korp nazzjonali ta’ akkreditament” ifisser korp nazzjonali ta’ akkreditament kif definit fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;
(33)“valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ikunux ġew issodisfati r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà, sikurezza u tikkettar ta’ dan ir-Regolament b’rabta ma’ batterija;
(34)“korp ta’ valutazzjoni tal-konformità” jfisser korp li jwettaq attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità, inklużi l-kalibrazzjoni, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjoni;
(35)“korp innotifikat” ifisser korp ta’ valutazzjoni tal-konformità nnotifikat f’konformità mal-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament;
(36)“diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista” tfisser l-obbligi tal-operatur ekonomiku li jqiegħed batterija industrijali rikarikabbli jew batterija tal-vetturi elettriċi fis-suq, b’rabta mas-sistema ta’ ġestjoni tagħha, il-ġestjoni tar-riskji, il-verifiki ta’ partijiet terzi minn korpi nnotifikati u d-divulgazzjoni tal-informazzjoni bl-għan li jiġu identifikati u indirizzati r-riskji attwali u potenzjali marbuta mal-akkwist, l-ipproċessar u n-negozjar tal-materja prima meħtieġa għall-manifattura tal-batteriji;
(37)“produttur” ifisser kwalunkwe manifattur, importatur jew distributur li, irrispettivament mit-teknika tal-bejgħ użata, inkluż permezz ta’ kuntratti mill-bogħod kif definiti fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2011/83/UE, iforni batterija għall-ewwel darba għad-distribuzzjoni jew l-użu, inkluż meta din tiġi inkorporata f’apparat jew vetturi, fit-territorju ta’ Stat Membru fuq bażi professjonali;
(38)“organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi” tfisser entità ġuridika li torganizza b’mod finanzjarju jew operattiv it-twettiq tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi f’isem diversi produtturi;
(39)“skart ta’ batteriji” tfisser kwalunkwe batterija li hija skart skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE;
(40)“użu mill-ġdid” tfisser l-użu mill-ġdid dirett sħiħ jew parzjali tal-batterija għall-iskop oriġinali li għalih kienet iddisinjata l-batterija;
(41)“sustanza perikoluża” tfisser kwalunkwe sustanza li tissodisfa l-kriterji għal kwalunkwe waħda mill-klassijiet jew il-kategoriji stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill:
(a)klassijiet ta’ periklu 2.1 sa 2.4, 2.6 u 2.7, 2.8 tipi A u B, 2.9, 2.10, 2.12, 2.13 kategoriji 1 u 2, 2.14 kategoriji 1 u 2, 2.15 tipi A sa F;
(b)klassijiet ta’ periklu 3.1 sa 3.6, 3.7 effetti negattivi fuq il-funzjonament sesswali u l-fertilità jew fuq l-iżvilupp, 3.8 effetti oħrajn minbarra effetti narkotiċi, 3.9 u 3.10;
(c)klassi ta’ periklu 4.1;
(d)klassi ta’ periklu 5.1;
(42)“trattament” ifisser kwalunkwe attività mwettqa fuq skart ta’ batteriji wara li dan ikun ġie ttrasferit lejn faċilità sabiex jintgħażel jew jiġi ppreparat għar-riċiklaġġ;
(43) “punti ta’ ġbir volontarji” tfisser kwalunkwe impriża jew korp pubbliku mingħajr skop ta’ qligħ, kummerċjali jew ekonomiċi oħrajn involuti fuq l-inizjattiva tagħhom stess fil-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji portabbli, billi jiġbru l-iskart ta’ batteriji portabbli li jiġġeneraw jew li jiġi ġġenerat minn utenti finali oħrajn qabel ma jinġabar mill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart għal trattament sussegwenti;
(44)“operatur tal-immaniġġar tal-iskart” ifisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fuq bażi professjonali, tittratta l-ġbir separat, l-issortjar jew it-trattament tal-iskart ta’ batteriji;
(45)“faċilità permessa” tfisser kwalunkwe faċilità li hija permessa f’konformità mad-Direttiva 2008/98/KE biex twettaq it-trattament jew ir-riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji;
(46)“riċiklatur” ifisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li twettaq proċessi ta’ riċiklaġġ f’faċilità permessa;
(47)“tul tal-ħajja” ta’ batterija jfisser il-perjodu ta’ żmien li jibda meta l-batterija titqiegħed fis-suq, u jintemm meta l-batterija ssir skart;
(48)“livell ta’ riċiklaġġ” ifisser, għal Stat Membru partikolari f’sena kalendarja partikolari, il-persentaġġ miksub bid-diviżjoni tal-piż tal-iskart ta’ batteriji li jgħaddi minn trattament u riċiklaġġ f’konformità mal-Artikolu 56 ta’ dan ir-Regolament f’dik is-sena kalendarja, bil-piż tal-iskart ta’ batteriji miġbur f’konformità mal-Artikoli 48 u 49 ta’ dan ir-Regolament;
(49)“proċess ta’ riċiklaġġ” ifisser kwalunkwe operazzjoni ta’ riċiklaġġ ta’ skart ta’ batteriji, minbarra l-issortjar jew il-preparazzjoni għar-riċiklaġġ, li tista’ titwettaq f’faċilità waħda jew f’diversi faċilitajiet permessi;
(50)“effiċjenza tar-riċiklaġġ” ta’ proċess tar-riċiklaġġ tfisser il-proporzjon miksub billi l-massa tal-frazzjonijiet tal-output li jikkostitwixxi r-riċiklaġġ tiġi diviża bil-massa tal-frazzjonijiet tal-input tal-iskart ta’ batteriji, espressa bħala persentaġġ;
(51)“leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni” tfisser kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti;
(52)“awtorità nazzjonali” tfisser awtorità tal-approvazzjoni jew kwalunkwe awtorità oħra involuta fi u responsabbli għas-sorveljanza tas-suq kif stabbilit fil-Kapitolu VI jew il-kontroll tal-fruntieri fi Stat Membru fir-rigward tal-batteriji;
(53)“rappreżentant awtorizzat” ifisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li rċeviet mandat bil-miktub minn manifattur biex taġixxi f’ismu b’rabta ma’ kompiti speċifikati fir-rigward tal-obbligi tal-manifattur skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;
(54)“importatur” ifisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed batterija minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;
(55)“distributur” ifisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, minbarra l-manifattur jew l-importatur, li tqiegħed batterija fis-suq;
(56)“riskju” jfisser il-kombinazzjoni tal-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ ħsara u s-severità ta’ dik il-ħsara limitata għas-saħħa tal-bniedem jew għas-sikurezza tal-persuni, għall-proprjetà jew għall-ambjent.
Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “skart”, “detentur tal-iskart”, “immaniġġar tal-iskart”, “ġbir”, “ġbir separat”, “prevenzjoni”, “preparazzjoni għal użu mill-ġdid”, “irkupru” u “riċiklaġġ” stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE.
Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “utent finali”, “sorveljanza tas-suq”, “awtorità tas-sorveljanza tas-suq”, “fornitur tas-servizzi ta’ ġestjoni”, “azzjoni korrettiva”, “sejħa lura” u “rtirar” stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/1020.
Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “aggregatur indipendenti” u “parteċipant fis-suq” stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944.
Artikolu 3
Moviment liberu
1.L-Istati Membri ma għandhomx, għal raġunijiet relatati mar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, is-sikurezza, it-tikkettar u l-informazzjoni tal-batteriji jew l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji koperti minn dan ir-Regolament, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq jew fis-servizz ta’ batteriji li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.
2.F’fieri kummerċjali, esibizzjonijiet, dimostrazzjonijiet jew avvenimenti simili, l-Istati Membri ma għandhomx jipprevjenu l-wiri ta’ batteriji li ma jkunux konformi ma’ dan ir-Regolament, dment li jkun hemm sinjal viżibbli li jindika b’mod ċar li tali batteriji ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament u li mhumiex għall-bejgħ sakemm isiru konformi.
Artikolu 4
Rekwiżiti ta’ sostenibbiltà, sikurezza, tikkettar u informazzjoni għall-batteriji
1.Il-batteriji għandhom jitqiegħdu fis-suq jew jitqiegħdu fis-servizz biss jekk jissodisfaw:
(a)ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u sikurezza stabbiliti fil-Kapitolu II;
(b)ir-rekwiżiti ta’ tikkettar u informazzjoni stabbiliti fil-Kapitolu III.
2.Għal kwalunkwe aspett mhux kopert mill-Kapitoli II u III, il-batteriji ma għandhomx jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem, għas-sikurezza, għall-proprjetà jew għall-ambjent.
Artikolu 5
Awtorità kompetenti
1.L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Kapitolu VII u għall-monitoraġġ u l-verifika tal-konformità tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi mar-rekwiżiti ta’ dak il-Kapitolu.
2.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dettalji tal-organizzazzjoni u l-operat tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti, inkluż ir-regoli amministrattivi u proċedurali maħsuba biex jiżguraw:
(a)ir-reġistrazzjoni tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 46;
(b)l-awtorizzazzjoni tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 47 u l-awtorizzazzjoni u l-monitoraġġ fir-rigward tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 48;
(c)is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 47;
(d)il-ġbir tad-data dwar il-batteriji f’konformità mal-Artikolu 61;
(e)id-disponibbiltà tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 62.
3.Sa [tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe bidla fl-ismijiet jew fl-indirizzi ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.
Kapitolu II
Rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u sikurezza
Artikolu 6
Restrizzjonijiet ta’ sustanzi perikolużi
1.Minbarra r-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-batteriji ma għandux ikun fihom sustanzi perikolużi li għalihom l-Anness I fih restrizzjoni, sakemm ma jkunux konformi mal-kundizzjonijiet ta’ dik ir-restrizzjoni.
2.Meta jkun hemm riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, li jirriżulta mill-użu ta’ sustanza fil-manifattura tal-batteriji, jew minn sustanza preżenti fil-batteriji meta jitqiegħdu fis-suq, jew matul l-istadji sussegwenti taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inkluża l-fażi tal-iskart, jeħtieġ li dak jiġi indirizzat madwar l-Unjoni kollha, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 73 biex temenda r-restrizzjonijiet fl-Anness I, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 71.
3.Meta tadotta att delegat imsemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis l-impatt soċjoekonomiku tar-restrizzjoni, inkluża d-disponibbiltà ta’ alternattivi għas-sustanza perikoluża.
4.Ir-restrizzjonijiet adottati skont il-paragrafu 2 ma għandhomx japplikaw għall-użu ta’ sustanza fir-riċerka xjentifika u l-iżvilupp (ta’ batteriji) kif definit fl-Artikolu 3(23) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.
5.Jekk restrizzjoni adottata skont il-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika għar-riċerka u l-iżvilupp orjentati lejn il-prodotti u l-proċessi, kif definiti fl-Artikolu 3(22) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, din l-eżenzjoni, kif ukoll il-kwantità massima tas-sustanza eżentata, għandhom jiġu speċifikati fl-Anness I.
Artikolu 7
L-impronta tal-karbonju tal-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-batteriji industrijali rikarikabbli
1.Il-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-batteriji industrijali rikarikabbli b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumentazzjoni teknika li tinkludi, għal kull mudell ta’ batterija u lott għal kull impjant tal-manifattura, dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju mħejjija f’konformità mal-att delegat imsemmi fit-tieni subparagrafu u li jkun fiha, mill-inqas, l-informazzjoni li ġejja:
(a)informazzjoni amministrattiva dwar il-produttur;
(b)informazzjoni dwar il-batterija li għaliha tapplika d-dikjarazzjoni;
(c)informazzjoni dwar il-pożizzjoni ġeografika tal-faċilità tal-manifattura tal-batteriji;
(d)l-impronta tal-karbonju totali tal-batterija, ikkalkolata bħala kg ta’ ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju;
(e)l-impronta tal-karbonju tal-batterija differenzjata skont l-istadju taċ-ċiklu tal-ħajja kif deskritt fil-punt 4 tal-Anness II;
(f)id-dikjarazzjoni ta’ verifika minn parti terza indipendenti;
(g)web link biex jinkiseb aċċess għal verżjoni pubblika tal-istudju li jappoġġa r-riżultati tad-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju.
Ir-rekwiżit tad-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju fl-ewwel subparagrafu għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2024 għall-batteriji tal-vetturi elettriċi u għall-batteriji industrijali rikarikabbli.
Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2023, tadotta:
(a)att delegat f’konformità mal-Artikolu 73 biex jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-impronta tal-karbonju totali tal-batterija msemmija fil-punt (d), f’konformità mal-elementi essenzjali stabbiliti fl-Anness II;
(b)att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għad-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-ewwel subparagrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 73 biex temenda r-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.
2.Il-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-batteriji industrijali rikarikabbli b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh għandu jkollhom tikketta li tidher sewwa, tinqara b’mod ċar u li ma titħassarx, li tindika l-klassi ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju li għaliha tikkorrespondi l-batterija individwali.
Minbarra l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, id-dokumentazzjoni teknika għandha turi li l-impronta tal-karbonju ddikjarata u l-klassifikazzjoni relatata fi klassi ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju jkunu ġew ikkalkolati f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont ir-raba’ subparagrafu.
Ir-rekwiżiti tal-klassi ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026 għall-batteriji tal-vetturi elettriċi u għall-batteriji industrijali rikarikabbli.
Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024, tadotta
(a)att delegat f’konformità mal-Artikolu 73 biex jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi l-klassijiet ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-ewwel subparagrafu. Fit-tħejjija ta’ dak l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness II;
(b)att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-formati għat-tikkettar imsemmi fl-ewwel subparagrafu u l-format għad-dikjarazzjoni dwar il-klassi tal-prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju msemmija fit-tieni subparagrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
3.Il-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-batteriji industrijali rikarikabbli b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumentazzjoni teknika li turi, għal kull mudell ta’ batterija u lott għal kull impjant tal-manifattura, li l-valur iddikjarat tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja jkun inqas mil-limitu massimu stabbilit fl-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu.
Ir-rekwiżit għal limitu massimu tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja fl-ewwel subparagrafu għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2027 għall-batteriji tal-vetturi elettriċi u għall-batteriji industrijali rikarikabbli.
Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2026, tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 73 li jissupplimenta lil dan ir-Regolament billi jiġi ddeterminat il-limitu massimu tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja msemmi fl-ewwel subparagrafu. Fit-tħejjija ta’ dak l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness II.
L-introduzzjoni ta’ limitu massimu tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja għandha tiskatta, jekk tkun meħtieġa, klassifikazzjoni mill-ġdid tal-klassijiet ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju tal-batteriji msemmija fil-paragrafu 2.
Artikolu 8
Kontenut riċiklat f’batteriji industrijali, batteriji tal-vetturi elettriċi u batteriji awtomotivi
1.Mill-1 ta’ Jannar 2027, il-batteriji industrijali, il-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-batteriji awtomotivi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh li fihom il-kobalt, iċ-ċomb, il-litju jew in-nikil f’materjali attivi għandhom ikunu akkumpanjati b’dokumentazzjoni teknika li jkun fiha informazzjoni dwar l-ammont ta’ kobalt, ċomb, litju jew nikil irkuprat minn skart li jkun preżenti f’materjali attivi f’kull mudell u lott ta’ batteriji għal kull impjant tal-manifattura.
Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tal-ammont ta’ kobalt, ċomb, litju jew nikil irkuprat minn skart li jkun preżenti f’materjali attivi fil-batteriji msemmija fl-ewwel subparagrafu u l-format għad-dokumentazzjoni teknika. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
2.Mill-1 ta’ Jannar 2030, il-batteriji industrijali, il-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-batteriji awtomotivi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh li fihom kobalt, ċomb, litju jew nikil f’materjali attivi għandhom ikunu akkumpanjati b’dokumentazzjoni teknika li turi li dawk il-batteriji fihom is-sehem minimu li ġej ta’ kobalt, ċomb, litju jew nikil irkuprat minn skart li jkun preżenti f’materjali attivi f’kull mudell u lott ta’ batteriji għal kull impjant tal-manifattura:
(a)12 % kobalt;
(b)85 % ċomb;
(c)4 % litju;
(d)4 % nikil.
3.Mill-1 ta’ Jannar 2035, il-batteriji industrijali, il-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-batteriji awtomotivi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh li fihom kobalt, ċomb, litju jew nikil f’materjali attivi għandhom ikunu akkumpanjati b’dokumentazzjoni teknika li turi li dawk il-batteriji fihom is-sehem minimu li ġej ta’ kobalt, ċomb, litju jew nikil irkuprat minn skart li jkun preżenti f’materjali attivi f’kull mudell u lott ta’ batteriji għal kull impjant tal-manifattura:
(a)20 % kobalt;
(b)85 % ċomb;
(c)10 % litju;
(d)12 % nikil.
4.Fejn ġustifikat u xieraq minħabba d-disponibbiltà tal-kobalt, iċ-ċomb, il-litju jew in-nikil irkuprat mill-iskart, jew in-nuqqas tiegħu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, sal-31 ta’ Diċembru 2027, att delegat f’konformità mal-Artikolu 73, biex temenda l-miri stipulati fil-paragrafi 2 u 3.
Artikolu 9
Ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u durabbiltà għall-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali
1.Mill-1 ta’ Jannar 2027, il-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali għandhom jissodisfaw il-valuri għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stabbiliti fl-Anness III kif stipulat fl-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2.
2.Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 73 biex jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi valuri minimi għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stipulati fl-Anness III li għandhom jiksbu l-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 73 biex temenda l-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stipulati fl-Anness III fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku.
Meta tiġi biex tħejji l-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali u tqis l-istandards internazzjonali u l-iskemi ta’ tikkettar rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li d-dispożizzjonijiet stabbiliti b’dak l-att delegat ma jkollhomx impatt sinifikanti fuq il-funzjonalità ta’ dawk il-batteriji jew l-apparati li fihom jiġu inkorporati dawk il-batteriji, l-affordabbiltà u l-kost għall-utent finali u l-kompetittività tal-industrija. Ma għandu jiġi impost l-ebda piż amministrattiv eċċessiv fuq il-manifatturi tal-batteriji u l-apparat ikkonċernat.
3.Sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fattibbiltà tal-miżuri għall-eliminazzjoni gradwali tal-użu ta’ batteriji portabbli mhux rikarikabbli ta’ użu ġenerali bil-ħsieb li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt ambjentali tagħhom abbażi tal-metodoloġija ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha tikkunsidra li tieħu l-miżuri xierqa, inkluż l-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi.
Artikolu 10
Ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u durabbiltà għall-batteriji industrijali rikarikabbli u l-batteriji tal-vetturi elettriċi
1.Minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament], il-batteriji industrijali rikarikabbli u l-batteriji tal-vetturi elettriċi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumentazzjoni teknika li tinkludi l-valuri għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stipulati fil-Parti A tal-Anness IV.
Id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi wkoll spjegazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, tal-istandards u tal-kundizzjonijiet użati għall-kejl, il-kalkolu jew l-istima tal-valuri għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà. Dik l-ispjegazzjoni għandha tinkludi, mill-inqas, l-elementi stipulati fil-Parti B tal-Anness IV.
2.Mill-1 ta’ Jannar 2026, il-batteriji industrijali rikarikabbli b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh għandhom jissodisfaw il-valuri minimi stipulati fl-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3 għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stabbiliti fil-Parti A tal-Anness IV.
3.Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 73 biex jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi valuri minimi għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stipulati fil-Parti A tal-Anness IV li għandhom jilħqu l-batteriji industrijali rikarikabbli b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh.
Meta tiġi biex tħejji l-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji industrijali rikarikabbli b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh u tiżgura li r-rekwiżiti stipulati fih ma jkollhomx impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonalità ta’ dawk il-batteriji jew l-apparat li fih jiġu inkorporati dawk il-batteriji, l-affordabbiltà tiegħu u l-kompetittività tal-industrija. Ma għandu jiġi impost l-ebda piż amministrattiv eċċessiv fuq il-manifatturi tal-batteriji u l-apparat ikkonċernat.
Artikolu 11
Il-possibbiltà li l-batteriji portabbli jinqalgħu u jiġu sostitwiti
1.Il-batteriji portabbli inkorporati fl-apparat għandhom ikunu jistgħu jitneħħew u jinbidlu faċilment mill-utent finali jew minn operaturi indipendenti matul il-ħajja tal-apparat, jekk il-batteriji jkollhom tul tal-ħajja iqsar mill-apparat, jew mhux aktar tard mit-tmiem tat-tul tal-ħajja tal-apparat.
Batterija tkun tista’ tinbidel faċilment meta, wara li titneħħa minn apparat, hija tkun tista’ tiġi sostitwita minn batterija simili, mingħajr ma jiġu affettwati l-funzjonament jew il-prestazzjoni ta’ dak l-apparat.
2.L-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw meta
(a)il-kontinwità tal-provvista tal-enerġija tkun neċessarja u meta tkun meħtieġa konnessjoni permanenti bejn l-apparat u l-batterija portabbli għal raġunijiet ta’ sikurezza, prestazzjoni, mediċi jew ta’ integrità tad-data; jew
(b)il-funzjonament tal-batterija jkun possibbli biss meta l-batterija tkun integrata fl-istruttura tal-apparat.
3.Il-Kummissjoni għandha tadotta gwida biex tiffaċilita l-applikazzjoni armonizzata tad-derogi stabbiliti fil-paragrafu 2.
Artikolu 12
Is-sikurezza tas-sistemi għall-ħażna tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji
1.Is-sistemi għall-ħażna tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumentazzjoni teknika li turi li huma sikuri waqt l-operazzjoni u l-użu normali tagħhom, inkluża evidenza li jkunu ġew ittestjati b’suċċess għall-parametri tas-sikurezza stipulati fl-Anness V, li għalihom jenħtieġ li jintużaw metodoloġiji tal-ittestjar mill-aktar avvanzati.
2.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 73 biex temenda l-parametri ta’ sikurezza stipulati fl-Anness V fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku.
Kapitolu III
Rekwiżiti ta’ tikkettar u ta’ informazzjoni
Artikolu 13
Tikkettar tal-batteriji
1.Mill-1 ta’ Jannar 2027, il-batteriji għandhom ikunu mmarkati b’tikketta li jkun fiha l-informazzjoni stipulata fil-Parti A tal-Anness VI.
2.Mill-1 ta’ Jannar 2027, il-batteriji portabbli u awtomotivi għandhom jiġu mmarkati b’tikketta li jkun fiha l-informazzjoni dwar il-kapaċità tagħhom u l-batteriji portabbli għandhom jiġu mmarkati b’tikketta li jkun fiha informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju minimu tagħhom meta jintużaw f’applikazzjonijiet speċifiċi.
3.Mill-1 ta’ Lulju 2023, il-batteriji għandhom ikunu ttikkettati bis-simbolu li jindika l-“ġbir separat” f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-Parti B tal-Anness VI.
Is-simbolu għandu jgħatti mill-inqas 3 % tal-ispazju tal-akbar naħa tal-batterija sa daqs massimu ta’ 5 × 5 cm.
Fil-każ ta’ ċelloli tal-batteriji ċilindriċi, is-simbolu għandu jgħatti mill-inqas 1,5 % tal-ispazju tal-wiċċ tal-batterija u għandu jkollu daqs massimu ta’ 5 × 5 cm.
Fejn id-daqs tal-batterija jkun tali li s-simbolu jkun iżgħar minn 0,5 × 0,5 cm, ma jkunx hemm bżonn li l-batterija tkun immarkata, iżda għandu jiġi stampat simbolu b’daqs ta’ mill-inqas 1 x 1 cm fuq l-imballaġġ.
4.Mill-1 ta’ Lulju 2023, il-batteriji li jkun fihom aktar minn 0,002 % kadmju jew aktar minn 0,004 % ċomb, għandhom ikunu mmarkati bis-simbolu kimiku għall-metall ikkonċernat: Cd jew Pb.
Is-simbolu li jindika l-kontenut ta’ metalli tqal għandu jkun stampat taħt is-simbolu muri fil-Parti B tal-Anness VI u għandu jgħatti spazju ta’ mill-anqas kwart tad-daqs ta’ dak is-simbolu.
5.Il-batteriji għandhom ikunu mmarkati b’kodiċi QR f’konformità mal-Parti C tal-Anness VI li għandu jipprovdi aċċess għall-informazzjoni li ġejja:
(a)mill-1 ta’ Jannar 2027, għall-batteriji kollha, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;
(b)mill-1 ta’ Jannar 2027, għal batteriji portabbli u awtomotivi, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2;
(c)mill-1 ta’ Jannar 2023, għall-batteriji kollha, is-simbolu msemmi fil-paragrafu 3;
(d)mill-1 ta’ Jannar 2023, għall-batteriji li jkun fihom aktar minn 0,002 % kadmju jew aktar minn 0,004 % ċomb, is-simbolu msemmi fil-paragrafu 4;
(e)minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], għal batteriji industrijali rikarikabbli u batteriji tal-vetturi elettriċi, ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 39(6);
(f)mill-1 ta’ Lulju 2024, għall-batteriji tal-vetturi elettriċi u għall-batteriji industrijali rikarikabbli b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh, id-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 7(1);
(g)mill-1 ta’ Jannar 2026, għall-batteriji tal-vetturi elettriċi u għall-batteriji industrijali rikarikabbli b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh, il-klassi tal-prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 7(2);
(h)mill-1 ta’ Jannar 2027, għall-batteriji industrijali rikarikabbli, għall-batteriji awtomotivi rikarikabbli u għall-batteriji tal-vetturi elettriċi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh, l-ammont ta’ kobalt, ċomb, litju u nikil irkuprat mill-iskart u li jkun preżenti f’materjali attivi fil-batterija, f’konformità mal-Artikolu 8;
(i)mill-1 ta’ Jannar 2023, għall-batteriji kollha, id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 18;
(j)mill-1 ta’ Lulju 2023, għall-batteriji kollha, l-informazzjoni msemmija fil-punti minn (a) sa (f) tal-Artikolu 60(1).
6.It-tikketti u l-kodiċi QR imsemmija fil-paragrafi minn 1 sa 5 għandhom jiġu stampati jew imnaqqxin b’mod viżibbli, b’mod li jkunu jistgħu jinqraw u ma jitħassrux fuq il-batterija. Fejn dan ma jkunx possibbli jew ma jkunx ġustifikat minħabba n-natura u d-daqs tal-batterija, it-tikketti għandhom jitwaħħlu mal-imballaġġ u mad-dokumenti li jakkumpanjaw il-batterija.
7.Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2025, tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi speċifikazzjonijiet armonizzati għar-rekwiżiti tat-tikkettar imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
Artikolu 14
Informazzjoni dwar l-istat tas-saħħa u tul tal-ħajja mistenni tal-batteriji
1.Il-batteriji industrijali rikarikabbli u l-batteriji tal-vetturi elettriċi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh għandhom jinkludu sistema ta’ ġestjoni tal-batterija li jkun fiha data dwar il-parametri għad-determinazzjoni tal-istat tas-saħħa u tul tal-ħajja mistenni tal-batteriji kif stipulat fl-Anness VII.
2.L-aċċess għad-data fis-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi pprovdut fuq bażi mhux diskriminatorja lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun akkwistat il-batterija legalment jew lil kwalunkwe parti terza li taġixxi f’isimha fi kwalunkwe ħin għall-fini ta’:
(a)l-evalwazzjoni tal-valur residwu tal-batterija u l-kapaċità li tintuża aktar;
(b)l-iffaċilitar tal-użu mill-ġdid, l-adattament għal skop differenti jew il-manifattura mill-ġdid tal-batterija;
(c)it-tqegħid tal-batterija għad-dispożizzjoni ta’ aggregaturi indipendenti jew parteċipanti fis-suq permezz tal-ħażna tal-enerġija.
3.Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw flimkien ma’ dawk stipulati fil-liġi tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi.
Kapitolu IV
Konformità tal-batteriji
Artikolu 15
Preżunzjoni ta’ konformità
1.Għall-finijiet ta’ konformità u verifika tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 9, 10, 12, 13 u 59(5)(a) ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru bl-użu ta’ metodu affidabbli, preċiż u riproduċibbli, li jqis il-metodi mill-aktar avvanzati rikonoxxuti b’mod ġenerali, u li r-riżultati tagħhom jitqiesu li għandhom livell baxx ta’ inċertezza, inklużi l-metodi stabbiliti fl-istandards, li n-numri ta’ referenza tagħhom ikunu ġew ippubblikati għal dak l-iskop f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.Il-batteriji li jiġu ttestjati skont standards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti li huma konformi mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 9, 10, 13 u 59(5)(a) sakemm dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali standards armonizzati.
3.Il-batteriji li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti li huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12 sakemm dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali standards armonizzati.
Artikolu 16
Speċifikazzjonijiet komuni
1.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 9, 10, 12, 13, 59(5)(a) jew it-testijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2), fejn:
(a)dawk ir-rekwiżiti jew it-testijiet ma jkunux koperti minn standards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; jew
(b)il-Kummissjoni tosserva dewmien bla bżonn fl-adozzjoni tal-istandards armonizzati mitluba, jew tqis li l-istandards armonizzati rilevanti mhumiex biżżejjed; jew
(c)il-Kummissjoni tkun iddeċidiet f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 li żżomm b’restrizzjoni jew li tirtira r-referenzi għall-istandards armonizzati jew partijiet minnhom li bihom ikunu koperti dawk ir-rekwiżiti jew it-testijiet.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
2.Il-batteriji li jiġu ttestjati skont speċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom għandhom ikunu preżunti li huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 9, 10, 13 u 59(5)(a) sakemm dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom u, jekk applikabbli, sakemm jintlaħqu l-valuri minimi stabbiliti għal dawk ir-rekwiżiti.
3.Il-batteriji li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet komuni jew ma’ partijiet minnhom għandhom ikunu preżunti li huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12 sakemm dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom.
Artikolu 17
Proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità
1.Qabel ma batterija titqiegħed fis-suq jew fis-servizz, il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti tal-Kapitoli II u III ta’ dan ir-Regolament.
2.Il-valutazzjoni tal-konformità tal-batteriji mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6, 9, 10, 11, 12, 13 u 14 għandha titwettaq f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-Parti A tal-Anness VIII.
3.Il-valutazzjoni tal-konformità tal-batteriji mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 39 għandha titwettaq f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-Parti B tal-Anness VIII.
4.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 73 biex temenda l-Anness VIII billi tintroduċi passi ta’ verifika addizzjonali fil-moduli ta’ valutazzjoni tal-konformità jew billi tissostitwixxi dawk il-moduli b’moduli oħrajn stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, jekk ikun meħtieġ wara li tadattahom għar-rekwiżiti speċifiċi għall-batteriji.
5.Ir-rekords u l-korrispondenza relatati mal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jitfasslu b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp innotifikat li jwettaq il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafi 1 u 2, jew b’lingwa aċċettata minn dak il-korp.
Artikolu 18
Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE
1.Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tiddikjara li jkun intwera li r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III ġew issodisfati.
2.Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura tal-mudell stabbilita fl-Anness IX, l-elementi speċifikati fil-moduli rilevanti stabbiliti fl-Anness VIII u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Hija għandha tiġi tradotta għal-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru li fih il-batterija tkun tqiegħdet fis-suq jew tqiegħdet fis-servizz.
3.Meta mudell ta’ batterija jkun soġġett għal aktar minn att wieħed tal-Unjoni li jirrikjedi dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE unika fir-rigward ta’ dawn l-atti kollha tal-Unjoni. Dik id-dikjarazzjoni għandha tiddikjara l-atti tal-Unjoni kkonċernati u r-referenzi tal-pubblikazzjoni tagħhom.
Artikolu 19
Prinċipji ġenerali tal-markatura CE
Il-markatura CE għandha tkun soġġetta għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artiklu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
Artikolu 20
Ir-regoli u l-kundizzjonijiet għat-twaħħil tal-markatura CE
1.Il-markatura CE għandha titwaħħal b’mod li tkun viżibbli, tista’ tinqara u ma titħassarx. Meta dan ma jkunx possibbli jew ma jkunx iġġustifikat minħabba n-natura tal-batterija, hija għandha titwaħħal mal-imballaġġ u mad-dokumenti li jakkumpanjaw il-batterija.
2.Il-markatura CE għandha titwaħħal qabel ma l-batterija titqiegħed fis-suq.
3.Il-markatura CE għandha tkun segwita min-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat li jkun wettaq il-valutazzjoni tal-konformità. Dak in-numru ta’ identifikazzjoni għandu jitwaħħal mill-korp innotifikat innifsu jew, fuq struzzjonijiet tiegħu, mill-manifattur jew mir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur.
4.Il-markatura CE u n-numru ta’ identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu segwiti, jekk applikabbli, minn kwalunkwe tikkettar li jindika riskju, użu jew periklu ieħor speċjali marbut mal-użu, il-ħażna, it-trattament jew it-trasport tal-batterija.
5.L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-reġim li jirregola l-markatura CE u għandhom jieħdu azzjoni xierqa fil-każ ta’ użu mhux xieraq ta’ dik il-markatura.
Kapitolu V
Notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità
Artikolu 21
Notifika
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn dwar il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità awtorizzati biex iwettqu l-valutazzjoni tal-konformità f’konformità ma’ dan ir-Regolament
Artikolu 22
L-awtoritajiet tan-notifika
1.L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità tan-notifika li għandha tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tesegwixxi l-proċeduri meħtieġa għall-valutazzjoni u n-notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ tal-korpi nnotifikati, inkluża l-konformità mal-Artikolu 25.
2.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn korp nazzjonali ta’ akkreditament skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u f’konformità miegħu.
3.Fejn l-awtorità tan-notifika tiddelega jew inkella tafda l-valutazzjoni, in-notifika jew il-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lil korp, li ma jkunx entità governattiva, dak il-korp għandu jkun entità ġuridika u għandu jikkonforma mutatis mutandis mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23. Barra minn hekk, dan għandu jkollu arranġamenti biex jagħmel tajjeb għar-responsabbiltajiet derivati mill-attivitajiet tiegħu.
4.L-awtorità tan-notifika għandha terfa’ r-responsabbiltà sħiħa għall-kompiti mwettqa mill-korp imsemmi fil-paragrafu 3.
Artikolu 23
Rekwiżiti marbuta mal-awtoritajiet tan-notifika
1.Awtorità tan-notifika għandha tiġi stabbilita, organizzata u mħaddma b’mod li tissalvagwardja l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħha u tevita l-kunflitti ta’ interess mal-korpi nnotifikati u l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li japplikaw għal notifika f’konformità mal-Artikolu 28.
2.Awtorità tan-notifika għandha tkun organizzata b’tali mod li kull deċiżjoni relatata man-notifika ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu wettqu l-valutazzjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li japplikaw għan-notifika f’konformità mal-Artikolu 28.
3.Awtorità tan-notifika ma għandhiex toffri jew tipprovdi kwalunkwe attivitajiet li jitwettqu minn korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, jew servizzi ta’ konsulenza fuq bażi kummerċjali jew kompetittiva.
4.Awtorità tan-notifika għandha tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tikseb. Madankollu, hija għandha tiskambja informazzjoni dwar il-korpi nnotifikati mal-Kummissjoni, kif ukoll mal-awtoritajiet tan-notifika ta’ Stati Membri oħrajn u ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn.
5.Awtorità tan-notifika għandu jkollha għadd suffiċjenti ta’ membri tal-persunal kompetenti għad-dispożizzjoni tagħha għall-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti tagħha.
Artikolu 24
Obbligu ta’ informazzjoni dwar l-awtoritajiet ta’ notifika
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri tagħhom għall-valutazzjoni u n-notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-monitoraġġ tal-korpi nnotifikati, u dwar kwalunkwe bidla fihom.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.
Artikolu 25
Rekwiżiti marbuta mal-korpi nnotifikati
1.Għall-finijiet ta’ notifika, korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi minn 2 sa 11.
2.Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru u għandu jkollu personalità ġuridika.
3.Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp terz indipendenti minn kwalunkwe rabtiet kummerċjali u mill-mudell tal-batteriji li jivvaluta, b’mod partikolari mill-manifatturi tal-batteriji, l-imsieħba kummerċjali tal-manifatturi tal-batteriji, l-investituri azzjonarji fl-impjanti tal-manifatturi tal-batteriji u minn korpi nnotifikati oħrajn, kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet kummerċjali tal-korpi nnotifikati, il-kumpaniji prinċipali jew is-sussidjarji.
4.Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, l-akkwirent, is-sid, l-utent jew il-persuna responsabbli mill-manutenzjoni tal-batteriji li huma jivvalutaw, u lanqas ir-rappreżentant ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu ta’ batteriji li huma meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta’ batteriji għal finijiet personali.
Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu involuti direttament fid-disinn, il-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni, l-installazzjoni, l-użu jew il-manutenzjoni ta’ dawk il-batteriji, jew jirrappreżentaw lill-partijiet li jkunu involuti f’dawk l-attivitajiet. Huma ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità li għalihom ikunu nnotifikati. Dan għandu japplika, b’mod partikolari, għas-servizzi ta’ konsulenza.
Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jiżgura li l-attivitajiet tal-kumpaniji omm jew oħt tiegħu, tas-sussidjarji jew tas-sottokuntratturi ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tiegħu.
5.Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tiegħu għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla grad ta’ integrità professjonali u bil-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u inċitament, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta’ persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.
6.Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq l-attivitajiet kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Anness VIII u li b’rabta magħhom ikun ġie nnotifikat, kemm jekk dawk il-kompiti jitwettqu mill-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità nnifsu kif ukoll jekk jitwettqu f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
F’kull ħin, u għal kull proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità u kull mudell ta’ batterija li b’rabta magħhom ikun ġie nnotifikat, korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu n-neċessitajiet li ġejjin:
(a)persunal intern b’għarfien tekniku u b’esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità;
(b)deskrizzjonijiet tal-proċeduri li f’konformità magħhom titwettaq il-valutazzjoni tal-konformità, li jiżguraw it-trasparenza u l-kapaċità ta’ riproduzzjoni ta’ dawk il-proċeduri;
(c)politiki u proċeduri xierqa li jiddistingwu bejn l-attivitajiet li jwettaq bħala korp innotifikat u attivitajiet oħrajn;
(d)proċeduri għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità, li jieħdu kont dovut tad-daqs ta’ impriża, is-settur li fih topera, l-istruttura tagħha, il-grad ta’ kumplessità tat-teknoloġija tal-batterija inkwistjoni u l-massa jew in-natura tas-serje tal-proċess ta’ produzzjoni.
Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu dejjem ikollu aċċess għat-tagħmir jew il-faċilitajiet kollha tal-ittestjar meħtieġa għal kull proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità u kull mudell ta’ batterija li b’rabta magħhom ikun ġie nnotifikat.
7.Il-membri tal-persunal responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollhom dawn li ġejjin:
(a)taħriġ tekniku u vokazzjonali tajjeb li jkopri l-attivitajiet kollha tal-valutazzjoni tal-konformità li b’rabta magħhom ikun ġie nnotifikat il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità;
(b)għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet li jwettqu u awtorità adegwata biex iwettqu dawk il-valutazzjonijiet;
(c)għarfien u fehim xierqa tar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III tal-istandards armonizzati applikabbli msemmija fl-Artikolu 15 u tal-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;
(d)il-kapaċità li jfasslu ċertifikati, rekords u rapporti li juru li jkunu twettqu l-valutazzjonijiet tal-konformità.
8.Għandha tiġi garantita l-imparzjalità ta’ korp tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-maniġment superjuri tiegħu u tal-membri tal-persunal responsabbli biex iwettqu l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità.
Ir-remunerazzjoni tal-maniġment superjuri u tal-membri tal-persunal responsabbli biex iwettqu l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddependi mill-għadd ta’ valutazzjonijiet tal-konformità mwettqa jew mir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet.
9.Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu joħroġ polza tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà, sakemm ir-responsabbiltà ma tkunx assunta mill-Istat f’konformità mal-liġi nazzjonali fl-Istat Membru fejn jitwettqu l-attivitajiet tiegħu, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.
10.Il-membri tal-persunal ta’ korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom josservaw is-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità f’konformità mal-Anness VIII, ħlief b’rabta mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jitwettqu l-attivitajiet tiegħu. Id-drittijiet ta’ proprjetà għandhom ikunu protetti.
11.Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jipparteċipa fi, jew jiżgura li l-membri tal-persunal tiegħu responsabbli mit-twettiq tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità jkunu informati dwar, l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni rilevanti u l-attivitajiet tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-korp innotifikat stabbilit skont l-Artikolu 37 u għandu japplika, bħala gwida ġenerali, id-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti bħala riżultat tax-xogħol ta’ dak il-grupp.
Artikolu 26
Preżunzjoni ta’ konformità tal-korpi nnotifikati
Meta korp ta’ valutazzjoni tal-konformità juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stipulati fl-istandards armonizzati rilevanti jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa għandu jkun preżunt li huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25 sa fejn l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.
Artikolu 27
Sussidjarji u sottokuntrattar minn korpi nnotifikati
1.Meta korp innotifikat jissottokuntratta kompiti speċifiċi konnessi mal-valutazzjoni tal-konformità jew jirrikorri għal sussidjarja, huwa għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarja tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25 u għandu jinforma b’dan lill-awtorità tan-notifika.
2.Korp innotifikat għandu jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa għall-kompiti mwettqa mis-sottokuntratturi jew mis-sussidjarji kull fejn dawn ikunu stabbiliti
3.L-attivitajiet jistgħu jiġu sottokuntrattati jew jitwettqu minn sussidjarja biss bil-qbil tal-klijent. L-istabbiliment u s-superviżjoni ta’ proċeduri interni, politiki ġenerali, kodiċijiet ta’ kondotta jew regoli interni oħrajn, l-assenjazzjoni ta’ persunal għal kompiti speċifiċi u d-deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ma jistgħux jiġu ddelegati lil sottokuntrattur jew sussidjarja.
4.Korp innotifikat għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtorità tan-notifika d-dokumenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntrattur jew tas-sussidjarja u x-xogħol imwettaq minnhom skont l-Anness VIII.
Artikolu 28
Applikazzjoni għal notifika
1.Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jissottometti applikazzjoni għal notifika lill-awtorità tan-notifika tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit.
2.L-applikazzjoni għal notifika għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-moduli ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fl-Anness VIII u tal-mudell tal-batterija li għalihom il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jiddikjara li huwa kompetenti, kif ukoll minn ċertifikat ta’ akkreditament maħruġ minn korp nazzjonali ta’ akkreditament li jattesta li l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25.
3.Meta l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kkonċernat ma jkunx jista’ jipprovdi ċertifikat ta’ akkreditazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, huwa għandu jipprovdi lill-awtorità tan-notifika bl-evidenza dokumentarja kollha meħtieġa għall-verifika, ir-rikonoxximent u l-monitoraġġ regolari tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25, inkluża dokumentazzjoni xierqa li turi li l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun indipendenti skont it-tifsira tal-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu.
Artikolu 29
Proċedura tan-notifika
1.Awtorità tan-notifika tista’ tinnotifika biss lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25.
2.L-awtorità tan-notifika għandha tibgħat notifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn dwar kull korp ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmi fil-paragrafu 1 bl-użu tal-għodda ta’ notifika elettronika żviluppata u ġestita mill-Kummissjoni.
3.In-notifika għandha tinkludi d-dettalji sħaħ tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-modulu jew moduli tal-valutazzjoni tal-konformità u tal-batteriji kkonċernati u l-attestazzjoni tal-kompetenza rilevanti.
4.Meta notifika ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta’ akkreditazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 28(2), l-awtorità tan-notifika għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn b’evidenza dokumentarja li tiċċertifika l-kompetenza tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-arranġamenti fis-seħħ biex ikun żgurat li dak il-korp jiġi ssorveljat regolarment u jkompli jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25.
5.Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kkonċernat jista’ jwettaq l-attivitajiet ta’ korp innotifikat biss meta ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri l-oħrajn fi żmien ġimagħtejn min-notifika meta din tinkludi ċertifikat ta’ akkreditazzjoni msemmi fl-Artikolu 28(2) jew fi żmien xahrejn min-notifika meta din tinkludi evidenza dokumentarja msemmija fl-Artikolu 28(3).
6.L-awtorità tan-notifika għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bi kwalunkwe bidla rilevanti sussegwenti fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.
Artikolu 30
Numri ta’ identifikazzjoni u listi ta’ korpi nnotifikati
1.Il-Kummissjoni għandha tassenja numru ta’ identifikazzjoni lil korp innotifikat.
Hija għandha tassenja numru wieħed bħal dan, anki meta l-korp ikun innotifikat skont diversi atti tal-Unjoni.
2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-lista tal-korpi nnotifikati, inklużi n-numri ta’ identifikazzjoni li jkunu ġew assenjati lilhom u l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità li għalihom ikunu ġew innotifikati.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tinżamm aġġornata.
Artikolu 31
Tibdil fin-notifiki
1.Meta awtorità tan-notifika tkun aċċertat ruħha jew tkun ġiet informata li korp innotifikat ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25 jew li qed jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu, l-awtorità tan-notifika għandha tirrestrinġi, tissospendi jew tirtira n-notifika, kif xieraq, skont kemm ikun serju n-nuqqas li jintlaħqu dawk ir-rekwiżiti jew li jiġu ssodisfati dawk l-obbligi. Hija għandha tinforma b’dan minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn.
2.Fil-każ ta’ restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta’ notifika, jew meta l-korp innotifikat ikun waqqaf l-attività tiegħu, l-awtorità tan-notifika għandha tieħu passi xierqa biex tiżgura li l-fajls ta’ dak il-korp jew jiġu pproċessati minn korp innotifikat ieħor jew inkella jinżammu disponibbli għall-awtoritajiet tan-notifika u dawk tas-sorveljanza tas-suq responsabbli fuq it-talba tagħhom.
Artikolu 32
Kontestazzjoni tal-kompetenza ta’ korpi nnotifikati
1.Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubju, jew fejn jinġieb dubju għall-attenzjoni tagħha, rigward il-kompetenza ta’ korp innotifikat jew l-issodisfar kontinwu minn korp innotifikat tar-rekwiżiti u tar-responsabbiltajiet li għalihom huwa jkun soġġett.
2.L-awtorità tan-notifika għandha tipprovdi lill-Kummissjoni, fuq talba, l-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għan-notifika jew iż-żamma tal-kompetenza tal-korp innotifikat ikkonċernat.
3.Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni sensittiva kollha miksuba matul l-investigazzjonijiet tagħha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali.
4.Meta l-Kummissjoni taċċerta ruħha li korp innotifikat ma jissodisfax, jew ma jkunx għadu jissodisfa, ir-rekwiżiti għan-notifika tiegħu, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jitlob lill-awtorità tan-notifika tieħu l-azzjoni korrettiva meħtieġa, inkluż l-irtirar tan-notifika, jekk ikun meħtieġ. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 74(2).
Artikolu 33
Obbligi operazzjonali tal-korpi nnotifikati
1.Korp innotifikat għandu jwettaq valutazzjonijiet tal-konformità skont il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fl-Anness VIII.
2.Korp innotifikat għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu b’mod proporzjonat, billi jevita piżijiet bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi, u b’kont meħud tad-daqs ta’ impriża, is-settur li fih topera l-impriża, l-istruttura tal-impriża, il-grad ta’ kumplessità tal-batterija li għandha tiġi vvalutata u n-natura tal-massa jew tas-serje tal-proċess tal-produzzjoni.
Madankollu, meta jagħmel dan, il-korp innotifikat għandu jirrispetta l-grad ta’ rigorożità u l-livell ta’ protezzjoni meħtieġ għall-konformità tal-batterija ma’ dan ir-Regolament.
3.Meta korp innotifikat isib li r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III, l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 15, l-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16 jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn ma jkunux ġew issodisfati minn manifattur, huwa għandu jesiġi li dak il-manifattur jieħu azzjoni korrettiva xierqa fid-dawl tat-tieni u l-aħħar deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux jistgħu jiġu rimedjati, f’liema każ iċ-ċertifikat ma jkunx jista’ jinħareġ.
4.Meta, matul il-monitoraġġ tal-konformità wara l-ħruġ ta’ ċertifikat tal-konformità jew l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-approvazzjoni, korp innotifikat isib li batterija ma tkunx għadha konformi, huwa għandu jitlob lill-manifattur jieħu l-azzjoni korrettiva xierqa u għandu jissospendi jew jirtira ċ-ċertifikat ta’ konformità jew id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, jekk ikun meħtieġ.
5.Meta ma tittieħed l-ebda azzjoni korrettiva jew meta tali azzjoni ma jkollhiex l-effett meħtieġ, il-korp innotifikat għandu jirrestrinġi, jissospendi jew jirtira kwalunkwe ċertifikat ta’ konformità jew deċiżjoni ta’ approvazzjoni, kif ikun xieraq.
Artikolu 34
Appell kontra deċiżjonijiet tal-korpi nnotifikati
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-korpi nnotifikati.
Artikolu 35
Obbligi ta’ informazzjoni għall-korpi nnotifikati
1.Korp innotifikat għandu jinforma lill-awtorità tan-notifika dwar dawn li ġejjin:
(a)kwalunkwe rifjut, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta’ ċertifikat ta’ konformità jew deċiżjoni ta’ approvazzjoni;
(b)kwalunkwe ċirkostanza li taffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifika jew il-kundizzjonijiet għaliha;
(c)kwalunkwe talba għal informazzjoni li jkun irċieva mingħand l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq rigward l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tiegħu;
(d)fuq talba, kwalunkwe attività ta’ valutazzjoni tal-konformità li ssir fil-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifika u kwalunkwe attività oħra mwettqa, inklużi attivitajiet transkonfinali u sottokuntrattar.
2.Korp innotifikat għandu jipprovdi lil korpi nnotifikati oħrajn li jwettqu attivitajiet simili ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkopru l-istess batteriji bl-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet relatati mar-riżultati negattivi u, fuq talba, pożittivi tal-valutazzjoni tal-konformità.
Artikolu 36
Skambju ta’ esperjenza
Il-Kummissjoni għandha tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ skambju ta’ esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri responsabbli għall-politika ta’ notifika.
Artikolu 37
Koordinazzjoni ta’ korpi nnotifikati
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu stabbiliti koordinazzjoni u kooperazzjoni xierqa bejn il-korpi nnotifikati u li dawn jitħaddmu kif xieraq fil-forma ta’ grupp settorjali jew gruppi tal-korpi nnotifikati.
Korp innotifikat għandu jipparteċipa fil-ħidma ta’ dak il-grupp jew ta’ dawk il-gruppi, direttament jew permezz ta’ rappreżentanti maħtura.
Kapitolu VI
Obbligi tal-operaturi ekonomiċi minbarra l-obbligi fil-Kapitolu VII
Artikolu 38
Obbligi tal-manifatturi
1.Meta jqiegħdu batterija fis-suq jew iqegħduha fis-servizz, inkluż għall-iskopijiet tal-manifatturi stess, il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-batterija:
(a)tkun ġiet iddisinjata u manifatturata f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli minn 6 sa 12 u fl-Artikolu 14; u
(b)tkun ittikkettata f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13.
2.Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII għall-batterija u jwettqu l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti, kif applikabbli u msemmija fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 17 jew jaraw li titwettaq qabel ma batterija titqiegħed fis-suq jew fis-servizz.
3.Fejn il-konformità ta’ batterija mar-rekwiżiti applikabbli tkun intweriet permezz tal-proċedura rilevanti ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 17, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE f’konformità mal-Artikolu 18 u jwaħħlu l-markatura CE f’konformità mal-Artikoli 19 u 20.
4.Il-manifatturi għandhom jiżguraw li titfassal dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE skont l-Artikolu 18 b’lingwaġġ li jkun jista’ jinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħrajn għal kull batterija li huma jqiegħdu fis-suq jew fis-servizz.
Madankollu, meta diversi batteriji jitwasslu simultanjament lil utent wieħed, il-lott ikkonċernat jew il-kunsinna kkonċernata jistgħu jkunu akkumpanjati minn kopja waħda tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE.
5.Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li l-batterija tkun tqiegħdet fis-suq jew fis-servizz.
6.Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri fis-seħħ sabiex batterija li tkun parti minn produzzjoni ta’ serje tibqa’ konformi ma’ dan ir-Regolament. Il-bidliet fil-proċess tal-produzzjoni jew fid-disinn jew il-karatteristiċi tal-batterija u bidliet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 15, l-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16 jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn li b’referenza għalihom tiġi ddikjarata l-konformità tal-batterija jew li bl-applikazzjoni tagħhom tiġi vverifikata l-konformità tagħha għandhom iwasslu għal eżami mill-ġdid tal-valutazzjoni tal-konformità skont il-proċedura rilevanti ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 17.
7.Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-batterija tkun ittikkettata f’konformità mar-rekwiżiti fil-paragrafi minn 1 sa 8 tal-Artikolu 13.
8.Il-manifatturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tagħhom u l-indirizz postali u l-indirizz tal-web fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati fuq l-imballaġġ tal-batterija. L-indirizz postali għandu jindika punt uniku li fih jista’ jiġi kkuntattjat il-manifattur. Tali informazzjoni għandha tkun b’lingwaġġ li jinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u għandha tkun ċara, tinftiehem u tinqara.
9.Il-manifatturi għandhom jiżguraw li kull batterija li jqiegħdu fis-suq jew fis-servizz tkun akkumpanjata minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza f’konformità mal-Artikoli minn 6 sa 12 u mal-Artikolu 14.
10.Il-manifatturi għandhom jipprovdu aċċess għad-data dwar il-parametri fis-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 14 u fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 59, f’konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dawk l-Artikoli.
11.Il-manifatturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li batterija li jkunu qiegħdu fis-suq jew fis-servizz ma tkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III għandhom minnufih jieħdu l-azzjoni korrettiva meħtieġa biex dik il-batterija ssir konformi, tiġi rtirata jew tissejjaħ lura mis-suq, kif xieraq. Barra minn hekk, meta l-batterija tippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinformaw minnufih lill-awtorità nazzjonali tal-Istat Membru li fih ikunu qiegħdu l-batterija fis-suq għal dak l-għan, billi jagħtu dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda.
12.Il-manifatturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jipprovdulha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni teknika kollha meħtieġa biex juru l-konformità tal-batterija mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III, b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni teknika għandhom jiġu pprovduti f’forma stampata jew f’forma elettronika. Il-manifatturi għandhom jikkooperaw mal-awtorità nazzjonali, fuq talba tagħha, fuq kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati minn batterija li jkunu qiegħdu fis-suq jew fis-servizz.
Artikolu 39
Obbligu għall-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu fis-suq batteriji industrijali rikarikabbli u batteriji tal-vetturi elettriċi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh biex jistabbilixxu politiki tad-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista
1.Minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament] l-operatur ekonomiku li jqiegħed fis-suq batteriji industrijali rikarikabbli u batteriji tal-vetturi elettriċi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh għandu jikkonforma mal-obbligi tad-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu u għandu jżomm dokumentazzjoni li turi l-konformità rispettiva tiegħu ma’ dawk l-obbligi, inkluż ir-riżultati tal-verifika minn parti terza mwettqa mill-korpi notifikati.
2.L-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu
(a)jadotta, u jikkomunika b’mod ċar lill-fornituri u lill-pubbliku, politika tal-kumpanija għall-katina tal-provvista tal-materja prima indikata fil-punt 1 tal-Anness X;
(b)jinkorpora fil-politika tal-katina tal-provvista tiegħu standards konsistenti mal-istandards stabbiliti fil-mudell tal-politika tal-katina tal-provvista fl-Anness II għall-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta;
(c)jistruttura s-sistemi ta’ ġestjoni interna rispettivi tiegħu biex jappoġġaw id-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista billi jassenja r-responsabbiltà lill-maniġment superjuri biex jissorvelja l-proċess ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista, kif ukoll iżomm rekords ta’ dawk is-sistemi għal minimu ta’ ħames snin;
(d)jistabbilixxi u jħaddem sistema ta’ kontrolli u trasparenza fuq il-katina tal-provvista, inkluża katina ta’ kustodja jew sistema ta’ traċċabbiltà jew l-identifikazzjoni ta’ atturi upstream fil-katina tal-provvista.
Sistema bħal din għandha tkun appoġġata minn dokumentazzjoni li tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:
(i)deskrizzjoni tal-materja prima, inklużi l-isem kummerċjali u t-tip tagħha;
(ii)l-isem u l-indirizz tal-fornitur li fornixxa l-materja prima preżenti fil-batteriji lill-operatur ekonomiku li jqiegħed fis-suq il-batteriji li jkun fihom il-materja prima inkwistjoni;
(iii)il-pajjiż tal-oriġini tal-materja prima u t-tranżazzjonijiet tas-suq mill-estrazzjoni tal-materja prima għall-fornitur immedjat għall-operatur ekonomiku;
(iv)il-kwantitajiet tal-materja prima preżenti fil-batterija mqiegħda fis-suq, espressi f’persentaġġ jew piż.
Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (d) attwali jistgħu jiġu implimentati permezz tal-parteċipazzjoni fi skemi mmexxija mill-industrija.
(e)jinkorpora l-politika tal-katina tal-provvista tiegħu f’kuntratti u ftehimiet mal-fornituri, inklużi l-miżuri tagħhom tal-ġestjoni tar-riskji;
(f)jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ lmentar bħala sistema ta’ sensibilizzazzjoni għar-riskji bi twissija bikrija jew jipprovdi mekkaniżmu bħal dan permezz ta’ arranġamenti kollaborattivi ma’ operaturi ekonomiċi jew organizzazzjonijiet oħrajn, jew billi jiffaċilita r-rikors għal espert jew korp estern, bħal ombudsman.
3.L-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu
(a)jidentifika u jivvaluta l-impatti negattivi assoċjati mal-kategoriji ta’ riskju elenkati fil-punt 2 tal-Anness X fil-katina tal-provvista tiegħu abbażi tal-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 2 kontra l-istandards tal-politika tagħhom dwar il-katina tal-provvista;
(b)jimplimenta strateġija biex jirrispondi għar-riskji identifikati maħsuba biex tipprevjeni jew ittaffi l-impatti negattivi permezz ta’:
(i)ir-rapportar tas-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju tal-katina tal-provvista lill-maniġment superjuri maħtur għal dak l-iskop;
(ii)l-adozzjoni ta’ miżuri għall-ġestjoni tar-riskji konsistenti mal-Anness II għall-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta, billi titqies il-kapaċità tagħhom li jinfluwenzaw u, fejn meħtieġ, jittieħdu passi biex tiġi eżerċitata pressjoni fuq il-fornituri li jistgħu jipprevjenu jew itaffu r-riskju identifikat bl-aktar mod effettiv;
(iii)l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ġestjoni tar-riskji, il-monitoraġġ u t-traċċar tal-prestazzjoni tal-isforzi tal-mitigazzjoni tar-riskji, ir-rapportar lura lill-maniġment superjuri maħtur għal dan l-iskop u l-kunsiderazzjoni tas-sospensjoni jew tat-twaqqif tal-involviment ma’ fornitur wara tentattivi falluti ta’ mitigazzjoni, abbażi ta’ arranġamenti kuntrattwali rilevanti f’konformità mat-tieni subparagrafu għall-paragrafu 2 hawn fuq;
(iv)it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-fatti u tar-riskji addizzjonali għal riskji li jeħtieġu mitigazzjoni, jew wara bidla fiċ-ċirkostanzi.
Jekk l-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 isegwi l-isforzi ta’ mitigazzjoni tar-riskju filwaqt li jkompli l-kummerċ jew jissospendi l-kummerċ b’mod temporanju, dan għandu jikkonsulta mal-fornituri u mal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-awtoritajiet tal-gvern lokali u ċentrali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà internazzjonali jew ċivili u l-partijiet terzi affettwati, u jaqbel dwar strateġija li tista’ titkejjel ta’ mitigazzjoni tar-riskju fil-pjan tal-ġestjoni tar-riskji.
L-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jidentifika u jivvaluta l-probabbiltà tal-impatti negattivi fil-kategoriji tar-riskju elenkati fl-Anness X, punt 2, fil-katina tal-provvista tiegħu abbażi tar-rapporti disponibbli mill-verifika minn parti terza magħmula minn korp notifikat dwar il-fornituri f’dik il-katina, u billi jivvaluta, fejn xieraq, il-prattiki tad-diliġenza dovuta tiegħu. Dawk ir-rapporti ta’ verifika għandhom ikunu konformi mal-ewwel subparagrafu fil-paragrafu 4. Fin-nuqqas ta’ tali rapporti ta’ verifika minn partijiet terzi dwar il-fornituri, l-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jidentifika u jivvaluta r-riskji fil-katina tal-provvista tiegħu bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju tiegħu stess. F’tali każijiet, l-operaturi ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom iwettqu verifiki minn parti terza tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista tagħhom stess permezz ta’ korp notifikat f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4.
L-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jirrapporta s-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fit-tielet subparagrafu lill-maniġment superjuri maħtur għal dak il-għan u għandha tiġi implimentata strateġija ta’ rispons imfassla biex tipprevjeni jew ittaffi l-impatti negattivi.
4.L-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu l-politiki tiegħu ta’ diliġenza vverifikati minn korp notifikat (“verifika minn parti terza”).
Il-verifika minn parti terza minn korp innotifikat għandha:
(a)tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-attivitajiet, il-proċessi u s-sistemi kollha użati mill-operaturi ekonomiċi biex jimplimentaw ir-rekwiżiti tagħhom tad-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 5;
(b)ikollha bħala l-objettiv tagħha d-determinazzjoni tal-konformità tal-prattiki ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista tal-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu batteriji fis-suq mal-paragrafi 2, 3 u 5;
(c)tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu batteriji fis-suq dwar kif itejbu l-prattiki tagħhom ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista;
(d)tirrispetta l-prinċipji tal-awditjar ta’ indipendenza, kompetenza u akkontabilità, kif stabbiliti fil-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta;
5.L-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jagħmel disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istat Membru r-rapporti ta’ kwalunkwe verifika minn parti terza mwettqa skont il-paragrafu 4 jew l-evidenza ta’ konformità ma’ skema ta’ diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista rikonoxxuta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72.
6.L-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jagħmel disponibbli għax-xerrejja downstream diretti tiegħu l-informazzjoni kollha miksuba u miżmuma skont il-politiki tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista tiegħu b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità tan-negozju u għal tħassib ieħor dwar il-kompetizzjoni.
L-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu fuq bażi annwali jirrapporta pubblikament bl-aktar mod wiesa’ possibbli, inkluż fuq l-internet, dwar il-politiki tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista tiegħu. Dak ir-rapport għandu jkun fih il-passi meħuda minn dak l-operatur ekonomiku biex jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, inklużi s-sejbiet ta’ impatti negattivi sinifikanti fil-kategoriji ta’ riskju elenkati fl-Anness X, punt 2, u kif dawn ġew indirizzati, kif ukoll rapport sommarju tal-verifiki minn partijiet terzi mwettqa skont il-punt 4, inkluż l-isem tal-korp notifikat, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità tan-negozju u għal tħassib ieħor dwar il-kompetizzjoni.
Fejn l-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jikkonkludi b’mod raġonevoli li l-materja prima elenkata fl-Anness X, punt 1, li hija preżenti fil-batterija ġiet derivata biss minn sorsi riċiklati, huwa għandu jiżvela l-konklużjonijiet tiegħu pubblikament f’dettall raġonevoli, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità tan-negozju u għal tħassib ieħor dwar il-kompetizzjoni.
7.Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa gwida fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta definiti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward tar-riskji soċjali u ambjentali msemmija fl-Anness X, il-punt 2, u b’mod partikolari f’konformità mal-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Anness X, il-punt 3.
8.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 73 biex:
(a)Temenda l-listi tal-materja prima u l-kategoriji ta-riskju fl-Anness X fid-dawl tal-progress xjentifiku u teknoloġiku fil-manifattura tal-batteriji u fil-kimika u l-emendi għar-Regolament (UE) 2017/821;
(b)temenda l-obbligi fuq l-operatur ekonomiku msemmija fil-paragrafu 1 li huma stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 4 fid-dawl tal-emendi tar-Regolament (UE) 2017/821 u l-bidliet fir-rakkomandazzjonijiet tad-diliġenza dovuta stabbiliti fl-Anness I tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta.
Artikolu 40
Obbligi tar-rappreżentanti awtorizzati
1.Meta l-manifattur ta’ batterija ma jkunx stabbilit fi Stat Membru, il-batterija tista’ titqiegħed fis-suq tal-Unjoni biss jekk il-manifattur jaħtar rappreżentant awtorizzat uniku.
2.Il-ħatra għandha tikkostitwixxi l-mandat tar-rappreżentant awtorizzat, għandha tkun valida biss meta tiġi aċċettata bil-miktub mir-rappreżentant awtorizzat u għandha tkun effettiva mill-inqas għall-batteriji kollha tal-istess mudell ta’ batteriji.
3.L-obbligi stipulati fl-Artikolu 38(1) u l-obbligu li titfassal dokumentazzjoni teknika ma għandhomx jifformaw parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.
4.Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat li jkun irċieva mingħand il-manifattur. Ir-rappreżentant awtorizzat għandu jipprovdi kopja tal-mandat lill-awtorità kompetenti, fuq talba. Il-mandat għandu jippermetti lir-rappreżentant awtorizzat jagħmel mill-inqas dawn li ġejjin:
(a)jivverifika li jkunu tfasslu d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u d-dokumentazzjoni teknika u, fejn applikabbli, li tkun twettqet proċedura xierqa ta’ valutazzjoni tal-konformità mill-manifattur
(b)iżomm id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u d-dokumentazzjoni teknika aġġornata għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal 10 snin wara li l-batterija tkun tqiegħdet fis-suq;
(c)wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jipprovdi lil dik l-awtorità bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità tal-batterija;
(d)jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali, fuq talba tagħhom, fuq kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji maħluqa mill-batteriji koperti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat;
(e)jissodisfa l-obbligi tal-manifattur skont il-Kapitolu V
(f)itemm il-mandat jekk il-manifattur jaġixxi b’mod kuntrarju għall-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament.
Artikolu 41
Obbligi tal-importaturi
1.L-importaturi għandhom iqiegħdu fis-suq jew iqiegħdu fis-servizz batterija li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Kapitoli II u III
2.Qabel ma jqiegħdu batterija fis-suq jew fis-servizz, l-importaturi għandhom jivverifikaw li tkun twettqet il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti msemmija fl-Artikolu 17 mill-manifattur. Huma għandhom jivverifikaw li l-manifattur ikun fassal id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII, li l-batterija jkollha l-markatura CE msemmija fl-Artikolu 19 u li l-kodiċi QR imsemmi fl-Artikolu 13(5) ikun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa u li l-manifattur ikun ikkonforma mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 7, 8 u 9 tal-Artikolu 38.
Meta importatur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li batterija mhijiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III, l-importatur ma għandux iqiegħed tali batterija fis-suq jew fis-servizz qabel ma din issir konformi. Barra minn hekk, meta l-batterija tippreżenta riskju, l-importatur għandu jinforma b’dan lill-manifattur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.
3.L-importaturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tagħhom fuq il-batterija, kif ukoll l-indirizz fejn jistgħu jiġu kkuntattjati jew, meta dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tagħha jew f’dokument li jakkumpanja l-batterija. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-konsumaturi, minn utenti finali oħrajn, u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.
4.L-importaturi għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun issodisfa l-obbligi tiegħu skont il-paragrafi 7, 9 u 10 tal-Artikolu 38.
5.L-importaturi għandhom jiżguraw li, waqt li batterija tkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet tal-ħażna jew tat-trasport ma jipperikolawx il-konformità tagħha mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III.
6.Meta jkun meqjus xieraq fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn batterija, l-importaturi għandhom, biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u s-sikurezza tal-konsumaturi, iwettqu ttestjar tal-kampjuni tal-batteriji mqiegħda fis-suq, jinvestigaw u, jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta’ lmenti, tal-batteriji mhux konformi u s-sejħiet lura tal-batteriji, u għandhom iżommu lid-distributuri informati b’tali monitoraġġ.
7.L-importaturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li batterija, li huma jkunu qiegħdu fis-suq jew fis-servizz, mhijiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III, għandhom minnufih jieħdu l-azzjoni korrettiva meħtieġa biex dik il-batterija ssir konformi, tiġi rtirata jew tissejjaħ lura mis-suq, kif xieraq. Barra minn hekk, meta l-batterija tippreżenta riskju, l-importaturi għandhom jinformaw minnufih lill-awtorità nazzjonali tal-Istat Membru li fih ikunu qiegħdu l-batterija fis-suq għal dak l-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda.
8.L-importaturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII u kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għal 10 snin wara li l-batterija tkun tqiegħdet fis-suq jew fis-servizz.
9.L-importaturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jipprovdulha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni teknika kollha meħtieġa biex juru l-konformità ta’ batterija mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni teknika għandhom jiġu pprovduti f’forma stampata jew f’forma elettronika. L-importaturi għandhom jikkooperaw mal-awtorità nazzjonali, fuq talba tagħha, dwar kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-batteriji, li huma jkunu qiegħdu fis-suq jew qiegħdu fis-servizz.
Artikolu 42
Obbligi tad-distributuri
1.Meta jqiegħdu batterija fis-suq, id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni meħtieġa b’rabta mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
2.Qabel ma jqiegħdu batterija fis-suq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li:
(a)il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur, l-importatur jew distributuri oħrajn ikunu rreġistrati fit-territorju ta’ Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 46;
(b)il-batterija jkollha l-markatura CE,
(c)il-batterija tkun akkumpanjata mid-dokumenti meħtieġa b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utent finali ieħor fl-Istat Membru li fih il-batterija għandha titqiegħed fis-suq, kif ukoll minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza u
(d)il-manifattur u l-importatur ikunu kkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 7, 9 u 10 tal-Artikolu 38 u l-Artikolu 41(3) u (4), rispettivament.
3.Meta distributur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li batterija mhijiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III, huwa ma għandux iqiegħed il-batterija fis-suq qabel ma din issir konformi. Barra minn hekk, meta l-batterija tippreżenta riskju, id-distributur għandu jinforma b’dan lill-manifattur jew lill-importatur, kif ukoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq rilevanti.
4.Id-distributuri għandhom jiżguraw li, waqt li batterija tkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet tal-ħażna jew tat-trasport ma jipperikolawx il-konformità tagħha mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III.
5.Distributuri li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li batterija, li huma jkunu qiegħdu fis-suq, ma tkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III għandhom jiżguraw li tittieħed l-azzjoni korrettiva meħtieġa biex dik il-batterija ssir konformi, biex tiġi rtirata jew biex tissejjaħ lura mis-suq, kif xieraq. Barra minn hekk, meta l-batterija tippreżenta riskju, id-distributuri għandhom jinformaw minnufih b’dan lill-awtorità nazzjonali tal-Istati Membri fejn ikunu qiegħdu l-batterija fis-suq, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda.
6.Id-distributuri għandhom, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jipprovdulha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni teknika kollha meħtieġa biex juru l-konformità ta’ batterija mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni teknika għandhom jiġu pprovduti f’forma stampata jew f’forma elettronika. Id-distributuri għandhom jikkooperaw mal-awtorità nazzjonali, fuq talba tagħha, fuq kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-batteriji li huma jkunu qiegħdu fis-suq.
Artikolu 43
Obbligi tal-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni
Il-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni għandhom jiżguraw li, għall-batteriji li jimmaniġġaw, il-kundizzjonijiet waqt il-ħażna, l-imballaġġ, l-indirizzar jew id-dispaċċ ma jipperikolawx il-konformità tal-batteriji mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III.
Artikolu 44
Każijiet fejn l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u d-distributuri
Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u dak l-importatur jew id-distributur għandu jkun soġġett għall-obbligi tal-manifattur skont l-Artikolu 40, fejn
(a)batterija titqiegħed fis-suq jew titqiegħed fis-servizz taħt l-isem jew il-marka kummerċjali tal-importatur jew tad-distributur stess;
(b)batterija li tkun diġà tqiegħdet fis-suq jew fis-servizz tiġi mmodifikata minn dak l-importatur jew id-distributur b’tali mod li tkun tista’ tiġi affettwata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;
(c)l-iskop ta’ batterija diġà mqiegħda fis-suq jew fis-servizz jiġi mmodifikat minn dak l-importatur jew id-distributur.
Artikolu 45
Identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi
Fuq talba ta’ awtorità tas-sorveljanza tas-suq jew awtorità nazzjonali, għal perjodu ta’ 10 snin wara t-tqegħid fis-suq ta’ batterija, l-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu informazzjoni dwar dawn li ġejjin:
(a)l-identità ta’ kwalunkwe operatur ekonomiku li jkun fornielhom batterija;
(b)l-identità ta’ kwalunkwe operatur ekonomiku li jkunu fornewlu batterija, kif ukoll il-kwantità u l-mudelli eżatti.
Kapitolu VII
Immaniġġar ta’ tmiem il-ħajja tal-batteriji
Artikolu 46
Reġistru tal-produtturi
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistru tal-produtturi li għandu jservi biex jissorvelja l-konformità tal-produtturi mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu. Ir-reġistru għandu jiġi ġestit mill-awtorità kompetenti.
2.Il-produtturi għandhom ikunu obbligati jirreġistraw. Għal dak l-għan għandhom jippreżentaw applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn iqiegħdu fis-suq il-batterija għall-ewwel. Meta produttur ikun ħatar organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-obbligi skont dan l-artikolu għandhom jiġu ssodisfati minn dik l-organizzazzjoni mutatis mutandis, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Fl-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni, il-produttur għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti:
(a)l-isem u l-indirizz tal-produttur, inklużi l-kodiċi postali u l-post, it-triq u n-numru, il-pajjiż, in-numri tat-telefon u tal-fax, jekk ikun hemm, l-indirizz tal-internet u l-indirizz tal-posta elettronika;
(b)il-kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-produttur, inkluż in-numru tar-reġistru kummerċjali tiegħu jew numru tar-reġistrazzjoni uffiċjali ekwivalenti, inkluż in-numru tat-taxxa nazzjonali jew Ewropew;
(c)fil-każ ta’ awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandha, minbarra l-informazzjoni meħtieġa taħt il-punti (a) u (b), tipprovdi
(i)l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt, inklużi l-kodiċi postali u l-post, it-triq u n-numru, il-pajjiż, in-numri tat-telefon u tal-fax, l-indirizz tal-internet u l-indirizz tal-posta elettronika tal-produtturi rrappreżentati;
(ii)il-mandat tal-produttur rappreżentant;
(iii)fejn ir-rappreżentant awtorizzat jirrappreżenta aktar minn produttur wieħed, indikazzjonijiet separati tal-isem u d-dettalji ta’ kuntratt ta’ kull wieħed mill-produtturi rrappreżentati.
(d)it-tip ta’ batteriji li l-produttur ikollu l-ħsieb li jqiegħed fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru, jiġifieri batteriji portabbli, batteriji industrijali, batteriji tal-vetturi elettriċi, jew batteriji awtomotivi;
(e)il-marka li taħtha l-produttur għandu l-ħsieb li jforni l-batteriji fl-Istat Membru;
(f)l-informazzjoni dwar kif il-produttur jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 47 u r-rekwiżiti skont l-Artikolu 48 u l-Artikolu 49, rispettivament:
(i)għall-batteriji portabbli, ir-rekwiżiti ta’ dan il-punt (f) għandhom jiġu ssodisfati billi jiġu pprovduti:
–dikjarazzjoni li turi l-miżuri stabbiliti mill-produttur biex jintlaħqu l-obbligi ta’ responsabbiltà tal-produtturi stabbiliti fl-Artikolu 47, il-miżuri stabbiliti biex jiġu ssodisfati l-obbligi tal-ġbir separat stabbiliti fl-Artikolu 48(1) fir-rigward tal-ammont ta’ batteriji li jforni l-produttur u s-sistema maħsuba biex tiżgura li d-data rrapportata lill-awtoritajiet kompetenti tkun affidabbli;
–fejn applikabbli, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt, inklużi l-kodiċi postali u l-post, it-triq u n-numru, il-pajjiż, in-numri tat-telefon u tal-fax, l-indirizz tal-internet u l-indirizz tal-posta elettronika u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi fdata mill-produttur biex tissodisfa l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 47(2), inklużi n-numru tar-reġistru kummerċjali jew numru tar-reġistrazzjoni uffiċjali ekwivalenti tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, inkluż in-numru tat-taxxa nazzjonali jew Ewropew tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, u l-mandat tal-produttur irrappreżentat;
(ii)għall-batteriji awtomotivi, industrijali u tal-vetturi elettriċi, ir-rekwiżiti ta’ dan il-punt (f) għandhom jiġu ssodisfati billi jiġu pprovduti:
–dikjarazzjoni li tipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri stabbiliti mill-produttur biex jintlaħqu l-obbligi ta’ responsabbiltà tal-produtturi stabbiliti fl-Artikolu 47, il-miżuri stabbiliti biex jiġu ssodisfati l-obbligi tal-ġbir stabbiliti fl-Artikolu 49(1) fir-rigward tal-ammont ta’ batteriji li jforni l-produttur u s-sistema maħsuba biex tiżgura li d-data rrapportata lill-awtoritajiet kompetenti tkun affidabbli;
–fejn applikabbli, il-kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi fdata mill-produttur biex tissodisfa l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi f’konformità mal-paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu 47, inklużi n-numru tar-reġistru kummerċjali jew numru tar-reġistrazzjoni uffiċjali ekwivalenti tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, inkluż in-numru tat-taxxa nazzjonali jew Ewropew tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, u l-mandat tal-produttur irrappreżentat;
–fejn l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi tirrappreżenta aktar minn produttur wieħed, hija għandha tindika separatament kif kull wieħed mill-produtturi rrappreżentati jissodisfa r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 47.
(g)dikjarazzjoni mill-produttur jew mill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2) li tiddikjara li l-informazzjoni pprovduta hija vera.
3.L-awtorità kompetenti:
(a)għandha tirċievi applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-produtturi msemmija fil-paragrafu 2 permezz ta’ sistema elettronika tal-ipproċessar tad-data li d-dettalji tagħhom għandhom ikunu disponibbli fuq is-sit web tal-awtoritajiet kompetenti;
(b)għandha tagħti reġistrazzjonijiet u tipprovdi numru tar-reġistrazzjoni f’perjodu massimu ta’ sitt ġimgħat mill-mument li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha stipulata fil-paragrafu 2;
(c)tista’ tistabbilixxi modalitajiet fir-rigward tar-rekwiżiti u l-proċess tar-reġistrazzjoni mingħajr ma żżid rekwiżiti sostantivi ma’ dawk stipulati fil-paragrafu 2;
(d)tista’ titlob ħlasijiet proporzjonati u bbażati fuq il-kostijiet lill-produtturi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.
4.Il-produttur, jew, fejn applikabbli, l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2) f’isem il-produtturi li tirrappreżenta għandha tinnotifika mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni li tinsab fir-reġistrazzjoni u bi kwalunkwe waqfien permanenti fir-rigward tat-tqegħid fis-suq fit-territorju tal-Istat Membru tal-batteriji msemmija fir-reġistrazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1(d).
Artikolu 47
Responsabbiltà Estiża tal-Produttur
1.Il-produtturi tal-batteriji għandu jkollhom responsabbiltà estiża tal-produtturi għall-batteriji li huma jqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru, biex tiġi żgurata l-kisba tal-obbligi tal-immaniġġar tal-iskart stabbiliti f’dan il-Kapitolu. Din ir-responsabbiltà għandha tinkludi l-obbligu li huma:
(a)jorganizzaw il-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji f’konformità mal-Artikolu 48 u mal-Artikolu 49 u t-trasport, il-preparazzjoni għal adattament għal skop differenti u għall-manifattura mill-ġdid, it-trattament u r-riċiklaġġ sussegwenti tal-iskart ta’ batteriji, inklużi l-miżuri ta’ sikurezza meħtieġa, f’konformità mal-Artikolu 56;
(b)jirrapportaw dwar l-obbligi relatati mal-batteriji li jkunu tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 61;
(c)jippromwovu l-ġbir separat tal-batteriji, inkluż billi jkopru l-ispejjeż tat-twettiq ta’ stħarriġ biex jiġu identifikati batteriji mormija b’mod mhux adegwat mill-utenti finali skont l-Artikolu 48(1);
(d)jipprovdu informazzjoni, inkluża informazzjoni dwar tmiem il-ħajja tal-batteriji f’konformità mal-Artikolu 60;
(e)jiffinanzjaw l-attivitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (d).
2.Il-produtturi jistgħu jafdaw organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi awtorizzata f’konformità mal-paragrafu 6 biex twettaq l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi f’isimhom.
3.Il-produtturi u, fejn jinħatru f’konformità mal-paragrafu 2, l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom għandhom:
(a)ikollhom il-mezzi organizzattivi u finanzjarji meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi msemmija fil-paragrafu 1;
(b)idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmu adegwat ta’ awtokontroll, appoġġat minn awditi indipendenti regolari, biex jivvalutaw regolarment:
(i)il-ġestjoni finanzjarja tagħhom, inkluż il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1(e) u l-punt (a) ta’ dan il-paragrafu;
(ii)il-kwalità tad-data miġbura u rrappurtata skont il-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu u skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.
4.Fil-każ ta’ eżerċizzju kollettiv ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi, l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa lilhom mill-produtturi:
(a)ikunu modulati bħala minimu mit-tip ta’ batterija u l-kimika tal-batterija u, kif xieraq, b’kont meħud tar-rikarikabbiltà u l-livell ta’ kontenut riċiklat fil-manifattura tal-batteriji;
(b)jiġu aġġustati biex jitqies kwalunkwe dħul mill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi mill-użu mill-ġdid u mill-bejgħ ta’ materja prima sekondarja mill-batteriji u mill-iskart ta’ batteriji;
(c)jiżguraw it-trattament indaqs tal-produtturi, irrispettivament mill-oriġini jew mid-daqs tagħhom, mingħajr ma jqiegħdu piż regolatorju sproporzjonat fuq il-produtturi, inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, ta’ kwantitajiet żgħar ta’ batteriji.
5.Fejn, f’konformità mal-Artikoli 48(2), 49(3), 53(1), 56(1), u mal-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 61, l-attivitajiet biex jitwettqu l-obbligi msemmija fil-punti minn (a) sa (d) tal-paragrafu 1 jitwettqu minn parti terza minbarra produttur jew organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, il-kostijiet li għandhom jiġu koperti mill-produtturi ma għandhomx jaqbżu l-kostijiet li huma meħtieġa biex dawk l-attivitajiet jiġu pprovduti b’mod kosteffiċjenti. Tali kostijiet għandhom jiġu stabbiliti b’mod trasparenti bejn il-produtturi u l-partijiet terzi kkonċernati u jiġu aġġustati sabiex jitqies kwalunkwe dħul mill-użu mill-ġdid u mill-bejgħ ta’ materja prima sekondarja mill-batteriji u mill-iskart ta’ batteriji.
6.L-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom japplikaw għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss meta jintwera li l-miżuri stabbiliti mill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jkunu biżżejjed biex jissodisfaw l-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu fir-rigward tal-ammont ta’ batteriji li jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru mill-produtturi li f’isimhom taġixxi. L-awtorità kompetenti għandha, f’intervalli regolari, tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1, 3, 4 u 5 għadhomx jiġu ssodisfati. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiffissaw id-dettalji tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u l-modalitajiet għall-verifika tal-konformità, inkluża l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-produtturi għal dak il-għan.
L-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien bla bżonn dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, dwar kwalunkwe bidla li tikkonċerna t-termini tal-awtorizzazzjoni u dwar il-waqfien permanenti tal-operazzjonijiet.
Meta, fit-territorju ta’ Stat Membru, diversi organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jkunu awtorizzati biex jissodisfaw l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi f’isem il-produtturi, huma għandhom iwettqu l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi tagħhom b’mod ikkoordinat sabiex tiġi żgurata kopertura fit-territorju kollu tal-Istat Membru tal-attivitajiet taħt il-paragrafu 1(a). L-Istati Membri għandhom jafdaw lill-awtorità kompetenti jew jaħtru parti terza indipendenti biex tissorvelja li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jikkoordinaw f’konformità mas-sentenza preċedenti.
7.Sabiex tintwera l-konformità mal-paragrafu 3(a), il-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-paragrafu 2, l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom, għandhom jipprovdu garanzija li tista’ tieħu l-forma ta’ assigurazzjoni għar-riċiklaġġ jew kont bankarju mblukkat, jew parteċipazzjoni mill-produttur f’organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi.
8.L-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data fil-pussess tagħhom fir-rigward ta’ informazzjoni proprjetarja jew informazzjoni direttament attribwibbli lil produtturi individwali jew lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom.
9.L-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jippubblikaw l-informazzjoni li ġejja fuq is-siti web tagħhom sal-aħħar ta’ kull sena, soġġetti għall-kunfidenzjalità kummerċjali u industrijali:
(a)is-sjieda tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi;
(b)il-lista tal-produtturi li fdaw lill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi biex twettaq l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi tagħhom f’isimhom;
(c)ir-rata ta’ ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji, il-livell ta’ riċiklaġġ u l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ miksuba abbażi tal-ammont ta’ batteriji li tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fl-Istat Membru mill-produtturi membri tagħhom;
(d)il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa mill-produtturi membri tagħhom għal kull batterija jew għal kull piż tal-batteriji, li jindikaw ukoll il-kategoriji ta’ modulazzjoni tat-tariffi applikati f’konformità mal-paragrafu 4(a).
10.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw il-konformità tal-produtturi, inklużi dawk li jfornu batteriji permezz ta’ kuntratti mill-bogħod u, meta jkunu maħtura f’konformità mal-paragrafu 2, tal-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom, mal-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu.
11.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu maħsub biex jiżgura djalogu regolari bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti involuti fit-twettiq tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi għall-batteriji, inklużi produtturi u distributuri, operaturi privati jew pubbliċi tal-iskart, awtoritajiet lokali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u, fejn applikabbli, atturi tal-ekonomija soċjali, netwerks ta’ użu mill-ġdid u ta’ tiswija u operaturi tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid.
12.Fejn meħtieġ biex tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-kriterji għall-applikazzjoni tal-paragrafu 4(a). Dak l-att ta’ implimentazzjoni ma jistax ikun jikkonċerna d-determinazzjoni preċiża tal-livell tal-kontribuzzjonijiet. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
13.L-Artikoli 8 u 8a tad-Direttiva 2008/98/KE ma għandhomx japplikaw għall-batteriji.
Artikolu 48
Il-ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli
1.Il-produtturi jew, fejn jinħatru f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom, għandhom jiżguraw il-ġbir tal-iskart kollu ta’ batteriji portabbli, irrispettivament min-natura, il-marka jew l-oriġini tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru fejn huma jqiegħdu l-batteriji fis-suq għall-ewwel darba. Għal dak l-iskop, huma għandhom:
(a)jistabbilixxu punti ta’ ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli;
(b)joffru l-ġbir ta’ skart ta’ batteriji portabbli, mingħajr ħlas, lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2(a) u jipprevedu l-ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli mill-entitajiet kollha li jkunu għamlu użu minn dik l-offerta (“punti ta’ ġbir konnessi”);
(c)jipprevedu l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-ġbir u t-trasport, inkluż il-forniment mingħajr ħlas ta’ kontenituri xierqa għall-ġbir u t-trasport li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/98/KE għall-punti ta’ ġbir konnessi;
(d)jiżguraw il-ġbir mingħajr ħlas tal-iskart ta’ batteriji portabbli miġbur mill-punti tal-ġbir konnessi, bi frekwenza li tkun proporzjonata għaż-żona koperta u l-volum u n-natura perikoluża tal-iskart ta’ batteriji portabbli ġeneralment miġbur minn dawk il-punti ta’ ġbir;
(e)jiżguraw li l-iskart ta’ batteriji portabbli miġbur minn punti ta’ ġbir konnessi sussegwentement ikun soġġett għal trattament u riċiklaġġ f’faċilità permessa minn operatur tal-immaniġġar tal-iskart f’konformità mal-Artikolu 56.
2.Il-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom, għandhom jiżguraw li n-netwerk ta’ punti ta’ ġbir konnessi:
(a)jikkonsisti f’punti ta’ ġbir ipprovduti minnhom b’kooperazzjoni ma’:
(i)distributuri f’konformità mal-Artikolu 50;
(ii)tagħmir elettriku u elettroniku u faċilitajiet għat-trattament tal-vetturi li m’għadhomx jintużaw u għar-riċiklaġġ f’konformità mal-Artikolu 52;
(iii)l-awtoritajiet pubbliċi jew il-partijiet terzi li jwettqu l-immaniġġar tal-iskart f’isimhom f’konformità mal-Artikolu 53;
(iv)il-punti tal-ġbir volontarji f’konformità mal-Artikolu 54;.
(b)ikopri t-territorju kollu tal-Istat Membru b’kont meħud tad-daqs tal-popolazzjoni, il-volum mistenni tal-iskart tal-batteriji portabbli, l-aċċessibbiltà u l-viċinanza għall-utenti finali, li ma jkunx limitat għal żoni fejn il-ġbir u l-immaniġġar sussegwenti tal-iskart ta’ batteriji portabbli huma profittabbli.
3.L-utenti finali, meta jarmu l-iskart tal-batteriji portabbli fil-punti ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 2, ma għandhomx jintalbu jħallsu jew ikunu obbligati jixtru batterija ġdida.
4.Il-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom, għandhom jilħqu, u jżommu b’mod durabbli, mill-inqas il-miri tal-ġbir li ġejjin ta’ skart tal-batteriji portabbli, ikkalkolati bħala persentaġġi tal-batteriji portabbli, minbarra l-batteriji minn mezzi tat-trasport ħfief, li tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fi Stat Membru mill-produttur rispettiv jew b’mod kollettiv mill-produtturi koperti minn organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi:
(a)45 % sal-31 ta’ Diċembru 2023;
(b)65 % sal-31 ta’ Diċembru 2025;
(c)70 % sal-31 ta’ Diċembru 2030.
Il-produtturi jew, fejn ikunu maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom, għandhom jikkalkolaw ir-rata tal-ġbir imsemmija f’dan il-paragrafu f’konformità mal-Anness XI.
5.Il-punti ta’ ġbir stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 1 u mal-paragrafu 2(a) ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni jew permessi tad-Direttiva 2008/98/KE.
6.Il-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jitolbu awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti li għandha tivverifika l-konformità tal-arranġamenti stabbiliti biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu. Fil-każ li l-awtorizzazzjoni tintalab minn organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, it-talba għall-awtorizzazzjoni għandha tidentifika b’mod ċar il-produtturi membri attivi li tkun qed tirrappreżenta.
7.L-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandha tiżgura l-kunfidenzjalità tad-data fil-pussess tagħha fir-rigward tal-informazzjoni proprjetarja jew tal-informazzjoni attribwibbli direttament lill-produtturi individwali. Fl-awtorizzazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati għal dak l-għan.
8.L-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 6 tista’ biss tingħata fejn jintwera, billi tiġi pprovduta evidenza dokumentata, li r-rekwiżiti tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati u li l-arranġamenti kollha huma fis-seħħ biex jippermettu l-kisba u ż-żamma b’mod dewwiemi tal-mira tal-ġbir imsemmija fil-paragrafu 4. Meta l-awtorizzazzjoni tintalab minn organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, hija għandha tinkiseb bħala parti mill-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 47(6).
9.L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi d-dettalji tal-proċedura għall-għoti tal-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 6 biex tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 4 u fl-Artikolu 56. Dan għandu jinkludi r-rekwiżit ta’ rapport ta’ esperti indipendenti għal verifika ex ante tal-arranġamenti għall-ġbir skont dan l-artikolu b’mod li tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti skont dan l-Artikolu. Dan għandu jinkludi wkoll perjodi ta’ żmien għall-verifika tal-passi rispettivi u d-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti, li ma għandhomx jaqbżu sitt ġimgħat mill-preżentazzjoni ta’ dossier komplet tal-applikazzjoni.
10.L-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina regolarment, u tal-anqas kull tliet snin, jekk il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 6 għadhomx issodisfati. L-awtorizzazzjoni tista’ tiġi revokata meta l-mira tal-ġbir stabbilita fil-paragrafu 4 ma tintlaħaqx jew il-produttur jew l-organizzazzjoni ta’ responsabbiltà tal-produttur tkun fi ksur materjali tal-obbligi tagħha skont il-paragrafi 1 sa 3.
11.Il-produttur jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li taġixxi f’ismu, għandhom jinnotifikaw minnufih lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla fil-kundizzjonijiet koperti mill-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 7, bi kwalunkwe bidla li tikkonċerna t-termini tal-awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 8 u bil-waqfien permanenti tal-operazzjonijiet.
12.Kull ħames snin l-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ dwar il-kompożizzjoni tal-inqas fil-livell NUTS 2 tal-flussi tal-iskart muniċipali miġbur u l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku biex jiġi ddeterminat is-sehem tal-iskart ta’ batteriji portabbli fihom. L-ewwel stħarriġ għandu jitwettaq sal-31 ta’ Diċembru 2023. Abbażi tal-informazzjoni miksuba, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jesiġu, meta jagħtu jew jirrieżaminaw awtorizzazzjoni skont il-paragrafi 6 u 10, li l-produtturi ta’ batteriji portabbli jew l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jieħdu azzjoni korrettiva biex iżidu n-network tagħhom tal-punti tal-ġbir konnessi u jwettqu kampanji ta’ informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 60(1) b’mod proporzjonat mas-sehem tal-iskart tal-batteriji portabbli fl-iskart muniċipali mħallat u fl-iskart tal-flussi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku misjub fl-istħarriġ.
Artikolu 49
Ġbir tal-iskart tal-batteriji awtomotivi, tal-batteriji industrijali u tal-batteriji tal-vetturi elettriċi
1.Il-produtturi tal-batteriji awtomotivi, tal-batteriji industrijali u tal-batteriji tal-vetturi elettriċi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jieħdu lura, mingħajr ħlas u mingħajr obbligu fuq l-utent finali li jixtri batterija ġdida, u lanqas li jkun xtara l-batterija mingħandhom, l-iskart kollu tal-batteriji awtomotivi, tal-batteriji industrijali u tal-batteriji tal-vetturi elettriċi tat-tip rispettiv li huma jkunu qiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Għal dak l-għan, huma għandhom jaċċettaw li jieħdu lura l-iskart tal-batteriji awtomotivi, tal-batteriji industrijali u tal-batteriji tal-vetturi elettriċi mingħand l-utenti finali, jew mill-punti ta’ ġbir ipprovduti b’kooperazzjoni ma’:
(a)id-distributuri tal-batteriji awtomotivi, tal-batteriji industrijali u tal-batteriji tal-vetturi elettriċi f’konformità mal-Artikolu 50(1);
(b)il-faċilitajiet għat-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku u ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw imsemmija fl-Artikolu 52 għall-iskart tal-batteriji awtomotivi, industrijali u tal-vetturi elettriċi li jirriżulta mill-operazzjonijiet tagħhom;
(c)l-awtoritajiet pubbliċi jew il-partijiet terzi li jwettqu l-immaniġġar tal-iskart f’isimhom f’konformità mal-Artikolu 53.
Meta l-iskart tal-batteriji industrijali jkun jirrikjedi ż-żarmar minn qabel fil-bini tal-utenti privati u mhux kummerċjali, l-obbligu tal-produttur li jieħu lura dawk il-batteriji għandu jinkludi l-kopertura tal-ispejjeż taż-żarmar u tal-ġbir tal-iskart tal-batteriji fil-bini ta’ dawk l-utenti.
2.L-arranġamenti ta’ teħid lura stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 1 għandhom ikopru t-territorju kollu ta’ Stat Membru b’kont meħud tad-daqs u d-densità tal-popolazzjoni, il-volum mistenni tal-iskart tal-batteriji awtomotivi, industrijali u tal-vetturi elettriċi, l-aċċessibbiltà u l-qrubija għall-utenti finali, li ma jkunux limitati għal żoni fejn il-ġbir u l-immaniġġar sussegwenti tal-iskart tal-batteriji awtomotivi, industrijali u tal-vetturi elettriċi huma l-aktar profittabbli.
3.Il-produtturi tal-batteriji awtomotivi, tal-batteriji industrijali u tal-batteriji tal-vetturi elettriċi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom:
(a)jipprovdu lill-punti ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 1 b’infrastruttura tal-ġbir adegwata għall-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sikurezza applikabbli u jkopru l-kostijiet meħtieġa mġarrba minn dawk il-punti ta’ ġbir b’rabta mal-attivitajiet ta’ teħid lura. Il-kontenituri għall-ġbir u l-ħażna temporanja ta’ tali batteriji fil-punt tal-ġbir għandhom ikunu adegwati biex jipprovdu għall-volum u n-natura perikoluża tal-iskart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi li x’aktarx jinġabru minn dawk il-punti ta’ ġbir;
(b)jiġbru l-iskart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi mill-punti ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 1 bi frekwenza li tkun proporzjonata għall-kapaċità tal-ħażna tal-infrastruttura tal-ġbir separat u l-volum u n-natura perikoluża tal-iskart ta’ batteriji li ġeneralment jinġabar minn dawk il-punti ta’ ġbir;
(c)jipprevedu l-kunsinna tal-iskart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur mill-utenti finali u mill-punti ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 1 sal-faċilitajiet għat-trattament u r-riċiklaġġ f’konformità mal-Artikolu 56.
4.L-entitajiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3 jistgħu jgħaddu l-iskart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur lill-operaturi awtorizzati tal-immaniġġar tal-iskart għat-trattament u r-riċiklaġġ f’konformità mal-Artikolu 56. F’tali każijiet, l-obbligu tal-produtturi skont il-paragrafu 3 (c) għandu jitqies li jkun ġie ssodisfat.
Artikolu 50
Obbligi tad-distributuri
1.Id-distributuri għandhom jieħdu lura l-iskart ta’ batteriji mingħand l-utent finali mingħajr ħlas u mingħajr obbligu li jixtru batterija ġdida, irrispettivament mill-kompożizzjoni kimika jew l-oriġini tagħhom. It-teħid lura għall-batteriji portabbli għandu jiġi pprovdut fl-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut tagħhom jew fil-viċinanza immedjata tiegħu. It-teħid lura għall-iskart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi għandu jiġi pprovdut fl-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut tagħhom jew fil-viċinanza immedjata tiegħu. Dan l-obbligu huwa limitat għat-tipi ta’ skart ta’ batteriji li d-distributur għandu, jew kellu, bħal batteriji ġodda fl-offerta tiegħu u, għal batteriji portabbli, għall-kwantità li normalment jarmu l-utenti finali mhux professjonali.
2.L-obbligu ta’ teħid lura stipulat fil-paragrafu 1 ma japplikax għall-iskart ta’ prodotti li jkun fihom il-batteriji. Barra minn hekk, għadu japplika wkoll għall-obbligu tal-ġbir separat għall-iskart tal-apparat u l-vetturi li m’għadhomx jintużaw stabbiliti fid-Direttivi 2000/53/KE u 2012/19/UE.
3.Id-distributuri għandhom jgħaddu l-iskart ta’ batteriji li jkunu ħadu lura lill-produtturi jew lill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li huma responsabbli għall-ġbir ta’ dawk il-batteriji f’konformità mal-Artikoli 48 u 49, rispettivament, jew lil operatur tal-immaniġġar tal-iskart bil-ħsieb tat-trattament u r-riċiklaġġ tagħhom f’konformità mal-Artikolu 56.
4.L-obbligi skont dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-operaturi li jfornixxu l-batteriji permezz ta’ kuntratti mill-bogħod lill-utenti finali. Dawk l-operaturi għandhom jipprevedu għadd suffiċjenti ta’ punti ta’ ġbir li jkopru t-territorju kollu ta’ Stat Membru u b’kont meħud tad-daqs u d-densità tal-popolazzjoni, il-volum mistenni tal-iskart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji ta’ vetturi elettriċi, l-aċċessibbiltà u l-qrubija għall-utenti finali li jippermettu lill-utenti finali jirritornaw il-batteriji.
Artikolu 51
Obbligi tal-utenti finali
1.L-utenti finali għandhom jarmu l-iskart ta’ batteriji separatament minn flussi ta’ skart oħrajn, inkluż minn skart muniċipali mħallat.
2.L-utenti finali għandhom jarmu l-iskart ta’ batteriji f’punti ta’ ġbir separat magħżula stabbiliti minn jew f’konformità mal-arranġamenti speċifiċi konklużi mal-produttur jew ma’ organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, f’konformità mal-Artikoli 48 u 49.
3.L-iskart ta’ batteriji portabbli inkorporati f’apparati li jistgħu jitneħħew faċilment mill-utent finali mingħajr l-użu ta’ għodod professjonali għandu jitneħħa u jintrema mill-utenti finali f’konformità mal-paragrafu 1.
4.L-iskart ta’ batteriji inkorporati f’vetturi jew apparat u li ma jistgħux jitneħħew faċilment mill-utent finali, għandu jintrema mill-utent finali f’konformità mad-Direttivi 2000/53/KE u 2012/19/UE, fejn applikabbli.
Artikolu 52
Obbligi tal-faċilitajiet għat-trattament
L-operaturi tal-faċilitajiet għat-trattament tal-iskart soġġetti għad-Direttivi 2000/53/KE u 2012/19/UE għandhom jgħaddu l-iskart ta’ batteriji li jirriżulta mit-trattament ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw u l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku lill-produtturi tal-batteriji rilevanti jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2) ta’ dan ir-Regolament, lill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom jew lill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart bil-ħsieb tat-trattament u r-riċiklaġġ tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 56 ta’ dan ir-Regolament. L-operaturi tal-faċilitajiet tat-trattament tal-iskart għandhom iżommu rekords ta’ dawk it-tranżazzjonijiet.
Artikolu 53
Parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-immaniġġar tal-iskart pubbliku
1.L-iskart ta’ batteriji li joriġina minn utenti privati u mhux kummerċjali jista’ jintrema f’punti tal-ġbir separat stabbiliti minn awtoritajiet pubbliċi tal-immaniġġar tal-iskart.
2.L-awtoritajiet pubbliċi tal-immaniġġar tal-iskart għandhom jgħaddu l-iskart ta’ batteriji miġbur lill-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), lill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom, jew lill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart bil-ħsieb tat-trattament u r-riċiklaġġ ta’ dak l-iskart ta’ batteriji f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 56 jew iwettqu t-trattament u r-riċiklaġġ tagħhom huma stess f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 56.
Artikolu 54
Parteċipazzjoni tal-punti tal-ġbir volontarji
Il-punti tal-ġbir volontarji tal-iskart ta’ batteriji portabbli għandhom jgħaddu l-iskart ta’ batteriji portabbli lill-produtturi tal-batteriji portabbli jew lil partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom, inklużi organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, jew lill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart bil-ħsieb tat-trattament u r-riċiklaġġ tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 56.
Artikolu 55
Ir-rati tal-ġbir għall-iskart ta’ batteriji portabbli
1.L-Istati Membri għandhom jilħqu l-miri minimi ta’ ġbir li ġejjin għall-iskart ta’ batteriji portabbli, minbarra l-iskart ta’ batteriji minn mezzi ta’ trasport ħfief:
(a)45 % sal-31 ta’ Diċembru 2023;
(b)65 % sal-31 ta’ Diċembru 2025;
(c)70 % sal-31 ta’ Diċembru 2030.
2.L-Istati Membri għandhom jikkalkolaw ir-rati ta’ ġbir stabbiliti fil-paragrafu 1 f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness XI.
3.Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2030, tirrieżamina l-mira stabbilita fil-paragrafu 1(c) u, bħala parti minn dak ir-rieżami tikkunsidra l-istabbiliment ta’ mira tal-ġbir għall-batteriji li jħaddmu mezzi ħfief ta’ trasport, fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq, bħala mira separata jew bħala parti minn reviżjoni tal-mira stabbilita fil-paragrafu 1 (c) u fl-Artikolu 48(4). Dan ir-rieżami jista’ jikkunsidra wkoll l-introduzzjoni ta’ metodoloġija ta’ kalkolu sabiex tiġi kkalkolata r-rata ta’ ġbir separat bil-ħsieb li tkun tirrifletti l-kwantità ta’ skart ta’ batteriji disponibbli għall-ġbir. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu tar-rieżami akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.
4.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 73 biex temenda l-metodoloġija għall-kalkolu tar-rata tal-ġbir għall-batteriji portabbli stipulata fl-Anness XI.
Artikolu 56
Trattament u riċiklaġġ
1.L-iskart ta’ batteriji miġbur ma għandux jintrema f’miżbla jew jiġi inċinerat.
2.Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2010/75/UE, il-faċilitajiet permessi għandhom jiżguraw li l-proċessi kollha ta’ trattament u riċiklaġġ għall-iskart ta’ batteriji jkunu konformi, bħala minimu, mal-Parti A tal-Anness XII u mal-aħjar tekniki disponibbli kif definiti fl-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 2010/75/UE.
3.Minbarra l-Artikolu 51(3), meta l-batteriji jinġabru waqt li jkunu għadhom inkorporati fi skart ta’ apparat, huma għandhom jitneħħew mill-iskart ta’ apparat miġbur f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2012/19/UE.
4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 73 biex temenda r-rekwiżiti tat-trattament u r-riċiklaġġ għall-iskart ta’ batteriji stipulati fil-Parti A tal-Anness XII fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku u t-teknoloġiji ġodda emerġenti fl-immaniġġar tal-iskart.
Artikolu 57
Effiċjenzi tar-riċiklaġġ u miri tal-irkupru tal-materjal
1.L-iskart ta’ batteriji kollu miġbur għandu jidħol fi proċess ta’ riċiklaġġ.
2.Ir-riċiklaturi għandhom jiżguraw li kull proċess tar-riċiklaġġ għandu jikseb l-effiċjenzi minimi tar-riċiklaġġ u l-livelli tal-materjali rkuprati stipulati, rispettivament, fil-Partijiet B u Ċ tal-Anness XII.
3.L-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-irkupru tal-materjali stipulati fil-Partijiet B u Ċ tal-Anness XII għandhom jiġu kkalkolati f’konformità mar-regoli stipulati f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 4.
4.Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2023, tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-kalkolu u l-verifika tal-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-irkupru tal-materjali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
5.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 73 biex temenda l-livelli minimi ta’ materjali rkuprati għall-iskart ta’ batteriji stipulati fl-Anness XII, il-Partijiet B u Ċ, fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku u t-teknoloġiji ġodda emerġenti fl-immaniġġar tal-iskart.
Artikolu 58
Vjeġġi tal-iskart tal-batteriji
1.It-trattament u r-riċiklaġġ jistgħu jitwettqu barra l-Istat Membru kkonċernat jew barra l-Unjoni, sakemm il-vjeġġ tal-iskart ta’ batteriji jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u mar-Regolament (KE) Nru 1418/2007.
2.L-iskart ta’ batteriji esportat barra mill-Unjoni f’konformità mal-paragrafu 1 għandu jingħadd biss lejn l-issodisfar tal-obbligi, tal-effiċjenzi u tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 56 u fl-Artikolu 57 jekk ir-riċiklatur jew detentur tal-iskart ieħor li jesporta l-iskart ta’ batteriji għat-trattament u r-riċiklaġġ ikun jista’ juri bil-provi li t-trattament seħħ f’kundizzjonijiet li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat, f’konformità mal-Artikolu 73, li jistabbilixxi regoli dettaljati li jissupplimentaw dawk fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, billi jistabbilixxu l-kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti.
Artikolu 59
Rekwiżiti relatati mal-adattament għal skop differenti u l-manifattura mill-ġdid tal-batteriji industrijali u l-batteriji tal-vetturi elettriċi
1.L-operaturi indipendenti għandhom jingħataw aċċess għas-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija tal-batteriji industrijali rikarikabbli u tal-batteriji tal-vetturi elettriċi b’memorja interna b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh, b’termini u kundizzjonijiet ugwali, għall-fini tal-valutazzjoni u d-determinazzjoni tal-istat tas-saħħa u tat-tul tal-ħajja li jkun jifdal tal-batteriji, skont il-parametri stipulati fl-Anness VII.
2.L-operaturi indipendenti li jwettqu operazzjonijiet ta’ adattament għal skop differenti jew manifattura mill-ġdid għandhom jingħataw aċċess adegwat b’termini u kundizzjonijiet ugwali, għall-informazzjoni rilevanti għall-immaniġġar u l-ittestjar tal-batteriji industrijali rikarikabbli u tal-batteriji tal-vetturi elettriċi, jew tal-apparat u l-vetturi li fihom ikunu inkorporati tali batteriji, kif ukoll tal-komponenti ta’ tali batteriji, apparat jew vetturi, inklużi l-aspetti ta’ sikurezza.
3.L-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta’ adattament għal skop differenti jew manifattura mill-ġdid tal-batteriji għandhom jiżguraw li l-eżami, l-ittestjar tal-prestazzjoni, l-ippakkjar u l-vjeġġ tal-batteriji u tal-komponenti tagħhom jitwettqu wara kontroll tal-kwalità adegwat u skont l-istruzzjonijiet dwar is-sikurezza.
4.L-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta’ adattament għal skop differenti jew manifattura mill-ġdid tal-batteriji għandhom jiżguraw li l-batterija adattata għal skop differenti jew manifatturata mill-ġdid tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, mar-rekwiżiti relevanti tal-prodott, dawk ambjentali u tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem f’leġiżlazzjoni oħra u mar-rekwiżiti tekniċi għall-iskop speċifiku tal-użu tagħha meta titqiegħed fis-suq.
Batterija li tkun ġiet adattata għal skop differenti jew manifatturata mill-ġdid ma għandhiex tkun soġġetta għall-obbligi stipulati fl-Artikolu 7(1), (2) u (3), fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), fl-Artikolu 10(1) u (2) u fl-Artikolu 39(1) fejn l-operatur ekonomiku li jqiegħed fis-suq batterija adattata għal skop differenti jew manifatturata mill-ġdid jista’ juri li l-batterija, qabel l-adattament tagħha għal skop differenti jew il-manifattura mill-ġdid tagħha, tqiegħdet fis-suq qabel id-dati li fihom dawk l-obbligi jsiru applikabbli f’konformità ma’ dawk l-Artikoli.
5.Sabiex jiddokumenta li l-iskart ta’ batterija, soġġetta għal operazzjoni ta’ adattament għal skop differenti jew ta’ manifatturata mill-ġdid, ma għadux skart, is-sid tal-batterija għandu juri dan li ġej fuq talba ta’ awtorità kompetenti:
(a)evidenza tal-evalwazzjoni jew tal-ittestjar tal-istat tas-saħħa mwettqa fi Stat Membru fil-forma ta’ kopja tar-rekord li tikkonferma l-kapaċità tal-batterija li tagħti l-prestazzjoni rilevanti għall-użu tagħha wara operazzjoni ta’ adattament għal skop differenti jew ta’ manifattura mill-ġdid;
(b)użu ulterjuri tal-batterija li tkun soġġetta għal adattament tagħha għal skop differenti jew għall-manifattura mill-ġdid tagħha, iddokumentat permezz ta’ fattura jew ta’ kuntratt għall-bejgħ jew għat-trasferiment tas-sjieda tal-batterija;
(c)evidenza ta’ protezzjoni xierqa kontra ħsara waqt it-trasport, it-tagħbija u l-ħatt, inkluż permezz ta’ imballaġġ suffiċjenti u stivar xieraq tat-tagħbija.
6.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u fil-punt (a) tal-paragrafu 5 għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti finali u ta’ partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom, b’termini u kundizzjonijiet ugwali, bħala parti mid-dokumentazzjoni teknika li takkumpanja l-batterija adattata għal skop differenti jew manifatturata mill-ġdid meta titqiegħed fis-suq jew fis-servizz.
7.L-għoti ta’ informazzjoni f’konformità mal-paragrafi 1, 2, 5 u 6 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva f’konformità mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti.
8.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu rekwiżiti dettaljati li l-batteriji jeħtieġu jissodisfaw biex ma jibqgħux jiġu kkunsidrati bħala skart u r-rekwiżiti għad-data u l-metodoloġija għall-istima tal-istat tas-saħħa tal-batteriji. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
Artikolu 60
Informazzjoni dwar it-tmiem tal-ħajja
1.Il-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom għandhom jagħmlu disponibbli għall-utenti finali u d-distributuri l-informazzjoni li ġejja dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji fir-rigward tat-tipi ta’ batteriji li l-produtturi jfornu fit-territorju ta’ Stat Membru:
(a)il-kontribut tal-utenti finali għall-prevenzjoni tal-iskart, inkluż permezz ta’ informazzjoni dwar prattiki tajbin rigward l-użu tal-batteriji, bl-għan li jiġu estiżi l-fażi tal-użu tagħhom u l-possibbiltajiet ta’ preparazzjoni għal użu mill-ġdid;
(b)ir-rwol tal-utenti finali fil-kontribut għall-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji f’konformità mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 51 sabiex jippermettu t-trattament u r-riċiklaġġ tagħhom;
(c)il-ġbir separat, il-preparazzjoni għal użu mill-ġdid u s-sistemi ta’ riċiklaġġ disponibbli għall-iskart ta’ batteriji;
(d)l-istruzzjonijiet ta’ sikurezza meħtieġa għall-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji, inkluż b’rabta mar-riskji assoċjati ma’ batteriji li fihom il-litju u l-immaniġġar tagħhom;
(e)it-tifsira tat-tikketti u s-simboli stampati fuq il-batteriji jew fuq l-imballaġġ tagħhom;
(f)l-impatt tas-sustanzi li jinsabu fil-batteriji fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem, inkluż l-impatt minħabba r-rimi mhux xieraq tal-iskart ta’ batteriji, bħal rimi tal-iskart jew rimi bħala skart muniċipali mhux isseparat.
Din l-informazzjoni għandha tiġi magħmula disponibbli
(a)f’intervalli ta’ żmien regolari għal kull mudell mill-mument li l-mudell tal-batterija kkonċernat jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba fi Stat Membru bħala minimu fil-punt tal-bejgħ b’mod viżibbli u permezz ta’ swieq online;
(b)b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħrajn, kif iddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat.
2.Il-produtturi għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-distributuri u tal-operaturi msemmija fl-Artikoli 50, 52 u 53 u ta’ operaturi oħrajn tal-immaniġġar tal-iskart li jwettqu l-attivitajiet ta’ tiswija, manifattura mill-ġdid, preparazzjoni għal użu mill-ġdid, trattament u riċiklaġġ informazzjoni rigward il-miżuri ta’ sikurezza u ta’ protezzjoni, inkluż dwar is-sikurezza okkupazzjonali, applikabbli għall-ħażna u l-ġbir tal-iskart ta’ batteriji.
3.Mill-mument li mudell ta’ batterija jiġi fornut fit-territorju ta’ Stat Membru, il-produtturi għandhom jagħmlu disponibbli elettronikament, fuq talba, lill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart li jwettqu attivitajiet ta’ tiswija, manifattura mill-ġdid, preparazzjoni għal użu mill-ġdid, trattament u riċiklaġġ, sa fejn tkun meħtieġa minn dawk l-operaturi biex iwettqu dawk l-attivitajiet, l-informazzjoni speċifika li ġejja dwar il-mudell tal-batterija fir-rigward tat-trattament xieraq u li jirrispetta l-ambjent tal-iskart ta’ batteriji:
(a)il-proċessi biex jiġi żgurat li l-vetturi u l-apparati jiżżarmaw b’mod li jippermetti t-tneħħija tal-batteriji inkorporati;
(b)il-miżuri tas-sikurezza u tal-protezzjoni, inkluż dwar is-sikurezza okkupazzjonali, applikabbli għall-proċessi tal-ħażna, it-trasport, it-trattament u r-riċiklaġġ għall-iskart ta’ batteriji.
Dik l-informazzjoni għandha tidentifika l-komponenti u l-materjali, u l-pożizzjoni tas-sustanzi perikolużi kollha f’batterija, sa fejn ikun meħtieġ mill-operaturi li jwettqu attivitajiet ta’ tiswija, manifattura mill-ġdid, preparazzjoni għal użu mill-ġdid, trattament u riċiklaġġ sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
Dik l-informazzjoni għandha tiġi magħmula disponibbli b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-operaturi msemmija fl-ewwel subparagrafu, kif iddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat.
4.Id-distributuri li jfornu l-batteriji lill-utenti finali għandhom jipprovdu fil-ħwienet tal-imnut tagħhom, b’mod viżibbli, u permezz tas-swieq online tagħhom, l-informazzjoni elenkata fil-paragrafi 1 u 2, u informazzjoni dwar kif l-utenti finali jistgħu jirritornaw l-iskart ta’ batteriji mingħajr ħlas lejn il-punti ta’ ġbir rispettivi stabbiliti fil-ħwienet tal-imnut jew f’isem suq. Dak l-obbligu għandu jkun limitat għat-tipi ta’ batteriji li d-distributur jew il-bejjiegħ bl-imnut għandu, jew kellu, bħala batteriji ġodda fl-offerta tiegħu.
5.Il-kostijiet koperti mill-produttur skont l-Artikolu 47(1)(e) għandhom jintwerew separatament lill-utent finali fil-punt tal-bejgħ ta’ batterija ġdida. Il-kostijiet imsemmija ma għandhomx jaqbżu l-aħjar stima tal-kostijiet reali mġarrba.
6.Meta l-informazzjoni tiġi pprovduta pubblikament lill-utenti finali skont dan l-Artikolu, għandha tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva f’konformità mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti.
Artikolu 61
Rapportar lill-awtoritajiet kompetenti
1.Il-produtturi tal-batteriji portabbli jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom għandhom jirrapportaw lill-awtorità kompetenti, għal kull sena kalendarja, l-informazzjoni li ġejja skont il-kimika tal-batterija, li tispeċifika l-ammonti ta’ batteriji li jħaddmu mezzi tat-trasport ħfief:
(a)l-ammont ta’ batteriji portabbli li tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru, minbarra kwalunkwe batteriji portabbli li jkunu telqu mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’dik is-sena qabel ma jinbiegħu lill-utenti finali;
(b)l-ammont tal-iskart ta’ batteriji portabbli miġbur f’konformità mal-Artikolu 48, ikkalkolat abbażi tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness XI;
(c)il-mira tal-ġbir milħuqa mill-produttur jew mill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li taġixxi f’isem il-membri tagħhom;
(d)l-ammont tal-iskart ta’ batteriji portabbli miġbur ikkonsenjat għat-trattament u r-riċiklaġġ f’faċilitajiet permessi.
Meta l-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart minbarra produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom, jiġbru l-iskart ta’ batteriji portabbli minn distributuri jew punti ta’ ġbir oħrajn għall-iskart ta’ batteriji portabbli, huma għandhom jirrapportaw lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja l-ammont tal-iskart ta’ batteriji portabbli miġbur skont il-kimika tagħhom u jispeċifikaw l-ammonti ta’ batteriji li jħaddmu mezzi tat-trasport ħfief.
L-operaturi msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu għandhom jirrapportaw din id-data fi żmien erba’ xhur minn tmiem is-sena tar-rapportar li għaliha tinġabar id-data. L-ewwel perjodu ta’ rapportar għandu jikkonċerna l-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rapportar lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 62(6).
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-format u l-proċeduri li f’konformità magħhom għandha tiġi rrapportata d-data lilhom.
2.Il-produtturi tal-batteriji awtomotivi, il-batteriji industrijali u l-batteriji tal-vetturi elettriċi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 47(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom, għandhom jirrapportaw lill-awtorità kompetenti, għal kull sena kalendarja, l-informazzjoni li ġejja, skont il-kimiki u t-tipi ta’ batteriji:
(a)l-ammont ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi li tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fi Stat Membru, minbarra batteriji li jkunu telqu mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’dik is-sena qabel ma jinbiegħu lill-utenti finali;
(b)l-ammont ta’ skart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur u kkonsenjat għat-trattament u r-riċiklaġġ f’faċilitajiet permessi.
3.Meta l-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart jiġbru l-iskart ta’ batteriji mingħand id-distributuri jew minn punti oħrajn għall-ġbir tal-iskart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi, jew inkella mingħand l-utenti finali, huma għandhom jirrapportaw lill-awtorità kompetenti, għal kull sena kalendarja, l-informazzjoni li ġejja skont il-kimiki tagħhom u t-tipi ta’ batteriji:
(a)l-ammont ta’ skart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur;
(b)l-ammont ta’ skart ta’ batteriji awtomotivi, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi kkonsenjat għat-trattament u r-riċiklaġġ f’faċilitajiet permessi.
L-operaturi msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jirrapportaw dik id-data fi żmien erba’ xhur minn tmiem is-sena tar-rapportar li għaliha tinġabar id-data. L-ewwel perjodu ta’ rapportar għandu jikkonċerna l-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rapportar lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 62(5).
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu sistemi elettroniċi li permezz tagħhom id-data għandha tiġi rrapportata lilhom u jispeċifikaw il-formati li għandhom jintużaw. Is-sistemi elettroniċi għar-rapportar tal-informazzjoni stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kompatibbli u interoperabbli mar-rekwiżiti tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 64.
4.Id-data msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandha tinkludi l-batteriji inkorporati f’vetturi u apparat, u l-iskart ta’ batteriji mneħħi minn dawk f’konformità mal-Artikolu 52.
5.L-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart li jwettqu t-trattament u r-riċiklaturi għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti, għal kull sena kalendarja, l-informazzjoni li ġejja:
(a)l-ammont ta’ skart ta’ batteriji riċevut għat-trattament u r-riċiklaġġ;
(b)l-ammont ta’ skart ta’ batteriji li jidħol fil-proċessi tar-riċiklaġġ;
(c)informazzjoni dwar l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-livelli ta’ materjali rkuprati għall-iskart ta’ batteriji.
Ir-rapportar dwar l-effiċjenza tar-riċiklaġġ u l-livelli ta’ materjali rkuprati għandu jkopri l-passi individwali kollha tar-riċiklaġġ u l-frazzjonijiet tal-output korrispondenti kollha. Meta proċess tar-riċiklaġġ jitwettaq f’aktar minn faċilità waħda, l-ewwel riċiklatur huwa responsabbli biex jiġbor l-informazzjoni u jirrapporta din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.
Ir-riċiklaturi għandhom jirrapportaw din id-data fi żmien erba’ xhur minn tmiem is-sena tar-rapportar li għaliha tinġabar id-data. L-ewwel perjodu ta’ rapportar għandu jikkonċerna l-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rapportar lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 62(6).
6.Meta d-detenturi tal-iskart minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 4 jesportaw il-batteriji għat-trattament u r-riċiklaġġ, huma għandhom jirrapportaw id-data dwar l-ammont ta’ skart ta’ batteriji miġbur separatament esportat għat-trattament u r-riċiklaġġ u d-data msemmija fil-paragrafu 4(b) u (c) lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien erba’ xhur minn tmiem is-sena tar-rapportar li għaliha tinġabar id-data.
Artikolu 62
Rapportar lill-Kummissjoni
1.L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, f’format aggregat għal kull sena kalendarja, id-data li ġejja dwar il-batteriji portabbli, il-batteriji awtomotivi, il-batteriji industrijali u l-batteriji tal-vetturi elettriċi skont it-tipi ta’ batteriji u l-kimiki tagħhom u, fir-rigward tal-batteriji portabbli, filwaqt li jidentifikaw separatament il-batteriji li jħaddmu mezzi tat-trasport ħfief:
(a)l-ammont ta’ batteriji li jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fi Stat Membru, minbarra l-batteriji li jkunu telqu mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’dik is-sena qabel ma jinbiegħu lill-utenti finali;
(b)l-ammont ta’ skart ta’ batteriji miġbur f’konformità mal-Artikoli 48 u 49, ikkalkolat abbażi tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness XI;
(c)il-valuri tal-effiċjenzi tar-riċiklaġġ miksuba msemmija fil-Parti B tal-Anness XII, u l-valuri tal-irkupru tal-materjal miksub imsemmija fil-Parti Ċ tal-Anness XII.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu din id-data disponibbli fi żmien 18-il xahar minn tmiem is-sena tar-rapportar li għaliha tinġabar id-data. Huma għandhom jagħmlu dik l-informazzjoni pubblika b’mod elettroniku fil-format stabbilit mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 6, bl-użu ta’ servizzi tad-data faċilment aċċessibbli li huma interoperabbli mas-Sistema stabbilita skont l-Artikolu 64. Id-data għandha tkun tista’ tinqara minn magna, tiġi ssortjata u titfittex, filwaqt li jiġu rrispettati l-istandards miftuħa għall-użu minn partijiet terzi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta d-data msemmija fl-ewwel subparagrafu ssir disponibbli.
L-ewwel perjodu ta’ rapportar għandu jikkonċerna l-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rapportar, f’konformità mal-paragrafu 6.
Minbarra l-obbligi skont id-Direttiva 2000/53/KE u 2012/19/UE, id-data msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandha tinkludi l-batteriji inkorporati f’vetturi u apparat, u l-iskart ta’ batteriji mneħħi minn dawk f’konformità mal-Artikolu 52.
2.Ir-rapportar dwar l-effiċjenza tar-riċiklaġġ u l-livelli ta’ materjali rkuprati msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkopri l-passi individwali kollha tar-riċiklaġġ u l-frazzjonijiet tal-output korrispondenti kollha.
3.Id-data magħmula disponibbli mill-Istati Membri f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata minn rapport ta’ kontroll tal-kwalità. Dik l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 6.
4.Il-Kummissjoni għandha tiġbor u tirrieżamina l-informazzjoni magħmula disponibbli f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jivvaluta l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-data, is-sorsi tad-data u l-metodoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta’ dik id-data. Il-valutazzjoni tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal titjib. Ir-rapport għandu jitfassal wara l-ewwel rapportar tad-data mill-Istati Membri u kull erba’ snin wara dan.
5.Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2023, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format għad-data u l-informazzjoni li għandhom jiġu rrapportati lill-Kummissjoni, kif ukoll il-metodi ta’ verifika u l-kundizzjonijiet operattivi, għall-fini tal-paragrafi 1 u 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
Artikolu 63
Applikazzjoni tal-Kapitolu VII
Il-Kapitolu VII għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2023.
Kapitolu VIII
Skambju elettroniku tal-informazzjoni
Artikolu 64
Sistema ta’ skambju elettroniku
1.Sal-1 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi s-sistema ta’ skambju elettroniku għal informazzjoni dwar il-batteriji (“is-sistema”).
2.Is-sistema għandu jkun fiha l-informazzjoni u d-data dwar il-batteriji industrijali rikarikabbli u l-batteriji tal-vetturi elettriċi b’memorja interna u b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh kif stipulat fl-Anness XIII. Dik l-informazzjoni u d-data għandhom ikunu jistgħu jiġu ssortjati u jitfittxu, filwaqt li jiġu rrispettati l-istandards miftuħa għall-użu minn partijiet terzi.
3.L-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu fis-suq batterija industrijali rikarikabbli jew batterija ta’ vetturi elettriċi b’memorja interna għandhom jagħmlu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 disponibbli b’mod elettroniku f’format li jista’ jinqara minn magna bl-użu ta’ servizzi ta’ data interoperabbli u faċilment aċċessibbli fil-format stabbilit f’konformità mal-paragrafu 5.
4.Il-Kummissjoni għandha, wara rieżami f’konformità mal-Artikolu 62(5), tippubblika permezz tas-Sistema l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 62(1), kif ukoll il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 62(5).
5.Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2024, tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi:
(a)l-arkitettura tas-sistema;
(b)il-format li fih għandhom ikunu disponibbli d-data u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2;
(c)ir-regoli għall-aċċess, il-kondiviżjoni, il-ġestjoni, l-esplorazzjoni, il-pubblikazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni u tad-data fis-sistema.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
Artikolu 65
Passaport tal-batteriji
1.Sal-1 ta’ Jannar 2026, kull batterija industrijali u batterija ta’ vetturi elettriċi mqiegħda fis-suq jew imqiegħda fis-servizz u li l-kapaċità tagħha tkun ogħla minn 2 kWh għandu jkollha rekord elettroniku (“passaport tal-batterija”).
2.Il-passaport tal-batterija għandu jkun uniku għal kull batterija individwali msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jiġi identifikat permezz ta’ identifikatur uniku li l-operatur ekonomiku li jqiegħed il-batterija fis-suq għandu jattribwixxi lilu u li għandu jiġi stampat jew imnaqqax fuqu.
3.Il-passaport tal-batterija għandu jkun marbut mal-informazzjoni dwar il-karatteristiċi bażiċi ta’ kull tip u mudell ta’ batterija maħżuna fis-sorsi tad-data tas-Sistema stabbilita skont l-Artikolu 64. L-operatur ekonomiku li jqiegħed batterija industrijali jew batterija ta’ vetturi elettriċi fis-suq għandu jiżgura li d-data inkluża fil-passaport tal-batterija tkun preċiża, kompleta u aġġornata.
4.Il-passaport tal-batterija għandu jkun aċċessibbli online, permezz ta’ sistemi elettroniċi interoperabbli mas-Sistema stabbilita skont l-Artikolu 64.
5.Il-passaport tal-batterija għandu jippermetti aċċess għal informazzjoni dwar il-valuri għall-parametri tal-prestazzjoni u tad-durabbiltà msemmija fl-Artikolu 10(1), meta l-batterija titqiegħed fis-suq u meta tkun soġġetta għal bidliet fl-istatus tagħha.
6.Meta l-bidla fl-istatus tkun dovuta għal attivitajiet ta’ tiswija jew ta’ adattament għal skop differenti, ir-responsabbiltà għar-reġistrazzjoni tal-batterija fil-passaport tal-batteriji għandha tiġi ttrasferita lill-operatur ekonomiku li jitqies li jqiegħed il-batterija industrijali jew il-batterija ta’ vetturi elettriċi fis-suq jew li jqiegħda fis-servizz.
7.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi r-regoli għall-aċċess, il-kondiviżjoni, il-ġestjoni, l-esplorazzjoni, il-pubblikazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni u tad-data aċċessibbli permezz tal-passaport tal-batteriji.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
Kapitolu IX
Is-sorveljanza tas-suq tal-Unjoni, il-kontroll tal-batteriji li jidħlu fis-suq tal-Unjoni u l-proċeduri ta’ salvagwardja tal-Unjoni
Artikolu 66
Proċedura fil-livell nazzjonali għat-trattament tal-batteriji li jippreżentaw riskju
1.Meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru wieħed ikollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li batterija koperta minn dan ir-Regolament tippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għas-sikurezza tal-persuni, għall-proprjetà jew għall-ambjent, huma għandhom iwettqu evalwazzjoni b’rabta mal-batterija kkonċernata li tkun tkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stipulati f’dan ir-Regolament.
Meta, matul l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq isibu li l-batterija ma tkunx konformi mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, huma għandhom jesiġu, mingħajr dewmien, li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-azzjonijiet korrettivi kollha xierqa biex il-batterija ssir konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti, biex tiġi rtirata jew tissejjaħ lura mis-suq f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li jkun proporzjonat man-natura tar-riskju msemmi fl-ewwel subparagrafu.
L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-korp innotifikat rilevanti kif xieraq.
2.Meta l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq iqisu li n-nuqqas ta’ konformità ma jkunx ristrett għat-territorju nazzjonali tagħhom, huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bir-riżultati tal-evalwazzjoni u bl-azzjonijiet li jkunu talbu lill-operatur ekonomiku jieħu.
3.L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi kollha xierqa fir-rigward tal-batteriji kkonċernati kollha li l-operatur ekonomiku jkun qiegħed fis-suq fl-Unjoni kollha.
4.Meta l-operatur ekonomiku rilevanti ma jiħux azzjoni korrettiva xierqa fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri provviżorji kollha xierqa biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid tal-batteriji fis-suq nazzjonali tagħhom, biex jirtiraw il-batterija minn dak is-suq jew biex din tissejjaħ lura mis-suq.
L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, mingħajr dewmien, dwar dawk il-miżuri.
5.L-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, b’mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-batterija mhux konformi, l-oriġini ta’ dik il-batterija, in-natura tal-allegat nuqqas ta’ konformità u r-riskju involut, in-natura u d-durata tal-miżuri nazzjonali meħuda u l-argumenti mressqa mill-operatur ekonomiku rilevanti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nuqqas ta’ konformità huwiex dovut għal xi waħda minn dawn li ġejjin:
(a)in-nuqqas tal-batterija li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu II jew III ta’ dan ir-Regolament
(b)nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 15;
(c)nuqqasijiet fl-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16.
6.L-Istati Membri minbarra l-Istat Membru li jibda l-proċedura skont dan l-Artikolu għandhom, mingħajr dewmien, jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bi kwalunkwe miżura adottata u bi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali għad-dispożizzjoni tagħhom dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-batterija kkonċernata u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-miżura nazzjonali adottata, bl-oġġezzjonijiet tagħhom.
7.Meta, fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies ġustifikata.
8.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri restrittivi xierqa, bħall-irtirar tal-batterija mis-suq, fir-rigward tal-batterija kkonċernata mingħajr dewmien.
Artikolu 67
Proċedura ta’ salvagwardja tal-Unjoni
1.Meta, ladarba titlesta l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 66(3) u (4), jitqajmu oġġezzjonijiet kontra miżura meħuda minn Stat Membru, jew meta l-Kummissjoni tqis li miżura nazzjonali tmur kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali. Abbażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le.
Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
2.Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha lilhom u lill-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti mingħajr dewmien.
Jekk il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-batterija mhux konformi tiġi rtirata mis-suq tagħhom, u għandhom jinformaw b’dan lill-Kummissjoni.
Jekk il-miżura nazzjonali titqies mhux ġustifikata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtira dik il-miżura.
3.Meta l-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta’ konformità tal-batterija jiġi attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.
Artikolu 68
Batteriji konformi li jippreżentaw riskju
1.Fejn, wara li jkun wettaq evalwazzjoni skont l-Artikolu 67(1), Stat Membru jsib li għalkemm batterija hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III, hija tippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għas-sikurezza tal-persuni, għall-protezzjoni tal-proprjetà jew għall-ambjent, huwa għandu jitlob lill-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiżgura li l-batterija kkonċernata, meta titqiegħed fis-suq, ma tibqax tippreżenta dak ir-riskju, biex il-batterija tiġi rtirata jew tissejjaħ lura mis-suq, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li jkun proporzjonat man-natura ta’ dak ir-riskju.
2.L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed azzjoni korrettiva fir-rigward tal-batteriji kkonċernati kollha li l-operatur ekonomiku jkun qiegħed fis-suq fl-Unjoni kollha.
3.L-Istat Membru għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, b’mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-batteriji kkonċernati, l-oriġini u l-katina tal-provvista tal-batterija, in-natura tar-riskju involut u n-natura u d-durata tal-miżuri nazzjonali meħuda.
4.Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżuri nazzjonali meħuda. Abbażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ deċiżjoni li tiddetermina jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le u, fejn ikun meħtieġ, tordna miżuri xierqa.
5.Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
6.Għal raġunijiet imperattivi debitament ġustifikati ta’ urġenza relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-sikurezza tal-persuni, u mal-protezzjoni tal-proprjetà jew tal-ambjent, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 74(3).
7.Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti.
Artikolu 69
Nuqqasijiet ta’ konformità oħra
1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 66, meta Stat Membru jsib li batterija li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 68 ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament jew li operatur ekonomiku jkun kiser obbligu stabbilit f’dan ir-Regolament, dan għandu jesiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jtemm in-nuqqas ta’ konformità kkonċernat. Dawn in-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jinkludu dawn li ġejjin:
(a)il-markatura CE tkun twaħħlet bi ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament;
(b) il-markatura CE ma tkunx twaħħlet;
(c)in-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat involut fil-fażi tal-kontroll tal-produzzjoni jkun twaħħal bi ksur tal-Artikolu 20 jew ma jkunx twaħħal;
(d)id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx tfasslet jew ma tkunx tfasslet b’mod korrett;
(e)id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx aċċessibbli permezz tal-kodiċi QR fuq il-batterija;
(f)id-dokumentazzjoni teknika ma tkunx disponibbli, ma tkunx kompleta jew ikun fiha żbalji;
(g)l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 7, 9 u 10 tal-Artikolu 38 jew tal-Artikolu 41(3) u (4) tkun nieqsa, falza jew inkompleta jew, fil-każ tal-istruzzjonijiet għall-użu, ma tkunx tradotta f’lingwa aċċettata mill-Istati Membri fejn il-batterija titqiegħed fis-suq jew issir disponibbli;
(h)kwalunkwe rekwiżit amministrattiv ieħor previst fl-Artikolu 38 jew fl-Artikolu 40 ma jiġix issodisfat;
(i)ir-rekwiżiti għall-operazzjoni u l-użu sikur ta’ sistemi għall-ħażna tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji stabbiliti fl-Artikolu 12 ma jiġux irrispettati;
(j)ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u sikurezza stabbiliti fl-Artikoli minn 6 sa 12 fil-Kapitolu II u r-rekwiżiti ta’ tikkettar u informazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 fil-Kapitolu III ma jiġux issodisfati;
(k)ir-rekwiżiti relatati mal-politika ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista fl-Artikolu 39 ma jiġux issodisfati.
2.Fejn l-operatur ma jtemmx in-nuqqas ta’ konformità msemmi fil-punt (k) tal-paragrafu 1, għandu jinħareġ avviż ta’ azzjoni ta’ rimedju.
3.Meta n-nuqqas ta’ konformità msemmi fil-paragrafu 1 jippersisti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-batterija jew jiżgura li din tissejjaħ lura jew tiġi rtirata mis-suq. Fil-każ tan-nuqqas ta’ konformità msemmi fil-punt (k) tal-paragrafu 1, dan il-paragrafu għandu japplika bħala l-aħħar rimedju jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun serju u jippersisti wara l-ħruġ ta’ avviż ta’ azzjoni ta’ rimedju kif imsemmi fil-paragrafu 2.
Kapitolu X
L-akkwist pubbliku ekoloġiku, il-proċedura għall-emendar tar-restrizzjonijiet dwar is-sustanzi perikolużi u r-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-iskemi ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista
Artikolu 70
Akkwist pubbliku ekoloġiku
1.L-awtoritajiet kontraenti, kif definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE jew fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, jew l-entitajiet kontraenti, kif definiti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, meta jakkwistaw batteriji jew prodotti li fihom il-batteriji f’sitwazzjonijiet koperti minn dawk id-Direttivi, għandhom iqisu l-impatti ambjentali tal-batteriji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom bil-ħsieb li jiżguraw li tali impatti tal-batteriji akkwistati jinżammu għal minimu.
2.L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 għandu japplika għal kwalunkwe kuntratt konkluż minn awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti għax-xiri ta’ batteriji jew prodotti li fihom il-batteriji u għandu jfisser li dawn l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti huma obbligati jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kriterji tal-għoti abbażi tal-Artikoli 7 sa 10 biex jiżguraw li prodott jintgħażel minn fost prodotti b’impatti ambjentali ferm aktar baxxi tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.
3.Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2026, tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 73 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kriterji obbligatorji minimi tal-akkwist pubbliku ekoloġiku abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli minn 7 sa 10.
Artikolu 71
Proċedura għall-emendar tar-restrizzjonijiet dwar is-sustanzi perikolużi
1.Jekk il-Kummissjoni tqis li l-użu ta’ sustanza fil-manifattura tal-batteriji, jew il-preżenza ta’ sustanza fil-batteriji meta jitqiegħdu fis-suq, jew matul l-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja sussegwenti tagħhom, inkluża l-fażi tal-iskart, jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li ma jkunx ikkontrollat b’mod adegwat u li jeħtieġ li jiġi indirizzat madwar l-Unjoni kollha, hija għandha titlob lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) tħejji dossier li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-punt (3) tal-Parti II tal-Anness XV għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“dossier tar-restrizzjonijiet”). Id-dossier tar-restrizzjonijiet għandu jinkludi valutazzjoni soċjoekonomika, inkluża analiżi tal-alternattivi.
2.L-Aġenzija għandha tippubblika mingħajr dewmien l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibda tali proċess ta’ restrizzjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal sustanza, u għandha tinforma lill-partijiet ikkonċernati.
3.Fi żmien 12-il xahar minn meta tirċievi t-talba mill-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jekk id-dossier tar-restrizzjonijiet imħejji mill-Aġenzija skont dak il-paragrafu juri li hija meħtieġa azzjoni madwar l-Unjoni kollha, l-Aġenzija għandha tissuġġerixxi restrizzjonijiet sabiex jinbeda l-proċess ta’ restrizzjoni deskritt fil-paragrafi minn 4 sa 14.
4.L-Aġenzija għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħha d-dossier tar-restrizzjonijiet, inklużi r-restrizzjonijiet issuġġeriti skont il-paragrafu 3, mingħajr dewmien, filwaqt li tindika b’mod ċar id-data tal-pubblikazzjoni. L-Aġenzija għandha tistieden lill-partijiet interessati kollha jippreżentaw individwalment jew b’mod konġunt, fi żmien erba’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni, kummenti dwar id-dossier tar-restrizzjonijiet.
5.Fi żmien 12-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju, imwaqqaf skont l-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, għandu jadotta opinjoni dwar jekk ir-restrizzjonijiet issuġġeriti humiex xierqa fit-tnaqqis tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent, abbażi tal-kunsiderazzjoni tagħha tal-partijiet rilevanti tad-dossier tar-restrizzjonijiet. Din l-opinjoni għandha tqis id-dossier tar-restrizzjonijiet imħejji mill-Aġenzija, fuq talba tal-Kummissjoni, u tal-fehmiet tal-partijiet interessati msemmija fil-paragrafu 4.
6.Fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika, imwaqqaf skont l-Artikolu 76(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, għandu jadotta opinjoni dwar ir-restrizzjonijiet issuġġeriti, abbażi tal-kunsiderazzjoni tagħha tal-partijiet rilevanti tad-dossier u l-impatt soċjoekonomiku. Qabel dan, huwa għandu jħejji abbozz ta’ opinjoni dwar ir-restrizzjonijiet issuġġeriti u dwar l-impatt soċjoekonomiku relatat, filwaqt li jqis l-analiżi jew l-informazzjoni skont il-paragrafu 4, jekk ikun hemm.
7.L-Aġenzija għandha tippubblika l-abbozz ta’ opinjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika fuq is-sit web tagħha mingħajr dewmien u tistieden lill-partijiet interessati jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar l-abbozz ta’ opinjoni mhux aktar tard minn 60 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dak l-abbozz ta’ opinjoni.
8.Il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika għandu, mingħajr dewmien, jadotta l-opinjoni tiegħu, filwaqt li jqis, fejn xieraq, aktar kummenti li jaslu sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 7. Din l-opinjoni għandha tqis il-kummenti tal-partijiet interessati ppreżentati taħt il-paragrafi 4 u 7.
9.Meta l-opinjoni tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tvarja b’mod sinifikanti mir-restrizzjonijiet issuġġeriti, l-Aġenzija għandha tipposponi l-iskadenza għall-opinjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika b’massimu ta’ 90 jum.
10.L-Aġenzija għandha tissottometti lill-Kummissjoni mingħajr dewmien l-opinjonijiet tal-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika dwar ir-restrizzjonijiet issuġġeriti skont it-talba magħmula mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1. Fejn l-opinjonijiet tal-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika jiddevjaw b’mod sinifikanti mir-restrizzjonijiet issuġġeriti skont il-paragrafu 3, l-Aġenzija għandha tissottometti nota ta’ spjegazzjoni lill-Kummissjoni li tipprovdi spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal tali differenzi. Jekk wieħed mill-Kumitati jew it-tnejn li huma ma jadottawx opinjoni sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafi 5 u 6, l-Aġenzija għandha tinforma b’dan lill-Kummissjoni, billi tagħti r-raġunijiet.
11.L-Aġenzija għandha tippubblika l-opinjonijiet taż-żewġ Kumitati fuq is-sit web tagħha mingħajr dewmien.
12.L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Kummissjoni, fuq talba, id-dokumenti u l-evidenza kollha li jkunu ġew ippreżentati lilha jew ikkunsidrati minnha.
13.Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6(2) huma ssodisfati, hija għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 6(2). Dan l-att delegat għandu jiġi adottat mingħajr dewmien żejjed wara li tasal l-opinjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika msemmi fil-paragrafu 8 jew wara l-iskadenza stabbilita skont il-paragrafi 6 u 9, kif applikabbli, jekk dak il-Kumitat ma jadottax opinjoni.
14.Fejn il-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika jipprovdu opinjoni skont il-paragrafi 5 u 6, huma għandhom jagħmlu użu mir-rapporteurs kif speċifikat fl-Artikolu 87 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Ir-rapporteurs jew il-ko-rapporteurs ikkonċernati, jew min iħaddimhom, għandhom jiġu remunerati mill-Aġenzija f’konformità ma’ skala ta’ ħlasijiet li għandhom jiġu inklużi fl-arranġamenti finanzjarji relatati mar-restrizzjonijiet stabbiliti mill-Bord tat-Tmexxija, imwaqqaf skont l-Artikolu 76(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Fejn il-persuni kkonċernati jonqsu milli jaqdu d-doveri tagħhom, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu d-dritt li jwaqqaf jew jissospendi l-kuntratt jew li jżomm ir-remunerazzjoni.
Artikolu 72
Skemi ta’ diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista
1.Il-gvernijiet, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-gruppi ta’ organizzazzjonijiet interessati li jkunu żviluppaw u jissorveljaw skemi ta’ diliġenza dovuta (“sidien ta’ skema”) jistgħu japplikaw mal-Kummissjoni biex l-iskemi ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista tagħhom jiġu rikonoxxuti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti ta’ informazzjoni li għandu jkun fiha l-applikazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
2.Fejn, abbażi tal-evidenza u l-informazzjoni mogħtija skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tiddetermina li l-iskema ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista msemmija fil-paragrafu 1 tippermetti li l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħti lil dik l-iskema rikonoxximent ta’ ekwivalenza mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Is-Segretarjat tal-OECD għandu, kif xieraq, jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
Meta tiġi biex tiddetermina r-rikonoxximent ta’ skema ta’ diliġenza dovuta, il-Kummissjoni għandha tqis il-prattiki diversi tal-industrija koperti minn dik l-iskema u għandha tqis ukoll l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju u l-metodu użat minn dik l-iskema biex jiġu identifikati r-riskji.
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-kriterji u l-metodoloġija li abbażi tagħhom il-Kummissjoni għandha tiddetermina, f’konformità mal-paragrafu 2, jekk l-iskemi ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista jiżgurawx li l-operaturi ekonomiċi jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3). Il-Kummissjoni għandha tivverifika wkoll, kif xieraq u perjodikament, li l-iskemi rikonoxxuti ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista jibqgħu jissodisfaw il-kriterji li jkunu wasslu għal rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ ekwivalenza adottata skont il-paragrafu 2.
4.Is-sid ta’ skema ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista li għaliha ngħata rikonoxximent tal-ekwivalenza f’konformità mal-paragrafu 2 għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bidla jew aġġornament li jsiru f’dik l-iskema.
5.Jekk ikun hemm evidenza ta’ każijiet ripetuti jew sinifikanti fejn l-operaturi ekonomiċi li qed jimplimentaw skema rikonoxxuta skont il-paragrafu 2 naqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha teżamina, f’konsultazzjoni ma’ sid l-iskema rikonoxxuta, jekk dawk il-każijiet jindikawx defiċjenzi fl-iskema.
6.Fejn il-Kummissjoni tidentifika nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament jew defiċjenzi fi skema rikonoxxuta ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista, hija tista’ tagħti lis-sid tal-iskema perjodu ta’ żmien xieraq biex jieħu azzjoni ta’ rimedju.
7.Fejn is-sid tal-iskema jonqos jew jirrifjuta li jieħu l-azzjoni ta’ rimedju neċessarja, u fejn il-Kummissjoni tkun iddeterminat li n-nuqqas jew id-defiċjenzi msemmija fil-paragrafu 6 jikkompromettu l-kapaċità tal-operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 39(1) li jimplimenta skema li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament, jew fejn il-każijiet ripetuti jew sinifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità mill-operaturi ekonomiċi li jimplimentaw skema jkunu dovuti għal defiċjenzi fl-iskema, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jirtira r-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-iskema. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 74(3).
8.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat reġistru ta’ skemi rikonoxxuti ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista. Dak ir-reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq l-internet.
Kapitolu XI
Setgħat delegati u proċedura tal-kumitat
Artikolu 73
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l- Artikolu.
2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 6(2), 7(1), (2) u (3), 9(2), 10(3), 12(2), 17(4), 27(3), 39(8), 55(4), 56(4), 57(6), 58(3) u 70(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 6(2), 7(1), (2) u (3), 9(2), 10(3), 12(2), 17(4), 27(3), 39(8), 55(4), 56(4), 57(6), 58(3) u 70(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.
5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.Att delegat adottat skont l-Artikoli 6(2), 7(1), (2) u (3), 9(2), 10(3), 12(2), 17(4), 27(3), 39(8), 55(4), 56(4), 57(6), 58(3) u 70(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew il-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 74
Proċedura ta’ kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat stabbilit mill-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Kapitolu XII
Emendi
Artikolu 75
Emendi għar-Regolament (UE) 2109/1020
Ir-Regolament (UE) 2019/1020 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 4(5), it-test “(UE) 2016/425(35) u (UE) 2016/426(36)” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(UE) 2016/425 (*), (UE) 2016/426 (**) u [(UE) 2020/…(***)]
_____________________
* Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (
ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51
).
** Ir-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir li jaħraq karburanti gassużi u li jħassar id-Direttiva 2009/142/KE (
ĠU L 81, 31.3.2016, p. 99
).
*** [Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u skart ta’ batteriji, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (Sabiex l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jimla d-dettalji tal-pubblikazzjoni fil-ĠU)]”;
(2)fl-Anness I, jiżdied il-punt 71 li ġej mal-lista ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni:
“71. Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u skart ta’ batteriji, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jimla d-dettalji tal-pubblikazzjoni fil-ĠU);
Kapitolu XIII
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 76
Penali
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
Artikolu 77
Rieżami
1.Sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent u fuq il-funzjonament tas-suq intern.
2.B’kont meħud tal-progress tekniku u l-esperjenza prattika miksuba fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tinkludi fir-rapport tagħha evalwazzjoni dwar l-aspetti li ġejjin ta’ dan ir-Regolament:
(a)ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u sikurezza stabbiliti fil-Kapitolu II;
(b)ir-rekwiżiti ta’ tikkettar u informazzjoni stabbiliti fil-Kapitolu III;
(c)ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista stabbiliti fl-Artikoli 39 u 72;
(d)il-miżuri rigward l-ġestjoni tal-batteriji fi tmiem il-ħajja stabbiliti fil-Kapitolu VII.
Fejn xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għall-emendar tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 78
Tħassir u regoli tranżizzjonali
Id-Direttiva 2006/66/KE hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Lulju 2023; madankollu:
(a)l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 12(4) u l-Artikolu 12(5) tagħha għandhom ikomplu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2023, ħlief fir-rigward tat-trażmissjoni tad-data lill-Kummissjoni, f’liema każ għandhom ikomplu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2025;
(b)l-Artikolu 21(2) għandu jkompli japplika sal-31 ta’ Diċembru 2026.
Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 79
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) fl-istruttura tal-ABM/ABB
1.3.Natura tal-proposta/tal-inizjattiva
1.4.Objettiv(i)
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.6.Durata u impatt finanzjarju
1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
2.2.Sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
3.2.3.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u akkumulaturi li jissostitwixxi u jħassar id-Direttiva 2006/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Qasam ta’ politika:
09 Ambjent
Attività:
09 02 02 Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) - L-ekonomija ċirkolari u l-kwalità tal-ħajja
09 10 01 L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi – Attivitajiet fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi u b’rabta mal-ekonomija ċirkolari
03.020101 – L-operat u l-iżvilupp tas-suq intern ta’ oġġetti u servizzi
1.3.Il-proposta tirrigwardja
☑azzjoni ġdida
◻ azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni preparatorja
☑ l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
◻ fużjoni ta’ azzjoni waħda jew aktar f’azzjoni oħra/f’azzjoni ġdida
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.Objettiv(i) ġenerali
It-tisħiħ tas-sostenibbiltà tal-batteriji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, billi jiġu żgurati rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà għall-batteriji li jitqiegħdu fis-suq intern tal-UE.
Iż-żieda tar-reżiljenza tal-katina tal-provvista tal-batteriji tal-UE billi jingħalaq iċ-ċirku tal-materjali.
It-tnaqqis tal-impatti ambjentali u soċjali matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji.
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
It-tisħiħ tas-sostenibbiltà
·It-trawwim tal-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ batteriji ta’ kwalità għolja u bi prestazzjoni tajba.
·L-iżvilupp u l-użu tal-potenzjal tal-UE għall-materja prima tal-batteriji, kemm primarja kif ukoll sekondarja, filwaqt li jiġi żgurat li dawn jiġu prodotti b’mod effiċjenti u sostenibbli.
·L-iżgurar ta’ swieq li jiffunzjonaw għall-materja prima sekondarja u l-proċessi industrijali relatati.
·Il-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ għarfien espert teknoloġiku tal-UE.
Iż-żieda tar-reżiljenza u l-għeluq taċ-ċrieki tal-materjal
·It-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta’ materjali ta’ importanza strateġika.
·L-iżgurar tal-ġbir u r-riċiklaġġ xierqa tal-iskart kollu tal-batteriji.
It-tnaqqis tal-impatti ambjentali u soċjali
·Il-kontribut għal akkwist responsabbli
·L-użu effiċjenti tal-materja prima u tal-materjali riċiklati,
·It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-batteriji.
·It-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-kwalità tal-ambjent u t-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali tal-komunitajiet lokali.
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva jenħtieġ li jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.
Ir-regolament propost se jiżgura allinjament aħjar mal-approċċi attwali tal-UE dwar l-immaniġġar sostenibbli tal-materjali u tal-iskart, li jiffokaw fuq l-ottimizzazzjoni tal-prodotti u tal-proċessi ta’ produzzjoni. Huwa għandu l-għan li jiżviluppa qafas tal-UE li jkopri ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-batteriji, li jinkludi regoli armonizzati u aktar ambizzjużi għal batteriji, komponenti, skart ta’ batteriji u materjali riċiklati bil-ħsieb li jiġi stabbilit sett komuni ta’ regoli li jiggarantixxu l-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern tal-UE għall-batteriji u l-materjali primarji u sekondarji meħtieġa għall-manifattura tagħhom, filwaqt li jippromwovu livelli ogħla ta’ sostenibbiltà fis-suq tal-UE.
1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.
L-indikaturi tal-progress u l-kisba tal-objettivi se jkunu:
–Żieda fil-kwalità tal-batteriji mqiegħda fis-suq;
–Effiċjenzi aħjar tar-riċiklaġġ u rkupru aħjar tal-materjal għal Ni, Co, Li u Cu
–Livelli ogħla ta’ materjali riċiklati fil-batteriji;
–Se jinġabru u jiġu riċiklati aktar batteriji;
–Il-batteriji industrijali u tal-vetturi elettriċi se jingħaddu, jiġu traċċati u rrapportati;
–Il-batteriji kollha miġbura se jiġu riċiklati; il-proċessi tar-riċiklaġġ se jkunu effiċjenti f’riskji mnaqqsa għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;
–L-utenti finali se jkollhom aċċess aħjar u aktar faċli għal informazzjoni dwar il-batteriji li jixtru f’termini tal-materjali li fihom, id-durabbiltà mistennija tagħhom, u kif il-produzzjoni tagħhom tissodisfa l-istandards ambjentali u soċjali;
–Il-batteriji industrijali u l-batteriji tal-vetturi elettriċi kollha għandhom l-impronta tal-karbonju tagħhom ikkalkolata;
–Il-manifatturi ta’ batteriji industrijali u tal-vetturi elettriċi se jipprovdu wkoll informazzjoni dwar kif l-akkwist tal-materjali tagħhom jissodisfa l-kriterji tar-responsabbiltà soċjali;
–Il-manifatturi tal-batteriji se jkollhom qafas ġuridiku tal-UE ċar u prevedibbli li jappoġġahom sabiex jinnovaw u jkunu kompetittivi f’suq li qed jikber.
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil, inkluż kronoloġija dettaljata għall-prosegwiment tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
Ir-rekwiżiti dettaljati jkollhom jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni/delegati f’perjodu ta’ żmien ta’ 3-8 snin.
Serje ta’ azzjonijiet f’termini ta’ mandati, deċiżjonijiet delegati jew ta’ implimentazzjoni u rapporti ta’ valutazzjoni tal-impatt se joħorġu minn dan ir-regolament propost.
Dawn se jkopru l-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, is-sistema tal-kontroll tal-konformità, ir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, kif ukoll l-informazzjoni u t-tikkettar. Lista dettaljata ta’ dawn l-azzjonijiet previsti hija pprovduta hawn taħt:
–Tiġi segwita l-ħidma ta’ standardizzazzjoni fis-CEN/CENELEC;
–Jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet komuni dwar il-prestazzjoni u d-durabbiltà ta’ batteriji portabbli ta’ użu ġenerali;
–Jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet komuni dwar il-prestazzjoni u d-durabbiltà għal batteriji rikarikabbli (industrijali jew ta’ vetturi elettriċi);
–Jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet komuni dwar is-sikurezza għal sistemi stazzjonarji għall-ħażna tal-enerġija tal-batteriji;
–Jiġu żviluppati regoli armonizzati ta’ kalkolu għall-ġbir separat ta’ batteriji portabbli;
–Jiġu żviluppati regoli armonizzati ta’ kalkolu tad-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju (inkluża r-reviżjoni tar-regoli tal-kategorija ta’ PEFCR għall-batteriji), għall-kalkolu tal-klassijiet tal-prestazzjoni tal-intensità tal-karbonju tal-batteriji, għall-kalkolu tal-kontenut riċiklat tal-batteriji u għall-kalkolu tal-effiċjenzi tar-riċiklaġġ (biex jiġu koperti l-Litju u ċ-Ċomb) u l-irkupru tal-materjali;
–Gwida dwar il-possibbiltà li l-batteriji portabbli jinqalgħu u jiġu sostitwiti;
–Jiġi stabbilit spazju ta’ data miftuħ għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni relatata mal-batterija;
–Jiġu żviluppati kriterji tal-GPP dwar il-batteriji;
–Att delegat għall-impronta tal-karbonju – limiti obbligatorji;
–Tiġi emendata l-Lista tal-Iskart;
–Valutazzjoni/ġestjoni tar-riskji tas-sustanzi użati fil-batteriji;
–Jiġu emendati l-obbligi tar-rapportar.
1.5.2.Il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. titjib fil-koordinazzjoni, ċertezza legali, effettività akbar jew komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, “il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li huwa addizzjonali għall-valur li altrimenti kien jinħoloq mill-Istati Membri weħidhom.
Raġunijiet għal azzjoni fil-livell Ewropew (ex ante):
Hija meħtieġa leġiżlazzjoni madwar l-UE kollha biex jiġi żgurat li l-manifatturi, l-importaturi u l-operaturi ekonomiċi b’mod usa’ jkunu soġġetti għal rekwiżiti komuni meta jqiegħdu batterija fis-suq tal-Unjoni u meta l-informazzjoni ssir disponibbli.
Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Batteriji tindika l-ħtieġa li jiġi mmodernizzat il-qafas leġiżlattiv biex jiġu promossi aktar l-ekonomija ċirkolari u l-politiki dwar il-livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll biex ikun hemm adattament għall-iżviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi fis-suq tal-batteriji.
Il-katina tal-valur tal-batteriji hija intensiva fil-kapital u, b’hekk, teħtieġ ekonomiji ta’ skala. Sabiex dan jinkiseb hemm bżonn ta’ rekwiżiti armonizzati li jindirizzaw iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja u suq intern tal-UE li jiffunzjona sewwa.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi pjan ta’ rkupru kbir ibbażat fuq baġit fit-tul imsaħħaħ għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u strument ġdid għall-irkupru, in-Next Generation EU.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew se jkun il-bażi tal-istrateġija tal-irkupru tal-UE. Dan jinkludi l-objettiv ta’ trasport u loġistika aktar nodfa, inkluża l-mobbiltà elettronika, li huma l-mutur ewlieni tat-tkabbir esponenzjali fid-domanda għall-batteriji. F’soċjetà ta’ wara l-COVID, ix-xejriet attwali jindikaw li r-rilevanza tal-mobbiltà elettronika se tiżdied u tibqa’ teżisti.
L-appoġġ u l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea fir-riċerka fil-qasam tal-batteriji huma espressi mill-għadd ta’ proġetti ffinanzjati taħt il-programm Orizzont 2020 (aktar minn 100 proġett) u l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-implimentazzjoni tagħhom (madwar EUR 500 miljun). Il-proġetti jkopru l-katina kollha tal-valur tat-tipi differenti ta’ batteriji u huma ffokati fuq is-soluzzjoni tal-isfidi attwali u futuri: l-iżviluppi u t-titjib tal-materjali (u l-impatt ambjentali tagħhom), ir-riċiklaġġ tal-batteriji (li se jippromwovi l-effiċjenza tal-irkupru tal-materjali fl-Ewropa), sistemi ġodda ta’ batteriji u anki alternattivi għall-batteriji konvenzjonali. Ir-riżultati ta’ dawn il-proġetti se jappoġġaw u jippromwovu l-innovazzjoni għall-industrija tal-batteriji fl-Ewropa. Huma antiċipati materjali u sistemi ta’ batteriji ġodda u mtejba, karatteristiċi mtejba f’termini ta’ ħażna tal-kapaċità, tul tal-ħajja, sikurezza, sostenibbiltà u kosteffettività. Dawn l-aspetti huma koperti u huma rilevanti fir-regolament preżenti.
Dawn se jkunu essenzjali biex tiġi żgurata l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa f’dan il-qasam, kif ukoll biex tingħata spinta lill-ekonomija, lit-tkabbir u lill-benesseri tagħha.
Huwa mistenni li l-UE tkompli tippromwovi r-riċerka f’dan il-qasam u f’oqsma relatati fil-QFP li jmiss.
Ir-Regolament il-ġdid se jagħmilha espliċita li, fil-futur, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ restrizzjoni għas-sustanzi fil-batteriji se tittieħed wara valutazzjonijiet li se jitwettqu mill-ECHA, u mhux aktar bħala attivitajiet individwali li jkunu parti mill-programm ta’ ħidma tad-DĠ ENV. Filwaqt li l-ECHA b’mod ġenerali għandha l-esperjenza meħtieġa għal dan il-kompitu, dawn il-valutazzjonijiet jikkostitwixxu qasam ta’ ħidma addizzjonali għal din l-Aġenzija.
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni għall-introduzzjoni mill-ġdid
L-għarfien espert tal-ECHA (il-valutazzjonijiet tar-riskji tas-sustanzi) u tal-JRC (l-iżvilupp ta’ metodoloġiji u proċeduri) huwa l-aktar xieraq biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida tal-approċċ propost.
Il-ħtiġijiet stmati tal-persunal u tar-riżorsi li rċevejna mill-ECHA għall-kompitu tal-Lista ta’ Skart jirriflettu l-fatt li hemm bżonn li l-ECHA tibni l-għarfien dwar dan il-kompitu. Għalhekk, id-DĠ ENV esplora għażliet alternattivi. Il-JRC ipprovda stima li tirrikjedi inqas riżorsi (EUR 0,9 miljun meta mqabbel ma’ EUR 2,2 miljun għall-ECHA). Għalhekk, nipproponu li dan jiżdied mal-lista ta’ kompiti tal-JRC.
Għall-iżvilupp tal-ispazju ta’ data miftuħ għall-batteriji, il-ħtiġijiet tal-persunal u tar-riżorsi li rċevejna mill-ECHA jirriflettu l-ambizzjoni politika, filwaqt li jibbenefikaw mill-istrutturi u l-proċessi eżistenti fl-ECHA. L-ECHA tistma li r-riżorsi huma ta’ madwar EUR 10 miljun għall-iżvilupp tal-ispazju tad-data flimkien ma’ kważi EUR 10 miljun f’kostijiet tal-persunal. Is-servizz tal-Kummissjoni kkuntattjaw ukoll lill-aġenziji eżekuttivi iżda mhuwiex legalment possibbli li jieħdu f’idejhom il-kompitu tal-ispazju tad-data mill-Kummissjoni.
Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li tipproċedi bi studju tal-fattibbiltà biex tivvaluta fid-dettall l-għażliet differenti disponibbli għall-funzjonalitajiet differenti, inkluż min jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jiżviluppa s-sistema. L-iżvilupp tal-ispazju tad-data miftuħ jitmexxa mid-DĠ GROW b’kollaborazzjoni mad-DĠ CONNECT u l-inizjattiva tagħhom dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data.
Alternattiva oħra hija li l-ispazju tad-data jiġi żviluppat internament. Id-DĠ ENV u d-DĠ GROW huma f’kuntatt mad-DĠ TAXUD (li wettaq xogħol simili fuq il-VAT) u mad-DĠ CONNECT biex jesploraw is-sinerġiji potenzjali. Il-persunal inkarigat minn dawn il-kompiti fid-DĠ TAXUD huwa mifrux fuq tliet unitajiet differenti. L-unità tal-IT tad-DĠ GROW ikkwantifikat l-ewwel stima tal-isforz tal-iżvilupp u l-baġit meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni ta’ Data Miftuħa tal-Passaport tal-Batteriji. L-ispazju tad-data miftuħ ibbażat fuq l-arkitettura ta’ bażi tad-data ċentralizzata huwa stmat għal madwar EUR 10,5 miljun. Dan ikopri l-infrastruttura tal-IT u l-ħtiġijiet tal-persunal għall-iżvilupp tal-IT. Dawn il-kostijiet huma ppjanati taħt l-Operazzjoni tal-linja baġitarja tad-DĠ GROW u l-iżvilupp tas-suq intern tal-oġġetti u s-servizzi. Il-modalitajiet eżatti tax-xogħol li għandu jitwettaq mis-servizzi differenti se jkollhom jiġu miftiehma hekk kif jipproċedi l-istudju tal-fattibbiltà.
1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/inizjattiva
◻ durata limitata
–◻
Proposta/inizjattiva fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
–◻
Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS
☑ durata mhux limitata
–Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija mill-2023 sal-2028,
–segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
☑ Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni permezz ta’
–◻
aġenziji eżekuttivi
◻ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
☑ Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:
◻ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
◻ lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
☑ lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71;
◻ lill-korpi tal-liġi pubblika;
◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
◻ lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
Se japplikaw regoli standard ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar għas-sussidji tal-UE lill-aġenziji tradizzjonali.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, il-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, il-modalitajiet ta’ pagament u l-istrateġija ta’ kontroll proposta
Se japplikaw regoli standard ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar għas-sussidji tal-UE lill-aġenziji tradizzjonali.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i biex itaffuhom
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“ispejjeż tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-ħlas u fl-għeluq)
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
Se japplikaw modalitajiet standard għas-sussidji tal-UE lil aġenziji tradizzjonali
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji eżistenti — Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati
|
minn pajjiżi terzi
|
skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju
|
3
|
09.10.01 – L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
|
Diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
3
|
09.02.02 – L-ekonomija ċirkolari u l-kwalità tal-ħajja
|
Diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
1
|
03.020101 L-operat u l-iżvilupp tas-suq intern ta’ oġġetti u servizzi
|
Diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
7
|
20.01.02.01 – Remunerazzjoni u allowances
|
Mhux diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
7
|
20 02 01 01 - Persunal b’kuntratt
|
Mhux diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
7
|
20 02 01 03 -
Ħaddiema taċ-ċivil nazzjonali assenjati temporanjament mal-istituzzjoni
|
Mhux diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
·Linji baġitarji ġodda mitluba
Mhux applikabbli
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
3
|
Ir-Riżorsi Naturali u l-Ambjent
|
L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
|
09.10.01
|
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena
2027
|
Sena
2028
|
Sena
2029
|
Total
|
Titolu 1:
Nefqa fuq il-persunal
|
Impenji
|
(1)
|
0,358
|
0,365
|
0,372
|
0,306
|
0,312
|
0,319
|
0,325
|
2,357
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
0,358
|
0,365
|
0,372
|
0,306
|
0,312
|
0,319
|
0,325
|
2,357
|
Titolu 2:
Infrastruttura
|
Impenji
|
(1a)
|
0,086
|
0,088
|
0,089
|
0,074
|
0,075
|
0,076
|
0,078
|
0,566
|
|
Pagamenti
|
(2a)
|
0,086
|
0,088
|
0,089
|
0,074
|
0,075
|
0,076
|
0,078
|
0,566
|
Titolu 3:
Nefqa operazzjonali
|
Impenji
|
(3a)
|
0,158
|
0,158
|
0,158
|
0,025
|
0,025
|
0,025
|
0,025
|
0,575
|
|
Pagamenti
|
(3b)
|
0,158
|
0,158
|
0,158
|
0,025
|
0,025
|
0,025
|
0,025
|
0,575
|
Approprjazzjonijiet TOTALI
għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
|
Impenji
|
=1+1a +3a
|
0,602
|
0,611
|
0,620
|
0,405
|
0,412
|
0,420
|
0,428
|
3,498
|
|
Pagamenti
|
=2+2a
+3b
|
0,602
|
0,611
|
0,620
|
0,405
|
0,412
|
0,420
|
0,428
|
3,498
|
Iż-żieda meħtieġa tal-kontribuzzjoni tal-UE lill-ECHA se tiġi kkumpensata bi tnaqqis korrispondenti fil-pakkett tal-programm LIFE.
Ġestjoni tas-sustanzi tal-batteriji: Total ta’ żewġ aġenti temporanji ġodda ekwivalenti għal full-time (AD 5-7) fl-ECHA (kost medju ta’ EUR 144 000 fis-sena, fuq medda ta’ seba’ snin u aktar) se jkunu meħtieġa biex jiġi żgurat li jiġu allokati riżorsi suffiċjenti għar-regolazzjoni tas-sustanzi neċessarji relatati mal-batteriji mingħajr ma jkun hemm kompetizzjoni mal-prijoritajiet ta’ REACH. Dan ikopri medja ta’ restrizzjoni addizzjonali waħda (jew miżura oħra ta’ ġestjoni tar-riskju) kull sena. Barra minn hekk, se jkun meħtieġ aġent kuntrattwali wieħed ekwivalenti għal full-time (CA FG III, kost medju ta’ EUR 69 000 fis-sena fuq medda ta’ sentejn) biex tiżdied il-bażi tal-għarfien, filwaqt li jiġi ffaċilitat pjan ta’ ħidma u tal-iffissar tal-prijoritajiet informat. Dan se jkun ibbażat fuq studju li jibni l-għarfien attwali tal-ECHA dwar kif l-industrija tal-batteriji timmaniġġa s-sustanzi kimiċi perikolużi tagħha biex tidentifika s-sustanzi rilevanti għall-ġestjoni tar-riskji regolatorji fil-futur. L-istudju huwa stmat għal EUR 400 000 (fuq medda ta’ sentejn) biex tiġi esternalizzata parti minn dawn il-ħtiġijiet ta’ riċerka. Dan l-istudju jikkontribwixxi wkoll għall-ħidma tal-Kummissjoni fuq l-aġġornament tad-dħul tal-batteriji fil-Lista tal-Iskart.
Hija meħtieġa wkoll somma ta’ EUR 22 000 biex tkopri l-kost tar-rapporteurs (esperti tal-Istati Membri li jiggwidaw id-dossiers permezz tat-tfassil tal-opinjonijiet fil-kumitati RAC u SEAC) għal kull restrizzjoni, kif ukoll EUR 43 000 biex ikopru parti proporzjonata tal-kost sħiħ tal-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-RAC u tal-SEAC (kostijiet tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u tal-gratifika ta’ kuljum: kost ikkalkulat abbażi tal-medja ta’ żmien/sforz meħtieġ għal dossier ta’ restrizzjonijiet fiż-żewġ kumitati).
Ir-riżorsi msemmija hawn fuq ġew stmati bl-użu ta’ mudell ta’ kalkolu li jqis l-esperjenza rilevanti mill-kompiti mwettqa mill-ECHA taħt oqfsa regolatorji oħrajn (eż. REACH, CLP, BPR) u mill-implimentazzjoni tal-approċċi nazzjonali eżistenti, fejn rilevanti. Huwa jistabbilixxi r-riżorsi li se jkunu meħtieġa mill-ECHA matul il-perjodu 2021-2029, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-kompiti previsti.
L-impatt finanzjarju ta’ din l-inizjattiva mhux iżid l-infiq programmat taħt l-Intestatura 1 u l-Intestatura 3. Ir-riżorsi meħtieġa se jitnaqqsu mill-baġit ta’ LIFE u mill-istrument tad-DĠ GROW skont il-qasma tal-kompiti fil-ftehim amministrattiv: madwar EUR 4 miljun tal-kostijiet għad-DĠ għall-Ambjent u EUR 1,6 miljun tal-kostijiet għad-DĠ GROW. Barra minn hekk, l-istrument tad-DĠ GROW ikopri l-kostijiet tal-ispazju tad-data miftuħ u ż-żewġ strumenti jkopru xi studji u ħtiġijiet ta’ akkwist tad-data tas-servizzi tal-Kummissjoni biex jippreparaw kif jixraq uħud mill-atti ta’ implimentazzjoni u delegati.
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
1
|
XXX
|
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
Sena
2021
|
Sena
2022
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena
2027
|
TOTAL 2021-2027
|
DĠ: GROW
|
|
|
|
|
|
|
|
|
03.020101 L-operat u l-iżvilupp tas-suq intern ta’ oġġetti u servizzi
|
Approprjazzjonijiet ta’ impenn
|
1,026
|
1,774
|
2,075
|
2,083
|
2,150
|
0,928
|
0,688
|
10,723
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ pagament
|
1,026
|
1,774
|
2,075
|
2,083
|
2,150
|
0,928
|
0,688
|
10,723
|
L-ammont irrapportat hawn fuq fil-linja baġitarja 03.020101 se jkun meħtieġ biex jiffinanzja parti mill-arranġamenti amministrattivi bejn id-DĠ ENV/DĠ GROW u l-JRC u għall-akkwist ta’ studji u data relatati mad-dispożizzjonijiet tad-DĠ GROW. Il-ftehim ta’ assoċjazzjoni huwa mistenni li jirrappreżenta kost ta’ madwar EUR 2 669 miljun għad-DĠ GROW. L-akkwist jirrappreżenta EUR 50 000 fl-2023 għad-DĠ GROW biex jitlob opinjoni teknika dwar ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni fis-CEN/CENELEC.
Huwa jinkludi wkoll l-ammont ibbaġitjat għall-appoġġ intra muros għall-istudju tal-fattibbiltà għall-ispazju tad-data miftuħ. Wara din il-fażi ta’ żvilupp inizjali, possibbilment jistgħu jkunu meħtieġa riżorsi addizzjonali.
Il-kostijiet tal-iżvilupp tal-IT għall-iskambju elettroniku tal-informazzjoni għall-batteriji huma mistennija mid-DĠ GROW.
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
3
|
Ir-Riżorsi Naturali u l-Ambjent
|
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
Sena
2021
|
Sena
2022
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena
2027
|
TOTAL 2021-2027
|
DĠ: ENV
|
|
|
|
|
|
|
|
|
09.02.02 L-ekonomija ċirkulari u l-kwalità tal-ħajja
|
Approprjazzjonijiet ta’ impenn
|
1,053
|
0,982
|
1.835
|
1.286
|
0.948
|
0.622
|
0.530
|
7.256
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ pagament
|
1,053
|
0,982
|
1.835
|
1.286
|
0.948
|
0.622
|
0.530
|
7.256
|
L-ammont irrapportat hawn fuq fid-09.02.02 jinkludi t-tpaċija meħtieġa mill-baġit ta’ LIFE taż-żieda fir-riżorsi għall-ECHA. Dan l-ammont se jkun meħtieġ biex jiżdied is-sussidju għall-ECHA u jiġu ffinanzjati parti mill-arranġamenti amministrattivi bejn id-DĠ ENV/DĠ GROW u l-JRC u għall-akkwist ta’ studji u data relatati mad-dispożizzjonijiet tad-DĠ GROW.
Il-JRC se jkollu rwol ewlieni fl-appoġġ lill-Kummissjoni bi ftit mix-xogħol tekniku meħtieġ. Il-JRC ipprovda l-aħjar stima tiegħu tal-ħtiġijiet tar-riżorsi abbażi tal-għarfien attwali tiegħu u abbażi tal-lista ta’ kompiti pprovduta mid-DĠ ENV u mid-DĠ GROW. Għalhekk, dawn l-istimi jistgħu jiġu rfinati, pereżempju, waqt in-negozjati ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni komuni dwar batteriji portabbli għal użu ġenerali, il-kamp ta’ applikazzjoni ġie estiż fl-aħħar verżjoni tar-regolament propost u r-riżorsi se jkollhom jiġu rieżaminati kif xieraq. L-AA hija mistennija li tirrappreżenta madwar EUR 3.935 miljun lid-DĠ ENV. Hemm diversi kompiti fejn il-JRC jista’ jappoġġa lill-Kummissjoni:
·L-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet komuni dwar il-prestazzjoni u d-durabbiltà għal batteriji għal użu ġenerali u batteriji industrijali rikarikabbli/tal-vetturi elettriċi;
·Id-definizzjoni tar-regoli tal-kalkolu armonizzati għad-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju għal batteriji industrijali rikarikabbli/tal-vetturi elettriċi;
·Id-definizzjoni tar-regoli tal-kalkolu armonizzati għall-kontenut riċiklat fil-batteriji, l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-materjali rkuprati;
·L-analiżi tal-kriterji tal-GPP (inkluża konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fl-akkwist pubbliku u l-kontroll legali tar-regoli proposti dwar l-akkwist pubbliku);
·L-appoġġ għall-gwida dwar il-possibbiltà li l-batteriji portabbli jinqalgħu u jiġu sostitwiti.
L-attivitajiet akkwistati jinkludu x-xiri ta’ data għall-batteriji fl-2021 sabiex tiġi riveduta l-PEFCR għall-batteriji, is-sottokuntrattar tal-iżvilupp tal-għodda bbażata fuq il-web tal-PEFCR fl-2022, it-talba ta’ opinjoni teknika dwar ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni fis-CEN/CENELEC fl-2023 u studju tas-suq dwar id-disponibbiltà ta’ materjali sekondarji fl-2027. Dawn l-ispejjeż jammontaw għal EUR 300 000 fl-2021, EUR 80 000 fl-2022 u EUR 100 000 fl-2027.
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
7
|
L-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea
|
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
Sena
2021
|
Sena
2022
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena
2027
|
TOTAL 2021-2027
|
DĠ: ENV, DĠ GROW u EUROSTAT
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• Riżorsi Umani
|
0,475
|
0,515
|
0,515
|
0,555
|
0,555
|
0,230
|
0,230
|
3,075
|
• Nefqa amministrattiva oħra
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL ta’ DĠ ENV, DĠ GROW U EUROSTAT
|
|
0,475
|
0,515
|
0,515
|
0,555
|
0,555
|
0,230
|
0,230
|
3,075
|
Approprjazzjonijiet TOTALI
taħt l-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
0,475
|
0,515
|
0,515
|
0,555
|
0,555
|
0,230
|
0,230
|
3,075
|
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
Sena
2021
|
Sena
2022
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena
2027
|
Sena
2028
|
Sena
2029
|
TOTAL
2021-2029
|
Approprjazzjonijiet TOTALI
taħt l-INTESTATURI 1 sa 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
2,554
|
3,271
|
4,476
|
3,924
|
3,653
|
1,780
|
1,447
|
0,420
|
0,428
|
21,953
|
|
Pagamenti
|
2,554
|
3,271
|
4,476
|
3,924
|
3,653
|
1,780
|
1,447
|
0,420
|
0,428
|
21,953
|
3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet tal-ECHA
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Indika l-objettivi u l-outputs
⇩
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
OUTPUTS
|
|
Tip
|
Kost medju
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru totali
|
Kost totali
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1…
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Riżultat
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Riżultat
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Riżultat
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal għall-objettiv speċifiku Nru 1
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2 ...
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Riżultat
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal għall-objettiv speċifiku Nru 2
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
KOST TOTALI
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.3.Impatt stmat fuq ir-riżorsi umani
3.2.3.1.Sommarju
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–☑
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
–Rekwiżiti tal-persunal fl-ECHA (miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali))
|
Sena
2021
|
Sena
2022
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena
2027
|
Sena
2028
|
Sena
2029
|
TOTAL
|
–
Aġenti temporanji (Gradi ta’ AD)
|
|
|
0,289
|
0,294
|
0,300
|
0,306
|
0,312
|
0,319
|
0,325
|
2,145
|
Aġenti temporanji (Gradi ta’ AST)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Persunal b’kuntratt
|
|
|
0,069
|
0,070
|
0,072
|
|
|
|
|
0,211
|
Esperti Nazzjonali Sekondati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
–
TOTAL
|
|
|
0,358
|
0,365
|
0,372
|
0,306
|
0,312
|
0,319
|
0,325
|
2,357
|
–
Rekwiżiti tal-persunal fl-ECHA (FTE):
|
Sena
2021
|
Sena
2022
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena
2027
|
Sena
2028
|
Sena
2029
|
Aġenti temporanji (Gradi ta’ AD)
|
0
|
0
|
2
|
2
|
2
|
2
|
2
|
2
|
2
|
Aġenti temporanji (Gradi ta’ AST)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Persunal b’kuntratt
|
0
|
0
|
1
|
1
|
1
|
|
|
|
|
Esperti Nazzjonali Sekondati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.3.2.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani għad-DĠ ENV, għad-DĠ GROW u għall-EUROSTAT
–Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–☑
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-istima trid tiġi espressa f’ammonti sħaħ (jew l-iktar l-iktar aġġustati ’l fuq għal pożizzjoni deċimali waħda)
|
Sena
2021
|
Sena
2022
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena
2027
|
·Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)
|
|
|
|
|
|
|
|
20 01 01 01 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)
|
1
|
1
|
1
|
1
|
1
|
1
|
1
|
XX 01 01 02 (Delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
XX 01 05 01 (Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
10 01 05 01 (Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full Time: FTE)
|
|
|
|
|
|
|
|
20 02 02 01/03 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)
|
4,0
|
4,5
|
4,5
|
5,0
|
5,0
|
1,0
|
1,0
|
XX 01 02 02 (AC, AL, END, INT u JPD fid-Delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
XX 01 04 yy
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
XX 01 05 02 (AC, END, INT – Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
10 01 05 02 (AC, END, INT – Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħrajn (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
5,0
|
5,5
|
5,5
|
6,0
|
6,0
|
2,0
|
2,0
|
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
Uffiċjali u persunal temporanju
|
Huma meħtieġa karigi AD għan-negozjati u l-implimentazzjoni ġenerali tar-regolament. u x-xogħol preparatorju differenti u l-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni sekondarja skont l-iskadenzi proposti fir-Regolament dwar il-Batteriji.
|
Il-persunal estern
|
Il-kariga END u CA huma meħtieġa biex iwettqu x-xogħol tekniku, inklużi:
·wara ħidma ta’ standardizzazzjoni fis-CEN/CENELEC,
·rieżami kontinwu dwar id-disponibbiltà tal-materjal biex il-miri tal-kontenut riċiklat jinżammu konformi mal-iżviluppi tas-suq,
·it-tħejjija tal-atti delegati dwar ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u d-durabbiltà tal-batteriji rikarikabbli u mhux rikarikabbli, dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trattament barra l-UE (inkluż wara x-xogħol preparatorju tal-JRC),
·it-tħejjija ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar il-formola ta’ reġistrazzjoni tal-produtturi u dwar il-parametri tal-istat tas-saħħa,
·l-istabbiliment ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-formati għar-rapportar lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni,
·l-iżvilupp tas-sistemi biex tiġi riċevuta d-data rrapportata u tiġi analizzata għall-korrettezza u l-kompletezza, u l-komunikazzjoni mal-persunal tal-IT għat-tixrid tad-data (Eurostat),
·l-istabbiliment ta’ softwer u formati għas-sottomissjonijiet marbuta mal-ispazju tad-data miftuħ,
·ir-reviżjoni tar-regoli tal-kategorija tal-PEFCR għall-batteriji (inkluż wara l-ħidma preparatorja tal-JRC),
·l-iżvilupp ta’ gwida dwar il-possibbiltà li l-batteriji portabbli jinqalgħu u jiġu sostitwiti,
·rieżami possibbli tar-regolament biex jiġu stabbiliti miri ta’ ġbir separat
|
Id-deskrizzjoni tal-kalkolu tal-kost għall-unitajiet FTE jenħtieġ li tiġi inkluża fit-Taqsima 3 tal-Anness V.
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali.
–×Il-proposta/l-inizjattiva se tkun tinvolvi riprogrammazzjoni tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.
Il-kompiti addizzjonali li għandha tassumi l-Kummissjoni jirrikjedu ħtiġijiet addizzjonali għar-riżorsi fir-rigward tal-ammont ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni u l-pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-applikazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà jew ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali.
Spjega x’inhu meħtieġ, filwaqt li tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
–Il-proposta/l-inizjattiva ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi.
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
–⌧
Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–◻
fuq ir-riżorsi proprji
–◻
fuq dħul ieħor
– ◻ jekk jogħġbok indika jekk id-dħul ikun assenjat għal-linji tan-nefqa
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Għad-dħul "assenjat" mixxellanju, speċifika l-linja baġitarja tan-nefqa affettwata.
Speċifika l-metodu biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq id-dħul.
3.4.Impatt stmat fuq id-dħul
–⌧
Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–◻
fuq ir-riżorsi proprji
–◻
fuq dħul ieħor
– ◻ jekk jogħġbok indika jekk id-dħul ikun assenjat għal-linji tan-nefqa
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Għad-dħul “assenjat” mixxellanju, speċifika l-linja baġitarja tan-nefqa affettwata.
Speċifika l-metodu biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq id-dħul.