IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.10.2020
COM(2020) 671 final
2020/0303(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (“ISC”) b’rabta mal-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992
Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali b’rabta ma' kwistjonijiet dinjija taz-zokkor u oħrajn relatati, li jipprovdi forum għal konsultazzjonijiet intergovernattivi dwar iz-zokkor u dwar metodi biex tittejjeb l-ekonomija dinjija taz-zokkor, li jiffaċilita l-kummerċ billi jiġbor u jipprovdi informazzjoni dwar is-suq dinji taz-zokkor u dolċifikanti oħrajn, u li jinkoraġġixxi żieda fid-domanda għaz-zokkor, b’mod partikolari għal użi mhux tradizzjonali.
Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993.
L-Unjoni hija parti tal-Ftehim.
2.2.L-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor
L-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor (“ISO”) li tamministra l-Ftehim hija organizzazzjoni intergovernattiva bbażata f’Londra li tara li tissodisfa l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1 tal-Ftehim.
Dawn l-objettivi tipprova tiksibhom billi ttejjeb it-trasparenza tas-suq permezz tal-ġbir u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni statistika u studji dwar il-produzzjoni dinjija, il-prezzijiet, l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet, il-konsum u l-ħażniet taz-zokkor.
Bħalissa, l-ISO għandha 87 membru, li jinkludu ħafna mill-akbar produtturi u importaturi taz-zokkor fid-dinja. Minbarra l-Unjoni, il-membri tagħha huma, fost oħrajn, il-Brażil, l-Indja, it-Tajlandja, l-Awstralja, il-Federazzjoni Russa u Kuba. L-aħħar pajjiż li ngħaqad mal-ISO kien is-Sri Lanka, li sar membru fis-6 ta’ Awwissu 2013. Is-87 membru tal-ISO għandhom total ta’ 2 000 vot.
Għall-proċeduri baġitarji (ara l-Artikolu 25 tal-Ftehim), jiġifieri għall-iffissar tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-membri, fl-2020 l-Unjoni għandha 538 vot. In-numru ta’ voti jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 25 u aġġustat kull sena abbażi tal-bidla fis-sehem tal-Membri fit-total tal-bażijiet ta’ tunnellaġġ kompost tal-Membri kollha minn dak għall-istess sħubija għas-sena ta’ qabel. It-tunnellaġġ kompost huwa kkalkulat bħala 35 % tal-esportazzjonijiet ta’ dak il-Membru lejn is-suq ħieles flimkien ma’ 15 % tal-esportazzjonijiet totali ta’ dak il-Membru skont arranġamenti speċjali flimkien ma’ 35 % tal-importazzjonijiet fis-suq ħieles ta’ dak il-Membru flimkien ma’ 15 % tal-importazzjonijiet totali ta’ dak il-Membru skont arranġamenti speċjali. Id-data użata għall-kalkolu tal-bażi tat-tunnellaġġ kompost ta’ kull Membru hija, għal kull kategorija ta’ hawn fuq, il-medja ta’ dik il-kategorija għall-ogħla tlieta mill-aħħar erba’ snin ippubblikata fl-edizzjoni l-aktar riċenti tal-Year Book taz-Zokkor tal-organizzazzjoni.
Għat-teħid tad-deċiżjonijiet, id-drittijiet tal-vot huma distribwiti skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor, li jqis ir-ridistribuzzjoni tal-voti tal-Membri li għandhom id-dritt tal-vot tagħhom sospiż minħabba li ma ħallsux il-kontribuzzjoni tagħhom għall-baġit amministrattiv. Skont l-aħħar distribuzzjoni tal-voti skont l-Artikolu 11, l-Unjoni Ewropea għandha 697 vot.
Fil-laqgħat tal-ISO, l-Unjoni hija rrappreżentata mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 17 tat-TUE. L-Istati Membri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-ISO, b’mod partikolari s-Sessjonijiet tal-Kunsill.
2.3.L-att previst tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (ISC)
Fit-2 ta’ Ottubru 2020, ir-Renju Unit applika formalment għall-adeżjoni mal-Ftehim. Fid-9 ta’ Ottubru 2020, is-Segretarjat tal-ISO għarraf lill-Membri tiegħu dwar l-applikazzjoni tar-Renju Unit. Ir-Renju Unit japplika għas-sħubija fl-ISO mill-1 ta’ Jannar 2021, jiġifieri wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ tranżizzjoni b’segwitu għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim, l-ISC iwettaq jew jagħmel arranġamenti għat-twettiq tal-funzjonijiet kollha kif ikun meħtieġ biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.
Skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim, l-adeżjoni hija miftuħa għall-Gvernijiet tal-Istati kollha bil-kundizzjonijiet li l-ISC iqis xierqa. Skont l-Artikolu 25(4) tal-Ftehim, fil-każ tal-adeżjoni ta’ Membru wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, meta l-Membru li jkun se jissieħeb ma jkunx elenkat fl-anness tal-Ftehim, l-ISC għandu jiddeċiedi fuq in-numru ta’ voti li għandhom jiġu allokati lil dak il-Membru. Wara li l-Membru li jkun se jissieħeb jaċċetta n-numru ta’ voti allokati mill-ISC, il-voti tal-Membri eżistenti għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid sabiex it-total tal-voti jibqa’ 2000. Il-voti allokati lir-Renju Unit, abbażi tad-distribuzzjoni attwali tal-voti, jammontaw għal 55 vot u jitnaqqsu mill-voti allokati lill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 25 tal-ISA. Konsegwentement, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea titnaqqas kif xieraq għas-sena finanzjarja 2021.
Ma kien hemm l-ebda diskussjoni formali dwar l-applikazzjoni tar-Renju Unit fil-Kumitat Amministrattiv tal-ISO jew fil-laqgħat tal-ISC qabel in-notifika datata d-9 ta’ Ottubru 2020 ippubblikata mis-Segretarjat tal-ISO dwar l-ittra, datata t-2 ta’ Ottubru 2020 tal-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Matul is-57 sessjoni tal-ISC fis-27 ta’ Novembru 2020, l-ISC se jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 41 tal-Ftehim.
Il-Ftehim dwar il-Ħruġ
F’konformità mal-Artikolu 129(2) tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni l-Unjoni se tibqa’ tirrappreżenta lir-Renju Unit fil-ħidma ta’ kwalunkwe korp stabbilit bil-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni. Waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jenħtieġ li jżomm lura minn kwalunkwe azzjoni jew inizjattiva li tista’ tippreġudika l-interessi tal-Unjoni. Madankollu, kif stabbilit bl-Artikolu 129(4) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit jista’ jinnegozja, jiffirma u jirratifika ftehimiet internazzjonali li jidħol għalihom fil-kapaċità tiegħu stess fl-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, diment li dawk il-ftehimiet ma jidħlux fis-seħħ jew ma jkunux japplikaw matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE sal-31 ta’ Diċembru 1995. Kull darba, il-Ftehim jiġi estiż għal perjodu massimu ta’ sentejn f’konformità mal-Artikolu 45(2) tal-Ftehim. Fid-19 ta’ Lulju 2019, l-ISC iddeċieda li jestendi l-ISA għal sentejn, sal-31 ta’ Diċembru 2021.
L-Unjoni minn dejjem kienet membru attiv tal-ISO u appoġġat l-espansjoni tal-organizzazzjoni.
Ir-Renju Unit huwa produttur importanti tal-prodotti agrikoli, inkluż iz-zokkor li huwa l-prodott agrikolu ewlieni kopert mill-ISO. Waqt li kien membru tal-Unjoni, ir-Renju Unit kellu kummerċ sinifikanti ta’ zokkor u prodotti li fihom iz-zokkor mal-Istati Membri.
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ir-Renju Unit jibqa’ marbut bil-ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni u l-Unjoni tkompli tirrappreżenta lir-Renju Unit fl-ISO.
Skont l-Artikolu 26(1) tal-Ftehim, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-Membri jsiru dovuti fl-ewwel jum tas-sena finanzjarja filwaqt li l-kontribuzzjonijiet tal-Membri fir-rigward tas-sena li fiha jissieħbu fl-ISO jsiru dovuti fid-data li fiha jsiru Membri. Għaldaqstant, l-Unjoni tħallas il-kontribuzzjonijiet annwali tagħha lill-ISO fil-bidu ta’ Jannar għas-sena finanzjarja kollha kkonċernata, li tibda’ f’Jannar u tintemm f’Diċembru. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-2020 tħallset mill-baġit tal-Unjoni għall-2020, li r-Renju Unit jikkontribwixxi għalih ukoll. B’konsegwenza ta’ dan, fir-rigward tas-sena finanzjarja kollha tal-2020, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ISO tkopri wkoll lir-Renju Unit. Bl-adeżjoni tar-Renju Unit fl-1 ta’ Jannar 2021, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ISO fir-rigward tas-sena finanzjarja 2021 mhux se tibqa’ tkopri lir-Renju Unit.
L-għan ta’ din il-proposta hu li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni fl-ISO dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim mill-1 ta’ Jannar 2021. Peress li l-proċedura tal-adeżjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim hija soġġetta għal deċiżjoni mill-ISC, il-pożizzjoni tal-Unjoni se tiġi stabbilita abbażi tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE).
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi għal deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti ġuridiċi” jinkludi l-atti li jkollhom effetti ġuridiċi skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-att previst tal-ISC għandu l-effett li jespandi s-sħubija tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992. L-att previst tal-ISC għandu effetti legali għaliex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ tali adeżjoni, b’mod partikolari minħabba li jaffettwa l-bilanċ deċiżjonali fl-ISC, li d-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu u rakkomandazzjonijiet isiru, fil-prinċipju, b’kunsens. Fin-nuqqas ta’ kunsens, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet isiru b’vot ta’ maġġoranza sempliċi, sakemm dan il-Ftehim ma jipprevedix vot speċjali, u jorbtu lill-Membri tiegħu, kif iddikjarat fl-Artikolu 13 tal-Ftehim. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji rispettivi tal-Membri se jiġu affettwati wkoll mill-espansjoni tas-sħubija tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst jirrigwardaw il-kummerċ fil-prodotti agrikoli.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2020/0303 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Filwaqt li:
(1)Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993. Il-Ftehim ġie konkluż inizjalment għal perjodu ta’ tliet snin.
(2)Skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor jista' jestendi l-Ftehim għal perjodi suċċessivi ta' mhux aktar minn sentejn kull darba. Sa mill-konklużjoni tiegħu, il-Ftehim ġie estiż regolarment għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar permezz tad-Deċiżjoni dwar il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fl-10 ta’ Lulju 2019, u se jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2021.
(3)Skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim, hu miftuħ għall-adeżjoni mill-Gvernijiet tal-Istati kollha f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor.
(4)Fit-2 ta’ Ottubru 2020, ir-Renju Unit applika formalment għall-adeżjoni mal-Ftehim mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem.
(5)Matul is-57 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor skedata għas-27 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor huwa ppjanat li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 41 tal-Ftehim.
(6)Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor.
(7)Ir-Renju Unit huwa produttur ewlieni taz-zokkor. L-approvazzjoni tal-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni hija fl-interess tal-Unjoni.
(8)Il-voti allokati lir-Renju Unit mid-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Ftehim għandhom jitnaqqsu mill-voti allokati lill-Unjoni skont l-Artikolu 25 ta’ dak il-Ftehim. Konsegwentement, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għandha titnaqqas kif xieraq mis-sena finanzjarja 2021.
(9)L-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ biss wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Ftehim ma għandux jiġi applikat b’mod proviżorju fir-rigward tar-Renju Unit qabel tmiem dak il-perjodu,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-57 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fis-27 ta’ Novembru 2020 għandha tkun li tapprova l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (il-Ftehim), soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.
2.L-adeżjoni ma għandhiex tidħol fis-seħħ u l-Ftehim ma għandux jiġi applikat b’mod proviżorju fir-rigward tar-Renju Unit qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
3.Mid-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Ftehim, ir-Renju Unit se jiġi allokat numru ta’ voti ddeterminat skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim u stabbilit matul is-57 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor tas-27 ta’ Novembru 2020, li se jitnaqqsu mill-voti allokati lill-Unjoni Ewropea.
4.Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni se titnaqqas skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA
|
Fin Stat/20/PSHMK/pl/62220293413793
agri.ddg3.g.4(2020) 6175239
|
|
6.22.2020
|
|
DATA: 13/10/2020
|
1.
|
INTESTATURA TAL-BAĠIT:
Kapitolu 15 20 PROĠETTI PILOTA, AZZJONIJIET PREPARATORJI, PREROGATTIVI U AZZJONIJIET OĦRA
15 20 03 06 Organizzazzjonijiet u ftehimiet internazzjonali
|
APPROPRJAZZJONIJIET:
B2021:EUR 15 605 027
|
2.
|
TITOLU:
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992
|
3.
|
BAŻI ĠURIDIKA: L-Artikolu 207(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, jifformaw il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta.
|
4.
|
GĦANIJIET:
Li tiġi approvata l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992.
|
5.
|
IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI
|
PERJODU TA’ 12-IL XAHAR
(EUR)
|
SENA FINANZJARJA KURRENTI 2020
(EUR)
|
SENA FINANZJARJA LI JMISS 2021
(EUR)
|
5.0
|
NEFQA
-
IDDEBITATA LILL-BAĠIT TAL-UE
(RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI)
-
AWTORITAJIET NAZZJONALI
-
OĦRAJN
|
|
|
- 42 937-
|
5.1
|
DĦUL
-
RIŻORSI PROPRJI TAL-UE
(IMPOSTI/DAZJI DOGANALI)
-
NAZZJONALI
|
|
|
|
|
|
|
|
|
5.0.1
|
NEFQA PROĠETTATA
|
|
|
|
5.1.1
|
DĦUL PROĠETTAT
|
|
|
|
5.2
|
METODU TAL-KALKOLU: 55 voti inqas għall-UE, 686 GBP/ vot
|
6.0
|
IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT KURRENTI?
|
M.A.
|
6.1
|
IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI?
|
M.A.
|
6.2
|
SE JKUN HEMM BŻONN TA’ BAĠIT SUPPLIMENTARI?
|
LE
|
6.3
|
SE JKUN HEMM BŻONN LI JIDDAĦĦLU L-APPROPRJAZZJONIJIET F’BAĠITS FUTURI?
|
LE
|
Id-deċiżjoni se jkollha impatt pożittiv żgħir għall-baġit tal-UE mill-baġit tal-2021. Il-kontribuzzjoni tal-UE mistennija tkun EUR 42 937 inqas, peress li r-Renju Unit se jħallas it-tariffa tas-sħubija tiegħu stess. L-ammont jista’ jvarja skont l-ammont li jkun se jitħallas għal kull vot f’GBP u skont ir-rata tal-kambju tal-EUR/GBP. Għal din l-istima, intuża l-iskambju ta’ GBP/EUR tal-BĊE tat-12/10/2020 (GBP 1 = EUR 1.1380).
|