Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0477

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni ta' fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-fini tar-riforniment tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika

COM/2020/477 final

Brussell, 3.9.2020

COM(2020) 477 final

2020/0228(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni ta' fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-fini tar-riforniment tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA) ġiet stabbilita fl-2003 fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou 1 għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou u hija ffinanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), li ma jaqax fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-FPA saret waħda mill-istrumenti ewlenin għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni Afrika-UE dwar il-paċi u s-sigurtà.

Fl-ambitu tal-11-il FEŻ ta’ bħalissa, ġie inizjalment allokat l-ammont ta’ EUR 750 miljun lill-FPA għall-perjodu 2014-2020. Dan l-ammont, li kien ibbażat fuq l-impenji tal-FPA fl-ambitu tal-għaxar FEŻ, naqas milli jqis biżżejjed iż-żieda f’daqqa tal-volum finanzjarju tal-FPA wara l-2012, li kompliet sal-2015, meta l-Kummissjoni poġġiet limitu fuq il-finanzjament tagħha għal Operazzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Paċi (OAP) ta’ 80 % tar-rata tan-NU ta’ dak iż-żmien għal salarji mħallsa lit-truppi u lill-pulizija stazzjonati fil-qafas tal-OAP immexxija mill-Afrika. L-introduzzjoni ta’ dan il-limitu massimu wassal għal stabbilizzazzjoni, iżda mhux għal tnaqqis tal-iżborżi tal-FPA, billi l-iffrankar li seħħ bis-saħħa tal-introduzzjoni tal-limitu massimu fuq il-kontribuzzjonijiet tal-FPA għas-salarji ġie kkontrobilanċjat b’żieda fl-għadd kumplessiv ta’ OAP iffinanzjati. Iż-żieda fid-domandi seħħet b’mod partikolari minħabba l-issoktar tal-finanzjament għal operazzjonijiet eżistenti (il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja - AMISOM), kif ukoll it-twaqqif ta’ OAP ġodda (il-Missjoni tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent fil-Guinea-Bissau - ECOMIB, it-Task Force Konġunta Multinazzjonali kontra Boko Haram - MNJTF, il-Forza Konġunta G5 Sahel).

Għalhekk sal-lum sar riforniment lill-FPA darbiet, għal ammont totali ta’ EUR 1,635 miljun: żewġ rifornimenti ta’ EUR 150 miljun kull wieħed (deċiżi fl-24 ta’ Settembru 2015 2 u fit-2 ta’ Awwissu 2016 3 , rispettivament) għall-Programm ta’ Azzjoni 2014-2016, u t-tielet riforniment ta’ EUR 535 miljun (deċiż ukoll fit-2 ta’ Awwissu 2016 4 ) biex jiffinanzja l-Programm ta’ Azzjoni 2017-2018, u r-raba’ riforniment ta’ EUR 800 miljun (deċiż fil-11 ta’ April 2019 5 ) biex jiffinanzja l-Programm ta’ Azzjoni 2019–2020. Dawn il-fondi jippermettu l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet taħt il-FPA sa tmiem l-2020.

F’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027 6 u l-proposta tar-Rappreżentant Għoli għal Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) 7 , l-attivitajiet li bħalissa huma ffinanzjati mill-FPA huma mistennija li jittieħdu mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u mill-EPF mill-1 ta’ Jannar 2021. Biex ikun żgurat appoġġ tal-UE kontinwu u affidabbli għall-attivitajiet ta’ paċi u sigurtà mmexxija mill-Afrika, tranżizzjoni bla xkiel bejn il-FPA u dawn l-istrumenti ġodda għandha tkun iffaċilitata minn Jannar sa Ġunju 2021 jew sakemm jiskadi l-Ftehim ta’ Cotonou, skont liema minnhom jiġi l-ewwel.

L-objettiv ta’ dan l-abbozz ta’ proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill huwa li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex jintużaw fondi diżimpenjati mill-10 FEŻ għar-riforniment tal-FPA b’ammont addizzjonali sa EUR 129 miljun. Dawn il-fondi se jintużaw bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tal-għaxar FEŻ 8 .

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-Istrateġija Globali tal-UE 9 tiddefinixxi l-paċi u s-sigurtà bħala wieħed mill-interessi fundamentali tal-UE, u tkompli billi tiddikjara li s-sigurtà fl-Ewropa hija marbuta bil-qawwa mal-paċi fir-reġjun tal-viċinat u tal-madwar. Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp imġedded 10 , adottat fl-2017, jistabbilixxi l-“paċi” bħala wieħed mill-ħames oqsma ta’ fokus u jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għal ordni globali abbażi tar-regoli, bil-multilateraliżmu fil-qalba tagħha.

L-FPA hija wieħed mill-istrumenti ewlenin għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni Afrika-UE dwar il-paċi u s-sigurtà taħt l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE adottata f’Lisbona fl-2007. Fir-raba’ Summit Afrika-UE fl-2014, il-paċi u s-sigurtà ġew ikkonfermati bħala wieħed mill-ħames oqsma ta’ prijorità għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta. Fil-ħames Summit Unjoni Afrikana-UE f’Novembru 2017, il-mexxejja qablu dwar erba’ prijoritajiet strateġiċi komuni għall-perjodu li jwassal għas-Summit li jmiss, li waħda minnhom hija “It-tisħiħ tar-reżiljenza, tal-paċi, tas-sigurtà u tal-governanza”. Abbażi tal-Kunsens Ewropew Ġdid Għall-Iżvilupp li jfakkar ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp u tal-Istrateġija Globali tal-UE li tisħaq dwar il-bżonn għal approċċ integrat vis-à-vis il-kunflitti, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-paċi u s-sigurtà tibqa’ għalhekk fil-qalba tas-sħubija bejn l-Afrika u l-UE. Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana ffirmaw, fit-23 ta’ Mejju 2018, Memorandum ta’ Qbil dwar il-Paċi, is-Sigurtà u l-Governanza, li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa UA-UE biex jindirizza l-isfidi li jirrigwardaw il-paċi u s-sigurtà. Aktar reċentement, dan il-fokus fuq kooperazzjoni b’saħħitha kontinwa mas-sħab Afrikani dwar il-paċi u s-sigurtà ġie ankrat fil-Kummissjoni u l-Komunikazzjoni Konġunta tas-SEAE ta’ Marzu 2020 “Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika” 11 .

Din il-proposta, billi tagħti lok biex jitkomplew l-attivitajiet tal-FPA sa nofs l-2021, jew sakemm jiskadi l-Ftehim ta’ Cotonou, skont limea tiġi l-ewwel, se tikkontribwixxi biex isservi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) tan-NU, b’mod partikolari l-SDG Nru 16 li “jiġu promossi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli, jingħata aċċess għall-ġustizzja lil kulħadd u jinbnew istituzzjonijiet effettivi, responsabbli u inklużivi fil-livelli kollha”.

L-FPA normalment tiġi ffinanzjata mill-pakkett Intra-AKP u l-pakketti reġjonali tal-FEŻ. L-attivitajiet iffinanzjati mill-fondi addizzjonali allokati għall-FPA mir-riżerva tal-prestazzjoni (“réserve non-mobilisable”) se jibqgħu konformi mal-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-FPA stipulati fl-istrateġija Intra-AKP 12 .

Il-fondi addizzjonali se jintużaw f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-11-il FEŻ. L-ipprogrammar ta’ dawn il-fondi se jiġi stabbilit permezz ta’ emenda tal-Programm ta’ Azzjoni tal-FPA 2019–2020, li jżid l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet minn Jannar 2021 jew sal-iskadenza tal-Ftehim ta’ Cotonou, liema minnhom jiġi l-ewwel. Din l-emenda tal-Programm ta’ Azzjoni tal-FPA 2019-2020 teħtieġ l-approvazzjoni tal-COREPER qabel ma jiġi adottat mill-Kummissjoni, kif previst mill-Artikolu 15(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-11-il FEŻ 13 .

•Konsistenza ma' politiki oħrajn tal-Unjoni

Mhux Applikabbli

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

L-Artikolu 1(4) tal-Ftehim Intern tal-11-il FEŻ 14 .

L-Artikolu 1(4) tal-Ftehim Intern tal-11-il FEŻ jirrikjedi li l-Kunsill jadotta d-deċiżjoni tiegħu b’unanimità.

•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)

Mhux Applikabbli

 
Il-FEŻ huwa stabbilit minn ftehim intern bejn ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u jipprevedi l-possibbiltà li jintużaw fondi diżimpenjati, jekk ikun dan jinqabel mill-Kunsill
15 .

•Proporzjonalità

Il-proposta u b’mod partikolari l-ammonti proposti huma bbażati fuq analiżi komprensiva mis-servizzi tal-Kummissjoni u mis-SEAE. Din il-proposta hija bbażata wkoll fuq is-suppożizzjoni li kontributuri oħra se jikkontribwixxu għal sforzi finanzjarji. Barra minn hekk, l-Istati Membri tal-UE għandhom il-possibbiltà li jgħaddu l-kontribuzzjonijiet volontarji mill-FPA.

F’Lulju 2016, l-UA adottat deċiżjoni biex timplimenta imposta ta’ 0,2 % fuq l-importazzjonijiet eliġibbli biex tiffinanzja l-Unjoni Afrikana. L-iskop tad-deċiżjoni huwa li tipprovdi finanzjament affidabbli u prevedibbli għall-paċi u s-sigurtà fil-kontinent permezz tal-Fond għall-Paċi tal-Unjoni Afrikana. L-implimentazzjoni tal-miżuri prattiċi u tal-leġiżlazzjoni li hemm bżonn qed timxi ’l quddiem, anki jekk b’ritmi differenti fost l-Istati Membri tal-UA. L-ammont ta’ fondi disponibbli taħt il-Fond ta’ Paċi tal-UA qiegħed jiżdied b’mod kostanti, u laħaq livell ta’ aktar minn EUR 160 miljun.

•Għażla tal-istrument

Il-FEŻ huwa l-uniku sors ta’ finanzjament tal-FPA fil-livell tal-Unjoni. Minħabba l-limitazzjonijiet ġuridiċi, l-istrumenti eżistenti tal-UE ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni ma jistgħux jintużaw għal operazzjonijiet b’implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża jew għall-appoġġ ta’ benefiċjarji militari għal skopijiet għajr dawk ta’ bini tal-kapaċità b’sostenn għall-iżvilupp u ta’ sigurtà għall-iżvilupp.

F’konformità mal-Artikolu 1(4) tal-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 16 , il-Kunsill jiddeċiedi dwar proposta tal-Kummissjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux Applikabbli

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux Applikabbli

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux Applikabbli

•Valutazzjoni tal-impatt

Mhux Applikabbli

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux Applikabbli

•Drittijiet fundamentali

It-tisħiħ tad-dimensjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-proċessi ta’ wara l-kunflitt huwa wieħed mill-oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni fl-ambitu tal-qasam prijoritarju “Paċi u Sigurtà” tal-Istrateġija Konġunta Afrika-UE (JAES). Il-Memorandum ta’ Qbil dwar il-Paċi, is-Sigurtà u l-Governanza bejn l-UA u l-UE ffirmat f’Mejju 2018 jenfasizza ulterjorment iċ-ċentralità tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluża l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru marbuta mal-kunflitti, għall-kisba tal-paċi u s-sigurtà fil-kontinent Afrikan.

Fl-ambitu tal-Programm ta’ Azzjoni tal-FPA 2019-2020 17 , se tingħata attenzjoni partikolari għad-dimensjoni tal-ġeneru u tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-azzjonijiet rilevanti kollha. Il-Programm ta’ Azzjoni se jinkludi appoġġ lill-UA u lil atturi rilevanti oħra biex jiġi stabbilit qafas ta’ konformità kontinentali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, applikabbli għall-OAP kollha mmexxija mill-Afrika.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux Applikabbli

Il-FEŻ mhuwiex parti mill-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar huma dawk applikabbli għall-11 FEŻ u previsti fil-Programm ta’ Azzjoni tal-FPA 2019–2020.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux Applikabbli

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-paragrafu (1) tal-Artikolu 1 tal-proposta jipprevedi li fondi diżimpenjati sa ammont massimu ta’ EUR 129 miljun minn proġetti fl-ambitu tal-għaxar FEŻ jiġu allokati għall-finijiet tar-riforniment tal-FPA biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet finanzjarji stmati għal durata li tkopri sal-ewwel sitt xhur tal-2021.

Il-paragrafu (2) tal-Artikolu 1 jipprevedi li jkunu applikabbli r-regoli tal-11-il FEŻ (Implimentazzjoni u Regolamenti Finanzjarji 18 ).

L-Artikolu 2 jipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni.

2020/0228 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni ta' fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-fini tar-riforniment tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 19 , u b'mod partikolari l-Artikolu 1(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-involviment attwali tal-Unjoni Ewropea fil-paċi u s-sigurtà fil-kontinent Afrikan taħt il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA) għandu jiġi sostnut sal-aħħar ta’ Ġunju 2021 jew sal-iskadenza tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (“AKP”) fuq naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”) 20 , skont liema jiġi l-ewwel.

(2)Ir-rekwiżiti finanzjarji tal-FPA għal perjodu li jkopri minn Jannar sa Ġunju 2021 huma stmati sa EUR 129 000 000.

(3)Huwa xieraq li jintużaw fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-10 FEŻ biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-FPA sa tmiem Ġunju 2021 jew sakemm tiskadi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, skont liema jiġi l-ewwel.

(4)Dawn il-fondi addizzjonali għandhom jiffinanzjaw appoġġ għal Operazzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Paċi mmexxija mill-Afrika.

(5)Jenħtieġ li dawn il-fondi jintużaw f’konformità mal-programm ta’ azzjoni multiannwali rilevanti tal-FPA u mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-11-il FEŻ, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp 21 , u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp 22 .

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ammont sa massimu ta’ EUR 129 000 000 mill-fondi dekommissjonati minn proġetti taħt l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għandu jiġi allokat għall-għan tar-riforniment tal-FPA mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2021 jew sakemm jiskadi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, skont liema minnhom jiġi l-ewwel.

Dawn il-fondi għandhom jintużaw f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-1l-il FEŻ.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000.
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8627 tas-7 ta’ Diċembru 2015.
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 7258 tas-17 ta’ Novembru 2016.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 2579 tas-27 ta’ April 2017 kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 1258 tat-23 ta’ Frar 2018.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019)4070 tas-6 ta’ Ġunju 2019.
(6)    Proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027, Mejju 2018.
(7)    HR(2018)94 tat-13 ta’ Ġunju 2018.
(8)    Dan ma jikkostitwixxix preċedent fir-rigward tal-użu potenzjali fil-futur tal-fondi diżimpenjati minn FEŻ preċedenti, li tibqa’ deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri skont il-każ, f’konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
(9)    Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha. Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, Ġunju 2016.
(10)    Dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni (2017/C 210/01): Il-Kunsens Ewropew Ġdid Għall-Iżvilupp - “Id-Dinja Tagħna, Id-Dinjità Tagħna, Il-Futur Tagħna”, is-7 ta’ Ġunju 2017.
(11)    Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Lejn Strateġija Komprensiva mal-Afrika, JOIN(2020) 4, 9 ta’ Marzu 2020.
(12)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 7766 tat-13 ta’ Novembru 2015 dwar l-adozzjoni tad-Dokument ta’ Strateġija 2014-2020 u l-Programm Indikattiv għall-kooperazzjoni Intra-AKP bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta’ Stati AKP.
(13)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta’ Marzu 2015.
(14)    Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-ftehim ta’ sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra -Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1).
(15)    L-Artikolu 1(4) tal-Ftehim Intern tal-11-il FEŻ u l-Artikolu 55 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
(16)    ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1–14.
(17)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4070 tas-6 ta’ Ġunju 2019.
(18)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
(19)    ĠU L 210, 6.8.2013, p.1
(20)    Il-Ftehim (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3) kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L287, 4.11.2010, p 3).
(21)    ĠU L 58, 3.3.2015, p. 1-16.
(22)    ĠU L 307, 3.12.2018, p. 1-21.
Top