Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0472

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)

COM/2020/472 final

Brussell, 31.8.2020

COM(2020) 472 final

2020/0226(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti Annessi mal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN), kif applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021, b’rabta mat-tmiem tal-perjodu ta’ waqfien previst li fih il-membri tal-partijiet kontraenti tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u l-Kumitat Amministrattiv tal-ADN jistgħu joġġezzjonaw għall-emendi proposti għall-edizzjoni tal-2021.

2.Kuntest tal-proposta

L-Annessi u r-Regolamenti msemmija hawn fuq, magħrufa l-aktar bħala l-Annessi tal-ADR u r-Regolamenti Annessi mal-ADN, jirregolaw it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni, rispettivament, bejn il-membri tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) li huma wkoll Partijiet Kontraenti tal-ADR u l-ADN.

L-iżvilupp tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni, kemm fl-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, huwa komponent ewlieni tal-politika komuni Ewropea dwar it-trasport u jiżgura t-tħaddim tajjeb tal-oqsma industrijali kollha li jipproduċu jew li jużaw prodotti kklassifikati bħala perikolużi skont l-ADR u l-ADN. Għalhekk, l-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku ta’ dawn il-ftehimiet huwa essenzjali biex jippermetti l-iżvilupp tat-trasport u tas-setturi industrijali assoċjati fil-katina ekonomika. L-emendi għandhom l-għan li jallinjaw l-ADR u l-ADN mar-Regolamenti Mudell tan-NU, li jinkludu definizzjonijiet ġodda, kriterji ta’ klassifikazzjoni u numri NU, rekwiżiti tal-ippakkjar / tat-tikkettar, l-aġġornament ta’ standards applikabbli u ta’ dispożizzjonijiet tekniċi kif ukoll korrezzjonijiet editorjali.

Id-dispożizzjonijiet internazzjonali relatati mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi huma stabbiliti f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNECE, l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) u diversi korpi speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti. Minħabba li r-regoli jridu jkunu kompatibbli ma’ xulxin, ġiet żviluppata sistema internazzjonali kumplessa għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet involuti f’dan ix-xogħol. Id-dispożizzjonijiet jiġu adattati wara ċiklu ta’ sentejn.

2.1.Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR)

Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) għandu l-għan li jirregola t-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bit-triq bejn l-Istati Membri tal-UNECE u stati oħrajn li japplikaw l-ADR (il-partijiet kontraenti tal-ADR). L-ADR daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 1968.

L-Unjoni Ewropea mhijiex parti tal-Ftehim, iżda l-Istati Membri tagħha kollha huma partijiet kontraenti ta’ dan il-Ftehim.

2.2.Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)

Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN) għandu l-għan li jirregola t-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi fuq passaġġi tal-ilma interni bejn l-Istati Membri tal-UNECE li japplikaw l-ADN (il-partijiet kontraenti tal-ADN). L-ADN daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2008.

L-Unjoni Ewropea mhijiex parti tal-Ftehim, iżda 13 mill-Istati Membri tagħha huma partijiet kontraenti ta’ dan il-Ftehim.

2.3.Il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u l-Kumitat Amministrattiv tal-ADN

Il-grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u l-Kumitat Amministrattiv tal-ADN u l-Kumitat tas-Sikurezza tal-ADN (WP.15/AC.2) huma l-korpi stabbiliti b’konformità mal-UNECE sabiex jiddeċiedu dwar l-emendi għall-ADR u għall-ADN. Dawn il-korpi huma magħmula mir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UNECE li japplikaw l-ADR u l-ADN. Kull parti kontraenti tal-ADR u tal-ADN għandha vot wieħed.

Skont il-Kapitolu VII - “Votazzjoni” tat-Termini ta’ Referenza u r-Regoli ta’ Proċedura tad-WP.15, huma biss dawk li jipparteċipaw bis-sħiħ li jkollhom vot wieħed kull wieħed fid-WP.15 u d-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp għandhom prinċipalment jittieħdu b’kunsens. Il-Grupp ta’ Ħidma WP.15 jivvota b’turija tal-idejn.

Skont l-Artikolu 17(7) tal-ADN, kull Parti Kontraenti rappreżentata fis-sessjoni tal-Kumitat Amministrattiv tal-ADN għandu jkollha vot wieħed.

L-emendi adottati matul il-perjodu ta’ sentejn 2018-2020 jinkludu serje wiesgħa ta’ adattamenti għall-progress tekniku u xjentifiku.

Għall-ADR, id-WP.15 ħa d-deċiżjoni dwar dawn l-emendi proposti f’kull waħda mis-sessjonijiet imsemmija fit-taqsima 2.4 hawn taħt. Għall-ADN, il-Kumitat Amministrattiv iddeċieda dwar l-emendi fl-24 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, fil-31 ta’ Jannar 2020.

Skont l-Artikolu 14 tal-ADR, ladarba tiġi deċiża mid-WP.15, kwalunkwe emenda proposta għall-Annessi tal-ADR għandha titqies bħala aċċettata sakemm, fi żmien tliet xhur mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jiċċirkolaha, mill-inqas terz tal-Partijiet Kontraenti jew ħamsa minnhom jekk terz jaqbeż dik iċ-ċifra, ma jkunux taw notifika bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali bl-oġġezzjoni tagħhom għall-emenda proposta.

Skont l-Artikolu 20 tal-ADN, ladarba tiġi deċiża mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN, l-emendi għandhom jitqiesu bħala aċċettati sakemm, fi żmien tliet xhur mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jiċċirkolaha, mill-inqas terz tal-Partijiet Kontraenti jew ħamsa minnhom jekk terz jaqbeż dik iċ-ċifra, ma jkunux taw notifika bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali bl-oġġezzjoni tagħhom għall-emenda proposta.

L-emendi li qed jiġu adottati mid-WP.15, kif ippreżentati fid-dokumenti li jinsabu fl-Anness ta’ din il-proposta, intbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex ikunu jistgħu jiġu nnotifikati lill-Partijiet Kontraenti tal-ADR fl-1 ta’ Lulju 2020 għall-aċċettazzjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 14 tal-ADR u huma disponibbli online 1 .

L-emendi adottati mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN, kif ippreżentati fid-dokumenti li jinsabu fl-Anness ta’ din il-proposta, ġew innotifikati mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti tal-ADN fl-1 ta’ Lulju 2020 għall-aċċettazzjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 20 tal-ADN u huma disponibbli online 2 .

Sat-30 ta’ Settembru 2020, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fil-kapaċità tiegħu bħala depożitarju, jista’ jirċievi oġġezzjonijiet għall-emendi għall-ADR u l-ADN kif adottati fis-sessjonijiet imsemmija fil-punt 2.3 ta’ hawn fuq.

2.4.L-atti previsti tad-WP.15 u tal-Kumitat Amministrattiv tal-ADN

L-iskop tal-atti previsti huwa li jadattaw l-Annessi tal-ADR u r-Regolamenti annessi tal-ADN għall-progress tekniku u xjentifiku.

B’mod partikolari, l-eżenzjoni applikabbli għal-loggers tad-data u għall-apparat ta’ lokalizzazzjoni tal-merkanzija li jaħdem bil-batteriji ġiet iċċarata, iddaħħlu definizzjonijiet ġodda eż. “rata tad-doża” jew ġew emendati d-definizzjonijiet eżistenti eż. “Temperatura tad-dekompożizzjoni li taċċellera waħedha (SADT)” u “Temperatura tal-polimerizzazzjoni li taċċellera waħedha (SAPT)”. Ir-regoli applikabbli għall-klassifikazzjoni ta’ oġġetti perikolużi ġew iċċarati fiż-żewġ ftehimiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-isplussivi, tal-materjal radjuattiv, tas-sustanzi korrużivi eċċ. Iddaħħlu bosta entrati ġodda fil-lista ta’ oġġetti perikolużi, eż. UN 0511 DETONATURI, ELETTRONIĊI programmabbli għall-blasting, UN 3549 SKART MEDIKU, KATEGORIJA A, LI JAFFETTWA LILL-BNIEDEM, solidu jew SKART MEDIKU, KATEGORIJA A, LI JAFFETTWA LILL-ANNIMALI biss, solidu. Saru diversi emendi għad-dispożizzjonijiet speċjali dwar l-imballaġġ, u ġew previsti regoli ġodda għal: l-imballaġġ użat għal kombinament ta’ batteriji tal-litju li jinsab fit-tagħmir u batteriji tal-litju li jiġu ppakkjati mat-tagħmir, in-nitroċelluloża u t-tagħbija mħallta ta’ sustanzi splussivi u oġġetti.

Matul il-preparazzjoni ta’ dawn l-emendi ġew ikkonsultati firxa kbira ta’ esperti mis-settur pubbliku u privat. Matul l-iżvilupp ta’ dawn l-emendi saru l-laqgħat tekniċi li ġejjin:

   fis-Sottokumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-ECOSOC tan-NU:

(1)    fil-51 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-3 sas-7 ta’ Lulju 2017;

(2)    fit-52 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mis-27 ta’ Novembru sas-6 ta’ Diċembru 2017;

(3)    fit-53 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mill-25 ta’ Ġunju sal-4 ta’ Lulju 2018;

(4)    fl-54 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mis-26 ta’ Novembru sal-4 ta’ Diċembru 2018;

   fil-Laqgħa Konġunta tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID tal-OTIF-UNECE u d-WP.15:

(1)    fis-sessjoni tiegħu tal-ħarifa tal-2018 f’Ġinevra, mis-17 sal-21 ta’ Settembru 2018;

(2)    fis-sessjoni tiegħu tar-rebbiegħa tal-2019 f’Bern, mit-18 sat-22 ta’ Marzu 2019;

(3)    fis-sessjoni tiegħu tal-ħarifa tal-2019 f’Ġinevra, mis-17 sas-26 ta’ Settembru 2019;

   għall-ADR, fid-WP.15:

(1)    fil-105 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mis-6 sad-9 ta’ Novembru 2018,

(2)     fil-106 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-13 sas-17 ta’ Mejju 2019,

(3) fil-107 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mill-11 sal-15 ta’ Novembru 2019,

(4)    fil-108 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mill-11 sal-15 ta’ Mejju 2020. Din is-sessjoni ġiet posposta minħabba l-kriżi tal-COVID-2019; madankollu, l-Istati Membri ġew ikkonsultati fi proċedura bil-miktub mill-President tal-WP.15 u mis-Segretarjat tal-UNECE dwar l-emendi editorjali li għad kellhom bżonn jiddaħħlu fl-ADR 2021. Minħabba l-iskadenza tas-15 ta’ Mejju 2020 għall-kummenti, fit-8 ta’ Mejju 2020 il-Kummissjoni organizzat vidjokonferenza. L-Istati Membri rċevew b’mod pożittiv il-proposti għall-emendi editorjali u kien hemm qbil unanimu dwar il-proposta finali magħmula bil-miktub mis-Segretarjat tal-UNECE.

   għall-ADN, fil-Kumitat tas-Sikurezza tal-ADN (WP.15/AC.2):

(1)fit-33 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mis-27 sal-31 ta’ Awwissu 2018,

(2)fl-34 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mill-21 sal-25 ta’ Jannar 2019,

(3)fil-35 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mis-26 sat-30 ta’ Awwissu 2019,

(4)fis-36 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mis-27 sal-31 ta’ Jannar 2020,

   u l-Kumitat Amministrattiv tal-ADN fl-24 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, fil-31 ta’ Jannar 2020.

Waqt dawn il-laqgħat, il-Kumitati ta’ Esperti analizzaw u pproċessaw il-proposti individwali għall-emendi. Ħafna drabi, l-azzjoni rakkomandata ġiet maqbula b’mod unanimu. Ċerti proposti ġew rakkomandati mill-maġġoranza tal-esperti.

Sakemm l-emendi proposti għall-Annessi tal-ADR, kif innotifikati mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ma jitqisux miċħuda skont l-Artikolu 14(3) fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika, jiġifieri fl-1 ta’ Ottubru 2020, l-emendi inkwistjoni jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

Sakemm l-emendi proposti għar-Regolament Annessi tal-ADN ma jitqisux miċħuda skont l-Artikolu 20(5) fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika, jiġifieri fl-1 ta’ Ottubru 2020, l-emendi inkwistjoni jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

L-Unjoni Ewropea mhijiex parti kontraenti tal-ADR u l-ADN. Madankollu, il-fatt li l-Unjoni Ewropea ma tiħux sehem fi ftehim internazzjonali ma jipprekludihiex milli teżerċita l-kompetenza tagħha billi tistabbilixxi, permezz tal-istituzzjonijiet tagħha, pożizzjoni li trid tittieħed f’isimha fil-korp stabbilit permezz ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li huma partijiet kontraenti ta’ dak il-ftehim li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tagħha (ara s-sentenza l-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12 (“OIV”), il-paragrafu 52 u l-każistika msemmija).

Bħalissa hemm 52 Parti Kontraenti tal-ADR, u l-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet kontraenti ta’ dan il-Ftehim. Hemm ukoll 18-il Parti Kontraenti tal-ADN, u 13-il Stat Membru tal-UE huma partijiet kontraenti ta’ dan il-Ftehim.

Mill-1 ta’ Jannar 1997 l-Unjoni Ewropea applikat id-dispożizzjonijiet tal-ADR għat-trasport bit-triq ta’ oġġetti perikolużi fit-territorju tal-UE, inizjalment skont id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta’ Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq 3 . Fl-2008, id-Direttiva 94/55/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2008/68/KE 4 li ssegwi l-prinċipji tal-predeċessur tagħha. Mill-1 ta’ Jannar 2009, l-Unjoni Ewropea applikat id-dispożizzjonijiet tal-ADN għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi mill-passaġġi fuq l-ilma interni.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE, rigward pajjiżi terzi, jistabbilixxi li “t-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, l-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi”.

Barra minn hekk, l-emendi msemmijin hawn fuq se jkollhom inċidenza fuq it-tħaddim tad-Direttiva 2008/68/KE fir-rigward tal-Artikolu 8 tagħha. Skont dik id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadatta l-Anness I, it-Taqsima I.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1 tad-Direttiva 2008/68/KE għall-progress xjentifiku u tekniku, “partikolarment sabiex jitqiesu l-emendi għall-ADR, (...) u għall-ADN”.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-“pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’ isem l-Unjoni f’ sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti tal-ftehim 5 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mill-korp leġiżlattiv tal-Unjoni 6 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Id-WP.15 huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR).

Il-Kumitat Amministrattiv tal-ADN huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN).

L-atti li ġew adottati mid-WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. Bil-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq, l-atti adottati se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 14 tal-ADR u l-Artikolu 20 tal-ADN u huma kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, speċifikament id-Direttiva 2008/68/KE. Dan huwa minħabba li l-Artikolu 1 jagħmel obbligatorju l-użu ta’ dawn ir-regoli għat-trasport bit-triq u għat-trasport fuq passaġġi tal-ilma interni ta’ oġġetti perikolużi fl-Istati Membri u bejniethom u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE rigward il-pajjiżi terzi jistabbilixxi li “t-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, l-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi”.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tad-Deċiżjoni għandhom x’jaqsmu mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta għandha tkun l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Għal raġunijiet ta’ trasparenza u ta’ referenza xierqa, id-deċiżjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u tal-Kumitat tas-Sikurezza tal-ADN għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jissemma meta jidħlu fis-seħħ.

2020/0226 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (“ADR”) daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 1968. Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (“ADN”) daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2008.

(2)Skont l-Artikolu 14 tal-ADR, kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tipproponi emenda waħda jew aktar għall-Annessi ta’ dak il-Ftehim u, għaldaqstant, il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (“WP.15”) jista’ jadotta emendi għall-Annessi tal-ADR. Skont l-Artikolu 20 tal-ADN, il-Kumitat tas-Sikurezza u l-Kumitat Amministrattiv jistgħu jadottaw emendi għar-Regolamenti Annessi tal-ADN.

(3)L-emendi adottati matul il-perjodu ta’ sentejn 2018-2020 mid-WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni ġew innotifikati lill-partijiet kontraenti tal-ADR u tal-ADN fl-1 ta’ Lulju 2020.

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ dawk l-emendi għall-ADR u għall-ADN, peress li dawk l-atti se jkunu kapaċi li jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 . Dik id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew fuq passaġġi tal-ilma interni fl-Istati Membri jew bejniethom, billi tirreferi għall-ADR u għall-ADN. L-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva jipprevedi li t-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, tal-RID jew tal-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/68/KE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadatta l-Anness I, it-Taqsima I.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1 ta’ dik id-Direttiva għall-progress xjentifiku u tekniku, b’mod partikolari sabiex jitqiesu l-emendi għall-ADR, għall-RID u għall-ADN.

(5)L-Unjoni mhijiex parti kontraenti tal-ADR u tal-ADN. Madankollu, dan il-fatt ma jipprekludihiex milli teżerċita l-kompetenza tagħha billi tistabbilixxi, permezz tal-istituzzjonijiet tagħha, pożizzjoni li trid tittieħed f’isimha fis-sede stabbilit permezz ta’ dak il-ftehim, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li huma partijiet kontraenti tal-imsemmi ftehim li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tagħha.

(6)L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-ADR u japplikawh, u 13-il Stat Membru huma partijiet kontraenti u japplikaw l-ADN.

(7)L-emendi adottati jikkonċernaw standards tekniċi jew preskrizzjonijiet tekniċi uniformi, u għandhom l-objettiv li jiżguraw it-trasport effiċjenti u sikur ta’ oġġetti perikolużi filwaqt li jqisu l-progress xjentifiku u tekniku fis-settur u l-iżvilupp ta’ sustanzi ġodda u oġġetti li jippreżentaw periklu matul it-trasport tagħhom. L-iżvilupp tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni, kemm fl-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien tagħha, huwa komponent ewlieni tal-politika komuni tat-trasport u jiżgura t-tħaddim tajjeb tal-oqsma industrijali kollha li jipproduċu jew li jużaw prodotti kklassifikati bħala perikolużi skont l-ADR u l-ADN.

(8)L-emendi proposti huma kollha ġġustifikati u ta’ benefiċċju, u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-Unjoni.

(9)Il-pożizzjoni tal-Unjoni trid tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma partijiet kontraenti tal-ADR u tal-ADN, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi adottati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN għall-Annessi tal-ADR u għar-Regolamenti Annessi tal-ADN, rispettivament, kif imsemmi fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, hija stipulata f’dak l-Anness.

Bidliet minuri għal din il-pożizzjoni jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 2.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa, b’mod konġunt, mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma Partijiet Kontraenti tal-ADR u tal-ADN.

Artikolu 3

Id-deċiżjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u tal-Kumitat tas-Sikurezza tal-ADN għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jissemma meta jidħlu fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    http://www.unece.org/trans/main/dgdb/wp15/wp15rep.html.
(2)    http://www.unece.org/trans/main/dgdb/adn/adn_rep.html.
(3)    ĠU L 319, 12.12.1994, p. 7.
(4)    ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.
(5)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(6)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(7)    Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.)
Top

Brussell, 31.8.2020

COM(2020) 472 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)


ANNESS

Proposta

Dokument ta’ Referenza

Notifika

Ħruġ

Kummenti

Pożizzjoni tal-UE

1.

ECE/TRANS/WP.15/249

C.N.274.2020.TREATIES-XI.B.14

Abbozz tal-emendi għall-Annessi A u B tal-ADR

Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15.

Qbil mal-emendi.

2.

ECE/TRANS/WP.15/249/Add.1

C.N.274.2020.TREATIES-XI.B.14

Abbozz tal-emendi għall-Annessi A u B tal-ADR – Addendum

Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15.

Qbil mal-emendi.

3.

ECE/TRANS/WP.15/249/Corr.1

C.N.274.2020.TREATIES-XI.B.14

Abbozz tal-emendi għall-Annessi A u B tal-ADR – Rettifika

Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15.

Qbil mal-emendi.

4.

ECE/ADN/54

C.N.273.2020.TREATIES-XI.D.6

Abbozz tal-emendi għar-Regolamenti annessi tal-ADN

Kunsens tekniku fil-Kumitat Amministrattiv tal-ADN.

Qbil mal-emendi.

Top