Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0201

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19

COM/2020/201 final

Brussell, 8.5.2020

COM(2020) 201 final

2020/0084(CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19



MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Fil-5 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 1 , li huwa parti mill-pakkett tal-leġiżlazzjoni dwar l-immodernizzar tal-VAT għall-kummerċ elettroniku B2C transfruntier (“il-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku”). Huwa jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud 2 , li huwa l-bażi għall-infrastruttura tal-IT sottostanti u għall-kooperazzjoni meħtieġa tal-Istati Membri biex ikun żgurat is-suċċess tal-estensjoni tal-punt uniku ta’ servizz żgħir (MOSS).

Id-data tal-applikazzjoni tal-emendi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2454 kienet iffissata għall-1 ta’ Jannar 2021.

Fl-14 ta’ Frar 2020 il-Kummissjoni ppreżentat is-sitwazzjoni attwali tal-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri, fejn il-maġġoranza tal-Istati Membri kkonfermaw li se jkunu f’pożizzjoni li japplikaw ir-regoli sal-iskadenza. Żewġ Stati Membri ressqu t-tħassib tagħhom u talbu posponiment ta’ sena jew iżjed tad-data tad-dħul fis-seħħ. Il-Kummissjoni offriet l-għajnuna biex jegħlbu l-ostakli lil dawk l-Istati Membri li kienu qed isibu d-diffikultà, u esprimiet li kienet għadha fiduċjuża li l-Istati Membri se jkunu lesti sal-1 ta’ Jannar 2021.

Madankollu, minħabba l-kriżi mhux mistennija kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 u l-impatt kbir tagħha, l-Istati Membri kellhom jibdlu l-prijoritajiet tagħhom u jirriallokaw ir-riżorsi tagħhom mill-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, għall-ġlieda kontra din il-pandemija. Għaldaqstant, l-Istati Membri l-oħra ma jistgħux jibqgħu jagħtu garanzija li se jkunu jistgħu jiffinalizzaw ix-xogħol ta’ tħejjija biex japplikaw ir-regoli l-ġodda, fosthom ir-regoli dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, sal-1 ta’ Jannar 2021. Hemm riskju serju li s-sistema tal-IT fil-livell nazzjonali, meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, fosthom dawk stipulati fir-Regolament (UE) 2017/2454, tiddewwem u b’hekk inħoloq il-periklu li ħafna Stati Membri mhux se jkunu lesti japplikaw ir-regoli l-ġodda mill-1 ta’ Jannar 2021. Tqajjem tħassib simili mill-operaturi ekonomiċi ewlenin, b’mod speċjali mill-operaturi tas-servizzi postali u tal-kurriera, li ħeġġew lill-Kummissjoni biex tipposponi b’sitt xhur id-data tal-applikazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku minħabba l-kriżi tal-COVID-19.

Il-Kummissjoni għamlet laqgħa mal-Istati Membri fl-24 ta’ April 2020 biex tivvaluta l-istat ta’ tħejjija tagħhom biex japplikaw ir-regoli l-ġodda mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-maġġoranza tal-Istati Membri xorta waħda kkonfermaw li jkunu lesti li japplikawhom fil-ħin, iżda enfasizzaw li d-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jkunu f’pożizzjoni li japplikawhom tajjeb, u li għaldaqstant ikunu lesti li jaqblu ma’ posponiment ta’ mhux aktar minn sitt xhur.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li tiġi posposta b’sitt xhur id-data tal-applikazzjoni tal-emendi għall-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku stipulati fir-Regolament (UE) 2017/2454, li oriġinarjament kienet ippjanata għall-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk, id-data l-ġdida tal-applikazzjoni se tkun l-1 ta’ Lulju 2021. Ġie ssuġġerit posponiment għal sitt xhur għaliex id-dewmien għandu jinżamm qasir kemm jista’ jkun biex jitnaqqas kemm jista’ jkun aktar telf mill-baġits tal-Istati Membri.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika

L-għan ġenerali ta’ din il-proposta huwa l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, il-kompetittività tan-negozju tal-UE, u l-bżonn li l-ekonomija diġitali tkun intaxxata b’mod effikaċi. Il-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku huwa konsistenti mal-applikazzjoni fil-futur tal-prinċipju tad-destinazzjoni għall-VAT kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT appoġġat mill-Kunsill 3 .

Minbarra l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, il-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku ġie identifikat bħala inizjattiva ewlenija fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 4 (“l-Istrateġija DSM”), kif ukoll fl-Istrateġija għal Suq Uniku 5 u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku 6 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Din il-proposta tibdel id-data tal-applikazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku f’dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud li ġie adottat mill-Kunsill f’Diċembru tal-2017. Din timxi id f’id mal-proposta li tiġi posposta d-data tal-1 ta’ Jannar 2021 għall-applikazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, u b’hekk tinkludi l-atti legali kollha affettwati. Din il-proposta qed issir b’konsegwenza tal-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, u b’reazzjoni għaliha, u minħabba l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri fil-livell nazzjonali biex jiġġieldu din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza attwali, li lil xi wħud minnhom qed tikkawżalhom diffikultà biex jiggarantixxu li jimplimentaw il-bidliet meħtieġa fis-sistemi tal-IT domestiċi. Id-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku huma bbażati fuq il-prinċipju li kull Stat Membru jrid ikun f’pożizzjoni li japplikahom b’mod korrett.

Billi l-VAT hija taxxa armonizzata fil-livell tal-UE, l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu regoli differenti għal rashom. Għalhekk, kull inizjattiva biex jiġu emendati r-regoli tal-VAT għall-kummerċ elettroniku, fosthom il-bidla tad-data tal-applikazzjoni, teħtieġ proposta mill-Kummissjoni u ma tistax tinkiseb permezz ta’ azzjonijiet unilaterali fil-livell nazzjonali.

Għaldaqstant, il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tat-TFUE, b’mod partikolari l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. Fil-każ tat-test tas-sussidjarjetà, mhuwiex possibbli li l-Istati Membri jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet mingħajr proposta li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta temenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454. L-unika emenda li saret hija l-posponiment tad-data tal-applikazzjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta tirrifletti t-tħassib serju li esprimew u indirizzaw lill-Kummissjoni xi wħud mill-Istati Membri, u l-operaturi tas-servizzi postali u tal-kurriera li mhux se jkunu lesti li jiffinalizzaw ix-xogħol ta’ tħejjija għall-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku fil-livell nazzjonali u japplikaw ir-regoli sal-1 ta’ Jannar 2021 minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19.

Il-Kummissjoni għamlet laqgħa mal-Istati Membri fl-24 ta’ April 2020 biex tivvaluta l-istat ta’ tħejjija tagħhom biex japplikaw ir-regoli l-ġodda mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-maġġoranza tal-Istati Membri xorta waħda kkonfermaw li se jkunu lesti li japplikawhom fil-ħin, iżda enfasizzaw li d-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jkunu f’pożizzjoni li japplikawhom tajjeb, u li għaldaqstant ikunu lesti li jaqblu ma’ posponiment ta’ mhux aktar minn sitt xhur.

Valutazzjoni tal-impatt

Twettqet valutazzjoni tal-impatt tal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku 7 , li hija l-bażi għall-emenda tar-regoli stabbiliti fir-Regolament dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. Il-proposta attwali temenda biss id-data tal-applikazzjoni ta’ dawn l-emendi.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-għan ewlieni ta’ din il-proposta hu li tiġi posposta d-data tal-applikazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku b’sitt xhur. Il-proposta ma tibdilx is-sustanza tar-regoli, iżda kemm tipposponi d-data tal-applikazzjoni tagħhom.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta tagħmel parti mill-proġett għall-posponiment tad-data tal-applikazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku.

L-implikazzjonijiet baġitarji tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku kollu, li diġà huwa adottat, huma stabbiliti fid-dettall fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għad-Direttiva tal-Kunsill 2017/2455, id-dokument COM(2016)757 final 8 .

It-telf mill-baġits tal-Istati Membri huwa stmat għal madwar EUR 5 sa 7 biljun fis-sena jekk il-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku ma jiġix implimentat b’suċċess. Għalhekk dewmien ta’ sitt xhur ikun se jikkawża telf ta madwar EUR 2,5 sa 3,5 biljun. Madankollu, jekk l-Istati Membri u n-negozji ma jkunux lesti li japplikaw ir-regoli l-ġodda tal-VAT għall-kummerċ elettroniku, ir-riskju li s-sistema ma taħdimx sew jista’ jikkawża kważi l-istess ammont ta’ telf.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna biss id-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li diġà huma adottati dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2454. Id-data tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli l-ġodda għandha tiġi posposta b’sitt xhur. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati mill-1 ta’ Lulju 2021 minflok fl-1 ta’ Jannar 2021, u r-regoli attwali tal-punt uniku ta’ servizz żgħir (l-Artikoli 43 sa 47 fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu XI) għandhom jibqgħu japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2021.

Ir-raġuni għal din il-proposta hija l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, li għamlet pressjoni fuq l-Istati Membri biex jirreaġixxu minnufih u jadottaw miżuri urġenti f’livell nazzjonali biex itaffu l-konsegwenzi tal-kriżi għan-negozji u għall-popolazzjoni ġenerali. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali mingħajr preċedent, bosta Stati Membri mhumiex se jkunu jistgħu jiffinalizzaw ix-xogħol ta’ tħejjija biex japplikaw ir-regoli l-ġodda tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku f’livell nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2021.

2020/0084 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19


IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 9 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 10 ,

Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 11 jistabbilixxi r-regoli dwar l-iskambju u l-ħżin ta’ informazzjoni mill-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti l-iskemi speċjali previsti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 12 .

(2)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 13 jemenda dawk id-dispożizzjonijiet b’konformità mal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-iskemi speċjali u l-introduzzjoni ta’ skema ġdida. Dawk l-emendi għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.

(3)Fit-30 ta’ Jannar 2020 l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (id-WHO) iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali. Fil-11 ta’ Marzu 2020, id-WHO ddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija. Il-COVID-19 issa pprovokat infezzjonijiet fl-Istati Membri kollha. Minħabba ż-żieda allarmanti fl-għadd ta’ każijiet, u n-nuqqas tad-disponibbiltà immedjata ta’ mezzi effiċjenti biex jittrattaw it-tifqigħa tal-COVID-19, bosta Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza nazzjonali.

(4)Il-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 tikkostitwixxi emerġenza mhux mistennija u bla preċedent li taffettwa ħafna lill-Istati Membri kollha u ġġegħelhom jieħdu l-azzjoni minnufih fil-livell nazzjonali biex itaffu l-kriżi attwali bi priorità billi jirriallokaw ir-riżorsi lejn kwistjonijiet oħra. Minħabba din il-kriżi, bosta Stati Membri qed jiffaċċaw diffikultà biex jiffinalizzaw l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT li huma meħtieġa biex jiġu applikati r-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2017/2454 u jibdew japplikawhom mill-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk, għadd ta’ Stati Membri talbu l-posponiment tad-dati tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2454.

(5)Meta wieħed iqis l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri biex jiġġieldu l-kriżi tal-COVID-19, u jqis li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jaġġornaw is-sistemi tal-IT tagħhom biex ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) 2017/2454, biex b’hekk jiżguraw il-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pagamenti skont l-iskemi modifikati, jeħtieġ li d-dati tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġu posposti b’sitt xhur. Posponiment ta’ sitt xhur huwa xieraq għaliex jenħtieġ li d-dewmien jinżamm qasir kemm jista’ jkun biex jitnaqqas kemm jista’ jkun aktar telf mill-baġits tal-Istati Membri.

(6)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2454 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2017/2454 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 1, il-punt (7) huwa emendat kif ġej:

(a)fil-punt (a), l-intestatura tat-Taqsima 2 hija sostitwita b’dan li ġej:

Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2015 sat-30 ta’ Ġunju 2021”;

(b)il-punt (b) huwa emendat kif ġej:

(i)l-intestatura tat-Taqsima 3 hija sostitwita b’dan li ġej:

Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2021”;

(ii)l-Artikolu 47 a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 47 a

Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2021.”;

(2)fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, OJ L 348, 29.12.2017, p. 1–6.
(2)    ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1.
(3)     http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/05/25-conclusions-vat-action-plan  
(4)    COM(2015) 192 final.
(5)    COM(2015) 550 final.
(6)    COM(2016) 179 final.
(7)    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja lid-dokument Proposals for a Council Directive, a Council Implementing Regulation and a Council Regulation on Modernising VAT for cross-border B2C e-Commerce, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=SWD:2016:0379:FIN
(8)    Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodottiCOM/2016/0757 final - 2016/0370 (CNS), https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1586260266830&uri=CELEX:52016PC0757
(9)    ĠU C , , p. .
(10)    ĠU C , , p. .
(11)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).
(12)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(13)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, OJ L 348, 29.12.2017, p. 1–6.
Top