Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0197

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu posposti ċerti limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19

    COM/2020/197 final

    Brussell, 8.5.2020

    COM(2020) 197 final

    2020/0081(CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu posposti ċerti limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

    It-tifqigħa tal-COVID-19 hija kriżi gravi għas-saħħa pubblika li affettwat lill-Istati Membri kollha. Hija tippreżenta sfida kbira għas-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika u x’aktarx ikollha implikazzjonijiet serji għall-ekonomiji tal-Unjoni għal żmien twil. Din is-sitwazzjoni toħloq tfixkil kbir fil-ħajja taċ-ċittadini u tan-negozji, li qed jitħabtu biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod partikolari minħabba l-limitazzjonijiet marbuta mal-lockdowns f’ħafna Stati Membri.

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi bla preċedent, għadd ta’ Stati Membri u persuni soġġetti li jirrapportaw l-informazzjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni 1 talbu li jiġu posposti ċerti skadenzi għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva. B’mod aktar speċifiku, it-talbiet għad-differimenti jikkonċernaw skambji awtomatiċi ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji li l-benefiċjarji tagħhom għandhom residenza tat-taxxa fi Stat Membru ieħor 2 u arranġamenti transkonfinali rapportabbli 3 li jidhru fl-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE. It-tfixkil serju kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 ixekkel il-konformità f’waqtha tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-persuni responsabbli għar-rapportar ta’ arranġamenti transkonfinali u jaffettwa b’mod negattiv il-kapaċità tad-dipartimenti tat-taxxa tal-Istati Membri li jiġbru u jipproċessaw id-data.

    Din is-sitwazzjoni teħtieġ rispons urġenti u kkoordinat fi ħdan l-Unjoni u, meta rilevanti, fil-livell globali. F’dan ir-rigward, ikun utli li titqies l-inizjattiva tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-Forum Globali fir-rigward tal-istandard komuni ta’ rappurtar (CRS) għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti, u l-istandard komuni msemmi jiġi traspost fil-liġi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE.

    Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi posposta l-iskadenza għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji li l-benefiċjarji tagħhom għandhom residenza tat-taxxa fi Stat Membru ieħor. B’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġġustaw l-iskadenzi nazzjonali tagħhom għall-preżentazzjoni ta’ tali informazzjoni mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti. Bl-istess mod, l-iskadenzi għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-arranġamenti transkonfinali skont l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE jenħtieġ li jiġu estiżi wkoll.

    Sadanittant, jenħtieġ li jitfakkar ukoll li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji li l-benefiċjarji tagħhom għandhom residenza tat-taxxa fi Stat Membru ieħor u dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli skont l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE huwa kruċjali fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa fl-Unjoni. L-Istati Membri se jkollhom bżonn dħul mit-taxxa biex jiffinanzjaw l-isforzi konsiderevoli tagħhom biex irażżnu l-impatt ekonomiku negattiv tal-miżuri kontra l-pandemija tal-COVID-19. L-iżgurar tal-ġustizzja fiskali billi jiġu evitati l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa se jsir aktar importanti minn qatt qabel. Filwaqt li l-kriżi attwali titlob aġġustament tal-kalendarju għall-preżentazzjoni u t-trażmissjoni ta’ xi data dwar it-taxxa, jenħtieġ li din ma twassalx biex jiġu abbandunati l-isforzi tal-amministrazzjonijiet nazzjonali biex tiġi żgurata tassazzjoni ġusta.

    Jenħtieġ li t-tul tad-differiment ma jfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Pjuttost, jenħtieġ li jkun ta’ durata limitata, fi proporzjon mad-diffikultajiet prattiċi li jġib miegħu lockdown temporanju li jimmira li jrażżan il-pandemija.

    Fid-dawl tal-inċertezza attwali dwar l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, huwa utli li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ estensjoni oħra tal-perjodu ta’ differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni. Dan ikun meħtieġ jekk matul il-perjodu ta’ differiment jew f’parti minnu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ riskji serji għas-saħħa pubblika kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jippersistu u l-Istati Membri jkollhom jew jimplimentaw miżuri ġodda jew ikomplu bil-miżuri ta’ lockdown eżistenti. Jenħtieġ li din l-estensjoni ma tfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Pjuttost, jenħtieġ li tkun ta’ durata limitata u predeterminata, proporzjonata mad-diffikultajiet prattiċi li ġab miegħu l-lockdown temporanju. Jenħtieġ li l-estensjoni ma taffettwax l-elementi essenzjali tal-obbligu li l-informazzjoni tiġi rrappurtata u skambjata skont din id-Direttiva. Tista’ sempliċiment testendi d-differiment tal-iskadenza għall-konformità ma’ dawn l-obbligi filwaqt li tiżgura li ma tibqa’ l-ebda informazzjoni li fl-aħħar tispiċċa ma ma tiġix skambjata.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika

    Sa mill-bidu tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni rċeviet għadd konsiderevoli ta’ mistoqsijiet u talbiet u bdiet għadd ta’ inizjattivi sabiex ittaffi l-impatt tal-kriżi. F’dan il-kuntest, id-DĠ TAXUD diġà ħa diversi deċiżjonijiet, prinċipalment fil-qasam tad-Dwana u tal-VAT, sabiex isolvi l-problemi b’urġenza jew għallinqas jipprovdi serħan il-moħħ. Dawn huma miġbura fil-qosor fuq is-sit web tat-TAXUD ( COVID-19 TAXUD response 4 ).

    L-inizjattiva proposta hija konsistenti mal-miżuri adottati mill-Kummissjoni biex jitqiesu d-diffikultajiet attwali eċċezzjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom in-negozji u d-dipartimenti tat-taxxa nazzjonali. Din l-inizjattiva twieġeb għat-talbiet magħmula minn għadd ta’ persuni responsabbli li jippreżentaw l-informazzjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE u mill-Istati Membri għad-differiment tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE.

    L-inizjattiva proposta hija allinjata wkoll ma’ dik tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-Forum Globali dwar is-CRS biex l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti jestendu l-iskadenza għall-iskambju tal-informazzjoni minn tmiem Settembru 2020 sal-aħħar ta’ Diċembru 2020.

    Fid-29 ta’ April 2020, il-Kunsill organizza wkoll laqgħa informali mal-Istati Membri li fiha l-Istati Membri kollha qablu dwar il-ħtieġa li jiġu differiti r-rekwiżiti tal-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ din l-inizjattiva leġiżlattiva. Il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi marbuta mal-armonizzazzjoni jew mal-koordinazzjoni tal-qafas legali fil-qasam tat-tassazzjoni diretta jiddependu mill-Artikolu 115 tat-TFUE, filwaqt li t-taxxa indiretta hija ttrattata fl-Artikolu 113 tat-TFUE. Ir-regoli proposti għandhom l-għan li jemendaw il-limiti ta’ żmien speċifiċi għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ ċerta informazzjoni (informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji u arranġamenti transkonfinali rapportabbli), biex iqisu d-diffikultajiet attwali biex jikkonformaw mal-obbligi skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE minħabba l-kriżi tal-COVID-19. Meta wieħed iqis li l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli jistgħu jkunu relatati kemm ma’ skemi ta’ taxxa diretti kif ukoll ma’ skemi ta’ taxxa indiretti, iż-żewġ bażijiet legali huma rilevanti għar-regoli proposti.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta tosserva bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TFUE. Tindirizza l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni. Iċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali għall-applikazzjoni tad-differiment ta’ ċerti skadenzi skont id-Direttiva jistgħu jiġu żgurati biss jekk ikun hemm approċċ koordinat għall-problema identifikata fl-Istati Membri kollha.

    Proporzjonalità

    Il-proposta tikkonsisti mill-aġġustament tad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva fir-rigward tal-iskadenzi li japplikaw għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ ċerta informazzjoni, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-persuni responsabbli mir-rapportar tal-informazzjoni u d-dipartimenti tat-taxxa minħabba t-tifqigħa attwali tal-COVID-19. L-aġġustamenti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Jipprevedu differiment, li jqis it-tul ta’ żmien tal-miżuri ta’ konfinament jew ta’ lockdown, u jiżguraw li l-ebda informazzjoni li ssir rapportabbli matul il-perjodu ta’ differiment ma tibqa’ mhux irrapportata jew mhux skambjata.

    Għażla tal-istrument

    Il-bażi legali għal din il-proposta (l-Artikolu 115 tat-TFUE) jistabbilixxi b’mod espliċitu li l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam tista’ tiġi promulgata biss fil-forma legali ta’ Direttiva.

    Id-Direttiva proposta tikkostitwixxi wkoll is-sitt emenda għad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE u ssegwi d-Direttivi tal-Kunsill (UE) 2014/107/UE, 2015/2376, 2016/881, 2016/2258 u 2018/822.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Drittijiet fundamentali

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    4.SPJEGAZZJONI FID-DETTALL TAD-DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-PROPOSTA

    Id-Direttiva tipproponi tipproponi li jinbidlu ċertu limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, b’mod aktar speċifiku fir-rigward ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji kif previst mid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE u arranġamenti transkonfinali rapportabbli kif previst mid-Direttiva tal-Kunsill 2018/822/UE.

    Ir-regoli proposti:

    ·Jiġi ddiferit bi tliet xhur il-limitu ta’ żmien għall-iskambji ta’ informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji Rapportabbli, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2020;

    ·Tinbidel id-data għall-ewwel skambju ta’ informazzjoni dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli li jidhru fl-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE mill-31 ta’ Ottubru 2020 sal-31 ta’ Jannar 2021;

    ·Tinbidel id-data tal-bidu tal-perjodu ta’ 30 jum għar-rappurtar ta’ arranġamenti transkonfinali li huma inklużi f’dawk il-karatteristiċi distintivi elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2018/822/UE mill-1 ta’ Lulju 2020 sal-1 ta’ Ottubru 2020;

    ·Tinbidel id-data għar-rappurtar tal-arranġamenti transkonfinali “storiċi” (jiġifieri l-arranġamenti li saru rapportabbli mill-25 ta’ Ġunju 2018 sat-30 ta’ Ġunju 2020) mill-31 ta’ Awwissu 2020 sat-30 ta’ Novembru 2020.

    Meta wieħed iqis l-inċertezza attwali fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, l-inizjattiva proposta tipprevedi l-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ darba tal-perjodu ta’ differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li tagħti din l-estensjoni permezz ta’ atti delegati.

    2020/0081 (CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu posposti ċerti limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 5 ,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,

    Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)Il-miżuri ta’ lockdown imposti mill-Istati Membri biex irażżnu l-pandemija tal-COVID-19 għandhom effett ta’ tfixkil sinifikanti fuq il-kapaċità tan-negozji u tad-dipartimenti tat-taxxa li jwettqu wħud mill-obbligi tagħhom skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE 7 .

    (2)Għadd ta’ Stati Membri u persuni soġġetti li jirrapportaw l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2011/16/UE talbu differiment ta’ ċerti limiti ta’ żmien stabbiliti f’dik id-Direttiva għall-iskambji awtomatiċi tal-informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji li l-benefiċjarji tagħhom għandhom residenza tat-taxxa fi Stat Membru ieħor, kif ukoll dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli inklużi fil-karatteristiċi distintivi elenkati fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva 8 .

    (3)It-tfixkil serju kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 fl-attività tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-persuni li jistgħu jirrapportaw l-arranġamenti transkonfinali jxekkel il-konformità f’waqtha mal-obbligi ta’ rappurtar tagħhom skont id-Direttiva 2011/16/UE. L-istituzzjonijiet finanzjarji bħalissa qed jiffaċċjaw kompiti urġenti relatati mal-COVID-19. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-persuni responsabbli li jirrapportaw l-arranġamenti transkonfinali inklużi fil-karatteristiċi distintivi elenkati fl-Anness IV qed iħabbtu wiċċhom ma’ għadd ta’ tfixkil marbut max-xogħol, primarjament minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol mill-bogħod fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Bl-istess mod, il-kapaċità tad-dipartimenti tat-taxxa tal-Istati Membri biex jiġbru u jipproċessaw id-data hija affettwata b’mod negattiv.

    (4)Din is-sitwazzjoni teħtieġ rispons urġenti u kkoordinat fi ħdan l-Unjoni. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġi differit il-limitu ta’ żmien għall-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji li l-benefiċjarji tagħhom għandhom residenza tat-taxxa fi Stat Membru ieħor sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġġustaw il-limiti ta’ żmien nazzjonali tagħhom għall-preżentazzjoni ta’ tali informazzjoni mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti. Bl-istess mod, jenħtieġ li jiġu estiżi wkoll il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-arranġamenti transkonfinali inklużi f’dawk il-karatteristiċi distintivi elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/16/UE.

    (5)Sabiex jiġi ddeterminat it-tul tad-differiment, jeħtieġ li jitqies li dan għandu l-għan li jindirizza sitwazzjoni eċċezzjonali u jenħtieġ li ma jfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Konsegwentement, ikun xieraq li d-differiment jiġi limitat għal żmien li jkun proporzjonat mad-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.

    (6)Fid-dawl tal-inċertezza attwali dwar l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, ikun utli wkoll li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ estensjoni oħra tal-perjodu ta’ differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni. Dan ikun meħtieġ jekk matul il-perjodu ta’ differiment jew f’parti minnu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ riskji serji għas-saħħa pubblika kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jippersistu u l-Istati Membri jkollhom jew jimplimentaw miżuri ġodda jew ikomplu bil-miżuri ta’ lockdown eżistenti. Jenħtieġ li din l-estensjoni ma tfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Pjuttost, jenħtieġ li tkun ta’ durata limitata u predeterminata, proporzjonata mad-diffikultajiet prattiċi li ġab miegħu l-lockdown temporanju. Jenħtieġ li l-estensjoni ma taffettwax l-elementi essenzjali tal-obbligu li l-informazzjoni tiġi rrappurtata u skambjata skont din id-Direttiva. Tista’ testendi biss id-differiment tad-durata għall-konformità ma’ tali obbligi filwaqt li tiżgura li l-ebda informazzjoni ma tibqa’ mingħajr ma tiġi eventwalment skambjata.

    (7)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/16/UE tiġi emendata kif xieraq.

    (8)Meta wiħed iqis li l-miżuri stabbiliti f’din id-Direttiva jikkonċernaw l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2011/16/UE li altrimenti jsiru applikabbli fi żmien qasir, jenħtieġ li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2011/16/UE hija emendata kif ġej:

    (1)l-Artikolu 8ab huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “12.Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li l-intermedjarji u l-kontribwenti rilevanti jippreżentaw l-informazzjoni dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli li l-ewwel pass tagħhom ġie implimentat bejn il-25 ta’ Ġunju 2018 u t-30 ta’ Ġunju 2020. L-intermedjarji u l-kontribwenti rilevanti, skont kif meħtieġ, għandhom jippreżentaw l-informazzjoni dwar dawk l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli sat-30 ta’ Novembru 2020.”;

    (b)il-paragrafu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “18.L-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni għandu jseħħ fi żmien xahar minn tmiem il-perjodu ta’ tliet xhur li fih tkun ġiet ippreżentata l-informazzjoni. L-ewwel informazzjoni għandha tiġi kkomunikata sal-31 ta’ Jannar 2021.”.

    (2)Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 27 a
    Differiment tal-limiti ta’ żmien b’rispons għall-COVID-19

    1.Minkejja l-limitu ta’ żmien stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 8(6), il-komunikazzjoni tal-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(3a) li tirrigwarda s-sena kalendarja 2019 jew perjodu ta’ rappurtar xieraq ieħor, għandha ssir fi żmien 12-il xahar wara t-tmiem tas-sena kalendarja 2019 jew perjodu ta’ rappurtar adatt ieħor.

    2.Meta arranġament transkonfinali rapportabbli jsir disponibbli għall-implimentazzjoni, jew ikun lest għall-implimentazzjoni, jew meta l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tiegħu jkun sar bejn l-1 ta’ Lulju 2020 u t-30 ta’ Settembru 2020, jew meta l-intermedjarji msemmija fit-tieni paragrafu tal-punt 21 tal-Artikolu 3 ikunu pprovdew, direttament jew permezz ta’ persuni oħra, għajnuna, assistenza jew pariri bejn l-1 ta’ Lulju 2020 u t-30 ta’ Settembru 2020, il-perjodu ta’ 30 jum għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni stabbilit fil-paragrafi 1 u 7 tal-Artikolu 8ab għandu jibda mill-1 ta’ Ottubru 2020.

    Fil-każ ta’ arranġamenti kummerċjabbli, l-ewwel rapport perjodiku f’konformità mal-Artikolu 8ab(2) għandu jsir mill-intermedjarju sal-31 ta’ Jannar 2021.

    Artikolu 27b
    Estensjoni tal-perjodu ta’ differiment

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat, f’konformità mal-Artikolu 27c, sabiex jiġi estiż il-perjodu ta’ differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, kif previst fil-paragrafi 12 u 18 tal-Artikolu 8ab u fl-Artikolu 27a, għal massimu ta’ tliet xhur addizzjonali.

    Il-Kummissjoni tista’ tadotta biss l-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu jekk matul il-perjodu ta’ differiment jew f’parti minnu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ riskji gravi għas-saħħa pubblika kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jippersistu u l-Istati Membri jkollhom jimplimentaw miżuri ta’ lockdown.

    Artikolu 27c
    Eżerċitar ta’ delega

    1.Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 27b hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.Is-setgħa li tadotta l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 27b għandha tingħata lill-Kummissjoni biss għall-perjodu ta’ differiment tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, kif previst fil-paragrafi 12 u 18 tal-Artikolu 8ab u fl-Artikolu 27a.

    3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 27b tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-att delegat jekk ikun diġà fis-seħħ.

    4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti magħżulin ta’ kull Stat Membru, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

    5.Hekk kif tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill b’dan. In-notifika tal-att delegat lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza.

    6.L-att delegat adottat skont l-Artikolu 27b għandu jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien u għandu japplika sakemm ma tkun espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill. Il-Kunsill jista’ joġġezzjona għall-att delegat fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol min-notifika ta’ dak l-att. F’tali każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Kunsill.

    7.Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat dwar l-adozzjoni ta’ att delegat mill-Kummissjoni, dwar kull oġġezzjoni fformulata għalih u dwar ir-revoka ta’ delega tas-setgħat mill-Kunsill.”.

    Artikolu 2

    1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Mejju 2020, sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ġunju 2020.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.
    (2)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2014/107 tad-9 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.2.2014, p. 1).
    (3)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta’ arranġamenti transkonfinali rapportabbli (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 1).
    (4)     https://ec.europa.eu/taxation_customs/covid-19-taxud-response_en
    (5)    ĠU C , , p. .
    (6)    ĠU C , , p. .
    (7)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).
    (8)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta’ arranġamenti transkonfinali rapportabbli (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 1).
    Top