This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020IP0035
European Parliament resolution of 12 February 2020 on protecting the EU’s internal market and consumer rights against the negative implications of the illegal trade in companion animals (2019/2814(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-protezzjoni tas-suq intern u tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE mill-implikazzjonijiet negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija (2019/2814(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-protezzjoni tas-suq intern u tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE mill-implikazzjonijiet negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija (2019/2814(RSP))
ĠU C 294, 23.7.2021, pp. 40–46
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
23.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 294/40 |
P9_TA(2020)0035
Il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fl-UE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-protezzjoni tas-suq intern u tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE mill-implikazzjonijiet negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija (2019/2814(RSP))
(2021/C 294/06)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni, mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(1) għad-Direttiva 90/425/KEE (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jistipula li, fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri jridu jagħtu konsiderazzjoni sħiħa lill-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali minħabba li huma kreaturi li jħossu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 114 tat-TFUE dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku u l-Artikolu 169 tat-TFUE dwar il-miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali (il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (2) u s-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni permezz ta' dan ir-regolament, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-moviment mhux kummerċjali ta' annimali tad-dar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (3) u wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta' Ġunju 2013 dwar id-dokumenti ta' identifikazzjoni mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa, it-twaqqif ta' listi ta' territorji u pajjiżi terzi u r-rekwiżiti ta' format, tqassim tal-paġni u l-lingwa tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma' ċerti kondizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju ffinanzjat mill-Kummissjoni (SANCO 2013/12364) dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali magħmul skont id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa mar-Regolament (UE) Nru 576/2013 (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżultati tal-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-protezzjoni tas-suq intern u tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE mill-implikazzjonijiet negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija (O-000011/2020 – B9-0004/2020 u O-000010/2020 – B9-0003/2020), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, |
|
A. |
billi NGOs, servizzi tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet kompetenti u veterinarji pproduċew evidenza tal-għadd dejjem jikber ta' annimali tal-kumpanija li qed ikunu nnegozjati illegalment bejn l-Istati Membri, sikwit minn netwerks tal-kriminalità organizzata li jevadu l-kontrolli, jiffalsifikaw dokumenti u jabbużaw b'mod mifrux mir-Regolament (UE) Nru 576/2013, li hu maħsub għall-moviment mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi, meta fil-fatt għandhom ikunu trasportati skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE; |
|
B. |
billi hu stmat li l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fi ħdan l-UE jista' jiġġenera profitti għoljin ħafna b'riskji minimi ta' detezzjoni għall-atturi involuti, inklużi dawk li jrabbu illegalment, u b'hekk jolqot ħażin id-dħul ta' dawk fis-settur li jrabbu legalment; |
|
C. |
billi ħafna reklami li joffru annimali għall-bejgħ online huma ġejjin minn sorsi illegali; |
|
D. |
billi ma jeżistu l-ebda regoli komuni fil-livell tal-UE dwar it-trobbija ta' annimali tal-kumpanija u d-differenzi leġiżlattivi bejn l-Istati Membri fl-istandards tal-benesseri tal-annimali ta' dawk li jrabbu wasslu għal differenzi konsiderevoli fil-prezzijiet ta' annimali tal-kumpanija mibjugħa fis-suq intern, differenzi li jiġu sfruttati minn operaturi illegali; |
|
E. |
billi f'faċilitajiet għat-trobbija fuq skala kbira u ta' produzzjoni tal-massa, l-annimali mhumiex trattati b'mod adegwat għall-bżonnijiet tagħhom, u dan jirriżulta f'konsegwenzi serji u dejjiema għas-saħħa, il-benessri u l-iżvilupp tal-imġiba tagħhom; |
|
F. |
billi t-traffikanti u l-bejjiegħa illegali sikwit jaġixxu b'impunità sħiħa peress li jafu li l-maġġoranza tal-konsumaturi li xtraw annimal tal-kumpanija fi stat ħażin tas-saħħa mhux se jieħdu azzjoni legali; |
|
G. |
billi t-trobbija illegali ta' qtates u klieb spiss jitwettaq f'kundizzjonijiet terribbli u l-ispejjeż jinżammu baxxi kemm jista' jkun; billi dawn l-annimali tat-twelid imrobbija illegalment sikwit jiġu separati minn ommhom kmieni wisq, ikollhom soċjalizzazzjoni fqira, faċli jimirdu u jbatu minn stress, malnutrizzjoni, deidratazzjoni u r-riskju akbar ta' ipotermja filwaqt li jkunu soġġetti għal vjaġġi twal madwar l-UE f'kundizzjonijiet ta' spazji ffullati u maħmuġa mingħajr ebda ikel, ilma, jew arja kondizzjonata, u mingħajr waqfien; billi hija ħaġa komuni li l-ġriewi u l-qtates żgħar jaslu fil-pajjiż tad-destinazzjoni mingħajr ma jkunu miftuma u mingħajr ebda ħiliet bażiċi ta' soċjalizzazzjoni; |
|
H. |
billi, minkejja t-titjib, għad hemm tħassib kbir madwar il-passaporti tal-annimali tad-dar, bħall-verifika tal-età għal annimali individwali u l-possibbiltà li jsir tibdil fil-passaporti; billi ġew irreġistrat għadd kbir ta' passaporti foloz għall-annimali tad-dar, sikwit b'kollużjoni tal-veterinarji mat-traffikanti f'din il-prattika illegali, b'hekk il-kontrolli u l-investigazzjonijiet isiru aktar kumplessi (8); |
|
I. |
billi l-annimali tal-kumpanija li jitrabbew illegalment ta' sikwit ma jkunux imlaqqma jew imlaqqma parzjalment jew inkella ma jkunux ġew trattati kif xieraq għal mard ieħor; billi hemm diversi riskji żoonotiċi assoċjati mat-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija, inkluża l-introduzzjoni tar-rabja minn partijiet endemiċi tal-Ewropa f'pajjiżi li huma ħielsa mill-idrofobija u l-parassiti bħal Echinococcus multilocularis, li jinfirex faċilment u huwa diffiċli li jiġi kkontrollat (9); |
|
J. |
billi l-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali li se tapplika mill-21 ta' April 2021, se tiffaċilita trasparenza akbar fil-kummerċ online tal-qtates u tal-klieb, u se ttejjeb is-saħħa u l-benesseri tal-annimali; billi l-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali tobbliga b'mod strett lill-bejjiegħa, lil min irabbi, lit-trasportaturi u liċ-ċentri tal-ġbir, jirreġistraw l-istabbilimenti tagħhom mal-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti; |
|
K. |
billi, minbarra li jagħmel ħsara lill-benesseri tal-annimali, it-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija għandu impatti negattivi fuq il-protezzjoni tal-konsumatur, il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tal-UE minħabba kompetizzjoni inġusta, u l-finanzi pubbliċi minħabba telf ta' dħul mit-taxxa; |
|
L. |
billi metodu komuni użat ferm għax-xiri ta' annimali tal-kumpanija fl-UE issa qed iseħħ permezz ta' reklami klassifikati online, segwit mill-qrib mill-midja soċjali (10); billi l-konsumaturi li jixtru annimali tal-kumpanija permezz ta' riklami online ftit għandhom protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, kemm jekk fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE; billi għadd kbir ta' annimali tal-kumpanija mrobbija illegalment jinbiegħu fis-swieq fl-Istati Membri jew direttament minn karozzi matul il-fruntieri interni tal-UE; |
|
M. |
billi 65 % ta' dawk li wieġbu stħarriġ tal-Flash Eurobarometer dwar kontenut illegali online ma jaħsbux li l-Internet huwa sikur għall-utenti tiegħu u 90 % jaqblu li s-servizzi ta' hosting online għandhom immedjatament ineħħu l-kontenut immarkat bħala illegali mill-awtoritajiet pubbliċi jew tal-infurzar tal-liġi; billi 60 % tal-utenti tal-internet qalu li jużaw netwerk soċjali online tal-inqas darba fil-ġimgħa u ħafna jużaw ukoll postijiet tas-suq online tal-anqas okkażjonalment, filwaqt li 30 % jużawhom tal-anqas darba fil-ġimgħa; billi 69 % tal-utenti tal-internet fl-UE jixtru online u l-għadd tagħhom qiegħed jiżdied ta' kull sena ukoll fejn jidħol bejgħ ta' annimali (11); |
|
N. |
billi t-trattament ħażin ta' annimali tal-kumpanija, inkluż l-annimali mrobbija, miżmuma u mibjugħa bil-għan li jsiru annimali tad-dar, l-annimali tal-kumpanija użati għad-divertiment, l-isport u x-xogħol bħall-greyhounds u l-galgos, u l-annimali tat-triq għadu ta' tħassib kbir għal ħafna ċittadini; billi l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni (aħjar) tal-annimali tad-dar jistgħu jkunu għodda utli fil-ġlieda kontra l-abbuż tal-annimali u l-promozzjoni responsabbli tas-sjieda tal-annimali tad-dar; billi l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni huma komponenti ewlenin fil-ġestjoni mhux letali u umana ta' annimali li jgħixu fit-triq u fit-tnaqqis gradwali tal-popolazzjonijiet tal-annimali li jgħixu fit-triq; |
|
O. |
billi aktar minn 70 % tal-mard ġdid li laqat lill-bniedem f'dawn l-aħħar deċennji oriġina mill-annimali, u l-annimali li ġeneralment jinżammu bħala annimali tad-dar iġorru fuqhom aktar minn 41 tip ta' żoonożi, inkluża r-rabja (12); |
|
P. |
billi l-annimali tad-dar tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 ma jistgħux jittieħdu minn Stat Membru għal ieħor, sakemm ma jkunux immarkati bl-impjantazzjoni ta' transponder; billi ma hemm l-ebda rekwiżit għall-identifikazzjoni obbligatorja armonizzata ta' qtates u klieb li jibqgħu fi ħdan il-fruntieri nazzjonali u li mhumiex qed jittieħdu lejn Stati Membri oħrajn; billi ħafna qtates u klieb fl-Istati Membri għadhom mhux identifikati u reġistrati; |
|
Q. |
billi l-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE (CCP) dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates sab inkonsistenza bejn l-istatus tal-kummerċjanti u l-attivitajiet tagħhom f'42 % tar-riklami kkontrollati (13); |
|
R. |
billi ċerti siti web bir-riklami kklassifikati qed jibdew jadottaw, fuq bażi volontarja, regoli aktar stretti biex jivverifikaw l-identità tal-bejjiegħa online u jtejbu l-benessri tal-annimali; |
|
S. |
billi l-maġġoranza tal-Istati Membri diġà stabbilew ċertu livell ta' rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-klieb u l-qtates; billi r-rekwiżiti ta' identifikazzjoni għall-qtates, il-klieb u l-inmsa mhumiex armonizzati u dan jirriżulta, fost l-oħrajn, f'użu ħażin tal-kodiċijiet tal-pajjiżi, kodiċijiet duplikati u mhux korretti (14); billi l-biċċa l-kbira tal-bażijiet tad-data tar-reġistrazzjoni mhumiex interkonnessi u għalhekk jillimitaw it-traċċabbiltà fl-UE; |
1.
Jenfasizza li l-kummerċ illegali tal-klieb u l-qtates mhux biss għandu riperkussjonijiet katastrofiċi f'dak li jirrigwarda l-benessri tal-annimali iżda għandu riskji wkoll għas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur;
Identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-qtates u l-klieb
|
2. |
Jenfasizza li sistema armonizzata madwar l-UE kollha tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni obbligatorja tal-qtates u l-klieb huwa l-ewwel pass neċessarju u kruċjali fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija, u li r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni huma kundizzjonijiet importanti għall-kontroll, l-infurzar u t-traċċabilità; |
|
3. |
Iqis li huwa essenzjali li l-annimali tal-kumpanija jkollhom mikroċippa minn veterinarju u jiġu rreġistrati f'fajl nazzjonali għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali biex tkun żgurata t-traċċabbiltà effettiva tagħhom; iqis li huwa ta' importanza vitali li l-fajls ta' identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni jkun fihom in-numri ta' reġistrazzjoni ta' kull min kellu sehem fil-ħajja tal-annimal, inklużi min ikun rabbihom, il-bejjiegħa, il-veterinarji, it-trasportaturi u s-sidien; |
|
4. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ tas-setgħat delegati tagħha skont l-Artikoli 109(2) u 118 tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali u tressaq proposta għal sistemi dettaljati u kompatibbli fl-UE kollha għall-mezzi u l-metodi ta' identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni tal-qtates u l-klieb li jistabbilixxu limitu minimu ta' informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni individwali tal-annimali u li jistabbilixxu regoli għall-iskambju ta' data elettronika bejn il-bażijiet tad-data fl-Istati Membri, li għandhom ikunu interkonnessi sa tmiem dan it-terminu leġiżlattiv; |
|
5. |
Jappella għal rabta ċara bejn il-passaport tal-UE għall-annimali tad-dar u l-mikroċippa ta' reġistrazzjoni tal-annimali tad-dar biex jiġi żgurat li l-oriġini ta' annimali tal-kumpanija jibqa' ċar anke jekk il-passaport tal-annimali tad-dar jiġi sostitwit; |
|
6. |
Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu politiki bil-għan li jimmarkaw u jirreġistraw lill-qtates u l-klieb kollha b'mod awtomatiku bħala parti mill-ġlieda kontra l-abbuż tal-annimali; |
|
7. |
Jenfasizza li l-informazzjoni miġbura għall-identifikazzjoni ta' annimali tal-kumpanija għandha tinkludi data personali u għandha tiġi protetta f'konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; jemmen li tali data personali m'għandhiex tintuża għal skopijiet kummerċjali; |
Pjan ta' azzjoni tal-UE li jindirizza l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija
|
8. |
Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni transettorjali tal-UE biex tindirizza l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fl-UE; iqis li l-pjan ta' azzjoni għandu jqis il-fehmiet tal-Parlament Ewropew, tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u għandu jiddefinixxi b'mod ċar ir-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati kollha u dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet, inklużi l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-fruntieri, doganali u veterinarji, il-veterinarji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; |
|
9. |
Jirrakkomanda li fil-pjan ta' azzjoni tagħha l-Kummissjoni tinvolvi lid-direttorati ġenerali differenti li jaħdmu fuq il-benessri tal-annimali, is-saħħa pubblika, il-ħarsien tal-konsumatur, is-suq intern u kwistjonijiet ta' traffikar; |
|
10. |
Iqis li hi meħtieġa definizzjoni uniformi tal-UE dwar faċilitajiet tat-trobbija fuq skala kummerċjali kbira, magħrufa bħala l-imtieħen tal-ġriewi, sabiex jiġi indirizzat il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipprojbixxu prattiki ta' trobbija u ta' kummerċjalizzazzjoni li huma ta' detriment għas-saħħa, il-benessri u l-iżvilupp tal-imġiba tal-annimali tad-dar; |
|
11. |
Iqis li jeħtieġ li ċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar dwar il-kummerċ ta' annimali tal-kumpanija u r-riskji possibbli meta jinxtraw l-annimali online jew mingħajr ma jitqiesu l-proċeduri legali; |
|
12. |
Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi li jixtru annimali tal-kumpanija permezz ta' reklami online bħala parti mill-Aġenda Diġitali tagħha; |
|
13. |
Jappoġġa l-fatt li l-bejgħ ta' annimali ħajjin min-negozjant lill-konsumatur ikun eskluż mill-ambitu tad-direttiva li jmiss dwar il-kuntratti għall-bejgħ online u bejgħ mill-bogħod ieħor ta' oġġetti; |
Kontrolli u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE
|
14. |
Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-infurzar tal-liġi u japplikaw sanzjonijiet aktar iebsa – li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi – kontra l-operaturi ekonomiċi, il-veterinarji u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali mill-pajjiżi tal-oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni li jfornu passaporti ffalsifikati għall-annimali tad-dar bil-ħsieb li jrażżnu b'mod effiċjenti t-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija; |
|
15. |
Jistieden lill-Istati Membri japplikaw penali finanzjarji bi qbil mar-Regolament (UE) 2017/625 (15) li jegħlbu l-benefiċċju li fittxew li jiksbu l-operaturi ekonomiċi inklużi dawk li jrabbu u l-bejjiegħa li jirreklamaw annimali online għall-gwadann ekonomiku u bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali; |
|
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji għar-regolazzjoni jew l-awtoregolazzjoni ta' reklami online ta' annimali tal-kumpanija sabiex itemmu r-reklamar qarrieqi u biex jiġi kkontrollat aħjar il-bejgħ online tal-qtates u tal-klieb; |
|
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżiti obbligatorji għall-pjattaformi online biex jitwettqu verifiki ta' validazzjoni minima tal-identità ta' utenti li jirreklamaw annimali tad-dar għall-bejgħ online; jissottolinja l-fatt li kwalunkwe reviżjoni potenzjali tal-qafas leġiżlattiv rilevanti jeħtieġ twassal għal protezzjoni aħjar tal-konsumaturi u tal-annimali; |
|
18. |
Jitlob li fil-programmi ta' spezzjoni tad-Direttorat għall-Awditi u l-Analiżi tal-Ikel u tas-Saħħa (Kummissjoni Ewropea – DĠ Saħħa u Sikurezza tal-Ikel) jiġu inklużi kontrolli fuq il-konformità tal-Istati Membri mar-Regolament (UE) Nru 576/2013; |
|
19. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi standards komuni għat-trobbija u l-kummerċjalizzazzjoni tal-qtates u l-klieb li għandhom jiġu implimentati fl-UE kollha bil-għan li jiġu evitati prattiki kummerċjali inġusti u l-bejgħ abbużiv ta' dawn l-annimali tal-kumpanija, filwaqt li tiġi illimitata l-kontinwazzjoni ta' kwistjonijiet ta' saħħa u ta' benessri speċifiċi għar-razza u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi; |
|
20. |
Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm regoli dettaljati għall-monitoraġġ ta' dawk li jrabbu l-annimali tal-kumpanija u sorveljanza xierqa mill-veterinarji; |
|
21. |
Iqis li l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jistabbilixxu reġistru obbligatorju ta' bejjiegħa u ta' dawk li jrabbu l-annimali tal-kumpanija awtorizzati li jkollhom aċċess għalih dawk responsabbli fi Stati Membri oħrajn; |
|
22. |
Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu monitoraġġ tal-konformità fil-pajjiż b'kontrolli regolari fuq in-negozjanti u d-detenturi tal-permessi, bħal ħwienet li jbigħu annimali tal-kumpanija, dawk li jrabbu, ċentri ta' riċerka u mixtliet, minbarra l-kontrolli fil-fruntieri meħtieġa skont ir-Regolament (KE) Nru 338/97 (16); |
|
23. |
Jemmen li l-frekwenza tal-ispezzjonijiet għandha ukoll tiġi armonizzata fl-UE kollha u li l-ispezzjonijiet jitwettqu f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali, tal-pulizija u mas-servizzi veterinarji tal-Istati Membri; |
|
24. |
Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament (UE) Nru 576/2013, isegwu l-proċeduri stabbiliti fih u jiżguraw li jiddaħħlu lura f'dar dawk l-annimali tal-kumpanija kollha li jkunu sekwestrati; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod adegwat iċ-ċentri ta' salvataġġ tal-annimali; |
|
25. |
Jilqa' r-riżultati miksuba fi ħdan il-Pjattaforma tal-UE dwar il-Benesseri tal-Annimali u s-Sottogrupp tal-Inizjattiva Volontarja dwar is-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali tad-Dar fil-Kummerċ; jappella għall-inklużjoni tal-Parlament Ewropew u għar-rappreżentanza bbilanċjata tas-soċjetà ċivili, tal-awtoritajiet kompetenti, tan-negozji u x-xjenzjati fil-ħidma futura dwar il-benessri tal-annimali fil-livell tal-UE, kif ukoll għal livell suffiċjenti ta' riżorsi sabiex jiġi żgurat progress ottimali; |
Kooperazzjoni, komunikazzjoni u taħriġ
|
26. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu u jxerrdu r-riżultati tas-Sottogrupp tal-Inizjattiva Volontarja dwar is-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali tad-Dar fil-Kummerċ fil-qafas tal-Pjattaforma tal-UE dwar il-Benesseri tal-Annimali u jadottaw miżuri biex jindirizzaw il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fix-xogħol leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv li jmiss sal-2024; iqis, f'dan il-kuntest, li hemm ħtieġa urġenti għal kooperazzjoni attiva u skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri kollha; |
|
27. |
Jistieden lill-Istati Membri biex sistematikament jinformaw lill-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati meta jiftħu kawża legali kontra kummerċjant illegali tal-klieb u l-qtates li l-attivitajiet tiegħu jistgħu jaffettwaw dawk l-Istati Membri l-oħrajn; |
|
28. |
Hu favur metodi ta' ħidma kollaborattiva fost l-aġenziji biex jindirizzaw il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija, u biex jimmitigaw ir-riskju żoonotiku assoċjat, inkluż l-iżvilupp ta' sistema ta' intelliġence biex tirreġistra u tikkondividi d-data fir-rigward tal-kummerċ illegali ta' kunsinni kummerċjali tal-annimali u sistema ta' twissija biex tavża dwar kull anomalija li tiġi identifikata; |
|
29. |
Jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri li jinkludu l-użu ta' teknoloġiji u taħriġ imfassal apposta biex l-awtoritajiet doganali u veterinarji jkunu mgħammra aħjar ħalli jidentifikaw il-kuntrabandu ta' annimali tal-kumpanija; |
|
30. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates permezz tal-iżvilupp ta' sħubijiet bejn l-awtoritajiet, il-bażijiet ta' data, is-siti elettroniċi u l-organizzazzjonijiet għall-benessri tal-annimali, sabiex ifasslu miżuri preċiżi kontra r-reklamar qarrieqi u l-kummerċ illegali online tal-klieb u l-qtates; |
|
31. |
Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-assoċjazzjonijiet u l-NGOs għall-protezzjoni tal-annimali fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jipprovdu liċ-ċentri ta' salvataġġ tal-annimali u lill-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-annimali/NGOs appoġġ adegwat, kemm finanzjarju kif ukoll appoġġ materjali u mhux materjali ieħor; |
|
32. |
Jistieden lill-Istati Membri jallokaw riżorsi suffiċjenti għall-infurzar tar-rekwiżit tar-reġistrazzjoni għall-operaturi tal-istabbilimenti kollha tat-trobbija, iż-żamma jew in-negozjar tal-annimali kif mitlub mil-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali sabiex jitrażżan il-kummerċ illegali online ta' annimali tal-kumpanija; |
|
33. |
Iqis li għandu jsir aktar biex titqajjem sensibilizzazzjoni fost ix-xerrejja potenzjali u l-operaturi ekonomiċi, inkluż il-fornituri tas-servizzi online, f'dak li għandu x'jaqsam ma' bejgħ illegali ta' annimali tal-kumpanija u standards rispettivi baxxi tal-benessri; |
|
34. |
Jenfasizza l-fatt li diġà jeżistu bażijiet tad-data nazzjonali u f'xi każijiet reġjonali li fihom informazzjoni ta' identifikazzjoni dwar annimali tal-kumpanija; iqis li dawn il-bażijiet tad-data għandhom jintużaw bħala sistemi interkonnessi, kompatibbli u interoperabbli biex jippermettu t-traċċabbiltà fl-UE kollha; |
|
35. |
Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-persunal fil-fruntieri jkunu mħarrġa b'mod adegwat fil-proċeduri u fir-regoli li japplikaw għall-importazzjoni ta' annimali tal-kumpanija minn pajjiżi terzi elenkati u mhux elenkati u li huma jkunu qed jinfurzaw dawn ir-regoli; |
|
36. |
Jistieden lill-Istati Membri jwettqu aktar kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni biex jinkoraġġixxu l-adozzjoni minn ċentri ta' salvataġġ tal-annimali, aktar milli x-xiri, ta' annimali tal-kumpanija u jinfurmaw liċ-ċittadini dwar l-effetti negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija u l-importanza tax-xiri unikament ta' annimali tal-kumpanija li jkunu trabbew, inżammu u ġew innegozjati b'mod responsabbli u b'attenzjoni xierqa għall-benessri tal-annimali; |
o
o o
|
37. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.
(3) ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.
(4) ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109.
(5) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 139.
(6) Studju dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fil-prattiki kummerċjali ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea SANCO 2013/12364.
https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/animals/docs/aw_eu-strategy_study_dogs-cats-commercial-practices_en.pdf
(7) Il-Kummissjoni Ewropea (2019). Analiżi tar-riżultati tal-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates,
https://ec.europa.eu/food/animals/welfare/other_aspects/online_dog-cat_en
(8) Rapport ta' FOUR PAWS tal-2013 intitolat “Puppy trade in Europe”
http://www.carodog.eu/wp-content/uploads/2014/10/REPORT_EUROPEAN_PUPPY_TRADE2.pdf
(9) Studju dwar it-trattament xieraq tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali (2015), iffinanzjat mill-Kummissjoni taħt Kuntratt Speċifiku SANCO 2013/12364, pp. 55-56.
https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/animals/docs/aw_eu-strategy_study_dogs-cats-commercial-practices_en.pdf;
EU Dog & Cat Alliance (2016). Tgħarrif dwar ir-rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar il-moviment tal-annimali domestiċi skont il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”.
https://s3-eu-west-1.amazonaws.com/assets.dogandcatwelfare.eu/live/media/publicationtemp/EU_Dog_Cat__briefing_AHL_pet_movement_review.pdf
(10) EU Dog and Cat Alliance + Blue Cross (2017). Online Pet Sales in the EU: What's the cost? (Bejgħ online ta' Annimali Domestiċi fl-UE: X'inhu l-prezz?)
https://s3-eu-west-1.amazonaws.com/assets.dogandcatwelfare.eu/live/media/publicationtemp/12195_-_EU_Pet_report_spreads.pdf
(11) Flash Eurobarometer 469/2018 Report on illegal content online: (Rapport dwar il-kontenut illegali online) http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/ResultDoc/download/DocumentKy/83669
(12) Michael J. Day et al (2012). Surveillance of Zoonotic Infectious Disease Transmitted by Small Companion Animals (Is-sorveljanza ta' Infezzjonijiet Żoonotiċi Trażmessi minn Annimali Żgħar tal-Kumpanija):
https://wwwnc.cdc.gov/eid/article/18/12/12-0664_article
(13) EU Coordinated Control Plan on online sales of dogs and cats (Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates). https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/animals/docs/reg-com_ahw_20190612_asf_aw-control-coord-plan-sale-dog-cats_eur.pdf
(14) Rapport FOUR PAWS tal-2016 “Identification, vaccination and movement of dogs and cats in the EU: How to improve the Pet Passport and TRACES systems?” (L-identifikazzjoni, it-tilqim u l-moviment tal-klieb u l-qtates fl-UE: Kif nistgħu ntejbu l-Passaport tal-Annimali tad-Dar u s-sistemi TRACES)
http://www.lawyersforanimalprotection.eu/wp-content/uploads/2016/07/INSIDE-1.pdf
(15) Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1)
(16) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).