Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020HB0062

Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2020 dwar id-distribuzzjoni ta’ dividendi waqt il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35 (BĊE/2020/62) 2020/C 437/01

ĠU C 437, 18.12.2020, pp. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 437/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-15 ta’ Diċembru 2020

dwar id-distribuzzjoni ta’ dividendi waqt il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35

(BĊE/2020/62)

(2020/C 437/01)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Marzu 2020, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2) li fiha rrakkomanda li tal-anqas sal-1 ta’ Ottubru 2020 l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jħallsu l-ebda dividend u ma jidħlu għal ebda impenn irrevokabbli biex iħallsu dividendi u li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu joqogħdu lura minn xiri lura ta’ ishma mmirat biex tingħata remunerazzjoni lill-azzjonisti. Fis-27 ta’ Lulju 2020, il-BĊE tawwal din ir-rakkomandazzjoni sal-1 ta’ Jannar 2021 billi adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35 tal-Bank Ċentrali Ewropew (3). Dawn ir-Rakkomandazzjonijiet kienu bbażati fuq il-kunsiderazzjoni li huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkomplu jwettqu r-rwol tagħhom li jiffinanzjaw lill-unitajiet domestiċi, lill-impriżi żgħar u medji u lill-korporazzjonijiet waqt ix-xokk ekonomiku marbut mal-COVID 19. Għalhekk kien meqjus essenzjali li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkonservaw il-kapital sabiex iżommu l-kapaċità tagħhom li jappoġġaw lill-ekonomija f’ambjent ta’ inċertezza akbar ikkawżata mill-pandemija tal-COVID 19. Għal dan il-għan, il-preżervazzjoni ta’ riżorsi kapitali biex tiġi appoġġata l-ekonomija reali u biex jiġi assorbit it-telf tqieset li hija prijorità fuq id-distribuzzjonijiet diskrezzjonali ta’ dividendi u x-xiri lura ta’ ishma.

(2)

Anki bit-titjib fil-kundizzjonijiet makroekonomiċi u t-tnaqqis fil-livell ta’ inċertezza ekonomika minħabba l-pandemija tal-COVID-19 sa mis-27 ta’ Marzu 2020, il-livell ta’ inċertezza jibqa’ għoli b’impatt kontinwat fuq il-kapaċità tal-banek biex ibassru l-ħtiġijiet kapitali tagħhom fuq perijodu medju ta’ żmien. Minħabba l-miżuri ta’ appoġġ pubbliku li għaddejjin bħalissa u d-dewmien konsiderevoli tal-impatt tal-konsegwenzi ekonomiċi fuq il-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jista’ jagħti l-każ li għadu ma mmaterjalizzax l-effett sħiħ tax-xokk ekonomiku relatat mal-COVID-19 fuq is-settur bankarju. Din l-inċertezza persistenti titlob prudenza estrema fil-politiki u l-prattiki ta’ distribuzzjoni tad-dividendi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Għalhekk, il-BĊE jqis li huwa meħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiġu mħeġġa biex ikomplu joqogħdu lura milli jagħmlu distribuzzjonijiet ta’ dividendi u xiri lura ta’ ishma. Fi kwalunkwe każ, huwa ta’ importanza assoluta li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, fid-deliberazzjonijiet tagħhom dwar id-distribuzzjonijiet ta’ dividendi u x-xiri lura ta’ ishma, għandhom ikunu ggwidati mill-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw il-kapital internament minn perspettiva li tħares ‘il quddiem, u mill-impatt tal-konsegwenzi ekonomiċi fuq il-kwalità tal-iskoperturi u l-kapital tagħhom. Barra minn hekk, il-BĊE ġeneralment jikkunsidra li ma jkunx prudenti għal dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li li jikkunsidraw f’dawk id-deliberazzjonijiet li jagħmlu distribuzzjoni u xiri lura ta’ ishma li jammontaw għal aktar minn 15% tal-profitt akumulat tagħhom għas-snin finanzjarji 2019 u 2020, jew aktar minn 20 punt bażi f’termini tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, skont liema jkun l-aktar baxx.

(3)

Filwaqt li jqis bis-sħiħ l-unità u l-integrità tas-suq intern, il-BĊE jara l-ħtieġa li jidħol f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati sabiex jiddetermina jekk huwiex xieraq li d-dividendi jitħallsu lil istituzzjoni omm, lil kumpanija azzjonarja finanzjarja omm jew lil kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm li tkun stabbilita fi Stat Membru li mhuwiex Stat Membru parteċipanti. Dawn id-diskussjonijiet għandhom ikunu ggwidati, inter alia, mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u reċiproċità bil-għan li jiġi appoġġat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tal-Unjoni bħala ħaġa sħiħa, sabiex tiġi ppreżervata pożizzjoni kapitali soda tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu minn perspettiva prudenzjali u sabiex jingħata kontribut lejn l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u kull Stat Membru.

(4)

Sabiex jiġi mmassimizzat l-appoġġ għall-ekonomija reali, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinifikanti għandhom jeżerċitaw ukoll moderazzjoni estrema fil-politiki ta’ distribuzzjoni tagħhom b’mod konformi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(5)

Din il-miżura hija ta’ natura temporanja u hija ġġustifikata biss fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali. Fin-nuqqas ta’ żviluppi materjalment avversi, fit-30 ta’ Settembru 2021 il-BĊE beħsiebu jirrevoka r-rakkomandazzjoni u jmur lura għall-valutazzjoni tal-pjanijiet tal-banek dwar kapital u distribuzzjoni abbażi tal-eżitu taċ-ċiklu superviżorju normali,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.

1.

Il-BĊE jirrakkomanda li sat-30 ta’ Settembru 2021, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti jeżerċitaw prudenza estrema meta jiddeċiedu dwar jew meta jħallsu dividendi (4) jew iwettqu x-xiri lura ta’ ishma mmirat biex tingħata remunerazzjoni lill-azzjonisti (5).

2.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkun beħsiebhom jiddeċiedu dwar jew iħallsu dividendi jew iwettqu x-xiri lura ta’ ishma mmirat biex tingħata remunerazzjoni lill-azzjonisti għandhom jikkuntattjaw lit-timijiet superviżorji konġunti, bħala parti mid-djalogu superviżorju, sabiex jiddiskutu jekk il-livell tad-distribuzzjoni intenzjonat huwiex prudenti.

3.

Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif definit fl-Artikolu 2(22) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (6) u fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fl-Artikolu 2(16) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17), jekk tali entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni.

II.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fl-Artikolu 2(16) u (22) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

III.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punti (7) u (23) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma mistennija li japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni għal dawk l-entitajiet u gruppi, kif jidhrilhom li huwa xieraq.

IV.

Il-BĊE se jkompli jevalwa s-sitwazzjoni ekonomika u se jikkunsidra mill-ġdid din ir-Rakkomandazzjoni qabel it-30 ta’ Settembru 2021.

V.

Ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35 hija b’dan imħassra.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2020 dwar id-distribuzzjonijiet tad-dividendi matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 (ĠU C 102l, 30.3.2020, p. 1).

(3)  Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Lulju 2020 dwar id-distribuzzjoni ta’ dividendi waqt il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 (ĠU C 251, 31.7.2020, p. 1).

(4)  L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jkollhom diversi forom legali, eż. kumpaniji elenkati u kumpaniji mhux b’ishma konġunti bħal kumpaniji reċiproċi, kooperattivi jew istituzzjonijiet ta’ tfaddil. It-terminu “dividend” kif użat f’din ir-Rakkomandazzjoni jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ żbors ta’ kontanti b’rabta ma’ kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni li għandu l-effett li jnaqqas il-kwantità jew il-kwalità ta’ fondi proprji.

(5)  Jekk istituzzjoni finanzjarja tkun trid tissostitwixxi ishma ordinarji, dan ikun konformi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


Top