EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0760

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE Pjan ta' azzjoni għall-proprjetà intellettwali b'appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE

COM/2020/760 final

Brussell, 25.11.2020

COM(2020) 760 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE
















Pjan ta' azzjoni għall-proprjetà intellettwali b'appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE

















1.L-isfida li għandna quddiemna: Il-kapitalizzazzjoni fuq il-beni Intellettwali tal-Ewropa biex tingħata spinta lill-irkupru u lir-reżiljenza

L-assi intanġibbli bħall-invenzjonijiet, il-kreazzjonijiet artistiċi u kulturali, il-marki, is-software, l-għarfien, il-proċessi tan-negozju u d-data huma l-pedamenti tal-ekonomija tal-lum. Matul dawn l-aħħar żewġ deċenni, il-volum ta’ investimenti annwali f’tali “prodotti ta’ proprjetà intellettwali” 1 żdied b’87 % fl-UE, filwaqt li l-volum ta’ investimenti tanġibbli (mhux residenzjali) żdied bi 30 % biss. L-investimenti f’assi intanġibbli kienu wkoll ferm inqas affettwati mill-kriżi ekonomika tal-2008 2 .

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), jiġifieri privattivi, trademarks, disinji, drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, indikazzjonijiet ġeografiċi u drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti, kif ukoll regoli ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, jgħinu lill-intraprendituri u lill-kumpaniji jivvalorizzaw l-assi intanġibbli tagħhom. Fl-ekonomija tal-lum, il-prodotti u l-proċessi industrijali jiddependu dejjem aktar fuq assi intanġibbli protetti mid-DPIs, u l-ġestjoni tajba tal-proprjetà intellettwali (“PI”) saret parti integrali minn kwalunkwe strateġija kummerċjali ta’ suċċess. L-industriji li jagħmlu użu intensiv mill-PI għandhom rwol essenzjali fl-ekonomija tal-UE u joffru impjiegi siewja u sostenibbli lis-soċjetà. L-industriji li jagħmlu użu intensiv mid-DPI bħalissa jiġġeneraw kważi 45 % tal-PDG tal-Ewropa u jikkontribwixxu direttament għall-ħolqien ta’ kważi 30 % tal-impjiegi kollha 3 . Ħafna mill-ekosistemi industrijali tal-Ewropa ma jistgħux jirnexxu mingħajr protezzjoni effettiva tal-PI u għodod effettivi għall-kummerċ ta’ assi intanġibbli.

Il-PI hija assi ewlieni biex wieħed ikun jista’ jikkompeti fuq livell globali. Mad-dinja kollha, l-għadd ta’ sottomissjonijiet ta’ PI qed jiżdied. L-istess xejra tista’ tiġi nnutata fl-UE. Bejn l-2010 u l-2019, l-għadd ta’ privattivi Ewropej li nħarġu żdied, b’bejn wieħed u ieħor, minn 58 000 għal 137 000, - għalkemm iż-żieda hija inqas evidenti minn f’partijiet oħra tad-dinja, b’mod partikolari fl-Asja, fejn l-ekonomiji qed ilaħħqu b’mod rapidu fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-PI.

L-UE għandha l-mezzi biex tibqa’ kompetittiva fit-tellieqa globali għat-tmexxija teknoloġika. Għandha wkoll qafas tal-PI robust. Pereżempju, jeżisti mekkaniżmu ta’ applikazzjoni uniku li jippermetti li jinkisbu u jiġu infurzati t-trade marks, id-disinji u l-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti madwar l-Ewropa. Il-kwalità tal-privattivi maħruġa fl-Ewropa hija fost l-ogħla fid-dinja 4 . L-innovaturi Ewropej huma minn ta’ quddiem fit-teknoloġiji ekoloġiċi 5 . Globalment, għandhom porzjon kbir ta’ privattivi ekoloġiċi 6 u għandhom portafolli tal-PI partikolarment b’saħħithom f’teknoloġiji bħall-adattament għat-tibdil fil-klima, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, l-ilma u t-trattament tal-iskart 7 . Il-kumpaniji Ewropej huma wkoll mexxejja f’teknoloġiji diġitali speċifiċi, bħat-teknoloġiji tal-konnettività.

Hemm bżonn li nibnu aktar fuq il-punti pożittivi tagħna billi naġġornaw il-qafas tal-UE, fejn meħtieġ, u nimplimentaw politiki tal-PI li jkunu kkalibrati tajjeb biex jgħinu lill-kumpaniji jikkapitalizzaw fuq l-invenzjonijiet u l-kreazzjonijiet tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw li l-invenzjonijiet u l-kreazzjonijiet qed jaqdu l-ekonomija u s-soċjetà inġenerali. Hemm ħafna inventività u kreattività fl-UE: għalhekk huwa meħtieġ li jiġu massimizzati l-inċentivi biex dan il-potenzjal jiġi sfruttat u biex il-kumpaniji tagħna jitpoġġew fit-triq it-tajba lejn l-irkupru ekonomiku 8 u lejn it-tmexxija ekoloġika u diġitali globali tal-Ewropa.

Uħud mill-aktar sfidi soċjali importanti ta’ żminijietna, bħal pereżempju li nagħmlu t-tranżizzjoni ekoloġika possibbli jew li niżguraw kura tas-saħħa xierqa għal kulħadd, ma jistgħux jiġu indirizzati mingħajr soluzzjonijiet innovattivi. L-iżvilupp ta’ ekosistemi tal-enerġija rinnovabbli u tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju pereżempju jiddependi fuq l-iżvilupp rapidu u fuq l-iskjerament ta’ teknoloġiji avvanzati, kif ukoll fuq għodod effettivi għall-kondiviżjoni ta’ assi intanġibbli kritiċi, bħal data. L-iżvilupp ta’ ekosistema tas-saħħa li qed tiffjorixxi fl-Ewropa jeħtieġ sistema trasparenti ta’ inċentivi għall-PI, li tagħti spinta lill-innovazzjoni filwaqt li tiżgura aċċess effettiv għal mediċini affordabbli. Is-setturi kulturali u kreattivi ma jistgħux jirnexxu mingħajr protezzjoni effettiva tal-PI 9 .

Il-kriżi tal-COVID-19 wriet id-dipendenza tal-UE fuq innovazzjonijiet u teknoloġiji kritiċi, u fakkret lill-Ewropa dwar l-importanza ta’ regoli u għodod effettivi tal-PI biex tiġi żgurata l-introduzzjoni rapida tal-PI kritiċi. Id-DPI, u r-rwol tagħhom f’industrija farmaċewtika Ewropea kompetittiva u innovattiva, huma wkoll parti mill-Istrateġija Farmaċewtika ġdida għall-Ewropa 10 .

Ir-rivoluzzjoni teknoloġika – l-ekonomija u s-soċjetà tad-data, ir-rikorrenza għall-intelliġenza artifiċjali (“IA”), l-importanza dejjem tikber ta’ teknoloġiji ġodda bħall-blockchain, l-istampar 3D u l-Internet tal-Oġġetti (“IoT”) kif ukoll l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju ġodda bħall-ekonomija tal-pjattaformi, id-data u l-ekonomija ċirkolari, joffru opportunità unika biex nimmodernizzaw l-approċċ ġenerali tagħna għall-protezzjoni tal-assi intanġibbli tagħna. F’dawn l-aħħar deċennji, kien hemm progress sinifikanti fil-ħolqien ta’ suq uniku għall-PI, li jrendi ħafna benefiċċji għall-ekonomija tal-UE. Hemm firxa ta’ għodod disponibbli biex jinġiebu soluzzjonijiet innovattivi fis-soċjetà 11 . Madankollu, għad hemm ħafna lakuni u dgħufijiet fil-mod kif il-kumpaniji tal-UE jipproteġu l-kapital intanġibbli u jwassluh biex jagħti l-frott għas-soċjetà Ewropea.

Identifikajna ħames sfidi:

·L-ewwel nett, minkejja ħafna progress, parti mis-sistema tal-PI tal-UE għadha frammentata wisq, bi proċeduri li huma kumplessi u għaljin wisq u li xi kultant mhumiex ċari.

Il-privattivi Ewropej huma soġġetti għal proċeduri ta’ validazzjoni nazzjonali għaljin u għal litigazzjoni parallela f’diversi pajjiżi tal-UE. Għall-farmaċewtiċi, il-protezzjoni permezz ta’ ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari (SPCs) hija disponibbli biss fil-livell nazzjonali. Il-protezzjoni tad-disinni u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) għandha tittejjeb. Fejn ir-reġistrazzjoni hija meħtieġa biex tipproteġi d-DPIs, il-proċeduri ta’ punt uniku ta’ servizz, li joffru l-kopertura x-xierqa, għandhom ikunu n-norma, mhux l-eċċezzjoni.

Bħala parti mit-trasformazzjoni diġitali, il-protezzjoni kkalibrata tajjeb tad-disinji fl-ambjent diġitali ssir saħansitra aktar urġenti. Pereżempju biex jiġi żgurat l-użu bla xkiel tat-teknoloġiji tal-istampar 3D, għandna bżonn ta’ ċarezza dwar il-protezzjoni tal-fajls tal-istampar 3D u dwar il-limitazzjonijiet għall-użu privat tad-disinji. Neħtieġu tweġibiet ċari għal mistoqsijiet ġodda, bħal kif nistgħu nipproteġu l-invenzjonijiet żviluppati jew implimentati bl-użu tal-IA, 12 u kif nistgħu niżguraw li t-tiswija u l-użu mill-ġdid ma jkunux imxekkla minn prattiki tal-PI inġusti jew li jkunu restrittivi żżejjed 13 . Fl-istess ħin, jeħtieġ li nisfruttaw aktar il-potenzjal offrut minn teknoloġiji ġodda bħall-IA u l-blockchain biex inżidu l-effettività tas-sistemi tal-PI tagħna. 

·It-tieni, wisq kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, u wisq riċerkaturi ma jagħmlux użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-protezzjoni tal-PI.

9% biss tal-SMEs tal-UE għandhom drittijiet tal-PI rreġistrati. Fil-kriżi attwali, in-numri tar-reġistrazzjoni tal-PI naqsu, għad-detriment tal-kompetittività u tar-reżiljenza tal-kumpaniji. Analiżi riċenti turi li r-riluttanza tal-SMEs li jużaw id-drittijiet tal-PI hija dovuta l-aktar għan-nuqqas ta’ għarfien dwar il-PI 14 . Anke jekk jużaw d-DPI, isibu s-sistema għalja, kumplessa u diffiċli wisq biex jinnavigawha.

Minbarra l-livelli baxxi ta’ protezzjoni tal-PI tagħhom, l-SMEs mhumiex qegħdin jieħdu vantaġġ sħiħ mill-isfruttament kummerċjali tagħha. Analisti finanzjarji u investituri jirrikonoxxu l-PI bħala assi ewlieni fil-valur ta’ ditta u bħala indikatur tal-kapaċitajiet teknoloġiċi u ta’ tkabbir tagħha. Madankollu, l-SMEs intensivi fl-għarfien li jfittxu li jiffinanzjaw l-operazzjonijiet tagħhom, spiss ma jadottawx strateġiji xierqa tal-PI li kieku jgħinu fil-valorizzazzjoni tal-kapital intanġibbli tagħhom. Għas-settur finanzjarju, il-valutazzjoni ta’ privattiva jew ta’ marka kummerċjali hija kruċjali; peress li l-mutwanti jew l-investitur huwa prinċipalment interessat f’kollaterali funġibbli 15 u huwa inqas attirat mid-dritt tal-monopolju nnifsu.

Ġestjoni tajba tal-PI hija meħtieġa wkoll biex tappoġġa l-valorizzazzjoni u l-użu tar-riżultati tar-riċerka u żvilupp fl-Ewropa. Pereżempju, għalkemm 26 % tal-pubblikazzjonijiet ta’ riċerka ta’ valur għoli dwar l-IA bħalissa ġejjin mill-Ewropa, 4 biss mill-aqwa 30 applikant (13 %) u 7 % tan-negozji, involuti fil-privattivi tal-IA madwar id-dinja, huma Ewropej 16 .

·It-tielet, l-għodod biex jiffaċilitaw l-aċċess għall- PI (u għalhekk jippermettu l-adozzjoni u d-diffużjoni tat-teknoloġiji) mhumiex żviluppati biżżejjed.

Il-kriżi tal-COVID-19 uriet id-dipendenza tagħna fuq innovazzjonijiet u teknoloġiji kritiċi, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa. L-UE għandha tkompli ttejjeb l-għodod tagħha biex tagħmel innovazzjonijiet u teknoloġiji bħal dawn disponibbli, fejn meħtieġ, filwaqt li tiżgura redditu ġust fuq l-investiment.

Il-liċenzjar ta’ privattivi essenzjali standard (SEPs) huwa ħafna drabi kkumplikat u għali kemm għad-detenturi tal-privattivi kif ukoll għall-implimentaturi tat-teknoloġija. Minħabba l-importanza dejjem tikber tal-SEPs (pereżempju, hemm aktar minn 95 000 privattiva unika u applikazzjonijiet għall-privattivi li jappoġġaw il-5G 17 ), hemm bżonn ta’ qafas ferm aktar ċar u prevedibbli, li jinċentiva negozjati bona fide aktar milli rikors għal litigazzjonijiet.

Għalkemm il-kondiviżjoni tad-data qiegħda ssir aktar importanti f’ħafna setturi, l-implikazzjonijiet tal-qafas tal-PI għall-kondiviżjoni tad-data għad iridu jiġu ċċarati.

·Ir-raba’, minkejja sforzi kontinwi biex tinbidel is-sitwazzjoni, il-falsifikazzjoni u l-piraterija għadhom qed jiffjorixxu, inkluż billi jittieħed vantaġġ mit-teknoloġiji diġitali.

L-importazzjonijiet ta’ oġġetti ffalsifikati u kkupjati fl-UE jammontaw għal madwar EUR 121 biljun, u dan jirrappreżenta sa 6,8 % tal-importazzjonijiet tal-UE fl-2016 (meta mqabbel ma’ 5 % tal-importazzjonijiet tal-UE fl-2013) 18 . Kull sena, dan jirriżulta f’bejgħ dirett mitluf ta’ EUR 50 biljun u f’telf dirett ta’ impjiegi ta’ 416 000 impjieg 19 . Is-serq ċibernetiku tas-sigrieti kummerċjali jammonta għal madwar EUR 60 biljun ta’ telf fl-UE 20 .

·Fl-aħħar nett, hemm nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali u n-negozji tal-UE spiss joħorġu telliefa meta joperaw barra.

Ċerti pajjiżi li mhumiex fl-UE ma jipproteġux biżżejjed il-PI, u dan spiss ikun ta’ detriment għall-kumpaniji tal-UE. L-UE għandha tisfrutta l-potenzjal tagħha biex taġixxi bħala entità globali li tistabbilixxi n-normi. Hija għandha żżid l-isforzi fil-ġlieda kontra prattiki abbużivi, bħal reġistrazzjonijiet tal-PI b’intenzjoni ħażina u miżapproprijazzjonijiet oħra tal-PI. Fuq kollox, għandha tmexxi bl-eżempju: tiżviluppa soluzzjonijiet regolatorji mill-aktar avvanzati għal kwistjonijiet globali bħal-liċenzjar tal-SEPs jew għall-mod kif id-data tista’ tiġi kondiviża.

Bi tweġiba għal dawn il-ħames sfidi, u abbażi tal-kontribut ipprovdut mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati 21 , dan il-pjan ta’ azzjoni jidentifika ħames oqsma ta’ fokus ewlenin, bi proposti speċifiċi għal azzjoni biex:

·tiġi aġġornata s-sistema għall-protezzjoni tal-PI,

·jiġi inċentivat l-użu u l-iskjerament tal-PI, b’mod partikolari mill-SMEs,

·jiġi ffaċilitat l-aċċess għal u l-kondiviżjoni ta’ assi intanġibbli filwaqt li jiġi ggarantit redditu ġust fuq l-investiment,

·jiġi żgurat infurzar aħjar tal-PI, u

·jittejjeb il-fair play fuq livell globali.

2.Protezzjoni aħjar tal-PI    

L-ewwel prijorità hija li jiġi żgurat li l-innovaturi tal-UE jkollhom aċċess għal għodod ta’ protezzjoni rapidi, effettivi u affordabbli. Għal dan il-għan, irridu nagħmlu sforzi ulterjuri biex nindirizzaw il-frammentazzjoni li fadal u biex innaqqsu l-kumplessità. Irridu wkoll li niżguraw li l-ġabra tar-regoli tagħna tkun kompletament konformi mal-ħtiġijiet tal-ekonomija ekoloġika u diġitali l-ġdida.

Biex dan iseħħ, irridu niżguraw it-tnedija tas-sistema tal-privattiva unitarja. Dan se joħloq punt uniku ta’ servizz għan-negozji, se jissimplifika konsiderevolment l-għoti ta’ privattivi fl-UE, se jsaħħaħ it-trasparenza u se jiffaċilita l-liċenzjar. Il-kisba ta’ privattiva unitarja (li tkopri sa 25 Stat Membru) 22 u ż-żamma tagħha għal tul ta’ żmien tipiku se jiswa madwar EUR 10 000, madwar sitt darbiet inqas mill-kisba u miż-żamma ta’ protezzjoni ekwivalenti llum. Barra minn hekk, litigazzjoni ċentralizzata quddiem il-Qorti Unifikata tal-Privattivi l-ġdida se ttejjeb iċ-ċertezza legali u se tevita proċedimenti paralleli f’diversi Stati Membri, u b’hekk se naqqas b’mod konsiderevoli l-ispejjeż ta’ litigazzjoni. Għaldaqstant, is-sistema tal-privattiva unitarja se tkun għodda ewlenija għall-irkupru industrijali tal-UE, speċjalment għall-enerġija rinnovabbli, l-elettronika, l-ajruspazju u d-difiża, u l-ekosistemi tal-mobbiltà.

Il-pass ewlieni nieqes fl-iżgurar tat-tnedija tas-sistema tal-privattiva unitarja huwa r-ratifika mill-Ġermanja tal-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, li issa saret possibbli bħala riżultat ta’ deċiżjoni reċenti tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża 23 . Ladarba jitlesta l-proċess ta’ ratifikazzjoni, il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO) u mal-Istati Membri biex tagħmel is-sistema tal-privattiva unitarja operattiva fost l-Istati Membri kontraenti 24 . Se tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri li għadhom mhumiex involuti biex jissieħbu fis-sistema l-ġdida.

Marbuta mill-qrib mal-privattivi huma ċ-ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari (SPCs), li joffru perjodu addizzjonali ta’ protezzjoni tal-PI għal prodotti mediċinali u għall-protezzjoni tal-pjanti bi privattiva li huma soġġetti għal provi kliniċi u għal proċessi ta’ awtorizzazzjoni tas-suq twal. Wara li introduċiet “rinunzja tal-manifattura” tal-SPC fl-2019 25 , il-Kummissjoni reċentement iffinalizzat evalwazzjoni dettaljata tar-reġim tal-SPC 26 . Dan juri li, filwaqt li s-sistema tal-SPC għadha rilevanti, hija tbati minn implimentazzjoni frammentata fl-Istati Membri kollha. Dan jissarraf f’ineffiċjenzi u f’nuqqas ta’ trasparenza u prevedibbiltà, li jxekklu lill-innovaturi u lill-produtturi ġeneriċi, u eventwalment jagħmel ħsara lill-pazjenti. Il-Kummissjoni qed tivvaluta modi kif tindirizza dawn l-ostakli, inkluża l-possibbiltà li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ għotja tal-SPC unifikat u/jew jinħoloq titolu unitarju tal-SPC.

Fil-kuntest tal-istrateġija farmaċewtika ġdida tagħha għall-Ewropa, il-Kummissjoni qed tagħti ħarsa mill-qrib lejn kif tista’ tkompli tottimizza l-inċentivi u l-premji biex tagħti spinta lill-innovazzjoni, tindirizza l-ħtiġijiet mhux issodisfati, trawwem l-affordabbiltà billi tiżgura tnedija fis-suq malajr u l-provvista kontinwa ta’ mediċini, inkluż ta’ mediċini ġeneriċi u ta’ biosimili. L-innovazzjoni f’dan il-qasam teħtieġ li taqbel mal-ħtiġijiet u teħtieġ li ssir disponibbli għall-pazjenti kollha li jistgħu jibbenefikaw minnha.  F’dan il-kuntest, fost affarijiet oħra, tħares lejn ir-reġim għall-mediċini orfni u għall-mediċini pedjatriċi 27 u l-eżenzjoni Bolar 28 .

Wara r-riforma b’suċċess tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trade marks 29 , il-Kummissjoni se tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-disinji. L-għan huwa li jittejbu l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-protezzjoni tad-disinn fl-UE, speċjalment għat-tessuti, għall-għamara u għall-ekosistemi elettroniċi, u li jiġi żgurat li r-reġim tal-protezzjoni tad-disinn jappoġġa aħjar it-tranżizzjoni għall-ekonomija diġitali u ekoloġika. Id-disinn jagħmel prodott attraenti u l-prodotti ddisinjati sew jagħtu lill-produtturi vantaġġ kompetittiv sinifikanti. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni reċenti 30 tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-disinn 31 juru li, għalkemm is-sistemi ta’ disinn tal-UE qed jiffunzjonaw tajjeb b’mod ġenerali, għad hemm xi nuqqasijiet. Il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni huma parzjalment skaduti u f’xi każijiet jinvolvu piż amministrattiv bla bżonn. Il-protezzjoni ta’ forom ġodda ta’ disinn (eż. disinji animati, interfaċċi grafiċi tal-utent) mhijiex ċara biżżejjed. Barra minn hekk, nuqqas ta’ ċarezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tad-disinn jista’ jkun ta’ sfida, b’mod partikolari fid-dawl tal-użu dejjem akbar tal-istampar 3D jew għall-infurzar tad-drittijiet tad-disinn kontra oġġetti kontraventorji li jgħaddu mill-UE. Fl-aħħar nett, bħala konsegwenza tal-armonizzazzjoni parzjali biss tal-protezzjoni tad-disinn għal partijiet komponenti użati għat-tiswija ta’ prodotti kumplessi, is-suq tal-ispare parts ekonomikament importanti għadu frammentat ħafna, jgħawweġ il-kompetizzjoni b’mod sever u jxekkel it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u ekoloġika.

L-Ewropa teħtieġ ukoll approċċ ġdid għall-mod kif l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) huma protetti. L-IĠ huma ismijiet ta’ prodotti relatati mal-ambjent naturali u mal-għarfien tal-produtturi lokali. Dawn huma parti mill-wirt kulturali tal-Ewropa u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà soċjali, ambjentali u ekonomika tal-ekonomija rurali 32 , xi kultant imsejħa wkoll bħala “DPI rurali”. L-IĠ għandhom valur ekonomiku kbir fis-settur agrikolu. Fl-2017, il-prodotti agroalimentari u tax-xorb, li l-ismijiet tagħhom huma protetti mill-UE bħala IĠ, irrappreżentaw valur tal-bejgħ ta’ EUR 74,76 biljun fl-UE, 7 % tal-bejgħ totali fis-settur Ewropew tal-ikel u tax-xorb. Barra minn hekk, l-IĠ jirrappreżentaw 15,5 % tal-esportazzjonijiet agroalimentari totali tal-UE, bi primjum tal-bejgħ ogħla għall-ismijiet ta’ prodotti protetti 33 . Madankollu, għad hemm potenzjal mhux sfruttat. Ir-regoli attwali dwar il-protezzjoni u l-infurzar jistgħu jkunu aktar preċiżi u r-rwoli tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-proċess ta’ reġistrazzjoni jistgħu jiġu identifikati aħjar. Barra minn hekk, hemm sistemi ta’ IĠ differenti għal tipi differenti ta’ prodotti agrikoli. Filwaqt li tibni fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni kurrenti 34 , il-Kummissjoni se tħares lejn modi ta’ kif tista’ ssaħħaħ, timmodernizza, tissimplifika u tinforza aħjar l-IĠ għall-prodotti agrikoli, l-ikel, l-inbejjed u l-ispirti 35 . 

Bħalissa, xi Stati Membri biss għandhom fis-seħħ regoli biex jiżguraw il-protezzjoni tal-IĠ għall-prodotti mhux agrikoli (bħall-artiġjanat). Fil-livell tal-UE, bħalissa ma hemm l-ebda mekkaniżmu uniformi għall-protezzjoni ta’ IĠ mhux agrikoli bħal dawn, li ħafna drabi huma parti importanti mill-identità lokali, jattiraw it-turiżmu u jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi. Studju reċenti 36 juri li sistema armonizzata għall-prodotti mhux agrikoli tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-UE. Dan jipprovdi lill-konsumaturi b’viżibbiltà aħjar u b’indikazzjonijiet ta’ awtentiċità għal dawn il-prodotti. Dan jista’ jgħin lill-produtturi jibqgħu kompetittivi u jaħdmu flimkien fi swieq speċjalizzati, u jagħti spinta lir-reġjuni inqas żviluppati 37 . Għal dawn ir-raġunijiet, bħala parti mir-riforma ġenerali tas-sistema tal-IĠ, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-impatt komprensiv tal-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali, se tikkunsidra l-fattibbiltà tal-ħolqien ta’ sistema ta’ protezzjoni tal-IĠ tal-UE effiċjenti u trasparenti għall-prodotti mhux agrikoli. Dan jippermetti wkoll lill-UE tibbenefika bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mis-sistema internazzjonali tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-IĠ 38 . B’mod ġenerali, dan jagħti vantaġġ akbar fil-kuntest tal-promozzjoni tar-rikonoxximent tal-IĠ tal-UE madwar id-dinja.

Is-sistema tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVR) għandha rwol kruċjali għall-ekonomija tal-UE wkoll. Sistema robusta tad-drittijiet tal-varjetajiet tal-pjanti tinċentiva lil dawk li jrabbu l-annimali jiżviluppaw varjetajiet ġodda u b’hekk tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-applikazzjoni xierqa tas-sistema u se tfittex li ġġib aktar titjib, fejn meħtieġ 39 . L-evalwazzjoni tal-2011 tal-leġiżlazzjoni tas-CPVR ikkonkludiet li s-sistema, li taħdem tajjeb b’mod ġenerali, jenħtieġ li tinżamm, għalkemm b’xi aġġustamenti mmirati bir-reqqa. Din il-konklużjoni hija appoġġjata minn xi nuqqasijiet identifikati aktar reċentement 40 li jistgħu jiġu indirizzati, wara evalwazzjoni, f’reviżjoni mmirata tal-leġiżlazzjoni f’terminu medju.

Minbarra r-riformi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni, flimkien mal-partijiet ikkonċernati u l-uffiċċji tal-PI, se tesplora l-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħall-IA u l-blockchain biex tkompli ttejjeb l-effettività tas-sistemi tal-PI tagħna. Fil-fatt, teknoloġiji ġodda jistgħu jgħinu biex jiffaċilitaw il-protezzjoni tal-PI 41 , itejbu t-trasparenza, jippermettu distribuzzjoni aktar faċli tat-tariffi tal-liċenzji, 42 u jindirizzaw b’mod aktar effettiv l-iffalsifikar u l-piraterija. Biex jiġi esplorat il-potenzjal sħiħ ta’ teknoloġiji ġodda u jiġi promoss l-użu tagħhom, il-Kummissjoni se tħeġġeġ djalogu industrijali biex jaġixxi bħala bord ta’ diskussjoni u jakkumpanja l-ħafna inizjattivi li għaddejjin bħalissa f’dan il-qasam.

Barra minn hekk, ir-rivoluzzjoni diġitali teħtieġ riflessjoni dwar kif u x’għandu jiġi protett. It-teknoloġiji tal-IA qed joħolqu xogħlijiet u invenzjonijiet ġodda. F’xi każijiet, pereżempju fis-settur kulturali, l-użu ta’ magni inventivi jista’ jsir in-norma. Dawn l-iżviluppi jqajmu l-mistoqsija ta’ liema protezzjoni għandha tingħata lil prodotti maħluqa bl-għajnuna tat-teknoloġiji tal-IA. Id-diskussjonijiet dwar l-impatt tal-IA fuq id-DPI għadhom għaddejjin kemm fl-Ewropa kif ukoll fuq livell internazzjonali (ara t-taqsima 6). Studju ppubblikat illum 43  jenfasizza l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-invenzjonijiet u l-kreazzjonijiet iġġenerati bl-għajnuna tat-teknoloġiji tal-IA u dawk maħluqa biss mit-teknoloġiji tal-IA. Filwaqt li l-invenzjonijiet u l-kreazzjonijiet maħluqa b’mod awtonomu mit-teknoloġiji tal-IA għadhom fil-biċċa l-kbira kwistjoni għall-futur, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sistemi tal-IA ma għandhomx jiġu ttrattati bħala awturi jew inventuri. Din hija appoġġjata wkoll mil-linja meħuda mill-EPO fil-każ Dabus 44 . L-istudju juri wkoll li l-qafas attwali tal-PI tal-UE u l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi jidhru ġeneralment xierqa biex jindirizzaw l-isfidi mqajma mill-invenzjonijiet u mill-kreazzjonijiet assistiti mill-IA. Madankollu, għad hemm lakuni fl-armonizzazzjoni 45 u lok għal titjib 46 . Dawn għandhom jiġu indirizzati biex l-eċċellenza Ewropea tiffjorixxi fl-IA. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se timmappja u tanalizza l-kwistjonijiet kollha u se tinvolvi ruħha f’diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. Id-djalogu industrijali msemmi hawn fuq jista’ joffri forum utli f’dan il-kuntest.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tiżgura applikazzjoni koerenti u mill-aktar avvanzata tar-regoli, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati.

Fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, il-Kummissjoni qed tiffoka fuq l-appoġġ tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni f’waqthom u effettivi taż-żewġ direttivi li għadhom kif ġew adottati dwar il-modernizzazzjoni tal-qafas tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur 47 . Parti kruċjali ta’ dan ix-xogħol tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur, li tistabbilixxi reġim legali speċifiku għall-użu ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur minn pjattaformi ta’ kondiviżjoni tal-kontenut imtella’ mill-utenti. Il-Kummissjoni wettqet djalogu estensiv mal-partijiet ikkonċernati biex tiġbor il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar is-suġġetti ewlenin relatati mal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. B’kont meħud tar-riżultati tad-djalogu, il-Kummissjoni dalwaqt ser toħroġ gwida biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fir-rigward tal-qafas eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, il-Kummissjoni se taħdem ukoll fuq għadd ta’ rapporti li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet speċifiċi bħal klawżoli ta’ rieżami stabbiliti f’diversi strumenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, inkluż id-Direttiva dwar it-Termini ta’ Protezzjoni, id-Direttiva dwar l-Immaniġġjar Kollettiv tad-Drittijiet, l-hekk imsejħa Direttiva “Marrakesh”, u r-Regolament dwar il-Portabbiltà 48 .

Għas-suq tal-bijoteknolġija li qiegħed jiżviluppa b’mod rapidu, l-applikazzjoni tad- Direttiva dwar il-Bijoteknoloġija 49 hija kruċjali. Il-privattivi bijoteknoloġiċi joffru inċentivi kruċjali, iżda għandhom jinħarġu biss f’ċirkostanzi ġġustifikati. Id-Direttiva dwar il-Bijoteknoloġija toffri qafas bilanċjat f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni tagħha se tkompli tiġi mmonitorjata mill-Kummissjoni. 50

Biex ittejjeb il-mod kif id-DPI huma protetti fl-UE, il-Kummissjoni se:

-tappoġġa l-introduzzjoni rapida tas-sistema tal-privattiva unitarja, biex jinħoloq punt uniku ta’ servizz għall-protezzjoni u għall-infurzar tal-privattivi madwar l-UE (2021),

-tottimizza s-sistema taċ-ċertifikati supplimentari ta’ protezzjoni, biex tagħmilha aktar trasparenti u effiċjenti (K1 2022),

-timmodernizza l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-disinji industrijali, biex tagħmilha aktar aċċessibbli u tappoġġa aħjar it-tranżizzjoni lejn l-ekonomija diġitali u ekoloġika (K4 2021),

-issaħħaħ is-sistema ta’ protezzjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli biex tagħmilha aktar effettiva u tikkunsidra, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-impatt, jekk tipproponix sistema ta’ protezzjoni tal-UE għall-indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli (K4 2021),

-tevalwa l-leġiżlazzjoni dwar il-varjetà tal-pjanti (K4 2022).

3.Il-promozzjoni ta’ użu u skjerament effettiv tal-PI, b’mod partikolari mill-SMEs

Filwaqt li l-istrateġiji intelliġenti tal-PI jistgħu jaġixxu bħala katalist għat-tkabbir, l-innovaturi u l-inventuri Ewropej spiss jonqsu milli jifhmu l-benefiċċji tal-PI. Dan jimmina b’mod kritiku l-kapaċità tal-UE biex tkun innovattiva u ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha f’oqsma ewlenin tal-ekonomija. L-Ewropa tenħtieġ li tikkapitalizza ulterjorment fuq il-valur tal-għarfien li l-kumpaniji tagħna kontinwament joħolqu, jiżviluppaw u jikkondividu, billi tgħinhom jimmaniġġjaw dawn l-assi b’mod aktar attiv, u tiffaċilita aċċess aħjar għall-ekwità u l-finanzjament.

Biex jinkiseb dan, il-Kummissjoni se:

·F’terminu qasir, flimkien mal-EUIPO, toffri appoġġ finanzjarju mmirat jew vawċers tal-PI għall-SMEs milquta mill-kriżi tal-COVID-19, b’hekk tgħinhom jimmaniġġjaw il-portafolli tal-PI tagħhom. L-iskema, b’baġit ta’ EUR 20 miljun 51 għal sena, għandha tibda topera mill-1 ta’ Jannar 2021 u se tkopri rimborżi parzjali għar-reġistrazzjoni tat-trade marks u tad-disinn u għal sken tal-PI (rieżami tal-assi intanġibbli ta’ kumpanija minn professjonist u xi pariri inizjali dwar kif jiġu ġestiti dawk l-assi b’mod strateġiku). 

·B’mod parallel, 52 se tkompli tagħti pariri dwar il-PI mfassla apposta fil-programm Orizzont Ewropa, filwaqt li tgħin lin-negozji innovattivi fi stadji differenti tal-proċess tar-riċerka u innovazzjoni. Se tesplora wkoll il-possibbiltajiet biex tespandi l-pariri tal-PI għal programmi oħra ta’ riċerka u investiment tal-UE, inkluż iċ-ċentru konsultattiv taħt l-InvestEU. Għal grupp magħżul ta’ kumpaniji innovattivi ħafna, il-Kummissjoni se tgħaqqad pariri strateġiċi ma’ appoġġ finanzjarju biex tiżviluppa portafolli strateġiċi tal-PI 53 .

·B’mod aktar wiesa’, u b’kooperazzjoni mal-EUIPO, tipprovdi aċċess ta’ punt uniku ta’ servizz għal informazzjoni u pariri dwar il-PI 54 . L-EUIPO 55 se jiżviluppa pjattaforma, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Informazzjoni dwar il-PI, li se tkun marbuta mal-Portal Diġitali Uniku u se toffri aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-formalitajiet tal-PI u s-servizzi relatati (eż. il-preżentazzjoni għall-protezzjoni tal-isem tad-dominju, ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tal-kumpaniji), filwaqt li fl-istess ħin toffri sistemi ta’ arkivjar faċli għall-SMEs. Il-Kummissjoni se tintegra wkoll l-appoġġ u l-pariri tal-PI permezz tad-diversi networks ta’ appoġġ għall-SMEs tagħha 56 biex tilħaq b’mod aktar effettiv lin-negozji ż-żgħar.

·Fl-aħħar nett, tagħmilha aktar faċli għall-SMEs biex jingranaw il-PI tagħhom meta jippruvaw jiksbu aċċess għall-finanzi. Għalkemm l-intanġibbli ħafna drabi huma fost l-assi l-aktar ta’ valur, stħarriġ juri li mhux ħafna SMEs jibbenefikaw mill-PI tagħhom meta jippruvaw jiksbu aċċess għall-finanzi. 57  Il-banek u l-kapital ta’ riskju jsibuha bi tqila biex jiffinanzjaw id-dipendenza fuq il-PI bħala assi u l-kriżi tal-COVID-19 kompliet żiedet din l-averżjoni għar-riskju. Studju reċenti juri lakuna ċara fir-rigward tal-finanzjament tal-SMEs li jużaw l-assi intellettwali tagħhom 58 . Il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-komunità finanzjarja kif valutazzjoni tal-PI tista’ tgħinhom iqisu aħjar l-assi intellettwali tal-SMEs 59 . Il-proġett pilota “diliġenza dovuta teknika” mħabbar fl-istrateġija tal-SMEs se jkun mod kif tiġi ttestjata l-evalwazzjoni tal-PI f’kuntest usa’ relatat mat-teknoloġija 60 . Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza bil-mekkaniżmi eżistenti ta’ garanzija bankarja 61 , il-Kummissjoni se tesplora wkoll kif il-garanziji biex jiġu appoġġati l-SMEs u l-kreaturi fi proġetti bbażati fuq il-PI jistgħu jintużaw aħjar.

Flimkien ma’ dawn l-attivitajiet orjentati lejn l-SMEs, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “ERA ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”  62 tenfasizza l-ħtieġa li r-riżultati tar-riċerka eċċellenti tal-Ewropa jinbidlu f’innovazzjoni li tfixkel u li tippromwovi ġestjoni aħjar tal-PI fil-komunità usa’ tar-riċerka u innovazzjoni; f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sejra tniedi kampanja ta’ sensibilizzazzjoni biex trawwem il-valorizzazzjoni tal-PI fil-valutazzjoni ta’ kumpaniji minn investituri.  Pereżempju, il-Kummissjoni se taġġorna r-Rakkomandazzjoni tagħha dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali f’attivitajiet ta’ trasferiment tal-għarfien permezz ta’ Prinċipji ta’ Gwida għall-Valorizzazzjoni tal-Għarfien. Din ir-reviżjoni se tkun akkumpanjata b’Kodiċi ta’ Prattika għall-użu intelliġenti tal-PI u se tkun ikkombinata b’appoġġ tal-InvestEU għal detenturi tal-proġetti permezz ta’ pariri tekniċi, finanzjarji u legali inkluż dwar il-proprjetà intellettwali.

Se jittieħdu wkoll passi biex jiġi żgurat li l-PI ffinanzjati pubblikament jintużaw b’mod ġust u effettiv. Il-Kummissjoni diġà nediet pjattaforma ġdida biex tiffavorixxi l-valorizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka u innovazzjoni ffinanzjati mill-UE 63 u pjattaforma li tippreżenta r-riċerka u innovazzjoni appoġġata mill-UE biex tindirizza t-tixrid tal-coronavirus u tappoġġa t-tħejjija għal tifqigħat oħra 64 . L-għan huwa li jiġi żgurat li r-riżultati miksuba bl-użu tal-fondi tal-UE jintużaw għall-benefiċċju tal-ekonomija tal-UE. Din hija r-raġuni għala, taħt il-programm Orizzont Ewropa, meta l-PI fuq ir-riżultati tar-riċerka tenħtieġ li tiġi sfruttata primarjament f’pajjiżi terzi mhux assoċjati, l-applikanti se jkollhom bżonn jispjegaw kif dan għadu fl-interess tal-UE 65 .

Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-PI u d-diffużjoni wiesgħa ta’ teknoloġiji ġodda se jkomplu jkunu element ċentrali ta’ proġetti importanti relatati ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ interess Ewropew komuni (IPCEIs) u tal-finanzjament taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Hemm ukoll il-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet biex il-kumpaniji jipproteġu u jużaw il-PI fl-akkwist pubbliku bil-għan li tiġi stimulata l-innovazzjoni u tingħata spinta lill-ekonomija. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jħallu s-sjieda tal-PI f’idejn il-kuntratturi fejn xieraq, sakemm ma jkunx hemm interessi pubbliċi prevalenti involuti jew strateġiji ta’ liċenzjar inkompatibbli miftuħa fis-seħħ. Kif imħabbar fl-istrateġija għall-SMEs, il-Kummissjoni se tiċċara kwistjonijiet relatati mal-PI fl-akkwist pubbliku fl-aġġornament tal-gwida dwar l-akkwist tal-innovazzjoni.

Biex tingħata spinta lill-adozzjoni u l-użu tal-PI, il-Kummissjoni se:

-tipprovdi, flimkien mal-EUIPO, skema għall-Vawċers tal-SMEs tal-PI biex jiffinanzjaw ir-reġistrazzjoni tad-DPI u pariri strateġiċi dwar il-PI (K1 2021),

-tagħti servizzi ta’ assistenza tal-PI għall-SMEs fil-programm “Orizzont Ewropa” u tespandih fi programmi oħrajn tal-UE (2020+).

4.Aċċess iktar faċli għal u kondiviżjoni tal-assi protetti mill-PI

Fl-ekonomija tal-lum, huwa kruċjali li jkun hemm aċċess aktar faċli u rapidu għall-għarfien, għad-data u għat-teknoloġiji, inklużi dawk protetti mill-PI. Ekonomija reżiljenti, ekoloġika 66 u kompetittiva teħtieġ għodod biex tiffaċilita l-aċċess għal teknoloġiji kritiċi protetti tal-PI fi żminijiet ta’ kriżi, biex tiffaċilita d-drittijiet tal-awtur tal-liċenzji u privattivi standard essenzjali, u biex tippromwovi l-kondiviżjoni tad-data.

·Għodod aħjar għall-iffaċilitar tal-aċċess għal PI kritiċi fi żminijiet ta’ kriżi

Il-kriżi tal-COVID-19 tenfasizza l-importanza ta’ sistema effettiva tal-PI, li toffri inċentivi b’saħħithom għall-innovazzjoni u aċċess faċli għall-PI għat-teknoloġiji. Finanzjament għar-riċerka u żvilupp u inċentivi huma meħtieġa biex jiżguraw l-iżvilupp rapidu u d-disponibbiltà ta’ teknoloġiji ġodda, bħal vaċċini jew trattamenti ġodda. Għalhekk, irridu niżguraw, b’għodod aħjar, li s-sistema tal-PI tkun tippermetti l-aċċess għal teknoloġiji kritiċi, fejn u meta jkun meħtieġ, filwaqt li jiġi żgurat redditu adegwat fuq l-investiment għall-innovaturi.

Sa issa, il-kriżi tal-COVID-19 uriet ir-reżiljenza tas-sistema tal-PI tagħna. Dan huwa dovut, fil-biċċa l-kbira, għal impenn u kooperazzjoni b’saħħithom bejn id-diversi atturi pubbliċi u privati u l-inizjattivi varji meħuda biex tingħata spinta lill-iżvilupp u d-disponibbiltà tal-vaċċini u provvisti kritiċi oħra.

Il-Kummissjoni tappoġġa l-akkomunament u l-liċenzjar volontarji tal-PI relatati mat-terapewtiċi u l-vaċċini 67 tal-COVID-19, f’konformità mar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa 68 . Skemi bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq parteċipazzjoni volontarja, li tiżgura aċċess wiesa’ u ekwu u tippermetti lis-sidien tal-PI jirkupraw l-investimenti b’mod bilanċjat. Il-Kummissjoni ħadet ukoll passi biex tippromwovi l-kooperazzjoni fis-settur privat biex tindirizza b’mod effiċjenti n-nuqqas ta’ prodotti u servizzi essenzjali 69 u biex tiżgura li r-riżultati ta’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni ffinanzjati pubblikament fl-UE u fl-Istati Membri tagħha jsiru disponibbli, b’mod partikolari biex tissaħħaħ il-produzzjoni ta’ materjali kritiċi 70 .

Madankollu, fil-futur, il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li jkun hemm għodod aħjar fis-seħħ biex ilaħħqu ma’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

Il-Kummissjoni qed tfittex modi biex tinċentiva l-ġbir rapidu tal-PI kritiċi fi żminijiet ta’ kriżi, pereżempju permezz ta’ sistema ġdida ta’ liċenzjar li tagħmel il-PI kritika disponibbli b’mod ikkontrollat u fuq bażi temporanja, sabiex il-produzzjoni ta’ prodotti protetti mill-PI tkun tista’ tiġi aġġornata malajr inkluż permezz ta’ manifattura bi skop ġdid.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li tiżgura li jkun hemm fis-seħħ sistemi effettivi għall-ħruġ ta’ liċenzji obbligatorji, li għandhom jintużaw bħala l-aħħar mezz u bħala xibka ta’ sikurezza, meta l-isforzi l-oħrajn kollha biex il-PI ssir disponibbli ma jkunux irnexxew. Il-Ftehim tad-WTO dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) jipprevedi l-possibbiltà, skont il-kundizzjonijiet elenkati, li jinħarġu liċenzji obbligatorji, jiġifieri l-awtorità tal-gvern li tagħti permess lil parti li tfittex l-użu ta’ invenzjoni bi privattiva mingħajr il-kunsens ta’ sid il-privattiva. Il-proċedura tista’ tiġi segwita b’mod rapidu fil-każ ta’ emerġenza nazzjonali. Flimkien mad-Dikjarazzjoni ta’ Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika, huwa ċar li kull membru tad-WTO għandu mhux biss id-dritt li joħroġ liċenzji obbligatorji, iżda wkoll il-libertà li jiddetermina r-raġunijiet li għalihom jingħataw dawn il-liċenzji.

Fl-Ewropa, il-liċenzjar obbligatorju huwa prinċipalment regolat mil-liġi nazzjonali 71 . Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-għodod li għandhom huma effettivi kemm jista’ jkun, pereżempju, billi jistabbilixxu proċeduri rapidi għall-ħruġ ta’ liċenzji obbligatorji f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Barra minn hekk, hija tara l-ħtieġa għal koordinazzjoni aktar b’saħħitha f’dan il-qasam, biex jiġu evitati effetti ta’ distorsjoni fuq l-innovazzjoni u l-kummerċ. Il-koordinazzjoni bikrija u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, eż. dwar it-tul ta’ żmien ta’ liċenzji bħal dawn u r-royalties fuqhom, għandhom jgħinu biex jiġu żgurati l-benefiċċji massimi filwaqt li fl-istess ħin jiġu evitati distorsjonijiet eċċessivi. Il-Kummissjoni se tesplora mal-Istati Membri l-possibbiltà li jinħoloq mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni ta’ emerġenza, li għandu jiġi attivat fi żmien qasir meta l-Istati Membri jikkunsidraw li joħorġu liċenzja obbligatorja.

·L-iffaċilitar tal-liċenzjar tal-PI permezz ta’ trasparenza mtejba, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur

Biex jiġu ffaċilitati l-liċenzjar u l-kondiviżjoni tal-PI, hemm bżonn ta’ aktar trasparenza dwar is-sjieda u l-ġestjoni tat-tipi kollha ta’ PI. Il-privattiva unitarja se toffri progress reali fil-qasam tal-privattivi.

L-użu ta’ metadata ta’ kwalità għolja u teknoloġiji ġodda bħall-blockchain jista’ jgħin ukoll biex tinkiseb aktar trasparenza u ġestjoni aħjar tad-drittijiet, b’mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u titjib fl-identifikazzjoni tas-sidien tad-drittijiet 72 .

Il-Kummissjoni qed tniedi studju dwar id-drittijiet tal-awtur u teknoloġiji ġodda, li se jiffoka fuq il-ġestjoni tad-data dwar id-drittijiet tal-awtur u l-intelliġenza artifiċjali. Ir-riżultat minn dan l-istudju jenħtieġ li jkun disponibbli fl-2021. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tippromwovi l-kwalità tad-data dwar id-drittijiet tal-awtur u tikseb “infrastruttura tad-drittijiet tal-awtur 73 li tiffunzjona tajjeb (eż. ittejjeb l-informazzjoni awtorevoli u aġġornata dwar id-detenturi tad-drittijiet, it-termini u l-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet ta’ liċenzjar) 74 .

·Privattivi standard essenzjali

Privattivi essenzjali għal standard (SEPs) huma privattivi għal teknoloġiji inkorporati fi standards. L-ammont ta’ SEPs u l-għadd ta’ sidien ta’ SEP qed jiżdied (pereżempju, għall-istandards ta’ konnettività bil-mowbajl, aktar minn 25 000 familja ta’ privattivi 75 ġew iddikjarati lill-ETSI minn grupp dejjem jikber ta’ detenturi ta’ SEP, u standards tat-teknoloġija emerġenti ġodda spiss jinkludu wkoll SEPs). L-SEPs għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-5G u fl-Internet tal-Oġġetti (IoT). L-integrazzjoni diġitali ta’ oġġetti, tagħmir, sensuri, u oġġetti ta’ kuljum, b’applikazzjonijiet li jvarjaw minn karozzi konnessi, saħħa, enerġija sa bliet intelliġenti teħtieġ soluzzjonijiet interoperabbli bbażati fuq standards.

F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li jkun hemm regoli stabbli, effiċjenti u ġusti li jirregolaw il-liċenzjar tal-SEPs. Minkejja l-gwida pprovduta mill-Komunikazzjoni tal-SEPs fl-2017 76 , xi negozji jkomplu jsibuha diffiċli biex jaqblu fuq il-liċenzjar ta’ SEP. Dan jista’ spiss iwassal għal tilwim, fejn id-detenturi tal-privattivi jsostnu li l-SEP tagħhom inkiser u l-parti l-oħra tilmenta li d-detentur tal-privattiva impona kundizzjonijiet inġusti fuq ftehim ta’ liċenzjar. Għalkemm bħalissa l-akbar tilwim jidher li jseħħ fis-settur tal-karozzi, dan jista’ jestendi aktar peress li l-liċenzjar tal-SEP huwa rilevanti wkoll fl-ekosistemi tas-saħħa, tal-enerġija, tal-manifattura intelliġenti, fl-ekosistemi diġitali u f’dawk elettroniċi 77 .

Fuq medda qasira, il-Kummissjoni se tiffaċilita inizjattivi mmexxija mill-industrija biex jitnaqqsu l-frizzjonijiet u l-litigazzjonijiet fost l-atturi f’setturi speċifiċi.

B’mod parallel, filwaqt li tibni fuq l-approċċ tal-2017, il-Kummissjoni se tikkunsidra riformi biex tiċċara u ttejjeb aktar il-qafas li jirregola d-dikjarazzjoni, il-liċenzjar u l-infurzar tal-SEPs. Pereżempju, il-Kummissjoni se tesplora l-ħolqien ta’ sistema indipendenti ta’ kontrolli tal-essenzjalità ta’ partijiet terzi sabiex ittejjeb iċ-ċertezza legali u tnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni 78 . Ir-riformi possibbli se jqisu l-esperjenza bil-gwida pprovduta fil-Komunikazzjoni tal-SEP tal-2017 u d-diskussjonijiet mal-partijiet interessati rilevanti.

·Il-promozzjoni tal-kondiviżjoni tad-data

Fl-aħħar nett, kif stabbilit fl-Istrateġija Ewropea għad-Data reċenti tal-Kummissjoni 79 , l-UE teħtieġ qafas solidu li jippermetti lin-negozji joħolqu, jaċċessaw, jikkondividu u jużaw id-data. Bejn l-2018 u l-2025, il-valur tal-ekonomija tad-data tal-UE kważi se jittriplika, fl-2025 mistenni jilħaq EUR 829 biljun u jirrappreżenta 5,8 % tal-PDG tal-UE 80 . Minħabba li xi data tista’ tiġi protetta mid-drittijiet tal-PI jew bħala sigrieti kummerċjali, il-Kummissjoni bħalissa qed tevalwa l-qafas tal-PI biex tiżgura bilanċ bejn il-ħtieġa li titrawwem il-kondiviżjoni tad-data (eż. biex jiġi ffaċilitat l-aċċess u l-użu tad-data mill-SMEs, biex jiġu ffaċilitati t-tiswijiet) u l-ħtieġa li jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi.

It-trawwim tal-kondiviżjoni tad-data jeħtieġ ambjent sigur fejn in-negozji jistgħu jkomplu jinvestu fil-ġenerazzjoni u fil-ġbir tad-data, filwaqt li jikkondividuhom b’mod sigur, kunfidenti li d-data sensittiva tan-negozju tagħhom mhux se tinkiseb, tintuża jew tiġi żvelata b’mod illegali. Id-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali 81 diġà tipprovdi għodod effettivi għall-protezzjoni, iżda jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, eż. liema tip ta’ data jew settijiet ta’ data jistgħu jikkwalifikaw bħala “sigrieti kummerċjali”, jekk is-sett attwali ta’ eċċezzjonijiet jistax jappoġġa l-ekonomija tad-data u ekoloġika 82 u jekk u kif l-għodod offruti mid-Direttiva jistgħu jintużaw biex jiġġieldu b’mod effiċjenti l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali ta’ data u settijiet ta’ data. Bil-ħsieb li jiġu ċċarati dawn il-kwistjonijiet u li jiġu identifikati l-aħjar prattiki, il-Kummissjoni nediet studju, b’enfasi speċifika fuq setturi strateġiċi inkluż is-setturi tal-kura tas-saħħa u tal-karozzi. Abbażi tar-riżultati, u bħala parti mill-Att dwar id-Data 83 , il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ħtieġa għal aktar azzjoni, eż. gwida mmirata.

Id-Direttiva dwar il-Bażi tad-Data 84 tipprevedi protezzjoni sui generis għall-bażijiet tad-data, li huma r-riżultat ta’ investimenti sostanzjali. Evalwazzjoni reċenti 85 wriet li, filwaqt li d-Direttiva dwar il-Bażi tad-Data tipprovdi valur miżjud, din tista’ tiġi riveduta biex tiffaċilita l-aċċess u l-użu tad-data. B’segwitu għall-Istrateġija Ewropea għad-Data, il-Kummissjoni għalhekk se tirrieżamina d-direttiva, b’mod partikolari biex tiffaċilita l-kondiviżjoni u l-kummerċ ta’ data ġġenerata mill-magni u data ġġenerata fil-kuntest tat-tnedija tal-IoT. Ir-rieżami se jsir flimkien mal-Att dwar id-Data 86 u se tqis l-inizjattivi tal-kondiviżjoni tad-data fil-qasam tal-liġi dwar l-antitrust 87 .

Biex tiffaċilita l-liċenzjar u l-kondiviżjoni tal-PI, il-Kummissjoni se:

-tiżgura d-disponibbiltà ta’ PI kritika fi żminijiet ta’ kriżi, inkluż permezz ta’ għodod ta’ liċenzjar ġodda u sistema għall-koordinazzjoni ta’ liċenzjar obbligatorju (2021-22),

-ittejjeb it-trasparenza u l-prevedibbiltà fil-liċenzjar tal-SEP permezz tal-inkoraġġiment ta’ inizjattivi mmexxija mill-industrija, fl-aktar setturi affettwati, flimkien ma’ riformi possibbli, inklużi dawk regolatorji jekk u fejn meħtieġ, bil-għan li jiġi ċċarat u mtejjeb il-qafas tal-SEPs u jiġu offruti għodod effettivi ta’ trasparenza (K1 2022).

-tippromwovi l-aċċess u l-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li tissalvagwardja l-interessi leġittimi, permezz ta’ kjarifika ta’ ċerti dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali u rieżami tad-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Data (K3 2021).

5.Il-ġlieda kontra l-Ksur tad-DPI

L-infurzar effettiv huwa parti minn sistema tal-PI li tiffunzjona tajjeb. Il-Kummissjoni tkompli tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-infurzar tad-DPI 88 biex tiżgura rimedju ġudizzjarju effettiv u bbilanċjat. Hija taħdem flimkien mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex tagħti effett lill-gwida reċenti tal-Kummissjoni 89 , pereżempju bil-ħsieb li jiġi żgurat li – fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha, pereżempju dik tal-proporzonalità – l-inġunzjonijiet jiġu applikati b’mod uniformi u effiċjenti madwar l-Istati Membri.

Fil-qasam tal-privattivi, it-tnedija tal-UPC jenħtieġ li tiffaċilita u li tissimplifika aktar l-infurzar tad-drittijiet tal-privattivi.

Fir-rigward tal-falsifikazzjoni u l-piraterija, il-Kummissjoni tara ħtieġa ċara li jiżdiedu l-isforzi. Fl-2016, l-importazzjonijiet ta’ oġġetti ffalsifikati u kkupjati fl-UE ammontaw għal EUR 121 biljun, li jirrappreżentaw sa 6,8 % tal-importazzjonijiet tal-UE (meta mqabbla ma’ 5 % tal-importazzjonijiet tal-UE fl-2013) 90 . Il-preżenza ta’ prodotti ffalsifikati fis-suq tal-UE tirriżulta f’bejgħ dirett mitluf li jammonta għal EUR 50 biljun u telf dirett ta’ impjiegi ta’ 416 000 impjieg fis-sena 91 . Dan jikkostitwixxi wkoll theddid serju għas-saħħa, għas-sikurezza u għas-sigurtà għall-konsumaturi (eż. maskri tal-wiċċ foloz) 92 u għandu impatt negattiv fuq l-ambjent 93 . 

Fuq l-internet qamu rriżultaw forom ġodda ta’ ksur tal-PI, bħas-serq ċibernetiku tas-sigrieti kummerċjali (li jammonta għal madwar EUR 60 biljun ta’ telf fl-UE 94 ), it-televiżjoni illegali tal-protokoll tal-internet (IPTV) u forom oħra ta’ streaming illegali (live). Huma jqajmu sfidi partikolari għall-manifattura, għall-industriji kreattivi u kulturali kif ukoll għas-settur tal-isport.

Il-Kummissjoni diġà ħabbret li qabel tmiem is-sena, regoli ġodda se jiċċaraw u jaġġornaw ir-regoli ta’ responsabbiltà u sikurezza għall-pjattaformi online u se jneħħu d-diżinċentivi għall-azzjonijiet volontarji tagħhom biex jindirizzaw kontenut (prodotti jew servizzi) illegali li huma jintermedjaw. Il-proposta li jmiss għall-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali se jkollha l-għan li tarmonizza sett ta’ obbligi speċifiċi, vinkolanti u proporzjonati għal servizzi diġitali, infurzati minn qafas superviżorju msaħħaħ 95 .

Barra minn hekk, il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandha tissaħħaħ b’mod sostanzjali. Il-falsifikazzjoni u l-piraterija għandhom isiru prijorità ogħla. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex jinkludu l-kriminalità marbuta mal-PI fost il-prijoritajiet taċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE li jmiss – pjattaforma multidixxiplinari Ewropea kontra t-theddid kriminali (EMPACT) (EMPACT) 96 , għall-perjodu 2022-2025. Hija tippjana li ssaħħaħ l-infurzar tad-DPI fil-livell tal-UE, billi twessa’ l-mandat tal-Kummissjoni u tassenjah lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), sabiex dan tal-aħħar mhux biss jipprevjeni oġġetti ffalsifikati milli jidħlu fis-Suq Uniku iżda jista’ wkoll jaġixxi kontra l-produzzjoni illeċita ta’ prodotti ffalsifikati fl-UE 97 . Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-partijiet ikkonċernati kollha biex ikomplu jagħmlu skambji mal-Europol biex itejbu ulterjorment il-valutazzjoni tat-theddid ġenerali u biex iħaddnu azzjoni effettiva u kkoordinata kontra reati relatati mal-PI.

Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fit-titjib tal-ġestjoni tar-riskju u fl-azzjonijiet kontra l-frodi, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ saff tal-UE ta’ kapaċitajiet analitiċi tad-data, billi l-Istati Membri jiġu mgħammra aħjar b’tagħmir ta’ kontroll doganali u billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni fi ħdan l-UE u mal-awtoritajiet doganali tal-pajjiżi msieħba 98 .

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-atturi involuti kollha — id-detenturi tad-drittijiet, il-fornituri, diversi settijiet ta’ intermedjarji (eż. pjattaformi online, il-midja soċjali, l-industrija tar-reklamar, is-servizzi ta’ pagament, ir-reġistraturi/ir-reġistri tal-ismijiet tad-dominji, u l-kumpaniji tat-trasport u tal-loġistika) u l-awtoritajiet tal-infurzar pubbliku (inkluż il-korpi amministrattivi, id-dwana, il-pulizija, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-prosekuturi pubbliċi) biex trażżan il-piraterija u l-falsifikazzjoni. Għal dan il-għan, se tistabbilixxi Sett ta’ Għodod tal-UE kontra l-iffalsifikar, ibbażat fost l-oħrajn fuq prattiki u prinċipji rrapportati żviluppati fil-kuntest ta’ diversi inizjattivi mmexxija mill-industrija 99 . Is-Sett ta’ Għodod se jiċċara r-rwoli u r-responsabbiltajiet u se jidentifika modi biex jaħdmu flimkien. Element fundamentali huwa l-kondiviżjoni ta’ data rilevanti dwar prodotti u kummerċjanti, f’konformità mal-liġi tal-UE dwar id-data personali, li għaliha tista’ tkun meħtieġa gwida ulterjuri 100 . Is-Sett ta’ Għodod se jippromwovi wkoll l-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħar-rikonoxximent tal-immaġni, l-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain 101 . Fejn xieraq, is-Sett ta’ Għodod se jkun akkumpanjat minn punti ta’ riferiment biex ikun possibbli li jitkejjel il-progress.

Filwaqt li tibni fuq is-suċċess ta’ azzjonijiet preventivi u repressivi speċifiċi kontra prodotti foloz relatati mal-COVID-19 102 , il-Kummissjoni se tippromwovi kampanji biex jiġi miġġieled id-dħul ta’ prodotti ffalsifikati li huma l-aktar ta’ ħsara għall-konsumaturi 103 fis-suq.

Fl-aħħar nett, l-impatt ekonomiku tas-serq ċibernetiku tas-sigrieti kummerċjali jista’ jitnaqqas drastikament billi jiġu promossi l-għarfien dwar iċ-ċibersigurtà u l-ġestjoni tajba tal-PI. B’mod konformi mal-ħiliet taċ-ċiber-sigurtà tagħha u mal-azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni tagħha taħt l-Istrateġija tal-Unjoni tas-Sigurtà 104 , il-Kummissjoni, flimkien mal-EUIPO, l-Istati Membri u l-komunità tan-negozju, se tiżviluppa għodod ta’ sensibilizzazzjoni u gwida mmirata li se jżidu r-reżiljenza tan-negozji tal-UE (u b’mod partikolari tal-SMEs) kontra s-serq ċibernetiku tas-sigrieti kummerċjali.

Biex tiġġieled il-ksur tal-DPI, il-Kummissjoni se:

-tiċċara u taġġorna r-responsabbiltajiet tas-servizzi diġitali, b’mod partikolari tal-pjattaformi online, permezz tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (Q4 2020),

-ssaħħaħ ir-rwol tal-OLAF fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija (2022),

-tistabbilixxi Sett ta’ Għodod tal-UE kontra l-falsifikazzjoni li jistabbilixxi prinċipji għal azzjoni konġunta, kooperazzjoni u kondiviżjoni ta’ data fost id-detenturi tad-drittijiet, l-intermedjarji u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi (K2 2022).

6.il-fair play fuq livell globali

Il-PI għandha rwol ewlieni fil-kummerċ u fl-investiment u fir-relazzjonijiet tagħna ma’ pajjiżi mhux tal-UE. L-industriji li jagħmlu użu intensiv mid-DPI jammontaw għal 93 % tal-esportazzjonijiet totali ta’ prodotti tal-UE lejn il-bqija tad-dinja 105 . Numru dejjem jikber ta’ pajjiżi madwar id-dinja jużaw l-assi tal-PI biex isaħħu l-iżvilupp u l-kompetittività nazzjonali tagħhom. Il-politiki ta’ protezzjoni tal-PI qed jiksbu importanza ġeopolitika 106 .

In-negozji tagħna jeħtieġ li jiddependu fuq kundizzjonijiet ekwi stabbli u globali meta jikkompetu barra minn pajjiżhom. Madankollu, l-evidenza 107 turi li n-negozji tagħna għadhom jiffaċċjaw sfidi kbar meta joperaw f’pajjiżi mhux tal-UE, inkluż regoli u infurzar tal-PI dgħajfa, trasferimenti furzati tat-teknoloġija u prattiki inġusti oħrajn bħal limitazzjonijiet fis-sjieda tal-PI ta’ riżultati ta’ riċerka konġunta, inġunzjonijiet kontra s-smigħ ekstraterritorjali wiesgħa ħafna u s-serq ċibernetiku.

Bis-suq uniku kbir tagħna, , l-UE tinsab f’pożizzjoni unika biex taġixxi bħala entità globali li tistabbilixxi l-istandards fil-PI. Hija tista’ u se tkompli tiġġieled għal qafas tal-PI globali stabbli u effettiv. Fl-istess ħin, jeħtieġ li nipproteġu lilna nfusna aħjar kontra s-serq, l-ispjunaġġ u misapproprijazzjonijiet oħra tal-PI li joriġinaw minn pajjiżi mhux tal-UE iżda li jaffettwaw is-swieq Ewropej tagħna. L-Istati Membri għandhom ukoll jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni effettiva tal-PI f’teknoloġiji kritiċi biex jiżguraw ir-reżiljenza tagħna f’setturi strateġiċi.

Biex tilħaq dan, il-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

Fil-kuntest tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs), il-Kummissjoni se tkompli tfittex kapitoli tal-PI ambizzjużi bi standards għoljin ta’ protezzjoni, biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-UE u tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku. Se tistinka għall-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-PI fl-FTAs eżistenti, inkluż permezz tas-soluzzjoni tat-tilwim u fejn applikabbli l-użu tar-Regolament dwar l-Infurzar tal-Kummerċ, ladarba jiġi emendat.

Il-Kummissjoni se tagħmel użu sħiħ mid-djalogi dwar il-PI ma’ sħab kummerċjali ewlenin u ma’ pajjiżi ta’ prijorità, bħall-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea, it-Tajlandja, it-Turkija u l-Brażil biex tippromwovi r-riformi, u se tkompli ssaħħaħ il-firxa tal-programmi ewlenin tal-PI tagħha li joffru kooperazzjoni teknika fiċ-Ċina, fix-Xlokk tal-Asja u fl-Amerika Latina.

Filwaqt li l-Kummissjoni se tkompli tippromwovi kundizzjonijiet ekwi globali, se żżid l-isforzi biex tipproteġi lill-kumpaniji tal-UE minn prattiki inġusti. Hija se tuża bħala ingranaġġ il-Lista ta’ Sorveljanza dwar il-Falsifikazzjoni u l-Piraterija 108 , li tirrapporta s-swieq u l-fornituri tas-servizzi li allegatament jinvolvu ruħhom, jiffaċilitaw jew jibbenefikaw mill-falsifikazzjoni u l-piraterija, u r-Rapport tal-Pajjiżi Terzi 109 , li jidentifika pajjiżi terzi li fihom l-istat tal-protezzjoni u l-infurzar tad-DPI (kemm online kif ukoll offline) jagħti lok għall-akbar livell ta’ tħassib. Kemm il-Lista ta’ Sorveljanza kif ukoll ir-Rapport se jiġu aġġornati regolarment, u l-azzjonijiet biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati se jiġu mmonitorjati mill-qrib.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fil-Gwida tagħha ta’ Marzu 2020 dwar l-investiment barrani dirett u l-protezzjoni tal-assi strateġiċi tal-Ewropa, talbet lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jagħmlu użu sħiħ mill-mekkaniżmi ta’ skrinjar tal-investiment barrani tagħhom u, għal dawk l-Istati Membri li bħalissa ma għandhomx mekkaniżmu ta’ monitoraġġ, biex jindirizzaw aspetti rilevanti tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku tal-investimenti barranin diretti li jistgħu jinvolvu assi tal-PI kritiċi fl-Unjoni Ewropea 110 .

Il-Kummissjoni tara wkoll il-ħtieġa li tiżgura li l-pajjiżi kollha li mhumiex fl-UE u n-negozji tagħhom jimxu mar-regoli, inkluż meta jinvolvu ruħhom ma’ organizzazzjonijiet tar-riċerka Ewropej. Għal dan il-għan, se jiġu żviluppati kundizzjonijiet ta’ qafas ġodda għall-kooperazzjoni internazzjonali tar-riċerka ma’ entitajiet f’pajjiżi li mhumiex fl-UE. Dawn se jiżguraw ekosistema tal-innovazzjoni globali ġusta u mhux distortiva bbażata fuq kundizzjonijiet ekwi u reċiproċità filwaqt li jinżammu standards għoljin tal-etika u tal-integrità tax-xjenza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tistabbilixxi linji gwida dwar l-interferenza barranija mmirata lejn l-Universitajiet tal-UE u l-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja biex titqajjem kuxjenza dwar is-serq possibbli tal-PI filwaqt li tkun involuta fil-kooperazzjoni internazzjonali (2021).

Fil-qasam tal-politika barranija, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli u mal-Istati Membri, se tkun lesta li tuża l-miżuri restrittivi disponibbli biex tikkumbatti l-ispjunaġġ ċibernetiku sponsorjat mill-privat u mill-gvern bil-għan li jinkisbu assi tal-PI Ewropej mill-aktar avvanzati 111 .

Huwa ta’ importanza kbira li l-UE titkellem b’vuċi b’saħħitha u magħquda f’fora globali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (UPOV), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex issib u tiddefendi standards globali ta’ protezzjoni tal-PI u l-aħjar soluzzjonijiet possibbli għal sfidi ġodda, bħall-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess ekwu għal trattamenti, vaċċini u dijanjostika fil-ġlieda kontra l-COVID-19. Id-dibattitu tad-WIPO dwar l-implikazzjonijiet tal-IA għall-PI huwa opportunità unika oħra għall-Ewropa biex teżerċita l-influwenza tagħha f’mument fejn it-tfassil tar-regoli għadu qed iseħħ, li jista’ jkollu impatt fit-tul fuq it-trasformazzjoni diġitali li għaddejja tal-ekonomija dinjija.

Biex tipproteġi l-valur tal-marki, il-Kummissjoni se tipproponi li l-UE taderixxi mat-Trattat ta’ Singapore dwar il-Liġi tat-Trademarks. Il-Kummissjoni se taħdem ma’ sħab internazzjonali biex tipproteġi l-IĠ madwar id-dinja permezz tar-Reġistru ta’ Lisbona multilaterali tad-WIPO. Hija se żżid ukoll il-parteċipazzjoni tagħha f’fora globali tal-internet sabiex is-sistema internazzjonali tal-ismijiet tad-dominji (DNS) tirrispetta bis-sħiħ id-DPI, inklużi l-IĠ, u tiżgura li l-protezzjoni tal-PI tkun riflessa wkoll kif xieraq f’politiki li jikkonċernaw il-governanza tal-ispazju tal-isem tad-dominju u l-aċċess għal informazzjoni dwar ir-reġistranti (data “Whois”). Fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, il-Kummissjoni se tkompli tkun involuta b’mod attiv fin-negozjati tad-WIPO bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar trattat ġdid li jiżgura l-protezzjoni internazzjonali għall-organizzazzjonijiet tax-xandir. Se taħdem ukoll biex tiżgura r-ratifikazzjoni tal-UE mat-Trattat ta’ Beijing tad-WIPO (iffirmat mill-UE fl-2013), li jagħti protezzjoni internazzjonali lill-prestazzjonijiet awdjoviżivi.

Il-Kummissjoni se tkompli tgħin lill-kumpaniji Ewropej barra minn pajjiżhom. Minbarra l-Helpdesks tal-PI għall-SMEs internazzjonali eżistenti fiċ-Ċina, fix-Xlokk tal-Asja u fl-Amerika Latina 112 , se tniedi Helpdesk ġdid tal-PI għall-SMEs li jgħin lill-kumpaniji Ewropej fl-Indja (bidu tal-2021).

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha biex toffri assistenza teknika kwalifikata biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jagħmlu l-aħjar użu mill-PI biex jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku tagħhom. Pereżempju, bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni tad-DPI għall-Afrika, il-Kummissjoni se tippromwovi ġenerazzjoni, protezzjoni u ġestjoni aħjar tal-PI (inklużi l-IĠ 113 ) f’dan il-kontinent 114 .

7.Naħdmu flimkien mal-Istati Membri u mal-Partijiet Ikkonċernati

Il-Kummissjoni tibbaża fuq il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif ukoll fuq il-partijiet interessati kollha, biex tappoġġa u tgħin fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni u l-azzjonijiet varji li tinkludi.

Hija tappella wkoll lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-politiki u l-istrateġiji nazzjonalitagħhom dwar il-PI f’konformità mal-objettivi stabbiliti f’dan il-pjan ta’ azzjoni, u jagħmlu l-protezzjoni u l-infurzar aħjar tal-PI prijorità fl-isforzi tagħhom stess biex jiżguraw l-irkupru ekonomiku.

Il-Kummissjoni se tistimula wkoll dibattitu fost l-atturi rilevanti kollha, b’mod partikolari fl-ekosistemi rilevanti, biex il-politika tal-PI tiġi konnessa aħjar mar-realtajiet u mal-ħtiġijiet li qed jinbidlu tal-industrija tal-UE, f’konformità mar-rapport 115 u mal-aġenda strateġiċi ta’ tbassir tal-Kummissjoni. Biex jinkiseb dan, il-Kummissjoni se torganizza diskussjonijiet regolari dwar kwistjonijiet relatati mal-PI fil-kuntest ta’ avvenimenti u fora eżistenti li fihom tissawwar il-politika industrijali.



Appendiċi I 

Kontribuzzjoni ta’ industriji li jagħmlu użu intensiv mid-DPI għall-impjiegi fl-ekosistemi industrijali

Sors: Kalkoli tal-EUIPO u tal-KE abbażi ta’ data minn studji dwar industriji li jagħmlu użu intensivi mid-DPI u l-prestazzjoni ekonomika fl-Unjoni Ewropea, UEP u EUIPO 2019

Din il-grafika tippreżenta l-kontribuzzjoni tal-industriji li jagħmlu użu intensiv mid-DPI għall-impjiegi f’kull waħda mill-ekosistemi industrijali. Din tispjega pereżempju l-kontribuzzjoni tad-DPI apparentament baxxa għall-ekosistema tas-saħħa. Is-setturi farmaċewtiċi u tal-apparati mediċi li jagħmlu użu intensiv ħafna mid-DPI jikkontribwixxu biss għal 6 % tal-impjiegi, filwaqt li s-setturi l-oħrajn bħall-isptarijiet u l-kura medika ma jagħmlux użu intensiv mid-DPI.

Din hija kontribuzzjoni tal-kumpaniji li huma sidien ta’ DPI għall-impjiegi fl-UE. Bħala tali, din turi parti mill-istampa tal-influwenza tad-DPI fuq l-ekonomija. Ma tirriflettix impatt usa’ tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq kumpaniji li jistgħu ma jkunux sidien huma stess ta’ DPI, iżda jużaw inputs protetti mid-DPI fil-prodotti jew fis-servizzi tagħhom (eż. konċessjonarji, detenturi ta’ liċenzji tat-teknoloġija, sottokuntratturi, is-settur tal-ospitalità jew tal-bejgħ bl-imnut meta jikkondividu prodotti tal-industriji kulturali).

(1)

Skont l-istandards SNA2008/ESA2010, is-Sistemi tal-Kontijiet Nazzjonali attwalment ikopru firxa ta’ assi intanġibbli speċifiċi taħt il-kategorija tal-assi tal-“prodotti tal-proprjetà intellettwali”, bħar-riċerka u żvilupp, l-esplorazzjoni tal-minerali, is-software u l-bażijiet tad-data tal-kompjuter, id-divertiment, u x-xogħlijiet oriġinali letterarji u artistiċi.

(2)

Unlocking investment in intangible assets, DG ECFIN discussion paper 047 , (L-isfruttar tal-investiment f’assi intanġibbli, dokument ta’ diskussjoni 047 tad-DĠ ECFIN), Mejju 2017.

(3)

  Intellectual property rights intensive industries and economic performance in the EU , EUIPO-EPO, 2019.

(4)

“Hidden treasures. Mapping Europe’s sources of competitive advantage in doing business”, D. Kalff, A. Renda, Centre for European Policy Studies (CEPS), Brussell 2019, pġ. 59; ara wkoll EPO quality report 2018 .

(5)

The 2019 EU Industrial R&D Investment Scoreboard .

(6)

Sehem ta’ applikazzjonijiet PCT fir-rigward tal-isfidi tas-soċjetà. Ara t-taqsima dwar il-klima u l-ambjent fi Report on Science, Research and Innovation Performance of the EU 2020.

(7)

Ara:  Climate change mitigation technologies in Europe – evidence from patent and economic data , EPO 2015.

(8)

L-istudji juru li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jużaw id-DPI jikbru aktar malajr u huma aktar reżiljenti għall-kriżijiet ekonomiċi – High-growth firms and intellectual property rights, EUIPO-EPO, 2019 .

(9)

L-Appendiċi I fih mappa li tippreżenta r-rwol tal-industriji intensivi fil-PI fl-ekosistemi.

(10)

  COM(2020) 761

(11)

 Pereżempju, illum, permezz ta’ applikazzjoni waħda, wieħed jista’ jipproteġi trademark, disinn industrijali jew varjetà ta’ pjanti madwar l-UE kollha, u hemm sett komuni ta’ regoli dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali.

(12)

Study on trends and developments in Artificial Intelligence – Challenges to the IPR framework , studju mwettaq mill-IVIR u l-JIPP, Novembru 2020.

(13)

  Ara r-rekwiżiti rilevanti tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni tat-tfassil tal-EoI introdotti f’Ottubru 2019  C(2019) 2120-7, C(2019) 5380, C(2019) 6843

(14)

L-SMEs li ma kellhomx drittijiet tal-PI rrappurtaw nuqqas ta’ għarfien dwar il-PI bħala r-raġuni ewlenija għaliex ma fittxewx ir-reġistrazzjoni (38 % ta’ dawk li wieġbu). Intellectual property SME scoreboard, EUIPO 2019 .

(15)

L-għan tiegħu spiss huwa li jbigħu jew jilliċenzjah, u b’hekk jimmonetizza l-assi intanġibbli.

(16)

  Report Science, Research and Innovation Performance of the EU 2020 .

(17)

   Fact finding study on patents declared to the 5G standard , IPlytics, 2020.

(18)

  Trends in Counterfeit and Pirated Goods in Counterfeit and Pirated Goods , OECD u EUIPO, 2019.

(19)

  Status Report on IPR infringement , EUIPO, 2020 : ċifri annwali medji, 2013-2017 .

(20)

   The scale and impact of industrial espionage and theft of trade secrets through cyber , 2018.

(21)

Dan il-pjan ta’ azzjoni jibni fuq il-feedback li wasal dwar il-pjan direzzjonali tiegħu u l-kontribut mogħti mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati, kemm bil-miktub kif ukoll permezz ta’ diskussjonijiet li saru matul konferenzi dwar il-politika futura dwar il-PI, kif ukoll permezz ta’ diskussjonijiet immirati fi ħdan il-Parlament u l-Kunsill.

(22)

Is-sistema tal-privattiva unitarja hija implimentata permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa ta’ 25 Stat Membru parteċipanti (l-Istati Membri kollha tal-UE minbarra Spanja u l-Kroazja).

(23)

   Digriet tat-13 ta’ Frar 2020 , 2 BvR 739/17, ippubblikat fl-20 ta’ Marzu 2020.

(24)

Lil hinn mir-ratifika tal-Ġermanja tal-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, se jkun meħtieġ ukoll il-qbil tal-Istati Membri biex jitnieda l-“perjodu ta’ applikazzjoni provviżorja”. Dan se jippermetti li jiġi ffinalizzat l-istabbiliment istituzzjonali u prattiku tal-Qorti, qabel it-tnedija sħiħa tas-sistema tal-privattiva unitarja. F’konformità mar- Regolament (UE) Nru 1257/2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, il-Kummissjoni u l-EPO ser ikollhom ukoll jikkonkludu ftehim ta’ ħidma li jipprevedi kooperazzjoni mill-qrib dwar it-tħaddim ta’ sistema ta’ privattiva unitarja. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE mhuwiex mistenni li jfixkel it-tnedija tas-sistema tal-privattiva unitarja.

(25)

  Ir-Regolament (UE) Nru 2019/933 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 469/2009 dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali.

(26)

 Evalwazzjoni tas-sistema taċ-Ċertifikat ta’ Protezzjoni Supplimentari tal-UE – SWD/2020/8508

(27)

  Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa , COM/2020/102 final , p.14; “ Pjan Direzzjonali Farmaċewtiċi – mediċini sikuri u affordabbli (strateġija ġdida tal-UE) ”.

(28)

L-eżenzjoni Bolar hija difiża għall-ksur tal-privattivi rilevanti b’mod speċjali għad-drogi fejn invenzjoni koperta bi privattiva tista’ tiġi sfruttata - għal żmien limitat qabel it-tmiem tat-terminu tal-privattiva - minn parti terza biss għal skopijiet ta’ riċerka u ttestjar u biex jinkisbu l-approvazzjonijiet regolatorji meħtieġa.

(29)

Il-Parlament Ewropew approva l-pakkett ta’ riforma tat-trade marks fil-15 ta’ Diċembru 2015: https://ec.europa.eu/growth/industry/policy/intellectual-property/trade-mark-protection_en .

(30)

  Report on the evaluation of EU legislation on design protection .

(31)

  Id-Direttiva 98/71/KE dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-Disinji Komunitarji.

(32)

Ara l-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” imħabbra mill-Kummissjoni biex issaħħaħ is-sostenibbiltà tal-kriterji għall-indikazzjonijiet tal-IĠ.

(33)

  Evalwazzjoni tal-IĠ (agrikoli) u l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti protetti fl-UE , 2019.

(34)

  Evalwazzjoni tal-IĠ (agrikoli) u l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti protetti fl-UE , 2019.  

(35)

Reviżjoni tas-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) tal-UE fi prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, inbejjed u xorb spirituż ( konsultazzjoni IIA ).

(36)

   Economic aspects of geographical indication protection at the EU level for non-agricultural products , 2020.

(37)

B’mod aktar preċiż, l-introduzzjoni ta’ protezzjoni tal-IĠ fl-UE kollha għal prodotti mhux agrikoli tista’ twassal għal żieda globali mistennija fil-kummerċ intra-UE ta’ madwar 4,9-6,6 % tal-esportazzjonijiet intra-UE attwali (EUR 37,6-50 biljun). Il-previżjonijiet juru li, b’sistema uniformi, l-impjiegi reġjonali jistgħu jiżdiedu bi 0,12-0,14 % u li 284 000–338 000 impjieg ġdid jistgħu jinħolqu fl-UE kollha kemm hi. Ara Geographical indications for non-agricultural products . Cost of non-Europe report , 2019.

(38)

Fuq il-bażi tas- Sistema ta’ Lisbona għar-reġistrazzjoni internazzjonali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ġestita mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali.

(39)

  Intellectual property rights intensive industries and economic performance in the EU , EUIPO-EPO, 2019.

(40)

Identifikat b’mod partikolari mill-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati, analiżi tad-deċiżjonijiet tal-EUCJ, rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma interistituzzjonali.

(41)

Pereżempju, billi jitħaffu t-tfittxijiet ġodda u l-proċeduri ta’ reġistrazzjoni.

(42)

Metadata tad-drittijiet tal-awtur, fir-rigward kemm tas-sjieda tal-PI kif ukoll tal-liċenzjar.

(43)

  Study on trends and developments in Artificial Intelligence – Challenges to the IPR framework  – Studju mwettaq mill-IVIR u l-JIPP, Novembru 2020.

(44)

Fl-2018, ġew ippreżentati żewġ applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej fl-EPO. It-tnejn li huma indikaw il-magna “DABUS” bħala l-inventur. Iż-żewġ applikazzjonijiet għal privattivi ġew miċħuda mill-EPO. L-EPO kkunsidra li l-inventur indikat fi privattiva Ewropea għandu jkun persuna fiżika. L-EPO fehem ukoll li t-terminu “inventur” jirreferi għal persuna fiżika skont standard applikabbli fuq livell internazzjonali. Dawn id-deċiżjonijiet ġew appellati.

(45)

Pereżempju, l-istudju jenfasizza n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tar-regoli dwar is-sjieda tal-awtur u d-drittijiet tal-awtur li jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet nazzjonali diverġenti fir-rigward ta’ xogħlijiet assistiti mill-IA.

(46)

Pereżempju l-istudju jipprovdi rakkomandazzjonijiet biex jiġu aġġustati l-kunċetti tal-liġi dwar il-privattivi, bħall-pass inventiv u l-obbligu tal-iżvelar, għall-invenzjonijiet assistiti mill-IA.

(47)

  Id-Direttiva (UE) 2019/790 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-suq uniku diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE; Id-Direttiva (UE) 2019/789 li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għat-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE. L-Istati Membri għandhom jittrasponu dawn id-Direttivi sas-7 ta’ Ġunju 2021.

(48)

  Id-Direttiva 2011/77/UE li temenda d-Direttiva 2006/116/KE dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati; Id-Direttiva 2014/26/UE dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern; Id-Direttiva (EU) 2017/1564 dwar ċerti użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat; Ir-Regolament (UE) 2017/1128 dwar il-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online.

(49)

  Id-Direttiva 98/44/KE dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi.

(50)

B’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal- Avviż tal-Kummissjoni dwar ċertu artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi  tat-3 ta’ Novembru 2016, kif approvat mill-Parlament u l-Kunsill, li jiċċara li prodotti li jirriżultaw minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi ma jistgħux jingħataw privattiva.

(51)

Mill-programm COSME u ffinanzjat prinċipalment mis-surplus tal-EUIPO.

(52)

Ara għall-programm attwali IPA4SME .

(53)

Il-Kummissjoni se tittestja l-kunċett fil-proġett “ Closing the finance gap for IPR driven start-ups and SMEs” (L-għeluq tad-distakk finanzjarju għal negozji ġodda u proġetti tal-SMEs xprunati mid-DPI). .

(54)

Sabiex kull SME jkollha aċċess faċli għal pariri, kif enfasizzat fl-istrateġija għall-SMEs.

(55)

Din hija inizjattiva taħt il-programm tal-SMEs tal-EUIPO li se tiġi żviluppata f’kooperazzjoni man-Network tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPN) magħmul mill-EUIPO u l-uffiċċji nazzjonali tal-PI tal-Istati Membri tal-UE.

(56)

Tali konsulenti qed jaħdmu permezz ta’ networks jew fornituri ta’ pariri fin-Network Enterprise Europe, fiċ-Ċentri tal-Innovazzjoni, in-Networks ta’ Raggruppamenti jew fiċ-ċentru ta’ konsulenza InvestEU (li jevolvu miċ- Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti attwali).

(57)

Skont it- tabella ta’ valutazzjoni tal-SMEs tal-EUIPO , 2019, 13 % biss tal-SMEs li għandhom drittijiet tal-PI ppruvaw jużaw assi intanġibbli biex jiksbu finanzjament: 9 % irnexxew u 4 % ma kellhomx suċċess.

(58)

Studju dwar “ Financing intangibles: Is there a market failure? ”, KE 2020.

(59)

Dan jista’ jsir fi ħdan InvestEU u se jibni fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-proġett “Finanzjament, tagħlim, innovazzjoni u privattivi għall-industriji kulturali u kreattivi” u l-istudju dwar “ Financing intangibles : Is there a market failure? ”, KE 2020.

(60)

  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni , l-Istrateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali, COM(2020) 103 final, 10 ta’ Marzu 2020.

(61)

Ara l- Faċilità ta’ Garanzija InnovFin għall-SMEs jew il-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi.

(62)

  Komunikazzjoni dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) .

(63)

Ara l- Pjattaforma tar-Riżultati tal-Orizzont .

(64)

Ara l-pjattaforma tar- Riċerka u l-innovazzjoni tal-coronavirus .

(65)

Bl-istess mod, taħt id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) ġew introdotti wkoll dispożizzjonijiet apposta biex jipproteġu r-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp appoġġati finanzjarjament u d-disponibbiltà tagħhom fl-UE. Dawn jinkludu l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata ex ante fil-każ ta’ trasferiment ta’ sjieda tar-riżultati u l-PI relatati (u tal-għoti ta’ liċenzji esklussivi għal azzjonijiet ta’ riċerka) lil pajjiżi terzi mhux assoċjati jew lil entitajiet ta’ pajjiżi terzi, u obbligu li l-finanzjament tal-UE jiġi rimborsat f’każ li trasferiment bħal dan ta’ riżultati/PI jmur kontra l-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew imur kontra l-objettivi tal-EDF.

(66)

Fil-qasam tad-data ambjentali (li tippermetti l-iżvilupp tal-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja), id-data kkontrollata mid-DPI għandha tkun ibbilanċjata mal-interess pubbliku biex tiġi kkalkulata l-impronta ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet.

(67)

  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni -Strateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19, COM(2020) 245 final, 17 ta’ Ġunju 2020.

(68)

  Riżoluzzjoni 73 tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa .

(69)

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Qafas Temporanju għall-valutazzjoni ta’ kwistjonijiet dwar l-antitrust relatati mal-kooperazzjoni kummerċjali b’reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ urġenza li jirriżultaw mit-tifqigħa attwali tal-COVID-19 C(2020) 3200 final.

(70)

  Il-Manifest għar-Riċerka tal-UE dwar il-Covid-19 , imniedi biex jimmassimizza l-aċċessibbiltà tar-riżultati tar-riċerka fil-ġlieda kontra l-COVID-19, sal-lum ġie appoġġat minn aktar minn 600 organizzazzjoni (bħal universitajiet, istituti tar-riċerka, kumpaniji privati inklużi SMEs u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) u minn aktar minn 1800 individwu mill-Ewropa kollha u lil hinn minnha.

(71)

L-unika eċċezzjoni hija r- Regolament (KE) Nru 816/2006 li jipprovdi għal reġim obbligatorju speċifiku ta’ liċenzji li jimplimenta l-Artikolu 31bis tal-Ftehim TRIPS u li jikkonċerna l-manifattura ta’ prodotti farmaċewtiċi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi li għandhom problemi ta’ saħħa pubblika.

(72)

Ara wkoll id-dokument tal-Kunsill 15016/19 “Developing the Copyright Infrastructure - Stocktaking of work and progress under the Finnish Presidency”.

(73)

Is-sett ta’ regoli, teknoloġiji u istituzzjonijiet li jinkwadraw il-prattiki tal-ġestjoni tad-data fl-industriji kreattivi.

(74)

Ara “ SMART 2019/0038 – Study on Copyright and New technologies: copyright data management and Artificial Intelligence”.

(75)

  Landscape study of potentially essential patents disclosed to ETSI, 2020.  

(76)

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - L-istabbiliment tal-approċċ tal-UE għall-Privattivi Essenzjali għal Standard, COM(2017) 712 final, 29 ta’ Novembru 2017.

(77)

Kif ukoll saħħa intelliġenti, l-enerġija intelliġenti u l-internet tal-oġġetti.

(78)

  Pilot study for essentiality assessment of Standard Essential Patents report   

(79)

  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Strateġija Ewropea għad-data, (COM)2020 66 final, 19 ta’ Frar 2020.

(80)

Ara l- iskeda informattiva dwar l-Istrateġija Ewropea għad-data .

(81)

  Id-Direttiva (UE) 2016/943 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom.

(82)

 Fis-settur tal-cartridges tal-inka u tat-toner tal-printers, pereżempju, tressqu diversi argumenti l-aktar mill-OEMs kontra l-manifattura mill-ġdid tal-prodotti tagħhom minn partijiet terzi, filwaqt li manifatturi mill-ġdid indipendenti (speċjalment l-SMEs) ma għandhomx ir-riżorsi disponibbli biex jinvolvu ruħhom fi proċeduri legali kontra OEMs kbar, anki meta l-manifattur mill-ġdid jista’ jkun qed jopera legalment. Din it-theddida perċepita jista’ jkollha effett dissważiv fuq kumpaniji iżgħar li jixtiequ jidħlu fin-negozju ta’ manifattura mill-ġdid. Ara: Study on the implementation of product design requirements set out in Article 4 of the WEEE Directive The case of re-usability of printer cartridges: final report , Kling et al, għal DĠ ENV tal-Kummissjoni Ewropea, 2018.

(83)

L-Istrateġija Ewropea għad-data tipprevedi li tiġi esplorata l-ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva dwar kwistjonijiet li jaffettwaw ir-relazzjonijiet bejn l-atturi fl-ekonomija tad-data biex tipprovdi inċentivi għall-kondiviżjoni tad-data bejn is-setturi. Kwistjonijiet bħal dawn (pereżempju l-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji u l-gvern, il-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji u n-negozji permezz tad-drittijiet tal-użu għal data koġenerata) jistgħu jitmexxew ’il quddiem f’Att dwar id-Data (2021).

(84)

  Id-Direttiva 96/9/KE  dwar il-protezzjoni legali tal-bażijiet tad-data.

(85)

  Evalwazzjoni tad-Direttiva 96/9/KE dwar il-protezzjoni legali tal-bażijiet tad-data, SWD(2018) 147 final.

(86)

  Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2021 .

(87)

 Il-kondiviżjoni tad-data tikkostitwixxi skambju ta’ informazzjoni li jrid isir f’konformità mar-regoli tal-antitrust kif deskritt fil-Linji Gwida Orizzontali tal-Kummissjoni li jispjegaw liema tipi ta’ informazzjoni jistgħu jiġu kondiviżi. Ir-rieżami attwali ta’ dawk il-linji gwida se jikkunsidra jekk hemmx bżonn ta’ gwida għall-kondiviżjoni tad-data għal forom ġodda ta’ kollaborazzjoni fir-riċerka u żvilupp. Il-Kummissjoni se tirrifletti wkoll dwar jekk hemmx bżonn ta’ aktar gwida rigward meta l-aċċess għad-data jista’ jkun imġiegħel skont id-duttrina tal-faċilitajiet essenzjali.

(88)

  Id-Direttiva 2004/48/KE dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(89)

  Commission communication Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, COM(2017) 708 final, 29 ta’ Novembru 2017.

(90)

  Trends in Counterfeit and Pirated Goods in Counterfeit and Pirated Goods , OECD u EUIPO, 2019.

(91)

  Status Report on IPR infringement , EUIPO, 2020 : ċifri annwali medji, 2013-2017.

(92)

  Qualitative study on risks posed by counterfeits to consumers , EUIPO 2019.

(93)

 Ara l-operazzjonijiet imwettqa bl-għajnuna tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, eż. il-qbid ta’ 550 tunnellata ta’ pestiċidi illegali jew foloz fl-2019 bħala parti mill-operazzjoni “Silver Axe IV” (ara l-istqarrija għall-istampa ).

(94)

  The scale and impact of industrial espionage and theft of trade secrets through cyber , 2018.

(95)

Ara l- konsultazzjoni pubblika li tnediet fit-2 ta’ Ġunju 2020 u s-segwitu.

(96)

  Pjattaforma multidixxiplinarja Ewropea kontra t-theddid kriminali .

(97)

  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku, COM(2020) 94 final, p. 11-12, 10 ta’ Marzu 2020.

(98)

Ara l- Pjan ta’ Azzjoni Doganali, , COM(2020) 581 final, 28 ta’ Settembru 2020.

(99)

Ara pereżempju r-rapporti ppubblikati dan l-aħħar dwar il-funzjonament tal- Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati permezz tal-internet u l- Memorandum ta’ Qbil dwar ir-reklamar online u d-DPI .

(100)

L-espansjoni ulterjuri tal- portal tal-infurzar tal-PI  ġestit mill-EUIPO se tippermetti wkoll skambju aktar effettiv ta’ data bejn l-atturi rilevanti kollha. Pereżempju, l-espansjoni se tinkludi l-integrazzjoni ta’ data dwar id-DPI li għadha mhijiex koperta mill-portal, bħad-drittijiet tal-varjetajiet tal-pjanti u l-IĠ.

(101)

Ara, pereżempju, il- Forum ta’ Blockathon Kontra l-Falsifikazzjoni tal-Osservatorju tal-EUIPO, li għandu l-għan li jibni infrastruttura komuni tal-blockchain fejn il-partijiet kollha (l-intermedjarji, id-detenturi tad-drittijiet u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi) jistgħu jikkollegaw u jikkondividu d-data biex jipproteġu l-ktajjen tal-provvista kontra l-infiltrazzjoni ta’ oġġetti ffalsifikati.

(102)

Ara:  OLAF launches enquiry into fake COVID-19 related products . Ara wkoll: Ħarsa Ġenerali tal-attivitajiet illegali u tal-azzjonijiet, u Prattiki qarrieqa relatati mal-COVID-19 .

(103)

Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur jaħdmu fuq materjal edukattiv biex iqajmu kuxjenza fost il-konsumaturi dwar ir-riskji ta’ oġġetti ffalsifikati.  Suġġerimenti u ideat għall-konsumaturi u Rapport tal-ECC dwar l-iffalsifikar .

(104)

L-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, COM(2020) 605 final (paġna 25).

(105)

  2019 Status report on IPR infringement , L-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-DPI, 2019.

(106)

Ara pereżempju d-Dikjarazzjoni adottata mill-pajjiżi tal-G7 fl-2019.

(107)

  Rapport mill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f’pajjiżi terzi, SWD(2019) 452 final/2.

(108)

  SWD(2018)492 .  

(109)

  SWD(2019)452 .

(110)

  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Gwida lill-Istati Membri rigward l-investiment dirett barrani u l-moviment liberu tal-kapital minn pajjiżi terzi u l-protezzjoni tal-assi strateġiċi tal-Ewropa, qabel l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/452 (Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI) (2020/C 99 I/01). Pereżempju, teknoloġiji għall-manifattura ta’ PPEs jew vaċċini futuri.

(111)

  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1127 .

(112)

  Helpdesk Internazzjonali tal-PI għall-SMEs .

(113)

  Continental strategy for geographical indications in Africa 2018-2023 .

(114)

  Is-Sħubija UE-Afrika .

(115)

  Ir-rapport ta' prospettiva strateġika 2020 .

Top