Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0713

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Niżguraw il-ġustizzja fl-UE — strateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju għall-2021-2024

COM/2020/713 final

Brussell, 2.12.2020

COM(2020) 713 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Niżguraw il-ġustizzja fl-UE — strateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju għall-2021-2024


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Niżguraw il-ġustizzja fl-UE — strateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju għall-2021-2024

1.Introduzzjoni

It-Trattat ta’ Lisbona ta lill-Unjoni Ewropea (UE) kompetenzi biex tappoġġa l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali permezz tat-“taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju” 1 . Minn dak iż-żmien ’l hawn, it-taħriġ ġudizzjarju dwar il-liġi tal-UE tejjeb l-applikazzjoni korretta u uniformi tal-liġi tal-UE u bena fiduċja reċiproka fi proċedimenti ġudizzjarji transfruntiera, u b’hekk għen fl-iżvilupp tal-ispazju tal-ġustizzja tal-UE.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2011, Inkattru l-fiduċja f’ġustizzja Ewropea — dimensjoni ġdida għat-taħriġ ġudizzjarju 2 , ġabet bidla fil-pass, kemm f’termini ta’ approċċ kif ukoll ta’ skala, fl-organizzazzjoni tat-taħriġ ġudizzjarju fl-UE. Billi l-maġġoranza tal-imħallfin u l-prosekuturi tal-UE li wieġbu għal stħarriġ tal-2010 3 qatt ma kienu pparteċipaw f’taħriġ ġudizzjarju dwar il-liġi tal-UE jew ta’ Stat Membru ieħor, mill-adozzjoni tal-Komunikazzjoni aktar minn nofs il-ġuristi kollha tal-UE (aktar minn 1 miljun) għamlu dan.

L-evalwazzjoni tal-istrateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju 2011-2020 (ippubblikata fl-2019) 4 u r-rapporti annwali dwar it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew 5 juru li b’mod ġenerali l-istrateġija laħqet il-biċċa l-kbira tal-objettivi tagħha. Il-mira ewlenija ta’ taħriġ ta’ nofs (jiġifieri 800 000) tal-ġuristi kollha dwar il-liġi tal-UE bejn l-2011 u l-2020 intlaħqet fl-2017. L-istrateġija għenet biex jiżdied l-għadd ta’ attivitajiet ta’ taħriġ, iżda ppromwoviet ukoll tipi ġodda ta’ attività, bħal programmi ta’ skambju. Dan għen biex jittejjeb it-taħriġ dwar il-liġi tal-UE għal diversi kategoriji ta’ ġuristi, speċjalment l-imħallfin u l-prosekuturi. Hija bniet ukoll il-kapaċitajiet ta’ networks bħan-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) u saħħet in-networks u l-fornituri tat-taħriġ fil-livell tal-UE.

Filwaqt li jibni fuq dawn il-kisbiet, issa huwa essenzjali li t-taħriġ ġudizzjarju jibqa’ fuq quddiem fl-aġenda tal-UE u jissaħħaħ aktar.

L-UE qed tiffaċċja għadd ta’ żviluppi u sfidi ġodda li jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz tat-taħriġ ġudizzjarju, inkluż deterjorament tal-istat tad-dritt u attakki fuq id-drittijiet fundamentali f’xi Stati Membri, id-diġitalizzazzjoni esponenzjali tas-soċjetajiet tagħna u l-prospetti ta’ sħubija fl-UE għall-Balkani tal-Punent. Barra minn hekk, il-livell ta’ parteċipazzjoni fit-taħriġ għadu jvarja b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri u fost il-professjonijiet tal-ġustizzja. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-applikazzjoni uniformi u effiċjenti tal-liġi tal-UE.

Din il-Komunikazzjoni tibni fuq it-tagħlimiet meħuda u l-iżviluppi ġodda mill-2011 ‘l hawn. Dan jirrifletti r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-istrateġija għall-20112020 u ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa mwettqa mill-Kummissjoni fl-2018 6 . Hija tistabbilixxi strateġija komprensiva biex ittejjeb aktar it-taħriġ tal-professjonisti tal-ġustizzja dwar il-liġi tal-UE, billi testendi l-intervent ta’ politika għal suġġetti, professjonijiet u żoni ġeografiċi ġodda, tindirizza l-isfidi l-ġodda u tistabbilixxi għanijiet ġodda għall-20212024.

2.Rispons flessibbli għall-ħtiġijiet emerġenti ta’ taħriġ fil-liġi tal-UE

Il-prattikanti tal-ġustizzja għandhom ikunu jistgħu jadattaw għal żviluppi ġodda, inkluż fil-qasam tal-liġi tal-UE. Għalhekk huwa importanti li jingħata rispons flessibbli għall-ħtiġijiet emerġenti ta’ taħriġ fil-liġi tal-UE.

Taħriġ ġudizzjarju għall-promozzjoni ta’ kultura komuni tal-istat tad-dritt

Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa kruċjali għall-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE u għall-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom. L-essenza tal-istat tad-dritt hija l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li teħtieġ l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali. Il-prattikanti tal-ġustizzja għandhom rwol essenzjali fiż-żamma tal-istat tad-dritt. Jenħtieġ li huma jżommu l-pass mal-acquis tal-UE f’dan il-qasam, inkluża l-każistika li qed tiżviluppa malajr tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), sabiex ikunu jistgħu jimplimentawha fil-ħidma tagħhom. Prattikanti mħarrġa sew u n-networks tagħhom għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-kultura tal-istat tad-dritt u r-rispett tal-istat tad-dritt innifsu 7 , bil-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja fiċ-ċentru.

Il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali

L-imħallfin nazzjonali u prattikanti oħra tal-ġustizzja huma atturi essenzjali li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u jagħmlu d-drittijiet tal-Karta realtà fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

Jenħtieġ li huma jirċievu taħriġ dedikat dwar l-applikazzjoni tal-Karta, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u drittijiet speċifiċi bħall-protezzjoni tad-data 8 , iżda wkoll dwar ir-relazzjoni tagħha mal-liġi nazzjonali u l-interazzjoni tagħha mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Jenħtieġ li t-taħriġ fuq il-karta jiġi inkorporat ukoll f’moduli ta’ taħriġ dwar diversi oqsma tal-liġi tal-UE fejn rilevanti 9 .

It-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja

It-taħriġ ġudizzjarju għandu jħejji lill-professjonisti tal-ġustizzja biex iħaddnu d-diġitalizzazzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali 10 . L-iżviluppi f’dan il-qasam qed jinfluwenzaw dejjem aktar kull aspett ta’ ħajjitna. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li s-sistemi ġudizzjarji jridu jadattaw malajr permezz tad-diġitalizzazzjoni. Il-prattikanti tal-ġustizzja jeħtieġ li jkunu konxji tal-impatt li l-għodod u t-teknoloġiji diġitali għandhom fuq il-każijiet ittrattati u jkunu lesti li jużawhom kif suppost fil-prattika ta’ kuljum, inkluż fi proċedimenti transfruntiera 11 . Jeħtieġ li jiżguraw protezzjoni adegwata tad-drittijiet tal-individwi u tad-data personali fl-ispazju diġitali, b’mod partikolari sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jaċċessaw il-fajls u jattendu s-seduti tal-qorti.

Inżommu l-pass mal-iżvilupp tal-liġi tal-UE

Jenħtieġ li t-taħriġ ġudizzjarju Ewropew jippermetti lill-prattikanti tal-ġustizzja li jaraw ir-rwol tal-liġi tal-UE fil-prattika tagħhom ta’ kuljum, jagħtuha effett sħiħ u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mil-liġi tal-UE fi proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali. Huwa importanti wkoll li dawn iżommu ruħhom aġġornati mal-iżvilupp tal-liġi tal-UE. Kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida u żviluppi fil-każistika tal-QĠUE jeħtieġu taħriġ biex ikollhom l-effetti maħsuba u l-professjonisti tal-ġustizzja għandu jkollhom l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa.

B’mod partikolari, dan japplika għall-istrumenti ewlenin tal-UE għall-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera. L-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu wkoll konsegwenzi konsiderevoli ta’ taħriġ għall-prosekuturi, l-imħallfin u l-avukati difensuri. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-istrateġija ttejjeb it-taħriġ għal dawn il-professjonijiet fuq il-bażi legali tal-UPPE, l-adattamenti li saru fis-sistemi legali nazzjonali u l-istrutturi ġudizzjarji, ir-relazzjonijiet tal-UPPE ma’ korpi u aġenziji oħra tal-UE attivi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE bħall-EUROJUST, il-EUROPOL u l-OLAF, kif ukoll l-applikazzjoni tal-istrumenti legali tal-UE użati mill-UPPE fil-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera.

Fil-qasam tas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata (inkluż it-traffikar tal-bnedmin, l-armi tan-nar u d-drogi illeċiti), il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jibqgħu suġġetti ewlenin ta’ taħriġ.

Jenħtieġ li l-prattikanti tal-ġustizzja li huma f’kuntatt mal-vittmi jitħarrġu biex jappoġġawhom aħjar u jikkomunikaw magħhom, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli 12 . Jenħtieġu li huma jkunu jafu wkoll kif jidentifikaw litigazzjoni abbużiva u jużaw l-għodod disponibbli biex jindirizzawha.

Id-drittijiet tat-tfal 13 , id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-adattament tas-sistemi ġudizzjarji għal dawn il-gruppi, l-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi tal-vjolenza sessista 14 , iżda wkoll l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni jeħtieġu taħriġ speċjalizzat kif ukoll kopertura f’korsijiet oħra. 

L-iżgurar tad-drittijiet tal-konsumatur permezz ta’ taħriġ kontinwu 15 kemm dwar il-liġi materjali kif ukoll dwar il-liġi proċedurali huwa prijorità 16 , kif ikkonfermat mill-proliferazzjoni ta’ prattiki illegali identifikati matul il-pandemija tal-COVID-19 17 . It-tgawdija effettiva tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE għandha tkun garantita, inkluż fil-qasam tal-moviment liberu. 

Huwa meħtieġ taħriġ għall-għadd kbir ta’ prattikanti involuti fl-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq uniku 18 , inklużi dawk ta’ rilevanza partikolari għan-negozju, bħar-regoli li jipproteġu l-investiment intra-UE 19 , parzjalment biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-investituri. Jenħtieġ li jkun disponibbli wkoll taħriġ dwar il-liġi tal-kumpaniji tal-UE, b’mod partikolari dwar l-għodod u l-proċessi diġitali, il-konverżjonijiet transfruntiera u l-fużjonijiet/id-diviżjonijiet tal-kumpaniji, u dwar il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għal dawk li għandhom bżonnu.

Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE teħtieġ għarfien speċjalizzat u aktar taħriġ.

L-attrezzar tal-prattikanti biex jindirizzaw sfidi ġodda

Forom ġodda ta’ terroriżmu, estremiżmu vjolenti u ċiberkriminalità, u l-pandemija tal-COVID-19 kellhom impatt mhux biss fuq il-ħajja tal-individwi u tan-negozji, iżda wkoll fuq is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, li jeħtieġ li jadattaw. Il-pandemija, b’mod partikolari, biddlet il-modi operandi tal-kriminali, u wasslet għal żieda sinifikanti fir-reati li jinvolvu ċ-ċiberkriminalità, l-attivitajiet kriminali online u s-saħħa 20 . Il-prattikanti tal-ġustizzja jridu jirreaġixxu għal dawn il-bidliet 21 . Barra minn hekk, forom ġodda ta’ xogħol joħolqu sfidi fil-liġi tal-impjiegi u dik soċjali. Jenħtieġ li offerti ġodda ta’ taħriġ jiġu organizzati malajr u jsiru disponibbli, kif kien il-każ reċentement għaċ-ċiberkriminalità u l-asil.



Azzjoni għall-fornituri tat-taħriġ:

·Jagħmlu taħriġ dwar l-acquis tal-UE dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fit-Trattati tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sistematikament disponibbli fl-offerta ta’ taħriġ kontinwu għall-imħallfin u professjonisti oħra tal-ġustizzja;

·Jinkorporaw il-liġi tal-UE, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fl-attivitajiet ta’ taħriġ fil-liġi nazzjonali, u organizza taħriġ speċifiku dwar il-liġi tal-UE fejn rilevanti;

·Jagħtu taħriġ biex jittejbu d-diġitalizzazzjoni u s-sensibilizzazzjoni u l-ħiliet tal-intelliġenza artifiċjali, u l-użu effiċjenti ta’ proċeduri u reġistri ġudizzjarji diġitalizzati;

·Jiżguraw taħriġ effettiv dwar legiżlazzjoni ġdida tal-UE u żviluppi fil-ġurisprudenza, inklużi strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntier u l-UPPE;

·Jiffokaw it-taħriġ fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fl-ispazju diġitali (eż. il-protezzjoni tad-data, il-privatezza, in-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni minn vjolenza online sessista, il-liġi kuntrattwali, id-drittijiet tal-konsumatur) u d-drittijiet ta’ gruppi speċifiċi (eż. tfal, persuni b’diżabbiltà, vittmi ta’ vjolenza sessista, razziżmu u diskriminazzjoni);

·Jimmonitorjaw il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u jadattaw l-kurrikuli għall-isfidi emerġenti.

Azzjoni għall-Kummissjoni:

·Tappoġġa t-taħriġ fil-liġi tal-UE għall-prattikanti tal-ġustizzja skont il-ħtiġijiet tagħhom;

·Tkompli tikkoopera mal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-taħriġ li jinkludi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

3.Komponenti meħtieġa tat-taħriġ tal-prattikanti lil hinn mil-liġi tal-UE

Jenħtieġ li t-taħriġ ġudizzjarju Ewropew jmur lil hinn mill-edukazzjoni legali u jappoġġja l-iżvilupp tal-ħiliet professjonali. Il-liġi u l-prinċipji legali ma jiffunzjonawx ġo vakwu, għalhekk il-prattikanti tal-ġustizzja jeħtieġ li jiksbu kompetenzi multidixxiplinarji.

Filwaqt li hija responsabbiltà nazzjonali, it-taħriġ fis-“sengħa tal-imħallef” 22 huwa ċentrali għall-effiċjenza tal-ġustizzja, ir-relazzjoni ta’ fiduċja bejn is-sistemi ġudizzjarji u l-membri tal-pubbliku, u l-fiduċja bejn il-prattikanti fil-kooperazzjoni transfruntiera. Suġġetti ewlenin ta’ taħriġ għall-imħallfin jinkludu l-imġiba ġudizzjarja, ir-reżiljenza, il-preġudizzju inkonxju, il-ġestjoni tal-kawżi u l-awla tal-qorti, u t-tmexxija.

Barra minn hekk, biex jiksbu l-għarfien espert, l-attitudnijiet u l-għarfien espert meħtieġa, il-prattikanti kollha tal-ġustizzja jeħtieġu taħriġ dwar għarfien u ħiliet mhux legali, eż. kif ipprovdut mix-xjenzi tal-imġiba, il-psikoloġija, l-antropoloġija, l-ekonomija u l-lingwistika konjittiva.

L-iżvilupp ta’ ħiliet lingwistiċi legali huwa essenzjali biex jippermetti djalogu bla xkiel bejn il-prattikanti, li min-naħa tiegħu jippromwovi l-fiduċja reċiproka fi proċedimenti ġudizzjarji transfruntiera. Il-ħakma ta’ lingwi barranin tgħin lill-prattikanti tal-ġustizzja jifhmu s-sistemi u l-kunċetti legali barranin, u żżid il-parteċipazzjoni f’ attivitajiet ta’ taħriġ transfruntier.

Il-Kummissjoni tappoġġa taħriġ lingwistiku avvanzat u tekniku biex jikkomplementa l-offerta nazzjonali u tinkoraġġixxi t-taħlita ta’ aspetti lingwistiċi u legali f’dan it-taħriġ, li wera li huwa effettiv.

Azzjoni għall-fornituri tat-taħriġ:

·Jinkorporaw is-“sengħa tal-imħallef” u l-għarfien u l-ħiliet mhux legali fi programmi nazzjonali ta’ taħriġ kontinwu;

·Joffru korsijiet dwar lingwa legali barranija, b’mod partikolari għall-prattikanti li jittrattaw każijiet transfruntiera.

Azzjoni għall-Kummissjoni:

·Tipprovdi appoġġ finanzjarju għal taħriġ transfruntiera dwar kwistjonijiet mhux legali, meta marbuta ma’ taħriġ legali.

4.Taħriġ akbar, usa’ u aktar immirat għall-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja

Objettiv ewlieni tal-Komunikazzjoni tal-2011 kien il-mira ġenerali li jiżdied l-għadd ta’ ġuristi mħarrġa sabiex jinħoloq l-impetu meħtieġ. Dan kien fih innifsu mutur ta’ suċċess għall-bidla. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-istrateġija tat-taħriġ enfasizzat xi kwistjonijiet, bħall-varjazzjoni fir-riżultati fost il-professjonijiet u l-pajjiżi. Dan jitlob approċċ li jistabbilixxi objettivi ġodda u ambizzjużi (għalkemm differenzjati) li huma aktar imfassla għall-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-livelli ta’ parteċipazzjoni fit-taħriġ tal-professjonijiet fil-qasam tal-liġi tal-UE.

Parteċipazzjoni f’taħriġ kontinwu fil-liġi tal-UE fl-UE (%)

Professjonijiet

2011

2012

2013

2014

2015

2016

2017

2018

2019

L-imħallfin u l-prosekuturi

24,62 %

23,04 %

24,00 %

29,11 %

28,10 %

38,03 %

48,22 %

54,66 %

55,70 %

Persunal tal-qorti u tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni

1,75 %

0,90 %

1,52 %

1,32 %

2,06 %

2,39 %

3,23 %

4,14 %

6,40 %

Avukati

1,79 %

1,73 %

5,04 %

5,28 %

3,54 %

4,11 %

4,88 %

4,82 %

3,36 %

Nutara

11,36 %

5,75 %

10,37 %

15,31 %

18,07 %

13,89 %

27,03 %

22,35 %

26,03 %

Uffiċjali ġudizzjarji

3,57 %

4,02 %

3,12 %

8,29 %

5,67 %

7,57 %

9,55 %

12,77 %

16,19 %

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea (UE28, ħlief 2019: L-UE27 peress li ma waslet l-ebda data mir-Renju Unit; data mir-rapporti annwali Ewropej dwar it-taħriġ ġudizzjarju 23 ).

B’mod ġenerali, jenħtieġ li aktar professjonisti tal-ġustizzja jattendu taħriġ dwar il-liġi tal-UE u jenħtieġ li l-fornituri tat-taħriġ itejbu t-taħriġ offrut fil-liġi tal-UE, kemm jekk nazzjonali kif ukoll jekk transfruntier, u kemm jekk iffinanzjat mill-UE (ko) kif ukoll jekk le. Dan japplika għall-professjonisti kollha tal-ġustizzja li japplikaw il-liġi tal-UE, inklużi primarjament imħallfin, prosekuturi u persunal tal-qorti, iżda wkoll professjonijiet bħal avukati, nutara, bailiffs, medjaturi, interpreti/tradutturi legali, esperti tal-qorti, u f’ċerti sitwazzjonijiet għall-persunal tal-ħabs u l-uffiċjali tal-probazzjoni.

Objettivi mfassla

L-imħallfin u l-prosekuturi huma l-garanti ewlenin tal-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-UE fil-livell nazzjonali 24 . Jenħtieġ li huma jibqgħu l-grupp ewlieni fil-mira għat-taħriġ dwar il-liġi tal-UE. L-imħallfin japplikaw il-liġi tal-UE ex officio, ipoġġu fil-prattika l-prinċipji ta’ supremazija u effett dirett, u jirreferu mistoqsijiet preliminari lill-QĠUE. Il-prosekuturi jeħtieġ li jkunu familjari mal-partijiet rilevanti tal-acquis tal-UE u japplikawhom fil-qasam tal-ġustizzja, inklużi d-drittijiet proċedurali għas-suspettati u l-akkużati fi proċedimenti kriminali, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u r-regoli operattivi l-ġodda wara l-ħolqien tal-UPPE.

Il-persunal tal-qorti u tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni huma essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-sistemi ġudizzjarji. Xi wħud huma involuti fl-abbozzar u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet tal-qorti, in-notifika transfruntiera ta’ dokumenti, ordnijiet ta’ ħlas Ewropej, mandati ta’ arrest Ewropej u proċeduri transfruntiera oħra. Dan jeħtieġ firxa wiesgħa ta’ taħriġ dwar il-liġi tal-UE, li għandu jkun imfassal b’mod preċiż għall-ħtiġijiet identifikati. Il-Kummissjoni tħeġġeġ in-networking tal-fornituri kollha tat-taħriġ tal-persunal tal-qorti nazzjonali u fil-livell tal-UE biex jaqsmu l-aħjar prattiki u jsaħħu l-offerti ta’ taħriġ nazzjonali.

L-avukati għandhom rwol vitali fl-implimentazzjoni prattika tal-liġi tal-UE f’ħafna proċedimenti legali, kemm nazzjonali kif ukoll transfruntiera, ċivili, tal-familja, amministrattivi jew kriminali. Huwa wkoll f’idejhom li jqajmu kwistjonijiet tal-liġi tal-UE f’sitwazzjonijiet legali speċifiċi. Jeħtieġu jkunu aġġornati dwar l-iżviluppi reċenti fl-acquis tal-UE. Għalhekk huwa essenzjali li wieħed jiffoka fuq it-taħriġ tal-avukati tal-prattika privata u fuq il-fornituri tat-taħriġ tagħhom.

In-nutara jgħinu biex jiżguraw l-effett tad-dritt tal-UE f’oqsma li huma rilevanti għall-individwi u n-negozji, bħas-suċċessjoni, il-medjazzjoni, l-insolvenza u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Jenħtieġ li dan jiġi rifless aħjar fil-kontenut tat-taħriġ filwaqt li jitħeġġeġ l-użu ta’ metodoloġiji interattivi, inkluż għat-tagħlim elettroniku.

Il-bailiffs huma involuti fl-infurzar transfruntier tad-deċiżjonijiet tal-qorti, pereżempju f’talbiet żgħar Ewropej u l-irkupru transfruntier tal-assi. Filwaqt li l-istatus professjonali u l-isfond tagħhom huma differenti, huma persunal tal-qorti f’madwar terz tal-Istati Membri. Jeħtieġu aktar taħriġ dwar il-liġi rilevanti tal-UE biex jiżguraw li japplikawha b’mod korrett fil-kompiti tagħhom ta’ kuljum.

It-titjib tat-taħriġ tal-professjonijiet l-oħra fil-liġi tal-UE

Fl-interfaċċja bejn din l-istrateġija u l-iskema Ewropea ta’ taħriġ fl-infurzar tal-liġi (LETS) 25 , kien utli li jiġu żviluppati u promossi materjali ta’ taħriġ komuni u sessjonijiet ta’ taħriġ konġunti għall-prosekuturi, l-imħallfin u l-investigaturi. F’dan il-kuntest, il-kooperazzjoni produttiva bejn l-EJTN u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) hija milqugħa u tista’ tiġi żviluppata aktar.

Il-persunal tal-ħabs u l-uffiċjali tal-probazzjoni huma udjenza fil-mira ġdida, peress li t-taħriġ tagħhom huwa kruċjali biex jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali matul id-detenzjoni (b’mod partikolari fil-kuntest ta’ mandati ta’ arrest Ewropej 26 ) u biex jiġi kkonsolidat ir-rwol ewlieni tagħhom fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet u biex jiġi żgurat is-suċċess tal-programmi ta’ riabilitazzjoni. Jeħtieġu wkoll li jkunu konxji tal-politiki tal-UE, b’mod partikolari dwar trasferimenti ta’ priġunieri, probation, sanzjonijiet alternattivi, superviżjoni, leġiżlazzjoni relatata mad-droga u kwistjonijiet oħra fil-ħabsijiet 27 .

Fl-aħħar nett, professjonisti oħra tal-ġustizzja bħal medjaturi 28 , esperti tal-qorti 29 , prattikanti fl-insolvenza 30 u interpreti/tradutturi legali 31 jeħtieġu dejjem aktar għarfien u kompetenza fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Jenħtieġ li l-kwalità tal-kontribut tagħhom għall-proċessi ġudizzjarji tissaħħaħ permezz ta’ taħriġ rilevanti fil-liġi tal-UE.

Azzjoni għall-partijiet interessati kollha:

Sal-2024, jenħtieġ li t-taħriġ kontinwu dwar il-liġi tal-UE kull sena jilħaq:

·65 % tal-imħallfin u l-prosekuturi;

·15 % tal-persunal tal-qorti u tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni li jeħtieġu kompetenza fil-liġi tal-UE;

·15 % tal-avukati 32 ;

·30 % tan-nutara;

·20 % tal-bailiffs.

Azzjoni għan-networks:

·EJTN — tistabbilixxi network tal-fornituri kollha tat-taħriġ tal-persunal tal-qorti biex jiskambjaw l-għarfien espert u l-aħjar prattiki 33 ;

·In-network Ewropew tal-Akkademji tat-Taħriġ Penitenzjarju (EPTA) — jestendi għall-Istati Membri kollha 34 , jimmappja l-ħtiġijiet ta’ taħriġ relatati mal-liġi tal-UE u jifformula rispons adegwat;

·Konfederazzjoni tal-Probation Ewropea (CEP) — ħidma ulterjuri fuq it-taħriġ.

5.Il-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ effettivi u ta’ kwalità għolja

L-għoti ta’ taħriġ ġudizzjarju mhuwiex għan fih innifsu. Huwa essenzjali wkoll li t-taħriġ ikun ta’ kwalità għolja biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu. Metodoloġija tajba hija essenzjali, mit-tfassil sal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni. Sabiex jirrispondu b’mod flessibbli għall-isfidi ta’ kuljum tal-prattikanti, il-fornituri tat-taħriġ iridu jimmonitorjaw b’mod kostanti l-ħtiġijiet tat-taħriġ mill-perspettiva kemm tal-partijiet interessati nazzjonali kif ukoll Ewropej.

Il-prattikanti tal-ġustizzja jeħtieġu esponiment għal forom differenti ta’ tagħlim: riflessiv, kunċettwali, esperimentali u konkrit. Jenħtieġ li t-taħriġ tagħhom jinkludi taħlita ta’ attivitajiet residenzjali wiċċ imb’wiċċ, għodod ta’ tagħlim elettroniku u taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Attivitajiet ta’ taħriġ wiċċ imb’ wiċċ (inkluż transfruntiera) huma essenzjali biex jiġu żviluppati l-ħiliet u l-attitudnijiet, u tinbena fiduċja reċiproka billi jkunu jistgħu jsiru diskussjonijiet ħielsa fi klima ta’ fiduċja u rispett. Jenħtieġ li dawn jerġgħu jibdew hekk kif is-sitwazzjoni sanitarja tippermetti dan. Jenħtieġ li t-taħriġ fil-livell tal-UE jgħin ukoll biex jiġu piloti approċċi ġodda, bħal formati ibridi (li jikkombinaw wiċċ imb’wiċċ u online) u taħriġ transprofessjonali wiċċ imb’wiċċ dwar suġġetti speċifiċi ta’ rilevanza.

Jenħtieġ li jintużaw għodod u formati ta’ taħriġ varjati u aċċessibbli, biex jadattaw għad-disponibbiltà u d-diversità tal-istudenti. Jenħtieġ li t-taħriġ jagħmel użu aħjar mit-teknoloġiji ġodda 35 biex jilħaq udjenza usa’ u jappoġġja l-kwalità tat-taħriġ. Din il-ħtieġa hija intensifikata mill-pandemija li għaddejja bħalissa u l-bidla minn attivitajiet wiċċ imb’wiċċ għal taħriġ online.

Jenħtieġ li t-tagħlim elettroniku tal-ogħla kwalità u l-aċċess għar-riżorsi elettroniċi dwar il-liġi tal-UE jsiru realtà għall-professjonisti kollha. Jenħtieġ li jikkomplementaw u jimmultiplikaw il-benefiċċji tal-attivitajiet wiċċ imb’ wiċċ b’għodod ta’ tagħlim aġġornati u awtonomi, sabiex isir l-aħjar użu possibbli tal-ġustizzja elettronika.

L-attivitajiet fil-livell nazzjonali ma jistax ikollhom l-istess impatt bħall-attivitajiet transfruntiera. L-iskambji transfruntiera ġenerali u speċjalizzati ta’ mħallfin, prosekuturi u presidenti tal-qrati jibqgħu prijorità. Huma jsaħħu l-kultura ġudizzjarja komuni Ewropea, jibnu l-fiduċja u jippromwovu l-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-UE. Jenħtieġ li l-iskambji jġibu valur miżjud tanġibbli għall-parteċipanti u jimmultiplikaw l-effetti fl-ambjent professjonali.

Jenħtieġ li t-taħriġ kollu juri li laħaq l-objettivi tiegħu. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tivvaluta l-kisba tal-għarfien u l-ħiliet, il-bidliet fl-attitudni u l-impatti fuq il-prestazzjoni professjonali, flimkien mal-livelli ta’ sodisfazzjon tal-apprendisti 36 .

Azzjoni għall-fornituri tat-taħriġ:

·Isegwi aktar mill-qrib ir-rakkomandazzjonijiet fil-Parir għall-fornituri tat-taħriġ 37 u l-Manwal tal-EJTN dwar il-metodoloġija tat-taħriġ ġudizzjarju fl-Ewropa 38 ;

·Jorganizzaw attivitajiet ta’ taħriġ transfruntiera kull sena għal mill-inqas 5% tal-imħallfin u l-prosekuturi kollha; tinkoraġġixxi parteċipanti ġodda biex jattendu;

·Joffru tagħlim elettroniku interattiv, prattiku u aċċessibbli għall-istudenti kollha li huwa mfassal preċiżament għall-objettivi tat-taħriġ;

·Jesploraw aktar il-potenzjal ta’ tekniki moderni bħal taħriġ wiċċ imb wiċċ virtwali u soluzzjonijiet ta’ realtà estiża;

·Jagħmlu aktar użu ta’ taħriġ elettroniku “kapsula” (qasir, aġġornat, iffukat b’mod strett) biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet immedjati tal-professjonisti tal-ġustizzja fil-kuntest ta’ każ konkret;

·Jiżguraw li l-ħarrieġa jkunu mħarrġa fl-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tal-metodoloġiji ta’ tagħlim elettroniku;

·Jevalwaw kull attività ta’ taħriġ abbażi tas-sodisfazzjon tal-parteċipanti, aktar kompetenza u, fejn rilevanti, l-impatt fuq il-prestazzjoni tagħhom.

Azzjonijiet għall-Kummissjoni:

·Fejn rilevanti, jużaw formola ta’ evalwazzjoni komuni fl-attivitajiet appoġġati mill-UE;

·Jinkorporaw “pjattaforma Ewropea ta’ taħriġ” fil-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika 39 bħala ċentru ċentrali ta’ informazzjoni dwar attivitajiet ta’ taħriġ għall-professjonisti tal-ġustizzja u punt ta’ aċċess uniku għal materjali ta’ awtostudju dwar il-liġi tal-UE.

6.It-tisħiħ tat-taħriġ ġudizzjarju għal prattikanti żgħażagħ

Jenħtieġ li professjonisti ġodda tal-ġustizzja jingħataw bażi fis-sistema legali u l-kultura legali tal-UE matul it-taħriġ inizjali tagħhom 40 . Jenħtieġ li dan jgħin biex jibnu l-fehim prattiku tagħhom tar-rwol tal-liġi tal-UE fis-sistemi legali nazzjonali, l-acquis tal-istat tad-dritt u r-rwol tagħhom bħala prattikanti tal-ġustizzja Ewropea. Fit-taħriġ inizjali (fejn jeżisti), jenħtieġ li għalhekk jingħata biżżejjed żmien għal taħriġ ta’ kwalità tajba fil-liġi tal-UE, id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt, “is-sengħa tal-imħallef” u l-ħiliet lingwistiċi. Jenħtieġ li t-taħriġ dwar l-elementi sistemiċi tal-liġi tal-UE 41 jkun standard.

Azzjoni għall-fornituri tat-taħriġ:

·Jiżguraw li kull kurrikulu ta’ taħriġ inizjali jinkludi moduli dwar il-liġi tal-UE, inkorporati fit-taħriġ fil-liġi nazzjonali u awtonomi fejn rilevanti;

·Jinkludu l-acquis tal-UE dwar l-istat tad-dritt u dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE kif ukoll “is-sengħa tal-imħallef” bħala komponenti standard tal-offerta ta’ taħriġ ġudizzjarju inizjali għal prattikanti ġodda;

·Jipprovdu għal kull imħallef u prosekutur futur jew ġdid biex jieħu sehem fi skambju transfruntiera matul it-taħriġ inizjali tagħhom;

·Jagħmlu l-iskambji AIAKOS tal-EJTN għal imħallfin u prosekuturi futuri u ġodda 42 bħala komponent standard tal-offerta ta’ taħriġ inizjali. Jenħtieġ li l-korpi nazzjonali tat-taħriġ ġudizzjarju jassistu fl-organizzazzjoni tagħhom;

·Jagħmlu l-korsijiet tal-lingwa legali komponent standard tal-offerta ta’ taħriġ inizjali.

7.It-tisħiħ tar-responsabbiltà kondiviża

Ir-responsabbiltà għat-taħriġ ġudizzjarju hija kondiviża bejn l-Istati Membri, il-fornituri tat-taħriġ, l-organizzazzjonijiet tal-professjonijiet ġudizzjarji nazzjonali u Ewropej, u l-UE. Huwa meħtieġ impenn akbar minn dawk kollha kkonċernati.

Il-partijiet interessati nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà primarja

Il-fornituri tat-taħriġ nazzjonali, il-ministeri tal-ġustizzja, il-kunsilli għall-ġudikatura u l-prosekuzzjoni, u l-awtoritajiet tal-professjonijiet regolati huma kollha atturi ewlenin fl-iżgurar li l-provvista ta’ taħriġ twieġeb għall-ħtiġijiet tal-prattikanti. Ir-riżorsi xierqa għandhom ikunu disponibbli, f’termini ta’ baġit, għall-persunal biex jorganizza t-taħriġ u l-ħin għall-professjonisti tal-ġustizzja biex ikunu jistgħu jattendu. L-istabbiliment ta’ kwoti obbligatorji għat-taħriġ jista’ jiżgura li dan jitqies bħala parti minn arranġamenti ta’ ħidma regolari. L-informazzjoni dwar l-għoti ta’ taħriġ fil-livell nazzjonali u tal-UE għandha tiġi mxerrda b’mod proattiv u l-parteċipazzjoni għandha tiġi appoġġjata.

Jenħtieġ li l-mexxejja u l-membri anzjani tal-professjonijiet tal-ġustizzja jkunu involuti fil-ħolqien ta’ kultura ta’ taħriġ ġenwina. Hemm bżonn ta’ bidla fl-attitudni biex il-korpi ta’ tagħlim tal-ġustizzja u dawk professjonali jsiru organizzazzjonijiet ta’ tagħlim, fejn it-taħriġ jitqies bħala investiment u mhux bħala distrazzjoni mix-xogħol ta’ kuljum.

Netwerks ta’ esperti tal-liġi tal-UE

Il-prattikanti tal-ġustizzja m’għandhomx għalfejn jifhmu d-dettalji kollha tal-liġi tal-UE, iżda għandhom jikkonformaw magħha meta jkun hemm bżonn. Jenħtieġ li jkunu jistgħu jserrħu fuq pari li jistgħu jipprovdu għarfien espert u assistenza dwar il-liġi tal-UE b’indipendenza ġudizzjarja sħiħa u jappartjenu għal network maħluq għal dan il-għan fil-livell nazzjonali. Dan huwa l-valur miżjud rikonoxxut tan-networks nazzjonali tal-koordinaturi tal-qrati tal-UE.

Ir-rwol uniku tan-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju

L-EJTN jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jikkoordina, permezz tal-membri tiegħu, attivitajiet ta’ taħriġ nazzjonali dwar il-liġi tal-UE u biex jiżviluppa taħriġ transfruntier għall-imħallfin u l-prosekuturi, inkluż skambji 43 . Id-disa’ “prinċipji ta’ taħriġ ġudizzjarju” 44 tagħha qed isiru referenza globali għal taħriġ ġudizzjarju tajjeb. Jeħtieġ finanzjament stabbli u xieraq.

L-atturi fil-livell tal-UE huma multiplikaturi essenzjali

L-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ERA) u l-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika (EIPA - il-Lussemburgu) jgħinu biex jikkonsolidaw l-għarfien dwar il-liġi tal-UE. Jenħtieġ li jagħtu spinta ulterjuri lill-għoti ta’ taħriġ tagħhom, jiżguraw il-kwalità tal-attivitajiet tagħhom u jippromwovu t-trasferibbiltà tar-riżultati tagħhom.

In-networks ta’ professjonisti tal-ġustizzja, bħall-Kunsill tal-Kmamar tal-Avukati u s-Soċjetajiet Legali tal-Ewropa (CCBE) għall-avukati, in-Nutara tal-Ewropa (CNUE) għan-nutara u l-Unjoni Ewropea tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (UEHJ) għall-bailiffs, għandhom ukoll rwol ewlieni fit-titjib tat-taħriġ dwar il-liġi tal-UE. Huma essenzjali għall-implimentazzjoni sħiħa ta’ din l-istrateġija, billi jiżguraw li l-materjali maħluqa jiġu adottati u użati mill-ġdid fost il-membri tagħhom u jippromwovu l-introduzzjoni nazzjonali ta’ attivitajiet ta’ taħriġ. Jenħtieġ li l-iskambju tal-esperjenza bejn il-fornituri tat-taħriġ minn Stati Membri differenti jippermettilhom jirriflettu dwar il-lakuni fil-forniment tat-taħriġ tagħhom, jinnovaw u jibnu fuq prattiki tajbin b’riżultati ppruvati.

In-networks Ewropej ta’ professjonisti tal-ġustizzja li jiffukaw fuq oqsma individwali tal-liġi tal-UE għandhom ukoll rwol importanti bħala multiplikaturi.

L-appoġġ tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni se tappoġġa proġetti ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja b’dimensjoni Ewropea, permezz tal-programm Ġustizzja u skemi ta’ finanzjament rilevanti oħra 45 . Se tappoġġa t-taħriġ għall-multiplikaturi, inklużi l-ħarrieġa, u trawwem konsorzji transfruntiera ta’ fornituri tat-taħriġ. Hija se tippromwovi aktar il-ħidma tan-networks involuti fil-qasam, tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni tagħhom permezz ta’ konferenzi u tagħti spinta lill-użu ta’ teknoloġiji moderni u l-portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.

Il-Kummissjoni se tappoġġa proġetti li jindirizzaw oqsma ta’ prijorità tal-UE, tittestja ideat ġodda u twieġeb għal ħtiġijiet speċifiċi ad hoc. Hija se tagħti attenzjoni mill-qrib lill-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ u s-sostennibbiltà tar-riżultati. Dan se jirrikjedi li l-fornituri li jibbenefikaw mill-kofinanzjament tal-UE jagħmlu aktar biex jiżguraw id-durabbiltà tat-taħriġ u riżultati oħra. Se tuża l-mezzi kollha skont ir-Regolament Finanzjarju biex tissimplifika l-aċċess għall-finanzjament tal-UE, inklużi l-proċessi ta’ ġestjoni tal-applikazzjonijiet u tal-għotjiet 46 .

L-immirar tal-professjonisti tal-ġustizzja lil hinn mill-UE

It-taħriġ ġudizzjarju Ewropew jiffoka fuq il-professjonisti tal-ġustizzja tal-UE. Madankollu, matul is-snin, il-kooperazzjoni ġiet estiża għall-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali għas-sħubija fl-UE u għal pajjiżi oħra li kienu esprimew interess li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kultura ġudizzjarja tal-UE 47 , sabiex itejbu l-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom. B’mod partikolari, it-taħriġ dwar l-acquis tal-istat tad-dritt huwa meħtieġ fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali 48 , peress li dawn iridu jipprijoritizzaw il-ħidma għall-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali biex jippreparaw għall-adeżjoni mal-UE 49 .

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi b’mod partikolari l-parteċipazzjoni ta’ professjonisti tal-ġustizzja mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent f’taħriġ ġudizzjarju transfruntier. L-appoġġ tal-UE fir-reġjun għandu l-għan li jiżgura l-koerenza u s-sostenibbiltà, u li jindirizza l-isfidi abbażi ta’ valutazzjoni tajba tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ u approċċ orjentat lejn il-problemi (aktar milli xprunat mid-donaturi). Jenħtieġ li l-kooperazzjoni strutturali tal-fornituri tat-taħriġ ġudizzjarju tal-Balkani tal-Punent tissaħħaħ aktar, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll mal-UE. Fejn rilevanti, jenħtieġ li dan jinkludi l-konsolidazzjoni tar-rwol tal-EJTN, li huwa ċentru ta’ għarfien espert u jista’ jappoġġa l-bini tal-kapaċità u t-titjib metodoloġiku.

Aktar sinerġiji jistgħu jiġu mfittxija ma’ inizjattivi ta’ taħriġ ġudizzjarju ffinanzjati mill-UE f’pajjiżi oħra li mhumiex fl-UE, b’mod partikolari fl-Afrika u l-Amerika Latina, bħala kontribut għat-tisħiħ tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt 50 .

Sostenibbiltà

Id-disseminazzjoni, l-implimentazzjoni, l-użu mill-ġdid, l-aġġornament u l-adattament għall-kuntest nazzjonali ta’ moduli ta’ taħriġ, pakketti u pubblikazzjonijiet bħal manwali u linji gwida, kif prodotti bl-appoġġ tal-fondi tal-UE 51 u kondiviżi mill-fornituri tat-taħriġ fil-livell nazzjonali u tal-UE, se jiġu mħeġġa bil-qawwa, kif ukoll it-taħriġ immirat għall-multiplikaturi, bħal min iħarreġ.

Monitoraġġ

Il-Kummissjoni se tkompli tirrapporta dwar il-progress fit-taħriġ fil-liġi tal-UE għall-professjonisti tal-ġustizzja. Dan se jirrifletti mal-partijiet ikkonċernati dwar kif jistgħu jittejbu l-ġbir u l-analiżi tad-data.



Rakkomandazzjonijiet:

·L-Istati Membri kollha — jistabbilixxu network nazzjonali ta’ koordinaturi tal-liġi tal-UE għall-imħallfin u l-prosekuturi; jippromwovu l-kooperazzjoni transfruntiera bejn dawn in-networks;

·Professjonijiet oħra tal-ġustizzja — joħolqu pożizzjonijiet simili biex jappoġġaw it-tagħlim bejn il-pari fuq il-post tax-xogħol.

Azzjoni għall-partijiet interessati:

·EJTN — jipprovdi taħriġ ta’ kwalità, inkluż tagħlim elettroniku, għall-imħallfin u l-prosekuturi, jaqdi l-ħtiġijiet tal-persunal tal-qorti u jżid l-effett multiplikatur tar-riżultati fil-livell tal-UE billi jagħti spinta lid-dispożizzjoni dwar it-taħriġ tal-membri tiegħu dwar il-liġi tal-UE;

·Netwerks fil-livell tal-UE, fornituri tat-taħriġ u organizzazzjonijiet għall-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja — ikomplu jippromwovu, jikkoordinaw u/jew jorganizzaw attivitajiet ta’ taħriġ transfruntier, inklużi dawk interattivi online, filwaqt li jimmultiplikaw l-effetti tat-taħriġ.

Azzjoni għall-Kummissjoni:

·Tappoġġa l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati biex jgħinu fil-kisba tal-għanijiet ta’ din l-istrateġija;

·Tagħti appoġġ finanzjarju mill-UE lil proġetti ta’ kwalità għolja li jindirizzaw ħtiġijiet konkreti ta’ taħriġ b’mod sostenibbli, u lill-EJTN permezz tal-programm Ġustizzja;

·F’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ imtejba.

8.Konklużjoni

Din l-istrateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju 2021-2024 tistabbilixxi l-qafas għal sett ambizzjuż ta’ azzjonijiet ewlenin biex tingħata spinta lill-applikazzjoni korretta u effettiva tal-liġi tal-UE. Għandha l-għan li tikkonsolida kultura ġudizzjarja Ewropea komuni bbażata fuq l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-fiduċja reċiproka.

Sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija, il-Kummissjoni tappella lill-partijiet interessati kollha — il-ministeri tal-ġustizzja, il-kunsilli għall-ġudikatura u l-prosekuzzjoni, il-bordijiet tal-professjonijiet awtoregolati, l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-professjonisti tal-ġustizzja, il-fornituri tat-taħriġ nazzjonali u fil-livell tal-UE, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE — biex jimpenjaw ruħhom li jilħqu l-objettivi kwantitattivi u kwalitattivi tagħha.

Il-Kummissjoni se timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-istrateġija u taħdem mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex tiżgura l-appoġġ politiku meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet.

(1)

     L-Artikolu 81(2)(h) u 82(1)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

(2)

     COM(2011) 551 finali.

(3)

     Taħriġ ġudizzjarju fl-Istati Membri tal-UE, studju tal-Parlament Ewropew (IPOL-JURI-ET(2011)453.198).

(4)

     Evalwazzjoni tal-istrateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju 2011-2020, dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni (SWD (2019) 380).

(5)

     Rapporti mid-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni.

(6)

      https://ec.europa.eu/info/consultations/training-justice-professionals-eu-law-evaluation_en

(7)

     Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, Tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni: pjan ta’ azzjoni (COM(2019)343 final) u r-rapport tal-2020 dwar l-istat tad-dritt: is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea (COM(2020) 580 final).

(8)

     Ara r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-ġurisprudenza reċenti tal-QĠUE, eż. is-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights, il-Kawżi Magħquda C-293/12 u C-594/12; sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige, C-203/15.

(9)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Strateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE COMCOM(2020) 711 final).

(10)

     F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Ġustizzja fl-UE (COM( 2020) 710 final).

(11)

     Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aċċess għall-ġustizzja — naħtfu l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni (2020/C 342 I/01).

(12)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) (COM (2020) 258 final).

(13)

     Strateġija futura tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (li għandha tiġi adottata fl-2021).

(14)

     Ara l-gwida tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Ġuristi dwar L-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja għall-vjolenza sessista: http://www.icj.org/wp-content/uploads/2016/03/Universal-Womens-accesss-to-justice-Publications-Practitioners-Guide-Series-2016-ENG.pdf

(15)

     Taħriġ professjonali tul il-ħajja.

(16)

     Dan jinkludi taħriġ dwar il-mekkaniżmi uniċi ta’ kooperazzjoni fl-infurzar, eż. skont ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) (ir-Regolament (UE) 2017/2394).

(17)

     eż. negozjanti diżonesti li jirrikorru għal prattiki kummerċjali inġusti, kanċellazzjonijiet massivi ta’ titjiriet mingħajr ma jiġu onorati d-drittijiet ta’ rimborż tal-konsumaturi.

(18)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku, COM (2020) 94 final.

(19)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Protezzjoni tal-investiment intra-UE (COM (2018) 547 final).

(20)

     eż. attakki ċibernetiċi fil-qasam tas-saħħa, kummerċ fi prodotti mediċinali ffalsifikati, frodi li jinvolvu rkaptu protettiv jew testijiet COVID 19, u r-rimi illegali tal-iskart sanitarju.

(21)

      https://www.cepol.europa.eu/media/news/cepol-issues-fast-track-needs-analysis-impact-covid-19-law-enforcement-training

(22)

     jiġifieri s-sett ta’ ħiliet u attitudnijiet li wieħed ikun imħallef.

(23)

     Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna u r-rapport tal-2020 ; https://ec.europa.eu/info/law/cross-border-cases/training-legal-practitioners-and-training-practices_mt .

(24)

     Il-ġurisdizzjonijiet kollha huma kkonċernati, inklużi dawk amministrattivi.

(25)

     Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2013) 172):

(26)

     Ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2016, PPU Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, PPU ML, C-220/18 u s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C-128/18.

(27)

     Aġenda tal-UE 2021–2025 u pjan ta’ azzjoni dwar id-drogi (COM(2020) 606).

(28)

     Id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136, 24.5.2008, p. 3).

(29)

     Konklużjonijiet tal-Kunsill u pjan ta’ azzjoni dwar it-triq ’il quddiem fid-dawl tal-ħolqien ta’ żona Ewropea tax-xjenza forensika (10128/16).

(30)

     Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19) u d-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri biex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza) (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18 ).

(31)

     Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

(32)

     Diffikultajiet fil-ġbir tad-data se jitqiesu fil-monitoraġġ tat-taħriġ tal-avukati.

(33)

     Il-Kummissjoni tilqa’ d-deċiżjoni tal-EJTN li jestendi l-udjenza fil-mira tiegħu għall-persunal tal-qorti u tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni.

(34)

     Il-membri attwali tal-UE: L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Estonja, Spanja, il-Finlandja, Franza, il-Kroazja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Iżvezja.

(35)

     eż. taħriġ virtwali wiċċ imb’ wiċċ: klassi virtwali interattiva; realtà virtwali: ambjent ta’ taħriġ virtwali aċċessat b’apparat diġitali; realtà awmentata: ambjent fid-dinja reali msaħħaħ permezz ta’ informazzjoni perċettwali ġġenerata mill-kompjuter; realtà mħallta: elementi virtwali miżjuda mar-realtà.

(36)

     Ara l-Linji Gwida tal-EJTN għall-evalwazzjoni ta’ prattiki ta’ taħriġ ġudizzjarju; https://bit.ly/2UDmqtX

(37)

      https://e-justice.europa.eu/fileDownload.do?id=9f252d82-8ef4-4f6e-b562-372f9fa50096

(38)

      http://www.ejtn.eu/Methodologies--Resources/Training-Methods

(39)

      https://e-justice.europa.eu/content_european_training_platform-37158-en.do

(40)

     Taħriġ għal prattikanti futuri jew li għadhom kif inħatru.

(41)

     Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE u r-rimedji legali, ir-rwol tal-QĠUE, kif taħdem il-kooperazzjoni ġudizzjarja, fejn issib l-informazzjoni u l-forom rilevanti, eċċ.

(42)

     Il-programm AIAKOS jiġbor flimkien imħallfin futuri jew ġodda minn Stati Membri differenti f’istituzzjoni ta’ taħriġ ġudizzjarju jew fil-qrati/uffiċċji ta’ prosekuzzjoni, biex irawwem fehim reċiproku ta’ kulturi u sistemi ġudizzjarji Ewropej differenti u jżid l-għarfien tagħhom tad-dimensjoni Ewropea tax-xogħol (futur) tagħhom.

(43)

     Konklużjonijiet tal-Kunsill, Taħriġ tal-ġuristi: għodda essenzjali biex jiġi kkonsolidat l-acquis tal-UE (2014/C 443/04).

(44)

      http://www.ejtn.eu/PageFiles/15756/Judicial%20Training%20Principles_EN.pdf  

(45)

Dawn jinkludu proposti tal-Kummissjoni għal Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxu l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +) (COM (2018) 382), “Erasmus”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport (COM(2018) 367), il-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri (2021 sa 2027) (COM(2018) 383), Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) (COM(2018) 385), il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi (COM(2018) 386) u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (COM(2018) 465).

(46)

     Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna (paġna 44).

(47)

     Komunikazzjoni Konġunta, Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (JOIN(2015) 50 final); Il-politika tas-sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-tisħiħ tar-reżiljenza — sħubija tal-Lvant li tagħti riżultati għal kulħadd (JOIN(2020) 7 final).

(48)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, It-tisħiħ tal-proċess ta’ adeżjoni — perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent (COM(2020) 57 final).

(49)

     Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tkabbir u l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni (7002/20).

(50)

     Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika (JOIN(2020) 4 final); L-Amerka Latina u l-Karibew: ningħaqdu flimkien għal futur komuni (JOIN(2019) 6 final).

(51)

     eż. Gwida ta’ taħriġ dwar l-istat tad-dritt għall-imħallfin u l-prosekuturi ( http://www.ejtn.eu/PageFiles/16144/2019-056-Training%20guide-v5_FINAL.pdf ); L-Istat tad-dritt fl-Ewropa — perspettivi mill-prattikanti u l-akkademiċi ( http://www.ejtn.eu/PageFiles/16144/2019-056-RoL%20Manual-170x240-WEB_FINAL.pdf ), il-pakkett ta’ taħriġ tal-UE dwar il-liġi ambjentali ( https://ec.europa.eu/environment/legal/law/training_package.htm ).

Top