IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.10.2020
COM(2020) 635 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
L-istat tal-konservazzjoni tan-natura fl-Unjoni Ewropea
Rapport dwar l-istatus tal-konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats protetti mid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u x-xejriet osservati tul il-perjodu 2013-2018
1.Introduzzjoni
Id-Direttivi tal-UE dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats (id-“direttivi dwar in-natura”), li huma l-bażi tan-netwerk Natura 2000 ta’ żoni protetti, jiffurmaw il-pedament tal-politika tal-UE għall-bijodiversità. Huma jfittxu li jiżguraw il-konservazzjoni tal-ispeċijiet u tat-tipi ta’ ħabitats ta’ importanza għall-UE, li jipproteġu l-għasafar selvaġġi kollha (aktar minn 460 speċi), il-ħabitats rappreżentattivi u mhedda (233 tip, minn qigħan tal-ħaxix tal-baħar sal-bwar alpini) u kważi 1 400 speċi addizzjonali, minn pjanti żgħar għal mammiferi, inkluż ħafna speċijiet ikoniċi ta’ fawna selvaġġa. Huma jeħtieġu li l-Istati Membri jżommu u jirrestawraw l-istatus ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ dawn l-ispeċijiet u l-ħabitats.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tkejjel il-progress lejn il-miri tad-direttivi dwar in-natura, l-Istati Membri huma meħtieġa jibagħtu rapport lill-Kummissjoni, kull 6 snin, kif meħtieġ skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, b’mod partikolari dwar l-istatus ta’ konservazzjoni u x-xejriet tal-ħabitats u l-ispeċijiet li huma jipproteġu. Dan ir-rapport kompost, it-tielet valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-UE skont id-direttivi, huwa r-riżultat tal-akbar u tal-aktar eżerċizzju estensiv ta’ ġbir ta’ data u rapportar imwettaq dwar l-istat tan-natura fl-Ewropa. Huwa jiddokumenta l-istatus u x-xejriet ta’ ħabitats u speċijiet mill-2013-2018, kif irrapportat mit-28 Stat Membru, u jipprovdi ħarsa ġenerali aġġornata tas-saħħa tan-natura tal-UE. Dan jivvaluta l-bidliet matul iż-żmien, il-pressjonijiet ewlenin u l-kontribut tan-netwerk Natura 2000 għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats protetti. L-analiżi hija sostnuta minn valutazzjoni teknika dettaljata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
2.L-istatus u x-xejriet tal-ħabitats u l-ispeċijiet fl-UE
L-Istati Membri jippreżentaw data f’format armonizzat, sabiex tkun tista’ tiddaħħal f’bażijiet ta’ data użati għal valutazzjonijiet aggregati fil-livell tal-UE mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
Għall-għasafar, il-valutazzjoni ssir fil-livell tal-UE. L-ispeċijiet u t-tipi ta’ ħabitats protetti koperti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats huma vvalutati fil-livell ta’ disa’ reġjuni “bijoġeografiċi” terrestri u ta’ ħames reġjuni tal-baħar. Għal komunikazzjoni ċara u konsistenti, ir-riżultati jiġu ppreżentati bl-użu ta’ kodiċi tal-kuluri tad-dwal tat-traffiku (aħdar-oranġjo-aħmar), li jindikaw status “tajjeb”, “batut” u “ħażin”. L-istatistika kollha dwar l-istatus u x-xejriet ġenerali hija bbażata fuq in-numru ta’ valutazzjonijiet fil-livell tal-UE għall-ħabitats u l-ispeċijiet waħdanin.
Filwaqt li din l-aggregazzjoni tad-data nazzjonali tar-rapportar hija meħtieġa għall-valutazzjonijiet fil-livell tal-UE u r-reġjuni bijoġeografiċi, tista’ taħbi żviluppi pożittivi f’livelli (jiġifieri lokali, reġjonali jew nazzjonali) aktar baxxi.
2.1 Għasafar
Id-Direttiva dwar l-Għasafar tipproteġi l-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi kollha li jinsabu b'mod naturali fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri (aktar minn 460 speċi). Fl-Anness I tagħha, hija telenka 197 (sub)speċi li jeħtieġu miżuri speċjali ta’ konservazzjoni tal-ħabitat, inkluża d-deżinjazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS). L-Anness II jelenka 86 (sub)speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Għasafar — status tal-popolazzjoni fil-livell tal-UE
Illustrazzjoni 1: Status tal-popolazzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar fl-UE
|
|
Nota: L-għadd totali tal-valutazzjonijiet huwa 463 (valutazzjoni waħda għal kull speċi).
|
Il-valutazzjoni fil-livell tal-UE tindika li 47 % tal-ispeċijiet kollha tal-għasafar għandhom status tal-popolazzjoni tajjeb, 5 punti perċentwali (pp) inqas minn 52 % fl-2015. Il-proporzjon tal-ispeċijiet bi status baxx u ħażin żdied minn 32 % għal 39 %, filwaqt li l-istatus ta’ 14 % għadu mhux magħruf (meta mqabbel ma’ 16 % fl-2015) minħabba nuqqas ta’ data affidabbli.
Għasafar — xejriet tal-popolazzjoni fil-livell tal-UE
Illustrazzjoni 2a: Xejriet tal-popolazzjoni tal-għasafar tat-tnissil fil-livell tal-UE (12-il sena) għal perjodu ta’ żmien qasir
|
Illustrazzjoni 2b: Xejriet tal-popolazzjoni tal-għasafar tat-tnissil fil-livell tal-UE (38 sena) għal perjodu ta’ żmien twil
|
|
Nota: Statistika bbażata fuq 465 xejra għal perjodu ta’ żmien qasir u fuq 467 xejra għal perjodu ta’ żmien twil tal-popolazzjoni tat-tnissil tal-UE. Tinkludi xejriet għal numru limitat ta’ subspeċijiet u popolazzjonijiet bijoġeografiċi.
|
L-Istati Membri rrapportaw ix-xejriet tal-popolazzjoni kemm għall-popolazzjonijiet tal-għasafar tat-tnissil kif ukoll għal dawk li jistkennu fix-xitwa għal perjodu ta’ żmien qasir u twil, jiġifieri għal dawn l-aħħar 12-il sena (2007–2018) u għal dawn l-aħħar 38 sena (1980–2018).
Id-data tindika li:
·kważi terz (30 %) tal-ispeċijiet kollha tal-għasafar tat-tnissil ivvalutati qegħdin fuq xejra ’l isfel għal perjodu ta’ żmien qasir (l-istess perċentwal bħal fl-2015);
·ix-xejriet tat-tnissil għal perjodu ta’ żmien qasir juru 5 % inqas speċijiet b’popolazzjonijiet li qed jiżdiedu meta mqabbla mal-2015 u żieda ta’ 7 % fl-ispeċijiet b’xejriet stabbli jew li jvarjaw; il-valutazzjonijiet “mhux magħrufa” naqsu bi 2 %;
·ix-xejriet tat-tnissil fuq perjodu ta’ żmien kemxejn itwal qegħdin pjuttost jonqsu milli jiżdiedu (fl-2008–2012 ġara l-oppost); madankollu, il-proporzjon ta’ xejriet tat-tnissil “mhux magħrufa” għal perjodu ta’ żmien twil naqas b’10 pp, minn 30 % għal 20 %; u
·għall-91 xejra tal-popolazzjoni li tistkenn fix-xitwa, is-sitwazzjoni għal perjodu ta’ żmien qasir hija simili għal dik tal-2015 (45 % qed jiżdiedu, 29 % qed jonqsu); 54 % tax-xejriet għal perjodu ta’ żmien twil qed jiżdiedu u 13 % qed jonqsu (il-proporzjon tal-ewwel waħda għalhekk naqas b’ 9 pp, filwaqt li tal-aħħar waħda baqa’ kważi l-istess).
Status u xejriet tal-għasafar skont l-elenkar tagħhom fid-Direttiva dwar l-Għasafar
Illustrazzjoni 3a: L-istatus tal-popolazzjoni tal-UE tal-għasafar tal-Anness I u II, dawk li mhumiex tal-Anness I/II u l-ispeċijiet tal-għasafar kollha
|
Illustrazzjoni 3b: Ix-xejriet tal-popolazzjoni tat-tnissil għal perjodu ta’ żmien qasir tal-UE għall-ispeċijiet tal-għasafar tal-Anness I u II, dawk li mhumiex tal-Anness I/II u għall-ispeċijiet tal-għasafar kollha
|
|
|
Nota: In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 505.
|
Nota: In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 465.
|
L-analiżi tal-istatus u tax-xejriet tal-ispeċijiet fl-Annessi I u II tad-Direttiva dwar l-Għasafar tindika li:
·il-proporzjon tal-ispeċijiet tal-Anness I bi status sigur naqas bi 8 pp (minn 48 % għal 40 %) mill-2015, filwaqt li l-proporzjon ta’ dawk bi status batut u ħażin żdied b’6 pp (minn 38 % għal 44 %). Dan jissuġġerixxi li l-istatus ta’ bosta speċijiet tal-Anness I iddeterjora, minkejja l-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali tal-ħabitats meħtieġa skont id-Direttiva. Il-fatt li l-istatus ta’ 16 % tal-ispeċijiet tal-Anness I għadu mhux magħruf huwa sors ta’ tħassib partikolari u jenfasizza l-ħtieġa għal sistemi ta’ monitoraġġ imtejba għal dawn l-ispeċijiet fl-Istati Membri;
·il-proporzjon tal-ispeċijiet tal-Anness II (li jistgħu jiġu kkaċċjati) bi status tajjeb kien ta’ 9 pp inqas (tnaqqis minn 55 % għal 46 %) milli kien fl-2015, filwaqt li l-proporzjon bi status batut u ħażin żdied b’9 pp (minn 39 % għal 48 %); u
·fir-rigward tax-xejriet tal-popolazzjoni għal perjodu ta’ żmien qasir għall-għasafar tat-tnissil, l-ispeċijiet tal-Anness II juru bil-bosta l-ogħla rata ta’ xejriet ’l isfel – madwar 46 %, jiġifieri d-doppju tal-proporzjon għall-ispeċijiet tal-Anness I (23 %).
2.2 It-tipi ta’ ħabitats
Mill-233 tip ta’ ħabitat elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 224 huma terrestri u disgħa huma purament marittimi. Iż-żona rrappurtata għal dawn tal-ewwel tammonta għal kważi terz taż-żona terrestri tal-EU-28, ekwivalenti għal 1.3 miljun km2. Iż-żona għal dawn tal-aħħar tkopri 0.4 miljun km2 tal-ilmijiet tal-UE.
Il-firxa tal-ħabitats hija wiesgħa ħafna. Xi wħud ikopru żoni kbar, filwaqt li oħrajn iseħħu biss f’irqajja’ żgħar ħafna. It-tipi ta’ ħabitats forestali huma l-aktar grupp numeruż fl-Anness I (35 % tat-tipi kollha), segwiti mill-bwar naturali u seminaturali (14 %). Gruppi bħax-xagħri u l-arbuxxelli ta' żoni temperati, l-arbuxxell sclerophyllous, il-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra, u l-ħabitats fil-blat, kull wieħed jikkostitwixxi biss madwar 5 % tat-tipi ta’ ħabitats elenkati.
L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats
Illustrazzjoni 4a: L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats fil-livell tal-UE
|
Illustrazzjoni 4b: L-istatus ta’ konservazzjoni għal kull grupp ta’ ħabitats fil-livell tal-UE
|
|
|
|
Nota: Statistika bbażata fuq in-numru ta’ valutazzjonijiet tal-ħabitats tal-UE (818).
|
Nota: In-numru tal-valutazzjonijiet għal kull grupp huma indikati fil-parentesi. Il-ħabitats tal-baħar jagħmlu parti mill-grupp ta’ “ħabitats kostali”. In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 818.
|
L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats ma tjiebx matul il-perjodu ta’ rapportar. 15 % biss mill-valutazzjonijiet tal-ħabitats juru status ta’ konservazzjoni tajjeb, meta mqabbla ma’ 16 % fl-2015. Il-maġġoranza vasta tindika status mhux favorevoli (45 % batut u 36 % ħażin, meta mqabbel ma’ 47 % u 30 % fl-2015). Filwaqt li l-livell ta’ valutazzjonijiet ta' status batut naqas b’2 pp u l-livell ta’ dawk li huma ħżiena żdied b’6 pp, ħafna mill-bidliet ma jirriflettux id-deterjorament reali fil-prattika, iżda t-titjib fil-metodi tal-valutazzjoni fil-livell tal-UE jew tal-Istati Membri.
Mid-disa’ gruppi ta’ ħabitats irrappurtati, il-ħabitats kostali (li jinkludu t-tipi ta’ ħabitats tal-baħar) għandhom l-inqas proporzjon ta’ valutazzjonijiet ta’ “status tajjeb”. L-għarmiet tar-ramel, il-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra huma vvalutati l-aktar ta’ spiss bħala li għandhom status ħażin (aktar minn 50 %). Il-bwar, li jinkludu xi ħabitats li huma rikki ħafna fl-ispeċijiet, huma wkoll fost dawk bl-ogħla proporzjon ta’ valutazzjonijiet ta’ “status ħażin” (49 %). Il-bwar li jeħtieġu ġestjoni attiva huma fi stat partikolarment ħażin.
Il-lakuni fl-għarfien għad-disa’ ħabitats tal-baħar għadhom joħolqu problema. L-istatus ta’ konservazzjoni ta’ madwar 26 % tal-ħabitats tal-baħar tal-Istati Membri għadu mhux magħruf (meta mqabbel ma’ 4 % għall-ħabitats terrestri).
Xejriet fl-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats
Illustrazzjoni 5a: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats bi status mhux favorevoli (jiġifieri mhux tajjeb) jew mhux magħruf fil-livell tal-UE
|
Illustrazzjoni 5b: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats bi status mhux favorevoli (jiġifieri mhux tajjeb) jew mhux magħruf għal kull grupp tal-ħabitats fil-livell tal-UE
|
|
|
|
Nota: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni huma bbażati fuq il-valutazzjonijiet tal-ħabitats tal-UE (698).
|
Nota: In-numru tal-valutazzjonijiet huwa indikat fil-parentesi. In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 698.
|
L-istatus ta’ 81 % tal-ħabitats elenkati huwa vvalutat bħala wieħed “batut” jew “ħażin” fil-livell tal-UE. Minn dawn, 9 % biss juru xejriet li qed jitjiebu, filwaqt li 36 % juru deterjorament kontinwu. Ix-xejriet għall-agħar huma osservati f’tal-anqas 25 % tal-valutazzjonijiet kollha fost il-gruppi tal-ħabitats, ħlief għall-ħabitats bil-blat (15 %). Il-ħabitats tal-pantani, tal-fangazzi u tal-moxi mgħaddra, tal-bwar u tal-għarmiet tar-ramel għandhom l-ogħla proporzjon ta’ xejriet għall-agħar (aktar minn 50 % għal kull grupp). Għall-ħabitats tal-bwar, l-iktar il-mergħat tal-ħuxlief, il-mergħat ta’ Molinia u diversi tipi ta’ bwar seminaturali xotti juru xejra ta’ status ta’ konservazzjoni li sejjer għall-agħar, u dan juri biċ-ċar id-dipendenza tagħhom fuq prattiki agrikoli estensivi li għadhom qegħdin jonqsu madwar l-UE. Il-ħabitats forestali juru l-ogħla proporzjon ta’ titjib fix-xejriet fost il-valutazzjonijiet (13 %).
2.3 Speċijiet minbarra l-għasafar
L-Annessi II, IV u V tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jelenkaw 1 389 speċi ta’ interess Ewropew. F’xi gruppi tassonomiċi akbar bħal molluski, artropodi u pjanti vaskulari, il-proporzjon tal-ispeċijiet koperti bl-annessi huwa baxx ħafna. Il-gruppi irrappreżentati bl-aħjar mod huma l-vertebrati, b’85 % ta’ anfibji, 70 % ta’ rettili, 64 % ta’ mammiferi u 39 % tal-ispeċijiet ta’ ħut tal-ilma ħelu elenkati. Ħafna mill-ispeċijiet li mhumiex elenkati, inklużi ħafna mill-ispeċijiet li huma aktar komuni, jibbenefikaw minn miżuri skont id-Direttiva, inkluż il-protezzjoni tat-tipi ta’ ħabitat tal-Anness I.
L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċi
Illustrazzjoni 6a: L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet fil-livell tal-UE
|
Illustrazzjoni 6b: L-istatus ta’ konservazzjoni għal kull grupp tal-ispeċijiet fil-livell tal-UE
|
|
|
|
Nota: Statistika bbażata fuq in-numru ta’ valutazzjonijiet tal-ispeċijiet tal-UE (2 825).
|
Nota: In-numru tal-valutazzjonijiet għal kull grupp huma indikati fil-parentesi. In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 2 825.
|
Aktar minn kwart (27 %) tal-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet jindikaw status tajjeb ta’ konservazzjoni, meta mqabbla ma’ 23 % fl-2015. 63 % juru status dgħajjef jew ħażin, li huwa simili għaċ-ċifra tal-2015 (60 %). In-numru ta’ valutazzjonijiet “mhux magħrufa” naqas mill-aħħar perjodu ta’ rapportar (minn 17 % għal 10 %), iżda jibqa’ ferm ogħla milli għall-ħabitats (4 %). Fil-livell tal-Istati Membri, l-istatus tal-maġġoranza tal-ispeċijiet tal-baħar (59 %) mhuwiex magħruf, meta mqabbel ma’ 8 % biss tal-ispeċijiet terrestri, u dan jissuġġerixxi li m’hemmx biżżejjed riżorsi allokati għall-monitoraġġ tagħhom.
Il-gruppi tal-ispeċijiet bl-ogħla proporzjon bi status tajjeb fil-livell tal-UE huma r-rettili u l-pjanti vaskulari (36 % u 40 % rispettivament). Madwar 30 % tal-ispeċijiet ta’ molluski u speċijiet ta’ ħut irċevew valutazzjoni ta’ “status ħażin”.
Xejriet fl-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet
Illustrazzjoni 7a: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet bi status mhux favorevoli (jiġifieri mhux tajjeb) jew bi status mhux magħruf fil-livell tal-UE
|
Illustrazzjoni 7b: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet bi status mhux favorevoli (jiġifieri mhux tajjeb) jew bi status mhux magħruf fil-livell tal-UE, għal kull grupp
|
|
|
|
Nota: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni huma bbażati fuq il-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet tal-UE (2 049).
|
Nota: In-numru tal-valutazzjonijiet huwa indikat fil-parentesi. In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 2 049.
|
Mill-2 049 speċi li ġew ivvalutati bħala li għandhom status ta’ konservazzjoni batut jew ħażin fil-livell tal-UE, 35 % huma fuq xejra ’l isfel u 6 % fuq xejra ’l fuq. Għal 31 % oħra, ix-xejra mhijiex magħrufa. Għajr għal mammiferi, ħut u pjanti mhux vaskulari (10 %, 9 % u 6 % rispettivament), il-proporzjon tal-ispeċijiet ivvalutati bħala li għandhom status batut jew ħażin, iżda b’xejriet ta’ titjib, jibqa’ taħt il-5 %. Filwaqt li l-ħut juri xejriet aktar ’l fuq minn gruppi tal-ispeċijiet oħra, dawn juru wkoll (flimkien mal-anfibji) l-ogħla proporzjon ta’ xejriet għall-agħar (qrib il-50 %). Ġew irrappurtati xejriet qawwija ’l isfel għal gruppi tal-ispeċijiet oħra, eż. speċjalisti tal-ħabitats tal-bur bħall-farfett marsh fritillary (Euphydryas aurinia) u x-xewk Jurinea cyanoides.
3.Evoluzzjoni fl-istatus u x-xejriet
3.1 Il-progress lejn il-mira 1 tal-istrateġija għall-bijodiversità għall-2020
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri għal din il-valutazzjoni, aħna ddeterminajna sa liema punt intlaħqet il-mira 1 tal-istrateġija tal-bijodiversità għall-2020. Il-mira kienet li jitwaqqaf id-deterjorament fl-istatus tal-ispeċijiet u l-ħabitats kollha koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura u li jinkiseb titjib sinifikanti u li jista’ jitkejjel tal-istatus tagħhom sabiex, sal-2020, (imqabbel mal-valutazzjonijiet tal-2010) ikun hemm:
Ø100 % aktar valutazzjonijiet tal-ħabitats bi status ta’ konservazzjoni favorevoli jew li qed jitjieb (jiġifieri 34 % tat-total);
Ø50 % aktar valutazzjonijiet tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats bi status ta’ konservazzjoni favorevoli jew li qed jitjieb (35 %); u
Ø50 % aktar valutazzjonijiet tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar l-Għasafar li għandhom status tal-popolazzjoni sigur jew li qed jitjieb (78 %).
Illustrazzjoni 8: Progress lejn il-mira 1 (f’% tal-valutazzjonijiet)
|
|
Nota: Kull kolonna tirrappreżenta l-perċentwal tal-valutazzjonijiet bi status tajjeb jew li qed jitjieb.
|
Kien hemm progress limitat mil-linja bażi tal-2010 lejn il-miri tal-2020, ħlief fil-każ tal-ispeċijiet mhux tal-għasafar, fejn il-mira kważi ntlaħqet. Id-deterjorament kontinwat għal xi ħabitats u speċijiet huwa aktar sinjifikanti mit-titjib tagħhom. Id-data rrapportata fl-2019 turi li l-proporzjon tal-ispeċijiet u l-ħabitats b’xejriet li marru għall-agħar saħansitra kiber xi ftit: għall-għasafar minn 20 % sa 23 %, għall-ispeċijiet mhux tal-għasafar minn 22 % sa 26 % u għall-ħabitats minn 30 % għal 32 %.
Il-mira għall-2020 ta’ valutazzjonijiet favorevoli jew li qed jitjiebu għal 34 % tal-valutazzjonijiet tal-ħabitats ma ġietx issodisfata (in-nuqqas huwa ta’ 12 pp). Madankollu, il-proporzjon tal-ispeċijiet minbarra l-għasafar li l-istatus tagħhom huwa vvalutat bħala favorevoli jew li qed jitjieb kważi laħaq il-mira sekondarja tal-2020 ta’ 35 % (nuqqas ta’ 2 pp). Ix-xejriet tal-popolazzjoni tal-għasafar jippreżentaw stampa mħallta, b’żieda fin-numru tal-ispeċijiet siguri u li qed jitjiebu bejn l-2010 u l-2015, iżda b'xi deterjorament (‑3 pp) mill-2015 sal-2020, u dan iħalli diskrepanza ta’ aktar minn 20 pp mill-mira ta’ 78 %. Għalhekk, il-mira 1 tal-istrateġija għall-bijodiversità għall-2020 ma ntlaħqitx.
3.2 Titjib fl-Istati Membri
Huwa magħruf li “l-istatus ta’ konservazzjoni” jinbidel bil-mod u għalhekk mhuwiex indikatur sensittiv ħafna għat-titjib għal perjodu ta’ żmien qasir. Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet fil-livell tal-UE jistgħu jaħbu titjib fl-Istati Membri individwali. Għalhekk, ix-xejriet pożittivi u ta’ stabbilizzazzjoni fil-livell tal-pajjiżi (meta xejra verament tinbidel minn tnaqqis fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti għal stabbli f’dak attwali) huma żviluppi pożittivi li għandhom jiġu kkunsidrati u analizzati flimkien ma’ bidliet pożittivi fl-istatus.
Bħala medja, 6 % tal-valutazzjonijiet nazzjonali/reġjonali tal-ħabitats tal-Istati Membri juru titjib, l-aktar frekwenti għall-foresti u għall-ħabitats tal-ilma ħelu (10 % tal-valutazzjonijiet kollha fil-grupp), ix-xagħri u l-arbuxxelli (7 %), il-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra, u l-ħabitats tal-għarmiet tar-ramel (6 %). Eżempju ta’ ħabitat kostali li qed jitjieb huwa l-mergħat kostali Baltiċi fil-Finlandja.
B’mod simili, medja ta’ 6 % tal-valutazzjonijiet nazzjonali/reġjonali kollha għall-ispeċijiet għajr għall-għasafar juru titjib. L-akbar numru ta’ titjib huwa għall-mammiferi (9 % tal-valutazzjonijiet kollha tal-mammiferi rreġistrati juru titjib), segwit mill-ħut (8 %) u pjanti vaskulari (5 %). Eżempji għal mammiferi jinkludu l-kasturi (Castor fiber), il-foki griżi (Halichoerus grypus) u l-foki komuni (Phoca vitulina).
Għall-għasafar, it-titjib fil-livell nazzjonali huwa definit b’mod differenti, peress li ma hemm l-ebda valutazzjoni nazzjonali tal-istatus ta’ konservazzjoni u tax-xejra tal-istatus. Għalhekk, xejra pożittiva tal-popolazzjoni għal perjodu ta’ żmien qasir jew stabbilizzazzjoni wara xejra negattiva għal perjodu ta’ żmien twil fir-rapport nazzjonali preċedenti titqies bħala titjib. B’kollox, hemm 2 148 rapport tal-Istati Membri li juru titjib skont il-kriterji ta’ hawn fuq. Globalment dan jikkorrispondi għal 397 (sub)speċi ta’ għasafar li jitjiebu f’mill-inqas Stat Membru wieħed f’mill-inqas staġun irrapportat wieħed. Madwar 44 % tal-għasafar kollha b’xejriet ta’ titjib huma għasafar tal-ilma migratorji. Ħafna minn dawn l-ispeċijiet huma wkoll ikkategorizzati bħala speċijiet tal-baħar skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u jikkostitwixxu 33 % tat-titjib kollu. L-ispeċijiet tal-għasafar tar-raba’ u tal-għasafar tal-foresti jammontaw għal madwar 9 % kull wieħed. Eżempji ta’ titjib tal-ispeċijiet tal-għasafar huma l-ajkla tad-denb abjad (Haliaeetus albicilla), il-grawwa (Grus mutus), l-astun aħmar (Milvus milvus) u r-russett abjad (Ardea alba).
3.3 Il-progress dwar il-kwalità tad-data
Il-valutazzjoni tal-progress dwar l-istatus ta’ konservazzjoni teħtieġ li jkun hemm sistemi ta’ monitoraġġ xierqa fis-seħħ fl-Istati Membri kollha. Madankollu, f’ħafna każijiet, l-informazzjoni rrappurtata tiġi minn stħarriġ parzjali mwettaq għal għanijiet oħra. F’każijiet oħra, l-Istati Membri ma għandhomx data xierqa u jiddependu fuq opinjoni esperta. Għall-ħabitats u għall-ispeċijiet tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, aktar minn 40 % tal-informazzjoni rrappurtata ġejja minn stħarriġ parzjali u aktar minn 20 % hija bbażata fuq ġudizzju espert biss. Għad-data dwar l-għasafar, aktar minn 30 % tal-informazzjoni hija minn stħarriġ parzjali u aktar minn 15 % hija bbażata fuq ġudizzju espert. Dan iċ-ċiklu ta’ rapportar juri li għadhom jeżistu limitazzjonijiet minħabba data batuta jew minħabba data mhux kompluta (għalkemm fi gradi li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u fuq skala iżgħar milli fl-2015). Madankollu, id-data ppreżentata hawnhekk hija stadju importanti fil-valutazzjoni tal-istat tan-natura fl-UE u tipprovdi bażi soda għat-titjib tar-rapportar, il-valutazzjoni u l-implimentazzjoni biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030.
4.Pressjonijiet u reazzjonijiet
4.1 Pressjonijiet
L-Ewropa hija wieħed mill-aktar reġjuni popolati fid-dinja. L-attività tal-bniedem sawret il-pajsaġġi tagħha matul is-sekli u kkontribwixxiet ħafna għall-bijodiversità tagħha, eż. ħabitats semi-naturali bħal mergħat estensivi ta’ ħuxlief u bwar niexfa semi-naturali. Madankollu, l-attività tal-bniedem ikkawżat ukoll id-deterjorament u t-tnaqqis għal ħafna speċijiet indiġeni u tipi ta’ ħabitats — b’mod partikolari (u ħafna aktar malajr) tul dawn l-aħħar 100 sena.
L-Istati Membri rrapportaw dwar il-kawżi ewlenin għat-telf u għad-degradazzjoni tal-ħabitats tal-ispeċijiet għal kull speċi u ħabitat. B’mod ġenerali, huma pprovdew 67 000 rekord bl-użu ta’ lista ta’ 203 pressjonijiet individwali minn 15-il kategorija (minn “A-Agrikoltura” għal “X-Oħrajn”).
Illustrazzjoni 9: Distribuzzjoni ta’ kategoriji ta’ pressjoni tal-livell 1 fost il-ħabitats, l-ispeċijiet mhux ta’ l-għasafar u l-għasafar
|
|
|
L-aktar pressjonijiet irrapportati b’mod frekwenti, kemm għall-ħabitats kif ukoll għall-ispeċijiet joriġinaw mill-agrikoltura, li tirrifletti l-iskala relattiva tal-użu tal-art agrikola u t-tibdil fil-prattiki agrikoli (l-intensifikazzjoni u l-abbandun tal-agrikoltura estensiva). Il-ġestjoni agrikola estensiva toħloq u żżomm ħabitats seminaturali b’fawna u flora diversa. Madankollu, mis-snin 50 ’il quddiem, agrikoltura aktar intensiva u speċjalizzata kkontribwixxiet dejjem aktar għat-telf tal-bijodiversità li għadu għaddej. Il-bwar, il-ħabitats tal-ilma ħelu, ix-xagħri u l-arbuxxelli, u l-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra ġew affettwati bl-aktar mod sever. Ħabitats semi-naturali li jiddependu fuq l-agrikoltura, bħall-bwar, huma partikolarment mhedda u l-istatus ta’ konservazzjoni tagħhom huwa ferm agħar minn dak għal tipi ta’ ħabitats oħra li ma jiddependux fuq l-agrikoltura (45 % jiġu vvalutati bħala ħżiena, meta mqabbla ma’ 31 % għal ħabitats oħra). Meta mqabbla mal-2015, il-valutazzjonijiet tal-ħabitats agrikoli juru deterjorament ġenerali fl-istatus ta’ konservazzjoni: l-istatus tajjeb naqas minn 14 % għal 12 % u l-istatus ħażin żdied minn 39 % għal 45 %. 8 % biss tal-ħabitats agrikoli juru xejra ta’ titjib, filwaqt li 45 % qed imorru għall-agħar. Ħafna speċijiet ta’ għasafar, rettili, molluski, anfibji, artropodi u pjanti vaskulari huma affettwati wkoll u l-bijodiversità fl-art agrikola qed tkompli tonqos.
B’mod ġenerali, fil-kategoriji kollha, il-modifika tar-reġimi idroloġiċi (inklużi bidliet bi skopijiet multipli taħt il-kategorija “K-Modifika tas-sistemi tal-ilma” u bidliet idroloġiċi attribwiti lil kategoriji oħrajn, eż. A-Agrikoltura ) hija t-tieni tip ta’ pressjoni li ġiet irrappurtata b’mod l-aktar frekwenti, segwita mill-urbanizzazzjoni u mit-tniġġis:
·il-pressjonijiet relatati mal-modifiki tar-reġim tal-ilma jirriżultaw minn diversi sorsi. Pereżempju, l-attivitajiet ta’ drenaġġ agrikolu u l-installazzjonijiet ta’ enerġija idroelettrika jiffurmaw 14 % u 13 % tal-pressjonijiet relatati mal-idroloġija. Kif wieħed jista' jobsor, il-pressjonijiet f’din il-kategorija huma partikolarment rilevanti għall-ħabitats tal-ilma ħelu u għall-ispeċijiet tal-ħut, iżda wkoll għall-ekosistemi b’livell għoli ta’ karbonju bħall-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra;
·il-pressjonijiet ewlenin relatati mal-urbanizzazzjoni jinkludu l-isport, it-turiżmu u l-attivitajiet ta’ divertiment, u b’mod partikolari jaffettwaw il-ħabitats tal-baħar/kostali. Il-konverżjoni ta’ art naturali u semi naturali għal żoni ta’ abitazzjoni, residenza jew rikreazzjoni taffettwa prinċipalment il-ħabitats tal-bwar u l-foresti; u
·t-tniġġis huwa pressjoni ewlenija għal ħafna ħabitats u speċijiet, u l-attivitajiet agrikoli jammontaw għal kważi nofs (48 %) il-pressjonijiet relatati mat-tniġġis, segwiti minn tniġġis minn sorsi mħallta (28 %, kif irrappurtat taħt il-kategorija “J-Tniġġis”) u l-urbanizzazzjoni (21 %).
Hemm differenzi fl-impatt relattiv tal-kategoriji ta’ pressjoni fil-ħabitats u fil-gruppi tal-ispeċijiet:
·l-attivitajiet tal-forestrija huma t-tieni l-akbar kategorija ta’ pressjoni rrappurtata għall-ispeċijiet, li taffettwa b’mod partikolari l-artropodi, il-mammiferi u l-pjanti mhux vaskulari. Ħafna speċijiet dipendenti fuq il-foresti jiġu rrappurtati bħala li huma affettwati mit-tneħħija ta’ siġar mejtin, li qed imutu u xjuħ (inkluż il-qtugħ ta’ salvataġġ), il-ġestjoni tal-foresti li tnaqqas il-foresti bi tkabbir xiħ u t-tqaċċit totali tas-siġar. Il-forestrija hija wkoll il-grupp dominanti ta’ pressjonijiet irrappurtati għall-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ foresti tal-Anness I li juru deterjorament fl-istatus ta’ konservazzjoni meta mqabbla mal-2015: l-istatus tajjeb naqas minn 16 % għal 14 % u l-valutazzjonijiet li jiżvelaw status ħażin żdiedu minn 27 % għal 31 %.
·l-isfruttament tal-ispeċijiet jikkawża l-akbar pressjoni għall-għasafar li jistkennu fix-xitwa u tal-passa; dan jinvolvi l-isparar jew qtil illegali, il-kaċċa u l-qtil inċidentali. Riċerka reċenti f’26 pajjiż Ewropew ikkalkulat ammont ta' kaċċa annwali ta’ mill-inqas 52 miljun għasfur. Speċijiet oħrajn affettwati mill-isfruttament jinkludu l-ħut, il-mammiferi u r-rettili. Il-ħut huwa fost l-aktar gruppi milquta minħabba l-qbid mill-baħar u mill-ilma ħelu. L-impatt fuq il-mammiferi huwa wieħed doppju:
omammiferi terrestri kbar bħal-lupu (Canis lupus), il-linċi Ewrasjatika (Lynx lynx) u l-lontra Ewrasjatika (Lutra lutra) huma l-aktar esposti għall-qtil illegali;
oiċ-ċetaċji ż-żgħar bħad-denfil komuni (Delphinus delphis) u d-denfil iswed (Phocoena phocoena) huma l-aktar milquta mill-qabdiet inċidentali fl-irkaptu tas-sajd u effetti oħra tal-attivitajiet tal-ħsad mill-baħar bħat-tnaqqis tal-popolazzjonijiet tal-priża u t-tfixkil tal-ispeċijiet; il-mammiferi tal-baħar ta’ spiss jiġu affettwati minn tniġġis minn diversi sorsi, l-operat tal-korsiji tat-tbaħħir u ta’ mezzi ta’ trasport tul korp tal-ilma (minħabba storbju ta’ taħt l-ilma u ħabtiet mal-vapuri) kif ukoll minn operazzjonijiet militari (minħabba kolliżjonijiet ma’ bastimenti, tfixkil minn sonar militari).
·l-installazzjonijiet tal-enerġija idroelettrika huma l-aktar sors importanti ta’ pressjonijiet relatati mal-enerġija għal ħut migratorju u tal-ilma ħelu. Filwaqt li l-pressjoni mill-enerġija eolika, mill-mewġ u mill-marea tippreżenta riskji għal ħafna speċijiet, l-għasafar huma wkoll vulnerabbli b’mod speċjali għall-infrastrutturi tat-trażmissjoni tal-elettriku u tal-komunikazzjoni. L-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli hija politika ewlenija tal-UE li tgħin biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima (li minnu nnifisu qed ipoġġi pressjoni sinifikanti u dejjem tikber fuq il-bijodiversità), iżda l-iżviluppi ddisinjati b'mod mhux xieraq u lokalizzati ħażin jistgħu jwasslu għal pressjonijiet addizzjonali fuq l-ispeċijiet protetti u t-tipi ta’ ħabitats;
·l-ispeċijiet aljeni invażivi (IAS) jirrappreżentaw theddida kbira u li qed tikber għall-flora u l-fawna indiġeni Ewropej. L-impatt tagħhom żdied b’mod sinifikanti mill-aħħar perjodu ta’ rapportar. “L-ispeċijiet invażivi li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni” jammontaw għal madwar 20 % tal-pressjonijiet irrapportati f’din il-kategorija, filwaqt li ħafna aktar impatti huma rrapportati mill-IAS li għadhom mhumiex elenkati bħala speċijiet li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni. L-IAS jaffettwaw il-ħabitats aktar mill-ispeċijiet, iżda huma magħrufa wkoll li għandhom impatt dirett fuq ċerti speċijiet ta’ għasafar, anfibji, ħut u pjanti vaskulari;
·għalkemm it-tibdil fil-klima ma ġiex irrapportat bħala pressjoni partikolarment rilevanti fl-2013-2018, xenarji futuri jipprevedu li ser ikollhom effett drammatiku fuq il-pjanti u l-annimali Ewropej u ser iwasslu għal telf ta’ bijodiversità u deżertifikazzjoni aċċellerata f’ħafna oqsma. L-aktar pressjonijiet li ġew irrappurtati relatati mat-tibdil fil-klima kienu l-perjodi ta’ nixfa u t-tnaqqis fil-preċipitazzjoni; dawn ammontaw għal 5 % tal-pressjonijiet kollha rrapportati li jaffettwaw l-anfibji.
4.2 Reazzjonijiet (miżuri ta’ konservazzjoni)
B’mod parallel mar-rapportar dwar il-pressjonijiet, l-Istati Membri rrapportaw jekk ittiħdux jew le l-biċċa l-kbira tal-miżuri meħtieġa għal speċi jew ħabitat ta’ importanza għall-UE li jirrikjedu d-deżinjazzjoni tas-sit Natura 2000. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jżommu jew li jirrestawraw l-istatus tajjeb għall-ispeċijiet u għall-ħabitats, u li jinvolvu azzjoni speċifika fil-prattika biex itaffu u jneħħu l-impatt tal-pressjonijiet tal-passat u tal-preżent. L-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għas-siti ta' Natura 2000.
Ir-rapporti nazzjonali tagħhom jindikaw li:
·il-biċċa l-kbira tal-miżuri jiġu applikati kemm fi ħdan in-netwerk Natura 2000 kif ukoll lil hinn minnu;
·għal madwar 60 % tal-ħabitats tal-Istati Membri, il-miżuri meħtieġa ġew irrapportati bħala li qed jittieħdu, prinċipalment biex jinżamm l-istatus attwali jew biex jiġu restawrati l-istruttura u l-funzjonijiet tal-ħabitats; 4 % biss tal-miżuri rrappurtati meħudin qegħdin hemm biex iżidu ż-żona tal-ħabitat;
·il-miżuri ta’ konservazzjoni biex iż-żoni agrikoli jinżammu f’kundizzjoni ekoloġika adatta, u b’hekk jiġu indirizzati l-pressjonijiet mill-agrikoltura, huma bil-bosta l-aktar komuni;
Illustrazzjoni 10: L-istatus ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ħabitat (f’% tal-valutazzjoni tat-tip ta’ ħabitat kollha magħmula mill-Istati Membri)
·is-sitwazzjoni hija simili għall-ispeċijiet. Madwar 40 % tar-rapporti għall-għasafar u 50 % ta’ dawk għall-ispeċijiet minbarra l-għasafar jindikaw li ttieħdu miżuri. L-akbar parti tal-miżuri meħuda għall-ispeċijiet mhux tal-għasafar għandha l-għan li żżomm l-istatus attwali tagħha. Il-miżuri ta’ restawr għandhom rwol inqas prominenti.
Illustrazzjoni 11: L-istatus ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet (f’% tal-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet kollha li saru mill-Istati Membri għall-ispeċijiet li jeħtieġu d-deżinjazzjoni tas-sit)
Minkejja l-miżuri tal-Istati Membri, l-istatus ta’ konservazzjoni u x-xejriet ma tjibux matul il-perjodu ta’ rapportar; fil-fatt, ħafna speċijiet u tipi ta’ ħabitats (inklużi dawk li għalihom id-deżinjazzjoni ta’ Natura 2000 hija mekkaniżmu ta’ konsenja ta’ konservazzjoni ewlieni), komplew jiddeterjoraw. Għalhekk huwa ċar (u kkonfermat mir-rapporti) li l-Istati Membri naqsu milli jieħdu l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji (tal-inqas sa fejn meħtieġ) u f’xi każijiet anki b’mod adegwat biex jidentifikawhom.
L-analiżi tal-effettività tal-miżuri turi korrelazzjoni pożittiva bejn il-miżuri meħuda u l-istatus ta’ konservazzjoni tajjeb għal ħafna ħabitats u gruppi tal-ispeċijiet. Barra minn hekk, miżuri ta’ restawr proattivi (eż. biex jiġu restawrati l-istruttura u l-funzjonijiet) iwasslu għal titjib.
4.3 Ħtiġijiet ta’ restawr għall-ħabitats
Għal tip ta’ ħabitat, “status ta’ konservazzjoni tajjeb” tfisser li l-firxa naturali tiegħu, il-firxa taż-żona tiegħu, u l-istruttura u l-funzjonijiet tiegħu huma kollha kbar biżżejjed u f’kundizzjoni tajba; barra minn hekk, il-prospetti futuri tagħha huma pożittivi. F’dan il-kuntest, “restawr” jirreferi għal:
1.titjib tal-kundizzjoni (jiġifieri l-kwalità) ta’ żoni eżistenti tal-ħabitat permezz ta’ miżuri ta’ konservazzjoni fil-mira; u
2.l-iżgurar ta’ erja tas-superfiċje suffiċjenti permezz tal-ħolqien (mill-ġdid) tal-ħabitats (jiġifieri l-ħolqien ta’ żoni addizzjonali ta’ ħabitat, bħar-restawr tal-ħabitat tal-artijiet mistagħdra minn art agrikola li qabel kienet ġiet imnixxfa mill-ilma jew l-estensjoni taż-żona ta’ ħabitats ta’ msaġar protetti indiġeni).
Valutazzjoni tar-rekwiżiti ta’ restawr għat-tipi ta’ ħabitats tal-Anness I turi li l-ħtiġijiet ivarjaw b’mod sinifikanti bejn gruppi ta’ ħabitats u reġjuni bijoġeografiċi.
Illustrazzjoni 12: Proporzjonijiet ta’ żoni koperti minn gruppi tal-ħabitats tal-Anness I li jenħtieġ li jittejbu, kif irrappurtat mill-Istati Membri
Nota: Ir-Renju Unit u l-ħabitat 8310 (għerien naturali) ġew esklużi mill-kalkoli.
Xi sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni huma li:
·iż-żona tal-ħabitats protetti li jeħtieġu titjib hija stmata li hi, bħala medja, madwar 215 000 km2 (jew 5 % tat-territorju tal-EU-27). Il-foresti għandhom l-akbar bżonn, b’madwar 19,5 % (madwar 100 000 km2) li jeħtieġu titjib, segwiti minn ħabitats kostali b’16 % (madwar 46 000 km2), bwar bi 13,5 % (madwar 33 000 km2), ħabitats tal-ilma ħelu b’10,5 % (madwar 13 500 km2) u l-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra b’ 9 % (madwar 10 900 km2);
·mill-inqas 11 000 km2 tal-ħabitats tal-Anness I jenħtieġ li jinħolqu (mill-ġdid) biex tiżdied iż-żona eżistenti sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul tat-tipi kollha ta’ ħabitats. Il-gruppi tal-ħabitat bl-akbar żoni għall-ħolqien (mill-ġdid) huma l-foresti (4 600 km2), bwar (1 900 km2), il-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra (1 700 km2), u l-ħabitats kostali (1 400 km2). B’mod ġenerali, dan japplika għal 1-1,5 % tal-erja totali eżistenti ta’ dawn il-gruppi tal-ħabitats;
·ir-reġjuni bijoġeografiċi bl-akbar ħtieġa li jtejbu l-kundizzjoni taż-żoni tal-ħabitats eżistenti huma r-reġjuni Kontinentali, tal-Mediterran, tal-Atlantiku, ir-reġjun tal-baħar tal-Atlantiku u dak Boreali;
·ħafna mill-ħabitats tal-Anness I li jeħtieġu restawr għandhom livelli partikolarment għoljin ta’ karbonju, u joffru potenzjal sinifikanti biex jaħżnu u jissekwestraw il-karbonju fil-bijomassa fuq u taħt l-art u fil-ħamrija. Madwar 16 % ta’ dawn iż-żoni b’livell għoli ta’ karbonju jeħtieġ li jitjiebu (154 000 km2). Ir-restawr u l-manutenzjoni tagħhom jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; u
·minħabba li d-data ta’ monitoraġġ hija insuffiċjenti, iż-żoni ta’ ħabitat tal-Anness I li jeħtieġu restawr probabbilment se jkunu ferm akbar mill-istimi attwali. L-immappjar komprensiv ta’ żoni b’livell għoli ta’ karbonju u ta’ natura, l-effetti tal-ġestjoni, il-kundizzjoni tal-ħabitats u fatturi oħrajn huma meħtieġa biex jinfurmaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-prijoritajiet tar-restawr. Il-ħtiġijiet ta’ restawr għall-għasafar u għall-speċijiet oħrajn għandhom jiġu indirizzati wkoll, iżda attwalment, id-data dwarhom mhijiex irrapportata.
5.Ir-rwol tan-netwerk Natura 2000
In-netwerk Natura 2000 huwa magħmul minn żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) ikklassifikati taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar u żoni speċjali ta’ konservazzjoni (ŻSK) iddeżinjati skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats. Huwa jirrappreżenta l-akbar network ikkoordinat ta’ żoni protetti fid-dinja u huwa l-għodda prinċipali fl-UE għaż-żamma/ir-restawr tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet protetti.
Sa tmiem l-2019, Natura 2000 kienet tikkonsisti f’27 852 sit b’erja ta’ 1 358 125 km2. Din kienet tkopri 17,9 % tal-massa ta’ art tal-UE u kważi 9,7 % taż-żona tal-baħar tagħha. Il-kopertura tvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri: il-kopertura terrestri tagħha tvarja minn 8 % fid-Danimarka għal 38 % fis-Slovenja u l-kopertura tal-baħar tagħha tvarja minn 2 % fl-Italja għal 46 % fil-Ġermanja.
Mill-aħħar perjodu ta’ rapportar:
·in-network marittimu rdoppja fl-erja tas-superfiċje;
·in-numru ta’ ŻSKs deżinjati żdied b’aktar mid-doppju b’7 262 deżinjazzjoni ġdida; u
·n-numru ta’ siti rrapportat li għandhom pjanijiet ta’ ġestjoni komprensivi żdied b’mod sinifikanti.
Illustrazzjoni 13: Erja tas-superfiċje kumulattiva tan-netwerk Natura 2000 f’km², 1993-2019
Nota: In-numri huma għall-EU-28 u jinkludu ż-ŻPS, is-SIK, iż-ŻSK u s-SIK proposti (flimkien jiffurmaw il-linja blu tas-SIK). F’ħafna każijiet, is-siti ta' Natura 2000 huma (parzjalment jew totalment) kemm ŻPS kif ukoll ŻSK/SIK. Minħabba l-limitazzjonijiet tal-ġestjoni tad-data tal-GIS, iż-żona tan-Natura 2000 ġiet ikkalkulata b’mod sistematiku biss wara l-2010.
Sors: Bażijiet tad-data ta’ Natura 2000
5.1 Effettività tan-Natura 2000
Ir-rapportar attwali ma jipprovdix informazzjoni li tippermetti li jsir paragun dirett tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats ġewwa u barra ż-żoni tan-Natura 2000. Għalhekk, eżaminajna indikaturi potenzjali oħrajn għall-effettività, bħar-rabta bejn ir-rappreżentazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats fin-network u l-proporzjon tagħhom li juri status tajjeb jew xejriet ta’ titjib. Ir-riżultati, ibbażati fuq il-valutazzjonijiet tal-Istati Membri, juru li:
·bħala medja, l-ispeċijiet u l-ħabitats huma aktar probabbli li jkollhom status ta’ konservazzjoni tajjeb jekk iż-żona ta’ ħabitat jew il-popolazzjoni tagħhom tkun irrappreżentata sew (> 75 %) fin-network meta mqabbla ma’ dawk li huma rrappreżentati inqas tajjeb. Dan huwa l-aktar ovvju għall-ħabitats tal-għarmiet tar-ramel u l-foresti, u għall-anfibji u l-ħut; u
·it-tipi ta’ ħabitats b’rappreżentazzjoni għolja (> 75 %) fis-siti ta’ Natura 2000 juru (kemmxejn) aktar titjib u inqas deterjorament minn dawk li huma inqas irrappreżentati tajjeb. B’titjib ta’ aktar minn 8 % rrappurtat, il-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra jidhru li bbenefikaw b’mod partikolari mill-kopertura ta' Natura 2000. Il-ħabitats li raw l-aktar titjib sinifikanti, eż. ix-xagħri kostali niexef tal-Atlantiku b’Erica vagans u l-għarmiet tar-ramel kostali bl-ispeċi Juniperus, huma protetti b’mod wiesa’ fin-network.
Illustrazzjoni 14: Tibdil fl-istatus ta’ konservazzjoni u x-xejriet għall-ħabitats tal-Anness I f’diversi klassijiet ta’ kopertura ta’ Natura 2000 (< 35 %, 35 % -75 %, > 75 %)
|
|
Nota: “Titjib” jikkorrispondi għal valutazzjonijiet batuti jew ħżiena li tjiebu jew li saru tajbin, li “baqgħu favorevoli” għall-valutazzjonijiet li żammew l-istatus tajjeb tagħhom, “l-ebda bidla” għal valutazzjonijiet batuti jew ħżiena li ma tjibux jew ma marrux għall-agħar, “deterjorament” għal valutazzjonijiet batuti jew ħżiena li marru għall-agħar jew inbidlu minn tajbin għal batuti jew ħżiena, u “mhux magħrufa” għal valutazzjonijiet mingħajr xejriet. In-numru tal-valutazzjonijiet għal kull grupp huma indikati fil-parentesi. In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 2 970.
|
B’mod ġenerali, l-informazzjoni rrapportata ma tippermettilniex li naslu għal konklużjonijiet sodi dwar l-effettività tan-netwerk Natura 2000. Dan huwa kkawżat b’mod speċjali minħabba f'monitoraġġ limitat, b’mod partikolari l-prattika komuni ta’ monitoraġġ ta’ kampjun biss tas-siti Natura 2000. Għal valutazzjoni sodisfaċenti tal-effettività tal-miżuri relatati ma’ Natura 2000, il-monitoraġġ għandu jinvolvi l-ġbir ta’ aktar data dwar żoni ġewwa u barra n-network u dwar il-kwalità tal-ġestjoni tal-konservazzjoni.
Minkejja xi indikazzjonijiet pożittivi dwar il-kontribut tan-network għall-istatus ta’ konservazzjoni, l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi b’mod qawwi li l-potenzjal sħiħ tagħha għad irid jiġi żblokkat u li għad trid tiġi indirizzata diskrepanza sinifikanti fl-implimentazzjoni.
6.Konklużjonijiet u prospetti
Din il-valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tikkostitwixxi l-akbar u l-aktar kontroll tas-saħħa tan-natura komplet li qatt sar fl-UE. Tipprovdi bażi b'saħħitha li fuqha għandha tiġi evalwata l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar in-natura u linja bażi robusta għall-kejl tal-progress taħt l-istrateġija l-ġdida għall-bijodiversità għall-2030.
Il-valutazzjoni turi li l-UE għadha ma rnexxilhiex toħnoq it-tnaqqis tat-tipi ta’ ħabitats protetti u tal-ispeċijiet li huma sors ta’ tħassib għall-konservazzjoni tal-UE. Il-pressjonijiet ewlenin fl-użu tal-art u tal-ilma li wasslu għad-degradazzjoni tan-natura għadhom jippersistu, u dan wassal għal nuqqas sinifikanti mill-mira tal-2020 ta' twaqqif u treġġigħ lura b'mod li jista' jitkejjel tad-deterjorament fl-istatus tal-ispeċijiet u l-ħabitats.
Stejjer ta’ suċċess ta’ ispirazzjoni minn madwar l-Istati Membri juru dak li jista’ jinkiseb permezz ta’ azzjoni mmirata, li ta’ spiss tkun appoġġata permezz ta’ inizjattivi taħt il-programm ta’ LIFE tal-UE jew permezz ta’ skemi agroambjentali ddedikati skont il-politika agrikola komuni. Madankollu, tali suċċess mhux qed jinkiseb fuq skala suffiċjenti.
Il-progress fl-implimentazzjoni taż-żewġ direttivi matul l-aħħar 6 snin (estensjoni sinifikanti tan-netwerk Natura 2000 u aktar siti bi pjanijiet ta’ ġestjoni) ma kienx biżżejjed biex itejjeb l-istatus ta’ konservazzjoni. L-istabbiliment ta’ network kompletament funzjonali ta’ żoni protetti għadu mhux komplut, speċjalment fl-ambjent tal-baħar. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa, ibbażati fuq objettivi ta’ konservazzjoni definiti b’mod ċar, għad iridu jiġu implimentati għal ħafna mis-siti. L-investiment meħtieġ fin-natura, fost l-oħrajn fir-rigward tar-restawr ġewwa u lil hinn min-network taż-żona protetta, ma mmaterjalizzax ruħu. Ir-rekwiżiti tan-natura ma ġewx inkorporati biżżejjed f’politiki ewlenin dwar l-użu tal-art u l-ilma biex jingħelbu l-pressjonijiet negattivi li jistgħu jirriżultaw minn setturi bħall-agrikoltura u l-forestrija. Il-miżuri għall-ġestjoni tas-sajd għad iridu jiġu miftiehma u implimentati għal ħafna siti tal-baħar Natura 2000. Barra minn hekk, it-tibdil fil-klima huwa theddida li qed tikber, bil-previżjonijiet ta’ żieda qawwija fil-pressjonijiet u effetti kemm diretti kif ukoll indiretti fuq l-ispeċijiet u l-ħabitats, pereżempju li jirriżultaw minn bidliet fl-użu tal-art u fil-lok tal-ħabitat jew fil-kwalità.
Din il-valutazzjoni tenfasizza l-ħtieġa għal avvanz fl-azzjoni jekk irridu li jkollna opportunità serja li npoġġu l-bijodiversità tal-Ewropa fit-triq lejn l-irkupru sal-2030, kif previst fl-istrateġija l-ġdida għall-bijodiversità. In-nuqqas ta’ dan se jfisser li se jkun hemm erożjoni kontinwata mhux biss tal-wirt naturali kondiviż tagħna, iżda wkoll tas-servizzi vitali li jipprovdi, li fl-aħħar mill-aħħar huma l-bażi tas-saħħa tal-bniedem u l-prosperità.
L-istrateġija l-ġdida għall-bijodiversità għall-2030 tipprovdi l-qafas meħtieġ għal din il-bidla trasformattiva. Flimkien ma’ inizjattivi oħrajn taħt il-Patt Ekoloġiku, dan jistabbilixxi programm ta’ azzjoni ambizzjuż u prattiku ħafna mmirat, fost l-oħrajn, lejn l-espansjoni tal-kopertura ta’ żoni protetti legalment u ġestiti b’mod effettiv, filwaqt li jipproponi pjan biex tiġi restawrata n-natura tal-UE.
Din il-valutazzjoni tan-natura tenfasizza l-potenzjal sinifikanti għar-restawr tal-ħabitats protetti, kemm fir-rigward tal-kundizzjoni attwali tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-erja tas-superfiċje addizzjonali li hija meħtieġa biex jinkiseb status ta’ konservazzjoni favorevoli. Dan jinkludi r-restawr ta’ ħabitats b’livell għoli ta’ karbonju li jistgħu jwasslu l-kobenefiċċji tal-mitigazzjoni tal-klima. Il-valutazzjoni hija wkoll direttament relevanti għall-kejl tas-suċċess ta’ azzjoni taħt l-istrateġija biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet usa’ fl-użu tal-art u tal-ilma, b’mod partikolari fir-rigward tal-agrikoltura, li wasslu għall-ogħla numru ta’ valutazzjonijiet tal-ispeċijiet ħżiena u tal-ħabitats madwar l-Istati Membri. Flimkien mal-istrateġija “mill-għalqa sal-platt”, l-azzjoni għall-promozzjoni tal-biedja organika, it-tnaqqis tal-użu u tar-riskju tal-pestiċidi, il-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-ħamrija, u ż-żieda tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ fuq l-art agrikola jenħtieġ li jappoġġaw l-irkupru tal-ispeċijiet u tal-ħabitats protetti skont id-direttivi dwar in-natura, inkluż id-dakkara u l-ħabitats tagħhom.
L-istrateġija l-ġdida għall-bijodiversità tenfasizza li l-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità għandha tkun ibbażata fuq xjenza soda. L-Istati Membri għandhom ikomplu jtejbu l-kwalità u l-kompletezza tas-sistemi ta’ monitoraġġ tagħhom biex isostnu r-rapportar futur. L-osservazzjoni tad-dinja/it-telerilevament, teknoloġiji u għodod oħrajn (eż. l-immudellar), u r-riżultati minn attivitajiet ta’ riċerka/innovazzjoni u x-xjenza taċ-ċittadini jistgħu jikkomplementaw u jappoġġaw il-monitoraġġ u r-rapportar attwali. Dan il-potenzjal għandu jiġi ttestjat u sfruttat biex jiffaċilita l-ħidma tal-korpi ta’ rappurtar.
Il-valutazzjoni li jmiss tal-istat tan-natura fl-UE, ippjanata għall-2026, għandha tagħmel kontribut sinifikanti biex jitkejjel il-progress lejn il-miri tan-natura taħt l-istrateġija l-ġdida dwar il-bijodiversità.