EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0580

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea

COM/2020/580 final

Brussell, 30.9.2020

COM(2020) 580 final/2

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt





























Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea

{SWD(2020) 300 à 326}


IL-KUMMISSJONI
EWROPEA

Brussell, 30.9.2020

COM(2020) 580 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt

Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea

{SWD(2020) 300 à 326}

L-istat tad-dritt jgħin biex jitħarsu n-nies mill-madmad ta’ min hu b’saħħtu.

Huwa l-garanti tad-dritt l-aktar bażiku fost id-drittijiet u l-libertajiet ta’ kuljum.

Huwa jippermettilna li nlissnu l-opinjoni tagħna u li nkunu infurmati permezz ta’ gazzetti u media ħielsa.

Il-President von der Leyen, Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2020

1.Introduzzjoni

L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq ġabra ta’ valuri komuni, inklużi d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt 1 . Dawn huma l-pedament tas-soċjetajiet tagħna u tal-identità komuni tagħna. L-ebda demokrazija ma tista’ tirnexxi mingħajr qrati indipendenti li jiggarantixxu l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili, u lanqas ma tirnexxi mingħajr soċjetà ċivili attiva u mezzi tax-xandir liberi u pluralistiċi. Globalment, l-UE hija rikonoxxuta li għandha standards għoljin ħafna f’dawn l-oqsma 2 . Madankollu, dawn l-istandards għoljin mhux dejjem jiġu applikati b’mod ugwali, jista’ jsir titjib, u dejjem ikun hemm ir-riskju li jittieħed pass lura. Li niddefendu l-valuri fundamentali tagħna hija responsabbiltà kondiviża tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri kollha, u jenħtieġ li jagħtu sehemhom kollha kemm huma.

X’inhu l-istat tad-dritt?  3

L-istat tad-dritt minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bħala wieħed mill-valuri komuni għall-Istati Membri kollha. Bl-istat tad-dritt, il-poteri pubbliċi kollha dejjem jaġixxu fil-limitazzjonijiet stabbiliti bil-liġi, skont il-valuri tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, u taħt il-kontroll ta’ qrati indipendenti u imparzjali. L-istat tad-dritt jinkludi prinċipji bħalma huma l-legalità, li timplika proċess trasparenti, demokratiku u pluralistiku għall-promulgazzjoni tal-liġijiet; iċ-ċertezza tad-dritt; il-projbizzjoni tal-eżerċizzju arbitrarju tal-poter eżekuttiv; il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti u imparzjali, stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jinkludi r-rispett għad-drittijiet fundamentali; is-separazzjoni tal-poteri; u l-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi. Dawn il-prinċipji ġew rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Ewropa żviluppa standards, u joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet li huma ta’ gwida stabbilita sew għall-promozzjoni u l-osservanza tal-istat tad-dritt.

L-istat tad-dritt huwa prinċipju stabbilit sew. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom identitajiet, ordinamenti ġuridiċi u tradizzjonijiet nazzjonali differenti, it-tifsira ewlenija tal-istat tad-dritt hija l-istess madwar l-UE. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa essenzjali biex iċ-ċittadini u n-negozji jafdaw l-istituzzjonijiet pubbliċi, u l-prinċipji ewlenin tiegħu jkunu appoġġati miċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha 4 . L-istat tad-dritt għandu impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kull ċittadin. Huwa prekundizzjoni biex jiġi żgurat trattament indaqs quddiem il-liġi u għad-difiża tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE. Huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tal-liġijiet u l-politiki tal-UE, u ċentrali għal Unjoni ta’ ugwaljanza, opportunità u ġustizzja soċjali. Iċ-ċirkostanzi partikolari tal-2020 ġabu magħhom sfidi addizzjonali għad-drittijiet taċ-ċittadini, u kellhom jiġu applikati xi restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tagħna, bħal-libertà tal-moviment, il-libertà tal-għaqda jew il-libertà tal-intrapriża, biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19. Il-kontrokontrolli nazzjonali effettivi li jiddefendu r-rispett għall-istat tad-dritt huma essenzjali biex jiġi żgurat li kwalunkwe restrizzjoni bħal din fuq id-drittijiet tagħna tkun limitata għal dak li jkun meħtieġ u proporzjonat, limitat fiż-żmien u soġġett għal sorveljanza mill-parlamenti u l-qrati nazzjonali.

It-tisħiħ tal-istat tad-dritt: prijorità għal funzjonament effettiv tal-Unjoni

L-UE hija bbażata fuq l-istat tad-dritt. It-theddid għall-istat tad-dritt joħolqu sfida għall-bażi legali, politika u ekonomika tagħha. In-nuqqasijiet fi Stat Membru wieħed jolqtu Stati Membri oħrajn u lill-UE kollha kemm hi. L-iżgurar tar-rispett tal-istat tad-dritt huwa responsabbiltà primarja ta’ kull Stat Membru, iżda l-Unjoni għandha interess komuni u rwol fis-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet tal-istat tad-dritt kull fejn iqumu. Ir-rispett għall-istat tad-dritt jinsab ukoll fil-qalba tal-funzjonament tas-suq intern, tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja bbażata fuq il-fiduċja u r-rikonoxximent reċiproċi, u tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif enfasizzat reċentement mill-Kunsill Ewropew 5 . Jekk l-UE trid tirnexxi fil-kompitu ta’ rkupru sostenibbli u reżiljenti, huwa kruċjali li l-għodod u l-istrumenti tagħha jkunu jistgħu jaħdmu f’ambjent ibbażat fuq l-istat tad-dritt.

L-istat tad-dritt huwa wkoll tema importanti għall-UE lil hinn mill-fruntieri tagħha. L-UE se tkompli ssegwi approċċ b’saħħtu u koerenti bejn il-politiki interni tagħha dwar l-istat tad-dritt u kif l-istat tad-dritt huwa inkorporat fil-ħidma mal-pajjiżi tal-adeżjoni u tal-viċinat kif ukoll fl-azzjoni esterna kollha tagħha, fil-livell bilaterali, reġjonali u multilaterali.

Iggwidata mill-valuri u l-prinċipji universali inkorporati fil-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali, l-UE hija difensur qawwi tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt madwar id-dinja kif muri mill-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020–2024, 6 u f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 7 . Ir-rispett tal-istat tad-dritt fil-livell globali jinkludi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tal-istat tad-dritt ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

F’dawn l-aħħar 10 snin, l-UE żviluppat u ttestjat għadd ta’ strumenti biex tgħin fl-infurzar tal-istat tad-dritt 8 . Aktar dibattiti fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali dwar kif tista’ tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tindirizza sitwazzjonijiet bħal dawn ġew skattati minn sfidi severi għall-istat tad-dritt f’xi Stati Membri. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni pproponiet li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu kultura politika u legali robusta li tappoġġa l-istat tad-dritt, u jiżviluppaw strumenti li jipprevjenu li jfeġġu jew ikomplu jeħżienu l-problemi tal-istat tad-dritt 9 .

Il-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istat tad-Dritt

Il-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen stabbilew l-intenzjoni li jiġi stabbilit mekkaniżmu addizzjonali u komprensiv għall-istat tad-dritt bħala element kostitwenti fl-impenn komuni tal-UE u l-Istati Membri li jsaħħu l-istat tad-dritt. Il-mekkaniżmu huwa mfassal bħala ċiklu annwali biex jippromwovi l-istat tad-dritt u jipprevjeni li jfeġġu jew ikomplu jeħżienu l-problemi tal-istat tad-dritt. Huwa jiffoka fuq it-titjib tal-fehim u l-għarfien ta’ kwistjonijiet u żviluppi sinifikanti f’oqsma b’effett dirett fuq ir-rispett għall-istat tad-dritt – is-sistema ġudizzjarja, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu u l-libertà tal-media, u kwistjonijiet istituzzjonali oħrajn marbutin mal-kontrokontrolli. L-identifikazzjoni tal-isfidi se tgħin lill-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet li jipproteġu l-istat tad-dritt, b’kooperazzjoni u appoġġ reċiproku mill-Kummissjoni, Stati Membri oħrajn, u partijiet ikkonċernati bħall-Kummissjoni ta’ Venezja.

L-approċċ huwa bbażat fuq djalogu mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati, li jġib it-trasparenza u jkopri l-Istati Membri kollha fuq bażi oġġettiva u imparzjali. Dan jinġabar kull sena f’rapport dwar l-istat tad-dritt, inkluża valutazzjoni minn Stat Membru għal Stat Membru f’27 kapitolu tal-pajjiż. Dan il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt ikompli jsaħħaħ u jikkomplementa strumenti oħrajn tal-UE li jħeġġu lill-Istati Membri jimplimentaw riformi strutturali fl-oqsma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, inkluża t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 10 u s-Semestru Ewropew 11 , u issa l-istrument tan-Next Generation EU. Il-valutazzjonijiet ipprovduti fir-rapport annwali jkunu punt ta’ referenza għal dawn l-istrumenti. Elementi oħrajn fis-sett ta’ għodod tal-UE dwar l-istat tad-dritt se jkomplu jipprovdu rispons effettiv u proporzjonat għall-isfidi tal-istat tad-dritt meta jkun meħtieġ 12 .

Minbarra li japprofondixxi l-fehim komuni permezz tad-djalogu, il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt se jinkwadra l-appoġġ tal-Kummissjoni lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati nazzjonali fl-indirizzar tal-isfidi tal-istat tad-dritt. Bosta strumenti u finanzjamenti jgħinu biex jappoġġaw ir-riformi strutturali permezz ta’ assistenza teknika u finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-pluraliżmu tal-media. Għotjiet speċifiċi u diretti għas-soċjetà ċivili u n-networks (bħall-ġudikatura, il-ġurnalisti) huma disponibbli wkoll għal proġetti b’dimensjoni Ewropea. Ir-riformi jibbenefikaw ukoll minn għarfien espert minn korpi internazzjonali rikonoxxuti, b’mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll minn skambji ma’ prattikanti minn Stati Membri oħrajn.

L-approfondiment tal-ħidma tal-UE dwar l-istat tad-dritt jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri. Objettiv ewlieni tal-mekkaniżmu Ewropew tal-istat tad-dritt huwa li jistimula l-kooperazzjoni interistituzzjonali u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jikkontribwixxu skont ir-rwoli istituzzjonali rispettivi tagħhom. Dan huwa ċentrali għal mekkaniżmu Ewropew tal-istat tad-dritt u jirrifletti interess li ilu jeżisti kemm mill-Parlament Ewropew 13 kif ukoll mill-Kunsill 14 . Il-bażi komuni u oġġettiva tiegħu, li jħares lejn l-Istati Membri kollha bl-istess mod, hija mfassla b’dan l-għan. Il-Kummissjoni hija ħerqana li tappoġġa l-ħidma li għaddejja bħalissa fiż-żewġ istituzzjonijiet, inkluż li tħares lejn is-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li qed titħejja bħalissa 15 . Il-mekkaniżmu Ewropew tal-istat tad-dritt se jgħin biex jissimplifika d-diskussjonijiet dwar l-istat tad-dritt fil-livell tal-UE u jsaħħaħ il-kooperazzjoni interistituzzjonali, filwaqt li jippermetti ritmu annwali fil-ħidma tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u segwitu strutturat u mmirat, kif ukoll kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali.

Il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt huwa element wieħed ta’ sforz usa’ fil-livell tal-UE biex jissaħħu l-valuri tad-demokrazija, l-ugwaljanza, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Din se tkun ikkomplementata minn sett ta’ inizjattivi futuri inkluż il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija, l-Istrateġija mġedda għall-Implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u strateġiji mmirati biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna biex tiġi promossa soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza.

L-ewwel Rapport dwar l-Istat ta’ Dritt 16

Permezz ta’ dan ir-rapport, inklużi s-27 kapitolu tagħha dwar il-pajjiżi li jippreżentaw il-valutazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri, l-għan tal-Kummissjoni huwa li tistabbilixxi l-ewwel elementi ewlenin tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri, li ċ-ċiklu l-ġdid tal-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt u r-rapporti futuri se jkunu jistgħu jibnu fuqhom.

Il-valutazzjoni li tinsab fis-27 kapitolu tal-pajjiżi, li huma parti integrali minn dan ir-rapport dwar l-istat tad-dritt, tħejjiet f’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni u l-metodoloġija diskussi mal-Istati Membri 17 . Il-ħidma ffukat fuq erba’ pilastri ewlenin: is-sistema ġudizzjarja, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu tal-media, u kontrokontrolli istituzzjonali oħrajn. Għal kull pilastru, il-metodoloġija fakkret fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE rilevanti għall-valutazzjoni. Hija tirreferi wkoll għall-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill tal-Ewropa, li jipprovdu gwida utli. Dawn l-erba’ oqsma ġew identifikati fil-proċess preparatorju bħala pilastri interdipendenti ewlenin għall-iżgurar tal-istat tad-dritt. Sistemi ġudizzjarji effettivi u kontrokontrolli istituzzjonali robusti huma fil-qalba tar-rispett għall-istat tad-dritt fid-demokraziji tagħna. Madankollu, il-liġijiet u istituzzjonijiet b’saħħithom mhumiex biżżejjed. L-istat tad-dritt jeħtieġ ekosistema abilitanti bbażata fuq ir-rispett għall-indipendenza ġudizzjarja, politiki effettivi kontra l-korruzzjoni, media libera u pluralistika, amministrazzjoni pubblika trasparenti u ta’ kwalità għolja, u soċjetà ċivili libera u attiva. Il-politiki preventivi u l-kampanji fil-livell bażi jżidu l-għarfien fost iċ-ċittadini u jżommu r-rispett għall-istat tad-dritt fuq quddiem tal-aġenda. Il-ġurnalisti investigattivi, il-media indipendenti u l-iskrutinju tas-soċjetà ċivili huma vitali biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jinżammu responsabbli.

Ir-rapport huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, kemm fil-livell politiku fil-Kunsill kif ukoll permezz ta’ laqgħat bilaterali politiċi u tekniċi, u jiddependi fuq varjetà ta’ sorsi. Din il-metodoloġija se ssir parti mill-proċess annwali għall-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt. Ġie stabbilit network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-istat tad-dritt biex jgħin fit-twaqqif tal-mekkaniżmu u l-metodoloġija tiegħu, u biex jaġixxi ta’ kanal ta’ komunikazzjoni kontinwu. In-network iltaqa’ darbtejn. L-Istati Membri kollha pparteċipaw fil-proċess tat-tħejjija tar-rapport, billi pprovdew kontributi bil-miktub fil-bidu ta’ Mejju 18 u ngħaqdu maż-żjarat virtwali ddedikati fil-pajjiżi li saru f’Mejju sa Lulju 19 . Matul dawn iż-żjarat fil-pajjiżi, il-Kummissjoni ddiskutiet l-iżviluppi tal-istat tad-dritt mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet ġudizzjarji u indipendenti, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħrajn, bħall-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili. Qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, l-Istati Membri ngħataw l-opportunità li jipprovdu aġġornamenti fattwali dwar il-kapitolu tal-pajjiż tagħhom.

Twettqet ukoll konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati, li pprovdiet kontributi siewja orizzontali u speċifiċi għall-pajjiż minn varjetà ta’ aġenziji tal-UE, networks Ewropej, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali u Ewropej u assoċjazzjonijiet professjonali u atturi internazzjonali u Ewropej 20 . Dawn jinkludu l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, in-Network Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, in-Network Ewropew tal-Presidenti tal-Qrati Supremi tal-UE, in-Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (European Network of National Human Rights Institutions, ENNHRI), il-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati (CCBE), il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (Organisation for Economic Co-operation and Development, OECD), kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-ġurnalisti nazzjonali u internazzjonali.  

Il-kapitoli tal-pajjiżi jiddependu fuq valutazzjoni kwalitattiva mwettqa mill-Kummissjoni, li tiffoka fuq sinteżi ta’ żviluppi sinifikanti minn Jannar 2019 introdotti minn deskrizzjoni fattwali qasira tal-qafas legali u istituzzjonali rilevanti għal kull pilastru. Il-valutazzjoni tippreżenta kemm sfidi kif ukoll aspetti pożittivi, inklużi prattiki tajbin. Il-Kummissjoni żgurat approċċ koerenti u ekwivalenti billi applikat l-istess metodoloġija u eżaminat l-istess suġġetti fl-Istati Membri kollha, filwaqt li baqgħet proporzjonata għas-sitwazzjoni u l-iżviluppi. Il-kapitoli tal-pajjiżi ma għandhomx l-għan li jagħtu deskrizzjoni eżawrjenti tal-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri imma li jippreżentaw żviluppi sinifikanti 21 . Fuq il-bażi ta’ din l-ewwel esperjenza u l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri, aspetti rilevanti oħrajn jistgħu jiġu inklużi jew żviluppati aktar fis-snin li ġejjin. 

Il-valutazzjoni tirreferi wkoll għar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE, inklużi d-deċiżjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa jipprovdu qafas utli ta’ referenza għall-istandards u l-aħjar prattiki. Il-Kunsill tal-Ewropa kompla jikkontribwixxi għall-valutazzjoni fil-kapitoli tal-pajjiżi billi pprovda ħarsa ġenerali lejn l-opinjonijiet u r-rapporti reċenti tiegħu li jikkonċernaw l-Istati Membri tal-UE 22 .

Il-valutazzjoni fir-rapport dwar l-istat tad-dritt hija bbażata fuq dan il-proċess ta’ djalogu, konsultazzjoni u kontribut espert. Huwa joffri bażi soda u dokumentata sew għad-diskussjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill u għall-ħidma ulterjuri tagħhom. Il-mekkaniżmu Ewropew tal-istat tad-dritt mistenni jevolvi u jkompli jitjieb permezz ta’ diskussjonijiet interistituzzjonali u djalogu mal-Istati Membri, bħala eżerċizzju ta’ tagħlim kollettiv u bħala skattatur għall-appoġġ tal-UE.

Il-pandemija tal-COVID-19: test tal-istress għar-reżiljenza tal-istat tad-dritt

Lil hinn mill-impatt immedjat fuq is-saħħa u l-ekonomija, il-kriżi tal-COVID-19 ħolqot varjetà wiesgħa ta’ sfidi għas-soċjetà, u b’mod aktar speċifiku għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-ordinamenti ġuridiċi u kostituzzjonali. Il-kriżi wriet li hija test tal-istress fil-ħajja reali għar-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali fi żminijiet ta’ kriżi. L-Istati Membri kollha ħadu miżuri eċċezzjonali sabiex jipproteġu s-saħħa pubblika, u ħafna minnhom iddikjaraw xi forma ta’ emerġenza pubblika, jew taw setgħat speċjali ta’ emerġenza, skont id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali jew il-liġijiet tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. It-tibdil jew is-sospensjoni tal-kontrokontrolli nazzjonali tas-soltu jistgħu joħolqu sfidi partikolari għall-istat tad-dritt, u dawn l-iżviluppi saru kwistjoni ewlenija ta’ dibattitu pubbliku f’ċerti Stati Membri. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni kienet qed tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza u dan huwa rifless fil-kapitoli tal-pajjiżi, meta jkun xieraq.

Il-Kummissjoni enfasizzat li r-reazzjonijiet għall-kriżi jridu jirrispettaw il-prinċipji u l-valuri fundamentali tagħna kif stabbiliti fit-Trattati. Testijiet ewlenin għall-miżuri ta’ emerġenza inkludew jekk il-miżuri kinux limitati fiż-żmien, jekk kienx hemm fis-seħħ salvagwardji biex jiġi żgurat li l-miżuri kienu strettament meħtieġa u proporzjonati, u jekk is-sorveljanza parlamentari u ġudizzjarja kif ukoll l-iskrutinju tal-media u tas-soċjetà ċivili setgħux jinżammu 23 . Hekk kif l-aktar fażi akuta tal-kriżi ttaffiet, kwistjoni ewlenija oħra kienet il-mod kif dawn is-setgħat tnaqqsu jew tneħħew gradwalment. Billi l-pandemija għadha għaddejja, f’għadd ta’ Stati Membri għad hemm fis-seħħ reġimi ta’ emerġenza jew miżuri ta’ emerġenza. Għalhekk se jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tkompli l-monitoraġġ tagħha. Is-sitwazzjoni qed tiġi eżaminata wkoll mill-organizzazzjonijiet internazzjonali 24 , u l-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni ta’ Venezja għal opinjoni dwar il-miżuri meħuda fl-Istati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali 25 .

Ir-reazzjonijiet għall-kriżi wrew ir-reżiljenza kumplessiva b’saħħitha tas-sistemi nazzjonali. F’ħafna Stati Membri, il-qrati skrutinizzaw il-miżuri ta’ emerġenza u saru dibattiti politiċi u legali dwar jekk ir-reġimi ta’ emerġenza applikati kinux iġġustifikati u proporzjonati, jekk id-deċiżjonijiet kinux legali, u jekk intużawx il-proċeduri u l-istrumenti t-tajba. Il-monitoraġġ kontinwu tal-Kummissjoni u d-dibattiti nazzjonali diġà jindikaw għadd ta’ kostatazzjonijiet u riflessjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu aktar għad-dibattiti nazzjonali u jtejbu r-reazzjoni legali u politika.

L-ewwel riflessjoni tkun dwar il-kultura tal-istat tad-dritt u dwar il-livell ta’ fiduċja fil-kontrokontrolli fl-Istati Membri. Din tikkonċerna b’mod partikolari l-interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali u l-kooperazzjoni sinċiera tagħhom, ir-rwol tal-iskrutinju parlamentari u l-opportunitajiet biex jinżammu r-regoli ta’ konsultazzjoni u trasparenza għaċ-ċittadini. Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza li jiġi żgurat li t-teħid ta’ deċiżjonijiet urġenti u effettiv meħtieġ għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika ma jkunx ifisser li jiġu evitati l-kontrokontrolli stabbiliti - inklużi l-Parlamenti - b’mod partikolari meta l-miżuri jaffettwaw il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni kollha kemm hi.

It-tieni riflessjoni tkun dwar l-implikazzjonijiet għall-ħidma tal-media u s-soċjetà ċivili meta jeżerċitaw skrutinju demokratiku. Meta s-setgħat ta’ emerġenza jnaqqsu l-kontrolli istituzzjonali fuq dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, l-iskrutinju tad-deċiżjonijiet pubbliċi mill-media u mis-soċjetà ċivili jsir aktar importanti. Madankollu, f’ċerti Stati Membri, il-media u s-soċjetà ċivili qed jiffaċċaw ostakli ġodda. Sitwazzjonijiet bħal dawn, fost affarijiet oħra, ikkontribwew biex tinxtered id-diżinformazzjoni u biex tonqos il-fiduċja fl-awtoritajiet pubbliċi, li hi ta’ ħsara għall-istat tad-dritt 26 .

It-tielet riflessjoni hija dwar ir-reżiljenza tas-sistema ġudizzjarja. L-aċċess għal qorti u stħarriġ ġudizzjarju indipendenti huwa element fundamentali tal-istat tad-dritt. L-għeluq parzjali tal-qrati nazzjonali – li jaġixxu wkoll bħala qrati tal-Unjoni meta japplikaw id-dritt tal-UE – żvela vulnerabbiltà kbira. Għadd ta’ Stati Membri ħadu miżuri biex inaqqsu l-impatt tal-pandemija u setgħu jerġgħu jibdew seduti ta’ smigħ bl-applikazzjoni tar-regoli ta’ tbegħid jew tat-tekniki tal-vidjokonferenzi. Il-pandemija tat ukoll spinta lid-diġitalizzazzjoni tal-proċedimenti f’għadd ta’ Stati Membri.

Dawn ir-riflessjonijiet jirriflettu dibattiti usa’ dwar l-istat tad-dritt f’għadd ta’ Stati Membri dwar ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tagħhom 27 . F’dak is-sens, il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat kif l-istat tad-dritt għandu impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

2. Aspetti ewlenin tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri

L-ordinamenti kostituzzjonali, ġuridiċi u politiċi tal-Istati Membri ġeneralment jirriflettu standards tal-istat tad-dritt għoljin. Il-prinċipji ewlenin tal-istat tad-dritt – il-legalità, iċ-ċertezza tad-dritt, il-projbizzjoni tal-eżerċizzju arbitrarju tas-setgħa eżekuttiva, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti u imparzjali, inkluż ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, is-separazzjoni tal-poteri, u l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi – huma minquxa fil-kostituzzjonijiet nazzjonali u tradotti fil-leġiżlazzjoni. Madankollu, hemm ukoll sfidi serji, każijiet fejn ir-reżiljenza tas-salvagwardji tal-istat tad-dritt qed tiġi ttestjata u fejn in-nuqqasijiet isiru aktar evidenti.

Meta wieħed iħares lejn l-erba’ pilastri identifikati għall-mekkaniżmu, l-erba’ taqsimiet li jmiss jenfasizzaw għadd ta’ temi u xejriet komuni sinifikanti, sfidi speċifiċi u żviluppi pożittivi 28 . Jingħataw eżempji ta’ żviluppi fl-Istati Membri li jispikkaw b’mod partikolari, meħuda mill-valutazzjoni għas-27 Stat Membru kollha li jinsabu fil-kapitoli tal-pajjiżi 29 . L-għan huwa li jiġi stimulat dibattitu kostruttiv dwar il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt u li l-Istati Membri kollha jiġu mħeġġa jeżaminaw kif l-isfidi jistgħu jiġu indirizzati, jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin u juru kif l-istat tad-dritt jista’ jissaħħaħ aktar b’rispett sħiħ għat-tradizzjonijiet nazzjonali u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali.

2.1 Sistemi ġudizzjarji

Sistemi ġudizzjarji effettivi huma essenzjali għall-osservanza tal-istat tad-dritt. L-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza huma parametri definiti ta’ sistema ġudizzjarja effettiva, ikun xi jkun il-mudell tal-ordinament ġuridiku nazzjonali u t-tradizzjoni li jkun marbut magħha. Filwaqt li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri hija l-kompetenza tal-Istati Membri, meta jkunu qed jeżerċitaw dik il-kompetenza, l-Istati Membri jridu jiżguraw li s-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja effettiva 30 . L-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija fundamentali biex tiġi żgurata tali protezzjoni ġudizzjarja 31 . Il-qrati nazzjonali jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi previsti mid-dritt tal-UE jiġu infurzati b’mod effettiv. Kif affermat mill-ġdid il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, l-eżistenza nnifisha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv biex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-UE hija essenzjali għall-istat tad-dritt. 32 Sistemi ġudizzjarji effettivi huma wkoll il-bażi għal fiduċja reċiproka, li hija l-pedament tal-ispazju komuni ta’ libertà, ġustizzja u sigurtà, 33 ambjent favorevoli għall-investiment, is-sostenibbiltà tat-tkabbir fit-tul u l-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ċċarat ulterjorment ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-UE rigward l-indipendenza ġudizzjarja. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ukoll tipprovdi standards ewlenin li jridu jiġu rrispettati biex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza ġudizzjarja.

Il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja huwa fuq quddiem nett tal-aġendi politiċi nazzjonali, kif muri mill-fatt li kważi l-Istati Membri kollha huma involuti fir-riformi ġudizzjarji 34 , anki jekk l-objettiv, il-kamp ta’ applikazzjoni, il-forma u l-istat ta’ implimentazzjoni tagħhom ivarjaw. L-oqsma tar-riforma jvarjaw minn bidliet kostituzzjonali strutturali, bħat-twaqqif ta’ kunsill għall-ġudikatura jew qrati ġodda, għal miżuri operazzjonali konkreti, pereżempju dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-kawżi fil-qrati. Id-djalogu wera li l-Istati Membri jsegwu mill-qrib l-iżviluppi tar-riformi u l-istat tad-dritt fil-Istati Membri l-oħrajn, u fil-ġurisprudenza dejjem tevolvi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Perċezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja madwar l-UE

Fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru li sar kemm fost il-kumpaniji kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali fl-2020 35 , huma l-istess Stati Membri li għandhom ħabta jispiċċaw flimkien madwar in-naħa ta’ fuq jew in-naħa t’isfel tal-iskala. L-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru juri li l-perċezzjoni tal-indipendenza fost il-pubbliku ġenerali hija għolja ħafna (aktar minn 75 %) f’sitt Stati Membri. Dawn il-klassifikazzjonijiet baqgħu bejn wieħed u ieħor stabbli matul l-aħħar erba’ snin. Fl-istess ħin, il-livell ta’ indipendenza perċepita naqas f’disa’ Stati Membri matul is-sena li għaddiet u fi ftit Stati Membri, il-livell ta’ indipendenza ġudizzjarja perċepita għadu baxx ħafna (inqas minn 30 %).

L-isforzi mmirati lejn it-tisħiħ tas-salvagwardji strutturali għall-indipendenza ġudizzjarja għadhom għaddejjin

Qed isiru sforzi f’għadd ta’ Stati Membri li għandhom l-għan li jsaħħu l-indipendenza ġudizzjarja u jnaqqsu l-influwenza tas-setgħa eżekuttiva jew leġiżlattiva fuq il-ġudikatura. Dawn jinkludu t-twaqqif jew it-tisħiħ ta’ kunsill nazzjonali indipendenti għall-ġudikatura. Il-metodu għall-ħatra tal-imħallfin huwa wieħed mill-elementi li jista’ jkollu impatt fuq l-indipendenza ġudizzjarja u l-perċezzjonijiet pubbliċi ta’ indipendenza. Għadd ta’ Stati Membri pprevedew jew adottaw riformi mmirati lejn it-tisħiħ tal-involviment tal-ġudikatura fil-proċedura, jew id-definizzjoni ta’ kriterji ċari jew mekkaniżmi ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Ir-riformi tal-proċeduri dixxiplinarji għall-imħallfin u l-prosekuturi juru wkoll aktar attenzjoni għall-ħtieġa ta’ bilanċ li jipprovdi salvagwardji essenzjali filwaqt li jippreserva r-responsabbiltà.

F’ Malta , pereżempju, dan l-aħħar il-Parlament adotta għadd ta’ riformi tas-sistema ġudizzjarja biex tissaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja. Fiċ- Ċekja , ir-riformi li qed jitħejjew għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza fil-ħatra, il-promozzjoni u t-tkeċċija tal-imħallfin. F’ Ċipru , minn Lulju 2019, il-ħatra tal-imħallfin hija soġġetta għal kriterji dettaljati ġodda, u qed jiġu diskussi aktar bidliet. Fil- Latvja , il-Kunsill għall-Ġudikatura ngħata setgħat ġodda bil-ħsieb li tissaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja.

Qed iseħħu wkoll dibattiti, riflessjonijiet u pjanijiet ta’ riforma dwar it-tisħiħ tas-salvagwardji legali u kostituzzjonali għall-indipendenza ġudizzjarja fi Stati Membri fejn l-indipendenza ġudizzjarja tradizzjonalment titqies bħala għolja jew anki għolja ħafna 36 . L-Istati Membri fejn is-separazzjoni tal-poteri u r-rispett għall-indipendenza ġudizzjarja jiddependu aktar fuq it-tradizzjoni politika milli fuq salvagwardji legali dettaljati rrappurtaw li l-iżviluppi fl-Istati Membri l-oħrajn kienu waħda mir-raġunijiet wara l-passi biex jiġu applikati sistemi aktar formali.

Pereżempju, fl- Irlanda , fi tmiem l-2019 ġie stabbilit Kunsill Ġudizzjarju indipendenti biex jissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja. Fil- Lussemburgu , reviżjoni ppjanata tal-Kostituzzjoni għandha l-għan li tintroduċi elementi ġodda biex tissaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja. Fil- Finlandja , f’Jannar 2020, aġenzija indipendenti responsabbli għall-amministrazzjoni tal-qrati, l-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali, ħadet f’idejha funzjonijiet li qabel kienu jiġu eżerċitati mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Fin- Netherlands , huma previsti riformi li jillimitaw l-influwenza tal-eżekuttiv u tal-leġiżlatura fil-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-membri tal-Kunsill tal-Ġudikatura. Fl- Iżvezja , fi Frar 2020 twaqqfet Kummissjoni ta’ Inkjesta dwar “It-tisħiħ tal-protezzjoni tad-demokrazija u l-indipendenza tal-ġudikatura” bil-għan li tippreżenta proposti għal riformi leġiżlattivi u kostituzzjonali.

L-indipendenza tal-prosekuzzjoni fir-rigward tal-eżekuttiv qed tiġi diskussa dejjem aktar billi għandha implikazzjonijiet importanti għall-kapaċità tal-ġlieda kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni

Filwaqt li ma hemm l-ebda mudell uniku fl-UE għall-istabbiliment istituzzjonali tas-servizz tal-prosekuzzjoni, jew għall-ħatra, it-tkeċċija jew il-proċeduri dixxiplinarji għall-prosekuturi f’livelli differenti, is-salvagwardji istituzzjonali jistgħu jgħinu biex jiżguraw li l-prosekuzzjoni tkun indipendenti biżżejjed u ħielsa minn pressjoni politika żejda 37 . Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem 38 reċentement enfasizzat li l-indipendenza tal-prosekuturi hija element ewlieni għaż-żamma tal-indipendenza ġudizzjarja.

Ir-riformi biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-prosekuzzjoni għadhom għaddejjin f’ Malta , fejn qed jiġi stabbilit servizz ta’ prosekuzzjoni kompletament separat, li jtemm ir-rwol tradizzjonali tal-prosekutur ġenerali li jaġixxi wkoll bħala konsulent legali għall-gvern. Ċipru wkoll qed iħejji bidliet leġiżlattivi li għandhom l-għan li jirristrutturaw l-Uffiċċju tal-Liġi tar-Repubblika bil-ħolqien ta’ direttorati separati u awtonomi fl-Uffiċċju tal-Liġi.

Id-dritt tal-eżekuttiv li jagħti struzzjonijiet formali lill-prosekuzzjoni inkluż f’kawżi individwali, kien suġġett ta’ diskussjoni partikolari f’ċerti Stati Membri bħall- Ġermanja u l- Awstrija 39 , b’mod partikolari wara l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew 40 . Fil- Polonja , ir-rwol doppju tal-Ministeru għall-Ġustizzja li jkun ukoll il-Prosekutur Ġenerali ħoloq ċertu tħassib, billi jżid il-vulnerabbiltà tal-influwenza politika fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni u l-investigazzjoni tal-każijiet. Ir-rwol tal-Prosekutur Ġenerali lejn prosekuturi ta’ grad aktar baxx huwa wkoll sors ta’ tħassib f’ċerti Stati Membri. Pereżempju, fil- Bulgarija , għad iridu jiġu ffinalizzati l-proċeduri leġiżlattivi biex jiġi indirizzat it-tħassib li ilu jeżisti dwar reġim effettiv ta’ responsabbiltà għall-Prosekutur Ġenerali. 

L-indipendenza ġudizzjarja tibqa’ kwistjoni ta’ tħassib f’xi Stati Membri

Minkejja l-isforzi ta’ riforma f’għadd ta’ Stati Membri biex tissaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja, l-iżviluppi joħolqu tħassib fi ftit minnhom. Dan it-tħassib ivarja fit-tip ta’ miżuri li huma relatati magħhom u fl-intensità u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Dawn ivarjaw minn tħassib dwar il-kapaċità tal-kunsilli għall-ġudikatura li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għal tħassib aktar strutturali dwar influwenza dejjem akbar tal-fergħa eżekuttiva u leġiżlattiva fuq il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji, inklużi l-qrati kostituzzjonali jew il-Qrati Supremi. Xi wħud minn dawn l-iżviluppi wasslu lill-Kummissjoni biex tniedi proċedimenti ta’ ksur jew tesprimi tħassib fil-kuntest tal-proċeduri tal-Artikolu 7(1) TUE.

F’xi Stati Membri, id-direzzjoni tal-bidla tat lok għal tħassib serju dwar l-impatt tar-riformi fuq l-indipendenza ġudizzjarja. Din kienet waħda mill-kwistjonijiet imsemmija fil-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE mibdija mill-Parlament Ewropew fir-rigward tal- Ungerija . B’mod partikolari, il-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali indipendenti qed jiffaċċja sfidi biex jikkontrobilanċja s-setgħat tal-President tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ġudikatura responsabbli għall-ġestjoni tal-qrati. l-elezzjoni ta’ President ġdid tista’ tiftaħ it-triq għal kooperazzjoni msaħħa. Tħassib ieħor jirrelata ma’ regoli ġodda li jippermettu l-ħatra fil-Qorti Suprema ta’ membri tal-Qorti Kostituzzjonali, eletti mill-Parlament, barra mill-proċedura ta’ ħatra normali. Ir-riformi ġudizzjarji tal- Polonja sa mill-2015 kienu sors ewlieni ta’ kontroversja, kemm fil-livell domestiku kif ukoll fil-livell tal-UE, u ħolqu tħassib serju, li ħafna minnu għadu jippersisti. Dan wassal lill-Kummissjoni biex tniedi l-proċedura skont l-Artikolu 7(1) TUE fl-2017, li għadha qed tiġi kkunsidrata mill-Kunsill. Fl-2019 u l-2020, il-Kummissjoni nediet żewġ proċeduri ta’ ksur biex tissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja u l-Qorti tal-Ġustizzja tat miżuri interim biex tissospendi s-setgħat tal-Awla Dixxiplinarji tal-Qorti Suprema fir-rigward ta’ kawżi dixxiplinarji li jikkonċernaw l-imħallfin.

Għad fadal ukoll sfidi f’ċerti Stati Membri oħra. Fil- Bulgarija , 41 il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem u l-Ispettorat tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem ukoll ħolqu tħassib li għadu pendenti. Fir- Rumanija , 42 għadhom japplikaw riformi kontroversjali li daħlu fis-seħħ fl-2017-2019 b’impatt negattiv fuq l-indipendenza ġudizzjarja 43 . Fl-2020, il-gvern esprima l-impenn tiegħu li jreġġa’ lura t-triq tar-riforma ġudizzjarja wara r-rigress tas-snin preċedenti, li wassal għal tnaqqis sinifikanti fit-tensjonijiet mal-ġudikatura. Fil- Kroazja kapaċità amministrattiva baxxa toħloq diffikultajiet għall-Kunsill Ġudizzjarju tal-Istat u l-Kunsill tal-Avukat tal-Istat fit-twettiq tal-mandat tagħhom, bir-rwol importanti tagħhom fir-rigward tal-ħatra tal-imħallfin u l-prosekuturi u l-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi. Fis- Slovakkja , hemm tħassib li ilu jeżisti dwar l-indipendenza u l-integrità tas-sistema ġudizzjarja. F’April 2020, il-gvern ħabbar pjanijiet ta’ riforma importanti għat-tisħiħ tal-indipendenza u l-integrità ġudizzjarja, kif ukoll il-proċess tal-ħatra għall-Qorti Kostituzzjonali.

L-attakki politiċi u l-kampanji tal-media kontra l-imħallfin u l-prosekuturi spiss jiġu rrappurtati f’xi Stati Membri. Ittieħdu wkoll miżuri, inklużi dawk dixxiplinarji, li jaffettwaw il-libertà tal-imħallfin li jippreżentaw referenzi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Tali attakki u miżuri jista’ jkollhom effett dissważiv u impatt negattiv fuq il-fiduċja pubblika fil-ġudikatura, u jaffettwaw l-indipendenza tagħha 44 . F’għadd ta’ każijiet, l-attakki jkunu mmirati lejn l-imħallfin u l-prosekuturi li qed jieħdu pożizzjonijiet pubbliċi biex jiddenunzjaw żviluppi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ġudikatura kollha kemm hi. Fid-deċiżjoni reċenti tagħha tal-5 ta’ Mejju 2020, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem affermat mill-ġdid il-libertà tal-espressjoni għall-prosekuturi u l-imħallfin biex jipparteċipaw f’dibattiti pubbliċi dwar riformi leġiżlattivi li jaffettwaw il-ġudikatura, u b’mod aktar ġenerali dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-indipendenza tal-ġudikatura 45 .

Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tenfasizza l-importanza tad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji

Għal għadd ta’ snin, l-Istati Membri ilhom jistinkaw biex jagħmlu l-aħjar użu mill-għodod tal-ICT biex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni tal-qrati mal-partijiet u l-avukati, għal ġestjoni effiċjenti tax-xogħol, u biex iżidu t-trasparenza, inkluż l-aċċess online għad-deċiżjonijiet tal-qorti. Bħalissa għaddejjin ħafna inizjattivi fl-Istati Membri biex isir titjib reali għall-utenti tas-sistemi ġudizzjarji. Il-pandemija tal-COVID-19 tat spinta addizzjonali lil dawn l-isforzi, u wriet l-importanza li jiġu aċċellerati r-riformi biex jiġi diġitalizzat it-trattament tal-każijiet mill-istituzzjonijiet ġudizzjarji, l-iskambju ta’ informazzjoni u dokumenti mal-partijiet u l-avukati, u l-aċċess kontinwu u faċli għall-ġustizzja għal kulħadd. Qed jittieħdu għadd ta’ inizjattivi li jvarjaw mill-permess lill-utenti tal-qorti biex jimmonitorjaw online l-istadji tal-proċedimenti sal-immudellar tas-sentenzi skont standard li jippermetti l-leġġibbiltà tal-magni tagħhom.

Xi Stati Membri diġà jinsabu fi stadju avvanzat fl-implimentazzjoni ta’ sistemi bħal dawn. Pereżempju, fl- Estonja u l- Latvja , is-sistemi ġudizzjarji huma kkaratterizzati minn uħud mill-aktar teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni avvanzati użati fil-qrati. Dawn jipprovdu grad għoli ta’ aċċessibbiltà u flessibbiltà għall-użi fil-qorti, u kkontribwew bil-kbir ukoll għall-funzjonament kontinwu tal-qrati bi ftit tfixkil matul il-pandemija tal-COVID-19. Fis- Slovenja , id-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja għall-ġestjoni tal-kawżi hija avvanzata sew u għaddejjin żviluppi ulterjuri biex tittejjeb il-komunikazzjoni elettronika bejn il-qrati u l-partijiet. L- Ungerija wkoll għandha livell għoli ta’ diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja, b’disponibbiltà għolja ta’ mezzi elettroniċi fir-rigward tal-aċċess online għal sentenzi ppubblikati. Fil- Portugall , emenda għall-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili implimentat il-prinċipju ta’ "diġitali b’mod awtomatiku" għall-proċedimenti ċivili kollha. Fl- Italja , abbozz ta’ riforma tal-proċedura ċivili għadu għaddej biex jipprovdi għal preżentazzjoni online esklużiva u firxa usa’ ta’ mezzi elettroniċi, inkluż ħlas online ta’ tariffi tal-qorti. Il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji fil-kuntest tal-pjan ta’ rkupru 46 . Dawn l-isforzi jistgħu jiġu appoġġati permezz tal-Programm Ewropa Diġitali futur u l-istrument tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss.

L-investiment fil-ġustizzja huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-effiċjenza

Sistemi ġudizzjarji effettivi jiddependu fuq riżorsi umani u finanzjarji adegwati. Filwaqt li n-nefqa tal-gvern fuq is-sistema ġudizzjarja b’mod ġenerali qed tiżdied 47 , f’għadd ta’ Stati Membri l-ġudikatura trid tlaħħaq b’riżorsi limitati. L-investiment fis-sistemi ġudizzjarji huwa indispensabbli wkoll biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-effiċjenza li ċerti Stati Membri għadhom qed jiffaċċjaw. It-tul eċċessiv tal-proċedimenti u x-xogħol b’lura fis-sistemi ġudizzjarji jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri xierqa. L-effetti ekonomiċi u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19 enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema ġudizzjarja, jiġifieri minħabba li l-volum ta’ kawżi jista’ jkun mistenni li jiżdied. L-ineffiċjenza tista’ tiġġenera nuqqas ta’ fiduċja fis-sistemi ġudizzjarji, li tista’ ssir pretest għal riformi tal-ġustizzja inadegwati li jaffettwaw l-istat tad-dritt. L-investimenti ppjanati fl-effiċjenza u l-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji li huma ta’ benefiċċju għall-ambjent tan-negozju jistgħu jiġu ffaċilitati mill-programmi tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. F’xi Stati Membri, il-ħtieġa għal riżorsi addizzjonali ġiet rikonoxxuta uffiċjalment fil-programmi tal-gvern. Pereżempju, il- Ġermanja qed timplimenta "Patt għall-Istat tad-Dritt", li jinkludi riżorsi addizzjonali sinifikanti, kemm fil-livell federali kif ukoll fil-livell tal-Länder. L-inizjattivi fl- Awstrija u Franza għandhom ukoll l-għan li jżidu r-riżorsi għas-sistema ġudizzjarja.

2.2 Il-Qafas kontra l-korruzzjoni

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija essenzjali għaż-żamma tal-istat tad-dritt. Il-korruzzjoni ddgħajjef il-funzjonament tal-istat u tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha u hija faċilitatur ewlieni tal-kriminalità organizzata 48 . Oqfsa effettivi kontra l-korruzzjoni, trasparenza u integrità fl-eżerċizzju tas-setgħa tal-istat jistgħu jsaħħu s-sistemi legali u l-fiduċja fl-awtoritajiet pubbliċi. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni jeħtieġ li tkun ibbażata fuq evidenza dwar il-prevalenza u l-forma tagħha f’pajjiż partikolari, il-kundizzjonijiet li jippermettu l-korruzzjoni u l-inċentivi legali, istituzzjonali u oħrajn li jistgħu jintużaw għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u s-sanzjoni tal-korruzzjoni.

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ma tistax titnaqqas għal sett ta’ miżuri standard “wieħed tajjeb għal kulħadd”. Jeħtieġ ukoll li tqis fatturi ta’ riskju speċifiċi, li jistgħu jvarjaw bejn Stati Membri differenti. Madankollu, l-Istati Membri kollha jeħtieġu għodod fis-seħħ biex jipprevjenu, jidentifikaw, irażżnu u jissanzjonaw il-korruzzjoni. L-UE ilha li għarfet il-ħtieġa ta’ strateġiji komprensivi ta’ prevenzjoni li jżidu t-trasparenza u l-integrità fis-setturi kollha tas-soċjetà u li jiffukaw fuq il-kawżi ewlenin 49 . Jenħtieġ li strateġiji bħal dawn ikunu bbażati fuq valutazzjoni ta’ theddid, vulnerabbiltajiet u fatturi ta’ riskju. Bl-istess mod, il-ħtieġa għal miżuri ta’ integrità affidabbli u effettivi, sistemi effiċjenti għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u istituzzjonijiet pubbliċi effettivi, responsabbli u trasparenti fil-livelli kollha hija wkoll parti mill-approċċ tal-UE għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandu jiddependi fuq taħlita ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u repressivi. Dan jitlob sistemi ġudizzjarji indipendenti u imparzjali li jinfurzaw b’mod effettiv il-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni billi jwettqu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet imparzjali, u sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi inkluż l-irkupru effettiv tar-rikavat mill-korruzzjoni. 50 Dan imbagħad jeħtieġ qafas legali u istituzzjonali robust, kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja suffiċjenti, kif ukoll ir-rieda politika għal miżuri ta’ infurzar. Il-media indipendenti u pluralistika, b’mod partikolari l-ġurnaliżmu investigattiv u soċjetà ċivili attiva, għandhom rwol importanti fl-iskrutinju tal-affarijiet pubbliċi, jidentifikaw ksur possibbli tal-korruzzjoni u tal-integrità, iżidu l-għarfien u jippromwovu l-integrità. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha wkoll dimensjoni importanti tal-UE billi hija marbuta mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni 51 . L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkollu rwol kruċjali f’dan ir-rigward 52 . Matul dawn l-aħħar ftit snin, ġiet adottata leġiżlazzjoni tal-UE biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inklużi standards għall-protezzjoni tal-informaturi kontra kull forma ta’ ritaljazzjoni 53 . Ir-regoli riveduti kontra l-ħasil tal-flus, b’mod partikolari billi jistabbilixxu reġistri tas-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji 54 , u passi ulterjuri biex jgħinu fl-iskambju ta’ informazzjoni finanzjarja u biex iħaffu l-investigazzjonijiet finanzjarji 55 , kollha għandhom impatt importanti fuq l-iffaċilitar tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Perċezzjonijiet tal-korruzzjoni madwar l-UE

Ir-riżultati tal-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni 56 juru li 10 Stati Membri huma fost l-20 pajjiż li huma meqjusa bħala l-inqas korrotti fid-dinja, filwaqt li l-punteġġ medju tal-UE huwa globalment tajjeb. Diversi Stati Membri tejbu l-punteġġ tagħhom meta mqabbel mas-snin preċedenti, filwaqt li oħrajn qed ikomplu jġibu punteġġi ferm aktar baxxi minn pajjiżi Ewropej oħra.

L-aħħar stħarriġ dwar il-perċezzjoni tal-Ewrobarometru 57 juri li l-korruzzjoni għadha ta’ tħassib serju għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE. Aktar minn sebgħa minn kull 10 Ewropej (71 %) jemmnu li l-korruzzjoni hija mifruxa f’pajjiżhom u aktar minn erbgħa minn kull 10 Ewropej (42 %) iqisu li l-livell ta’ korruzzjoni żdied f’pajjiżhom. Sadanittant, 34 % biss ta’ dawk li wieġbu huma tal-opinjoni li l-isforzi tal-gvern tagħhom biex jiġġieled il-korruzzjoni huma effettivi. Barra minn hekk, aktar minn sitta minn kull 10 kumpaniji Ewropej (63 %) iqisu li l-problema tal-korruzzjoni hija mifruxa f’pajjiżhom u l-maġġoranza tal-kumpaniji (51 %) jaħsbu li huwa improbabbli li persuni jew negozji korrotti f’pajjiżhom jinqabdu, jew jiġu rrappurtati lill-pulizija jew lill-prosekuturi.

L-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni

Qafas strateġiku kontra l-korruzzjoni joffri l-opportunità li l-impenn politiku u l-viżjoni jissarrfu f’azzjonijiet konkreti. L-istrateġiji nazzjonali kontra l-korruzzjoni jistgħu jiżguraw li l-lakuni leġiżlattivi jew istituzzjonali individwali ma jiġux indirizzati b’mod iżolat u li d-dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni jiġu integrati fis-setturi ta’ politika rilevanti kollha sabiex ikun hemm impatt effettiv fil-prattika. Diversi Stati Membri adottaw strateġiji komprensivi ġodda jew riveduti kontra l-korruzzjoni b’objettivi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, baġit ċar u responsabbiltajiet definiti sew ta’ istituzzjonijiet speċjalizzati, kif ukoll involviment qawwi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Pereżempju, f’Jannar 2020, Franza adottat pjan nazzjonali pluriennali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni (2020-2022), li jkopri kemm id-dimensjonijiet preventivi kif ukoll dawk ripressivi tal-korruzzjoni. Stati Membri oħra bħall- Bulgarija , il-Kroazja , iċ-Ċekja , l-Estonja , il-Greċja , l-Italja , il-Litwanja , ir-Rumanija , u s-Slovakkja kellhom strateġiji nazzjonali kontra l-korruzzjoni komprensivi għal diversi snin. Filwaqt li l-iżvilupp ta’ pjanijiet u strateġiji kontra l-korruzzjoni huwa importanti, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettivi tagħhom huma kruċjali biex jiġi żgurat li jsir progress. 

Stati Membri oħra jinsabu fil-proċess li jħejju strateġiji nazzjonali kontra l-korruzzjoni. Fl- Irlanda , il-gvern ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jindirizza l-korruzzjoni b’mod aktar effettiv, billi jsegwi l-valutazzjoni komprensiva li għaddejja tal-korpi varji tal-Istat involuti f’miżuri ta’ prevenzjoni u repressjoni kontra l-korruzzjoni u l-proċeduri fl-infurzar tal-liġi kriminali. Għaddejjin ukoll diskussjonijiet fil- Portugall , fejn ġie stabbilit grupp ta’ ħidma biex iħejji strateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni. Il-Finlandja u l-Isvezja , li ddependew inqas fuq approċċ strateġiku u aktar fuq prattiki, tradizzjonijiet u standards għoljin ta’ integrità u trasparenza għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni, issa wkoll jinsabu fil-proċess li jħejju pjanijiet nazzjonali kontra l-korruzzjoni.

It-tisħiħ tal-kapaċità tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Xi Stati Membri wettqu wkoll riformi biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni kriminali tagħhom mal-istandards internazzjonali kontra l-korruzzjoni. Il-Latvja , pereżempju, reċentement emendat il-liġi kriminali tagħha fir-rigward tad-definizzjoni ta’ diversi reati ta’ korruzzjoni, u eliminat ċerti restrizzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tixħim u l-kummerċ fl-influwenza.

Huwa wkoll ta’ importanza ewlenija għall-istituzzjonijiet fdati bl-infurzar tal-liġi kriminali li jaħdmu b’mod effettiv u imparzjali. Huwa fundamentali li l-korpi ġudizzjarji, tal-prosekuzzjoni u tal-infurzar tal-liġi jkunu mgħammra b’finanzjament adegwat, riżorsi umani, kapaċità teknika u għarfien espert speċjalizzat. F’xi Stati Membri ġew introdotti miżuri biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-qafas istituzzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u biex jitnaqqsu l-ostakli għal prosekuzzjoni effettiva. Pereżempju, il-liġi kontra l-korruzzjoni adottata f’Jannar 2019 fl- Italja ssikkat is-sanzjonar għal reati ta’ korruzzjoni u ssospendiet il-perjodi ta’ limitazzjoni wara s-sentenzi tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, fil-Parlament qed tiġi diskussa riforma komprensiva biex tiġi ssimplifikata l-proċedura kriminali, billi l-impatt dissważiv tas-sanzjonijiet huwa mxekkel mit-tul eċċessiv tal-proċedimenti kriminali. Spanja fittxet ukoll li żżid il-kapaċità tal-prosekuzzjoni billi talloka riżorsi addizzjonali u taġġorna l-leġiżlazzjoni kriminali biex testendi l-istatut tal-limitazzjonijiet għal reati serji u tintroduċi sanzjonijiet aktar severi għal reati relatati mal-korruzzjoni. Bl-istess mod, Franza reċentement ħadet miżuri biex torganizza mill-ġdid il-pulizija finanzjarja, u rapport tal-2020 wera li l-każijiet relatati mal-korruzzjoni żdiedu b’mod sinifikanti bħala proporzjon tal-każijiet kollha.

Huwa importanti wkoll li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn il-privileġġi u l-immunitajiet tal-uffiċjali pubbliċi u li jiġi żgurat li dawn ma jintużawx bħala ostakli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettivi tal-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Il-Greċja ħadet miżuri biex telimina xi ostakli importanti għall-prosekuzzjoni ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli relatati ma’ immunitajiet u statuti speċjali ta’ limitazzjoni permezz ta’ rieżami kostituzzjonali fl-2019.

Għaddejjin sforzi sinifikanti fi Stati Membri oħra, spiss b’reazzjoni għal sfidi speċifiċi jew pressjoni soċjetali. Eżempji jinkludu lil Malta , fejn l-investigazzjoni għaddejja u l-inkjesta pubblika separata dwar l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia kixfu kemm huma b’saħħithom ix-xbieki tal-korruzzjoni u xprunaw reazzjoni pubblika qawwija li talbet għal tisħiħ sinifikanti tal-kapaċità għall-indirizzar tal-korruzzjoni u għal riformi usa’ marbuta mal-istat tad-dritt. Issa tnieda proġett wiesa’ ta’ riforma biex jiġu indirizzati l-lakuni u jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali kontra l-korruzzjoni, inkluż fir-rigward tal-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni. Bl-istess mod, fis- Slovakkja , il-gvern ħabbar firxa ta’ riformi b’reazzjoni għall-espressjoni pubblika ta’ rabja dwar ir-rivelazzjonijiet li saru fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tal-qtil tal-ġurnalist Ján Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová. Il-proċeduri ġudizzjarji għadhom għaddejjin.

F’xi każijiet, ir-riformi li għaddejjin iwieġbu wkoll għal tħassib speċifiku f’oqsma bħall-korruzzjoni jew il-ħasil tal-flus. Pereżempju, fl- Awstrija , wara ċerti każijiet ta’ korruzzjoni li attiraw attenzjoni kbira, il-gvern qed jippjana riformi possibbli biex isaħħaħ ulterjorment il-kontroll tal-finanzjament tal-partiti politiċi mill-Qorti tal-Awdituri. Hemm ukoll diversi inizjattivi għaddejjin fin- Netherlands immirati lejn it-tisħiħ ulterjuri tal-qafas għad-detezzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tas-settur finanzjarju. L-analiżi konġunta tal-fajls miċ-Ċentru Kontra l-Korruzzjoni u l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja fin-Netherlands, li tiżgura l-kondiviżjoni tal-għarfien espert u analiżi aktar effiċjenti u usa’ ta’ tranżazzjonijiet mhux tas-soltu relatati mal-korruzzjoni, tikkostitwixxi eżempju tajjeb ta’ identifikazzjoni tan-nuqqasijiet li għandhom jiġu indirizzati.

L-investigazzjonijiet kriminali u l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet għall-korruzzjoni għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ problemi

In-nuqqas ta’ statistika uniformi, aġġornata u kkonsolidata madwar l-Istati Membri kollha jagħmilha diffiċli li jiġi traċċat is-suċċess komparattiv tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni. Żewġ ġabriet pilota ta’ data tal-Kummissjoni Ewropea ta’ statistika uffiċjali dwar it-trattament kriminali ta’ każijiet ta’ korruzzjoni fl-Istati Membri wrew li għad hemm ostakli biex tinġabar data komparattiva madwar l-UE dwar it-trattament ta’ każijiet ta’ korruzzjoni f’diversi stadji tal-proċedura kriminali fl-Istati Membri. Id-data miġbura mill-Istati Membri parteċipanti wriet li hemm differenzi notevoli bejn l-Istati Membri fid-definizzjonijiet ta’ reati, id-disponibbiltà tad-data, u l-metodoloġija għar-reġistrazzjoni tad-data 58 .

Il-monitoraġġ juri li hemm tħassib dwar l-effettività tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni, inklużi każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli, f’diversi Stati Membri. Eżempji jinkludu l- Bulgarija , fejn ir-riforma tal-oqfsa legali u istituzzjonali tagħha kontra l-korruzzjoni wasslet għal titjib fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti, madankollu, għad fadal sfidi importanti qabel ma dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jibnu reputazzjoni soda ta’ imparzjalità, oġġettività u indipendenza. Għad irid jiġi stabbilit rekord sod ta’ kundanni finali f’każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli. Fil- Kroazja , l-isforzi tas-servizzi speċjalizzati kontra l-korruzzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma mxekkla minn nuqqas ta’ investigaturi speċjalizzati u mill-ineffiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, billi proċedimenti tal-qorti u l-appelli twal ħafna drabi jimpedixxu l-għeluq ta’ każijiet, inkluż kontra uffiċjali ta’ livell għoli. Bl-istess mod, fis- Slovakkja , ftit każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli biss ġew investigati jew imħarrka f’dawn l-aħħar snin, bi protezzjoni dgħajfa tal-informaturi u kapaċità limitata tal-istituzzjonijiet speċjalizzati kontra l-korruzzjoni biex jinvestigaw u jħarrku bħala sfidi importanti.

Fiċ- Ċekja wkoll jeżisti tħassib li każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli mhumiex segwiti b’mod sistematiku u bħalissa għaddejjin investigazzjonijiet u awditi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew dwar kunflitti ta’ interess potenzjali u l-użu tal-fondi tal-UE. Fl- Ungerija , filwaqt li hemm prosekuzzjoni ta’ korruzzjoni f’livell għoli f’xi każi, tibqa’ limitata ħafna u jidher li hemm nuqqas konsistenti ta’ azzjoni determinata biex jinbdew investigazzjonijiet kriminali u ssir prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu uffiċjali ta’ livell għoli jew iċ-ċirku immedjat tagħhom meta jinqalgħu allegazzjonijiet serji. It-trattament ta’ każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli jippreżenta wkoll nuqqasijiet f’ Malta , fejn fajls kriminali kontra detenturi ta’ funzjonijiet eżekuttivi ewlenin allegatament jibqgħu fl-istadji bikrija tal-proċedimenti kriminali u fejn ir-riformi reċenti jfittxu li jindirizzaw l-isfidi għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni.

Miżuri biex jissaħħaħ il-qafas ta’ prevenzjoni u integrità tal-korruzzjoni

Il-politiki ta’ prevenzjoni tal-korruzzjoni jkopru ħafna oqsma, tipikament inklużi regoli etiċi, miżuri ta’ sensibilizzazzjoni, regoli dwar l-iżvelar tal-assi, inkompatibilitajiet u kunflitti ta’ interess, mekkaniżmi ta’ kontroll intern, regoli dwar il-lobbying, u revolving doors. It-trasparenza, l-aċċess għall-informazzjoni pubblika, il-protezzjoni tal-informaturi u l-kultura ġenerali ta’ integrità fil-ħajja pubblika huma elementi ewlenin li jippermettu l-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-korruzzjoni . Ħafna Stati Membri ħadu jew qed jipprevedu miżuri biex isaħħu l-qafas ta’ prevenzjoni u integrità. Eżempji jinkludu l-Bulgarija , l-Irlanda , il-Greċja , Malta , iċ-Ċekja , il-Polonja u l-Portugall . Il-leġiżlazzjoni li għaddejja tkopri oqsma inklużi l-obbligi għad-dikjarazzjonijiet tal-assi, ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess għall-uffiċjali pubbliċi kollha (inklużi l-Membri tal-Parlament), it-trasparenza fil-kariga pubblika, jew it-twaqqif ta’ entitajiet u uffiċċji ddedikati għat-trasparenza bil-kompitu tal-monitoraġġ u l-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u tal-kunflitti ta’ interess. F’ċerti Stati Membri bħad- Danimarka , il-Finlandja u l-Iżvezja , il-prevenzjoni tal-korruzzjoni tistrieħ essenzjalment fuq kultura b’saħħitha ta’ integrità, fejn ftit ikun hemm regoli u kontrolli formali.

Sabiex ikunu effettivi, tali miżuri jeħtieġ li jkunu bbażati fuq dijanjosi bir-reqqa tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet u jkun fihom mekkaniżmi li jiżguraw infurzar adegwat ta’ inċidenti ta’ integrità u s-segwitu għalihom. Il-miżuri ta’ prevenzjoni jwasslu għal riżultati viżibbli meta jkunu parti minn approċċ komprensiv u jiġu ssimplifikati fis-setturi ta’ politika rilevanti kollha. Għad fadal sfidi f’diversi pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam mal-infurzar jew il-mekkaniżmi ta’ kontroll biex jivverifikaw u possibbilment jissanzjonaw inċidenti ta’ integrità relatati ma’ dikjarazzjonijiet tal-assi, lobbying, kunflitti ta’ interess u revolving doors.

2.3 Il-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-media

L-Istati Membri kollha għandhom oqfsa legali fis-seħħ biex jipproteġu l-libertà u l-pluraliżmu tal-media u ċ-ċittadini tal-UE ġeneralment igawdu minn standards għoljin ta’ libertà u pluraliżmu tal-media. Il-libertà tal-espressjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-media u d-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni huma ġeneralment minquxa fil-Kostituzzjoni jew fil-liġi sekondarja. Il-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-media huma faċilitaturi ewlenin għall-istat tad-dritt, ir-responsabbiltà demokratika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-qtil ta’ ġurnalisti li kienu qed jinvestigaw korruzzjoni ta’ livell għoli u allegazzjonijiet ta’ kriminalità organizzata kienu twissija li fakkret lill-Istati Membri fl-obbligu li jiggarantixxu ambjent favorevoli għall-ġurnalisti, jipproteġu s-sikurezza tagħhom u jippromwovu b’mod proattiv il-libertà tal-media u l-pluraliżmu tal-media.

L-iżviluppi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 komplew jikkonfermaw ir-rwol ewlieni tal-media ħielsa u pluralistika u s-servizz essenzjali li jipprovdu lis-soċjetà billi jipprovdu informazzjoni verifikata tal-fatti - u b’hekk jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni - u b’hekk iżommu r-responsabbiltà demokratika. Huma enfasizzaw ukoll ir-riskji potenzjali li jirriżultaw minn restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq l-aċċess għall-informazzjoni. Il-kriżi żvelat li l-miżuri mfassla biex jindirizzaw l-"infodemika" jistgħu jintużaw bħala skuża biex jimminaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jew abbużati għal skopijiet politiċi 59 . Hija amplifikat ukoll is-sitwazzjoni ekonomika diġà diffiċli tas-settur minħabba tnaqqis drammatiku fid-dħul mir-reklamar, minkejja żieda fl-udjenzi. Is-sitwazzjoni hija partikolarment diffiċli għal atturi iżgħar vulnerabbli u għall-mezzi tax-xandir lokali u reġjonali. Is-saħħa u d-diversità tas-settur tal-media fl-UE jirriskjaw li jiddgħajfu b’riżultat ta’ dan.

Il-monitoraġġ fl-ewwel rapport dwar l-istat tad-dritt jiffoka fuq xi elementi fundamentali tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media b’effett partikolari fuq l-istat tad-dritt, bħall-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji tal-media, it-trasparenza tas-sjieda tal-media, ir-reklamar tal-istat, is-sikurezza tal-ġurnalisti u l-aċċess għall-informazzjoni. Aspetti oħra tax-xenarju tal-media li għadhom mhumiex koperti f’dan l-ewwel rapport, bħal pereżempju r-rwol u l-indipendenza tal-media tas-servizz pubbliku, huma wkoll kritiċi f’kuntest tal-istat tad-dritt u se jiġu żviluppati aktar fis-snin li ġejjin. Il-monitoraġġ fir-rapport dwar l-istat tad-dritt se jiġi kkomplementat ukoll minn azzjonijiet li għandhom jiġu proposti fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew li jmiss dwar id-Demokrazija u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Media u s-Settur Awdjoviżiv.

L-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media 60  

L-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media tivvaluta r-riskji għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-Istati Membri kollha tal-UE, billi tiffoka fuq erba’ oqsma: il-protezzjoni bażika tal-libertà tal-media, il-pluralità tas-suq, l-indipendenza politika u l-inklużività soċjali tal-media. L-aħħar riżultati tal--Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media (Media Pluralism Monitor, MPM 2020) jenfasizzaw, b’mod partikolari, li l-ġurnalisti u l-atturi oħra tal-media jkomplu jiffaċċjaw theddid u attakki (kemm fiżiċi kif ukoll online) f’diversi Stati Membri mmonitorjati. Ir-riżultati juru wkoll li mhux ir-regolaturi tal-media kollha jistgħu jitqiesu ħielsa mill-influwenza, kemm minħabba l-mod tal-ħatra tal-bordijiet tagħhom kif ukoll meta jimplimentaw il-mandat tagħhom. Skont ir-rapport, it-trasparenza tas-sjieda tal-media tippreżenta bħala medja riskju medju madwar l-Istati Membri, minħabba nuqqas ta’ effettività tad-dispożizzjonijiet legali u/jew il-fatt li l-informazzjoni tingħata biss lill-korpi pubbliċi, iżda mhux lill-pubbliku. Ir-riżultati jenfasizzaw ukoll li l-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet għadhom vulnerabbli għall-indħil politiku, speċjalment meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi għall-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet ma jkunux stabbli.

L-indipendenza tal-awtoritajiet tal-media

L-awtoritajiet tal-media huma atturi ewlenin għall-infurzar tal-pluraliżmu tal-media. Fl-implimentazzjoni ta’ regolamentazzjoni speċifika għall-media u deċiżjonijiet ta’ politika dwar il-media, l-indipendenza tagħhom mill-interessi ekonomiċi u politiċi u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom għandhom impatt dirett fuq il-pluralità tas-suq u fuq l-indipendenza politika tal-ambjent tal-media.

L-indipendenza u l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-media hija stabbilita bil-liġi fl-Istati Membri kollha. Madankollu, toħloq xi tħassib rigward ir-riskji li l-awtorità tispiċċa politiċizzata, pereżempju fl- Ungerija , Malta  u l-Polonja . Jeżisti wkoll tħassib dwar kemm huma effettivi xi awtoritajiet nazzjonali tal-media fid-dawl tar-riżorsi li għandhom, pereżempju fil- Bulgarija ,  il-Greċja ,  il-Lussemburgu ,  ir-Rumanija  u s-Slovenja . Fiċ- Ċekja , il-gvern qed jikkunsidra riforma biex ikompli jsaħħaħ l-indipendenza tar-regolatur tal-media.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (Audiovisual Media Services Directive, AVMSD), li t-traspożizzjoni tagħha għandha titlesta din is-sena 61 , tinkludi rekwiżiti speċifiċi li se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-media. 

Trasparenza tas-sjieda tal-media

It-trasparenza tas-sjieda tal-media hija prekundizzjoni essenzjali għal kull analiżi affidabbli dwar il-pluralità ta’ suq tal-media partikolari; jeħtieġ mhux biss li jitwettqu proċessi infurmati ta’ regolamentazzjoni, kompetizzjoni u politika, iżda wkoll li l-pubbliku jkun jista’ jevalwa l-informazzjoni u l-opinjonijiet li huma mxerrda mill-media 62 . Xi Stati Membri għandhom sistemi żviluppati sew biex jiżguraw it-trasparenza tas-sjieda tal-media. Fil- Ġermanja , pereżempju, hemm obbligi speċifiċi biex tiġi żvelata s-sjieda li tapplika għas-settur tal-media tal-aħbarijiet, ix-xandara kummerċjali, il-media online u l-istampa. Il-partiti politiċi jridu jkunu trasparenti dwar l-involviment tagħhom fl-entitajiet tal-media. Fi Franza , il-kumpaniji tal-media huma meħtieġa jiżvelaw l-akbar tliet sidien tagħhom lill-pubbliku, u jridu jinnotifikaw lill-awtorità tal-media ("Conseil Supérieur de l’Audiovisuel" - CSA) meta s-sjieda jew il-kontroll jilħaq l-limitu ta’ 10 % jew aktar. L-informazzjoni dwar l-istruttura kapitali tal-pubblikaturi tinsab fis-sit web tas-CSA. Il-Portugall  għandu qafas dettaljat biex jiżgura t-trasparenza tas-sjieda tal-media. L-obbligu ta’ żvelar tas-sjieda u l-finanzjament tal-media huwa stabbilit fil-Kostituzzjoni, u l-monitoraġġ tagħha huwa r-responsabbiltà tal-awtorità tal-media.

Fi ftit Stati Membri, hemm ostakli għal żvelar pubbliku effettiv tas-sjieda, jew ma hemm l-ebda sistema ta’ żvelar effettiva fis-seħħ. Fiċ- Ċekja , il-kumpaniji tal-media mhumiex obbligati jiżvelaw l-istrutturi tas-sjieda tagħhom, kwalunkwe bidla fihom jew kwalunkwe informazzjoni relatata mas-sid benefiċjarju aħħari tal-kumpanija. F’ Ċipru , ma hemm l-ebda trasparenza tas-sjieda fir-rigward tal-istampa bil-miktub u dik diġitali, li toħloq tħassib fir-rigward tas-sjieda inkroċjata. In-nuqqas ta’ trasparenza tas-sjieda tal-media huwa sors ta’ tħassib fil- Bulgarija wkoll.

Distribuzzjoni tar-reklamar tal-istat

Ir-reklamar mill-Istat 63 jista’ jkun sors importanti ta’ appoġġ għall-media. L-appoġġ finanzjarju mill-istat jista’ jkun kruċjali, speċjalment għall-media komunitarja mingħajr skop ta’ qligħ u forom oħra inqas kummerċjali ta’ ġurnaliżmu, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika, u regoli trasparenti u kriterji ġusti jnaqqsu r-riskju ta’ favoritiżmu. Għalhekk huwa ta’ importanza partikolari li jkun hemm fis-seħħ u jiġu implimentati b’mod effettiv regoli ġusti u trasparenti dwar id-distribuzzjoni tar-riżorsi u l-appoġġ tal-istat. In-nuqqas ta’ tali regoli jżid ir-riskju li l-flus pubbliċi jiġu allokati għal mezzi tal-media speċifiċi b’mod preġudikat.

F’ħafna Stati Membri, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika li tiżgura regoli ġusti u trasparenti dwar id-distribuzzjoni tar-reklamar tal-istat lill-mezzi tax-xandir. Ir-riskji kkawżati min-nuqqas ta’ regoli ċari u trasparenti jistgħu jimmanifestaw ruħhom permezz ta’ trasparenza baxxa fir-rigward tal-kriterji tad-distribuzzjoni, l-ammonti allokati u l-benefiċjarji. Fl- Ungerija , fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni u trasparenza fid-distribuzzjoni tar-reklamar tal-istat, ammonti sinifikanti ta’ reklamar statali mgħoddi lil ħwienet favur il-gvern fetħu l-bibien għall-gvern biex jeżerċita influwenza politika indiretta fuq il-media. L- Awstrija talloka livelli relattivament għoljin ta’ reklamar statali lill-kumpaniji tal-media, u tqajjem tħassib dwar l-influwenza politika potenzjali fuq tali allokazzjoni, fin-nuqqas ta’ regoli dwar id-distribuzzjoni ġusta tagħha.

F’xi każijiet, dawn ir-riskji jittaffew minn regoli ġenerali tal-akkwist pubbliku u/jew regoli ta’ governanza tajba tan-nefqa tal-istat. Fis- Slovakkja  pereżempju, ma jeżisti l-ebda qafas għar-regolamentazzjoni tad-distribuzzjoni tar-reklamar tal-istat, madankollu l-kuntratti bejn l-Istat u s-settur privat huma rreġistrati fir-reġistru ċentrali tal-kuntratti li huwa disponibbli għall-pubbliku.

Dan l-aħħar, il-Kummissjoni pproponiet li l-pakkett ta’ rkupru mill-baġit tal-UE jista’ jgħin biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet immedjati ta’ likwidità, filwaqt li l-investiment diġitali u r-reżiljenza tas-settur jissaħħu wkoll permezz tal-Programmi InvestEU, Ewropa Kreattiva u Orizzont Ewropa. Il-Kummissjoni kompliet tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-atturi kollha tal-UE biex jappoġġaw il-media filwaqt li jiżguraw ir-rispett tal-indipendenza, il-libertà tal-media u l-pluraliżmu tagħhom 64 . 

Pressjoni politika fuq il-media

Il-vulnerabbiltajiet u r-riskji għall-pluraliżmu tal-media jiżdiedu meta l-indipendenza politika tal-media tkun mhedda, fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni kontra l-interferenza politika jew bħala riżultat ta’ regoli li jippermettu lill-atturi politiċi jippossjedu l-media.

Il-kapitoli tal-pajjiżi identifikaw għadd ta’ każijiet fejn tqajjem tħassib serju mill-partijiet ikkonċernati. Fil- Bulgarija , pereżempju, huwa rrappurtat li s-sjieda ta’ diversi mezzi tal-media hija marbuta mill-qrib mal-atturi politiċi, anki jekk mhumiex proprjetà uffiċjali tagħhom. Barra minn hekk, għadd kbir ta’ ġurnalisti Bulgari kkaratterizzaw l-indħil politiku fil-media bħala “komuni” u “mifrux”. Fl- Ungerija , l-istabbiliment tal-konglomerat tal-media tal-KESMA permezz tal-fużjoni ta’ aktar minn 470 stabbiliment tal-media favur il-gvern, mingħajr skrutinju mill-awtoritajiet tal-media u tal-kompetizzjoni, tqies bħala theddida għall-pluraliżmu tal-media. Kien espress tħassib ulterjuri li akkwiżizzjoni reċenti tista’ ssegwi xejra ta’ akkwiżizzjoni ekonomika tas-siti tal-media tal-aħbarijiet indipendenti li fadal. F’ Malta , iż-żewġ partiti politiċi ewlenin rappreżentati fil-Parlament jippossjedu, jikkontrollaw jew jimmaniġġjaw diversi mezzi tal-media u xandara Maltin multipli. Fil- Polonja , matul il-kampanja presidenzjali tal-2020, il-koalizzjoni fil-gvern irreferiet għal pjanijiet possibbli għal bidliet leġislattivi li jikkonċernaw mezzi tal-media ta’ proprjetà barranija, li jista’ jkollhom implikazzjonijiet għall-pluraliżmu tal-media.

Dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni

Id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni huwa prekundizzjoni fundamentali għad-dibattitu demokratiku u l-iskrutinju tal-istituzzjonijiet pubbliċi, ta’ importanza ewlenija għall-media iżda wkoll b’mod aktar ġenerali għad-difiża tal-istat tad-dritt. Hija sserraħ fuq it-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan id-dritt huwa garantit fil-Kostituzzjoni jew fil-leġiżlazzjoni sekondarja fl-Istati Membri kollha iżda xi kapitoli tal-pajjiżi jindikaw ostakli jew dewmien fl-għoti tal-informazzjoni. Fiċ- Ċekja , f’ Malta  u fir- Rumanija , pereżempju, ġew irrappurtati diffikultajiet u ostakli ripetuti biex tinkiseb l-informazzjoni.

Miżuri għall-appoġġ u l-protezzjoni tal-ġurnalisti kontra theddid u attakki

F’għadd ta’ Stati Membri, il-ġurnalisti u atturi oħra tal-media qed jiffaċċjaw dejjem aktar theddid u attakki (fiżiċi u online) fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet tagħhom u l-ħidma tagħhom, f’diversi forom: L-iskjerament ta’ kawżi “SLAPP” 65 ; theddid għas-sikurezza fiżika u attakki fiżiċi reali; fastidju online, speċjalment ta’ ġurnalisti nisa; kampanji ta’ malafama, intimidazzjoni u theddid politikament orjentat. Tali theddid, attakki u kampanji ta’ malafama huma rrappurtati f’forma jew oħra f’diversi Stati Membri. Ġew enfasizzati eżempji partikolari fil-kapitoli tal-pajjiżi fil- Bulgarija , il-Kroazja , l-Ungerija , is-Slovenja u Spanja . It-theddid u l-attakki għandhom effett dissważiv fuq il-ġurnalisti, u jinvolvu r-riskju ta’ dibattitu pubbliku li qed jiċkien dwar kwistjonijiet soċjetali kontroversjali.

Biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni, għadd ta’ Stati Membri żviluppaw prattiki tajbin, u waqqfu strutturi u miżuri li joffru appoġġ u protezzjoni. Fil- Belġju , l-assoċjazzjoni Fjamminga tal-ġurnalisti waqqfet hotline speċifika għall-aggressjoni fiżika jew verbali kontra l-ġurnalisti. Fl- Italja , twaqqaf Ċentru ta’ Koordinazzjoni li jittratta atti kontra l-ġurnalisti. Fin- Netherlands , il-protokoll “PersVeilig” immirat lejn it-tnaqqis tat-theddid, il-vjolenza u l-aggressjoni kontra l-ġurnalisti ġie konkluż bejn is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika, il-pulizija, il-Kap tas-Soċjetà tal-Edituri u l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti.
  L-Iżvezja  stabbiliet punti ta’ kuntatt nazzjonali u allokat riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali biex tappoġġa lill-ġurnalisti u tinvestiga aħjar ir-reati ta’ mibegħda.

2.4 Kwistjonijiet istituzzjonali oħra marbuta mal-kontrolli u l-bilanċi

Il-kontrolli u l-bilanċi istituzzjonali huma fil-qalba tal-istat tad-dritt. Huma jiggarantixxu l-funzjonament, il-kooperazzjoni u l-kontroll reċiproku tal-organi tal-Istat sabiex is-setgħa tiġi eżerċitata minn awtorità statali waħda bl-iskrutinju ta’ oħrajn. Minbarra sistemi ġudizzjarji effettivi, il-kontrolli u l-bilanċi jiddependu fuq proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għall-promulgazzjoni tal-liġijiet, is-separazzjoni tas-setgħat, ir-rieżami kostituzzjonali u ġudizzjarju tal-liġijiet, amministrazzjoni pubblika trasparenti u ta’ kwalità għolja kif ukoll awtoritajiet indipendenti effettivi bħall-istituzzjonijiet tal-ombudsperson jew l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. F’kull Stat Membru, il-kontrolli u l-bilanċi speċifiċi jvarjaw skont l-ekwilibriju li jirriżulta mit-tradizzjonijiet politiċi, legali u kostituzzjonali. Filwaqt li l-mudell preċiż magħżul minn kull Stat Membru jista’ jvarja, dak li huwa kruċjali huwa li jiżgura r-rispett għall-istat tad-dritt u għan-normi demokratiċi.

L-ewwel rapport dwar l-istat tad-dritt jiffoka fuq xi elementi ewlenin ta’ importanza partikolari għall-istat tad-dritt, bħall-proċess għat-tħejjija u l-promulgazzjoni tal-liġijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati, l-użu ta’ proċeduri rapidi u ta’ emerġenza, u r-reġim għar-reviżjoni kostituzzjonali tal-liġijiet. Huwa jħares ukoll lejn ir-riformi kostituzzjonali biex jissaħħu l-kontrolli u l-bilanċi. Ir-rappurtar jinkludi wkoll eżami ta’ miżuri eċċezzjonali meħuda biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19. Ir-rwol tal-awtoritajiet indipendenti, bħall-Ombudsperson u Istituzzjonijiet Nazzjonali oħra tad-Drittijiet tal-Bniedem, u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-salvagwardja tal-istat tad-dritt, huma elementi oħra ta’ analiżi.

L-istress fuq il-kontrolli u l-bilanċi jista’ jinstab fl-Istati Membri kollha u ħafna drabi huwa parti normali mill-proċess politiku f’soċjetà demokratika. Il-kriżi ekonomika, il-pandemija tal-COVID-19 u l-bidliet soċjetali jistgħu jżidu ma’ dawn it-tensjonijiet, iżda l-kontrolli u l-bilanċi jibqgħu essenzjali daqs qatt qabel. F’dawn l-aħħar snin, diversi kriżijiet tal-istat tad-dritt żvolġew fl-Unjoni u ġew assoċjati ma’ attakki fuq kontrolli u bilanċi istituzzjonali. It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-kontrolli u l-bilanċi istituzzjonali huwa għalhekk essenzjali għas-salvagwardja tal-istat tad-dritt.

Qafas ta’ abilitazzjoni għas-soċjetà ċivili jippermetti dibattitu u skrutinju ta’ dawk fil-poter. Bħalma huwa l-każ għall-ġurnalisti indipendenti u l-media kritika, it-tentattivi biex jiġu mrażżna l-atturi tas-soċjetà ċivili għandhom dejjem jitqiesu bħala sinjal ta’ twissija fir-rigward tal-istat tad-dritt.

Dibattiti dwar l-istat tad-dritt li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kultura tal-istat tad-dritt

Inizjattivi ta’ riforma pożittivi ħafna drabi joħorġu minn dibattiti pubbliċi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ rilevanza għall-istat tad-dritt. Għalhekk, id-dibattitu u ż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kontrolli u l-bilanċi meħtieġa biex l-istat tad-dritt jiffunzjona b’mod effettiv huma l-ewwel pass importanti. L-attenzjoni dejjem akbar għad-dibattitu dwar l-istat tad-dritt madwar l-Unjoni tista’ tintwera permezz ta’ sforzi biex jiġu promossi dibattiti nazzjonali permezz ta’ seduti parlamentari, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika jew inizjattivi mmexxija mill-ġudikatura. Fiċ- Ċekja , is-Senat jorganizza konferenzi u dibattiti dwar suġġetti relatati mas-sistema ġudizzjarja. Fid- Danimarka , l-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali f’dawn l-aħħar snin għamlet sensiela ta’ sforzi biex tippromwovi l-istat tad-dritt, fehim aħjar tas-sistema ġudizzjarja għal varjetà ta’ gruppi fil-mira u ttejjeb il-fokus tal-utent tas-sistema ġudizzjarja. Fil- Ġermanja , dibattiti regolari, kampanji ta’ informazzjoni u pubbliċità mal-pajjiż kollu, u pubblikazzjonijiet dwar suġġetti tal-istat tad-dritt jikkontribwixxu għat-trawwim ta’ kultura dinamika tal-istat tad-dritt. Fin- Netherlands , dibattiti ta’ politika regolari dwar l-Istat tad-dritt huma organizzati fiż-żewġ Kmamar tal-Parlament.

Riformi kostituzzjonali biex jissaħħu l-kontrolli u l-bilanċi istituzzjonali, b’mod partikolari dwar ir-rieżami kostituzzjonali

F’għadd ta’ Stati Membri, għaddejjin proċessi ta’ riforma. B’mod partikolari, dawn jikkonċernaw il-ftuħ ta’ mezzi ġodda għaċ-ċittadini biex jikkontestaw l-eżerċizzju tas-setgħa eżekuttiva jew leġiżlattiva.

F’ Ċipru , pereżempju, l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni jipprevedi l-ħolqien ta’ Qorti Kostituzzjonali li tieħu f’idejha r-reviżjoni tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet mill-Qorti Suprema. Wara reviżjoni kostituzzjonali fil- Litwanja , fl-2019 ġiet introdotta l-possibbiltà ta’ rieżami kostituzzjonali individwali u kontroll a posteriori tal-liġijiet promulgati. Fil- Lussemburgu , riforma kostituzzjonali reċenti saħħet l-effetti tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali meta ddikjarat dispożizzjonijiet legali bħala antikostituzzjonali u reviżjoni proposta tal-kostituzzjoni tagħti status kostituzzjonali lill-uffiċċju tal-Ombudsperson. Fis- Slovakkja , il-gvern qed jikkunsidra li jsaħħaħ is-setgħat tal-Qorti Kostituzzjonali billi, fost l-oħrajn, jintroduċi l-possibbiltà ta’ lment kostituzzjonali u kontroll ex ante tal-konformità tal-liġijiet mal-Kostituzzjoni. Ir-riformi kostituzzjonali jikkonċernaw ukoll aspetti oħra ta’ kontrolli u bilanċi. Pereżempju, f’ Malta , riforma kostituzzjonali adottata dan l-aħħar tikkonċerna l-proċedura elettorali tal-President ta’ Malta u r-rwol tal-istituzzjoni tal-ombudsman, u, tressqet quddiem il-Parlament riforma kostituzzjonali oħra dwar il-ħatra ta’ ċerti kummissjonijiet indipendenti.
Ir-riflessjonijiet fl- Iżvezja dwar it-tisħiħ tas-sistema demokratika jinkludu r-riforma ta’ kif jiġu adottati l-emendi kostituzzjonali, filwaqt li inkjesta parlamentari qed tirrevedi l-istatus kostituzzjonali, il-mandat u l-attivitajiet tal-Ombudspersons Parlamentari.

Xi wħud minn dawn l-isforzi qed jibbażaw fuq il-parir ta’ korpi esperti internazzjonali, bħall-Kummissjoni ta’ Venezja, hija stess rikonoxximent li l-kunsiderazzjoni ta’ fehmiet u għarfien espert differenti permezz ta’ konsultazzjoni wiesgħa u bir-reqqa tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ sistema bbilanċjata.

It-titjib tal-inklużività u l-kwalità tal-proċess leġiżlattiv huwa importanti għar-riformi strutturali

Il-proċess għall-promulgazzjoni tal-liġijiet qed jibbenefika minn għodod dejjem aktar inklużivi u bbażati fuq l-evidenza. B’mod partikolari, ħafna Stati Membri stabbilixxew politiki sistematiċi għall-involviment tal-partijiet interessati u jiżguraw li r-riformi strutturali huma r-riżultat ta’ diskussjoni wiesgħa fis-soċjetà, għalkemm dawn il-politiki mhux dejjem jiġu applikati bis-sħiħ fil-prattika.

Xi Stati Membri qed itejbu l-inklużività tal-proċess leġiżlattiv. F’ Ċipru u ċ-Ċekja , pereżempju, għaddejjin sforzi biex jitjiebu l-konsultazzjoni u t-trasparenza. Fl- Estonja , qed jiġu żviluppati ambjent ġdid għat-tfassil tal-liġijiet u linji gwida ta’ politika leġiżlattivi biex jittejbu l-faċilità tal-użu u l-inklużività. Fil- Greċja , għaddejja riforma komprensiva tal-proċeduri tat-tfassil tal-liġijiet. Fi Franza , l-inizjattiva reċenti tal-Konvenzjoni taċ-Ċittadini dwar il-Klima hija meqjusa bħala mod innovattiv kif iċ-ċittadini jiġu involuti fil-proċess leġiżlattiv.

L-użu eċċessiv ta’ leġiżlazzjoni aċċellerata u ta’ emerġenza jista’ jagħti lok għal tħassib dwar l-istat tad-dritt

Fl-Istati Membri kollha, il-proċess leġiżlattiv normali jagħti supremazija lill-Parlament bħala leġiżlatur. Madankollu, il-proċessi leġiżlattivi rapidi u n-nuqqas ta’ konsultazzjoni huma karatteristiċi komuni tal-kriżijiet tal-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni ta’ Venezja u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), f’diversi okkażjonijiet, enfasizzaw l-importanza tal-proċedura Parlamentari: deliberazzjonijiet bir-reqqa ta’ proposti leġiżlattivi u emendi, inklużi konsultazzjonijiet sinifikattivi mal-partijiet interessati, l-esperti u s-soċjetà ċivili, u djalogu mal-oppożizzjoni politika 66 . Barra minn hekk, il-fatt li l-Parlament jiġi evitat fil-proċedura leġiżlattiva jxekkel is-separazzjoni tas-setgħat, prinċipju ewlieni tal-istat tad-dritt.

Fi ftit Stati Membri, ir-rikors ripetut għal leġiżlazzjoni rapida fil-Parlament jew ordinanzi ta’ emerġenza mill-gvern ta lok għal tħassib, speċjalment meta jiġi applikat fil-kuntest ta’ riformi wiesgħa li jaffettwaw id-drittijiet fundamentali jew il-funzjonament ta’ organi Statali ewlenin bħas-sistema ġudizzjarja jew il-Qorti Kostituzzjonali. F’każijiet bħal dawn, hemm riskju akbar li jiġu adottati liġijiet li jipperikolaw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt jew id-demokrazija, kif ukoll l-obbligi internazzjonali 67 . Fil- Polonja , fil-perjodu 2015-2019, l-adozzjoni sommarja tal-leġiżlazzjoni permezz tal-Parlament intużat ħafna fl-adozzjoni ta’ riformi strutturali sinifikanti tal-ġudikatura, li żiedu l-influwenza politika fuq il-ġudikatura. Fir- Rumanija , l-użu mifrux tal-ordinanzi ta’ emerġenza tal-gvern applikati f’oqsma ewlenin, inklużi r-riformi ġudizzjarji, qajjem tħassib dwar il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, iċ-ċertezza legali u r-rispett għas-separazzjoni tas-setgħat 68 . L-użu frekwenti ta’ proċeduri rapidi jew l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni bbażata fuq inizjattivi introdotti direttament mill-membri tal-Parlament, mingħajr ma jgħaddu mill-proċessi preparatorji normali u l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, huwa wkoll ta’ riskju mill-perspettiva tal-istat tad-dritt.

Il-Parlamenti Nazzjonali, il-qrati Kostituzzjonali u l-Qrati Supremi kellhom rwol ewlieni fl-iskrutinju tal-miżuri meħuda biex jirrispondu għall-pandemija tal-COVID-19

Ir-reazzjonijiet għall-kriżi wrew reżiljenza b’saħħitha ġenerali fis-sistemi nazzjonali, b’dibattiti politiċi u legali intensi dwar il-miżuri meħuda. F’ħafna Stati Membri, l-iskrutinju u d-dibattiti Parlamentari kienu strumentali fit-tfassil tal-proposti għal stat ta’ emerġenza jew, alternattivament, reġim ta’ emerġenza tas-saħħa, u fil-verifika ex post tal-ordinanzi meħuda mill-gvern. Barra minn hekk, dawn il-miżuri spiss ġew riveduti mill-Qorti Kostituzzjonali, il-Qrati Supremi jew il-qrati ordinarji. Il-mekkaniżmi ex ante għar-rieżami tal-kostituzzjonalità qabel l-adozzjoni tal-liġijiet kienu partikolarment rilevanti f’dan il-kuntest fejn ir-rispons rapidu u r-rispett għad-drittijiet fundamentali jridu jimxu id f’id.

L-Ombudsperson u l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem għandhom rwol importanti

L-istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem għandhom rwol importanti bħala salvagwardja tal-istat tad-dritt u jistgħu jipprovdu kontroll indipendenti fuq is-sistema fi kriżi tal-istat tad-dritt. Xi Stati Membri ( iċ-Ċekja ,  l-Italja u Malta ) għadhom ma stabbilixxewx tali istituzzjoni, għalkemm awtoritajiet oħra huma attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali 69 . Fl- Italja , żewġ abbozzi ta’ liġijiet li jipproponu l-ħolqien ta’ Awtorità Nazzjonali Indipendenti għad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRI) bħalissa qed jiġu eżaminati mill-Parlament. F’ Malta , fil-Parlament qed tiġi diskussa proposta biex tiġi stabbilita istituzzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Ir-rwol tal-ombudsman fil-kontrolli u l-bilanċi jvarja. F’xi Stati Membri, l-ombudsperson jista’ jikkontesta l-liġijiet lill-Qorti Kostituzzjonali jew jitlob ir-reviżjoni tagħhom fil-Parlament.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili joperaw f’ambjent instabbli, iżda jkomplu jkunu attur b’saħħtu fid-difiża tal-istat tad-dritt.

F’deċiżjoni reċenti, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja 70 għamlitha ċara li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili “għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet [tagħhom] u joperaw mingħajr interferenza mhux ġustifikata mill-Istat”. Hija rrikonoxxiet li d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista, peress li jippermetti liċ-ċittadini jaġixxu kollettivament f’oqsma ta’ interess komuni u, b’hekk, jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-ħajja pubblika.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, hemm ambjent abilitanti u ta’ appoġġ għas-soċjetà ċivili. Dan l-aħħar xi Stati Membri saħħew l-ambjent għas-soċjetà ċivili, jew beħsiebhom jieħdu inizjattivi relatati miegħu. Fil- Kroazja , pereżempju, il-gvern huwa lest li jadotta Pjan Nazzjonali biex itejjeb is-sistema ta’ appoġġ legali, finanzjarju u istituzzjonali għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Fis- Slovenja , l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Settur Mhux Governattiv u l-Volontarjat għandha l-għan li ttejjeb l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi sal-2023, b’mod partikolari meta tikkontribwixxi għall-prinċipji tal-pluraliżmu u d-demokrazija fis-soċjetà. F’ħafna Stati Membri, is-soċjetà ċivili wriet li hija reżiljenti f’ċirkostanzi diffiċli u kompliet taqdi rwol attiv fid-dibattitu nazzjonali u Ewropew dwar l-istat tad-dritt bħala parti mill-kontrolli u l-bilanċi. Fis- Slovakkja , is-soċjetà ċivili rreaġixxiet b’mod qawwi wara l-qtil ta’ Ján Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová fl-2018 u wara. Fir- Rumanija , l-involviment qawwi tas-soċjetà ċivili kien kruċjali biex jitħeġġu r-riformi kontra l-korruzzjoni u biex jiġi difiż l-istat tad-dritt fil-pajjiż. Fl- Italja , hemm soċjetà ċivili vibranti, għalkemm xi NGOs, b’mod partikolari dwar ċerti kwistjonijiet bħall-migrazzjoni, huma soġġetti għal kampanji ta’ malafama. Fil- Greċja , xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam tal-migrazzjoni esprimew tħassib li l-ispazju ċiviku biex joperaw fil-post naqas.

F’xi Stati Membri, madankollu, kien hemm eżempji ta’ sfidi serji tas-soċjetà ċivili f’termini ta’ leġiżlazzjonijiet ġodda li jillimitaw l-aċċess għal finanzjament barrani jew kampanji ta’ malafama. Fil- Bulgarija , pereżempju, abbozz ġdid ta’ regoli dwar it-trasparenza tal-finanzjament barrani għall-NGOs ġie kkritikat għall-impatt negattiv possibbli tagħhom fuq is-soċjetà ċivili. Fl- Ungerija , f’Ġunju 2020, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabet li liġi tal-2017 dwar it-trasparenza ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ffinanzjati minn barra hija inkompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital kif ukoll mad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali. Fil- Polonja , l-NGOs huma fil-mira ta’ dikjarazzjonijiet sfavorevoli tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod negattiv l-ispazju tas-soċjetà ċivili. Azzjonijiet tal-gvern immirati lejn gruppi LGBTI +, inkluż l-arrest u ż-żamma ta’ xi wħud mir-rappreżentanti tal-gruppi, u kampanji ta’ malafama mwettqa kontra tali gruppi qajmu aktar tħassib.

3.Żviluppi u azzjonijiet fil-livell tal-UE dwar l-istat tad-dritt

Matul is-sena li għaddiet, l-istat tad-dritt kompla jkun fuq quddiem fl-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa prijorità ewlenija għal din il-Kummissjoni kif iddikjarat fil-gwida politika tal-President Ursula von der Leyen, li identifikat speċifikament dan bħala portafoll ta’ prijorità fdat lil Viċi President u Kummissarju responsabbli għall-istat tad-dritt. Mill-bidu nett, filwaqt li stabbiliet ukoll il-mekkaniżmu Ewropew il-ġdid tal-istat tad-dritt, il-Kummissjoni wieġbet għall-iżviluppi tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE. Minbarra l-monitoraġġ kontinwu, hija stimulat id-djalogu u l-kooperazzjoni, bl-użu ta’ proċessi bħas-Semestru Ewropew biex jiġu enfasizzati l-isfidi fir-rigward tal-effettività tas-sistema ġudizzjarja jew il-qafas kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri.

Il-pandemija tal-COVID-19 qajmet kwistjonijiet importanti tal-istat tad-dritt li għadhom preżenti fid-dibattitu Ewropew. Minn nofs Marzu, il-Kummissjoni kienet qed tissorvelja l-miżuri fl-Istati Membri li għandhom impatt fuq l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali. Skont is-Semestru Ewropew, ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi ta’ Awwissu 2020 fakkru li jenħtieġ li dawn il-miżuri eċċezzjonali jkunu neċessarji, proporzjonati, limitati fiż-żmien u soġġetti għal skrutinju 71 . 

Il-Parlament Ewropew għandu rwol dejjem aktar importanti fl-istabbiliment tad-dibattitu dwar l-istat tad-dritt fil-livell Ewropew. Fl-aħħar sena, il-Parlament Ewropew irreaġixxa għall-iżviluppi relatati mar-rispett tal-valuri komuni tagħna, inkluż l-istat tad-dritt, hekk kif kienu qed jiżvolġu. Il-Parlament Ewropew adotta diversi riżoluzzjonijiet 72 u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) adotta rapporti u organizza żjarat fil-pajjiżi fuq il-post 73 . Dawn id-dibattiti politiċi kienu komponent ewlieni biex jgħollu l-profil tal-kwistjonijiet dwar l-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rabta meħtieġa li għandha ssir mad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, li se jiġu indirizzati f’oqsma ta’ ħidma ddedikati: il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija u l-Istrateġija l-Ġdida għall-Implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, it-tnejn li huma se jiġu adottati aktar tard fl-2020. Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel rapport dwar l-istat tad-dritt u d-djalogu preparatorju mal-Istati Membri jipprovdu bażi solida għal ħidma futura fil-Parlament Ewropew.

Il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt iwieġeb ukoll għal azzjoni intensifikata tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt. Fil-ħarifa tal-2019, il-Kunsill iddiskuta aktar it-tisħiħ tad-djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt permezz ta’ eżerċizzju annwali ta’ rendikont. Dan għandu juża d-diskussjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-problemi tal-istat tad-dritt b’mod inklużiv u kostruttiv. Il-Presidenza tal-Kunsill stabbilixxiet l-intenzjoni tagħha li torganizza djalogu politiku dwar l-istat tad-dritt, fuq il-bażi tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt, inkluż dibattitu li jiffoka fuq Stati Membri speċifiċi 74 .

B’dan il-mod, l-ewwel rapport dwar l-istat tad-dritt se jgħin biex jixpruna d-dibattitu fl-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali. Se jkun hemm ukoll laqgħat regolari tan-network tal-punti ta’ kuntatt tal-istat tad-dritt u mal-partijiet ikkonċernati. L-Istati Membri se jintalbu jikkontribwixxu fil-bidu tal-2021, li għandu jiġi segwit minn żjarat fil-pajjiżi fl-Istati Membri kollha fir-rebbiegħa qabel ir-rapport li jmiss. B’mod parallel, se jkun hemm ukoll ħidma biex jiġu promossi riformi konformi mal-istat tad-dritt permezz tal-finanzjament u l-għarfien espert tal-UE. Mill-2017 'l hawn, il-Kummissjoni għandha programm iddedikat għal appoġġ tekniku għar-riformi fl-Istati Membri, li jkopri r-riformi tal-istat tad-dritt 75 . L-appoġġ ipprovdut jista’ jieħu l-forma ta’ missjonijiet ta’ esperti u ta’ ġbir ta’ informazzjoni fil-post, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki rilevanti, l-analiżijiet dijanjostiċi, u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet immirati biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni. Programmi oħra tal-Kummissjoni bħal dawk għall-Ġustizzja u ċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, u l-Fond għas-Sigurtà Interna (Pulizija), jistgħu wkoll jagħtu kontribut, inkluż permezz ta’ sejħiet għal proposti miftuħa għas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra. Ir-riformi ġudizzjarji u ta’ kontra l-korruzzjoni jista’ jkollhom impatt importanti fuq l-ambjent tan-negozju, kif diġà ġie enfasizzat fir-rapporti tas-Semestru Ewropew, u għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa mill-Istati Membri meta jħejju l-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza nazzjonali tagħhom.

Minbarra l-mekkaniżmu Ewropew tal-istat tad-dritt, is-sett ta’ għodod tal-istat tad-dritt tal-UE jinkludi strumenti differenti biex jirrispondu għal varjetà ta’ sitwazzjonijiet. L-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ħafna drabi huwa l-fokus tad-dibattitu pubbliku. Huwa jistabbilixxi proċedura bbażata fuq it-Trattat biex tindirizza r-riskji għall-valuri fundaturi tal-UE fl-Istati Membri, u fl-aħħar mill-aħħar tipprevedi l-aktar sanzjoni politika serja li l-UE tista’ timponi fuq Stat Membru, jiġifieri s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot fil-Kunsill. Sal-2017, il-proċedura qatt ma kienet ġiet attivata. Il-proċedimenti tnedew f’Diċembru 2017 għall-Polonja mill-Kummissjoni, u mbagħad f’Settembru 2018 għall-Ungerija mill-Parlament Ewropew. Dawn il-proċeduri jkomplu fil-Kunsill b’seduti u aġġornamenti dwar is-sitwazzjoni fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati 76 , iżda l-biċċa l-kbira tal-isfidi identifikati għadhom mhux solvuti. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kunsill biex jinvestu fl-aċċellerazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-problemi mqajma taħt dawn il-proċeduri, filwaqt li jsibu soluzzjonijiet li jipproteġu l-istat tad-dritt u l-valuri komuni għall-Istati Membri kollha. Sakemm tinstab soluzzjoni għat-tħassib imqajjem, il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tappoġġa lill-Kunsill fit-tkomplija tal-proċeduri tal-Artikolu 7 sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet involuti.

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għandha wkoll rwol kruċjali fiż-żamma tal-istat tad-dritt permezz tal-ġurisprudenza tagħha li qed tiżviluppa f’dan il-qasam. Fejn nuqqasijiet fl-istat tad-dritt jikkostitwixxu ksur tal-liġi tal-UE, il-Kummissjoni ssegwi approċċ strateġiku għal proċedimenti ta’ ksur, li jibni fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Dawn il-proċedimenti huma mmirati biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi ta’ nuqqas ta’ konformità mal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħmel użu sħiħ mis-setgħat tagħha u tkompli taqdi r-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati biex tiżgura r-rispett tar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE relatati mal-istat tad-dritt. Hija ppreżentat diversi drabi proċedimenti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet rilevanti għall-istat tad-dritt u l-Qorti ntalbet ukoll mill-qrati nazzjonali biex toħroġ deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE f’għadd ta’ kawżi. Fl-2019 u l-2020, il-Qorti żviluppat każistika importanti dwar l-istat tad-dritt. B’mod partikolari, hija kkonfermat u ċċarat aktar il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv 77 . Din il-każistika hija mistennija li tiġi żviluppata aktar fix-xhur u s-snin li ġejjin, fid-dawl ta’ għadd ta’ proċedimenti ta’ ksur pendenti importanti u referenzi preliminari dwar kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt. 

Fl-aħħar nett, fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tiegħu tas-17-21 ta’ Lulju, il-Kunsill Ewropew fakkar fl-importanza tar-rispett tal-istat tad-dritt u tal-valuri fundaturi tal-UE fir-rigward tal-baġit tal-Unjoni. Filwaqt li fakkar fl-importanza li jiġi protett il-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-valuri tal-Artikolu 2 TUE, il-Kunsill Ewropew appoġġa l-introduzzjoni ta’ reġim ta’ kondizzjonalità u miżuri f’każ ta’ ksur. L-impenn tal-Kunsill Ewropew għandu jaċċellera l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi protett il-baġit tal-UE f’każ ta’ ksur tal-istat tad-dritt fi Stat Membru li jkun qed jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill 78 . L-għan huwa li jiġi protett il-baġit tal-UE f’sitwazzjonijiet fejn l-interess finanzjarju tal-Unjoni jista’ jkun f’riskju minħabba nuqqasijiet ġeneralizzati tal-istat tad-dritt fi Stat Membru.

4.Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

F’Lulju 2019, il-President von der Leyen appellat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom fi proċess ta’ kooperazzjoni dwar l-istat tad-dritt, mekkaniżmu ġdid Ewropew tal-istat tad-dritt li jinvolvi lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet tal-UE f’eżerċizzju preventiv.

L-ewwel rapport dwar l-istat tad-dritt huwa r-riżultat ta’ djalogu ġdid bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li jikkontribwixxi għall-analiżi speċifika għall-pajjiż għall-Istati Membri kollha. Dan ir-rapport huwa pass importanti lejn it-tisħiħ ta’ fehim komuni tal-istat tad-dritt fl-UE u t-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka. Il-Kummissjoni tilqa’ d-djalogu miftuħ li sar mal-Istati Membri kollha u l-involviment tagħhom fit-tħejjija tal-analiżi speċifika għall-pajjiż. Huwa sinjal kemm tal-importanza tal-istat tad-dritt għall-Istati Membri kollha kif ukoll tal-impenn tagħhom għal proċess Ewropew. Il-Kummissjoni tqis li dan il-proċess se jgħin biex jiġu evitati problemi tal-istat tad-dritt milli jfeġġu jew japprofondixxu, u jikkontribwixxi aktar għall-promozzjoni ta’ kultura robusta politika u legali tal-istat tad-dritt fl-UE kollha. Il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt issa jista’ jaġixxi bħala element ewlieni tas-sett ta’ għodod tal-istat tad-dritt tal-UE.

Ir-rapport iqis l-iżviluppi tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Huwa jenfasizza li ħafna Stati Membri għandhom standards għoljin tal-istat tad-dritt u huma rikonoxxuti, inkluż globalment, bħala li jipprovdu l-aħjar prattiki fl-applikazzjoni tal-prinċipji ewlenin tal-istat tad-dritt. Madankollu, ir-rapport isib ukoll sfidi importanti, meta l-indipendenza ġudizzjarja tkun taħt pressjoni, meta s-sistemi ma jkunux urew li huma reżiljenti biżżejjed għall-korruzzjoni, meta t-theddid għal-libertà tal-media u l-pluraliżmu jipperikolaw ir-responsabbiltà demokratika, jew meta jkun hemm sfidi għall-kontrolli u l-bilanċi essenzjali għal sistema effettiva. Il-Kummissjoni hija mħeġġa mill-fatt li l-Istati Membri kollha kkooperaw fit-tħejjija tar-rapport u tistedinhom ikomplu din il-kooperazzjoni fis-segwitu għar-rapport.

Il-Kummissjoni tistenna b’interess l-impenn ulterjuri tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwistjonijiet tal-istat tad-dritt u tqis li dan ir-rapport jipprovdi bażi solida għal aktar ħidma interistituzzjonali. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Parlamenti nazzjonali u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiddiskutu dan ir-rapport, inklużi l-kapitoli tiegħu dwar il-pajjiżi, u jfittxu appoġġ minn xulxin, bħala inkoraġġiment biex jissoktaw ir-riformi u l-aċċettazzjoni tas-solidarjetà Ewropea. Iċ-ċirku wiesa’ ta’ atturi nazzjonali, lil hinn mill-awtoritajiet governattivi, li kienu involuti u kkontribwew f’dan l-eżerċizzju, juri wkoll li hemm domanda biex isiru dibattiti nazzjonali.

Dan l-ewwel rapport dwar l-istat tad-dritt huwa l-pedament għal proċess ġdid u dinamiku, li jinvolvi djalogu kontinwu mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra fil-livell nazzjonali u tal-UE. Il-Kummissjoni issa se tibda tħejji r-rapport tal-2021 dwar l-istat tad-dritt, billi tibni fuq l-esperjenzi miksuba fl-ewwel sena tal-funzjonament tal-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istat tad-Dritt, u se tmexxi 'l quddiem il-momentum biex l-istat tad-dritt isir aktar reżiljenti fid-demokraziji tagħna. Li nkunu mgħammra aħjar se jgħin lill-Ewropej kollha jilqgħu l-isfidi tal-kriżi ekonomika, klimatika u tas-saħħa bla preċedent, b’rispett sħiħ għall-prinċipji u l-valuri komuni tagħna.

(1)

     L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

(2)

     World Justice Project – Rule of Law index; Forum Ekonomiku Dinji – The global competitiveness report; Transparency International – Corruption perceptions index; Reporters Without Borders – World press freedom index.

(3)

     Ara COM(2019) 163 "It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni: Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu”, u COM(2019) 343 “It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni: Pjan ta’ azzjoni”. Il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea hija wkoll ta’ importanza partikolari.

(4)

     Ewrobarometru Speċjali 489 – stat tad-dritt.

(5)

     Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta’ Lulju 2020: “L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti f'konformità mal-prinċipji ġenerali inkorporati fit-Trattati tal-Unjoni, b'mod partikolari l-valuri tal-Artikolu 2 TUE [it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea]. Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-importanza tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-importanza tar-rispett għall-istat tad-dritt.

(6)

     JOIN(2020) 5 final

(7)

     https://www.un.org/sustainabledevelopment/ 

(8)

     Sett ta’ għodod tal-istat tad-dritt fil-livell tal-UE. https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/rule_of_law_factsheet_1.pdf .

(9)

     Ara l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ċċitati fin-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna.

(10)

     It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE hija għodda tal-informazzjoni komparattiva li għandha l-għan li tassisti lill-UE u lill-Istati Membri jtejbu l-effikaċja tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom billi tipprovdi data oġġettiva, affidabbli u komparabbli dwar għadd ta’ indikaturi rilevanti għall-valutazzjoni tal-effiċjenza, il-kwalità u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri kollha.

(11)

     Kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt jiġu kkunsidrati fis-Semestru Ewropew sal-punt li dawn il-kwistjonijiet ikollhom impatt fuq l-ambjent tan-negozju, l-investiment, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

(12)

     Jenħtieġ li l-mekkaniżmu Ewropew tal-istat tad-dritt ikun distint minn strumenti oħrajn bħall-proċeduri tal-Artikolu 7(1) TUE jew il-proċeduri ta’ ksur .

(13)

Ir-Riżoluzzjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; Ir-Riżoluzzjoni tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv tal-UE għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.

(14)

     Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali f’Novembru 2019 enfasizzaw li r-rapporti tal-Kummissjoni jistgħu jservu bħala bażi għad-djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt.  https://www.consilium.europa.eu/media/41394/st14173-en19.pdf .

(15)

     L-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (2020/2072(INL)).

(16)

  https://ec.europa.eu/info/publications/2020-rule-law-report-communication-and-country-chapters_en  

(17)

      https://ec.europa.eu/info/files/2020-rule-law-report-methodology_en

(18)

      https://ec.europa.eu/info/publications/2020-rule-law-report-input-member-states_en

(19)

     Aktar informazzjoni dettaljata dwar iż-żjarat fil-pajjiżi tinsab fil-kapitoli tal-pajjiżi.

(20)

      https://ec.europa.eu/info/publications/2020-rule-law-report-targeted-stakeholder-consultation_en

(21)

Eżempji ta’ elementi li ma ġewx eżaminati sistematikament din is-sena jikkonċernaw mekkaniżmi ta’ responsabbiltà għall-infurzar tal-liġi, ir-rwol u l-indipendenza tal-media tas-servizz pubbliku, kif ukoll miżuri meħuda biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet pubbliċi jimplimentaw il-liġi b’mod effettiv u biex jiġi evitat l-abbuż tas-setgħat amministrattivi.

(22)

  https://ec.europa.eu/info/files/2020-rule-law-report-stakeholder-contribution-council-europe_en

(23)

     Il-Kunsill tal-Ewropa pprovda gwida utli dwar il-kriterji li jridu jiġu kkunsidrati. Dawn jinkludu jekk il-liġijiet u r-reġimi ta’ emerġenza kinux adottati f’konformità mal-proċeduri applikabbli, jekk l-istat ta’ emerġenza u l-miżuri ta’ emerġenza humiex limitati strettament biż-żmien, definizzjoni ristretta ta’ setgħat ta’ emerġenza, jekk it-"tnaqqis" tal-kontrokontrolli huwiex limitat u proporzjonat, u dwar il-kontroll parlamentari indispensabbli tal-azzjoni eżekuttiva. https://rm.coe.int/sg-inf-2020-11-respecting-democracy-rule-of-law-and-human-rights-in-th/16809e1f40 u https://www.venice.coe.int/webforms/documents/?pdf=CDL-PI(2020)005rev-e .

(24)

     Ara pereżempju l-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa “respect for democracy, human rights and the rule of law during states of emergency – reflections”, is-26 ta’ Mejju 2020, CDL-PI(2020)005rev.

(25)

      www.venice.coe.int/webforms/events/?id=2967  

(26)

     Ara wkoll il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 - X’inhuma l-fatti, 10.6.2020, JOIN(2020) 8 final.

(27)

Kwistjonijiet potenzjali oħrajn jinkludu r-reżiljenza tal-qafas kontra l-korruzzjoni għal riskji relatati mal-korruzzjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku matul sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

(28)

     Madankollu, l-analiżi ma tirrappreżentax ħarsa ġenerali eżawrjenti lejn l-iżviluppi kollha fl-Istati Membri. Ara wkoll in-nota 18 f'qiegħ il-paġna.

(29)

     Jenħtieġ li l-iżviluppi msemmija fl-eżempji jinqraw fil-kuntest tagħhom kif deskritt fil-kapitoli rilevanti tal-pajjiżi. Ġew miżjuda hyperlinks biex jiffaċilitaw dan il-qari kuntestwali.

(30)

     Is-Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs il-Polonja, C-619/18, EU:C:2019:531, il-paragrafi 52 u 54; Is-Sentenza tal5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs il-Polonja, C-192/18, EU:C:2019:924, il-paragrafi minn 102 sa 103.

(31)

     Is-Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C-64/16, EU:C:2018:117; Is-Sentenza tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C-49/18, EU:C:2019:106

(32)

     Is-Sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft C-72/15, EU:C:2017:236, il-paragrafu 73; Is-Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C-64/16, EU:C:2018: 117, il-paragrafu 36; Is-Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, LM, C-216/18, EU:C:2018:586, il-paragrafu 51; Is-Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs il-Polonja, C-619/18, EU:C:2019:531, il-paragrafi 46; Is-Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A.K., C-585/18, C-624/18, u C-625/18, EU:C:2019:982, il-paragrafu 120.

(33)

     Is-Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, LM, C-216/18, EU:C:2018:586, il-paragrafu 49.

(34)

     Ara wkoll il-Figura 1, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2020.

(35)

     It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2020. Stħarriġ tal-Ewrobarometru FL 483 u 484 ta’ Jannar 2020. Il-Kummissjoni użat ukoll sorsi oħrajn, bħall-Forum Ekonomiku Dinji.

(36)

     Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna preċedenti.

(37)

     Standards tal-Kunsill tal-Ewropa. Dwar is-servizz tal-prosekuzzjoni, fil-Lista ta’ Kontroll tal-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni ta’ Venezja tinnota li “ma hemm l-ebda standard komuni dwar l-organizzazzjoni tas-servizz tal-prosekuzzjoni, speċjalment dwar l-awtorità meħtieġa biex jinħatru prosekuturi pubbliċi, jew l-organizzazzjoni interna tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Madankollu, trid tiġi żgurata awtonomija suffiċjenti biex l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni jiġu mħarsa minn influwenza politika indebita”.

(38)

     Is-Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2020, Kövesi vs ir-Rumanija, ir-Rikors Nru 3594/19, § 208.

(39)

     Id-dritt tal-eżekuttiv huwa akkumpanjat minn salvagwardji istituzzjonali jew konvenzjonijiet li ilhom jeżistu li jillimitaw fil-prattika r-riskju li din is-setgħa tkun tista’ tiġi abbużata mill-eżekuttiv.

(40)

     B’mod partikolari s-Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI, il-Kawżi Magħquda C-508/18 u C-82/19 PPU, EU:C:2019:456 (dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew).

(41)

     Sa mill-adeżjoni mal-UE fl-2007, ir-riformi Bulgari f’oqsma li jinkludu l-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ġew segwiti mill-Kummissjoni permezz tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (Cooperation and Verification Mechanism, CVM). Il-Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tal-istat tad-dritt (COM(2019) 343) tiddikjara li ladarba jintemm il-mekkaniżmu ta-CVM, il-monitoraġġ jenħtieġ li jkompli taħt strumenti orizzontali. Il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt jipprovdi l-qafas biex dawn il-kwistjonijiet jitmexxew ’il quddiem fil-futur.

(42)

     Sa mill-adeżjoni mal-UE fl-2007, ir-riformi Rumeni fir-rigward tal-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ġew segwiti mill-Kummissjoni permezz tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (Commission through the Cooperation and Verification Mechanism, CVM). Il-Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tal-istat tad-dritt (COM(2019) 343) tiddikjara li ladarba jintemm il-mekkaniżmu speċjali tas-CVM, il-monitoraġġ għandu jkompli taħt strumenti orizzontali. Il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt jipprovdi l-qafas biex dawn il-kwistjonijiet jitmexxew ’il quddiem fil-futur.

(43)

     Eżempju ta’ dan hija s-Sezzjoni tal-Prosekuzzjoni għall-Investigazzjoni tar-Reati fil-Ġudikatura, bil-kompitu esklużiv tal-prosekuzzjoni ta’ reati mwettqa minn imħallfin u prosekuturi, li jkomplu joperaw.

(44)

     Dan huwa partikolarment il-każ fejn ma jkunx hemm reazzjoni uffiċjali jew possibbiltajiet effettivi għal rimedju.

(45)

     Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2020, Kövesi vs ir-Rumanija, ir-Rikors Nru 3594/19, §§ 201, 205, u 209. Ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ Ġunju 2016, Baka vs l-Ungerija, ir-Rikors Nru 20261/12, §§ 156-157 u 164-167.

(46)

     Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss (COM(2020) 456 final)

(47)

     It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2020

(48)

     Il-Valutazzjoni tal-UE tat-Theddida tal-Kriminalità Serja u Organizzata (EU Serious and Organised Crime Threat Assessment, EU SOCTA), 2017 Europol.

(49)

     Dokument tal-Kunsill 14310/19.

(50)

     Idem.

(51)

     Skont l-Artikolu 325 TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiġġieldu l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Filwaqt li l-frodi u l-korruzzjoni huma kunċetti legali distinti, il-każijiet ta’ frodi kontra l-baġit tal-UE jistgħu jinvolvu l-korruzzjoni. Fil-livell tal-UE, l-Uffiċċju tal-UE Kontra l-Frodi OLAF iwettaq investigazzjonijiet interni u esterni bil-għan li jiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u l-attivitajiet illegali l-oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(52)

     L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li qed jitwaqqaf bħalissa, se jkun l-uffiċċju indipendenti ta’ prosekuzzjoni tal-Unjoni Ewropea, bil-kompetenza li jinvestiga, iwettaq prosekuzzjonijiet u jressaq quddiem il-qorti reati kontra l-baġit tal-UE, bħal frodi, korruzzjoni jew frodi transfruntiera serja fil-VAT. L-Istati Membri li bħalissa qed jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huma l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u s-Slovenja.

(53)

     Id-Direttiva 2019/1937 tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni.

(54)

     Id-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u d-Direttiva (UE) 2018/1673 tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali.

(55)

     Id-Direttiva (UE) 2019/1153 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali.

(56)

      https://www.transparency.org/en/news/cpi-western-europe-and-eu .

(57)

     L-Ewrobarometru Speċjali 502 "Korruzzjoni", Ġunju 2020 u l-Ewrobarometru Flash 482 "L-attitudnijiet tan-negozji lejn il-korruzzjoni fl-UE", Diċembru 2019.

(58)

     Permezz tal-grupp ta’ esperti dwar il-ħtiġijiet ta’ politika għad-data dwar il-kriminalità, il-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri biex tidentifika dawk l-indikaturi fejn l-istatistika uffiċjali mill-kriminalità u l-proċess tal-ġustizzja kriminali hija disponibbli b’mod wiesa’ biżżejjed biex tiġġustifika ġbir ta’ data madwar l-UE kollha. Waslu t-tweġibiet minn 26 Stat Membru għall-ġbir relatat mas-snin ta’ referenza 2011, 2012 u 2013. Il-verżjoni finali tal-ġbir tad-data tal-istatistika uffiċjali dwar it-trattament tal-każijiet ta’ korruzzjoni fis-sistema tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri ġiet ippubblikata f’Jannar 2016, tinsab hawn  https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/organized-crime-and-human-trafficking/corruption/docs/official_corruption_statistics_2011_2013_jan16_en.pdf . It-tieni ġbir ta’ data tnieda f’Ġunju 2018 biex jaġġorna l-ġbir tad-data għas-snin ta’ referenza 2014, 2015 u 2016 u waslu tweġibiet minn 22 Stat Membru.

(59)

     JOIN(2020) 8 final.

(60)

     L-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media 2020 kien sors importanti għar-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt. L-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media hija għodda xjentifika u olistika biex tiddokumenta s-saħħa tal-ekosistemi tal-media, li tagħti dettalji dwar it-theddid għall-pluraliżmu u l-libertà tal-media fl-Istati Membri u f’xi pajjiżi kandidati, u hiaa kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea. Dan ġie implimentat, fuq bażi regolari, miċ-Ċentru għall-Pluraliżmu tal-Media u l-Libertà tal-Media, mill-2013/2014. Il-Kummissjoni użat ukoll sorsi oħra, bħall-World Press Freedom Index, kif imsemmi fil-kapitoli tal-pajjiżi.

(61)

     Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-14 ta’ Novembru 2018 tinkludi rekwiżiti speċifiċi għall-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-media.

(62)

     Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2018) 11 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-media u t-trasparenza tas-sjieda tal-media.

(63)

     L-Għodda ta’ Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media tiddefinixxi r-reklamar tal-istat bħala “kwalunkwe reklamar li jitħallas mill-gvernijiet (nazzjonali, reġjonali, lokali) u istituzzjonijiet u kumpaniji tal-istat, lill-media”.

(64)

     JOIN(2020) 8.

(65)

     Kawża strateġika kontra l-parteċipazzjoni pubblika (Strategic Lawsuit Against Public Participation, SLAPP) hija kawża intiża għaċ-ċensura, l-intimidazzjoni u s-silenzju tal-kritiċi billi tgħabbihom bl-ispiża ta’ difiża legali sakemm jabbandunaw il-kritika jew l-oppożizzjoni tagħhom.

(66)

Lista ta’ Kontroll tal-Istat tad-Dritt - CDL-AD (2016) 007; https://www.osce.org/odihr/legislative-support

(67)

     Barra minn hekk, ħafna emendi leġiżlattivi adottati mill-Parlament, inkluż permezz ta’ proċeduri rapidi, għandhom nuqqas ta’ prevedibbiltà u trasparenza, u jqajmu tħassib fir-rigward tal-interess pubbliku.

(68)

F’referendum konsultattiv f’Mejju 2019, il-maġġoranza taċ-ċittadini appoġġaw il-projbizzjoni tal-adozzjoni ta’ ordinanzi ta’ emerġenza tal-gvern fil-qasam tal-ġustizzja.

(69)

     Ombudsperson indipendenti jkun preżenti kemm fiċ-Ċekja kif ukoll f’Malta; fl-Italja, il-Kumitat Interministerjali għad-Drittijiet tal-Bniedem (CIDU) jinteraġixxi mas-soċjetà ċivili, l-akkademja u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u diversi ombudsperson reġjonali huma responsabbli għas-salvagwardja tal-libertajiet u d-drittijiet tal-persuni.

(70)

     Is-Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, C-78/18, EU:C:2020:476, il-paragrafi 112 u 113;

(71)

     Adottati mill-Kunsill - ĠU 26/08/20, C 282.

(72)

     B’mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tat-28 ta’ Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, speċifikament f’Malta u fis-Slovakkja P8_TA(2019)0328; ir-riżoluzzjoni tat-18 ta’ Diċembru 2019 dwar l-istat tad-dritt f’Malta wara r-rivelazzjonijiet reċenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia P9_TA(2019)0103; ir-riżoluzzjoni tas-16 ta’ Jannar 2020 dwar is-seduti ta’ smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) TUE rigward il-Polonja u l-Ungerija P9_TA(2020)0014; ir-riżoluzzjoni tas-17 ta’ April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha P9_TA(2020)0054.

(73)

     Il-Grupp ta’ Monitoraġġ dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali tal-Kumitat LIBE. Il-Grupp huwa ffukat fuq it-theddid għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-UE, fl-Istati Membri kollha. Huwa maħsub biex jirrakkomanda azzjonijiet speċifiċi lill-Kumitat LIBE, bħal laqgħat mal-partijiet ikkonċernati, seduti ta’ smigħ u missjonijiet, kif ukoll biex tagħmel suġġerimenti għal proposti għal riżoluzzjonijiet u rapporti.

(74)

     Il-programm tal-Presidenza Ġermaniża, paġna 20.

(75)

     Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali, li għandu jiġi sostitwit mill-2021 mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku; dan il-programm ma jeħtieġx kofinanzjament.

(76)

     Fl-2019, saru żewġ seduti ta’ smigħ skont l-Artikolu 7(1) TUE u żewġ aġġornamenti dwar is-sitwazzjoni attwali fl-Ungerija kif ukoll ħames aġġornamenti dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Polonja. Fl-2020, sar aġġornament wieħed dwar is-sitwazzjoni attwali fl-Ungerija u fil-Polonja u ma sar l-ebda smigħ skont l-Artikolu 7(1) TUE.

(77)

     Kif iggarantit mill-Artikolu 19(1) TUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

(78)

COM(2018) 324

Top