Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0524

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2020 tas-Slovenja u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2020 tas-Slovenja

    COM/2020/524 final

    Brussell, 20.5.2020

    COM(2020) 524 final

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2020 tas-Slovenja u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2020 tas-Slovenja


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2020 tas-Slovenja u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2020 tas-Slovenja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta' Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx is-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.

    (2)Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2020 għas-Slovenja 2 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Dan ivvaluta l-progress tas-Slovenja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 3 , is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tas-Slovenja lejn il-miri nazzjonali Ewropa 2020 tagħha.

    (3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Din qiegħda tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija u qiegħda tfixkel il-katini ta’ provvista dinjija, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed tħalli effetti negattivi f’diversi setturi. Hija qed thedded ukoll l-impjiegi tan-nies, id-dħul tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Hija tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 4 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

    (4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Kull miżura ta’ emerġenza jenħtieġ li tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien, u f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jkunu soġġetti għal sorveljanza demokratika u għal reviżjoni ġudizzjarja indipendenti.

    (5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 5 . Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qablet mal-Kunsill dwar il-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku qawwi li mistenni li jirriżulta mit-tfaqqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti għal tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b'rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

    (6)Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozju u l-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol bil-ħsieb li terġa’ tibda l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

    (7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri biex wieħed jadatta għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ merkanzija, servizzi u ħaddiema, miżuri eċċezzjonali li jżommu s-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali jridu jitneħħew malli ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen tal-provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

    (8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 6 biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija COVID-19. Dawk l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet ta’ flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Is-Slovenja hija mħeġġa tagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibbiltajiet biex tgħin lill-individwi u lis-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.

    (9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li huma mqassma b’mod inugwali bejn ir-reġjuni Sloveni minħabba xejriet differenti ta’ speċjalizzazzjoni u konċentrazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi. Dan jinvolvi riskju sostanzjali ta’ aggravazzjoni tat-tendenza diġà osservata ta’ twessigħ tad-disparitajiet bejn il-belt kapitali u l-bqija tal-pajjiż. Flimkien mar-riskju temporanjament jintilef il-progress li sar fil-konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob risponsi ta’ politika mmirati.

    (10)Fit-30 ta’ April 2020, is-Slovenja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2020 kif ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2020 tagħha. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

    (11)Bħalissa s-Slovenja tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn.

    (12)Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda lis-Slovenja biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta 7 ma taqbiżx it-3,1 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,65 % tal-PDG. Il-valutazzjoni kumplessiva tal-Kummissjoni tikkonferma devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2019 u matul l-2018 u l-2019 meħuda flimkien. Madanakollu, fid-dawl tal-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali, ma hemmx bżonn ta’ passi ulterjuri skont il-Proċedura ta’ Devjazzjoni Sinifikanti għas-Slovenja.

    (13)Fil-programm ta' Stabbiltà tiegħu għall-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn surplus ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 8,1 % tal-PDG fl-2020. Wara li naqas għal 66,1 % tal-PDG fl-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 82,4 % tal-PDG fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

    (14)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, is-Slovenja adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u setturi affettwati b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji ammontaw għal 4,4 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu skemi ta’ xogħol għal żmien qasir għall-impjegati mkeċċija temporanjament u għal dawk li jaħdmu għal rashom (2,3 % tal-PDG), infiq ogħla għall-kura tas-saħħa (0,5 % tal-PDG), kumpens għall-ħaddiema li jibqgħu fil-post tax-xogħol (0,4 % tal-PDG), bonus ta’ kriżi għall-impjegati tas-settur pubbliku (0,4 % tal-PDG), differimenti tat-taxxa (0,4 % tal-PDG) u għajnuna finanzjarja għal gruppi vulnerabbli (0,2 % tal-PDG). Barra minn hekk, is-Slovenja ħabbret miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex jappoġġaw il-likwidità lin-negozji, li l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 jistma li huma 5,1 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu garanziji ta’ self (4,8 % tal-PDG), differimenti ta’ taxxa (0,2 % tal-PDG) u posponiment tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom (0,1 % tal-PDG). Madankollu, it-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni jikkunsidra d-differimenti tat-taxxa kollha bħala miżuri ta’ likwidità mingħajr impatt baġitarju negattiv fl-2020. B’mod ġenerali, il-miżuri meħuda mis-Slovenja huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri, segwita mill-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju.

    (15)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni taħt politiki mhux mibdula, il-bilanċ ġenerali tal-Gvern tas-Slovenja huwa mbassar li jkun ta’ -7,2 % tal-PDG fl-2020 u -2,1 % tal-PDG fl-2021. Il-proporzjon ta’ dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa projettat li jilħaq it-83,7 % tal-PDG fl-2020 u 79,9 % tal-PDG fl-2021.

    (16)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ipprojettat tas-Slovenja ta’ 3 % tal-limitu tad-defiċit tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhuwiex sodisfatt.

    (17)Is-Slovenja ddikjarat l-epidemija COVID-19 fit-12 ta’ Marzu 2020 permezz tal-Att dwar il-Mard li Jittieħed u ħadet miżuri tas-saħħa pubblika biex trażżan it-tixrid tal-virus. Dan kien jinkludi l-koordinazzjoni tar-rwoli rispettivi tas-saħħa pubblika, il-kura primarja u sekondarja u servizzi oħra, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ protokoll ta’ ttestjar xieraq. B’mod parallel, is-Slovenja introduċiet miżuri stretti ta’ trażżin, filwaqt li ħalliet ħwienet tal-ikel, spiżeriji, banek, pompi tal-petrol u uffiċċji postali miftuħa. Il-miżuri tas-saħħa pubblika u tal-lock-down għenu lis-Slovenja fl-ewwel mewġa (Marzu-Mejju) biex tipprevjeni l-għadd ta’ mard serju li jaqbeż il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tal-pajjiż. Minħabba l-miżuri ta’ trażżin, ħafna kumpaniji għalqu temporanjament jew naqqsu l-attivitajiet tagħhom. F’ekonomija miftuħa u orjentata lejn l-esportazzjoni bħas-Slovenja, it-tfixkil fil-katina tal-provvista u tnaqqis fid-domanda dinjija għall-prodotti, kellhom impatt partikolarment qawwi fuq it-tkabbir. Minħabba l-inċertezza rigward l-iżvilupp ekonomiku, ħafna deċiżjonijiet ta’ investiment fis-settur privat qed jiġu posposti. Billi t-trasport u t-turiżmu, tnejn mill-aktar setturi importanti tas-Slovenja huma mistennija li jkunu l-aktar affettwati bi tnaqqis ta’ 70 % fil-fatturat fl-2020, huwa projettat tnaqqis qawwi fil-PDG għall-2020.

    (18)Sa tmiem April 2020, l-awtoritajiet kienu adottaw żewġ pakketti ta’ miżuri biex jibbilanċjaw ix-xokk tal-COVID-19 8 . L-ewwel pakkett ta’ mitigazzjoni, li jiswa madwar EUR 3,1 biljun ekwivalenti għal madwar 6,4 % tal-PDG, jiffoka primarjament fuq il-protezzjoni tal-impjiegi u l-gruppi soċjalment vulnerabbli. L-Istat ikopri l-kumpens tal-paga, il-ħlas għall-mard u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal sensji temporanji kif ukoll il-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-pensjoni għall-impjegati li jibqgħu fil-post tax-xogħol. Biex jittaffew ir-restrizzjonijiet tal-likwidità tan-negozji u tal-unitajiet domestiċi, is-servisjar tas-self jista’ jiġi pospost għal mhux aktar minn 12-il xahar. It-tieni pakkett, li jiswa madwar EUR 2 biljun, ekwivalenti għal madwar 4,2 % tal-PDG, prinċipalment jipprovdi għajnuna ta’ likwidità lill-kumpaniji. Il-pakkett jinkludi skema ta’ garanzija mill-istat permezz tal-banek, li tippermetti li self jingħata lil kumpaniji kbar iggarantiti mill-Istat għal mhux aktar minn 70 % tal-kapital u s-self li għandu jingħata lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) garantiti sa 80 %. Id-diferiment tal-ħlasijiet tat-taxxa u l-eżenzjoni tal-kontribuzzjonijiet soċjali, u t-tħaffif tal-ħlasijiet kuntrattwali mill-awtoritajiet pubbliċi, għandu jgħin lin-negozji jimmitigaw il-problemi tagħhom bil-likwidità u l-aċċess għall-finanzi.

    (19)B’domanda dejjem tikber għas-servizzi tas-saħħa fil-bidu tat-tifqigħa tal-COVID-19, is-Slovenja ffaċċjat sfidi biex tiżgura kapaċità suffiċjenti tal-kura tas-saħħa. It-tifqigħa tal-virus żvelat problemi strutturali fis-sistema tas-saħħa. Pereżempju, id-densità relattivament baxxa tat-tobba hija sfida addizzjonali fil-ġlieda kontra l-epidemija. Għalhekk huwa importanti li jiġu reklutati ħaddiema tas-saħħa aktar imħarrġa, li jiġu protetti l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u li jiġu impjegati fejn hemm bżonn l-aktar. L-użu ta’ għodod dijanjostiċi, ta’ testijiet u ta’ saħħa elettronika li jippermettu s-segwitu u t-telemediċina huma kruċjali. Riċerka mmirata u soluzzjonijiet innovattivi huma importanti wkoll biex jgħinu lis-servizzi tas-saħħa pubblika jiġbru u jużaw data anonimizzata biex isiru deċiżjonijiet infurmati. Il-kriżi tenfasizza l-ħtieġa li tiġi protetta l-kapaċità ta’ finanzjament tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura fit-tul, li t-tnejn huma riformi strutturali pendenti. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni f’waqthom ta’ Att dwar il-Kura tas-Saħħa u l-Assigurazzjoni tas-Saħħa ġdid, li jwessa’ s-sorsi finanzjarji tas-sistema tas-saħħa, u jiżviluppa bafers finanzjarji, se jnaqqsu l-fluttwazzjoni tar-riżorsi finanzjarji matul iċ-ċiklu ekonomiku. In-nuqqas ta’ att ta’ kura fit-tul illimita l-abbiltà tas-Slovenja biex tiġġieled it-tifqigħa COVID-19 fl-aktar ambjenti tal-kura affettwati. Billi l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mard kroniku għandhom riskju akbar ta’ mard serju minħabba l-virus, huma meħtieġa aktar sforzi sinifikanti biex jiġu żgurati servizzi ta’ kura fit-tul ta’ kwalità, integrati tajjeb mas-servizzi tas-saħħa.

    (20)Il-kriżi tas-saħħa u dik ekonomika kkawżata mill-COVID-19 poġġiet pressjoni bla preċedent fuq is-suq tax-xogħol u s-sistema ta’ protezzjoni soċjali tas-Slovenja. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, il-qgħad mistenni jiżdied għal 7 % fl-2020 u jirkupra għal 5,1 % fl-2021. Biex trażżan iż-żieda rapida fil-qgħad fis-setturi tan-negozju l-aktar affettwati, is-Slovenja adottat rispons politiku komprensiv li jgħaqqad flimkien miżuri preventivi ma’ miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid mgħaġġel tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Tweġibiet ta’ politika ewlenin, li jsiru f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, għandhom jiffukaw fuq il-kisba ta’ irkupru sostnut u ġust billi jissaħħu l-politiki attivi eżistenti tas-suq tax-xogħol u l-iskemi taż-żamma tal-impjieg, inkluż skemi ta’ xogħol għal żmien qasir u l-introduzzjoni ta’ appoġġ ieħor marbut biż-żmien għan-negozji, bħal sussidji fuq il-pagi u eżenzjonijiet minn kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Dawn il-miżuri jistgħu jgħinu biex jitnaqqas it-telf tad-dħul għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk f’impjieg mhux standard, kif ukoll għal dawk li jaħdmu għal rashom. Arranġamenti tax-xogħol flessibbli, inkluża l-flessibbiltà fil-post tax-xogħol (pereż. dispożizzjonijiet tat-telexogħol), flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol (pereż. dispożizzjonijiet ta’ flexitime) u flessibbiltà f’organizzazzjonijiet tax-xogħol (pereż. servizzi interni ta’ kumpanija) jistgħu jsostnu l-impjiegi b’mod sinifikanti waqt il-lockdown u meta terġa’ tibda l-attività ekonomika. It-trawwim tal-ispirtu intraprenditorjali se jkun kruċjali għar-rilanċ tal-ekonomija u biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa wara l-kriżi. Għalhekk huwa partikolarment importanti li jiġu appoġġati l-persuni li jaħdmu għal rashom billi jitnaqqas il-piż amministrattiv u l-iżvantaġġi finanzjarji meta mqabbla mal-impjegati.

    (21)Sabiex jittaffa l-impatt soċjali ta’ din il-kriżi, huwa essenzjali li s-Slovenja tkompli tipprovdi pakkett adegwat ta’ benefiċċji soċjali. Għal dan il-għan, se jkun meħtieġ monitoraġġ regolari tal-effetti tal-kriżi fuq il-faqar. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-anzjani, u b’mod partikolari n-nisa, li għalihom ir-rati ta’ riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali kienu ogħla mill-medja tal-UE diġà qabel il-kriżi. L-emenda għal-leġiżlazzjoni tal-pensjonijiet, adottata mill-Parlament Nazzjonali f’Novembru 2019, hija mistennija li ttejjeb l-adegwatezza tal-pensjonijiet għal pensjonanti ġodda, filwaqt li l-pensjonanti attwali, inklużi dawk fil-livell tal-faqar jew taħt il-linja tal-faqar, mhumiex se jibbenefikaw minnha. Assistenza finanzjarja addizzjonali offruta lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq quddiem tiżgura li l-pandemija tal-COVID-19 ma taffettwax b’mod sproporzjonat lin-nies li jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni soċjali u li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom jiġu ssodisfati, bħall-ikliet ta’ kuljum u l-kura tas-saħħa.

    (22)Il-miżuri ta’ likwidità ġew introdotti għan-negozji f’April 2020, iżda għad hemm negozji vijabbli bħal ditti iżgħar innovattivi u ta’ tkabbir kbir li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu tal-banek tagħhom għadhom mhumiex stabbiliti tajjeb biżżejjed biex jintitolawhom għal garanziji fuq is-self imsemmija hawn fuq mill-banek. Aċċess imtejjeb għal finanzjament alternattiv, inklużi strumenti finanzjarji ta’ ekwità (pereż. kapital ta’ riskju) jista’ jkun meħtieġ, b’mod partikolari f’pajjiżi bħas-Slovenja fejn is-swieq tal-ekwità huma sottożviluppati. L-għodod ta’ kapital tal-ekwità eżistenti tas-Slovenja jistgħu jkunu mezz biex jiġu allokati fondi ta’ salvataġġ lil dawk in-negozji li qed joħorġu b’suċċess mill-kriżi, bħal SMEs innovattivi, negozji ġodda u negozji li qed jespandu, kif ippjanat minn Stati Membri oħra. L-applikazzjoni tas-salvagwardji previsti fir-regoli tal-UE se tiżgura li dawn l-injezzjonijiet ma jaffettwawx ħażin l-effiċjenza tal-kumpaniji jew il-kompetizzjoni ekonomika.

    (23)Il-kriżi tal-COVID-19 affettwat b’mod qawwi l-kapaċità ta’ negozji jew unitajiet domestiċi, li qabel kienu vijabbli, biex iħallsu l-kontijiet tagħhom. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, parti kbira mis-settur privat tiffaċċja l-insolvenza. Fost il-miżuri ta’ likwidità tiegħu għan-negozji, il-Gvern Sloven introduċa moratorju ta’ 12-il xahar fuq il-ħlas lura tas-self bankarju lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u lill-unitajiet domestiċi. L-effiċjenza u l-effettività ta’ din il-miżuri u miżuri simili jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa u mmonitorjati. Kwalunkwe effett negattiv tal-miżuri għandu wkoll jiġi rimedjat malajr, sabiex l-istabbiltà finanzjarja tkun żgurata l-ħin kollu.

    (24)Il-kumpaniji f’diffikultà, u b’mod partikolari dawk iżgħar, jeħtieġu mhux biss il-likwidità u l-finanzjament, iżda wkoll ambjent ta’ appoġġ għan-negozju. Dan jinkludi l-implimentazzjoni rapida u mhux burokratika tal-miżuri ta’ salvataġġ tal-COVID-19 iżda jmur lil hinn minn dan. Il-piż regolatorju u amministrattiv għoli tal-pajjiż joħloq spejjeż li kumpaniji f’diffikultà jistgħu sempliċement ma jaffordjawx f’dawn iż-żminijiet diffiċli. It-tnaqqis tal-burokrazija relatata, pereżempju, mal-permessi, l-obbligi ta’ rappurtar u l-proċeduri ta’ taxxa huwa mod effettiv biex tiġi pprovduta għajnuna immedjata u evidenti lid-ditti, mingħajr ma jintefa’ piż fuq il-baġit nazzjonali u indirettament fuq il-kontribwent. L-immodernizzar tar-regoli se jippermetti lill-professjonijiet joffru servizzi aktar kosteffikaċi u innovattivi li l-kumpaniji issa jeħtieġu. Is-Slovenja ħolqot għodod biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, inkluż id-“Dokument Uniku” u “test għall-SMEs”. L-użu ta’ dawn l-għodod issa jista’ jiġi massimizzat biex jipprovdi għajnuna immedjata. Il-kriżi se jpoġġi aktar stress fuq is-soluzzjoni tat-tilwim kummerċjali u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità ekonomika. Il-qafas tal-insolvenza se jkollu bżonn ukoll aktar fokus biex jiġu evitati insolvenzi relatati mal-kriżi, fuq stralċ rapidu ta’ negozji mhux vijabbli u ċans ieħor għal dawk involuti.

    (25)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti maturi ta’ investiment pubbliku jingħataw finanzjament bil-quddiem u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. L-avvanzar tat-tranżizzjoni ekoloġika bi proġetti sostenibbli, bħat-tranżizzjoni lil hinn mill-minjieri tal-faħam u l-produzzjoni tal-elettriku mill-faħam, jista’ jkun tali investiment. L-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika kif deskritta fil-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima tas-Slovenja jista’ jgħin biex jingħata stimolu fuq żmien qasir lill-irkupru u l-konsegwenzi ta’ terminu medju tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jista’ jinvolvi ż-żieda fis-sehem baxx attwali ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, it-tisħiħ tal-infrastruttura tal-enerġija, it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, li huwa 'l fuq mill-medja tal-UE fl-ibliet tas-Slovenja, it-tisħiħ tal-ekonomija ċirkolari, l-appoġġ għall-intraprenditorija soċjali, u l-aċċellerazzjoni tal-isforzi biex jiġu limitati l-impatti potenzjali fuq ir-reġjuni u s-setturi l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni. It-tnaqqis attwali fl-emissjonijiet ma jdumx jekk ma tingħatax biżżejjed attenzjoni lill-investimenti nodfa fil-qasam tal-enerġija u l-klima f’pakketti ta’ rkupru, biex b’hekk is-Slovenja taqa’ lura fuq il-miri tal-klima tagħha. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin biex is-Slovenja tindirizza xi wħud mill-isfidi li qed tippreżenta t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. B’hekk is-Slovenja tkun tista’ tagħmel l-aħjar użu minn dan il-fond.

    (26)Għal irkupru ekonomiku li jinkorpora l-prinċipju tas-sostenibbiltà, se jkun meħtieġ investiment biex jiġi żviluppat aktar it-trasport sostenibbli, u biex jiġu appoġġati t-trasport pubbliku tal-passiġġieri u l-konnessjonijiet sostenibbli, b’mod partikolari għall-ferroviji. Il-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal sfidi addizzjonali għat-trasport tal-merkanzija u tat-tranżitu u għalkemm is-Slovenja ħadet l-azzjoni meħtieġa u ppermettiet il-fluss tal-oġġetti — b’mod partikolari oġġetti kritiċi, dan se jkollu impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż.

    (27)Bħala parti minn strateġija ta’ ħruġ u ta’ rkupru, se jkun importanti li jiġi appoġġat l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, li huwa mutur kritiku tal-produttività u t-tkabbir ekonomiku. Anki qabel il-kriżi, is-Slovenja kienet ikklassifikata bħala ‘innovatur moderat’ biss, u b’hekk qed tnaqqas l-isforzi tagħha biex tlaħħaq ma’ dawk bl-aħjar prestazzjoni. Is-settur tan-negozju huwa responsabbli għal 75% tal-infiq fuq ir-RuŻ. Il-kriżi ekonomika għal darba oħra qed tkun ta’ riskju għar-RuŻ min-negozji u għall-innovazzjoni. Rati relattivament baxxi ta’ innovazzjoni, speċjalment mill-SMEs, inaqqsu r-ritmu tal-iżvilupp u d-diffużjoni ta’ proċessi u soluzzjonijiet tan-negozju innovattivi, li huma mitluba mill-kriżi COVID-19. L-investiment huwa meħtieġ biex jgħin lill-SMEs innovattivi — inklużi n-negozji ġodda — li l-attivitajiet tagħhom jinvolvu teknoloġiji emerġenti u innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, biex iżidu l-produzzjoni tagħhom. Il-kooperazzjoni bejn l-akkademja u n-negozju hija fil-biċċa l-kbira limitata għas-setturi ta’ teknoloġija medja u avvanzata. L-effettività ta’ uffiċċji ta’ trasferiment ta’ għarfien imwaqqfa minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja tvarja konsiderevolment. Ir-rabtiet bejn l-akkademja u n-negozju huma essenzjali biex l-għarfien dwar l-innovazzjoni jiġi tradott b’suċċess, biex titjieb il-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-pajjiż, u biex ikun hemm tkabbir ekonomiku. L-infiq pubbliku fuq ir-RuŻ kien modest, u parzjalment jiddependi fuq il-Fondi Strutturali tal-UE. L-irkupru minn din il-kriżi se jirrikjedi l-prijoritizzazzjoni tal-investiment pubbliku fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż ir-riċerka teknoloġika u dik applikata.

    (28)It-trasformazzjoni diġitali se tkun kruċjali għall-irkupru ekonomiku ta’ wara l-kriżi. Il-potenzjal tal-pajjiż f’dan il-qasam intwera permezz tal-introduzzjoni rapida ta’ skemi tat-telexogħol u soluzzjonijiet tal-kummerċ online minn xi kumpaniji Sloveni fil-bidu tal-kriżi. Diġitalizzazzjoni akbar fil-mudelli tan-negozju u fil-proċessi tal-produzzjoni se testendi dawn it-trasformazzjonijiet għal aktar setturi tal-ekonomija. Is-Slovenja tista’ tibni fuq l-għarfien eżistenti u l-kapaċitajiet eċċellenti fir-robotika, l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġija tal-blockchain biex tappoġġa l-espansjoni tad-diġitalizzazzjoni għal industriji tradizzjonali inqas avvanzati. L-użu mill-ġdid tal-firxa wiesgħa ta’ data tas-settur pubbliku attwalment disponibbli jista’ jappoġġa l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-big data. It-titjib tal-ħiliet diġitali tal-ħaddiema jista’ jżid l-impjegabbiltà tagħhom relattivament malajr u jappoġġa l-irkupru ekonomiku. L-introduzzjoni ta’ servizzi elettroniċi tal-Gvern li jkunu faċli biex jintużaw u servizzi pubbliċi diġitali se tgħin biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għan-negozji. Filwaqt li diġà hemm disponibbli firxa ta’ servizzi pubbliċi online, l-użu tagħhom minn individwi u negozji se jirrikjedi sforzi biex tiżdied il-fiduċja tan-nies fit-tranżazzjonijiet online u s-sigurtà tagħhom (pereż. l-introduzzjoni ta’ identifikatur elettroniku nazzjonali, is-sigurtà ċibernetika u l-karatteristiċi ta’ privatezza). Konnessjonijiet broadband veloċi u affidabbli (fissi u mobbli), inkluż f’żoni rurali, huma indispensabbli għall-iżvilupp ta’ servizzi soċjali u ekonomiċi onlajn ewlenin. L-introduzzjoni tal-5G tiddependi fuq it-tqassim f’waqtu tal-ispettru 5G.

    (29)Klassijiet regolari għal-livelli kollha tal-edukazzjoni ġew sostitwiti b’tagħlim mill-bogħod matul l-għeluq minħabba l-COVID-19. It-tagħlim online jeħtieġ infrastruttura diġitali adegwata, materjal edukattiv, u għalliema bil-ħiliet u l-appoġġ meħtieġa biex jgħallmu b’mod effettiv. L-istudenti kollha, b’mod partikolari l-gruppi vulnerabbli, inklużi dawk b’diżabbiltajiet u dawk minn żoni rurali, jeħtieġ li jkollhom aċċess adegwat għal tagħlim mill-bogħod u ħiliet diġitali diċenti biex jibbenefikaw bis-sħiħ minn tagħlim mill-bogħod. Il-ħiliet diġitali għandhom jidhru b’mod aktar prominenti fil-kurrikuli u l-programmi tal-iskejjel, biex jitjiebu l-ħiliet tal-ħaddiema. Dan jippermetti użu usa’ tat-telexogħol u tas-servizzi diġitali, tqabbil aħjar tal-ħiliet diġitali mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol, kif ukoll l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli bħall-anzjani jew persuni li jgħixu f’żoni rurali.

    (30)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu ttratati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

    (31)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, is-Slovenja se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

    (32)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali biex jinkiseb irkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Is-Slovenja, bħala Stat Membru li l-munita tagħha hija l-euro — u filwaqt li tqis il-gwida politika mill-Grupp tal-Euro — għandha tiżgura li l-politiki tagħha jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet taż-Żona tal-Euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.

    (33)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovenja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Slovenja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovenja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (34)Fid-dawl ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni 9 tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fl-2020 u l-2021 biex:

    1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, isssegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Tiżgura r-reżiljenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa u fit-tul, inkluż billi tipprovdi provvista adegwata ta’ prodotti mediċi kritiċi u billi tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa.

    2.Tipprovdi sostituzzjoni ta’ dħul u protezzjoni soċjali adegwati. Tnaqqas l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi, inkluż permezz tat-tisħiħ ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u permezz ta’ arranġamenti ta’ xogħol flessibbli. Tiżgura li dawn il-miżuri jipprovdu protezzjoni adegwata għall-ħaddiema mhux standard.

    3.Tkompli timplimenta malajr miżuri biex jipprovdu likwidità u finanzjament lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi u biex tnaqqas il-piż amministrattiv. Tiffinanzja fil-bidu tal-perjodu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq il-produzzjoni u l-użu nadif u effiċjenti tal-enerġija, l-infrastruttura ambjentali, it-trasport sostenibbli, ir-riċerka u l-innovazzjoni u t-tnedija tan-network 5G. Tippromwovi l-kapaċitajiet diġitali tan-negozji, u t-tisħiħ tal-ħiliet diġitali, il-Kummerċ elettroniku u s-Saħħa elettronika.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
    (2)    SWD(2020) 523 final.
    (3)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
    (4)    COM(2020) 112 final.
    (5)    COM(2020) 123 final.
    (6)

       Ir-Regolament (UE) Nru 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Rispons għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 fir- rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

    (7)    In-nefqa primarja netta tal-Gvern hi magħmula min-nefqa totali tal-Gvern mingħajr in-nefqa marbuta mal-imgħax, in-nefqa marbuta mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fin-nefqa marbuta mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata fuq livell nazzjonali hija mifruxa f'erba’ snin. Miżuri ta’ dħul diskrezjonarji jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tan-nefqa huma nettjati.
    (8)    Il-Kummissjoni adottat qafas temporanju ta’ għajnuna mill-Istat għal tali miżuri ta’ għajnuna, li inter alia jinkludi salvagwardji dwar il-vijabbiltà tad-ditti; ĠU C 91I , 20.3.2020, p. 1.
    (9)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
    Top