Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0519

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tan-Netherlands tal-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tan-Netherlands tal-2020

    COM/2020/519 final

    Brussell, 20.5.2020

    COM(2020) 519 final

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tan-Netherlands tal-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tan-Netherlands tal-2020


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tan-Netherlands tal-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tan-Netherlands tal-2020

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbit Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lin-Netherlands bħala wieħed mill-Istati Membri li huwa meħtieġ li ssirlu analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.

    (2)Ir-rapport tal-pajjiż għall-2020 tan-Netherlands 3 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Fih ġie vvalutat il-progress li għamlu n-Netherlands biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 4 , is-segwitu li ngħataw ir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tan-Netherlands biex jilħqu l-miri nazzjonali tagħhom tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-26 ta' Frar 2019. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li n-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, l-istokk għoli ta’ dejn privat u s-surplus kbir tal-kontijiet huma sorsi ta’ żbilanċi u għandhom rilevanza transfruntiera.

    (3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa ta’ COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija u qiegħda tikkawża tfixkil fil-katini ta’ provvista dinjija, volatilità fis-swieq finanzjarji, xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u effetti negattivi f’diversi setturi. Qed thedded l-impjiegi tan-nies, id-dħul tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 5 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

    (4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Kwalunkwe miżura ta’ emerġenza għandha tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien, u f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal skrutinju demokratiku u għal rieżami ġudizzjarju indipendenti.

    (5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola ta’ ħruġ ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 6 . Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qablet mal-Kunsill tal-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku qawwi mistenni li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja ġenerali tippermetti għal tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' żmien medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b'rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

    (6)Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozju u l-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol bil-ħsieb li terġa’ tibda l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

    (7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri li jadatta għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ merkanzija, servizzi u ħaddiema, miżuri eċċezzjonali li jipprevjenu s-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali jridu jitneħħew malli ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen tal-provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

    (8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 7 biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati u razzjonalizzati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet ta’ flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020–2021. In-Netherlands huma mħeġġa biex jagħmlu użu sħiħ minn dawn il-possibbiltajiet biex jgħinu lill-individwi u lis-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.

    (9)Fit-28 ta' April 2020, in-Netherlands ippreżentaw l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħhom tal-2020, u fid-29 ta' April 2020 ippreżentaw il-Programm ta' Stabbiltà tal-2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

    (10)In-Netherlands bħalissa jinsabu fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u huma suġġetti għar-regola tad-dejn.

    (11)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jistenna li d-defiċit nominali se jitjieb minn 1,7 % tal-PDG fl-2019 għal surplus ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2020. Il-bilanċ favorevoli huwa previst li jonqos għal 0,0 % tal-PDG fl-2023. Wara li naqas għal 48,6 % tal-PDG fl-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 46,3 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020. Madankollu, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji ma baqax realistiku u l-Programm ma jqisx numru sinifikanti tal-miżuri mħabbra min-Netherlands b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Il-Memorandum tal-Baġit tar-Rebbiegħa 8 fih aġġornament tal-projezzjonijiet baġitarji. Fuq il-bażi tal-Memorandum, il-bilanċ nominali tal-Gvern huwa ppjanat li jiddeterjora għal defiċit ta’ 11,8 % tal-PDG fl-2020 u l-proporzjon tad-dejn mal-PDG tal-ammnistrazzjoni pubblika huwa mistenni li jiżdied għal 65,2 % fl-2020. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

    (12)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, in-Netherlands adottaw miżuri baġitarji biex iżidu l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tiegħu, irażżnu l-pandemija, u jipprovdu għajnuna lil dawk l-individwi u setturi li ntlaqtu b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-Memorandum tal-Baġit tar-Rebbiegħa, dawn il-miżuri baġitarji jammontaw għal 2,7 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu t-tisħiħ tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-għajnuna ta’ emerġenza għal setturi li jinsabu f’diffikultà, l-appoġġ għad-dħul għal dawk li jaħdmu għal rashom u l-impjegati. Barra minn hekk, in-Netherlands ħabbru miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex isostnu l-likwidità għan-negozji. Dawn il-miżuri jinkludu differimenti tat-taxxa għal taxxi fuq l-introjtu tal-kumpaniji (4,6 % għal 5,9 % tal-PDG) u garanziji fuq self (1,8 % tal-PDG). B’mod ġenerali, il-miżuri meħuda min-Netherlands huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri, segwita mill-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju ta' żmien meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju.

    (13)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2020 tal-Kummissjoni taħt politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tan-Netherlands huwa mbassar li jkun ta’ -6,3 % tal-PDG fl-2020 u ta’ -3,5 % fl-2021. Id-differenza ta’ 5,5 punti perċentwali bejn il-previżjoni tal-Memorandum tal-Baġit tar-Rebbiegħa u dik tal-Kummissjoni hija xprunata minn kontabbiltà differenti tad-differimenti tat-taxxa (4,6 % għal 5,9 % tal-PDG), li fit-tbassir tal-Kummissjoni mhumiex allokati bħala tnaqqis fid-dħul fl-2020. Il-proporzjon ta’ dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa projettat li jilħaq it-62,1 % tal-PDG fl-2020 u s-57,6 % fl-2021.

    (14)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ipprojettat tan-Netherlands tal-limitu ta’ defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhuwiex sodisfat.

    (15)Wara tkabbir qawwi f’dawn l-aħħar snin, il-pandemija tal-COVID-19 poġġiet fit-tmiem għal sitt snin konsekuttivi ta’ espansjoni ekonomika fin-Netherlands. Din is-sena, l-ekonomija tan-Netherlands hija mistennija li tesperjenza l-akbar tnaqqis tagħha fl-istorja ta’ wara l-gwerra tal-pajjiż. Il-komponenti kollha tad-domanda, ħlief il-konsum pubbliku, huma mistennija li jonqsu drastikament din is-sena, b’attività ekonomika pproġettata fit-tieni kwart. Fl-2021, l-ekonomija x’aktarx tirkupra b’rata ferm ogħla mix-xejra ta’ tkabbir, li tirrifletti n-normalizzazzjoni gradwali tal-attività ekonomika u l-irkupru tad-domanda domestika u l-kummerċ dinji minn livell baxx. Madankollu, il-livelli ta’ attività huma mistennija li jibqgħu 'l isfel minn dawk tal-2019. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, il-qgħad huwa mistenni li jiżdied għal 5,9 % fl-2020, l-aktar minħabba l-għeluq ta’ negozji b’mandat u t-tnaqqis globali f’daqqa fl-attività ekonomika iżda mbagħad jirkupra għal 5,3 % fl-2021. Il-miżuri ta’ protezzjoni tal-impjieg, b’mod partikolari l-Miżura Temporanja ta’ Tranżizzjoni għal Impjiegi Sostnuta u l-appoġġ ta’ dħul addizzjonali għal dawk li jaħdmu għal rashom, għandhom jgħinu biex jitnaqqas it-telf tal-impjiegi. Madankollu, id-deterjorament tas-suq tax-xogħol huwa mistenni li jaċċellera fix-xhur li ġejjin billi d-ditti f’setturi milquta ħafna inevitabbilment inaqqsu l-impjegati, speċjalment ħaddiema b’kuntratti flessibbli u temporanji.

    (16). Bi tweġiba għar-riperkussjonijiet ekonomiċi f’daqqa u għall-evaporazzjoni tad-domanda f’setturi speċifiċi, il-Gvern Netherlandiż adotta pakkett komprensiv ta’ miżuri ta’ emerġenza biex jgħin biex tiġi evitata ħsara strutturali lill-ekonomija. Dan ir-rispons qawwi ta’ politika huwa mmirat lejn l-oqsma l-aktar milquta mill-kriżi u jiffoka fuq il-protezzjoni tal-impjiegi u l-kapaċità tal-akkwist tal-familji, il-kumpens finanzjarju dirett għall-industriji li ntlaqtu ħażin, kif ukoll id-differiment tat-taxxa u l-garanziji fuq is-self biex jiġi appoġġat il-fluss tal-kreditu lis-settur privat. Għalhekk għandu jipprevjeni problemi temporanji ta’ likwidità milli jinbidlu għal kwistjonijiet ta’ insolvenza. Barra minn hekk, l-istabbilizzaturi awtomatiċi għandhom jgħinu biex inaqqsu l-intensità tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-Bank ċentrali tan-Netherlands naqqas ukoll il-bafers kapitali sistemiċi għall-akbar banek u qed jipposponi miżura biex jintroduċi limitu minimu tal-piż tar-riskju għall-ipoteki, biex b’hekk jeħles il-kapital bankarju u jippermetti lill-banek jespandu b’mod sinifikanti s-self lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji.

    (17)Is-sistema tas-saħħa tan-Netherlands għandha prestazzjoni relattivament tajba f’termini ta’ kontribuzzjoni għas-saħħa ġenerali tal-popolazzjoni u tiżgura l-aċċessibbiltà tas-servizzi tas-saħħa. Bħala parti mir-reazzjoni immedjata għall-kriżi, in-Netherlands stabilixxew strateġija ta’ kontroll li tinvolvi miżuri tas-saħħa pubblika ġenerali u adottaw miżuri ta’ finanzjament tas-saħħa mfassla apposta. Madankollu, il-bidu tal-COVID-19 ittestja r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa. F’dan ir-rigward, kien hemm tħassib diġà eżistenti. Il-kapaċità tal-forza tax-xogħol għandha tibbenefika mill-indirizzar ta’ nuqqasijiet eżistenti, b’mod partikolari tal-infermiera u fil-kura tas-saħħa primarja. Il-governanza globali tas-sistemi tas-saħħa u l-kapaċità tagħhom li jiżguraw it-twassil tas-servizzi integrati tul il-continuum tal-kura tista’ tittejjeb billi l-governanza tad-data tissaħħaħ aktar u billi jiżdied l-użu tal-għodod tas-saħħa elettronika. It-tifqigħa tal-COVID-19 għalhekk enfasizzat il-ħtieġa li tkompli tittejjeb ir-reżiljenza u t-tħejjija għall-kriżijiet tas-sistema tas-saħħa billi jiġu indirizzati tali sfidi strutturali.

    (18)Filwaqt li fl-2019 u kmieni fl-2020 s-suq tax-xogħol kompla jitjieb sew u b’mod ġenerali, il-kriżi tal-COVID-19 naqqset it-tkabbir ekonomiku u hija mistennija li twassal għal żieda konsiderevoli fil-qgħad. Ittieħdu serje ta’ miżuri ekonomiċi mingħajr preċedent biex jitħarsu l-impjiegi u l-għajxien tan-nies u biex jitnaqqas l-impatt fuq il-persuni li jaħdmu għal rashom, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-kumpaniji ewlenin. Biex jiġi ppreservat l-impjieg, min iħaddem u huwa mistenni li jitlef mill-inqas 20 % tad-dħul tagħhom minħabba l-kriżi, jista’ japplika għal allowance (sa 90 fil-mija tal-kont tal-pagi tal-kumpanija, skont it-telf ta’ fatturat) li se jippermettilhom li jħallsu l-pagi tal-impjegati tagħhom għal tliet xhur. Il-persuni li jaħdmu għal rashom se jkollhom rikors għal proċedura mħaffa li tippermettilhom japplikaw għal appoġġ addizzjonali għall-introjtu sal-ammont tal-paga minima soċjali, li se tgħinhom iħallsu l-ispejjeż tagħhom ta’ għajxien għal perjodu ta’ tliet xhur.

    (19)Il-mitigazzjoni tal-impjieg u l-impatt soċjali tal-kriżi għal dawk l-aktar milquta jenħtieġ li tkun parti mill-istrateġija ta’ rkupru. Minkejja l-pakkett ta’ miżuri li ttieħdu biex jiġu ppreservati l-impjiegi, in-nies f’pożizzjoni tas-suq tax-xogħol inqas favorevoli u/jew sitwazzjoni soċjali vulnerabbli ntlaqtu ħafna iktar. Il-qgħad żdied, b’mod partikolari għal persuni li jaħdmu fuq kuntratti flessibbli, bħaż-żgħażagħ, il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat ukoll sfidi sinifikanti f’termini ta’ aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata għall-persuni li jaħdmu għal rashom li ħafna drabi huma assigurati taħt l-assigurazzjoni (jew mhux assigurati xejn) kontra l-mard, id-diżabbiltà, il-qgħad u x-xjuħija.

    (20)L-appoġġ ta’ likwidità għan-negozji permezz ta’ self u garanziji, b’enfasi fuq intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, kien tal-akbar importanza. Id-distribuzzjoni tal-appoġġ ta’ likwidità lil impriżi għandu jiġi implimentat b’mod effettiv u rapidu mill-intermedjarji filwaqt li tiġi sostnuta r-reżiljenza tagħhom. Il-fatt li l-ħlasijiet differiti tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali jiġu permessi u li jitħaffu l-ħlasijiet kuntrattwali mill-awtoritajiet pubbliċi jista’ jgħin biex jitjieb il-fluss tal-flus tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Negozji ġodda u li qed jespandu li jkunu għadhom kemm twaqqfu jistgħu jeħtieġu appoġġ speċifiku, pereż. fil-forma ta’ ishma ta’ ekwità minn istituzzjonijiet pubbliċi u inċentivi għal fondi ta’ kapital ta’ riskju biex iżidu l-investimenti tagħhom f’dawn id-ditti. Dan jista’ jgħin biex jiġi evitat liċenzjament qawwi f’kumpaniji Ewropej li huma strateġikament importanti. Kif permess u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-qafas temporanju tal-għajnuna mill-Istat 9 , jenħtieġ li jiġi żgurat appoġġ ta’ ekwità jew kważi ekwità għall-impriżi kollha 10 u mhux biss għal dawk li jissodisfaw id-definizzjoni tal-Kummissjoni 11 ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Jenħtieġ li jinżammu wkoll sforzi biex jiġu offruti aċċess u servizzi pubbliċi diġitali effiċjenti għall-individwi u n-negozji.

    (21)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu avvanzati minn qabel u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Azzjoni ta’ politika mmirata, fosthom investiment f’setturi bl-ogħla prospetti li jiżdied it-tkabbir potenzjali għall-ekonomija usa’, tista’ tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi aċċellerati mill-kriżi reċenti. B’mod partikolari, l-investimenti fir-RuŻ inkorporati fis-“setturi ewlenin u l-politika tal-innovazzjoni 12 xprunati mill-missjoni kif ukoll il-kapital uman jistgħu jgħinu biex jappoġġaw it-tkabbir tal-produttività fit-tul u jżommu kapaċità ta’ innovazzjoni b’saħħitha. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għan-negozji l-ġodda, in-negozji li qed jespandu u l-SMEs innovattivi li huma kruċjali biex jittejbu l-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. L-investiment f’inizjattivi mill-Ftehim dwar il-Klima tan-Netherlands u l-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima sabiex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima u tiġi promossa t-tranżizzjoni tal-enerġija jista’ jagħti kontribut ewlieni għall-għanijiet usa’ tas-soċjetà, inkluż il-ħtieġa li jiġi żgurat tkabbir ekonomiku sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Barra minn hekk, għalkemm in-Netherlands huma minn ta’ quddiem fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport tiegħu, l-użu ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport huwa 'l isfel mill-medja tal-UE. Fl-aħħar nett, l-investiment f’abitazzjonijiet ġodda huwa meħtieġ biex jitnaqqas in-nuqqas attwali ta’ akkomodazzjoni. L-ipprogrammar tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lin-Netherlands jindirizzaw xi wħud mill-isfidi ppreżentati mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D għar-rapport tal-pajjiż. Dan jippermetti li n-Netherlands jagħmlu l-aħjar użu minn dan il-fond.

    (22)Il-ħiliet tekniċi u diġitali u l-professjonisti kwalifikati huma kruċjali għall-kapaċità tal-ekonomija tan-Netherlands biex tkun innovattiva u u għal tkabbir tal-produttività sostenibbli u inklużiv. L-investiment fil-ħiliet bażiċi u / jew diġitali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, fosthom opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid għal kulħadd, jibqa’ wkoll kruċjali għat-titjib tal-aċċess għas-suq tax-xogħol b’mod partikolari biex tissaħħaħ l-impjegabbiltà ta’ dawk fil-marġini tas-suq tax-xogħol (inklużi persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u persuni b’diżabilità), filwaqt li jitrawmu opportunitajiet indaqs u inklużjoni attiva.

    (23)In-Netherlands ħadu miżuri kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, iżda l-livell għoli ta’ dividendi, royalties u pagamenti ta’ imgħax li jsiru permezz tan-Netherlands jissuġġerixxi li r-regoli tat-taxxa tal-pajjiż huma użati minn kumpaniji li jinvolvu ruħhom f’ippjanar aggressiv tat-taxxa. Proporzjon kbir tal-istokk tal-investiment dirett barrani huwa miżmum mill-“entitajiet bi skop speċjali”. In-nuqqas ta’ taxxi minn ras il-għajn fuq outbound royalties (jiġifieri minn residenti tal-UE għal residenti ta’ pajjiż terz) u l-pagamenti ta’ imgħax minn residenti tal-UE għal residenti ta’ pajjiż terz jista’ jwassal biex dawk il-pagamenti jevadu t-taxxa kompletament, jekk huma wkoll ma jiġux soġġetti għat-taxxa fil-ġurisdizzjoni riċeventi. Ir-riforma li għadha kif ġiet adottata dwar it-taxxi minn ras il-għajn kondizzjonali fuq ir-royalty, u l-pagamenti tal-imgħax f’każ ta’ abbuż jew pagamenti lil ġurisdizzjonijiet b’rata baxxa ta’ taxxa, li se jiġu implimentati mill-1 ta’ Jannar 2021, huwa pass pożittiv lejn tnaqqis fl-ippjanar aggressiv tat-taxxa. L-effikaċja tar-riforma għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib.

    (24)Għadd ta’ istituzzjonijiet finanzjarji tan-Netherlands reċentement kienu involuti fi kwistjonijiet ta’ ħasil tal-flus. Dawn il-każijiet jenfasizzaw il-ħtieġa, minkejja l-isforzi reċenti, li tissaħħaħ is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji u li jiġu investigati u mħarrka każijiet ta’ ħasil tal-flus. Lil hinn mis-settur finanzjarju, il-ftuħ tal-ekonomija Netherlandiża għall-investimenti diretti barranin u l-istrutturi ġuridiċi kumplessi tal-pajjiż joħolqu wkoll riskji sinifikanti ta’ ħasil tal-flus. L-allinjament ħażin bejn ir-rappurtar baxx ta’ tranżazzjonijiet mhux tas-soltu minn fornituri ta’ servizzi ta’ fiduċja u ta’ kumpaniji u l-konsulenti tat-taxxa u l-iskopertura għal riskju għoli tagħhom jitlob superviżjoni proporzjonata. Minħabba l-preżenza estensiva ta’ strutturi legali kumplessi, il-funzjonament tajjeb tar-reġistru tas-sjieda benefiċjarja huwa essenzjali biex jiġi evitat l-użu ħażin ta’ tali entitajiet, iżda r-reġistru għadu ma ġiex stabbilit.

    (25)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fit-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu ttratati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u strateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

    (26)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, in-Netherlands se jikkontribwixxu għall-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u għall-isforz komuni biex tiġi żgur

    (27)Koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija importanti biex jinkiseb irkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. In-Netherlands għandhom, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro — u filwaqt li jqisu l-gwida politika mill-Grupp tal-Euro — jiżguraw li l-politiki tagħhom jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet taż-Żona tal-Euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.

    (28)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tan-Netherlands u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiżi tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lin-Netherlands fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fin-Netherlands imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (29)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 u l-opinjoni tiegħu 13 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (30)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet preżenti jqisu l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-pandemija u li jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (3),

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands jieħdu azzjoni fl-2020 u l-2021 biex:

    1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizza b’mod effettiv il-pandemija, isostnu l-ekonomija u jappoġġaw l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, isegwu politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u jiżguraw is-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li jtejjbu l-investiment. Isaħħu ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, inkluż billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti ta’ ħaddiema tas-saħħa u jiżdied l-iskjerament ta’ għodod rilevanti tas-Saħħa elettronika.

    2.Itaffu l-impatt soċjali u tal-impjiegi tal-kriżi u jippromwovu protezzjoni soċjali adegwata għal dawk li jaħdmu għal rashom.

    3.Javvanzaw il-bidu ta’ proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u jippromwovu l-investiment privat biex jitħaddan l-irkupru ekonomiku. Jiffokaw l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali, l-infrastruttura sostenibbli, il-produzzjoni nadifa u effiċjenti u l-użu tal-enerġija kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni orjentati lejn missjoni.

    4.Jieħdu passi biex jindirizzaw kompletament il-karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa li jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa b’mod partikolari fuq pagamenti ' l barra mill-pajjiż, b’mod partikolari billi jimplimentaw il-miżuri adottati u jiżgura l-effikaċja tagħha. Jiżguraw is-superviżjoni effettiva u l-infurzar tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
    (2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
    (3)    SWD(2020) 518 final.
    (4)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
    (5)    COM(2020) 112 final.
    (6)    COM(2020) 123 final.
    (7)

       Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19, (Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1). 

    (8)    Budget Memorandum 2020 (Voorjaarsnota 2020), ippreżentat għal reviżjoni lit-Tieni Awla minn F. Hoekstra, Ministru tal-Finanzi, fil-25 ta’ April 2020.
    (9)    ĠU C 91I , 20.3.2020, p. 1-9
    (10)    Inkluż għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu b’mudelli kummerċjali kompetittivi iżda li l-likwidità tagħhom hija affettwata b’mod negattiv mill-COVID-19.
    (11)    COM(2020) 150 final.
    (12)    Dan l-approċċ ta’ politika ġdid għandu l-għan li jagħti spinta lill-investiment fir-RuŻ sabiex jinkisbu l-miri fit-tul dwar sfidi soċjetali ewlenin miġbura f’erba’ “missjonijiet”: (i) tranżizzjoni u sostenibbiltà tal-enerġija; (ii) l-agrikoltura, l-ilma u l-ikel; (iii) is-saħħa u l-kura; u (v) is-sigurtà. Il-politika titqies bħala prijorità ewlenija għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà (Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi (EZK) (2018), Kamerbrief: Naar Missiegedreven Innovatiebeleid met Impact, Rijksoverheid, The Hague.)
    (13)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
    Top