IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.7.2020
COM(2020) 318 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
L-istat ta' tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta' żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat tal-COVID-19
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
L-istat ta’ tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta’ żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat tal-COVID-19
I.INTRODUZZJONI
Il-pandemija tal-COVID-19, li ġabet magħha waħda mill-agħar kriżijiet fl-istorja reċenti, teħtieġ viġilanza kontinwa u azzjoni koordinata.
Għalkemm għad hemm ħafna li mhux magħruf, qed jinkiseb għarfien sinifikanti dwar il-marda nnifisha, it-trażmissjoni, il-prevenzjoni u t-trattament tagħha. L-Istati Membri, appoġġati mill-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE, qed iżidu l-kapaċità ta’ ttestjar tagħhom, itejbu s-sorveljanza u jsaħħu l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa, pereżempju permezz ta’ żieda fl-unitajiet ta’ sodod ta’ kura intensiva jew kontromiżuri mediċi msaħħa. L-UE u l-Istati Membri tagħha introduċew miżuri biex itaffu l-impatti soċjali u ekonomiċi, bħaż-żamma tal-funzjonament tas-suq intern, l-assistenza lis-settur tat-trasport u t-turiżmu, il-protezzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ ta’ servizzi ta’ kura medika għal gruppi vulnerabbli. L-Istati Membri qegħdin dejjem aktar jikkoordinaw ir-rispons tagħhom. Il-miżuri tas-saħħa pubblika għenu biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni u jġibu l-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda għal livell maniġġabbli mis-sistemi tas-saħħa. Dan ippermetta t-tneħħija progressiva ta’ ħafna restrizzjonijiet imposti matul l-aħħar xhur u t-tkomplija tal-biċċa l-kbira tal-attivitajiet.
Madankollu, il-virus għadu jiċċirkola madwar id-dinja. Tifqigħat reġjonali madwar l-UE u għadd dejjem jikber ta’ każijiet ġodda ta’ kuljum madwar id-dinja jsaħħu l-fatt li l-pandemija se tispiċċa biss ladarba tkun taħt kontroll kullimkien. Il-mard infettiv bħall-COVID-19 ta’ spiss jiġi f’mewġiet u qed jitfaċċaw tifqigħat lokalizzati ġodda madwar l-Ewropa u f'kontinenti oħra.
Filwaqt li titgħallem mill-istadji preċedenti tal-pandemija, l-Ewropa għandha tuża dan il-perjodu ta’ rati ta’ trażmissjoni aktar baxxi biex issaħħaħ l-istat ta’ tħejjija tagħha u tikkoordina l-kapaċità ta’ rispons biex tiġġieled kontra tifqigħat oħra tal-COVID-19. M'għandniex żmien x'naħlu biex niżguraw li jkollna fis-seħħ miżuri bbażati fuq ix-xjenza u li jkunu ġew ittestjati biex inkunu nafu kemm jifilħu f'każ ta' kriżi ħalli jiggarantixxu implimentazzjoni adegwata.
Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tiżgura l-istat ta’ tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta' żmien fil-qasam tas-saħħaf’każ ta’ aktar tifqigħat tal-COVID-19 fl-Ewropa. Tiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-ħtieġa li jitnaqqas il-piż tal-influwenza staġjonali 2020/2021, sabiex tonqos il-pressjoni addizzjonali fuq is-sistemi tas-saħħa jekk din tikkoinċidi ma’ tifqigħa oħra tal-COVID-19. Għal kull qasam, din il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq it-tagħlimiet ewlenin, pożittivi u negattivi, u tiddeskrivi l-miżuri ewlenin li għandhom jittieħdu fix-xhur li ġejjin. Dan ser jirrikjedi koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni b’saħħithom fl-Istati Membri u l-komunitajiet kif ukoll bejniethom, kif ukoll impenn li jiġu implimentati dawn il-miżuri, li huma kompetenza nazzjonali. Sabiex nimxu 'l quddiem, se jkompli jiġi mfittex li jintlaħaq ftehim dwar approċċi komuni b'rabta mal-miżuri tas-saħħa fi ħdan il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (HSC) kif ukoll f’fora oħra bħar-Reazzjoni Politika Integrata għall-Kriżijiet (IPCR).
L-esperjenza wriet li l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet mal-ġirien u fil-livell tal-UE hija vitali. Il-konteniment u l-ġestjoni ta’ kwalunkwe tifqigħa ġdida ser jeħtieġu wkoll kooperazzjoni u appoġġ kontinwi lill-viċinat immedjat tal-UE u lil hinn minnu. Għalhekk, fejn xieraq u fattibbli, il-Kummissjoni se tassoċja l-Balkani tal-Punent, il-pajjiżi tal-Viċinat u pajjiżi sħab oħra mal-azzjonijiet proposti f’dan id-dokument.
II.Titjib tal-istat ta’ tħejjija — tagħlimiet meħuda u azzjonijiet fuq medda qasira ta’ żmien
1.L-ittestjar, it-traċċar tal-kuntatti u s-sorveljanza tas-saħħa pubblika
Kapaċità suffiċjenti ta’ ttestjar hija aspett essenzjali għat-tħejjija u r-rispons għall-COVID-19. Mingħajr ittestjar adegwat, ma hemm l-ebda detezzjoni bikrija ta’ individwi potenzjalment infettivi u l-da viżibbiltà dwar ir-rati ta’ infezzjoni u t-trażmissjoni fi ħdan il-komunitajiet. Huwa prerekwiżit li jkun hemm traċċar tal-kuntatti adegwat.
Madankollu, matul dawn l-aħħar ftit xhur, l-Ewropa kienet qed tbati minn nuqqas ta’ testijiet u ta' materjali għall-ittestjar, ta' persunal tal-laboratorju mħarreġ u ta' xi provvisti ta’ tagħmir tal-laboratorju, filwaqt li l-UE hija waħda mill-akbar produtturi ta’ xi wħud minn dan it-tagħmir. Barra minn hekk, il-politiki u l-metodoloġiji tal-ittestjar ivarjaw ħafna bejn il-pajjiżi u l-kapaċitajiet ta’ traċċar tal-kuntatt nazzjonali ħafna drabi kienu maħkuma minn trażmissjonijiet fil-komunità fuq skala kbira.
|
Tifqigħat lokalizzati — rispons lokali u nazzjonali
Wara bosta ġimgħat ta’ tneħħija ta’ miżuri restrittivi ħafna, issa qed nosservaw żieda ġdida ta’ każijiet irrappurtati f’diversi Stati Membri, b’għadd ta’ tifqigħat lokalizzati f’kuntesti speċifiċi u t-trażmissjoni komunitarja għadha qed tiġi rrappurtata fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE. It-tifqigħat ta’ dan l-aħħar juru li t-tifqigħat lokali jridu jiġu immedjatament ikkontrollati biex tiġi evitata trażmissjoni akbar fil-komunità. Sabiex isir dan, l-ittestjar u l-lokalizzazzjoni immedjatament skalati għandhom jiġu implimentati fiż-żona kkonċernata. Imbagħad jeħtieġ jiġu implimentati miżuri ta’ mitigazzjoni lokali, bħall-iżolament.
Għandha tiġi skjerata minnufih il-kapaċità neċessarja li tista’ tinkiseb kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak nazzjonali. L-importanza tal-kapaċità lokali u tal-għarfien lokali trid tiġi rikonoxxuta sabiex jiġi żgurat rispons speċifiku u mfassal apposta. Is-segmentar ta’ attivitajiet speċifiċi li jirrikjedu għarfien lokali għall-aħjar effiċjenza, bħalma huma t-traċċar tal-kuntatti, u dawk li jistgħu jiġu żviluppati mingħajr għarfien lokali speċifiku, bħall-forniment ta’ laboratorji mobbli jew l-attivar tekniku tat-testijiet tal-RT-PCR, se jkunu kruċjali biex jingħata l-aħjar rispons għal dawn it-tifqigħat. Approċċ bħal dan jeħtieġ koordinazzjoni u kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u nazzjonali.
.
|
Fl-aħħar nett, peress li l-miżuri ta’ konteniment qed jitneħħew b’mod gradwali, huma meħtieġa testijiet, traċċar tal-kuntatti u sorveljanza tas-saħħa pubblika, peress li dawn jippermettu l-kontroll ta’ tifqigħat lokalizzati. L-iskalabbiltà rapida tagħhom hija kruċjali biex tlaħħaq ma’ progressjoni possibbli fil-pandemija u biex tevita li terġa’ ddaħħal miżuri stretti ta’ konfinament. Dawn l-attivitajiet iridu jitfasslu speċifikament għal gruppi vulnerabbli u f’kuntesti b’densità għolja u kapaċità limitata għal distanza fiżika. Pass ewlieni fit-tħejjija huwa għalhekk l-identifikazzjoni sistematika ta’ postijiet u popolazzjonijiet vulnerabbli fl-Istati Membri kollha.
a)Ittestjar
Il-kapaċitajiet tal-laboratorji għall-ittestjar tal-infezzjoni tal-COVID-19 żdiedu, flimkien ma’ żviluppi fl-ittestjar fil-postijiet fejn tingħata l-kura, l-istampar 3D ta’ tagħmir ta’ ttestjar u metodi ta’ ttestjar ġodda. Il-Kummissjoni nediet akkwist konġunt mal-Istati Membri, b’baġit massimu ta’ aktar minn EUR 350,000,000 għall-provvisti tal-laboratorju.. Hemm bżonn li tiżdied il-kapaċità tal-laboratorji, il-persunal imħarreġ u l-innovazzjoni fl-Istati Membri kollha biex tiġi żgurata sistema li tippermetti skalabbiltà, riżultati robusti u rispons lokalizzat tal-iskjerament rapidu.
Issa li l-Istati Membri żiedu l-kapaċità ta’ ttestjar tagħhom f’konformità mal-gwida tal-ECDC, huma għandhom jiżguraw li jistgħu jżidu malajr il-kopertura tal-ittestjar għal pazjenti bi ftit sintomi u persuni li jkunu ġew f’kuntatt ma’ każijiet pożittivi.. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw il-volum ta’ testijiet li jkunu saru u r-riżultati tagħhom matul iż-żmien. L-ittestjar irid ikun jista’ jiġi implimentat malajr ukoll permezz ta’ strateġiji deċentralizzati biex jgħinu fil-kontroll ta’ raggruppamenti lokalizzati. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jeħtieġ jiżguraw li l-espansjoni tal-kapaċità ta’ ttestjar għall-COVID-19 ma tkunx għad-detriment ta’ programmi oħra ta’ sorveljanza (eż. għall-influwenza).
b)Traċċar tal-kuntatti
L-akkoppjament ta’ approċċi standard ta’ traċċar tal-kuntatti ma’ applikazzjonijiet mobbli interoperabbli (“apps”) jista’ jsaħħaħ il-kapaċità li jitwaqqfu ktajjen ġodda ta’ trażmissjoni u jipprevjeni t-tixrid fil-komunità filwaqt li jinżammu l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data kif deskritti fil-leġiżlazzjoni rilevanti. Disa’ Stati Membri diġà nedew apps għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija. Ħdax oħra għandhom il-ħsieb li jniedu applikazzjoni fil-futur qrib. Wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar it-teknoloġija u d-data biex tiġi miġġielda l-kriżi tal-COVID-19 u noħorġu minnha, ġew żviluppati soluzzjonijiet tal-UE u sett ta’ għodod komuni biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà ta’ apps nazzjonali filwaqt li jissalvagwardjaw il-privatezza u l-protezzjoni tad-data.. L-interoperabbiltà bejn l-apps nazzjonali kollha għandha tkun realtà, b’tali mod li l-vjaġġaturi u l-ħaddiema jkunu jistgħu jkomplu jiċċaqalqu b’mod kunfidenti bejn il-fruntieri tal-UE. Illum il-Kummissjoni emendat in-Network tas-Servizzi tas-Saħħa Elettroniċi (eHealth) sabiex tipprovdi l-modalitajiet għat-tħaddim ta’ infrastruttura sigura tal-IT li tappoġġja l-interoperabbiltà l-apps tat-traċċar tal-kuntatti u ta’ twissija madwar l-UE. Is-Sistema ta’ Twissija u ta’ Reazzjoni Bikrija (EWRS) tiżgura l-kondiviżjoni sigura u effettiva ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri. Barra minn hekk, miżuri ta’ tħejjija fil-punti ta’ dħul fl-UE, bħall-ajruporti internazzjonali, il-portijiet, l-istazzjonijiet ferrovjarji internazzjonali jew il-punti ta' qsim ta’ fruntieri fuq l-art, jeħtieġ li jiġu implimentati u jistgħu jkomplu jappoġġaw l-isforzi ta’ traċċar tal-kuntatti, u għal darb’oħra jgħinu biex jiżguraw il-libertà tal-moviment madwar l-UE.
c)Sorveljanza
Is-sorveljanza tas-saħħa pubblika għandha ssir abbażi tal-parametri li ġejjin: L-intensità u l-firxa ġeografika; Il-bidliet ta’ varjant ta’ razza virali permezz ta’ klassifikazzjoni molekulari; It-tifqigħat nosokomjali; Il-bidliet fil-gruppi ta’ riskju inklużi l-konnessjonijiet għal esponiment ambjentali; Is-sindromi ta’ mard respiratorju; L-immunità tal-popolazzjoni speċifika skont l-età; is-sitwazzjoni fl-istituzzjonijiet ta’ kura residenzjali; jew l-impatt fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa.
Dan irid jippermetti l-individwazzjoni tal-hotspots fi stadju bikri. Għalhekk, l-Istati Membri jeħtieġ li jikkondividu data epidemjoloġika standardizzata u f’waqtha fil-livell sottonazzjonali, inklużi d-data dwar il-kura fl-isptar u l-okkupazzjoni tal-kura intensiva. L-akkumulazzjoni ta’ tali data, inkluż permezz ta epidemjoloġija diġitali li tiddependi fuq analiżi tal-midja u l-midja soċjali, tgħin biex tiġi traċċata l-pandemija u tippermetti l-immudellar preċiż tal-firxa tal-marda.
|
Qasam ta’ Azzjoni L-ittestjar, it-traċċar tal-kuntatti u s-sorveljanza tas-saħħa pubblika
|
|
|
Kronoloġija
|
|
ØIt-twettiq ta' testijiet tal-istress nazzjonali bbażati fuq ix-xenarju għal sistemi ta’ traċċar tal-kuntatti, il-kapaċitajiet ta’ ttestjar u l-iskjerament tal-ittestjar (l-Istati Membri)
Peress li qed jiġu identifikati tifqigħat lokalizzati li x’aktarx se jkomplu għaddejjin, dawn it-testijiet tal-istress għandhom jitwettqu fuq livell lokali, abbażi ta’ xenarji speċifiċi, bħal avvenimenti ta’ persuna li xxerred il-marda fost ħafna nies, tifqigħat f’setturi partikolari bħal f’biċċeriji, f'ambjenti edukattivi u fi djar residenzjali li aktar tard jafu jinfirxu f’oqsma oħra ta’ attività. Lezzjonijiet mitgħallma u l-aħjar prattiki biex ikun kondiviż l-eżerċizzju postali.
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
Ittestjar
|
|
ØTiġi żgurata d-disponibbiltà tal-kapaċità meħtieġa għall-ittestjar permezz tal-ippjanar tad-domanda u r-R&Ż (l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea)
Dan għandu jiffaċilita l-abbiltà li tiżdied il-kapaċità, jekk ikun meħtieġ.
|
Għadu għaddej
|
|
ØPermezz tal-HSC, il-ftehim fil-livell tal-UE għal strateġiji u metodoloġiji tal-ittestjar allinjati (il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)
Il-Ftehim li jrid jintlaħaq permezz tal-HSC b’dikjarazzjoni bil-miktub.
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
Traċċar tal-kuntatti
|
|
ØTitlesta l-implimentazzjoni tal-apps ta’ traċċar tal-kuntatti interoperabbli (l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-ECDC)
Segwitu għal-Linji Gwida għall-Istati Membri għall-interoperabbiltà u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet xierqa għall-interoperabbiltà transfruntiera tal-apps; Żvilupp kontinwu tal-EWRS sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni.
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØL-iżvilupp ta’ mekkaniżmi tal-UE għal Formoli tal-Postijiet tal-Passiġġieri komuni diġitalizzati għas-setturi rilevanti tat-trasport (eż. Azzjoni Konġunta Gateways Tajbin għas-Saħħa bl-appoġġ tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea — EASA)
|
Għadu għaddej
|
|
Sorveljanza tas-saħħa pubblika
|
|
ØGwida għal investigazzjonijiet speċifiċi ta’ tifqigħat, eż. f’kuntesti nosokomjali, avvenimenti ta’ “tixrid” potenzjali (eż. laqgħat tal-massa), u konfigurazzjonijiet oħra ta’ okkupazzjoni speċjali (ECDC)
Dan jgħin biex itejjeb il-fehim u s-sorveljanza tad-dinamika epidemjoloġika.
|
Awwissu
|
|
ØKampanja ta’ kampjunar fl-ilmijiet tal-iskart, valutazzjoni tar-riżultati u konnessjoni mad-data epidemjoloġika (il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)
Din għandha l-għan li ssegwi l-preżenza tal-virus f’ilma urban mormi..
|
Għadha għaddejja
|
|
ØTissaħħaħ is-sistema ta’ sorveljanza primarja bbażata fuq il-popolazzjoni tal-kura primarja sentinella u tas-sorveljanza fl-isptarijiet (l-ECDC u l-Istati Membri)
L-ECDC se taħdem mal-Istati Membri biex tagħti pariri dwar l-aħjar prattiki biex tgħin issaħħaħ is-sistemi eżistenti li jappoġġaw is-sorveljanza fil-livell nazzjonali.
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØAssistenza teknika għad-disinn, it-twettiq u l-analiżi tar-riżultati mill-istudji dwar is-seroprevalenza sabiex tiġi promossa l-komparabbiltà fil-livell tal-UE (ECDC, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØTiġi żgurata l-kondiviżjoni madwar l-UE kollha ta’ data klinika, epidemjoloġika u viroloġika permezz tal-pjattaforma ta’ kondiviżjoni tad-data dwar COVID-19 tal-UE (il-Kummissjoni Ewropea, l-ECDC u l-Istati Membri)
|
Għadu għaddej
|
|
ØIl-ħolqien ta’ reġistru fil-livell tal-UE għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tar-riskji epidemjoloġiċi, inklużi d-determinanti tas-saħħa ambjentali (Kummissjoni Ewropea)
Dan se jkun komplementari għal pjattaformi oħra u jiżgura aċċess miftuħ u interoperabbiltà ta’ pjattaformi ta’ data li fihom data tal-COVID-19.
|
Ottubru
|
2.Kontromiżuri mediċi: funzjonament bla xkiel tas-suq uniku u aċċess għal tagħmir personali protettiv, mediċini u apparat mediku
Il-kriżi tal-COVID-19 affettwat b’mod negattiv il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, il-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-UE, u l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. B’mod partikolari, l-aċċess għal tagħmir personali protettiv, mediċini u apparat mediku kien nuqqas kbir madwar l-UE fl-ewwel ftit taż-żmien tal-pandemija. Hekk kif il-kriżi aggravat, il-ktajjen ta’ provvista globali ma setgħux ilaħħqu mad-domanda li żdiedet. Kien hemm interruzzjoni tal-produzzjoni fil-lokalitajiet li kienu l-aktar milquta. L-introduzzjoni ta’ projbizzjonijiet tal-esportazzjoni minn awtoritajiet nazzjonali u pajjiżi terzi, kif ukoll problemi bit-trasport internazzjonali ta’ oġġetti, konġestjonijiet fil-valutazzjoni tal-konformità, kif ukoll il-prevalenza ta’ prodotti mhux konformi, mhux sikuri u foloz, kompla aggrava l-iskarsezzi. Deher ċar li tellieqa globali għall-provvisti swiet fi prezz għoli għal prodotti li f’xi każijiet kienu ta’ kwalità inferjuri. Kienet imfixkla jew imdewma wkoll is-solidarjetà kkordinata fil-livell tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM), minħabba li l-pajjiżi kollha ffaċċjaw l-istess tip ta’ nuqqas fl-istess ħin. Barra minn hekk, is-suq tal-merkanzija kummerċjali ġie mfixkel u l-aċċess għall-għażliet tat-trasport sar inċert.
Ġew introdotti firxa ta’ miżuri biex jingħelbu dawn l-isfidi. Dawn kienu jinkludu konverżjonijiet tal-industrija, monitoraġġ tal-iskarsezzi mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, appoġġ lil inizjattivi tal-industrija li jottimizzaw il-produzzjoni u l-provvista ta’ mediċini essenzjali, awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni u involviment ma’ pajjiżi terzi kif ukoll standards liberament disponibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet akkwisti konġunti, li kienu kkostitwiti minn riżervi strateġiċi (rescEU), żiedet il-kooperazzjoni u l-kontrolli tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u tas-sikurezza biex tiżgura li fis-Suq Uniku jiġi offrut biss tagħmir protettiv sikur u ġiet mitluba gwida ġdida dwar l-għata tal-wiċċ fil-komunità lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN).
Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u fuq il-provvista ottimali u razzjonali ta’ mediċini biex jiġu evitati l-iskarsezzi matul it-tifqigħa tal-COVID-19, u ħadmet b’mod attiv biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-esportazzjoni u ostakli oħra għall-moviment liberu ta’ tagħmir mediku u prodotti mediċinali. Il-Kummissjoni adottat ukoll deċiżjoni li tawtorizza lill-Istati Membri affettwati mill-pandemija tal-coronavirus biex jissospendu temporanjament id-dazji doganali u l-VAT fuq it-tagħmir protettiv, il-kits tal-ittestjar jew it-tagħmir mediku bħall-ventilaturi. B'dan, it-tagħmir mediku li jeħtieġu t-tobba, l-infermiera u l-pazjenti, sar ħafna aktar aċċessibbli.
Sabiex jiġi żgurat il-fluss liberu tal-merkanzija fi ħdan l-UE, il-Kummissjoni ħadmet b’mod attiv biex tneħħi r-restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-esportazzjoni. It-Task Force dwar l-Infurzar tas-Suq Uniku (SMET) bdiet tilħaq l-għan immedjat li tindirizza r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija, inklużi l-provvisti mediċi.
Il-protezzjoni tal-integrità tas-suq uniku, bħala waħda mill-assi ewlenin tagħna għall-irkupru, tibqa’ waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni. Ostakli mhux ġustifikati għall-moviment liberu tal-merkanzija, b’mod partikolari t-tagħmir mediku u l-mediċini, ser ikomplu jiġu sfidati b’mod attiv mill-Kummissjoni, bl-użu tal-għodod kollha disponibbli, inkluż il-proċeduri ta’ ksur.
Il-Kummissjoni tfakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw abbozzi ta’ regolamenti tekniċi nazzjonali qabel ma dawn jiġu attwalment adottati sabiex il-Kummissjoni u Stati Membri oħra jirreaġixxu. Jekk ikun hemm bżonn, bħall-proliferazzjoni għall-għarrieda ta’ ostakli kif rajna matul il-kriżi tal-COVID-19, l-SMET jeħtieġ jintuża bħala mekkaniżmu ta’ urġenza biex jikkoordina rispons xieraq.
L-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI) “pakkett ta’ mobbiltà”, tista’ sservi bħala bażi għall-iżvilupp ta’ rispons koordinat tal-UE għal tnaqqis possibbli futur fil-kapaċità tat-trasport tal-merkanzija globali u reġjonali.
Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll mekkaniżmu ta’ ċentru ta’ kklerjar, il-Kamra tal-Ikklerjar għat-tagħmir mediku użat għall-COVID-19 (CCH), li jservi ta’ pjattaforma għall-iskambju u l-valutazzjoni mal-Istati Membri dwar id-domanda u l-provvista ta’ kontromiżuri mediċi ewlenin rigward il-COVID-19, kif ukoll il-monitoraġġ u l-għajnuna biex titjieb il-kapaċità tal-industrija tal-UE.. Inħolqot pjattaforma online ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar il-provvista u d-domanda biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil bejn il-provvista u d-domanda bejn l-Istati Membri li jesprimu l-ħtiġijiet u l-kumpaniji li joffru tagħmir mediku. Minkejja xi titjib, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-iskarsezzi tat-tagħmir mediku ġew kompletament riżolti. L-ECDC u ċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka (JRC), qed jappoġġaw it-tbassir u l-immudellar.
Madankollu, jeħtieġ li jkun hemm aktar tħejjija għal żidiet kbar possibbli fil-każijiet fil-futur. L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu urġentement ħarsa ġenerali ċara dwar il-ħtiġijiet tagħhom għal provvisti mediċi, kapaċitajiet nazzjonali ta’ produzzjoni u riżervi ta’ tagħmir essenzjali. Għaddejjin attivitajiet ta’ akkwist fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ Tagħmir Protettiv Personali, ventilaturi, apparat tal-laboratorju u mediċini kritiċi tal-ICU (ara l-Anness), kif ukoll aċċess għat-terapiji meta dawn jirċievu awtorizzazzjonijiet tas-suq mill-Aġenzija Medika Ewropea, u appoġġ għall-produzzjoni u l-użu ta’ vaċċini potenzjali ta’ suċċess. Kuntratti ta’ qafas tal-akkwist tal-UE kbar jipprovdu appoġġ għall-ħidma ta’ tħejjija lill-Istati Membri. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw il-possibbiltajiet li jixtru tagħmir mediku skont il-kuntratti attwali. Se jkun ukoll importanti li jiġi żgurat li jkun hemm miżuri fis-seħħ li jiggarantixxu li Tagħmir Protettiv Personali adegwat jilħaq is-settur kritiku tal-kura soċjali ta’ appoġġ li jipprovdi servizzi essenzjali għal persuni anzjani u persuni b’diżabbiltà.
L-Istati Membri huma wkoll mistiedna jidentifikaw possibbiltajiet għall-kapaċità ta’ produzzjoni flessibbli u l-konverżjoni tal-produzzjoni fit-territorju tagħhom. Il-Kummissjoni lesta tappoġġa lill-Istati Membri fir-rikonverżjoni industrijali u t-twaqqif ta’ pjanijiet għal kapaċità ta’ produzzjoni flessibbli.
Barra minn hekk, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma kkonċentrati fuq l-iżvilupp ta’ kontromiżuri mediċi u jipprovdu l-bażi ta’ evidenza għall-iżvilupp u l-ħolqien ta’ standards komuni meħtieġa għal prodotti essenzjali (eż. testijiet dijanjostiċi, data dwar is-saħħa, approvazzjonijiet ta’ prodotti, akkwist pubbliku konġunt ta’ innovazzjoni, u żvilupp ta’ linji gwida kliniċi). Dan jeħtieġ li jinżamm u jiġi kkoordinat u jista’ jiġi appoġġat ukoll billi jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka Ewropej rilevanti jibqgħu operattivi fil-każ ta’ aktar tifqigħat.
Kif enfasizzat mill-Istrateġija tal-UE għall-vaċċini tal-COVID-19 tas-17 ta’ Ġunju 2020, soluzzjoni permanenti għall-kriżi attwali x’aktarx li tasal permezz tal-iżvilupp u l-użu ta’ vaċċin effettiv u sikur kontra l-virus. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tinnegozja ma’ produtturi tal-vaċċini f’isem l-Istati Membri bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar Ftehimiet ta’ Xiri bil-Quddiem. Dan se jkun strumentali biex titreġġa’ lura l-ħajja ekonomika u soċjali lejn in-normalità fl-Ewropa u fid-dinja.
|
Qasam ta’ Azzjoni il-forniment ta’ tagħmir protettiv personali, mediċini u apparat mediku
|
|
|
Kronoloġija
|
|
ØJiġi ppreservat il-moviment liberu tal-merkanzija, u b’mod partikolari tal-provvisti mediċi essenzjali fl-UE (l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea)
|
Għadu għaddej
|
|
ØL-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar il-vaċċini (ESI — il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)
Il-Kummissjoni se tidħol fi ftehimiet ma’ produtturi individwali tal-vaċċini f’isem l-Istati Membri, bid-dritt li jixtru vaċċini garantiti bi Ftehimiet ta’ Xiri bil-Quddiem.
|
Għadha għaddejja
|
|
ØL-istabbiliment ta’ ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet għal provvisti mediċi, kapaċitajiet nazzjonali ta’ produzzjoni u riżervi ta’ tagħmir essenzjali, immappjar tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni/possibbiltajiet ta’ konverżjoni flessibbli (Stati Membri)
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØTorganizza skambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar l-użu mill-ġdid, l-adattament u ż-żieda tal-linji ta’ produzzjoni għall-produzzjoni ta’ provvisti mediċi (il-Kummissjoni Ewropea)
|
Settembru/Ottubru
|
|
ØTiżgura l-aċċess għat-terapiji COVID-19 li bħalissa jinsabu fi provi kliniċi permezz ta’ ftehimiet ta’ provvista ma’ kumpaniji farmaċewtiċi (il-Kummissjoni Ewropea)
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØAppoġġ għal approċċ koordinat tal-UE għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ provi kliniċi fuq skala kbira tal-COVID-19 fl-Ewropa (il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)
|
Għadu għaddej
|
|
ØSkambju bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-proċessi ta’ akkwist nazzjonali u l-punti ta’ konġestjoni (l-Istati Membri & l-Kummissjoni Ewropea)
|
Għadu għaddej
|
|
ØAppoġġ għal aċċess ekwu u l-użu ta’ kontromiżuri mediċi meħtieġa:
-Kuntratti li għaddejjin bħalissa taħt akkwisti konġunti (PPE, ventilaturi, tagħmir tal-laboratorju, mediċini tal-ICU) (Stati Membri)
-Akkwisti Konġunti ġodda (il-Kummissjoni Ewropea)
-Akkwisti pubbliċi ta’ emerġenza tal-Kummissjoni għall-Istati Membri (ESI)
-Ħażniet strateġiċi tal-UE (rescEU) u pjanijiet ta’ skjerament li jkopru l-Unjoni
-Trasport ta’ provvisti mediċi lejn l-UE (ESI)
|
Għadu għaddej
|
|
ØMonitoraġġ tal-aċċess, id-disponibbiltà u r-riskji ta’ skarsezzi ta’ kontromiżuri mediċi u tal-ingredjenti u l-komponenti ewlenin tagħhom (il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-Istati Membri)
ØTiżdied il-kapaċità u jitħaffu ċ-ċertifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti li għandhom jitqiegħdu fis-suq filwaqt li jiġu żgurati s-sikurezza, il-preċiżjoni u l-konformità mal-istandards tal-UE (l-Istati Membri)
|
Għadu għaddej
|
|
ØL-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti bħall-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għax-xiri u r-riżervar ta’ tagħmir mediku essenzjali, u jiżguraw inizjattivi ta’ riżervi nazzjonali kkoordinati (l-Istati Membri)
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØL-awtoritajiet doganali u dawk tas-sorveljanza tas-suq jiżguraw li t-tagħmir mediku u protettiv personali li jkun konformi biss jilħaq is-suq tal-UE (azzjonijiet konġunti mal-Istati Membri)
|
Għadu għaddej
|
|
ØGwida dwar apparat mediku u ta’ protezzjoni personali li jista’ jerġa’ jintuża (ECDC)
|
Lulju
|
3.Kapaċità ta’ żieda f’daqqa ita' ħaddiema tal-kura tas-saħħa
Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt qawwi fuq il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li kienu qed jieħdu ħsieb il-pazjenti tal-COVID-19, spiss taħt livelli għoljin ta’ stress għal perjodi ta’ żmien sostnuti. Dawn mhumiex biss vulnerabbli għall-kontaġju minħabba ż-żieda fl-esponiment tagħhom għall-virus, iżda ħafna drabi huma meħtieġa wkoll li jaħdmu f’kuntest ta’ skarsezza ta’ tagħmir protettiv personali xieraq. In-nuqqasijiet ta’ kapaċitajiet fl-unitajiet tal-kura intensiva u ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa speċjalizzati biex jittrattaw pazjenti tal-COVID-19 kienu mifruxa wkoll. Fil-biċċa l-kbira tal-UE, is-soluzzjonijiet nazzjonali għan-nuqqas ta’ sodod tal-unitajiet ta’ kura intensiva wrew li huma fattibbli. Madankollu, waħda mil-lezzjonijiet ewlenin li tgħallimna kienet li, filwaqt li l-infrastruttura fiżika tista’ tiġi estiża, l-aktar ħtieġa urġenti saret id-disponibbiltà ta’ persunal tal-kura tas-saħħa li kien kompetenti fl-unitajiet ta’ kura intensiva. F’xi każijiet, issejħu riservisti tas-servizz tal-kura tas-saħħa u studenti mediċi u, fejn kien hemm bżonn, ingħata taħriġ rapidu. Il-Kummissjoni appoġġat ukoll network ta’ tobba Ewropej li jippermettu lill-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa jiskambjaw informazzjoni u jtejbu l-ġestjoni tagħhom ta’ pazjenti bil-COVID-19. Madankollu, din ir-riallokazzjoni ta’ riżorsi xi drabi wasslet biex pazjenti b’kundizzjonijiet oħra ma setgħetx tingħatalhom il-kura.
|
Provvista transfruntiera persunal tal-kura tas-saħħa u trasferiment tal-pazjenti
Matul l-ewwel tifqigħa fl-Ewropa, ċerti żoni ġew affettwati b’mod sinifikanti aktar minn oħrajn. F’xi każijiet, il-kapaċitajiet lokali kienu f’diffikultà, u ġew megħjuna b’appoġġ transfruntier Ewropew permezz ta’ persunal speċjalizzat fil-kura tas-saħħa kif ukoll permezz tat-trasferiment ta’ pazjenti tal-COVID-19. Pereżempju, permezz ta' kofinanzjament taħt il-UCPM tal-UE, ir-Rumanija u n-Norveġja bagħtu tobba u infermiera lejn it-Tramuntana tal-Italja, u f’termini ta’ pazjenti, sitt (6) Stati Membri kienu involuti fi trasferimenti trasnfruntier ta’ pazjenti tal-COVID-19.
Abbażi tal-ewwel lezzjonijiet li ttieħdu, jeħtieġ jiġu stabbiliti strateġiji nazzjonali biex tiġi mmassimizzata l-kapaċità ħalli s-sistemi tas-saħħa jirnexxilhom ilaħħqu. Madankollu, f’ċerti każijiet, huwa essenzjali li jkun hemm appoġġ minn Stati Membri ġirien u tal-UE. Bħala tali, il-Kummissjoni saħħet il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà billi allokat fondi ESI ddedikati u timplimenta mekkaniżmi speċifiċi biex tappoġġja t-trasferiment transfruntier ta’ pazjenti u t-trasport ta’ timijiet mediċi.
|
Huwa essenzjali li jinżamm aċċess rapidu għall-kapaċitajiet tas-saħħa pubblika li jiżdiedu f’salt mingħajr ma jiġu ttraskurati oqsma oħra ta’ kura tas-saħħa. Barra minn hekk, huwa essenzjali wkoll li jiġi żgurat li, f’sitwazzjonijiet ta’ skarsezza kritika, il-prijoritizzazzjoni (jew “triage”) tal-provvediment tal-kura tas-saħħa ssir fuq il-bażi ta’ gwida strettament ibbażata fuq kriterji mediċi. Barra minn hekk, abbażi tal-esperjenza tat-trasferiment tal-pazjenti bejn il-fruntieri u l-ħtieġa għal kapaċità supplimentari ta’ ħaddiema fil-kura tas-saħħa meta l-livelli nazzjonali ma jkunux jistgħu jlaħħqu, il-Kummissjoni diġà attivat appoġġ finanzjarju permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza għat-trasport ta’ persunal mediku u pazjenti bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-UCPM jikkoordina l-iskjerament ta’ timijiet u tagħmir mediku ta’ emerġenza għall-pajjiżi li jagħmlu talba.
|
Qasam ta’ Azzjoni kapaċità ta’ żieda f’salt ta' ħaddiema fil-kura tas-saħħa
|
|
|
Kronoloġija
|
|
ØL-iffinanzjar u l-organizzazzjoni tat-trasport ta’ persunal u timijiet mediċi fl-UE u bejn l-Istati Membri u t-trasferiment tal-pazjenti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ESI — il-Kummissjoni Ewropea)
|
Għadu għaddej
|
|
ØLinji gwida għall-ottimizzazzjoni tal-ispazju tal-isptarijiet, inkluż it-tneħħija tal-iżolament u l-iskarikar ta’ pazjenti li fiequ klinikament, iżda li għadhom pożittivi għall-COVID-19 (ECDC)
|
Lulju
|
|
ØNetwork Ewropew online ta’ tobba u żvilupp ta’ moduli ta’ taħriġ dwar il-COVID-19 għall-professjonisti tas-saħħa (inkluż permezz ta’ akkademja virtwali) fi sħubija ma’ federazzjonijiet Ewropej, bħas-Soċjetà Ewropea tal-Mediċina tal-Kura Intensiva (l-Istati Membri, l-ECDC, il-Kummissjoni Ewropea)
Dan jinkludi taħriġ prattiku u informazzjoni, bħal kif wieħed jilbes u jinża’ t-tagħmir ta’ protezzjoni personali u jista’ jiġi estiż għal moduli ta’ taħriġ dwar il-kura intensiva.
|
Għadu għaddej
|
4.Kontromiżuri mhux farmaċewtiċi
Fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi ġew implimentati għadd ta’ kontromiżuri mhux farmaċewtiċi, bħar-restrizzjoni tal-moviment, it-tbegħid soċjali, l-użu ta’ maskri tal-wiċċ fil-pubbliku u kontrolli fil-fruntieri. Dawn il-miżuri ħafna drabi kienu meħtieġa biex inaqqsu l-firxa tal-virus u salvaw għexieren ta’ eluf ta’ ħajjiet, iżda rriżultaw fi spiża soċjali u ekonomika għolja. Ir-restrizzjoni tal-moviment u l-miżuri bħall-għeluq ta’ spazji pubbliċi ħalliet konsegwenzi soċjali u ekonomiċi negattivi u bla preċedent fuq is-soċjetajiet (eż. l-aċċess għall-post tax-xogħol tal-ħaddiema transfruntieri, is-separazzjoni tal-familji, l-aċċess għall-edukazzjoni, il-waqfien u t-tfixkil f’għadd ta’ setturi ekonomiċi u effetti soċjali bħall-iżolament) u l-ekonomiji tal-UE billi ġie mfixkel il-funzjonament tas-suq uniku. Huma affettwaw b’mod negattiv ukoll is-suq uniku għall-prodotti, b’hekk irrestrinġew il-moviment liberu tagħhom u l-katini ta’ provvista fl-UE kollha u lil hinn minnha. Kellhom ukoll konsegwenzi serji għal-libertà tal-moviment fl-UE u l-funzjonament u l-integrità taż-żona Schengen. Barra minn hekk, l-użu esponenzjali tat-teknoloġija għall-attivitajiet ta’ kuljum bħall-komunikazzjoni, il-wasla ta’ informazzjoni, ix-xiri, ix-xogħol u t-tagħlim jirrappreżentaw sfida għal dawk kollha li għandhom aċċess limitat jew l-ebda aċċess għal servizzi rilevanti tal-ICT.
Fid-dawl ta’ dan l-impatt ekonomiku u soċjali, huwa fl-interess ta' kulħadd li jiġu evitati miżuri ta’ lockdown fuq skala kbira f’każ ta’ aktar tifqigħat u li jiġi indirizzat l-impatt fuq setturi differenti, inkluż it-trasport u t-turiżmu. Pjuttost, ir-rispons għandu jkun li jkun hemm kontromiżuri mhux mediċi mmirati u lokalizzati, u li jkunu infurmati minn riċerka u evidenza. Id-data dwar il-mobbiltà aggregata u anonimizzata se tgħin, għax tippermetti valutazzjoni tal-effettività ta’ tali miżuri. Ladarba tiġi kkompilata, din tista’ tipprovdi l-bażi għall-ippjanar tax-xenarju ta’ evoluzzjonijiet ulterjuri ta’ tifqigħat oħra u l-miżuri korrispondenti mhux farmaċewtiċi li jridu jiġu introdotti. L-iżgurar li l-postijiet tax-xogħol huma sikuri huwa strumentali għall-kontinwità tax-xogħol u l-attivitajiet ekonomiċi, bħal ma huwa l-provvediment tas-servizzi għall-kura tat-tfal u l-edukazzjoni għat-tfal biex jippermettu bilanċ kontinwu tal-ħajja tax-xogħol għall-ġenituri kollha. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri preventivi u protettivi bbażati fuq regoli tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u gwida speċifika sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema u jiġi evitat it-tixrid tal-virus fuq il-post tax-xogħol. B’mod partikolari, l-obbligu tal-impjegatur li jwettaq valutazzjoni tar-riskji aġġornata u miżuri preventivi adattati għall-kuntest li qed jinbidel huwa essenzjali f’konformità mal-qafas ġuridiku.
L-istabbiliment mill-ġdid ta’ restrizzjonijiet ineffettivi u l-kontrolli interni fil-fruntieri tal-UE għandhom jiġu evitati milli jkomplu għaddejjin. Kwalunkwe miżura li timplika restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ persuni fi ħdan l-UE għandha tintuża biss f’sitwazzjonijiet strettament meħtieġa. Tali miżuri restrittivi biex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa pubblika għandhom ikunu kkoordinati u proporzjonati u mhux diskriminatorji. Il-kontrolli temporanji fil-fruntieri jistgħu jintużaw biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali biex jipprovdu rispons għal sitwazzjonijiet li jaffettwaw b’mod serju l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna u, bħala l-aħħar miżura, għandhom idumu biss sakemm jippersistu ċ-ċirkostanzi straordinarji.
Ir-restrizzjonijiet fit-territorji tal-Istati Membri mhux bilfors ikunu akkumpanjati minn restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u kontrolli fil-fruntieri interni. Jekk madankollu jiġu introdotti kontrolli fil-fruntieri, dan għandu jsir f’konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra, bl-użu ta’ kanali eżistenti u f’konformità mar-regoli eżistenti, filwaqt li l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-ħaddiema li jeżerċitaw professjonijiet kritiċi u tal-ħaddiema tat-trasport essenzjali għandu jiġi dejjem issalvagwardjat. Il-korsiji ħodor u l-gwida eżistenti dwar il-miżuri tal-ġestjoni tal-fruntieri, it-trasport merkantili bl-ajru, kif ukoll il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-bidliet fl-ekwipaġġ, jeħtieġ jiġu implimentati minnufih. It-Task Force dwar l-Infurzar tas-Suq Uniku se tkompli timmonitorja u tindirizza kwalunkwe ostaklu mhux ġustifikat għall-moviment liberu tal-merkanzija. Fir-rigward tat-tkomplija tat-trasport tal-passiġġieri, il-linji gwida dwar is-servizzi tat-trasport u d-drittijiet tal-passiġġieri jibqgħu rilevanti u għandhom jiġu applikati skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika. Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE huma taħt valutazzjoni kontinwa. Huwa essenzjali li kwalunkwe tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE ssir b’koordinazzjoni sħiħa bejn l-Istati Membri tal-UE.
|
Qasam ta’ Azzjoni Miżuri mhux farmaċewtiċi
|
|
|
Kronoloġija
|
|
ØSkambju f’waqtu tal-informazzjoni tal-Istati Membri dwar l-effettività tal-miżuri u kwalunkwe introduzzjonijiet mill-ġdid bħala reazzjoni għal tifqigħat sekondarji
Sit web u database għad-dħul tad-data se jiġu ospitati mill-JRC u se jiġu ppopolati mill-JRC u l-ECDC b’kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u se jkunu disponibbli għall-użu fl-immudellar, il-valutazzjoni tar-riskju u l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri.
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØManwal tal-UE dwar l-interventi mhux farmaċewtiċi kontra l-COVID-19 (ECDC u JRC)
Il-ġbir tal-aħjar prattiki u gwida xjentifika infurmati b’riżultati ta’ mmudellar biex jgħinu lill-Istati Membri bil-kalibrar ta’ miżuri tas-saħħa pubblika (inkluż laqgħat tal-massa) abbażi ta’ parametri, kriterji u skattaturi differenti.
|
Awwissu
|
|
ØKondiviżjoni ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki relatati ma’ qsim tal-fruntieri interni u esterni biex jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi għal-libertà tal-moviment ta’ persuni u oġġetti (il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)
|
Għadha għaddejja
|
5.Appoġġ għal gruppi vulnerabbli
Ċerti gruppi huma aktar vulnerabbli għall-virus minn oħrajn. Dan jirrigwarda tliet kategoriji: (1) medikament vulnerabbli — bħall-anzjani u dawk b’kundizzjonijiet tas-saħħa sottostanti (eż. pressjoni għolja, dijabete, obeżità, eċċ.); u (2) soċjalment marġinalizzati — bħal dawk li jirrisjedu jew jaħdmu f’ċerti kuntesti fiżiċi suxxettibbli għal densità għolja u fejn diffiċli jinżamm it-begħid soċjali jew bli għandhom baġit finanzjarju mnaqqas għall-miżuri protettivi (bħan-nies fil-faqar) kif ukoll (3) professjonijiet li jinvolvu prossimità aktar mill-qrib għal każijiet ikkonfermati jew suspettati tal-COVID-19. Madwar nofs l-imwiet kollha f’xi Stati Membri kienu fost l-anzjani, b’mod partikolari fid-djar tal-kura. Barra minn hekk, il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat u aggravat l-inugwaljanzi eżistenti, inklużi żieda fil-każijiet ta’ vjolenza domestika, u peress li din laqtet b’mod sproporzjonat lill-komunitajiet marġinalizzati tas-soċjetà tagħna. Jenħtieġ li tifqigħat oħra ma jwasslux għall-espansjoni tad-diverġenzi soċjoekonomiċi fis-soċjetajiet Ewropej. Minħabba l-firxa ta’ gruppi differenti, il-miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa rispettiva tagħhom jeħtieġ għalhekk jiġu adattati għal kull speċifiċità, peress li f’kull każ se jkun hemm ħtiġijiet u rekwiżiti differenti. Dan jinkludi wkoll il-ħtiġijiet tagħhom fir-rigward tal-appoġġ tas-saħħa mentali, li jindirizza pereżempju l-iżolament u s-solitudni.
Ċirkustanzi speċifiċi jeħtieġu miżuri speċifiċi. Is-sitwazzjoni tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, ħaddiema f’ambjenti ta’ kura fit-tul u ħaddiema oħra tal-ewwel linja, kif ukoll gruppi u kuntesti vulnerabbli bħal djar residenzjali, ser jeħtieġu monitoraġġ kontinwu u adegwat permezz ta’ ttestjar regolari sabiex jiġi evitat aktar tixrid tal-virus f’dawn iċ-ċirkustanzi. Barra minn hekk, tifqigħat f’ambjenti bħall-biċċeriji, il-minjieri, ċerti żoni bl-arja kundizzjonata, jeħtieġu l-iskjerament immedjat ta’ kapaċitajiet ta’ kontroll ta’ tifqigħat biex jiġi żgurat li tali tifqigħat jibqgħu lokalizzati. Komunitajiet ta’ ħaddiema migranti jew staġjonali jeħtieġu wkoll attenzjoni speċifika.
|
Qasam ta’ Azzjoni Appoġġ għall-gruppi vulnerabbli
|
|
|
Kronoloġija
|
|
ØIfasslu u jimplimentaw testijiet b’densità għolja speċifika u strateġiji ta’ ttestjar ta’ livell baxx għal gruppi u ċirkustanzi vulnerabbli (l-Istati Membri u l-ECDC)
|
Lulju sa Awwissu
|
|
ØKondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-appoġġ għall-prevenzjoni, l-ittestjar u l-kura tal-COVID-19 fi gruppi soċjalment vulnerabbli u marġinalizzati u fi gruppi medikalment vulnerabbli (il-Kummissjoni Ewropea u l-ECDC)
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØIl-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-għoti ta’ appoġġ psikoloġiku u tas-saħħa mentali lil gruppi vulnerabbli suxxettibbli għall-COVID-19 (il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØL-għoti ta’ taħriġ speċifiku online lill-persunal fuq quddiem nett li jaħdem ma’ gruppi vulnerabbli (ECDC)
|
Minn Lulju sa Settembru
|
6.It-tnaqqis tal-piż tal-influwenza staġjonali
Kull sena, l-influwenza staġjonali toħloq piż fuq is-sistemi tas-saħħa. Tifqigħat simultanji ta’ influwenza staġjonali u tal-COVID-19, ipoġġu pressjoni konsiderevoli fuq is-sistemi tas-saħħa. Għalhekk, attivitajiet li jnaqqsu l-piż tal-influwenza staġjonali — li jkopru, pereżempju, sorveljanza akbar, ittestjar, aċċess għall-vaċċini u dijanjosi differenzjali — jeħtieġu kunsiderazzjoni immedjata.
|
Qasam ta’ Azzjoni Mitigazzjoni tal-influwenza staġjonali
|
|
|
Kronoloġija
|
|
ØŻieda fil-kopertura tat-vaċċinazzjoni tal-influwenza: bidu antiċipat għal kampanji ta’ vaċċinazzjoni u twessigħ tal-gruppi fil-mira (Stati Membri)
L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-antiċipazzjoni ta’ kampanji ta’ vaċċinazzjoni u t-twessigħ tal-gruppi fil-mira.
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØJiġu żgurati akkwisti nazzjonali addizzjonali għall-vaċċini tal-influwenza (eż. permezz tal-produzzjoni eċċessiva tal-provvista) (l-Istati Membri)
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØGwida xjentifika għal infrastruttura tal-vaċċinazzjoni għall-influwenza staġjonali f’ċirkustanza ta’ tifqigħa tal-COVID-19 (ECDC)
|
Lulju
|
|
ØTħejjija ta’ infrastrutturi għall-vaċċinazzjoni adattati għall-influwenza staġjonali f’ambjent ta’ tifqigħatal-COVID-19 (eż. provvediment għal adozzjoni ta’ tilqim potenzjalment iktar mifrux kontra l-influwenza staġjonali) (Stati Membri)
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØL-iskambju tal-aħjar prattiki fil-programmi nazzjonali ta’ immunizzazzjoni għall-influwenza (il-Kummissjoni Ewropea u l-ECDC)
Dan jista’ jinkludi pjanijiet adattati għall-vaċċinazzjoni kontra l-influwenza staġjonali f’tifqigħa tal-COVID-19, jantiċipa d-domanda tal-popolazzjoni u jiżgura l-vaċċinazzjoni f’każ ta’ konfinament.
|
Minn Lulju sa Settembru
|
|
ØŻieda fil-kopertura tal-vaċċinazzjoni permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati fuq il-postijiet tax-xogħol (EU-OSHA)
|
Settembru/Ottubru
|
|
ØLinji gwida għall-ġestjoni klinika u protokoll ta’ trattament għad-dijanjożi differenzjali u l-ġestjoni tal-influwenza u tal-COVID-19 (ECDC)
|
Lulju
|
III.KONKLUŻJONI
L-UE għandha tiżgura li tkun lesta għal żieda ġdida possibbli ta’ każijiet tal-COVID-19. Dan jirrikjedi azzjoni fuq perjodu qasir ta’ żmien u azzjoni kkoordinata b’mod qawwi biex jissaħħu l-oqsma ewlenin ta’ tħejjija u rispons. L-identifikazzjoni bikrija tal-każijiet u rispons rapidu biex jiġi evitat aktar tixrid, flimkien ma’ miżuri speċifiċi li jipproteġu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna, bħalissa huma l-aħjar mod biex nevitaw li jerġgħu jiddaħħlu restrizzjonijiet fuq skala kbira bħalma huma l-lockdowns. Filwaqt li tibni fuq il-ħidma li għaddejja bħalissa fl-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE, din il-Komunikazzjoni stabbiliet l-azzjonijiet meħtieġa li għandhom jittieħdu.
Dawn l-isforzi għandhom ikunu sostnuti minn evidenza robusta u sforzi estensivi ta’ komunikazzjoni pubblika. Il-prevenzjoni ta’ mewġa ġdida ta’ każijiet tiddependi ħafna fuq l-imġiba individwali u l-aderenza mar-rakkomandazzjonijiet tas-saħħa pubblika. Viġilanza sostnuta minn kulħadd hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-qofol tal-prekawzjonijiet bażiċi individwali jibqa’ dejjem fis-seħħ. Dan, min-naħa tiegħu, jiddependi mill-aċċettazzjoni u l-fehim tal-pubbliku tan-natura msejsa fuq is-sod u l-importanza ta’ dawn il-miżuri. Il-monitoraġġ tal-grad ta’ aċċettazzjoni soċjali u l-indirizzar ta’ tħassib soċjetali bikri ser ikunu fattur determinanti tal-iżviluppi futuri. Dawn l-isforzi ta’ komunikazzjoni jinvolvu wkoll rispons sistematiku u immedjat għad-diżinformazzjoni dwar il-pandemija tal-coronavirus, filwaqt li għandhom isiru wkoll aktar sforzi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ċibernetika tal-infrastruttura tas-saħħa ewlenija. F’każ li Stat Membru jintroduċi mill-ġdid miżuri ta’ emerġenza, dawn għandhom jitfasslu b’mod imrażżan u limitat li ma jostakolax l-istat tad-dritt u d-demokrazija parlamentari.
Il-virus ma jiqafx mal-fruntieri tal-UE u huwa għalhekk li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jipprovdu aktar minn EUR 36 biljun f’għajnuna ta’ emerġenza, pontijiet għall-għajnuna umanitarja u appoġġ fit-tul lil pajjiżi terzi fil-bżonn. Hija waqqfet ukoll Pont tal-Għajnuna Umanitarja tal-UE biex iżżomm rabtiet ta’ trasport vitali għall-ħaddiema u l-provvisti umanitarji u ta’ emerġenza fil-qasam tas-saħħa.
Għalhekk, l-isforzi għandhom ikomplu b’koordinazzjoni ma’ atturi globali oħra, inklużi n-NU u d-WHO, biex jiġi żgurat ir-rispons internazzjonali meħtieġ għal din it-theddida globali għas-saħħa, inkluż l-aċċess ekwu għal vaċċin tal-COVID-19. Dan jeħtieġ jimxi id f’id mal-isforzi biex jiġu indirizzati l-impatti soċjoekonomiċi ta’ din il-kriżi, li jheddu li jħottu l-progress li sar fil-kisba tal-SDGs kif ukoll l-investiment fir-reżiljenza tal-pajjiżi sħab, b’mod partikolari permezz ta’ tisħiħ tas-sistema tas-saħħa, li b’hekk jirfed l-irkupru globali. Dan huwa l-uniku mod biex tintemm il-kriżi pandemika attwali fl-UE u globalment.
Aktar minn kull sena oħra, trid tingħata attenzjoni biex jitnaqqas l-impatt tal-influwenza staġjonali tal-2020/2021 u jridu jiddaħħlu fis-seħħ attivitajiet minn issa biex dan ix-xenarju jittaffa. L-effetti kkombinati ta’ tifqigħat simultanji tal-COVID-19 li jaħbtu ma’ staġun qawwi tal-influwenza jistgħu jkomplu jagħfsu fuq il-limiti tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħna.
Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem id f’id mal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-COVID-19. Flimkien, ser inkomplu niffinanzjaw ir-riċerka biex jitbassru l-firxa u l-riżurġenza u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-kontromiżuri mediċi meħtieġa. Se nippromwovu wkoll l-identifikazzjoni u t-tixrid ta’ prattiki lokali tajbin. Permezz ta’ pjan ta’ rkupru ambizzjuż appoġġat minn baġit ġdid fit-tul għall-2021-27 u l-istrument tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss, l-Ewropa se tinvesti wkoll biex tiżgura l-irkupru u r-reżiljenza tagħha kontra tifqigħat futuri possibbli tal-COVID-19, tappoġġa bidliet strutturali fis-sistemi tal-kura tas-saħħa u ssaħħaħ is-sistemi u l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-Unjoni. L-Ewropa se tieħu t-tagħlimiet mill-kriżi tal-COVID-19 biex tiżgura li tkun aktar b’saħħitha, aktar magħquda u mgħammra aħjar biex taffronta kriżijiet futuri.