IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.7.2020
COM(2020) 275 final
2020/0137(NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza
{SWD(2020) 123 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza kienet imħabbra fil-Komunikazzjoni “
Ewropa Soċjali B’saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti
” tal-14 ta’ Jannar 2020. Il-proposta hi parti importanti mill-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jsaħħaħ il-prinċipju 1 “edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja”.
“Il-Politika komuni għat-taħriġ vokazzjonali” kif definita fit-Trattat ta’ Ruma, imxiet ’il quddiem permezz tat-tnedija tal-proċess ta’ Copenhagen fl-2002 li laqqa’ flimkien l-Istati Membri, is-sħab soċjali u l-Kummissjoni, u li ġiet appoġġata wkoll minn assoċjazzjonijiet tal-fornituri tal-VET. Il-VET huma responsabbli għal madwar nofs il-gradwati tal-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell fl-Unjoni Ewropea. Il-VET jħejju liż-żgħażagħ biex jidħlu b’suċċess fil-ħajja tax-xogħol u jindirizzaw il-bżonnijiet tat-titjib tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid tal-persuni f’età li jaħdmu għal skopijiet diversi: sabiex jgħinu lill-persuni f’impjieg jissoktaw itejbu ħilithom, jaġġustaw ir-rekwiżiti tax-xogħol li kulma jmur jinbidlu jew jinnegozjaw bidliet fix-xogħol, u sabiex jgħinu lil min hu qiegħed biex jikseb il-ħiliet meħtieġa biex jidħol mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; u b’mod aktar ġenerali sabiex jagħtu aktar setgħa lill-istudenti permezz tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-attitudnijiet, biex jirnexxu fl-iżvilupp professjonali, soċjali u personali tagħhom.
Il-pandemija tal-COVID-19 fixklet bil-kbir l-attivitajiet standard ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ, inkluż il-VET madwar l-Ewropa. Minkejja l-fatt li l-Istati Membri malajr imxew lejn soluzzjonijiet ta’ apprendiment diġitali, il-lockdown u l-kriżi sussegwenti kienu ta’ prova għar-reżiljenza tas-sistema. Il-qagħda fil-VET ġiet aggravata aktar minħabba l-fatt li t-taħriġ prattiku — f’għamla ta’ apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol u ta’ apprendistati — ġie sospiż fil-biċċa l-kbira tas-setturi.
L-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19 joffri opportunità biex ir-riformi fil-VET jiġu aċċellerati u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom, b’mod partikolari billi l-offerti u l-metodu ta’ apprendiment jiġu diġitalizzati u bl-adattament aġli għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu. Dan jinkludi l-attenzjoni li tingħata għall-bżonn li jiġi żgurat aċċess għall-għodda u għat-teknoloġiji diġitali għal kull student, għalliem u min iħarreġ, kif ukoll għall-miżuri ta’ gwida xierqa. L-għodda diġitali bħas-simulaturi, bħar-realtà virtwali u awmentata għandhom il-potenzjal li jżidu l-aċċessibbiltà u l-effiċjenza tat-taħriġ, b’mod partikolari għall-kumpaniji ta’ daqs żgħir u medji li jipprovdu apprendistati. Hawnhekk iċ-ċentri għat-taħriġ fil-kumpaniji u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali għandhom rwol importanti.
Il-pandemija mistennija twassal għall-akbar reċessjoni fl-istorja tal-UE u ż-żgħażagħ li bħalissa deħlin fil-forza tax-xogħol se jsibuha itqal biex jiksbu l-ewwel impjieg tagħhom. Il-kriżijiet ta’ qabel urew li ż-żgħażagħ huma tassew dawk li probabbilment l-aktar li se jintlaqtu ħażin. Għaldaqstant, li s-sistemi tal-VET ikomplu jissaħħu hu kruċjali għall-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19, peress li l-VET wrew li kienu parti essenzjali mill-isforzi biex jiġi appoġġat l-impjieg taż-żgħażagħ fil-kriżi ekonomika u finanzjarja preċedenti. B’mod partikolari, l-apprendistati, l-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol, iżda wkoll il-programmi tal-VET li ġew implimentati fi żmien qasir biex jiffukaw fuq il-persuni qiegħda, urew li kienu perkorsi għaż-żieda fl-impjegabbiltà u għall-aċċess jew għar-ritorn eħfef lejn is-suq tax-xogħol. Din il-proposta se tikkontribwixxi għal offerti ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari ta’ apprendistati u ta’ programmi vokazzjonali oħrajn fl-iskema ta’ Garanzija għaż-żgħażagħ billi tiżgura r-rilevanza tas-suq tax-xogħol tagħhom, id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali tal-VET. Se titlob ukoll għal appoġġ aktar b’saħħtu għall-apprendistati u tappella lill-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati biex iġġedded u tkattar l-impenn tagħha lejn opportunitajiet ta’ apprendistati effettivi u ta’ kwalità.
Il-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-VET hi meħtieġa wkoll peress li d-dinja tax-xogħol u tal-ħiliet qed tinbidel. Żviluppi li għaddejjin bħalissa bħall-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-produzzjoni u tas-servizzi jissoktaw jimmodifikaw is-swieq tax-xogħol. Barra minn hekk, it-tranżizzjonijiet tewmin usa’ lejn ekonomija aktar diġitali u ekoloġika se jitolbu li l-VET jaddattaw sabiex l-istudenti vokazzjonali jiksbu l-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li jerġgħu jikkonfermaw u jsaħħu r-rwol ċentrali tal-VET fil-kontinwazzjoni tal-apprendiment tul il-ħajja. F’dan ir-rigward b’mod partikolari, huwa essenzjali li jkun hemm apprendiment trażversali li jqarreb l-oqsma ta’ apprendiment mifruda formalment jew paralleli pereżempju fis-settur tas-saħħa u tal-ambjent.
Bil-qafas ta’ politika għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u bil-prijoritajiet speċifiċi għall-VET li jintemmu fl-2020, hemm opportunità biex tiġi definita aġenda ta’ politika ġdida u aktar ambizzjuża tal-Unjoni dwar il-VET li twieġeb għall-isfidi deskritti hawn fuq. Jenħtieġ li l-objettiv globali jkun li l-politika tal-VET tal-UE tiġi modernizzata biex tissodisfa l-ħtiġijiet vasti marbuta mat-titjib tal-ħiliet u mat-taħriġ mill-ġdid biex hekk tintlaħaq l-ambizzjoni tal-UE li din ikollha politika tal-VET addattata għall-isfidi tas-seklu 21, b’mod partikolari biex tgħin fl-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u biex tikkontribwixxi għall-bini ta’ Unjoni Ewropea aktar sostenibbli, ġusta u reżiljenti.
Il-proposta hi inkorporata sew f’inizjattivi oħra li se tieħu l-Kummissjoni fil-qafas tal-politika tagħha, b’mod partikolari l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, il-Komunikazzjoni dwar l-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: pont għall-impjiegi għall-ġenerazzjoni li jmiss, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020), u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li tkopri l-livelli u t-tipi kollha ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ.
•Kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta
Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-VET għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza għandha l-għan li ġġedded il-politika tal-VET tal-UE billi:
(a)timmodernizza l-politika tal-Unjoni dwar il-VET billi tappoġġa t-tranżizzjonijiet lejn ekonomija ekoloġika u diġitali fi żminijiet ta’ tibdil demografiku u tappoġġa wkoll konverġenza ’l fuq tas-sistemi nazzjonali. Minħabba r-rwol kruċjali li għandhom il-VET, u b’mod partikolari, l-apprendistati fit-titjib tal-impjegabbiltà, il-modernizzazzjoni proposta se tappoġġa wkoll l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u tal-adulti li jeħtieġu titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid kontinwu. Se tinkludi wkoll żieda fl-użu tal-għodda diġitali u tad-diġitalizzazzjoni kontinwa tas-sistemi tal-VET, li se jikkontribwixxu sabiex iżidu r-reżiljenza tagħhom;
(b)tikkonferma r-rwol ċentrali tal-VET fil-kontinwità tal-apprendiment tul il-ħajja u r-rabtiet sodi tagħhom għas-setturi kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, li jitlob permeabbiltà u trasparenza;
(c)tissimplifika l-proċess ta’ kooperazzjoni Ewropew fil-qasam tal-VET bl-integrazzjoni u bl-adattament tal-istrumenti favur l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-VET (EQAVET) u tal-flessibbiltà u tal-forniment personalizzat (ECVET);
(d)tissimplifika l-governanza tal-VET fil-livell tal-Unjoni (relatata mal-integrazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-ECVET u tal-EQAVET f’din il-proposta u għaldaqstant it-tħassir tagħhom) u tiddefinixxi l-metodi ta’ ħidma, it-tipi ta’ attivitajiet ta’ appoġġ fil-livell tal-Unjoni u l-qafas ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni tal-progress lejn l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, b’koerenza sħiħa mal-qafas usa’ ta’ governanza għall-edukazzjoni u t-taħriġ.
B’mod konkret, dawn huma l-elementi l-ġodda sabiex jittieħdu azzjonijiet fil-livell nazzjonali:
·Tisħaq ir-rwol kruċjali li s-sistemi tal-VET għandhom għaż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol u żżid li s-sistemi tal-VET jenħtieġ li jkollhom rwol daqstant importanti għall-adulti li jeħtieġu titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid kontinwu;
·Tipprovdi livell ta’ awtonomija lill-fornituri tal-VET li jippermettilhom jirreaġixxu malajr għall-isfidi tal-ħiliet, joffru programmi ta’ taħriġ mill-ġdid rapidi u jaħdmu fi sħubijiet mill-qrib ma’ min iħaddem kemm mis-setturi pubbliċi kif ukoll minn dawk privati;
·Timmodularizza l-programmi tal-VET u tespandihom għal-livelli ogħla ta’ kwalifiki kif ukoll ta’ mikrokredenzjali;
·Torbot il-VET ma’ strateġiji ekonomiċi u ma’ sistemi ta’ innovazzjoni b’xeħta lejn il-ġejjieni;
·Tippromwovi ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali (speċjalment permezz tal-Erasmus+) marbuta mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u li joffru servizzi innovattivi li jinkludu raggruppamenti, inkubaturi tan-negozju, appoġġ għal negozji ġodda u diffużjoni tat-teknoloġija b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), sabiex il-VET ikunu reżiljenti u addattati għal żieda fid-diġitalizzazzjoni u fil-prontezza diġitali u biex irawmu t-tranżizzjoni minn setturi li sejrin lura għal setturi ġodda li qed jikbru;
·Tinkorpora s-sostenibbiltà ambjentali u soċjali fil-kurrikuli tal-VET u fil-ġestjoni organizzattiva, inkluż l-irbit tal-aspett ambjentali ma’ oqsma oħra;
·Tiggarantixxi permeabbiltà aħjar bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;
·Fl-isfond tal-pandemija tal-COVID-19, iżżid il-prontezza diġitali tal-istituzzjonijiet tal-VET, billi tippromwovi ambjenti, għodod u pedagoġiji ta’ apprendiment ġodda b’mod partikolari marbuta mad-diġitalizzazzjoni, li jkopru kemm il-kurrikuli u kemm il-kontenut trażversali u speċifiku tal-VET u billi tinkludi l-aspett tad-diġitalizzazzjoni fil-qafas EQAVET;
·Iżżid l-attraenza tal-VET għall-istudenti u għall-kumpaniji, inklużi dawk ta’ daqs mikro, żgħar u medji, pereżempju permezz tal-internazzjonalizzazzjoni u ż-żieda fl-opportunitajiet għall-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal offerti mill-programm Erasmus+ u minn opportunitajiet oħrajn ta’ finanzjament;
·Tindirizza l-preġudizzju bbażat fuq il-ġeneru u l-għażliet stereotipiċi tal-ġeneru u l-appoġġ għad-diversità u l-inklużività;
·Tiddefinixxi sett ta’ indikaturi u objettivi li jippermettu monitoraġġ kwantitattiv u kwalitattiv tal-prestazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali.
Barra milli tikkonferma mill-ġdid ir-rwol tal-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali tripartitiku (ACVT), il-proposta tipproponi wkoll dawn l-elementi l-ġodda fuq livell tal-UE:
·Tipprovdi servizz ta’ appoġġ li jkopri d-diversi dimensjonijiet tas-sistemi tal-VET (eż. apprendistati, Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali, tkomplija tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, assigurazzjoni tal-kwalità), li jiġbor flimkien il-ġestjoni ta’ diversi strutturi ta’ appoġġ separati (is-segretarjati tal-EQAVET u tal-ECVET, is-servizzi ta’ appoġġ għall-apprendistat, il-gruppi ta’ ħidma ta’ esperti);
·Tappoġġa l-prontezza diġitali tal-istituzzjonijiet tal-VET permezz tal-implimentazzjoni msaħħa tal-għodda SELFIE u l-estensjoni gradwali tagħha biex tkopri l-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol;
·Tippromwovi l-VET Ewropej bħala punt ta’ referenza globali fl-iżvilupp tal-ħiliet u żżid il-mobbiltà u r-rikonoxximent ta’ kwalifiki vokazzjonali u ta’ eżiti ta’ perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż, inkluż permezz tal-iżvilupp tal-kunċett tal-Profili Vokazzjonali Ewlenin Ewropej bħala parti mill-Pjattaforma Europass u kkumplimentat, fejn possibbli, minn kontenut diġitali vokazzjonali;
·Tintroduċi proċess ta’ rieżami bejn il-pari dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fil-VET għall-appoġġ ta’ konverġenza ’l fuq fil-kwalità, fit-trasparenza u fil-fiduċja reċiproka.
Kuntest politiku
Bħala rispons għall-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni pproponiet pjan ambizzjuż u komprensiv biex isewwi l-ħsara li saret u jħejji l-ġenerazzjoni li jmiss. Il-pjan jippreżenta pjan direzzjonali dwar kif l-ekonomija Ewropea tingħata l-ħajja, dwar kif jitħarsu u jinħolqu impjiegi, kif jitkattru t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u sabiex l-ekonomija Ewropea tkun aktar ġusta, aktar reżiljenti u aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li jmiss. Dan jenfasizza li t-titjib u l-adattament tal-ħiliet, tal-għarfien u tal-kompetenzi sar aktar u aktar importanti.
In-Next Generation EU se jikseb finanzjament ġdid fis-suq finanzjarju għall-2021-2024 għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li għadha kemm ġiet proposta u għar-REACT-EU. Iż-żewġ programmi se jinkludu investimenti fil-ħiliet, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ biex iwittu t-triq għal irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti. Il-Kummissjoni aġġustat ukoll il-proposti tagħha għall-ġejjieni tal-Fond Soċjali Ewropew Plus biex tagħti appoġġ akbar lill-miżuri dwar l-impjiegi taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-ħiliet.
Bħala parti mill-Istrateġija għall-Irkupru, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tipprovdi finanzjament addizzjonali sostanzjali ta’ EUR 30 biljun għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, li jwassal għal total ta’ EUR 40 biljun. Dan il-finanzjament se jintuża biex itaffi l-impatti soċjo-ekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn newtralità klimatika fir-reġjuni l-aktar affettwati, pereżempju, permezz ta’ appoġġ għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, għajnuna lill-SMEs biex joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda, u investiment fit-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa u fl-ekonomija ċirkolari.
Dan huwa parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir li għandu l-għan li jbiddel l-UE f’soċjetà ġusta u għanja, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. L-investiment f’ekonomija aktar ċirkolari għandu l-potenzjal li jgħin lill-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fornituri esterni u żżid ir-reżiljenza tagħha għal kwistjonijiet ta’ forniment globali. Il-Mewġa ta’ rinnovazzjoni li jmiss se tiffoka fuq il-ħolqien ta’ impjiegi fil-kostruzzjoni, fir-rinnovazzjoni u f’industriji oħra b’xogħol intensiv. It-tranżizzjonijiet f’dawn l-oqsma jwasslu għal żieda fil-bżonn ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet. Il-programmi VET jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jiggarantixxu l-kisba ta’ dawn il-ħiliet u wisq probabbli se jkollhom rwol importanti wkoll fit-twettiq ta’ inizjattivi oħrajn imnissla mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Il-Kummissjoni adottat ukoll Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa li tindirizza l-isfida tat-tranżizzjonijiet ekoloġika u diġitali tewmin. Tappella għal azzjoni deċiżiva sabiex l-apprendiment tul il-ħajja jsir realtà għal kulħadd u jiġi ggarantit li l-edukazzjoni u t-taħriġ iżommu mal-pass tat-tranżizzjonijiet tewmin. Tappella wkoll sabiex l-edukazzjoni għolja u l-VET jipprovdu aktar xjentisti, inġiniera u tekniċi għas-suq tax-xogħol. Bl-istess mod, l-Istrateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali tenfasizza kif għadd kbir ta’ SMEs iħabbtu wiċċhom mal-isfida li jsibu l-ħiliet meħtieġa u l-fatt li d-disponibbiltà ta’ persunal b’ħiliet speċjalizzati jew maniġers bl-esperjenza jibqgħu l-problema l-aktar importanti għal kwart mill-SMEs fl-Unjoni Ewropea. Il-VET huma partikolarment rilevanti għall-SMEs biex jiżguraw li l-forza tax-xogħol tagħhom ikollha l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol.
L-opportunitajiet u l-isfidi tat-trasformazzjoni diġitali li għaddejja bħalissa u r-rispons ta’ politika tal-Ewropa ġew deskritti fl-istrateġija Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa, li tenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fil-ħiliet diġitali għall-Ewropej kollha meta titqies l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 adottata.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Skont l-Artikolu 166(1) tat-TFUE, l-Unjoni għandha timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u għall-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali. L-għan tal-azzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 166(2) tat-TFUE għandu jkun li:
–tiffaċilita l-adattament għall-bidliet industrijali, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ vokazzjonali u taħriġ mill-ġdid,
–ttejjeb it-taħriġ vokazzjonali inizjali u kontinwu f’perspettiva ta’ apprendiment tul il-ħajja, biex tiffaċilita l-integrazzjoni vokazzjonali u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,
–tiffaċilita l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u tħeġġeġ il-mobbiltà tal-għalliema u ta’ dawk li qed jitħarrġu, b’mod partikolari ż-żgħażagħ,
–tistimula kooperazzjoni bejn l-istabbilimenti edukattivi jew ta’ taħriġ u d-ditti,
–tiżviluppa skambju ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta’ taħriġ tal-Istati Membri.
Skont l-Artikolu 165(1) tat-TFUE, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni. L-għan tal-azzjoni tal-Unjoni skont it-tieni u r-raba’ inċiż tal-Artikolu 165(2) tat-TFUE, għandu jkun li:
–tħeġġeġ il-mobbiltà fost l-istudenti u l-għalliema, billi tħeġġeġ inter alia, ir-rikonoxximent akkademiku ta’ diplomi u ta’ perjodi ta’ studju,
–tiżviluppa skambji ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi tal-edukazzjoni tal-Istati Membri.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Fil-ħidma tagħha għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u għall-implimentazzjoni ta’ politika ta’ taħriġ vokazzjonali, l-UE hi responsabbli li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, li tappoġġa u li tissupplimenta l-azzjoni tagħhom fejn meħtieġ.
Il-kwalità u l-konverġenza tas-sistemi tal-VET jirfdu l-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi, ir-reżiljenza tal-forza tax-xogħol tal-UE, u fl-aħħar nett s-suq intern sostenibbli ta’ suċċess u għalhekk jistgħu biss jiġu indirizzati fuq livell Ewropew.
L-Artikolu 166(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddefinixxi li l-Unjoni għandha timplimenta politika ta’ formazzjoni vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tal-formazzjoni vokazzjonali.
L-Artikolu 165(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddefinixxi li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni.
F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-proposta tiddeskrivi l-politika tal-Unjoni l-ġdida dwar il-VET u tipprovdi rakkomandazzjonijiet għal dan il-għan.
Din ir-Rakkomandazzjoni hi mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/36/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/55/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-reġim ta’ rikonoxximent awtomatiku previsti fiha.
•Proporzjonalità
L-azzjonijiet proposti bir-Rakkomandazzjoni huma proporzjonali għall-objettivi mfittxija. Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tappoġġa l-proċessi ta’ riforma mnedija minn pajjiżi individwali u tikkumplimenta l-isforzi tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. L-azzjoni proposta tirrispetta l-prattiki tal-Istati Membri kif ukoll id-diversità tas-sistemi. Din takkomoda approċċ differenzjat li jirrifletti s-sitwazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u soċjali differenti tal-Istati Membri kif ukoll il-kundizzjonijiet diversi tas-suq tax-xogħol.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost hu Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Hi tibni fuq il-korp eżistenti ta’ liġijiet tal-Unjoni Ewropea u huwa konformi mat-tip ta’ strumenti disponibbli għal azzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi. Bħala strument legali, hi tindika l-impenn tal-Istati Membri għall-miżuri stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni u tipprovdi bażi politika soda għall-kooperazzjoni f’livell tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-politiki soċjali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli.
Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Mill-2017 ’l hawn, ġiet organizzata konsultazzjoni bir-reqqa u mmirata bil-ħsieb li jiġu ddefiniti l-pedamenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali adattati għall-ġejjieni fil-kuntest ta’ xejriet u sfidi emerġenti (id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni, ir-robotika, l-intelliġenza artifiċjali, l-ekonomija ekoloġika u sostenibbli, inkluż it-tibdil fil-klima, il-globalizzazzjoni, il-mudelli ġodda ta’ negozju, il-forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, l-iżviluppi demografiċi, it-tixjiħ, il-migrazzjoni).
Dawn il-konsultazzjonijiet involvew lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha:
·l-Istati Membri u s-sħab soċjali miġbura flimkien fid-Diretturi-Ġenerali għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u l-ACVT tripartitiku li adottaw l-opinjoni
Opinion on the future of Vocational Education and Training post 2020,
·Sħab Soċjali Ewropej (flimkien mad-dokumenti ta’ pożizzjoni tagħhom:
l-ETUC
,
l-SME United
u
l-BusinessEurope
) u f’seduta dedikata għal dan f’Jannar 2020, u;
·l-
Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-fornituri tal-VET
.
Stħarriġ dwar l-isfidi u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
mwettaq mill-Kummissjoni f’Marzu-Mejju 2020 bis-sejbiet li ġejjin:
·Jeżistu bosta għodod għall-ħolqien ta’ materjal għall-apprendiment mill-bogħod. Madankollu, ġeneralment il-materjal online tal-VET huwa inqas żviluppat fejn jidħlu l-partijiet prattiċi tat-taħriġ u tal-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol;
·L-istudenti tal-VET abbli jkunu fi żvantaġġ meta mqabbla mal-istudenti minn perkorsi edukattivi oħrajn, peress li f’dawn tal-aħħar isiru aktar sforzi favur suġġetti ġenerali tal-iskola, u inqas favur il-kontenut vokazzjonali tipiku;
·Hemm tfixkil sostanzjali fil-“katina ta’ provvista” tal-apprendistati. Fil-biċċa l-kbira, l-apprendisti waqfu jmorru fil-kumpanija tagħhom fis-setturi li kellhom iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom (eż. Catering, benesseri, turiżmu u manifattura). Fi wħud mill-każijiet, it-twaqqif u t-terminazzjoni tal-kumpens finanzjarju, fejn applikabbli, jżidu r-rata ta’ persuni li jabbandunaw it-taħriġ;
·L-impjegaturi ma tantx għandhom kapaċità biex jiffokaw fuq it-taħriġ taż-żgħażagħ jew tal-impjegati tagħhom minħabba t-tħassib biex jiżguraw il-kontinwità tal-operat. Madankollu, uħud minn dawk li jħaddmu u minn dawk li jħarrġu għamlu l-aħjar użu mill-perjodu ta’ konfinament sabiex jappoġġaw it-taħriġ tal-impjegati tagħhom biex iħaffu l-implimentazzjoni ta’ sistemi u ta’ kontenut ta’ apprendiment diġitali;
·Minkejja li kienet sfida sinifikanti għall-għalliema u għal min iħarreġ kif ukoll għall-istudenti biex jaddattaw malajr għal din il-bidla drammatika, bosta mill-partijiet ikkonċernati mmobbilizzaw ruħhom biex jagħtu għajnuna (fornituri tal-VET, gvernijiet lokali, pubblikaturi, NGOs, kumpaniji eċċ.);
·Hemm talba kbira għal pjattaforma Ewropea online (li tkun sigura, ta’ kwalità assigurata, multilingwali, eċċ.) li tkun toffri opportunitajiet ta’ networking u ta’ skambju ta’ prattiki tajbin u li tkun tipprovdi soluzzjonijiet diġitali, anki għall-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol.
Analiżi simili li twettqet mis-CEDEFOP indikat ukoll uħud mill-isfidi għas-settur tal-VET: it-tagħlim mill-bogħod huwa frammentat u l-użu tiegħu jiddependi ħafna fuq il-ħiliet diġitali u d-disponibbiltà tal-iskejjel u tal-għalliema, u fuq is-settur ikkonċernat. L-użu tiegħu jvarja minn sempliċi komunikazzjoni/żamma ta’ kuntatt mal-istudenti, għal aċċess għar-riżorsi (videos eċċ), għat-tagħlim proprju. L-analiżi tefgħet dawl ukoll fuq il-fatt li l-apprendisti jissoktaw it-taħriġ u xogħolhom, b’mod partikolari fil-kumpaniji li jipprovdu servizzi essenzjali bħall-kura tas-saħħa u l-ikel, dment li jitħarsu l-miżuri ta’ saħħa u sikurezza. Min-naħa l-oħra, l-apprendisti waqqfu jmorru fil-kumpanija tagħhom fis-setturi li kellhom jagħlqu bil-liġi, bħal f’bosta pajjiżi fis-setturi tal-lukandi, tal-benesseri u tat-turiżmu. Minħabba l-prevalenza għolja tan-nisa f’dawn is-setturi, hu stmat li huma ġew affettwati l-aktar.
B’mod aktar ġenerali, l-evidenza u l-fora hawn taħt intużaw biex jiddefinixxu l-politika tal-ġejjieni tal-VET:
·Proġett tas-Cedefop,
“Changing nature and role of vocational education and training in Europe”
(2016–2018),
·Stħarriġ tal-Opinjoni tas-Cedefop dwar il-VET (2017) imsejjes fuq it-tweġibiet ta’ total ta’ 35 646 ċittadin tal-Istati Membri,
·
Study on VET mobility in Europe
(2019) tal-Kummissjoni,
·Id-diskussjonijiet li qed isiru waqt l-avvenimenti tal-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali (2018, 2019),
·Aktar evidenza mill-OECD u l-ILO.
Il-proposta biex jiġu emendati u integrati l-elementi taż-żewġ strumenti speċifiċi tal-VET tal-UE, l-ECVET u l-EQAVET, filwaqt li tirrevoka wkoll l-istrumenti oriġinali, tissejjes fuq:
·
Study on EU VET instruments
iddedikat (EQAVET u ECVET) (2019, b’kunsiderazzjoni ta’ studji ta’ evalwazzjoni preċedenti),
·Ir-riżultati ta’ Grupp tal-Ħidma tal-ACVT li twaqqaf biex jaqbel dwar l-iżvilupp ġejjieni tal-istrumenti Ewropej tal-VET (l-1 semestru 2019).
Impatt tal-proposta fuq ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għas-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) u l-Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) u x’direzzjoni hemm proposta
Mill-2009 ’l hawn ġew żviluppati u implimentati żewġ strumenti tal-VET biex jappoġġaw lill-Istati Membri biex il-VET ikun aktar flessibbli (is-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali - ECVET) u biex itejbu l-kwalità tas-sistemi tal-VET (Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali - EQAVET). F’konformità mar-riżultati tal-evalwazzjonijiet riċenti tagħhom, iż-żewġ strumenti jeħtieġu jkunu modernizzati u allinjati.
L-objettiv tar-Rakkomandazzjoni tal-ECVET kien it-titjib tar-rikonoxximent, tal-akkumulazzjoni u tat-trasferiment tal-eżiti tal-apprendiment, tal-appoġġ għall-mobbiltà u tal-apprendiment tul il-ħajja kif ukoll tal-istabbiliment ta’ sistema tal-UE ta’ krediti fil-VET. Din l-inizjattiva ġiet żviluppata aktar, wara d-Dikjarazzjoni ta’ Copenhagen tal-2002 dwar il-prijoritajiet tal-ġejjieni għat-titjib tal-kooperazzjoni Ewropea fil-VET, li ddikjarat il-ħtieġa għal sistema li tappoġġa “t-trasparenza, il-komparabbiltà, it-trasferibbiltà u r-rikonoxximent tal-kompetenza u/jew il-kwalifiki, bejn pajjiżi differenti u f’livelli differenti”.
Skont l-evalwazzjonijiet imsemmija hawn fuq dwar l-istrumenti tal-VET tal-UE, l-ECVET ikkontribwew bil-kbir għall-iżvilupp ta’ esperjenza ta’ mobbiltà ta’ kwalità aħjar permezz tal-użu u d-dokumentazzjoni ta’ unitajiet tal-eżiti tal-apprendiment, bi kważi l-Istati Membri kollha li jużaw l-ECVET fil-mobbiltà internazzjonali. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ punti tal-ECVET ma ġiex applikat ġeneralment u l-ECVET ma wasslitx għall-iżvilupp ta’ sistema Ewropea ta’ krediti fil-VET.
Abbażi tar-rispons li rċeviet matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tal-ECVET matul l-aħħar 10 snin, din il-proposta tinkorpora u ssaħħaħ xi elementi tar-Rakkomandazzjoni tal-ECVET tal-2009 u tabbanduna oħrajn li ma jġibux valur miżjud jew li jwieġbu għal ħtieġa reali fis-sistemi tal-VET. B’mod partikolari,
·Il-prinċipju li l-kwalifiki jissawru minn unitajiet tal-eżiti tal-apprendiment huwa integrat u msaħħaħ fil-proposta (modularizzazzjoni). Dan jitqies bħala prerekwiżit biex tiżdied il-flessibbiltà tal-programmi tal-VET u biex tiffaċilita l-validazzjoni bħala mezz biex tingħata spinta lir-rispons għall-offerti ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid. Dan huwa wkoll strumentali biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-istudenti tal-VET kif ukoll ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment miksuba matul tali perjodi ta’ mobbiltà. Barra minn jekk, dan jista’ jappoġġa wkoll ir-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki tal-VET u l-kooperazzjoni fuq livell settorjali, inkluż l-appoġġ permezz tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet. Għal dan l-iskop, se jiġi esplorat kunċett ta’ Profili Vokazzjonali Ewlenin Ewropej bl-għan li tiġi ddefinita parti mill-kontenut ta’ taħriġ komuni fuq livell Ewropew. Il-profili għandhom il-potenzjal li jiffaċilitaw b’mod sinifikanti l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema, ir-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki vokazzjonali u l-eżiti ta’ perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż, u l-iżvilupp ta’ kwalifiki u kurrikuli konġunti tal-VET;
·L-għodod ta’ mobbiltà żviluppati skont ir-Rakkomandazzjoni tal-2009 (eż. il-ftehim ta’ apprendiment u l-memorandum ta’ qbil) relatati mal-appoġġ għall-mobbiltà ġeografika tal-istudenti tal-VET se jiġu żviluppati aktar fil-qafas ta’ strumenti oħra tal-UE bħal dawk appoġġati mill-programm Erasmus + u marbuta mal-iżvilupp ulterjuri tal-Europass;
·Il-punti ta’ kreditu introdotti mir-Rakkomandazzjoni tal-2009 se jitwaqqfu, minħabba li ftit li xejn intużaw u minħabba li ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ valur miżjud. Fil-prattika, l-ECTS (is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti) applikata b’mod wiesa’ fl-edukazzjoni għolja tintuża wkoll għall-VET post-sekondarji u terzjarji.
Ir-rakkomandazzjoni tal-ECVET tal-2009 se tiġi revokata u d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tal-ECVET, kif deskritta aktar ’il fuq, se jitmexxew ’il quddiem abbażi ta’ din il-proposta u se tiġi integrata fi strumenti oħra ta’ politika tal-UE.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-EQAVET ġiet adottata biex ittejjeb il-kwalità tal-VET. L-importanza tat-titjib tal-kwalità fil-VET kienet diġà inkluża fl-istrateġija ta’ Lisbona tal-2000 li tiddikjara li t-tranżizzjoni għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien teħtieġ VET moderni u adattabbli. Id-dikjarazzjoni ta’ Copenhagen tal-2002 sussegwentement ipproponiet kooperazzjoni tal-UE fl-assigurazzjoni tal-kwalità fil-VET bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-fiduċja reċiproka u r-rikonoxximent tal-kwalifiki.
L-evalwazzjonijiet imsemmija hawn fuq dwar l-istrumenti tal-VET tal-UE wera li l-EQAVET stimulaw lill-Istati Membri biex jirrieżaminaw u jirfinaw is-sistemi nazzjonali tagħhom tal-assigurazzjoni tal-kwalità: tnax-il Stat Membru tejbuhom speċifikament bħala rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni filwaqt li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-oħra, l-EQAVET intuża biex jiġu rieżaminati u aġġustati s-sistemi tagħhom. Barra minn hekk, bosta pajjiżi għandhom leġiżlazzjoni ġdida dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tirreferi b’mod espliċitu għall-EQAVET. Madankollu, ir-Rakkomandazzjoni ma kkontribwietx b’mod sinifikanti għat-titjib tat-trasparenza tal-arranġamenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità bejn il-pajjiżi u ġeneralment ma rawmitx fiduċja reċiproka. Barra minn hekk, hemm ukoll il-perċezzjoni minn xi partijiet ikkonċernati li l-għodda hija applikata l-aktar fil-VET inizjali bbażati fl-iskejjel.
Matul dawn l-aħħar għaxar snin, ġew żviluppati ħafna attivitajiet bħal attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari, u gruppi ta’ ħidma dwar suġġetti dedikati għall-assigurazzjoni tal-kwalità fil-qafas tan-Netwerk tal-EQAVET fil-livell tal-UE. Waħda minn dawn l-attivitajiet, imsejħa l-inizjattiva EQAVET+, kienet tikkonsisti fl-iżvilupp ta’ deskritturi indikattivi speċifiċi dwar diversi suġġetti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità li ma ġewx indirizzati fir-Rakkomandazzjoni tal-2009. Dan l-eżerċizzju ġie żviluppat bħala rispons għall-evalwazzjoni esterna tal-2013 tar-Rakkomandazzjoni li tindika fejn jista’ jsir titjib.
Fid-dawl tar-riżultati tal-istudji differenti ta’ evalwazzjoni kif deskritt hawn fuq, din il-proposta għalhekk se:
·Tħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-EQAVET tal-2009 u tintegra l-ħidma fuq l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-VET fl-UE f’din il-proposta;
·Tintegra l-inizjattiva EQAVET+ li żżid elementi dwar l-eżiti tal-apprendiment, iċ-ċertifikazzjoni, il-valutazzjoni, il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, ir-rwol tal-għalliema u ta’ min iħarreġ;
·Iżżid deskrittur indikattiv ieħor dwar il-flessibbiltà tal-perkorsi ta’ apprendiment tal-VET minħabba ħtieġa akbar li jiġi żviluppat forniment flessibbli tal-VET u dwar il-ħtieġa li jsir kontribut għas-sostenibbiltà ambjentali;
·Tinkludi l-aspett ta’ prontezza diġitali fis-sistemi u fl-istituzzjonijiet tal-VET;
·Tiddefinixxi metodu ġdid ta’ ħidma permezz ta’ rieżami bejn il-pari ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell tas-sistema tal-VET sabiex ittejjeb l-apprendiment reċiproku, ittejjeb it-trasparenza tal-arranġamenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tal-forniment tal-VET u ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri;
·Tmantni l-missjoni u l-funzjonijiet tal-punti ta’ referenza nazzjonali (NRPs) tal-EQAVET.
Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta ġiet żviluppata abbażi tal-evidenza miġbura fl-istudji u permezz ta’ konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati. Minħabba l-approċċ kumplimentari tal-attivitajiet proposti għall-inizjattivi tal-Istati Membri, in-natura volontarja tal-attivitajiet proposti u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-impatti mistennija, valutazzjoni tal-impatt mhix meħtieġa.
Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-ebda baġit jew riżorsi tal-persunal addizzjonali ma huma meħtieġa mill-baġit tal-UE. Barra minn hekk, din l-inizjattiva ma għandhiex tippreġudika n-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u l-programmi li ġejjin.
5.ELEMENTI OĦRA
Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Fil-livell nazzjonali, din il-proposta tistieden lill-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-VET tagħhom f’konformità mal-prijoritajiet nazzjonali u l-prattiki ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ.
Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Kunsill, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ACVT, dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni kull ħames snin, filwaqt li tibni fuq il-monitoraġġ annwali tas-Cedefop.
Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)
Mhux applikabbli.
Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri
Il-proposta tistieden lill-Istati Membri jħabirku biex jimplimentaw il-politika tal-Unjoni dwar il-VET. Din il-politika hi ispirata mill-Opinjoni tal-ACVT dwar il-ġejjieni tal-VET wara l-2020.
Il-kriżi tal-COVID-19 uriet l-urġenza biex jiġu stabbiliti rotot ewlenin ta’ azzjonijiet ta’ riforma li jwasslu għal VET aktar reżiljenti u addattati għall-isfidi fil-ġejjieni. Enfasizzat il-bżonn li l-VET jirrispondu aktar malajr għall-bidliet rapidi, li tiġi aċċellerata d-diġitalizzazzjoni tal-VET, li jiġu stabbiliti approċċi ta’ apprendiment ta’ innovazzjoni u li jsir aktar investimenti fil-ħiliet u fil-kompetenzi tal-għalliema u ta’ min iħarreġ.
Wieħed mill-messaġġi ewlenin tal-Opinjoni tal-ACVT hu li titrawwem kultura Ewropea tal-VET, li tkun orjentata lejn ir-riżultati, li tappoġġa lill-Istati Membri fl-issettjar tal-għanijiet tagħhom, u li tiżviluppa metodu dwar kif u jekk ikunux qed jintlaħqu dawn l-għanijiet. Filwaqt li tibni fuq il-konsultazzjonijiet ta’ qabel dwar il-parametri referenzjarji possibbli fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-proposta tipprevedi wkoll għadd ta’ objettivi kwantitattivi li għandhom jinkisbu sal-2025, kif imniżżla hawn taħt:
·jenħtieġ li s-sehem ta’ gradwati impjegati jkun ta’ mill-inqas 82 %;
·60 % tal-gradwati reċenti mill-VET jibbenefikaw minn esponiment għal apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol tul l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tagħhom. Dan l-objettiv jirreferi għal kull għamla ta’ apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol u għaldaqstant se jikkontibwixxi għal żieda fl-opportunitajiet tal-apprendistati li jistgħu jiġu appoġġati mill-iskema ta’ Garanzija għaż-żgħażagħ;
·8 % tal-istudenti fil-VET jibbenefikaw minn mobbiltà għal apprendiment barra mill-pajjiż.
L-ewwel u t-tielet objettivi jibnu fuq il-parametri referenzjarji eżistenti tal-ET 2020 dwar l-Impjegabbiltà tal-gradwat u l-mobbiltà fil-VET, filwaqt li t-tieni waħda tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jispjega bir-reqqa r-raġunament u l-metodoloġija għal dawn l-indikaturi u objettivi.
Il-proposta tkompli tiddefinixxi għadd ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu fuq livell nazzjonali biex jimplimentaw il-politika tal-Unjoni msemmija hawn fuq. Dawn il-prinċipji huma strutturati madwar l-objettivi tematiċi li ġejjin:
1.L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali joffru l-flessibbiltà meħtieġa biex jaddattaw għall-bidliet tas-suq tax-xogħol
L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ekonomija tal-UE, l-iżviluppi teknoloġiċi rapidi, id-diġitalizzazzjoni, it-tranżizzjoni għal ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ċirkolari u newtrali għall-klima, il-mudelli ġodda ta’ negozju u l-forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol iħaffu l-bidliet fil-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri jeħtieġu jistabbilixxu oqfsa u miżuri xierqa biex jiżguraw li l-VET jkunu reżiljenti u jistgħu jwieġbu b’ħeffa għat-tibdil fid-domanda tas-suq tax-xogħol. Jinħtieġu antiċipazzjoni aħjar tal-ħiliet kif ukoll mekkaniżmi ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati biex iwieġbu għall-bidliet fis-setturi ekonomiċi u tal-impjiegi u biex jadattaw ruħhom skont il-kontenut tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Element deċiżiv huwa l-ħeffa li biha jseħħ dan l-adattament. Jinħtieġu livelli ta’ awtonomija u ta’ finanzjament li jiffaċilitaw rispons mgħaġġel tal-fornituri tal-VET għall-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet li qegħdin jevolvu. Il-VET iħejju lin-nies għal professjonijiet speċifiċi. Fl-istess waqt, il-kontenut tal-apprendiment kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adulti jeħtieġ li jilħaq bilanċ bejn il-kompetenzi ewlenin, inkluż il-ħiliet għall-ħajja, u l-ħiliet aktar speċifiċi għall-professjoni.
L-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol u l-apprendistati huma, b’mod partikolari, approċċi effettivi biex jiġi żgurat li l-VET jkunu rilevanti għas-suq tax-xogħol. Fi żminijiet ta’ reċessjoni, jista’ jkun li l-kumpaniji żgħar ma jkunux jistgħu jipprovdu apprendistati. Approċċ preventiv aktar b’saħħtu u attenzjoni msaħħa tal-iskema tal-Garanzija għaż-żgħażagħ fuq l-apprendistati kif ukoll fuq il-miżuri ta’ appoġġ xierqa, f’għamla ta’ ċentri għat-taħriġ fil-kumpaniji jew ta’ espansjoni tal-għodod ta’ taħriġ diġitali, jistgħu jikkontribwixxu għal forniment stabbli ta’ apprendistati saħansitra tul kondizzjonijiet ekonomiċi sfavorevoli.
2.Il-flessibbiltà u l-opportunitajiet ta’ progressjoni jinsabu fil-qalba tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
Il-flessibbiltà u l-opportunitajiet għal progress fis-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u bejniethom huma elementi ewlenin ta’ sistemi tal-VET adattati għall-ġejjieni. Barra minn hekk, hu essenzjali li l-programmi VET jkunu personalizzati u ffukati fuq l-istudenti, biex jiġi żgurat impenn qawwi tal-istudenti u tal-attraenza tal-perkorsi tal-VET li jwasslu għall-impjegabbiltà.
Il-modularizzazzjoni — it-tqassim tal-kwalifiki vokazzjonali f’partijiet iżgħar tal-eżiti tal-apprendiment — hija l-mod biex il-kontenut jiġi aġġornat b’mod flessibbli u biex dan jaqdi l-ħtiġijiet tal-individwi. Il-validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment miksuba f’apprendiment mhux formali u informali se tiffaċilita t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, li mhux biss iwassal għal kwalifiki sħaħ, iżda għal mikrokredenzjali jew kwalifiki parzjali. Il-validazzjoni tgħin ukoll biex jitqarrbu l-oqsma differenti, li hu meħtieġ għall-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika u sostenibbli.
3.L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma xprun għall-innovazzjoni u t-tkabbir u jħejju għat-tranżizzjoniiet diġitali u ekoloġiċi u għal professjonijiet ferm mitluba
Ir-rispons tal-VET għall-bidliet strutturali jista’ jissaħħaħ permezz ta’ approċċ aktar proattiv li jorbot il-VET b’mod aktar strateġiku ma’ strateġiji ekonomiċi li jħarsu ’l quddiem kif ukoll ma’ ekosistemi intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni. Dan mhuwiex biss mod kif wieħed jirreaġixxi għall-bidliet li diġà qegħdin iseħħu iżda wkoll wieħed kif jiġu kokreati tranżizzjonijiet ekonomiċi u tas-soċjetà — b’mod partikolari fil-kuntest attwali ta’ rkurpu, ta’ fokalizzazzjoni fuq l-ekosistemi industrijali strateġiċi (saħħa, farmaċewtiċi u oħrajn) u ta’ ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ħielsa mis-sustanzi tossiċi, ċirkolari, newtrali għall-klima u diġitali. Dan għandu l-potenzjal li jgħin biex il-kurrikuli tal-VET jiġu addattati f’inqas ħin.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jissoktaw jimplimentaw approċċi ta’ eċċellenza tal-VET li jrawmu l-integrazzjoni tal-VET fl-ekosistemi tal-ħiliet, fl-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, fl-Istrateġiji Nazzjonali tal-Ħiliet, fis-sistemi ta’ innovazzjoni, fl-istrateġiji tal-ekonomija ċirkolari, fl-inizjattivi ta’ renovazzjoni jew fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima. L-iżvilupp tal-VET f’livelli ta’ kwalifiki ogħla u l-appoġġ għall-intraprenditorija u n-negozji ġodda huma elementi importanti tar-rispons meħtieġ. Jenħtieġ li dan ikun akkumpanjat minn miżuri ta’ politika strutturali komplementari li jistgħu jgħinu biex l-ambjenti tan-negozju jsiru aktar attraenti u biex jitrawwem l-investiment u t-tixrid tal-innovazzjoni. Iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali konnessi permezz ta’ qafas Ewropew transnazzjonali jistgħu jkunu għodda effettiva biex jiġi xprunat l-iżvilupp tal-ħiliet biex titrawwem it-tranżizzjoni minn setturi li sejrin lura għal setturi ġodda li qed jikbru u biex jiġu integrati ħiliet ekoloġiċi u diġitali (eż. il-bini fuq il-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini u fuq il-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Elettronika għall-professjonisti tal-ICT) f’kuntest vokazzjonali.
L-ekoloġizzazzjoni tas-settur tal-VET titlob l-ewwel u qabel kollox l-ekoloġizzazzjoni tal-programmi, tal-kurrikuli u tal-kontenut tal-VET, kif ukoll it-tmexxija tal-istituzzjonijiet tal-VET b’attenzjoni speċjali mogħtija lill-impronta ambjentali. Dan jirrikjedi li jingħata appoġġ lill-istituzzjonijiet tal-VET sabiex dawn jaddattaw il-programmi tagħhom u jiżguraw li jaqblu mal-bżonnijiet tal-kumpaniji li jkunu jinsabu quddiem nett fit-twettiq tal-għanijiet ambjentali u sabiex jiżguraw li l-infrastruttura u t-teknoloġija jkunu allinjati ma’ rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u għaldaqstant jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, pereżempju billi jiġu pprovduti l-ħiliet meħtieġa għall-Mewġa ta’ Rinovazzjoni u għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u sostenibbli. Barra minn hekk, kif muri wkoll mill-kriżi tal-COVID-19, l-istituzzjonijiet tal-VET jeħtieġ iħaddnu d-diġitalizzazzjoni u jkollhom strateġija diġitali ċara li tindirizza dimensjonijiet diversi: il-forniment tal-kontenut tal-apprendiment diġitali, l-approċċi pedagoġiċi fl-apprendiment diġitali, kif ukoll użu aħjar tad-data għas-segwitu tal-progress tal-istudenti, għall-iżvilupp ta’ approċċi personalizzati u tat-tbassir tal-ħiliet.
4.L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma attraenti u msejsa fuq forniment modern u diġitalizzat tat-taħriġ/tal-ħiliet
Il-VET jipprovdu prospetti ta’ impjieg tajbin ħafna fi professjonijiet ferm mitluba fis-suq tax-xogħol, iżda xorta għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfida minħabba li ma tantx jiġbdu studenti u kumpaniji fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Dan ifisser li jinħtieġu aktar sforzi sabiex tiżdied l-attraenza tal-VET permezz tal-innovazzjoni u tal-modernizzazzjoni tal-VET, b’mod partikolari f’termini ta’ ambjenti, għodod u pedagoġiji ġodda ta’ apprendiment, b’enfasi speċjali fuq id-diġitalizzazzjoni. Is-simulaturi bbażati fuq l-ICT, l-għodod ta’ realtà virtwali u awmentata għandhom il-potenzjal jimmodernizzaw u jinnovaw il-forniment tal-VET b’mod sinifikanti, iżidu l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà tagħhom meta mqabbel ma’ tagħmir fiżiku għoli. Dan jista’ jkun partikolarment ta’ benefiċċju għall-kumpaniji żgħar u għall-apprendistati organizzati f’kumpaniji ta’daqs żgħir u medju.
Jistgħu jinkisbu tipi ġodda ta’ ħiliet permezz ta’ tagħlim kollaborattiv, apprendiment interdixxiplinari u msejjes fuq proġetti. Lat ieħor li jiġbed lin-nies huwa l-permeabbiltà: jenħtieġ li s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ jippermettu rotot vertikali u orizzontali bejn il-VET, l-edukazzjoni skolastika ġenerali, l-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni għall-adulti. Jenħtieġ li l-programmi ta’ VET ogħla jiġu estiżi aktar biex jappoġġaw ħtiġijiet akbar għal ħiliet vokazzjonali avvanzati. Is-servizzi ta’ gwida ta’ kwalità għolja għandhom il-potenzjal li jżidu wkoll l-attraenza tal-VET.
L-internazzjonalizzazzjoni, il-mobbiltà transnazzjonali, inkluż il-kompetizzjonijiet tal-ħiliet virtwali, ir-rabtiet sodi mas-setturi l-oħrajn tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-atturi tar-riċerka u tas-suq tax-xogħol huma essenzjali biex jinnovaw kif jitfasslu u jiġu pprovduti l-VET.
Kwalità aħjar tal-VET se tkun possibbli biss permezz ta’ għalliema u ta’ nies li jħarrġu li huma mħarrġa sew u li huma motivati. Il-persunal fil-VET jeħtieġ li jkun appoġġat fl-iżvilupp tal-ħiliet u fil-forniment ta’ għodod biex jiksbu l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex isiru midħla sew tat-teknoloġiji l-ġodda, biex jaħdmu f’ambjenti multikulturali u biex jifhmu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu. Il-motivazzjoni, il-progress fil-karriera u l-benesseri tal-għalliema u ta’ min iħarreġ fil-VET huma kruċjali biex jiġbdu aktar lin-nies li jagħmlu dan ix-xogħol. L-hekk imsejħa għalliema ibridi — tip ta’ persunal li jaħdem parti mill-ħin f’kumpanija u parti mill-ħin bħala għalliema fi skola vokazzjonali — għandhom il-potenzjal jikkontribwixxu għal arranġamenti ta’ kooperazzjoni aktar soda bejn l-iskejjel tal-VET u l-kumpaniji b’mod aktar strutturat u aktar ta’ spiss. L-għalliema ibridi jistgħu jwasslu għall-innovazzjoni meħtieġa fl-ambitu tal-iskejjel u jistgħu jindirizzaw l-iskarsezza dejjem akbar kif ukoll it-tixjiħ demografiku tal-għalliema vokazzjonali. Il-kunċett jipprovdi perspettivi interessanti għall-karriera tal-individwi u jipprovdi benefiċċji kemm għall-iskejjel kif ukoll għall-kumpaniji, fost oħrajn billi jinqasmu l-kostijiet tal-paga.
5.L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jippromwovu opportunitajiet indaqs
VET ta’ kwalità tajba jikkontribwixxu wkoll għall-inklużjoni tal-gruppi vulnerabbli. Dan ifisser li jeħtieġ li tiġi żgurata aċċessibbiltà wiesgħa u li jitneħħa kwalunkwe xkiel għas-sehem, inkluż għall-persuni b’diżabbiltà, għall-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet, għall-minoranzi etniċi u razzjali, inkluż ir-Roma u għall-persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni. Dan jista’ jgħin ukoll biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-ekwità għall-aċċess tal-għodod ta’ apprendiment diġitali, tal-konnessjoni tal-internet u tal-apparat tal-IT tul il-kriżi tal-COVID-19. Il-miżuri mmirati u l-formati flessibbli tat-taħriġ jistgħu jipprevjenu t-tluq bikri mill-VET u jipprovdu opportunitajiet għall-persuni li jabbandunaw l-istudju jew it-taħriġ biex jerġgħu jibdew il-VET mill-ġdid.
Hemm ukoll il-bżonn li jiġi indirizzat il-preġudizzju relatat mal-ġeneru billi jiġi promoss il-bilanċ bejn il-professjonijiet tradizzjonalment “maskili” u “femminili”, inkluż billi jitħeġġeġ is-sehem tan-nisa fit-taħriġ vokazzjonali għal dawk li ta’ spiss jitqiesu professjonijiet tradizzjonali “maskili” u s-sehem tal-irġiel fi professjonijiet “femminili”.
6.L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jissejsu fuq kultura ta’ assigurazzjoni tal-kwalità (spjegata hawn fuq)
7.L-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali
L-isħubiji sostenibbli bejn il-partijiet ikkonċernati kollha inkluż s-sħubijiet pubbliċi u privati huma essenzjali għal governanza effettiva fil-VET. L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu l-aħjar użu mill-għodod Ewropej eżistenti, bħall-Europass, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) jew l-ESCO (il-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi) u jżidu kemm jista’ jkun s-sinerġiji fosthom bil-ħsieb ukoll li jippromwovu r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki/diplomi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-eżiti ta’ perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż. Il-fondi u l-istrumenti tal-Unjoni Ewropea jissoktaw jiffukaw fuq il-ħiliet u jipprovdu opportunitajiet biex jiffinanzjaw riformi fit-taħriġ dwar l-edukazzjoni vokazzjonali. Sabiex ir-Rakkomandazzjoni tiġi implimentata b’mod aktar effettiv u effiċjenti, huwa propost li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli jiddefinixxu l-miżuri li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-livell nazzjonali fi żmien sena mill-adozzjoni tagħha billi jibnu fuq l-arranġamenti nazzjonali eżistenti rilevanti u fuq l-oqfsa finanzjarji eżistenti u jwettqu l-implimentazzjoni tagħhom.
Appoġġ fil-livell tal-UE
Il-proposta għandha l-għan li tikkonferma mill-ġdid ir-rwol ewlieni tal-Kumitat Konsultattiv tripartitiku dwar it-Taħriġ Vokazzjonali (AVCT) fil-governanza tal-UE dwar il-politika tal-VET, filwaqt li tappella wkoll għal metodu ta’ ħidma aktar strutturat abbażi ta’ programm kontinwu ta’ ħidma. Hija tappella wkoll għal kooperazzjoni akbar ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra bħar-rappreżentanti tal-istudenti u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
Il-proposta ma twassal għal ebda bidla fl-istrutturi usa’ ta’ governanza fl-oqsma tal-ħiliet, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.
L-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri fid-dawl tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jista’ jiġi implimentat b’mod gradwali billi jissaħħaħ l-appoġġ għar-riformi strutturali għall-apprendistati permezz ta’ servizz ta’ appoġġ għall-apprendistati u ta’ spinta ġdida għall-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati f’sinerġija mal-iskema ta’ Garanzija għaż-żgħażagħ kif ukoll permezz tat-tkabbir tas-servizzi ta’ appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali flimkien mas-CEDEFOP. L-attivitajiet jistgħu jkopru firxa ta’ servizzi, li jinkludu l-apprendiment reċiproku, il-parir minn esperti, l-apprendiment komparattiv, ix-xogħol analitiku u l-bini ta’ kapaċità għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.
Il-Pjattaformi ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali (CoVE) għandhom l-għan li jrawmu “konverġenza ’l fuq” ta’ eċċellenza fil-VET, li joperaw fuq żewġ livelli:
1.Nazzjonali: f’kuntest lokali partikolari, billi jinkorporaw iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali fl-ekosistemi u raggruppamenti imprenditorjali lokali u ta’ innovazzjoni u jaġixxu bħala ċentri għad-diffużjoni tat-teknoloġija għall-SMEs li jinkludu l-għodda ta’ apprendiment diġitali (simulaturi bbażati fuq l-ICT, realtà virtwali u awmentata) biex jiġu konnessi fil-livell Ewropew.
2.Internazzjonali: permezz tal-Pjattaformi taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali biex jiġu stabbiliti punti ta’ referenza fuq livell dinji għat-taħriġ vokazzjonali billi jgħaqqdu l-CoVEs b’interess komuni f’setturi/negozji speċifiċi (eż. l-ajrunawtika, il-mobbiltà elettronika, it-teknoloġiji ekoloġiċi u ċirkolari, l-ICT, il-kura tas-saħħa, eċċ.) jew b’approċċi innovattivi (eż. soluzzjonijiet diġitali, intelliġenza artifiċjali) biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà (eż. it-tibdil fil-klima, it-tnaqqir u l-iskarzezza tar-riżorsi, it-tniġġis, it-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, l-integrazzjoni tal-migranti, it-titjib tal-ħiliet tal-persuni b’livelli baxxi ta’ kwalifiki, eċċ.).
Il-pjattaformi se jkunu miftuħa għall-pajjiżi b’sistemi ta’ eċċellenza vokazzjonali żviluppati sew, kif ukoll għal dawk fil-proċess ta’ żvilupp ta’ approċċi simili, bl-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-istituzzjonijiet tal-VET biex ikollhom rwol proattiv fl-appoġġ għat-tkabbir, il-kompetittività u l-innovazzjoni. Il-Pjattaformi taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali mhumiex maħsuba biex jibnu mix-xejn l-istituzzjonijiet u l-infrastruttura ġodda tal-VET. Minflok huma għandhom l-għan li jiġbru flimkien sett ta’ sħab lokali/reġjonali bħall-fornituri tal-VET inizjali u kontinwi, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni terzjarja, inklużi l-universitajiet tax-xjenzi applikati u dawk politekniċi, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, il-parks tax-xjenza, il-kumpaniji, b’mod partikolari dawk mikro, żgħar u ta’ daqs meju, il-kmamar u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, is-sħab soċjali, il-kunsilli tal-ħiliet settorjali, l-assoċjazzjonijiet professjonali/settorjali, ir-raggruppamenti, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u l-aġenziji tal-iżvilupp, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, eċċ.
L-għodda SELFIE awtoriflessjoni li tappoġġa l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-użu tat-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim u għall-apprendiment, jista’ jkollha rwol importanti. L-għodda tista’ tiġi żviluppata u mkabbra aktar biex tkopri l-kooperazzjoni ma’ min iħaddem fi skemi ta’ apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol. Il-qafas EQAVET hu addattat ukoll biex jinkludi l-kriterji/deskritturi ta’ kwalità għad-diġitalizzazzjoni tat-tagħlim u tal-apprendiment inkluż permezz tal-użu tal-għodda SELFIE. L-għodda tista’ tiġi żviluppata u mkabbra aktar biex tkopri l-kooperazzjoni ma’ min iħaddem fi skemi ta’ apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol. Il-qafas EQAVET hu addattat ukoll biex jinkludi l-kriterji/deskritturi ta’ kwalità għad-diġitalizzazzjoni tat-tagħlim u tal-apprendiment inkluż permezz tal-użu tal-għodda SELFIE.
Is-sistemi tal-VET Ewropej għandhom il-potenzjali li jistabbilixxi ruħhom bħala punt ta’ referenza globali għall-iżvilupp tal-ħiliet. Hemm għadd ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu fuq livell Ewropew li jistgħu jippromwovu t-tmexxija Ewropea f’suq ta’ taħriġ globali, bħall-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjoni, il-promozzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-ħiliet jew l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni li jżidu l-attraenza u d-dehra tal-VET.
Element innovattiv li jappoġġa l-eċċellenza u l-internazzjonalizzazzjoni tal-VET huwa l-kunċett ta’ Profili Vokazzjonali Ewlenin Ewropej li jiddefinixxu parti mill-kontenut ta’ taħriġ komuni fuq livell Ewropew. Bħala parti mill-Pjattaforma Europass u kkumplimentata, fejn possibbli, bil-kontenut diġitali vokazzjonali; il-Profili għandhom il-potenzjal li jiffaċilitaw b’mod sinifikanti l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema, ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki tal-VET u tal-eżiti ta’ perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż u l-iżvilupp ta’ kurrikuli, kwalifiki u mikrokredenzjali konġunti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
Bl-għan li tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea ta’ trasparenza u “bini tal-fiduċja” akbar, il-proposta tipproponi li tintroduċi rieżami bejn il-pari dwar l-arranġamenti għall-assigurazzjoni tal-kwalità fil-VET. L-enfasi fuq id-dimensjoni Ewropea hija estensjoni loġika ta’ attivitajiet ta’ suċċess li twettqu mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-EQAVET fl-2009 ’l hawn u li għenu lill-maġġoranza tal-pajjiżi biex jiddefinixxu, jirrieżaminaw u jraqqmu s-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom. Il-format u l-metodi ta’ ħidma ta’ din id-dimensjoni Ewropea msaħħa, immirati lejn it-tisħiħ tat-trasparenza u l-bini tal-fiduċja, permezz ta’ eżerċizzju ta’ rieżami bejn il-pari jeħtieġ li jiġi diskuss aktar mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.
Il-fornituri tal-VET u l-assoċjazzjonijiet tagħhom huma atturi kruċjali fl-implimentazzjoni tar-riformi fil-VET fil-livell nazzjonali u huma direttament rilevanti għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-inizjattivi tal-UE. Dawn huma multiplikaturi, biex ixerrdu l-aġenda tal-politika tal-VET u l-prattiki tajbin skambjati fil-livell tal-UE, filwaqt li jipprovdu wkoll rispons u għarfien espert mill-perspettiva tal-livell bażiku tal-prattikanti, għall-proposti ta’ politika magħmula mill-Kummissjoni. Hemm bżonn li jissaħħaħ djalogu strutturat mal-fornituri tal-VET bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kapaċità u r-rwol tagħhom fil-kooperazzjoni tal-VET fil-livell tal-UE.
Se jitħeġġeġ l-użu tal-fondi u tal-programmi tal-UE (bħan-Next Generation EU, (il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ir-REACT-EU), il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-InvestEU, l-Erasmus+, l-Orizzont Ewropa, l-Interreg, l-Ewropa Diġitali, il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) biex jappoġġaw it-twettiq tal-impenji li saru f’din il-proposta.
B’mod partikolari, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u r-REACT-EU proposti għandhom il-potenzjal itaffu l-impatti soċjo-ekonomiċi tat-tranżizzjoni u tal-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, jista’ jissaħħaħ l-appoġġ għall-apprendistati, għad-diġitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-VET kif ukoll l-aċċelerazzjoni tar-riformi tal-VET li jappoġġaw l-implimentazzjoni bla ntoppi tal-programmi ta’ taħriġ mill-ġdid ta’ kwalità għal dawk li jaħdmu f’setturi li ntlaqtu bil-kbir mill-kriżi.
2020/0137 (NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 166 u 165 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-edukazzjoni u l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u kontinwu bħala dritt, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti jipprevedu li sal-2030 ikun hemm aċċess ugwali għan-nisa u għall-irġiel kollha għall-edukazzjoni teknika, vokazzjonali u terzjarja kif ukoll għall-università bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità, u żieda sostanzjali fin-numru ta’ żgħażagħ u adulti li jkollhom ħiliet rilevanti, inklużi ħiliet tekniċi u vokazzjonali, għall-impjieg, għall-impjiegi deċenti u għall-intraprenditorija.
(2)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie pproklamat fis-17 ta’ Novembru 2017 jistabbilixxi għadd ta’ prinċipji li jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw sew, li jinkludu l-Prinċipju 1 dwar id-dritt għal edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva, għal taħriġ u apprendiment tul il-ħajja, u l-Prinċipju 4 dwar l-appoġġ attiv għall-impjieg.
(3)L-edukazzjoni vokazzjonali u s-sistemi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja u innovattivi jipprovdu lin-nies bil-ħiliet għal xogħol li jgħinuhom jaddattaw għat-trażizzjonijiet diġitali u ekonoloġiċi tewmin u jwettquhom, sabiex ikampaw mas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u ma’ skossi ekonomiċi, filwaqt li jappoġġaw ukoll it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali. Għaldaqstant jipprovdulhom ħiliet li jgħinuhom jiksbu l-impjiegi mitluba fis-suq tax-xogħol jew li joħolquhom.
(4)Kif stabbilit fl-Artikolu 145 tat-TFUE, politiki vokazzjonali sodi huma essenzjali wkoll biex jintlaħaq l-għan li tiġi promossa forza tax-xogħol b’ħiliet, imħarrġa u adattabbli u swieq tax-xogħol li jirreaġixxu f’waqthom għall-bidla ekonomika.
(5)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-“Patt Ekoloġiku Ewropew” hi l-istrateġija l-ġdida tal-Ewropa għat-tkabbir li għandha l-għan tbiddel l-ekonomija u s-soċjetà tagħha u tqiegħedhom fi triq aktar sostenibbli. L-iskejjel, l-istituzzjonijiet tat-taħriġ u l-universitajiet jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jinvolvu l-iskulari, il-ġenituri, in-negozji u l-komunità b’mod ġenerali fil-bidliet meħtieġa għal tranżizzjoni b’suċċess. Hemm bżonn ta’ ħiliet proattivi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet biex jaħsdu l-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika.
(6)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti” tenfasizza l-ħtieġa li niffukaw fuq il-ħiliet, l-impjegabbiltà u l-kapital uman permezz ta’ Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, akkumpanjata minn proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Il-Komunikazzjoni tħabbar ukoll ħidma ulterjuri dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u qafas ġdid ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ mal-Istati Membri.
(7)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa tappella għal azzjoni deċiżiva sabiex l-apprendiment tul il-ħajja jsir realtà għal kulħadd u jiġi ggarantit li l-edukazzjoni u t-taħriġ iżommu mal-pass tat-tranżizzjonijiet tewmin. Tappella wkoll sabiex l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għolja jipprovdu aktar xjentisti, inġiniera u tekniċi għas-suq tax-xogħol. Il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 jenfasizzaw ir-rwol kruċjali tal-ħiliet fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u nadifa.
(8)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali tenfasizza li d-disponibbiltà ta’ persunal b’ħiliet speċjalizzati jew ta’ maniġers b’esperjenza saret l-aktar problema importanti għal kwart mill-kumpanijia mikro, żgħar u ta’ daqs medju tal-UE (SMEs) u li n-nuqqas ta’ impjegati b’ħiliet speċjalizzati hu l-akbar ostakolu għall-investiment il-ġdid mal-UE kollha. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma partikolarment rilevanti għall-SMEs biex jiżguraw li l-forza tax-xogħol tagħhom għandhom il-ħiliet meħtieġa.
(9)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija dwar l-Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri 2020-2025 tenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għan-nisa u għall-irġiel biex jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri fi professjonijiet li huma tradizzjonalment iddominati mill-irġiel jew min-nisa, biex tindirizza l-istereotipi tal-ġeneri.
(10)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-baġit tal-UE li jmexxi l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa jistabbilixxi pjan ambizzjuż u innovattiv għall-irkupru Ewropew. Dan il-pjan huwa msejjes fuq is-solidarjetà u l-ġustizzja, u għandu l-għeruq tiegħu fil-prinċipji u l-valuri kondiviżi tal-Unjoni. Il-pjan jistipula kif l-ekonomija Ewropeja għandha titqajjem, kif tingħata spinta lit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u kif tista’ ssir aktar ġusta, aktar reżiljenti u aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.
(11)Mill-2013 ’l hawn, l-iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għenet liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol billi offritilhom offerta ta’ impjieg ta’ kwalità; edukazzjoni kontinwa, apprendistati jew traineeships fi żmien erba’ xhur minn mindu saru qiegħda jew li telqu mill-iskola. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kienu effettivi fit-tranżizzjoni bla ntoppi lejn is-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ li kienu f’riskju li jiġu esklużi. Fil-ġejjieni, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali attraenti u rilevanti għas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari l-apprendistati jistgħu jkollhom rwol aktar b’saħħtu fl-iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ sabiex jipprevjenu liż-żgħażagħ milli jisfaw qiegħda u jħejjuhom għall-opportunitajiet tal-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari bħala parti mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
(12)Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) għandha l-għan li tiżgura rilevanza aħjar tas-suq tax-xogħol tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll aċċess ugwali għal opportunitajiet ta’ apprendiment tul il-ħajja għal kulħadd, permezz ta’ perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid.
(13)Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Erasmus”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 jipprovdi li n-natura integrata tal-programm 2014–2020 li tkopri l-apprendiment fil-kuntesti kollha — formali, mhux formali u informali, u f’kull stadju tal-ħajja — jenħtieġ li tinżamm sabiex tagħti spinta lill-modi ta’ tagħlim flessibbli li jippermettu lill-individwi jiżviluppaw dawk il-kompetenzi li huma meħtieġa sabiex jiffaċċjaw l-isfidi tas-seklu wieħed u għoxrin.
(14)Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq għadd ta’ inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-ħiliet li ġew żviluppati fuq livell Ewropew, kif miġbur fil-qosor fl-Anness I u se tikkontribwixxi għall-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, għall-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u għall-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ.
(15)Din ir-Rakkomandazzjoni tissodisfa l-objettiv taż-żona Ewropea tal-Edukazzjoni li jiġi żviluppat spazju ġenwin ta’ apprendiment Ewropew fejn l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja u inklussivi mhumiex imfixkla mill-fruntieri u li għandha l-għan li jteħħi x-xkiel għar-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ edukazzjoni għolja, ta’ tluq mill-iskola u tal-perjodi ta’ apprendiment barra minn pajjiż, u li taħdem lejn validazzjoni transfruntiera bla ntoppi tat-taħriġ u ta’ ċertifikati ta’ apprendiment tul il-ħajja.
(16)Imsejsa fuq il-prijoritajiet ta’ kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (il-proċess ta’ Copenhagen), li ġiet adottata bħala Riżoluzzjoni tal-Kunsill fid-19 ta’ Diċembru 2002, l-objettivi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità għolja u flessibbli, u ta’ mobbiltà transnazzjonali baqgħu fil-qalba tal-viżjoni globali għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ddefiniti fl-2010 mill-Ministri inkarigati fil-Komunikazzjoni ta’ Bruges.
(17)Fil-konklużjonijiet ta’ Riga tat-22 ta’ Ġunju 2015, il-Ministri inkarigati mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali qablu dwar sett ta’ prijoritajiet li jappoġġaw il-kisba ta’ din il-viżjoni, kif integrat fir-Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) u fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa tal-2016 li tat imbuttatura qawwija oħra lill-politika tal-VET tal-Unjoni b’fokalizzazzjoni akbar fuq l-attraenza u l-kwalità.
(18)Ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (“EQAVET ”) stipulat qafas ta’ referenza li jappoġġa lill-Istati Membri fit-titjib tal-kwalità tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali tagħhom u li jikkontribwixxi għal trasparenza akbar tal-iżviluppi ta’ politika fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bejn l-Istati Membri. Tul l-għaxar snin tal-implimentazzjoni tiegħu, l-EQAVET stimula riformi fis-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità nazzjonali, iżda ma kkontribwiex b’mod sinifikanti għat-titjib tat-trasparenza tal-arranġamenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità. Barra minn hekk, dan ġie applikat fil-biċċa l-kbira għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali fl-ambitu tal-iskejjel. Għalhekk jenħtieġ li l-qafas tal-EQAVET tal-2009 jiġi integrat f’din ir-Rakkomandazzjoni u li jinżdiedu elementi li jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-implimentazzjoni tiegħu fir-rigward mal-kwalità tal-eżiti tal-apprendiment, maċ-ċertifikazzjoni u mal-valutazzjoni, mal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, mar-rwol tal-għalliema u ta’ min iħarreġ, mal-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol u mal-flessibbiltà tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Sabiex jittejjeb l-apprendiment reċiproku, tissaħħaħ it-trasparenza u l-konsistenza tal-arranġamenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fil-forniment tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri tal-UE, jenħtieġ li jiġu introdotti rieżamijiet bejn il-pari fil-livell tal-UE ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell tas-sistema.
(19)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (“ECVET”) stabbilixxiet l-objettiv li ttejjeb ir-rikonoxximent, l-akkumulazzjoni u t-trasferiment tal-eżiti tal-apprendiment, li tappoġġa l-mobbiltà u l-apprendiment tul il-ħajja kif ukoll li tistabbilixxi sistema ta’ krediti tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Tul l-għaxar snin tal-implimentazzjoni tagħha, l-ECVET ikkontribwiet b’mod ġenerali għall-iżvilupp ta’ esperjenza ta’ mobbiltà ta’ kwalità aħjar permezz tal-użu u tad-dokumentazzjoni ta’ unitajiet tal-eżiti tal-apprendiment. Madankollu, il-kunċett tal-punti tal-ECVET b’mod ġenerali, ma ġiex applikat u l-ECVET ma wasslitx għall-iżvilupp ta’ sistema Ewropea ta’ krediti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Għalhekk, jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tinkludi l-prinċipji ewlenin tal-ECVET (eż. unitajiet tal-eżiti tal-apprendiment) marbuta mal-flessibbiltà. L-għodod tal-ECVET (eż. ftehim ta’ apprendiment u memorandum ta’ qbil) li jappoġġaw il-mobbiltà ta’ studenti vokazzjonali, għandhom jiġu żviluppati aktar fil-qafas ta’ strumenti oħra tal-UE bħal dawk appoġġati mill-programm Erasmus+. Is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti tista’ tiġi applikata għall-kwalifiki vokazzjonali fil-livell postsekondarju u dak terzjarju, kif diġà qed isir.
(20)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi tidentifika 14 il-kriterju kruċjali li jenħtieġ li l-Istati Membri u l-partijiet kkonċernati jużaw biex jiżviluppaw apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi filwaqt li jiġi żgurat kemm l-iżvilupp tal-ħiliet marbuta max-xogħol kif ukoll l-iżvilupp personali tal-apprendisti.
(21)Il-monitoraġġ tas-Cedefop tal-prijoritajiet miftehma fil-konklużjonijiet ta’ Riga tat-22 ta’ Ġunju 2015 juri għadd ta’ oqsma fejn il-pajjiżi mxew ’l quddiem fir-rigward tal-aġenda ta’ modernizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b’mod partikolari b’rabta mal-apprendistati u mal-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol, mal-assigurazzjoni tal-kwalità, mat-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ antiċipazzjoni tal-ħiliet u ta’ korpi konsultattivi li jinvolvu s-sħab soċjali, maż-żieda tal-permeabbiltà u tal-flessibbiltà u dan l-aħħar saret enfasi akbar fuq il-ħiliet diġitali. Madankollu, fid-dawl tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali hemm il-ħtieġa li tiġi estiża u mtejba b’mod sinifikanti l-offerta ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kontinwi għaż-żgħażagħ u għall-adulti, filwaqt li tiżdied ukoll l-attraenza u l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali.
(22)Bosta pajjiżi għandhom inizjattivi stabbiliti li jippromwovu l-eċċellenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u li jżewwġu aħjar il-VET mal-innovazzjoni u mal-ekosistemi tal-ħiliet. Imsejsa fuq dawn l-eżempji, il-kunċett ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali qiegħed jitmexxa b’suċċess bil-ħsieb li jsiru punti ta’ referenza fuq livell dinji għat-taħriġ f’oqsma speċifiċi kemm għat-taħriġ inizjali kif ukoll għat-titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid kontinwu.
(23)Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Ġejjieni tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali,, adottata f’Diċembru 2018, il-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali (“ACVT”) stabbilixxa l-viżjoni għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali eċċellenti, inklużi u tul il-ħajja, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ġejjieni ġenerati minn bidliet ekonomiċi, teknoloġiċi u tas-soċjetà. Din l-Opinjoni stiednet lill-Kummissjoni biex tħejji proposta biex tissimplifika u tikkonsolida l-qafas ta’ politika tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-governanza u l-istrumenti eżistenti tagħha fis-sura ta’ Rakkomandazzjoni ġenerali tal-Kunsill.
(24)Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom jinftiehmu bħala l-edukazzjoni u t-taħriġ bl-għan li ż-żgħażagħ u l-adulti jingħataw l-għarfien, in-know-how, il-ħiliet u/jew il-kompetenzi meħtieġa fi professjonijiet partikolari jew b’mod aktar ġenerali fis-suq tax-xogħol u dawn jistgħu jiġu pprovduti f’ambjenti formali u mhux formali, fil-livelli kollha tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, inkluż il-livell terzjarju.
(25)Minħabba n-natura mhux vinkolanti tagħha, din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u jenħtieġ li tiġi implimentata f’konformità mal-liġi Ewropea u mal-liġi u l-prattika nazzjonali. B’mod partikolari, din ir-Rakkomandazzjoni hi mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/36/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/55/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-reġim ta’ rikonoxximent awtomatiku previsti fiha.
B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:
(a)jaħdmu lejn l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali tal-Unjoni li:
–jgħammru liż-żgħażagħ u lill-adulti bil-ħiliet biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà li qed jevolvu u jimmaniġġjaw l-irkupru u t-tranżizzjonijiet ġusti għall-ekonomija ekoloġika u diġitali fi żminijiet ta’ tibdil demografiku u tul iċ-ċikli ekonomiċi kollha,
–jiżguraw inklużività u opportunitajiet indaqs u jikkontribwixxu għall-kisba ta’ reżiljenza, ġustizzja soċjali u prosperità u
–jistabbilixxu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali Ewropej bħala punt ta’ referenza globali għall-iżvilupp tal-ħiliet;
(b)jiskjeraw azzjonijiet u investimenti għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika, f’konformità mal-prinċipji definiti hawn isfel fil-punti 1 sa 23 u
(c)jaħdmu sabiex sal-2025 jiksbu l-objettivi li ġejjin li huma parti mill-oqfsa rilevanti ta’ monitoraġġ Ewropej, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ u fil-politiki soċjali u tal-impjieg:
·jenħtieġ li s-sehem ta’ gradwati impjegati jkun ta’ mill-inqas 82 %;
·60 % tal-gradwati reċenti mill-VET jibbenefikaw minn esponiment għal apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol tul l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tagħhom. Dan l-objettiv jirreferi għal kull għamla ta’ apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol u għaldaqstant se jikkontibwixxi għal żieda fl-opportunitajiet tal-apprendistati li jistgħu jiġu appoġġati mill-iskema ta’ Garanzija għaż-żgħażagħ;
·8 % tal-istudenti fil-VET jibbenefikaw minn mobbiltà għal apprendiment barra mill-pajjiż.
L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali joffru l-flessibbiltà meħtieġa biex jaddattaw għall-bidliet tas-suq tax-xogħol
1.Il-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali joffru taħlita bbilanċjata ta’ ħiliet vokazzjonali u tekniċi allinjati sew mal-impjiegi u mal-metodi ta’ ħidma li qed jevolvu b’mod kostanti u kompetenzi ewlenin, li jinkludu ħiliet bażiċi sodi, diġitali, trasversali, ekoloġiċi u ħiliet oħra għall-ħajja li jipprovdu pedamenti sodi għar-reżiljenza, għall-impjegabbiltà tul il-ħajja, għall-inklużjoni soċjali, għaċ-ċittadinanza attiva u għall-iżvilupp personali;
2.Il-kurrikuli, l-offerti tal-programmi u l-kwalifiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jiġu aġġornati kontinwament bl-użu ta’ informazzjoni b’saħħitha dwar il-ħiliet (jiġifieri sistemi ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati, mekkaniżmi ta’ antiċipazzjoni tal-ħiliet, inkluż fil-livelli settorjali u reġjonali);
3.Il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom livell xieraq ta’ awtonomija, flessibbiltà, appoġġ u finanzjament biex jadattaw malajr l-offerta ta’ taħriġ tagħhom għall-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet li jinbidlu, mat-tranżizzjoni ekoloġiċi u diġitali u maċ-ċikli ekonomiċi;
4.Il-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-livelli kollha jinkludu komponenti ta’ apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol li jissoktaw jespandu wkoll għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi; l-iskemi ta’ apprendistati huma żviluppati aktar, biex itejbu l-offerti tal-iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, u huma kumplimentati bl-appoġġ xieraq u bil-miżuri biex tiġi stabbilita l-offerta tal-apprendistati, u jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi ta’ kumpaniji żgħar;
Il-flessibbiltà u l-opportunitajiet ta’ progressjoni jinsabu fil-qalba tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
5.Il-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma personalizzati u ffukati fuq l-istudenti, joffru aċċess għall-apprendiment wiċċ imb wiċċ, diġitali jew taħlita tat-tnejn, b’perkorsi flessibbli u modulari li jirrikonoxxu l-eżiti ta’ apprendiment mhux formali u informali, u jiftħu t-triq għall-progress fil-karriera u fl-apprendiment; il-programmi ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwu huma ddisinjati biex ikunu jistgħu jiġu addattati malajr għall-ħtiġijiet tas-settur, tan-negozju jew għat-titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid tal-individwu;
6.Il-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jissejsu fuq moduli jew unitajiet tal-eżiti tal-apprendiment u jeżistu mekkaniżmi ta’ validazzjoni li jippermettu t-trasferiment, ir-rikonoxximent u l-akkumulazzjoni ta’ eżiti tal-apprendiment tal-individwi bl-għan li jiksbu kwalifika, kwalifika parzjali, jew mikrokredenzjal, kif rilevanti;
L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma xprun għall-innovazzjoni u t-tkabbir u jħejju għal tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi u għal professjonijiet ferm mitluba
7.L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jkunu reżiljenti billi jiġu integrati fi strateġiji ekonomiċi, industrijali u ta’ innovazzjoni, inklużi dawk marbuta mat-tranżizzjonijiet ta’ rkupru, ekoloġiċi u diġitali. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi estiża b’mod sinifikanti l-offerta ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kontinwi billi titrawwem il-kisba ta’ ħiliet intraprenditorjali, diġitali u ekoloġiċi kif meħtieġa mid-domanda;
8.Iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali jaġixxu bħala katalizzaturi għall-investiment tan-negozju lokali, jappoġġaw it-tranżizzjonijiet ta’ rkupru, ekoloġiċi u diġitali, l-innovazzjoni Ewropea u reġjonali u l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, l-iżvilupp ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali f’livelli ta’ kwalifiki ogħla (livelli 5 sa 8 tal-QEK) u jipprovdu servizzi innovattivi bħal raggruppamenti u inkubaturi tan-negozju għal negozji ġodda, u bħal innovazzjoni teknoloġika għall-SMEs, u jipprovdu wkoll soluzzjonijiet innovattivi ta’ taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema fir-riskju li jisfaw qiegħda;
9.L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom aċċess għal infrastruttura tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, għandhom strateġiji ta’ diġitalizzazzjoni stabbiliti u jinkorporaw is-sostenibbiltà ambjentali u soċjali fil-programmi u fil-ġestjoni organizattiva tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU;
L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma għażla attraenti msejsa fuq forniment modern u diġitalizzat tat-taħriġ/tal-ħiliet
10.Il-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ogħla fil-livelli 5 sa 8 tal-QEK huma żviluppati aktar biex jappoġġaw ħtiġijiet dejjem akbar għal ħiliet vokazzjonali ogħla;
11.L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma parti mill-kontinwazzjoni tal-apprendiment tul il-ħajja u twaqqfu perkorsi flessibbli u permeabbli kemm bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali kif ukoll dak kontinwu, l-edukazzjoni ġenerali u l-edukazzjoni għolja;
12.Il-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jitwasslu permezz ta’ taħlita xierqa ta’ ambjenti ta’ apprendiment miftuħa, diġitali u parteċipattivi, li jinkludu l-postijiet tax-xogħol li jħeġġu l-apprendiment u huma appoġġati minn infrastruttura, tagħmir u teknoloġija tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku kif ukoll aċċessibbli, u minn pedagoġiji u għodod versatili, b’mod partikolari s-simulaturi bbażati fuq l-ICT, ir-realtà virtwali u awmentata li jżidu l-aċċessibbiltà u l-effiċjenza tal-għoti ta’ taħriġ, inkluż għall-intrapriżi żgħar;
13.L-għalliema, min iħarreġ u l-maniġers fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali iwettqu attivitajiet ta’ żvilupp professjonali inizjali u kontinwu sabiex: joffru taħriġ ta’ kwalità għolja; irawmu l-ħiliet tekniċi u diġitali u metodi ta’ taħriġ innovattivi effettivi; jaħdmu ma’ għodda ta’ apprendiment diġitali, kif ukoll f’ambjenti differenti u multikulturali. Il-perkorsi tal-karriera tagħhom isiru aktar attraenti permezz ta’ approċċi ta’ reklutaġġ usa’, eż. għalliema/ħarrieġa ibridi, kif ukoll permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-għalliema/ħarrieġa vokazzjonali u l-kumpaniji;
14.L-istrateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni jappoġġaw approċċ strateġiku għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE; tali strateġiji jippromwovu prassi nazzjonali ta’ suċċess mad-dinja kollha kif ukoll sehem f’kompetizzjonijiet għall-ħiliet internazzjonali;
15.Ġew stabbiliti opportunitajiet għall-mobbiltà tal-apprendiment ta’ studenti u persunal vokazzjonali, li jinkludu l-mobbiltà virtwali, il-mobbiltà fit-tul u l-mobbiltà lejn pajjiżi terzi, li huma faċilitati bl-użu u r-rikonoxximent ta’ unitajiet tal-eżiti tal-apprendiment u ta’ għodod Ewropej rilevanti;
16.Is-servizzi ta’ gwida tul il-ħajja ta’ kwalità għolja, jagħmlu użu sħiħ mis-servizzi diġitali u jiżguraw li tingħata informazzjoni ċara u faċli lill-utent dwar l-opportunitajiet ta’ apprendiment u ta’ karriera, u dwar l-opportunitajiet ta’ validazzjoni fl-UE kollha;
L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jippromwovu opportunitajiet indaqs
17.Il-programmi tal-VET huma inklużivi għall-gruppi vulnerabbli li jinkludu l-persuni b’diżabbiltà, l-adulti b’livell baxx ta’ skola/ħiliet, il-minoranzi etniċi u razzjali, il-persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni u l-persuni li għandhom inqas opportunitajiet minħabba l-pożizzjoni ġeografika mbiegħda; Il-miżuri mmirati u l-formati flessibbli tat-taħriġ jipprevjenu t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ u jappoġġaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol;
18.Il-programmi tal-VET huma aċċessibbli permezz ta’ pjattaformi ta’ apprendiment diġitali, appoġġati minn għodod, apparati u konnessjoni tal-internet, b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli u għall-persuni li jgħixu f’żoni rurali jew imbiegħda;
19.Il-miżuri mmirati jippromwovu l-bilanċ bejn il-ġeneri fi professjonijiet “maskili” jew “femminili” u jindirizzaw stereotipi relatati mal-ġeneru u tipi oħra ta’ stereotipi;
L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jissejsu fuq kultura ta’ assigurazzjoni tal-kwalità
20.Il-Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (il-Qafas tal-EQAVET) kif deskritt fl-Anness II huwa integrat fis-sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, kemm għall-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali kif ukoll għal dawk kontinwi; huwa jkopri l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-ambjenti kollha tal-apprendiment (pereżempju l-forniment fl-ambitu tal-iskejjel u l-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol, inklużi skemi ta’ apprendistati) u t-tipi kollha ta’ apprendiment (wiċċ imb wiċċ, diġitali jew taħlita tat-tnejn), mogħtija kemm mill-fornituri pubbliċi kif ukoll minn dawk privati u mirfuda minn sett ta’ indikaturi komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali applikati kemm fil-livell tas-sistema kif ukoll f’dak tal-fornitur, kif imniżżel fl-Anness II;
21.Punt Nazzjonali ta’ Referenza ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jissokta jiġbor flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livelli nazzjonali u reġjonali biex:
–jittieħdu inizjattivi konkreti favur implimentazzjoni u żvilupp aħjar tal-Qafas tal-EQAVET,
–jiġu infurmati u mobilizzati firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati li jinkludu ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali, biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-qafas tal-EQAVET ,
–tiġi appoġġata awtoevalwazzjoni bħala mezz komplementari u effettiv għall-assigurazzjoni ta’ kwalità li tippermetti li jitkejjel is-suċċess u l-identifikazzjoni ta’ oqsma fejn jinħtieġ titjib, inkluż fir-rigward tal-prontezza diġitali tas-sistemi u tal-istituzzjonijiet tal-VET
–ikun hemm sehem attiv fin-netwerk Ewropew għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali,
–tiġi pprovduta deskrizzjoni aġġornata tal-arranġamenti nazzjonali ta’ assigurazzjoni tal-kwalità abbażi tal-Qafas tal-EQAVET,
–ikun hemm involviment f’rieżamijiet bejn il-pari fil-livell tal-UE tal-assigurazzjoni tal-kwalità biex jitjiebu t-trasparenza u l-konsistenza tal-arranġamenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, u biex tissaħħaħ il-fiduċja bejn l-Istati Membri;
L-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali
Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika fil-livell nazzjonali, flimkien mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li:
22.Jiżguraw sħubiji pubbliċi-privati sostenibbli għall-governanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Jinvolvu s-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-industriji u n-negozji ta’ kull daqs, is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, il-korpi intermedjarji bħall-kmamar tal-industrija, tal-kummerċ u tal-artiġjanat, il-koordinaturi nazzjonali għall-Garanzija għaż-żgħażagħ, l-FSE u inizjattivi oħrajn tal-UE, is-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali, ir-raggruppamenti, l-organizzazzjonijiet tal-istudenti u tal-ġenituri, kif ukoll l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali. Jippromwovu sħubijiet bħal dawn fil-livell reġjonali u f’dak settorjali;
23.Jagħmlu l-aħjar użu mill-għodda ta’ trasparenza Ewropej bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), l-Europass u l-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO), jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal- kwalifiki sħaħ jew parzjali, tal-mikrokredenzjali u tal-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż, jippermettu lill-istudenti jużaw id-diversi aspetti tal-Europass (eż. jirreġistraw l-esperjenza, il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom fuq profil online li jgħinhom ifittxu karriera, jiksbu kredenzjali ffirmati diġitalment, u jirċievu pariri u jfittxu għal opportunitajiet ta’ apprendiment u ta’ impjiegi, għal kwalifiki, għal validazzjoni, għal rikonoxximent, eċċ.);
24.Jagħmlu l-aħjar użu tal-fondi u tal-istrumenti tal-Unjoni Ewropea li jappoġġaw riformi u/jew investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inkluż dwar id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali, bħan-Next Generation UE, (il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ir-REACT-EU), il-Fond Soċjali Ewropew+, l-SURE, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-InvestEU, l-Erasmus+, l-Orizzont Ewropa, l-Interreg, l-Ewropa Diġitali, il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond għall-Modernizzazzjoni; jistimulaw aktar investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kemm mis-setturi pubbliċi kif ukoll minn dawk privati;
25.Jiddefinixxu l-miżuri li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fuq livell nazzjonali fi żmien sena mill-adozzjoni tagħha u jsegwu l-implimentazzjoni tagħha, inkluż permezz ta’ allokazzjonijiet ta’ riżorsi nazzjonali xierqa u b’enfasi qawwija fuq l-integrazzjoni tad-diġitalizzazzjoni u tas-sostenibbiltà ambjentali mas-settur kollu tal-VET.
B’DAN JILQA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:
timplimenta l-politika tal-Unjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, billi tappoġġa l-azzjoni tal-Istati Membri, inkluż billi:
26.Tiżgura governanza effettiva tal-politika tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali permezz tal-Kumitat Konsultattiv tripartitiku dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, abbażi ta’ programm ta’ ħidma kontinwu u f’kooperazzjoni mad-Diretturi Ġenerali għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, mar-rappreżentanti tal-istudenti u mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;
27.Tiżgura li l-politika tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tiġi riflessa bis-sħiħ fit-tmexxija tal-Pjan ta’ Rkupru Ewropew, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa u tkun parti mill-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, il-qafas Ewropew globali għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni;
28.Issaħħaħ l-appoġġ għal riformi strutturali tal-apprendistati permezz tas-servizz ta’ appoġġ għall-apprendistat u ta’ spinta ġdida għall-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati f’sinerġija mal-iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; Tespandi s-servizzi ta’ appoġġ gradwalment għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali f’kooperazzjoni mas-CEDEFOP;
29.Tappoġġa l-għan gradwalment biex jiġu stabbiliti u żviluppati 50 Pjattaforma Ewropea ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali u tesplora l-Profili Vokazzjonali Ewlenin Ewropej, bħala parti mill-pjattaforma Ewropea u meta possibbli jkunu kkumplimentati b’kontenut diġitali vokazzjonali, bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema, ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki, u l-iżvilupp ta’ kurrikuli, kwalifiki u mikrokredenzjali konġunti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;
30.Tappoġġa d-diġitalizzazzjoni kwalitattiva u effettiva tal-forniment tal-VET għall-apprendiment fl-iskejjel u fil-post tax-xogħol billi tippromwovi l-użu tal-oqfsa ta’ kompetenza Ewropej u tal-għodod ta’ awtovalutazzjoni, bħas-SELFIE u tesplora l-fattibbiltà ta’ stħarriġ mal-UE kollha għall-iskejjel tal-VET;
31.Tippromwovi l-Edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali Ewropej bħala punt ta’ referenza globali għall-iżvilupp tal-ħiliet, kif ukoll permezz tal-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u tas-sistemi ta’ taħriġ f’kooperazzjoni mal-ETF, mal-kompetizzjonijiet tal-ħiliet u mal-kampanji ta’ komunikazzjoni li jżidu l-attraenza u d-dehra tal-VET u jipprovdu aċċess faċli għall-utent għat-tagħrif dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u dwar l-opportunitajiet relatati għall-karriera, filwaqt li jiżviluppaw aktar il-karatteristiċi tal-Europass;
32.Tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, issaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, inklużi d-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali tagħhom, u tippromwovi r-riċerka fil-VET kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE permezz ta’ finanzjament mill-fondi u mill-programmi rilevanti tal-Unjoni (in-Next Generation EU, (il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ir-REACT-EU), il-Fond Soċjali Ewropew+, l-SURE, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-InvestEU, l-Erasmus+, l-Orizzont Ewropa, l-Interreg, l-Ewropa Diġitali, il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond għall-Modernizzazzjoni);
33.Tiżgura monitoraġġ kwalitattiv u kwantitattiv f’konformità mal-objettivi komuni definiti f’din ir-Rakkomandazzjoni kif ukoll data rilevanti oħra, inkluż dwar l-investiment, u li din id-data tiddaħħal fis-Semestru Ewropew u f’oqfsa Ewropej oħra rilevanti ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar u tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni kull ħames snin, abbażi tal-monitoraġġ annwali tas-Cedefop.
Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (“EQAVET”), u r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (“ECVET”).
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President