Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0259

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE)

COM/2020/259 final

Brussell, 25.6.2020

COM(2020) 259 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE)

{SWD(2020) 60 final} - {SWD(2020) 61 final} - {SWD(2020) 62 final}


Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina

1.Daħla

Globalment l-oċeani jirrappreżentaw 71 % mis-superfiċje tad-dinja u, bis-saħħa tal-volum tagħhom, 99 % mill-ispazju abitabbli fid-dinja. Huma jipprovdu l-ħabitat għall-bijodiversità rikka tal-baħar (li ta’ spiss mhix magħrufa) 1 u fihom jgħixu l-ikbar ħlejjaq li nafu bihom. L-oċeani jappoġġaw ukoll servizzi essenzjali għan-nies, bħall-provvista tal-ikel, ir-regolazzjoni tal-klima u r-rikreazzjoni. Aktar minn nofs l-ossiġnu li nieħdu man-nifs ġej mill-organiżmi tal-baħar, kwart mill-emissjonijiet annwali tas-CO2 fl-atmosfera kkawżati mill-bniedem jiġi assorbit mill-ilma baħar, u l-oċean huwa l-ikbar riżerva tal-karbonju li ġej miċ-ċiklu attiv tal-karbonju fid-dinja (50 darba ikbar mill-atmosfera). Għalhekk, il-ħarsien tal-ambjent tal-baħar mhux biss huwa kruċjali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità iżda anke għall-benesseri tal-bnedmin u tal-pjaneta. U huwa kruċjali wkoll għall-ekonomija. Pereżempju, fl-2017, l-ekonomija l-blu tal-UE, ibbażata fuq setturi li jiddependu direttament jew indirettament mis-saħħa tal-ibħra, tal-oċeani u tal-kosti tagħna, iġġenerat fatturat ta’ EUR 658 biljun 2 .

Madankollu, l-ambjent tal-baħar u l-ekosistemi tiegħu għadhom taħt pressjoni qawwija mill-attivitajiet tal-bniedem, bħas-sajd, id-disturb ta’ qiegħ il-baħar, it-tniġġis u t-tisħin globali, u dawn l-attivitajiet għad għandhom impatt kbir fuqhom. Bi tweġiba għal dan, l-UE fasslet id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 3 (MSFD) bħala politika olistika biex tipproteġi l-ambjent tal-baħar tal-ibħra madwar l-Ewropa filwaqt li tippermetti l-użu sostenibbli tal-prodotti u tas-servizzi tal-baħar.

L-UE qed tniedi Patt Ekoloġiku Ewropew 4 , li huwa strateġija ambizzjuża biex tħares il-bijodiversità u terġa’ ġġibha fuq saqajha u biex tagħmel lill-Ewropa l-ewwel kontinent fid-dinja li jkun newtrali għall-klima. It-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, is-saħħa u s-sigurtà tal-ikel jaħdmu id f’id. Huwa għalhekk li l-konservazzjoni tal-ambjent naturali tal-Ewropa, li jinkludi l-oċeani u l-ibħra tagħna, tifforma parti kruċjali mill-Patt Ekoloġiku. Għalhekk, is-suċċess tal-MSFD huwa strumentali biex l-UE tilħaq l-objettivi globali tagħha, bħall-waqfien tat-telf tal-bijodiversità tal-baħar u l-mixja lejn soċjetà ta’ tniġġis żero.

B’dan id-dokument, il-Kummissjoni qed tissodisfa l-obbligu legali tagħha 5 li tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, li jibni fuq ir-rapporti preċedenti 6 li ppubblikat matul l-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni.

L-MSFD ilha fis-seħħ mill-2008. Skont din id-Direttiva, sal-2020 l-Istati Membri jridu jistabbilixxu strateġiji nazzjonali tal-baħar biex jiksbu “status ambjentali tajjeb” jew biex iżommuh meta dan ikun jeżisti. Id-Direttiva tiġi implimentata f’ċiklu ta’ sitt snin bi tliet stadji ewlenin.

(1)Fl-2012 u fl-2018, l-Istati Membri kellhom jirrappurtaw dwar l-istatus tal-ilma baħar tagħhom u jistabbilixxu miri sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb abbażi tal-11-il “deskrittur” (li huma objettivi) li stabbiliet l-MSFD, li jkopru s-saħħa tal-ekosistemi u l-pressjonijiet u l-impatti min-naħa tal-bniedem li jaffettwawhom 7 .

(2)Fl-2014, l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu programmi ta’ monitoraġġ sabiex jiġbru d-data bil-għan li jivvalutaw il-progress fil-kisba ta’ status ambjentali tajjeb u fl-ilħiq tal-miri.

(3)Fl-2016, l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu programmi ta’ miżuri li jgħinuhom jilħqu l-objettivi tagħhom, u fl-2018 kellhom jirrappurtaw dwar il-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tal-programmi.

Status ambjentali tajjeb” tfisser l-istatus ambjentali ta’ ilmijiet marini fejn dawn jikkostitwixxu oċeani u ilmijiet ekoloġikament diversi u dinamiċi li jkunu nodfa, b’saħħithom u produttivi fil-kondizzjonijiet intrinsiċi tagħhom, u fejn l-użu ta’ l-ambjent marin huwa f’livell li jkun sostenibbli, u li b’hekk jissalvagwardja l-potenzjal għall-użi u attivitajiet minn ġenerazzjonijiet attwali u futuri […]. L-istatus ambjentali tajjeb għandu jiġi determinat fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin […] abbażi [tal-11-il deskrittur kwalitattiv] fl-Anness I” (silta mill-Artikolu 3(5) tal-MSFD).

 

Il-Kummissjoni vvalutat kull stadju tal-istrateġiji nazzjonali fir-rapporti regolari u fl-annessi li jakkumpanjawhom (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 6) u identifikat nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u pprovdiet gwida lill-Istati Membri individwali. It-tieni ċiklu ta’ implimentazzjoni beda formalment f’Ottubru tal-2018 iżda qed ibati minn dewmien twil fir-rappurtar 8 .

Dan ir-rapport iħares lejn l-implimentazzjoni tal-MSFD matul l-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni tagħha 9 u huwa akkumpanjat minn tliet dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummmissjoni 10 . Rieżami aktar iddettaljat ta’ din id-Direttiva, f’konformità mar-rekwiżiti għal tfassil aħjar tal-liġijiet, se jiġi żviluppat malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard mill-2023 11 . Dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni li l-Istati Membri, il-Kummissjoni, osservaturi esterni u esperti pproduċew fil-kuntest tal-MSFD. Huwa jiffoka fuq il-messaġġi politiċi ewlenin u t-tagħlim li ħareġ mill-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni.

2.Il-kisbiet ewlenin fl-implimentazzjoni tal-MSFD

2.1.Il-viżjoni olistika

L-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema 12 għandu l-għan li jiżgura li l-pressjonijiet kumulattivi tal-attivitajiet tal-bniedem ma jaqbżux il-livelli li jikkompromettu l-kapaċità tal-ekosistemi li jibqgħu b’saħħithom, nodfa u produttivi. Bis-saħħa tal-MSFD, l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema sar prinċipju operazzjonali legalment vinkolanti għall-ġestjoni tal-ambjent tal-baħar kollu tal-UE 13 .

Approċċ ibbażat fuq l-ekosistema” huwa strateġija għall-ġestjoni integrata tal-art, tal-ilma u tar-riżorsi ħajjin li tippromwovi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli b’mod ekwu. L-għan ta’ ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema huwa li tinżamm ekosistema f’kundizzjoni b’saħħitha, produttiva u reżiljenti sabiex tkun tista’ tipprovdi l-prodotti u s-servizzi li l-bniedem irid u jeħtieġ. Il-ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema hija differenti mill-approċċi attwali li normalment jiffukaw fuq speċi, settur, attività jew preokkupazzjoni waħda; hija tqis l-impatti kumulattivi ta’ setturi differenti.

 

L-MSFD hija wieħed mill-aktar oqfsa legali internazzjonali ambizzjużi għall-protezzjoni tal-baħar, u tallinja l-isforzi ta’ 23 Stat kostali 14 u ta’ ħames Stati mingħajr kosta, f’koordinazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE, sabiex tapplika ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema u tikseb status ambjentali tajjeb f’5,720,000 km2 ta’ erja tas-superfiċje tal-baħar f’erba’ reġjuni tal-baħar, li hija erja 25 % ikbar mit-territorju tal-art tal-UE. Id-Direttiva tkopri żona mill-kosta sal-baħar fond, u b’hekk tipproteġi l-firxa sħiħa ta’ bijodiversità tal-baħar, mill-algi uniċellulari saċ-ċetaċji enormi, filwaqt li tanalizza l-aspetti ambjentali kollha mill-funzjonijiet tal-ekosistema sal-karatteristiċi kimiċi, u tivvaluta l-effetti tal-attivitajiet kollha tal-bniedem, mit-turiżmu sat-tkarkir tal-qiegħ fil-kuntest tas-sajd kummerċjali.

Biex tiġi implimentata viżjoni olistika bħal din u tiġi vvalutata s-sostenibbiltà jeħtieġ li jkunu magħrufin il-karatteristiċi tal-ekosistema u l-pressjonijiet min-naħa tal-bniedem (inklużi l-pressjonijiet minn sorsi terrestri jew atmosferiċi) u li dawn jitqiesu fid-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni. Għalhekk, l-MSFD teħtieġ li jiġi żviluppat ippjanar integrat (l-istrateġiji marini) ibbażat fuq 11-il deskrittur u għadd ta’ kriterji u ta’ parametri 15 li għandhom jiġu vvalutati minn kull Stat Membru.

2.2.L-esplorazzjoni ta’ mkejjen mhux magħrufa

Meta ġiet adottata l-MSFD, kien ċar li l-UE kienet teħtieġ (a) ġestjoni tal-ambjent tal-baħar olistika u bbażata fuq l-ekosistema, u (b) bidla mill-protezzjoni ta’ għadd limitat biss ta’ ħabitats u ta’ speċijiet ta’ prijorità għall-protezzjoni tal-ekosistema kollha tal-baħar. Madankollu, id-data u l-għarfien mill-ambjent tal-baħar kienu (u għadhom) skarsi għal ċerti suġġetti u għal ċerti reġjuni 16 . Għalhekk, l-MSFD bniet qafas legali armonizzat sabiex tiżgura titjib kostanti fil-ġbir tad-data. B’mod partikulari, l-MSFD rawmet it-tfassil ta’ programmi komprensivi ta’ monitoraġġ tal-baħar fl-istrateġiji marini nazzjonali. Dawk il-programmi ta’ monitoraġġ iridu jkejlu l-istat tal-ambjent tal-baħar, il-kisba tal-miri ambjentali u l-effettività tal-miżuri (id-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 60).

L-MSFD tat bidu għal inizjattivi tar-riċerka applikata li taw informazzjoni lill-esperti, lill-maniġers u lil dawk li jfasslu l-politika 17 . Xi eżempji ġejjin mill-valutazzjoni tal-iskart fil-baħar u tal-istorbju ta’ taħt il-baħar, li kienu żewġ suġġetti li ftit li xejn kienu mifhuma qabel l-MSFD. Abbażi tal-monitoraġġ u tal-għarfien dwar l-iskart fil-baħar li nħoloq fil-kuntest tal-MSFD, l-UE adottat leġiżlazzjoni ġdida sabiex tillimita l-plastik li jintuża darba biss u l-irkaptu tas-sajd mitluf, li jirrappreżentaw madwar 70 % tal-iskart kollu fil-bajjiet. L-MSFD serviet ta’ inċentiv sabiex jiġi żviluppat stħarriġ biex jiġi mmonitorjat l-istorbju ta’ taħt il-baħar u sabiex jiġu stabbiliti diversi reġistri għall-ħsejjes impulsivi ta’ taħt il-baħar. Barra minn hekk, l-analiżi tal-integrità ta’ qiegħ il-baħar u l-analiżi tas-sistemi sħaħ tal-ikel huma approċċi ġodda li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma mmexxija mir-rekwiżiti tal-MSFD.

Il-valutazzjonijiet tal-MSFD, in-netwerks ta’ monitoraġġ u l-programmi ta’ miżuri ma jwasslux biss għal sforzi f’oqsma ġodda tar-riċerka, iżda jwasslu wkoll għal sforzi fit-titjib tal-ġestjoni u tal-koerenza tal-politika. Firxa wiesgħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti diġà hija valida u rilevanti għad-Direttiva; fl-UE din tinkludi b’mod partikolari d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 18 , id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats 19 u l-politika komuni tas-sajd 20 . Kisba importanti fl-implimentazzjoni ta’ kull pass tal-MSFD kienet l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-għarfien. Dan għen lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-partijiet interessati jindikaw ħtiġijiet importanti b’rabta mal-ġestjoni u mar-riċerka. Id-Direttiva tejbet b’mod partikolari l-għarfien dwar l-istat tal-ilma baħar tal-Unjoni (id-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 61), għalkemm l-integrazzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ dak l-għarfien fil-livell tal-UE għadhom ta’ sfida.

2.3.Sforzi konġunti

L-MSFD teħtieġ kontribut mingħajr preċedent u kkoordinat min-naħa tal-Istati Membri. Sabiex jiffaċilitaw din il-ħidma, l-Istati Membri u l-Kummissjoni (flimkien ma’ konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra u partijiet ikkonċernati oħrajn) stabbilixxew programm informali ta’ koordinazzjoni, jiġifieri l-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni. L-istrateġija tinvolvi tal-inqas 280 espert mill-Istati Membri, sa 70 parteċipant mill-istituzzjonijiet tal-UE u aktar minn 100 osservatur irreġistrat jew parti kkonċernata. L-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni hija mmexxija mid-Diretturi Marini tal-UE u hija organizzata mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Istrateġija Marina 21 . Tliet gruppi ta’ ħidma jiffukaw fuq kwistjonijiet ġenerali: l-istatus ambjentali tajjeb; il-programmi ta’ miżuri u l-analiżi soċjoekonomika; u l-iskambju tad-data, tal-informazzjoni u tal-għarfien. Erba’ sottogruppi tekniċi jiffukaw fuq oqsma emerġenti ta’ tħassib partikulari: l-istorbju ta’ taħt il-baħar, l-iskart fil-baħar, l-integrità ta’ qiegħ il-baħar u d-data tal-baħar. Il-gruppi kollha jiżviluppaw approċċi komuni għall-implimentazzjoni tad-Direttiva u, eventwalment, jaqblu dwarhom (normalment b’kunsens). S’issa ġew adottati 15-il dokument ta’ gwida 22 . In-numru ta’ laqgħat (bħala medja 18-il laqgħa tal-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni fis-sena), l-ispeċjalizzazzjoni li qed tavvanza u l-ħtieġa għal koordinazzjoni sabiex jiġi evitat li jkun hemm sajlos tematiċi huma sfidi kbar għall-proċess ta’ implimentazzjoni.

L-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni hija ta’ benefiċċju kbir għall-implimentazzjoni tad-Direttiva, billi tagħmel il-proċess iktar effiċjenti; u l-istrutturi tal-istrateġija jitqiesu li huma pjattaformi siewja għall-iskambju tal-informazzjoni u għall-bini tal-fiduċja fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet 23 . Il-maġġoranza tal-membri tal-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni jaqblu li l-istruttura u l-programm ta’ ħidma tal-istrateġija huma adattati għall-iskop tagħha, filwaqt li hemm lok għal razzjonalizzazzjoni jew għal simplifikazzjoni tal-proċeduri eżistenti, sabiex ikun jista’ jingħata aktar żmien għad-diskussjoni tal-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni u d-Direttiva tkun tista’ tintrabat aħjar ma’ direttivi oħrajn, b’mod partikulari għar-rappurtar 24 .

2.4.L-involviment tal-pubbliku u l-għarfien dwar l-oċeani 25

L-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent u l-aċċess għall-ġustizzja huma prinċipji ġenerali li jiġu promossi fil-livell internazzjonali fl-impenji ambjentali 26 . L-MSFD tinkludi rekwiżiti espliċiti 27 li jgħinu biex jiġu implimentati dawn l-impenji. L-MSFD waqqfet mekkaniżmu trasparenti għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji marini nazzjonali u għall-għoti ta’ segwitu għall-proċess fil-livell Ewropew (pereżempju l-implimentazzjoni tista’ tiġi segwita permezz ta’ pjattaformi miftuħa għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni 28 ). L-Istati Membri għandhom jippromwovu b’mod espliċitu l-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha. Barra minn hekk, kull stadju ta’ implimentazzjoni għandu proċess ta’ konsultazzjoni pubblika organizzat minn kull wieħed mit-23 Stat Membru kostali (id-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 60). Ħafna mill-programmi ta’ miżuri tal-MSFD jinkludu wkoll kampanji ta’ sensibilizzazzjoni.

L-MSFD kienet strumentali biex inġibdet l-attenzjoni lejn is-saħħa tal-ekosistemi marini, pereżempju biex sirna nafu bl-effett gross tat-tniġġis mill-art, inkluż tal-plastik, fuq il-baħar. Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika involva lis-soċjetà ċivika u lill-partijiet ikkonċernati minn madwar l-Ewropa fl-iżvilupp tal-istrateġiji marini nazzjonali. Dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni u ta’ involviment, kif ukoll il-fluss tad-data li jiġġeneraw, se jkompli jkollhom rwol sinifikanti biex jikkontribwixxu għall-għarfien dwar l-oċeani fost il-pubbliku Ewropew u biex joħolqu għarfien dwar l-influwenza tal-oċean fuq il-ħajja tal-bniedem u dwar il-konsegwenzi tal-attivitajiet tal-bniedem u tal-imġiba tan-nies fuq l-ekosistemi tal-baħar.

2.5.Kooperazzjoni reġjonali

In-natura transfruntiera ta’ ċerti pressjonijiet u ekosistemi tagħmilha diffiċli ħafna li dawn jiġu mmaniġġjati fil-livell tal-Istati Membri waħedhom 29 . L-MSFD telenka r-reġjuni u s-sottoreġjuni li jinsabu fil-qalba tal-implimentazzjoni tagħha, titlob koordinazzjoni reġjonali fost l-Istati Membri u tħeġġeġ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE 30 . Id-Direttiva tgħid li l-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra 31 jistgħu jintużaw għal din il-kooperazzjoni. B’mod ġenerali, f’dawn l-aħħar għaxar snin, il-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra (i) f’ħafna każijiet saru pjattaformi tajbin għall-implimentazzjoni tal-MSFD fejn il-partijiet kontraenti kkollaboraw u qasmu l-approċċi tagħhom ma’ xulxin, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni tal-MSFD 32 ; (ii) appoġġaw il-kooperazzjoni u l-ftehim dwar l-azzjonijiet u l-objettivi ma’ pajjiżi mhux tal-UE; (iii) irċevew kontribut tekniku u finanzjarju sinifikanti mill-UE biex jiżviluppaw il-programmi ta’ ħidma tagħhom.

L-erba’ konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra madwar l-Ewropa għandhom l-istess għan ġenerali (jiġifieri l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar) u jħaddnu l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, iżda jvarjaw f’termini tal-istruttura, tal-kapaċità xjentifika u operazzjonali, tal-governanza (inkluż il-monitoraġġ tal-konformità) u tal-grad ta’ faċilitazzjoni li joffru lill-Istati Membri tal-UE li jieħdu sehem fihom fl-implimentazzjoni tal-MSFD. Il-kunċett ta’ “status ambjentali tajjeb” u l-iffissar tal-miri ambjentali tal-MSFD ġew inkorporati f’xi wħud mill-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra, iżda mhux f’kollha kemm huma. F’xi każijiet, tingħata preferenza lid-deskrizzjoni tax-xejriet (it-titjib jew id-deterjorament) iktar milli lill-istabbiliment ta’ kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istatus huwiex tajjeb jew le. Il-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra jippubblikaw b’mod regolari rapporti dwar l-istat tal-ambjent tal-baħar 33 f’xi forma jew oħra, filwaqt li jfittxu li jallinjaw l-iskedi taż-żmien tagħhom maċ-ċiklu ta’ sitt snin tal-MSFD, li jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni u li jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ monitoraġġ.

Fl-istess ħin, il-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra jibbenefikaw mir-riżorsi umani sostanzjali li l-MSFD immobilizzat u mill-għarfien li din iġġenerat sa mill-adozzjoni tagħha. Il-finanzjament tal-UE kkontribwixxa għal għadd konsiderevoli ta’ proġetti li għandhom l-għan jimplimentaw b’mod ikkoordinat l-MSFD u jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni fil-kuntest tal-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra fir-reġjuni kollha tal-baħar. Il-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar hija eżempju tajjeb ta’ kif il-finanzjament immirat u sostanzjali minn diversi sorsi tal-UE 34 qed jintuża biex jiġu implimentati pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali kontra l-iskart fil-baħar li jikkontribwixxu għal għanijiet nazzjonali, reġjonali u tal-UE fl-istess ħin, jekk mhux ukoll għal għanijiet globali.

2.6.L-impenji globali

L-MSFD hija pilastru ewlieni għall-UE biex twettaq l-impenji globali tagħha li tipproteġi l-ambjent tal-baħar u li tiżviluppa approċċ sostenibbli għall-ġestjoni tal-oċeani, kif irrikonoxxut fl-inizjattiva tal-UE dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani 35 . Hija għandha wkoll rwol importanti biex tiżgura li l-azzjonijiet fl-Istati Membri tal-UE jkunu iktar koerenti.

Kif ikkonfermat l-aħħar mill-Aġenda 2030 36 , iżda wkoll abbażi tar-rikonoxximent mill-komunità globali fuq għexieren ta’ snin 37 , l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema huwa vitali biex “Jiġu kkonservati u użati b’mod sostenibbli l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi marini għall-iżvilupp sostenibbli” (l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14). Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni meħtieġa mill-MSFD jgħinu lill-UE tilħaq il-biċċa l-kbira tal-miri tal-SDG 14, li jkopru l-ġestjoni sostenibbli, iż-żoni protetti, it-tniġġis mill-iskart fil-baħar u l-ewtrofikazzjoni, l-aċidifikazzjoni, l-impatti minn prattiki tas-sajd mhux sostenibbli, l-għarfien xjentifiku u l-implimentazzjoni tad-dritt internazzjonali. Fil-livell tal-baċiri tal-baħar, il-kollaborazzjoni reġjonali mill-qrib bejn l-Istati Membri fil-kuntest tal-konvenzjonijiet reġjonali rilevanti dwar il-baħar tgħin biex jiġu kkoordinati l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni reġjonali tal-SDGs relatati mal-oċeani 38 flimkien mad-Direttiva.

L-MSFD fiha l-objettiv regolatorju speċifiku msejjaħ “Id-diversità bijoloġika hija miżmuma” bħala l-pedament għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb tal-oċeani u tal-ibħra. Hija tevalwa l-istatus ta’ gruppi ta’ speċijiet tal-baħar (inklużi l-għasafar, il-mammiferi u l-ħut) u ta’ tipi ta’ ħabitats pelaġiċi u ta’ qiegħ il-baħar. Għalhekk, din tipprovdi qafas legali li jikkontribwixxi għall-impenji tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) u għall-istrateġija li ġejja tal-UE għall-bijodiversità sal-2030. L-MSFD tinkludi wkoll l-istabbiliment ta’ żoni tal-baħar protetti u miżuri oħrajn ta’ protezzjoni tal-ispazji li jiffurmaw netwerks koerenti u rappreżentattivi, f’konformità mal-impenji internazzjonali 39 .

Id-Direttiva tinkorpora r-rekwiżit tal-UNCLOS 40 li jiġu osservati u li jitkejlu r-riskji jew l-effetti tat-tniġġis fuq l-ilma baħar tal-UE. Hija timplimenta wkoll diversi obbligi li jeħtieġu lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jipprevjenu, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġis tal-ambjent tal-baħar minn sorsi bbażati fuq l-art, sabiex jipprevjenu t-tniġġis ta’ qiegħ il-baħar u tas-sottoswol tiegħu u sabiex jipprevjenu l-introduzzjoni ta’ speċijiet mhux indiġeni. L-MSFD tinkorpora wkoll id-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS dwar is-sajd u l-akkwakultura sostenibbli u dwar l-innovazzjoni u l-investiment fir-riċerka. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, permezz tal-enfasi tagħha fuq il-kooperazzjoni reġjonali, l-MSFD tiffaċilita l-obbligu li l-Istati għandhom fil-kuntest tal-UNCLOS li jikkooperaw bejniethom sabiex iħarsu l-ambjent tal-baħar.

L-oċeani ssemmew għall-ewwel darba fi ftehim dwar il-klima fil-Ftehim ta’ Pariġi 41 , li rrikonoxxa r-rwol integrali tagħhom fis-sistema globali tal-klima. Illum, il-biċċa l-kbira mill-wegħdiet nazzjonali skont il-Ftehim ta’ Pariġi jinvolvu l-ekosistemi tal-baħar; it-tħassib ewlieni tal-gvernijiet huwa marbut mal-impatti kostali, mal-impatti tat-tisħin tal-oċeani u mal-impatti tas-sajd 42 . L-MSFD u l-istrateġiji marini olistiċi tagħha jipprovdu qafas tajjeb (li għadu mhux qed jintuża fil-potenzjal kollu tiegħu) għall-monitoraġġ tal-impatti tat-tibdil fil-klima, għall-esplorazzjoni tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-applikazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-adattament għat-tibdil fil-klima fl-ambjent tal-baħar. Bħala parti mill-isforzi sabiex tinkiseb in-newtralità tal-karbonju sal-2050, kif iddikjarat fil-Patt Ekoloġiku, l-Ewropa x’aktarx li se tesperjenza żieda bla preċedent fl-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta 43 , li inevitabbilment se tolqot lill-ispeċijiet u lill-ħabitats tal-baħar.

3.Ir-rabtiet ewlenin bejn il-politiki tal-UE u l-MSFD 44  

Il-qafas tal-MSFD biex tiġi żgurata l-bijodiversità u biex jiġi żgurat użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar tal-UE huwa appoġġat, fil-biċċa l-kbira tiegħu, minn strumenti legali oħrajn tal-UE. Din it-taqsima tirrieżamina d-disa’ politiki tal-UE li rrappurtata l-iktar mill-Istati Membri bħala politiki li jikkontribwixxu għall-programmi ta’ miżuri tal-MSFD, kif ukoll il-politiki żviluppati dan l-aħħar sabiex jiġi indirizzat it-tniġġis mill-plastik. B’mod ġenerali, l-MSFD (i) tintegra l-informazzjoni (uffiċjali) disponibbli kollha mill-ilma baħar tal-UE fl-istrateġiji marini nazzjonali, u (ii) tevalwa s-sitwazzjoni sabiex l-ambjent tal-baħar ikun ġestit b’mod effettiv. Qed jiġu żviluppati kunċetti ġodda tal-politika bħal valuri ta’ limitu biex jiġi ddefinit status ambjentali tajjeb 45 sabiex l-istrateġiji jiġu implimentati fir-realtà u sabiex jiġu kkumplimentati l-valuri ta’ limitu li jeżistu fil-kuntest ta’ politiki oħrajn 46 .

3.1.Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi 47

Ħafna problemi li jaffettwaw l-ambjent tax-xmajjar u tal-baħar jinħolqu fuq l-art. Għalhekk, l-MSFD u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għandhom fil-mira tagħhom firxa simili ta’ pressjonijiet u ta’ motivaturi (l-użu u l-attivitajiet tal-bniedem) u jaqsmu għadd kbir ta’ miżuri. Il-miżuri fil-kuntest tal-MSFD għall-ewtrofikazzjoni tal-baħar, għall-kontaminanti, għat-tibdil idrografiku u għall-bijodiversità jibbażaw fuq dawk imressqin fil-kuntest tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Terz biss tal-pjanijiet ta’ ġestjoni għall-baċiri tax-xmajjar eżaminati fil-ħames rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 48 identifikaw il-ħtieġa għal miżuri addizzjonali sabiex jingħata kontribut għall-MSFD. Xi Stati Membri inkludew b’mod volontarju miżuri li jindirizzaw, pereżempju, l-iskart fix-xmajjar sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-MSFD.

F’termini tal-kopertura tal-ispazji, iż-żewġ Direttivi japplikaw fl-ilmijiet kostali u territorjali, bl-MSFD tkopri b’mod espliċitu biss l-aspetti li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma ma tkoprix b’rabta mal-ilmijiet kostali (pereżempju l-istorbju ta’ taħt il-baħar u l-iskart fil-baħar), filwaqt li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tapplika fl-ilmijiet territorjali għall-istatus kimiku biss. Fl-2017, il-Kummissjoni aġġornat id-Deċiżjoni dwar l-MSFD sabiex jiġi ddeterminat status ambjentali tajjeb. Id-Deċiżjoni tal-2017 teħtieġ lill-Istati Membri jużaw il-valutazzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma mill-ġdid għall-ewtrofikazzjoni tal-baħar, għall-kontaminanti u għat-tibdil idrografiku. Madankollu, kif diġà ġie rifless fil-Kontroll tal-Idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 49 , dan għadu mhux dejjem qed jiġi rrispettat, peress li l-valutazzjonijiet nazzjonali skont iż-żewġ Direttivi jistgħu jkunu ftit differenti (pereżempju b’elementi ta’ kwalità jew bi skali ta’ valutazzjoni differenti), u d-definizzjoni ta’ status ekoloġiku jew kimiku tajjeb fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma mhux dejjem tissejjes fuq l-istess elementi bħall-istatus ambjentali tajjeb tal-MSFD. Madankollu, skont il-Kontroll tal-Idoneità, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-MSFD huma koerenti u għandhom objettivi komplimentari. F’termini tar-riżultati, madwar 40 % tal-ilmijiet tal-wiċċ (xmajjar, lagi, ilmijiet tranżizzjonali u kostali) jinsabu fi stat ekoloġiku tajjeb jew għandhom il-potenzjal li jkunu f’dan l-istat, u 38 % jinsabu fi stat kimiku tajjeb 50 . Dan għandu konsegwenzi diretti għall-progress li jsir fil-kuntest tal-MSFD.

Id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi tistabbilixxi miri u strumenti sabiex tnaqqas b’mod ewlieni d-dħul tal-materja organika u tan-nutrijenti permezz ta’ sorsi minn punti partikolari. Ir-rabta bejn id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u l-ewtrofikazzjoni hija identifikata fil-programmi ta’ miżuri tal-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, filwaqt li suġġetti oħrajn li huma direttament rilevanti għall-MSFD (bħall-kontaminanti u l-iskart fil-baħar) normalment ma jissemmewx b’mod espliċitu. L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi kkonfermat li d-Direttiva kienet effettiva ħafna fit-tnaqqis tat-tniġġis fl-ilma mormi ttrattat u li l-implimentazzjoni tagħha għadha kruċjali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-MSFD 51 . L-evalwazzjoni indikat xi limitazzjonijiet tal-impjanti għat-trattament tal-ilma mormi li jistgħu jkunu rilevanti għall-ambjent tal-baħar, bħalma huma l-fatt li dawn ma jindirizzawx il-kontaminanti ta’ tħassib emerġenti (pereżempju l-farmaċewtiċi u l-mikroplastik) jew li dawn ma jittrattawx l-ilma kollu tal-maltemp, l-ilma tax-xeba’ urban kollu jew l-agglomerazzjonijiet iż-żgħar kollha. Madankollu, id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi kienet waħda mill-iktar strumenti effettivi sabiex jiġi limitat it-tniġġis urban, inkluż in-nitrat u l-fosforu fix-xmajjar u fil-baħar.

L-illustrazzjoni numru 1: It-tagħbijiet tan-nitroġenu (N) u tal-fosforu (P) fis-sottoreġjuni tal-baħar skont is-sors (f’tunnellati fis-sena). Din l-analiżi kienet tifforma parti mill-evalwazzjoni li saret dan l-aħħar tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi 52 .

3.2.Id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats

Kif jixhdu l-programmi ta’ miżuri tal-MSFD, id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats huma partikolarment rilevanti sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb relatat mal-bijodiversità tal-baħar, mal-ispeċijiet mhux indiġeni u mal-ħut u l-frott tal-baħar bil-qoxra kummerċjali. Huma biss ftit il-programmi ta’ miżuri li jorbtu lid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats mad-deskritturi tal-MSFD li jittrattaw l-iskart fil-baħar u l-istorbju ta’ taħt il-baħar, anke jekk dawn jaf jheddu, pereżempju, lill-għasafar tal-baħar, lill-mammiferi u lir-rettili.

L-objettivi tat-tliet Direttivi kollha huma simili, għalkemm l-MSFD għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’. L-objettiv ewlieni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, li huwa li jinkiseb “status ta’ konservazzjoni favorevoli” għall-ispeċijiet u għall-ħabitats koperti, u l-objettiv simili tad-Direttiva dwar l-Għasafar għall-għasafar selvaġġi kollha – ma jikkorrispondix eżattament għal “status ambjentali tajjeb” f’termini tad-definizzjoni, tal-miżuri jew tal-iskedi taż-żmien. Madankollu, iż-żewġ kunċetti jappoġġaw lil xulxin. L-Istati Membri jivvalutaw l-istatus u x-xejriet tal-ispeċijiet u tal-ħabitats protetti fil-kuntest tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u jirrappurtaw kull sitt snin dwar dan. Għall-perjodu mill-2007 sal-2012, il-perċentwal ta’ speċijiet li għalihom ġie rrappurtat stat ta’ konservazzjoni favorevoli fir-reġjuni tal-baħar Ewropej fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Ħabitats kien ivarja minn żero fil-Baħar l-Iswed għal 20 % fil-Baħar Baltiku 53 . Id-Deċiżjoni tal-2017 tipprevedi l-użu mill-ġdid tal-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet u tal-ħabitats tal-baħar li saru fil-kuntest tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, fejn dan ikun possibbli, iżda kull Stat Membru jista’ jagħmel dan b’mod differenti 54 . Barra minn hekk, kemm id-Direttiva dwar l-MSFD kif ukoll dik dwar il-Ħabitats jassenjaw reġjuni ġeografiċi li fihom l-Istati Membri huma mistennija jikkooperaw u jsegwu approċċi konġunti. Il-fruntieri reġjonali ddefiniti fiż-żewġ Direttivi issa ġew armonizzati fil-biċċa l-kbira tagħhom.

Il-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispazji rrappurtati fil-kuntest tal-MSFD jirreferu b’mod komuni għal żoni tal-baħar protetti li ġew stabbiliti fil-kuntest tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats bħala parti min-netwerk Natura 2000, li għadu mhux komplut b’rabta mal-ambjent tal-baħar. Madankollu, l-MSFD ġabet magħha idea mġedda ta’ protezzjoni tal-ispazji fejn, minbarra l-objettivi speċifiċi ta’ konservazzjoni ta’ żoni tal-baħar protetti individwali, in-netwerks ta’ żoni tal-baħar protetti jridu jkunu ekoloġikament koerenti u rappreżentattivi fil-livell (sotto)reġjonali. Għalhekk, in-netwerks taż-żoni protetti jridu jkunu għodod olistiċi biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet ewlenin kollha, u jkunu effettivi u jirrappreżentaw b’mod ġust il-ħabitats u l-karatteristiċi tal-ekosistemi tal-baħar kollha. Madankollu, il-koerenza u l-effettività ma ġewx indirizzati fil-livell reġjonali mill-programmi ta’ miżuri tal-MSFD tal-Istati Membri.

L-illustrazzjoni numru 2: L-evoluzzjoni reċenti (tal-2012 sal-2016) tal-perċentwal taż-żona koperta minn żoni tal-baħar protetti fl-ilmijiet tal-UE fis-sottoreġjuni tal-baħar differenti 55 . 

3.3.Il-politika komuni tas-sajd

Wieħed mill-objettivi tal-politika komuni tas-sajd huwa li tkun koerenti mal-MSFD u mal-objettiv tagħha li jinkiseb status ambjentali tajjeb. Billi tissettja r-rati ta’ sfruttament u tistabbilixxi miżuri tekniċi li jiddefinixxu prattiki sostenibbli tas-sajd, il-politika komuni tas-sajd tindirizza l-pressjonijiet tas-sajd li jħallu impatt fuq l-istokkijiet kummerċjali tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra (wieħed mid-deskritturi tal-MSFD). Il-politika għandha wkoll l-objettiv li tiżgura li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Dan għandu x’jaqsam mal-impatti fuq l-abbundanza u fuq id-diversità tal-ħajja tal-baħar, mas-sistemi tal-ikel u mal-ekosistemi tal-baħar, u mal-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar (li huma rilevanti b’mod partikulari għal tliet deskritturi oħra tal-MSFD). Barra minn hekk, l-iskart iġġenerat mis-sajd, bħax-xbieki tas-sajd u l-irkaptu l-ieħor mormi jew mitluf, jista’ jibdel il-ħabitats. Fir-rigward tal-miżuri tal-MSFD, ħafna mill-Istati Membri jorbtu l-miżuri għall-bijodiversità tal-baħar u għall-ħut u l-frott tal-baħar bil-qoxra kummerċjali mal-politika komuni tas-sajd, iżda ftit kienu dawk li għamlu dan għall-iskart fil-baħar. Il-miżuri ta’ ġestjoni li l-Kummissjoni pproponiet fil-kuntest ta’ din il-politika wasslu għal tnaqqis fir-rati ta’ mortalità mis-sajd għal diversi stokkijiet ta’ ħut u ta’ frott tal-baħar bil-qoxra sfruttati kummerċjalment fl-Atlantiku tal-Grigal u fil-Baħar Baltiku; iżda dan il-progress għadu mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi rilevanti tal-politika komuni tas-sajd. Is-sitwazzjoni hija agħar fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, fejn is-sajd eċċessiv għadu prattika komuni.

L-Anness I tal-MSFD jistabbilixxi li l-ħut u l-frott tal-baħar bil-qoxra kollu sfruttat kummerċjalment irid ikun f’limiti bijoloġiċi sikuri. Sabiex tkejjel dak l-istat, l-MSFD tuża l-kunċett tar-rendiment massimu sostenibbli mogħti fil-politika komuni tas-sajd. Għalhekk, hija tippromwovi l-użu ta’ valutazzjonijiet tal-istokkijiet u ta’ pjanijiet pluriennali rilevanti u l-konsultazzjoni mal-korpi xjentifiċi x-xierqa. Filwaqt li l-informazzjoni dwar l-istokkijiet tal-ħut hija disponibbli bejn wieħed u ieħor fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd u l-Istati Membri kollha jirrappurtaw dwarha, l-Istati Membri ma jirrappurtawx b’mod sistematiku dwar kriterji oħrajn bħall-mortalità jew il-korriment tal-ispeċijiet b’rabta mal-qbid inċidentali jew mad-disturb fiżiku ta’ qiegħ il-baħar minħabba l-attivitajiet tas-sajd. Xi kultant, l-informazzjoni reġjonali tista’ tgħin sabiex ikunu koperti dawn in-nuqqasijiet; pereżempju, 86 % minn qiegħ il-baħar ivvalutat fil-Baħar tat-Tramuntana Maġġuri u fl-Ibħra Ċeltiċi juri evidenza ta’ disturb fiżiku mill-irkaptu tat-tkarkir tal-qiegħ 56 . It-tqegħid fil-prattika kemm tal-objettivi tal-MSFD kif ukoll tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd itejjeb il-protezzjoni tal-istokkijiet kummerċjali tal-ħut, tal-bijodiversità u tal-ħabitats. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ valuri ta’ limitu fil-kuntest tal-MSFD jagħmilha iktar faċli li jiġu implimentati miżuri mmirati, inklużi miżuri fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd.

Il-politika komuni tas-sajd tippromwovi wkoll akkwakultura sostenibbli sabiex tikkontribwixxi għas-sigurtà u għall-provvista tal-ikel, għat-tkabbir u għall-impjiegi. Din tirrakkomanda l-użu ta’ linji gwida strateġiċi mhux vinkolanti tal-Unjoni, li ġew adottati għall-ewwel darba fl-2013, biex jiġu żviluppati attivitajiet tal-akkwakultura sostenibbli. Dawn il-linji gwida servew ta’ bażi għall-pjanijiet nazzjonali pluriennali tal-Istati Membri u għall-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd tal-2014 sal-2020. Il-linji gwida tal-2013 bħalissa qed jiġu riveduti u se jkun fihom informazzjoni dwar l-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-akkwakultura għal wara l-2020.

3.4.Id-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu 57  

Skont id-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu, l-Istati Membri jridu jiżviluppaw pjanijiet tal-ispazju marittimu bil-għan li jippromwovu l-koeżistenza u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet u tal-użijiet rilevanti. Hija tagħmel referenza espliċita għall-MSFD fit-test legali tagħha, u tistipula li fl-ippjanar tal-ispazju marittimu jrid jiġi applikat approċċ ibbażat fuq l-ekosistema u li dan l-ippjanar għandu jgħin sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ status ambjentali tajjeb u li l-iskedi taż-żmien għandhom jiġu kkoordinati mal-MSFD sa fejn dan ikun possibbli. Diversi studji ddefinixxew jew daħħlu fil-prattika l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema jew l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar għall-ippjanar tal-ispazju marittimu, iżda għad m’hemmx metodoloġija maqbula għall-Ewropa kollha għal dan.

Fil-programmi ta’ miżuri tal-MSFD tagħhom, l-Istati Membri jorbtu b’mod ewlieni l-bijodiversità tal-baħar (permezz taż-żoni protetti) u t-tibdil idrografiku (permezz tal-attivitajiet koperti mill-pjanijiet tal-ispazju marittimu) mad-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu, filwaqt li tliet pajjiżi 58 jagħmlu rabta potenzjali mal-istorbju ta’ taħt il-baħar ukoll. Peress li l-ewwel ċiklu tar-rappurtar dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu mhux mistenni qabel l-2021, għadu mhux magħruf sa liema punt l-objettivi tal-MSFD se jitqiesu fl-implimentazzjoni nazzjonali tad-Direttiva bħala għodda li biha jiġi appoġġat l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema. Peress li l-proċess tad-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu jintegra s-setturi u l-attivitajiet kollha tal-ekonomija l-blu, dan irid jinforza miżuri ta’ ġestjoni li jgħinu sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb.

3.5.Id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika u d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali 59

Dawn iż-żewġ Direttivi għandhom l-għan li jiksbu livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent billi jiżguraw li l-impatti ambjentali ta’ ċerti pjanijiet jew programmi (il-valutazzjoni ambjentali strateġika) u ta’ ċerti proġetti (il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali) jiġu analizzati kmieni fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Fil-programmi ta’ miżuri tal-MSFD, il-valutazzjoni ambjentali strateġika u l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali ntrabtu l-iktar mat-tibdil idrografiku, mal-istorbju ta’ taħt il-baħar, mal-bijodiversità tal-baħar, mal-ewtrofikazzjoni u ma’ miżuri orizzontali. Għalkemm l-aspetti tal-bijodiversità mhux dejjem jiġu vvalutati fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, madwar nofs l-Istati Membri jirreferu għad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali fil-każ tal-miżuri li jindirizzaw il-bijodiversità. Għall-kuntrarju ta’ dan, ftit huma l-Istati Membri li jidhru li jagħrfu l-potenzjal tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali għall-valutazzjoni tal-attivitajiet rilevanti għall-kontaminanti.

Bl-ambitu wiesa’ tagħhom u bin-natura strateġika tagħhom, il-valutazzjonijiet li jippreskrivu d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika u d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali jistgħu jkunu rilevanti għad-deskritturi kollha tal-MSFD, għalkemm l-iskala u l-livell ta’ dettall tagħhom jistgħu jvarjaw. Pereżempju, il-proġetti li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent issirilhom valutazzjoni tal-impatt ambjentali qabel jiġu awtorizzati. Dawn il-valutazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għall-valutazzjoni tal-istatus fil-kuntest tal-MSFD. Dan jista’ jkun rilevanti bl-istess mod fil-każ tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, li tiffoka fuq pjanijiet u programmi fuq skala ikbar. Fil-każ ta’ dawn it-tliet Direttivi għad hemm lok biex jinkiseb feedback aħjar dwar il-pressjonijiet biex jinkiseb status ambjentali tajjeb, inklużi l-attivitajiet fuq l-art u fuq il-baħar.

3.6.Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart 60 , l-istrateġija tal-UE għall-plastiks 61 u d-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss 62  

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tipprovdi mekkaniżmi importanti għat-tneħħija tal-iskart u għat-titjib tal-kwalità tal-ilma f’konformità mar-rekwiżiti tal-MSFD. Ir-reviżjoni reċenti ta’ din id-Direttiva żiedet referenzi diretti għall-impatti fuq l-ambjent tal-baħar u, flimkien mal-MSFD, tistabbilixxi l-għan li ma jibqax jiġi ġġenerat skart fil-baħar u titlob lill-Istati Membri jieħdu passi prattiċi sabiex iwaqqfu r-rimi taż-żibel, inkluż l-iskart fil-baħar. Għalhekk, il-miri u l-miżuri li tistabbilixxi d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart huma direttament rilevanti sabiex jiġu indirizzati l-kontaminanti tal-baħar. Peress li l-Istati Membri għad iridu jittrasponu xi wħud mir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, għadu ma jistax jiġi konkluż dawn kemm se jkunu effettivi fil-prattika. Bħalissa, l-isfida ewlenija hija li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva u li jiġi evitat ir-rimi tal-iskart (li ta’ spiss ma jkunx ittrattat) fil-landfills, li jista’ jkun problema speċjalment fiż-żoni kostali.

L-għarfien iġġenerat mill-MSFD dwar l-iskart fil-baħar, il-mikroskart u l-impatt tiegħu fuq l-organiżmi selvaġġi, għalkemm limitat, appoġġa l-iżvilupp tal-istrateġija tal-UE għall-plastiks u b’hekk ikkontribwixxa għall-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari. Eżempju konkret tal-kontribut tal-MSFD għas-segwitu tal-istrateġija għall-plastiks huwa l-appoġġ li hija pprovdiet għad-Direttiva l-ġdida dwar il-plastik li jintuża darba biss u l-irkaptu tas-sajd. Permezz tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-iskart fil-bajjiet fil-kuntest tal-MSFD, il-Kummissjoni ġabret biżżejjed data biex tippreżenta valutazzjoni tal-impatt u proposta leġiżlattiva. L-MSFD se tgħin b’mod sostanzjali wkoll fil-valutazzjoni tal-effettività ta’ din id-Direttiva l-ġdida dwar il-plastik u fis-segwitu ta’ azzjonijiet oħrajn tal-istrateġija, pereżempju fil-kwantifikazzjoni u fl-immappjar tal-iskart u tal-mikroplastik. Dan l-appoġġ mistenni jkompli fil-pjan ta’ azzjoni l-ġdid dwar l-ekonomija ċirkolari 63 .

4.Sommarju tal-istatus tal-ambjent tal-baħar tal-UE

Il-valutazzjoni inizjali tal-ilma baħar tal-UE rrappurtata mill-Istati Membri għall-2012 sal-2015 fil-kuntest tal-MSFD ma pprovdietx bażi ta’ għarfien uniformi għall-Ewropa kollha. Dan ġara l-iktar minħabba inkonsistenza fl-indikaturi rrappurtati għal kull kriterju, minħabba eteroġeneità għolja tal-approċċi metodoloġiċi u minħabba nuqqasijiet fl-informazzjoni rrappurtata. Sabiex ittejjeb il-koerenza u l-konsistenza tar-rapporti tal-Istati Membri, fl-2017 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni riveduta sabiex jiġi ddeterminat status ambjentali tajjeb (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 15). Sa Ottubru tal-2018 kellu jintbagħat aġġornament tal-valutazzjoni inizjali. Madankollu, sa Ottubru tal-2019, 14-il Stat Membru biss kienu bagħtu r-rapporti tagħhom, u 10 minnhom kienu bagħtuhom fil-format elettroniku maqbul (id-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 60). Għalhekk, dan is-sommarju jiddependi fuq l-informazzjoni li ġabru l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (li ġiet ippreżentata fid-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 61), minbarra dak li rrappurtaw l-Istati Membri.

4.1.Ekosistemi tal-baħar mhedda

It-telf tal-bijodiversità ma twaqqafx fl-ibħra Ewropej matul l-ewwel ċiklu tal-MSFD 64 . Il-bijodiversità tal-ekosistemi tal-baħar għadha vulnerabbli fl-ibħra Ewropej u l-istat tajjeb tal-ħabitats u tal-ispeċijiet mhuwiex żgurat. Xi popolazzjonijiet u gruppi ta’ speċijiet tal-baħar għadhom mhedda, inklużi xi għasafar tal-baħar (pereżempju l-abbundanza ta’ aktar minn 25 % mill-ispeċijiet tal-għasafar tal-baħar ivvalutati fil-Grigal tal-Atlantiku naqset b’mod konsiderevoli), l-elażmobranki 65 (pereżempju madwar 40 % mill-ispeċijiet tal-Mediterran qed jonqsu u għal ħafna minnhom m’hemmx biżżejjed data) u ċerti ċetaċji 66 (pereżempju d-denfil l-iswed fil-Baħar Baltiku Ċentrali li għandu popolazzjoni ta’ ftit mijiet ta’ individwi). Fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, tal-inqas 87 % mill-ispeċijiet tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra sfruttati kummerċjalment huma mistada żżejjed 67 . B’mod ġenerali, l-istatus tal-popolazzjonijiet taċ-ċetaċji jew mhux magħruf jew inkella mhux tajjeb. Iċ-ċefalopodi u r-rettili huma ssorveljati ftit wisq (pereżempju, skont ir-rapporti li ntbagħtu fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 33 % mill-fkieren tal-baħar kienu fi stat ta’ konservazzjoni mhux favorevoli u għal 67 % minnhom l-istat ma kienx magħruf).

Min-naħa l-oħra, il-miżuri ta’ ġestjoni eżistenti u l-programmi reġjonali konġunti matul l-aħħar ftit deċennji rnexxielhom inaqqsu ċerti pressjonijiet u għenu biex jiżdied id-daqs tal-popolazzjoni ta’ ċerti speċijiet (pereżempju xi popolazzjonijiet tal-foki l-griżi madwar l-Ewropa u l-ħut sfruttat kummerċjalment fl-Atlantiku tal-Grigal). Bħalissa, 41 % mill-istokkijiet tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra vvalutati fl-Atlantiku tal-Grigal u fil-Baħar Baltiku jinsabu f’limiti bijoloġiċi sikuri, u dan il-persentaġġ jiżdied b’mod konsiderevoli meta jitqies wieħed biss miż-żewġ kriterji (il-mortalità mis-sajd jew il-kapaċità riproduttiva). Eżempji oħra ta’ stabbilizzazzjoni jew ta’ rkupru jinkludu l-ajkla tad-denb abjad fil-Baħar Baltiku u l-bumerini f’partijiet mill-Mediterran.

Il-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar jinsabu taħt pressjoni sinifikanti fl-ibħra Ewropej minħabba l-impatti kumulattivi tas-sajd demersali, tal-iżviluppi kostali u ta’ attivitajiet oħrajn. Ir-riżultati preliminari ta’ studju ppreżentat fid-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 61 jindikaw li madwar 43 % mill-erja tal-blat u tax-xaqliba tal-Ewropa u 79 % minn qiegħ il-baħar ta’ mal-kosta jitqiesu li ġarrbu disturb fiżiku, l-iktar minħabba t-tkarkir tal-qiegħ. X’aktarx li kwart miż-żona kostali tal-UE tilfet il-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar tagħha. L-attivitajiet ewlenin irrappurtati fil-kuntest tal-MSFD li jikkawżaw telf fiżiku tal-ħabitats tal-qiegħ 68 kienu t-teħid tal-art u d-difiża kontra l-għargħar, il-kostruzzjoni tal-portijiet, ir-rimi tal-iskart solidu, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-impatti minn prattiki mhux sostenibbli tal-akkwakultura. X’aktarx li l-istatus batut tal-ħabitats tal-qiegħ jinfluwenza l-ispeċijiet li jiddependu b’mod dirett jew indirett fuqhom, inkluża l-abbundanza tal-ispeċijiet sfruttati kummerċjalment.

Filwaqt li l-istat ġenerali tas-sistemi tal-ikel tal-baħar fl-ibħra Ewropej għadu ma jistax jiġi vvalutat bis-sħiħ, hemm ħafna eżempji ta’ raggruppamenti trofiċi 69 li juru xejriet ta’ deterjorament maż-żmien. Dan jikkonċerna b’mod speċjali t-tnaqqis fl-abbundanza ta’ diversi predaturi importanti bħall-għasafar, il-klieb il-baħar u l-mammiferi tal-baħar. Hemm eżempji ta’ komunitajiet tal-baħar li ma għandhomx l-abbundanza x-xierqa biex iżommu l-kapaċità produttiva sħiħa tagħhom, kif osservat għal ħafna stokkijiet kummerċjali tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Hemm ukoll sinjali ta’ tibdil fl-istruttura tad-daqs u fid-distribuzzjoni tal-komunitajiet (li jindikaw livell trofiku) bħal, pereżempju, il-fitoplankton fil-Baħar Baltiku u l-ispeċijiet taż-żooplankton (il-kopepodi) f’partijiet mill-Atlantiku tal-Grigal.

F’termini tad-disponibbiltà tad-data, għall-biċċa l-kbira mill-ispeċijiet ivvalutati, id-data meħtieġa għall-valutazzjoni tal-istat tagħhom mhijiex adegwata. Iridu jintużaw diversi sorsi ta’ informazzjoni li mhux dejjem jipprovdu stampa armonizzata tal-UE. Ħafna gruppi ta’ speċijiet mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-kampjuni, u għadna ma nistgħux nikkwantifikaw bis-sħiħ l-impatt ta’ attivitajiet differenti tal-bniedem fuq il-popolazzjonijiet tal-baħar jew fuq is-sistema tal-ikel kollha kemm hi. Hemm bżonn urġenti li jitjieb il-ġbir tad-data u, jekk ikun possibbli, li dan jiġi kkumplimentat b’approċċi ta’ mmudellar. Iridu jsiru valutazzjonijiet tal-istokkijiet tal-ħut aktar mifruxa u b’mod iktar regolari, b’mod partikulari fil-Mediterran, fil-Baħar l-Iswed u fil-Makaroneżja.

4.2.Il-pressjonijiet ewlenin li jaffettwaw l-ekosistemi tal-baħar

4.2.1.L-ispeċijiet mhux indiġeni

Hemm iktar minn 1,200 speċi tal-baħar mhux indiġena fl-ibħra Ewropej u l-għadd kumulattiv tagħhom għadu qed jiżdied, għalkemm jidher li r-rata ta’ introduzzjoni tagħhom naqset tul dawn l-aħħar għaxar snin. Dawn l-ispeċijiet qed ikunu l-iktar fil-Mediterran. Madwar 7 % mill-ispeċijiet mhux indiġeni tal-baħar huma potenzjalment invażivi; u l-impatt tagħhom fuq il-komunitajiet indiġeni, fuq l-ekosistemi u fuq is-servizzi tagħhom jeħtieġ li jiġi studjat aktar. Il-mogħdijiet ewlenin għall-introduzzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet fl-ibħra Ewropej jidhru li huma t-trasport marittimu (49 %) u l-kurituri tal-baħar u dawk interni bħall-kanal ta’ Suez (33 %). Hemm bżonn ta’ miżuri biex jiġu indirizzati aħjar dawn il-mogħdijiet ewlenin u biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-introduzzjonijiet il-ġodda filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali. Diffiċli jiġi vvalutat il-proporzjon ta’ ħabitats u ta’ speċijiet tal-baħar indiġeni li ġew affettwati ħażin minn speċijiet mhux indiġeni. Madankollu, jekk tiżdied ir-reżiljenza tal-ekosistemi tal-baħar jistgħu jiġu evitati l-impatti ewlenin billi jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu biex l-ispeċijiet mhux indiġeni jsiru invażivi (pereżempju t-tnaqqis tal-ispeċijiet nattivi u l-ħolqien ta’ “niċeċ vojta” fis-sistema tal-ikel, jew l-impatti tat-tibdil fil-klima).

4.2.2.Is-sajd

Sa mill-bidu tas-snin 2000, ġestjoni aħjar tal-istokkijiet tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra kkontribwiet għal tnaqqis fil-pressjoni tas-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal u fil-Baħar Baltiku, u hemm sinjali ta’ rkupru fil-kapaċità riproduttiva ta’ diversi stokkijiet tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra. Bħalissa, 41 % mill-istokkijiet tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra vvalutati f’dawk iż-żewġ reġjuni jinsabu f’limiti bijoloġiċi sikuri 70 , li jfisser li l-għadd ta’ stokkijiet f’limiti bijoloġiċi sikuri kważi rdoppja, minn 15 fl-2003 għal 29 fl-2017. Bħala medja, il-mortalità mis-sajd f’dawn ir-reġjuni tinsab qrib il-livelli li jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, iżda jeħtieġ isir iktar titjib biex l-istokkijiet kollha jilħqu l-livelli ta’ mortalità mis-sajd li jippermettu r-rendiment massimu sostenibbli, f’konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd.

Għall-kuntrarju ta’ dan, fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, is-sitwazzjoni għadha kritika, u 87 % mill-istokkijiet ivvalutati kienu mistada żżejjed u għad hemm nuqqas sinifikanti ta’ għarfien dwar il-pressjoni tas-sajd u l-kapaċità riproduttiva. Sar xi progress, b’mod partikulari bl-adozzjoni tal-ewwel pjan pluriennali għall-Punent tal-Mediterran fl-istorja, li jista’ jwassal għal tnaqqis fl-isforzi ta’ ammont sa 40 %.

Hija meħtieġa aktar azzjoni urġenti, u s-suċċess se jkun jiddependi fuq id-disponibbiltà u l-kwalità tal-informazzjoni dwar il-baħar, fuq l-impenn li jiġu implimentati l-pariri xjentifiċi u fuq adozzjoni adegwata tal-miżuri ta’ ġestjoni. Ħafna stokkijiet għadhom mistada żżejjed u/jew għadhom jinsabu ’l barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri. Huwa ċar li se jkun hemm bżonn jiżdiedu l-isforzi min-naħa tal-atturi kollha biex jiġi żgurat li l-istokkijiet jiġu ġestiti b’mod sostenibbli.

L-illustrazzjoni numru 3: Ix-xejra tal-pressjoni medjana tas-sajd fuq is-47 stokk li ġew ivvalutati fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Il-linja miksura tirrappreżenta l-limitu tas-sostenibbiltà jew ir-rendiment massimu sostenibbli. Il-mortalità mis-sajd fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed baqgħet għolja ħafna u prattikament ma nbidlitx mill-2003 ’l hawn, u dan jindika li l-biċċa l-kbira mill-istokkijiet huma mistada żżejjed b’mod serju 71 . 

Jista’ jkun hemm bżonn titqies ukoll azzjoni addizzjonali biex jintlaħaq l-objettiv li jiġu protetti u ppreservati aħjar il-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar u li jitnaqqas il-qbid inċidentali mill-attivitajiet tas-sajd. Pereżempju, l-qbid inċidentali jitqies li huwa l-pressjoni ewlenija għall-ispeċijiet mhedda kollha ta’ klieb il-baħar, ta’ raj u ta’ rebekkini fl-ibħra Ewropej, fejn 32 sa 53 % mill-ispeċijiet kollha huma mhedda 72 .

4.2.3.L-ewtrofikazzjoni kkawżata mill-bniedem

46 % mill-ilmijiet kostali Ewropej mhumiex fi stat ekoloġiku tajjeb 73 . Madankollu, il-firxa taż-żoni affettwati qed tonqos f’ċerti pajjiżi. Il-Baħar Baltiku huwa r-reġjun tal-baħar bl-ogħla proporzjon ta’ ilmijiet kostali fejn il-kundizzjonijiet tan-nutrijenti huma problema (58 %), filwaqt li l-Baħar l-Iswed huwa r-reġjun bl-ogħla proporzjon ta’ ilmijiet kostali fejn il-kundizzjonijiet tal-fitoplankton huma problema (85 %). L-ewtrofikazzjoni sseħħ ukoll fin-Nofsinhar tal-Baħar tat-Tramuntana, tul il-kosta tal-Majjistral ta’ Franza u qrib il-flussi tal-ħruġ tax-xmajjar fil-Mediterran.

Fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar l-Iswed ġew osservati żoni mifruxa sew li huma neqsin mill-ossiġnu minħabba l-ewtrofikazzjoni, il-kundizzjonijiet naturali u l-impatti tat-tibdil fil-klima. Dan għandu impatti sinifikanti fuq il-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar u fuq is-sistemi tal-ikel. Id-dħul tan-nutrijenti minn sorsi minn punti partikolari fl-UE naqas b’mod sinifikanti, għalkemm id-dħul minn sorsi diffużi, jiġifieri t-telf mill-attivitajiet agrikoli, għadu għoli wisq. Barra minn hekk, jgħaddi ħafna żmien bejn it-tnaqqis reali fid-dħul tan-nutrijenti u t-tnaqqis fl-effetti tal-ewtrofikazzjoni.

Għalkemm il-proċess tal-ewtrofikazzjoni huwa studjat relattivament tajjeb, l-armonizzazzjoni tal-metodi ta’ monitoraġġ (fost il-pajjiżi, bejn iż-żoni kostali u dawk tal-ibħra miftuħa, u bejn l-approċċi tal-MSFD u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma) għadha problema f’ħafna reġjuni.

4.2.4.It-tibdil permanenti tal-kundizzjonijiet idrografiċi

Madwar 28 % mill-kosta tal-Ewropa hija affettwata minn tibdil idrografiku permanenti, inkluż mill-moviment tal-ilma baħar, mis-salinità u mit-tibdil fit-temperatura tal-baħar, minħabba attivitajiet tal-bniedem bħat-tħammil, l-iżvilupp infrastrutturali, l-estrazzjoni tar-ramel u d-desalinizzazzjoni. Madankollu, l-informazzjoni tal-MSFD dwar ix-xejriet u l-istatus ambjentali b’rabta mal-kundizzjonijiet idrografiċi hija skarsa u fframmentata wisq biex tkun tista’ ssir valutazzjoni xierqa fuq skala kbira. Il-kriterji u l-metodi użati mhumiex armonizzati. It-tibdil dirett u indirett fil-varjabbli idrografiċi kkawżat mill-azzjonijiet tal-bniedem, kif ukoll l-impatti tiegħu fuq il-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar u tal-kolonna tal-ilma, mhux dejjem jinftehmu sew jew jiġu rrappurtati fil-kuntest tal-MSFD. Minħabba li parti kbira mill-attivitajiet tal-bniedem li huma responsabbli b’mod dirett għall-pressjonijiet idrografiċi sseħħ fl-ilmijiet kostali, din il-kwistjoni hija marbuta mill-qrib mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

4.2.5.Il-kontaminanti

L-ambizzjoni ta’ tniġġis żero, b’mod partikulari billi jiġi evitat li jiġu rrilaxxati s-sustanzi perikolużi fis-sors, hija prijorità tal-UE. L-implimentazzjoni ta’ miżuri fil-kuntest tad-diversi strumenti legali tal-UE u globali sabiex jiġi miġġieled it-tniġġis kimiku wasslet għal tnaqqis fil-konċentrazzjonijiet u fl-impatti ta’ ċerti sustanzi perikolużi fl-ambjent tal-baħar, bħall-poliklorobifenili (PCBs), ċerti pestiċidi organoklorurati u l-komposti antifouling ibbażati fuq il-landa, kif ukoll għal tnaqqis fl-okkorrenzi tat-tixrid taż-żejt 74 . Madankollu, dawn is-sustanzi huma persistenti ħafna u għalhekk għadhom jinsabu fl-ambjent tal-baħar.

B’mod ġenerali, il-Baħar Baltiku għandu konċentrazzjoni relattivament għolja ta’ merkurju, ta’ ritardanti tal-fjammi bromurati u tal-isotopu radjuattiv Cs-137. Fl-Atlantiku tal-Grigal, għad hemm tħassib f’ċerti żoni dwar il-livelli ta’ xi metalli tqal (bħall-merkurju, il-kadmju u ċ-ċomb), tal-konġeneri tal-PCB u tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi. Fil-Mediterran, hemm xi punti fokali kostali b’kontaminazzjoni biċ-ċomb fil-bijota u bil-merkurju fis-sedimenti. Fil-Baħar l-Iswed jidher li hemm problemi ta’ tniġġis minn sustanzi niġġiesa organiċi bħall-pestiċidi, il-PCBs u l-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi, u minn xi metalli tqal. Ta’ min jinnota li l-valutazzjonijiet attwali jiffukaw fuq għadd limitat ta’ kontaminanti u li ħafna sustanzi li huma perikolużi għall-ambjent ma jiġux immonitorjati u vvalutati b’mod regolari.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kontaminanti fl-ikel tal-baħar, il-konċentrazzjonijiet tal-metalli tqal, tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi, tal-PCBs u tad-diossini jridu jkunu taħt il-livelli massimi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ikel 75 . Madankollu, ċerti ħut u prodotti tas-sajd mir-reġjun tal-Baħar Baltiku regolarment jaqbżu l-limiti massimi tad-diossini u tal-PCBs simili għad-diossini, u dan wassal biex ġie pprojbit il-bejgħ tas-salamun f’din iż-żona. Fil-każ tal-ilmijiet kollha tal-UE, ftit li xejn hemm informazzjoni disponibbli dwar il-kontaminanti jew is-sustanzi mhux irregolati li jistgħu jakkumulaw fil-ħut u fil-frott tal-baħar maħsubin għall-konsum mill-bniedem. Madankollu, data reċenti turi akkumulazzjoni ta’ residwi kimiċi tal-plastik 76 f’ħafna mill-ispeċijiet tal-baħar, fosthom fil-prodotti tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra.

Hemm lok għal titjib fil-monitoraġġ tat-tniġġis tal-baħar permezz ta’ (i) estrazzjoni iktar effettiva tad-data u netwerks konġunti ta’ monitoraġġ (b’mod speċjali fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed), u (ii) approċċi metodoloġiċi armonizzati fuq skala reġjonali.

4.2.6.L-iskart fil-baħar

L-iskart fil-baħar, li huwa marbut direttament mal-okkorrenza tal-iskart fl-ambjent terrestri u tax-xmajjar, ingħata attenzjoni sostanzjali u, abbażi tal-valutazzjonijiet li saru permezz tal-MSFD u tal-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra, wassal għal tħejjija rapida ta’ azzjonijiet leġiżlattivi fil-livell tal-UE kontra l-plastik li jintuża darba biss u l-iskart relatat mas-sajd, kif ukoll għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja tal-iskart mill-bastimenti 77 . Il-preżenza tal-iskart ġiet ikkonfermata fil-kompartimenti kollha tal-ambjent tal-baħar (ix-xatt, il-kolonna tal-ilma u qiegħ il-baħar). L-oġġetti tal-plastik huma l-iktar komponent abbundanti tal-iskart fil-baħar. Pereżempju, il-plastik li jintuża darba biss jirrappreżenta 50 % mill-oġġetti kollha tal-iskart fil-bajjiet Ewropej skont l-għadd tagħhom, u l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik jirrappreżenta 27 % oħra minnhom. Barra minn hekk, l-inġestjoni tal-plastik mill-ispeċijiet tal-baħar hija mifruxa sew fl-ibħra Ewropej. Pereżempju, 93 % mill-għasafar tat-tip “fulmar” ivvalutati fl-Atlantiku tal-Grigal kienu belgħu il-plastik, u 85 % mill-fkieren li ġew ivvalutati fil-Mediterran kienu belgħu l-iskart.

Għalkemm m’hemm l-ebda monitoraġġ reġjonali regolari, l-istudji xjentifiċi kollha jindikaw li hemm ammonti konsiderevoli ta’ mikroskart fl-ilma baħar. Skont il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid dwar l-ekonomija ċirkolari, huma ppjanati azzjonijiet speċifiċi fil-livell tal-UE sabiex jitnaqqsu l-mikroplastik li jiżdied intenzjonalment fil-prodotti, il-mikroskart li jiġi mid-degradazzjoni tal-makroskart, u r-rilaxxi tal-mikroplastik mill-prodotti (bħat-tajers u t-tessuti) matul l-użu tagħhom u mill-pelits tal-plastik ta’ qabel il-produzzjoni.

L-Istati Membri qed jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali kontra l-iskart fil-baħar u għadd kbir ta’ azzjonijiet nazzjonali. Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-kwantità tal-iskart u l-fehim tal-mogħdijiet ta’ introduzzjoni għadhom qed jiġu żviluppati, u hemm nuqqas ta’ miżuri ffukati li jindirizzaw is-sorsi ewlenin. Fl-Ewropa, hemm nuqqasijiet kbar fid-data dwar l-iskart f’qiegħ il-baħar, fis-saff tal-wiċċ u fil-kolonna tal-ilma, dwar il-mikroskart u dwar l-effetti fuq l-ispeċijiet tal-baħar (speċjalment it-tħabbil). L-MSFD qed tindirizza l-ħtieġa urġenti li jiġu kkoordinati l-metodoloġiji ta’ monitoraġġ fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE.

4.2.7.L-istorbju ta’ taħt il-baħar

L-isforzi fil-livell tal-UE ffukaw fuq l-identifikazzjoni tad-distribuzzjoni spazjali u tas-sorsi tal-istorbju ta’ taħt il-baħar bħala l-ewwel pass sabiex jiġi inferit l-esponiment potenzjali tal-ekosistemi tal-baħar għal din il-pressjoni. Għalkemm jeżistu xi mapep tal-istorbju ta’ taħt il-baħar, ftit li xejn hemm valutazzjonijiet tal-istatus 78 . L-attivitajiet tar-riċerka juru li l-esponiment għall-istorbju ta’ taħt il-baħar jista’ jwassal għal diversi tipi ta’ effetti negattivi fuq l-annimali tal-baħar, li jvarjaw minn tibdil fl-imġiba sal-mewt tagħhom.

It-traffiku marittimu jitqies bħala s-sors ewlieni tal-istorbju kontinwu ta’ taħt il-baħar. L-intensità tat-trasport marittimu hija l-ogħla tul il-kurituri prinċipali tat-trasport marittimu u qrib il-portijiet. Il-Mediterran għandu l-ikbar żona ta’ traffiku għoli ħafna (27 % miż-żona tal-baħar), segwit mill-Baħar Baltiku (19 % miż-żona tal-baħar). L-istorbju impulsiv ta’ taħt il-baħar, li s-soltu jiġi minn attivitajiet bħar-riċerka tal-baħar, il-pjattaformi tal-enerġija lil hinn mill-kosta jew l-attivitajiet tal-bini, huwa ristrett mil-lat tal-ispazju (u x’aktarx iseħħ fi 8 % miż-żona tal-baħar tal-UE), iżda xorta waħda probabbilment għadu jeżisti f’żoni kbar tal-Baħar Baltiku, tal-Mediterran Ċentrali u tal-Baħar Levantin, tal-Baħar tat-Tramuntana, tal-Ibħra Ċeltiċi, tal-Baħar Baleariku u tal-Baħar Adrijatiku. Ġew stabbiliti żewġ reġistri tas-sorsi tal-istorbju impulsiv ta’ taħt il-baħar għall-pajjiżi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-UE rispettivament. Madankollu, għad hemm nuqqasijiet kbar fil-monitoraġġ u fl-għarfien.

Minħabba li ħafna mill-attivitajiet tal-bniedem li jikkawżaw l-istorbju kontinwu u impulsiv ta’ taħt il-baħar mistennija jiżdiedu fil-ġejjieni, x’aktarx li l-pressjoni mill-istorbju ta’ taħt il-baħar se tiżdied ukoll. Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt, iridu jitqiesu l-limitazzjoni jew l-ibbilanċjar tal-emissjonijiet tal-istorbju ta’ taħt il-baħar fi stadju bikri meta tkun qed tiġi ppjanata t-tnedija tat-teknoloġija jew tal-attività industrijali rilevanti (pereżempju l-kurituri tat-trasport marittimu u l-parks eoliċi). Xi esperti jirrakkomandaw l-iżvilupp ta’ kalendarji spazjali u temporali.

Iridu jitqiesu wkoll forom oħrajn tal-enerġija, bħad-dawl jew is-sħana. Tabilħaqq, xi Stati Membri indirizzaw dan fl-istrateġiji tagħhom, iżda jeħtieġ li jsir iktar xogħol biex ikun hemm approċċ iktar strateġiku għal pressjonijiet bħal dawn.

5.L-isfidi u s-suġġerimenti ewlenin għat-titjib tal-implimentazzjoni tal-MSFD 79

5.1.Determinazzjonijiet iktar koerenti u ambizzjużi ta’ “status ambjentali tajjeb”

L-istatus ambjentali tajjeb jirrappreżenta l-għan ġenerali tal-MSFD. Skont id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jiddefinixxuh fil-livell tar-reġjun jew tas-sottoreġjun, u d-Deċiżjoni tal-2017 tipprovdi speċifikazzjonijiet għal dan għal kull kriterju. 8 % biss mill-ewwel definizzjonijiet tal-istatus ambjentali tajjeb li bagħtu l-Istati Membri ġew evalwati bħala adegwati (id-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 61). Hemm it-tendenza li d-definizzjonijiet ikunu kwalitattivi u li dawn ma jistabbilixxux għanijiet ċari u, b’hekk, ħafna minnhom ma kellhomx biżżejjed dettalji kwantitattivi biex ikun jista’ jitkejjel b’mod ċar il-progress. B’mod ġenerali, kien hemm ukoll nuqqas ta’ koerenza fl-istess reġjun jew sottoreġjun tal-baħar. Id-determinazzjonijiet ta’ status ambjentali tajjeb għandhom ikunu jistgħu jitkejlu iżjed u jkunu iżjed koerenti fil-livell reġjonali u iżjed ambizzjużi 80 .

Jekk tiġi implimentata bis-sħiħ, id-Deċiżjoni riveduta dwar l-istatus ambjentali tajjeb tkun pass kuraġġuż u importanti sabiex l-istatus ambjentali tajjeb jiġi ddeterminat bl-użu ta’ approċċ komuni (pereżempju billi jiġu stabbiliti listi tal-ispeċijiet, skali ta’ valutazzjoni u valuri ta’ limitu). Xi Stati Membri wrew sforzi dejjem akbar u livell ogħla ta’ ambizzjoni. Madankollu, il-proġetti ffinanzjati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-MSFD u ċerti diskussjonijiet li saru fil-kuntest tal-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra juru li, bi ftit eċċezzjonijiet, għad m’hemmx fehim reġjonali komuni dwar x’jikkostitwixxi status ambjentali tajjeb 81 . Għalkemm il-Kummissjoni għadha ma temmitx il-valutazzjoni formali tagħha tal-informazzjoni rrappurtata dan l-aħħar, l-analiżi inizjali tindika li għad hemm varjazzjoni konsiderevoli fid-determinazzjonijiet tal-istatus ambjentali tajjeb irrappurtati fl-2018; madankollu, f’xi konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra sar progress tajjeb fid-definizzjoni ta’ indikaturi komuni b’xi valuri ta’ limitu maqbula fuq livell reġjonali. Filwaqt li l-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni tfittex il-konsistenza fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom il-flessibbiltà jiddefinixxu l-objettivi fit-tul u l-miri fuq perjodu qasir taż-żmien li jkunu adattati għall-kuntest u għar-reġjun tagħhom. Skont id-Deċiżjoni tal-2017, l-Istati Membri jridu jiddefinixxu ċerti valuri ta’ limitu fil-livell tal-Unjoni u mhux permezz tal-istrutturi reġjonali. Il-ħidma fuq dawn kienet bdiet matul l-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni. Iżda anki hawnhekk, it-tentattivi li saru s’issa biex jiġu ddefiniti l-valuri ta’ limitu wrew li hemm ambigwità fil-kunċett: filwaqt li l-istatus ambjentali tajjeb irid ikun ambizzjuż minħabba li jrid jirrifletti definizzjoni komuni ta’ dak li rridu niksbu għall-ibħra tagħna, l-iffissar ta’ data ta’ skadenza (l-2020 fid-Direttiva attwali) iżomm lill-Istati Membri milli jaċċettaw definizzjoni ambizzjuża tal-istatus ambjentali tajjeb.

5.2.L-iżgurar tal-effettività tal-miżuri

L-Istati Membri għamlu sforzi sinifikanti biex jiżviluppaw l-ewwel programmi tagħhom ta’ miżuri tal-MSFD billi integraw politiki nazzjonali, tal-UE u internazzjonali differenti u koprew id-diskrepanzi eżistenti b’miżuri kosteffettivi ġodda. B’kollox huma rrappurtaw 4 653 miżura. B’mod ġenerali, 79 % mill-miżuri rrappurtati kienu miżuri tekniċi jew regolatorji diretti (li x’aktarx ikollhom effetti aktar immedjati fuq il-pressjonijiet), filwaqt li l-bqija kienu azzjonijiet ta’ appoġġ aktar indiretti. Madankollu, il-miżuri adottati ma jkoprux b’mod adegwat il-pressjonijiet kollha fuq l-ambjent tal-baħar, peress li 53 % biss mill-programmi vvalutati (għal kull deskrittur u għal kull Stat Membru) jidhru adattati biex jindirizzaw il-pressjonijiet eżistenti (it-Tabella 12 u l-Illustrazzjoni 8 fid-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 61).

L-Istati Membri sabuha diffiċli wkoll jivvalutaw x’effett il-miżuri differenti li daħħlu fis-seħħ se jkollhom fuq l-ambjent tal-baħar. Parzjalment, dan hu minħabba li diffiċli wieħed ibassar iż-żmien u l-implikazzjonijiet prattiċi sħaħ ta’ kull miżura, aħseb u ara l-benefiċċji kumulattivi ta’ sett sħiħ minnhom. Madankollu, meta jkun hemm kawża u effett ċari bejn il-pressjonijiet u l-miżuri, jistgħu jiġu identifikati effetti speċifiċi tal-politiki rilevanti tal-UE (pereżempju tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, tad-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar u tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali), li ġew ikkwotati wkoll bħala miżuri fil-kuntest tal-MSFD.

Skont ir-rappurtar dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri marbutin mal-MSFD li għaddej bħalissa, li s’issa ġie ppreżentat minn 17-il Stat Membru 82 , 16 % mill-miżuri l-ġodda tlestew, filwaqt li 56 % minnhom qegħdin fit-triq it-tajba. Id-dewmien jidher li huwa dovut l-iktar għal kwistjonijiet ta’ finanzjament, għal kwistjonijiet tekniċi jew għal kwistjonijiet amministrattivi fil-livell nazzjonali.

Xi kwistjonijiet miftuħa għat-tieni ċiklu ta’ implimentazzjoni huma: (i) l-iffukar fuq l-għoti ta’ risposti adegwati għall-pressjonijiet ewlenin fuq kull (sotto)reġjun li ma jħallux lill-Istati Membri jilħqu status ambjentali tajjeb, (ii) il-qbil fuq il-livell ta’ dettall jew ta’ aggregazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu rrappurtati u l-iffukar fuq l-effetti li dawn mistennija jkollhom biex inaqqsu l-pressjonijiet u l-impatti tagħhom, (iii) l-evalwazzjoni aħjar tal-effiċjenza u tal-effettività tal-miżuri biex jintlaħqu l-miri ambjentali u l-istatus ambjentali tajjeb 83 , b’mod partikulari permezz tal-immudellar integrat jew tal-irbit mal-programmi ta’ monitoraġġ, u (iv) it-titjib tal-konsistenza fost il-miżuri tal-UE, il-miżuri reġjonali u l-miżuri nazzjonali u bejniethom, meta jkun possibbli permezz ta’ ħidma konġunta bejn l-Istati Membri biex jinkisbu aktar riżultati b’inqas sforzi.

Il-pressjonijiet ewlenin proposti mill-Istati Membri fl-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni mil-lat (sotto)reġjonali:

·il-Baħar Baltiku: l-ewtrofikazzjoni, il-ħsara f’qiegħ il-baħar u l-qbid inċidentali;

·il-Baħar tat-Tramuntana: l-iskart, is-sajd (inkluża l-ħsara f’qiegħ il-baħar), l-ewtrofikazzjoni u l-impatti kumulattivi fuq l-ispeċijiet li huma mobbli ħafna;

9il-Golf tal-Biskalja u l-Kosta Iberika, il-Makaroneżja u l-Ibħra Ċeltiċi: l-iskart, l-ispeċijiet mhux indiġeni u s-sajd (fil-livell lokali);

·il-Mediterran: is-sajd eċċessiv, l-ispeċijiet mhux indiġeni, l-iskart u l-impatti kumulattivi fuq l-ispeċijiet li huma mobbli ħafna;

9pressjonijiet oħrajn rilevanti fil-livell lokali, bħall-ewtrofikazzjoni fil-Baħar Adrijatiku u l-istorbju impulsiv fil-Punent tal-Mediterran;

·il-Baħar l-Iswed: il-kontaminanti, l-istorbju ta’ taħt il-baħar, il-ħsara f’qiegħ il-baħar u s-sajd eċċessiv;

·it-tibdil fil-klima huwa ta’ tħassib għar-reġjuni kollha.

5.2.1.Ir-rilevanza tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispazji

Minn madwar 4,700 miżura li l-Istati Membri rrappurtaw fil-kuntest tal-MSFD, 246 kienu miżuri ta’ protezzjoni tal-ispazji. Dawn irduppjaw l-ispazju indikat bħala żona tal-baħar protetta fl-Ewropa mill-2012 ’l hawn u jkopru iktar minn 10 % mill-ilmijiet tagħha u jissodisfaw l-impenji globali. Minkejja dan, dawn il-miżuri mhumiex imqassmin b’mod uniformi bejn ir-reġjuni u bejn iż-żoni tal-fond (ara d-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 61). L-MSFD tappella għal netwerk koerenti u rappreżentattiv ta’ żoni protetti sabiex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u sabiex tiżdied ir-reżiljenza tal-ambjent tal-baħar, b’mod partikulari fil-konfront tat-tibdil fil-klima. Żoni tal-baħar protetti effettivi (jiġifieri siti protetti u ġestiti b’mod effettiv) jistgħu fil-fatt jevitaw it-telf u d-degradazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats, jiġġeneraw effett konsegwenzjali li jżid il-bijomassa tal-ispeċijiet sfruttati b’mod kummerċjali, jissekwestraw il-karbonju organiku u inorganiku u b’hekk jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, iżidu l-protezzjoni kostali bħala għodda importanti ta’ adattament, iżidu r-reżiljenza tal-ekosistemi għal speċijiet invażivi u għat-tisħin globali, jaqbdu jew jiddilwixxu s-sustanzi niġġiesa bħan-nutrijenti żejda, jagħtu spinta lill-attivitajiet turistiċi u rikreazzjonali sostenibbli, u joffru lok imprezzabbli għar-riċerka u għall-innovazzjoni teknika.

Madankollu, ħafna miż-żoni tal-baħar protetti Ewropej għadhom mhumiex ġestiti kif suppost u ma jistgħux jiġu vvalutati f’termini tal-koerenza u tal-effettività minħabba li m’hemmx l-istrumenti u l-flussi tad-data x-xierqa għal dan. Fil-kuntest tal-UE 84 , l-isfidi ewlenin biex in-netwerks taż-żoni tal-baħar protetti jinbidlu f’għodod effettivi ta’ konservazzjoni huma dawn li ġejjin: (i) il-ħolqien ta’ netwerks ta’ siti protetti li huma sinifikanti mil-lat ekoloġiku fuq skala (sotto)reġjonali, li f’xi reġjuni jinvolvi t-twessigħ tal-kopertura u t-tkabbir tad-daqs minimu tas-siti protetti; (ii) iż-żieda fil-proporzjon taż-żoni protetti b’mod strett jew li fihom ma jista’ jinqabad l-ebda ħut, u t-tisħiħ tal-attivitajiet tal-infurzar u ta’ kontroll biex iż-żoni protetti ma jkunux jeżistu fit-teorija biss; (iii) l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet effettivi ta’ ġestjoni b’miżuri mfasslin apposta u b’riżorsi adegwati f’kull żona protetta. L-istrateġija l-ġdida għall-bijodiversità sal-2030 85 , li fiha proposti biex jitħarsu l-ekosistemi tal-baħar u biex dawn jerġgħu jqumu fuq saqajhom, tirrappreżenta pass kbir ’il quddiem f’dan ir-rigward.

5.3.Is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni

5.3.1.Kumplessità

L-ambizzjoni wiesgħa u l-viżjoni olistika tal-MSFD ovvjament ifissru li hemm bżonn ta’ għarfien, valutazzjoni u rappurtar estensivi, u kemm l-Istati Membri kif ukoll is-servizzi tal-Kummissjoni ntrabtu li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet. L-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni kien partikolarment impenjattiv għall-atturi kollha involuti fl-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni, peress li kull stadju kien qed jiġi diskuss, iddefinit, irrappurtat u evalwat għall-ewwel darba. Ħafna mill-membri tal-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni jindikaw li l-isfidi ewlenin huma l-implimentazzjoni x-xierqa tad-Direttiva, in-nuqqas ta’ riżorsi (l-iktar ta’ riżorsi umani u ta’ żmien), l-irkupru bil-mod tal-ekosistemi tal-baħar u n-nuqqas ta’ rieda politika. Id-dewmien ripetut fir-rappurtar min-naħa tal-Istati Membri u l-każijiet ta’ ksur b’rabta ma’ dan 86 fil-kuntest tad-Direttiva juru kemm l-Istati Membri sabuha diffiċli jissodisfaw ir-rekwiżiti. Għalkemm dan il-proċess mistenni jitjieb fiċ-ċikli li jmiss, peress li issa r-rappurtar għandu jkun inqas impenjattiv u iktar ċar, għad hemm xi kwistjonijiet speċifiċi li jistgħu jiġu indirizzati biex jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ implimentazzjoni.

L-ewwel ċiklu wera li r-riżorsi ddedikati għall-implimentazzjoni tal-MSFD ma jidhrux li jaqblu mal-ħtiġijiet biex id-Direttiva tiġi implimentata b’mod adegwat, anke jekk parti kbira mill-implimentazzjoni jappoġġawha politiki oħrajn. Dawk ir-riżorsi jistgħu jiżdiedu, pereżempju, billi ċerti setturi tal-industrija jiġu involuti fil-monitoraġġ tal-impatti tagħhom, billi l-proċess tal-ippjanar tal-ispazju marittimu jiġi kkollegat magħhom sabiex ikun żgurat bilanċ tajjeb bejn l-ekonomija l-blu u s-sostenibbiltà, billi s-sistemi ta’ osservazzjoni kkoordinati mill-programmi tar-riċerka (bħall-programm Orizzont 2020) u l-prodotti żviluppati fil-livell tal-UE (bħall-programm Copernicus) jintużaw aħjar u billi l-Istati Membru jitħeġġu jisfruttaw għalkollox il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 87  biex jiffinanzjaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji marini nazzjonali.

L-MSFD hija, bla dubju ta’ xejn, qafas kumpless li dalwaqt se jiġi rivedut (minn din is-sena) fil-kuntest ta’ evalwazzjoni leġiżlattiva. Fl-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni, l-atturi kollha involuti kellhom jifhmu r-rabtiet bejn l-elementi differenti tal-istrateġiji. Dan ma kienx dejjem ċar. Pereżempju, l-Istati Membri ta’ spiss naqsu milli jiddistingwu bejn il-miri u d-determinazzjonijiet tal-istatus ambjentali tajjeb. Huma ma rabtux il-miri tagħhom mal-miżuri tagħhom biex ikollhom rekord li jista’ jitkejjel tal-progress li qed jagħmlu fl-ilħiq tal-istatus ambjentali tajjeb. Bl-istess mod, il-programmi ta’ monitoraġġ mhux dejjem intrabtu mal-miri, u minħabba li ġew stabbiliti qabel il-miżuri, ma kinux marbutin b’mod ottimu magħhom lanqas. Il-progress fl-iffissar ta’ valuri ta’ limitu biex jiġi ddeterminat status ambjentali tajjeb s’issa seħħ bil-mod, u jidher li hemm nuqqas ta’ rieda li jiġu stabbiliti livelli ambizzjużi, peress li dan se jżomm lill-Istati Membri milli jilħqu status ambjentali tajjeb sal-iskadenza stabbilita fid-Direttiva. Il-Kummissjoni ttrattat dawn il-kwistjonijiet trażversali fid-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 62.

5.3.2.Skedi taż-żmien

Id-Direttiva toħloq inċertezza b’rabta mal-iskadenzi tar-rappurtar, billi tagħti skadenzi fissi biex jitressqu l-partijiet differenti tal-istrateġiji marini nazzjonali 88 , iżda tagħti skadenzi varjabbli għall-konsultazzjoni, għall-pubblikazzjoni u għall-valutazzjoni tal-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni 89 . Din l-inċertezza ngħelbet billi ntlaħaq ftehim mal-Istati Membri fl-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni biex jintużaw skadenzi fissi. Barra minn hekk, id-data ta’ skadenza tal-2020 għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb prevista fl-Artikolu 1 mhix allinjata b’mod speċifiku maċ-ċikli tar-rappurtar, peress li l-valutazzjoni tal-progress lejn il-kisba ta’ dan il-għan, ibbażata fuq data ta’ monitoraġġ sal-2020 u minn dik is-sena, se tiġi rrappurtata biss fl-2024. Bl-istess mod, id-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni stabbilita mid-Direttiva ma offrietx opportunitajiet realistiċi biex titqies għalkollox l-informazzjoni rrappurtata fl-2018 dwar il-valutazzjoni tal-ambjent tal-baħar, dwar id-definizzjonijiet ta’ status ambjentali tajjeb u dwar il-miri ambjentali, jew dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ miżuri. Jeħtieġ jitqies ukoll il-fatt li jaf ikun hemm xi dewmien, minħabba li l-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri ma tistax twassal dejjem għall-irkupru immedjat tal-ambjent tal-baħar.

Għalkemm l-UE diġà ssinkronizzat iċ-ċiklu ta’ sitt snin għall-ġestjoni u għar-rappurtar fil-kuntest tal-politika dwar l-ilma u dwar il-baħar, sinkronizzazzjoni oħra maċ-ċiklu għar-rappurtar dwar in-natura, li jkun ifisser b’mod essenzjali dewmien ta’ sena, jaf tkun ta’ benefiċċju għall-valutazzjonijiet u tagħmilhom iktar effiċjenti.

5.3.3.Rappurtar

L-eżerċizzji tar-rappurtar huma impenjattivi ħafna, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-Direttiva u l-frekwenza tar-rappurtar (tliet rapporti ewlenin fiċ-ċiklu ta’ sitt snin). L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni jinsabu taħt pressjoni minħabba l-impenji suċċessivi biex jirrappurtaw u jevalwaw rispettivament, mingħajr ma għandhom biżżejjed żmien jew riżorsi biex jirriflettu b’mod adegwat fuq kull stadju u fuq id-diskussjonijiet strateġiċi qabel ma jkollhom jibdew l-istadju li jmiss. Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri li jirrappurtaw tard inaqqas ukoll il-pass tal-proċess (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 8 u d-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 60), u dan ikollu effett indirett ukoll fuq it-tlestija tal-valutazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni. Dan ifisser li jkun hemm dewmien fl-għoti tal-feedback lill-Istati Membri, u li ħafna drabi dan jasal tard wisq biex jitqies fir-rapporti li jkun imiss.

L-Istati Membri jinvestu ħafna fir-rapporti testwali għall-proċessi nazzjonali u għall-konsultazzjonijiet pubbliċi tagħhom. Madankollu, ir-rappurtar elettroniku llum huwa kruċjali biex tinġabar informazzjoni komparabbli u f’waqtha fl-UE kollha. Il-qafas jiddependi fuq l-informazzjoni rrappurtata fil-valutazzjonijiet nazzjonali, iżda teknoloġiji ġodda ta’ monitoraġġ jistgħu jippermettu stampa iktar preċiża tal-istat attwali tal-ibħra u tal-progress lejn il-kisba ta’ status ambjentali tajjeb. Barra minn hekk, matul l-ewwel ċiklu tal-MSFD, ir-rapporti testwali u dawk elettroniċi mhux dejjem kienu ekwivalenti. Xi Stati Membri jistgħu jużuaw ir-rapporti tal-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra, iżda l-format ta’ dawn ir-rapporti mhux allinjat għalkollox mal-ħtiġijiet tar-rappurtar elettroniku.

Il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent qed jaħdmu biex itejbu u jiddiġitalizzaw l-għodod tar-rappurtar biex l-informazzjoni mill-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra, minn politiki oħrajn tal-UE jew mill-informazzjoni li tkun ġiet irrappurtata qabel tiġi ttrasferita bla xkiel għal ġor-rapporti previsti mill-MSFD. Iridu jiġu eliminati l-inkonsistenzi bejn dak li jiġi rrappurtat elettronikament u r-rapporti statiċi bbażati fuq it-test li xi Stati Membri jidhru li jippreferu, peress li dawn ixekklu l-proċess ġenerali. L-MSFD qed timxi lejn pubblikazzjoni effiċjenti u trasparenti tal-informazzjoni fuq il-portal elettroniku msejjaħ “WISE Marine” 90 permezz tal-pubblikazzjoni ta’ dashboards ċentralizzati u ta’ data rrappurtata fil-livell nazzjonali.

5.4.Integrazzjoni akbar tal-politiki

Kif issemma diġà fit-taqsima dwar l-effettività, l-MSFD tintegra l-attivitajiet kollha li jaffettwaw l-ekosistemi tal-baħar (bħas-sajd, it-trasport marittimu, l-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta u l-enerġiji rinnovabbli), iżda ma tirregolahomx b’mod speċifiku. Mhix ħaġa tal-iskantament li madwar 75 % mill-miżuri tal-MSFD ġejjin minn oqfsa leġiżlattivi oħrajn. Għalhekk, is-simplifikazzjoni u l-koordinazzjoni ma’ politiki settorjali oħrajn huma essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-MSFD kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. Għalkemm l-istrateġija għat-tkabbir blu 91 għandha l-istess prinċipju ewlieni tas-sostenibbiltà li għandha l-MSFD, jekk ma tiġix implimentata b’mod sostenibbli, din jaf tmur xi ftit jew wisq kontra l-miżuri tal-MSFD biex jinkiseb status ambjentali tajjeb, l-iktar meta wieħed iqis it-twessigħ potenzjali tal-attivitajiet marittimi bħall-enerġija lil hinn mill-kosta u l-akkwakultura. Biex jiżguraw li t-twessigħ tal-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali jew it-tnedija ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda ma jwasslux għal pressjoni addizzjonali fuq l-ambjent tal-baħar, l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jikkollegaw b’mod iktar sod u abbażi tax-xjenza l-MSFD u l-politiki li jirregolaw l-attivitajiet marittimi bħad-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu, il-politika komuni tas-sajd, l-inizjattivi marbutin mal-enerġija 92 u l-politika dwar it-trasport marittimu jew kull attività oħra (pereżempju l-akkwakultura, id-desalinizzazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart). Dawn l-attivitajiet għandhom rwol importanti x’jaqdu fit-trasformazzjoni tas-soċjetà u tal-ekonomija tagħna f’sistema sostenibbli u f’kontinent mingħajr emissjonijiet tal-karbonju, hekk kif previst fl-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 93 . Il-parks eoliċi lil hinn mill-kosta huma meħtieġa biex tintemm id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. L-akkwakultura sostenibbli tiżgura s-sigurtà tal-ikel u dieta sostenibbli filwaqt li tevita iktar pressjoni mill-użu tal-art. L-istrateġija futura dwar l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u l-linji gwida strateġiċi riveduti għal akkwakultura sostenibbli fl-UE, li t-tnejn li huma għandhom jiġu adottati fl-2020, se jikkontribwixxu għal dak il-għan u għandhom jinkludu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali rilevanti kollha. It-tali twessigħ ma jistax iseħħ għad-detriment tar-reżiljenza tal-ekosistemi tal-baħar, li jkollu effett indirett fuq ir-reżiljenza globali tal-pjaneta għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

Il-membri tal-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni tal-MSFD identifikaw il-ħtieġa li jkun hemm iktar kollaborazzjoni fost is-setturi u l-gruppi differenti b’rabta ma’ kwistjonijiet trażversali bħar-relazzjonijiet bejn l-attivitajiet, il-pressjonijiet u l-istatus, minn naħa waħda, u t-tibdil fil-klima, min-naħa l-oħra, sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb.

Id-Deċiżjoni tal-2017 tispeċifika kif il-valutazzjonijiet tal-baħar għandhom ikunu marbutin mal-istandards u mal-proċessi mogħtija f’atti leġiżlattivi oħrajn tal-UE. L-Istati Membri kollha rabtu l-biċċa l-kbira mill-programmi ta’ monitoraġġ u mill-programmi ta’ miżuri tagħhom ma’ atti leġiżlattivi oħrajn, l-iktar fil-qasam tal-ambjent (b’mod partikulari d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar il-Ħabitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar). Madankollu, il-valutazzjonijiet u l-analiżijiet xjentifiċi tal-Kummissjoni juru li l-integrazzjoni tal-politiki għadha ma saritx fil-livell operazzjonali (pereżempju l-integrazzjoni tad-data, l-ippjanar tal-monitoraġġ u d-determinazzjoni tal-valutazzjonijiet), u li hemm bżonn ta’ iktar sforzi biex jiġu sfruttati s-sinerġiji, biex jiġu allinjati l-proċessi u, eventwalment, biex jiġu ffrankati r-riżorsi. It-Taqsima 3 ta’ dan ir-rapport tindika suġġetti potenzjali li jistgħu jkunu marbuta aħjar jew ikkoordinati aħjar fost il-politiki tal-UE.

Każ partikularment importanti huwa r-rabta bejn l-MSFD u l-politika dwar il-klima. L-oċeani huma komponent ewlieni tas-sistema tal-klima li jaħżnu s-CO2 antropoġeniku u kwantità ferm ikbar ta’ sħana mill-atmosfera, u jaġixxu ta’ bjar ewlenin tal-karbonju u jirregolaw il-moviment tas-sħana madwar id-dinja. Għalhekk, l-oċeani jista’ jkollhom effetti drammatiċi fuq il-klima tad-dinja, u viċi versa. Skont ir-rapport li l-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ippubblika dan l-aħħar dwar l-oċeani u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel 94 : (i) mill-1993 ’l hawn, ir-rata tat-tisħin tal-oċeani żdiedet b’aktar mid-doppju u diġà qed taffettwa l-kolonna kollha tal-ilma; (ii) l-oċeani ħadu bejn 20 u 30 % mill-emissjonijiet antropoġeniċi kollha tas-CO2 mis-snin tmenin ’l hawn u dan wassal għal iktar aċidifikazzjoni tagħhom; (iii) l-oċeani qed jitilfu l-ossiġnu u ż-żoni li huma neqsin mill-ossiġnu kibru; u (iv) mill-1982 ’l hawn, il-mewġ tas-sħana tal-baħar irdoppja fil-frekwenza tiegħu u sar itwal u iktar intens. Dan it-tibdil oċeanografiku jista’ jkollu konsegwenzi drammatiċi fuq il-bijodiversità tal-baħar u fuq ir-reżiljenza tal-ekosistemi. L-ekosistemi kollha tal-baħar ivvalutati fir-rapport tal-IPCC għandhom riskju għoli li jiġu affettwati mix-xejriet tal-klima.

Minkejja r-rilevanza tagħha, ir-rabta bejn l-MSFD u t-tibdil fil-klima, kemm fil-livell tal-monitoraġġ kif ukoll fil-livell tal-iżvilupp tal-politika, mhijiex ovvja. L-Istati Membri enfasizzaw li l-impatti tat-tibdil fil-klima u tal-aċidifikazzjoni tal-oċeani huma kwistjonijiet transfruntiera importanti li l-programmi ta’ monitoraġġ tal-MSFD jindirizzaw direttament jew indirettament. Madankollu, is-suġġetti ewlenin bħall-monitoraġġ tal-aċidifikazzjoni tal-oċeani fl-ibħra Ewropej u l-impatti tal-mewġ tas-sħana tal-baħar fuq il-bijodiversità tal-baħar mhumiex stabbiliti sew.

5.5.It-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali

Il-kooperazzjoni reġjonali tjiebet minn meta ġiet adottata l-MSFD ’l hawn, iżda għad hemm bżonn ta’ iktar kooperazzjoni biex tinkiseb koerenza reġjonali sħiħa tal-istrateġiji marini (ara d-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 60). F’dak li għandu x’jaqsam mat-tliet stadji ewlenin tal-implimentazzjoni tad-Direttiva: (a) il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri jużaw aktar standards li ġejjin mil-leġiżlazzjoni tal-UE jew indikaturi reġjonali komuni għall-valutazzjoni tal-istatus tal-ilma baħar tagħhom; (b) il-koerenza reġjonali tal-programmi ta’ monitoraġġ tal-UE tqieset li kienet moderata sa għolja, ħlief għall-Mediterran, fejn tqieset li kienet iktar baxxa; u (c) il-koerenza ġenerali tal-programmi ta’ miżuri kienet moderata fir-reġjuni kollha u għolja fil-Baħar l-Iswed. Minħabba f’hekk, l-isforzi biex jitnaqqsu l-pressjonijiet ewlenin li jaffettwaw lil kull (sotto)reġjun iridu jiġu kkoordinati aħjar.

Analiżi preliminari tal-informazzjoni rrappurtata fl-2018 turi li, anke fit-tieni ċiklu, għad hemm diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri li jinsabu ħdejn xulxin f’dak li għandu x’jaqsam mal-elementi li jużaw biex jivvalutaw l-istatus tal-ekosistemi tal-baħar. L-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżultati tanġibbli tal-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra b’mod iktar estensiv meta dawn ikunu kompatibbli mar-rekwiżiti tal-MSFD. Ta’ min jinnota li dawn il-konvenzjonijiet jintegraw l-azzjonijiet tal-pajjiżi ġirien (mhux tal-UE) u jgħinu fil-bini tal-kapaċità. Madankollu, meta l-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra ma jkunux jistgħu jkopru l-ħtiġijiet tal-MSFD, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom stess għall-koordinazzjoni transfruntiera u reġjonali f’konformità mad-Direttiva. L-għan aħħari huwa li l-UE timxi ’l quddiem lejn protezzjoni iktar effiċjenti, armonizzata u kosteffettiva tal-ambjent tal-baħar. Il-valuri ta’ limitu reġjonali għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2017.

5.6.L-iżgurar tad-disponibbiltà tad-data u tal-komparabbiltà tagħha

Fil-valutazzjoni inizjali tal-MSFD tal-2012, l-istatus ta’ 80 % mill-ispeċijiet u mill-ħabitats u ta’ 40 % mill-istokkijiet kummerċjali tal-ħut kien ġie kklassifikat bħala “mhux magħruf” 95 . F’ċerti każijiet in-nuqqas ta’ data kien minħabba nuqqas reali fl-għarfien (pereżempju Stat Membru wieħed biss seta’ jirrapporta d-data dwar l-istorbju ta’ taħt il-baħar u jiddefinixxi xenarju ta’ referenza għalih fl-2012), iżda f’każijiet oħrajn is-sitwazzjoni setgħet titjieb billi tintuża mill-ġdid l-informazzjoni li diġà teżisti (pereżempju biex ikejlu l-ewtrofikazzjoni, inqas minn 40 % mill-Istati Membri użaw il-livelli ta’ limitu tal-konċentrazzjoni ta’ klorofilla-a ddefiniti fl-eżerċizzju ta’ interkalibrazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma) 96 . F’dawn l-aħħar snin, il-kontribut ta’ proġetti tar-riċerka maħsubin biex jikkontribwixxu b’mod espliċitu għall-MSFD u għall-ħtiġijiet tal-politika serva ta’ appoġġ importanti (pereżempju INDICIT 97 fl-iżvilupp ta’ bażijiet komuni tad-data u ta’ protokolli ta’ monitoraġġ għall-inġestjoni tal-iskart mill-fkieren u MISTIC SEAS II 98 fl-allinjament tal-valutazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar fil-Makaroneżja). Xi esperti 99 jitolbu li jintużaw sistemi innovattivi u kosteffettivi tal-monitoraġġ li jippermettu kopertura spazjali u temporali wiesgħa tal-ibħra reġjonali.

Sfida oħra hija li tinkiseb informazzjoni li tkun komparabbli fost l-Istati Membri. Sabiex jiffaċilitaw dan, il-gruppi u n-netwerks tal-esperti li jaħdmu fil-kuntest tal-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni qed jippruvaw jistabbilixxu metodoloġiji b’saħħithom bħal, pereżempju, lista unifikata ta’ elementi (pereżempju l-kontaminanti, in-nutrijenti u l-ispeċijiet) jew valuri ta’ limitu biex jiġi ddeterminat l-istatus ambjentali tajjeb u biex dan jiġi vvalutat. Dawn l-aspetti metodoloġiċi huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-eżiti tal-valutazzjonijiet ikunu komparabbli fost l-Istati Membri kollha. L-iżvilupp ta’ għodod elettroniċi tar-rappurtar tejjeb il-komparabbiltà f’livell transfruntier, iżda għad hemm lok għal titjib fit-tfassil tagħhom u fil-varjabbiltà tal-informazzjoni rrappurtata (pereżempju mhux l-Istati Membri kollha jinterpretaw miżura individwali waħda tal-MSFD bl-istess mod u l-għadd ta’ miżuri rrappurtati jvarja minn 17 fil-Latvja għal 417 fi Spanja). S’issa l-informazzjoni li nġabret fil-livell tal-UE fil-kuntest tal-MSFD għadha fframmentata, sal-punt li l-analiżi tal-istatus tal-ambjent tal-baħar mogħtija fid-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 61 ma setgħetx tissejjes biss fuq ir-rapporti li ntbagħtu fil-kuntest tal-MSFD. Jekk tiġi implimentata bis-sħiħ, id-Deċiżjoni tal-2017 għandha ssolvi din il-problema. Għalhekk, l-implimentazzjoni tagħha fil-kuntest tal-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni se tibqa’ għan ewlieni tal-Kummissjoni biex ikun hemm data u approċċi komuni u komparabbli fl-Istati Membri kollha.

6.Konklużjonijiet ewlenin

Dan ir-rapport iqis il-kisbiet prinċipali u l-isfidi ewlenin tal-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni tal-MSFD. Il-konklużjonijiet kollha ppreżentati hawnhekk se jsir proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni dwarhom bħala parti mill-evalwazzjoni li jmiss tal-MSFD.

Bl-MSFD, l-UE għandha fis-seħħ politika olistika u komprensiva b’rabta mal-baħar li tqiegħed fil-prattika l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem fl-ibħra Ewropej. Ta’ min jinnota li din tgħin ukoll biex jitwettqu impenji internazzjonali ewlenin. L-MSFD ipprovdiet l-istruttura biex jiġu stabbiliti l-istrateġiji marini meħtieġa biex jintlaħaq status ambjentali tajjeb fl-ilma baħar tal-UE. Qed jiġu mmonitorjati l-kundizzjonijiet tal-komponenti differenti tal-ekosistema u l-preżenza tal-pressjonijiet ewlenin (u, meta jkun fattibbli, l-effetti tagħhom), u qed jiġu stabbiliti l-miżuri rilevanti biex jintlaħqu l-objettiv ewlieni u l-miri ambjentali. Fl-Istati Membri bdew il-kollaborazzjoni interdipartimentali u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data u, bis-saħħa tal-appoġġ tal-konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra, f’dawn l-aħħar snin żdiedet il-koordinazzjoni reġjonali.

Madankollu, filwaqt li ma għandhiex tiġi ssottovalutata l-ispinta li tat id-Direttiva, l-istrateġiji marini tal-Istati Membri jridu jiġu adattati għall-eżiti tal-azzjonijiet ta’ ġestjoni biex jittieħdu l-aqwa benefiċċji possibbli minnhom, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li, f’ċerti każijiet, il-perjodu legali taż-żmien disponibbli biex jintlaħaq status ambjentali tajjeb ma jkunx biżżejjed.

Barra minn hekk, hemm dubji dwar il-fatt li kemm il-miżuri li ttieħdu u kemm l-għarfien disponibbli huma biżżejjed. Huwa minnu wkoll li l-MSFD mhijiex maħsuba biex tirregola attivitajiet u ħtiġijiet speċifiċi li, f’ċerti każijiet, għandhom jiġu kkumplimentati b’leġiżlazzjoni iktar speċifika meta l-qafas legali nazzjonali, reġjonali jew tal-UE attwali jkun fih il-lakuni. Għalhekk, il-progress li sar fl-ilħiq ta’ status ambjentali tajjeb ma sarx b’rata mgħaġġla biżżejjed biex ikopri d-deskritturi kollha tal-MSFD fl-ilmijiet kollha tal-UE sal-2020. Dan jista’ jkun marbut ma’ għadd ta’ fatturi, bħall-kumplessità tal-analiżi u tal-ġestjoni tal-ambjent tal-baħar u tar-rappurtar dwaru, in-nuqqas ta’ rieda politika biex jiġu ffinanzjati u infurzati b’mod adegwat il-miżuri meħtieġa, u n-nuqqas ta’ involviment ta’ setturi ekonomiċi u privati oħrajn (minbarra l-awtoritajiet pubbliċi tal-qasam tal-ambjent). Abbażi ta’ dan u mingħajr preġudizzju għal rieżami possibbli tad-Direttiva f’konformità mal-proċessi ta’ tfassil aħjar tal-liġijiet 100 biex jissaħħu l-implimentazzjoni tal-MSFD u r-riżultati tagħha, l-esperjenza li nkisbet s’issa fil-kuntest tal-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni ppermettiet li jiġu identifikati b’mod preliminari l-oqsma kritiċi għat-titjib li fihom hemm bżonn isiru l-affarijiet li ġejjin:

(1)li jiżdied il-livell ta’ ambizzjoni u ta’ rieda. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex jagħtu spinta lill-passi differenti tal-proċess ta’ implimentazzjoni tal-MSFD sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb u użu sostenibbli tal-ibħra tagħhom. Il-koerenza tal-politiki għandha tiġi żgurata wkoll fil-livell tal-UE, pereżempju meta jkunu qed jiġu ddefiniti l-objettivi operazzjonali tal-politiki komuni ewlenin tal-UE (bħall-politika komuni tas-sajd u l-politika agrikola komuni) u meta jkunu qed jiġu rieżaminati jew aġġornati xi strumenti ewlenin tal-UE. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni bil-mod tad-Deċiżjoni tal-2017 tixħet dubju dwar il-konsistenza tad-determinazzjonijiet għal status ambjentali tajjeb. Sfidi addizzjonali ġejjin mill-kundizzjonijiet naturali prevalenti, mit-tibdil fil-klima u miż-żmien li jgħaddi bejn l-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri u l-irkupru tal-ambjent tal-baħar;

(2)li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed riżorsi umani u materjali biex jitħares l-ambjent tal-baħar u biex jiġi applikat l-approċċ olistiku tal-MSFD ibbażat fuq l-ekosistema. L-istabbiliment ta’ miżuri effettivi li jkollhom fil-mira tal-inqas l-iktar pressjonijiet importanti għal kull (sotto)reġjun tal-baħar b’mod ikkoordinat jista’ jkun l-iktar mod utli biex jitjieb l-istatus ambjentali. Dan ma jfissirx li jiġu injorati ċerti impatti fuq l-ekosistemi tal-baħar, iżda għandu jiżgura li l-miżuri li jkunu fis-seħħ ikunu effettivi biżżejjed biex jipprevjenu l-kawżi ewlenin tad-deterjorament u, fejn ikun prattikabbli, biex jerġgħu jġibu fuq saqajhom l-ekosistemi tal-baħar li jkunu ġew affettwati ħażin. Biex ikunu effettivi, il-miżuri jridu jiġu integrati ma’ setturi bħas-sajd, l-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura u l-klima. Minħabba xi nuqqas ta’ kwantifikazzjoni tal-miżuri rrappurtati u l-inċertezza dwar kemm dawn se jikkontribwixxu għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb, mhuwiex ċar jekk il-miżuri adottati fil-kuntest tal-politiki eżistenti tal-UE kollha kemm huma humiex biżżejjed biex jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ fil-pressjonijiet u fl-impatti fuq l-ibħra;

(3)li tiġi integrata u ssimplifikata l-implimentazzjoni tal-MSFD. Wieħed jista’ jipprova jissimplifika l-iskedi taż-żmien u l-proċessi tar-rappurtar, iżda għal dan hemm bżonn ta’ aktar data u din trid tkun iktar armonizzata. Is-simplifikazzjoni tkun teħtieġ iktar koordinazzjoni reġjonali, l-allinjament tal-kunċetti u tal-approċċi (iffaċilitat, pereżempju, mill-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni) u koordinazzjoni fost il-politiki fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE. Bis-saħħa tal-esperjenza li nkisbet waqt l-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni, u fil-parametri stabbiliti mid-Direttiva, it-tnaqqis fl-isforzi tar-rappurtar jista’ jillibera r-riżorsi biex b’hekk l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jiffukaw fuq il-kontenut tal-valutazzjonijiet u fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri.

Minħabba li issa għaddej sew it-tieni ċiklu ta’ implimentazzjoni tal-MSFD, il-Kummissjoni se tqis dawn il-konklużjonijiet bħala parti mit-tħejjijiet tagħha għal rieżami tad-Direttiva f’konformità mal-linji gwida għat-tfassil aħjar tal-liġijiet. Dan se jikkontribwixxi b’mod dirett għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u, b’mod iktar speċifiku, għall-istrateġija tiegħu għall-bijodiversità sal-2030 u għall-ambizzjoni tiegħu ta’ tniġġis żero.

(1) Pereżempju, iċ-Ċensiment tal-Ħajja tal-Baħar ( http://www.coml.org/ ) sab li litru ilma tal-oċean jista’ jkun fih 38,000 tip ta’ batterja mikrobika.
(2) Ir-Rapport dwar l-ekonomija l-blu tal-UE tal-2019 imsejjaħ “The 2019 EU Blue Economy Report” ( https://dx.doi.org/10.2771/21854 ).  
(3) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(4) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final).
(5) L-Artikolu 20(1) u 20(3) tal-MSFD.
(6) Ir-rapport tal-2014 tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar L-ewwel fażi ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina — Il-valutazzjoni u l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea bin-numru ta’ referenza COM(2014) 97 final, flimkien mad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah bin-numru ta’ referenza SWD(2014) 49 final.Ir-rapport tal-2017 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa l-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina bin-numru ta’ referenza COM(2017) 3 final, flimkien mad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah bin-numru ta’ referenza SWD(2017) 1 final.Ir-rapport tal-2018 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-programmi ta’ miżuri tal-Istati Membri skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina bin-numru ta’ referenza COM(2018) 562 final, flimkien mad-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawh bin-numri ta’ referenza SWD(2018) 393 final u SWD(2019) 510.Barra minn hekk, ir-rapporti tekniċi għal kull Stat Membru u għal kull reġjun huma ppubblikati fuq is-sit web li ġej: https://ec.europa.eu/environment/marine/eu-coast-and-marine-policy/implementation/reports_en.htm .
(7) Id-diversità bijoloġika (D1), l-istruttura tas-sistema tal-ikel (D4) u l-integrità ta’ qiegħ il-baħar (D6) huma miżmuma, filwaqt li l-impatti minn speċijiet mhux indiġeni (D2), is-sajd (D3), in-nutrijenti żejda (D5), it-tibdil fil-kundizzjonijiet idrografiċi (D7), il-kontaminanti fl-ambjent (D8) u fl-ikel tal-baħar (D9), l-iskart fil-baħar (D10) u l-istorbju ta’ taħt il-baħar (D11) ma jbiddlux l-ekosistemi tal-baħar b’mod negattiv.
(8) Sal-15 ta’ Ottubru 2019, sena wara l-iskadenza, 10 pajjiżi biss kienu ppreżentaw ir-rapporti tagħhom f’format elettroniku (il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, Spanja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja) u erba’ biss kienu bagħtuhom f’format ibbażat fuq it-test (il-Greċja, Franza, l-Italja u r-Rumanija). Disa’ Stati Membri kienu għadhom ma bagħtu l-ebda rapport.
(9) F’konformità mal-Artikolu 20(1) u 20(3). “Rapport ta’ evalwazzjoni” f’att legali li jippreċedi t-tfassil aħjar tal-liġijiet huwa interpretat bħala “rapport ta’ implimentazzjoni”.
(10) Id-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 60 jippreżenta l-passi u l-konklużjonijiet ewlenin mill-implimentazzjoni tal-MSFD; id-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 61 jiġbor fil-qosor dak li huwa magħruf dwar l-istatus tal-ilma baħar tal-UE, filwaqt li jkopri l-11-il “deskrittur” tal-MSFD; u d-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 62 jispjega l-kunċetti ewlenin u jipprovdi gwida għal valutazzjoni integrata u għad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb.
(11) Kif meħtieġ mill-Artikolu 23.
(12) Iddefinit fil-kaxxa abbażi tal-Ħames Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika ( http://www.cbd.int/decision/cop/?id=7148 ) u abbażi ta’ kunsens xjentifiku wiesa’ (https://www.compassscicomm.org/ebm-consensus-statement-download).
(13) Wara l-adozzjoni tal-MSFD, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali ddikjara li l-għodod ta’ politika trasversali kienu ta’ importanza kbira sabiex jittejbu l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, il-monitoraġġ ambjentali, is-sikurezza, is-sigurtà u l-infurzar tal-liġijiet fl-oċeani, fl-ibħra u fir-reġjuni kostali tal-Ewropa. Huwa rrikonoxxa l-MSFD, bl-approċċ tagħha għall-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem ibbażat fuq l-ekosistema, bħala bażi għall-iżvilupp tal-attivitajiet marittimi kollha b’aktar suċċess u b’mod sostenibbli (waqt l-2973 laqgħa tiegħu li saret fi Brussell fis-16 ta’ Novembru 2009).
(14) Minħabba li dan ir-rapport ikopri l-2008 sal-2019, ir-Renju Unit ingħadd bħala Stat Membru tal-UE għal dak il-perjodu.
(15) Stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/848 tas-17 ta’ Mejju 2017 li tistabbilixxi kriterji u standards metodoloġiċi ta’ status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar, kif ukoll speċifikazzjonijiet u metodi standardizzati għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/477/UE (ĠU L 125, 18.5.2017, p. 43).
(16) Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew semma l-iżvilupp, l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni tar-riċerka marina u marittima Ewropea bħala prijorità. L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima — Qafas koerenti ta’ Żona Ewropea ta’ Riċerka b’appoġġ ta’ użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra COM(2008) 534 finali (ĠU C 306, 16.12.2009, p. 46).
(17) Ara, pereżempju, id-dokument imsemmi “LIFE and the marine environment” ( https://doi.org/10.2779/942085 ), il-proġetti ffinanzjati mill-programmi qafas tal-UE għar-riċerka u għall-innovazzjoni bħal https://cordis.europa.eu/article/id/400695-better-marine-stewardship-through-research-and-innovation , il-proġetti DEVOTES u STAGE (http://www.devotes-project.eu/, http://www.stagesproject.eu/) u l-lista ta’ proġetti mogħtija fid-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 60.
(18) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(19) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
(20) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(21) Il-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Koordinazzjoni Strateġika tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) (E02550).
(22) Dawn jinsabu fis-sit web li ġej: https://circabc.europa.eu/w/browse/1dfbd5c7-5177-4828-9d60-ca1340879afc .
(23) Il-Konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Istrateġija Marina, elaborati minn Cavallo et al. fl-2017 ( http://dx.doi.org/10.1016/j.marpol.2017.09.035 ).
(24) Ir-riżultati ta’ kwestjonarju li ntbagħat lill-membri kollha tad-diversi gruppi fil-kuntest tal-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni f’April tal-2019 biex jiġu rieżaminati b’mod kritiku l-funzjonijiet u l-programm ta’ ħidma tal-istrateġija.
(25) L-għarfien dwar l-oċeani huwa l-fehim tal-oċean u tar-relazzjoni tal-umanità miegħu.
(26)  B’mod speċifiku permezz tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti li ġiet adottata fl-1998.
(27) L-Artikolu 19 u l-Anness VI(8) tal-MSFD.
(28) Pereżempju CIRCABC ( https://circabc.europa.eu/w/browse/326ae5ac-0419-4167-83ca-e3c210534a69 ) u WISE Marine ( https://water.europa.eu/marine ).
(29) Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali enfasizza li l-kooperazzjoni mal-Istati Membri u r-reġjuni li jikkondividu baċir tal-baħar, u ma’ pajjiżi mhux tal-UE kull meta jkun rilevanti, kif ukoll il-kooperazzjoni bejniethom, kienet element kruċjali tas-suċċess tal-MSFD. Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa li jkun hemm l-eqreb kooperazzjoni possibbli bejn il-pajjiżi kollha li jaqsmu l-ilma baħar u l-baċiri tal-iskular transfruntiera (waqt l-2973 laqgħa tiegħu li saret fi Brussell fis-16 ta’ Novembru 2009 u l-2988 laqgħa tal-Kunsill Ambjent li saret fi Brussell fit-22 ta’ Diċembru 2009).
(30) L-Artikoli 4, 5 u 6 tal-MSFD. Il-mappa finali maqbula tar-reġjuni u tas-sottoreġjuni marini tal-MSFD tinsab fis-sit web li ġej: https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/data/europe-seas#tab-gis-data .
(31) L-ilma baħar tal-UE huwa kopert minn erba’ konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra: il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki — HELCOM), il-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent marin tal-Atlantiku tal-Grigal (il-Konvenzjoni ta’ Oslo-Pariġi — OSPAR), il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Konvenzjoni ta’ Barċellona — UNEP-MAP) u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis (il-Konvenzjoni ta’ Bukarest, li l-UE għadha qed tipprova tissieħeb magħha). Madankollu, l-OSPAR ma tkoprix is-sottoreġjun kollu tal-Makaroneżja Ewropea, iżda biss l-arċipelagu tal-Azores.
(32) L-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni li l-Istati Membri u l-Kummissjoni adottaw biex jimplimentaw id-Direttiva 2008/56/KE — ara t-Taqsima 2.3 ta’ dan ir-rapport.
(33) Ir-rapport dwar l-istatus ta’ kwalità tal-Mediterran tal-UNEP-MAP imsejjaħ “UNEP/MAP Mediterranean Quality Status Report” ( https://www.medqsr.org/ ), il-valutazzjoni intermedja tal-OSPAR imsejħa “OSPAR Intermediate Assessment” ( https://oap.ospar.org/en/ospar-assessments/intermediate-assessment-2017/ ), it-tieni valutazzjoni olistika tal-HELCOM imsejħa “HELCOM second Holistic Assessment” ( http://stateofthebalticsea.helcom.fi/ ), u r-rapport dwar il-qagħda ambjentali tal-Baħar l-Iswed imsejjaħ “Black Sea State of Environment Report 2009-2014” ( http://www.blacksea-commission.org/SoE2009-2014/SoE2009-2014.pdf ).
(34) Pereżempju mill-istrument LIFE+, mill-programm Orizzont 2020, il-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, inkluż mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u l-finanzjament reġjonali, il-finanzjament fil-kuntest tal-politika tal-viċinat, il-finanzjament mill-Istrument ta’ Sħubija u l-finanzjament għall-iżvilupp.
(35) Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (JOIN(2016) 49 final).
(36)  “Nittrasformaw id-dinja tagħna: L-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli” (A/RES/70/1), li ġiet adottata f’Settembru tal-2015 bħala pjan ta’ azzjoni għan-nies, għall-pjaneta u għall-prosperità. Din tikkonsisti fi 17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli u f’169 mira.
(37) Pereżempju, id-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp li ħarġet mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1992 dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED), jew id-dokument ta’ eżitu ta’ Rio+20 imsejjaħ “The future we want” (A/CONF.216/L.1).
(38) Ara, pereżempju, id-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-HELCOM ( http://www.helcom.fi/Documents/HELCOM%20at%20work/HELCOM%20Brussels%20Ministerial%20Declaration.pdf ) li ġiet adottata fis-6 ta’ Marzu 2018.
(39) B’mod partikolari l-Mira 11 tal-KDB ta’ Aichi: Sal-2020, tal-anqas 17 % miż-żoni tal-ilmijiet terrestri u interni u 10 % miż-żoni kostali u tal-baħar, speċjalment miż-żoni ta’ importanza partikulari għall-bijodiversità u għas-servizzi tal-ekosistema, huma kkonservati permezz ta’ sistemi ekoloġikament rappreżentattivi u konnessi tajjeb ta’ żoni protetti ġestiti b’mod effettiv u ekwu u ta’ miżuri effettivi oħrajn ta’ konservazzjoni bbażati fuq iż-żoni, u integrati fil-pajsaġġ usa’ tal-art u tal-baħar.
(40) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tistabbilixxi r-responsabbiltajiet u d-drittijiet tan-nazzjonijiet fir-rigward tal-ibħra u tal-oċeani u tinkludi għadd ta’ obbligi marbutin mal-protezzjoni u mal-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar.
(41) L-ewwel ftehim universali legalment vinkolanti sabiex jiġi evitat it-tibdil fil-klima billi t-tisħin globali jiġi limitat għal ferm inqas minn 2° C u billi jsiru sforzi sabiex dan jiġi limitat għal 1.5° C, li ġie adottat f’Pariġi f’Diċembru tal-2015 ( https://unfccc.int/documents/9097 ).
(42) L-impenji dwar l-oċeani fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Pariġi ( https://doi.org/10.1038/nclimate3422 ).
(43) Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “Pjaneta Nadifa għal kulħadd — Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” (COM(2018) 773 final), 80 % mill-elettriku se jkun ġej minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jkunu jinsabu dejjem iktar lil hinn mill-kosta.
(44) L-Artikolu 20(3)(g) tal-MSFD jeħtieġ sommarju tal-kontribut ta’ politiki rilevanti oħrajn tal-UE għall-kisba tal-objettivi ta’ din id-Direttiva. Dan is-sommarju ma jiħux post l-analiżi futura tal-koerenza tal-politiki li għandha tiġi żviluppata fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-MSFD.
(45) “Valur ta’ limitu” jfisser valur jew firxa ta’ valuri li jippermettu li ssir valutazzjoni tal-livell ta’ kwalità miksub għal kriterju partikolari, li b’hekk jikkontribwixxi għall-valutazzjoni ta’ kemm qed jinkiseb status ambjentali tajjeb (l-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/848). Il-valuri ta’ limitu jinkludu “devjazzjoni aċċettabbli” mill-kundizzjonijiet ta’ referenza jew mill-kundizzjonijiet oriġinali. Dan jippermetti l-użu sostenibbli tal-baħar billi jkun jista’ jiġi akkomodat xi livell ta’ pressjoni, dment li tinżamm il-kwalità ġenerali tal-ambjent (id-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 62).
(46) Dawn jistgħu jissejħu mod ieħor, bħall-istandards tal-kwalità ambjentali.
(47) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).
(48) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni msejjaħ “Commission Staff Working Document — Report on the progress in implementation of the Water Framework Directive Programmes of Measures Accompanying the document Communication from the Commission to the European Parliament and the Council — The Water Framework Directive and the Floods Directive: Actions towards the ‘good status’ of EU water and to reduce flood risks” (SWD(2015) 50 final).
(49) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni msejjaħ “Commission Staff Working Document — Fitness Check of the Water Framework Directive, Groundwater Directive, Environmental Quality Standards Directive and Floods Directive” (SWD(2019) 439 final).
(50) Ir-Rapport tal-EEA tal-2018 dwar l-ilma (https://www.eea.europa.eu/publications/state-of-water#tab-data-references).
(51) Ara s-sit web li ġej: https://ec.europa.eu/environment/water/water-urbanwaste/evaluation/index_en.htm u d-dokumenti li hemm fuq dak is-sit.
(52)  Data ta’ Pistocchi et al. tal-2019 ( https://doi.org/10.2760/303163 ).
(53) L-ispeċijiet ta’ interess Ewropew: https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/species-of-european-interest-2/assessment .
(54) Il-Kummissjoni nediet studju biex tesplora l-allinjament tad-data rrappurtata u tal-objettivi tal-politika fil-kuntest tad-Direttivi dwar l-Għasafar, il-Ħabitats u l-Baħar mal-valutazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats tal-baħar.
(55)  Data tal-ETC/ICM tal-2017 ( https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/data/external/spatial-analysis-of-marine-protected ).
(56) Il-portal ta’ valutazzjoni tal-OSPAR, il-firxa tal-ħsara fiżika f’ħabitats predominanti u speċjali (https://oap.ospar.org/en/ospar-assessments/intermediate-assessment-2017/biodiversity-status/habitats/extent-physical-damagepredominant-and-special-habitats/).
(57) Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135).
(58) Il-Bulgarija, l-Irlanda u l-Polonja.
(59) Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30) u d-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 124, 25.4.2014, p. 1).
(60) Id-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 109).
(61) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari (COM(2018) 28 final).
(62) Id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1).
(63) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari — Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva (COM(2020) 98 final).
(64) Evidenza tat-tnaqqis fil-bijodiversità tal-baħar fl-ibħra Ewropej tingħata fid-dokument imsejjaħ “The European environment — state and outlook 2020” ( https://www.eea.europa.eu/soer-2020/intro ) u fir-rapport imsejjaħ “The IPBES regional assessment report on biodiversity and ecosystem services for Europe and Central Asia” ( https://ipbes.net/assessment-reports/eca ), u d-dokument bin-numru ta’ referenza SWD(2020) 61 jipprovdi iktar referenzi u dettalji dwar dan.
(65) L-elażmobranki jkopru l-klieb il-baħar, ir-rebekkini u r-raj.
(66) Iċ-ċetaċji jinkludu l-baleni, id-dniefel u d-dniefel suwed.
(67) Dan huwa bbażat fuq analiżi ta’ 47 stokk li jistgħu jirrappreżentaw nofs it-total tal-istokkijiet sfruttati kummerċjalment f’din iż-żona.
(68) Il-ħabitats li jinsabu f’qiegħ il-baħar.
(69) Raggruppament trofiku huwa grupp ta’ speċijiet li jisfrutta l-istess tip ta’ riżorsi b’modi komparabbli.
(70) Abbażi ta’ valutazzjoni ta’ madwar terz tal-istokkijiet kummerċjali totali tal-ħut/tal-frott tal-baħar bil-qoxra fiż-żona.
(71)  Data tal-STECF tal-2019 (http://dx.doi.org/10.2760/22641).
(72) Nieto et al., l-2015 (https://www.iucn.org/ja/content/european-red-list-marine-fishes).
(73) https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/data/wise-wfd-3.
(74) Bħalissa qed isiru aktar sforzi. Pereżempju, l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni dan l-aħħar ipproponew emenda għall-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar il-Kontroll tas-Sistemi tal-Anti-fouling ta’ Ħsara fuq il-Bastimenti sabiex din tkun tinkludi kontrolli fuq iċ-ċibutrina, li huwa prodott bijoċidali tossiku ħafna għall-algi, għall-ħaxix tal-baħar u għall-qroll.
(75) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).
(76) Il-kontaminanti kimiċi, b’mod speċjali l-addittivi tal-plastik, jistgħu jirrappreżentaw riskju ekotossikoloġiku b’effetti fuq l-organiżmi tal-baħar u bi trasferimenti lejhom (ara, pereżempju, Hermabessiere et al., l-2017, http://dx.doi.org/10.1016/j.chemosphere.2017.05.096).
(77) Id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE.
(78) Eżempju minnhom huwa r-rapport tal-HELCOM tal-2019 ( http://www.helcom.fi/Lists/Publications/BSEP167.pdf ).
(79) Kif meħtieġ mill-Artikolu 20(3)(c) tal-MSFD.
(80) F’konformità ma’ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni ħeġġeġ li ssir bidla meħtieġa b’mod urġenti fil-politika meta nnota n-nuqqas ta’ ambizzjoni u ta’ konsistenza fil-miri tal-Istati Membri, li jagħmilha diffiċli ħafna li wieħed ikun jaf kemm għad baqa’ xi jsir biex jintlaħaq l-objettiv (l-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni msejħa “Nipproteġu aħjar l-ambjent tal-baħar” li ġiet adottata b’unanimità waqt il-112-il sessjoni plenarja ta’ dan il-Kumitat, li saret fit-3 u fl-4 ta’ Ġunju 2015).
(81) Minħabba n-natura ta’ qafas tad-Direttiva u minħabba li d-data biex jiġi evalwat jekk intlaħqitx l-iskadenza tal-2020 għall-istatus ambjentali tajjeb jew le se tiġi rrappurtata biss fl-aġġornament li jmiss tal-valutazzjonijiet (sal-2024), il-Kummissjoni s’issa ma nediet l-ebda każ ta’ ksur b’rabta mal-kisba tal-objettiv jew man-nuqqas ta’ kooperazzjoni fit-tfassil tad-definizzjonijiet reġjonali jew sottoreġjonali tal-istatus ambjentali tajjeb.
(82) Għall-Bulgarija, għal Ċipru, għall-Greċja, għall-Italja, għal Malta u għall-Portugall għadhom ma ntbagħtux ir-rapporti skont l-Artikolu 18 tal-MSFD (sa tmiem Ottubru tal-2019).
(83) Xi Membri tal-Parlament Ewropew iddispjaċihom li l-Kummissjoni Ewropea ma kkontrollatx iktar kif għandu jsir il-monitoraġġ (il-punt 5 tal-aġenda tal-Laqgħa tal-24 ta’ April 2017 tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel). Mill-2014 ’l hawn, ir-rakkomandazzjonijiet ingħataw segwitu u saru iktar sforzi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali.
(84) Id-deżinjazzjoni u l-ġestjoni ta’ żoni tal-baħar protetti fl-UE jitolbuhom id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u l-MSFD, u jappoġġawhom l-għanijiet tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità. Politiki oħrajn bħad-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu u l-politika komuni tas-sajd jikkontribwixxu għall-ġestjoni koerenti tagħhom.
(85) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 — Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM(2020) 380 final).
(86) Sa mill-2012 ’l hawn, b’kollox inbdew 52 proċedura ta’ ksur u proċedura fil-kuntest tal-proġett imsejjaħ “EU Pilot” kontra l-Istati Membri minħabba dewmien fir-rappurtar.
(87) Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd u tal-politika marittima integrata, fosthom il-pilastru ambjentali tagħha, l-MSFD. Il-Fond jippromwovi attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi billi jappoġġa, fost l-oħrajn, miżuri ta’ konservazzjoni integrati aħjar, kontroll u infurzar aħjar, ġbir imtejjeb tad-data u għarfien ikbar dwar l-ibħra.
(88) Skont l-Artikoli 5(2) u 17(2) tal-MSFD.
(89) Permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(3), tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 19(3) tal-MSFD.
(90)   https://water.europa.eu/marine .
(91) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir” (COM(2014) 254 final/2).
(92) Fost l-oħrajn id-Direttiva 2013/30/UE dwar is-sikurezza tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore, id-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u r-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu.
(93) Pereżempju, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-iskema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għas-settur marittimu.
(94) L-IPCC, l-2019 (https://www.ipcc.ch/srocc/home/).
(95)   https://water.europa.eu/marine/topics/state-of-marine-ecosystem .
(96) Palialexis et al., l-2014 ( https://doi.org/10.2788/64014 ).
(97)   https://indicit-europa.eu/ .
(98)   http://mistic-seas.madeira.gov.pt/en/content/mistic-seas-2 .
(99) Pereżempju Borja et al., l-2016 ( https://doi.org/10.3389/fmars.2016.00020 ), Danovaro et al., l-2016 ( https://doi.org/10.3389/fmars.2016.00213 ) u Lynam et al ., l-2016 ( https://doi.org/10.3389/fmars.2016.00182 ).
(100) Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità: Insaħħu r-rwol tagħhom fit-tfassil tal-politika tal-UE (COM(2018) 703 final).
Top