Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE5391

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Aġenda tal-Konsumatur ġdida li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli” [COM(2020) 696 final]

    EESC 2020/05391

    ĠU C 286, 16.7.2021, p. 45–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 286/45


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Aġenda tal-Konsumatur ġdida li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli”

    [COM(2020) 696 final]

    (2021/C 286/09)

    Relatur:

    Bernardo HERNÁNDEZ BATALLER

    Korelatur:

    Gonçalo LOBO XAVIER

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni, 14.1.2021

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    31.3.2021

    Adottata fil-plenarja

    27.4.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    560

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    218/2/24

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jieħu nota tal-Aġenda tal-Konsumatur ġdida u l-22 azzjoni proposti fiha u jqis li huwa diffiċli li tkun aktar komprensiva u dettaljata.

    1.2

    Madankollu, mentri jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni, il-KESE huwa tal-fehma li Aġenda tal-Konsumatur għandha tkun il-kontinwazzjoni korollarja jew loġika ta’ strateġija ġenwina fil-qasam tal-politika tal-konsumatur. Peress li l-iżjed strateġija reċenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-konsumatur ilha fis-seħħ mit-13.3.2007 (għall-perjodu 2007-2013), issa hija kompletament skaduta.

    1.3

    Għalhekk, il-KESE jibża’ li, kif inhi strutturata, l-Aġenda tal-Konsumatur ġdida tista’ titqies bħala lista ta’ inizjattivi distinti u li ser ikun diffiċli li tiġi implimentata fil-prattika.

    1.4

    Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-miżuri għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 għandhom ikunu ta’ darba, u li għadd minnhom huma prijoritarji u urġenti, minħabba l-kriżi tas-saħħa, ekonomika u soċjali mingħajr preċedent, u għandu dubju dwar jekk miżuri bħal dawn għandhomx jiġu inklużi f’Aġenda tal-Konsumatur, li, barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, ma tindirizzax biżżejjed is-sitwazzjoni diffiċli attwali.

    1.5

    F’dan il-kuntest, il-KESE ma jistax iżomm lura milli jfakkar li l-Unjoni tas-Saħħa għandha tiġi approfondita kemm jista’ jkun u li l-politika tas-saħħa mhijiex politika esklużiva tal-Istati Membri; L-Artikolu 168 tat-TFUE għandu jiġi emendat fi żmien debitu biex jinġieb eqreb għall-Artikolu 169 dwar il-politika tal-konsumatur.

    1.6

    Il-KESE jinsisti li l-ikkompletar tas-suq intern, kemm fiżiku kif ukoll diġitali, ikun fuq l-istess livell u li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, kif wara kollox talab kemm-il darba l-KESE. Għalhekk jeħtieġ li jiġi adottat approċċ orizzontali, integrat ma’ politiki oħra tal-Unjoni, biex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumatur jitqiesu fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki settorjali.

    1.7

    Il-KESE jemmen li l-komponent ekoloġiku tal-aġenda huwa essenzjali u jfakkar fl-appoġġ tiegħu għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. B’mod partikolari, il-KESE jitlob għal durabbiltà akbar tal-oġġetti, aċċess għal prodotti sostenibbli, ekonomija nadifa, ċirkolari u li tirrispetta iżjed il-klima, użu effiċjenti tal-prodotti, il-ġlieda kontra l-obsolexxenza programmata u d-dritt għat-tiswija ta’ oġġetti u prodotti.

    1.8

    Il-KESE huwa konxju, madankollu, li l-ħidma meħtieġa biex titkejjel il-marka tal-karbonju għandha tqis iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u mhijiex faċli biex tiġi implimentata.

    1.9

    Ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur jeħtieġ li jiġu adattati għad-dinja diġitali. L-isfidi l-ġodda li jinbtu mit-teknoloġiji emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali (IA), l-Internet tal-Oġġetti (IoT) u r-robotika jitolbu li tissaħħaħ il-protezzjoni attwali. Dawn għandhom jiġu indirizzati b’mod partikolari fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Prodotti, u l-lakuni fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ jeħtieġ li jiġi identifikati u indirizzati. Din hija wkoll ir-raġuni għaliex l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali se jkunu essenzjali biex jikkomplementaw din l-istrateġija.

    1.10

    Il-KESE jitlob li l-appoġġ Ewropew jinvolvi wkoll lill-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili (speċjalment l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur), fid-dawl tar-rwol li jaqdu fl-iżvilupp tal-aġenda. Is-soċjetà ċivili organizzata, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u r-rappreżentanti tan-negozji, kif ukoll imsieħba soċjali oħra, għandhom jiżviluppaw relazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni usa’ fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ din il-politika.

    1.11

    Għalhekk, ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-konsumatur għandu jissaħħaħ fil-kuntest tal-Aġenda, peress li dawn jikkontribwixxu għall-konsolidazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni.

    1.12

    Il-KESE huwa konxju tad-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs biex jikkontribwixxu għas-suċċess tal-aġenda, b’mod partikolari fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni u l-informazzjoni tal-konsumaturi u l-forniment ta’ oġġetti u servizzi li huma sostenibbli iżda li għandhom valur ekonomiku ogħla.

    1.13

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li n-negozji, speċjalment l-SMEs, jingħataw riżorsi finanzjarji biex jissodisfaw it-talbiet tal-Aġenda, speċjalment fi żmien meta l-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis fl-investiment tal-intrapriżi fis-setturi diġitali u ekoloġiċi.

    2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

    2.1   Kummenti ġenerali

    2.1.1

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

    għandha l-għan li ssaħħaħ il-qafas ġenerali għall-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati;

    tadotta approċċ komprensiv li jħaddan diversi politiki tal-UE;

    tirrifletti l-ħtieġa li jitqiesu r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki oħra, li jikkomplementaw inizjattivi oħra tal-Unjoni;

    teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Membri u t-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-qafas tal-protezzjoni tal-konsumatur żviluppat fil-livell tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE.

    2.1.2

    Il-Komunikazzjoni tidentifika 22 azzjoni li jkopru ħames oqsma prijoritarji ewlenin:

    it-tranżizzjoni ekoloġika;

    it-trasformazzjoni diġitali;

    ir-rimedju u l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur;

    il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti gruppi ta’ konsumaturi; kif ukoll

    il-kooperazzjoni internazzjonali.

    2.1.3

    Il-Komunikazzjoni tindirizza l-problemi, u tibda billi tikkunsidra l-ħtieġa li kulħadd ikollu aċċess ugwali u f’waqtu għat-testijiet meħtieġa u affordabbli, għat-tagħmir protettiv, għat-trattamenti u għall-vaċċini futuri. Jeħtieġ li l-konsumatur jiġi pprovdut b’kull garanzija rigward id-drittijiet fundamentali, l-etika medika, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, b’konformità mar-Regolament Ġenerali kkonċernat.

    2.1.4

    It-tfixkil soċjali u ekonomiku profond ikkawżat mill-pandemija jirrappreżenta sfida għas-soċjetà. Filwaqt li huwa importanti li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, għad hemm ċerti sfidi, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi li ġejjin:

    l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar id-dritt għal rimborż sħiħ tal-prepagamenti mħallsa lill-operaturi turistiċi;

    żieda fl-iskemi qarrieqa fil-konfront tal-konsumaturi, tekniki qarrieqa ta’ marketing u frodi fil-kummerċ elettroniku;

    bidliet fix-xejriet tal-konsum, li jwasslu b’mod partikolari għal żieda fl-iskart mill-imballaġġ li jintuża darba biss.

    2.2   Oqsma prijoritarji ewlenin

    2.2.1

    It-tranżizzjoni ekoloġika: tikkontribwixxi għan-newtralità klimatika, il-konservazzjoni tar-riżorsi naturali u l-bijodiversità u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma, tal-arja u tal-ħamrija. L-aċċess għal prodotti sostenibbli għandu jkun garantit għal kulħadd.

    2.2.2

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi strateġija komprensiva biex l-UE tinbidel f’soċjetà ġusta u prospera b’ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, nadifa u ċirkolari li fiha titnaqqas l-impronta ambjentali.

    2.2.3

    Id-Direttiva dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti għandha tiġi emendata biex tippromovi r-rimedju u tagħmlu dritt effettiv. Huma previsti miżuri addizzjonali biex jindirizzaw gruppi speċifiċi ta’ oġġetti u servizzi.

    2.2.4

    Il-konsumaturi għandhom ikunu protetti aħjar mill-aħbarijiet foloz jew informazzjoni qarrieqa jew konfuża sabiex tinħoloq l-impressjoni li prodott jew negozju jirrispetta l-ambjent iżjed mili fil-fatt jagħmel (“greenwashing”).

    2.3   It-trasformazzjoni diġitali

    2.3.1

    Id-Direttiva dwar l-Infurzar Aħjar u Mmodernizzar tar-Regoli tal-Unjoni dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur u d-Direttiva dwar il-Kontenut Diġitali huma stadji importanti, għalkemm jinħtieġu miżuri addizzjonali minħabba l-veloċità tal-progress teknoloġiku.

    2.3.2

    Jeħtieġ li jiġi evitat l-użu ta’ interfaċċi qarrieqa (“dark patterns)”, ċerti prattiki ta’ personalizzazzjoni, spiss ibbażati fuq it-tfassil ta’ profili, reklamar moħbi, frodi, informazzjoni falza jew qarrieqa u l-manipulazzjoni tal-opinjonijiet tal-konsumaturi. Tinħtieġ ukoll gwida ulterjuri dwar id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, peress li l-konsumaturi għandhom jibbenefikaw minn livell komparabbli ta’ protezzjoni u ġustizzja online jew offline.

    2.3.3

    L-intelliġenza artifiċjali ġġib magħha benefiċċji, iżda xi użijiet jistgħu jikkompromettu d-drittijiet tal-konsumaturi. Il-KESE jenfasizza li, f’konformità mal-Artikolu 22 tal-GDPR, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt għal intervent mill-bniedem meta deċiżjoni bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat taffettwahom b’mod sinifikanti.

    2.3.4

    Ir-Regolament CPC l-ġdid isaħħaħ il-kapaċitajiet online, il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u s-sistema ta’ ġbir ta’ informazzjoni biex jiġi indirizzat il-ksur mifrux tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, biex jiġi pprovdut livell uniformi ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u biex jiġi pprovdut “punt uniku ta’ servizz” għan-negozji.

    2.4   L-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-konsumaturi

    2.4.1

    Huwa preżunt li, fi tranżazzjoni, il-konsumaturi ġeneralment ikunu l-iżjed parti dgħajfa u għalhekk l-interessi tagħhom għandhom jiġu protetti. Madankollu, ċerti gruppi ta’ konsumaturi jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli u jeħtieġu miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni. Din il-vulnerabbiltà tista’ tirriżulta minn ċirkustanzi soċjali jew karatteristiċi partikolari bħall-età, is-sess, l-istat tas-saħħa, il-ħiliet diġitali u numeriċi u s-sitwazzjoni finanzjarja.

    2.4.2

    Iż-żieda fil-vulnerabbiltà finanzjarja ta’ ħafna unitajiet domestiċi fl-UE hija partikolarment inkwetanti f’dan il-perjodu.

    2.4.3

    L-għan ta’ din ir-reviżjoni għandu jkun ukoll li jiġu evitati sitwazzjonijiet diskriminatorji fl-aċċess għas-servizzi ta’ kreditu.

    2.4.3.1

    Il-persuni akbar fl-età u l-persuni b’diżabilità għandhom bżonnijiet speċjali fil-qasam tal-konsum. Huwa importanti li jiġi żgurat li tkun disponibbli informazzjoni ċara, faċli għall-utent u aċċessibbli kemm online kif ukoll offline, b’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi.

    2.4.3.2

    Approċċ ġust u mhux diskriminatorju għad-diġitalizzazzjoni għandu jqis il-ħtiġijiet tal-konsumaturi akbar fl-età, dawk b’diżabbiltà u, b’mod aktar ġenerali, dawk “skonnettjati”, li jistgħu jħossuhom inqas komdi bl-għodod diġitali.

    2.4.3.3

    It-tfal u l-minorenni huma partikolarment esposti għal prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni online qarrieqa jew aggressivi u jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet għal din il-problema. Barra minn hekk, it-tfal għandhom jiġu protetti kontra l-prodotti perikolużi eżistenti u kontra r-riskji marbutin mal-prodotti, u għalhekk ir-rekwiżiti tas-sikurezza se jiġu aġġornati fir-rigward tal-istandards applikabbli għal ċerti prodotti maħsuba għat-tfal.

    2.4.3.4

    Ir-riskju ta’ diskriminazzjoni huwa xi kultant aggravat minn algoritmi użati minn ċerti fornituri ta’ oġġetti u servizzi, li jistgħu jiġu fformulati b’ċertu preġudizzju li spiss jirriżulta minn aspettattivi kulturali jew soċjali preeżistenti.

    2.5   Il-protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest globali

    2.5.1

    Huwa importanti li l-UE tippromovi fil-livell internazzjonali l-livell għoli tagħha ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħala valur Ewropew u mudell Ewropew.

    2.5.2

    Biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-importazzjonijiet u biex il-konsumaturi tal-UE jiġu protetti minn prattiki kummerċjali żleali minn operaturi barra mill-UE, hemm bżonn li tiżdied l-azzjoni domestika, permezz ta’ għodod ta’ sorveljanza tas-suq aktar b’saħħithom, u li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-awtoritajiet tal-pajjiżi msieħba tal-UE.

    2.5.3

    Il-kooperazzjoni multilaterali dwar kwistjonijiet tal-konsumatur hija essenzjali għall-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni u sikurezza fil-livell internazzjonali u għall-protezzjoni tal-konsumaturi fid-dinja.

    2.6   Governanza

    2.6.1

    L-aġenda tistabbilixxi l-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-prijoritajiet tal-politika tal-konsumatur li jistgħu jiġu segwiti mill-UE u l-Istati Membri tagħha matul il-ħames snin li ġejjin.

    2.6.2

    Din il-viżjoni ġdida ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-prijoritajiet politiċi nazzjonali teħtieġ qafas ġdid għal kooperazzjoni msaħħa li tista’ twassal għal azzjonijiet konkreti.

    2.6.3

    Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tinvolvi ruħha b’mod regolari mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni. Se taħdem ukoll mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali biex tiżgura koordinazzjoni mill-qrib tal-azzjonijiet u użu aħjar tal-fondi disponibbli.

    2.6.4

    Din il-ħidma għandha tkun akkumpanjata minn kooperazzjoni mill-qrib u effettiva mal-partijiet interessati ewlenin, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, in-negozji u l-qasam akkademiku. L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur b’saħħithom fil-livell nazzjonali u tal-UE huma msieħba ewlenin fit-tħejjija tal-ħidma li għandha titwettaq fil-qafas tal-Aġenda u biex jintlaħqu l-konsumaturi.

    2.6.5

    Għalhekk, il-Kummissjoni:

    se tistabbilixxi grupp konsultattiv ġdid dwar il-politika tal-konsumatur;

    se ġġedded it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur fl-2021.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Fir-rigward tal-kriżi tas-saħħa, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex ilaqqmu l-popolazzjoni u jagħmlu l-istrateġija Ewropea tat-tilqim soċjalment u ekonomikament aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha.

    3.2

    Huwa importanti li l-konsumaturi jingħataw il-mezzi biex jaġixxu u jiġu involuti fl-ekonomija u li dawn isiru atturi ewlenin għal irkupru sostenibbli, u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u tas-suq uniku. Huma importanti mudelli ta’ negozju ġodda biex jottimizzaw l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-prodotti u s-servizzi.

    3.3

    Il-konsumaturi għandhom ikunu atturi rilevanti fit-tranżizzjoni ekoloġika, u jippromovu l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli. Il-prodotti kollha għandhom ikunu sikuri, disponibbli, affordabbli u aċċessibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħajja tagħhom fuq l-ixkaffa, id-durabbiltà, possibbiltà ta’ tiswija u r-riċiklabbiltà tagħhom. Il-KESE diġà esprima li kien favur ir-regolamentazzjoni tal-obsolexxenza ppjanata u d-durabbiltà tal-prodotti, anke fir-rigward tas-software. Il-miżuri proposti huma ġeneralment orizzontali u mhumiex speċifiċi għall-protezzjoni tal-konsumatur.

    3.4

    L-SMEs għandhom ikunu involuti f’din it-tranżizzjoni ekoloġika, mingħajr ma jinħoloq piż amministrattiv eċċessiv.

    3.5

    Il-KESE huwa determinat li jaħdem b’mod attiv favur tranżizzjoni “ekoloġika” u trasformazzjoni “diġitali”, mingħajr ma dan iwassal għall-esklużjoni soċjali, u jevita sistema b’żewġ veloċitajiet għall-konsumaturi vulnerabbli u sitwazzjonijiet diskriminatorji li jillimitaw l-għażla u l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi, bħal meta n-nisa tqal ma jingħatawx aċċess għal servizzi ta’ kreditu minħabba l-possibbiltà ta’ telf ta’ dħul jew meta l-ommijiet waħedhom ma jkunux jistgħu jaċċessaw ċerti servizzi finanzjarji.

    3.6

    Għandhom jittieħdu miżuri ta’ appoġġ biex tiġi indirizzata l-vulnerabbiltà finanzjarja tal-familji, inklużi ġenituri waħedhom u konjuġi tal-istess sess, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-dejn. Fl-Opinjonijiet tiegħu, il-KESE kemm-il darba esprima l-appoġġ tiegħu għar-regolazzjoni tad-dejn eċċessiv tal-unitajiet domestiċi.

    3.7

    Bħala parti mill-miżuri orizzontali, il-Kummissjoni għandha taġixxi fil-qasam tal-faqar enerġetiku u tevita sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-esklużjoni soċjali.

    3.8

    Il-KESE jittama li l-Kummissjoni teżamina malajr kemm jista’ jkun ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, id-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, id-Direttiva dwar it-Tqegħid fis-Suq b’Distanza ta’ Servizzi Finanzjarji, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur u d-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali.

    3.9

    Il-KESE għandu aspettattivi għoljin fir-rigward tad-Direttiva dwar l-Azzjonijiet Rappreżentattivi għall-Protezzjoni tal-Interessi Kollettivi tal-Konsumaturi, u jistenna li din id-direttiva tiġi trasposta b’mod konsistenti mal-oqfsa legali tal-Istati Membri.

    3.10

    Il-KESE jappoġġja l-għan li l-konsumaturi jingħataw il-mezzi bil-għan li jaqdu rwol aktar attiv fit-tranżizzjoni ekoloġika. Mhuwiex biżżejjed li n-negozji jibdlu u jinnovaw; jeħtieġ li s-suq jaċċetta dan it-tibdil u jittrasforma ruħu b’mod li l-ekonomija ssir aktar ċirkolari: il-konsum ta’ prodotti aktar sostenibbli (preżumibbilment aktar għaljin), żieda fid-durabbiltà u t-tiswija tal-prodotti abbażi tal-ekodisinn mixtieq (żvilupp tal-prodotti fuq il-bażi ta’ kriterji ekoloġiċi) u żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi naturali. Għandu jitqies ukoll ir-rwol tat-trasport fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika.

    3.11

    Huwa importanti li jitwassal il-messaġġ li l-impenn fil-konfront tal-ambjent huia r-responsabbiltà ta’ kulħadd: in-negozji, li jimplimentaw miżuri u prattiki aktar sostenibbli, jinfurmaw u jħarrġu lill-konsumaturi u, sabiex dawn il-miżuri jkunu effettivi, il-konsumaturi, li jeħtieġu wkoll jadottaw drawwiet u mġiba sostenibbli. Fir-rigward tal-ispejjeż addizzjonali potenzjali għall-SMEs Ewropej, kif imkejla fil-valutazzjoni tal-impatt tat-test tal-SMEs (li huwa parti integrali tal-inizjattiva tas-“Small Business Act” għall-Ewropa), għandha tingħata attenzjoni biex dawn jittaffew fil-qafas ta’ dal-mekkaniżmu, li jinkludi wkoll il-konsultazzjoni kontinwa tar-rappreżentanti tal-SMEs. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi u mezzi biex l-SMEs ikunu jistgħu jaġġornaw u jġeddu l-għarfien tagħhom.

    3.12

    Il-KESE jqis li huwa importanti li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali online li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-konsumatur u tal-operaturi l-oħra kollha involuti fiċ-ċiklu tal-prodotti. Huwa jafferma li dak kollu li huwa meqjus abbużiv fid-dinja fiżika (offline) għandu jiġi ttrattat bl-istess mod fid-dinja diġitali (online). Tipi ġodda ta’ abbuż fid-dinja offline, bħall-istrateġiji ta’ sorveljanza tan-negozju u l-interfaċċi qarrieqa, jeħtieġu protezzjonijiet saħansitra aktar b’saħħithom.

    3.13

    Huwa importanti li jissaħħu r-riżorsi tal-IT, umani u riżorsi ta’ tip ieħor li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-frodi diġitali. Minħabba t-tixrid mifrux ta’ tali frodi, l-azzjoni tal-awtoritajiet issir ħafna aktar kumplessa, inkluż f’każijiet fejn tiġi attakkata s-saħħa pubblika (pereżempju, fil-forma ta’ xiri online ta’ mediċini “illegali”).

    3.14

    L-azzjonijiet 8, 9 u 10 għandhom iżommu l-bilanċ bejn is-sigurtà u l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġi evitat it-tfixkil tal-innovazzjoni u tal-progress teknoloġiku u ekonomiku. Huwa importanti li jiġi żviluppat pjan ta’ azzjoni maċ-Ċina dwar is-sikurezza tal-prodotti u li jiżdied l-appoġġ għall-pajjiżi msieħba tal-UE, anke fl-Afrika, għat-tisħiħ tal-kapaċità fil-qasam tar-regolamentazzjoni u l-għajnuna teknika. Huwa importanti li tiġi protetta l-awtentiċità tal-prodotti (u, barra minn hekk, il-liġi tat-trade marks), peress li huwa rikonoxxut li hemm volum sinifikanti ta’ flus foloz u falsifikazzjonijiet ta’ prodotti f’ċerti pajjiżi terzi. Il-prodotti oriġinali, għal raġunijiet ta’ kwalità, konvenjenza u reputazzjoni, jistħoqqilhom attenzjoni u interess sostanzjali mill-konsumaturi.

    3.15

    Il-KESE jappella għall-adozzjoni ta’ metodu ta’ evalwazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva. Huwa importanti li jiġi vvalutat jekk id-direttivi tal-UE humiex implimentati fil-ħin, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja u l-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar.

    3.16

    Il-KESE jinnota distakk dejjem jikber bejn l-istrateġiji (eż. il-Patt Ekoloġiku Ewropew b’mod ġenerali u l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” jew l-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida b’mod partikolari) u l-inizjattivi regolatorji (jew mhux regolatorji) aktar dettaljati li suppost għandhom jimplimentaw dawn l-istrateġiji. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li l-ambizzjonijiet tal-Aġenda tal-Konsumatur dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ikunu kostanti matul l-implimentazzjoni tal-inizjattivi ta’ segwitu individwali tagħha.

    4.   Il-kriżi tal-COVID-19

    4.1

    Il-kriżi pandemika attwali laqtet lil kulħadd b’mod aħrax u kellha impatt sinifikanti fuq ħafna aspetti ta’ ħajjitna. Hija wasslet għal bidla fil-prijoritajiet ewlenin tal-Istati Membri u ppenalizzat bil-bosta lill-konsumaturi, peress li d-drittijiet tagħhom ġew ristretti indebitament mingħajr ma ssaħħew il-mekkaniżmi eżistenti jew, saħansitra, mingħajr ma nħolqu mekkaniżmi bil-għan li jindirizzaw iċ-ċirkustanzi l-ġodda biex jiżguraw il-protezzjoni finanzjarja tal-konsumaturi.

    4.2

    Għalhekk huwa essenzjali. sabiex jiġu antiċipati l-konsegwenzi potenzjali għall-konsumaturi, u fid-dawl tat-tagħlimiet misluta mill-kriżi pandemika, li fil-ġejjieni nfittxu li nsaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur fl-oqsma tas-saħħa, l-enerġija, il-komunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji, l-avjazzjoni u d-drittijiet tal-passiġġieri, il-pakketti tal-ivvjaġġar, il-monitoraġġ, l-ikel u s-servizzi diġitali.

    4.3

    Min-naħa l-oħra, il-kriżi aggravat il-proliferazzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali mmirati lejn dawk l-aktar vulnerabbli u, għal xi żmien, wasslet għal prezzijiet għaljin ħafna u spekulattivi flimkien ma’ interruzzjonijiet fl-istokk ta’ ċerti prodotti u tagħmir ta’ protezzjoni personali. Din is-sitwazzjoni ser teħtieġ għal darb’oħra, fid-dawl ta’ żieda ulterjuri tal-kriżi, aktar attenzjoni u żieda fir-riżorsi għall-korpi responsabbli għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni.

    4.4

    Il-KESE għandu jħeġġeġ it-tħejjija ta’Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar dan is-suġġett biex jgħin lill-Kummissjoni fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

    5.   Oqsma oħra mhux inklużi fl-Aġenda tal-Konsumatur ġdida jew indirizzati indirettament u li għandhom jiġu indirizzati

    5.1   Il-ġestjoni tas-saħħa pubblika fl-Istati Membri

    Qed jittieħdu l-ewwel passi lejn il-ħolqien ta’ Unjoni tas-Saħħa Ewropea. Il-kriżi tal-coronavirus turi li l-UE jeħtieġ li taqdi rwol ħafna aktar attiv fil-qasam tas-saħħa pubblika, sabiex tipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej kollha, permezz ta’ sistemi tas-saħħa aktar reżiljenti u qafas tas-sigurtà tas-saħħa aktar b’saħħtu.

    5.2   Is-servizzi finanzjarji

    Fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, se jkun essenzjali li jiġi enfasizzat il-mekkaniżmu ta’ moratorju u l-ħolqien ta’ approċċ integrat li jipproteġi l-interessi tal-konsumaturi, irrispettivament min-natura tal-kreditu. Se jkun importanti fil-livell Ewropew li jiġi vvalutat il-mekkaniżmu speċjali ta’ insolvenza għall-individwi, u li titqies il-ħtieġa li jiġi evitat tnaqqis fil-protezzjoni li bħalissa jgawdu l-konsumaturi.

    5.3   Turiżmu, rikreazzjoni u drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru

    Huwa importanti li jinħolqu, jissaħħu jew jiġu modifikati d-drittijiet tal-konsumatur u li jiġu stabbiliti fondi tal-UE biex jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi f’dawn l-oqsma. Din se tkun ukoll opportunità ideali biex tiġi rieżaminata l-protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ sistema adegwata ta’ protezzjoni finanzjarja li tipproteġi lill-passiġġieri kontra r-riskju ta’ kriżi ta’ likwidità jew fil-każ li linja tal-ajru ssir insolventi f’dak li jirrigwarda r-rimborż tal-biljetti u, fejn meħtieġ, ir-ripatrijazzjoni.

    5.4   L-akkomodazzjoni

    Jeħtieġ li jinħoloq programm Ewropew integrat tad-djar li jkopri oqsma differenti, bħall-ambjent, l-enerġija, is-servizzi finanzjarji, id-drittijiet kuntrattwali u s-saħħa, sabiex jinħoloq dritt għall-konsumaturi Ewropej li jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni deċenti u affordabbli fuq perjodu twil ta’ żmien. Għandu jitħeġġeġ il-bini ta’ djar sostenibbli (pereżempju, is-djar passivi). L-applikazzjoni tal-prinċipji taċ-ċirkolarità għar-riabilitazzjoni tal-bini se tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra marbutin mal-materjali tal-bini. Ir-rinnovazzjoni tal-bini tista’ tiftaħ ħafna opportunitajiet u tiġġenera benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi importanti fit-tul.

    5.5   L-enerġija

    Jeħtieġ li jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-enerġija rinnovabbli, l-awtokonsum u t-tariffi tas-suq u li jiġi żgurat li l-ebda konsumatur ma jiġi diskriminat jew ikun nieqes mill-konnettività li ma tħallihx jibbenefika mill-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-enerġija alternattivi ġenwini.

    5.6

    Hemm bżonn li tiġi definita u msaħħa aħjar ir-responsabbiltà tal-pjattaformi diġitali, kemm għall-finijiet tas-sikurezza tal-prodotti kif ukoll għar-responsabbiltà fl-intermedjazzjoni ta’ kuntratti online.

    5.7

    Huwa importanti li tiġi stabbilita struttura ċara ta’ responsabbiltà għall-pjattaformi online, inklużi miżuri adatti biex jiġu indirizzati prattiki kummerċjali frodulenti, inġusti u qarrieqa u l-bejgħ ta’ prodotti mhux konformi u oġġetti u servizzi perikolużi permezz ta’ pjattaformi online. F’dan ir-rigward, huwa importanti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġu miġġielda dawn il-prattiki diżonesti.

    5.8

    Il-bejgħ dirett ta’ prodotti perikolużi lill-konsumaturi għandu jintemm jew jiġi limitat, l-aktar minħabba l-kompożizzjoni kimika tagħhom. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni tas-sistema Safety Gate bħala sistema ta’ twissija rapida tal-UE għall-prodotti li huma perikolużi għall-konsumaturi.

    5.9

    Hemm bżonn li tissaħħaħ il-protezzjoni fil-qasam tas-servizzi over-the-top (OTTs), li għadhom mhumiex koperti mill-biċċa l-kbira tal-liġijiet nazzjonali u lanqas mhuma koperti mill-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.

    5.10

    Billi tiżviluppa l-politika tagħha dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, l-UE se ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha. Indipendentement mill-iżvilupp tal-politiki globali tagħha, jeħtieġ li timplimenta għadd ta’ azzjonijiet u programmi eqreb taċ-ċittadini, u dan jitlob it-tisħiħ tan-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) u n-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, bl-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali kollha.

    Brussell, is-27 ta’ April 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    ANNESS

    L-emenda proposta li ġejja ġiet irrifjutata mill-Assemblea, allavolja aktar minn kwart tal-voti mixħuta kienu favur l-adozzjoni tagħhom (Artikolu 59(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    Punt 1.13.

    Ħassar it-test kif ġej:

     

    1.13

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li n-negozji, speċjalment l-SMEs, jingħataw riżorsi finanzjarji biex jissodisfaw it-talbiet tal-Aġenda, speċjalment fi żmien meta l-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis fl-investiment tal-intrapriżi fis-setturi diġitali u ekoloġiċi.

    Raġuni:

     

    Kif inhu miktub il-punt, hemm l-assunzjoni li l-appoġġ tas-settur pubbliku għandu jingħata sabiex in-negozji jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti bażiċi tal-protezzjoni tal-konsumatur. Huwa ovvju li din l-idea tmur wisq ‘’il bogħod fis-sistema ekonomika tagħna bbażata fuq il-profitt, u tikkontradixxi l-assunzjonijiet li topera bihom. Il-protezzjoni tal-konsumaturi hija rekwiżit: la hija lussu u lanqas hija servizz addizzjonali li għandu jingħata mill-fondi pubbliċi.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur:

    64

    Kontra:

    139

    Astensjonijiet:

    35


    Top