Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE2336

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu posposti ċerti limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19” (COM(2020) 197 final — 2020/0081 (CNS)) dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 fir-rigward tad-dati tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni minħabba t-tifqigħa tal-kriżi tal-COVID-19” (COM(2020) 198 final — 2020/0082 (CNS)) dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19” (COM(2020) 201 final — 2020/0084 (CNS))

    EESC 2020/02336

    ĠU C 311, 18.9.2020, p. 76–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.9.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 311/76


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu posposti ċerti limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19”

    (COM(2020) 197 final — 2020/0081 (CNS))

    dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 fir-rigward tad-dati tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni minħabba t-tifqigħa tal-kriżi tal-COVID-19”

    (COM(2020) 198 final — 2020/0082 (CNS))

    dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19”

    (COM(2020) 201 final — 2020/0084 (CNS))

    (2020/C 311/11)

    Relatur ġenerali:

    Petru Sorin DANDEA

    Konsultazzjoni

    Kunsill, 13.5.2020 u 15.5.2020

    Bażi legali

    Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Deċiżjoni tal-President tal-KESE

    14.5.2020

    Adottata fil-plenarja

    10.6.2020

    Sessjoni tal-plenarja Nru

    552

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    218/2/6

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Fid-dawl tal-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u t-tfixkil sinifikanti għall-ambjent tan-negozju minħabba l-miżuri ta’ eċċezzjoni li ttieħdu mill-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew japprova l-pakkett ta’ miżuri propost mill-Kummissjoni Ewropea, li għandu l-għan li jestendi ċerti skadenzi għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (id-Direttiva DAC) u li jipposponi l-pakkett dwar il-VAT applikabbli għall-kummerċ elettroniku transfruntier.

    1.2.

    Skont l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-posponiment tal-iskadenzi previsti għall-applikazzjoni tal-iskema tal-VAT fuq il-kummerċ elettroniku transfruntier se jikkawża telf finanzjarju għall-Istati Membri li jqarreb lejn EUR 3 biljun. Madankollu, il-Kummissjoni turi li s-sistema ma tistax tiffunzjona tajjeb qabel id-data meta l-Istati Membri jkunu ppreparati kollha. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex is-sistema ssir operattiva hekk kif tingħeleb il-kriżi attwali.

    1.3.

    Id-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (id-Direttiva DAC) u l-pakkett tal-VAT applikabbli għall-kummerċ elettroniku transfruntier huma parti mir-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex tiġġieled dawn il-fenomeni negattivi, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri tippermetti li jinkisbu riżultati tassew sinifikanti. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifittxu jilħqu l-akbar kunsens possibbli fl-iqsar żmien possibbli, biex jagħmlu dawn il-miżuri applikabbli malajr.

    1.4.

    Il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll assistenza għat-taħriġ tal-persunal li ser juża s-sistema l-ġdida meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-iskema l-ġdida tal-VAT applikabbli għall-kummerċ elettroniku transfruntier.

    2.   Kuntest tal-proposta

    2.1.

    Wara li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ikklassifikat l-epidemija tal-COVID-9 bħala pandemija, numru ta’ Stati Membri indikaw lill-Kummissjoni li minħabba miżuri ta’ eċċezzjoni introdotti fil-livell nazzjonali, mhux se jkunu f’pożizzjoni la li japplikaw ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva DAC u lanqas li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tal-pakkett tal-VAT dwar il-kummerċ elettroniku.

    2.2.

    Il-Kummissjoni nediet sett ta’ proposti biex tappoġġja lill-Istati Membri f’dan il-kuntest ta’ sfida. Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea (1) huma maħsubin biex jipposponu ċerti skadenzi għall-implimentazzjoni jew it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti skont id-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (id-Direttiva DAC) u d-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995, kif ukoll ir-Regolament (UE) 2017/2454 li jirregola l-iskema tal-VAT applikabbli għall-kummerċ elettroniku transfruntier.

    2.3.

    Fir-rigward tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva (DAC), il-Kummissjoni tipproponi li l-iskadenzi għad-DAC2 u d-DAC6 jiġu posposti bi tliet xhur. B’mod aktar speċifiku, l-iskambju ta’ informazzjoni taħt iż-żewġ Direttivi, li huma relatati rispettivament mal-kontijiet finanzjarji li l-benefiċjarji tagħhom huma residenti fi Stat Membru ieħor għal finijiet ta’ taxxa, u mal-arranġamenti transkonfinali tat-taxxa, se jseħħ wara d-data sa meta l-Kummissjoni tipproponi d-differiment. F’każ li l-Istati Membri jkunu kostretti jtawlu l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri ta’ eċċezzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li l-adozzjoni ta’ att delegat għandha tkun tista’ testendi l-iskadenzi stabbiliti fil-pakkett attwali.

    2.4.

    Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, il-Kummissjoni tipproponi li tipposponi b’sitt xhur il-bidu tal-applikazzjoni. Is-sistema tal-VAT għall-kummerċ elettroniku tirrikjedi sistema tal-IT kompletament ġdida fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ Punt Uniku ta’ Servizz tal-Importazzjoni.

    2.5.

    L-inizjattiva tal-Kummissjoni hija konsistenti mal-miżuri l-oħra stabbiliti sal-lum u tindirizza t-talbiet ġustifikati minn ċerti Stati Membri, iżda wkoll minn kumpaniji ta’ operaturi ta’ servizzi postali u ta’ servizzi ta’ kurrier li, fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, esperjenzaw diffikultajiet biex jadattaw is-servizzi tagħhom għall-iskema l-ġdida tal-VAT għall-kummerċ elettroniku transfruntier.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-kriżi tas-saħħa relatata mal-COVID-19 ikkawżat tfixkil soċjali u ekonomiku kbir. L-Istati Membri ħabbtu wiċċhom ma’ sfidi mingħajr preċedent f’ħafna oqsma. L-amministrazzjonijiet tat-taxxa indikaw li, f’dan il-kuntest kumpless, mhux ser ikunu f’pożizzjoni li japplikaw ċerti regolamenti. Il-pakkett regolatorju propost mill-Kummissjoni jestendi ċerti skadenzi previsti skont id-Direttiva DAC, iżda wkoll l-iskadenza għat-traspożizzjoni tal-iskema tal-VAT applikabbli għall-kummerċ elettroniku transfruntier. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li l-estensjoni tal-iskadenzi hija meħtieġa u jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni.

    3.2.

    Minħabba t-telf fid-dħul, kif stmat mill-Kummissjoni, li l-Istati Membri se jġarrbu minħabba l-posponimenti stipulati fis-sistema tal-VAT għall-kummerċ elettroniku transfruntier, il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jegħlbu l-kriżi attwali u jerġgħu lura għal sitwazzjoni normali mill-aktar fis possibbli.

    3.3.

    Minħabba l-inċertezza marbuta mal-perjodu sakemm il-ħajja u n-negozju taċ-ċittadini jerġgħu lura għan-normal, il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li testendi l-iskadenzi stabbiliti fil-pakkett, abbażi ta’ atti delegati.

    3.4.

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT meħtieġa għall-applikazzjoni tal-iskema tal-VAT fuq il-kummerċ elettroniku transfruntier. Il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll assistenza għat-taħriġ tal-persunal li juża s-sistema l-ġdida.

    3.5.

    L-objettiv prinċipali tad-Direttiva DAC u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema tal-VAT applikabbli għall-kummerċ elettroniku transfruntier huwa l-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex tiġġieled dawn il-fenomeni negattivi, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri tippermetti li jinkisbu riżultati tassew sinifikanti. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifittxu jilħqu l-akbar kunsens possibbli fl-iqsar żmien possibbli, biex jagħmlu dawn il-miżuri applikabbli malajr.

    Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  COM(2020) 197 final, Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu posposti ċerti limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19

    COM(2020) 198 final, Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 f’dak li jrrigwarda d-dati tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID19

    COM(2020) 201 final, Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19


    Top