Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0607

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija (Chisinau, it-12 u t-13 ta’ Diċembru 2019)

    COM/2019/607 final

    Brussell, 19.11.2019

    COM(2019) 607 final

    ANNESSI

    tal-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija (Chisinau, it-12 u t-13 ta’ Diċembru 2019)


    ANNESS 1

    Il-Kunsill Ministerjali

    1.ID-DEĊIŻJONI LI TADOTTA L-BAĠIT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA U L-KONTRIBUZZJONIJIET FINANZJARJI GĦALL-PERJODU 2020-2021;

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea hija li tiġi approvata d-Deċiżjoni li tadotta l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-perjodu 2020-2021 f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 2019 dwar l-istabbiliment tal-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għall-perjodu 2020-2021, C(2019) 7828 final, u l-Abbozz ta’ Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali mehmuż bħala Addendum ta’ dan l-Anness.

    2.DEĊIŻJONIJIET SKONT L-ARTIKOLU 91(1) TAL-ECT LI JISTABBILIXXU L-EŻISTENZA TA’ KSUR TAL-FTEHIM FIL-KAŻIJIET LI ĠEJJIN: KAWŻA ECS-10/17 (IS-SERBJA), KAWŻA ECS-13/17 (IS-SERBJA), KAWŻA ECS-6/18 (IL-KOSOVO*);

    (a)Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea hija li jiġi approvat l-abbozz tad-Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91(1) tal-ECT li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur fil-Kawża ECS-10/17 (Is-Serbja) bil-kondizzjoni li jitneħħa l-obiter dictum fil-punt (71) tat-Talba Motivata, il-Kawża ECS-13/17 (Is-Serbja), u l-Kawża ECS-6/18 (Il-Kosovo*).

    3.DEĊIŻJONIJIET SKONT L-ARTIKOLU 92(1) TAL-ECT DWAR: L-IMPOŻIZZJONI JEW L-ESTENSJONI TAL-MIŻURI DWAR IL-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA FIL-KAWŻI ECS-8/11, ECS-2/13 U ECS-6/16; DWAR IS-SERBJA FIL-KAWŻI ECS-3/08 U ECS-9/13;

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea hija li jiġi approvat l-abbozz tad-Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 92(1) tal-ECT dwar il-Bożnija-Ħerzegovina fil-Kawżi ECS-8/11, ECS-2/13 u ECS-6/16 u dwar is-Serbja fil-Kawżi ECS-3/08 u ECS-9/13.



    ADDENDUM TAL-ANNESS 1

    ATT PROĊEDURALI

    TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

    2019/PA/01/MC-EnC: Dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2020-2021 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit

    Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, u b’mod partikolari l-Artikoli 73, 74, 86 u 88 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ ...………………………… dwar l-istabbiliment tal-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għall-perjodu 2020-2021,

    Wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 25 tal-proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-Baġit, il-Verifika u l-Ispezzjoni,

    Billi l-Kunsill Ministerjali għandu jadotta baġit biennali li jkopri l-ispejjeż operatorji tal-Komunità tal-Enerġija meħtieġa għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet tiegħu,

    Billi kull Parti għandha tikkontribwixxi għall-baġit tal-Komunità tal-Enerġija kif stipulat fl-Anness IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija li jkopri s-snin finanzjarji 2020 u 2021 kif stabbilit fl-Anness tal-Att Proċedurali preżenti huwa b’dan adottat.

    Artikolu 2

    B’effett mill-1 ta’ Jannar 2020, il-kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-Komunità tal-Enerġija mill-Partijiet huma stabbiliti fl-Anness tal-Att Proċedurali preżenti.

    Artikolu 3

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Partijiet u lill-istituzzjonijiet kollha taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija.

    Artikolu 4

    Id-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għandu jagħmel dan l-Att Proċedurali u l-Anness tiegħu disponibbli għall-Partijiet u l-istituzzjonijiet kollha taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija fi żmien 7 ijiem wara l-adozzjoni tiegħu.

    Adottat f’Chisinau fit-13 ta’ Diċembru 2019

    Għall-Kunsill Ministerjali

    ………………..

    Il-Presidenza



    Anness

    tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tal-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għall-perjodu 2018-2019

    Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija għall-2020-2021

    1.Kuntest tal-proposta

    1.1.Bażi tat-Trattat

    L-Artikoli 73 u 74 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ it-“Trattat”) jistipulaw li l-Att Proċedurali adottat b’unanimità mill-Kunsill Ministerjali, fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea, għandu jistabbilixxi baġit biennali tal-Komunità tal-Enerġija. Ikopri wkoll in-nefqa operattiva tal-Komunità tal-Enerġija meħtieġa għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet tagħha.

    Din il-proposta tal-baġit u dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni tħejjew mid-Direttur kif meħtieġ skont l-Artikolu 30 tal-Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Proċeduri Baġitarji”).

    1.2.Dispożizzjonijiet għall-baġit tal-Komunità tal-Enerġija għall-2020-2021

    Il-prinċipji ta’ gwida u d-dispożizzjonijiet għat-tħejjija tal-baġit (dwar il-kontenut u l-istruttura) huma stabbiliti fil-Proċeduri Baġitarji tal-Komunità tal-Enerġija (emendati fl-2014).

    Il-prinċipju addizzjonali applikat għall-ewwel darba fil-proċess huwa relatat mal-introduzzjoni tal-prinċipji tal-Ibbaġitjar Ibbażat fuq l-Attività (ABB) fl-iskema ta’ rapportar futura tal-Komunità tal-Enerġija.

    2.Deskrizzjoni tal-Programm ta’ Ħidma għall-2020-2021

    Filwaqt li jirriflettu wkoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi ġodda li ġejjin, il-prijoritajiet tal-Komunità tal-Enerġija u tal-istituzzjonijiet tagħha, inkluż is-Segretarjat, se jkunu ċċentrati sew fuq l-objettivi ewlenin stabbiliti mit-Trattat:

    3.L-estensjoni tar-regoli u l-prinċipji tas-suq intern tal-enerġija tal-UE għal pajjiżi fix-Xlokk tal-Ewropa, fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u lil hinn, fuq il-bażi ta’ qafas legalment vinkolanti

    4.L-istabbiliment ta’ qafas stabbli regolatorju u tas-suq li kapaċi jattira l-investiment fil-ġenerazzjoni u n-netwerks tal-enerġija;

    5.Il-ħolqien ta’ suq integrat tal-enerġija li jippermetti l-kummerċ u l-integrazzjoni transfruntiera tal-enerġija mas-suq tal-UE;

    6.It-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista biex tiżgura l-provvista stabbli u kontinwa tal-enerġija li hija essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà soċjali;

    7.It-titjib tal-qagħda ambjentali fir-rigward tal-provvista tal-enerġija fir-reġjun u t-trawwim tal-użu tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-enerġija; u

    Is-Segretarjat se jkompli jappoġġja lill-Partijiet Kontraenti fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-acquis. F’sitwazzjonijiet fejn hemm nuqqas ta’ progress, l-esperti tas-Segretarjat se jkunu aktar u aktar involuti f’każijiet individwali biex jipprovdu appoġġ imfassal apposta, permezz ta’ missjonijiet ta’ implimentazzjoni speċifiċi għall-pajjiż jew permezz tal-ġestjoni ta’ servizzi ta’ konsulenza esterna. Il-mekkaniżmu tal-infurzar skont it-Trattat, appoġġjat permezz ta’ medjazzjoni u riżoluzzjoni ta’ tilwim, se jibqa’ jservi ta’ għodda importanti biex jappoġġja l-proċess tal-implimentazzjoni tat-Trattat f’każijiet fejn tipi oħra ta’ appoġġ ma jkunux irnexxew (eż. abbozzar, kondiviżjoni tal-għarfien, bini tal-kapaċità).

    Fl-istess ħin, ir-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa (REMIT) u l-Kodiċijiet u l-Linji Gwida tan-Netwerk tal-Gass, li ġew adottati reċentement minn korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija, se jkollhom jiġu trasposti u implimentati. Aktar kompiti fi kwistjonijiet relatati mal-infrastruttura (relatati mal-PECI/PMI) se jibqgħu fuq l-aġenda tas-Segretarjat u se jeħtieġu rapportar regolari skont ir-regolament applikabbli.

    Il-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika dwar il-Miri għall-2030 għall-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, adottati f’Diċembru 2018, jistabbilixxu l-attenzjoni futura tal-ħidma tal-Komunità tal-Enerġija fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni. Waqt il-laqgħa ta’ Diċembru msemmija, il-Kunsill Ministerjali ħabbar li se jaħdem favur l-inkorporazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa. L-ewwel biċċiet tal-Pakkett li jistgħu jiġu inkorporati fl-acquis diġà fl-2019 huma d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli mfassla mill-ġdid, id-Direttiva emendata dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u d-Direttiva emendata dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, u r-Regolament dwar il-Governanza. Dan se jirriżulta f’aktar kompiti u obbligi tal-Partijiet Kontraenti u jeħtieġ li jsiru sforzi ġodda mis-Segretarjat. L-obbligu partikolarment diffiċli se jkun it-tħejjija u l-adozzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima.

    Barra minn hekk, l-acquis dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass u l-Kodiċijiet tan-Netwerk eżistenti u futuri jipprevedu għadd ta’ kompiti ġodda għas-Segretarjat u l-ECRB.

    Barra minn hekk, l-adozzjoni tal-Atti Proċedurali mill-Kunsill Ministerjali dwar l-istabbiliment u l-ħidma tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Distribuzzjoni tal-Elettriku tal-Komunità tal-Enerġija u tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Komunità tal-Enerġija għaċ-Ċibersigurtà u l-Infrastruttura Kritika għandha twassal għal numru ta’ kompiti ġodda, eż. l-organizzazzjoni u t-tħejjija ta’ laqgħat, l-appoġġ ġenerali tal-kontenut għall-gruppi ta’ ħidma, eċċ.

    Bil-kompiti eżistenti u ġodda li jirriżultaw mill-mandat tas-Segretarjat, il-lista tal-obbligi ta’ rapportar lejn diversi istituzzjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija (eż. il-Kunsill Ministerjali, l-ECRB, il-PHLG) u l-Kummissjoni Ewropea, qed tiżdied b’mod kontinwu. Id-dettalji tal-obbligi ta’ rapportar huma ppreżentati fl-Anness II tal-Programm ta’ Ħidma.

    B’mod ġenerali, il-ħidma tas-Segretarjat tirrifletti tliet oqsma ewlenin ta’ prijorità skont l-Artikolu 67 tat-Trattat:

    Attività 1 (A1) – L-implimentazzjoni tal-acquis skont l-Artikolu 67(b) tat-Trattat li jiffoka fuq l-għajnuna mogħtija lill-Partijiet Kontraenti biex tappoġġja l-implimentazzjoni xierqa tal-obbligi skont it-Trattat u r-rapportar annwali tal-progress lill-Kunsill Ministerjali;

    Attività 2 (A2) – l-għajnuna lid-donaturi u lill-koordinazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-attività tad-donaturi skont l-Artikolu 67(c), inkluż għajnuna għall-ħidma tal-komunità tad-donaturi fl-oqsma tal-ambitu tal-Komunità tal-Enerġija fil-Partijiet Kontraenti; u

    Attività 3 (A3) – l-appoġġ amministrattiv lill-istituzzjonijiet u lill-korpi skont l-Artikolu 67(a) rigward il-faċilitazzjoni u l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija u l-korpi ta’ ħidma stabbiliti b’deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali.

    L-attivitajiet ewlenin, kif definiti fil-Programm ta’ Ħidma għall-finijiet ta’ rapportar, huma maqsuma ulterjorment f’azzjonijiet (ara l-Anness I tal-Programm ta’ Ħidma għall-2020-2021). Aktar ’il quddiem, ir-rapportar dwar l-utilizzazzjoni tal-baġit se jsir skont l-attivitajiet definiti (ara hawn fuq A1-A3) u l-indikaturi korrispondenti.

    Dan id-dokument, madankollu, jirreferi għall-ippjanar tar-riżorsi f’konformità mal-prinċipji tal-Proċeduri Baġitarji (ara hawn taħt).

    8.Suppożizzjonijiet baġitarji

    Is-suppożizzjoni prinċipali li hija l-bażi tal-proposta tal-baġit hija li l-qafas legali u finanzjarju stabbli se jkompli jkun applikabbli għall-operazzjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija. L-emendi ppjanati għat-Trattat sabiex jittejjeb il-funzjonament tiegħu, li l-Kunsill Ministerjali huwa skedat li jadotta fl-2019, appoġġjat mill-Presidenza fil-Kariga u mis-Segretarjat, huma l-ewwel pass ta’ assigurazzjoni li l-Komunità se tkompli taħdem sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Komunità tal-Enerġija, billi tirrispondi għar-rekwiżiti tal-ħolqien ta’ suq intern uniku tal-enerġija. Fil-livell tal-ippjanar finanzjarju għall-2020-2021, tqieset l-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-baġit tat-tliet snin preċedenti kif ukoll l-ippjanar strateġiku ta’ kompiti u attivitajiet futuri kif ippreżentati fil-Programm ta’ Ħidma.

    9.L-istruttura tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija

    L-ippjanar finanzjarju jsegwi l-istruttura definita minn qabel tal-baġit permezz tal-forniment tar-Regoli applikabbli. Dan il-qafas stabbli mogħti għall-ippjanar tal-infiq u tad-dħul mill-bidu nett tal-Komunità tal-Enerġija jippermetti paragun multiannwali tal-użu tar-riżultati.

    Il-baġit ippreżentat huwa allokat f’konformità ma’ erba’ linji baġitarji (“BL”) li huma Riżorsi Umani, Spejjeż tal-Ivvjaġġar, Spejjeż għall-Uffiċċju u Spejjeż Oħra, Servizzi li huma dettaljati aktar fil-pożizzjonijiet baġitarji (numru differenti f’linji baġitarji differenti). Kull waħda mill-pożizzjonijiet baġitarji hija magħmula wkoll minn kontijiet definiti minn qabel li qed joħolqu grupp ta’ kontijiet li jirrappreżentaw ċerta kategorija ta’ nfiq relatata mal-linji baġitarji. L-ispjegazzjonijiet mogħtija taħt din it-taqsima huma applikabbli għas-sentejn 2020-2021.

    9.1.Linja Baġitarja: Riżorsi Umani

    Il-Linja Baġitarja I tikkostitwixxi nfiq fuq ir-riżorsi umani. Din il-parti tal-baġit hija definita f’konformità mal-Pjan ta’ Stabbiliment approvat u ssegwi l-iskali tas-salarju stabbiliti.

    L-istruttura organizzattiva eżistenti tas-Segretarjat hija l-bażi għall-proposta. Il-baġit għal-Linja Baġitarja tar-Riżorsi Umani huwa r-riżultat tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    Fl-2020 u l-2021 rispettivament, is-salarji huma indiċjati b’fattur ta’ inflazzjoni ta’ 2 %; u

    Hija prevista l-promozzjoni kontinwa tal-impjieg temporanju skont l-iskemi ta’ sekondar u ta’ internship. Is-sekondar, użat bħala forma ta’ tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-Partijiet Kontraenti, se jkompli jintuża fis-snin 2020-2021 biex jikkomplementa lit-tim tas-Segretarjat b’għarfien espert tekniku speċifiku mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u organizzazzjonijiet oħra. L-internships għandhom l-għan li jappoġġjaw lill-persunal kif ukoll li jxerrdu l-għarfien dwar il-Komunità tal-Enerġija u jikkontribwixxu għall-bini tal-kapaċità. Is-suppożizzjonijiet finanzjarji tal-baġit propost jipprevedu fondi għal madwar 60 xahar ta’ xogħol għall-internships 1 u 24 xahar ta’ xogħol għas-sekondar. In-numru ta’ persunal temporanju jingħadd fuq bażi ta’ impjieg ta’ sena, jiġifieri total ta’ ħames internships ta’ sena u 2 sekondar ta’ sena ppjanati għall-2020 (b’kollox total ta’ 7 temporanji).

    9.2.Linja Baġitarja: Ivvjaġġar

    Il-Linja Baġitarja II tinkludi l-infiq relatat ma’ vjaġġi awtorizzati tal-persunal tas-Segretarjat f’isem il-Komunità tal-Enerġija li jsegwu attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tat-Trattat.

    L-infiq jirreferi prinċipalment għall-missjonijiet jew l-assistenza teknika tal-Parti Kontraenti għar-rieżami tal-implimentazzjoni tal-obbligi skont it-Trattat. Dan il-baġit jinkludi wkoll fondi għal vjaġġi ġġustifikati relatati mal-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-persunal f’laqgħat u f’konferenzi differenti, inklużi dawk tal-istituzzjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija, bħala kelliema, eċċ.

    Fl-istruttura tiegħu, il-baġit għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar huwa ppjanat u magħmul minn:

    Spejjeż għat-titjiriet u spejjeż inċidentali; u

    Gratifika għal Kull Jum (DSA, Daily Subsistence Allowance) 2 .

    9.3.Linja Baġitarja: Uffiċċju

    Il-Linja Baġitarja III tinkludi l-infiq li jżid jew ibiddel l-assi tal-Komunità tal-Enerġija u nfiq ieħor fuq l-infrastruttura tal-uffiċċji (kera, provvisti tal-uffiċċji, oġġetti tal-konsum u servizzi oħra) li huwa neċessarju għall-funzjonament tas-Segretarjat bħala istituzzjoni skont it-Trattat.

    Din il-linja baġitarja tinkludi l-pożizzjonijiet baġitarji li ġejjin:

    Kera: L-istima tal-infiq għall-kiri tal-bini tal-uffiċċji. Din il-pożizzjoni baġitarja tqis id-donazzjoni li trid tasal mill-pajjiż ospitanti (l-Awstrija) għall-baġit ġenerali tal-Komunità tal-Enerġija 3 .

    Tagħmir għall-uffiċċju: Din il-pożizzjoni baġitarja tirrifletti l-ħtieġa li t-tagħmir (b’mod partikolari l-IT u l-għamara relatata tal-uffiċċji) jinżamm aġġornat biex jipprovdi s-sigurtà massima tal-ambjent tax-xogħol, tal-proċessi u tad-data pproċessata. Din il-linja baġitarja hija magħmula mill-kontijiet baġitarji li ġejjin: ħardwer, softwer, tagħmir tal-uffiċċju u assi b’valur baxx. L-ibbaġitjar tal-infiq globali għall-2020 isegwi l-pjan tal-IT, li jistma l-iskambju tal-ħardwer (tagħmir tal-IT għall-persunal – laptops, printers u servers fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-IT) u tas-softwer korrispondenti. Jinkludi wkoll liċenzji għat-tħaddim tas-softwer eżistenti meħtieġ għas-sit web tal-Komunità tal-Enerġija u għall-programm intern ta’ kontabilità għall-ġestjoni tal-kontijiet tal-Komunità tal-Enerġija.

    Oġġetti tal-konsum: Din il-linja baġitarja tinkludi l-kontijiet li ġejjin: provvisti, tiswijiet u manutenzjoni tal-uffiċċju kif ukoll tindif tal-uffiċċju, spejjeż tal-operat u spejjeż tal-elettriku għall-bini.

    Servizzi oħra: Il-baġit previst taħt il-pożizzjoni baġitarja “Servizzi oħra” jirrifletti l-fondi meħtieġa għat-trasportaturi u t-trasport minn partijiet terzi, miżati postali, spejjeż operatorji oħra u spejjeż tal-komunikazzjoni (telekomunikazzjonijiet).

    9.4.Linja Baġitarja: Spejjeż oħra u servizzi

    Il-Linja Baġitarja IV tikkonċerna nfiq ieħor relatat mal-attivitajiet, li huma meħtieġa għall-funzjonament tas-Segretarjat u Istituzzjonijiet oħra skont it-Trattat (il-Kunsill Ministerjali, il-PHLG, l-ECRB u l-Fora).

    Din il-linja baġitarja hija magħmula mill-pożizzjonijiet baġitarji li ġejjin:

    Reklamar, komunikazzjonijiet u rappreżentazzjoni: Tkopri l-ħidma mwettqa fil-qasam tar-relazzjonijiet pubbliċi, b’rabta mal-ħruġ ta’ pubblikazzjonijiet mis-Segretarjat (jiġifieri l-pubblikazzjoni ta’ edizzjonijiet ġodda tal-kotba tal-Qafas Legali, ir-Rapporti ta’ Implimentazzjoni, eċċ.), ir-reklamar meħtieġ għall-għanijiet tal-akkwist u t-tiftix tal-persunal kif ukoll l-ispejjeż tar-rappreżentanza;

    Studji, riċerka u konsultazzjoni: L-esperjenza wriet li l-appoġġ tekniku permezz ta’ studji huwa għodda utli ħafna biex jintlaħqu l-objettivi tal-Komunità tal-Enerġija. Ir-riċerka u l-konsultazzjoni għandhom x’jaqsmu mal-oqsma ta’ ħidma elenkati fil-Programm ta’ Ħidma tal-Komunità tal-Enerġija (inkluż l-ECRB);

    Spejjeż tas-servizzi esternalizzati (IT, pagi, eċċ.): Din il-linja baġitarja tikkorrispondi għat-twettiq ta’ attivitajiet u kompiti relatati mal-amministrazzjoni tal-IT (attività esternalizzata lil sieħeb estern), manutenzjoni teknika tas-sit web tal-Komunità tal-Enerġija (f’oqsma tal-utenti kemm amministrattivi kif ukoll esterni), kif ukoll il-kuntratti ta’ kiri għal tagħmir tal-uffiċċji (eż. magni tal-kopji u printers) kif ukoll għaż-żamma ta’ soluzzjonijiet tal-IT eżistenti fil-qasam tal-amministrazzjoni, il-kontabilità u r-riżorsi umani (il-bażijiet ta’ data għall-kontabilità u r-riżorsi umani);

    Spejjeż tal-awditjar, konsulenza legali u finanzjarja: Din il-linja baġitarja tinkludi fondi għall-awditjar estern kif ukoll għal servizzi legali u kuntratti finanzjarji esternalizzati għall-pagi u l-kontabilità 4 ;

    Servizzi finanzjarji: Tkopri t-tariffi bankarji u tat-tranżazzjonijiet;

    Spejjeż tal-avvenimenti: Din il-linja baġitarja tkopri l-ispejjeż relatati mal-organizzazzjoni tal-avvenimenti kollha regolari u ad hoc, inkluż: il-kiri ta’ bini u tagħmir, il-catering, l-arranġamenti tekniċi; .;

    Rifużjoni: Tkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar relatati mal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti u/jew l-Osservaturi fil-laqgħat istituzzjonali, workshops u avvenimenti oħra organizzati mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija; l-implimentazzjoni ta’ dan il-baġit issegwi sett separat ta’ regoli dwar ir-rimborż. Bħala prinċipju, l-istess regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tat-trasport u tal-akkomodazzjoni japplikaw mill-bidu tal-Komunità tal-Enerġija; u

    Taħriġ: Din il-pożizzjoni baġitarja tkopri l-ispejjeż relatati mat-taħriġ, l-edukazzjoni, il-laqgħat interni annwali tal-persunal tas-Segretarjat u, primarjament, il-miżuri edukattivi offruti lir-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti.

    10.Il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija 2020

    Il-baġit propost għall-2020 huwa konformi maċ-ċifra mressqa mill-Kummissjoni u jinsab fil-livell tal-baġit tal-2019 (EUR 4 812 073). Kif inhu l-każ kull sena, il-kontribuzzjoni tal-UE (94,78 % tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija) tiddependi mill-adozzjoni finali tal-baġit tal-UE għall-2020.

    5.1. Linja baġitarja 1: Riżorsi Umani 2020

    Meta mqabbel mal-2019, hemm żieda ta’ 3,7 % fir-riżorsi finanzjarji mitluba għal-Linja Baġitarja 1. Dan huwa kkawżat mit-talba għal żewġ pożizzjonijiet esperti ġodda (għad-dettalji u l-ġustifikazzjoni ara l-Programm ta’ Ħidma mehmuż) li se jiġu impjegati matul is-sena d-dieħla u mill-aġġustament inflazzjonarju ta’ 2 %.

    Din il-linja baġitarja hija magħmula minn salarji għal membri permanenti tal-persunal (fuq kuntratti limitati soġġetti għal estensjonijiet) u persunal temporanju (l-interns, l-impjegati sekondati). Is-salarji huma eżentati mit-taxxa nazzjonali fuq id-dħul, mingħajr benefiċċji ulterjuri (id-drittijiet tal-pensjoni, is-saħħa, il-qgħad) iżda assigurazzjoni kontra l-inċidenti. M’hemm l-ebda allokazzjoni u benefiċċju addizzjonali offrut.

    Is-salarji tal-persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2020 huma bbażati fuq livelli ta’ rimunerazzjoni eżistenti (2019) u soġġetti għal aġġustament ta’ inflazzjoni ta’ 2 %.

    F’din il-linja baġitarja, ir-riżorsi ta’ assenjazzjonijiet temporanji (24 xahar ta’ xogħol għas-sekondar u 60 xahar ta’ xogħol għall-internships) huma inklużi wkoll (fl-2019: 46,6 xahar ta’ xogħol). L-iskala ta’ rimunerazzjoni għall-impjegati sekondati ġiet aġġustata, li ppermettiet li jitnaqqas il-baġit ġenerali għall-persunal temporanju minn EUR 190 485 għal EUR 175 432. Dan it-tip ta’ impjieg wera li kien ta’ valur miżjud għall-ħidma tas-Segretarjat. Kien ukoll l-aħjar strument biex jiġu involuti professjonisti żgħażagħ jew esperti mill-Partijiet fix-xogħol tal-Komunità tal-Enerġija. Barra minn hekk, l-impjiegi temporanji jgħinu biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-“ekwilibriju ġeografiku” - kif meħtieġ skont ir-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija (“ir-Regoli ta’ Reklutaġġ”). 

    It-talba għal żieda fil-persunal kif iġġustifikata fil-programm ta’ ħidma 2020-2021 kienet ikkumpensata permezz ta’ riallokazzjonijiet tal-approprjazzjonijiet baġitarji bejn diversi linji baġitarji.

    5.2. Linja baġitarja 2: Vjaġġar 2020

    Il-baġit tal-ivvjaġġar għall-2020 (EUR 340 000) huwa 8 % inqas meta mqabbel mal-2019 (EUR 367 812). L-istima għall-2020 ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-esperjenza tal-użu tal-baġit miksub fis-snin li għaddew. L-ippjanar effiċjenti ta’ vjaġġi u missjonijiet futuri għandu jippermetti twettiq suffiċjenti tal-attivitajiet fi ħdan il-baġit mitlub.

    5.3. Linja baġitarja 3: Uffiċċju 2020

    Iż-żieda ta’ 6 % bejn l-2019 (EUR 400 084) u l-2020 (EUR 424 205) għall-baġit tal-ispejjeż tal-uffiċċju jirrigwarda dispożizzjonijiet realistiċi magħmula għall-kera u servizzi oħra. Iż-żewġ pożizzjonijiet baġitarji kienu nieqsa mir-riżorsi fis-snin tal-implimentazzjoni li għaddew.

    5.4. Linja baġitarja 4: Spejjeż Oħra u Servizzi 2020

    It-talba globali tal-baġit għal spejjeż oħra u servizzi hija 6 % inqas għall-2020 (EUR 1 395 000) mill-2019 (EUR 1 486 956). Dan isir bħala aġġustament għall-ippjanar f’linji baġitarji differenti. Fuq il-bażi tal-valuri attwali tal-passat tal-użu fil-pożizzjonijiet baġitarji kollha, huwa preżunt li dan il-baġit se jkun biżżejjed għat-tkomplija tal-attivitajiet taħt din il-linja baġitarja.

    11.Il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija 2021

    Il-baġit propost għall-2021 ta’ EUR 4 812 073 huwa bbażat fuq l-istess suppożizzjoni ta’ tim sħiħ skont il-pjan ta’ stabbiliment, il-livell ta’ salarju u l-ispejjeż l-oħra kollha bħal dawk tal-2020. Iż-żieda fil-fondi għas-salarji hija ssuperata bi tnaqqis fil-fondi għall-istudji, l-edukazzjoni u l-oġġetti tal-konsum.

    Iċ-ċifri għall-2021 għadhom mhumiex disponibbli fir-rigward tal-kontribuzzjoni futura tal-UE, sakemm joħroġ ir-riżultat tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027. Għalhekk, dan jikkostitwixxi indikazzjoni avvanzata tar-riżorsi meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija wara l-2020.

    12.Dikjarazzjoni tad-dħul 2020-2021

    Deskrizzjoni

    Baġit 2019

    Baġit 2020

    Baġit 2021

    Varjazzjoni

    Baġit 2019 vs. Baġit 2020

    Varjazzjoni

    Baġit 2021 vs. Baġit 2020

    1. Kontribuzzjonijiet tal-Partijiet għall-Baġit

    L-Unjoni Ewropea

    4 560 883

    4.560 883

    4 560 883

    Ir-Repubblika tal-Albanija

    4 331

    4 331

    4 331

    Il-Bożnija-Ħerzegovina

    9 624

    9 624

    9 624

    Il-Georgia

    5 293

    5 293

    5 293

    Il-Kosovo*

    3 368

    3 368

    3 368

    Il-Maċedonja ta’ Fuq

    4 812

    4 812

    4 812

    Il-Moldova

    4 812

    4 812

    4 812

    Il-Montenegro

    2 406

    2 406

    2 406

    Is-Serbja

    26 948

    26 948

    26 948

    L-Ukrajna

    189 596

    189 596

    189 596

    2. Donazzjonijiet

    p.m.

    p.m.

    p.m.

    3. Dħul Ieħor

    p.m.

    p.m.

    p.m.

    Dħul Ieħor

    4 812 073

    4 812 073

    4 812 073

    0%

    0%



    13.Dikjarazzjoni tan-nefqa 2020-2021

    Deskrizzjoni

    Baġit 2019

    Baġit 2020

    Baġit 2021

    Varjazzjoni

    Baġit 2020 vs.

    Baġit 2019

    Varjazzjoni

    Baġit 2021 vs.

    Baġit 2020

    1.Riżorsi Umani

    2 557 221

    2 652 868

    2 804 091

    3,74%

    5,70%

    2.Vjaġġar

    367 812

    340 000

    340 000

    -7,56%

    0,00%

    3.Uffiċċju

    400 084

    424 205

    414 205

    6,03%

    -2,36%

    4.Servizzi oħra

    1 486 956

    1 395 000

    1 253 777

    -6,18%

    -10,12%

    Nefqa totali

    4 812 073

    4 812 073

    4 812 073

    0%

    0%

    14.Dettalji tad-Dikjarazzjoni tan-nefqa 2020-2021

    Komunità tal-Enerġija

    Ippjanar tal-Baġit 2020-2021

    (f’Eur)

    Baġit
    2019

    Baġit
    2020

    Baġit
    2021

    Varjazzjoni
    Baġit 2020

    vs.

    Baġit 2019

    [in EUR]

    Varjazzjoni
    Baġit 2020

    vs.

    Baġit 2019

    [f’% ]

    Varjazzjoni
    Baġit 2021

    vs.

    Baġit 2020

    [f’%]

    1. RIŻORSI UMANI

    1,02

    Subtotal tar-Riżorsi Umani

    2 557 221

    2 652 868

    2 804 091

    95 647

    4%

    6%

    -

     

     

    2. SPEJJEŻ TAL-IVVJAĠĠAR

     

     

    Gratifika għas-sussistenza għal kull jum (DSA)

    122 400

    112 000

    112 000

    - 10 400

    -8%

    0%

    Spejjeż tal-Ivvjaġġar (titjiriet u inċidentali)

    245 412

    228 000

    228 000

    - 17 412

    -7%

    0%

    Subtotal tal-Ispejjeż tal-Ivvjaġġar

    367 812

    340 000

    340 000

    - 27 812

    -8%

    0%

     

     

    3. SPEJJEŻ TAL-UFFIĊĊJU

     

     

    Kera tal-uffiċċju

    150 000

    170 000

    170 000

    20 000

    13%

    0%

    Tagħmir tal-uffiċċju

    50 000

    50 000

    50 000

    -

    0%

    0%

    Oġġetti ta’ Konsum

    147 084

    141 000

    131 000

    - 6 084

    -4%

    -7%

    Servizzi Oħra

    53 000

    63 205

    63 205

    10 205

    19%

    0%

    Subtotal tal-Ispejjeż tal-Uffiċċju

    400 084

    424 205

    414 205

    24 121

    6%

    -2%

     

     

    4. SPEJJEŻ U SERVIZZI OĦRA

     

     

    Reklamar, komunikazzjoni u rappreżentanza)

    56 304

    56 500

    51 500

    196

    0%

    -9%

    Studji, riċerka u konsulenza inkluża għajnuna teknika

    459 000

    459 000

    332 777

    -

    0%

    -27%

    Spejjeż tas-servizzi esternalizzati (IT, paga, eċċ.)

    132 600

    145 000

    145 000

    12 400

    9%

    0%

    Spejjeż ta’ Awditjar, Konsulenza Legali u Finanzjarja

    106 080

    96 000

    86 000

    -10 080

    -10%

    -10%

    Servizzi finanzjarji

    15 300

    22 500

    22 500

    7 200

    47%

    0%

    Spejjeż għall-Konferenzi

    214 200

    133 200

    133 200

    -81 000

    -38%

    0%

    Rimborż

    330 480

    372 800

    372 800

    42 320

    13%

    0%

    Taħriġ

    172 992

    110 000

    110 000

    -62 992

    -36%

    0%

    Subtotal ta’ Spejjeż u Servizzi Oħra

    1 486 956

    1 395 000

    1 253 777

    -91 956

    -6%

    - 10%

     

     

    TOTAL

    4 812 073

    4 812 073

    4 812 073

    -

    0%

    0%

    15.Baġit Istituzzjonali (finanzjament mill-ġdid u organizzazzjoni ta’ avvenimenti)

    (f’EUR)

    Baġit

    2020

    Baġit

    2021

    Kunsill Ministerjali

    (incklużi l-korpi stabbiliti bid-deċiżjonijiet tiegħu)

    147 700

    147 700

    Grupp ta’ Livell Għoli Permanenti

    25 600

    25 600

    Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija

    68 700

    68 700

    Segretarjat

    (inklużi workshops/avvenimenti differenti)

    201 100

    201 100

    Forum tal-Elettriku

    21 300

    21 300

    Forum tal-Gass

    20 800

    20 800

    Forum taż-Żejt

    20 800

    20 800

    TOTAL

    506 000

    506 000



    16.Anness IV tat-Trattat: Tabella tal-Kontribuzzjonijiet tal-Partijiet għall-2020-2021

    ANNESS IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija

    Perjodu Baġitarju 2020-2021

    Partjiet

    Kontribuzzjoni

    f’%

    Kontribuzzjoni għall-Baġit 2020

    (f’EUR)

    Kontribuzzjoni għall-Baġit 2021

    (f’EUR)

    L-Unjoni Ewropea

    94,78%

    4 560 883

    4 560 883

    Ir-Repubblika tal-Albanija

    0,09%

    331

    4 331

    Il-Bożnija-Ħerzegovina

    0,20%

    9 624

    9 624

    Il-Georgia

    0,11%

    5 293

    5 293

    Il-Kosovo*

    0,07%

    3 368

    3 368

    Il-Maċedonja ta' Fuq

    0,10%

    4 812

    4 812

    Il-Moldova

    0,10%

    4 812

    4 812

    Il-Montenegro

    0,05%

    2 406

    2 406

    Is-Serbja

    0,56%

    26 948

    26 948

    L-Ukrajna

    3,94%

    189 596

    189 596

    4 812 073

    4 812 073

    17.Pjan ta’ Stabbiliment għall-2020-2021

    Rimarka:

    Dan il-pjan ta’ stabbiliment jindika n-numru ta’ postijiet permanenti u temporanji proposti għat-twettiq tal-kompiti taħt il-programm ta’ ħidma korrispondenti.

    L-għadd ta’ postijiet temporanji huwa stmat fuq il-bażi ta’ assenjazzjonijiet ta’ 12-il xahar u jista’ jvarja skont it-tul individwali tal-assenjazzjonijiet.

    2020

    2021

    2019

    Post għal Xogħol Permanenti

    Post għal Xogħol Temporanju

    Post għal Xogħol Permanenti

    Post għal Xogħol Temporanju

    Post għal Xogħol Permanenti

    Post għal Xogħol Temporanju

    Direttur

    1

    1

    1

    Deputat Direttur*

    1

    1

    1

    Kap ta’ Unità jew Taqsima

    5

    5

    5

    Esperti

    19

    19

    17

    Assistenti/ Uffiċjali

    5

    5

    5

    Persunal Temporanju

    7

    7

    10

    31

    7

    31

    7

    29

    10

    *Għall-ġejjieni, il-pożizzjoni ta’ Deputat Direttur trid tiġi stipulata u definita b’mod ċar fir-Regolamenti tal-Persunal u fir-Regoli dwar ir-Reklutaġġ

    SKALI TAS-SALARJI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA 2020-2021*

    Livell/deskrizzjoni

    Kull xahar

    (f’EUR)

    Salarju full-time

    kull xahar

     (f’EUR)

    Salarju full-time

    kull xahar

     (f’EUR)

    2019

    2020

    2021

    Direttur

    14 284

    14 569

    14 861

    Deputat Direttur**

    9 721

    9 916

    10 114

    Kap ta’ Taqsima/Unità

    7 777

    7 933

    8 091

    Espert

    6 514

    6 644

    6 777

    Assistent /Uffiċjal

    4 767

    4 862

    4 960

    Sekondat

    3 200

    3 200

    3 264

    Intern

    1 611

    1 644

    1 677

    * Iċ-ċifri huma indikattivi għal impjieg full time

    ** Għall-ġejjieni, il-pożizzjoni ta’ Deputat Direttur trid tiġi stipulata u definita b’mod ċar fir-Regolamenti tal-Persunal u fir-Regoli dwar ir-Reklutaġġ

    Nota: Il-Programm ta’ Ħidma tal-Komunità tal-Enerġija għall-2020-2021, li huwa Anness ta’ dan l-Att Proċedurali, huwa mehmuż bħala dokument ta’ appoġġ.

    ANNESS 2

    PHLG

    ID-DEĊIŻJONI TAL-GRUPP PERMANENTI TA’ LIVELL GĦOLI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (UE) 312/2014 LI JISTABBILIXXI KODIĊI TAN-NETWERK DWAR L-IBBILANĊJAR TAL-GASS TAN-NETWERKS TA’ TRAŻMISSJONI

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea hija li tapprova l-abbozz ta’ Deċiżjoni biex jiġi implimentat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 312/2014 f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 2019 li tistabbilixxi l-Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 312/2014 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Netwerks ta’ Trażmissjoni, C(2019), 7831 final,



    ANNESS 3

    Kwistjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, iżda li jeħtieġu approvazzjoni politika mill-Kunsill

    1.IL-LINJI GWIDA ĠENERALI TA’ POLITIKA TAL-2019 DWAR IL-MIRI GĦALL-2030 U N-NEWTRALITÀ KLIMATIKA GĦALL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA U L-PARTIJIET KONTRAENTI TAGĦHA TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea hija li tappoġġja l-adozzjoni tal-abbozz tal-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2019 mehmuż bħala Addendum ta’ dan l-Anness.  It-tibdil minuri għal dan l-abbozz ta’ Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2019 jista’ jiġi miftiehem, fid-dawl tal-kummenti mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija qabel jew waqt il-Kunsill Ministerjali, mill-Kummissjoni, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    2.IR-RAPPORT ANNWALI TAL-ATTIVITAJIET TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA 2018-2019

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea hija li tappoġġja l-adozzjoni tal-abbozz tar-Rapport Annwali 2018-2019.

    3.ID-DEĊIŻJONI D/2019/01/MC-EnC DWAR IR-RILAXX TAD-DIRETTUR TAS-SEGRETARJAT

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea hija li tappoġġja l-adozzjoni tal-abbozz ta’ rilaxx finanzjarju tad-Direttur għall-2018.



    ADDENDUM TAL-ANNESS 3

    Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2019

    dwar il-Miri għall-2030 u n-Newtralità Klimatika għall-Komunità tal-Enerġija u l-Partijiet Kontraenti tagħha

    INTRODUZZJONI

    Fil-laqgħa tiegħu f’Novembru 2018, il-Kunsill Ministerjali adotta Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika dwar il-Miri għall-2030 għall-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija. Il-Linji Gwida rrappreżentaw il-kunsens politiku dwar l-istabbiliment ta’ tliet miri distinti tal-enerġija u l-klima għall-2030: il-mira għall-effiċjenza fl-enerġija, il-mira għall-kontribut tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u l-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dawn il-miri għandhom ikunu konformi mal-miri tal-UE għall-2030, jirrappreżentaw ambizzjoni ugwali għall-Partijiet Kontraenti u jqisu d-differenzi soċjoekonomiċi rilevanti, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima.

    Il-ftehimiet politiċi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew fl-2018 u kmieni fl-2019, ippermettew li r-regoli kollha introdotti mill-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha jidħlu fis-seħħ minn Ġunju 2019. It-tliet miri tal-enerġija u l-klima għall-2030 li jnaqqsu b’mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-1990, il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija ta’ mill-inqas 32,5 % u l-mira tal-enerġija rinnovabbli ta’ mill-inqas 32 % issa huma kompletament stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

    Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-2009 u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2012 ġew adottati u saru parti mill-ordni legali tal-Komunità tal-Enerġija permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali, inkluż il-mira tal-2020 għall-Komunità tal-Enerġija kollha għall-effiċjenza fl-enerġija u miri speċifiċi tal-2020 għal kull Parti Kontraenti għall-enerġija rinnovabbli.

    Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija tal-2017 enfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miri għall-2030 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dan huwa konformi mal-obbligi rispettivi tal-Partijiet Kontraenti fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE kif ukoll meta jitqiesu l-impenji meħuda mill-pajjiżi fil-qafas tal-UNFCCC u tal-Ftehim ta’ Pariġi.

    Bħala pass preliminari fi ħdan il-proċess tal-istabbiliment tal-miri, is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija nieda studju estern biex jidentifika, jekk possibbli, metodoloġija għall-istabbiliment ta’ tliet miri għall-enerġija u l-klima bbażati fuq il-kriterji deskritti fil-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2018. Is-sejbiet tal-istudju ġew diskussi bir-reqqa u eżaminati mill-Grupp ta’ Ħidma Tekniku tal-Kumitat dwar l-Enerġija u l-Klima, bl-appoġġ ta’ gwida analitika mill-Kummissjoni. L-istudju, li tlesta f’Ġunju 2019, ipprovda bażi utli għad-diskussjonijiet. Madankollu, wera wkoll li kien hemm xi limitazzjonijiet metodoloġiċi marbuta mal-kwalità u d-disponibbiltà tad-data kif ukoll mal-ambitu analitiku tal-istudju meta mqabbel mal-kapaċità li tintuża tradizzjonalment fl-UE. B’riżultat ta’ dan, it-tfassil ta’ konklużjonijiet sempliċi u l-proposta ta’ miri mingħajr ekwivoċi għall-2030 għall-Komunità tal-Enerġija u l-Partijiet Kontraenti tagħha abbażi biss tal-istudju ma jkunx possibbli.

    Id-diskussjonijiet indikaw li se tkun meħtieġa aktar analiżi avvanzata biex jiġu proposti miri sodi u kredibbli dwar l-enerġija u l-klima għall-Komunità tal-Enerġija u l-Partijiet Kontraenti tagħha b’livell ta’ ambizzjoni ugwali u b’konformità mal-miri tal-UE għall-2030. Din l-analiżi se ssir fil-kuntest ta’ eżerċizzju ta’ mmudellar ġdid, ibbażat fuq metodoloġija tal-UE li se jitnieda mill-Kummissjoni Ewropea.

    Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-proċess li jistabbilixxi l-miri għall-2030 fil-Komunità tal-Enerġija jqis l-iżviluppi ġodda fil-livell tal-UE, b’mod partikolari r-reviżjoni ’l fuq possibbli tal-miri tal-UE għall-2030 fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew il-ġdid imħabbar mill-President elett, Ursula von der Leyen, fil-linji gwida politiċi tagħha.

    IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

    Wara li kkunsidra l-Artikolu 47(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija (“it-Trattat”) u l-punt VI tal-Att Proċedurali 2006/01/MC-EnC dwar l-Adozzjoni tar-Regoli Interni ta’ Proċedura tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija,

    Filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi pprovduta reazzjoni effettiva għall-isfidi li jippreżenta t-tibdil fil-klima,

    Filwaqt li jqis li l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jappoġġjaw is-sejħa għal azzjoni msaħħa dwar it-tibdil fil-klima prevista mill-Ftehim ta’ Pariġi,

    Filwaqt li jirrikonoxxi li s-settur tal-enerġija huwa wieħed mill-kontributuri ewlenin għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u minħabba r-rabtiet qawwija bejn il-politika tal-enerġija u l-klima,

    Filwaqt li jinnota li matul l-ewwel laqgħa tal-Kumitat dwar l-Enerġija u l-Klima fi Vjenna fil-5 ta’ Settembru 2017, ġie rikonoxxut li l-pjanijiet nazzjonali stabbli dwar l-enerġija u l-klima sal-2030 jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn tliet miri ġenerali, jiġifieri għaż-żieda tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum ġenerali tal-enerġija, iż-żieda fl-effiċjenza fl-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra,

    Filwaqt li jfakkar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ministerjali ta’ Diċembru 2017 li enfasizzaw il-ħtieġa tal-miri għall-2030 fil-Komunità tal-Enerġija għall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u li laqgħu d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li taħdem fuq proposti xierqa lill-Komunità tal-Enerġija biex tinkorpora dispożizzjonijiet xierqa ta’ leġiżlazzjoni futura tal-UE relatati magħhom, ladarba tali leġiżlazzjoni tkun adottata fl-Unjoni Ewropea,

    Filwaqt li jfakkar fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/02/MC-EnC dwar it-tħejjija għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 525/2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u fir-Rakkomandazzjoni 2018/01/MC-EnC dwar it-tħejjija għall-iżvilupp ta’ pjanijiet integrati nazzjonali tal-enerġija u tal-klima mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija,

    Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza għall-Komunità tal-Enerġija tal-kunsens politiku fil-livell tal-UE dwar il-miri tal-UE għall-2030 permezz tal-emenda tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, u l-ftehim dwar ir-Regolament dwar il-Qsim tal-Isforzi,

    Filwaqt li jfakkar fil-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2018 u l-kunsens politiku dwar l-istabbiliment ta’ tliet miri distinti tal-2030 dwar l-enerġija u l-klima għall-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija,

    Filwaqt li jirrikonoxxi l-kontribut ta’ ħidma analitika preliminari mwettqa mis-Segretarjat u mill-esperti esterni bi gwida analitika tas-servizzi tal-Kummissjoni iżda filwaqt li fl-istess ħin jinnota li hija meħtieġa aktar analiżi ta’ data u metodoloġija sabiex jiġu ddeterminati miri robusti u kredibbli għall-2030,

    Filwaqt li jirrikonoxxi l-bżonn ta’ ambizzjoni għolja biex tintlaħaq in-newtralità klimatika skont l-ambizzjonijiet imsaħħa tal-Unjoni Ewropea biex issir l-ewwel kontinent dinji newtrali għall-klima,

    IL-KUNSILL MINISTERJALI JADOTTA

    Il-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2019 dwar il-Miri tal-2030 u n-Newtralità Klimatika għall-Komunità tal-Enerġija u l-Partijiet Kontraenti tagħha

    Il-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika attwali tal-2019 jikkonfermaw mill-ġdid il-kunsens politiku milħuq fil-Kunsill Ministerjali tal-2018 dwar il-miri tal-2030 għall-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija.

    Minħabba l-urġenza dejjem tikber sabiex jiġi indirizzat b’mod effettiv l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima, il-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2019 jirrappreżentaw l-impenn politiku tal-Partijiet Kontraenti għat-tranżizzjoni dwar l-enerġija nadifa bil-għan li jkun hemm Komunità tal-Enerġija newtrali għall-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi kif ukoll billi titqies l-ambizzjoni tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE.  

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti tliet miri distinti għall-2030 dwar l-enerġija u l-klima (il-mira għall-effiċjenza fl-enerġija, il-mira għall-kontribut tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u l-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra) skont il-miri tal-UE għall-2030. Dawn jenħtieġ li jirrappreżentaw ambizzjoni ugwali għall-Partijiet Kontraenti u jqisu d-differenzi soċjoekonomiċi rilevanti, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. Dawn jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-aktar data robusta u kredibbli possibbli, li tirriżulta mill-kapaċitajiet estiżi ta’ mmudellar offruti mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ studju ġdid analitiku u ta’ mmudellar iddedikat.

    Sabiex il-miri jiggwidaw b’mod effettiv l-azzjonijiet dwar l-enerġija u l-klima, il-miri jenħtieġ li jiġu stabbiliti bħala miri nazzjonali għal kull Parti Kontraenti u jiffurmaw flimkien il-mira globali fil-livell tal-Komunità tal-Enerġija.

    Il-Partijiet Kontraenti jenħtieġ li jużaw il-kunsens politiku milħuq fil-Linji Gwida Ġenerali tal-2018 fit-tħejjija tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima.

    Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija qed jistenna bil-ħerqa l-inklużjoni tal-miri tal-2030 għall-Partijiet Kontraenti fil-qafas legali tal-Komunità tal-Enerġija permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva emendata dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u r-Regolament dwar il-Governanza, kif indikat fl-iskeda indikattiva stabbilita fl-Anness. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ministerjali 2018/1/MC-EnC dwar it-tħejjija għall-iżvilupp ta’ pjanijiet nazzjonali integrati tal-enerġija u l-klima mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija u l-iskeda indikattiva tagħha jenħtieġ li jinqraw fid-dawl ta’ din l-iskeda.

    ANNESS

    L-iskeda indikattiva li ġejja turi l-passi li jmiss:

    Dati

    Stadju

    13 ta’ Diċembru 2019

    Adozzjoni tal-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2019 fil-Kunsill Ministerjali

    Novembru 2019 – Marzu 2020

    [Fażi preparatorja għall-istudju l-ġdid]

    April 2020

    Tnedija mill-Kummissjoni Ewropea ta’ studju estern ġdid li jestendi l-immudellar tal-enerġija u l-klima tal-UE għall-Komunità tal-Enerġija

    April 2020 – Diċembru 2020

    Il-Kumitat dwar l-Enerġija u l-Klima u l-Grupp ta’ Ħidma Tekniku tiegħu jiġu infurmati regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-istudju u kkonsultati dwar aspetti rilevanti

    Bidu tal-2021

    Preżentazzjoni u diskussjoni tar-riżultati tal-istudju fil-Kumitat dwar l-Enerġija u l-Klima u l-Grupp ta’ Ħidma Tekniku tiegħu

    Rebbiegħa 2021

    Approvazzjoni mill-PHLG tal-miri tal-2030 għall-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija

    Nofs l-2021

    Adozzjoni mill-Kunsill Ministerjali tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija adattata, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u r-Regolament dwar il-Governanza mal-miri tal-2030 għall-Partijiet Kontraenti

    (1)    Regolati b’Regoli separati dwar l-Impjegati Sekondati, l-Interns u l-persunal reklutat lokalment.
    (2)    Is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija jsegwi d-DSA kif ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Kooperazzjoni tal-EuropeAid, applikat ukoll minn fondi internazzjonali oħra ffinanzjati mill-UE.
    (3)    Ir-Repubblika tal-Awstrija impenjat ruħha li tagħti donazzjoni ta’ EUR 170 000 fuq bażi annwali għall-kera tal-uffiċċju tas-Segretarjat fi Vjenna; l-ebda forma oħra ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-kera ma hija kkunsidrata (la allokazzjoni interna tar-riżorsi u lanqas donazzjonijiet oħra)
    (4)    Il-funzjoni tal-kontabilità ilha tiġi esternalizzata sa mill-2014 abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Proċeduri Baġitarji (l-Artikolu 41(2))
    Top

    Brussell, 19.11.2019

    COM(2019) 607 final

    2019/0269(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija (Chisinau, it-12 u t-13 ta’ Diċembru 2019)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli (“PHLG”) tal-Komunità tal-Enerġija b’rabta ma’ għadd ta’ atti li dawn iż-żewġ entitajiet beħsiebhom jadottaw fit-12 u fit-13 ta’ Diċembru 2019. Tinkludi wkoll il-punti fuq l-aġendi ta’ dawn iż-żewġ korpi, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, iżda jeħtieġu approvazzjoni politika mill-Kunsill.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija

    It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (“ECT”) għandu l-għan li joħloq qafas regolatorju u kummerċjali stabbli u spazju regolatorju waħdieni għall-kummerċ fl-enerġija tan-netwerk, billi jimplimenta siltiet miftiehma tal-acquis tal-UE dwar l-enerġija fil-Partijiet li mhumiex tal-UE. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006. L-Unjoni Ewropea hija parti għall-ECT 1 . L-ECT jirreferi għall-Partijiet mhux fl-UE bħala “Partijiet Kontraenti”.

    2.2.Il-Kunsill Ministerjali u l-PHLG tal-Komunità tal-Enerġija

    Il-Kunsill Ministerjali jiżgura li l-għanijiet stipulati fl-ECT jintlaħqu. Jipprevedi linji gwida ġenerali ta’ politika, jieħu Miżuri u jadotta Atti Proċedurali. Kull Parti għandha vot wieħed, u l-Kunsill Ministerjali jaġixxi b’regoli ta’ votazzjoni differenti skont is-suġġett. L-UE hija waħda mid-disa’ Partijiet u għandha vot wieħed, li jiddependi wkoll mis-suġġett ikkonċernat.

    Il-vot tal-unanimità japplika fir-rigward tal-atti previsti elenkati hawn isfel taħt it-Taqsima 2.3., il-punti 1 u 3 (l-Artikolu 73 u 74 tal-ECT b’rabta mal-Artikolu 88 tal-ECT, l-Artikolu 92(1) tal-ECT).

    Tapplika maġġoranza ta' żewġ terzi fir-rigward tal-punti l-oħra previsti elenkati hawn taħt fit-Taqsima 2.4, il-punti 2 u 3) (l-Artikolu 83, l-Artikolu 87 tal-ECT).

    Japplika vot ta’ maġġoranza sempliċi fir-rigward tal-atti previsti elenkati hawn isfel taħt it-Taqsima 2.3, il-punt 2 (l-Artikolu 91(1)(a) tal-ECT).

    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-att previst elenkat hawn isfel taħt it-Taqsima 2.3., il-punt 4, kif ukoll l-element l-ieħor elenkat taħt it-Taqsima 2.4., il-punt 1, il-Kunsill Ministerjali jew il-PHLG jivvota bil-maġġoranza tal-voti mitfugħa, iżda f’dan il-każ l-UE ma għandhiex dritt għal vot (l-Artikolu 80 u 81 tal-ECT).

    Il-PHLG huwa korp sussidjarju importanti tal-Kunsill Ministerjali. Fost kompiti oħra, jista’ jieħu Miżuri, jekk jingħata s-setgħa mill-Kunsill Ministerjali biex jagħmel dan. L-UE hija rrappreżentata fil-PHLG u għandha vot wieħed.

    L-Artikolu 47 tal-ECT jipprevedi kif ġej: “Il-Kunsill Ministerjali għandu jiżgura li jinkisbu l-objettivi mniżżlin f’dan it-Trattat. Dan għandu: […] (b) jieħu Miżuri […]”

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija D/2011/02/MC-EnC, li tadotta l-hekk imsejjaħ “it-tielet pakkett dwar l-enerġija” 2 , tistipula fl-Artikolu 27 u 28 li (i) il-Komunità tal-Enerġija għandha tagħmel ħilitha biex tapplika l-Kodiċijiet tan-Netwerk u l-Linji Gwida adottati mill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tat-tielet pakkett dwar l-enerġija, u (ii) il-Kodiċijiet tan-Netwerk u l-Linji Gwida għandhom jiġu adottati mill-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli.

    2.3.L-atti previsti tal-Kunsill Ministerjali u tal-PHLG

    Il-Kunsill Ministerjali, fit-13 ta’ Diċembru 2019, u l-PHLG, fit-12 ta’ Diċembru 2019, se jadottaw għadd ta’ atti kull wieħed.

    Din il-proposta ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-atti previsti li ġejjin tal-Kunsill Ministerjali:

    (1)id-Deċiżjoni li tadotta l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija u l-kontributi finanzjarji għall-perjodu 2020-2021;

    (2)id-Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91(1) tal-ECT li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur tal-ECT fil-każijiet li ġejjin:

    (a)id-Deċiżjoni 2019/…/Mc-EnC dwar in-nuqqas ta’ konformità tas-Serbja mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-10/17

    (b)id-Deċiżjoni 2019/…/Mc-EnC dwar in-nuqqas ta’ konformità tas-Serbja mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-13/17

    (c)id-Deċiżjoni 2019/…/Mc-EnC dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-Kosovo* 3 mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-6/18

    (3)Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 92(1) tal-ECT:

    (a)id-Deċiżjoni dwar l-impożizzjoni u l-estensjoni ta’ miżuri dwar il-Bożnija-Ħerzegovina taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawżi ECS-8/11 S, ECS-2/13 u ECS-6/16

    (b)id-Deċiżjoni dwar l-impożizzjoni u l-estensjoni ta’ miżuri dwar ir-Repubblika tas-Serbja taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawżi ECS-3/08 u ECS-9/13.

    Din il-proposta ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tikkonċerna l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-atti previsti li ġejjin tal-PHLG:

    (4)Id-Deċiżjoni tal-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Netwerks ta’ Trażmissjoni.

    L-għan tal-atti previsti tal-Kunsill Ministerjali u tal-PHLG (minn hawn ’il quddiem imsemmija flimkien bħala “l-atti previsti”) huwa li jħaffu l-kisba tal-objettivi tal-ECT u l-funzjonament tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija (ECS) fi Vjenna li, fost l-oħrajn, jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Kunsill Ministerjali.

    2.4.Elementi oħra fuq l-aġenda

    Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi nnutat li, minbarra l-atti previsti, se jkun hemm għadd ta’ elementi oħra fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill Ministerjali u l-PHLG. Fir-rigward ta’ dawk l-elementi, il-Kummissjoni beħsiebha tesprimi l-pożizzjonijiet li ġejjin f’isem l-Unjoni, kif rifless ukoll fl-Anness 3 ta' din il-proposta:

    1.Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2019 dwar il-Miri tal-2030 u n-Newtralità Klimatika għall-Komunità tal-Enerġija u l-Partijiet Kontraenti tagħha

    Fost l-objettivi ewlenin tal-ECT hemm il-ħolqien ta’ suq tal-enerġija pan-Ewropew integrat u sostenibbli bbażat fuq qafas regolatorju u tas-suq stabbli, li jattira investiment meħtieġ għall-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà soċjali, li jtejjeb is-sitwazzjoni ambjentali, kif ukoll li jrawwem l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Peress li s-settur tal-enerġija huwa wieħed mill-kontributuri ewlenin għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u minħabba r-rabtiet qawwija bejn il-politika tal-enerġija u l-klima, huwa importanti li jissaħħaħ il-qafas politiku dwar l-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-Komunità tal-Enerġija.

    Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija adotta r-Rakkomandazzjoni 2016/02/MC-EnC dwar it-tħejjija għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 525/2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-Rakkomandazzjoni 2018/01/MC-EnC dwar it-tħejjija għall-iżvilupp ta’ pjanijiet integrati nazzjonali tal-enerġija u tal-klima mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija.

    Id-Direttivi dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-2009 u dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2012 ġew adottati u saru parti mill-ordni legali tal-Komunità tal-Enerġija permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali, inkluż il-mira tal-2020 għall-Komunità tal-Enerġija kollha għall-effiċjenza fl-enerġija (espressa kemm bħala konsum tal-enerġija primarja kif ukoll bħala konsum tal-enerġija finali) u miri speċifiċi tal-2020 għal kull Parti Kontraenti għall-enerġija rinnovabbli.

    F’Novembru 2018, il-Kunsill Ministerjali adotta Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika dwar il-Miri għall-2030 għall-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija. Il-Linji Gwida rrappreżentaw il-kunsens politiku dwar l-istabbiliment ta’ tliet miri distinti tal-enerġija u l-klima għall-2030: il-mira għall-effiċjenza fl-enerġija, il-mira għall-kontribut tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u l-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dawn il-miri għandhom ikunu konformi mal-miri tal-UE għall-2030, jirrappreżentaw ambizzjoni ugwali għall-Partijiet Kontraenti u jqisu d-differenzi soċjoekonomiċi rilevanti, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-Ftehim ta Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima.

    Il-ftehimiet politiċi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew fl-2018 u kmieni fl-2019, ippermettew li r-regoli kollha introdotti mill-pakkett tal-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha jkunu fis-seħħ minn Ġunju 2019. It-tliet miri tal-enerġija u l-klima għall-2030 li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-inqas b'40 % meta mqabbla mal-1990, il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija ta’ mill-inqas 32.5 % u l-mira tal-enerġija rinnovabbli ta’ mill-inqas 32 % issa huma kompletament stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

    Wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2018/01/MC-EnC, u fid-dawl tal-obbligi tal-Partijiet Kontraenti fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE u l-impenji tagħhom fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta’ Pariġi, flimkien mal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDCs) rispettivi tagħhom, il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija fit-13 ta’ Diċembru 2019 se jkompli d-diskussjoni tiegħu dwar il-miri tal-effiċjenza fl-enerġija, tal-enerġija, rinnovabbli u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 li huma daqstant ambizzjużi meta mqabbla mal-miri tal-2030 fl-Unjoni Ewropea.

    L-abbozz tal-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2019 dwar il-Miri tal-2030 u n-Newtralità Klimatika għall-Komunità tal-Enerġija u l-Partijiet Kontraenti tagħha se jirrappreżentaw il-kunsens politiku milħuq fil-Kunsill Ministerjali u joffru linji gwida politiċi dwar l-istabbiliment tagħhom.

    F’isem l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġja l-adozzjoni tal-abbozz tal-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2019. It-tibdil minuri għall-abbozz tal-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2019 jista’ jiġi miftiehem, fid-dawl tal-kummenti mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija qabel jew waqt il-Kunsill Ministerjali, mill-Kummissjoni, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    2.Ir-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija 2018-2019

    F’isem l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġja l-adozzjoni tar-Rapport Annwali għall-2018-2019.

    3.Il-kwittanza finanzjarja tad-Direttur għall-2018 abbażi tar-Rapport tal-Awditjar għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2018, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-awdituri u r-Rapport tal-Kumitat tal-Baġit

    F’isem l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġja l-adozzjoni tal-kwittanza finanzjarja tad-Direttur għall-2018.

    3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

    3.1.L-atti previsti mill-Kunsill Ministerjali

    3.1.1.Deċiżjoni li tadotta l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2020-2021 u l-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit

    L-Att Proċedurali propost tal-Kunsill Ministerjali jipprevedi baġit ġenerali ta’ EUR 4 812 073,- għal kull waħda mis-snin 2020 u 2021. Dan il-livell ġie stabbilit ukoll għas-sena 2019. Għalhekk m’hemm l-ebda żieda meta mqabbla mal-2019.

    Fi ħdan il-baġit ġenerali, huma previsti żidiet f’xi oqsma, bħall-aġġustamenti tas-salarji relatati mal-inflazzjoni għall-persunal (żieda ta’ 2 % għall-2020 u l-2021 rispettivament), il-ħolqien ta’ żewġ postijiet permanenti ġodda (wieħed għal espert ġdid għall-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa u ieħor għal espert ġdid dwar kwistjonijiet ambjentali) u ż-żieda fl-ispejjeż għall-kera tal-uffiċċju. Dawn iż-żidiet se jiġu ffinanzjati permezz ta’ tqassim mill-ġdid ta’ allokazzjonijiet u ffrankar oħra tal-baġit. Barra minn hekk, il-Komunità tal-Enerġija se tiffoka aktar fuq il-kompiti ewlenin tagħha, kif definiti fil-qafas ġuridiku tal-Komunità tal-Enerġija.

    94,78 % tal-baġit ġenerali se jitħallas mill-Unjoni Ewropea, u l-bqija mill-Partijiet mhux fl-UE għat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija.

    Jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tkun li tapprova d-deċiżjoni li tadotta l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2020-2021 u l-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit.

    3.1.2.id-Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91(1) tal-ECT li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur tal-ECT fil-każijiet li ġejjin:

    Il-proċeduri ta’ solvien tat-tilwim huma stipulati fit-Titolu III, il-Kapitolu 1, u fit-Titolu IV, il-Kapitolu 1 tar-Regoli ta’ Proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont it-Trattat 4 .

    (a)id-Deċiżjoni 2019/…/Mc-EnC dwar in-nuqqas ta’ konformità tas-Serbja mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-10/17

    Is-separazzjoni tat-TSOs tikkostitwixxi wieħed mill-kunċetti ewlenin stabbiliti fit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija. Din teħtieġ is-separazzjoni effettiva tal-attivitajiet tat-trażmissjoni tal-enerġija mill-interessi tal-produzzjoni u tal-provvista. F’każ ta’ ċertifikazzjoni ta’ TSO li jkun ikkontrollat minn persuna jew minn persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi, japplika l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Gass 5 . L-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Gass jipprevedi li qabel ma impriża tiġi approvata u maħtura bħala TSO, jeħtieġ tkun iċċertifikata. Sabiex tkun iċċertifikata, l-impriża jeħtieġ tikkonforma mar-rekwiżiti tas-separazzjoni tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, jiġifieri mal-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Gass.

    Id-Direttiva tal-Gass kif ukoll ir-Regolament tal-Gass 6 ġew inkorporati fl-acquis Komunitarju tal-Enerġija permezz tad-Deċiżjoni 2011/02/MC-EnC tal-Kunsill Ministerjali tas-6 ta’ Ottubru 2011.

    L-ECS sab fuq bażi preliminari li biċ-ċertifikazzjoni tal-Yugorosgac-Transport skont il-mudell ISO, ir-Repubblika tas-Serbja naqset milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Artikoli 10, 14(2)(a), 14(2)(b), 14(2)(d), 15 u 11 tad-Direttiva 2009/73/KE kif ukoll l-Artikolu 24 tar-Regolament 715/2009, kif inkorporat fil-Komunità dwar l-Enerġija. Għalhekk, l-ECS issottometta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali.

    Fid-dawl tal-fatti u tal-argumenti mogħtija fit-Talba Motivata, jenħtiep li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tkun li tapprova d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fil-Każ ECS-10/17.

    (b)id-Deċiżjoni 2019/…/Mc-EnC dwar in-nuqqas ta’ konformità tas-Serbja mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-13/17

    Kif deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-aċċess għal partijiet terzi għas-sistemi tat-trażmissjoni jikkostitwixxi “waħda mill-miżuri essenzjali” 7 li l-Partijiet Kontraenti jridu jimplimentaw sabiex iwettqu l-impenji tagħhom skont l-ECT. Skont l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva tal-Gass, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal partijiet terzi għas-sistema tat-trażmissjoni tal-gass naturali għall-utenti kollha tas-sistema u li tiġi applikata b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni, ibbażata fuq tariffi ppubblikati. L-Artikoli 16(1) u (2) tar-Regolament tal-Gass jimponu l-obbligu fuq it-TSO li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti fis-suq il-kapaċità massima fil-punti kollha rilevanti, b’kont meħud tal-integrità tas-sistema u l-operazzjoni effiċjenti tan-netwerk, u li jimplimenta u jippubblika mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità mhux diskriminatorji u trasparenti. Skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Gass moqri flimkien mal-paragrafu 3.2(1)(a) tal-Anness I tiegħu, il-punti rilevanti għandhom jinkludu l-punti kollha tad-dħul u tal-ħruġ lejn u min-netwerk tat-trażmissjoni tal-gass naturali mħaddem mit-TSO. L-obbligi relatati mal-aċċess ta’ partijiet terzi għas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali li joħorġu mill-acquis tal-Komunità tal-Enerġija ġew trasposti fil-liġi nazzjonali tas-Serbja mil-Liġi tal-Enerġija u jridu jiġu implimentati mit-TSO f’konformità mar-Regoli.

    L-ECS iqis li Srbijagas, jiġifieri l-kumpanija li bħalissa qed taġixxi bħala t-TSO tal-gass naturali fir-Repubblika tas-Serbja u responsabbli għall-punti kollha ta’ dħul u ħruġ għas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali tas-Serbja, naqset li timplimenta dawn l-obbligi billi tkompli teskludi b’mod unilaterali l-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali tal-gass naturali fil-punt ta’ dħul Horgoš mill-proċeduri ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità miftuħa u b’hekk tonqos milli tiżgura l-aċċess għal parti terza fil-punt tad-dħul rispettiv. Tisfida wkoll in-nuqqas tal-awtoritajiet Serbi kompetenti li jinfurzaw l-obbligi rispettivi biex fil-fatt jagħmlu dan.

    L-ECS sab b’mod preliminari li minħabba l-esklużjoni mhux ġustifikata minn Srbijagas tal-punt tad-dħul Horgoš minn aċċess għal partijiet terzi mhux ristrett u mhux diskriminatorju u minn proċeduri ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità miftuħa, ir-Repubblika tas-Serbja tikser l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73/KE u l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) 715/2009 u, għalhekk, tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 6, 10 u 11 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija. Għalhekk, l-ECS issottometta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali.

    Fid-dawl tal-fatti u tal-argumenti mogħtija fit-Talba Motivata, jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tkun li tapprova d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fil-Każ ECS-13/17.

    Madankollu, din l-approvazzjoni jenħtieġ li ssir bil-kundizzjoni li l-ġustifikazzjoni fit-Talba Motivata tiġi mmodifikata billi jitneħħa l-obiter dictum fil-punt (71) tagħha li jirreferi għall-possibbiltà ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Dan l-obiter dictum mhuwiex rilevanti għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ ksur fil-każ preżenti u hemm ir-riskju li tinħoloq inċertezza legali.

    (c)Id-Deċiżjoni 2019/…/Mc-EnC dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-Kosovo* mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-6/18

    Skont l-Artikolu 16(iii) tal-ECT, id-Direttiva 2001/80/KE 8 , kif emendata bid-Deċiżjoni 2013/05/MC-EnC tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija tal-24 ta’ Ottubru 2013 u bid-Deċiżjoni 2015/07/MC-EnC tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija tas-16 ta’ Ottubru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2013/05/MC-EnC, hija parti mill-acquis communautaire tal-Komunità tal-Enerġija dwar l-ambjent.

    Skont l-Artikolu 16(v) tal-ECT, il-Kapitolu III, l-Anness V, u l-Artikolu 72(3)-(4) tad-Direttiva 2010/75/UE 9 , kif emendata bid-Deċiżjoni 2013/06/MC-EnC tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija tal-24 ta’ Ottubru 2013, huma wkoll parti mill-acquis communautaire dwar l-ambjent.

    L-Artikolu 12 tal-ECT jirrikjedi li l-Partijiet Kontraenti “jimplimentaw l-acquis communautaire dwar l-Ambjent f’konformità mal-iskeda għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri stabbiliti fl-Anness II.”

    L-ECS iqis li l-Kosovo* naqas milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu relatati mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/80/KE (għal impjanti eżistenti) u d-Direttiva 2010/75/UE (għal impjanti ġodda) fil-liġi nazzjonali u l-implimentazzjoni tagħhom. Minħabba dan in-nuqqas ta’ konformità, il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet fil-permessi rispettivi tal-ħames impjanti kbar ta’ kombustjoni eżistenti tal-Kosovo* (tlieta fil-kumpless tal-impjant “Kosovo A” u tnejn fil-kumpless tal-impjant “Kosovo B”) ukoll jaqbżu dawk stabbiliti mid-Direttiva 2001/80/KE. Barra minn hekk, il-Kosovo* jippjana li jibni impjant ġdid tal-enerġija termali (“Kosova e Re”), b’qawwa elettrika netta ta’ 450 MW. Skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Komunità tal-Enerġija, dan l-impjant jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “impjant ġdid” skont id-Direttiva 2010/75/UE u l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet tiegħu jridu jiġu stabbiliti skont il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet tal-Parti 2 tal-Anness V tal-istess Direttiva. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi r-rekwiżiti tad-Direttiva 2010/75/UE għal impjanti ġodda fil-liġi nazzjonali, madankollu, il-valuri limitu tal-emissjonijiet tal-impjant tal-enerġija termali ġdid ippjanat ma jistgħux jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija.

    Il-qafas ġuridiku attwalment applikabbli fil-Kosovo*, jiġifieri l-Liġi tal-IPPC u l-Istruzzjoni Amministrattiva, skont l-ECS, jonqos milli jiżgura l-konformità ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/80/KE billi jistabbilixxi valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet żbaljati jew parametri oħra għal ċerti sustanzi li jniġġsu f’kategorija waħda jew aktar ta’ impjanti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

    Fir-rigward ta’ impjanti ġodda, skont l-ECS, il-Kosovo* jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2013/06/MC-EnC moqri flimkien mal-Artikolu 30(3) u l-Parti 2 tal-Anness V tad-Direttiva 2010/75/UE billi ma jadottax il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonforma mal-Kapitolu III u l-Anness V tad-Direttiva 2010/75/UE, b’mod partikolari billi ma jistabbilixxix dispożizzjonijiet għal-limitazzjoni tal-emissjonijiet fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni kbar ġodda, jew, fi kwalunkwe każ, billi jonqos milli jikkomunika t-testi tagħhom lill-ECS.

    L-ECS sab b’mod preliminari li billi ma kienx hemm traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u billi ma jiġux implimentati d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4(1) u 4(3) kif ukoll il-Partijiet A tal-Annessi III, IV, V, VI u VII tad-Direttiva 2001/80/KE u l-Artikolu 30(3) kif ukoll il-Parti 2 tal-Anness V tad-Direttiva 2010/75/UE, il-Kosovo* naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija u b’mod partikolari l-Artikoli 12 u 16 tiegħu. Għalhekk, l-ECS issottometta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali.

    Fid-dawl tal-fatti u tal-argumenti mogħtija fit-Talba Motivata, jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tkun li tapprova d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fil-Każ ECS-6/18.

    3.1.3.Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 92(1) tal-ECT:

    (a)Deċiżjoni dwar l-impożizzjoni u l-estensjoni ta’ miżuri dwar il-Bożnija-Ħerzegovina taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawżi ECS-8/11, ECS-6/16 u ECS-2/13

    (i)Estensjoni tal-miżuri imposti fuq il-Bożnija-Ħerzegovina taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-8/11

    Fis-16 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill Ministerjali adotta d-Deċiżjoni 2015/10/MC-EnC li tiddikjara li l-Bożnija-Ħerzegovina naqset milli timplimenta d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali 2013/04/MC-EnC u 2014/04/MC-EnC fil-Kawża ECS-8/11 (relatati man-nuqqas ta’ konformità mill-Bożnija-Ħerzegovina mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija) u b’hekk ma rrettifikatx il-ksur serju u persistenti identifikat f’dawn id-Deċiżjonijiet. Il-Kunsill Ministerjali adotta l-miżuri li ġejjin skont l-Artikolu 92 tal-ECT:

    ·Id-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa fil-voti għall-Miżuri u l-Atti Proċedurali adottati skont il-Kapitolu VI tat-Titolu V tat-Trattat ġie sospiż.

    ·L-ECS intalab jissospendi l-applikazzjoni tar-Regoli ta’ Rimborż tiegħu għar-rappreżentanti tal-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward tal-laqgħat kollha organizzati mill-Komunità tal-Enerġija.

    ·L-effett tal-miżuri skont l-Artikolu 92 kien limitat għal sena. Abbażi ta’ rapport mill-ECS, il-Kunsill Ministerjali rreveda l-effettività u l-ħtieġa għaż-żamma ta’ dawn il-miżuri fil-laqgħa sussegwenti tiegħu fl-2016.

    Billi l-Bożnija-Ħerzegovina ma ħaditx miżuri biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2016/02/MC-EnC, fit-12 ta’ Settembru 2018, l-ECS issottometta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali skont l-Artikolu 92 tat-Trattat. Fid-29 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill Ministerjali adotta d-Deċiżjoni 2018/17/MC-EnC dwar l-estensjoni tal-miżuri imposti fuq il-Bożnija-Ħerzegovina, li tiddikjara li l-Bożnija-Ħerzegovina naqset milli timplimenta d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali 2013/04/MC-EnC, 2014/04/MC-EnC, 2015/10/MC-EnC, u 2016/16/MC-EnC, u b’hekk ma rrettifikatx il-ksur serju u persistenti identifikat f’dawn id-Deċiżjonijiet. Il-Kunsill Ministerjali adotta l-miżuri li ġejjin skont l-Artikolu 92 tal-ECT:

    ·It-tul tal-miżuri skont l-Artikolu 92 imposti bl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2015/10/MC-EnC u l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2016/16/MC-EnC ġie estiż għal sena jekk, fi żmien sitt xhur minn din id-Deċiżjoni, il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni preżenti ma jkunx ġie rettifikat.

    ·Barra minn hekk, id-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa f’voti għal Miżuri adottati taħt it-Titolu II tat-Trattat relatati mal-adozzjoni ta’ acquis ġdid fis-settur tal-gass mill-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità tal-Enerġija, kif ukoll id-dritt li tipparteċipa f’voti għal Miżuri skont l-Artikolu 91 tat-Trattat se jiġi sospiż.

    ·Abbażi ta’ rapport mis-Segretarjat, il-Kunsill Ministerjali se jirrevedi l-effettività u l-ħtieġa għaż-żamma ulterjuri ta’ dawn il-miżuri fil-laqgħa tiegħu fit-tieni nofs tal-2019.

    ·Is-Segretarjat huwa mistieden jimmonitorja l-konformità tal-miżuri meħuda mill-Bożnija-Ħerzegovina mal-acquis communautaire.

    Billi l-Bożnija-Ħerzegovina ma ħaditx miżuri biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2018/17/MC-EnC, l-ECS issottometta Talba Motivata datata t-8 ta’ Ottubru 2019 lill-Kunsill Ministerjali skont l-Artikolu 92 tat-Trattat. Fit-Talba Motivata tiegħu, l-ECS talab lill-Kunsill Ministerjali jiddikjara li:

    ·Il-Bożnija-Ħerzegovina naqset milli timplimenta d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali 2013/04/MC-EnC, 2014/04/MC-EnC, 2015/10/MC-EnC, 2016/16/MC-EnC u 2018/17/MC-EnC u għalhekk ma rrettifikatx il-ksur serju u persistenti identifikat f’dawn id-Deċiżjonijiet.

    ·It-tul tal-miżuri skont l-Artikolu 92 imposti bl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2015/10/MC-EnC, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2016/16/MC-EnC u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2018/17/MC-EnC huwa estiż għal sena wara l-adozzjoni tal-miżuri waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali fit-tieni nofs tal-2020.

    ·Barra minn hekk, id-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa f’voti għal Deċiżjonijiet skont l-Artikoli 91 u 92 tat-Trattat huwa sospiż.

    ·Abbażi ta’ rapport mill-ECS, il-Kunsill Ministerjali se jirrevedi l-effettività u l-ħtieġa għaż-żamma ulterjuri ta’ dawn il-miżuri fil-laqgħa tiegħu fit-tieni nofs tal-2020.

    Minħabba l-persistenza u l-importanza tal-ksur identifikat, il-miżuri proposti huma xierqa u proporzjonati. Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tkun li jiġi approvat l-abbozz tad- Deċiżjoni.

    (ii)Li timponi miżuri fuq il-Bożnija-Ħerzegovina skont l-Artikolu 92(1) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-2/13

    Fl-14 ta’ Ottubru 2016, il-Kunsill Ministerjali adotta d-Deċiżjoni 2016/03/MC-EnC fil-Kawża ECS-02/13 li tistabbilixxi ksur tal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija billi ddikjara li l-Bożnija-Ħerzegovina, billi naqset milli tiżgura li ma jintużawx żjut tal-fjuwil tqal jekk il-kontenut tal-kubrit tagħhom jaqbeż il-1.00 % bil-massa fit-territorju kollu tagħha u tonqos milli tiżgura li ż-żjut tal-gass ma jintużax jekk il-kontenut tal-kubrit tagħhom jaqbeż iż-0.1 % bil-massa fit-territorju kollu tagħha, naqset milli tikkonforma mal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 1999/32/KE flimkien mal-Artikolu 16 tat-Trattat.

    Minħabba li l-Bożnija-Ħerzegovina ma ħaditx miżuri biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2016/03/MC-EnC, fit-12 ta’ Settembru 2018, l-ECS issottometta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali li tagħti bidu għall-Kawża ECS-2/13 S skont l-Artikolu 92 tat-Trattat.

    Bid-Deċiżjoni tiegħu 2018/13/MC-EnC tad-29 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill Ministerjali stabbilixxa ksur serju u persistenti tal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija billi ddikjara li n-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/03/MC-EnC u b’hekk li tirrettifika l-ksur identifikat f’din id-Deċiżjoni jikkostitwixxi ksur serju u persistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat, iżda ppospona l-adozzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat għall-2019. Fl-istess ħin, il-Kunsill Ministerjali ddeċieda li l-Bożnija-Ħerzegovina għandha tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/03/MC-EnC b’kooperazzjoni mas-Segretarjat u għandha tirrapporta lill-Kunsill Ministerjali fl-2019 dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni li ttieħdu. Barra minn hekk, l-ECS ġie mistieden jitlob Miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat fl-2019, jekk il-Bożnija-Ħerzegovina tonqos milli timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/03/MC-EnC sal-1 ta’ Lulju 2019.

    Peress li l-Bożnija-Ħerzegovina ma ħaditx miżuri biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2018/13/MC-EnC u s-sitwazzjoni fir-rigward tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina mad-Direttiva 1999/32/KE baqgħu bi ksur tal-acquis tal-Komunità tal-Enerġija, l-ECS issottometta Talba għall-Miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat lill-Kunsill Ministerjali datata t-8 ta’ Ottubru 2019. Fit-Talba Motivata tiegħu, l-ECS talab lill-Kunsill Ministerjali jiddikjara li:

    ·Il-Bożnija-Ħerzegovina naqset milli timplimenta d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali 2013/04/MC-EnC, 2014/04/MC-EnC, 2015/10/MC-EnC, 2016/16/MC-EnC u 2018/17/MC-EnC u għalhekk ma rrettifikatx il-ksur serju u persistenti identifikat f’dawn id-Deċiżjonijiet.

    ·It-tul tal-miżuri skont l-Artikolu 92 imposti bl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2015/10/MC-EnC, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2016/16/MC-EnC u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2018/17/MC-EnC huwa estiż għal sena wara l-adozzjoni tal-miżuri waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali fit-tieni nofs tal-2020.

    ·Barra minn hekk, id-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa f’voti għal Deċiżjonijiet skont l-Artikoli 91 u 92 tat-Trattat huwa sospiż.

    ·Abbażi ta’ rapport mill-ECS, il-Kunsill Ministerjali se jirrevedi l-effettività u l-ħtieġa għaż-żamma ta’ dawn il-miżuri fil-laqgħa tiegħu fit-tieni nofs tal-2020.

    Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tkun li jiġi approvat l-abbozz tad-Deċiżjoni.

    (iii)Li timponi miżuri fuq il-Bożnija-Ħerzegovina skont l-Artikolu 92(1) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-6/16

    Fl-14 ta’ Ottubru 2016, il-Kunsill Ministerjali adotta d-Deċiżjoni 2016/07/MC-EnC fil-Kawża ECS-06/16 li tistabbilixxi ksur tal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija billi ddikjara li l-Bożnija-Ħerzegovina, billi naqset milli tadotta u tapplika l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma mad-Direttiva 2009/72/KE, id-Direttiva 2009/73/KE, ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 sal-1 ta’ Jannar 2015, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Ministerjali 2011/02/MC-EnC u billi naqset ukoll milli tinnotifika dawk il-miżuri lill-ECS, naqset milli tikkonforma mal-Artikoli 6 u 89 tat-Trattat kif ukoll l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2011/02/MC-EnC.

    Minħabba li l-Bożnija-Ħerzegovina ma ħaditx miżuri biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2016/07/MC-EnC, fit-12 ta’ Settembru 2018, l-ECS issottometta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali li tagħti bidu għall-Kawża ECS-6/16 S skont l-Artikolu 92 tat-Trattat.

    Bid-Deċiżjoni tiegħu 2018/16/MC-EnC tad-29 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill Ministerjali stabbilixxa ksur serju u persistenti tal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija billi ddikjara li l-nuqqas mill-Bożnija-Ħerzegovina biex timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/07/MC-EnC u b’hekk li tirrettifika l-ksur identifikat f’din id-Deċiżjoni jikkostitwixxi ksur serju u persistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat, iżda ppospona l-adozzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat għall-2019. Fl-istess ħin, il-Kunsill Ministerjali ddeċieda li l-Bożnija-Ħerzegovina għandha tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/07/MC-EnC b’kooperazzjoni mas-Segretarjat u għandha tirrapporta lill-Kunsill Ministerjali fl-2019 dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni li ttieħdu. Barra minn hekk, l-ECS ġie mistieden jitlob Miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat fl-2019, jekk il-Bożnija-Ħerzegovina tonqos milli timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/07/MC-EnC sal-1 ta’ Lulju 2019.

    Peress li l-Bożnija-Ħerzegovina ma ħaditx miżuri biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2018/16/MC-EnC u s-sitwazzjoni fir-rigward tal-konformità tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-obbligi tagħha msemmija hawn fuq baqgħet fi ksur tal-acquis tal-Komunità tal-Enerġija, l-ECS issottometta Talba għall-Miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat lill-Kunsill Ministerjali datata t-8 ta’ Ottubru 2019. Fit-Talba Motivata tiegħu, l-ECS talab lill-Kunsill Ministerjali jiddikjara li:

    ·Il-Bożnija-Ħerzegovina naqset milli timplimenta d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali 2013/04/MC-EnC, 2014/04/MC-EnC, 2015/10/MC-EnC, 2016/16/MC-EnC u 2018/17/MC-EnC u għalhekk ma rrettifikatx il-ksur serju u persistenti identifikat f’dawn id-Deċiżjonijiet.

    ·It-tul tal-miżuri skont l-Artikolu 92 imposti bl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2015/10/MC-EnC, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2016/16/MC-EnC u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2018/17/MC-EnC huwa estiż għal sena wara l-adozzjoni tal-miżuri waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali fit-tieni nofs tal-2020.

    ·Barra minn hekk, id-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa f’voti għal Deċiżjonijiet skont l-Artikoli 91 u 92 tat-Trattat huwa sospiż.

    ·Abbażi ta’ rapport mill-ECS, il-Kunsill Ministerjali se jirrevedi l-effettività u l-ħtieġa għaż-żamma ulterjuri ta’ dawn il-miżuri fil-laqgħa tiegħu fit-tieni nofs tal-2020.

    Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tkun li jiġi approvat l-abbozz tad-Deċiżjoni.

    (b)Deċiżjoni dwar l-impożizzjoni u l-estensjoni ta’ miżuri dwar ir-Repubblika tas-Serbja taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawżi ECS-3/08 u ECS-9/13

    (a)L-impożizzjoni ta’ miżuri fuq ir-Repubblika tas-Serbja skont l-Artikolu 92(1) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-3/08

    Fl-14 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Ministerjali adotta d-Deċiżjoni 2016/02/MC-EnC fil-Kawża ECS-03/08 li tistabbilixxi ksur tal-liġi Komunitarja tal-Enerġija billi ddikjara li r-Repubblika tas-Serbja naqset milli tikkonforma mal-Artikolu 6 tar-Regolament 1228/2003 billi ma tużax id-dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni fl-interkonnetturi mal-Albanija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Montenegro għal wieħed jew aktar mill-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament.

    Ir-Repubblika tas-Serbja kienet obbligata tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tirrettifika l-ksur identifikat u biex tiżgura l-konformità mal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija sa Diċembru 2016 u biex tirrapporta regolarment lill-ECS u lill-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli.

    Peress li r-Repubblika tas-Serbja ma ħaditx miżuri biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2016/02/MC-EnC, fit-12 ta’ Settembru 2018, l-ECS issottometta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali li tagħti bidu għall-Kawża ECS-3/08 S skont l-Artikolu 92 tat-Trattat.

    Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu 2018/12/MC-EnC tad-29 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill Ministerjali stabbilixxa ksur serju u persistenti tal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija billi ddikjara li sakemm ir-Repubblika tas-Serbja ma tirrettifikax il-ksur identifikat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/02/MC-EnC fi żmien sitt xhur mid-Deċiżjoni preżenti, in-nuqqas mis-Serbja li timplimenta d-Deċiżjoni 2016/02/MC-EnC se jitqies bħala ksur serju u persistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat, imma ppospona l-adozzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat għall-2019. Fl-istess ħin, il-Kunsill Ministerjali ddeċieda li r-Repubblika tas-Serbja għandha tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/02/MC-EnC b’kooperazzjoni mas-Segretarjat u għandha tirrapporta lill-Kunsill Ministerjali fl-2019 dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni meħuda. Barra minn hekk, l-ECS ġie mistieden jitlob Miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat fl-2019, jekk ir-Repubblika tas-Serbja tonqos milli timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/02/MC-EnC sal-1 ta’ Lulju 2019.

    Ir-Repubblika tas-Serbja ma rrettifikatx il-ksur identifikat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/02/MC-EnC fi żmien sitt xhur mid-Deċiżjoni 2018/12/MC-EnC.

    Billi r-Repubblika tas-Serbja ma ħaditx miżuri biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2018/12/MC-EnC u s-sitwazzjoni fir-rigward tal-konformità tar-Repubblika tas-Serbja mal-obbligu tagħha li tuża d-dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-kapaċità tal-interkonnessjoni fuq l-interkonnetturi mal-Albanija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Montenegro għal wieħed jew aktar mill-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament 1228/2003 baqgħet tikser l-acquis tal-Komunità tal-Enerġija, l-ECS issottometta Talba għall-Miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat lill-Kunsill Ministerjali datata t-8 ta’ Ottubru 2019. Fit-Talba Motivata tiegħu, l-ECS talab lill-Kunsill Ministerjali jiddikjara li:

    ·ir-Repubblika tas-Serbja qed tkompli bi ksur serju u persistenti tal-obbligi tagħha skont it-tifsira tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat, kif stabbilit mill-Kunsill Ministerjali, bin-nuqqas tagħha li timplimenta d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali

    2016/02/MC-EnC fil-Kawża ECS-3/08 tal-14 ta’ Ottubru 2016 u 2018/12/MC-EnC tad-29 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża ECS-3/08 S,

    2014/03/MC-EnC tat-23 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża ECS-9/13 u 2016/17/MC-EnC tal-14 ta’ Ottubru 2016 fil-Kawża ECS-9/13 S

    u tirrettifika l-ksur stabbilit fihom.

    ·Id-dritt tar-Repubblika tas-Serbja li tipparteċipa f’voti għal Miżuri u Atti Proċedurali adottati skont il-Kapitolu VI tat-Titolu V tat-Trattat, kif ukoll id-dritt li tipparteċipa f’voti għal Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91 tat-Trattat huma sospiżi.

    ·L-ECS qed jintalab jissospendi l-applikazzjoni tar-Regoli ta’ Rimborż tiegħu għar-rappreżentanti tar-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tal-laqgħat kollha organizzati mill-Komunità tal-Enerġija.

    ·L-Unjoni Ewropea, bi qbil mal-Artikolu 6 tat-Trattat, hija mistiedna tieħu l-miżuri xierqa għas-sospensjoni tal-appoġġ finanzjarju mogħti lis-Serbja fis-setturi koperti mit-Trattat.

    ·L-effett tal-miżuri adottati minn din id-Deċiżjoni huwa limitat għal sena wara l-adozzjoni tagħhom fil-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali fit-tieni nofs tal-2019. Abbażi ta’ rapport mis-Segretarjat, il-Kunsill Ministerjali se jirrevedi l-effettività u l-ħtieġa għaż-żamma ta’ dawn il-miżuri fil-laqgħa li jmiss tiegħu fl-2020.

    ·Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali 2016/02/MC-EnC u 2018/12/MC-EnC fil-Kawżi ECS-3/08 u ECS-3/08 S, u 2014/03/MC-EnC u 2016/17/MC-EnC fil-Kawżi ECS-9/13 u ECS-9/13 S f’kooperazzjoni mas-Segretarjat u għandha tirrapporta lill-Kunsill Ministerjali fl-2020 dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni meħuda.

    ·L-ECS huwa mistieden jimmonitorja l-konformità tal-miżuri meħuda mir-Repubblika tas-Serbja mal-acquis communautaire.

    Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tkun li jiġi approvat l-abbozz tad-Deċiżjoni.

    (ii)Estensjoni tal-miżuri imposti fuq ir-Repubblika tas-Serbja taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-9/13

    Fid-29 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill Ministerjali qabel li jestendi b’sitt xhur oħra d-data ta’ skadenza li fiha r-Repubblika tas-Serbja kienet mistennija li tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali 2014/03/MC-EnC u 2016/17/MC-EnC fil-Kawża ECS-9/13 (relatati man-nuqqas ta’ konformità mir-Repubblika tas-Serbja mas-separazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass naturali) u għalhekk li tirrettifika l-ksur serju u persistenti identifikat f’dawn id-Deċiżjonijiet.

    Peress li r-Repubblika tas-Serbja ma ħaditx miżuri biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjonijiet 2014/03/MC-EnC u 2016/17/MC-EnC, l-ECS issottometta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali skont l-Artikolu 92 tat-Trattat datata t-8 ta’ Ottubru 2019. Fit-Talba Motivata tiegħu, l-ECS talab lill-Kunsill Ministerjali jiddikjara li:

    ·Id-dritt tar-Repubblika tas-Serbja li tipparteċipa f’voti għal Miżuri u Atti Proċedurali adottati skont il-Kapitolu VI tat-Titolu V tat-Trattat, kif ukoll id-dritt li tipparteċipa f’voti għal Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91 tat-Trattat jiġu sospiżi.

    ·L-ECS qed jintalab jissospendi l-applikazzjoni tar-Regoli ta’ Rimborż tiegħu għar-rappreżentanti tar-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tal-laqgħat kollha organizzati mill-Komunità tal-Enerġija.

    ·L-Unjoni Ewropea, bi qbil mal-Artikolu 6 tat-Trattat, hija mistiedna tieħu l-miżuri xierqa għas-sospensjoni tal-appoġġ finanzjarju mogħti lis-Serbja fis-setturi koperti mit-Trattat.

    ·L-effett tal-miżuri adottati b’din id-Deċiżjoni huwa limitat għal sena mill-adozzjoni tagħha.

    Minħabba l-persistenza u l-importanza tal-ksur identifikat, il-miżuri proposti huma xierqa u proporzjonati. Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tkun li jiġi approvat l-abbozz tad-Deċiżjoni.

    3.2.Atti previsti tal-PHLG

    Element imsemmi hawn fuq (it-Taqsima 2.3) jirrikjedi Deċiżjoni mill-PHLG, li fiha l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea se tiġi espressa mir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea.

    Fl-2011, it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE ġie adottat mill-Komunità tal-Enerġija, filwaqt li ġiet stabbilita proċedura ssimplifikata għall-adozzjoni tal-Kodiċijiet tan-Netwerk (KN) u tal-Linji Gwida (LG) tal-UE 10 .

    Il-KN u l-LG huma sett ta’ regoli tekniċi bil-għan li jarmonizzaw u jtejbu l-ġestjoni tal-flussi tal-enerġija transfruntiera. Għadd ta’ KN u LG tal-UE diġà ġew adottati fil-Komunità tal-Enerġija, inkluż il-LG tal-gass dwar proċeduri ta’ ġestjoni tal-konġestjoni 11 , il-KN tal-gass dwar l-interoperabbiltà u regoli għall-iskambju tad-dejta 12 , il-KN tal-elettriku dwar il-konnessjoni tal-ġeneraturi mal-grilja 13 , il-KN tal-elettriku dwar il-konnessjoni tad-domanda 14 , u l-KN tal-elettriku dwar il-konnessjoni mal-grilja tas-sistemi ta’ kurrent dirett b’voltaġġ għoli (HVDC) u l-moduli ta’ park tal-enerġija konnessi b’kurrent dirett 15 .

    Fl-2018 il-PHLG adotta l-Kodiċijiet tan-Netwerk dwar il-mekkaniżmi tal-allokazzjoni tal-kapaċità fis-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass 16 u dwar l-istrutturi tariffarji tat-trażmissjoni armonizzati għall-gass. 17

    Id-Deċiżjoni preżenti tal-PHLG tkopri l-Kodiċijiet tan-Netwerk inklużi fir-Regolament (UE) 312/2014. 18

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 312/2014 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Netwerks ta’ Trażmissjoni għandu l-għan li jistabbilixxi regoli għall-ibbilanċjar tal-gass, inkluż regoli relatati man-netwerk dwar proċeduri ta’ nomina, ħlasijiet għall-iżbilanċ, proċessi ta’ saldu assoċjati mat-tariffa tal-iżbilanċ ta’ kuljum u l-ibbilanċjar operazzjonali bejn in-netwerks tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni.

    F’April 2019, il-grupp ta’ ħidma tal-Komunità tal-Enerġija ad hoc li jivvaluta l-użu possibbli tal-KN tal-ibbilanċjar tal-gass qabel dwar verżjoni adattata tal-KN dwar “l-ibbilanċjar tal-gass tan-netwerks ta’ trażmissjoni”.

    Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-PHLG tkun li tapprova l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-PHLG biex jiġi implimentat ir-Regolament (UE) 312/2014 fil-Komunità tal-Enerġija.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni” 19 .

    4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Il-Kunsill Ministerjali u l-PHLG huma korpi stabbiliti bi ftehim, speċifikament it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija.

    L-atti li l-Kunsill Ministerjali u l-PHLG huma mitluba jadottaw jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali skont l-Artikolu 76 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, skont liema deċiżjoni tkun torbot legalment lil dawk li lilhom tkun indirizzata.

    L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala l-ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw l-enerġija.

    Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 194 tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 194 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    2019/0269 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija (Chisinau, it-12 u t-13 ta’ Diċembru 2019)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (“it-Trattat”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 ta’ Mejju 2006 20 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006.

    (2)Skont l-Artikoli 47 u 76 tat-Trattat, il-Kunsill Ministerjali jista’ jadotta Miżuri li jieħdu l-forma ta’ Deċiżjoni jew Rakkomandazzjoni.

    (3)Il-Kunsill Ministerjali, waqt is-17-il sessjoni tiegħu fit-13 ta’ Diċembru 2019, għandu jadotta għadd ta’ atti elenkati fl-Anness 1 għal din id-Deċiżjoni.

    (4)Il-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli, waqt il-55 laqgħa tiegħu fit-12 ta’ Diċembru 2019, għandu jadotta att elenkat fl-Anness 2 għal din id-Deċiżjoni.

    (5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali u fil-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli, hekk kif l-atti previsti se jkollhom effetti legali għall-Unjoni.

    (6)L-għan tal-atti previsti huwa li jħaffu l-kisba tal-objettivi tat-Trattat u l-funzjonament tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija fi Vjenna li, fost l-oħrajn, jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Kunsill Ministerjali.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fis-17-il sessjoni tal-Kunsill Ministerjali li se ssir f’Chisinau fit-13 ta’ Diċembru 2019 dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE hija stipulata fl-Anness 1 għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-55 laqgħa tal-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli li se ssir f’Chisinau fit-12 ta’ Diċembru 2019 dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE hija stipulata fl-Anness 2 għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 198 tal-20.7.2006, p. 15.
    (2)    Id-Direttiva 2009/72/KE, id-Direttiva 2009/73/KE, ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 u r-Regolament (KE) Nru 715/2009.
    (3)    *Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi ma’ UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
    (4)    L-Att Proċedurali 2008/01/MC-EnC dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont it-Trattat kif emendat bl-Att Proċedurali 2015/04/MC-EnC tas-16 ta’ Ottubru 2015 li jemenda l-Att Proċedurali 2008/01/MC-EnC tas-27 ta’ Ġunju 2008 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont it-Trattat.
    (5)    Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE
    (6)    Ir-Regolament (KE) 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005.
    (7)    Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks AG, C-439/06 ECLI:EU:C:2008:298, il-paragrafu 44; sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas and Others, C-239/07, ECLI:EU:C:2008:551, il-paragrafu 33; sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium NV, C-492/14, ECLI:EU:C:2016:732, il-paragrafu 76
    (8)    Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni.
    (9)    Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis).
    (10)    L-Att Proċedurali 01/2012/PHLG-EnC
    (11)    Id-Deċiżjoni 2018/01/PHLG-EnC
    (12)    Id-Deċiżjoni 2018/02/PHLG-EnC
    (13)    Id-Deċiżjoni 2018/03/PHLG-EnC
    (14)    Id-Deċiżjoni 2018/05/PHLG-EnC
    (15)    Id-Deċiżjoni 2018/04/PHLG-EnC
    (16)    Id-Deċiżjoni 2018/06/PHLG-EnC
    (17)    Id-Deċiżjoni 2018/07/PHLG-EnC
    (18)    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 tas-26 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Netwerks ta’ Trażmissjoni, ĠU L 91, 27.3.2014, p. 15–35.
    (19)    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
    (20)    ĠU L 198 tal-20.7.2006, p. 15.
    Top