IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.6.2019
COM(2019) 251 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibiilità għall-finanzjament ta’ miżuri baġitarji immedjati biex jiġu indirizzati it-theddidiet kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tas-sigurtà
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità sabiex ikun possibbli l-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti massimi disponibbli għal intestatura waħda jew aktar tal-qafas finanzjarju pluriennali.
F’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 u l-punt 12 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, wara li ġew eżaminati l-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet u ġie eżawrit kull marġini mhux allokat taħt in-nefqa Sigurtà u Ċittadinanza (intestatura 3), il-Kummissjoni qed tipproponi li fl-2020 jiġi mmobilizzat l-Istrument tal-Flessibilità. L-ammont annwali disponibbli huwa ta’ EUR 600 miljun (prezzijiet tal-2011) li jikkorispondi għal EUR 717 miljun f’prezzijiet attwali. Barra minn hekk, EUR 202 miljun huma disponibbli fil-porzjon tal-2019.
Din il-mobilizzazzjoni tikkonċerna ammont ta’ EUR 778,1 miljun aktar mil-limitu massimu tal-intestatura 3 tal-qafas finanzjarju pluriennali, u hija maħsuba biex tiffinanzja appoġġ għal miżuri għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà.
L-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni proposta tal-Istrument ta’ Flessibilità ġew ikkalkulati fuq il-bażi tar-regoli applikabbli għal prefinanzjament, l-approvazzjoni ta’ prefinanzjament u l-pagamenti finali għad-diversi tipi ta’ miżuri li se jiġu ffinanzjati, u huma ppreżentati fit-tabella ta’ hawn taħt:
(f’miljuni ta’ EUR, skont il-prezzijiet ta’ bħalissa)
|
Sena
|
L-approprjazzjonijiet ta’ pagament relatati mal-mobilizzazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà fl-2020
|
|
2020
|
407,4
|
|
2021
|
312,2
|
|
2022
|
42,4
|
|
2023
|
16,1
|
|
Totali
|
778,1
|
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibiilità għall-finanzjament ta’ miżuri baġitarji immedjati biex jiġu indirizzati it-theddidiet kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tas-sigurtà
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba, u b’mod partikolari l-punt 12 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi,
(1)L-Istrument ta' Flessibilità huwa maħsub biex jippermetti l-finanzjament ta' nefqa identifikata b'mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti disponibbli għal intestatura waħda jew aktar.
(2)Il-limitu massimu tal-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibilità jlaħħaq il-EUR 600 000 000 (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013, żdied, kull fejn applikabbli mill-ammonti skaduti li saru disponibbli skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu.
(3)Sabiex jiġu iindirizzati it-theddidiet kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tas-sigurtà, huwa meħtieġ li jiġu mmobilizzati ammonti addizzjonali sinifikanti għall-finanzjament ta’ tali miżuri bħala kwistjoni ta’ urġenza.
(4)Wara li eżaminaw il-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt il-limitu massimu tan-nefqa għall-intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza), huwa meħtieġ li jiġi mmobilizzat l-Istrument ta’ Flessibilità biex jissupplimenta l-finanzjament disponibbli fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, aktar mil-limitu massimu tal-intestatura 3 b’ammont ta’ EUR 778 074 489 biex jiġu ffinanzjati miżuri fil-qasam tal-migrazzjoni, tar-rifuġjati u tas-sigurtà.
(5)Abbażi tal-profil tal-pagament mistenni, l-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità jenħtieġ li jiġu mqassma matul diversi snin finanzjarji.
(6)Sabiex ikun permess l-użu malajr tal-fondi, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-bidu tas-sena finanzjarja 2020.
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
(1)Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, l-Istrument ta' Flessibilità għandu jintuża biex jipprovdi s-somma ta' EUR 778 074 489 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn fl-intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza).
L-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jintuża biex jiffinanzja miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi kontinwi tal-migrazzjoni, id-dħul ta’ refuġjati u t-theddid għas-sigurtà.
(2)Abbażi tal-profil tal-pagament mistenni, l-approprjazzjonijiet ta’ pagament li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità għandhom ikunu stmati kif ġej:
(a)EUR 407 402 108 fl-2020;
(b)EUR 312 205 134 fl-2021;
(c)EUR 42 336 587 fl-2022;
(d)EUR 16 130 660 fl-2023;
L-ammonti speċifiċi ta' approprjazzjonijiet ta' pagament għal kull sena finanzjarja għandhom jiġu awtorizzati f'konformità mal-proċedura baġitarja annwali.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President