Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0131

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni TIR, fir-rigward tal-proposta għal emenda tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR

COM/2019/131 final

Brussell, 11.3.2019

COM(2019) 131 final

2019/0073(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni TIR, fir-rigward tal-proposta għal emenda tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR 1 (“il-Konvenzjoni TIR”) b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-emendi li jikkonċernaw l-assoċjazzjonijiet TIR u l-uffiċċji doganali involuti fl-operazzjonijiet TIR. 

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR

Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR tal-14 ta’ Novembru 1975 (il-Konvenzjoni TIR”) għandha l-għan li tiffaċilita t-trasport internazzjonali ta’ oġġetti minn uffiċċji doganali tat-tluq lejn uffiċċji doganali tad-destinazzjoni u mill-pajjiżi kollha meħtieġa. Il-Konvenzjoni TIR daħlet fis-seħħ fl-1978. Minn Jannar 2019, hemm 76 parti għall-Konvenzjoni, li jinkludu 75 stat u l-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea ilha parti għall-Konvenzjoni TIR 2 mill-20 ta’ Ġunju 1983. L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni TIR.

2.2.Il-Kumitat Amministrattiv

Il-Kumitat Amministrattiv qed jaġixxi fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR. Ir-rwol tal-Kumitat Amministrattiv huwa li jikkunsidra u jadotta l-emendi għall-Konvenzjoni TIR. Issir votazzjoni rigward il-proposti u kull Stat, li huwa parti u jkun irrappreżentat f'sessjoni tal-Kumitat Amministrattiv, għandu vot wieħed. L-Unjoni għandha kompetenza esklussiva fil-qasam tad-dwana rregolata mill-Konvenzjoni TIR. Madankollu, l-Unjoni, bħala organizzazzjoni internazzjonali, ma għandhiex drittijiet tal-vot. L-Istati Membri kollha huma partijiet bi drittijiet tal-vot.

L-emendi tal-Konvenzjoni TIR jiġu adottati b'maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-partijiet preżenti u li jivvotaw. Biex tittieħed deċiżjoni, huwa meħtieġ kworum ta' mhux inqas minn terz tal-Istati li huma partijiet.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Amministrattiv

Il-Kumitat Amministrattiv se jiltaqa’ fl-2019 fid-dati li ġejjin: is-7 ta' Frar u s-17 ta’ Ottubru. F’waħda mil-laqgħat tiegħu, jew matul sessjoni eċċezzjonali, il-Kumitat Amministrattiv għandu jieħu deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-emendi proposti għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR (“l-att previst”).

L-iskop tal-att previst huwa li: (i) jiċċara liema awtoritajiet jistgħu jawtorizzaw lill-assoċjazzjoni(jiet) biex taġixxi/jaġixxu bħala garanti; (ii) iżid l-għadd ta’ uffiċċji doganali tat-tluq u/jew tad-destinazzjoni, li jistgħu jkunu involuti f’operazzjoni ta’ trasport TIR; u (iii) jirrikjedi l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-limitazzjonijiet fuq l-għadd ta’ uffiċċji doganali tat-tluq u/jew tad-destinazzjoni disponibbli li jkunu nfetħu għal operazzjonijiet TIR.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni TIR. L-Artikolu 59 jikkonċerna emendi għall-korp ewlieni tal-Konvenzjoni TIR u jipprevedi: “Ħlief kif inhu pprovdut fl-Artikolu 60, kwalunkwe emenda proposta li ġiet ikkomunikata skont il-paragrafu preċedenti għandha tidħol fis-seħħ rigward il-Partijiet Kontraenti kollha tliet xhur wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 12-il xahar wara d-data ta’ komunikazzjoni tal-emenda proposta, fejn matul dan il-perjodu ma tkun ġiet ikkomunikata l-ebda oġġezzjoni għall-emenda proposta lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti minn Stat li huwa Parti Kontraenti. Jekk, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tkun ġiet ikkomunikata oġezzjoni għall-emenda proposta għandu jitqies li l-emenda ma ġietx aċċettata u m’għandu jkollha l-ebda effett.”

L-Artikolu 60 jikkonċerna emendi tal-Annessi tal-Konvenzjoni TIR u jipprevedi: “Kwalunkwe emenda proposta għall-Annessi 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9 u 10 meqjusa skont l-Artikolu 59(1) u (2) għandha tidħol fis-seħħ f’data li għandha tkun iddeterminata mill-Kumitat Amministrattiv fi żmien l-adozzjoni tagħha, sakemm b’data preċedenti ddeterminata mill-Kumitat Amministrattiv fl-istess żmien, wieħed minn kull ħames Stati li huma Partijiet Kontraenti jew ħamsa mill-Istati li huma Partijiet Kontraenti, liema numru huwa l-iżgħar, jinnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bl-oġġezzjoni tagħhom għall-emenda. Id-determinazzjoni mill-Kumitat Amministrattiv tad-dati li jissemmew f’dan il-paragrafu għandha tkun b’maġġoranza ta’ żewġ terzi ta’ dawk preżenti u li jivvotaw.”.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

L-Unjoni taqsam l-objettivi tal-emendi proposti tal-Konvenzjoni TIR u n-Noti ta’ Spjegazzjoni tagħha. B’mod partikolari, l-Unjoni tappoġġja l-kjarifika fir-rigward ta’ liema awtoritajiet huma kompetenti biex jawtorizzaw assoċjazzjonijiet garanti; iż-żieda fl-għadd ta’ uffiċċji doganali involuti f’operazzjoni TIR; u r-rekwiżit li l-informazzjoni dwar il-limitazzjonijiet fuq l-għadd ta’ uffiċċji doganali tat-tluq u/jew tad-destinazzjoni disponibbli li jkunu nfetħu għal operazzjonijiet TIR issir disponibbli għall-pubbliku.

B’mod aktar speċifiku, il-proposta għal emenda tal-Artikolu 6, il-paragrafu 1 tal-Konvenzjoni TIR biex il-kelma “Kull” tiġi sostitwita b’“L-awtoritajiet doganali jew awtoritajiet kompetenti oħra ta’” hija bbażata fuq talba mill-Federazzjoni Russa biex jiġi rifless il-fatt li minħabba l-arranġamenti amministrattivi differenti li jeżistu f’diversi Partijiet Kontraenti, l-awtorità kompetenti li għandha tawtorizza assoċjazzjoni garanti tista’ ma tkunx dejjem l-amministrazzjoni doganali. Il-kliem propost huwa soluzzjoni ta’ kompromess peress li diversi Partijiet Kontraenti, inkluża l-Unjoni Ewropea, esprimew tħassib dwar il-proposta inizjali li jitħassar għalkollox it-terminu “awtoritajiet doganali”, minħabba r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew internazzjonali. L-emenda proposta twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni biex tiġi pprovduta l-flessibbiltà meħtieġa.

Il-proposta għal emenda tal-Artikolu 18, il-linja 3 tal-Konvenzjoni TIR biex il-kelma “erbgħa” tiġi sostitwita b’“tmienja” u jiżdied paragrafu ġdid “L-awtoritajiet doganali jistgħu jillimitaw l-għadd massimu ta’ uffiċċji doganali ta' tluq (jew ta' destinazzjoni) fit-territorju tagħhom għal inqas minn sebgħa iżda mhux inqas minn tlieta” hija emenda ewlenija. Billi tirdoppja l-għadd ta’ Uffiċċji Doganali li jistgħu jkunu involuti f’operazzjoni TIR, l-emenda proposta ssaħħaħ il-kompetittività tas-sistema TIR u tipprovdi faċilitazzjoni notevoli għall-industrija tat-trasport. Fl-istess waqt, abbażi ta’ proposta mill-Federazzjoni Russa, tinżamm il-possibbiltà li l-Partijiet Kontraenti jillimitaw l-għadd ta’ uffiċċji doganali involuti fit-territorju tagħhom, sabiex jiġu evitati riskji potenzjali għall-baġit tal-Istat tagħhom. Din l-emenda proposta jenħtieġ li titqies flimkien man-Nota ta’ Spjegazzjoni ġdida tal-Artikolu 18.

Il-proposta għal Nota ta’ Spjegazzjoni ġdida tal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni TIR ġiet elaborata mill-Bord Eżekuttiv tat-TIR (li ngħata mandat mill-Kumitat Amministrattiv). Din għandha l-għan li tikkomplementa l-emenda proposta tal-Artikolu 18, li tippermetti lill-Partijiet ikollhom għadd inqas ta’ uffiċċji doganali tat-tluq u jew tad-destinazzjoni fit-territorju tagħhom. In-Nota ta’ Spjegazzjoni l-ġdida proposta tirrikjedi li jekk, f’Parti, l-awtoritajiet doganali jillimitaw l-għadd massimu ta’ uffiċċji doganali tat-tluq (jew tad-destinazzjoni) fit-territorju tagħhom, din l-informazzjoni trid tkun disponibbli wkoll għall-pubbliku u tiġi pprovduta wkoll lill-Bord Eżekuttiv tat-TIR. Dan il-mekkaniżmu jevita diffikultajiet legali u loġistiċi għall-industrija tat-trasport f’każ ta’ dawn il-limitazzjonijiet.

Il-proposta għal emenda tan-Nota ta’ Spjegazzjoni tal-Artikolu 6, il-paragrafu 2 tal-Konvenzjoni TIR li l-kelmiet “pajjiż jistgħu japprovaw” jiġu sostitwiti b’“Parti Kontraenti jistgħu jawtorizzaw” għandha l-għan li żżid il-koerenza tat-test u hija ta’ natura teknika.

L-emenda proposta tal-Anness 9, il-Parti I, il-paragrafu 1 tal-Konvenzjoni TIR, li tissostitwixxi l-kelmiet “Partijiet Kontraenti” b’“L-awtoritajiet doganali jew awtoritajiet kompetenti oħra ta’ Parti Kontraenti” għandha l-għan li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni biex tiġi pprovduta aktar flessibbiltà, fid-dawl tal-arranġamenti amministrattivi differenti li jeżistu f’diversi partijiet. Bl-istess mod bħall-emenda tal-Artikolu 6, il-paragrafu 1 deskritta hawn fuq, din l-emenda proposta hija bbażata fuq proposta mill-Federazzjoni Russa. Bħala tali, il-proposta twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni biex tiġi pprovduta l-flessibbiltà meħtieġa.

Saru konsultazzjonijiet dwar l-emendi proposti mal-Istati Membri fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti Doganali għat-TIR (koordinazzjoni ta’ Ġinevra). Saru aktar konsultazzjonijiet matul is-sessjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet Doganali li Jaffettwaw it-Trasport tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE).

Il-koordinazzjoni interna, kif ukoll id-diskussjonijiet konġunti mal-Istati Membri fil-qafas ta’ Grupp ta’ Esperti Doganali għat-TIR, urew b’mod ċar li m’hemm l-ebda oppożizzjoni għall-emendi proposti.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi għal deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti ġuridiċi skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Amministrattiv huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR.

L-att li l-Kumitat Amministrattiv huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni TIR.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Il-pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kumitat Amministrattiv se jemenda l-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR u l-Annessi tagħha, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2019/0073 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni TIR, fir-rigward tal-proposta għal emenda tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR tal-14 ta’ Novembru 1975 (“il-Konvenzjoni TIR”) ġiet approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 4 u daħlet fis-seħħ fil-Komunità fl-20 ta’ Ġunju 1983 5 .

(2)Skont l-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni TIR, il-Kumitat Amministrattiv jista’ jadotta emendi b'maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvotaw.

(3)Il-Kumitat Amministrattiv, matul sessjoni straordinarja li se ssir f’Ġunju 2019, għandu jadotta diversi emendi tal-Konvenzjoni TIR u tal-Annessi tagħha. 

(4)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, peress li l-emendi se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(5)Sabiex jiġu riflessi l-arranġamenti amministrattivi differenti li jeżistu fid-diversi Partijiet Kontraenti, huwa meħtieġ jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-atturi skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni TIR, tan-Nota ta’ Spjegazzjoni korrispondenti, u tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni TIR, sabiex awtoritajiet oħrajn għajr l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jawtorizzaw assoċjazzjoni biex taġixxi bħala garanti għall-persuni li jużaw il-proċedura TIR.

(6)Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni TIR permezz tal-katina loġistika u tittejjeb il-kompetittività tat-trasport internazzjonali kkonċernat mill-Konvenzjoni TIR, huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 18 biex jiżdied l-għadd ta’ uffiċċji doganali li jistgħu jkunu involuti f’operazzjoni TIR. Fl-istess waqt, tiġi pprovduta l-possibbiltà biex l-awtoritajiet doganali ta’ Parti Kontraenti jillimitaw l-għadd ta’ uffiċċji doganali li jistgħu jkunu involuti f’operazzjoni TIR fit-territorju tagħha, sakemm dawn jinformaw lill-pubbliku u lill-Bord Eżekuttiv tat-TIR dwar dawn il-limitazzjonijiet,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fid-disgħa u sittin jew fis-sebgħin sessjoni tal-Kumitat Amministrattiv għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ emendi mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    TIR tfisser “Transports Internationaux Routiers” jew “Trasporti Internazzjonali bit-Triq”.
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta' oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra ĠU L 252/1.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta' Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta' oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta' Novembru 1975 f'Ġinevra (ĠU L 252, 14.9.1978, p. 1).
(5)    ĠU L 31, 2.2.1983, p. 13.
Top

Brussell, 11.3.2019

COM(2019) 131 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni TIR, fir-rigward tal-proposta għal emenda tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR


ANNESS 1

Emendi tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR (il-Konvenzjoni TIR tal-1975)

I Emendi tal-parti prinċipali tal-Konvenzjoni TIR, soġġetti għall-proċedura ta’ emenda tal-Artikolu 59:

L-Artikolu 6, il-paragrafu 1

Kull tiġi sostitwita b’L-awtoritajiet doganali jew awtoritajiet kompetenti oħra ta’

L-Artikolu 18, il-linja 3

Erbgħa tiġi sostitwita bi tmienja

Jiżdied paragrafu ġdid li jaqra L-awtoritajiet doganali jistgħu jillimitaw l-għadd massimu ta’ uffiċċji doganali ta’ tluq (jew ta’ destinazzjoni) fit-territorju tagħhom għal inqas minn sebgħa iżda mhux inqas minn tlieta.

II Emendi tal-Annessi tal-Konvenzjoni TIR, soġġetti għall-proċedura ta’ emenda tal-Artikolu 60:

L-Anness 6, in-Nota ta’ Spjegazzjoni tal-Artikolu 6, il-paragrafu 2

Pajjiż jistgħu japprovaw tiġi sostitwita b’Parti Kontraenti jistgħu jawtorizzaw

L-Anness 6, in-Nota ta’ Spjegazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 18

0.18.3 Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar dawn il-limitazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku u jinfurmaw lill-Bord Eżekuttiv TIR, inkluż permezz tal-użu xieraq tal-applikazzjonijiet elettroniċi żviluppati għal dan il-għan mis-Segretarju TIR taħt is-superviżjoni tal-Bord Eżekuttiv TIR.

L-Anness 9, il-Parti I, il-paragrafu 1

Partijiet Kontraenti tiġi sostitwita b’L-awtoritajiet doganali jew awtoritajiet kompetenti oħra ta’ Parti Kontraenti

Top