Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0090

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro

COM/2019/90 final

Brussell, 21.2.2019

COM(2019) 90 final

2019/0043(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta 1 jipprevedi li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista’ tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. F’dan ir-rigward, l-Aġenzija tista’ twettaq azzjonijiet fil-fruntieri esterni li jinvolvu Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz li jkun ġar ta’ mill-anqas wieħed minn dawk l-Istati Membri, soġġett għall-qbil ta’ dak il-pajjiż terz ġar, inkluż dwar it-territorju ta’ dak il-pajjiż terz.

Skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624, f’każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta f’pajjiż terz f’azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom poteri eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi jeħtieġu dan, għandu jintlaħaq ftehim dwar l-istatus, bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz konċernat. Dan il-ftehim dwar l-istatus għandu jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet. Għandu b’mod partikolari jistipula l-ambitu tal-operazzjoni, ir-responsabbiltà ċivili u kriminali u il-kompiti u s-setgħat tal-membri tat-timijiet. Il-ftehim dwar l-istatus għandu jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali matul dawn l-operazzjonijiet.

Abbażi tad-direttivi ta’ negozjar adottati mill-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat mal-Montenegro ftehim dwar l-istatus bil-għan li tistabbilixxi l-qafas legali li se jippermetti li wieħed jaġixxi immedjatament billi jiġu stabbiliti Pjanijiet Operattivi meta tkun meħtieġa reazzjoni rapida. Filwaqt li bħalissa l-Montenegro mhuwiex qed jintuża ħafna bħala pajjiż ta’ tranżitu mill-migranti, is-sitwazzjoni tista’ tinbidel, kif diġà ġara fil-passat. In-netwerks tal-kriminalità organizzata jadattaw malajr ir-rotot u l-metodi tagħhom għall-kuntrabandu tal-migranti għal kwalunkwe ċirkostanza ġdida. Bil-ftehim dwar l-istatus fis-seħħ, l-awtoritajiet responsabbli tal-Montenegro u l-Istati Membri tal-UE, ikkoordinati mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jirrispondu malajr għal żviluppi possibbli bħal dawn.

Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-konklużjoni tal-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro.

Fis-16 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni rċeviet l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex tiftaħ negozjati mal-Montenegro dwar ftehim dwar l-istatus dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro.

In-negozjati dwar il-ftehim dwar l-istatus infetħu u ġew iffinalizzati fil-5 ta’ Lulju 2018. In-negozjati se jiġu ffinalizzati b’suċċess billi jiġi inizjalat il-ftehim dwar l-istatus f’data aktar tard.

Il-Kummissjoni tqis li ntlaħqu l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-ftehim dwar l-istatus huwa aċċettabbli għall-Unjoni.

L-Istati Membri ġew infurmati u kkonsultati fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill rilevanti.

Relazzjoni mal-ftehimiet bilaterali eżistenti

Il-ftehim bejn il-Ministeru tal-Intern Kroat u l-Ministeru tal-Intern tal-Montenegro dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija daħal fis-seħħ għall-Kroazja fil-11 ta’ Novembru 2011 (NN/MU Nru. 15/2011).

Min-naħa l-oħra hemm fis-seħħ arranġament ta’ ħidma (li qed jiġi aġġornat) bejn il-Montenegro u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, li jinkludi, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni regolari tal-awtoritajiet kompetenti Montenegrini fl-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, bħala osservaturi fit-territorju tal-Istati Membri.

Il-Montenegro rrapporta kooperazzjoni transfruntiera tajba — speċjalment fil-livell tekniku — mal-ġirien kollha tiegħu u sar progress tajjeb fir-rigward tan-negozjati ta’ għadd ta’ ftehimiet mas-Serbja, mal-Bożnija-Ħerzegovina u mal-Kroazja. Protokoll bejn il-Ministeri tal-Intern tal-Montenegro, l-Albanija u l-Kosovo 2 stabbilixxa Ċentru Konġunt ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija fi Plav li huwa mmirat biex javvanza l-kooperazzjoni transfruntiera fil-ġlieda kontra l-kriminalità, permezz ta’ skambju aktar intensiv ta’ informazzjoni operattiva u koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-isforzi konġunti tas-sigurtà. Iċ-Ċentru ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija Konġunta kien miftuħ uffiċjalment fit-30 ta’ Mejju 2017.

3 Konsistenza mal-politiki l-oħra tal-Unjoni

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni hija mibnija fuq erba’ pilastri. Waħda minn dawn hija l-ġestjoni tal-fruntieri: din tinvolvi ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterna tal-UE, b’mod partikolari permezz tas-solidarjetà lejn dawk l-Istati Membri li jinsabu fuq il-fruntieri esterni, u t-titjib fl-effiċjenza tal-qsim tal-fruntieri. Kontroll imsaħħaħ tal-fruntieri tal-Montenegro se jkollu wkoll impatt pożittiv fuq il-fruntieri esterni tal-UE, kif ukoll il-fruntieri tal-Montenegro. Aktar tisħiħ tas-sigurtà fil-fruntieri esterni huwa wkoll konformi mal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE.

Il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea ta’ ftehim dwar l-istatus hija prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 li jiddikjara li, f’każijiet fejn huwa previst li t-timijiet Ewropej tal-Fruntiera u tal-Gwardja tal-Kosta jiġu skjerati f’pajjiż terz f’azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi jeħtieġu dan, l-Unjoni għandha tikkonkludi ftehim dwar l-istatus mal-pajjiż terz ikkonċernat.

Skont l-Artikolu 3(2) tat-TFUE, l-Unjoni għandu jkollha kompetenza esklussiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni. L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 jipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-status mill-Unjoni Ewropea mal-pajjiż terz ikkonċernat. Konsegwentement, il-ftehim mehmuż mal-Montenegro jaqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea.

Il-kunsens tal-Parlament Ewropew huwa meħtieġ għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)

Mhux applikabbli.

Proporzjonalità

Fid-dawl tal-fatt li n-netwerks tal-kriminalità organizzata malajr jadattaw ir-rotot u l-metodi tagħhom għat-traffikar ta’ migranti irregolari, l-involviment tal-UE huwa meħtieġ biex jittejbu l-kontrolli fil-fruntieri tal-Montenegro. Il-ftehim dwar l-istatus fis-seħħ huwa meħtieġ sabiex l-awtoritajiet responsabbli tal-Montenegro u l-Istati Membri tal-UE, ikkoordinati mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, ikunu jistgħu jirreaġixxu malajr għal dawn l-iżviluppi li huma possibbli. Ftehim dwar l-istatus se jippermetti l-iskjerament ta’ timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro f’każ ta’ influss ta’ migranti irregolari għal għarrieda.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill dwar ftehimiet internazzjonali, wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew. Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress fil-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

Mhux applikabbli

Ġbir u użu ta’ għarfien

Mhux applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

Ebda valutazzjoni tal-impatt ma ġie meħtieġ għan-negozjar tal-ftehim dwar l-istatus.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Billi dan se jkun ftehim ġdid, ma setgħet titwettaq l-ebda evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità tal-istrumenti eżistenti.

Drittijiet Fundamentali

Il-ftehim dwar l-istatus fih dispożizzjonijiet li jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tal-persuni affettwati mill-azzjonijiet tal-membri tat-tim involuti f’azzjoni kkoordinata mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jkunu protetti.

Id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali huma spjegati aktar fil-punt 5 “Elementi oħrajn”.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-ftehim dwar l-istatus fih innifsu ma għandux implikazzjonijiet finanzjarji. Huwa tabilħaqq l-iskjerament reali tat-timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fuq il-bażi ta’ Pjan Operazzjonali u l-Ftehim ta’ Għotja rilevanti li se jinvolvi spejjeż li jiġġarrbu mill-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. L-operazzjonijiet futuri taħt il-ftehim dwar l-istatus se jiġu ffinanzjati permezz tar-riżorsi proprji tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntieri u tal-Kosta.

Id-dikjarazzjoni finanzjarja mehmuża mal-proposta għal Regolament dwar Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta dwar in-nefqa tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta evalwat għal EUR 6.090 miljun bħala medja kull sena għall-perjodu 2017-2020 il-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi terzi (inklużi operazzjonijiet konġunti possibbli mal-pajjiżi ġirien).

1.1.5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus.

Il-Montenegro u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jevalwaw flimkien kull operazzjoni jew intervent rapidu fil-fruntiera li jagħmlu b’mod konġunt.

B’mod partikolari, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Montenegro u l-Istati Membri li jipparteċipaw għal azzjoni speċifika għandhom ifasslu rapport fi tmiem kull azzjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, inkluż dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim

Taħt dan il-Ftehim, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tkun tista’ tistazzjona t-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta b’setgħat eżekuttivi fil-Montenegro biex twettaq operazzjonijiet konġunti, interventi rapidi jew operazzjonijiet ta’ ritorn.

It-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta jistgħu jiġu skjerati fit-territorju tal-Montenegro biss f’reġjuni li għandhom il-konfini mal-fruntieri esterni tal-UE u l-membri tat-tim għandu jkollhom poteri eżekuttivi f’dawk iż-żoni tal-Montenegro kif stabbilit fil-Pjan Operazzjonali.

L-istatus u d-delimitazzjoni taħt il-liġi internazzjonali fit-territorji rispettivi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Montenegro bl-ebda mod ma hija affettwata la minn dan il-Ftehim u lanqas minn kull att imwettaq fl-implimentazzjoni tiegħu mill-Partijiet jew f’isimhom, inkluż l-istabbiliment ta’ pjanijiet operazzjonali jew il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet transfruntiera.

It-tnedija ta’ azzjoni

L-inizjattiva biex titnieda azzjoni tista’ tiġi proposta mill-Aġenzija. L-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro jistgħu jitolbu lill-Aġenzija biex tikkunsidra t-tnedija ta’ azzjoni. It-twettiq ta’ azzjoni jeħtieġ il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro u tal-Aġenzija.

Pjan Operazzjonali 

Qabel kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera, irid jiġi miftiehem Pjan Operazzjonali bejn l-Aġenzija u l-Montenegro. Il-Pjan Operazzjonali jrid jiġi miftiehem bejn l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jinsabu mal-fruntiera taż-żona ta’ operazzjoni.

Il-pjan għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzazzjonali u proċedurali tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inkluż deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, l-għan u l-objettivi operazzjonali, il-kunċett operazzjonali, it-tip ta’ tagħmir tekniku li jrid jintuża, il-pjan ta’ implimentazzjoni, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, Aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali, il-koordinazzjoni, l-istruttura tal-kmand, tal-kontroll, tal-komunikazzjoni u tar-rapportar, l-arranġamenti organizzazzjonali u loġistiċi, l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera. L-evalwazzjoni tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera għandha titwettaq b’mod konġunt bejn il-Montenegro u l-Aġenzija,

Kompiti u setgħat tal-membri tat-timijiet

Bħala regola ġenerali, it-timijiet għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. Huma għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Montenegro.

It-timijiet għandhom jaġixxu biss fit-territorju tal-Montenegro taħt l-istruzzjonijiet mingħand u fil-preżenza tal-gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali relevanti oħrajn tal-Montenegro. Il-Montenegro jista' jawtorizza lill-membri tat-tim biex jaġixxu f'ismu.

Il-membri tat-tim għandhom ukoll, fejn xieraq, jilbsu l-uniformi tagħhom, identifikazzjoni personali viżibbli u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom. Huma għandhom ukoll iġorru magħhom dokument ta’ akkreditazzjoni sabiex jiġu identifikati b’mod ċar mill-awtoritajiet tal-Montenegro.

Il-membri tat-tim jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz kif awtorizzat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat tagħhom stess. L-Aġenzija għandha tkun notifikata minn qabel mill-awtoritajiet tal-Montenegro dwar l-armi, munizzjon u tagħmir permissibbli tas-servizz u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom.

Il-membri tat-tim jistgħu jużaw il-forza, inkluż armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir, bil-kunsens tal-Istat tagħhom stess u tal-awtoritajiet tal-Montenegro, fil-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera tal-Montenegro jew persunal rilevanti ieħor, u f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Montenegro. L-awtoritajiet tal-Montenegro jistgħu jawtorizzaw lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza anke fin-nuqqas tal-gwardji tal-fruntiera tagħhom.

Il-Montenegro jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim jikkonsultaw il-bażijiet tad-data tiegħu jekk ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-Pjan Operazzjonali u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. Qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, l-awtoritajiet tal-Montenegro għandhom jinformaw lill-Aġenzija dwar liema bażijiet tad-data nazzjonali jistgħu jiġu kkonsultati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data tal-Montenegro.

Sospensjoni u terminazzjoni tal-azzjoni

Kemm l-Aġenzija kif ukoll l-awtoritajiet tal-Montenegro jistgħu jissospendu jew itemmu l-azzjoni, jekk huma jqisu li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew il-Pjan Operazzjonali ma jkunux rispettati mill-parti l-oħra.

Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim

Il-membri tat-tim għandhom igawdu mill-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro fir-rigward tal-atti kollha mwettqa fit-tħaddim tal-funzjonijiet uffiċjali (“on duty”) filwaqt li dawn ma jgawdux tali immunità għal atti mwettqa “off duty”.

Il-Pjan Operazzjonali għandu preċiżament jistabbilixxi l-azzjonijiet li jkollhom immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro.

Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reat kriminali li qed jitwettaq minn membru tat-tim, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, qabel il-bidu tal-proċediment quddiem il-qorti kompetenti, għandu jiċċertifika lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Montenegro jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali jew le. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kull rappreżentanza li ssir mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun skjera l-gwardja tal-fruntiera kkonċernat jew persunal rilevanti ieħor u l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro. Iċ-ċertifikazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandha tkun vinkolanti fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro.

Il-privileġġi mogħtija lill-membri tat-tim u l-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro ma jeżentawhomx mill-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

Sistema simili tapplika għar-responsabbiltà ċivili u amministrattiva tal-membri tat-tim.

L-immunità tal-membri tat-timijiet mill-ġuriżdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tal-Montenegro tista’ tiġi rinunzjata mill-Istat Membru li jkun skjera l-gwardja tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor ikkonċernati. Tali rinunzja trid tkun dejjem rinunzja espressa.

Membri tat-tim, li huma xhieda, jistgħu jkunu obbligati li jipprovdu evidenza permezz ta’ dikjarazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Montenegro.

Il-ftehim jipprovdi għal mekkaniżmu li għandu l-għan li jikkumpensa d-danni. Il-mekkaniżmu ta’ kumpens huwa bbażat fuq l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Jekk id-dannu jiġi kkawżat minn membru tat-tim “on duty”, il-Montenegro għandu jkun responsabbli. Jekk id-dannu jiġi kkawżat minn membru tat-tim “on duty” minn Stat Membru parteċipanti minħabba negliġenza gravi jew imġiba ħażina volontarja jew jekk l-att twettaq “off duty”, il-Montenegro jista’ jitlob, permezz tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat. Jekk il-ħsara tkun ikkawżata minn persunal tal-Aġenzija, il-Montenegro jista’ jitlob li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.

L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ li jinbeda kontrihom proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

L-oġġetti tal-membri tat-tim meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom għandhom ikunu ħielsa mill-qbid. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ lġiem.

Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu ikunu fis-seħħ fil-Montenegro fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija. Huma għandhom ukoll ikunu eżentati minn kull forma ta’ tassazzjoni fil-Montenegro fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew l-Istati Membri tagħhom, kif ukoll fuq kull dħul riċevut minn barra mill-Montenegro.

L-awtoritajiet tal-Montenegro għandhom jippermettu d-dħul u l-ħruġ ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandhom jagħtu eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u imposti relatati oħra (ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi simili) fir-rigward ta' dawn l-oġġetti.

Il-bagalji personali tal-membri tat-tim jistgħu jiġu spezzjonati biss f'każijiet ta’ suspetti ġustifikati li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tal-Montenegro. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membru/i tat-tim konċernati jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-propjetà tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni.

Dokument ta’ akkreditazzjoni

L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mal-Montenegro, toħroġ dokument ta’ akkreditazzjoni lill-membri tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet tal-Montenegro bħala prova tad-drittijiet tad-detentur li jwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri mogħtija taħt dan il-Ftehim u fil-Pjan Operazzjonali. Id-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess għall-Montenegro mingħajr il-bżonn ta’ viża jew awtorizzazzjoni minn qabel.

Drittijiet Fundamentali

Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju tan-non-refoulement u l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Dawn ma għandhomx jiddiskriminaw b'mod arbitrarju kontra persuni fuq l-ebda bażi, inkluż is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandha tkun proporzjonata mal-objettivi ta’ tali miżura u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

Kull Parti għandu jkollha mekkaniżmu ta’ lmenti sabiex tittratta l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha. L-Aġenzija stabbiliet mekkaniżmu ta’ lment imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u għalhekk tissodisfa dan l-obbligu. L-Ombudsman tal-Montenegro jista’ jittratta dawn l-allegazzjonijiet, ħlief jekk l-awtoritajiet tal-Montenegro jiddeċiedu li jistabbilixxu mekkaniżmu inkarigat speċifikament biex jittratta l-ilmenti mressqa taħt dan il-Ftehim.

Ipproċessar ta’ data personali

Id-data personali għandha tiġi pproċessata minn membri tat-tim meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u għall-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom skont ir-regoli applikabbli għall-Aġenzija u għall-Istati Membri tal-UE. L-ipproċessar ta’ data personali mill-Montenegro għandu jkun suġġett għal liġijiet nazzjonali tagħha.

L-Aġenzija, l-Istati Membri parteċipanti u l-awtoritajiet tal-Montenegro għandhom iħejju rapport komuni dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-membri tat-tim fi tmiem kull azzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Uffiċjal tad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija u lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Huma għandhom jirrapportaw għand id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

Tilwim u interpretazzjoni

Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro u minn rappreżentanti tal-Aġenzija, li għandhom jikkonsultaw mal-Istat Membru jew l-Istati Membri ġirien tal-Montenegro.

Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt biss b’negozjar bejn il-Montenegro u l-Kummissjoni Ewropea, li għandha, kull meta jkun meħtieġ, tikkonsulta lil kwalunkwe Stat Membru ġar tal-Montenegro.

L-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim

Għall-Montenegro, l-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim huwa l-Ministru tal-Intern. Għall-Unjoni Ewropea, hija l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Dikjarazzjoni Konġunta

Iż-żewġ partijiet jaqblu li l-astensjoni milli tittieħed kwalunkwe miżura li tista' tfixkel xi prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli tal-membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti tinkludi l-astensjoni minn attività li tiffaċilita b'mod attiv ir-ritorn tal-membru kkonċernat tat-tim mill-bini operazzjonali tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro lejn l-Istat Membru ta' oriġini tiegħu, sakemm issir iċ-ċertifikazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

2019/0043 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 4 ,

Billi:

(1)L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 jistipula li, f'każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta f'pajjiż terz f'azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f'pajjiżi terzi jirrikjedu dan, għandu jintlaħaq ftehim dwar l-istatus, mill-Unjoni mal-pajjiż terz konċernat. Dan il-ftehim dwar l-istatus jenħtieġ li jkopri l-aspetti kollha meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet.

(2)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/XXX ta’ [...], il-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro (“il-Ftehim”) kien iffirmat minn [...] fi [.....], soġġett għall-konklużjoni tiegħu iktar tard.

(3)Skont il-Ftehim, it-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta, f’konformità mal-Pjan Operazzjonali, ikunu jistgħu jiġu skjerati malajr fit-territorju tal-Montenegro, iwieġbu għall-bidla attwali fil-flussi migratorji lejn ir-rotta kostali u jassistu fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ migranti irregolari.

(4)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE 6 ; għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(5)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 7 ; Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew marbuta bl-applikazzjoni tagħha.

(7)Għalhekk jenħtieġ li l-ftehim dwar l-istatus jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro (“il-Ftehim”), huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, għan-notifika prevista fl-Artikolu 12(2) tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ġ.U. 16.9.2016, L 251/1.
(2)    *    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(3)    ĠU C , , p.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1)
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
Top

Brussell, 21.2.2019

COM(2019) 90 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro


ANNESS

FTEHIM DWAR L-ISTATUS

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro

L-UNJONI EWROPEA

u l-MONTENEGRO,

Minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"Aġenzija", tikkoordina kooperazzjoni operattiva bejn Stati Membri tal-UE u l-Montenegro, inkluż fit-territorju tal-Montenegro,

BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ ftehim dwar l-istatus għal sitwazzjonijiet meta l-membri tat-tim tal-Aġenzija se jkollhom poteri eżekuttivi fit-territorju tal-Montenegro.

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li jenħtieġ li l-azzjonijiet kollha tal-Aġenzija fit-territorju tal-Montenegro jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali,

IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU L-FTEHIM LI ĠEJ:

Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim

1.    Dan il-Ftehim għandu jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet mill-Aġenzija li jistgħu jsiru fit-territorju tal-Montenegro fejn il-membri tat-tim tal-Aġenzija jkollhom poteri eżekuttivi.

2.    Dan il-Ftehim għandu japplika biss fit-territorju tal-Montenegro jew f'partijiet minnu.

3.    L-istatus u d-delimitazzjoni taħt il-liġi internazzjonali fit-territorji rispettivi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Montenegro bl-ebda mod ma hija affettwata la minn dan il-Ftehim u lanqas minn kull att imwettaq fl-implimentazzjoni tiegħu mill-Partijiet jew f’isimhom, inkluż l-istabbiliment ta’ pjanijiet operazzjonali jew il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet transfruntiera.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(1)“azzjoni” tfisser operazzjoni konġunta, intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn;

(2)“operazzjoni konġunta” tfisser kwalunkwe azzjoni mmirata biex tindirizza l-immigrazzjoni illegali jew kriminalità transfruntiera jew li għandha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operattiva fil-fruntieri tal-Montenegro ġar ta’ Stat Membru u mwettqa fit-territorju tal-Montenegro;    

(3)“intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni mmirata biex tindirizza b’mod rapidu sitwazzjoni b'diffikultajiet speċifiċi u sproporzjonati fil-fruntieri tal-Montenegro ġar ta' Stat Membru u mwettqa fit-territorju tal-Montenegro għal perjodu limitat ta’ żmien;    

(4)“operazzjoni ta' ritorn” tfisser operazzjoni li tkun ikkoordinata mill-Aġenzija u tinvolvi l-għoti ta’ rinfurzar tekniku u operazzjonali minn Stat Membru wieħed jew aktar li fiha persuni rimpatrijati minn Stat Membru wieħed jew aktar jiġu rritornati fuq bażi furzata jew fuq bażi volontarja lejn il-Montenegro;

(5)“kontroll tal-fruntieri” tfisser il-kontroll ta’ persuni mwettqa fuq il-fruntiera b’reazzjoni esklussiva għall-intenzjoni li wieħed jaqsam jew għall-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntieri fil-punti tal-qsim tal-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti tal-qsim tal-fruntieri;

(6)“Membru ta’ tim” tfisser membru jew tal-persunal tal-Aġenzija jew membru ta’ tim ta’ gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor minn Stati Membri parteċipanti, inklużi gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor li jkunu ssekondati mill-Istati Membri mal-Aġenzija biex jiġu skjerati f’azzjoni;    

(7) “Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;    

(8)“Stat Membru tal-oriġini” tfisser l-Istat Membru li membru ta' tim ikun gwardja tal-fruntiera jew membru rilevanti ieħor tal-persunal tiegħu;    

(9)data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data dwar il-post, identifikatur onlajn jew aktar fatturi speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;    

(10)“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa fl-azzjoni fil-Montenegro billi jipprovdi tagħmir tekniku, gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor mibgħut bħala parti mit-tim;    

(11)“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Artikolu 3
It-Tnedija tal-Azzjoni

1.    L-inizjattiva biex titnieda azzjoni tista’ tiġi proposta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro mill-Aġenzija. L-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro jistgħu jitolbu lill-Aġenzija biex tikkunsidra t-tnedija ta’ azzjoni.

2.    It-twettiq ta’ azzjoni teħtieġ il-kunsens kemm tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro kif ukoll tal-Aġenzija.

Artikolu 4
Pjan Operazzjonali

Pjan Operazzjonali li jaqblu miegħu l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jmissu mal-fruntiera taż-żona ta’ operazzjoni, għandu jiġi miftiehem għal kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera. Il-pjan għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzazzjonali u proċedurali tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inkluż deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, l-għan u l-objettivi operazzjonali, il-kunċett operazzjonali, it-tip ta’ tagħmir tekniku li jrid jintuża, il-pjan ta’ implimentazzjoni, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, Aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali, il-koordinazzjoni, l-istruttura tal-kmand, tal-kontroll, tal-komunikazzjoni u tar-rapportar, l-arranġamenti organizzazzjonali u loġistiċi, l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera. L-evalwazzjoni tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera għandha titwettaq b’mod konġunt bejn il-Montenegro u l-Aġenzija.

Artikolu 5
Kompiti u setgħat tal-membri tat-timijiet

1.    Il-membri tat-tim għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn.

2.    Il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Montenegro.

3.    Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw il-poteri fit-territorju tal-Montenegro biss fuq struzzjonijiet minn u, bħala regola ġenerali, fil-preżenza ta' gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Montenegro. Il-Montenegro għandu jagħti struzzjonijiet lit-tim skont il-Pjan Operazzjonali meta xieraq. Il-Montenegro jista' jawtorizza lill-membri tat-tim biex jaġixxu f'ismu.

L-Aġenzija, permezz tal-Uffiċjal tal-Koordinazzjoni tagħha, tista’ tikkomunika l-opinjonijiet tagħha lill-Montenegro dwar l-istruzzjonijiet mogħtija lit-tim. F'dak il-każ, il-Montenegro għandu jikkunsidra dawn il-opinjonijiet u jsegwihom sa fejn ikun possibbli.

F’każijiet fejn l-istruzzjonijiet maħruġa lit-tim ma jkunux konformi mal-Pjan Operazzjonali, l-Uffiċjal tal-Koordinazzjoni għandu jirrapporta immedjatament għand id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jieħu miżuri xierqa, inkluża s-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-azzjoni.

4.    Il-membri tat-tim għandhom jilbsu l-uniformi tagħhom waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Il-membri tat-tim għandhom ukoll jilbsu b'mod viżibbli identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom. Għall-finijiet ta' identifikazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Montenegro, il-membri tat-timijiet għandhom, f'kull ħin iġorru magħhom id-dokument ta' akkreditazzjoni msemmi fl-Artikolu 8.

5.    Waqt li jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz kif awtorizzat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ domiċilju. Il-Montenegro għandu, qabel ma jintbagħtu l-membri tat-tim, jinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kondizzjonijiet biex jintużaw.

6.    Waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom ikunu awtorizzati jużaw il-forza, inkluż l-armi, il-munizzjon u tagħmir tas-servizz, bil-kunsens tal-Istat Membru tal-oriġini u tal-Montenegro, fil-preżenza ta' gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Montenegro u f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Montenegro. Il-Montenegro jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza mingħajr il-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Montenegro.

7.    Il-Montenegro jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim jikkonsultaw il-bażijiet tad-data tiegħu jekk ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-Pjan Operazzjonali u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-membri tat-tim għandhom jikkonsultaw biss id-dejta li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u biex jeżerċitaw il-poteri tagħhom. Il-Montenegro għandu, qabel ma jintbagħtu l-membri tat-tim, jinforma lill-Aġenzija dwar liema bażijiet ta' data nazzjonali jistgħu jiġu kkonsultati. Dik il-konsultazzjoni għandha ssir skont il-liġi nazzjonali tal-protezzjoni tad-data tal-Montenegro.

Artikolu 6
Sospensjoni u Terminazzjoni tal-Azzjoni

1.    Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jissospendi jew itemm l-azzjoni, wara li jkun informa lill-Montenegro bil-miktub, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew il-Pjan Operazzjonali ma jkunux rispettati mill-Montenegro. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Montenegro bir-raġunijiet għal dan.

2.    Il-Montenegro jista’ jissospendi jew jittermina l-azzjoni, wara li jinforma lill-Aġenzija bil-miktub, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew tal-Pjan Operazzjonali ma jkunux rispettat mill-Aġenzija jew minn kwalunkwe Stat Membru parteċipant. Il-Montenegro għandu jinnotifika lill-Aġenzija bir-raġunijiet għal dan.

3.    B’mod partikolari, il-Montenegro jew id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jissospendi jew jittermina l-azzjoni f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement jew tar-regoli tal-protezzjoni tad-data.

4.    It-terminazzjoni tal-azzjoni ma għandha taffettwa l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew tal-Pjan Operazzjonali qabel tali terminazzjoni.

Artikolu 7
Privileġġi u Immunitajiet tal-membri tat-tim

1.    Il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lill-membri tat-tim tal-Aġenzija għandhom l-għan li jiżguraw suċċess fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet imwettqa skont il-Pjan Operazzjonali fit-territorju tal-Montenegro.

2.    Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-assi tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li huma permessi skont il-paragrafu 7.

3.    Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro fir-rigward tal-attivitajiet u atti mwettqa fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet uffiċjali fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali.

Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reat kriminali li qed jitwettaq minn membru tat-tim, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel ma jinbeda proċediment quddiem il-qorti, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kwalunkwe rappreżentazzjoni li ssir minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro, għandu jiċċertifika lill-qorti jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali. Sakemm ma tasal iċ-ċertifikazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, l-Aġenzija u l-Istat Membru ospitanti għandhom joqogħdu lura milli jieħdu xi miżuri li x’aktarx ifixklu l-prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli ta’ membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro.

Jekk l-att jseħħ fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment ma għandux jibda. Jekk l-att ma kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista’ jitkompla. Iċ-ċertifikazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandha tkun vinkolanti fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro. Il-privileġġi mogħtija lill-membri tat-tim u l-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro ma jeżentawhomx mill-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

L-immunità tal-membri tat-timijiet mill-ġuriżdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tal-Montenegro tista’ tiġi rinunzjata mill-Istat Membru ta’ domiċilju skont il-każ. Tali rinunzja trid tkun dejjem rinunzja espressa.

4.    Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġuriżdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Montenegro fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali. Jekk jinbeda xi proċediment ċivili kontra l-membri tat-tim quddiem kwalunkwe qorti tal-Montenegro, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel ma jinbeda proċediment quddiem il-qorti, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kwalunkwe rappreżentazzjoni li ssir minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro, għandu jiċċertifika lill-qorti jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq mill-Membri tat-tim fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali. 

Jekk l-att twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment ma għandux jibda. Jekk l-att ma kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista’ jitkompla. Iċ-ċertifikazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandha tkun vinkolanti fuq il-ġuriżdizzjoni tal-Montenegro.

Il-bidu ta’ proċedimenti minn membri tat-tim għandu jipprekludihom milli jinvokaw l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe kontrotalba relatata mat-talba prinċipali.

5.    Membri tat-tim, li huma xhieda, jistgħu jkunu obbligati mill-awtoritajiet kompetenti Montenegrini, b’rispett sħiħ lejn id-dispożizzjoni tal-Artikoli 7.3 u 7.4, biex jipprovdu evidenza permezz ta’ dikjarazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Montenegro.

6.    Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn membru tat-tim fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-Pjan Operazzjonali, ir-Repubblika tal-Montenegro għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe ħsara.

Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim minn Stat Membru parteċipanti, ir-Repubblika tal-Montenegro tista’ titlob, permezz tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat.

Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li huwa membru tal-persunal tal-Aġenzija, ir-Repubblika tal-Montenegro tista’ titlob li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.

F’każ ta’ dannu kkawżat fil-Montenegro, minħabba force majeure, la l-Montenegro, u lanqas l-Istat Membru parteċipanti, u lanqas l-Aġenzija, ma għandu jkollhom ebda responsabbiltà.

7.    L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ li jiġi istitwit kontrihom proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom fil-kors ta’ azzjonijiet imwettqa skont il-Pjan Operazzjonali.

Il-proprjetà tal-membri tat-tim, li tkun ċertifikata mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, għandha tkun ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ lġiem.

8.    L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġurisdizzjoni tal-Montenegro ma għandhiex teżentahom mill-ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Membri tal-oriġini rispettivi tagħhom.

9.    Il-membri tat-tim għandhom, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fil-Montenegro.

10.    Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe forma ta' tassazzjoni fil-Montenegro fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri tal-oriġini kif ukoll fuq kwalunkwe introjtu li jirċievu minn barra l-Montenegro.

11.    Il-Montenegro għandu, f'konformità ma' dawk il-liġijiet u r-regolamenti li jista' jadotta, jippermetti d-dħul ta' oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandu jagħti eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u imposti relatati oħra ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi simili, fir-rigward ta' dawn l-oġġetti. Il-Montenegro għandu wkoll jippermetti l-esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti.

12.    Il-bagalji personali tal-membri tat-tim jistgħu jiġu spezzjonati biss f'każijiet ta’ suspetti ġustifikati li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tal-Montenegro. L-ispezzjoni ta' dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membru/i tat-tim konċernati jew ta' rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

Artikolu 8
Dokument ta’ akkreditazzjoni

1.    L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mal-Montenegro, toħroġ dokument fil-lingwa/i uffiċjali tal-Montenegro u f’lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Montenegro u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim u fil-Pjan Operazzjonali. Id-dokument għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru: l-isem u n-nazzjonalità; il-grad jew it-titlu tal-impjieg; ritratt reċenti diġitalizzat u l-kompiti li huwa awtorizzat iwettaq matul l-iskjerament.

2.    Id-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess għall-Montenegro mingħajr il-bżonn ta’ viża jew awtorizzazzjoni minn qabel.

3.    Id-dokument tal-akkreditazzjoni għandu jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-azzjoni.

Artikolu 9
Drittijiet Fundamentali

1.    Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju tan-non-refoulement u l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom, ma għandhomx jiddiskriminaw b'mod arbitrarju kontra persuni fuq l-ebda bażi, inkluż is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċitar tas-setgħat tagħhom għandha tkun proporzjonata mal-objettivi ta’ tali miżura u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

2.    Kull Parti għandu jkollha mekkaniżmu ta’ lmenti sabiex tittratta l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn imwettqa skont dan il-Ftehim.

Artikolu 10
Ipproċessar ta’ data personali

1.    L-ipproċessar ta’ data personali mill-membri tat-tim għandu jsir biss meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-Montenegro, mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri parteċipanti.

2.    L-ipproċessar ta’ data personali mill-Montenegro għandu jkun suġġett għal liġijiet nazzjonali tiegħu. 

3.    L-ipproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija u mill-Istat(i) Membru/i parteċipanti, inkluż f’każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn il-Montenegro, għandu jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/JHA tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali u miżuri adottati mill-Aġenzija għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 kif imsemmi fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624.

4.    F'każ li l-proċessar jinvolvi trasferiment ta' data personali, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jindikaw, fil-mument tat-trasferiment tad-data personali lill-Montenegro, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess tagħha jew l-użu tagħha, f'termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż għal trasferiment, tħassir jew qerda. Fejn il-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir ċara wara t-trasferiment tad-data personali, dawn għandhom jinformaw lill-Montenegro dwar dan.

5.    Data personali miġbura għal għanijiet amministrattivi matul l-azzjoni tista’ tiġi pproċessata mill-Montenegro, l-Aġenzija u l-Istati Membri parteċipanti, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

6    L-Aġenzija, il-Montenegro u l-Istati Membri parteċipanti għandhom iħejju rapport komuni dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu fi tmiem kull azzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Uffiċjal tad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija u lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Huma għandhom jirrapportaw għand id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

Artikolu 11
Tilwim u interpretazzjoni

1.    Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw b'rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro u mir-rappreżentanti tal-Aġenzija, li għandhom jikkonsultaw l-Istat Membru jew l-Istati Membri ġirien tal-Montenegro.

2.    Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt biss b’negozjar bejn il-Montenegro u l-Kummissjoni Ewropea, li għandha tikkonsulta lil kwalunkwe Stat Membru ġarr tal-pajjiż terz.

Artikolu 12
Dħul fis-seħħ, durata, sospensjoni u terminazzjoni tal-Ftehim

1.    Il-Partijiet għandhom japprovaw il-Ftehim skont il-proċeduri legali interni tagħhom.

2.    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta' wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom imsemmijin fil-paragrafu 1 permezz ta’ mezzi diplomatiċi.

3.    Dan il-Ftehim għandu jkun validu għal perjodu taż-żmien mhux definit.

4.    Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat jew sospiż permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn waħda mill-Partijiet. F’dan il-każ tal-aħħar, il-Parti li jkollha l-intenzjoni tittermina jew tissospendi għandha tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra b’dan b’mezzi diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-ewwel jum tat-tieni x-xahar ta’ wara dak meta tingħata n-notifika.

4.    In-notifiki magħmula skont dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Montenegro, lill-Ministeru tal-Intern u fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi …. nhar il-……

magħmul b'duplikat bil-lingwa tal-Montenegro u fil-lingwa/(i) uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

F'każ ta' diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi, tipprevali l-verżjoni bl-Ingliż.

Firem:

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

F’tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Montenegro f’termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Iż-żewġ partijiet jaqblu li l-astensjoni milli tittieħed kwalunkwe miżura li tista' tfixkel xi prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli tal-membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti tinkludi l-astensjoni minn attività li tiffaċilita b'mod attiv ir-ritorn tal-membru kkonċernat tat-tim mill-bini operazzjonali tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro lejn l-Istat Membru ta' oriġini tiegħu, sakemm issir iċ-ċertifikazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

Top