IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.1.2019
COM(2019) 16 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-tneħħija ta’ tariffi għal prodotti industrijali
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019PC0016
Recommendation for a COUNCIL DECISION authorising the opening of negotiations of an agreement with the United States of America on the elimination of tariffs for industrial goods
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-tneħħija ta’ tariffi għal prodotti industrijali
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-tneħħija ta’ tariffi għal prodotti industrijali
COM/2019/16 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.1.2019
COM(2019) 16 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-tneħħija ta’ tariffi għal prodotti industrijali
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAR-RAKKOMANDAZZJONI
•Ir-raġunijiet għar-rakkomandazzjoni u l-objettivi tagħha
Fil-25 ta’ Lulju 2018, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Istati Uniti tal-Amerka laħqu ftehim biex ivaraw fażi ġdida fir-relazzjoni kummerċjali bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-kummerċ u tiġi evitata eskalazzjoni tat-tensjonijiet kummerċjali.
Fil-25 ta’ Lulju 2018 ġiet adottata Dikjarazzjoni Konġunta li tipprevedi t-tneħħija tat-tariffi għall-prodotti industrijali; żieda fil-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet u standards regolatorji; il-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-fażola tas-sojja; u żieda fil-kummerċ tal-gass naturali likwifikat (linquified natural gas, LNG) sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiddiversifika aħjar il-provvista tagħha tal-enerġija. Qablu wkoll li jingħaqdu flimkien biex jipproteġu aħjar lill-kumpaniji Ewropej u tal-Istati Uniti minn prattiki kummerċjali globali inġusti u biex jaħdmu mill-qrib ma’ sħab tal-istess fehma biex jirriformaw l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (World Trade Organisation, WTO).
Twaqqaf Grupp ta’ Ħidma Eżekuttiv biex imexxi 'l quddiem din l-aġenda konġunta, u talab inter alia biex jiġu identifikati miżuri fuq medda qasira ta’ żmien biex jiġu ffaċilitati l-iskambji kummerċjali. Ġie miftiehem li matul il-proċess ta’ implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jirrispettaw bis-sħiħ l-ispirtu ta’ dan il-ftehim, sakemm waħda mill-partijiet ma ttemmx in-negozjati. Iż-żewġ naħat qablu wkoll li jridu jsolvu l-kwistjonijiet tariffarji tal-azzar u tal-aluminju.
Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li timplimenta b'rieda tajba d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tissospendi n-negozjati mal-Istati Uniti, jekk l-Istati Uniti ma jirrispettawx l-impenn li sar fil-25 ta’ Lulju 2018 biex jastjenu milli jadottaw miżuri ġodda, kontra l-UE skont it-Taqsima 232 tal-Att dwar l-Espansjoni tal-Kummerċ. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tissospendi n-negozjati jekk l-Istati Uniti jadottaw restrizzjonijiet kummerċjali kontra l-esportazzjonijiet tal-UE abbażi tat-Taqsima 301 tal-Att dwar il-Kummerċ tal-1974 jew taħt kwalunkwe liġi simili oħra tal-Istati Uniti.
L-għan tan-negozjati dwar l-eliminazzjoni tat-tariffi se jkun li jelimina d-dazji kollha għall-prodotti industrijali fuq bażi reċiproka, bil-għan li tinkiseb eliminazzjoni sostanzjali ta’ tariffi wara d-dħul fis-seħħ u tneħħija gradwali ta’ tali tariffi fuq perjodu ta’ żmien qasir. Il-prodotti industrijali jinkludu l-prodotti kollha minbarra dawk inklużi fl-Anness I tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura. Jistgħu jkunu kkunsidrati s-sensittivitajiet partikolari ta’ ċerti prodotti. F’dan ir-rigward, l-UE hija lesta li tqis is-sensittivitajiet potenzjali tal-Istati Uniti għal ċerti prodotti tal-karozzi.
L-UE u l-Istati Uniti huma l-akbar u l-aktar ekonomiji integrati fid-dinja, bi storja komuni twila ta’ kummerċ u b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku. L-Istati Uniti hija d-destinazzjoni ewlenija tal-esportazzjoni tal-UE għall-prodotti industrijali u hija t-tieni l-akbar esportatur ta’ prodotti industrijali lejn l-UE (wara ċ-Ċina). Il-kummerċ fil-merkanzija bejn l-UE u l-Istati Uniti ammonta għal EUR 633 biljun fl-2017, magħmul l-aktar minn prodotti industrijali (EUR 598 biljun, li minnhom EUR 166 biljun huma għall-kummerċ tal-makkinarju u tat-tagħmir). Madwar 4.7 miljun impjieg fl-UE huma assoċjati mal-produzzjoni għall-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti. Il-merkanzija industrijali tammonta għall-biċċa l-kbira tal-kummerċ tagħna ta’ merkanzija mal-Istati Uniti (94 % tal-esportazzjonijiet tal-UE u 95 % tal-importazzjonijiet). Il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-UE u l-Istati Uniti ilu jikber b’mod konsistenti matul dawn l-aħħar 10 sena.
B’mod ġenerali, kemm l-UE u kif ukoll l-Istati Uniti għandhom tariffi baxxi fuq il-prodotti industrijali. Il-medji sempliċi tar-rati tat-tariffa tal-pajjiż l-aktar favorit applikati fuq il-prodotti nonagrikoli huma 4.2% u 3.1% rispettivament. Filwaqt li l-livelli tat-tariffi applikati huma relattivament baxxi, id-daqs enormi tar-relazzjoni kummerċjali tagħna jfisser li l-eliminazzjoni tat-tariffi kollha tal-prodotti industrijali se jkollha impatt importanti fuq in-negozji u l-konsumaturi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.
Analiżi interna bil-mudell ta’ ekwilibriju ġenerali komputabbli MIRAGE turi li l-eliminazzjoni ta’ tariffi fuq prodotti industrijali tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ sħab kważi l-istess f’termini ta’ żieda fil-kummerċ bilaterali. L-esportazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti lejn l-Istati Uniti jiżdiedu b’10 %, l-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn l-UE jiżdiedu bi 13 %.
It-tneħħija ta’ tariffi fuq prodotti industrijali għandha b’mod partikolari tirriżulta f’benefiċċji ekonomiċi importanti għal intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) li huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-kostijiet tat-tqegħid tal-prodott fis-suq. Tnaqqis fil-kostijiet, anki permezz tal-eliminazzjoni tat-tariffi, jista’ jgħin biex l-esportazzjonijiet mill-SMEs isiru aktar kompetittivi, biex b’hekk jagmlu d-differenza bejn li jesportaw jew le.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni jirrigwarda biss il-parti tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Lulju 2018 li tkopri l-eliminazzjoni tat-tariffi għall-prodotti industrijali. Id-dikjarazzjoni Konġunta ġiet adottata taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, sabiex tiġi evitata eskalazzjoni tat-tensjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti.
L-objettiv li titreġġa’ lura l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet kummerċjali mal-Istati Uniti huwa kompletament konsistenti mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li fih hemm minqux li l-UE għandha tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, inkluż permezz tal-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali. 1
Ir-rakkomandazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati mal-Istati Uniti dwar it-tneħħija tat-tariffi bl-ebda mod ma għandha tinftiehem bħala indikazzjoni li l-Kummissjoni tkun lesta li tidderoga mill-politiki eżistenti dwar il-kummerċ u l-investiment kif previst skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment' 2 .
•Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
Ir-rakkomandazzjoni hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 207(3) u (4) l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont l-Artikolu 5(3) tat-TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax fl-oqsma tal-kompetenza esklużiva tal-UE. Il-politika kummerċjali komuni hija mniżżla fost l-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fl-Artikolu 3 tat-TFUE. Din il-politika tinkludi n-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali, inter alia skont l-Artikolu 207 TFUE.
•Proporzjonalità
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u neċessarja, fid-dawl tal-objettiv tagħna li nnaqqsu t-tensjonijiet kummerċjali mal-Istati Uniti.
•Għażla tal-istrument
Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli
•Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Saru ammont konsiderevoli ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati dwar il-gwadanji possibbli mill-eliminazzjoni tat-tariffi mill-2012. Ġew organizzati diversi seduti u laqgħat ta’ Djalogu tas-Soċjetà Ċivili. Dan minbarra d-dibattiti pubbliċi fil-Parlament Ewropew u fl-Istati Membri tal-UE jew organizzati minnhom.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
F’attivitajiet ta’ konsultazzjoni preċedenti mill-2012 ’l hawn, diġà nġabar għarfien espert konsiderevoli dwar il-gwadanji possibbli mit-tneħħija tat-tariffi bejn l-UE u l-Istati Uniti (ara l-links u d-dokumenti fis-sit web li ġej:
http://trade.ec.europa.eu/doclib/cfm/doclib_section.cfm?sec=146 .
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba l-imperattiv politiku li nimxu ’l quddiem malajr sabiex jitnaqqsu t-tensjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, kif ġie espress mill-President tal-Kummissjoni wara l-laqgħa tiegħu mal-President tal-Istati Uniti, u kif kien endorsjat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa informali tiegħu tas-16 ta’ Mejju 2018 f’Sofija, il-proċess formali tal-valutazzjoni tal-impatt ġie abbandunat.
•Drittijiet fundamentali
Ir-rakkomandazzjoni hija konsistenti mat-Trattati tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-ftehim dwar l-eliminazzjoni tat-tariffi se jkollu impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE fil-forma ta’ dazji doganali mitlufa minħabba l-eliminazzjoni tat-tariffi fuq il-prodotti industrijali, li jirrappreżentaw madwar EUR 2.2 biljun (data tal-2017). Huma mistennija impatti pożittivi indiretti f’termini ta’ żidiet fir-riżorsi marbuta mal-valur miżjud u taxxi oħra u żidiet fid-dħul nazzjonali gross.
5.ELEMENTI OĦRA
•Aspetti proċedurali
Il-Kummissjoni se tinnegozja f’isem l-UE. F’konformità mal-Artikolu 218(4) tat-TFUE, huwa ssuġġerit li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jaħtar il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali bħala l-kumitat li f'konsultazzjoni miegħu għandhom isiru n-negozjati.
Il-Parlament Ewropew se jinżamm informat fl-istadji kollha tal-proċedura, konformi mal-Artikolu 218(10) TFUE.
Il-Kummissjoni se tagħmel din ir-Rakkomandazzjoni u l-anness tagħha pubbliċi immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li d-direttivi tan-negozjati jkunu disponibbli għall-pubbliku immedjatament wara li jiġu adottati mill-Kunsill.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-tneħħija ta’ tariffi għal prodotti industrijali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207 (3) u (4), l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea, mal-Istati Uniti tal-Amerka għal ftehim dwar l-eliminazzjoni ta’ tariffi għal prodotti industrijali.
Artikolu 2
In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi ta' direttivi ta' negozjati tal-Kunsill li ġew stipulati fl-Anness.
Artikolu 3
Il-Kummissjoni għandha twettaq in-negozjatib'konsultazzjoni ma' [l-isem tal-kumitat speċjali għandu jiddaħħal mill-Kunsill].
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha se jiġu ppubblikati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.1.2019
COM(2019) 16 final
ANNESS
ta' [...]
Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-tneħħija ta’ tariffi għal prodotti industrijali
ANNESS
DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA’ FTEHIM MAL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA DWAR IT-TNEĦĦIJA TA’ TARIFFI GĦAL PRODOTTI INDUSTRIJALI
Natura u Kamp tal-Applikazzjoni tal-Ftehim
1.Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-eliminazzjoni ta’ tariffi għal prodotti industrijali 1 , bejn il-Partijiet, biex b’hekk jipprovdi għall-eliminazzjoni reċiproka tat-tariffi.
2.Il-Ftehim jenħtieġ li jkun kompletament konsistenti mar-regoli u l-obbligi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (World Trade Organisation, WTO).
Objettivi
3.L-objettiv tal-Ftehim huwa li jiżdied il-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti bil-ħsieb li jiġu ġġenerati opportunitajiet ekonomiċi ġodda li joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir b’riżultat ta’ aċċess akbar għas-suq minħabba l-eliminazzjoni reċiproka tat-tariffi għall-prodotti industrijali.
Kontenut tal-Ftehim
Dazji u rekwiżiti oħra rigward l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet
4.L-għan tal-Ftehim jenħtieġ li jkun li jelimina d-dazji kollha għall-prodotti industrijali fuq bażi reċiproka, bil-għan li tinkiseb eliminazzjoni sostanzjali ta’ tariffi wara d-dħul fis-seħħ u tneħħija gradwali ta’ tali tariffi f’perjodu ta’ żmien qasir. Jenħtieġ li jitqiesu s-sensittivitajiet partikolari għal ċerti prodotti skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Lulju 2018. Id-dazji doganali, it-taxxi, it-tariffi, jew l-imposti kollha fuq l-esportazzjonijiet u r-restrizzjonijiet kwantitattivi jew ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni fuq esportazzjonijiet lill-Parti l-oħra li mhumiex ġustifikati b’eċċezzjonijiet skont il-Ftehim jenħtieġ li jiġu aboliti skont l-applikazzjoni tal-Ftehim. Il-Ftehim jenħtieġ li jkun mingħajr ħsara għad-dritt ta’ kull Parti li tieħu miżuri xierqa ta’ salvagwardja, anti-dumping jew kumpensatorji skont il-Ftehim tad-WTO.
Regoli ta’ oriġini
5.In-negozjati jenħtieġ li jimmiraw lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-approċċi tar-regoli ta’ oriġini tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti inkluż il-proċeduri ta’ oriġini b’mod li jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn il-Partijiet u li jqis l-aħħar żviluppi fir-regoli preferenzjali tal-oriġini tal-Unjoni Ewropea u l-interessi tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea.
Qafas istituzzjonali
6.Il-Ftehim jenħtieġ li jistabbilixxi struttura istituzzjonali għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim.
Soluzzjoni għat-tilwim
7.Il-Ftehim jenħtieġ li jinkludi mekkaniżmu xieraq għas-soluzzjoni tat-tilwim biex jiġi żgurat li l-Partijiet josservaw regoli maqbula b’mod reċiproku.
Dispożizzjonijiet finali
8.Il-Ftehim jenħtieġ li jinkludi dispożizzjoni li tippermetti lill-Unjoni Ewropea li tissospendi b’mod unilaterali l-applikazzjoni ta’ konċessjonijiet jew obbligi sostanzjalment ekwivalenti, jekk l-Istati Uniti jadottaw kwalunkwe miżura kontra l-Unjoni Ewropea, taħt it-Taqsima 232 tal-Att dwar l-Espansjoni tal-Kummerċ, it-Taqsima 301 tal-Att dwar il-Kummerċ tal-1974 jew taħt kwalunkwe liġi simili oħra tal-Istati Uniti.
9.Il-Ftehim jenħtieġ li jkun awtentiku bl-istess mod fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u għandu jinkludi klawżola lingwistika f’dan is-sens.
It-twettiq tan-negozjati
10.Il-Kummissjoni għandha tissospendi n-negozjati mal-Istati Uniti, jekk l-Istati Uniti ma jirrispettawx l-impenn li sar fil-25 ta’ Lulju 2018 biex jastjenu milli jadottaw miżuri ġodda, kontra l-Unjoni Ewropea skont it-Taqsima 232 tal-Att dwar l-Espansjoni tal-Kummerċ tal-1962, matul in-negozjati. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tissospendi n-negozjati jekk l-Istati Uniti jadottaw restrizzjonijiet kummerċjali kontra l-esportazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea abbażi tat-Taqsima 301 tal-Att dwar il-Kummerċ tal-1974 jew taħt kwalunkwe liġi simili oħra tal-Istati Uniti.
11.Qabel il-konklużjoni tan-negozjati, il-Kummissjoni se tikkonferma li l-Istati Uniti neħħew kwalunkwe miżura fuq l-esportazzjonijiet tal-azzar u l-aluminju li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea skont it-Taqsima 232 tal-Att dwar l-Espansjoni tal-Kummerċ tal-Istati Uniti tal-1962.