IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 12.3.2019
JOIN(2019) 5 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
UE-Ċina – Perspettiva strateġika
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019JC0005
JOINT COMMUNICATION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE EUROPEAN COUNCIL AND THE COUNCIL EU-China – A strategic outlook
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL UE-Ċina – Perspettiva strateġika
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL UE-Ċina – Perspettiva strateġika
JOIN/2019/5 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 12.3.2019
JOIN(2019) 5 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
UE-Ċina – Perspettiva strateġika
I.Introduzzjoni
L-Unjoni Ewropea (UE) u ċ-Ċina huma marbutin b’relazzjoni stabbli. Dawn huma tnejn mill-akbar tliet ekonomiji u operaturi tas-suq fid-dinja. Iċ-Ċina issa hi t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE wara l-Istati Uniti, u l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina 1 . Iż-żewġ naħat huma impenjati fi sħubija strateġika komprensiva, kif muri fl-Aġenda Strateġika għall-Kooperazzjoni UE-Ċina 2020 2 .
Madankollu, fl-Ewropa dejjem qed jikber l-apprezzament li l-bilanċ tal-isfidi u tal-opportunitajiet ippreżentati miċ-Ċina nbidel. Fl-aħħar għaxar snin, il-qawwa ekonomika u l-influwenza politika taċ-Ċina kibru bi skala u b’veloċità mingħajr preċedent, u dan jirrifletti l-ambizzjonijiet tagħha biex issir qawwa dinjija ewlenija.
Iċ-Ċina ma tistax tibqa’ titqies bħala pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp. Hija attur globali prinċipali u qawwa teknoloġika ewlenija. Il-preżenza dejjem akbar tagħha fid-dinja, inkluż fl-Ewropa, għandha tkun akkumpanjata minn aktar responsabbiltajiet għaż-żamma tal-ordni internazzjonali msejjes fuq ir-regoli, kif ukoll aktar reċiproċità, nondiskriminazzjoni, u ftuħ fis-sistema tagħha. L-ambizzjonijiet tar-riforma ddikjarati pubblikament miċ-Ċina jenħtieġ li jissarrfu f’politiki jew f’azzjonijiet proporzjonati skont ir-rwol u r-responsabbiltajiet tagħha.
L-istrateġija tal-2016 dwar iċ-Ċina 3 tibqa’ l-pedament tal-involviment tal-UE, filwaqt li tipprovdi l-bażi ta’ aktar bidla fil-politika tal-UE favur approċċ aktar realistiku, assertiv u multidimensjonali 4 . Dan se jiżgura li r-relazzjonijiet ma’ din is-sieħba strateġika jkunu stabbiliti fuq sisien ġusti, ibbilanċjati u għall-benefiċċju reċiproku.
Skont il-qasam ta’ politika, iċ-Ċina hija simultanjament sieħba fil-kooperazzjoni li l-UE għandha għanijiet miftiehma mill-qrib magħha, sieħba fin-negozjati li l-UE trid tilħaq bilanċ fl-interessi magħha, kompetitur ekonomiku li qed ifittex li jkun fuq quddiem nett fil-qasam tat-teknoloġija, u rival sistemiku li jippromwovi mudelli alternattivi ta’ governanza. Dan jirrikjedi approċċ uniku flessibbli u prammatiku tal-UE li jippermetti difiża virtuża tal-interessi u l-valuri. L-għodod u l-modalitajiet ta’ involviment tal-UE maċ-Ċina jenħtieġ li jiġu ddifferenzjati wkoll skont il-kwistjonijiet u l-politiki inkwistjoni. Jenħtieġ li l-UE taħdem biex issib konnessjonijiet f’oqsma ta’ politika u setturi differenti sabiex tkun tista’ teżerċita iktar influwenza hi u tilħaq l-objettivi tagħha.
Ir-rispons tal-UE jenħtieġ li jkun ibbażat fuq tliet objettivi:
·Abbażi ta’ interessi u prinċipji definiti b’mod ċar, l-UE għandha tapprofondixxi l-involviment tagħha maċ-Ċina biex tippromwovi l-interessi komuni fil-livell globali.
·Jenħtieġ li l-UE tfittex b’mod qawwi kundizzjonijiet iktar ibbilanċjati u reċiproċi li jirregolaw ir-relazzjoni ekonomika.
·Fl-aħħar mill-aħħar, sabiex il-prosperità, il-valuri u l-mudell soċjali tagħha jinżammu fuq medda twila ta’ żmien, hemm oqsma fejn l-UE stess għandha bżonn tadatta ruħha għal realtajiet ekonomiċi li qed jinbidlu u ssaħħaħ il-politiki domestiċi u l-bażi industrijali tagħha stess.
Biex jinstab l-aħjar bilanċ fl-approċċi politiċi hemm bżonn ta’ ġudizzju politiku, li jeħtieġ l-attenzjoni tal-Kunsill Ewropew.
La l-UE u lanqas xi Stat Membru tagħha ma jista’ effettivament jilħaq l-għanijiet tiegħu maċ-Ċina mingħajr għaqda sħiħa. Fil-kooperazzjoni maċ-Ċina, l-Istati Membri kollha, individwalment u fi ħdan oqfsa ta’ kooperazzjoni sottoreġjonali, bħalma huwa l-format 16+1 5 , għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw konformità mal-liġi, ir-regoli u l-politiki tal-UE.
Din il-Komunikazzjoni Konġunta tivvaluta d-diversi dimensjonijiet tar-relazzjonijiet tagħna, l-opportunitajiet u l-isfidi relatati magħhom, u tistabbilixxi 10 azzjonijiet konkreti għal diskussjoni u approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew.
II.Il-kooperazzjoni maċ-Ċina biex jiġi appoġġat multilateraliżmu effettiv u biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima
L-UE se tkompli taħdem maċ-Ċina biex iżżomm l-ordni internazzjonali msejjes fuq ir-regoli. Iċ-Ċina esprimiet l-impenn tagħha favur mudell ta’ governanza dinjija, ġust u ekwu. Fl-istess ħin, l-impenn taċ-Ċina favur il-multilateraliżmu xi drabi jkun selettiv u bbażat fuq fehim differenti ta’ ordni internazzjonali msejjes fuq ir-regoli. Filwaqt li ċ-Ċina spiss tenniet it-talba leġittima tagħha għal riforma fil-governanza dinjija sabiex ekonomiji emerġenti jkunu jistgħu jipparteċipaw aktar u jkollhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet, mhux dejjem kienet lesta li taċċetta regoli ġodda li jirriflettu r-responsabbiltà u l-obbligu ta’ rendikont li jirriżultaw fir-rwol akbar li għandha. Iż-żamma ta’ xi normi għad-detriment ta’ oħrajn iddgħajjef is-sostenibbiltà tal-ordni internazzjonali msejjes fuq ir-regoli.
L-UE hija impenjata li tappoġġa l-multilateraliżmu effettiv, bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tiegħu. Bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u bħala benefiċjarju tas-sistema multilaterali, iċ-Ċina għandha r-responsabbiltà li tappoġġa t-tliet pilastri tan-Nazzjonijiet Uniti, jiġifieri d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Paċi u s-Sigurtà, u l-Iżvilupp.
Il-kapaċità tal-UE u ċ-Ċina li jieħdu impenn b’mod effettiv dwar id-drittijiet tal-bniedem se jkun kejl importanti tal-kwalità tar-relazzjoni bilaterali. L-UE tirrikonoxxi l-progress taċ-Ċina fid-drittijiet ekonomiċi u soċjali. Madankollu, f’aspetti oħra, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina qed tiddeterjora, b’mod partikolari f’Xinjiang u f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet ċivili u politiċi, kif tixhed ir-repressjoni kontinwa tal-avukati u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Id-drittijiet tal-bniedem tal-UE u ta’ ċittadini barranin oħrajn fiċ-Ċina jridu jiġu protetti. Il-livell għoli ta’ awtonomija stabbilit fil-Liġi Bażika ta’ Hong Kong jeħtieġ li jiġi rrispettat.
L-impenji u l-interessi komuni tal-UE u taċ-Ċina fl-iżvilupp sostenibbli globali u l-Aġenda 2030 jippreżentaw opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, inkluż f’pajjiżi terzi. Hemm ħtieġa reali ta’ kollaborazzjoni u biex jiġu pprovduti r-riżorsi sinifikanti meħtieġa biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Minħabba l-investiment sinifikanti taċ-Ċina f’pajjiżi sħab, jenħtieġ li żżid l-involviment tagħha bħala pajjiż donatur ta’ Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u bħala sieħba f’fora multilaterali. F’dan ir-rigward, għandna nistabbilixxu djalogu, infittxu sinerġiji u nimpenjaw ruħna aktar biex inżommu r-rankatura fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli f’pajjiżi terzi.
Bl-Istati Membri tal-UE li f’daqqa huma l-akbar kontributur għall-baġit għaż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti 6 , u biċ-Ċina l-akbar waħda wara l-Istati Uniti, jenħtieġ li jiġu identifikati opportunitajiet sabiex tiġi kondiviża l-esperjenza operazzjonali f’dan il-qasam.
Azzjoni 1: L-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni maċ-Ċina biex tilħaq ir-responsabbiltajiet komuni fit-tliet pilastri tan-Nazzjonijiet Uniti - id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Paċi u s-Sigurtà, u l-Iżvilupp.
Dwar it-tibdil fil-klima , iċ-Ċina hija fl-istess ħin l-akbar emittent tal-karbonju fid-dinja u l-akbar investitur fl-enerġija rinnovabbli. L-UE tilqa’ b’sodisfazzjoni r-rwol taċ-Ċina bħala wieħed min-negozjaturi ewlenin tal-Ftehim ta’ Pariġi. Fl-istess ħin, iċ-Ċina qed tibni impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam f’ħafna pajjiżi; dan idgħajjef l-għanijiet globali tal-Ftehim ta’ Pariġi. Iċ-Ċina hija sieħba strateġika f’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil fil-klima u mat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, u magħha jeħtieġ li nkomplu niżviluppaw relazzjoni b’saħħitha minħabba l-ammont kbir tal-emissjonijiet tagħha (madwar 27 % tal-ammont globali) li qed ikomplu jiżdiedu. Is-sħubija tagħna hija essenzjali għas-suċċess tal-azzjoni globali dwar il-klima, l-isforzi għal tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u għall-governanza tal-oċeani. Impenn miċ-Ċina biex tagħmel limitu għall-emissjonijiet tagħha qabel l-2030 jagħti impetu ġdid lill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, u jispira azzjoni fuq skala globali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-UE u ċ-Ċina jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar il-finanzjament sostenibbli, biex jindirizzaw il-flussi ta’ kapital privat lejn ekonomija aktar sostenibbli u newtrali mil-lat klimatiku.
Azzjoni 2: Sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima b’mod aktar effikaċi, l-UE tistieden liċ-Ċina biex tilħaq il-limitu fil-miri tal-emissjonijiet tagħha qabel l-2030, f’konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.
III.Impenn għall-paċi internazzjonali, is-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli
Iċ-Ċina hija sieħba strateġika tal-UE fl-indirizzar ta’ sfidi globali u internazzjonali. Fl-istess ħin, jeżistu preokkupazzjonijiet dwar is-sigurtà u differenzi fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali, ir-rispett għal governanza tajba u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli.
Iċ-Ċina għandha l-kapaċità u r-responsabbiltà ta’ rwol importanti x’taqdi fl-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà reġjonali . Pereżempju, il-parteċipazzjoni u l-appoġġ taċ-Ċina fil-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt għall-Iran kienu fattur ewlieni biex l-ewwel jiġi żgurat il-ftehim, u biex issa tiġi żgurata l-implimentazzjoni kollha u effettiva tiegħu 7 . L-approċċi kkoordinati mill-UE u miċ-Ċina għal operazzjonijiet kontra l-piraterija fil-Golf ta’ Aden u ’l barra mill-Qarn tal-Afrika żiedu s-sigurtà tat-tbaħħir f’dawn iż-żoni.
Il-bżonn ta’ aktar kooperazzjoni jibqa’ importanti biex tissaħħaħ il-fiduċja politika. Iċ-Ċina se jkollha rwol importanti sabiex tiġi żgurata d-denuklearizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea. L-UE tixtieq ukoll taħdem flimkien maċ-Ċina biex tappoġġa l-proċess ta’ paċi futur fl-Afganistan u biex tindirizza l-kriżi tar-Rohingya fil-Myanmar.
Il-pretensjonijiet marittimi taċ-Ċina fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina u r-rifjut li jiġu aċċettati d-deċiżjonijiet vinkolanti ta’ arbitraġġ skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Marittimu jaffettwaw l-ordni legali internazzjonali u jagħmluha aktar diffiċli biex jissolvew it-tensjonijiet li jaffettwaw ir-rotot marittimi b’komunikazzjoni li hija vitali għall-interessi ekonomiċi tal-UE 8 . Dawn jikkuntrastaw mat-talbiet taċ-Ċina għal rappreżentanza fi kwistjonijiet relatati mal-Artiku.
Il-kapaċitajiet militari dejjem jiżdiedu taċ-Ċina flimkien mal-viżjoni komprensiva tagħha u l-ambizzjoni li jkollha forzi armati mill-aktar avvanzati teknoloġikament sal-2050 jippreżentaw kwistjonijiet ta’ sigurtà għall-UE, anki f’perspettiva ta’ terminu ta’ żmien qasir jew medju. It-theddid ibridu transsettorjali inkluż l-operazzjonijiet ta’ informazzjoni u l-eżerċizzji militari kbar, mhux biss idgħajfu l-fiduċja, iżda huma wkoll sfida għas-sigurtà tal-UE, u jridu jiġu indirizzati fil-kuntest tar-relazzjoni reċiproka tagħna.
Azzjoni 3: L-UE se ssaħħaħ l-impenn maċ-Ċina dwar il-paċi u s-sigurtà, filwaqt li ssaħħaħ il-kooperazzjoni pożittiva dwar Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt għall-Iran.
L-attività kummerċjali u ta’ investiment taċ-Ċina nfirxet sew f’pajjiżi terzi, inklużi l-Balkani tal-Punent, fil-viċinat tal-UE u fl-Afrika. L-investimenti taċ-Ċina kkontribwew għat-tkabbir ta’ ħafna ekonomiji riċeventi. Fl-istess ħin, dawn l-investimenti ta’ spiss jittraskuraw is-sostenibbiltà soċjoekonomika u finanzjarja u jistgħu jwasslu f’dejn ta’ livell għoli u biex il-kontroll fuq assi u riżorsi strateġiċi jiġi ttrasferit. Dan jikkomprometti l-isforzi biex titmexxa ’l quddiem il-governanza soċjali u ekonomika tajba u, l-aktar importanti, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.
Barra minn hekk, il-kumpaniji Ewropej mhux qed ikollhom kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni meta jikkompetu fi swieq ta’ pajjiżi terzi ma’ kumpaniji Ċiniżi li jgawdu minn aċċess għal self sostnut mill-Istat u minn krediti għall-esportazzjoni b’termini preferenzjali, u li japplikaw standards korporattivi u tax-xogħol differenti.
Fid-dawl ta’ dan, jenħtieġ li l-UE tkompli tippromwovi b’aktar ħeġġa l-istabbiltà, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, u r-rispett għal governanza tajba, fi sħubija ma’ pajjiżi terzi. Il-preżenza internazzjonali akbar taċ-Ċina tista’ toffri opportunitajiet kbar għal kooperazzjoni trilaterali u għal impenn pożittiv, meta tkun immexxija mid-domanda u bbażata fuq interessi u fehim reċiproċi, f’reġjuni ta’ prijorità għolja għall-UE, bħall-Afrika. L-UE tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex ittejjeb it-trasparenza u s-sostenibbiltà tad-dejn billi timplimenta l-linji gwida operattivi tal-G20 dwar il-finanzjament sostenibbli u billi tappoġġa l-isforzi kontinwi tal-Klabb ta’ Pariġi biex jiġu inklużi l-kredituri tas-swieq emerġenti.
Fil-Balkani tal-Punent u fil-viċinat tal-UE, l-interess ewlieni tal-UE huwa li ssegwi b’mod aktar effettiv il-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat tagħha, preċiżament sabiex issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sħab tagħha u tiżgura aderenza sħiħa mal-valuri, in-normi u l-istandards tal-UE, b’mod partikolari f’oqsma ewlenin bħall-istat tad-dritt, l-akkwist pubbliku, l-ambjent, l-enerġija, l-infrastruttura u l-kompetizzjoni. Dan jinvolvi l-implimentazzjoni sħiħa ta’ ftehimiet internazzjonali legalment vinkolanti 9 u l-prijoritizzazzjoni tal-kapitoli tan-negozjati rilevanti tal-proċess tat-tkabbir sabiex ir-riformi jiġu ggwidati b’aktar sodizza.
Sabiex jiġu appoġġati finanzjarjament l-objettivi tal-UE u jiġi promoss l-investiment mis-settur privat, hemm bżonn malajr ta’ ftehim dwar l-istrumenti ta’ azzjoni esterna tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Dan jinkludi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni 10 u l-Istrument għall-Viċinat, għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni Internazzjonali bil-Fond Ewropew tiegħu għall-Iżvilupp Sostenibbli+, u b’mod partikolari l-garanzija prevista ta’ investiment (EUR 60 biljun) 11 .
L-istrateġija tal-UE dwar il-Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja 12 tipprevedi qafas ċar għal impenn kunfidenti mas-sħab tagħna, li jippermetti lill-Unjoni biex tfittex sinerġiji bejn l-UE u pajjiżi terzi, inkluża ċ-Ċina, fit-trasport, l-enerġija u l-konnettività diġitali, abbażi ta’ normi u standards internazzjonali. Il-prinċipji ewlenin tal-impenn tal-UE dwar il-konnettività huma s-sostenibbiltà finanzjarja, ambjentali u soċjali, it-trasparenza, l-akkwist pubbliku miftuħ u l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.
Il-Pjattaforma ta’ Konnettività bejn l-UE u ċ-Ċina tirrappreżenta opportunità bikrija biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u l-ħidma b’modi reċiproċi u trasparenti, u jenħtieġ li tiġi estiża. Din għandha l-għan li tippromwovi kurituri tat-trasport sostenibbli bbażati fuq il-prinċipji tal-politika dwar in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport. It-tnedija imminenti ta’ studju dwar il-kurituri ferrovjarji, bejn l-UE u ċ-Ċina hija eżempju tal-possibilità li jinħolqu sinerġiji mal-politika dwar in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport 13 .
Azzjoni 4: Sabiex iżżomm l-interess tagħha fl-istabbiltà, fl-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u fil-governanza tajba fil-pajjiżi sħab, l-UE se tapplika b’aktar sodizza l-ftehimiet bilaterali u l-istrumenti finanzjarji eżistenti, u se taħdem maċ-Ċina biex issegwi l-istess prinċipji permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja.
IV.Il-ksib ta’ relazzjoni kummerċjali u ta’ investiment iktar ibbilanċjata u reċiproka
L-UE u ċ-Ċina huma swieq strateġiċi għal xulxin, u bħala medja l-kummerċ bejniethom jammonta għal iżjed minn EUR 1 biljun kuljum. Is-suq domestiku u l-piż ekonomiku dejjem jikbru taċ-Ċina joħolqu opportunitajiet importanti. Iċ-Ċina qed issir dejjem aktar kompetitur strateġiku għall-UE filwaqt li ma tipprovdix aċċess reċiproku għas-suq u ma tiżgurax kundizzjonijiet ekwivalenti. Il-piż ekonomiku dejjem jikber taċ-Ċina jżid ir-riskju għall-ekonomija globali ta’ riperkussjonijiet negattivi mid-distorsjonijiet fis-sistema ekonomika taċ-Ċina u mill-possibilità ta’ reċessjoni ekonomika għal għarrieda. Għaldaqstant l-approċċ tal-UE lejn iċ-Ċina jenħtieġ li jieħu inkonsiderazzjoni in-natura li qed tevolvi tal-ekonomija Ċiniża.
Il-politiki industrijali u ekonomiċi taċ-Ċina li huma proattivi u mmexxija mill-istat, bħalma hija l-“Made in China 2025” 14 għandhom l-għan li jiżviluppaw esponenti domestiċi u jgħinuhom isiru mexxejja globali f’setturi strateġiċi tat-teknoloġija avvanzata. Iċ-Ċina żżomm is-swieq domestiċi tagħha għall-esponenti tagħha, u tħarishom mill-kompetizzjoni permezz ta’ ftuħ selettiv tas-suq, ta’ liċenzjar u ta’ restrizzjonijiet ta’ investiment oħra; sussidji kbar kemm għall-kumpaniji tal-Istat kif ukoll għall-kumpaniji tas-settur privat; l-għeluq tas-suq tal-akkwist pubbliku tagħha; rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni, inkluż għad-data; billi jiġu ffavuriti l-operaturi domestiċi fil-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u ta’ liġijiet domestiċi oħra; u billi jiġi limitat l-aċċess għal programmi ta’ finanzjament mill-gvern għall-kumpaniji barranin. L-operaturi tal-UE jridu joqogħdu għal rekwiżiti onerużi bħala prekundizzjoni biex ikollhom aċċess għas-suq Ċiniż, bħalma huwa l-ħolqien ta’ impriżi konġunti ma’ kumpaniji lokali jew it-trasferiment ta’ teknoloġiji ewlenin lill-kontropartijiet Ċiniżi. Wieħed mis-setturi fejn in-nuqqas ta’ aċċess reċiproku għas-suq huwa partikolarment serju huwa dak tas-servizzi finanzjarji. Filwaqt li kumpaniji Ċiniżi tat-teknoloġija finanzjarja u tal-pagamenti online, fornituri ta’ karti ta’ kreditu, banek u assiguraturi qed ikabbru l-preżenza tagħhom fl-UE, l-operaturi Ewropej ma għandhomx aċċess għas-suq Ċiniż.
Minħabba l-kobor tar-rabtiet kummerċjali u ta’ investiment tagħna, huwa importanti li tiġi żviluppata relazzjoni ekonomika iktar ibbilanċjata u reċiproka.
Din tista’ tinkiseb b’diversi mezzi: b’ħidma flimkien maċ-Ċina f’fora internazzjonali biex jissaħħu r-regoli u jsir progress deċiżiv fin-negozjati bilaterali, iżda wkoll billi jsir użu minn għodod bħalma huma l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ li dan l-aħħar ġew immodernizzati u msaħħa.
L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ hija l-pedament tas-sistema kummerċjali multilaterali, madankollu r-regoli tagħha jeħtieġ li jiġu modernizzati u jrid jimtela l-vojt ta’ xi lakuni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fil-kompetizzjoni u biex jiġu eliminati l-prattiki inġusti użati miċ-Ċina. Jenħtieġ li ċ-Ċina timpenja ruħha b’mod kostruttiv f’dawn l-isforzi, inkluż permezz tal-grupp ta’ ħidma konġunt dwar ir-riforma fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li ġie stabbilit fl-okkażjoni tas-Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tal-2018. Prijorità ewlenija f’dan ir-rigward – u indikatur tal-impenn taċ-Ċina – hija li jinbdew negozjati dwar dixxiplina aktar b’saħħitha għas-sussidji industrijali. Il-progress għall-eliminazzjoni tat-trasferimenti furzati tat-teknoloġija se jkun ukoll ta’ importanza kritika.
In-negozjati għal Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment ilhom għaddejjin mill-2013. Dawn se jkunu għodda ewlenija fir-riekwilibriju tar-relazzjonijiet tal-investiment u biex jiġi żgurat trattament ġust u ugwali għall-kumpaniji tal-UE li joperaw fiċ-Ċina kif ukoll biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-kumpaniji Ċiniżi fis-Suq Uniku kollu. Iż-żewġ naħat jenħtieġ li jiksbu progress sostanzjali fin-negozjati matul l-2019, bl-għan li jiġi konkluż ftehim ambizzjuż fl-2020.
L-iffirmar tal-Ftehim Bilaterali dwar is-Sikurezza tal-Avjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fil-ġimgħat li ġejjin se jagħti spinta ’l quddiem lill-kummerċ tal-inġenji tal-ajru u l-prodotti relatati magħhom, u se jiżgura l-ogħla livell ta’ sikurezza tal-avjazzjoni.
Il-konklużjoni b’ħeffa tan-negozjati rigward il-Ftehim dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi se tkun kruċjali biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-swieq ta’ xulxin.
L-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli u alimentari tal-UE lejn iċ-Ċina huma soġġetti għal proċeduri diskriminatorji, imprevedibbli u ta’ piż, għal dewmien eċċessiv u deċiżjonijiet li mhumiex ibbażati fuq ix-xjenza. Apparti n-negozjati li għaddejjin bħalissa, il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Istati Membri l-proċeduri attwali li għandhom fil-mira negozjati b’vuċi waħda. Jenħtieġ li ċ-Ċina tittratta lill-UE bħala entità waħda għall-esportazzjonijiet agrikoli u alimentari, filwaqt li tapplika l-prinċipju tar-reġjonalizzazzjoni.
Dan kollu ta’ hawn fuq se juri l-impenn taċ-Ċina għal relazzjoni ekonomika ta’ benefiċċju reċiproku.
Azzjoni 5: Sabiex tinkiseb relazzjoni ekonomika aktar ibbilanċjata u reċiproka, l-UE tistieden liċ-Ċina biex twettaq l-impenji konġunti UE-Ċina eżistenti. Dan jinkludi r-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, b’mod partikolari dwar is-sussidji u t-trasferimenti furzati fit-teknoloġija, u l-konklużjoni b’ħeffa ta’ ftehimiet bilaterali dwar l-investiment sal-2020, dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, u dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.
L-UE għandha suq tal-akkwist pubbliku miftuħ, li huwa l-akbar wieħed fid-dinja. Fl-istess ħin, il-kumpaniji tal-UE ħafna drabi jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jiksbu aċċess għal opportunitajiet ta’ akkwist pubbliku kemm fis-swieq Ċiniżi kif ukoll f’dawk barranin, b’mod partikolari f’setturi fejn il-kumpaniji tal-UE huma kompetittivi ħafna (pereż. dawk tat-tagħmir tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni, tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, tat-tagħmir mediku u tas-servizzi tal-kostruzzjoni). Din ix-xejra protezzjonista qed tiżdied.
Il-proposta riveduta tal-Kummissjoni għal strument internazzjonali għall-akkwist pubbliku (IPI, international procurement instrument) 15 ġiet ippreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Jannar 2016. Dan ir-Regolament iżid l-influwenza tal-UE fl-innegozjar tar-reċiproċità u tal-ftuħ tas-suq, biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għan-negozji tal-UE.
Azzjoni 6: Biex tiġi promossa r-reċiproċità u jinfetħu opportunitajiet għall-akkwist pubbliku fiċ-Ċina, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw l-Istrument Internazzjonali għall-Akkwist Pubbliku qabel tmiem l-2019.
V. It-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni
L-UE teħtieġ approċċ proattiv biex issaħħaħ il-kompetittività ekonomika tagħha u biex tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Hija se tkompli tieħu miżuri konkreti biex issaħħaħ is-Suq Uniku, inkluża l-kapaċità tagħha li tindirizza l-investimenti fejn hemm l-interessi strateġiċi tal-UE.
L-istabbiliment ta’ suq uniku għall-akkwist pubbliku huwa wieħed mill-kisbiet ewlenin tas-suq intern. Il-pubblikazzjoni ta’ offerti fl-UE kolha tiżgura trasparenza u toħloq opportunitajiet għall-kumpaniji fl-UE. Implimentazzjoni aħjar tar-regoli tiżgura li fl-istadji kollha tal-proċess jkun hemm il-kwalità u s-sigurtà, il-valur għall-flus, u s-sostenibbiltà tal-proġetti. Meta wieħed iqis li parti sostanzjali tal-investiment pubbliku fl-ekonomija tal-UE tintefaq permezz tal-akkwist pubbliku (EUR 2 triljun fis-sena, li jirrappreżentaw 14 % tal-PDG tal-UE), approċċ aktar strateġiku jista’ jkollu impatt kbir.
Għaldaqstant, filwaqt li approċċ aktar strateġiku għall-qafas tal-akkwist pubbliku tal-UE jirrifletti n-natura dejjem aktar globali tas-swieq tal-akkwist pubbliku, dan jista’ jgħin biex jiġu identifikati u indirizzati l-ostakli u l-lakuni li fil-prattika jimpedixxu l-kundizzjonijiet ekwivalenti tal-kompetizzjoni. Pereżempju, ir-regoli jistgħu jiġu riveduti jew l-applikazzjoni tagħhom tista’ tissaħħaħ sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku mwettqa fl-UE abbażi ta’ ftehimiet internazzjonali 16 jkunu konformi mal-prinċipji tat-Trattat dwar it-trasparenza u t-trattament ugwali. Barra minn hekk, l-akkwist pubbliku għal proġetti li jibbenefikaw minn finanzjament tal-UE għandu jiggarantixxi standard għoli ta’ kwalità, sigurtà, sostenibbiltà u responsabbiltà soċjali.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippubblika gwida dwar il-qafas legali rigward il-parteċipazzjoni ta’ offerenti u prodotti barranin fis-suq tal-UE filwaqt li tqis ir-regoli tal-UE u dawk internazzjonali dwar l-akkwist pubbliku, inkluż dwar offerti baxxi wisq, kif ukoll ir-rispett tal-istandards tas-sigurtà, tax-xogħol u dawk ambjentali, u tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
Azzjoni 7: Sabiex jiġi żgurat li ma jitteħidx inkonsiderazzjoni l-prezz biss, iżda wkoll il-livell għoli ta’ xogħol u ta’ standards ambjentali, il-Kummissjoni se tippubblika gwida dwar il-parteċipazzjoni ta’ offerenti u prodotti barranin fis-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE sa nofs l-2019. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tanalizza b’mod ġenerali l-implimentazzjoni tal-qafas attwali, biex tidentifika n-nuqqasijiet qabel tmiem l-2019.
L-għodod ta’ politika tal-UE ma jindirizzawx għalkollox l-effetti tas-sussidji mogħtija mill-gvernijiet barranin fis-suq intern tal-UE. L-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE japplikaw mingħajr diskriminazzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-oriġini tagħhom. Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat ikopru biss l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE ma jippermettix li l-Kummissjoni tintervjeni kontra l-akkwist ta’ kumpanija Ewropea abbażi biss tar-raġuni li x-xerrej ibbenefika minn sussidji barranin. L-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ jindirizzaw is-sussidji li jaffettwaw il-prezz tal-prodotti importati fl-UE. Madankollu, dawn l-istrumenti ma jkoprux l-effetti potenzjali kollha ta’ sussidji inġusti jew ta’ appoġġ minn pajjiżi terzi.
Biex timtela din il-lakuna, huwa meħtieġ li jiġi identifikat kif l-UE tista’ tindirizza b’mod xieraq l-effetti ta’ distorsjoni li għandha s-sjieda tal-istati barranin u l-finanzjament mill-istat ta’ kumpaniji barranin fis-suq intern tal-UE.
Azzjoni 8: Biex jiġu indirizzati b’mod sħiħ l-effetti ta’ distorsjoni tas-sjieda tal-istati barranin u tal-finanzjament mill-istat fis-suq intern, il-Kummissjoni se tidentifika qabel tmiem l-2019 kif se timla l-lakuni eżistenti fil-liġi tal-UE.
Fil-kuntest tal-istrateġija 17 mġedda għall-politika industrijali, l-UE jenħtieġ li trawwem kooperazzjoni industrijali transfruntiera, b’atturi Ewropej b’saħħithom, abbażi ta’ ktajjen ta’ valur strateġiċi li huma essenzjali għall-kompetittività industrijali tal-UE u għall-awtonomija strateġika. Il-ħidma tal-Forum Strateġiku għal Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni għandha rwol importanti x’taqdi, l-istess bħalma għandha l-implimentazzjoni kollettiva ta’ inizjattivi bħalma huwa l-Pjan ta’ Azzjoni Koordinat tal-UE dwar l-Intelliġenza Artifiċjali 18 , li ġie miftiehem reċentement, u l-proġett ta’ alleanza Ewropea tal-batteriji 19 .
Filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-Istrateġija Ewropea għall-Intelliġenza Artifiċjali 20 , il-Pjan Ikkoordinat jistabbilixxi għadd ta’ miżuri operazzjonali li għandhom l-għan li jimmassimizzaw l-impatt tal-investimenti u jgħinu lill-Ewropa ssir l-aqwa reġjun fid-dinja għall-iżvilupp u l-użu ta’ Intelliġenza Artifiċjali mill-aktar avvanzata, etika u sikura. Dawn l-azzjonijiet konġunti jiffukaw b’mod partikolari fuq iż-żieda fl-investiment, id-disponibbiltà ta’ aktar data, it-trawwim tat-talenti u l-iżgurar tal-fiduċja. Kooperazzjoni bħal din aktar mill-qrib u aktar effiċjenti hija essenzjali sabiex jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq il-valuri tal-UE għall-Intelliġenza Artifiċjali li tkun ċċentrata fuq il-bniedem u affidabbli, kundizzjoni importanti biex dan jiġi aċċettat b’mod wiesa’.
Il-Pjan ta’ Azzjoni Strateġiku dwar il-batteriji li ġie adottat f’Mejju 2018 għandu l-għan li joħloq “ekosistema” tal-batteriji kompetittiva, sostenibbli u innovattiva fl-Ewropa, li tkopri l-katina tal-valur kollha. Il-batteriji huma essenzjali għall-ħżin tal-enerġija u għall-mobbiltà nadifa, u se jkunu ta’ importanza strateġika għall-modernizzazzjoni tal-industrija tal-UE. Qed tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata provvista affidabbli ta’ materja prima u biex ikun hemm aċċess għall-elementi terrestri rari.
Biex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-operaturi tal-UE, inkluż f’oqsma fejn l-intrapriżi tal-UE ma jgawdux minn aċċess għas-suq reċiproku, l-UE teħtieġ li l-programm Orizzont Ewropa 21 jkun ambizzjuż u miftuħ għal pajjiżi terzi u għal organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex tibqa’ fuq quddiem nett fir-riċerka u fl-innovazzjoni globali. Jenħtieġ li tinkludi wkoll regoli ċari dwar l-isfruttament tar-riżultati u tippermetti aċċess reċiproku effikaċi għall-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaqblu malajr dwar il-programm Orizzont Ewropa.
VI.It-tisħiħ tas-sigurtà fl-infrastruttura kritika u fil-bażi teknoloġika
L-investiment barrani f’setturi strateġiċi, l-akkwist ta’ assi kritiċi, teknoloġiji u infrastrutturi fl-UE, l-involviment fit-twaqqif ta’ standards tal-UE u l-provvista ta’ tagħmir kritiku jistgħu jkunu ta’ riskju għas-sigurtà tal-UE. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-infrastruttura kritika, bħan-netwerks 5G, li se jkunu essenzjali għall-futur tagħna u li jeħtieġ li jkunu kompletament siguri.
In-netwerks 5G se jkunu s-sinsla tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tagħna, se jgħaqqdu flimkien biljuni ta’ oġġetti u sistemi, inklużi sistemi ta’ informazzjoni sensittiva u tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni f’setturi kritiċi. Kull vulnerabbiltà f’netwerks 5G tista’ tiġi sfruttata sabiex dawn is-sistemi u l-infrastruttura diġitali jiġu mminati – u potenzjalment issir ħsara serja ħafna. Firxa ta’ strumenti tal-UE, fosthom id-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni 22 , l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà li ġie approvat dan l-aħħar 23 , u l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi 24 se jippermettu t-tisħiħ tal-kooperazzjoni biex jiġu indirizzati l-attakki ċibernetiċi u biex l-UE tkun tista’ taġixxi b’mod kollettiv biex tipproteġi l-ekonomija u s-soċjetà tagħha.
Il-Kummissjoni se tadotta rakkomandazzjoni, wara l-Kunsill Ewropew, għal approċċ komuni tal-UE rigward ir-riskji ta’ sigurtà għal netwerks 5G, filwaqt li tkompli tibni fuq il-valutazzjoni tar-riskju u l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju kkoordinati tal-UE, qafas effikaċi għall-kooperazzjoni u tal-iskambju tal-informazzjoni, u fuq għarfien konġunt tas-sitwazzjoni tal-UE li jkopri n-netwerks kritiċi ta’ komunikazzjoni.
Barra minn hekk, fit-8 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli pproponew it-twaqqif ta’ reġim ta’ sanzjonijiet orizzontali kontra l-attakki ċibernetiċi. Ir-reġim propost għandu kopertura dinjija u se jippermetti rispons flessibbli tal-UE irrispettivament mill-post minn fejn jiġu mnedija l-attakki ċibernetiċi u irrispettivament minn jekk dawn jitwettqux minn atturi statali jew mhux statali. Dan ir-reġim ta’ sanzjonijiet, meta jiġi adottat, jippermetti lill-Unjoni biex tirrispondi, b’“effett sinifikanti”, għall-attakki ċibernetiċi li jheddu l-integrità u s-sigurtà tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u taċ-ċittadini tagħhom.
L-UE tappoġġa l-isforzi multilaterali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-G20, biex tippromwovi flussi ta’ data ħielsa u siguri abbażi tal-protezzjoni b’saħħitha tal-privatezza fid-data personali.
Azzjoni 9: Huwa meħtieġ approċċ komuni tal-UE għas-sigurtà tan-netwerks 5G biex l-infrastruttura diġitali kritika tkun issalvagwardjata minn implikazzjonijiet potenzjali serji ta’ sigurtà. Biex dan iseħħ, il-Kummissjoni Ewropea se toħroġ Rakkomandazzjoni wara l-Kunsill Ewropew.
Ir-Regolament il-ġdid li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani se jidħol fis-seħħ f’April 2019 u se japplika b’mod sħiħ minn Novembru 2020 25 . Dan se jipprovdi strument b’saħħtu biex jiġi individwat investiment barrani f’assi, f’teknoloġiji u f’infrastrutturi kritiċi, u jitjieb l-għarfien dwaru. Huwa se jippermetti li jiġi identifikat b’mod kollettiv u indirizzat it-theddid għas-sigurtà u għall-ordni pubbliku maħluq permezz tal-akkwiżizzjonijiet f’setturi sensittivi.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw il-perjodu ta’ bejn id-dħul fis-seħħ u l-bidu tal-applikazzjoni tar-Regolament biex jagħmlu l-bidliet meħtieġa fil-prattiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali domestika tagħhom u biex jistabbilixxu l-istrutturi amministrattivi biex jiżguraw kooperazzjoni effettiva fil-livell tal-UE mal-Kummissjoni, skont il-mekkaniżmi stabbiliti.
Azzjoni 10: Sabiex jidentifikaw u jqajmu kuxjenza dwar ir-riskji għas-sigurtà li jirriżultaw minn investiment barrani f’assi, f’teknoloġiji u f’infrastrutturi kritiċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni b’ħeffa, sħiħa u effettiva tar-Regolament dwar l-iskrinjar tal-investiment dirett barrani.
Ir-regoli tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju jippermettu li l-Unjoni timmonitorja l-esportazzjonijiet tat-teknoloġiji ewlenin u li tivverifikahom minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tar-Regolament 26 dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tinkludi t-teknoloġija taċ-ċibersigurtà u tas-sorveljanza. Ir-Regolament għandu jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tadatta ruħha għar-riskji tas-sigurtà li qed jevolvu u għall-iżviluppi teknoloġiċi rapidi, u li timmitiga r-riskji.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw malajr kemm jista’ jkun ir-regoli aġġornati tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni.
VII.Konklużjoni
Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistiednu lill-Kunsill Ewropew biex japprova l-azzjonijiet li ġejjin.
Azzjoni 1: L-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE maċ-Ċina biex tilħaq ir-responsabbiltajiet komuni fit-tliet pilastri tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Paċi u s-Sigurtà, u l-Iżvilupp.
Azzjoni 2: Sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima b’mod aktar effikaċi, l-UE tistieden liċ-Ċina biex tilħaq il-limitu fil-miri tal-emissjonijiet tagħha qabel l-2030, f’konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.
Azzjoni 3: L-UE se ssaħħaħ l-impenn maċ-Ċina dwar il-paċi u s-sigurtà, filwaqt li ssaħħaħ il-kooperazzjoni pożittiva dwar Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt għall-Iran.
Azzjoni 4: Sabiex iżżomm l-interess tagħha fl-istabbiltà, fl-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u fil-governanza tajba fil-pajjiżi sħab, l-UE se tapplika b’aktar sodizza l-ftehimiet bilaterali u l-istrumenti finanzjarji eżistenti, u se taħdem maċ-Ċina biex issegwi l-istess prinċipji permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja.
Azzjoni 5: Sabiex tinkiseb relazzjoni ekonomika aktar ibbilanċjata u reċiproka, l-UE tistieden liċ-Ċina biex twettaq l-impenji konġunti UE-Ċina eżistenti. Dan jinkludi r-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, b’mod partikolari dwar is-sussidji u t-trasferimenti furzati fit-teknoloġija, u l-konklużjoni b’ħeffa ta’ ftehimiet bilaterali dwar l-investiment sal-2020, dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, u dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.
Azzjoni 6: Sabiex tiġi promossa r-reċiproċità u jinfetħu opportunitajiet għall-akkwist pubbliku fiċ-Ċina, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw l-Istrument Internazzjonali għall-Akkwist Pubbliku qabel tmiem l-2019.
Azzjoni 7: Sabiex jiġi żgurat li ma jitteħidx inkonsiderazzjoni l-prezz biss, iżda wkoll il-livell għoli ta’ xogħol u ta’ standards ambjentali, il-Kummissjoni se tippubblika gwida dwar il-parteċipazzjoni ta’ offerenti u prodotti barranin fis-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE sa nofs l-2019. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tanalizza b’mod ġenerali l-implimentazzjoni tal-qafas attwali, biex tidentifika lakuni qabel tmiem l-2019.
Azzjoni 8: Sabiex jiġu indirizzati b’mod sħiħ l-effetti ta’ distorsjoni tas-sjieda tal-istati barranin u tal-finanzjament mill-istat fis-suq intern, il-Kummissjoni se tidentifika qabel tmiem l-2019 kif se timla l-lakuni eżistenti fil-liġi tal-UE.
Azzjoni 9: Huwa meħtieġ approċċ komuni tal-UE għas-sigurtà tan-netwerks 5G biex l-infrastruttura diġitali kritika tkun issalvagwardjata minn implikazzjonijiet potenzjali serji ta’ sigurtà. Biex dan iseħħ, il-Kummissjoni Ewropea se toħroġ Rakkomandazzjoni wara l-Kunsill Ewropew.
Azzjoni 10: Sabiex jidentifikaw u jqajmu kuxjenza dwar ir-riskji għas-sigurtà li jirriżultaw minn investiment barrani f’assi, f’teknoloġiji u f’infrastrutturi kritiċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni b’ħeffa, sħiħa u effettiva tar-Regolament dwar l-iskrinjar tal-investiment dirett barrani.