Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0652

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

COM/2019/652 final

Strasburgu, 17.12.2019

COM(2019) 652 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

{SWD(2019) 631 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Iż-żona tal-euro qed tkompli tikber iżda b’riskji interkonnessi għall-prospetti u inċertezza fix-xefaq. Barra minn hekk jeżisti r-riskju ta’ perjodu mtawwal bi tkabbir u inflazzjoni baxxi, dovut għal produttività anemika u qiegħed jixħet id-dell tiegħu t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Filwaqt li l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni sar pożittiv mill-2017 ’l hawn u kien 0,7 % tal-prodott potenzjali fl-2018, il-potenzjal tat-tkabbir mistenni jibqa’ taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi 3 . L-inflazzjoni sottostanti baqgħet fil-firxa 1-1,5 % fl-2018 u hija mbassra li tibqa’ 1,5 % fl-2019, fl-2020 u fl-2021. L-indikaturi tas-suq tax-xogħol għadhom qed jitjiebu, għalkemm b’ritmu inqas mgħaġġel, u ż-żieda fl-impjiegi hija prevista li tkompli tonqos, u għad fadal sfidi fir-rigward tal-kwalità tal-impjiegi. Iż-żieda fil-pagi nominali kienet ikkonkretizzata, u laħqet żieda ta’ madwar 2,25 % fl-2018 wara bosta snin li fihom kienet taħt 2,0 % u hija mbassra tkun 2,5 % fl-2019 u terġa’ tinżel 2,25 % fl-2020–21. Minkejja kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol tajbin, iż-żieda fil-pagi reali kienet waħda żgħira biss u għadha baxxa; kienet inqas minn 1 % fl-2018 u fl-2019 u hija mbassra tkun 0,7 % u 0,8 % fl-2020 u fl-2021 rispettivament. Is-surplus fil-kontijiet kurrenti taż-żona tal-euro huwa mbassar li jonqos. L-Istati Membri b’defiċit naqqsu jew reġġgħu lura d-defiċits tagħhom fil-kont kurrenti, għalkemm għad għandhom PIIN negattivi kbar 4 . Fl-istess waqt, xi Stati Membri għadhom ikollhom surpluses fil-kont kurrenti li huma għoljin b’mod persistenti, u b’hekk għadhom iżidu l-pożizzjonijiet ta’ investiment internazzjonali netti (PIIN) tagħhom. Id-dinamika fil-bilanċ tal-pagamenti fuq il-kont kurrenti fiż-żona tal-euro hija affettwata minn domanda esterna li qed tiddgħajjef, speċjalment għal Stati Membri li huma bbażati fuq l-esportazzjoni b’surpluses fil-kont kurrenti li huma għoljin, li jiddependu ħafna fuq id-domanda tal-esportazzjoni barranija.

(2)Sabiex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir u fl-istess waqt tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali u soċjali kif ukoll timxi l-konverġenza reali bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, huma meħtieġa riformi strutturali biex jiżdied it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, kif ukoll investiment f’kapital tanġibbli u intanġibbli biex tiżdied il-produttività. Minn dawn jistgħu jibbenefikaw partikolarment dawk l-Istati Membri li l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom huwa ħafna iktar baxx mill-medja taż-żona tal-euro. Dan ikun meħtieġ ukoll biex l-ekonomija taż-żona tal-euro ma taqax f’perjodu mtawwal bi tkabbir potenzjali u produttività baxxi, livell baxx ta’ inflazzjoni tal-prezzijiet u ta’ żieda fil-pagi kif ukoll żieda fl-inugwaljanza. Ir-riformi u l-investiment għadhom kruċjali biex jiġi żgurat li ż-żona tal-euro terġa’ taqbad ir-ritmu tat-tkabbir, tegħleb pressjonijiet aktar b’saħħithom fuq perjodu medju u twil li jirriżultaw ukoll minn livelli demografiċi li sejrin lura, u tiffaċilita t-trasformazzjoni lejn ekonomija sostenibbli sabiex iż-żona tal-euro u l-Istati Membri tagħha jilħqu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(3)L-impatt ekonomiku tat-tibdil fil-klima, wieħed mill-akbar riskji sistemiċi li l-ekonomija mondjali, is-sistemi finanzjarji u s-soċjetajiet qed jiffaċċjaw illum, qed jibda jkun viżibbli. Ir-riskji għall-ekonomija globali kawża tat-tibdil fil-klima u, b’mod iktar ġenerali, minħabba d-degradazzjoni ambjentali, qed ikunu iktar preżenti u se jkollhom impatt fuq dawk li huma l-iktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna. Jekk ma jittiħdux miżuri xierqa, jista’ jkun hemm konsegwenzi negattivi fuq ir-reżiljenza tal-ekonomiji tagħna, fuq l-inklużività u fuq il-potenzjal tat-tkabbir fit-tul. F’dak il-kuntest ikun essenzjali l-investiment u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet regolatorji u finanzjarji għal tranżizzjoni ordnata lejn ekonomija sostenibbli. Jekk jiġu indirizzati b’mod xieraq, l-isfidi ambjentali u tal-klima huma wkoll opportunità biex l-ekonomija Ewropea terġa’ tingħata spinta lejn l-iżvilupp sostenibbli. F’dan is-sens il-Kummissjoni ppreżentat Patt Ekoloġiku Ewropew bħala strateġija tat-tkabbir tal-Ewropa. Dan jinkludi l-ewwel Liġi Ewropea dwar il-Klima, li biha l-mira tan-newtralità f’termini ta’ impatt fuq il-klima sal-2050 għandha tiġi stabbilita fil-liġi. Fl-istess ħin it-tranżizzjoni ħadra se jkollha tqis l-impatt fuq partijiet differenti tas-soċjetà. L-investiment għall-faċilitazzjoni tat-trasformazzjoni lejn ekonomija sostenibbli jrid jiġi akkumpanjat minn investiment fil-ħiliet u appoġġ għal tranżizzjonijiet professjonali biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jgawdu mill-benefiċċji tal-bidla teknoloġika, partikolarment fis-setturi u fir-reġjuni li għadhom lura fit-tranżizzjoni diġitali u ħadra.

(4)Il-mobilizzazzjoni tal-fondi pubbliċi u privati għall-investiment fit-tranżizzjoni ħadra u diġitali tista’ ssostni t-tkabbir fuq terminu ta’ żmien qasir u tegħleb l-isfidi fit-tul li qed jiffaċċjaw l-ekonomiji tagħna. Filwaqt li r-rivoluzzjoni diġitali tista’ tinkludi opportunitajiet f’termini ta’ produttività, tkabbir u ħolqien tal-impjiegi, din tista’ twassal ukoll għal sfidi, speċjalment għall-ħaddiema li ma għandhomx biżżejjed kwalifiki biex jaħdmu bit-teknoloġiji l-ġodda. Ir-ritmi differenti tat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija diġitali fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistgħu jirrappreżentaw riskju sinifikanti għall-konverġenza u għall-istabbiltà makroekonomika. Dan jista’ jissaħħaħ permezz ta’ effetti ta’ agglomerazzjoni b’saħħithom li spiss jiffavorixxu lill-bliet il-kbar u xenarju li spiss jokkorri fil-qasam tat-teknoloġiji diġitali fejn ir-rebbieħ jieħu kollox, li jista’ jżid mal-inugwaljanza u jkollu impatt negattiv fuq il-konverġenza. L-investimenti għandhom jimmiraw li jiġġeneraw ir-riċerka u l-innovazzjonijiet, kif ukoll li l-innovazzjonijiet jinxterdu iktar fl-ekonomija.

(5)Strateġija ta’ investiment aktar ikkoordinata flimkien ma’ sforz ta’ riforma aktar b’saħħtu fil-livell taż-żona tal-euro jkunu strumentali għas-sostenn tat-tkabbir u bħala tweġiba għall-isfidi fit-tul bħat-tranżizzjoni tal-klima u t-trasformazzjoni teknoloġika. Permezz tal-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u għall-Kompetittività, li għandu jiġi inkluż fil-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi, l-Istati Membri taż-żona tal-euro jiġu appoġġjati fl-implimentazzjoni ta’ pakketti ta’ riforma u investiment. InvestEU, li wkoll se jikkontribwixxi għall-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, ukoll għandu l-għan li jattira mill-inqas EUR 650 biljun f’investiment addizzjonali biex tkompli titrawwem l-innovazzjoni u jinħolqu l-impjiegi fl-UE, inkluż billi tiġi ffinanzjata infrastruttura sostenibbli. Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, li għandhom rwol kruċjali fis-sostenn tar-reġjuni u taż-żoni rurali tagħna, ukoll għandhom rwol fit-tranżizzjoni tal-klima u teknoloġika, permezz tal-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli. Il-Bank Ewropew tal-Investiment diġà jiddedika 25 % tal-finanzjament totali tiegħu għall-investiment tal-klima u ħabbar li se jkun qed jirdoppja dan is-sehem. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-Unjoni huwa essenzjali li jsiru proġetti tal-investiment fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali li jkopru l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni u l-ekonomija ċirkolari. L-investiment fl-industriji u fl-infrastruttura li jużaw netwerk jista’ jikkontribwixxi biex itejjeb il-kompetittività taż-żona tal-euro u jippromwovi t-tranżizzjoni lejn sistema tat-trasport iktar sostenibbli. Barra minn hekk, l-investiment f’assi intanġibbli bħar-riċerka u l-iżvilupp u l-ħiliet huwa kruċjali biex is-suq tax-xogħol taż-żona tal-euro jkun lest għall-isfidi quddiemu.

(6)L-effetti tal-espansjoni ekonomika fl-aħħar snin ma nħassux bl-istess mod fl-Istati Membri u fost ir-reġjuni u l-pajjiżi. Filwaqt li l-livelli tal-introjtu nett żdiedu riċentement, f’bosta Stati Membri taż-żona tal-euro dawn għadhom taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. In-numru ta’ nies f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali qed jonqos fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u issa huwa 5 miljun inqas mil-livell rekord fl-2012, imma xorta għadu ogħla mill-livell tal-2008 fiż-żona tal-euro. Wara perjodu ta’ żieda fid-diverġenzi, fl-aħħar snin xi Stati Membri kkonverġew lejn dawk bl-aħjar prestazzjoni f’termini ta’ PDG per capita. Madankollu, is-sehem ta’ dħul fost dawk bl-ogħla dħul żdied bil-mod fl-aħħar għaxar snin, u għad fadal diverġenzi kbar fost l-Istati Membri. Sabiex tkun promossa l-konverġenza f’livell ogħla fl-Istati Membri u bejn Stat Membru u ieħor, huwa importanti li jiġu promossi politiki li jżidu kemm l-effiċjenza kif ukoll l-ekwità, f’konformità mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Dawn iwasslu għal riżultati makroekonomiċi aħjar b’kondiviżjoni iktar ugwali tal-benefiċċji għas-soċjetà inġenerali, u barra minn hekk jagħtu spinta lill-koeżjoni fiż-żona tal-euro.

(7)Il-konsistenza u l-bilanċ fit-taħlita tal-politika makroekonomika taż-żona tal-euro, inklużi politiki monetarji, fiskali u strutturali, huma kruċjali biex jiġi żgurat tkabbir ekonomiku b’saħħtu, inklussiv u sostenibbli, u bħala risposta effettiva għal inflazzjoni persistentement baxxa, prospetti dgħajfa u riskji għat-tkabbir fit-tul. Il-Bank Ċentrali Ewropew qed jibqa’ jżomm ma’ politika monetarja akkomodanti biex l-inflazzjoni tqarreb l-objettiv tal-inflazzjoni fuq terminu medju, filwaqt li jippromwovi t-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol. Il-politika fiskali trid tikkomplementa l-pożizzjoni tal-politika monetarja, flimkien ma’ riformi strutturali f’setturi differenti, inklużi dawk neċessarji biex titlesta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM).

(8)Il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali b’rispett sħiħ tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li jitqiesu l-ispazju fiskali disponibbli u l-effetti konsegwenzjali bejn il-pajjiżi, tappoġġja l-funzjonament kif suppost tal-UEM. Il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro mistennija tkun minn sostanzjalment newtrali għal kemxejn espansjonarja fl-2020 u fl-2021. Fl-istess waqt, il-politiki fiskali nazzjonali għadhom mhumiex differenzjati biżżejjed fid-dawl tal-ispazju fiskali disponibbli fl-Istati Membri. Is-segwitu ta’ politiki fiskali prudenti mill-Istati Membri li għandhom livell għoli ta’ dejn pubbliku jwassal għal tnaqqis fid-dejn pubbliku, inaqqas il-vulnerabbiltà għax-xokkijiet, u jippermetti l-funzjonament sħiħ tal-istabilizzaturi awtomatiċi f’każ ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Min-naħa l-oħra, iktar investiment u infiq produttiv ieħor fl-Istati Membri li għandhom sitwazzjoni baġitarja favorevoli jsostnu t-tkabbir fuq terminu ta’ żmien qasir kif ukoll medju, filwaqt li jirribilanċjaw l-ekonomija taż-żona tal-euro. Sabiex it-tkabbir jiġi sostnut fuq terminu ta’ żmien qasir f’każ li l-prospetti jmorru għall-agħar, huwa importanti li b’mod aggregat tintlaħaq pożizzjoni fiskali ta’ sostenn li tiffoka fuq infiq produttiv, waqt li jiġu segwiti politiki li jirrispettaw bis-sħiħ il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż u filwaqt li tiġi evitata l-proċikliċità sa fejn possibbli.

(9)Ir-riformi struttrali fiskali għadhom kruċjali biex titjieb is-sostenibbiltà fiskali, jissaħħaħ il-potenzjal tat-tkabbir u jkun possibbli li jitfasslu politiki fiskali effettivi f’każ ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-funzjonament tajjeb tal-oqfsa fiskali nazzjonali, flimkien ma’ rieżamijiet regolari u dettaljati tal-ispejjeż, u akkwist pubbliku effettiv u trasparenti jistgħu jsaħħu l-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa pubblika u jtejbu l-kredibbiltà u l-kwalità tal-politiki fiskali. Titjib fil-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa, inkluż billi r-riżorsi jgħaddu lejn l-investiment permezz tal-istabbiliment ta’ strateġiji tal-investiment pubbliku, iżid l-impatt ta’ tkabbir tal-baġits pubbliċi, iżid il-produttività u jibda jindirizza l-isfidi urġenti fit-tul relatati mal-ekonomija ħadra u dik diġitali. Is-simplifikazzjoni u l-immodernizzar tas-sistemi fiskali u l-indirizzar tal-frodi, tal-evażjoni u tal-evitar tat-taxxa, jiġifieri permezz ta’ miżuri kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, huma essenzjali biex is-sistemi fiskali jkunu iktar effiċjenti u ġusti. Is-sempliċità li biha r-riżorsi mobbli jistgħu jimxu fiż-żona tal-euro żżid l-ambitu għal kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa. Għalhekk hija essenzjali l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri biex jiġu indirizzati t-trasferiment tal-profitt, il-kompetizzjoni eċċessiva fil-qasam tat-taxxa u l-ġirja ġenerali lejn l-iktar livell baxx ta’ tassazzjoni korporattiva. F’dan l-isforz ikunu strumentali ftehim għal bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva kif ukoll ftehim għar-rieżami tal-allokazzjoni tal-profitti fost il-pajjiżi u li jiżgura minimu ta’ tassazzjoni effettiva. Il-piż tat-taxxa fiż-żona tal-euro huwa relattivament għoli u partikolarment gravi fuq il-ħaddiema, filwaqt li t-taxxi fuq il-proprjetà jew l-ambjent jirrappreżentaw biss sehem żgħir ħafna tad-dħul mit-taxxa. Madankollu, it-tnejn tal-aħħar huma inqas detrimentali għat-tkabbir u għall-provvista u d-domanda ta’ ħaddiema u jistgħu jikkontribwixxu lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli billi jinċentivaw imġiba iktar ekoloġika min-naħa tal-konsumaturi u tal-produtturi. It-tassazzjoni trid tqis iktar id-dimensjoni klimatika u tindirizza l-emissjonijiet u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b’mod iktar konsistenti. Għaldaqstant, biex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ħadra, qed jiġi propost li jitrawwem id-disinn ta’ politiki ambjentali li jwasslu għal impenji ambjentali u li jsir rieżami tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, kif ukoll mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni ma’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi.

(10)Ir-riformi strutturali u istituzzjonali li jżidu l-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodott, jippromwovu l-effiċjenza fir-riżorsi, itejbu l-ambjent tan-negozju u l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika, inkluża l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji, huma importanti għar-reżiljenza tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Strutturi ekonomiċi reżiljenti jipprevjenu li l-iskossi jkollhom effetti sinifikanti u dejjiema fuq id-dħul u l-provvista ta’ ħaddiema u jistgħu jiffaċilitaw l-operazzjoni tal-politika fiskali u monetarja u jrażżnu d-diverġenzi, partikolarment fi żminijiet bi tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u joħolqu kundizzjonijiet iktar favorevoli għat-tkabbir sostenibbli u inklussiv. Koordinament u implimentazzjoni aħjar tar-riformi strutturali, b’mod partikolari dawk preskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, jistgħu joħolqu effetti konsegwenzjali pożittivi fost l-Istati Membri. F’dan ir-rigward il-bords nazzjonali tal-produttività jista’ jkollhom rwol importanti billi jsaħħu r-responsabbiltà għar-riformi u jtejbu l-implimentazzjoni. Hemm bżonn ukoll riformi biex jiġu indirizzati l-isfidi fit-tul, bħat-tranżizzjoni tal-klima u t-trasformazzjoni teknoloġika. L-approfondiment tal-integrazzjoni tas-suq uniku, li tat prova li hija mutur ewlieni tat-tkabbir u tal-konverġenza bejn l-Istati Membri, ukoll tista’ trawwem żieda fil-produttività.

(11)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi 20 prinċipju għat-trawwim ta’ opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Dan huwa mfassal bħala kumpass għall-promozzjoni tal-konverġenza f’livelli ogħla lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar. Min-naħa tagħhom, ekonomiji u soċjetajiet iktar b’saħħithom u iktar inklussivi jistgħu jrawmu r-reżiljenza tal-Unjoni u taż-żona tal-euro. Ir-riformi u l-investiment fil-ħiliet, fit-tranżizzjonijiet professjonali u protezzjoni soċjali iktar effettiva wkoll huma importanti fi tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija ħadra u diġitali. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pilastru fil-livelli kollha, filwaqt li jittieħed kont dovut tal-kompetenzi rispettivi, se tkun essenzjali għall-promozzjoni tal-konverġenza ’l fuq.

(12)Riformi li jżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, jippromwovu l-ħolqien tax-xogħol ta’ kwalità, jappoġġjaw tranżizzjonijiet b’suċċess fis-suq tax-xogħol, inaqqsu s-segmentazzjoni u jippromwovu d-djalogu soċjali jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir inklussiv, itejbu r-reżiljenza ekonomika u l-istabbilizzazzjoni awtomatika, inaqqsu l-inugwaljanzi, u jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Appoġġ individwali fit-tranżizzjoni professjonali, it-taħriġ u r-rikwalifikazzjoni huma essenzjali biex jippromwovu r-riintegrazzjoni f’waqtha tal-persuni li qed ifittxu impjieg. L-aċċess għall-edukazzjoni u għat-taħriġ ta’ kwalità għolja matul iċ-ċiklu tal-ħajja jirrikjedi investiment adegwat sabiex jitjiebu l-kapital uman u l-ħiliet, anki fid-dawl tat-tranżizzjoni diġitali u ħadra. Dan itejjeb il-kapaċità għall-impjieg, il-produttività, il-kapaċità tal-innovazzjoni u l-pagi fuq medda ta’ żmien medju u twil, bir-riżultat li tiżdied ir-reżiljenza taż-żona tal-euro. Leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi trid tipprovdi kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u deċenti għall-ħaddiema kollha speċjalment fid-dawl ta’ forom atipiċi tal-impjieg li jġibu magħhom opportunitajiet ġodda, imma jikkawżaw ukoll sfidi relatati mas-sigurtà tal-impjieg u mal-protezzjoni soċjali. Sistemi ta’ protezzjoni soċjali effikaċi u sostenibbli huma wkoll kruċjali biex jiżguraw dħul adegwat u aċċess għal servizzi ta’ kwalità. Ir-riformi tal-pensjonijiet u politiki li joħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jistgħu jrawmu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, u b’hekk jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali Ewropej. It-taffija tat-tassazzjoni fuq ix-xogħol tista’ tkun utli partikolarment għal dawk bi dħul baxx u li għandhom it-tieni sors ta’ dħul. L-involviment tas-sħab soċjali fir-riformi soċjali, tal-impjiegi u fir-riformi ekonomiċi huwa kruċjali biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà u tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tar-riformi.

(13)Ir-robustezza tas-settur finanzjarju taż-żona tal-euro żdiedet mill-kriżi ’l hawn, għalkemm għad fadal vulnerabbiltajiet. Id-dejn korporattiv u tal-unitajiet domestiċi għadu għoli f’ħafna pajjiżi, u f’ħafna każijiet is-sistemi fiskali nazzjonali għad għandhom predispożizzjoni favur id-dejn. Il-ħtieġa li jiġu adattati l-mudelli ta’ negozju tal-banek, l-ambjent b’rati tal-imgħax baxxi u ż-żieda fil-kompetizzjoni minn forom oħra ta’ finanzjament qed ikomplu jagħmlu pressjoni fuq il-kompetittività tal-banek. Sar progress sostnut fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskju, speċjalment b’rabta mat-tnaqqis ta’ self improduttiv (NPL, non-performing loan). Madankollu, fejn il-proporzjon tas-self improduttiv għadu pjuttost għoli dan jirrikjedi iktar sforzi kostanti, u jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jadottaw politiki xierqa għall-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni ta’ NPLs. F’Marzu 2018 il-Kummissjoni ppreżentat pakkett tat-tnaqqis tar-riskju, kemm biex tiffaċilita l-indirizzar tal-NPLs li jifdal kif ukoll biex tevita l-akkumulazzjoni futura tagħhom. Bħala parti mill-miżuri leġiżlattivi dwar l-NPLs ġie adottat Regolament f’April 2019 5 li jintroduċi “garanzija ta’ kontinġenza prudenzjali statutorja” għall-prevenzjoni tar-riskju li ma jinħoloqx proviżjonament suffiċjenti għall-NPLs futuri; jenħtieġ li jsir iktar progress biex tkompli tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-NPLs, b’mod partikolari billi jsir progress fl-abbozz ta’ Direttiva dwar is-swieq sekondarji tal-NPLs. Kif enfasizzat fir-rapporti tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2019 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus 6 , fl-Unjoni huwa meħtieġ approċċ iktar komprensiv biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tal-attivitajiet terroristiċi, biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet strutturali identifikati. B’mod partikolari, dan jirrikjedi infurzar aħjar tar-regoli u superviżjoni mtejba permezz ta’ iktar azzjoni magħquda f’livell tal-UE.

(14)Sar progress fl-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja, inkluż permezz tal-ftehim dwar l-introduzzjoni tal-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, iżda din għadha mhijiex lesta. Ġie stabbilit Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli biex ikompli bil-ħidma teknika lejn it-tnedija tan-negozjati politiċi għall-istabbiliment tal-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS). Dan ix-xogħol irid jitlesta minħabba l-importanza tal-EDIS għall-Unjoni Bankarja stabbli u minħabba n-neċessità li fil-kuntest tal-arkitettura ġenerali tal-UEM jiġu indirizzati l-elementi rilevanti kollha biex jiġu promossi l-istabbiltà u l-effiċjenza tas-settur bankarju Ewropew. Finalment, il-Kummissjoni kellha riżultati għall-miżuri kollha mħabbra fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Madankollu, kultant ma kienx hemm sapport konkret għal fajls leġiżlattivi speċifiċi u jridu jsiru sforzi ġodda biex jitneħħew l-ostakli legali, fiskali u regolatorji għall-istabbiliment ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar l-aċċess għal finanzjament, l-insolvenza, is-superviżjoni u d-diverġenzi fiskali, u biex tintlaħaq superviżjoni iktar effettiva min-naħa tal-UE. Ir-rwol u l-funzjonament tas-swieq tal-bonds tal-gvern nazzjonali jridu jiġu vvalutati, anki biex jiġi indirizzat l-hekk imsejjaħ nexus sovran-bankarju.

(15)Sabiex tissaħħaħ l-arkitettura tal-UEM il-miżuri identifikati fid-Dikjarazzjoni tas-Summit taż-Żona tal-Euro ta’ Diċembru 2019 imma wkoll il-proposti tal-Kummissjoni għal passi addizzjonali għat-tlestija tal-UEM iridu jiġu realizzati bi prijorità. Il-Komunikazzjoni ta’ Ġunju 2019 dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa: Is-sitwazzjoni erba’ snin wara r-Rapport tal-Ħames Presidenti tippreżenta s-sitwazzjoni attwali u tiddeskrivi l-oqsma fejn l-isforzi ta’ riforma għandhom jiffokaw fuq terminu ta’ żmien qasir kif ukoll medju. Sar progress b’rabta mal-unjoni ekonomika, bi ftehim politiku dwar l-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u għall-Kompetittività għaż-żona tal-euro. Id-diskussjonijiet dwar it-titjib tas-sett ta’ għodod tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u r-reviżjoni tat-Trattat korrispondenti għadhom għaddejjin. Madankollu, fil-Kunsill la kien hemm diskussjonijiet dwar funzjoni għall-istabbilizzazzjoni fiskali fiż-żona tal-euro u lanqas dwar ir-riforma tal-governanza taż-żona tal-euro. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tipproponi Skema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni tal-Benefiċċji tal-Qgħad biex tipproteġi aħjar liċ-ċittadini f’każijiet ta’ skossi ekonomiċi.

(16)It-tlestija tal-UEM twassal għal riżultati makroekonomiċi aħjar. UEM inkompleta timpedixxi l-integrazzjoni finanzjarja. Sitwazzjoni bħal din tkun tillimita l-opportunitajiet ta’ finanzjament għal investiment bżonjuż ħafna biex titrawwem ekonomija inklussiva, produttiva, sostenibbli u stabbli. UEM inkompleta tfixkel ukoll it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro u tillimita l-abbiltà tal-Ewropa li tiddetermina d-destin ekonomiku tagħha. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ funzjoni ċentrali għall-istabbilizzazzjoni fiskali jdgħajjef b’mod sinifikanti l-kapaċità fiskali kontroċiklika taż-żona tal-euro. B’mod addizzjonali, it-triq lejn soluzzjonijiet intergovernattivi ma kinitx akkumpanjata mill-kontabilità xierqa fil-livell tal-UE. Għaldaqstant, it-titjib fil-governanza tal-korpi taż-żona tal-euro jkun strumentali biex tiżdied ir-responsabbiltà demokratika. L-approfondiment tal-UEM huwa prerekwiżit deċiżiv biex l-Ewropa jkollha iktar piż politiku fid-dinja, tiżviluppa r-rwol internazzjonali tal-euro u tikkontribwixxi lejn ekonomija miftuħa, multilaterali u bbażata fuq ir-regoli. Huwa importanti li jibqgħu jsiru diskussjonijiet b’mod miftuħ u trasparenti fil-konfront ta’ Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro, b’rispett sħiħ tas-suq intern tal-Unjoni.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni b’mod individwali u kollettiv fil-Grupp tal-Euro, fil-perjodu 2020-2021 biex:

1.Fl-Istati Membri taż-żona tal-euro b’defiċits fil-kont kurrenti jew dejn estern għoli jsegwu riformi għaż-żieda tal-kompetittività u għat-tnaqqis tad-dejn estern. Fl-Istati Membri taż-żona tal-euro b’surpluses għoljin fil-kont kurrenti għandhom jissaħħu l-kundizzjonijiet li jsostnu t-tkabbir tal-pagi fir-rispett tar-rwol tas-sħab soċjali, u jiġu implimentati miżuri li jrawmu l-investiment pubbliku u privat. Fl-Istati Membri kollha għandha titrawwem il-produttività permezz tat-titjib tal-ambjent tan-negozju u tal-kwalità tal-istituzzjonijiet, u tiżdied ir-reżiljenza speċjalment bl-approfondiment tas-suq uniku fl-interess tal-funzjonament aħjar tas-swieq tal-oġġetti u tas-servizzi. It-tranżizzjoni ġusta u inklussiva lejn ekonomija ħadra u diġitali kompetittiva għandha tiġi appoġġjata permezz ta’ investiment pubbliku u privat ta’ natura tanġibbli u intanġibbli.

2.L-Istati Membri midjunin ħafna għandhom isegwu politiki prudenti biex jagħtu bidu għal tendenza ’l isfel kredibbli u sostenibbli tad-dejn pubbliku. L-Istati Membri b’pożizzjoni fiskali favorevoli għandhom jużawha biex ikomplu jagħtu spinta lill-investiment ta’ kwalità għolja. F’każ li l-prospetti jmorru għall-agħar għandha tiġi segwita b’mod aggregat pożizzjoni fiskali ta’ sostenn, waqt li jiġu segwiti politiki li jirrispettaw bis-sħiħ il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż u filwaqt li tiġi evitata l-proċikliċità sa fejn possibbli, u għandhom ikunu lesti li jikkoordinaw il-politiki tagħhom fil-kuntest tal-Grupp tal-Euro. L-effettività tal-oqfsa fiskali nazzjonali kif ukoll il-kwalità tal-finanzi pubbliċi għandhom jitjiebu, u għandhom jiġu adottati miżuri baġitarji ta’ natura fiskali jew rilevanti b’mod ieħor li huma favorevoli għat-tkabbir u li jrawmu ekonomija sostenibbli. Minbarra dan għandhom jiġu appoġġjati u implimentati miżuri tal-UE li jiġġieldu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u jindirizzaw il-ġirja lejn l-iktar livell baxx fit-tassazzjoni korporattiva.

3.Isaħħu s-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u jinvestu fil-ħiliet. Il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jservu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u tranżizzjonijiet b’suċċess fis-suq tax-xogħol, anki l-bidla lejn impjiegi iktar diġitali u ekoloġiċi, għandhom jitfasslu b’mod iktar effettiv. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, anki tan-nisa, għandha tiġi promossa u għandha tittaffa t-tassazzjoni fuq ix-xogħol, speċjalment għal dawk bi dħul baxx u li għandhom it-tieni sors ta’ dħul. Il-ħolqien tax-xogħol ta’ kwalità u ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għandu jiġi appoġġjat u għandha tiġi indirizzata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. L-aċċess għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali adegwati u sostenibbli għandu jitjieb. Id-djalogu soċjali għandu jitfassal b’mod iktar effettiv u għandu jiġi promoss in-negozjar kollettiv.

4.Ilestu l-Unjoni Bankarja billi jibdew negozjati politiċi dwar l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti, jieħdu passi għat-titjib tal-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji, jagħmlu arranġamenti għal-likwidità f’każ ta’ riżoluzzjoni bankarja u jintroduċu l-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Il-qafas regolatorju u superviżorju Ewropew għandu jissaħħaħ, anki billi jiġu rrinforzati s-superviżjoni u l-infurzar tar-regoli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. It-tnaqqis ordnat fl-ingranaġġ ta’ stokks kbar ta’ dejn privat għandu jiġi promoss; għal dan il-għan għandhom jitneħħew ukoll inċentivi fiskali għat-tidjin. It-tnaqqis malajr tas-self improduttiv mill-banek fiż-żona tal-euro għandu jitkompla u l-akkumulazzjoni ta’ tali self għandha tiġi pprevenuta. Għandhom isiru sforzi ġodda għat-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

5.Jimbuttaw b’mod ambizzjuż l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, jimplimentaw malajr il-miżuri msemmija fid-Dikjarazzjoni tas-Summit taż-Żona tal-Euro ta’ Diċembru 2019 kif ukoll javvanzaw fl-aspetti l-oħra kollha bil-perspettiva li jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro u li jiġu promossi l-interessi ekonomiċi tal-Ewropa fuq livell globali. L-Unjoni Ekonomika u Monetarja kif ukoll ir-responsabbiltà demokratika marbuta magħha għandhom jiġu approfonditi u msaħħa b’rispett sħiħ tas-suq intern tal-Unjoni u b’mod miftuħ u trasparenti fil-konfront ta’ Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro.

Magħmul fi Strasburgu, 17.12.2019

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    Iċ-ċifri kollha mbassra f’dan id-dokument huma mill-previżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa tal-2019.
(4)    Il-Kummissjoni Ewropea (2019), Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2020, COM(2019) 651 final.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2019/630 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi, ĠU L 111, 25.4.2019, p. 4.
(6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-24 ta’ Lulju 2019 fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, COM(2019) 360 final.
Top