IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.10.2019
COM(2019) 499 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Dwar il-Progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika
{SWD(2019) 393 final}
1.
INTRODUZZJONI
Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV) ġie stabbilit għall-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea fl-2007 bħala miżura tranżitorja li tiffaċilita l-isforzi kontinwi tar-Rumanija biex tirriforma l-ġudikatura tagħha u biex tintensifika l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dan irrappreżenta impenn konġunt tal-Istat Rumen u tal-UE. F’konformità mad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-mekkaniżmu u kif enfasizzat mill-Kunsill, il-MKV jintemm meta l-punti ta’ riferiment kollha li japplikaw għar-Rumanija jintlaħqu b’mod sodisfaċenti.
Il-MKV ilu jaħdem mill-2007 biex iħeġġeġ u jsegwi l-proċess ta’ riforma dwar dawn il-kwistjonijiet. F’Jannar 2017, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komprensiva tal-progress matul l-għaxar snin tal-mekkaniżmu. Din il-perspettiva tat stampa aktar ċara tal-progress sinifikanti li sar mill-adeżjoni ’l hawn, u l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi tnax-il rakkomandazzjoni li t-twettiq tagħhom ikun biżżejjed biex jintemm il-proċess tal-MKV, u li jistgħu jintlaħqu matul il-mandat ta’ din il-Kummissjoni. Il-konklużjoni tal-MKV tkun tiddependi fuq it-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet b’mod irriversibbli, iżda wkoll fuq il-kundizzjoni li l-iżviluppi ma jkunux tali li jkun hemm rigress ċar.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni għamlet żewġ valutazzjonijiet tal-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. F’Novembru 2017, il-Kummissjoni nnutat progress f’għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, iżda wkoll li matul l-2017 il-momentum tar-riforma ntilef. Hija wissiet dwar ir-riskju li jerġgħu jinfetħu kwistjonijiet li r-rapport ta’ Jannar 2017 kien qies li kienu ssodisfati. Dan it-tħassib tennih il-Kunsill.
Fir-rapport ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iżviluppi kienu għamlu rigress jew tefgħu dubju fuq l-irriversibbiltà tal-progress. B’riżultat ta’ dan, it-tnax-il rakkomandazzjoni stabbiliti fir-rapport ta’ Jannar 2017 ma baqgħux suffiċjenti biex jagħlqu l-MKV u kellhom isiru tmien rakkomandazzjonijiet addizzjonali. Dan ir-rapport sejjaħ lill-istituzzjonijiet ewlenin tar-Rumanija biex juru impenn qawwi favur l-indipendenza ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala pedamenti indispensabbli, u li jsaħħu l-kapaċità tas-salvagwardji kif ukoll il-verifiki u l-bilanċi nazzjonali biex tittieħed azzjoni meta jkun hemm riskju ta’ rigress. Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill appoġġaw din l-opinjoni. Il-Parlament Ewropew ħareġ riżoluzzjoni li titlob kooperazzjoni u li ssemmi r-riskju għall-istat tad-dritt. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2018 talbu speċifikament lir-Rumanija biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet addizzjonali.
Dan ir-rapport iqis is-sitwazzjoni minn Novembru 2018 ’l hawn. F’dan il-perjodu, il-Kummissjoni ħasset il-bżonn li tqajjem tħassib dwar l-istat tad-dritt kemm-il darba, speċifikament tħassib dwar l-inverżjoni tal-progress li kien sar fi snin preċedenti. Għal ħafna minn dan il-perjodu, ftit li xejn kien hemm rieda min-naħa tal-awtoritajiet Rumeni li jikkollaboraw mar-rakkomandazzjonijiet addizzjonali ta’ Novembru 2018 – jew saħansitra r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu l-Kummissjoni ta’ Venezja u l-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni. L-isforzi ta’ dawk li qed ifittxu li jreġġgħu lura x-xejra negattiva – li kienu jinkludu mhux biss vuċijiet politiċi, iżda wkoll is-soċjetà ċivili u tal-maġistrati – ma rnexxilhomx jipprevalu. Dan wassal għal dubji fundamentali dwar jekk il-kontrolli u l-bilanċi rikonoxxuti fir-rapport ta’ Jannar 2017 kinux qed jiffunzjonaw. F’Mejju 2019, il-Kummissjoni indirizzat ittra lill-awtoritajiet Rumeni li tistabbilixxi kif l-iżviluppi reċenti komplew jaggravaw il-problemi eżistenti rigward ir-rispett għall-istat tad-dritt b’mod ġenerali. Hija semmiet li f’każ li s-sitwazzjoni ma titjiebx, il-Kummissjoni jkollha tieħu passi skont il-qafas tal-istat tad-dritt. F’Ġunju 2019, f’laqgħa mal-President Juncker u l-ewwel Viċi President Timmermans, il-Prim Ministru Rumen impenja ruħu li ma jkomplix bir-riformi ġudizzjarji kontroversjali u li minnufih jerġa’ jibda d-djalogu skont il-MKV sabiex isir progress fir-riformi ġudizzjarji u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din il-bidla fl-approċċ kienet ukoll f’konformità mar-riżultati ta’ referendum li sar f’Mejju 2019, imsejjaħ mill-President tar-Rumanija, fejn il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini Rumeni appoġġaw proposti biex jissaħħu s-salvagwardji kontra l-korruzzjoni u l-użu arbitrarju tal-ordinanzi ta’ emerġenza
.
Bħal fis-snin preċedenti, dan ir-rapport huwa r-riżultat ta’ proċess ta’ analiżi bir-reqqa mill-Kummissjoni, li jislet mill-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istituzzjonijiet Rumeni, kif ukoll il-kontribut tas-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati l-oħra, inklużi l-Istati Membri l-oħra.
2.
IS-SITWAZZJONI ĠENERALI
Ir-rapport ta’ Jannar 2017 innota li kien hemm fatturi ta’ natura soċjali, legali u politika li, għalkemm ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MKV u mhux koperti mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, “għandhom impatt dirett fuq l-abilità li ssir ir-riforma u b’mod partikolari, għamluha aktar diffiċli għar-Rumanija li turi li r-riforma qabdet fuq bażi permanenti”. Fost il-punti li ssemmew hemm prattika leġiżlattiva li għad trid tiżviluppa prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, atmosfera ta’ konfrontazzjoni bejn l-atturi statali, u l-ambjent medjatiku. Rapporti sussegwenti kkonfermaw dawn il-fatturi bħala li għandhom impatt negattiv ċar fuq il-progress tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Żviluppi mill-aħħar rapport urew għal darb’oħra li bidliet leġiżlattivi importanti, anki dawk barra mill-qasam tal-ġustizzja, li saru bil-għaġġla permezz ta’ proċeduri ta’ urġenza b’konsultazzjoni mill-inqas għamlu ħsara kemm lill-kwalità tal-leġiżlazzjoni kif ukoll lill-fiduċja pubblika fit-tfassil tal-politika. L-imħallfin u l-prosekuturi komplew jiffaċċjaw servizzi qarrieqa u attakki personali fil-media, b’mekkaniżmi ta’ rimedju li jfallu, li fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw ir-reputazzjoni u l-kredibbiltà tas-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi. Fergħat differenti tal-Istat reġgħu kienu f’kunflitt, u dejjem aktar dawn il-firdiet qed jispiċċaw quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, biex b’hekk ikomplu jiżdiedu t-tensjonijiet u joħroġ fid-deher li hemm nuqqas ta’ l-kooperazzjoni leali.
Id-dibattiti dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ġudizzjarji u s-Servizzi tal-Intelligence Rumeni (“protokolli sigrieti”) għadhom joħolqu firda. Deċiżjoni mill-Qorti Kostituzzjonali wittiet it-triq biex il-qrati jittrattaw il-kawżi li għadhom għaddejjin u dawk futuri, iżda għad hemm inċertezza dwar l-impatt reali. Il-Kummissjoni tista’ biss ittenni li l-għan jenħtieġ li jkun qafas fejn is-servizzi tal-intelligence jkunu taħt sorveljanza demokratika xierqa, fejn ir-reati jkunu jistgħu jiġu effettivament investigati u sanzjonati f’rispett assolut tad-drittijiet fundamentali, u fejn il-pubbliku jkun jista’ jserraħ moħħu li l-indipendenza ġudizzjarja hija fis-sikur. Il-Kummissjoni tfakkar fis-suġġeriment li kienet għamlet li l-għarfien espert minn Stati Membri oħra jista’ jkun siewi għall-bini ta’ sistema aktar b’saħħitha għall-miżuri ta’ sorveljanza teknika li tuża l-prosekuzzjoni u għall-kollaborazzjoni bejn is-servizzi tal-intelligence u l-prosekuzzjoni li hija essenzjali għall-investigazzjoni tal-kriminalità serja bħalma huma t-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità.
L-approċċ tal-UE għall-istat tad-dritt, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-MKV, jinfluwenza wkoll l-ambjent usa’ fil-livell tal-UE. Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti hija rekwiżit tal-Artikolu 19(1) TUE bħala espressjoni konkreta tal-valur tal-istat tad-dritt, kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2019
tistabbilixxi azzjonijiet konkreti biex isaħħu l-kapaċità tal-Unjoni li tippromwovi u tirrispetta l-istat tad-dritt, li tipprevjeni li jkun hemm tħassib dwar l-istat tad-dritt permezz tal-istabbiliment ta’ ċiklu ta’ rieżami tal-istat tad-dritt li jimmonitorja l-iżviluppi fl-Istati Membri, u li tipprovdi rispons effettiv. Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni li jmiss indikaw l-intenzjoni li jiddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu komprensiv għall-istat tad-dritt b’kamp ta’ applikazzjoni mifrux mal-UE kollha u b’rappurtar oġġettiv għall-Istati Membri kollha. L-approfondiment ta’ tali proċessi orizzontali li jimmonitorjaw l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha, u l-perspettiva tal-evoluzzjoni ulterjuri tagħhom, jenfasizzaw in-natura speċifika tal-MKV bħala proċess ta’ monitoraġġ limitat kemm f’termini tal-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll tal-kwistjonijiet koperti. Tali proċessi orizzontali li jimmonitorjaw l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha jservu biex jipprovdu bażi għal sostenn ulterjuri mill-UE għar-riforma fir-Rumanija, ladarba l-Kummissjoni tivvaluta li jkun sar biżżejjed progress biex jintlaħqu l-impenji li saru fil-mument tal-adeżjoni tagħha fl-UE. Sadanittant, kwistjonijiet rilevanti għall-istat tad-dritt, iżda mhux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MKV, jiġu indirizzati skont il-mekkaniżmu l-ġdid.
3.
VALUTAZZJONI TAL-PROGRESS FIT-TWETTIQ TAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET
Din it-taqsima tivvaluta l-progress li sar fit-12-il rakkomandazzjoni ta’ Jannar 2017 u fit-tmien rakkomandazzjonijiet addizzjonali ta’ Novembru 2018. It-twettiq ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet addizzjonali għadu essenzjali biex il-proċess ta’ riforma jerġa’ lura fit-triq it-tajba, biex jiġu rimedjati l-effetti negattivi tar-rigress identifikat f’Novembru 2017 u f’Novembru 2018 u biex jissokta l-progress lejn it-tlestija tal-MKV.
3.1.
Punt ta’ Riferiment Wieħed: L-indipendenza tal-Ġudikatura u r-riforma tas-Sistema Ġudizzjarja
3.1.1.
Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ Novembru 2018: il-proċess tar-riforma jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba
Liġijiet dwar il-ġustizzja u garanziji legali għall-indipendenza ġudizzjarja
Ir-rapport ta’ Novembru 2018 innota li l-liġijiet emendati dwar il-Ġustizzja li daħlu fis-seħħ f’Lulju u Ottubru 2018 jistgħu jirriżultaw fi pressjoni fuq l-imħallfin u l-prosekuturi, u fl-aħħar mill-aħħar jimminaw l-indipendenza, l-effiċjenza u l-kwalità tal-ġudikatura. Aktar milli indirizzaw kwistjonijiet li tqajmu f’rapporti preċedenti tal-MKV, il-liġijiet introduċew riskji ġodda, b’mod partikolari permezz tat-Taqsima Speċjali biex jiġu investigati maġistrati, kif ukoll ir-reġim ta’ dixxiplina u responsabbiltà. Bħala riżultat, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-liġijiet kienu jmorru pass lura mill-valutazzjoni ta’ Jannar 2017, u pproponiet li jittieħed intervall ta’ riflessjoni billi ffriżat id-dħul fis-seħħ tal-bidliet.
|
Ir-rapport ta’ Novembru 2018 irrakkomanda li:
•Tiġi sospiża immedjatament l-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar il-ġustizzja u l-Ordinanzi ta’ Emerġenza sussegwenti.
•Jiġu riveduti l-liġijiet dwar il-ġustizzja u jieħdu kont sħiħ tar-rakkomandazzjonijiet skont il-MKV u maħruġa mill-Kummissjoni ta’ Venezja u mill-GRECO.
|
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma ġewx segwiti mill-awtoritajiet Rumeni, li argumentaw ukoll li l-liġijiet dwar il-ġustizzja kellhom effetti legali li ma setgħux jitwaqqfu.
L-objettiv tar-rakkomandazzjoni kien li jindirizza s-sustanza tal-problemi li ħolqu l-liġijiet, u passi sussegwenti komplew aggravaw dawn il-problemi. Minbarra t-tliet ordinanzi ta’ emerġenza adottati f’Settembru u Ottubru 2018, fil-bidu tal-2019 il-Gvern adotta żewġ ordinanzi oħra ta’ emerġenza li jimmodifikaw il-liġijiet dwar il-ġustizzja.
Bħal f’każijiet preċedenti, l-għaġġla tal-adozzjoni, in-nuqqas ta’ konsultazzjoni u r-raġunament mhux ċar wara dawn l-ordinanzi ta’ emerġenza affettwaw iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tal-proċess ġudizzjarju. L-emendi biex jiġi aċċellerat l-istabbiliment tat-Taqsima Speċjali biex jiġu investigati reati mwettqa mill-maġistrati u tiġi estiża l-kompetenza tagħha, jew bidliet suċċessivi għar-rekwiżiti u r-regoli proċedurali biex jinħatru l-prosekuturi (inkluża l-ġestjoni) fid-Direttorat Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni (DNA) komplew iżidu t-tħassib u n-nuqqas ta’ fiduċja f’dawn l-emendi. B’mod partikolari, jidher li uħud mill-emendi biddlu l-liġi biex jakkomodaw l-interessi ta’ persuni speċifiċi.
Dawn l-ordinanzi skattaw reazzjonijiet negattivi ħafna, li kkontribwew għar-reazzjoni speċifika tal-pubbliku, fir-referendum tas-26 ta’ Mejju 2019, għall-emendi fil-liġijiet fil-qasam tal-ġustizzja permezz tal-ordinanzi ta’ emerġenza.
L-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar il-ġustizzja emendati fil-prattika kkonfermat ukoll it-tħassib li tqajjem fir-rapport ta’ Novembru f’termini tal-ħsara lis-sistema ġudizzjarja. B’mod partikolari, l-operazzjoni tat-Taqsima Speċjali għall-investigazzjoni ta’ reati mwettqa minn maġistrati kkonfermat il-biża’ mlissna kemm ġewwa kif ukoll barra r-Rumanija li t-taqsima tista’ tintuża bħala strument ta’ pressjoni politika. Hemm diversi eżempji fejn it-Taqsima Speċjali eżerċitat is-setgħat tagħha li tibdel il-kors tal-investigazzjonijiet kriminali b’mod li jqajjem dubji serji dwar l-oġġettività tagħha.
Dawn l-eżempji jinkludu każijiet fejn it-Taqsima Speċjali nediet investigazzjonijiet kontra l-imħallfin u l-prosekuturi li kienu opponew il-bidliet attwali fis-sistema ġudizzjarja, kif ukoll il-bidliet għal għarrieda fl-approċċ segwit f’kawżi pendenti, bħall-irtirar tal-appelli ppreżentati preċedentement mid-DNA f’każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Il-ħatriet ta’ ġestjoni għat-Taqsima Speċjali kienu wkoll il-kaġun ta’ kontroversja. Ir-riżultat kien li saru appelli minn ħafna partijiet ikkonċernati fir-Rumanija li t-Taqsima Speċjali jenħtieġ tiġi xolta.
F’Ġunju 2019 il-Kummissjoni ta’ Venezja adottat opinjoni dwar l-ordinanzi ta’ emerġenza, li tikkonferma t-tħassib addizzjonali ġġenerat mill-emendi l-ġodda
u mill-funzjonament tat-Taqsima Speċjali. F’żewġ rapporti ġodda ta’ Ġunju 2019, il-GRECO qajjem tħassib simili.
F’Lulju 2019, il-Ministru tal-Ġustizzja esprima r-rieda li jidentifika soluzzjonijiet leġislattivi xierqa, f’konsultazzjoni mal-ġudikatura u mal-Parlament, bħala parti minn proċess ġdid ta’ konsultazzjoni strutturata. Madankollu, dikjarazzjonijiet sussegwenti mill-awtoritajiet tal-Gvern taw wieħed x’jifhem li ma kienx se jkun hemm tibdil propost għat-Taqsima Speċjali. Għalhekk, il-kwistjonijiet li tqajmu mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Kummissjoni ta’ Venezja u mill-GRECO ma rriżultawx f’aktar emendi.
Il-ħatriet fil-ġudikatura u l-pressjoni fuq l-istituzzjonijiet ġudizzjarji
L-iżviluppi minn Novembru 2018 ’l hawn ikkonfermaw il-pertinenza tar-rakkomandazzjoni li ilha stabbilita tal-MKV biex il-proċess ta’ ħatra ta’ prosekuturi ewlenin isir aktar robust u indipendenti. Ir-rapport tal-MKV tal-2018 qajjem tħassib b’mod partikolari dwar il-proċeduri ta’ tkeċċija / ħatra tal-Kap Prosekutur tad-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (DNA) u l-Prosekutur Ġenerali.
|
Ir-rapport ta’ Novembru 2018 irrakkomanda li:
•Jiġu sospiżi immedjatament il-ħatriet kollha li għaddejjin u l-proċeduri ta’ tkeċċija għal prosekuturi anzjani.
•Jerġa’ jitnieda proċess biex jinħatar il-Kap prosekutur tad-DNA b’esperjenza ppruvata fil-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni u b’mandat ċar tad-DNA biex jissuktaw l-investigazzjonijiet professjonali, indipendenti u mhux partiġġjani ta’ korruzzjoni.
•Jiġu rispettati l-opinjonijiet negattivi mill-Kunsill Superjuri dwar ħatriet jew tkeċċijiet ta’ prosekuturi f’karigi maniġerjali, sakemm ikun implimentat qafas leġiżlattiv ġdid skont ir-rakkomandazzjoni 1 minn Jannar 2017.
|
Inizjalment ma kienx hemm segwitu għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Il-Ministru tal-Ġustizzja ta’ dak iż-żmien sostna l-għażla tiegħu tal-kandidat għall-kariga ta’ Kap Prosekutur tad-DNA. Il-President tar-Rumanija rrifjuta li jaħtar lil dan il-kandidat għat-tieni darba f’Jannar 2019. Minn dak iż-żmien il-proċedura ġiet de facto sospiża, filwaqt li d-DNA qed jiġi amministrat ad interim. Il-Ministru tal-Ġustizzja ta’ dak iż-żmien kien segwa wkoll il-proċedura ta’ tkeċċija kontra l-Prosekutur Ġenerali, minkejja opinjoni negattiva mill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura. Il-President tar-Rumanija ċaħad it-tkeċċija f’Jannar 2019. Madankollu, peress li l-kariga kienet waslet biex tiġġedded f’Mejju 2019, il-Ministru organizza proċess ta’ ħatra f’April. Kif kien il-każ għall-proċedura tal-prosekutur ewlieni tad-DNA f’Lulju 2018, il-Ministru rrifjuta l-kandidati kollha bħala mhux idoneji, minkejja l-fatt li ħafna, inkluż il-Prosekutur Ġenerali fil-kariga, kienu qed iservu bħala prosekuturi anzjani. Bħala riżultat, il-Prosekutur Ġenerali ddeċieda li jirtira u din il-funzjoni issa wkoll qed titħaddem ad interim. Il-Ministru ta’ dak iż-żmien kien nieda proċedura ta’ ħatra ġdida għall-Prosekutur Ġenerali iżda, din ġiet ikkanċellata mill-Ministru ġdid tal-Ġustizzja, li ħa l-kariga f’April 2019. L-approċċ tal-Ministru attwali evita deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni u fetaħ spazju għal titjib fil-proċedura. Jenħtieġ li dan jiġi segwit bħala kwistjoni ta’ prijorità mill-gvern Rumen, peress li l-esperjenza tas-snin reċenti tikkonferma r-riskju ta’ influwenza politika fil-proċess għad-detriment tal-kwalità tal-ħatriet, u l-ħtieġa għal soluzzjoni fit-tul u sostenibbli.
L-Ispezzjoni Ġudizzjarja għandha rwol ewlieni biex tiżgura l-fiduċja pubblika fl-indipendenza, il-professjonaliżmu u l-integrità tal-ġudikatura. Wara snin ta’ valutazzjoni pożittiva, ir-rapport ta’ Novembru 2018 kien indika tħassib sostanzjali dwar l-Ispezzjoni: tendenza ta’ proċedimenti dixxiplinari kontra l-maġistrati li jopponu pubblikament id-direzzjoni tar-riforma tal-ġudikatura, l-iżvelar ta’ dokumenti – li mbagħad il-politiċi użawhom biex jattakkaw l-istituzzjonijiet ġudizzjarji – u l-estensjoni tal-mandat tat-tim maniġerjali mill-Gvern.
|
Ir-rapport ta’ Novembru 2018 irrakkomanda
•Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura għandu jaħtar minnufih tim interim għall-ġestjoni tal-Ispezzjoni Ġudizzjarja u fi żmien tliet xhur, permezz ta’ kompetizzjoni għandu jaħtar tim ta’ amministrazzjoni ġdid fl-Ispezzjoni.
|
Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura ma ħatarx tim ta’ ġestjoni interim ġdid u għalhekk il-Kap Spettur baqa’ ad interim sa Mejju 2019, meta l-Kunsill Superjuri ħatar mill-ġdid l-istess Kap Spettur, minkejja l-kontroversji. Fl-istess ħin, mill-aħħar rapport, kompliet it-tendenza tal-proċedimenti dixxiplinari kontra maġistrati, inklużi l-kapijiet ta’ istituzzjonijiet ġudizzjarji li jopponu r-riformi tal-ġudikatura, kif ukoll l-iżvelar ta’ dokumenti. L-avvenimenti għalhekk iddominaw fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ Novembru 2018, iżda t-tħassib sottostanti għadu kompletament rilevanti.
Rapporti suċċessivi tal-MKV indikaw il-pressjoni li ħolqu l-attakki pubbliċi fuq il-maġistrati u l-istituzzjonijiet ġudizzjarji mill-isfera politika u mill-media. Sa mill-bidu tal-2018, dan ġie aggravat mill-azzjonijiet tal-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjonijiet dixxiplinari u kriminali tal-maġistrati. Id-Direttorat Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni ilu żmien twil jiffoka b’mod partikolari fuq tali pressjoni, kif ukoll l-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali. Il-perjodu ta’ referenza ra wkoll żieda qawwija ta’ pressjoni fuq il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja, li hija kompetenti għal ħafna proċessi ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Il-Gvern fetaħ żewġ kawżi kostituzzjonali kontra l-Qorti Għolja rigward l-interpretazzjoni tagħha tar-regoli proċedurali ta’ kif jiġu kkostitwiti l-imħallfin kriminali. ., Barra minn hekk, l-Ispezzjoni Ġuridika ppreżentat ilment dwar dixxiplina kontra l-President tagħha, u t-taqsima tal-imħallfin fil-Kunsill Superjuri talbu li din tiġi revokata. Dawn il-passi flimkien jidhru li għandhom l-objettiv li jagħmlu pressjoni fuq il-Qorti Għolja u meta l-President ħabbret l-intenzjoni tagħha li ma tapplikax għat-tieni mandat, għamlitha ċara li din kienet ir-raġuni.
Reċentement il-Kunsill Superjuri ħatar President ġdid tal-Qorti Għolja. Se jkun partikolarment importanti li l-Qorti Għolja żżomm l-indipendenza u livell għoli ta’ professjonalità, inkluż fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli taħt it-tmexxija l-ġdida.
Dawn l-iżviluppi jikkonfermaw il-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fir-rapport ta’ Novembru 2018 li l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura mhux qed jaqdi r-rwol tiegħu li jipprovdi kontrolli u bilanċi effikaċi biex jiddefendi l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji taħt pressjoni. (ara r-Rakkomandazzjoni 7).
Kodiċijiet kriminali
F’Lulju 2018, il-Parlament Rumen waqt proċedura ta’ urġenza adotta bidliet fil-kodiċi kriminali u fil-kodiċi ta’ proċedura kriminali. Dawn il-bidliet ġew ikkritikati ħafna, inkluż mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kummissjoni ta’ Venezja. Sors partikolari ta’ tħassib kien il-bidla għal għarrieda fil-bilanċ bejn id-drittijiet tal-akkużati, id-drittijiet tal-vittmi u d-dmir tal-Istat li jsegwi r-reati b’mod effikaċi. Il-bidliet kienu b’mod ċar f’kunflitt mar-rakkomandazzjoni tal-MKV biex titjieb l-istabbiltà tal-kodiċijiet u biex dawn jiġu emendati biss fejn dan ikun speċifikament meħtieġ mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali u t-traspożizzjoni tad-Direttivi tal-UE. Ħafna bidliet kienu jidhru inkompatibbli mal-liġi tal-UE jew mal-obbligi internazzjonali tar-Rumanija. F’Ottubru 2018, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li ħafna mill-bidliet kienu antikostituzzjonali.
|
Ir-rapport ta’ Novembru 2018 irrakkomanda li:
•Jitwaqqaf id-dħul fis-seħħ tal-emendi għall-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.
•Terġa’ tinfetaħ ir-reviżjoni tal-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali billi jittieħed kont tal-bżonn għall-kompatibilità mad-dritt tal-UE u l-istrumenti internazzjonali kontra l-korruzzjoni, kif ukoll tar-rakkomandazzjonijiet tal-MKV u l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja.
|
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma ġewx segwiti. Kien hemm intervall, iżda l-ebda rikonoxximent tat-tħassib, u dan iż-żmien ma ntużax għall-approfondiment tar-riflessjoni u l-konsultazzjoni. F’April, il-Parlament adotta emendi modifikati taż-żewġ kodiċijiet, kif ukoll il-liġi speċjali dwar il-korruzzjoni, bl-użu ta’ proċedura leġiżlattiva urġenti. Ħafna emendi komplew iqajmu tħassib dwar ir-raġunijiet tal-impatt tagħhom fuq il-kapaċità tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura biex jinvestigaw u jissanzjonaw reati b’mod ġenerali, u reati relatati mal-korruzzjoni b’mod partikolari. Il-ġustifikazzjoni li pprovdiet il-maġġoranza li tappoġġa l-bidliet fil-Parlament kienet li jinżammu biss dawk l-emendi li ma kinux ikkunsidrati antikostituzzjonali mid-deċiżjonijiet ta’ Ottubru 2018 tal-Qorti Kostituzzjonali. Il-partiti tal-oppożizzjoni u l-President tar-Rumanija kkontestaw dawn l-emendi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, u f’Lulju 2019 il-Qorti ddeċidiet li l-emendi kumplessivament huma antikostituzzjonali u mhux konformi mad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha.
Filwaqt li l-intervent tal-Qorti Kostituzzjonali effettivament ġab fit-tmiem dan il-proċess leġiżlattiv u kien ifisser li l-emendi mhux se jidħlu fis-seħħ għal raġunijiet ta’ kostituzzjonalità, it-tħassib tal-Kummissjoni Ewropea u ta' ħafna osservaturi oħra kien ibbażat fuq l-għażliet ta’ politika li saru fl-emendi. Għalhekk jibqa’ preokkupanti li l-għażla ta’ politika meħuda ma ġietx espliċitament rinunzjata.
3.1.2.
Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ Jannar 2017: L-indipendenza tal-Ġudikatura u r-riforma tas-Sistema Ġudizzjarja
3.1.2.1
L-indipendenza tal-ġudikatura
Rakkomandazzjoni 1: Tiġi stabbilita sistema robusta u indipendenti ta’ kif jinħatru l-ogħla prosekuturi, li tkun ibbażata fuq l-appoġġ tal-Kummissjoni ta’ Venezja.
Rakkomandazzjoni 2: Jiġi żgurat li l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri parlamentari li bħalissa qed ikun żviluppat fil-Parlament jinkludi dispożizzjonijiet ċari dwar ir-rispett reċiproku u jagħmilha ċara li l-membri parlamentari u l-proċess parlamentari jenħtieġ li jirrispettaw l-indipendenza tal-ġudikatura. Kodiċi ta’ Kondotta simili jista’ jiġi adottat għall-Ministri.
Ħatriet
F’Jannar 2017, il-Kummissjoni tenniet ir-rakkomandazzjoni tagħha li titqiegħed fis-seħħ sistema trasparenti ta’ ħatriet għall-prosekuturi ewlenin ibbażata fuq il-mertu, li tkun tipprovdi biżżejjed salvagwardji kontra l-politiċizzazzjoni. Ir-rapport ta’ Novembru 2018 ikkonkluda li s-sitwazzjoni marret għall-agħar, u din it-tendenza kompliet (ara hawn fuq).
It-trasparenza tal-proċedura żdiedet, b’mod partikolari meta l-Ministeru tal-Ġustizzja ppubblika l-kriterji għall-għażla u l-evalwazzjoni. Il-Ministru tal-Ġustizzja attwali rrikonoxxa l-ħtieġa ta’ aktar titjib. Madankollu, il-fatt li kien hemm erba’ bidliet f’inqas minn sitt xhur juri li titjib utli fuq terminu qasir mhuwiex ekwivalenti għal soluzzjoni fit-tul. Kif kien stabbilit qabel fir-rapporti tal-MKV, il-problemi tant ilhom hemm li jenħtieġ li jinstabu bidliet li huma mibnija fuq kunsens u inkorporati fil-liġi. L-involviment tal-Kummissjoni ta’ Venezja għadu l-aħjar mod kif jista’ jinstab bilanċ bejn l-involviment tal-gvern u dak tal-awtoritajiet ġudizzjarji li jista’ jirbaħ il-fiduċja tal-pubbliku.
Kodiċijiet ta’ kondotta
Mill-aħħar rapport tal-MKV ’l hawn, kompliet il-kritika tas-sistema ġudizzjarja u tal-maġistrati fil-mezzi tax-xandir, kemm mill-Gvern kif ukoll mir-Rappreżentanti Parlament.
Kodiċi ta’ Kondotta għall-parlamentari ilu fis-seħħ sa minn tmiem l-2017. Ir-rapport ta’ Novembru 2018 sab li minħabba nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espliċiti dwar ir-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, il-Kodiċi għadu mhux qed iwettaq din il-funzjoni. Mir-rapport ta’ Novembru 2018 ’l hawn, f’ċerti każijiet ġew imposti sanzjonijiet mill-Kamra tad-Deputati għal ksur tal-Kodiċi, iżda jidher li dawn il-każijiet mhumiex relatati ma’ każijiet ta’ kritika tal-ġudikatura bir-riskju li jimminaw l-indipendenza tagħha.
Il-Kummissjoni kienet ukoll issuġġeriet li jkun ta’ benefiċċju jekk ikun hemm kodiċi ministerjali u f’April 2019, il-Gvern emenda l-kodiċi ta’ kondotta ministerjali biex jinkludi referenza espliċita għall-ħtieġa li l-indipendenza ġudizzjarja tiġi rispettata. Għadu mhux ċar jekk dan il-kodiċi jistax jaġixxi bħala għodda effikaċi ta’ obligu ta’ rendikont.
3.1.2.2
Riforma ġudizzjarja
Rakkomandazzjoni 3: Jenħtieġ li l-fażi attwali fir-riforma tal-Kodiċi Kriminali tar-Rumanija tiġi konkluża, bil-Parlament li jmexxi ’l quddiem il-pjanijiet tiegħu biex jadotta l-emendi ppreżentati mill-Gvern fl-2016 wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji. Jenħtieġ li l-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u l-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja jiffinalizzaw pjan ta’ azzjoni biex jiżguraw li l-iskadenza l-ġdida għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jkun fadal tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili jkunu jistgħu jiġu rrispettati.
Rakkomandazzjoni 4: Biex itejbu aktar it-trasparenza u l-prevedibilità tal-proċess leġiżlattiv, u jsaħħu s-salvagwardji intern fl-interess tal-irreversibilità, jenħtieġ li l-Gvern u l-Parlament jiżguraw trasparenza sħiħa u jikkunsidraw kif xieraq il-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet rilevanti u mal-partijiet ikkonċernat fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fl-attività leġiżlattiva dwar il-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, dwar il-liġijiet dwar il-korruzzjoni, dwar il-liġijiet dwar l-integrità (inkompatibiltajiet, kunflitti ta’ interess, ġid mhux ġustifikat), dwar il-liġijiet ta’ ġustizzja (marbuta mal-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja) u dwar il-Kodiċi Ċivili u l-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili, waqt li jispiraw ruħhom mit-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet stabbiliti mill-Gvern fl-2016.
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
Ir-rakkomandazzjoni 3 tkopri l-finalizzazzjoni tar-riforma tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili, li stabbiliet stadju tal-kamra tal-kunsill fil-proċedura ċivili. Fl-2018, din ir-riforma ġiet abbandunata. Dan ifisser li pass imfassal biex iżid l-effiċjenza tal-ġustizzja ċivili mhux se jibqa’ jseħħ, iżda dan għandu jipprovdi opportunità għal perjodu ta’ stabbiltà f’din il-fergħa tas-sistema ġudizzjarja.
It-trasparenza u l-prevedibilità tal-proċess leġiżlattiv għal-leġiżlazzjoni dwar ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni
Ir-rapport ta’ Jannar 2017 għamilha ċara li l-proċess użat biex tgħaddi l-liġi kien fih innifsu importanti. Dan kompla jqajjem tħassib. Il-proċess biex jiġu emendati l-liġijiet dwar il-ġustizzja permezz ta’ serje ta’ ordinanzi ta’ emerġenza kien ikkritikat b’mod qawwi mill-Kummissjoni ta’ Venezja,
minħabba l-impatt tal-proċess fuq il-kwalità tal-leġislazzjoni, iċ-ċertezza legali, il-verifiki esterni fuq il-Gvern, u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat.
Bl-istess mod, kif ġie nnutat hawn fuq, il-proċess leġiżlattiv ta’ April 2019 fil-Parlament li jemenda l-kodiċi kriminali u l-kodiċi tal-proċedura kriminali u l-liġi speċjali dwar il-korruzzjoni ħa biss madwar ġimgħa.
Dan kien punt ewlieni ċċitat fl-ittra ta’ Mejju 2019 tal-Kummissjoni li tesprimi tħassib dwar riskji għall-istat tad-dritt. Dan it-tħassib kien rifless ukoll fir-referendum ta’ Mejju, fejn kien hemm appoġġ pubbliku b’saħħtu għal proċess aktar ordnat. Il-Prim Ministru ddikjara li l-Gvern se jsegwi r-riżultati u ma kienx se jadotta ordinanzi ta’ emerġenza fil-qasam tal-ġustizzja. F’Settembru 2019, il-Parlament xolja wkoll il-Kumitat Parlamentari Speċjali dwar is-sistematizzazzjoni, l-unifikazzjoni u l-iżgurar ta’ stabbiltà leġiżlattiva fil-ġudikatura, li kien responsabbli għal uħud mill-aktar proċeduri għal għarrieda użati.
Mir-rapport ta’ Novembru 2018 ’l hawn, żviluppi leġiżlattivi fir-rigward tal-qafas legali għall-integrità ħolqu tħassib simili. Bidliet suċċessivi fil-liġijiet tal-integrità żiedu b’mod sinifikanti n-nuqqas ta’ ċarezza u ċertezza legali (ara l-Punt ta’ Riferiment tnejn).
Rakkomandazzjoni 5: Jenħtieġ li l-Gvern jimplimenta Pjan ta’ Azzjoni xieraq biex jindirizza l-kwistjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti u tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-qrati mill-amministrazzjoni pubblika, inkluż mekkaniżmu li jipprovdi statistika preċiża biex jippermetti monitoraġġ futur. Jenħtieġ li jiżviluppa wkoll sistema interna ta’ monitoraġġ li tinvolvi l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u l-Qorti tal-Awdituri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Pjan ta’ Azzjoni.
Rakkomandazzjoni 6: Jenħtieġ li l-Ġestjoni Ġudizzjarja Strateġika, jiġifieri l-Ministru tal-Ġustizzja, il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja u l-Prosekutur Ġenerali jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kif adottat u jdaħħlu fis-seħħ rapportar pubbliku komuni u regolari dwar l-implimentazzjoni tagħha, inklużi soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet ta’ skarsezza ta’ skrivani tal-qorti, volum ta’ xogħol eċċessiv u dewmien fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet.
Rispett għad-deċiżjonijiet tal-qrati.
Fit-3 ta’ April 2019, il-Gvern Rumen approva Memorandum dwar “miżuri li jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi kontra debitur pubbliku, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni b’dewmien tas-sentenzi maqtugħa kontra debitur pubbliku”. Dan iseħħ bħala segwitu għall-ġabra ta’ kawżi ta' “Scăleanu vs ir-Rumanija” mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-proposti li jinsabu fil-Memorandum, inklużi l-miżuri regolatorji meħtieġa, issa huma soġġetti għal analiżi mill-awtoritajiet Rumeni biex iħejju għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura jinsabu fl-aħħar stadji tal-iżvilupp tal-applikazzjoni tal-IT “ECRIS”, li se tintuża biex jiġi identifikat l-għadd ta’ sentenzi definittivi li fihom l-istituzzjonijiet pubbliċi huma debituri jew kredituri.
Riformi strutturali tas-sistema ġudizzjarja
Il-Ġestjoni Ġudizzjarja Strateġika ma kinitx qed topera kif maħsub matul il-biċċa l-kbira tal-perjodu ta’ referenza. Il-laqgħat issoktaw f’Settembru 2019, anki bl-appoġġ ta’ mekkaniżmi ġodda ta’ koordinazzjoni u sforzi biex jinbena djalogu mal-maġistratura, l-assoċjazzjonijiet professjonali u s-soċjetà ċivili. Minħabba l-isfidi attwali, huwa essenzjali li l-Ġestjoni Ġudizzjarja Strateġika tiżviluppa f’forum li jkun kapaċi jindirizza kwistjonijiet strateġiċi ewlenin għas-sistema ġudizzjarja. B’dan il-mod, tkun tista’ taġixxi biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja bejn l-istituzzjonijiet ġudizzjarji u governattivi ewlenin. Il-fatt li bidliet fundamentali fil-funzjonament u fl-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja ġew applikati permezz ta’ ordinanzi ta’ emerġenza aktar milli permezz ta’ deċiżjonijiet kunsenswali mill-Ġestjoni Ġudizzjarja Strateġika, jista’ biss inaqqas l-effikaċja u s-sostenibbiltà ta’ dawn il-bidliet.
Rakkomandazzjoni 7: Jenħtieġ li l-Kunsill Superjuri l-ġdid tal-Maġistratura jħejji programm kollettiv għall-mandat tiegħu, inklużi miżuri li jippromwovu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont. Jenħtieġ li dan jinkludi strateġija dwar il-komunikazzjoni, b’laqgħat miftuħa regolari ma’ assemblej tal-imħallfin u tal-prosekuturi f’kull livell, kif ukoll mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet professjonali, u t-twaqqif ta’ rapport annwali li għandu jiġi diskuss b’mod ġenerali fl-assemblej ġenerali tal-qrati u tal-prosekuturi.
It-trasparenza u l-kontabilità tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura
Filwaqt li l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura jirrapporta li qed ikompli jimplimenta l-prijoritajiet għall-mandat tiegħu, il-perjodu mir-rapport ta’ Novembru 2018 ’l hawn kien karatterizzat minn firda u kontroversja fil-Kunsill Superjuri. Barra minn hekk, spiss ingħata l-ġenb meta l-Gvern jew il-Parlament ħadu deċiżjonijiet essenzjali dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-ġudikatura. Il-pożizzjonijiet fil-Kunsill Superjuri rigward kwistjonijiet fundamentali għall-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja Rumena, bħat-Taqsima Speċjali biex jiġu investigati l-maġistrati jew in-nominazzjonijiet ewlenin u dwar id-difiża tal-indipendenza tal-ġustizzja, iqajmu tħassib dwar l-indipendenza istituzzjonali u l-awtorità tiegħu. Dan kompla ġie aggravat b’emendi għal-liġijiet tal-ġustizzja li għamluha possibbli li deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ewlenin jiġu determinati biss minn ftit membri tal-Kunsill Superjuri (ara hawn fuq). Dan huwa evidenzjat ukoll minn dikjarazzjonijiet li ħarġu f’isem il-Kunsill Superjuri iżda maqbula biss minn uħud tal-membri tiegħu. It-tendenza tidher ukoll min-nuqqas ta’ appoġġ tal-assoċjazzjonijiet professjonali jew ta’ kooperazzjoni mal-maġistrati fil-qrati u fl-uffiċċji tal-prosekuzzjoni. Il-Kunsill Superjuri kien mifrud dwar kif għandu jirreaġixxi għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, u l-Kummissjoni ta’ Venezja u l-GRECO, u b’mod aktar ġenerali dwar meta għandha tittieħed azzjoni fid-difiża tal-indipendenza tal-ġustizzja, peress li l-President attwali tal-Kunsill Superjuri u parti mill-membri tal-Kunsill għadhom jiddefendu t-test tal-liġijiet tal-ġustizzja kif inhuma. Il-Kunsill Superjuri rreaġixxa għal xi lmenti li nġibu għall-attenzjoni tiegħu rigward id-difiża tal-indipendenza, ir-reputazzjoni u l-imparzjalità tal-maġistrati, iżda jidher li fi proporzjon pjuttost moderat meta mqabbel mal-gravità tal-problema. Fejn il-Kunsill Superjuri ċċita difiża tal-indipendenza tal-ġudikatura, dan xi drabi qajjem kwistjonijiet ta’ parzjalità politika potenzjali.
Il-progress kompla fuq il-Punt ta’ Riferiment wieħed fir-rigward tar-rakkomandazzjoni 5 (eżekuzzjoni ta’ sentenzi) u r-rakkomandazzjoni 3 (fir-rigward tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili biss). Ir-rakkomandazzjonijiet 1, 3 u 4 ma ġewx segwiti. Ir-rakkomandazzjonijiet 2, 6 u 7 għadhom ma raw l-ebda progress lejn riżultati sinifikanti. Rigward ir-rakkomandazzjonijiet addizzjonali ta’ Novembru 2018, is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar, u approċċ pożittiv aktar reċenti għadu ma tax riżultati f’termini ta’ miżuri konkreti biex titranġa s-sitwazzjoni. Ġie kkonfermat it-tħassib dwar ir-riskji għall-effikaċja u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li l-Punt ta’ Riferiment wieħed ma jistax jitqies li ġie ssodisfat u li jenħtieġ li l-awtoritajiet Rumeni jieħdu passi biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha ta’ Jannar 2017 u Novembru 2018.
3.2.
Punt ta’ Riferiment Tnejn: Il-Qafas għall-Integrità u l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità
Prevedibbiltà u ċertezza legali dwar il-qafas legali għall-integrità
Rapporti preċedenti tal-MKV enfasizzaw l-isfidi kontinwi għall-qafas legali għall-integrità u l-ħtieġa ta’ stabbiltà u ċarezza. Fl-aħħar sentejn u nofs, ġew adottati ħames proposti leġiżlattivi li jimmodifikaw il-liġijiet dwar l-integrità. Minbarra li dgħajfet ċerti dispożizzjonijiet u l-abbiltà tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità (ANI) li tkompli twettaq il-ħidma tagħha, din is-suċċessjoni ta’ emendi kompliet tikkontribwixxi biex l-ambjent legali jibqa’ frammentat.
Żewġ proposti li daħlu fis-seħħ fl-2019 iqajmu tħassib partikolari. L-ewwel waħda tistabbilixxi skadenza ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għal atti li jiddeterminaw l-eżistenza tal-istat ta’ kunflitt ta’ interess jew inkompatibilità. Dan l-ewwel nett għandu impatt konkret fuq il-kawżi li jinsabu għaddejjin, meta hu mistenni li l-ANI jkollha tagħlaq 200 investigazzjoni sa tmiem din is-sena. It-tieni nett, din toħloq inkonsistenza ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-qafas tal-integrità, bir-riżultat li issa mhuwiex ċar jekk għadhiex tista’ tiġi imposta sanzjoni wara deċiżjoni finali tal-qorti jekk dan (minflok ir-rapport tal-ANI nnifsu) jiġi wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tliet snin. It-tieni proposta se temenda s-sistema ta’ sanzjonar rigward il-kunflitt ta’ interess għall-uffiċjali lokali eletti, filwaqt li tintroduċi sistema amministrattiva ġdida ta’ sanzjonar. Din hija inqas eżiġenti minn dik attwali u l-ANI tqis li ma tipprevedix sanzjonijiet dissważivi. Sanzjonijiet biżżejjed dissważivi għall-inkompatibilità u l-kunflitt ta’ interess huma element importanti fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Dawn iż-żewġ proposti jżidu l-inċertezza legali fir-rigward tas-sistema ta’ integrità applikabbli u joħolqu riskju ta’ rigress fuq il-Punt ta’ Riferiment tnejn jekk is-“sanzjonijiet dissważivi” ma jkunux jistgħu jiġu imposti aktar (minkejja deċiżjoni finali tal-qorti).
Rakkomandazzjoni 8: Jiġi żgurat it-tħaddim tas-sistema PREVENT. Jenħtieġ li l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità u l-Kunsill Nazzjonali tal-Aġenzija għall-Akkwist Pubbliku jistabbilixxu rapportar dwar il-verifiki ex ante tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku u s-segwitu tagħhom, inklużi verifiki ex post, kif ukoll dwar każijiet ta’ kunflitti ta’ interess jew ta’ korruzzjoni li jkunu nstabu, u l-organizzazzjoni ta’ dibattiti pubbliċi biex il-gvern, l-awtoritajiet lokali, il-ġudikatura u s-soċjetà ċivili jkunu mistiedna jwieġbu.
Rakkomandazzjoni 9: Jenħtieġ li l-Parlament ikun trasparenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu fir-rigward tas-segwitu għal deċiżjonijiet finali u irrevokabbli dwar inkompatibilitajiet, kunflitti ta’ interess u ġid mhux ġustifikat kontra l-membri tiegħu.
Is-sistema PREVENT
Ir-rapport ta’ Novembru 2018 kien qies din ir-rakkomandazzjoni bħala ssodisfata. Is-sistema PREVENT għadha kompletament operattiva u l-ANI tirrapporta riżultati pożittivi.B’mod aktar ġenerali, ir-rekord tal-ANI baqa’ stabbli fuq investigazzjonijiet ta’ inkompatibilitajiet u kunflitti ta’ interess amministrattivi.
Segwitu ta’ deċiżjonijiet tal-qrati li jikkonċerna l-Membri tal-Parlament
Ir-rapport ta’ Novembru 2018 indika dewmien u inkonsistenzi evidenti fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal Membri tal-Parlament li deċiżjoni finali tal-qorti mogħtija fuq il-bażi ta’ rapport mill-ANI sabet li kellhom funzjonijiet inkompatibbli jew li kienu fi stat ta’ kunflitt ta’ interess. Dan enfasizza interpretazzjoni diverġenti possibbli tar-regoli (b’mod partikolari meta l-inċident ta’ integrità inkwistjoni kien f’mandat jew f’pożizzjoni preċedenti). Ir-rapport issuġġerixxa l-ħtieġa li jkun hemm ċarezza dwar ir-regoli fuq l-inkompatibilitajiet u l-kunflitti ta’ interessi b’mod li jissodisfa l-punt ta’ riferiment tal-MKV dwar żgurar ta’ “deċiżjonijiet mandatorji li fuq il-bażi tagħhom jingħataw sanzjonijiet dissważivi”. Mir-rapport ta’ Novembru 2018 ’l hawn, ma kienx hemm żviluppi ġodda f’dan ir-rigward. F’Lulju 2019, il-Ministru tal-Ġustizzja ssuġġerixxa li tiġi organizzata laqgħa mal-awtoritajiet kollha kkonċernati biex tindirizza din il-kwistjoni. Dan jista’ jkun l-ewwel pass kostruttiv. L-għan jenħtieġ li jkun soluzzjoni dejjiema li tipprovdi ċ-ċarezza meħtieġa.
Ir-rakkomandazzjoni 8 għadha ssodisfata. Il-progress dwar ir-rakkomandazzjoni 9, jenħtieġ li jissolva n-nuqqas attwali ta’ ċarezza dwar ir-regoli. L-iżviluppi leġiżlattivi dwar il-liġijiet tal-integrità se jkollhom jiġu ċċarati sabiex jiġi evitat ir-riskju li sanzjonijiet dissważivi ma jkunux jistgħu jiġu applikati aktar wara deċiżjoni finali tal-qorti, li tkun tikkostitwixxi rigress fil-Punt ta’ Riferiment tnejn. Għalhekk, il-Punt ta’ Riferiment tnejn għadu ma ġiex issodisfat.
3.3
Punt ta’ Riferiment Tlieta: L-indirizzar tal-Korruzzjoni fil-Livelli Għolja
Is-Sostenibilità tad-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u l-irriversabilità tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni
Mir-rapport ta’ Novembru 2018 ’l hawn u minkejja ċirkostanzi diffiċli ħafna, l-istituzzjonijiet ġudizzjarji involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli komplew jinvestigaw l-allegazzjonijiet u jissanzjonaw reati ta’ livell għoli ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli.
Ir-rapport ta’ Novembru 2018 innota tendenza ta’ pressjoni fuq l-istituzzjonijiet ewlenin ta’ kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari d-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (DNA) u l-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja, u t-tħassib dejjem jikber dwar il-kapaċità kontinwa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom, b’impatt fuq l-irriversibbiltà tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Għalkemm ir-rekord għadu b’saħħtu, hemm sinjali li l-pressjoni kontinwa fuq dawn l-istituzzjonijiet kellha impatt detrimentali.
Il-liġijiet emendati tal-ġustizzja inkludew bidliet għal għarrieda fir-rekwiżiti ta’ anzjanità, b’impatt fuq il-kapaċità tad-DNA li jiffunzjona. It-trattament effikaċi ta’ kawżi ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli ġie wkoll affettwat ħażin billi r-responsabbiltà għal ħafna kawżi ġiet trasferita lit-Taqsima Speċjali, li mhux biss hija kompetenti biex tinvestiga reati mwettqa minn maġistrati, iżda wkoll reati relatati minn persuni oħra. Ir-riskju identifikat f’Novembru 2018 li t-Taqsima Speċjali tista’ tintuża bħala mezz biex jinbidel il-kors ta’ kawżi ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli u biex ikun hemm pressjoni fuq il-maġistrati issa seħħ (ara l-Punt ta’ Riferiment wieħed). Bl-interruzzjoni tal-proċedura tal-ħatra, id-DNA għadu mingħajr Kap Prosekutur. Filwaqt li t-tmexxija ad interim attwali tiegħu rnexxielha żżomm ix-xogħol għaddej, in-natura temporanja tal-ħatriet ad interim iżżid element ta’ inċertezza u vulnerabbiltà.
Iż-żieda qawwija ta’ pressjoni fuq il-Qorti Għolja (ara l-Punt ta’ Riferiment wieħed) kellha wkoll impatt fuq l-effikaċja tal-ġustizzja f’kawżi ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. B’mod partikolari, il-Qorti Għolja kellha tmur quddiem il-Qorti Kostituzzjonali f’żewġ proċeduri ta’ kunflitti kostituzzjonali mibdija mill-Gvern fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha tar-regoli proċedurali dwar il-kostituzzjoni ta’ bordijiet tal-appell ta’ ħames imħallfin u b’rabta mal-kompożizzjoni ta’ bordijiet ta’ tliet imħallfin pereżempju għall-proċessi ta’ korruzzjoni fl-ewwel istanza. Għalkemm is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali ma japplikawx għal kawżi magħluqa, is-segwitu tad-deċiżjoni fuq il-bordijiet ta’ ħames imħallfin ħoloq inċertezza kbira. Kmieni fl-2019, ġiet ikkunsidrata l-adozzjoni ta’ ordinanza ta’ emerġenza, li, kieku ġiet adottata, setgħet għamlitha possibbli li jinfetħu mill-ġdid il-kawżi kollha ta’ korruzzjoni f’livell għoli magħluqa b’sentenza tal-Qorti Għolja li ngħataw mill-2014 ’l hawn minn bord ta’ ħames imħallfin. Filwaqt li l-kritika domestika u internazzjonali tal-proposta għenu biex tali ordinanza ta’ emerġenza ma tiġix adottata, ikun importanti jekk l-awtoritajiet Rumeni jirrinunzjaw li jsegwu l-objettivi ta’ tali miżura u jagħmluha ċara li ma hemmx bżonn ta’ leġiżlazzjoni li taffettwa kawżi passati, wara s-sentenzi mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali, filwaqt li jtennu l-impenn tagħhom li jiġġieldu b’mod effikaċi l-korruzzjoni.
Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali għandhom impatt dirett fuq il-kawżi ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli li jinsabu għaddejjin, peress li jinvolvu dewmien u bidu mill-ġdid ta’ proċessi, u ppermettew il-ftuħ mill-ġdid ta’ diversi kawżi finali, taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-konsegwenzi kollha għad iridu jiżvolġu. Dan l-effett sekondarju ċar fuq il-proċess tal-ġustizzja qajjem ukoll dubji usa’ dwar is-sostenibbiltà tal-progress li sar s’issa mir-Rumanija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni – aktar u aktar meta kkoinċida mal-emendi fil-kodiċi kriminali u l-kodiċi tal-proċedura kriminali, li ma qisux ir-rakkomandazzjoni ta’ Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta’ kompatibbiltà mal-liġi tal-UE u mal-istrumenti internazzjonali kontra l-korruzzjoni (ara wkoll il-Punt ta’ Riferiment wieħed).
|
Rakkomandazzjoni 10: Tadotta kriterji oġġettivi biex tiddeċiedi dwar u timmotiva t-tneħħija tal-immunità tal-Membri tal-Parlament u biex tgħin ħalli jkun żgurat li l-immunità ma tintużax biex tiġi evitata l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni. Il-Gvern jista’ wkoll jikkunsidra li jimmodifika l-liġi biex tiġi limitata l-immunità tal-ministri għaż-żmien fil-kariga. Dawn il-passi jistgħu jiġu megħjuna mill-Kummissjoni ta’ Venezja u mill-GRECO. Jenħtieġ li l-Parlament jistabbilixxi sistema biex jirrapporta b’mod regolari dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kmamar dwar talbiet għat-tneħħija tal-immunitajiet u jista’ jorganizza dibattitu pubbliku biex il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jirreaġġixxu.
|
Ir-rakkomandazzjoni 10 tikkonċerna l-kontabilità tal-Parlament fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar talbiet mill-prosekuzzjoni biex tawtorizza miżuri preventivi bħal tiftixiet jew arresti u dwar talbiet biex tawtorizza l-investigazzjoni ta’ Membru Parlamentari meta huwa/hija wkoll jew kien/kienet Ministru. In-nuqqas ta’ spjegazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament – kif ukoll in-numru ta’ okkażjonijiet meta l-Parlament ma ppermettiex li jsiru investigazzjonijiet – wasslu għal tħassib dwar l-oġġettività ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
Fil-5 ta’ Ġunju 2019, il-Kamra tad-Deputati emendat ir-regoli ta’ proċedura tagħha fir-rigward tal-prosekuzzjoni ta’ membri jew eks membri tal-Gvern li huma membri tal-Kamra tad-Deputati. B’mod partikolari, saret referenza speċifika għall-kriterji stabbiliti fir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar l-iskop u r-rinunzja tal-immunità parlamentari. Din il-bidla għandha tintlaqa’ tajjeb u l-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni effettiva tagħha, anki fid-dawl tar-rakkomandazzjoni li jiġu involuti l-awtoritajiet ġudizzjarji u s-soċjetà ċivili fid-dibattitu.
Is-Senat huwa mħeġġeġ biex jaddotta regoli simili. Fil-bidu ta’ Ġunju, talba mill-prosekuzzjoni biex titneħħa l-immunità tal-President tas-Senat ġiet miċħuda. F’Settembru, is-Senat ċaħad talba biex tinbeda prosekuzzjoni kontra senatur li qabel kien Ministru tas-Saħħa.
Il-Kummissjoni ttenni l-konklużjoni tagħha minn Novembru 2018 li l-bażi għall-valutazzjoni pożittiva milħuqa fir-rigward tal-Punt ta’ Riferiment tlieta f’Jannar 2017 reġgħet infetħet mir-Rumanija. Minkejja l-fatt li kemm id-DNA kif ukoll il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja komplew jinvestigaw u jissanzjonaw il-korruzzjoni f’livell għoli u juru professjonalità f’ċirkostanzi diffiċli ħafna, l-attakki fuq l-attivitajiet tagħhom, il-bidliet suċċessivi għall-qafas legali applikabbli u l-isfida possibbli għall-awtorità bl-aħħar kelma f’sentenza jqajmu mistoqsijiet dwar is-sostenibbiltà tal-kisbiet tar-Rumanija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’livell għoli. Għalhekk, ir-rakkomandazzjoni 10, minkejja xi żviluppi pożittivi reċenti, ma tistax tibqa’ titqies biżżejjed biex jingħalaq il-Punt ta’ Riferiment.
3.4
Punt ta’ Riferiment Erbgħa: L-Indirizzar tal-Korruzzjoni fil-livelli kollha
Rakkomandazzjoni 11: Tkompli timplimenta l-Istrateġija Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni, waqt li tirrispetta d-dati ta’ skadenza stabbiliti mill-Gvern f’Awwissu tal-2016. Jenħtieġ li l-Ministru tal-Ġustizzja jistabbilixxi sistema ta’ rapportar dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (inkluża statistika dwar inċidenti ta’ integrità fl-amministrazzjoni pubblika, dettalji ta’ proċeduri dixxiplinari u sanzjonijiet u informazzjoni dwar il-miżuri strutturali applikati f’żoni vulnerabbli).
Rakkomandazzjoni 12: Tiżgura li l-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġestjoni ta’ Assi Maqbuda hija operazzjonali b’mod sħiħ u effettiv biex tkun tista’ toħroġ l-ewwel rapport annwali b’informazzjoni statistika kredibbli dwar il-konfiska ta’ assi kriminali. Jenħtieġ li l-Aġenzija tistabbilixxi sistema biex tirrapporta regolarment dwar l-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva, ir-riżultati fil-konfiska u l-ġestjoni tal-assi kriminali.
Strateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni
L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni kompliet fil-livell tekniku. Tnedew miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni bħall-awditi interni minn kull waħda mill-istituzzjonijiet pubbliċi parteċipanti u l-missjonijiet ta’ evalwazzjoni ta’ rieżami bejn il-pari ppjanati fl-2018, mhux biss f’istituzzjonijiet ċentrali iżda ukoll fil-livell lokali (il-kunsilli tal-kontej u l-kunsilli lokali). Il-pjattaformi ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali ltaqgħu f’April 2019. L-awtoritajiet jirrappurtaw ukoll miżuri kontinwi ta’ prevenzjoni tal-korruzzjoni u attivitajiet f’ministeri u istituzzjonijiet pubbliċi f’oqsma vulnerabbli, inkluż l-edukazzjoni, il-ministeru tal-intern u l-finanzi. Madankollu, il-prevenzjoni tal-korruzzjoni ma ġietx ikkunsidrata bħala prijorità politika importanti.
Wieħed mill-għanijiet tal-istrateġija huwa li titjieb il-prestazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni permezz tal-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali u amministrattivi. Mir-rapport ta’ Novembru 2018 ’l hawn, is-Servizz Ġenerali tal-Prosekuzzjoni wettaq prosekuzzjoni effikaċi ta’ reati ta’ korruzzjoni li ma jaqgħux taħt il-mandat tad-DNA.Madankollu, il-pressjoni fuq dawn l-istituzzjonijiet ewlenin deskritti hawn fuq, u l-emendi leġiżlattivi fis-seħħ jew adottati mill-Parlament, inevitabbilment kellhom impatt negattiv fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, mhux l-inqas billi tat sinjal kontradittorju f’termini ta’ appoġġ politiku għal azzjoni kontinwa biex tipprevjeni u tissanzjona l-korruzzjoni. Dan jinkludi l-emendi għall-kodiċi kriminali u l-qafas tal-integrità, bir-riskju ta’ impatt f’kull livell tal-amministrazzjoni pubblika.
Aġenzija Nazzjonali għall-Ġestjoni ta’ Assi Maqbuda
L-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġestjoni ta’ Assi Maqbuda (ANABI) issa hija kompletament operattiva u kompliet tiżviluppa l-ħidma tagħha, li tiddeskrivi b’mod ċar fir-rapporti annwali. Dan huwa eżempju pożittiv ta’ fejn il-konsiderazzjoni ta’ prattika tajba fi Stati Membri oħra (il-Belġju, Franza, l-Italja u n-Netherlands) u lil hinn għenet biex jissawwar mudell li jirnexxi.
Fuq il-bażi ta’ analiżi tal-Punt ta’ Riferiment erbgħa, il-Kummissjoni tista’ ttenni l-konklużjoni tagħha minn Novembru 2018 li hemm bżonn ta’ aktar xogħol biex isir progress lejn it-tlestija tal-Punt ta’ Riferiment. Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni qed tinżamm lura minħabba l-iżviluppi politiċi, li jdgħajfu l-kredibilità tal-progress (rakkomandazzjoni 11). Rigward ir-rakkomandazzjoni 12, il-Kummissjoni tikkonferma li din ir-rakkomandazzjoni hija ssodisfata.
4.
KONKLUŻJONI
Mill-aħħar rapport ’l hawn, il-Kummissjoni kellha ta’ spiss tirrikorri għall-iżviluppi fir-Rumanija relatati mar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. F’kull waħda minn dawn l-okkażjonijiet, il-Kummissjoni kkonfermat l-inverżjoni tal-progress li kien sar fis-snin ta’ qabel u li kien ġie stabbilit fir-rapport ta’ Novembru 2018.
Kif evolviet is-sitwazzjoni fl-ewwel xhur tal-2019 kien ta’ preokkupazzjoni kbira. B’riżultat ta’ dan, f’Mejju 2019, il-Kummissjoni kellha tinforma lill-awtoritajiet Rumeni li jekk ma jsirx it-titjib meħtieġ, jew jekk ikunu ttieħdu passi negattivi ulterjuri, il-Kummissjoni tieħu passi skont il-qafas tal-istat tad-dritt, li jipprevedi djalogu li jindirizza t-tħassib dwar l-istat tad-dritt (u li għalhekk jista’ jmur lil hinn mill-parametri tal-MKV).
Il-Kummissjoni laqgħet il-fatt li f’Ġunju, il-gvern Rumen esprima xewqa li jirrevedi l-approċċ, u investa sforz f’mekkaniżmi ġodda ta’ konsultazzjoni u djalogu mal-ġudikatura. Il-Kummissjoni tistenna b’interess li l-awtoritajiet Rumeni kompetenti jsarrfu dan l-impenn f’miżuri leġiżlattivi konkreti u miżuri oħrajn. Il-progress se jenħtieġ passi konkreti, leġislattivi u amministrattivi, biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet miġbura fil-qosor f’dan ir-rapport. Hemm bżonn li l-istituzzjonijiet ewlenin tar-Rumanija juru impenn kollettiv qawwi favur l-indipendenza ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala pedamenti indispensabbli, u jiggarantixxu l-kapaċità ta’ salvagwardji u verifiki u bilanċi nazzjonali biex tittieħed azzjoni.
Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-iżviluppi mill-qrib permezz tal-MKV. Hija jiddispjaċiha li r-Rumanija ma kkooperatx mar-rakkomandazzjonijiet li saru f’Novembru 2018, li kienu kompletament konformi mal-pożizzjonijiet ta’ istituzzjonijiet oħra tal-UE. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jenħtieġ li jiġu segwiti jekk il-proċess ta’ riforma jrid jerġa’ jitqiegħed fuq it-triq it-tajba u jerġa’ jibda l-perkors biex il-MKV jiġi konkluż kif stabbilit fir-rapport ta’ Jannar 2017. Il-Kummissjoni hija fiduċjuża li r-Rumanija tista’ tagħti spinta ġdida biex tissodisfa l-objettivi tal-MKV u tinsab lesta biex tgħin lill-awtoritajiet Rumeni għal dan il-għan.