Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0373

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni ta’ każijiet riċenti allegati ta’ ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE

COM/2019/373 final

Brussell, 24.7.2019

COM(2019) 373 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni ta’ każijiet riċenti allegati ta’ ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni ta’ każijiet riċenti allegati ta’ ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE

I.Introduzzjoni

Maż-żmien, l-Unjoni żviluppat qafas regolatorju solidu għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, f’konformità ma’ standards internazzjonali adottati mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja. Madankollu kien hemm għadd ta’ inċidenti riċenti li jinvolvu banek Ewropej li xeħtu l-attenzjoni fuq kif ir-regoli tal-Unjoni ġew implimentati.

Fit-12 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni 1 fejn ipproponiet azzjonijiet immedjati intiżi sabiex jindirizzaw uħud mill-inadegwatezzi regolatorji u istituzzjonali li huma identifikabbli faċilment, segwita minn Komunikazzjoni aktar riċenti dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja 2 , li fiha l-Kummissjoni tenniet li dawk l-azzjonijiet immedjati għandhom jiġu segwiti minn riflessjoni aktar profonda dwar x’miżuri oħrajn jistgħu jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effettività fit-tul tal-qafas għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Il-koleġiżlaturi tal-Unjoni jaqblu wkoll fuq il-ħtieġa li jiġi identifikat kwalunkwe difett strutturali fil-qafas regolatorju u superviżorju attwali. 3 Il-Kumitat Speċjali dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji talbu ripetutament li tiġi evalwata l-adegwatezza tal-qafas attwali. Fl-4 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar pjan ta' azzjoni għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, 4 fejn stieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq “rieżami post-mortem tal-każijiet riċenti allegati ta’ ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE.”

Dan ir-rapport jikkostitwixxi r-rispons tal-Kummissjoni. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jindika n-nuqqasijiet u t-tagħlimiet meħuda u li jipprovdi evidenza bl-għan li jinforma kwalunkwe azzjoni politika futura, jekk din titqies neċessarja. L-evidenza hija meħuda minn studji tal-każ li jkopru kampjun ta’ għaxar banek 5 matul il-perjodu bejn l-2012 u l-2018, għalkemm uħud mill-avvenimenti studjati jmorru lura għas-snin ta’ qabel. Il-banek intgħażlu wara l-istedina tal-Kunsill u bl-għan li tiġi żgurata stampa komprensiva biżżejjed ta’ nuqqasijiet relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, fost tipi differenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu 6 u li tiġi koperta firxa ta’ reazzjonijiet superviżorji differenti, kif ukoll li jitqies l-impatt tal-każijiet. L-għażla tal-każijiet m’għandha bl-ebda mod titqies bħala attribuzzjoni ta’ tort jew responsabbiltà lil banek jew awtoritajiet pubbliċi individwali, u lanqas bħala indikazzjoni li ma kien hemm l-ebda problema fir-rigward ta’ banek jew awtoritajiet pubbliċi oħrajn. Huwa nnutat li dan ir-Rapport ma jippreġudikax id-dritt tal-Kummissjoni li tiftaħ proċeduri ta’ ksur kontra Stati Membri għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

Matul il-perjodu ta’ referenza, l-oqfsa regolatorji u istituzzjonali evolvew b’mod sostanzjali. Ir-rekwiżiti legali applikabbli kienu jinsabu jew fit-Tielet jew fir-Raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. 7 Rekwiżiti oħrajn relatati mal-governanza u mas-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju ġew mit-Tielet u mir-Raba’ Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital. 8

Il-Kummissjoni kisbet evidenza minn riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni kif ukoll minn diskussjonijiet mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u mal-awtoritajiet pubbliċi fil-ħdax-il Stat Membru. Il-Bank Ċentrali Ewropew fil-kapaċità superviżorja tiegħu u t-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej kienu assoċjati wkoll mill-qrib.

Filwaqt li r-rapport ifittex l-aktar li jippreżenta sejbiet li huma komuni għall-istudji tal-każijiet kollha analizzati jew għall-parti l-kbira tagħhom, huwa inevitabbli li l-iffukar fuq każijiet individwali identifika wkoll kwistjonijiet li jistgħu jkunu speċifiċi għal bank jew għal ġurisdizzjoni partikolari. F’dawn il-każijiet, is-sejbiet ġew deskritti biss meta, minħabba s-severità jew in-natura speċifika tagħhom, jistgħu jipprovdu tagħlimiet speċifiċi rigward il-qafas legali jew istituzzjonali tal-Unjoni.

Is-sejbiet huma organizzati f’żewġ kategoriji:

·dawk li jenfasizzaw l-avvenimenti fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu;

·dawk li jeżaminaw kif id-diversi awtoritajiet pubbliċi aġixxew b’rabta mal-avvenimenti.

Filwaqt li huwa importanti li wieħed jifhem il-kuntest tal-qafas legali applikabbli meta seħħew l-avvenimenti, huwa utli wkoll li wieħed iqis is-sejbiet mill-perspettiva ta’ żviluppi regolatorji u istituzzjonali riċenti, b’mod partikolari l-adozzjoni tal-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, il-Ħames Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital 9 u r-rieżami tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. 10 Barra minn hekk, dan ir-rapport għandu jiġi meqjus flimkien mar-Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji Supranazzjonali tal-Kummissjoni, 11 ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja 12 u r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-interkonnessjoni ta’ mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali tal-Istati Membri fuq il-kontijiet bankarji, 13 li kollha ġew ippubblikati fl-istess żmien ta’ dan ir-rapport. 

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu hija biċċa xogħol kontinwa msejsa fuq qafas regolatorju li jeħtieġ aġġornamenti regolari biex jinżamm il-pass ma’ żviluppi ġodda. Sar ħafna biex jittejjeb il-qafas eżistenti, b’mod partikolari permezz tal-aġġustamenti leġiżlattivi li saru mill-2018 ’l hawn. Madankollu jidher dejjem aktar ċar li l-applikazzjoni tal-qafas hija ġeneralment diverġenti, u tippreżenta problema strutturali fil-kapaċità tal-Unjoni li tipprevjeni li s-sistema finanzjarja tintuża għal skopijiet illeġittimi.

II.Sejbiet relatati mas-sistemi ta’ difiża tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

Għalkemm ir-rieżami tal-każijiet sab nuqqasijiet fis-sistemi ta’ kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fost l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha inklużi fil-kampjun tagħna, mhux in-nuqqasijiet kollha huma identiċi u l-analiżi konġunta rriżultat fil-kompilazzjoni ta’ tipoloġija indikattiva ta’ fallimenti, li mhijiex neċessarjament komuni għall-istituzzjonijiet kollha analizzati. 14

L-analiżi identifikat erba’ kategoriji ġenerali li taħthom jistgħu jinġabru n-nuqqasijiet:

1)konformità mhux effettiva jew nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti legali għas-sistemi u l-kontrolli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

2)fallimenti ta’ governanza b’rabta mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

3)nuqqas ta’ allinjamenti bejn l-aptit għar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju;

4)negliġenza tal-politiki tal-grupp għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

1.Nuqqasijiet ta’ konformità mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

Skont il-qafas legali tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa: (i) jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u jkollhom stabbiliti politiki, kontrolli u proċeduri sabiex itaffu u jġestixxu dawn ir-riskji b’mod effettiv; (ii) iwettqu diliġenza dovuta adegwata tal-klijenti; u (iii) jinformaw b’mod adegwat lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja dwar kwalunkwe suspett ta’ ħasil tal-flus / finanzjament tat-terroriżmu.

F’ħafna mill-każijiet evalwati, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma tawx prijorità lill-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fil-politiki tagħhom. F’ċerti każijiet, għalkemm is-sistemi ta’ kontroll kienu formalment fis-seħħ, ma saret l-ebda valutazzjoni tar-riskju ġenerali ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu kemm fil-livell tal-entitajiet individwali kif ukoll fil-livell tal-grupp. Barra minn hekk, id-dipartimenti tal-konformità f’ċerti każijiet ma kellhomx biżżejjed persunal, jew il-funzjoni tal-konformità rarament kienet involuta fit-teħid finali tad-deċiżjonijiet.

Bħala konsegwenza tan-nuqqas tagħhom li jwettqu diliġenza dovuta adegwata tal-klijenti, ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu ma kellhomx biżżejjed fehim tal-operazzjonijiet attwali tal-klijenti tagħhom u finalment ma setgħux jaslu għal konklużjonijiet sinifikanti dwar jekk l-attività ta’ klijent kinitx suspettuża jew le. Ħafna istituzzjonijiet ta’ kreditu kellhom diffikultà biex jiddeterminaw l-identità tas-sidien benefiċjarji wara l-klijenti tagħhom minħabba l-fatt li l-identifikazzjoni hija diffiċli u r-reġistri tas-sjieda benefiċjarja kienu għadhom mhumiex fis-seħħ. F’bosta każijiet, filwaqt li l-istituzzjonijiet kienu qegħdin jagħmlu negozju ma’ għadd sinifikanti ta’ persuni politikament esposti, dawn la ġew identifikati bħala tali, u lanqas trattati bħala klijenti ta’ riskju għoli, bi ksur ta’ liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. F’każijiet oħrajn, nuqqasijiet relatati ma’ mudelli ta’ prenotazzjoni mill-bogħod għamlu l-elementi tal-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet aktar diffiċli (pereżempju, l-għarfien tal-oriġini tal-ordnijiet u tal-pagamenti jew l-identifikazzjoni ta’ kummerċ relatat f’ġurisdizzjonijiet differenti 15 ).

Finalment, ċerti nuqqasijiet setgħu jiġu identifikati fir-rigward tar-rapportar lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja. Pereżempju, f’każ speċifiku n-numru ta’ twissijiet iġġenerati mis-sistemi ta’ monitoraġġ awtomatizzati ġie limitat għal numru meqjus proporzjonat għan-numru ta’ persunal li jġestixxi tali twissijiet, filwaqt li f’każijiet oħra l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma kellhomx stabbiliti għodod xierqa ta’ valutazzjoni tar-riskju biex ikunu jistgħu janalizzaw it-tranżazzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, in-numru ta’ rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi li saru kien wieħed baxx – u n-numru ta’ rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi li kellha tittieħed azzjoni dwarhom kien saħansitra aktar baxx.

F’numru żgħir ta’ każijiet eżaminati, l-impjegati setgħu kienu involuti direttament fil-ħasil tal-flus, jew biex jgħinu lill-klijenti jwettqu r-reat. 16 F’każijiet oħrajn, in-negliġenza relatata mal-kontrolli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu għamlu l-ħasil tal-flus mill-klijenti possibbli jew ferm probabbli.

Studju ta’ każ: L-implimentazzjoni tal-politiki u l-kontrolli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

F’każ minnhom, l-investigazzjoni kriminali nazzjonali li kienet tinvolvi bosta organizzazzjonijiet li kellhom kontijiet f’bank wasslet għas-suspett li l-bank jew l-impjegati tiegħu kkontribwixxew biex jagħmlu l-ħasil tal-flus permezz ta’ dawn il-kontijiet possibbli. It-twessigħ sussegwenti tal-investigazzjonijiet għall-politiki u l-proċeduri tal-bank żvela nuqqasijiet kbar fl-applikazzjoni tal-kontrolli kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu mill-bank b’rabta mad-diliġenza dovuta tal-klijenti, il-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet u r-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, minkejja politiki u kontrolli apparentement robusti kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li dehru fid-dokumentazzjoni.

2.Nuqqasijiet ta’ governanza

Skont id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital, 17 l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandu jkollhom stabbiliti arranġamenti ta’ governanza sabiex jiżguraw ġestjoni tar-riskju soda u effettiva. Dan jinkludi mekkaniżmi interni u adegwati ta’ kontroll li għandhom jipprevjenu n-nuqqasijiet fil-qafas tal-konformità. L-analiżi żvelat nuqqasijiet fl-arranġamenti ta’ governanza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (inklużi t-“tliet linji ta’ difiża”), 18 ir-rapportar intern tagħhom, il-politiki tal-grupp u r-responsabbiltajiet u l-obbligu ta’ rendikont tal-maniġment superjuri. Dawk in-nuqqasijiet setgħu kellhom rwol sinifikanti fil-faċilitazzjoni tal-ħasil tal-flus f’għadd ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, jew fl-espożizzjoni tagħhom għall-ħasil tal-flus minħabba prevenzjoni mhux effettiva tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

It-tliet linji ta’ difiża

F’ħafna mill-każijiet analizzati, kien hemm evidenza ta’ dgħufijiet fir-rigward ta’ waħda mil-linji ta’ difiża jew aktar, kif ukoll dgħufijiet fil-mod kif dawk responsabbli fil-linji differenti ta’ difiża interaġixxew ma’ xulxin. Fl-aktar każijiet serji, l-ewwel linja ta’ difiża (l-unitajiet operazzjonali) kienet prattikament ineżistenti, peress li l-impjegati fl-oriġini tan-negozju ma ssodisfawx obbligi bażiċi taħt il-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, bħar-rikonoxximent jew ir-rapportar ta’ tipi suspettużi ta’ klijenti u tranżazzjonijiet. Spiss it-tieni linja ta’ difiża (ġestjoni tar-riskju u konformità) ukoll kienet inadegwata, peress li jew ma evalwatx korrettament u ma taffitx id-dgħufijiet identifikati mill-impjegati li jkunu “fuq quddiem” jew ma rrikonoxxietx in-nuqqasijiet ta’ konformità mill-impjegati li jkunu “fuq quddiem”. F’bosta każijiet, it-tielet linja (l-awditjar intern) dehret li ma kinitx tat prijorità adegwata lill-ħidma kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, ma kinitx indipendenti mil-“linja ta’ fuq quddiem”, jew ma ngħatatx attenzjoni biżżejjed mill-maniġment superjuri. Barra minn hekk, l-allokazzjoni tar-riżorsi jew il-kapaċità ta’ rispons tat-tliet linji ta’ difiża ma kinux proporzjonati għal-livelli ta’ riskji ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu li għalihom kienet esposta l-istituzzjoni, jew baqgħu statiċi (u għalhekk dejjem aktar inadegwati) minkejja li l-istituzzjoni ta’ kreditu involviet ruħha f’attivitajiet ta’ riskju ogħla.

Ir-rapportar intern tar-riskji ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, ir-rapportar intern ta’ riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu minn linji operazzjonali u mill-funzjonijiet ta’ kontroll jew mill-maniġment superjuri ma kienx stabbilit jew segwit b’mod adegwat. L-informazzjoni li waslet għand il-maniġment superjuri spiss ma kinitx komprensiva biżżejjed biex tippermetti deċiżjonijiet informati. Fi gruppi bankarji transfruntieri kbar, in-nuqqasijiet ta’ rapportar dehru li kienu kkawżati mill-assenza ta’ traduzzjonijiet ta’ rapporti tal-awditjar, u diffikultajiet għall-persunal lokali biex ikollu aċċess għall-maniġment superjuri tal-istituzzjoni ta’ kreditu fi Stat Membru ieħor.

Studju ta’ każ: Nuqqasijiet f’linji ta’ difiża tradizzjonali u fir-rapportar intern

F’każ minnhom, kien wara rapport minn informatur dwar negozju riskjuż u flussi ta’ flus suspettużi f’ċerti entitajiet tal-grupp li l-Bord ta bidu għal investigazzjonijiet interni. Il-maniġment lokali ma kienx irrapporta problemi lill-Bord, u l-Bord ma kienx jaqra rapporti tal-awditjar intern lokali (miktubin bil-lingwa lokali).

Ir-responsabbiltajiet u l-obbligu ta' rendikont tal-maniġment superjuri

F’bosta każijiet, il-maniġment superjuri ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ma kienx informat biżżejjed dwar nuqqasijiet relatati mal-konformità mar-rekwiżiti tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus, u b’hekk ma setax jirrikonoxxi u jindirizza fallimenti b’mod adegwat u f’waqtu. F’ċerti każijiet, il-kultura korporattiva promossa mill-maniġment superjuri ffukat aktar fuq il-profittabbiltà milli fuq il-konformità. Fejn l-investigazzjonijiet interni saru fuq talba tal-maniġment superjuri, xi drabi dawn kienu limitati fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, għalkemm il-livell tar-riskju suppost kellu jiskatta reazzjoni aktar komprensiva. Fallimenti fir-rwol tal-maniġment superjuri f’istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar u kumplessi rriżultaw ukoll minn firxa ta’ attenzjoni limitata tal-maniġment superjuri għal problemi f’unitajiet operazzjonali iżgħar, minkejja l-ammont sproporzjonat ta’ dannu li jirriżulta għall-istituzzjoni ta’ kreditu bħala konsegwenza ta’ kwistjonijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li jinqalgħu f’tali unitajiet operazzjonali.

Studju ta’ każ: Ir-rwol tal-maniġment superjuri

F’każ minnhom, il-kompożizzjoni tal-bord ta’ tmexxija tal-bank inbidlet diversi drabi, inkluż fuq talba tal-awtorità superviżorja. Is-superviżur ma kienx sodisfatt bin-nuqqas ta’ kapaċità ta’ bosta bordijiet konsekuttivi biex jiggwidaw lin-negozju lil hinn minn fokus esklużiv fuq oqsma jew klijenti ta’ riskju għoli.

3.Mudell ta' negozju u aptit għar-riskju

L-analiżi tal-każijiet tindika li ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu setgħu segwew b’mod attiv mudelli ta’ negozju li huma riskjużi mill-perspettiva tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. B’mod aktar speċifiku, jidher li ċerti istituzzjonijiet involvew ruħhom f’negozju ta’ riskju għoli mwettaq direttament f’ċerti ġurisdizzjonijiet (speċjalment ta’ pajjiżi terzi) jew li joriġina minn ġurisdizzjonijiet bħal dawn, u bbażaw il-mudell ta’ negozju tagħhom kważi esklużivament fuq depożiti mhux residenti mingħajr ma stabbilixxew politiki u kontrolli proporzjonati ta’ kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Barra minn hekk, f’ħafna mill-każijiet dehru skoperturi sinifikanti għal riskji ta’ kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fil-kuntest ta’ servizzi bankarji korrispondenti, filwaqt li l-istituzzjonijiet ma kellhomx politiki dedikati jew ċari biżżejjed dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu għal negozju bħal dan. Waqt li kienu qegħdin isegwu opportunitajiet ta’ negozju, bosta istituzzjonijiet ta’ kreditu kienu lesti li jaċċettaw klijenti riskjużi mingħajr ma mmaniġġjawhom b’mod xieraq, inklużi persuni politikament esposti u entitajiet kummerċjali fejn is-sid benefiċjarju ma setax jiġi identifikat. F’ċerti każijiet, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu daħlu fi tranżazzjonijiet anonimi jew f’relazzjonijiet ta’ negozju mhux wiċċ imb wiċċ mingħajr ma applikaw id-diliġenza dovuta. F’każijiet oħrajn, ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu jidhru li kienu qegħdin jippromwovu mudell ta’ negozju aggressiv biex iġibu klijenti ġodda u jipproċessaw tranżazzjonijiet abbażi ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti deliberatament limitata.

Studju ta’ każ: Aptit għar-riskju miżjud

F’każ minnhom, istituzzjoni ta’ kreditu kienet ġibdet ħafna mill-klijenti tagħha permezz ta’ sistema ta’ referenzi li kienet tħallas lill-hekk imsejħa introdutturi biex iġibu klijenti ġodda filwaqt li bbażat fuq dawk l-istess introdutturi sabiex tivverifika l-integrità tal-klijenti prospettivi. Il-klijenti ħallsu lill-introdutturi tajjeb. M’hemmx evidenza ta’ klijenti li ġew miċħuda waqt dan il-proċess, għalkemm l-istituzzjoni ta’ kreditu għalqet ċerti kontijiet ta’ klijenti u qatgħet ir-rabtiet ma’ għadd ta’ introdutturi meta ġiet immultata mis-superviżur għal kontrolli dgħajfa tal-ħasil tal-flus.

4.Politiki tal-gruppi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

Uħud mill-każijiet kienu jinvolvu attivitajiet bankarji mwettqa f’partijiet differenti ta’ grupp, permezz ta’ fergħat stabbiliti fi Stati Membri differenti jew f’pajjiżi terzi, jew permezz ta’ sussidjarji li jinsabu fi Stati Membri differenti minn dak fejn huwa stabbilit l-uffiċċju prinċipali. Il-parti l-kbira ta’ dawk il-gruppi organizzaw il-konformità, il-governanza u l-ġestjoni tar-riskju għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu bl-għan li jiżguraw primarjament il-konformità mal-oqfsa lokali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-terroriżmu. Spiss, dan kien issupplimentat kif suppost b’politika għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu mifruxa mal-grupp kollu, fejn il-ħtiġijiet regolatorji lokali kienu jkunu integrati f’politika u fi proċessi usa’ ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ konformità għall-grupp kollu. In-nuqqas ta’ politika għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu mifruxa mal-grupp kollu tindika li l-problemi ġeneralment tħallew jiġu indirizzati mill-maniġment lokali. F’ċerti każijiet, il-maniġment lokali kien jinsab f’ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi u soġġett għal obbligi li mhux neċessarjament kienu stretti daqs dawk applikabbli fl-Unjoni.

F’ċerti każijiet, jidher li l-kumpanija prinċipali kellha diffikultajiet biex tifforma stampa ġenerali eżatta u kompluta tar-riskji eżistenti fil-grupp. F’ħafna okkażjonijiet, dan deher li pprevjena problemi lokali relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew kontra l-finanzjament tat-terroriżmu milli jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ azzjonijiet usa’ fil-grupp. Fi ftit każijiet, il-politiki u l-proċessi ta’ kontroll ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu akkwistati (spiss fuq bażi transfruntiera) ma kinux allinjati fil-ħin mal-qafas tal-immaniġġjar tar-riskju tal-grupp kollu, bis-sistemi tal-IT u tar-rapportar jibqgħu separati u bl-ebda integrazzjoni jew interkonnessjoni mas-sistema tal-grupp. Barra minn hekk, f’ċerti każijiet, il-problemi fil-fergħat dehru li ġew skartati fil-livell tal-grupp fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ proporzjonalità relatati mad-daqs ta’ entitajiet tal-grupp periferali lokali, waqt li jidher li ttraskuraw l-impatt tar-reputazzjoni li anki entitajiet u attivitajiet periferiċi jistgħu jkollhom fuq il-grupp kollu.

III.Sejbiet relatati mal-azzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti

Ir-rieżami ffoka fuq azzjonijiet li ħadu l-awtoritajiet superviżorji. Il-funzjonament tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u l-kooperazzjoni tagħhom ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn huma eżaminati fir-Rapport dwar l-evalwazzjoni tal-qafas għall-kooperazzjoni tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja. Barra minn hekk, l-investigazzjonijiet kriminali mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, li wħud minnhom għadhom għaddejjin, mhumiex koperti minn dan ir-rapport.

Ir-reazzjonijiet superviżorji b’rabta ma’ nuqqasijiet ta’ istituzzjonijiet individwali rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu kienu jvarjaw ħafna f’termini ta’ ħin, intensità u miżuri li ttieħdu. Mhux possibbli li fil-każijiet kollha jsiru sejbiet ġeneralizzati, iżda l-analiżi tippermetti sensiela ta’ osservazzjonijiet li jipprovdu fehim aqwa tal-azzjonijiet tal-prattiki superviżorji. Peress li l-qafas istituzzjonali huwa regolat minn normi kumplimentari mnaqqxa fl-oqfsa tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u dawk prudenzjali, is-sejbiet huma ppreżentati separatament fir-rigward tal-azzjonijiet meħuda mis-superviżuri ta’ kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u mill-awtoritajiet prudenzjali.

1.Is-superviżjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

Taħt it-Tielet Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-Istati Membri kienu obbligati li jeħtieġu li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw b’mod effettiv u jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-konformità tal-istituzzjonijiet u tal-persuni koperti mad-Direttiva. Fil-każ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji, l-awtoritajiet kompetenti kienu meħtieġa li jkollhom setgħat superviżorji mtejba, b’mod partikolari l-possibbiltà li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post u jimponu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri għall-ksur tal-obbligi tad-Direttiva.

a)Setgħat, organizzazzjoni u riżorsi

F’ħafna mill-każijiet is-superviżjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu kienet issir mill-istess awtorità li kellha wkoll responsabbiltajiet ta’ superviżjoni prudenzjali. F’każ minnhom, is-superviżjoni kienet issir mill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja. Ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, is-superviżuri rilevanti jidhru li kellhom setgħat superviżorji suffiċjenti u adegwati, għalkemm kien hemm differenzi fis-setgħat tagħhom biex jimponu sanzjonijiet u miżuri superviżorji għal ksur tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. Jidher li kien hemm diskrepanza wiesgħa fil-livell 19 tas-sanzjonijiet applikabbli, l-aktar dovuta għan-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet fit-Tielet Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus.

F’bosta każijiet, is-superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu jidhru li kellhom ftit wisq persunal u f’oħrajn, il-persunal deher li ma kellux biżżejjed esperjenza jew għarfien dwar kif iwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu. Dan jidher li kellu impatt dirett fuq il-kapaċità tas-superviżuri biex iwettqu l-kompiti superviżorji tagħhom b’mod effettiv. Fil-parti l-kbira tal-każijiet evalwati, l-intensità tal-azzjonijiet mis-superviżuri nazzjonali tidher li kienet affettwata ħafna minn nuqqas ta’ prijoritizzazzjoni ta’ kwistjonijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod usa’ kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll fil-livell tal-awtoritajiet. F’għadd ta’ każijiet, seħħew inċidenti fl-isfond tal-kriżi finanzjarja, meta l-fokus tal-pubbliku u dak politiku kien immirat lejn nuqqasijiet oħrajn fis-sistema finanzjarja.

b)Is-superviżjoni ta’ entitajiet lokali

F’għadd ta’ każijiet, is-superviżur tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu jidher li spiss ibbaża biss fuq għodod ta’ superviżjoni remoti u li wettaq ftit spezzjonijiet fuq il-post, jew spezzjonijiet limitati jew tardivi anki meta r-riskju deher li kien għoli. Anki f’każijiet fejn saru spezzjonijiet, is-superviżuri jidhru li bbażaw biss fuq dokumenti ppreżentati mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, mingħajr ma għamlu verifiki ta’ kampjuni sabiex jittestjaw jekk l-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kinitx korretta. Dan kien spiss fl-isfond ta’ dak li s-superviżuri ddeskrivew bħala klima ta’ fiduċja bejn is-superviżur u l-entità sorveljata. F’ħafna każijiet, il-fallimenti ta’ konformità primarja baqgħu jseħħu għal snin qabel ma nqabdu mill-attività superviżorja jew qabel ma l-bank irrapportahom. Fi ftit każijiet, is-superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu ma dehrux li rrikonoxxew malajr biżżejjed is-serjetà tas-sitwazzjoni, u dan żammhom milli jikkomunikaw mal-istituzzjonijiet superviżjonati. Minkejja li sabu ksur, is-superviżuri spiss ma adottaw l-ebda sanzjoni jew miżura superviżorja, u bbażaw l-aktar fuq ittri informali u rakkomandazzjonijiet.

Studju ta’ każ: Kultura ta’ infurzar

Fi Stat Membru wieħed, is-superviżur nazzjonali rilevanti tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu spjega li l-kultura superviżorja kienet ta’ natura “mhux intrużiva” u mibnija fuq il-fiduċja. Is-superviżur iddependa l-aktar, iżda mhux biss, fuq rieżamijiet mhux fuq il-post, skambji bil-miktub mal-entitajiet sorveljati u qatt ma impona sanzjonijiet jew ħa miżuri superviżorji oħrajn.

c)Is-superviżjoni ta’ entitajiet transfruntiera

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, ir-responsabbiltajiet superviżorji rispettivi u l-kompiti tal-awtoritajiet rilevanti la kienu mifhuma sew biżżejjed u lanqas miftiehma minn qabel sabiex tiġi żgurata kopertura komprensiva ta’ kwistjonijiet ta’ ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fil-livelli tal-grupp u tal-istabbiliment individwali. Fil-fatt, ebda superviżur tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu ma deher li jassumi responsabbiltà għas-superviżjoni ta’ grupp u dawn kienu jiddependu biss fuq is-superviżjoni tan-negozju lokali f’kull Stat Membru. Ċerti superviżuri nnotaw li t-Tielet Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus kienet nieqsa minn obbligu speċifiku f’dan ir-rigward. Madankollu, kien impliċitu li responsabbiltà bħal din kienet teżisti kemm fid-Direttiva kif ukoll fl-istandards tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja. Dan ġie ċċarat fir-Raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus.

L-analiżi sabet li f’bosta każijiet, is-superviżur tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu inkarigat mis-superviżjoni tal-grupp ma setax jifhem is-serjetà tal-problemi f’fergħa, minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt dirett jew kuntatt limitat mal-awtorità inkarigata mis-superviżjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tal-fergħa jew viċeversa. Barra minn hekk, is-superviżur tal-grupp ma kienx jirċievi informazzjoni rilevanti u analiżi tal-attivitajiet ta’ fergħat barranin mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja kkonċernati. Dan seta’ rriżulta f’nuqqas ta’ stima tal-impatt li l-problemi relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu kellhom fuq il-fergħa jew fuq il-grupp.

d)Il-miżuri superviżorji u l-effettività tagħhom

Filwaqt li nstabu diverġenzi fis-setgħat legali ta’ superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu biex jimponu sanzjonijiet u miżuri superviżorji, f’bosta każijiet evalwati, is-superviżuri jidhru li spiss kienu inċerti dwar jekk jimponux sanzjonijiet jew jiħdux miżuri superviżorji, irrispettivament mill-ambitu tas-setgħat tagħhom. Filwaqt li f’ċerti każijiet is-superviżur ħa miżuri effettivi u impona sanzjonijiet sostanzjali għal ksur serju, fil-parti l-kbira tal-każijiet, kien hemm diskrepanza bejn il-gravità tal-ksur u s-sanzjonijiet jew il-miżuri imposti, xi drabi dovuta għas-setgħat legali limitati disponibbli. Is-superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu kienu inċerti jekk jimponux sanzjonijiet jew miżuri ġodda f’każijiet fejn spezzjoni ġdida fuq il-post żvelat li ma kienx hemm konformità mal-miżuri preċedenti jew ma kinitx suffiċjenti. Fil-fatt kien hemm approċċi differenti fil-każijiet f’termini ta’ użu ta’ sanzjonijiet biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati u tal-effettività tagħhom. Bosta awtoritajiet ma kellhomx setgħat ta’ sanzjonar effiċjenti, filwaqt li oħrajn jidhru li ma xtaqux japplikaw setgħat eżistenti, u ħafna drabi invokaw l-inċertezza dwar l-evidenza disponibbli. F’bosta każijiet l-awtoritajiet imponew diversi miżuri superviżorji li ma jidhrux li ġabu titjib sostanzjali. Jidher li l-oqfsa applikabbli u/jew l-implimentazzjoni tagħhom ma pprovdewx iċ-ċertezza meħtieġa li s-superviżuri jistgħu japplikaw sanzjonijiet u miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi.

F’ċerti każijiet, fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu naqsu milli jissodisfaw il-ħtiġijiet superviżorji li jeżiġu kontrolli mtejba speċifiċi tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex jallinjawhom mal-livell attwali tar-riskji, l-awtoritajiet superviżorji talbu b’mod espliċitu l-waqfien jew ir-restrizzjoni ta’ ċerti relazzjonijiet ta’ negozju ma’ kategoriji speċifiċi ta’ klijenti jew f’ġurisdizzjonijiet speċifiċi. Irriżulta li din kienet miżura effettiva. F’każ ieħor, is-superviżuri introduċew rilaxx kontrollat tad-depożiti, permezz tal-ħatra ta’ persuna kompetenti, li wkoll irriżultat miżura effettiva. L-irtirar tal-awtorizzazzjoni bħala s-sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu jidher li jintuża biss bħala miżura tal-aħħar istanza (deskritta fid-dettall fis-sezzjoni 2d)).

F’uħud mill-każijiet, il-prosekuturi ħadu wkoll miżuri mmirati kontra l-falliment fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, peress li f’ċerti Stati Membri huma kompetenti f'dawn il-kwistjonijiet. Barra minn hekk, il-prosekuturi investigaw ukoll reati kriminali assoċjati mal-ħasil tal-flus. F’żewġ Stati Membri, is-servizzi tal-prosekuzzjoni ħarrku u attwalment qegħdin iressqu akkużi kontra persunal jew istituzzjonijiet ta’ kreditu li allegatament kienu involuti f’reati kriminali assoċjati ma’ ħasil tal-flus.

Studju ta’ każ: Nuqqas ta' setgħat ta' sanzjonar effettivi, proporzjonati u dissważivi

Għalkemm ir-rekwiżiti tad-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus applikabbli fiż-żmien rilevanti kienu jeżiġu li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu jkollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet “effettivi, proporzjonati u dissważivi” għall-ksur tad-Direttiva, fi Stat Membru wieħed is-sanzjoni monetarja massima disponibbli għall-awtorità rilevanti dak iż-żmien kienet biss ta' EUR 46 500 għal kull ksur.

2.Id-dimensjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fis-superviżjoni prudenzjali

Is-superviżjoni prudenzjali, flimkien mas-superviżjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, għandha rwol essenzjali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Huwa rwol integrat fil-qafas superviżorju prudenzjali, għalkemm id-dimensjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu mhux dejjem tkun enfasizzata b'mod espliċitu. Is-superviżuri prudenzjali huma responsabbli għall-awtorizzazzjoni u l-irtirar tal-liċenzji, billi jevalwaw l-adegwatezza tal-azzjonisti u tal-membri tal-korp ta’ tmexxija u tad-detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u jwettqu r-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni, li jivverifika li l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom biżżejjed kapital u likwidità kif ukoll sistemi ta' governanza sodi.

a)Setgħat, organizzazzjoni u riżorsi

Matul il-perjodu rieżaminat, ħafna mis-superviżuri prudenzjali kienu qegħdin jiffokaw l-aktar fuq il-ġestjoni ta' kriżijiet u jieħdu miżuri ta' rimedju wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-2009 u l-kriżi sussegwenti tad-dejn sovran. Peress li ċerti aspetti ta' superviżjoni oħrajn spiss kienu jingħataw prijorità, il-kwistjonijiet ta' ħasil ta' flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu mhux dejjem ingħataw l-attenzjoni meħtieġa. Għalkemm l-awtoritajiet prudenzjali kollha intervistati jikkunsidraw il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu bħala importanti, jidher li l-prijorità u r-riżorsi kienu allokati l-aktar għal tħassib prudenzjali ieħor.

Għalkemm il-qafas prudenzjali jiżgura li l-awtoritajiet prudenzjali jkollhom sett ta' setgħat estensivi, diversi superviżuri indikaw li kienu skomdi jużaw dawn is-setgħat b'rabta ma' nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, peress li qafas prudenzjali jirreferi għal tali tħassib bħala eċċezzjoni biss.

Bl-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, 20 ir-responsabbiltajiet prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti u, fil-każ ta' ċerti funzjonijiet (awtorizzazzjoni, rtirar u valutazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet ta' parteċipazzjonijiet kwalifikanti), għall-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha fl-Unjoni Bankarja, ġew trasferiti lill-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Bank Ċentrali Ewropew, bħas-superviżuri prudenzjali kollha, irid iqis it-tħassib tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fl-attivitajiet ta' superviżjoni prudenzjali tiegħu. Meta jkun qed jaġixxi fil-kapaċità superviżorja tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew mhuwiex meqjus bħala l-awtorità tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. 21 It-trasferiment tas-setgħat superviżorji prudenzjali lill-Bank Ċentrali Ewropew introduċa saff istituzzjonali ieħor għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, billi żied l-interazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew mal-interazzjoni bejn is-superviżuri domestiċi tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-awtoritajiet prudenzjali.

b)Is-superviżjoni ta’ entitajiet lokali

Is-superviżjoni prudenzjali hija bbażata fuq il-prinċipju ta' kontroll tal-pajjiż ta' oriġini, li jattribwixxi r-responsabbiltà superviżorja lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn istituzzjoni ta' kreditu għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha (li huwa l-Bank Ċentrali Ewropew għal istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti stabbiliti fl-Unjoni Bankarja). Din ir-responsabbiltà testendi wkoll għall-fergħat tal-istituzzjoni ta' kreditu, irrispettivament minn jekk humiex stabbiliti fl-istess Stat Membru jew f'ieħor. L-awtorità prudenzjali fl-Istat Membru ospitanti fejn huma stabbiliti l-fergħat għandha biss kompetenzi residwi relatati mal-ġid ġenerali u għal skopijiet ta' statistika. 22  

Minħabba l-kunfidenzjalità tad-deċiżjonijiet superviżorji, ma setax jiġi vverifikat jekk is-superviżuri prudenzjali użawx b'mod kostanti l-analiżi tal-mudell ta' negozju sabiex jivvalutaw il-vijabbiltà u l-vulnerabbiltà ta' bosta istituzzjonijiet ta' kreditu, anki meta tali istituzzjonijiet kienu involuti f'attivitajiet li jinvolvu fatturi ta' riskju sostanzjali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Lanqas ma kien possibbli li jiġi evalwat jekk it-tħassib ta' governanza tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu kienx inkluż b'mod konsistenti fir-rieżami usa' tal-arranġamenti ta’ governanza tal-istituzzjonijiet ta' kreditu mill-awtoritajiet prudenzjali. Skont evidenza aneddotali u fid-dawl tan-nuqqas ta' gwida speċifika fil-ġabra tar-regoli unika, jidher li t-tħassib tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu ma kienx meqjus b'mod konsistenti fil-proċess tar-rieżami u ta' evalwazzjoni superviżorji. Ex post, u wara eżami aktar mill-qrib tal-attività, ċerti awtoritajiet ammettew li fil-fatt setgħu skattaw xi allarmi. F'ħafna każijiet, is-superviżuri prudenzjali ma dehrux li kienu rrikonoxxew is-severità tas-sitwazzjoni fil-waqt, u b'hekk ma setgħux jagħmlu skambji xierqa ta' informazzjoni sostanzjali u jieħdu azzjoni koordinata ma' awtoritajiet oħrajn. F'ħafna każijiet, is-superviżuri invokaw nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti dwar l-adegwatezza tal-konformità jew is-sistemi ta' ġestjoni tar-riskju, kif meħtieġ taħt il-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Uħud mill-każijiet analizzati juru li ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu kienu awtorizzati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħajr skrutinju suffiċjenti tal-aspetti relatati mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kemm minn perspettiva ta' pjan ta' negozju, kif ukoll mill-perspettiva tal-adattabbiltà tal-azzjonisti u tal-membri tal-bord tat-tmexxija u tad-detenturi ta' funzjonijiet ewlenin.

c)Is-superviżjoni ta’ entitajiet transfruntiera

Għalkemm il-fergħat transfruntiera jaqgħu taħt is-superviżjoni prudenzjali tal-awtorità tal-Istat Membru ta' domiċilju, is-superviżjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu ta' dawn il-fergħat taqa' taħt il-mandat tal-awtorità tal-Istat Membru ospitanti. Il-gruppi bankarji (jiġifieri kumpanija prinċipali u s-sussidjarji tagħha) huma soġġetti għal rekwiżiti prudenzjali (inkluż dwar il-governanza) u sorveljati b'mod prudenzjali fuq bażi konsolidata. Is-superviżur konsolidanti normalment tkun l-awtorità fl-Istat Membru ta' domiċilju li tissorvelja lill-istituzzjoni ta' kreditu bl-akbar assi, u fejn normalment ikunu ċentralizzati l-politiki tal-grupp. Id-dimensjoni tal-grupp fis-superviżjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu hija ħafna inqas prominenti, u tassenja kompiti limitati ħafna lill-awtorità tal-Istat Membru ta' domiċilju.

L-analiżi sabet li spiss kienet l-awtorità prudenzjali tal-Istat Membru ta' domiċilju responsabbli mis-superviżjoni tal-fergħa li naqset milli tifhem is-severità tal-problemi f'fergħa relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Dan jidher li kien dovut għan-nuqqas ta' kuntatt dirett bejn l-awtorità prudenzjali ta' domiċilju u l-awtorità ospitanti inkarigata mis-superviżjoni tal-fergħa fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, jew għal nuqqas ta' fehim ta' problemi bħal dawn anki mill-awtorità għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fil-pajjiż ta' domiċilju li magħhom l-awtoritajiet prudenzjali ta' domiċilju kienu f'kuntatt regolari. F'ħafna każijiet, dan jidher li wassal għal sottostima tal-impatt li problemi relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu f'fergħa jista' jkollhom fuq il-kumpanija prinċipali u fuq ir-reputazzjoni tal-grupp.

Fir-rigward tas-superviżur konsolidanti responsabbli mill-organizzazzjoni u mit-tmexxija ta' kulleġġi ta' superviżuri, xi evidenza aneddotali tindika li l-kwistjonijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fis-sussidjarji ġew diskussi b'mod regolari fil-kulleġġi tas-superviżuri. Madankollu m'hemmx evidenza li deċiżjonijiet konġunti meħuda fil-livell tal-grupp kienu jeżiġu lill-gruppi bankarji jindirizzaw b'mod strutturat u konsistenti n-nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fi ħdan il-grupp.

F'ħafna każijiet, il-livelli differenti li fihom kienu fdati l-kompiti prudenzjali u superviżorji tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (awtoritajiet ta' domiċilju/ospitanti, awtoritajiet nazzjonali/tal-Unjoni) jidhru li żiedu d-diffikultajiet ta' kooperazzjoni, inklużi l-problemi ta' identifikazzjoni tal-kontroparti istituzzjonali rilevanti.

Studju ta’ każ: Ineffiċjenzi fis-superviżjoni tal-gruppi

Fil-każ ta' bank b'fergħat barra mill-pajjiż, is-superviżur tal-Istat Membru ta' domiċilju u s-superviżur tal-Istat Membru ospitanti kienu awtoritajiet integrati li mhux neċessarjament jaqtgħu linja dritta bejn ir-responsabbiltajiet tagħhom għas-superviżjoni prudenzjali u għas-superviżjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Is-superviżur ta' domiċilju, għalkemm responsabbli mis-superviżjoni tal-fergħat barra mill-pajjiż, ma kkunsidrax problemi relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus senjalati mis-superviżur ospitanti. Finalment kienet l-awtorità tal-Istat Membru ospitanti li eżiġiet li l-fergħa tnaqqas u aktar ’il quddiem twaqqaf l-attivitajiet tagħha li kienu jinvolvu riskji ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu.

d)Il-miżuri superviżorji u l-effettività tagħhom

Ir-rieżami sab li fl-assenza ta' regoli dettaljati dwar kif għandu jitqies it-tħassib tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, is-superviżuri prudenzjali ddependew b'mod sostanzjali fuq azzjoni korrettiva mis-superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu meta kien ġie identifikat tħassib bħal dan. F'ċerti okkażjonijiet, il-fokus tas-superviżuri prudenzjali kien dirett biex jiżgura dispożizzjoni adegwata għall-multi, livell xieraq ta' likwidità jew iż-żieda ta' rekwiżiti ta' kapital għar-riskju operazzjonali. Ċerti awtoritajiet prudenzjali użaw is-sett ta' għodod prudenzjali usa' tagħhom, fosthom investigazzjonijiet fuq il-post u analiżijiet dettaljati mmirati, meta kienu mħassba dwar riskji relatati mal-ħasil tal-flus. Xi drabi dan wassal għall-adozzjoni ta' miżuri kwalitattivi li jindirizzaw dgħufijiet fil-governanza, il-kontrolli interni u mudell ta' negozju insostenibbli, kif ukoll fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju ta' istituzzjonijiet ta' kreditu. Minħabba r-restrizzjonijiet tal-kunfidenzjalità, ma kienx dejjem possibbli li jiġi żgurat jekk is-superviżuri prudenzjali ħadux b'mod konsistenti miżuri prudenzjali adegwati u f'waqthom sabiex jindirizzaw id-dgħufijiet fil-governanza jew in-nuqqasijiet fil-ġestjoni tar-riskju li ppermettew li jseħħu n-nuqqasijiet primarji tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Xi superviżuri talbu lil ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu sabiex jaġġustaw il-mudell ta' negozju tagħhom bl-għan li jitneħħa r-riskju.

L-irtirar tal-awtorizzazzjoni għal ksur serju ta' regoli tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu huwa wkoll elenkat bħala sanzjoni fil-qafas prudenzjali. Awtoritajiet prudenzjali biss jistgħu jirtiraw il-liċenzja. L-għodda ntużat mill-awtoritajiet prudenzjali f'ħafna mill-każijiet analizzati, l-aktar għal istituzzjonijiet żgħar. Ma kienx possibbli fil-każijiet analizzati li jiġi aċċertat kif dan il-ksur u l-intensità tiegħu ġew evalwati biex tiġi applikata s-sanzjoni tal-irtirar. Fost il-każijiet analizzati, kien hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn l-irtirar tal-liċenzja kien sempliċiment formalità pjuttost milli sanzjoni għal ksur tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, peress li l-istituzzjoni ta' kreditu kienet diġà ddikjarata falluta jew aktarx tfalli, jew imqiegħda taħt amministratur speċjali.

Ma teżisti ebda regola komuni b'rabta mal-għeluq tal-fergħat, u hemm xi evidenza li l-awtorità prudenzjali domestika mhux dejjem tkun sostanzjalment involuta fid-deċiżjoni tal-għeluq tal-fergħa meħuda mill-awtorità ospitanti tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Studju ta’ każ: L-irtirar tal-liċenzja

F'każ minnhom, bank kellu l-aċċess tiegħu għas-swieq magħluq wara twissija maħruġa minn awtoritajiet ta' pajjiżi terzi fuq suspetti ta' ħasil tal-flus b'konnessjoni ma' dak il-bank. Dan wassal għal deterjorament sinifikanti tal-likwidità tal-bank, tant li ma setax iħallas id-djun tiegħu jew obbligazzjonijiet oħrajn meta kienu dovuti. Dan skatta deċiżjoni mill-awtorità prudenzjali li tiddikjara li l-bank kien qed ifalli jew aktarx ifalli. Il-liċenzja tal-bank ġiet irtirata ftit xhur wara, waqt li l-bank kien f'likwidazzjoni.

3.Kooperazzjoni fl-UE

Id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni fost id-diversi awtoritajiet huma mifruxa fost l-oqfsa regolatorji prudenzjali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u jvarjaw f'termini tal-preċiżjoni tagħhom u sa liema grad huma vinkolanti. Il-kooperazzjoni hija sostanzjalment influwenzata mit-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri ta' domiċilju u dawk ospitanti, li huwa ċċentrat madwar l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti fid-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u madwar l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta' domiċilju fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital. Dimensjoni oħra tal-kooperazzjoni tirriżulta mill-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-eżerċizzju tal-kompetenzi prudenzjali mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Ħafna mill-awtoritajiet intervistati (awtoritajiet prudenzjali, superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja) esprimew ir-rieda tagħhom li jikkooperaw u li jaqsmu informazzjoni ma' awtoritajiet rilevanti oħrajn. Fil-każijiet koperti mill-analiżi post mortem, l-awtoritajiet jidhru li interaġixxew bejniethom f'diversi okkażjonijiet kemm internament kif ukoll bejn il-fruntieri. Pereżempju, ħafna mill-awtoritajiet integrati indikaw li d-dipartimenti prudenzjali tagħhom tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu kkoordinaw regolarment jew ħadmu, xi drabi, f'timijiet konġunti. L-awtoritajiet jidhru li ddiskutew it-tħassib dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu bejn il-fruntieri, fil-kuntest ta' kulleġġi tas-superviżuri jew fuq bażi bilaterali, speċjalment meta l-problemi saru aktar akuti. Madankollu, mhux l-awtoritajiet kollha interaġixxew, u fejn kien hemm interazzjoni, l-intensità u l-frekwenza tal-kuntatti varjaw b'mod sinifikanti. F'ħafna mill-każijiet analizzati, l-interazzjoni kienet evidentement ineffettiva u ma ppermettietx fehim xieraq tal-gravità tas-sitwazzjoni jew ma rriżultatx f'azzjoni superviżorja konġunta.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni domestika, l-awtoritajiet enfasizzaw għadd ta' kwistjonijiet li setgħu affettwaw l-intensità, il-kwalità u l-frekwenza tal-kooperazzjoni u tal-qsim tal-informazzjoni, fejn issuġġerew li l-kooperazzjoni mhux dejjem ippermettiet superviżjoni effettiva. Pereżempju, bosta awtoritajiet semmew li r-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità ma ppermettewx kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni effettivi bejn l-Unitajiet ta' Intelligence Finanzjarja, l-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi u s-superviżur prudenzjali jew tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Awtoritajiet oħrajn indikaw nuqqas ta' esperjenza fl-identifikazzjoni ta' x'jikkostitwixxi informazzjoni importanti li għandha tinqasam bejn Unità tal-Intelligence Finanzjarja u superviżur prudenzjali jew tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu jew bejn iż-żewġ superviżuri u osservaw li, biż-żieda tal-esperjenza, il-qsim tal-esperjenza kien intensifikat riċentement. Ċerti superviżuri integrati rrapportaw li qatt ma talbu informazzjoni mingħand Unità tal-Intelligence Finanzjarja fil-kuntest ta' evalwazzjonijiet prudenzjali bħal pereżempju għal finijiet ta' kompetenza u idoneità, iżda bbażaw fuq informazzjoni mid-dipartimenti prudenzjali. Barra minn hekk, ħafna mill-każijiet analizzati urew li l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja ma kinux jaqsmu informazzjoni mas-superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u dawk prudenzjali b'mod strutturat. L-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja xi kultant setgħu ma tħallewx jaqsmu informazzjoni mas-superviżuri minn dispożizzjonijiet fil-liġijiet domestiċi (pereżempju meta l-analiżi mwettqa mill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja kienet ikkunsidrata bħala intelligence kriminali u tista' tinqasam biss mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi). Min-naħa l-oħra, l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja rarament irċevew feedback mingħand is-superviżuri dwar l-użu li jkun sar mill-informazzjoni pprovduta u dwar l-eżitu tal-ispezzjonijiet imwettqa abbażi ta' dik l-informazzjoni. Dawn il-kwistjonijiet huma eżaminati f'aktar dettall fir-Rapport dwar l-evalwazzjoni tal-qafas għall-kooperazzjoni tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

Barra minn hekk, kwistjonijiet potenzjali oħrajn li jaffettwaw l-intensità, il-kwalità u l-frekwenza tal-kooperazzjoni jinkludu bosta definizzjonijiet u regoli fid-direttivi rilevanti, li setgħu wasslu għal fehim differenti ta' obbligi u aspettattivi differenti mill-awtoritajiet differenti.

Ir-rieżami sab azzjoni effettiva f'każijiet fejn l-awtoritajiet superviżorji interaġixxew b'mod intensiv mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi b'rabta ma' sejbiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, deher li hemm varjetà kbira ta' skattaturi għall-involviment tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, peress li ma hemm l-ebda denominatur komuni fid-dritt tal-Unjoni. Dan jista' jispjega wkoll għalfejn il-kuntatti tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi mas-superviżuri fi Stati Membri oħrajn għadhom neqsin. Jidher li hemm ukoll differenzi fir-rwol u fl-ambitu tas-setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, li jistgħu wkoll jispjegaw parzjalment għaliexi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-inforzaturi tal-liġi fi kwistjonijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu għadhom skarsi.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni transfruntiera fl-Unjoni, l-analiżi ma ppermettietx l-identifikazzjoni tal-intensità, il-kwalità u l-frekwenza tal-interazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet. Il-każijiet urew li l-kuntatti bejn l-awtoritajiet (superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u awtoritajiet prudenzjali) fl-Istati Membri kienu irregolari u spiss stabbiliti fuq bażi ad hoc, li jista' jkun attribwit fil-biċċa l-kbira għad-differenzi fl-oqfsa legali applikabbli fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi superviżorji u l-approċċ lejn is-superviżjoni tal-grupp. Il-kooperazzjoni spiss kienet limitata għal sempliċi skambju ta' informazzjoni u mhux fil-każijiet kollha wasslet għal fehim konġunt ta' implikazzjonijiet transfruntiera, u lanqas għat-teħid ta' azzjoni superviżorja miftiehma. Barra minn hekk, jidher li kien hemm assenza ta' għan strateġiku kondiviż ta' prevenzjoni tal-ħasil tal-flus fost l-għadd kbir ta' atturi istituzzjonali involuti.

4.Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fl-Unjoni u l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi

Il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn is-superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tal-Istati Membri u l-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi mhumiex regolati taħt it-tielet Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. Minflok, il-kooperazzjoni superviżorja sseħħ fuq il-bażi tal-Istandards tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (b'mod partikolari r-Rakkomandazzjoni 40 23 u n-Nota Interpretattiva tagħha) kważi esklużivament fuq bażi bilaterali. L-awtoritajiet prudenzjali fl-Unjoni jistgħu jużaw kulleġġi prudenzjali sabiex jiddiskutu tħassib dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu mal-kontropartijiet tal-pajjiżi terzi tagħhom, iżda dan ma jinvolvix il-parteċipazzjoni ta' superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Iż-żewġ awtoritajiet superviżorji huma mistennija li josservaw il-prinċipji ddikjarati fil-linji gwida tal-Kumitat ta' Basel dwar il-ġestjoni tajba tar-riskji relatati mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu.

Madwar nofs il-każijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju post-mortem kienu jinvolvu interazzjoni superviżorja ma' awtoritajiet ta' pajjiżi terzi. Il-partijiet ikkonċernati semmew dawn il-kwistjonijiet li jirfdu l-isfidi tal-kooperazzjoni ma' ċerti awtoritajiet ta' pajjiżi terzi: in-nuqqas ta' rieda miż-żewġ naħat li jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali ma' ċerti awtoritajiet, nuqqas ta' fiduċja reċiproka u tħassib li l-iskambji ta' informazzjoni, fil-każijiet rari fejn kienu jinkludu t-trasferiment ta' data personali, ma jkunux konformi mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. 24  

F'uħud mill-każijiet analizzati, l-awtoritajiet irrapportaw li kellhom kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni regolari u ġeneralment sodisfaċenti mal-awtoritajiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u dawk prudenzjali ta' pajjiżi terzi, għalkemm f'xi każijiet kien hemm indikazzjonijiet ta' assimetrija fil-qsim tal-informazzjoni. F'każijiet oħrajn, l-awtoritajiet enfasizzaw nuqqasijiet fil-kooperazzjoni ma' awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari f'termini ta' tul ta' żmien u limiti ta' qsim ta' informazzjoni jew azzjoni ta' koordinazzjoni. F'xi każijiet, fejn l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi ħabbru miżuri leġittimi kontra istituzzjoni ta' kreditu stabbilita fl-Unjoni, l-awtoritajiet prudenzjali u/jew is-superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fl-Unjoni jidhru li ma kellhomx għarfien dwar l-imminenza u l-isfond ta' dawn il-miżuri. Dawn il-miżuri kellhom impatt kbir fuq il-banek rispettivi, iżda ttieħdu mingħajr avviż suffiċjenti minn qabel biex l-awtoritajiet rilevanti fl-Unjoni jkunu jistgħu jieħdu azzjonijiet preventivi kontra l-istituzzjonijiet ikkonċernati u miżuri oħrajn sabiex jissalvagwardjaw l-istabilità finanzjarja qabel il-pubblikazzjoni ta' dawn il-miżuri. Dawk il-każijiet kienu jinvolvu sitwazzjonijiet fejn il-miżuri ttieħdu b'mod speċjali minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u mhux minn awtoritajiet superviżorji, tal-pajjiżi terzi.

Barra minn hekk, f'ħafna każijiet fejn wara sejbiet superviżorji l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bdew jinvestigaw, dawn l-awtoritajiet iffaċċjaw problemi ta' kooperazzjoni ma' ċerti pajjiżi terzi. B'mod aktar speċifiku, l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi naqsu milli jwieġbu għat-talbiet ta' assistenza legali reċiproka mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. Dan ma ppermettiex lil dawn tal-aħħar jiksbu evidenza tal-oriġini kriminali tal-flus, u eventwalment wassal għal fallimenti ta' prosekuzzjoni.

Kien fi ftit każijiet biss li l-awtoritajiet tal-Unjoni responsabbli għas-superviżjoni ta' diversi entitajiet ta' gruppi kkoordinaw l-interazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi. Madankollu, fil-parti l-kbira tal-każijiet analizzati ma nstabitx din l-evidenza. L-analiżi lanqas ma setgħet tivverifika li l-awtoritajiet fl-Unjoni għaddew l-informazzjoni rilevanti kollha li rċevew mill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi lill-pari Ewropej tagħhom fil-każijiet kollha.

Studju ta’ każ: Interazzjoni ma' awtoritajiet ta' pajjiżi terzi

F'żewġ każijiet, l-awtoritajiet nazzjonali ma setgħux jintervjenu jew jivverifikaw il-ksur li rifed l-azzjonijiet tal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, peress li dawn tal-aħħar avżaw lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar il-miżuri proposti ftit żmien biss qabel ma ppubblikawhom. Wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri proposti, żewġ istituzzjonijiet ta' kreditu Ewropej kellhom jitterminaw in-negozju tagħhom.

IV.Progress riċenti li sar fl-Unjoni

Matul dawn l-aħħar snin, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu ħadu miżuri sabiex itejbu d-difiżi tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Dan il-progress, flimkien mal-isfidi li għad fadal, huma ddokumentati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi u r-rapporti tal-pajjiżi li jakkumpanjawhom. 25 Barra minn hekk, seħħew diversi żviluppi fil-livell tal-Unjoni.

1.Żviluppi fil-qafas regolatorju tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

Minn meta ġiet introdotta d-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, il-qafas legali tal-Unjoni tjieb b'mod sostanzjali bir-Raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus li kellha tiġi trasposta fl-Istati Membri sa Ġunju 2017, filwaqt li l-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus tagħmel aktar titjib u għandha tkun trasposta sa Jannar 2020. Dan il-qafas il-ġdid huwa titjib fuq ir-regoli preċedenti, b'mod partikolari peress li: (i) jiċċara l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet ta' kreditu jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju u li jistabbilixxu politiki u proċeduri adegwati sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; (ii) jistabbilixxi reġistri tas-sjieda benefiċjarja, ta' kontijiet tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ta' listi ta' persuni politikament esposti, li se jtejbu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet biex iwettqu diliġenza dovuta effettiva tal-klijenti; (iii) jiċċara r-rwol tal-istituzzjoni prinċipali fl-implimentazzjoni ta' politiki dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu għall-grupp kollu; (iv) jiċċara r-rwol tas-superviżur tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tal-istituzzjoni prinċipali biex jissorvelja lill-grupp għal dawn l-iskopijiet; (v) isaħħaħ b'mod sostanzjali s-setgħat tas-superviżuri sabiex jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi għal ksur tal-obbligi rilevanti, filwaqt li jeżiġi li tali sanzjonijiet u miżuri amministrattivi jkunu pubbliċi; (vi) itejjeb b'mod sostanzjali l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, l-aktar billi jneħħi l-ostaklu tal-kunfidenzjalità għall-iskambju ta' informazzjoni bejn is-superviżuri u permezz tal-konklużjoni tal-memorandum ta' qbil għal skambji bejn is-superviżuri u l-Bank Ċentrali Ewropew; u (vii) jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri sabiex jikkonkludu memoranda ta' qbil ma' kontropartijiet ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' kollaborazzjoni u skambju ta' informazzjoni kunfidenzjali.

Id-Direttiva 2018/1673 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali tikkomplementa dan il-qafas preventiv billi tarmonizza d-definizzjoni tar-reat tal-ħasil tal-flus u s-sanzjonijiet relatati. Id-Direttiva daħlet fis-seħħ f'Diċembru 2018 u l-Istati Membri għandhom sentejn sabiex jittrasponuha. Dan il-qafas il-ġdid huwa titjib tar-regoli preċedenti, b'mod partikolari peress li (i) jagħmel il-ħasil tal-flus punibbli b'massimu ta' mhux inqas minn erba' snin priġunerija; (ii) iqis il-każijiet bħala aggravati meta l-awtur tar-reat huwa entità obbligata u wettaq ir-reat fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tiegħu; (iii) jiżgura li l-inforzaturi tal-liġi jistgħu jużaw għodod investigattivi effettivi, bħal dawk użati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u reati serji oħrajn; ((iv) jippermetti lill-Istati Membri jikkriminalizzaw il-ħasil tal-flus li jsir bi traskuraġni jew negliġenza serja.

2.Żviluppi tal-qafas regolatorju prudenzjali

Il-qafas prudenzjali kien aġġornat b'mod sostanzjali fl-2018 b'bidliet li għandhom jiġu applikati sal-aħħar tal-2020 26 . B'rabta mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, l-emendi introduċew obbligu espliċitu ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet prudenzjali u l-awtoritajiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u neħħew l-ostakli tal-kunfidenzjalità għal skambju ta' informazzjoni effettiv bejn dawk l-awtoritajiet. L-Awtorità Bankarja Ewropea ngħatat mandat biex tiżviluppa linji gwida li jispjegaw diversi aspetti tar-rekwiżit ta' kooperazzjoni.

Barra minn hekk, il-Ħames Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital iċċarat il-possibbiltà għas-superviżuri prudenzjali li jużaw għodod prudenzjali disponibbli sabiex jindirizzaw tħassib dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu minn perspettiva prudenzjali. Il-Ħames Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital tipprovdi aktar dettalji dwar l-evalwazzjoni tal-kontrolli interni u s-sistemi ta' ġestjoni tar-riskju matul il-proċess ta' awtorizzazzjoni. Tintroduċi wkoll setgħa espliċita biex jitneħħew il-membri tal-bord tat-tmexxija f'każ ta' tħassib rigward l-adattabbiltà tagħhom, inkluż minn perspettiva tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Barra minn hekk, il-Ħames Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital issemmi b'mod espliċitu d-dimensjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fil-kuntest tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni, billi teħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri neċessarji permezz ta' għodod u setgħat għad-dispożizzjoni tagħhom jekk it-tħassib dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu sinifikanti minn perspettiva prudenzjali. Hemm ukoll obbligu għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jinnotifikaw lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lill-awtorità responsabbli mis-superviżjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fejn jidentifikaw dgħufijiet fil-mudell ta' governanza, fl-attivitajiet tan-negozju jew fil-mudell ta' negozju, li jagħtu raġunijiet validi għal suspetti ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu.

3.Żviluppi fir-rwol tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fir-rigward tal-Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

Fil-livell tal-Unjoni l-mandati attwali tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej - l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq – jestendu għall-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Huma għandhom is-setgħa li jiżviluppaw regoli u gwida f'dan il-qasam u li jippromwovu l-kooperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet, konverġenza superviżorja u li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tiġi applikata kif xieraq. Madankollu, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej mhumiex huma nfushom superviżuri b'sett ta' setgħat vinkolanti għalihom u b'għodod biex jiżguraw il-konformità u l-infurzar tar-regoli u tar-rakkomandazzjonijiet jew biex ikunu involuti b'mod adegwat f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi. Minflok iridu jaħdmu mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti permezz tas-setgħat mogħtija lilhom mir-Regolamenti ta' twaqqif tagħhom 27 .

Fis-snin li għaddew, l-attenzjoni tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu kienet fuq il-ħidma fuq għadd ta' mandati regolatorji delegati lilhom taħt ir-Raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. Madankollu, aktar reċentement kien hemm aktar attenzjoni fuq it-twettiq ta' ħidma ta' konverġenza, inkluż attenzjoni fuq l-applikazzjoni korretta tar-regoli rilevanti.

Pereżempju, is-sena l-oħra f'Lulju fil-każ ta' bank minnhom, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea adotta rakkomandazzjonijiet lill-awtorità superviżorja tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex tieħu miżuri biex tiżgura l-konformità mad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. Il-Kummissjoni kompliet fuq dan billi ħarġet opinjoni indirizzata lil dik l-awtorità superviżorja dwar l-azzjoni meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni. 28

Aktar kmieni din is-sena, wara talba mingħand il-Kummissjoni, l-Awtorità Bankarja Ewropea investigat ukoll awtoritajiet superviżorji f'żewġ Stati Membri b'rabta ma' ċirkustanzi tal-operazzjoni minn bank ta' portafoll ta' riskju għoli ta' klijenti mhux residenti permezz tal-fergħa barranija tagħha. F'dak il-każ, fi Frar 2019 l-Awtorità Bankarja Ewropea fetħet investigazzjoni formali ta' ksur tad-dritt tal-Unjoni taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ir-Regolament dwar l-Awtorità Bankarja Ewropea) 29 . Wara l-ftuħ tal-investigazzjoni u analiżi estensiva mill-persunal tal-Awtorità Bankarja Ewropea, il-panil indipendenti dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea ppropona abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Bord tas-Superviżuri tagħha b'rabta ma' sensiela ta' ksur tad-dritt tal-Unjoni miż-żewġ awtoritajiet superviżorji fir-rigward ta' superviżjoni u kooperazzjoni effettivi. Il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea (magħmul mill-kapijiet tal-awtoritajiet prudenzjali tal-Istati Membri) ma laqax ir-rakkomandazzjoni fis-16 ta' April 2019.

Id-deċiżjoni finali tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea fil-proċess tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni relatat mal-bank rispettiv setgħet kienet xprunata mill-kwistjonijiet li ġejjin:

·Il-membri tal-Bord tas-Superviżuri, filwaqt li jaqblu li seta' kien hemm xi nuqqasijiet fis-superviżjoni, jidhru li qiesu li l-obbligi tas-superviżuri fid-direttivi rilevanti ma kinux ċari biżżejjed u mingħajr kundizzjonijiet u għalhekk ma setgħux jintużaw biex jiffinanzjaw rakkomandazzjoni ta' ksur tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-membri tal-Bord tas-Superviżuri kkunsidraw il-fatt li l-qafas leġiżlattiv inbidel matul il-perjodu ta' żmien kopert mill-investigazzjoni tal-Awtorità.

·Il-membri tal-Bord tas-Superviżuri kkunsidraw ukoll li dan il-każ kien jikkonċerna l-passat u li l-Artikolu 17 dwar il-proċeduri ta' ksur tad-dritt tal-Unjoni fir-Regolament dwar l-Awtorità Bankarja Ewropea mhuwiex l-għodda ġusta għar-rimedju ta' kwistjonijiet tal-passat. 30  

Is-sejbiet preċedenti jqajmu mistoqsijiet għall-futur, inkluż dwar kif jiġi żgurat li s-superviżuri jistgħu jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom biex jiżguraw il-konformità tal-istituzzjonijiet finanzjarji mad-dritt tal-Unjoni, speċjalment meta jaħdmu b'Direttivi b'armonizzazzjoni minima. Fl-istess waqt huma jenfasizzaw il-ħtieġa li tintuża l-medda sħiħa ta' għodod mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, inklużi rieżamijiet ta' implimentazzjoni li tħares 'il quddiem, sabiex tissaħħaħ is-superviżjoni fil-prattika tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu madwar l-UE. Huwa nnutat li d-deċiżjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea ma taffettwax id-dritt tal-Kummissjoni li tniedi proċeduri ta' ksur abbażi tal-istess fatti.

Ir-rieżami reċenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ħoloq aktar enfażi fuq il-kwistjonijiet ta' ħasil ta' flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu. Minn Jannar 2020, il-mandat attwali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li għandha kull waħda mit-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej se jkun ikkonċentrat fi ħdan l-Awtorità Bankarja Ewropea, li se tassumi rwol ewlieni, billi tikkoordina u timmonitorja l-promozzjoni tal-integrità, it-trasparenza u s-sigurtà fis-sistema finanzjarja sabiex jiġu evitati u megħluba l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Regoli ġodda dwar il-qsim u t-tixrid tal-informazzjoni għandhom itejbu l-kooperazzjoni b'mod sinifikanti fost is-superviżuri prudenzjali u dawk tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, u jsaħħu r-rwol tal-Awtorità Bankarja Ewropea fl-iżgurar li l-ksur ta' regoli rilevanti jkun investigat b'mod konsistenti u li s-superviżuri nazzjonali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Awtorità Bankarja Ewropea se jkollha rwol fl-iffaċilitar tal-kooperazzjoni ma' awtoritajiet ta' pajjiżi terzi f'każijiet fejn hemm indikazzjonijiet ta' ksur tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus.

V.Konklużjoni

Il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrihom huma kruċjali fil-preservazzjoni tal-integrità tas-suq intern u fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Entitajiet differenti għandhom rwol differenti x'jaqdu f'dan il-kompitu, ibda mill-istituzzjonijiet ta' kreditu, is-superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u dawk prudenzjali (inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew meta jaġixxi fil-kapaċità superviżorja tiegħu), l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, sal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi (il-pulizija, il-prosekuturi u l-qrati). Huwa imperattiv li dawn l-entitajiet jagħtu biżżejjed prijoritizzazzjoni lill-kompiti tagħhom fil-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u fil-ġlieda kontrihom. Huwa essenzjali wkoll li l-liġijiet jiġu applikati b'mod sħiħ u effettiv mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u li dawn jiġu infurzati b'mod konsistenti mill-awtoritajiet pubbliċi dotati b'setgħat investigattivi u superviżorji suffiċjenti u li jużaw sanzjonijiet effettivi u dissważivi. Kooperazzjoni u qsim effettiv ta' informazzjoni bejn il-ħafna awtoritajiet rilevanti huma essenzjali fl-indirizzar ta' tħassib dejjem jikber dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż barra mill-Unjoni. L-analiżi uriet li spiss fil-prattika dawn l-aspetti essenzjali ma ttiħdux biżżejjed inkunsiderazzjoni.

1.Sejbiet relatati mad-difiża tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

L-analiżi tal-każijiet magħżula żvelat inċidenti sostanzjali ta' fallimenti mill-istituzzjonijiet ta' kreditu milli jikkonformaw ma' rekwiżiti fundamentali tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, bħall-valutazzjoni tar-riskju, id-diliġenza dovuta tal-klijenti, u r-rapportar ta' tranżazzjonijiet u attivitajiet suspettużi lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja. Il-każijiet li urew nuqqasijiet ta' konformità fit-tul fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu spiss urew ukoll difetti usa' relatati mal-governanza fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, speċjalment fil-funzjoni ta' kontroll kif ukoll, f’xi każijiet, fl-attitudni tal-maniġment superjuri.

Ħafna mill-banek eżaminati għamlu negozju riskjuż minn perspettiva tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, mingħajr ma stabbilixxew kontrolli u ġestjoni tar-riskju proporzjonati. Spiss, ir-riskji mmaterjalizzaw ferm qabel ma l-istituzzjonijiet ta' kreditu identifikaw in-nuqqasijiet. Anki meta ġew identifikati n-nuqqasijiet, ċerti banek damu ma indirizzawhom.

Ħafna mill-gruppi bankarji transfruntiera analizzati organizzaw il-funzjonijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu lokalment, b'enfażi fuq il-konformità mar-regoli lokali, mingħajr ma ssupplimentaw dan l-approċċ b'implimentazzjoni rigoruża u konsistenti ta' politika tal-grupp u proċessi ta' kontroll.

Għalkemm ċerti nuqqasijiet identifikati jidhru li kienu kkawżati primarjament minn negliġenza, kien hemm ukoll każijiet fejn l-impjegati jew il-maniġment ta' istituzzjonijiet ta' kreditu jidhru li appoġġaw il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu jew naqsu d-difiża apposta, biex jidħlu f'negozju profittabbli iżda suspettuż ħafna. Fi ftit każijiet, in-nuqqasijiet kienu tant severi li finalment wasslu għall-falliment jew l-għeluq tal-istituzzjoni ta' kreditu jew tan-negozju speċifiku.

Fis-snin li għaddew, madankollu, bis-saħħa tal-iżvilupp gradwali tal-qafas legali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, ħafna mill-istituzzjonijiet ta' kreditu eżaminati ħadu miżuri sostanzjali sabiex itejbu s-sistemi ta' konformità tagħhom mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Żiedu t-timijiet tal-ġestjoni tar-riskju u tal-konformità tagħhom u qegħdin jaħdmu fuq il-proċeduri u l-kontrolli interni tagħhom. Uħud mill-obbligi relatati huma wkoll mistennija li jkunu aktar ċari ladarba l-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ħames Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital jiġu trasposti. Barra minn hekk, skont il-pjan ta' azzjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu adottat mill-Kunsill f'Diċembru 2018, l-Awtorità Bankarja Ewropea attwalment qiegħda taħdem fuq gwida aktar dettaljata għall-applikazzjoni tar-regoli rilevanti. Dawn l-azzjonijiet huma maħsuba biex jiċċaraw l-aspettattivi vis-à-vis l-istituzzjonijiet ta' kreditu u jgħinuhom iħejju ruħhom aħjar biex jagħmlu l-parti tagħhom fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, bosta aspetti tal-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jeħtieġu li jissaħħu permezz ta' regoli vinkolanti li ftit li xejn iħallu spazju għal interpretazzjoni diverġenti.

2.Sejbiet relatati mal-azzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi

L-analiżi eżaminat azzjonijiet u tweġibiet minn awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħrajn f'kull wieħed mill-każijiet. F'uħud, l-awtoritajiet pubbliċi kienu effettivi fl-identifikazzjoni minn qabel ta' nuqqasijiet fl-istituzzjonijiet ta' kreditu li kienu jeħtieġu rimedju, iżda f'għadd ta' każijiet oħrajn, l-awtoritajiet pubbliċi intervjenew biss wara li seħħew riskji sinifikanti jew meta ġew iffaċċjati b'fallimenti ripetuti ta' konformità u governanza. Il-puntwalità u l-effettività tal-miżuri superviżorji sussegwenti imposti fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu kienu jvarjaw ħafna.

Għadd ta' fatturi jidhru li xprunaw l-effettività tal-azzjoni superviżorja. L-awtoritajiet pubbliċi attribwew gradi differenti ta' prijorità u ta' allokazzjoni ta' riżorsi għall-attivitajiet ta' kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, li jista' jispjega d-diverġenzi fil-grad ta' intrużività u ta' intensità tas-superviżjoni. Spiss is-superviżjoni ma kinitx issir b'mod frekwenti, filwaqt li f'każijiet oħrajn il-persunal tal-awtoritajiet bata minħabba nuqqas ta’ esperjenza rilevanti. Fokus addizzjonali fuq l-implimentazzjoni superviżorja u l-konverġenza fis-superviżjoni fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta' reviżjonijiet u taħriġ mill-Awtorità Bankarja Ewropea jkunu importanti f'dan ir-rigward. Bosta awtoritajiet prudenzjali kienu wkoll inċerti dwar sa fejn u kif għandhom jinkludu t-tħassib dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fis-sett ta' għodda tagħhom. Il-ħidma tal-Awtorità Bankarja Ewropea fuq il-linji gwida, kif ukoll l-integrazzjoni ta' tħassib bħal dan fis-superviżjoni prudenzjali huma mistennija li jinformaw il-ħidma tas-superviżuri fil-futur.

Il-qafas superviżorju deċentralizzat tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu bbażat prinċipalment fuq approċċ tal-pajjiż ospitanti ffoka fuq il-konformità tal-entitajiet domestiċi mal-oqfsa lokali mingħajr ma neċessarjament ta każ tal-attivitajiet transfruntiera tagħhom. Fil-fatt, l-ebda superviżur tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu ma deher li ħa responsabbiltà għas-superviżjoni fil-livell tal-grupp, u ddependa biss fuq is-superviżjoni tan-negozju lokali f'kull Stat Membru, u b'hekk ħalla l-politiki dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tal-grupp mingħajr superviżjoni. Għalkemm is-superviżjoni tal-grupp fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu ġiet introdotta b'mod aktar ċar fir-Raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, din għadha trid tiġi applikata b'mod effettiv fil-prattika mill-awtoritajiet. Il-qafas għadu nieqes minn kompiti ċari ta' superviżjoni tal-gruppi, minn xi mekkaniżmu ta' koordinazzjoni speċifiku u proċess deċiżjonali konġunt mal-awtoritajiet kollha rilevanti tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, li jibqa' f'kuntrast mal-mekkaniżmi effettivi li jikkaratterizzaw is-superviżjoni prudenzjali transfruntiera sa mir-Raba' Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital u mill-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. L-iffurmar ta' kulleġġi tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u s-sorveljanza tagħhom mill-Awtorità Bankarja Ewropea se jkunu importanti f'dan ir-rigward.

F'dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti, xi ftit kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni fil-fatt seħħew, iżda mhux dejjem kienu effettivi jew f'waqthom. Fost l-ixprunaturi sottostanti jidher li kien hemm nuqqas ta' kuntatti diretti bejn is-superviżuri prudenzjali u dawk rilevanti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, id-diversità tal-organizzazzjoni istituzzjonali madwar l-Unjoni u l-kumplessità relatata tal-koordinazzjoni, in-nuqqas ta' riżorsi u l-impedimenti legali għall-qsim tal-informazzjoni.

Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu ta' pajjiżi terzi kienet diffiċli f'ċerti każijiet, u l-azzjonijiet mill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi jibqgħu ġeneralment imprevedibbli, minkejja l-effetti kbar potenzjali tagħhom fil-ġurisdizzjonijiet tal-Unjoni. Għalkemm l-Awtorità Bankarja Ewropea ngħatat rwol akbar fil-koordinazzjoni ma' pajjiżi terzi, dan ir-rwol aktarx jibqa' limitat minħabba n-natura tas-setgħat tagħhom.

Fil-kuntest tal-qafas tal-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus li qed jevolvi, l-awtoritajiet superviżorji żiedu ħafna l-attenzjoni tagħhom fuq il-kwistjonijiet ta' ħasil ta' flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu, speċjalment f'dawn l-aħħar sentejn. Il-mewġa ta' inċidenti riċenti wasslet ukoll għal xi emendi mmirati tal-qafas legali rilevanti, b'mod partikolari fir-rigward tal-qafas prudenzjali u l-infurzar permezz tal-Awtorità Bankarja Ewropea. Ħafna awtoritajiet ġew jew qegħdin jiġu organizzati mill-ġdid u qegħdin jiksbu riżorsi addizzjonali u għarfien espert ġdid. Dan huwa mistenni li jkompli u għandu jkun appoġġat mill-assistenza fl-implimentazzjoni u wkoll minn flussi ta' informazzjoni effettiv madwar l-UE abbażi tal-bażi tad-data futura tal-Awtorità Bankarja Ewropea.

3.Problemi strutturali pendenti

Għalkemm uħud mill-kawżi sottostanti għall-avvenimenti analizzati diġà ġew indirizzati jew se jiġu indirizzati dalwaqt bis-saħħa tal-bidliet riċenti fil-qafas regolatorju, l-analiżi tenfasizza għadd ta' problemi strutturali pendenti. Is-sejbiet f'dan ir-rapport huma intiżi sabiex jinformaw id-dibattitu dwar kif il-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu jista' jissaħħaħ aktar u sabiex jipprovdu l-bażi għal aktar diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Uħud min-nuqqasijiet indikati f'dan ir-Rapport huma ta' natura strutturali u s'issa għadhom ma ġewx indirizzati. L-approċċi differenti għall-konformità mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u għas-superviżjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali huma l-konsegwenza ta' armonizzazzjoni minima fil-livell tal-Unjoni. L-integrazzjoni tat-tħassib dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fis-superviżjoni prudenzjali fis-sitwazzjonijiet transfruntiera għadha mhix artikolata biżżejjed fil-qafas prudenzjali.

Dan jirriżulta fi grad ta' frammentazzjoni regolatorja u superviżorja fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li jidher li mhuwiex adattat tajjeb fid-dawl ta' attività transfruntiera li dejjem qed tiżdied fl-Unjoni u ta’ superviżjoni prudenzjali ċentralizzata fl-Unjoni Bankarja. Ħoloq dgħajfin huma ta' theddida għall-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni inġenerali u se jibqgħu jeżistu sakemm ma jiġix assigurat li l-entitajiet kollha jimplimentaw regoli komuni koerenti u effettivi u jkunu soġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità.

Dan jimplika li l-kompiti tad-diversi awtoritajiet rilevanti involuti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu għandhom ikunu spjegati b'mod ċar u attribwiti b'mod xieraq, filwaqt li jiġi żgurat li l-ebda attività li tinvolvi riskji ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu ma titħalla mingħajr superviżjoni. Barra minn hekk, fil-livell internazzjonali, il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ewlenin ta' pajjiżi terzi għandha tkun aktar strutturata u sistematika, u tiżgura pożizzjonijiet konċertati fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi.

Għandu jiġi kkunsidrat li l-ġabra tar-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tiġi armonizzata aktar f'dak li jirrigwarda l-obbligi tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kif ukoll is-setgħat, id-dmirijiet u l-għodod meħtieġa għal superviżjoni effettiva. B'mod partikolari, għandha tiġi kkunsidrata t-trasformazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus f'Regolament, li jkollu l-potenzjal li jistabbilixxi qafas regolatorju dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu armonizzat u direttament applikabbli fl-Unjoni. Barra minn hekk, id-dimensjoni transfruntiera dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu jixirqilha żvilupp ulterjuri sabiex tiġi konformi mal-grad ta' integrazzjoni attwali fis-suq bankarju. Jistgħu jiġu previsti wkoll alternattivi differenti sabiex tiġi żgurata sorveljanza ta' kwalità għolja u konsistenti kontra l-ħasil tal-flus, skambju ta' informazzjoni bla xkiel u kooperazzjoni ottima bejn l-awtoritajiet rilevanti kollha fl-Unjoni. Dan jista' jeħtieġ li jingħataw kompiti superviżorji speċifiċi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus lil korp tal-Unjoni.

(1)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ tal-qafas tal-Unjoni għal superviżjoni prudenzjali u ta' kontra l-ħasil tal-flus għall-istituzzjonijiet finanzjarji, COM/2018/645 final, 12.9.2018

(2)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew - Tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa: Nieħdu kont erba' snin wara r-Rapport tal-Ħames Presidenti, COM(2019) 279 final, 12.06.2019

(3)

Il-qafas regolatorju rilevanti huwa stabbilit prinċipalment fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva kif emendata (id-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus), u kkomplementat minn dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, kif emendata (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital).

(4)

  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2018/12/04/money-laundering-council-adopts-conclusions-on-an-action-plan-for-enhanced-monitoring/

(5)

L-għaxar banek inklużi fil-kampjun ma ġewx soġġetti għal analiżi ħolistika, iżda r-rieżami ffoka fuq avvenimenti magħrufa pubblikament marbuta ma’ banek individwali u l-azzjonijiet superviżorji relatati. Is-sejbiet f’dan ir-rapport mhux neċessarjament jikkaratterizzaw kull wieħed mill-każijiet studjati, u lanqas ma għandhom l-istess importanza fil-każijiet kollha fejn japplikaw. Il-kampjun ta’ każijiet kien jinkludi: lill-ABLV Bank b’rabta ma’ avvenimenti li wasslu għall-għeluq tal-bank, lid-Danske Bank b’rabta ma’ avvenimenti li wasslu għall-għeluq tal-fergħa tiegħu fl-Estonja, lid-Deutsche Bank b’rabta mal-każ tal-kummerċ mera li wassal għall-impożizzjoni ta’ multi, lill-FBME Bank b’rabta ma’ avvenimenti li wasslu għall-għeluq tiegħu, lil ING b’rabta ma’ avvenimenti li wasslu għall-ftehim mal-Prosekutur Pubbliku Olandiż, lil Nordea b’rabta ma’ avvenimenti li wasslu għal multi għal nuqqasijiet ta’ konformità mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, lill-Pilatus Bank b’rabta ma’ avvenimenti li wasslu għall-għeluq tiegħu, lil Satabank b’rabta ma’ avvenimenti li wasslu għal restrizzjonijiet fuq l-operat tiegħu, lis-Société Générale b’rabta ma’ avvenimenti li wasslu għall-impożizzjoni ta’ multi għal nuqqasijiet ta’ konformità mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, lill-Versobank b’rabta ma’ avvenimenti li wasslu għall-għeluq tiegħu.

(6)

F'termini ta’ daqs, mudell ta' negozju, preżenza transfruntiera, mudelli ta’ governanza, eċċ.

(7)

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2018 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, ĠU L 0849, 09.07.2015, p. 1.

(8)

 Id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1–200 u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338–436.

(9)

Id-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta' entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ir-rimunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta' konservazzjoni kapitali, ĠU L 150, 7.6.2019

(10)

Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE u d-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta' entitajiet eżentati, kumpanniji azzjonarji finanzjarji, kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta, remunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta' konservazzjoni ta' kapital (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 253–295) u r-rieżami tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej li se jiġi adottat formalment fi XXX.

(11)

Report from the Commission to the European Parliament and the Council on the assessment of the risk of money laundering and terrorist financing affecting the internal market and relating to cross-border activities (Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwa lis-suq intern u relatati ma’ attivitajiet transfruntiera) COM (2019) 370

(12)

Report from the Commission to the European Parliament and the Council assessing the framework for cooperation between Financial Intelligence Units (Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja) COM(2019) 371

(13)

Report from the Commission to the European Parliament and the Council on the interconnection of national centralised automated mechanisms (central registries or central electronic data retrieval systems) of the Member States on bank accounts (Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-interkonnessjoni ta’ mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali (reġistri ċentrali jew sistemi elettroniċi ċentrali ta’ rkupru tad-data) tal-Istati Membri fuq il-kontijiet bankarji) COM(2019) 372

(14)

Hemm varjazzjonijiet kbar f'termini ta’ kawżi jew manifestazzjonijiet dettaljati ta’ flussi relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, bħalma hemm varjazzjonijiet ukoll b’rabta mal-intensità tagħhom

(15)

Waħda mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu evalwata kellha strutturi ta’ gruppi kumplessi li jwettqu tranżazzjonijiet f’ġurisdizzjonijiet barranin, li mbagħad kienu prenotati permezz ta’ fergħa barranija fl-Unjoni. Dan il-mudell partikolari jippreżenta riskji dwar l-involviment ta’ partijiet terzi fil-pagamenti u għandu t-tendenza li jiġi assoċjat mad-delega sħiħa tad-diliġenza dovuta tal-klijent lill-entità li tipprenota mill-bogħod.

(16)

Huwa nnutat li dawn il-każijiet għandhom jiġu investigati mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea ma għandha l-ebda kompetenza f'dan ir-rigward.

(17)

L-Artikolu 74 tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital 2013/36/UE.

(18)

It-tliet linji ta’ difiża jinvolvu: (l-ewwel linja) l-unitajiet operazzjonali, (it-tieni linja) il-funzjoni tal-konformità u tal-ġestjoni tar-riskju u (it-tielet linja) il-funzjoni tal-awditjar intern.

(19)

Filwaqt li ċerti awtoritajiet setgħu jimponu biss massimu ta’ EUR 46 500 għal kull ksur, oħrajn setgħu jimponu miljuni ta’ euro f’sanzjonijiet amministrattivi.

(20)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63–89 (ir-Regolament li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku).

(21)

Il-premessa 28 tar-Regolament li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.

(22)

L-awtoritajiet ospitanti huma aktar assoċjati mill-qrib mas-superviżjoni mill-awtoritajiet domestiċi fejn il-fergħat fit-territorju tagħhom ġew indikati bħala sinifikanti.

(23)

http://www.fatf-gafi.org/media/fatf/documents/recommendations/pdfs/FATF%20Recommendations%202012.pdf

(24)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1

(25)

https://ec.europa.eu/info/publications/2019-european-semester-country-specific-recommendations-commission-recommendations_mt

(26)

Id-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta' entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ir-rimunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta' konservazzjoni kapitali, ĠU L 150, 7.6.2019

(27)

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE, ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE; Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE, ĠU L 331, 15.12.2010

(28)

C(2018) 7431 final, 08.11.2018

(29)

 Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE, ĠU L 331, 15.12.2010, p.12.

(30)

B'mod speċifiku, il-membri kkunsidraw li filwaqt li l-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjonijiet taħt l-Artikolu 17 mhuwiex ristrett għal ksur attwali, ir-rimedju ta' ħruġ ta' rakkomandazzjonijiet "li jistabbilixxu l-azzjoni meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni" jista' ma jkunx adattat għal każijiet relatati ma' attivitajiet superviżorji passati.

Top