IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.4.2019
COM(2019) 213 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni u r-rieżami tad-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek) u r-Regolament 806/2014 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni)
I.Introduzzjoni
Il-qafas regolatorju tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji żviluppa b’mod sostanzjali, wara l-kriżi finanzjarja. Ġew adottati diversi testi leġiżlattivi biex jiġu introdotti regoli f’oqsma li qabel ma kinux irregolati u biex tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni eżistenti. L-għan ġenerali kien li jiġu indirizzati t-tħassib u d-dgħufijiet li ħarġu matul il-kriżi finanzjarja u li jitnaqqas ir-riskju li mill-ġdid jerġgħu jixirfu l-kriżijiet (sistemiċi).
F’dan il-kuntest, fl-2014 ġie introdott qafas legali armonizzat minimu tal-UE li jista’ jiġi applikat f’każ ta’ kriżijiet bankarji, li jikkonsisti mid-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (“BRRD”, Bank Recovery and Resolution Directive). Ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (“SRMR”, Single Resolution Mechanism Regulation) jikkomplimenta dan il-qafas armonizzat. Dawn l-atti leġiżlattivi jipprovdu għodod effettivi ta’ riżoluzzjoni għall-banek li qed “ifallu jew li x’aktarx ifallu”. Filwaqt li l-BRRD kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali minn kull Stat Membru tal-UE, l-SRMR huwa regolament li japplika direttament u li jiċċentralizza ċerti funzjonijiet u deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni għall-Unjoni Bankarja. Għalhekk, iż-żewġ strumenti jistabbilixxu b’mod konġunt il-qafas tar-riżoluzzjoni tal-UE.
Il-BRRD u l-SRMR stabbilew il-prinċipju li meta bank ikun qed ifalli jew x’aktarx li jfalli, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tista’ tikkonkludi li jkun fl-interess pubbliku li l-bank jitpoġġa f’riżoluzzjoni, minflok ma tiġi applikata l-insolvenza skont il-liġi nazzjonali. Tali interess pubbliku jista’ pereżempju jkun dovut għall-fatt li l-bank jipprovdi funzjonijiet meqjusa kruċjali għall-ekonomija, li ma jistgħux jiġu interrotti mingħajr effetti negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja. Jekk ma jkun hemm l-ebda interess pubbliku biex titwettaq riżoluzzjoni, il-bank irid jiġi stralċat skont ir-regoli tal-insolvenza f’konformità mal-liġijiet nazzjonali.
Bħala regola ġenerali, bank irid jiġi ddikjarat li qed ifalli jew li x’aktarx ifalli meta jkun jeħtieġ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju biex jippreserva l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza tiegħu, u huwa biss f’każijiet eċċezzjonali speċifiċi li bank jista’ jirċievi appoġġ pubbliku mingħajr din il-konklużjoni. Dawn il-każijiet eċċezzjonali jinkludu r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja, kif ukoll garanziji mill-Istat li jsostnu faċilitajiet ta’ likwidità pprovduti minn banek ċentrali u garanziji mill-Istat fuq obbligazzjonijiet li jkunu għadhom kif inħarġu.
Il-qafas jiżgura li l-azzjonisti u l-kredituri effettivament jappoġġaw it-telf u jistabbilixxi għadd ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni għall-awtoritajiet biex jiġġestixxu l-banek f’riżoluzzjoni. Skont il-każ speċifiku, l-awtoritajiet jistgħu jiddeċiedu li jużaw il-bejgħ ta’ għodod tan-negozju, biex joħolqu bank tranżitorju jew vettura għall-immaniġġjar tal-assi, u biex iwettqu rikapitalizzazzjoni interna.
Il-qafas jipprevedi wkoll regoli dwar l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku estern lill-banek f’riżoluzzjoni. Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni ffinanzjati mill-kontribwenti, jenħtieġ li jinħolqu arranġamenti nazzjonali għall-finanzjament ta’ riżoluzzjoni kif ukoll il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF, Single Resolution Fund) – li għandu jiġi ffinanzjat mill-banek kollha fis-suq – li huma s-sors ewlieni ta’ appoġġ finanzjarju estern għall-banek f’riżoluzzjoni.
Barra minn hekk, l-SRMR jistabbilixxi l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB, Single Resolution Board), li għandu l-kompitu li jħejji u jwettaq ir-riżoluzzjoni tal-banek stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti fl-Unjoni Bankarja, kif ukoll il-ġestjoni tal-SRF.
L-Artikolu 129 tal-BRRD u l-Artikolu 94 tal-SRMR jesiġu li l-Kummissjoni twettaq rieżami tal-applikazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti dwar l-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti legali kellhom jiġu sottomessi sa Ġunju u sa Diċembru 2018 rispettivament. Minħabba r-rabtiet mill-qrib bejn dawn l-istrumenti, huwa xieraq li r-rieżami jsir b’mod konġunt għat-tnejn li huma. Barra minn hekk, sabiex jitwettaq ir-rieżami, kien meħtieġ li wieħed jistenna l-adozzjoni tal-Pakkett Bankarju (deskritt aktar fid-dettall hawn taħt), li emenda xi elementi importanti fil-qafas tar-riżoluzzjoni, u b’mod partikolari fir-regoli dwar ir-Rekwiżit Minimu għall-fondi proprji u Obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL, Minimum Requirement for own funds and eligible Liabilities).
II.Ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali fl-applikazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni u t-tlestija tiegħu
A.Is-sitwazzjoni attwali dwar it-traspożizzjoni tal-BRRD
Id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tal-BRRD kienet il-31 ta’ Diċembru 2014. Żewġ Stati Membri biss innotifikaw it-traspożizzjoni kollha tal-BRRD sal-iskadenza, u nfetħu każijiet ta’ ksur għal nuqqas ta’ komunikazzjoni kontra dawk li kien fadal.
Illum, l-Istati Membri kollha nnotifikaw it-traspożizzjoni kollha. Il-Kummissjoni vverifikat li l-BRRD hija trasposta kollha fl-Istati Membri kollha u għalqet il-każijiet rispettivi ta’ ksur minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni.
Il-Kummissjoni bħalissa qed tivverifika l-korrettezza tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni.
B. Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni
L-implimentazzjoni tal-BRRD għadha għaddejja fl-UE. Għadd ta’ Stati Membri stabbilew strateġiji ta’ riżoluzzjoni u miri tal-MREL għall-banek kollha taħt il-mandat dirett tagħhom. Dan ippermetta li l-banek jibdew ineħħu l-impedimenti għal dawn l-istrateġiji u jibnu r-riżorsi tal-MREL. Sa mill-introduzzjoni tal-BRRD, twaqqfu għadd ta’ kulleġġi ta’ riżoluzzjoni bil-għan li jintlaħaq qbil dwar pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà u l-MREL bejn l-awtoritajiet tad-domiċilju u dawk ospitanti inkarigati mir-riżoluzzjoni tal-gruppi bankarji fl-UE.
Fl-Unjoni Bankarja, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) qed iwettaq il-proċess għat-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall-banek li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Barra minn hekk, l-SRB żviluppa gwida dwar il-funzjonijiet kritiċi u l-operattività tar-rikapitalizzazzjoni interna u qed jaħdem fuq għadd ta’ suġġetti, b’mod partikolari fuq il-kontinwità operazzjonali u s-sistemi tal-informazzjoni tal-maniġment. L-SRB preċedentement ippubblika “Introduzzjoni għall-Ippjanar tar-Riżoluzzjoni” u qed jiżviluppa manwal għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni aktar iddettaljat għall-pubblikazzjoni esterna.
Fir-rigward tal-MREL, l-approċċ tal-SRB evolva minn wieħed li jissejjes fuq miri ta’ informazzjoni fl-2016, għall-inklużjoni ta’ rekwiżiti vinkolanti għall-akbar banek u għal dawk l-aktar kumplessi fl-2017, kif ukoll għal aġġustamenti speċifiċi għall-banek li jindirizzaw kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità tal-MREL. Il-gwida dwar l-MREL tal-2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar l-MREL mill-SRB inħarġet mill-SRB fl-aħħar tal-2018. B’mod ġenerali, il-banek jinsabu f’fażi ta’ tranżizzjoni u, filwaqt li xi banek attwalment għadhom qed jiffaċċjaw nuqqasijiet ta’ MREL, jinsabu fi triqithom biex iwettqu l-objettivi fil-limitu ta’ żmien speċifikat mill-SRB.
C.L-emendi tal-MREL li jinsabu fil-Pakkett Bankarju
F’April 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw il-Pakkett Bankarju li kien jinkludi emendi għal ċerti dispożizzjonijiet tal-BRRD u tal-SRMR iżda wkoll għad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD, Capital Requirements Directive) u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR, Capital Requirements Regulation). Fid-dawl tal-iskadenzi fit-testi leġiżlattivi, ir-regoli l-ġodda x’aktarx li jsiru applikabbli fl-Istati Membri matul l-2020.
Parti mid-dispożizzjonijiet fil-pakkett tirrigwarda l-MREL. B’mod partikolari, din tipprevedi miżuri biex jiġi allinjat il-qafas leġiżlattiv eżistenti mal-istandard internazzjonali rilevanti maħruġ mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja dwar il-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf (TLAC, Total Loss Absorbing Capacity) u tinkludi bidliet sinifikanti fil-kalibrazzjoni, il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-allokazzjoni tal-grupp tar-rekwiżit MREL, u l-konsegwenzi tal-ksur tiegħu. Barra minn hekk, it-test jindirizza l-kwistjoni tar-rikonoxximent kuntrattwali tar-rikapitalizzazzjoni interna għal obbligazzjonijiet maħruġa skont liġijiet ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll is-setgħat tal-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni li jissospendu l-pagamenti (is-setgħat ta’ moratorju).
D.Il-każijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qafas ta’ riżoluzzjoni
Sa issa, hemm esperjenza limitata dwar l-applikazzjoni tal-qafas għal banek li qed ifallu jew għal dawk li x’aktarx ifallu.
Il-każ tal-Banco Popular (Ġunju 2017) huwa l-unika riżoluzzjoni li twettqet wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet kollha tal-SRMR. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular kienet tinvolvi l-valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni tal-fondi proprji tal-istituzzjoni u l-bejgħ tal-entità taħt l-għodda tal-bejgħ ta’ negozju. F’dan il-kuntest, Banco Santander ġie identifikat bħala xerrej xieraq. L-ebda rikapitalizzazzjoni interna ta’ obbligazzjonijiet lil hinn mid-dejn subordinat ma kienet adottata f’dan il-każ, u l-ebda appoġġ mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ma kien meħtieġ.
Qabel il-każ tal-Banco Popular, il-BRRD kienet applikata f’Novembru 2015 meta l-awtoritajiet Taljani poġġew f’riżoluzzjoni erba’ banek (Banca delle Marche, Banca Popolare dell’Etruria e del Lazio, Cassa di Risparmio di Ferrara u Cassa di Risparmio della Provincia di Chieti). Madankollu, dawn il-każijiet seħħew qabel id-data ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Għaldaqstant, kienu applikati biss ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jirrigwardaw il-kondiviżjoni tal-piżijiet (li jirrikjedu l-valwazzjoni negattiva tal-ekwità u tad-dejn subordinat), iżda l-ebda rikapitalizzazzjoni interna skont il-BRRD.
Barra minn hekk, ċerti dispożizzjonijiet tal-qafas ta’ riżoluzzjoni ġew applikati f’każijiet riċenti ta’ banek f’diffikultà, li madankollu ma kinux jinvolvu r-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni:
-Ċerti banek irċevew appoġġ ta’ likwidità bħala prekawzjoni. Tali appoġġ ingħata lil żewġ banek Griegi (National Bank of Greece u Piraeus Bank) f’April 2015. F’Diċembru 2016, Monte dei Paschi di Siena ngħata appoġġ, u f’Jannar u f’April 2017, żewġ banek Taljani ta’ daqs medju, Banca Popolare di Vicenza u Veneto Banca, ukoll ibbenefikaw mill-istess tip ta’ appoġġ;
-In-National Bank of Greece u l-Piraeus Bank irċevew rikapitalizzazzjonijiet prekawzjonarji f’Novembru 2015. L-istess tip ta’ appoġġ ingħata mill-awtoritajiet Taljani lil Banca Monte dei Paschi di Siena f’Ġunju 2017.
-F’Ġunju 2017, Banca Popolare di Vicenza u Veneto Banca ġew iddikjarati li qed ifallu jew li aktarx ifallu mill-BĊE, u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni sab li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni ma kinitx fl-interess pubbliku. Il-qafas ta’ riżoluzzjoni jipprevedi li f’din iċ-ċirkustanza, japplikaw regoli ta’ insolvenza skont il-liġi nazzjonali. Għalhekk, iż-żewġ istituzzjonijiet tpoġġew taħt likwidazzjoni amministrattiva obbligatorja skont il-liġi Taljana.
-Fir-rigward tal-bank Latvjan ABLV, AS u s-sussidjarja tiegħu ABLV Bank Luxembourg S.A., wara li l-BĊE ddetermina li l-banek kienu qed ifallu jew aktarx li jfallu fi Frar 2018, l-SRB ħa d-deċiżjoni li ma jibdiex azzjoni ta’ riżoluzzjoni minħabba n-nuqqas ta’ interess pubbliku. Wara, ABLV AS applika għal likwidazzjoni volontarja skont il-liġi tal-Latvja u ABLV Luxembourg AS baqa’ f’reġim ta’ sospensjoni ta’ pagamenti skont il-liġi tal-Lussemburgu.
Fejn applikabbli, il-Kummissjoni vvalutat il-miżura notifikata mill-Istat Membru skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju, li għal appoġġ kapitali jeħtieġu l-kondiviżjoni tal-piż mill-azzjonisti u mill-kredituri subordinati, kif ukoll dispożizzjonijiet oħra, inkluż is-sottomissjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar fejn rilevanti.
III. Punti biex titwettaq valutazzjoni ulterjuri
A.L-applikazzjoni tal-BRRD u tal-SRMR
Rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja
Ir-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja tippermetti f’ċirkostanzi eċċezzjonali li bank jiġi rikapitalizzat bi flus pubbliċi, biex jiġu indirizzati fi żmien suffiċjenti d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fil-kuntest ta’ xenarju ekonomiku improbabbli (kif identifikat fix-xenarju avvers ta’ test tal-istress) u li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ istituzzjonijiet solventi. Dan jikkontribwixxi biex jinħoloq approċċ rigward l-istabbiltà finanzjarja li jħares fil-bogħod sabiex jiġi evitat deterjorament potenzjali li jista’ jwassal għall-falliment ta’ bank. Sabiex jiġi żgurat li r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja tintuża tajjeb u skont il-loġika tal-qafas ta’ riżoluzzjoni, il-BRRD u l-SRMR jeħtieġu diversi kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati. Dawn jinkludu li l-bank jkun solventi, li l-appoġġ finanzjarju pubbliku ma jintużax biex jitkopra t-telf li jiġġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab, u li r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja hemm bżonnha biex jiġi indirizzat id-defiċit ta’ kapital stabbilit f’test tal-istress jew f’rieżami tal-kwalità tal-assi. Barra minn hekk, il-miżura trid tkun ta’ natura temporanja u proporzjonata biex tirrimedja l-konsegwenzi ta’ tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru. Fl-aħħar nett, il-miżura tiddependi fuq l-approvazzjoni finali skont il-qafas tal-Unjoni għall-għajnuna mill-Istat.
Il-Kummissjoni osservat li jista’ jkun hemm il-ħtieġa ta’ aktar ċarezza dwar l-kundizzjonijiet u l-proċedura biex tingħata r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja, bil-ħsieb li jiġu żgurati l-puntwalità u l-koordinazzjoni bejn l-atturi rilevanti. Pereżempju, il-qafas ma jispeċifikax liema awtorità jenħtieġ li tikkonferma li l-bank huwa “solventi” qabel ma jirċievi r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja (u lanqas ma jagħti definizzjoni ta’ solvenza għall-iskop ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja), u ma jindikax liema awtorità jenħtieġ li tidentifika t-telf li l-entità tkun ġarrbet jew li x’aktarx iġġarrab fil-futur qrib, u li ma jistax ikun kopert b’rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja.
Abbażi tat-tagħlimiet li ttieħdu mill-ewwel każijiet, u b’kooperazzjoni mal-BĊE u l-SRB, il-Kummissjoni żviluppat l-aħjar prattiki dwar ċerti aspetti tal-proċedura, inkluż ir-rwol tat-testijiet tal-istress u l-interazzjoni tagħhom ma’ rieżami tal-kwalità tal-assi. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem f’din id-direzzjoni.
Miżuri ta’ intervent bikri
Il-BRRD tipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji b’setgħat ta’ intervent bikri, li huma maħsuba biex jipprevjenu aktar deterjorament tal-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ istituzzjoni u biex inaqqsu, sa fejn ikun possibbli, ir-riskju u l-impatt ta’ riżoluzzjoni possibbli. Dawn is-setgħat jiġu attivati meta jiġu ssodisfati ċerti skattaturi speċifiċi, sabiex jippermettu li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri fejn pereżempju jesiġu li l-maniġment tal-istituzzjoni jfassal programm ta’ azzjoni jew ibiddel l-istrateġija kummerċjali ta’ istituzzjoni jew l-istruttura legali u operazzjonali tagħha. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, f’dan il-kuntest, jissostitwixxu wkoll il-maniġment tal-istituzzjoni.
Sa issa l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri kienet estremament limitata, għaldaqstant wieħed jista’ jasal biss għal ftit konklużjonijiet mhux finali. L-interazzjoni bejn is-setgħat ta’ intervent bikri mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti abbażi tal-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw il-BRRD u s-setgħat superviżorji li huma jistgħu jeżerċitaw fuq il-bażi tas-CRD u tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, kif ukoll is-sovrapożizzjoni potenzjali ta’ dawn, jistgħu jimmeritaw aktar analiżi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Unjoni bankarja, jista’ jkun utli li jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet dwar is-setgħat ta’ intervent bikri li jinsabu fil-BRRD jiġu replikati wkoll fl-SRMR, biex jiġi evitat ir-rikors għal miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali differenti.
Garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-SRF u għall-Ftehim Intergovernattiv
Skont il-ftehimiet politiċi preċedenti mill-Ministri tal-Finanzi, u kif ikkonfermat ukoll fis-Summit tal-Euro ta’ Diċembru tal-2018, il-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-SRF, essenzjali biex tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) fl-Unjoni Bankarja, se tiġi stabbilita sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu tranżitorju għall-mutwalizzazzjoni tal-mezzi fl-SRF.
Il-Kummissjoni ripetutament appellat biex il-garanzija ta’ kontinġenza komuni tiġi implimentata aktar kmieni. F’Diċembru 2018, fis-Summit tal-Euro ntlaħaq qbil li l-introduzzjoni bikrija tal-garanzija ta’ kontinġenza tkun tiddependi fuq sarx biżżejjed progress f’termini ta’ tnaqqis tar-riskju li għandu jiġi analizzat fl-2020.
Jidher li hija opinjoni ġeneralment kondiviża fost l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja li l-pagament lura tal-garanzija ta’ kontinġenza komuni mill-SRF ikun limitat biss għall-kompartiment(i) nazzjonali kkonċernat(i) fil-każ li l-garanzija ta’ kontinġenza kellha tintuża qabel tmiem il-perjodu tranżitorju. Dan għandu impatt fuq l-ammonti li jistgħu jitħallsu lura, u għaldaqstant li jiġu missellfa mill-garanzija ta’ kontinġenza komuni. Sabiex jiġi żgurat li, matul il-fażi ta’ tranżizzjoni, jingħata wkoll aċċess sħiħ għall-garanzija ta’ kontinġenza fejn ikun meħtieġ, hemm bżonn li malajr isir qbil dwar bidliet limitati fil-Ftehim Intergovernattiv (IGA, Intergovernmental Agreement) (b’mod partikolari għax jekk ma ssirx bidla malajr fl-IGA jista’ jkun hemm benefiċċju limitat fl-implimentazzjoni bikrija).
Waħda mill-għażliet disponibbli tkun il-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex post u ex ante, li tibda mill-2021 sabiex tingħata garanzija ta’ kontinġenza komuni ta’ daqs kredibbli u sabiex tiżdied ir-reżiljenza tal-Unjoni Bankarja.
Likwidità f’riżoluzzjoni
Parti essenzjali ta’ riżoluzzjoni effikaċi hija li jiġi żgurat li bank soġġett għal riżoluzzjoni jkompli jkollu likwidità suffiċjenti biex jissodisfa l-obbligi tiegħu. Il-likwidità tista’ tiġi mis-suq jew mill-faċilitajiet normali tal-bank ċentrali. Meta dawn ir-riżorsi jkunu temporanjament insuffiċjenti, l-SRF jista’ jintuża biex tiġi pprovduta likwidità waqt riżoluzzjoni.
Madankollu, minħabba l-firxa tal-ħtiġijiet potenzjali ta’ likwidità f’riżoluzzjoni, ir-riżorsi tal-SRF, anki meta jkunu ssupplimentati b’garanzija ta’ kontinġenza tal-istess daqs jew kważi, jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiġu indirizzati b’mod adegwat dawn il-ħtiġijiet.
F’konformità mal-Artikolu 73 tal-SRMR, l-SRB jista’ jikkuntratta self estern sabiex jiżgura d-disponibbiltà tar-riżorsi għal riżoluzzjoni, meta l-kontribuzzjonijiet ma jkunux (għadhom) disponibbli għal tali skopijiet. Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjoni tippermetti lill-SRB biex jieħu miżuri xierqa sabiex jiżgura l-funzjonament tiegħu, inkluż billi jikkuntratta ammont limitat ta’ self li mhuwiex fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni.
Barra minn hekk, fl-Istati Membri li mhumiex fl-Unjoni Bankarja kif ukoll f’ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi, l-għoti ta’ appoġġ ta’ likwidità f’riżoluzzjoni huwa previst li jkun bla limitu jew b’limiti ferm ogħla minn dawk possibbli fl-Unjoni Bankarja, ħafna drabi bil-possibbiltà ta’ żidiet.
Il-Kummissjoni għalhekk tappoġġa bis-saħħa r-riflessjonijiet li għaddejjin fuq sorsi u soluzzjonijiet oħra sabiex jingħata appoġġ ta’ likwidità waqt riżoluzzjoni, u titlob li dawn jiġu miftiehma u implimentati matul l-2019. Huwa importanti li, fejn meħtieġ, ir-riżorsi ta’ skala suffiċjenti jkunu disponibbli biex jipprovdu appoġġ ta’ likwidità fuq żmien qasir.
Kwistjonijiet oħrajn
L-Artikolu 129 tal-BRRD jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq riflessjoni abbażi tal-konklużjonijiet tar-Rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) dwar l-obbligi ssimplifikati, maħruġa f’Diċembru 2017 skont l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva kif ukoll ir-rapport tal-ABE dwar ir-Rekwiżit Minimu ta’ Obbligazzjonijiet Eliġibbli (MREL) maħruġ skont l-Artikolu 45(19) tal-BRRD f’Diċembru 2016.
Ir-rapport tal-ABE dwar l-obbligi ssimplifikati jipprovdi ħarsa ġenerali dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-BRRD li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni li jesiġu pjanijiet issimplifikati ta’ rkupru u riżoluzzjoni minn banek eliġibbli. L-eliġibbiltà għal obbligi ssimplifikati trid tiġi ddeterminata abbażi ta’ diversi fatturi, kif spjegat fl-Artikolu 4 tal-BRRD u r-Regolament Delegat dwar l-Obbligi Ssimplifikati. Ir-rapport jenfasizza l-prattiki u l-approċċi differenti użati mill-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-obbligi ssimplifikati. F’dan il-kuntest, ir-rapport jirrakkomanda monitoraġġ kontinwu tad-diverġenzi li jifdal.
Il-Kummissjoni tieħu inkonsiderazzjoni r-rapport u hija tal-fehma li l-obbligi ssimplifikati huma element importanti tal-qafas, sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza u l-proporzjonalità tar-rekwiżit li jiġu żviluppati pjanijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll biex jitnaqqas, fejn xieraq, il-piż amministrattiv tal-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ għaldaqstant tirrifletti dwar il-ħtieġa għal titjib fil-qafas f’dan ir-rigward, filwaqt li tqis l-eżitu tal-monitoraġġ ta’ obbligi simplifikati mill-ABE.
Il-Pakkett Bankarju, adottat mill-koleġiżlaturi fis-16 ta’ April 2019, jinkludi diversi miżuri biex jiġi emendat ir-reġim MREL u għaldaqstant issostitwixxa r-rekwiżit għal rieżami bbażat fuq ir-rapport tal-ABE.
B.Interazzjoni bejn ir-riżoluzzjoni u l-insolvenza, u riflessjoni dwar il-possibilità ta’ aktar armonizzazzjoni tal-insolvenza
Ir-reġim ta’ riżoluzzjoni jikkostitwixxi “konċessjoni” minn proċedimenti ġenerali ta’ insolvenza applikabbli skont il-liġijiet nazzjonali. B’mod partikolari, meta bank jiġi ddeterminat li qed ifalli jew x’aktarx li jfalli, jekk ma jkun hemm l-ebda miżura alternattiva mis-settur privat, u jkun fl-interess pubbliku li dik l-istituzzjoni titpoġġa f’riżoluzzjoni, japplikaw ir-regoli armonizzati li jinsabu fil-BRRD/fl-SRMR. Fin-nuqqas ta’ interess pubbliku li l-bank jitpoġġa f’riżoluzzjoni, il-bank jiġi stralċjat skont ir-regoli tal-insolvenza f’konformità mal-liġijiet nazzjonali applikabbli.
Bħalissa l-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza applikabbli għall-banek li qed ifallu fil-biċċa l-kbira mhumiex armonizzati, u l-applikazzjoni tar-regoli tal-insolvenza fil-livell nazzjonali tvarja bejn l-Istati Membri. Sa issa l-BRRD/l-SRMR introduċew element limitat ta’ armonizzazzjoni. B’mod partikolari, il-BRRD jistabbilixxi li ċerti depożiti eliġibbli mhux koperti jkollhom klassifikazzjoni ogħla f’insolvenza nazzjonali minn obbligazzjonijiet mhux preferuti u mhux garantiti ordinarji oħra, u li f’insolvenza d-depożiti koperti jikklassifikaw ogħla minn dawk eliġibbli mhux koperti. Il-klassifikazzjoni tal-insolvenza ġiet armonizzata aktar permezz tad-Direttiva dwar il-Ġerarkija tal-Kredituri Bankarji li temenda l-BRRD. Id-Direttiva ħolqot klassi ġdida ta’ dejn (dejn superjuri mhux bi preferenza), li f’każ ta’ insolvenza jikklassifika ruħu ’l fuq mill-obbligazzjonijiet subordinati, iżda inqas mill-obbligazzjonijiet superjuri.
Il-klawżola ta’ rieżami tal-SRMR tirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta jekk għandhiex tkompli tarmonizza l-proċedimenti ta’ insolvenza għal istituzzjonijiet li qed ifallu jew li x’aktarx ifallu.
Id-differenzi bejn ir-reġimi tal-insolvenza fl-Unjoni Bankarja jistgħu jkunu sors ta’ sfidi u kumplessitajiet għall-awtorità tar-riżoluzzjoni, b’mod partikolari meta l-insolvenza tintuża bħala kontrofattwali fil-kuntest tal-miżuri fuq il-banek transfruntiera waqt riżoluzzjoni (biex jiġi ssodisfat il-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar”). Hija meħtieġa aktar esperjenza biex wieħed jifhem jekk u kif dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati. Madankollu, il-Kummissjoni diġà tista’ tidentifika xi elementi ta’ liġijiet dwar l-insolvenza tal-banek rigward il-banek li jkunu qed ifallu, li jista’ jkun li jistħoqqilhom aktar riflessjoni. Dawn jinkludu valutazzjoni dwar il-klassifikazzjoni applikabbli tal-pretensjonijiet f’insolvenza nazzjonali fi Stati Membri differenti, anki bil-ħsieb li jiġi determinat jekk huwiex preferibbli allinjament ulterjuri bejn il-klassifikazzjoni tal-insolvenza u tar-riżoluzzjoni. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ aktar ċarezza dwar il-proċeduri disponibbli fil-livell nazzjonali għal-likwidazzjoni jew għall-istralċ tal-banek li jiġu ddikjarati li qed ifallu jew li x’aktarx ifallu iżda li għalihom ma hemm l-ebda interess pubbliku li tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Il-BRRD/l-SRMR mhumiex speċifiċi dwar kif għandhom jiżvolġu l-proċeduri ta’ insolvenza għal dawn il-banek, peress li dawn l-elementi mhumiex armonizzati u jitħallew f’idejn il-leġiżlatur nazzjonali biex jispeċifikahom.
Il-Kummissjoni nediet studju biex tifhem aħjar dawn il-kwistjonijiet. L-għan tal-istudju se jkun li jipprovdi bażi għall-analiżi tad-diverġenzi fl-oqfsa ta’ insolvenza għall-banek taħt il-liġijiet nazzjonali differenti, u biex jivvaluta l-interazzjonijiet bejn dawn l-oqfsa u r-regoli tar-riżoluzzjoni. L-istudju jenħtieġ li jidentifika wkoll l-għażliet ta’ politika potenzjali għall-armonizzazzjoni, inkluża l-introduzzjoni possibbli ta’ proċeduri amministrattivi ta’ likwidazzjoni fl-UE.
C.Il-funzjonament tal-SRM u tal-SRB
Il-klawżola ta’ rieżami tal-SRMR tipprevedi li l-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq valutazzjoni ta’ diversi aspetti relatati mal-governanza u l-funzjonament tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) u l-SRB.
Il-partiti elenkati għal rieżami, li huma miġbura hawn taħt għall-konvenjenza, jinkludu:
-il-valutazzjoni tal-interazzjonijiet tal-SRB (u tal-SRM b’mod ġenerali) ma’ atturi oħra fil-proċess ta’ riżoluzzjoni kif ukoll mal-ABE, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Market Authority), u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA, European insurance and Occupational Pensions Authority);
-il-valutazzjoni ta’ jekk il-livell fil-mira jew il-punt ta’ riferiment tal-SRF jenħtieġx li jiġi rivedut;
-il-valutazzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza interna tal-SRB u ta’ kwistjonijiet operattivi oħra, u b’mod partikolari l-portafoll tal-investiment tal-SRB;
-il-valutazzjoni tal-istatus legali tal-Bord bħala aġenzija tal-Unjoni.
Bħala kumment preliminari, il-Kummissjoni tinnota li l-SRB assuma setgħat ta’ riżoluzzjoni sħaħ fl-2016 u li kellu bżonn iż-żmien biex jistabbilixxi l-funzjonament intern tiegħu u biex jgħaqqad il-persunal kollu meħtieġ. Għalhekk, ma hemmx ammont suffiċjenti ta’ informazzjoni jew ta’ esperjenza biex titwettaq analiżi fil-fond.
Madankollu huwa possibbli li jingħataw ftit kunsiderazzjonijiet preliminari.
Fir-rigward tal-proċedura stabbilita fl-SRMR għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, dan jinvolvi diversi passi u jirrikjedi koordinazzjoni bejn diversi atturi, inklużi l-SRB, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-proċedura tirrikjedi li, sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja u jiġi evitat impatt negattiv fuq is-suq, l-iskema ta’ riżoluzzjoni trid tiġi adottata u eżegwita f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna. Għalkemm il-proċedura toħloq ċerti sfidi, hija tiżgura li d-deċiżjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni tal-banek jittieħdu malajr, filwaqt li jinżammu r-rwoli u l-prerogattivi tal-atturi kollha involuti.
Barra mill-proċedura ta’ riżoluzzjoni, l-SRB ħadem mal-awtoritajiet nazzjonali, skont il-proċeduri stabbiliti fil-qafas. Fiċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni tal-2017, l-SRB stabbilixxa miri obbligatorji tal-MREL fil-livell konsolidat għall-maġġoranza tal-akbar gruppi bankarji li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenzi tal-SRB, u l-SRB biħsiebu jistabbilixxi miri vinkolanti għall-gruppi kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu sal-2020.
Fir-rigward tal-ABE, fis-27 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ppubblikat Rapport dwar ir-rwol tal-ABE fir-rigward tal-proċeduri ta’ medjazzjoni f’riżoluzzjoni. Ir-rapport indirizza xi kwistjonijiet li l-ABE ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwarhom. Dawn il-kwistjonijiet kollha jikkonċernaw dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ twaqqif tal-ABE, li qed jiġi emendat fil-kuntest tar-rieżami tal-ESAs.
Rigward ir-reviżjoni tal-livell fil-mira u tal-punt ta’ referenza għall-SRF, l-SRMR jistabbilixxi li sa tmiem il-perjodu inizjali ta’ tmien snin mill-1 ta’ Jannar 2016, il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-SRF għandhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha. L-istess jagħmel il-BRRD, li jipprevedi li sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-arranġamenti ta’ finanzjament tal-Istati Membri għandhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli fil-mira ogħla minn dan l-ammont, għażla li xi Stati Membri użaw meta ttrasponew il-BRRD.
Għadd ta’ Regolamenti Delegati u ta’ Implimentazzjoni ġew adottati sa mill-2014 u dawn jistabbilixxu l-modalitajiet relatati mal-kontribuzzjonijiet ex ante u ex post li għandhom jinġabru għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament. Sussegwentement, fi ħdan l-Unjoni Bankarja, l-SRB għamel il-kalkoli u, permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, beda jiġbor il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Barra mill-Unjoni Bankarja, il-banek issa qed jikkontribwixxu għall-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament.
L-ABE adottat rapport f’Ottubru 2016 dwar il-punt ta’ referenza biex jiġi stabbilit il-livell fil-mira għall-arranġamenti tal-finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Ir-rapport irrakkomanda li tiġi sostitwita l-bażi tal-livell fil-mira għall-arranġamenti tal-finanzjament ta’ riżoluzzjoni, minn depożiti koperti għal obbligazzjonijiet totali nieqes id-depożiti koperti, sabiex tintlaħaq aktar konsistenza mal-qafas regolatorju. Madankollu, enfasizza wkoll li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni u l-istituzzjonijiet irid ikollhom ċertezza dwar il-kontribuzzjonijiet matul l-akkumulazzjoni ta’ arranġamenti tal-finanzjament ta’ riżoluzzjoni, u li l-volatilità tal-livell fil-mira matul dan il-perjodu jenħtieġ li tiġi evitata.
F’dan l-istadju, l-SRF għadu qed jinbena u qatt ma ntuża għal xi azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-enfasi tkun fuq li jintlaħaq il-livell fil-mira u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Bidliet fil-livell fil-mira nnifsu jew fil-punt ta’ referenza u fil-kontribuzzjonijiet ma jidhrux meħtieġa f’dan l-istadju tal-proċess.
Kull valutazzjoni ulterjuri tista’ titwettaq biss ladarba l-mekkaniżmu kollu biex jiġi pprovdut il-finanzjament fir-riżoluzzjoni jkun lest, u jista’ jkollu l-potenzjal li jiġi ttestjat f’każijiet konkreti. Huwa biżżejjed li wieħed jgħid f’dan l-istadju li ż-żieda fil-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf mis-settur privat, b’mod partikolari bħala riżultat tar-regoli dwar l-MREL li jinsabu fil-Pakkett Bankarju, u t-tkabbir tal-SRF jista’ jitqies bħala mezz validu sabiex titnaqqas il-possibbiltà ta’ esponiment tas-sovrani għas-settur bankarju.
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-governanza tal-SRB u l-bidla fl-istatus legali tiegħu minn aġenzija għal istituzzjoni tal-UE, meta jitqies il-ħolqien riċenti tiegħu u l-esperjenza prattika limitata sa issa, ma hemmx biżżejjed elementi f’dan l-istadju li jissuġġerixxu bidliet fid-dispożizzjonijiet attwali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li tali bidla fl-istatus legali tkun teħtieġ modifika fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-adeżjoni potenzjali mal-Unjoni Bankarja ta’ Stati Membri mhux parteċipanti, jista’ jkun hemm kamp ta’ applikazzjoni biex jirrifletti fuq il-modalitajiet għal Stat Membru aderenti biex jipparteċipa fl-SRM.
IV.Konklużjoni
Il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-kwistjonijiet diskussi hawn fuq, li huma bbażati fuq l-esperjenza limitata li l-Kummissjoni kisbet sa issa mill-applikazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni.
Il-qafas ġie applikat biss f’għadd limitat ta’ każijiet. Minn dawn, każ wieħed biss kien jirrigwarda r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni skont l-SRMR. Ta’ min jinnota wkoll li għadd ta’ każijiet kellhom x’jaqsmu ma’ “kwistjonijiet ta’ legat” li akkumulaw matul il-kriżi finanzjarja jew qabel.
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna u l-istabbiliment tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni saru applikabbli biss mill-1 ta’ Jannar 2016. Elementi oħra — bħall-ippjanar ta’ riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet akbar u kumplessi, u d-dispożizzjonijiet dwar l-MREL — jeħtieġu introduzzjoni gradwali biex jiġu kompletament implimentati.
Barra minn hekk, ċerti partijiet kruċjali tal-qafas — inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-MREL, is-setgħat ta’ moratorju u r-rikonoxximent ta’ obbligazzjonijiet irregolati bil-liġi ta’ pajjiżi terzi — għaddejjin mill-proċess ta’ emendar, u ladarba jkunu fis-seħħ se japplikaw il-perjodi ta’ tranżizzjoni.
Għaldaqstant, għadu kmieni wisq biex jitfasslu u jiġu adottati proposti leġiżlattivi f’dan l-istadju.
Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli żżomm taħt monitoraġġ l-applikazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni u se tkompli tivvaluta l-kwistjonijiet identifikati hawn fuq, anki fid-dawl ta’ elementi addizzjonali pprovduti mill-istudju reċentement imniedi dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-insolvenza u l-esperjenza li tirriżulta minn applikazzjoni futura possibbli tal-qafas ta’ riżoluzzjoni.
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se timpenja ruħha wkoll f’diskussjoni komprensiva tas-suġġetti identifikati f’dan ir-rapport fir-rigward tal-BRRD/tal-SRMR (kif ukoll kwistjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni) ma’ esperti maħtura mill-Parlament Ewropew, mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.
F’dan il-kuntest il-Kummissjoni se tqis ukoll l-interazzjoni mal-iżviluppi tal-politika fir-rigward tal-assigurazzjoni tad-depożiti, inkluż ix-xogħol tal-Grupp ta’ Livell Għoli stabbilit mill-Grupp tal-Euro, u r-rieżami tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti.