EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0163

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu

COM/2019/163 final

Brussell, 3.4.2019

COM(2019) 163 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni







FMT:ItalicIs-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu


I.    INTRODUZZJONI

L-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea, 1 kif ukoll riflessjoni tal-identità komuni u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tagħna. Huwa l-bażi tas-sistema demokratika fl-Istati Membri kollha, neċessarju biex tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Huwa wkoll ta’ importanza ċentrali biex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ taħdem tajjeb bħala żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u bħala suq intern, fejn il-liġijiet japplikaw b’mod effettiv u uniformi u fejn il-baġits jintnefqu skont ir-regoli applikabbli. L-istat tad-dritt huwa garanzija li l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jaħdmu flimkien fi spirtu ta’ fiduċja reċiproka; il-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi, inkluż fis-sistema tal-ġustizzja, hija kruċjali għall-funzjonament bla xkiel tas-soċjetajiet demokratiċi. L-istat tad-dritt huwa wkoll wieħed mill-prinċipji li jiggwida l-azzjoni esterna tal-UE. 2 Kollox ma’ kollox, huwa prinċipju stabbilit tajjeb, iddefinit b’mod tajjeb fit-tifsira fil-qalba tiegħu, u jista’ jiġi evalwat b’mod oġġettiv, b’mod li jkunu jistgħu jiġu identifikati n-nuqqasijiet fuq bażi soda u stabbli.

X’inhu l-istat tad-dritt?

L-Istat tad-Dritt huwa mnaqqax fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bħala wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Taħt l-istat tad-dritt, il-poteri pubbliċi kollha dejjem jaġixxu fi ħdan il-limitazzjonijiet stabbiliti bil-liġi, skont il-valuri tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, u taħt il-kontroll ta’ qrati indipendenti u imparzjali. L-istat tad-dritt jinkludi, fost oħrajn, prinċipji bħal ma huma l-legalità, li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku ta’ kif isiru l-liġijiet; iċ-ċertezza legali; il-projbizzjoni tal-eżerċizzju arbitrarju tal-poter eżekuttiv; il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti u imparzjali, rieżami ġudizzjarju effettiv 3 li jinkludi r-rispett għad-drittijiet fundamentali; is-separazzjoni tal-poteri; kif ukoll l-ugwaljanza quddiem il-liġi. 4 Dawn il-prinċipji ingħataw għarfien mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. 5

L-Unjoni Ewropea nnifisha hija msejsa fuq l-istat tad-dritt, u kull azzjoni meħuda mill-UE hija msejsa fuq it-Trattati li kienu ġew approvati b’mod volontarju u demokratiku mill-Istati Membri kollha. Meta titqies l-importanza tiegħu għall-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni u t-twettiq effettiv tal-politiki tagħha, l-istat tad-dritt huwa ta’ importanza ċentrali għall-futur tal-Ewropa. Qiegħed ikun hemm għarfien dejjem aktar profond tal-post ċentrali tal-istat tad-dritt fil-mod kif taħdem l-UE u jeżisti fehim komuni minn diversi bnadi dwar il-ħtieġa li jitjieb il-mod kif jiġi żgurat ir-rispett għall-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea. 6  Barra minn dan, il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ kontribut indispensabbli għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, b’mod li l-Unjoni tiġi kkonfermata bħala komunità ta' valuri. 7 Din il-Komunikazzjoni tara li ssaħħaħ id-dibattitu dwar tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni u biex tistieden li jkun hemm riflessjoni u kummenti dwar dan is-suġġett minn dawk kollha involuti. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tiġbed il-konklużjonijiet tagħha f’Ġunju.

L-integrazzjoni Ewropea minnha nnifisha kienet ta’ kontribut sinifikanti u dejjiemi fejn jidħol ordni fl-Ewropa bbażat fuq ir-regoli. Ftit ftit l-Unjoni bniet żona ta’ libertà, kooperazzjoni u stabbiltà li fiha l-Istati Membri, iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jserrħu moħħhom minn qafas ta’ regoli prevedibbli u ekwitabbli kif ukoll sistema ta’ rimedji ġudizzjarji effettivi. F’dan il-kuntest, il-paċi hija ggarantita, id-demokrazija tista’ tisseddaq, u n-negozju jista’ jikber u jitqawwa. Madankollu, fis-snin reċenti kien hemm għarfien dejjem jikber li l-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, inkluż l-Istat tad-Dritt, jinsabu taħt pressjoni u għandhom bżonn ta’ attenzjoni partikolari. Għaldaqstant huwa ċar li hemm bżonn li jsir aktar sabiex jiġi żgurat li l-istat tad-dritt jissaħħaħ u jinżamm madwar l-Unjoni.

Jekk l-istat tad-dritt ma jiġix protett kif xieraq fl-Istati Membri kollha, dan ikun ta’ dannu għall-pedament tal-Unjoni li jikkonsisti mis-solidarjetà, il-koeżjoni u l-fiduċja neċessarji għall-għarfien reċiproku ta’ deċiżjonjiet nazzjonali u l-funzjonament tas-suq intern fl-intier tiegħu. Nuqqasijiet marbuta mal-istat tad-dritt jistgħu wkoll ikollhom impatt fuq l-ekonomija, daqskemm huma kruċjali s-sistemi ġudizzjarji effettivi u l-oqsfa robusti ta’ kontra l-korruzzjoni biex ikun hemm ambjent ta’ negozju u finanzi pubbliċi sodi li jkunu qegħdin jaħdmu tajjeb. 8

Kwistjoni marbuta mal-istat tad-dritt fi Stat Membru wieħed hija kwistjoni li tolqot lill-Unjoni kollha kemm hi, u għalhekk, filwaqt li għandu dejjem ikun hemm qabel xejn rikors lejn is-sistemi ta’ ekwilibriju ta’ setgħat fil-livell nazzjonali, l-Unjoni għandha sehem fir-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet fejn jidħol l-istat tad-dritt kull fejn dawn jitfaċċaw. L-isfidi reċenti għall-istat tad-dritt f’xi Stati Membri wassal għal tħassib dwar il-ħila tal-Unjoni li tindirizza tali sitwazzjonijiet. Il-fiduċja li n-nuqqasijiet jistgħu jiġu riżoluti tista’ tkun ta’ għajnuna biex tissaħħaħ il-fiduċja kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE.

Huwa għalhekk li l-UE kienet qiegħda ssawwar għadd ta’ strumenti biex tgħin fl-infurzar tal-istat tad-dritt. Dawn imorru lil hinn mill-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-aktar mekkaniżmu prominenti għall-protezzjoni tal-valuri komuni kollha, anki jekk dan jintuża biss f’każijiet ta’ eċċezzjoni. Ilu jeżisti qafas preventiv sa mill-2014. 9 Bħalissa qegħdin jiġu diskussi ideat oħra, inkluż il-proposta tal-Kummissjoni li tgħin biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE jekk ikun hemm nuqqasijiet ġeneralizzati marbuta mal-istat tad-dritt, 10 u l-istabbiliment ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu wkoll ikun ta’ għajnuna biex tiġi promossa reazzjoni ġudizzjarja kkoordinata għal tali riskji madwar l-Istati Membri. 11  Dawn l-istrumenti kollha jistrieħu fuq fehim komuni ta’ dak li jitfisser bl-istat tad-dritt, liema huma l-karatteristiċi ċentrali tiegħu, u fejn jistgħu jitfaċċaw nuqqasijiet.

Fi ftit kliem, l-istat tad-dritt huwa pilastru ċentrali tal-viżjoni tagħna għall-futur tal-Ewropa. Bħala parti mir-riflessjonijiet marbuta mal-Kunsill Ewropew informali ta’ Sibiu tad-9 ta’ Mejju 2019 u mal-Aġenda Strateġika li jmiss tal-Kunsill Ewropew, din il-Komunikazzjoni tieħu kont tal-esperjenza fis-snin reċenti u tfisser xi perkorsi possibbli għar-riflessjoni dwar l-azzjoni futura. Hija sserraħ fuq id-dibattitu pubbliku li għaddej dwar l-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea, u tistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lil oħrajn involuti, biex jagħtu l-ideat tagħhom dwar kif tista’ tiġi żviluppata l-ġabra ta’ strumenti għall-protezzjoni tal-istat tad-dritt għall-futur. 12

II.    L-ISTRUMENTI TAL-ISTAT TAD-DRITT ILLUM

1.L-Artikolu 7 tat-TUE u l-qafas tal-istat tad-dritt

L-Artikolu 7 tat-TUE għadu strument eċċezzjonali, iżda l-aktar wieħed emblematiku, tal-UE, biex taġixxi fil-każ ta’ xi nuqqas serju f’xi Stat Membri fejn jidħol l-Istat tad-Dritt. 13 Il-proċedura biex jiġi invokat riskju ċar ta’ ksur serju skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE ġiet skattata f’żewġ każijiet sa issa: f’Diċembru 2017, mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Polonja, 14 u f’Settembru 2018 mill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-Ungerija. 15 Filwaqt li l-konsegwenzi sħaħ tal-proċedura skont l-Artikolu 7 tat-TUE huma sinifikanti ħafna, u filwaqt li d-djalogu mal-Istat Membri kkonċernat fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 7 tat-TUE għandu valur fih innifsu, seta’ sar progress aktar sod mill-Kunsill f’dawn iż-żewġ każijiet. Il-Kunsill kellu jistabbilixxi proċeduri ġodda biex japplika l-Artikolu fil-prattika, li l-effettività tagħhom għad trid tiġi ppruvata.

Il-Qafas tal-Istat tad-Dritt tfassal mill-Kummissjoni fl-2014, 16 u r-rwol tiegħu ngħata għarfien mill-Qorti. 17 Dan jipprovdi proċess ta’ djalogu pass pass ma’ Stat Membru, strutturat b’opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni. L-iskop hu li ma jitħalliex li titfaċċa theddida sistemika għall-istat tad-dritt, fejn imbagħad tkun meħtieġa proċedura skont l-Artikolu 7 tat-TUE. L-ewwel – u sa issa l-unika darba – li ntuża l-Qafas tal-Istat tad-Dritt kien meta nbeda d-djalogu mal-Polonja f’Jannar 2016. 18 Filwaqt li bis-saħħa tad-djalogu setgħu jiġu identifikati problemi, u ngħatat forma lid-diskussjoni, dan ma solviex in-nuqqasijiet fl-istat tad-dritt li ġew identifikati, u l-Kummissjoni skattat il-proċedura skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE f’Diċembru 2017.

2.Proċedimenti ta’ ksur u deċiżjonijiet prelimiari

Il-Kummissjoni nediet diversi proċedimenti ta’ ksur bħala reazzjoni għal problemi serji fir-rigward tal-istat tad-dritt, marbuta ma’ ksur tal-liġi tal-Unjoni, perkors ta’ azzjoni għall-UE, li sar aktar qawwi bis-saħħa ta’ sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (“il-Qorti”).

L-Artikolu 19(1) tat-TUE jitlob protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti bħala espressjoni konkreta tal-valur tal-istat tad-dritt. Dik id-dispożizzjoni tinsab fil-qalba ta’ għadd ta’ referenzi preliminari minn qrati nazzjonali u ta’ proċedimenti ta’ ksur imnedija mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti. Diġà fl-2006, il-Qorti kienet qatgħetha li l-kunċett ta’ “indipendenza ġudizzjarja” huwa kunċett awtonomu tal-liġi tal-UE, u dan jimplika li l-imħallfin iridu jkunu protetti kontra kull intervent estern li jista’ jippreġudika l-ġudizzju indipendenti tagħhom. 19 Dan ġie segwit fl-2018 minn għadd ta’ sentenzi importanti. L-ewwel nett, il-Qorti ddeċidiet li l-Istati Membri huma obbligati bil-liġi tal-Unjoni li l-qrati tagħhom ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, espressjoni konkreta tal-istat tad-dritt, u li l-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija essenzjali biex tiġi żgurata tali protezzjoni ġudizzjarja. 20 F’sentenzi oħra, il-Qorti ddefiniet f’aktar dettal ir-rekwiżiti tal-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità, u indikat l-importanza ċentrali tagħhom kemm għat-tħaddim kif imiss tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja mnaqqxa bil-mekkaniżmu ta’ sentenza preliminari skont l-Artikolu 267 tat-TFUE kif ukoll għal strumenti sekondarji ta’ liġi, fuq il-bażi ta’ fiduċja reċiproka. 21 Il-Qorti ħarġet ukoll miżuri interim biex jiġu sospiżi riformi nazzjonali li jkunu se jaffettwaw l-indipendenza ġudizzjarja. 22 Quddiem il-Qorti hemm pendenti aktar kawżi li tressqu minn qrati nazzjonali u mill-Kummissjoni.

Teżisti wkoll ġurisprudenza tal-Qorti li qiegħda tiżviluppa li tindika kif problemi sistematiċi marbuta mal-istat tad-dritt jista’ jkollhom impatt fil-qasam tal-finanzi tal-Unjoni. 23

3.Mekkaniżmu u oqsfa oħra

Jeżistu għadd ta’ mekkaniżmu u oqsfa oħra li jgħinu fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet li jolqtu l-istat tad-dritt fl-Istati Membri, jew b’mod komprensiv permezz ta’ strumenti ddedikati, jew permezz ta’ passi oħra dwar is-sorveljanza ta’ politiki nazzjonali jew tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Dawn l-istrumenti għandhom rwol importanti ta' twissija bikrija u rwol preventiv peress li jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet li jolqtu l-istat tad-dritt fl-Istati Membri qabel ma jsir neċessarju li jsir użu mill-Artikolu 7.

·Iċ-ċiklu ta’ koordinazzjoni ekonomika, fiskali u soċjali tas-Semestru Ewropew jipprovdi analiżi speċifika għall-pajjiżi u jippreżenta rakkomandazzjonijiet għal riformi strutturali li jħajjru t-tkabbir. L-analiżi b’dan l-istrument tkopri l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, sistemi effettivi tal-ġustizzja u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Meta f’dawn l-oqsma jiġu identifikati sfidi serji fir-rapport individwali tal-pajjiżi, il-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi immirati għall-pajjiż.

·It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE , li toħroġ kull sena, tagħti indikazzjonijiet dwar firxa ta’ indikaturi biex jiġu evalwati l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja. Dan l-istrument komparattiv huwa kkumplimentat minn evalwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, ippreżentati fir-Rapport tal-Pajjiż, li permezz tagħhom tkun tista’ ssir analiżi aktar profonda bbażata fuq il-kuntest nazzjonali legali u istituzzjonali.

·Il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika ġie stabbilit bħala mekkaniżmu speċifiku għall-Bulgarija u r-Rumanija meta ngħaqdu mal-Unjoni fl-2007, biex jassisti liż-żewġ Stati Membri jindirizzaw in-nuqqasijiet li kien fadal fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u, fil-każ tal-Bulgarija, il-kriminalità organizzata. 24 Dan il-mekkaniżmu huwa miżura tranżitorja bl-għan aħħari li jingħalaq hekk kif it-tragwardji stabbiliti jkunu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. L-esperjenza miksuba hija relevanti fl-indirizzar tal-isfidi li għandhom l-Istati Membri fejn jidħol l-istat tad-dritt.

·Is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni jipprovdi appoġġ tekniku għar-riforma strutturali fl-Istati Membri, inkluż f’oqsma relevanti għat-tisħiħ tar-rispett tal-istat tad-dritt bħal ma huma l-amministrazzjoni pubblika, is-sistema ġudizzjarja, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-appoġġ jingħata fuq it-talba tal-Istati Membri u jkun imfassal apposta biex jindirizza l-ħtiġijiet li jirriflettu prijoritajiet ta’ riforma ddefiniti. 25

·Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, u l-fondi li jappoġġjaw il-politiki tal-Ġustizja u s-Sigurtà jgħinu wkoll lill-Istati Membri biex isaħħu l-amministrazzjoni pubblika u lill-ġudikatura kif ukoll itejbu l-ħila tal-Istati Membri li jiġġieldu l-korruzzjoni 26 . Il-Fondi kienu wkoll ta’ għajnuna biex ikunu jistgħu jittejbu l-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika permezz tal-applikazzjoni ta’ kundizzjonalitajiet ex-ante (fil-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020, li għandu jkun segwit minn “kundizzjonijiet abilitattivi” taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027). 27 Dan isaħħaħ il-qafas għall-applikazzjoni tal-istat tad-dritt.

·Bħala parti mill-proposti għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni pproponiet mekkaniżmu ġdid għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni meta xi nuqqasijiet ġeneralizzati rigward l-istat tad-dritt fl-Istati Membri jaffettwaw, jew ikun hemm riskju li jaffettwaw, dak il-baġit. 28 Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għall-konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja soda u għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Ir-regolament propost ikun jippermetti lill-Unjoni tieħu miżuri xierqa u proporzjonali biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati.

·L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jiskopri u jinvestiga l-frodi, il-korruzzjoni u offiżi oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE u joħroġ rakkomandazzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali li jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji. L-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) se jimmarka żvilupp fundamentali fil-qafas istituzzjonali fil-livell tal-UE u fil-ġlieda kontra l-offiżi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. L-UPPE se jsir operattiv fi tmiem l-2020 bis-setgħa li jmexxi investigazzjonijiet kriminali u li jagħmel prosekuzzjoni ta’ reati kriminali li jaffettwaw il-baġit tal-Unjoni. Huwa se jkun qiegħed jikkoopera mill-qrib mal-OLAF.

·Bħala aspett ċentrali tal-politika esterna tal-UE, l-istat tad-dritt sar ftit ftit aktar ċentrali għall-proċess ta’ adezjoni mal-UE, u għall-politika ta’ viċinat. It-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet kruċjali bħal ma huma l-ġudikatura u t-tisħiħ ta’ ħidma fil-ġlieda kontra l-koorruzzjoni saru temi dejjem aktar ċentrali fl-isforzi tal-UE biex tippromwovi r-riforma lejn it-twettiq tal-kriterji ta’ Kopenħagen għall-adeżjoni. 29 L-istat tad-dritt huwa ankrat sew fin-negozjati ta' adeżjoni, fejn il-veloċità ġenerali tan-negozjati tiddependi fuq kemm ikun sar progress f’dan il-qasam. 30 L-Istrateġija tal-Balkani tal-Punent ta’ Frar 2018 31 titfa’ enfażi dejjem aktar qawwi fuq ir-riformi tal-istat tad-dritt u enfasizzat ir-rispett għall-istat tad-dritt bħala kundizzjoni essenzjali għall-adeżjoni mal-UE

III.    ID-DIBATTITU USA’ DWAR L-ISTAT TAD-DRITT

L-importanza tiżdied tal-istat tad-dritt bħala preokkupazzjoni komuni ġiet riflessa f’dibattiti usa’ fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni 32 , kif ukoll f’forums oħra 33 .

F’Ottubru 2016, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. 34 Ir-riżoluzzjoni tappella biex il-Kummissjoni tistabbilixxi monitoraġġ komprensiv tal-Istati Membri kollha u tal-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll ċiklu annwali ta’ rappurtat u rakkomandazzjonijiet. Dan l-appell sar mill-ġdid fl-2018. 35 Barra minn dan, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjonijiet għar-rigward tal-istat tad-dritt f’diversi Stati Membri.

Barra mir-rwol istituzzjonali ċar skont l-Artikolu 7 tat-TUE, il-Kunsill stabbilixxa “djalogu” ta’ kull sena dwar l-istat tad-dritt fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali, bl-attenzjoni tinxteħet kull sena fuq tema differenti. Huwa ppjanat li fil-ħarifa 2019 isir rieżami ta’ dan il-proċess fi żmien il-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill.

Kien hemm ukoll numru ta’ parlamenti nazzjonali li taw il-kontribut tagħhom għar-riflessjoni dwar l-istat tad-dritt billi adottaw riżoluzzjonijiet u organizzaw dibattiti dwar dan is-suġġett. 36

Lil hinn mill-kuntest tal-UE, il-Kunsill tal-Ewropa kellu rwol kruċjali fl-iżvilupp ta’ definizzjonijiet u standards ta’ relevanza għall-istat tad-dritt. L-istat tad-dritt jissemma bħala element ta’ wirt komuni fil-Preambolu tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienu ta’ kontribut sinifikanti għad-definizzjoni, il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, u ssottolineaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-istat tad-dritt u s-soċjetà demokratika. Il-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropea ppubblikat “Lista ta’ Kontroll dwar l-Istat tad-Dritt” fl-2016. 37 Il-Kunsill tal-Ewropea applika wkoll dan l-approċċ f’każijiet speċifiċi li jolqtu l-Istati Membri, permezz tal-użu tal-għarfien espert tal-Kummissjoni ta’ Venezja u tal-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (GRECO), kif ukoll permezz ta’ monitoraġġ speċifiku.

In-netwerks ġudizzjarji Ewropej, il-gruppi ta’ esperti u l-assoċjazzjonijiet tal-avukati, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kienu wkoll ta’ għajnuna fl-evoluzzjoni ta’ għarfien komuni fil-livell Ewropew u nazzjonali u għandhom rwol ċentrali fil-promozzjoni ta’ standards komuni u tal-aħjar prassi.

IV.    L-EVALWAZZJONI TAL-ESPERJENZA SA ISSA

L-esperjenza sa issa tindika li hemm ċerti karatteristiċi li jistgħu jkunu l-bażi ta’ riflessjonijiet fil-futur, abbażi ta’ għadd ta’ prinċipji ċentrali. L-ewwel nett hemm interess leġittimu kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri fil-funzjonament kif suppost tal-istat tad-dritt f’kull Stat Membru. It-tieni, ir-responsabbiltà primarja biex jiġi żgurat l-istat tad-dritt trid tistrieħ fuq kull Stat Membru, u l-ewwel rikors għandu dejjem ikun lejn il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ rimedju, għaliex mhux biss l-ordni ġuridiku tal-UE iżda anki dak nazzjonali hemm bżonn li jiġi rispettat. It-tielet, ir-rwol tal-UE f’dan il-qasam irid ikun oġġettiv u jittrattat lill-Istati Membri kollha bl-istess mod, u jrid ikun jistrieħ fuq il-kontribut tal-istituzzjonijiet kollha tiegħu skont ir-rwol istituzzjonali rispettiv. Fl-aħħar nett, l-objettiv ma jridx ikun dak li tiġi imposta xi sanzjoni iżda li tinstab soluzzjoni li tipproteġi l-istat tad-dritt, u fil-qalba jkun hemm il-kooperazzjoni u l-appoġġ reċiproku.

Il-ħtieġa li jiġu promossi standards tal-istat tad-dritt

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tistipula li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti u l-istandards ċentrali tal-UE sabiex jitħares l-istat tad-dritt. Barra minn dan, il-Kunsill tal-Ewropa żviluppa standards, u joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet li huma ta’ gwida stabbilita tajjeb għall-promozzjoni u ż-żamma tal-istat tad-dritt. 38 Dawn ir-rekwiżiti u standards huma l-pedament għar-rispett għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha, irrispettivament mill-istrutturi kostituzzjonali tagħhom.

Prinċipji ċentrali, bħall-indipendenza tal-ġudikatura u s-separazzjoni tal-poteri għandhom jiġu integrati fil-kultura politika tal-Istati Membri. Meta tkun tista’ tingħata importanza għal xi standard ġenerali Ewropew, dan ikun jista’ jitqies kemm bħala livell ta’ referenza biex jiġi evalwat xi nuqqas li jista’ jkun hemm, kif ukoll bħala gwida lejn soluzzjoni.

Madankollu, l-esperjenza wriet li din il-ġurisprudenza u dawn il-prinċipji u standards mhux dejjem ikun magħrufa b’mod suffiċjenti fil-livell nazzjonali. Jekk l-istandards ma jkunux magħrufa b’mod suffiċjenti, ma jistax ikun li jkollhom rwol relevanti fit-tiswir tal-politika nazzjonali u lanqas ma jistgħu jiġu integrati fid-dibattitu madwar ir-riformi nazzjonali, u jkunu jistgħu jiġu kkontestati fid-djalogu mal-istituzzjonijiet tal-UE.

L-għarfien tas-sinjali tat-twissija

Jista’ jkun hemm ħafna vantaġġi fl-identifikazzjoni bikrija ta’ sinjali tat-twissija dwar l-istat tad-dritt. Jekk ikun possibbli li jiġi skopert kmieni l-iżvilupp ta’ xi preokkupazzjoni potenzjali fl-UE, u dan jiġi rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat, dik il-preokkupazzjoni tkun tista’ tissemma’ fil-livell tal-UE b’mod aktar utli u dan jista’ jkun biżżejjed biex jiskattaw is-sistemi nazzjonali ta’ ekwilibriji ta’ setgħat mingħajr il-ħtieġa ta’ passi formali ulterjuri fil-livell tal-UE. Din it-twissija bikrija tista’ tieħu diversi forom.

Il-problemi rikorrenti jistgħu jiġu identifikati b’aktar ħeffa. Fil-qalba tal-istat tad-dritt hemm in-neċessità li l-poteri pubbliċi kollha jkunu suġġett f’kull ħin għal valuri, regoli u proċeduri stabbiliti. Meta l-poteri pubbliċi u l-maġġoranzi eletti fi Stat Membru ma jagħtux każ il-liġi jew il-proċeduri applikabbli, dan huwa sinjal ta’ twissija evidenti ħafna. Pereżempju, ħafna każijiet reċenti li saru magħrufa fil-livell tal-UE kienu jduru madwar l-indipendenza tal-proċess ġudizzjarju. Il-ġudikatura hija fil-qalba tal-istat tad-dritt, u huma magħrufa sew każijiet ta’ meta l-atturi politiċi jippruvaw jimminaw l-indipendenza tagħha u l-forza vinkolanti tad-deċiżjonijiet tagħha billi jeżerċitaw pressjoni politika jew ta’ xi natura oħra fuq imħallfin individwali, billi jindaħlu f’każijiet speċifiċi, b’xi nuqqas ta’ rispett lejn deċiżjonijiet ġudizzjarji jew billi jerġgħu jiftħu deċiżjonijiet ġudizzjarji finali. Eżempji reċenti oħrajn huma meta jsir xi attentat biex jiddgħajfu l-qrati kostituzzjonali, xi jew metodi oħra li jkun hemm ta’ kontroll fuq il-liġijiet li jgħaddu mill-Parlament u fuq l-azzjonijiet li jieħu l-Gvern, kif ukoll iż-żieda fl-użu ta’ ordinanzi eżekuttivi. Kull proċess ta’ tfassil tal-liġijiet li ma jkunx ċar jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn ikun eħfef biex min ikollu maġġoranza politika jdgħajjef jew jinjora s-sistema tal-ekwilibriju tas-setgħat L-attakki wieħed wara l-ieħor minn fergħa waħda tal-istat fuq oħra jimminaw il-prinċipju fundamentali tas-separazzjoni tal-poteri. Il-kwistjonijiet f’tali oqsma għalhekk iservu ta’ sinjali ta’ twissija li tkun qiegħda tissawwar xi problema potenzjali li tolqot l-istat tad-dritt, u tista’ tkun ta’ opportunità għal djalogu u għal rimedju potenzjali fi stadju bikri.

F’sens aktar wiesa’, il-korruzzjoni f’livell għoli u l-abbuż tal-poter huma marbuta ma’ sitwazzjonijiet fejn il-poter politiku ikun qiegħed jipprova jinjora l-istat tad-dritt. Id-dgħjufijiet strutturali jistgħu wkoll joħolqu kuntest li jipprovdi riskji elevat ta’ kwistjonijiet li jolqtu l-istat tad-dritt. Id-dgħjufijiet strutturali f’sistemi ġudizzjarji, bħal ma huma garanziji insuffiċjenti għall-indipendenza ġudizzjarja jagħtu lok għal riskju elevat ta’ pressjoni fuq il-ġudikatura. B’mod simili, in-nuqqasijiet ġenerali fl-amministrazzjoni pubblika jistgħu joħolqu l-okkażjoni għal deċiżjonijiet arbitrarji u jwasslu għal opportunitajiet għall-korruzzjoni, kif ukoll għal ċirkostanzi fejn l-uffiċjali jistgħu jsibuha aktar diffiċli li jirreżistu l-pressjoni. Tali kwistjonijiet huma indikaturi tal-possibbiltà li jkun hemm problemi li jaffettwaw l-istat tad-dritt.

L-ewwel sinjali ta’ preokkupazzjoni rigward nuqqasijiet tal-Istat tad-Dritt għandhom ħabta jiġu minn atturi fi ħdan l-Istat Membru. Il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-medja huma valuri fundamentali oħra li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea. Is-soċjetà ċivili u l-medja indipendenti huma għassiesa essenzjali f’demokraziji b’saħħithom u għalhekk għandhom rwol kruċjali li jżommu lil dawk fil-poter taħt skrutinju, li jinvolvu ruħhom fid-dibattitu pubbliku u li jikkontestaw deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Kull intenzjoni li tali pressjoni minn dawn l-atturi tiddgħajjef hija għalhekk sinjal ieħor ta’ twissija.

It-tisħiħ tal-għarfien speċifiku tal-Istat Membru

Il-livell ta’ għarfien dwar tali sinjali, u għalhekk, il-ħila tal-Unjoni li tindirizzahom fi żmien bikri, jiddependi mill-istat ta’ għarfien tal-Kummissjoni, ta’ istituzzjonijiet u ta’ Stat Membri oħra. Ċerti sinjali ta' twissija jistgħu jiġu identifikati biss bl-akkwist ta’ għarfien profond tal-prattiki tal-Istati Membri permezz ta’ djalogu mal-awtoritajiet u dawk involuti. Tali għarfien speċifiku dwar il-pajjiż huwa essenzjali fil-prevenzjoni ta’ theddid li jista’ jitfaċċa għall-istat tad-dritt u biex ikun hemm reazzjoni effettiva għalih meta jkun hemm bżonn. Huwa wkoll importanti li jiġi żgurat li r-riformi li jsiru mill-Istati Membri jkunu għal kollox konformi mar-rekwiżiti ġuridiċi tal-UE u mal-istandards Ewropej tal-istat tad-dritt. Fl-aħħar nett, it-tisħiħ tal-għarfien dwar il-pajjiż huwa neċessarju biex ikun jista’ jiġi determinat kif il-fondi tal-UE u l-assistenza teknika jistgħu jkunu tal-aqwa appoġġ għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Il-ġustizzja, l-oġġettività u t-trattament indaqs jridu jkunu parti minn kull sistema ta’ żamma tal-istat tad-dritt fl-Unjoni. L-għarfien espert tekniku u l-kapaċità ta’ analiżi fil-livell tal-Unjoni huma ċ-ċavetta biex jiġi żgurat li l-evalwazzjonijiet jieħdu kont sħiħ tat-tradizzjonijiet nazzjonali iżda jkunu jistgħu xorta jidentifikaw fejn ikun hemm problema.

Is-Semestru Ewropew, ikkumplimentat mit-Tabella ta’ Valutazzjoni dwar il-Ġustizzja tal-UE ta prova li huwa qafas tajjeb għall-iżvilupp ta’ għarfien dwar il-pajjiż fejn jidħol l-istat tad-dritt u tista’ ssir riflessjoni dwar jekk il-potenzjal tagħhom jistax jiġi sfruttat aktar.

Titjieb il-ħila tal-UE li tirreaġixxi għal kwistjonijiet li jolqtu l-Istat tad-Dritt

L-esperjenza tas-snin li għaddew, kif ukoll id-djalogu usa’ dwar il-kwistjoni urew biċ-ċar li hemm il-ħtieġa li titjieb il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi fil-każ ta’ sfidi serji għall-istat tad-dritt. Pereżempju, l-esperjenza li ġiet akkwistata fil-proċeduri li għaddejjin dwar l-Artikolu 7 tat-TUE żvelat li hemm il-ħtieġa ta’ riflessjoni ulterjuri dwar kif din il-proċedura tkun tista’ ssir bl-aktar mod effiċjenti. Barra minn dan, id-diversità tal-isfidi li jolqtu l-istat tad-dritt tirrekjedi diversità ta’ reazzjonijiet fil-livell tal-UE.

L-intervent tal-UE għandu għalhekk jiġi f’forom differenti. Anki s-senjalazzjoni informali ta’ xi diffikultajiet potenzjali fi stadju bikri tista’ tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali biex jerġgħu jaħsbuha jew biex jinizjalaw mekkaniżmi nazzjonali ta’ kontroll u bilanċ.

Filwaqt li d-djalogu hu essenzjali, meta dan jitpoġġa fi ħdan proċess strutturat tkun tista’ tittejjeb il-possibbiltà li l-azzjoni li tirriżulta jkollha l-attenzjoni u d-direzzjoni meħtieġa. Ħafna problemi relatati mal-istat tad-dritt jisserjaw meta jgħaddi ż-żmien u aktar ma jdum ma tinstab soluzzjoni, akbar ikun ir-riskju li l-problema trabbi l-għeruq u li ssir ħsara lill-UE, kif ukoll lill-Istat Membru kkonċernat. Hemm vantaġġi f’approċċ ibbażat fuq passi intermedjarji, li jkunu proporzjonali għas-serjetà tal-problema u b’livell anqas minn dak ta’ azzjoni fil-qafas tal-Artikolu 7 tat-TUE. Meta jkunu ġew implimentati passi bħal dawn, ikun ukoll ta’ benefiċċji li jsiru evalwazzjonijiet jew li jsir monitoraġġ fiż-żmien segwenti: l-esperjenza tindika li l-impożizzjoni minn qabel ta’ kundizzjonijiet marbuta mal-iffinanzjar mill-UE serviet ta’ inċentiv importanti, iżda, hekk kif tingħata approvazzjoni ta’ darba, ikun hemm ir-riskju li jsir pass lura fil-politika jew fl-istrutturi.

L-azzjoni tal-UE ġġor ukoll aktar awtorità jekk l-istituzzjonijiet kollha jerfgħu responsabbiltà fil-proċess, skont ir-rwoli differenti tagħhom. L-intervent tal-UE f’xi kriżi jġorr sensittività politika u jkollu dejjem qawwa akbar jekk ikun sostnut minn approċċ komuni. L-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill lill-azzjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll proċeduri interni aktar qawija fi ħdan l-istituzzjonijiet għal mod kif jiġu pproċessati preokkupazzjonijiet dwar l-istat tad-dritt fl-Istati Membri jistgħu jkunu mod qawwi li jenfasizza l-ħtieġa li Stat Membru jirreaġixxi u biex jiżdiedu l-inċentivi biex jinstabu soluzzjonijiet.

L-indirizzar tan-nuqqasijiet għat-tul permezz ta’ riformi stutturali

L-UE kellha wkoll rwol dejjem jiżdied fit-tisħiħ tal-kapaċità u l-funzjonament tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet nazzjonali li jkollhom sehem fis-sistema nazzjonali ta’ ekwilibriju tas-setgħat.

Il-fondi tal-UE kienu ta’ kontribut importanti għat-tiswir tal-kapaċitajiet fl-istituzzjonijiet pubbliċi f’sostenn għall-istat tad-dritt. Fil-perjodu ta’ pprogrammar 2014-2020, kważi nofs l-Istati Membru użaw Fondi Strutturali biex jappoġġjaw riformi li jsaħħu l-ġudikaturi u l-amministrazzjoni pubblika, jew fl-għajnuna għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din il-ħidma tista’ wkoll turi li, biswit l-espressjonijiet ta’ tħassib, l-UE tipprovdi rimedji prattiċi. Pereżempju, is-Servizz tal-Kummissjoni ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali, taħt il-Programm ta’ Sostenn tar-Riforma Strutturali, jista’ jaħdem biswit l-istituzzjonijiet nazzjonali biex jgħin fir-riformi relevanti li jolqtu l-istat tad-dritt.

L-użu tal-fondi u l-programmi tal-UE fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt ikun ukoll aktar effettiv meta jkun ukoll sostnut mir-rakkomandazzjonijiet għal riformi strutturali fi ħdan is-Semestru Ewropew.

B’mod aktar ġenerali, il-politika tal-Unjoni f’oqsma bħal ma huma l-akkwist pubbliku, ir-regolamentazzjoni aħjar u l-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali u ċivili tista’ tkun ta’ kontribut fl-iżgurar ta’ applikazzjoni koerenti ta’ standard Ewropej relevanti għall-istat tad-dritt.

V.    PERKORSI POSSIBBLI GĦALL-FUTUR

Wieħed jista’ jgħid li l-infurzar effettiv tal-istat tad-dritt fl-Unjoni jistrieħ fuq tliet pilastri. L-ewwel nett, il-promozzjoni tal-istat tad-dritt, li jinvolvi t-tisħiħ ta’ ħidma komuni għat-tifrix tal-għarfien dwar l-istat tad-dritt fl-Ewropa. It-tieni, il-prevenzjoni ta’ problemi li jolqtu l-istat tad-dritt, bil-kapaċità ta’ intervent fi stadju bikri u bl-evitar tar-riskju li sitwazzjoni teskala. Fl-aħħar nett, il-ħila li tiġi stabbilita reazzjoni komuni effettiva meta tiġi identifikata problema li jkollha biżżejjed sinifikat.

Il-promozzjoni: It-tiswir tal-għarfien u kultura komuni dwar l-Istat tad-Dritt

Kultura politika u legali robusta li ssostni l-istat tad-dritt f’kull Stat Membru hija l-aqwa garanzija tal-istat tad-dritt. Filwaqt li l-Unjoni tirrispetta l-istrutturi politiċi u kostituzzjonali tal-Istati Membri, l-obbligi tas-sħubija fl-Unjoni, kif ukoll il-wirt demokratiku tal-Ewropa, ifissru li r-regoli u l-istrutturi nazzjonali jridu jkunu jirriflettu l-istandards u n-normi tal-UE fejn jidħol l-istat tad-dritt bħala valur komuni tal-UE, u jkunu konformi mal-garanziji marbuta mal-istat tad-dritt fil-liġi primarja u sekondarja tal-UE.

Il-promozzjoni tal-għarfien fost il-pubbliku ġenerali dwar l-importanza tal-istat tad-dritt f’demokrazija tista’ wkoll tkun ta’ għajnuna u jista’ jingħata appoġġ lil attivitajiet ta’ komunikazzjoni mmirati lejn iċ-ċittadini.

Sabiex tiġi approfondita tali kultura politika u legali u li tkun sostnuta fl-Istati Membri kollha, huwa importanti li jiġi promoss l-għarfien dwar ġurisprudenza u standards relevanti għall-istat tad-dritt sabiex, pereżempju, l-evalwazzjonijiet u l-opinjonijiet minn entitajiet bħal ma huma l-Kummissjoni ta’ Venezja u l-GRECO, jiġu diskussi fil-livell nazzjonali. Dan ikun ta’ għajnuna għall-partijiet kollha biex ikunu jafu dak li hu mistenni, u kif l-istituzzjonijiet u l-liġijiet għandhom ikunu jirriflettu prinċipji bażiċi. Jekk ikun hemm approċċi komuni f’dawn l-oqsma dan jista’ jkun ta’ għajnuna għall-promozzjoni ta’ kultura qawwija tal-istat tad-dritt madwar l-istituzzjonijiet u l-professjonijiet relevanti kollha.

L-eżistenza ta’ approċċi, standards u normi komuni ma timplikax l-implimentazzjoni tagħhom b’mod identiku. Iżda fejn ikun hemm approċċ komuni ċar, ikun aktar jagħmel sens li s-sistemi nazzjonali partikolari jiġu sottoposti għal livell ta’ referenza u tiġi ddikjarata fiduċja fis-siwi tagħhom.

Dan huwa relevanti b’mod partikolari għaliex ir-rispett għall-istat tad-dritt jiddependi mhux biss fuq l-eżistenza ta’ liġijiet u strutturi istituzzjonali, iżda wkoll fuq il-prassi istituzzjonali. Pereżempju, il-Kummissjoni ta’ Venezja ġibdet l-attenzjoni għall-importanza ta’ kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet bħala l-pedament għall-istat tad-dritt – l-aċċettazjoni minn parti waħda tal-istat li l-partijiet l-oħra għandhom funzjonijiet leġittimi li hemm bżonn li jkunu rispettati. Din il-kooperazzjoni leali tista’ tinxteħet taħt pressjoni anki jekk tkun imnaqqxa f’liġijiet jew kostituzzjonijiet. L-iskambju tal-għarfien espert bejn dawk il-professjonisti fi Stati Membri differenti – bħal ma huma mħallfin, prosekuturi u esperti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni – tista’ tgħin fil-bini ta’ sens ta’ dak li dan ikun ifisser fil-prattika. Elementi oħra ċentrali tal-istat tad-dritt u l-governanza b’rispett fil-prattika jinkludu t-tfassil trasparenti tal-liġijiet u tal-politika. Fil-qalba tagħhom, dawn kollha jagħrfu li l-poteri tal-istat għandhom obbligi fejn tidħol ir-responsabbiltà, kif ukoll limitazzjonijiet, li hemm bżonn li jkunu rispettati f’soċjetà demokratika.

L-UE toffri pjattaforma unika għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-għarfien dwar l-isfidi fejn jidħol l-istat tad-dritt. Hekk kif issuġġerixxa l-Parlament Ewropew, dan jista’ jmur lil hinn mill-istituzzjonijiet tal-UE, u jkun jinvolvi l-parlamenti nazzjonali u parteċipanti ċentrali oħra fil-livell nazzjonali. Is-soċjetà ċivili hija ta’ importanza partikolari, inkluż fil-livell reġjonali u lokali. Il-Kummissjoni diġà pproponiet li tagħti spinta lill-iffinanzjar u s-sostenn għal soċjeta ċivili li timxi ’il quddiem, lill-promozzjoni ta’ pluraliżmu fil-medja u lill-bini ta’ netwerks fost dawk involuti fil-qasam tal-istat tad-dritt, kif ukoll bis-sostenn lil organizzazzjonijiet, korpi u entitajiet li jaħdmu madwar l-Unjoni kollha, u li jsegwu interess Ewropew ġenerali fil-qasam tal-ġustizzja u l-istat tad-dritt. 39  

Ir-relazzjoni tal-UE mal-Kunsill tal-Ewropa hija ta’ relevanza partikolari fil-promozzjoni tal-istat tad-dritt. L-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE jistgħu jiżviluppaw dan ulterjorment bil-ħsieb li tiġi promossa kultura ta’ promozzjoni tal-istat tad-dritt fi ħdan l-UE.

.

L-UE tista’ wkoll tagħti ħarsa lejn kif l-aħjar tista’ tippromwovi l-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istandards komuni li jolqtu l-istat tad-dritt. Il-promozzjoni tal-istandards tal-istat tad-dritt jistgħu wkoll jiġu żviluppati fid-direzzjoni ta’ rieżami mill-pari, kif propost b’mod speċifiku minn xi Stati Membri.

Mistoqsijiet li jistgħu jsiru għal riflessjoni ulterjuri

·Kif tista’ l-UE tippromwovi aħjar ir-rekwiżiti legali eżistenti tal-UE, u l-istandards Ewropej marbuta mal-istat tad-dritt, b’mod partikolari fil-livell nazzjonali?

·Kif tista’ l-UE tinkoraġġixxi bl-aħjar mod lin-netwerks kruċjali u lis-soċjetà ċivili, kif ukoll lis-settur privat, biex jiġu żviluppati diskussjonijiet fl-għeruq dwar kwistjonijiet tal-istat tad-dritt, inkluż fid-dimensjoni ekonomika tiegħu, u tippromwovi l-istandards li jirfdu l-istat tad-dritt?

·Jistgħu l-Istati Membri jagħmlu aktar biex jippromwovu d-diskussjonijiet dwar l-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali, inkluż pereżempju permezz ta’ dibattiti fil-parlamenti nazzjonali, f’forums professjonali u b’attivitajiet ta’ żieda fl-għarfien indirizzati lejn il-pubbliku ġenerali?

·Kif jistgħu l-UE u l-Istati Membri tagħha jkabbru l-kooperazzjoni mal-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li jsostnu l-istat tad-dritt, inkluż b’appoġġ għall-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa u fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa?

·Kif tista’ l-UE tkompli tibni fuq il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa u tippromwovi approċċi komuni tal-UE? Dan il-proċess jista’ jiġi mgħejjun permezz ta’ rieżami fost il-pari bejn l-Istati Membri?

·Il-passi li ħadu sa issa l-Parlament Ewropew u l-Kunsill kif jistgħu jittejbu u jiġu żviluppati aktar? Il-grupp politiċi u l-parlamenti nazzjonali jistgħu jiġu impenjati aktar?

Il-prevenzjoni: Il-kooperazzjoni u l-appoġġ għat-tisħiħ tal-Istat tad-Dritt fil-livell nazzjonali

Ir-responsabbiltà primarja biex jiġi żgurat ir-rispett għall-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali taqa’ fuq l-Istati Membri. Madankollu, l-Unjoni tista’ toffri appoġġ importanti lill-Istati Membri biex jissawwar approċċ għat-tul li jgħin li jiġi żgurat li s-sistema ta’ ekwilibriju ta’ setgħat nazzjonali tkun tilqa’ għal-isfidi quddiemha – u fl-aħħar mill-aħħar li l-UE ma jkollhiex għalfejn issib ruħha f’sitwazzjoni fejn ikollha tindirizza kriżi tal-istat tad-dritt f’xi Stat Membru. Dan ifisser għajnuna biex tinbena r-reżiljenza f’sistemi u istituzzjonijiet kruċjali biex inkunu lesti għal żminijiet ta’ tensjoni politika.

Għarfien aktar profond tal-iżviluppi fl-Istati Membri tkun ta’ għajnuna biex dan l-appoġġ jiġi mmirat u biex jiġu identifikati kmieni r-riskji għall-istat tad-dritt. Oqsma ta’ relevanza jistgħu jinkludu s-sistema nazzjonali ta’ bilanċ tas-setgħat, l-indipendenza ġudizzjarja, il-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika, il-politiki kontra l-korruzzjoni, it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv u tfassil aħjar tal-liġijiet. Tali ġbir ta’ informazzjoni jista’ jipprovdi qafas ġenerali għal kooperazzjoni u djalogu regolari mal-Istati Membri, kif ukoll għal aġġornament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Filwaqt li jkun meħtieġ li jkopri l-Istati Membri kollha, jista’ jkun aktar intensiv fi Stati Membri fejn ikunu ġew identifikati dgħjufijiet jew riskji partikolari. Fl-aħħar nett, ikun meħtieġ bilanċ bejn il-ħtieġa li jissawwar għarfien suffiċjenti tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri u dik li jittieħed kont ta’ kwistjonijiet ta’ riżorsi kemm finanzjarji kif ukoll umani. L-għan aħħari ta’ tali eżerċizzju jkun dak li jiġu pprovduti pedamenti aktar qawwija għal djalogu bikri dwar inizjattivi politiċi li jkollhom konsegwenzi għall-istat tad-dritt. Ir-riflessjoni għandha ssir ukoll fuq jekk l-użu tal-għodod eżistenti, inkluż is-Semestru Ewropew u t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, ikunx jista’ jiġi żviluppat ulterjorment biex jiġu indirizzati aħjar kwistjonijiet tal-istat tad-dritt.

Perkors kumplimentari ieħor ikun dak li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-appoġġ prattiku, sabiex jiġi massimizzat il-kontribut kostruttiv mill-Unjoni ħalli jiġi riżolti l-kwistjonijiet b’mod bikri u biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli li jiġu integrati fil-proċessi ta’ riforma li għaddejjin. Dan jista’ jseħħ fuq talba mill-Istati Membri u jkun jinvolvu pjani ta’ azzjoni xierqa. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jkunu involuti fid-definizzjoni u l-promozzjoni ta’ tali inizjattivi. Dan jista’ jkun jinkludi wkoll attenzjoni speċifika lejn l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE b’dimensjoni li tinkludi l-istat tad-dritt. L-appoġġ tekniku lill-Istati Membri jista’ wkoll jiġi pprovdut taħt il-Programm ta’ Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali.

Mistoqsijiet li jistgħu jsiru għal riflessjoni ulterjuri

·Kif tista’ l-UE ttejjeb il-kapaċità tagħha li ssawwar bażi ta’ għarfien aktar profonda u komparattiva dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, sabiex id-djalogu isir aktar produttiv, u biex jistgħu jinqabdu fi stadju bikri xi problemi potenzjali? Kif jistgħu l-għodod eżistenti jiġu żviluppati aktar biex jevalwaw is-sitwazzjoni fejn jidħol l-istat tad-dritt?

·Kif jistgħu jiġu organizzati bl-aktar mod progressiv l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fi kwistjonijiet li jolqtu l-istat tad-dritt?

·Kif jistgħu l-għarfien u l-appoġġ tal-UE jkunu indirizzati bl-aktar mod effettiv lejn l-Istati Membri?

·Jista’ jingħata aktar piż għal passi preventivi permezz ta’ approċċ aktar interistituzzjonali?

Reazzjoni: L-infurzar fil-livell tal-Unjoni meta l-mekkaniżmu nazzjonali jiddgħajfu

Il-kwistjonijiet li jolqtu l-istat tad-dritt li jkollhom implikazzjonijiet għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni qegħdin aktar ma jmur jaqgħu taħt il-lenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur u ta’ sentenzi preliminari. Il-Kummissjoni se tkompli tibni fuq il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti, pereżempju f’dak li għandu x’jaqsam mal-indipendenza tal-qrati nazzjonali u għall-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. B’mod aktar ġenerali, l-effettività tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni minn awtoritajiet indipendenti u minn qrati nazzjonali jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Għalhekk, meta jkun neċessarju, il-Kummissjoni se tkompli tara li jkun hemm applikazzjoni u infurzar kif suppost tal-liġi tal-Unjoni permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur marbuta mal-istat tad-dritt.

Meta s-salvagwardji nazzjonali tal-istat tad-dritt jidher li ma jkunux biżżejjed biex jiġi indirizzat it-theddid għall-istat tad-dritt f’xi Stat Membru, hija responsabbiltà komuni tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri li jieħdu azzjoni biex jirranġaw is-sitwazzjoni. Apparti l-obbligi komuni ta’ difiża tal-valuri tal-UE, jeżisti interess komuni li kwistjonijiet bħal ma huma theddid għall-Qrati Kostituzzjonali jew l-indipendenza ġudizzjarja jiġu affaċjati qabel ma dawn jibdew jikkompromettu l-implimentazzjoni tal-liġi, il-politiki jew l-iffinanzjar tal-UE. Tali azzjoni tista’ tvarja skont iċ-ċirkostanzi – bħall-eżistenza ta’ ksur – jew biex tiġi żgurata l-proporzjonalità. Jistgħu jkunu xierqa approċċi differenti f’oqsma speċifiċi ta’ politika bħal ma hi l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE mir-riskju ta’ nuqqasijiet fl-istat tad-dritt.

Il-Qafas tal-Istat tad-Dritt kien ġie stabbilit mill-Kummissjoni fl-2014 bħala reazzjoni għal meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari ta’ riskji sistemiċi għall-istat tad-dritt f’xi Stat Membru, li tista’ twassal għal riskju ċar ta’ ksur serju tal-istat tad-dritt li jwassal biex jiġi skattat l-Artikolu 7 tat-TUE. Il-Qafas ġie applikat sa issa f’każ wieħed u serva l-funzjoni tiegħu bħala pass intermedjarju. Għen biex ikunu stabbiliti djalogu, ġbir ta’ fatti dettaljati, analiżi u rakkomandazzjonijiet: bażi ta' għarfien li tat prova tal-utilità tagħha f’azzjoni uterjuri mill-Unjoni. Madankollu, jista’ jiġi esplorat xi raffinar. Pereżempju, jista’ jissaħħaħ l-għoti ta’ informazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, u jingħata sostenn minnhom, fil-proċess. Opzjoni oħra tista’ tkun li d-djalogu u r-rakkomandazzjonijiet jintrifdu minn pjani ta’ azzjoni speċifiċi u minn sostenn tekniku biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni fi ħdan perjodu stabbilit, jew li jiġi stabbilit limitu aktar ċar għad-durata tal-fażi ta’ djalogu.

Tali tibdiliet jistgħu jżommu l-għan aħħari li jinstabu soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi u li jiġu identifikati rimedji xierqa. Dan jirrekjedi djalogu u kanali ta’ komunikazzjoni effettivi. Madankollu, jista’ jitqies ukoll jekk għandux ikun hemm konsegwenzi aktar serji jekk xi Stat Membru jirrifjuta li jirrimedja s-sitwazzjoni. Dan jista’ jirriżulta wkoll minn apprezzament akbar tal-konsegwenzi reali għall-funzjonament tal-Unjoni meta jkun hemm nuqqasijiet persistenti fl-istat tad-dritt fl-Istati Membri, ħaġa li diġà ngħatat għarfien fil-proposta għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fil-każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati għar-rigward tal-istat tad-dritt.

Mistoqsijiet li jistgħu jsiru għal riflessjoni ulterjuri

·Kif tista’ l-ġurisprudenza relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi disseminata b’mod effettiv, u kif jista’ jintuża bis-sħiħ il-potenzjal tagħha?

·Kif tista’ l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkoordinaw b’mod aktar effettiv u biex tiġi żgurata reazzjoni f’waqtha u xierqa fil-każ li tinqala’ xi krizi marbuta mal-istat tad-dritt fi Stat Membru?

·F’liema modi jista’ jissaħħaħ il-Qafas tal-Istat tad-Dritt ulterjorment? Għandu dan jinkludi aktar impenn ma’ istituzzjonijiet oħra u ma’ sħab internazzjonali (pereż. il-Kunsill tal-Ewropa/il-Kummissjoni ta’ Venezja, l-Organizazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa/l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem)?

·Hemm oqsma oħra, barra l-interessi finanzjarji tal-UE, fejn l-UE għadha tiżviluppa mekkaniżmi speċifiċi (inkluż kundizzjonalitajiet marbuta ma’ kwistjonijiet tal-istat tad-dritt) biex jiġu evitati, jew jinstab rimedju għal, ċerti riskji speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-liġi jew għal politiki tal-UE?

VI.    KONKLUŻJONIJIET

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Kunsill u l-Istati Membri, kif ukoll lil dawk involuti, inklużi netwerks ġudizzjarji u s-soċjetà ċivili, u l-pubbliku b’mod in ġenerali, biex jirriflettu dwar il-kwistjonijiet u l-mistoqsijiet mfissra f’din il-Komunikazzjoni. Il-kwistjonijiet imqajma jindikaw għadd ta’ oqsma fejn wieħed jista’ jikkontempla li jkun hemm titjib.

Tali riflessjoni tkun fiha nnifisha tikkontribwixxi għall-infurzar tal-istat tad-dritt billi jisseddaq id-dibattitu u jiġi żgurat li jkun hemm attenzjoni kontinwa fuq il-kwistjoni. Il-Kummissjoni temmen li t-tisħiħ tal-istat tad-dritt jista’ jkun ta’ kontribut essenzjali għall-futur tal-Unjoni. Ikun jippermetti ċarezza u konsistenza akbar, jgħin biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkunu trattati indaqs, u jiġu protetti l-interessi komuni ta’ kulħadd bis-saħħa tal-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-UE fost l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni se terġa’ ddawwar l-attenzjoni tagħha għal din il-kwistjoni f’Ġunju 2019, bil-konklużjoni u l-proposti tagħha stess. Dawn ikunu influwenzati mid-dibattitu li għaddej fost l-istituzzjonijiet u s-soċjetà in ġenerali, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li qiegħda tiżviluppa, u se jkollhom l-għan li jistabbilixxu approċċ għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni, fi ħdan il-qafas tat-Trattati preżenti.

(1)

     L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)

     L-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(3)

     L-Artikolu 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-obbligu li l-Istati Membri jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess eżistenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva “hija inerenti għall-eżistenza tal-Istat tad-dritt”, il-Kawża C-72/15 Rosneft.

(4)

     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt tal-11.3.2014, COM(2014) 158 finali.

(5)

     L-Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt tal-11.3.2014, COM(2014) 158 finali, kif ukoll ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, il-Kawża C-64/16, Associação Sindical dos Juízes Portugueses v. Tribunal de Contas; il-kawża C-216/18 PPU, LM il-kawża C-619/18 il-Kummissjoni v il-Polonja (ordni tas-17 ta’ Diċembru 2018). 

(6)

     L-Istat tad-Dritt huwa inkluż fid-dibattitu preżenti dwar il-futur tal-Ewropea, pereżempju, b’interventi importanti minn gruppi politiċi Ewropej differenti kif ukoll mill-Istati Membri.

(7)

     Il-Kawża C-64/16, Associação Sindical dos Juízes Portugueses v. Tribunal de Contas; il-kawża C284/16, Achmea; il-kawża C216/18 PPU, LM; il-kawża C- 621/18, Wightman; il-kawża C-619/18, il-Kummissjoni v il-Polonja, ordni tas-17 ta’ Diċembru 2018.

(8)

     Istituzzjonijiet pubbliċi li jkunu qegħdin jaħdmu tajjeb huma ta’ kontribut għal tkabbir akbar, u huma prekundizzjoni għat-twettiq b’suċċess ta’ riformi oħra. L-eżerċizzji ta’ analiżi empirika juru li l-kwalità istituzzjonali aħjar hija assoċjata ġeneralment ma’ produttività akbar, ara Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019, COM(2018) 770 finali.

(9)

   Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nr. 4 aktar ’il fuq.

(10)

     Proposta għal Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri - COM(2018) 324.

(11)

      https://ec.europa.eu/info/law/cross-border-cases/judicial-cooperation/networks-and-bodies-supporting-judicial-cooperation/european-public-prosecutors-office_en .

(12)

     Din l-inizjattiva tiffoka fuq it-tisħiħ tal-istat tad-dritt iżda ma tkoprix oqsma akbar ta’ demokrazija jew ta’ drittijiet fundamentali. Madankollu, l-istat tad-dritt huwa intrinsikament marbut mad-drittijiet fundamentali u mad-demokrazija. filwaqt li l-istat tad-dritt jiffoka fuq il-limitar u r-rieżami indipendenti tal-eżerċizzju tal-poteri pubbliċi, huwa jippromwovi wkoll id-demokrazija billi jistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ dawk li jkollhom f’idejhom il-poter pubbliku u huwa indispensabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

(13)

     Ara wkoll il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2003, Respect for and promotion of the values on which the Union is based (Ir-rispett għall-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, u l-promozzjoni tagħhom), COM(2003) 606 finali.

(14)

     Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017) 835 finali, 20.12.2017)

(15)

     Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (2017/2131(INL))

(16)

     Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nr. 4 aktar ’il fuq.

(17)

     Ara l-kawża C-619/18, il-Kummissjoni v il-Polonja, ordni tas-17 ta’ Diċembru 2018.

(18)

   Id-djalogu sar bejn Jannar 2016 u Diċembru 2017. Il-Kummissjoni adottat opinjoni waħda u erba’ rakkomandazzjonijiet.

(19)

     Il-Kawża C-506/04, Wilson.

(20)

     Il-Kawża C-64/16, Associação Sindical dos Juízes Portugueses; Il-Kawża C-49/18, Escribano Vindel.

(21)

   Fejn tidħol l-għamla ta’ xi korp ġudizzjarju u l-ħatra, il-perjodu ta’ servizz, u r-raġunijiet għal astenzjoni, iċ-ċaħda u t-tkeċċija tal-membri tiegħu kif ukoll tar-reġim dixxiplinarju li jirregola l-imħallfin, il-Kawża C-216/18 PPU Ireland v. LM and Case C-8/19 PPU, RH.

(22)

     Il-Kawża C-619/18 R, il-Kummissjoni v. il-Polonja, Ordni tas-17 ta’ Diċ. 2018.

(23)

     Dan jinkludi sentenzi preliminari dwar il-ħtieġa ta’ investigazzjoni effettiva tal-frodi fiskali jew frodi b’fondi tal-Unjoni (are, eż. l-kawżi C-617/10, Åkerberg Fransson; C-105/14, Taricco; C-42/17 M.A.S.; u C-612/15 Kolev).

(24)

      https://ec.europa.eu/info/strategy/justice-and-fundamental-rights/effective-justice/rule-law/assistance-bulgaria-and-romania-under-cvm/reports-progress-bulgaria-and-romania_en .

(25)

     Ir-Regolament (UE) 2017/825 tas-17 ta' Mejju 2017 stabbilixxa l-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali, b’EUR 142,8 miljun fuq il-perjodu 2017-2020. Ir-Regolament (UE) 2018/1671 tat-23 ta’ Ottubru 2018 emenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali u jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu, biex il-pakkett finanzjarju sar wieħed ta’ EUR 222,8 miljun. Fil-kuntest tal-proposti tal-QFP għall-2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet li talloka EUR 840 miljun għall-appoġġ tekniku, u biex tinkludi l-istrument għall-appoġġ tekniku fil-proposta għal Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma, li jinkludi wkoll “strument ta’ twettiq tar-riforma” kif ukoll “faċilità ta’ konverġenza”.

(26)

     Ir-rieżami tal-Istrateġija tal-Kumissjoni kontra l-Frodi hija intenzjonata biex issaħħaħ il-ħila analitika tal-Kummissjoni li tevalwa l-ħila tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-frodi kif ukoll l-effettività u l-effiċjenza tal-assistenza mogħtija lill-Istati Membri. Barra minn dan, u sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, il-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar l-għamla tal-Istrateġiji Nazzjonali kontra l-Frodi, li għandhom l-għan li jiġu identifikati u indirizzati nuqqasijiet eżistenti fis-sistemi nazzjonali u li tissaħħaħ il-koordinazzjoni fost korpi nazzjonali u mal-livell tal-UE, inkluż mal-OLAF.

(27)

     Proposta għal Regolament ta’ Dispożizzjonijiet Komuni (COM/2018/375), Artikolu 11.

(28)

     Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nr. 10 aktar ’il fuq.

(29)

     Ara https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/policy/glossary/terms/accession-criteria_en .

(30)

     B’mod speċifiku il-kapitolu 23 - Id-Drittijiet Ġudizzjarji u Fundamentali u l-kapitolu 24 - Il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà.

(31)

     COM(2018) 65 finali.

(32)

     Bħal ma hu l-Kumitat tar-Reġjuni.

(33)

   Bħal ma hi l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa/l-Uffiċċju għal Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem.

(34)

     Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2016 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (2015/2254(INL)).

(35)

   Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (2018/2886(RSP)).

(36)

   Pereżempju r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Franċiż Résolution relative au respect de l'état de droit au sein de l'Union européenne; id-dibatittu tal-14 ta’ Frar 2019 fil-Kumitat tal-affarijiet tal-UE tal-Parlament tan-Netherlands; jew id-dibattitu tat-12 ta’ Marzu 2019 fil-Kamra tar-Rappreżentanti Belġjana, fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin. Ġie rifless l-interess tal-parlamenti nazzjonali ukoll fil-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni, tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea.

(37)

     The Rule of Law Checklist, European Commission For Democracy through Law (il-Kummissjoni ta’ Venezja), CDL-AD(2016)007.

(38)

     Pereż. ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 dwar “imħallfin: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet”; Il-Kummissjoni ta’ Venezja ‘Rule of Law Checklist’, CDL-AD(2016)007; Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-Tisħiħ tal-Indipendenza u l-Imparzjalità Ġudizzjarja; kif ukoll l-Opinjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u l-Evalwazzjonijiet tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO).

(39)

     Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 (COM(2018)366 finali, 30.5.2018); Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri (COM(2018) 383 finali, 30.5.2018); Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm tal-Ġustizzja (COM(2018) 384 finali, 30.5.2018). Il-Programm Ewropa Kreattiva l-ġdid ukoll se jsostni azzjonijiet li jkollhom l-għan li jissaħħaħ is-settur Ewropew tal-medja ġurnalistika, il-libertà ġurnalistikà, id-diversità u l-pluraliżmu tal-kontenut ġurnalistiku, kif ukoll approċċ kritiku lejn il-kontenut fuq il-medja, permezz tal-litteriżmu medjatiku.

Top