IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.3.2019
COM(2019) 160 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar proċedura ta' applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jirresjedu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat membru, u dwar ġabra komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru
I.INTRODUZZJONI
Id-Direttiva 2011/98/UE dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru ("id-Direttiva") ġiet adottata fit-13 ta’ Diċembru 2011. Din kienet is-sitt direttiva fil-qasam tal-migrazzjoni legali adottata wara t-Trattat ta’ Amsterdam li ta s-setgħa lill-UE li tilleġiżla f’dan il-qasam.
Id-Direttiva għandha żewġ objettivi ewlenin: L-ewwel wieħed huwa li tiffaċilita l-proċedura biex ċittadin ta’ pajjiż terz jitħalla jaħdem fi Stat Membru bl-introduzzjoni ta' proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku (permess tax-xogħol u permess ta’ residenza f’dokument wieħed) u b’hekk tgħin biex tittejjeb il-ġestjoni tal-flussi migratorji. Barra minn hekk, id-Direttiva tistabbilixxi għadd ta’ salvagwardji fil-proċedura tal-applikazzjoni.
It-tieni objettiv ewlieni tad-Direttiva huwa li tiżgura trattament ugwali bejn ħaddiema minn pajjiżi terzi u ċittadini tal-Istat Membru ta’ residenza.
Id-Direttiva għalhekk hija strument ewlieni fil-politika tal-immigrazzjoni tal-UE għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jingħataw permess jaħdmu jew li diġà jaħdmu fil-25 Stat Membru fejn tapplika d-Direttiva.
Fl-2017 ġew irrappurtati 2 635 896 deċiżjoni dwar il-permessi għad-Direttiva, li minnhom 841 028 deċiżjoni kienu dwar il-ħruġ tal-ewwel permess. Id-deċiżjonijiet l-oħra kienu dwar it-tiġdid jew il-bdil ta’ permessi. Mill-permessi kollha li nħarġu fl-2017, 893 198 (34 %) inħarġu għal “attivitajiet rimunerati”, 1 006 318 (38 %) għal raġunijiet familjari, 279 405 (11 %) għal finijiet edukattivi u 456 975 (17 %) għal raġunijiet oħrajn. Mill-ewwel permessi kollha li nħarġu fl-2017 (li l-volum tagħhom żdied mill-ewwel sena ta’ rappurtar fl-2013), aktar minn 88 % kienu għal attivitajiet rimunerati, u għalhekk dawn koprew proporzjon kbir mill-grupp fil-mira intenzjonat. Il-Belġju u l-Greċja ma jirrappurtaw l-ebda statistika għal din id-Direttiva.
Dan ir-rapport dwar l-implimentazzjoni jikkonforma mal-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva li jeħtieġ li l-Kummissjoni perjodikament tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri. Dan jagħti ħarsa ġenerali lejn it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva minn 24 Stat Membru u jidentifika kwistjonijiet problematiċi possibbli. Ir-rapport, li għall-ewwel kien mistenni li jiġi ppreżentat sal-25 ta’ Diċembru 2016, ġie pospost sabiex jikkoinċidi mal-adozzjoni tal-evalwazzjoni komprensiva tal-Kummissjoni tal-qafas regolatorju dwar il-migrazzjoni legali (“kontroll tal-idoneità”).
Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tfassal abbażi ta’ studju estern li sar bejn l-2014 u l-2016 fuq talba tal-Kummissjoni u abbażi ta’ sorsi oħra, inkluż għadd ta’ mistoqsijiet ad hoc li tressqu permezz tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, ilmenti individwali, mistoqsijiet, petizzjonijiet u xi kwistjonijiet prattiċi li rriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva kif ġie identifikat mill-istudju ta’ sostenn għall-kontroll tal-idoneità. Informazzjoni komplementarja dwar l-applikazzjoni prattika tinsab inkluża fid-dokument tal-kontroll tal-idoneità.
II.
IL-MONITORAĠĠ U L-ISTAT TAT-TRASPOSIZZJONI
L-Artikolu 16 jipprovdi li l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva sal-25 ta’ Diċembru 2013. Qabel dan il-Kummissjoni organizzat bosta laqgħat ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri biex tiddiskuti kwistjonijiet rigward l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tad-Direttiva.
Fl-2014 il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra 14-il Stat Membru skont l-Artikolu 258 (ex-226) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) talli naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva. Minn dakinhar, peress li l-Istati Membri kollha issa nnotifikaw il-miżuri tat-traspożizzjoni, ngħalqu l-proċeduri ta’ ksur għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ħlief fir-rigward tal-Belġju li ġie riferut lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Mill-2011, waslu għadd ta’ lmenti relatati speċifikament mas-suġġett irregolat mid-Direttiva. Dawn jittrattaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, iż-żminijiet eċċessivi tal-ipproċessar mill-awtoritajiet, aspetti proċedurali oħra, il-livell tat-tariffi, tħassib dwar in-nuqqas ta’ trattament ugwali, b’mod partikolari għall-esportazzjoni tal-pensjonijiet, u kategoriji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. L-ilmenti diġà ġew jew għadhom qed jiġu segwiti permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati jew permezz ta’ proċeduri ta’ ksur.
III.
KONFORMITÀ TAL-MIŻURI TA’ TRASPOSIZZJONI
Artikolu 1 — Suġġett
L-Artikolu 1(1) jistipula s-suġġett tad-Direttiva, li huwa li tiddetermina proċedura ta’ applikazzjoni unika għall-ħruġ ta’ permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu għal skop ta’ xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru. Dan sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-ammissjoni tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-istatus tagħhom, u sabiex jiġi stabbilit sett komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi legalment residenti fi Stat Membru, ikunu xi jkunu l-għanijiet li għalihom jkunu ġew ammessi fil-bidu nett fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, abbażi tat-trattament ugwali maċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.
B'mod ġenerali, is-suġġett tad-Direttiva ġie rifless tajjeb fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri kollha. F’termini ġenerali, 23 Stat Membru ttrasponew id-Direttiva permezz ta’ emendi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti tagħhom, jiġifieri prinċipalment billi bidlu l-atti li jirregolaw id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Malta adottat liġi awtonoma speċjali biex tittrasponi d-Direttiva.
L-applikazzjoni tad-Direttiva hija, skont l-Artikolu 1(2), mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri dwar l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-swieq tax-xogħol tagħhom. Kważi l-Istati Membri kollha jwettqu t-test tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jintużaw diversi proċeduri.
Artikolu 2 — Definizzjonijiet
L-Artikolu 2 fih id-definizzjonijiet tat-termini ewlenin użati fid-Direttiva, jiġifieri “ċittadin ta’ pajjiż terz”, “ħaddiem minn pajjiż terz, “permess uniku” u “proċedura ta’ applikazzjoni unika”.
Id-definizzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, prevista fl-Artikolu 2(a), tistipula li persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 20(1) tat-TFUE hija kkunsidrata bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz”. Din id-definizzjoni ġiet trasposta b'mod tajjeb.
L-Artikolu 2(b) fih id-definizzjoni ta’ “ħaddiem minn pajjiż terz”. Din id-definizzjoni hija importanti biex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Kapitolu II (trattament ugwali). L-Istati Membri kollha, minbarra s-Slovakkja, ittrasponew din id-definizzjoni b’mod korrett.
Artikolu 3 — Kamp ta’ applikazzjoni
L-Artikolu 3 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva.
L-Artikolu 3(1) jiddetermina l-kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għalihom tapplika d-Direttiva. Skont l-Artikolu 3(1)(a), id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjizi terzi li japplikaw biex jirresjedu fi Stat Membru għal skop ta’ xogħol. L-Istati Membri joħorġu diversi permessi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jirresjedu fi Stat Membru għal skop ta’ xogħol. Dawn jitqiesu bħala permessi uniċi.
Skont l-Artikolu 3(1)(b), id-Direttiva tapplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li tħallew jidħlu fi Stat Membru għal finijiet oħra apparti x-xogħol skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, li jkunu jistgħu jaħdmu u li jħaddnu permess ta’ residenza f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1030/2002. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni b’mod korrett. L-Istati Membri joħorġu diversi permessi għal finijiet oħra apparti x-xogħol. Din il-kategorija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinħarġulha l-permessi skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva. Madankollu, fir-Repubblika Ċeka mhux possibbli jiġi aċċertat jekk ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fir-Repubblika Ċeka għal finijiet oħra apparti x-xogħol ikunux jistgħu jaħdmu abbażi tat-titoli ta’ residenza rispettivi tagħhom. Fil-Portugall, il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’mod espliċitu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadini Portugiżi. Id-Direttiva, skont l-Artikolu 3(2)(a), teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE li eżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu skont id-Direttiva 2004/38/ KE, u mhux lill-membri tal-familja taċ-ċittadini Portugiżi kollha.
Finalment, f’konformità mal-Artikolu 3(1)(c), id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu tħallew jidħlu fi Stat Membru għal skop ta’ xogħol skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali. L-Istati Membri kollha ttrasponew dawn id-dispożizzjonijiet b’mod korrett.
L-Artikolu 3(2) jiddetermina l-kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Bosta esklużjonijiet huma dovuti għal leġiżlazzjoni applikabbli oħra tal-UE li tkopri lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. B’mod ġenerali, ta’ min jinnota li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, inkluż il-ħruġ ta’ permess uniku għal kull kategorija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Artikolu 3(2), mhux bilfors ixxekkel l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Kważi l-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 3(2) fl-intier tiegħu b’mod konformi.
Skont l-Artikolu 3(3), l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-Kapitolu II ma japplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru tul perjodu li ma jeċċedix is-sitt (6) xhur jew li jkunu tħallew jidħlu fi Stat Membru għall-finijiet ta’ studju. 18-il Stat Membru applikaw din l-opzjoni. Ċipru, il-Greċja, il-Litwanja, Malta u n-Netherlands applikaw din l-opzjoni fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Ir-Reppublika Ċeka, l-Estonja, Franza, l-Ungerija, il-Portugall u s-Slovakkja applikaw biss l-opzjoni għal ħaddiema li tħallew jidħlu jaħdmu fit-territorju tagħhom tul perjodu li ma jeċċedix is-sitt (6) xhur, filwaqt li l-Awstrija, il-Bulgarija, Spanja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Latvja u s-Slovenja applikaw din l-opzjoni għall-istudenti biss
Skont l-Artikolu 3(4), l-Istati Membri m’għandhomx japplikaw il-Kapitolu II tad-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitħallew jaħdmu abbażi ta’ viża. L-Istati Membri kollha ttrasponew din id-dispożizzjoni b’mod konformi.
Artikolu 4 — Proċedura ta’ applikazzjoni unika
L-Artikolu 4 tad-Direttiva jirregola l-aspetti ewlenin tal-proċedura ta’ applikazzjoni unika.
F’konformità mal-Artikolu 4(1), applikazzjoni biex jiġi maħruġ, emendat jew imġedded permess uniku għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ proċedura ta’ applikazzjoni unika. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjonijiet għal permess uniku jkollhomx isiru miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew mill-impjegatur taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jippermettu li ssir applikazzjoni minn wieħed jew l-ieħor. Jekk l-applikazzjoni jkollha titressaq miċ-ċittadin tal-pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom jippermettu li l-applikazzjoni tiġi introdotta minn pajjiż terz jew, jekk ikun previst mil-liġi nazzjonali, fit-territorju tal-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun legalment preżenti.
Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-applikazzjoni relevanti tista’ tiġi ppreżentata biss miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, f’żewġ Stati Membri mill-impjegatur biss (BG u IT) u f’bosta oħrajn miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew mill-impjegatur.
F’xi Stati Membri l-permessi ma jinħarġux permezz ta’ att amministrattiv uniku. Minflok, il-proċeduri nazzjonali applikabbli jinvolvu duplikazzjoni tas-sottomissjoni tad-dokumentazzjoni u/jew proċeduri twal.
L-obbligu li tinkiseb approvazzjoni tal-impjieg għat-testijiet tal-ħtiġijiet tas-suq ġieli jista’ jikkawża wkoll dewmien bla bżonn fil-proċedura ta’ applikazzjoni unika. F’xi Stati Membri, l-approvazzjoni tal-impjieg hija l-ewwel pass qabel ma ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ japplika għal viża. L-approvazzjoni tal-impjieg ġeneralment tintalab mill-impjegatur (FR, RO, ES, BG, PT). Fil-każ ta’ Stati Membri oħra (eż. LV u LT), ir-reġistrazzjoni tal-post battal mill-impjegatur hija meħtieġa qabel il-ħruġ tal-viża biex iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jidħol fil-pajjiż.
Dawn il-proċeduri f’diversi stadji jistgħu jfixklu l-konformità mad-Direttiva jekk proċeduri bħal dawn, u l-ħin meħtieġ biex jitlestew, kellhom jitqiesu bħala barra mill-proċedura ta’ applikazzjoni unika u għalhekk barra wkoll mill-iskadenza ta’ erba’ xhur stabbilita mid-Direttiva. B’mod partikolari, l-awtorizzazzjonijiet tal-impjieg għandhom jitqiesu bħala parti mill-proċedura ta’ applikazzjoni unika meta l-approvazzjoni meħtieġa tkun relatata ma’ ċittadin speċifiku ta’ pajjiż terz u għal pożizzjoni konkreta.
Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni u jadottaw deċiżjoni biex joħorġu, jemendaw jew iġeddu l-permess uniku jekk l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali. Id-deċiżjoni li jiġi maħruġ, emendat jew imġedded il-permess uniku għandha tikkostitwixxi att amministrattiv uniku li jgħaqqad flimkien il-permess ta’ residenza u l-permess tax-xogħol. L-adozzjoni tad-deċiżjoni unika tista’ tkun problematika fil-Bulgarija, fil-Portugall u fir-Rumanija minħabba l-istess raġunijiet indikati fir-rigward tal-Artikolu 4(1).
L-Artikolu 4(3) jistabbilixxi li l-proċedura ta’ applikazzjoni unika għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-proċeduri tal-viża li jistgħu jkunu meħtieġa għad-dħul inizjali. Dan ġie traspost fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Il-Premessa (11) tad-Direttiva tiddikjara li d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni unika u dwar il-permess uniku m’għandhomx jirrigwardaw viżi uniformi jew viżi għal soġġorn twil. Id-Direttiva ma tiddefinix x’jikkostitwixxi viża għal dħul inizjali. Madankollu, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2009/50/KE (Karta Blu) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva (UE) 2016/801 dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi jiċċaraw li jekk il-permess ikun jista’ jinkiseb biss fit-territorju tal-Istat Membru malli l-kundizzjonijiet tal-ammissjoni jkunu ġew issodisfati, l-Istati Membri għandhom joħorġu l-viża meħtieġa liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Fil-każ tal-proċedura tal-permess uniku, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-proċedura tal-viża hija proċedura anċillari li għandha tkun iffaċilitata mill-Istati Membri.
L-Artikolu 4(4) jistipula li meta l-kundizzjonijiet previsti jiġu ssodisfati, l-Istati Membri għandhom joħorġu permess uniku lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għall-ammissjoni u lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi diġà ammessi li japplikaw biex iġeddu jew jimmodifikaw il-permess ta’ residenza tagħhom. Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta b’mod korrett mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.
Artikolu 5 — L-awtorità kompetenti
L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-obbligu tal-Istati Membri li jaħtru awtorità nazzjonali li jkollha s-setgħa li tirċievi l-applikazzjoni u li toħroġ il-permess uniku. Dan jipprevedi wkoll għal għadd ta’ salvagwardji proċedurali, pereżempju l-limitu ta’ żmien biex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni kompluta, il-konsegwenzi jekk ma tittieħed ebda deċiżjoni, in-notifika obbligatorja lill-applikant u l-konsegwenzi ta’ applikazzjoni mhux kompluta.
Skont l-Artikolu 5(1), l-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità nazzjonali li jkollha s-setgħa li tirċievi l-applikazzjoni u li toħroġ il-permess uniku. Ħafna mill-Istati Membri ttrasponew id-dispożizzjoni b’mod korrett billi ħatru awtorità kompetenti rilevanti waħda. Dawn ġeneralment ikunu uffiċċji tal-immigrazzjoni, dipartimenti rilevanti fil-Ministeri għall-Intern u l-amministrazzjoni tal-pulizija jew l-għassa tal-pulizija tal-post ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(2) jistipula li l-awtorità kompetenti għandha tadotta deċiżjoni dwar l-applikazzjoni kompluta malajr kemm jista’ jkun u f’kull każ fi żmien erba’ (4) xhur mid-data li fiha titressaq l-applikazzjoni. Hemm tħassib dwar il-limitu ta’ żmien ġenerali għall-ħruġ ta’ deċiżjoni f’disa’ (9) Stati Membri, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ limiti ta’ żmien speċifiċi stabbiliti fil-liġi nazzjonali, iżda wkoll minħabba l-implikazzjonijiet taż-żmien tar-rekwiżiti biex issir reġistrazzjoni f’istituzzjonijiet differenti bl-involviment ta’ bosta awtoritajiet (eż. is-sigurtà soċjali, is-servizzi mediċi) u l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ impjieg li tista’ ttawwal jew fil-prattika tikkawża dewmien fil-proċedura kollha.
F’ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-kumplessità tal-eżami tal-applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jestendu l-iskadenza ta’ erba’ xhur għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni kompluta kif stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2). 17-Il Stat Membru ttrasponew din l-opzjoni.
L-Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, jistipula li meta ma tittieħed l-ebda deċiżjoni matul l-iskadenza prevista f’dan il-paragrafu, kwalunkwe konsegwenza għandha tiġi ddeterminata mil-liġi nazzjonali.
Il-leġiżlazzjoni ta’ għadd ta’ Stati Membri tistabbilixxi ċaħda taċita u d-dritt li tittieħed azzjoni legali kontra ċaħda bħal din. Stati Membri oħra stabbilixxew approvazzjoni taċita jew id-dritt li jieħdu azzjoni jekk l-amministrazzjoni tonqos milli taġixxi f’limitu ta’ żmien speċifikat. Dan isir permezz ta’ leġiżlazzjoni speċifika ta’ implimentazzjoni jew b’referenza għal-liġi amministrattiva ġenerali.
Madankollu, ġew osservati xi leġiżlazzjoni jew prattiċi nazzjonali problematiċi. Fil-Ġermanja, pereżempju, il-konformità tista’ tiġi indebolita minħabba n-nuqqas li jiġi inkluż b’mod espliċitu l-limitu ta’ żmien ta’ erba’ xhur għall-proċedura tal-permess uniku fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, ir-rimedji applikati f’xi Stati Membri ma jidhrux li huma xierqa u jistgħu jwasslu għal inċertezza tad-dritt għal perjodi twal ta’ żmien (FI, SE), u fil-każ tal-Iżvezja dawn huma magħquda ma’ żminijiet ta’ pproċessar twal b’mod eċċessiv.
L-Artikolu 5(4) jeħtieġ li l-awtorità kompetenti tinnotifika lill-applikant bil-miktub dwar jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta u, jekk iva, dwar l-informazzjoni jew id-dokumenti addizzjonali meħtieġa, filwaqt li tistabbilixxi skadenza raġonevoli biex dawn jiġu pprovduti. L-iskadenza ta’ erba’ xhur imsemmija fl-Artikolu 5(2) tista’ tiġi sospiża sakemm l-awtorità kompetenti jew awtoritajiet oħra rilevanti jkunu irċevew l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qed japplikaw din id-dispożizzjoni b’mod korrett.
Barra minn hekk, l-awtorità amministrattiva tar-Repubblika Ċeka m’għandhiex l-obbligu li tissospendi l-proċeduri, iżda biss il-possibbiltà li tagħmel dan. Fil-każ tal-Italja, l-iskadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni kompluta stabbilita fl-Artikolu 5(2) terġa’ tibda mill-mument li l-awtorità kompetenti tirċievi d-dokumentazzjoni kompluta.
Ġiet identifikata kwistjoni fejn tidħol l-applikazzjoni f’Malta fir-rigward ta’ applikazzjonijiet mhux kompluti. Instab li l-awtoritajiet Maltin jirrifjutaw li jaċċettaw applikazzjonijiet mhux kompluti jew jirrifjutawhom mingħajr ebda notifika bil-miktub, li jfisser li l-applikanti rarament ikunu konxji mill-istatus tal-applikazzjoni tagħhom.
Artikolu 6 — Permess uniku
L-Artikolu 6 japplika kemm għal dawk li japplikaw biex jiġu ammessi kif ukoll għal dawk ammessi għal skop ta’ xogħol. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) jistipula li kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002, l-Istati Membri għandhom joħorġu permess uniku bl-użu tal-format uniformi u, skont il-punt (a) 7.5-9 tal-Anness tar-Regolament, għandhom jindikaw l-informazzjoni relatata mal-permess għax-xogħol. Din id-dispożizzjoni ġiet imħarsa mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri b’mod espliċitu jew impliċitu abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar permessi ekwivalenti għall-permess uniku.
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1), l-Istati Membri jistgħu jindikaw informazzjoni addizzjonali relatata mar-relazzjoni tal-impjieg taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (bħall-isem u l-indirizz tal-impjegatur, il-post tax-xogħol, it-tip ta’ xogħol, is-sigħat tax-xogħol, ir-remunerazzjoni) f’format stampat, jew jaħżnu din id-data f’format elettroniku. Din l-opzjoni ma ġietx applikata fil-biċċa l-kbira tal-Istat Membri. L-opzjoni ġiet applikata kemm għall-format stampat kif ukoll għal dak elettroniku f’Ċipru, f’Malta u fin-Netherlands. Fil-każ ta’ Spanja, Franza u s-Slovakkja, l-opzjoni ġiet applikata biss għall-format stampat filwaqt li l-Ungerija applikat biss l-opzjoni tal-format elettroniku.
L-Artikolu 6(2) jistabbilixxi li l-Istati Membri ma jistgħux joħorġu permessi addizzjonali bħala prova ta’ awtorizzazzjoni għall-aċċess għas-suq tax-xogħol b’żieda mal-permess uniku. Bosta Stati Membri jikkonformaw ma’ dan. Uħud ittrasponew dan ir-rekwiżit b’mod espliċitu (Ċipru, il-Latvja u Malta) u oħrajn b’mod impliċitu abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-permessi ekwivalenti għall-permess uniku. Id-dispożizzjonijiet dwar it-traspożizzjoni mhumiex ċari fil-Ġermanja.
Artikolu 7 — Permessi ta’ residenza maħruġa għal skopijiet oħra apparti x-xogħol
L-Artikolu 7 japplika għal dawk ammessi għal raġunijiet oħra apparti x-xogħol iżda li jkollhom id-dritt tax-xogħol, fosthom membri tal-familja, studenti u oħrajn, inklużi dawk li jkollhom status ta’ residenza permanenti nazzjonali.
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), meta joħorġu permessi ta’ residenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002, l-Istati Membri għandhom jindikaw l-informazzjoni relatata mal-permess tax-xogħol irrispettivament mit-tip tal-permess. Dik id-dispożizzjoni ġiet trasposta fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jew b’mod espliċitu (CY, LV u MT) jew b’mod impliċitu abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar permessi ekwivalenti għall-permess uniku maħruġ għal finijiet oħra barra x-xogħol.
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li tiġi indikata informazzjoni addizzjonali relatata mar-relazzjoni ta’ impjieg taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (bħall-isem u l-indirizz tal-impjegatur, il-post tax-xogħol, it-tip ta’ xogħol, is-sigħat tax-xogħol, ir-remunerazzjoni) f’format stampat, jew li tinħażen din id-data f’format elettroniku. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma ttrasponewx din l-opzjoni. L-opzjoni ġiet applikata kemm għall-format stampat kif ukoll għal dak elettroniku f’Ċipru, f’Malta u fin-Netherlands. Fil-każ ta’ Spanja, l-opzjoni ġiet applikata biss għall-format stampat filwaqt li l-Ungerija applikat biss l-opzjoni fil-każ tal-format elettroniku.
L-Artikolu 7(2) jirrekjedi li meta joħorġu permessi ta’ residenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002, l-Istati Membri ma jistgħux joħorġu permessi addizzjonali bħala prova ta’ awtorizzazzjoni għall-aċċess għas-suq tax-xogħol.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni b’mod espliċitu (CY, LV u MT) jew b’mod impliċitu abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar permessi ekwivalenti għall-permess uniku maħruġ għal finijiet oħra barra x-xogħol. Fl-Ungerija, madankollu, ma jistax jiġi aċċertat jekk il-permessi kollha li jistgħu jitqiesu bħala permessi uniċi għal finijiet oħra barra x-xogħol jagħtux ukoll id-dritt għax-xogħol u għalhekk jekk humiex meħtieġa wkoll permessi addizzjonali bħala prova ta’ awtorizzazzjoni għall-aċċess għas-suq tax-xogħol. Finalment, fin-Netherlands, għalkemm il-permess tax-xogħol flimkien mad-dokument ta’ residenza jaħdem bħala permess uniku, l-ebda dispożizzjoni speċifika ma tindika b’mod espliċitu l-użu tal-format uniformi kif meħtieġ mid-Direttiva, u għalhekk mhuwiex żgurat li m’għandhiex tingħata wkoll dokumentazzjoni addizzjonali bħala prova ta’ permess tax-xogħol.
Artikolu 8 — Garanziji proċedurali
L-Artikolu 8 jipprevedi ċerti garanziji proċedurali mogħtija lill-applikant tal-permess, jiġifieri l-obbligu li jingħataw raġunijiet bil-miktub għal deċiżjonijiet li jirrifjutaw applikazzjoni għall-ħruġ, għall-emendar jew għat-tiġdid ta’ permess, kif ukoll il-garanzija li tingħata informazzjoni bil-miktub dwar l-awtorità kompetenti fejn l-applikant jista’ jressaq appell u l-iskadenzi. 19-il Stat Membru ttrasponew il-garanziji proċedurali skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. It-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ssir bl-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni speċifika jew b’referenza għal regoli amministrattivi ġenerali. Kwistjonijiet ta’ konformità relatati mal-Artikolu 8(1) u (2) jinkludu li r-regoli applikabbli f’xi Stati Membri ma jiggarantixxux li l-applikant jirċievi informazzjoni bil-miktub dwar ir-raġunijiet tar-rifjut, l-isem tal-awtorità fejn l-applikant jista’ jressaq appell u l-iskadenza għar-reviżjoni (MT u PL).
L-Artikolu 8(3) jistipula li applikazzjoni tista’ titqies inammissibbli abbażi tal-volum tal-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġejjin għal skop ta’ impjieg u li, fuq dik il-bażi, ma jkunx hemm għalfejn li din tiġi pproċessata. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma ttrasponewx din l-opzjoni. Oħrajn applikawha b’mod konformi, b’mod espliċitu (CY, EL u IT) jew impliċitu (EE, HR, HU, MT, NL, RO u SK).
Artikolu 9 — Aċċess għall-informazzjoni
L-Artikolu 9 jobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni adegwata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u lill-impjegatur futur tiegħu dwar id-dokumenti meħtieġa biex iressqu applikazzjoni kompluta. Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jew permezz ta' traspożizzjoni espliċita (CY, EL, LU u MT) jew abbażi tal-prinċipji ġenerali tal-liġi amministrattiva li jiżguraw l-aċċess għall-informazzjoni u bil-possibbiltà (addizzjonali) li tinkiseb informazzjoni dwar id-dokumenti meħtieġa permezz tas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti (AT, CZ, DE, FR, HR u SK). Xi Stati Membri (BG, EE, PT u SI) ma jistipulawx b’mod ċar l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jagħtu informazzjoni adegwata dwar id-dokumenti meħtieġa biex titressaq applikazzjoni kompluta.
Artikolu 10 — Tariffi
L-Artikolu 10 jippermetti li l-Istati Membri jitolbu lill-applikanti biex iħallsu tariffi, fejn ikun xieraq, għat-trattament tal-applikazzjonijiet skont id-Direttiva. Tariffi bħal dawn jiġu imposti mill-Istati Membri kollha għall-ipproċessar tal-applikazzjoni. F’xi każi, il-Kummissjoni jidhrilha li t-tariffi huma għoljin wisq u, għall-kuntrarju tal-prinċipju tal-proporzjonalità, jipperikolaw l-effet utile tad-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan f’żewġ sentenzi. Il-Kummissjoni wettqet skambji mal-awtoritajiet nazzjonali u nediet għadd ta’ proċeduri ta’ ksur kontra xi Stati Membri talli talbu tariffi eċċessivi u sproporzjonati għall-permessi ta’ residenza taħt Direttivi differenti, inkluża d-Direttiva dwar il-permess uniku.
Artikolu 11 — Drittijiet abbażi tal-permess uniku
Il-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 11 jistabbilixxu d-drittijiet mogħtija abbażi tal-permess uniku: id-dħul u r-residenza, l-aċċess liberu għat-territorju kollu, id-dritt tal-eżerċizzju tal-attività speċifika tal-impjieg awtorizzata u d-dritt għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tad-detentur innifsu. Fil-biċċa l-kbira l-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 11 fl-intier tiegħu.
Id-dispożizzjonijiet dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 11, punt b (aċċess liberu għat-territorju kollu) fil-Polonja u tal-Artikolu 11, punt d (l-eżerċizzju tal-attività speċifika tal-impjieg) fl-Awstrija, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fil-Lussemburgu u fis-Slovenja mhumiex identifikati biċ-ċar. Ma jidhirx li l-informazzjoni dwar id-drittijiet mogħtija hija disponibbli f’dawn l-Istati Membri. Huwa biss f’għadd żgħir ta’ Stati Membri li l-ħaddiema minn pajjiżi terzi għandom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini biex jibdlu x-xogħol jew lill-impjegatur tagħhom (FI, FR, IT u SI).
Artikolu 12 — Dritt għal trattament ugwali
Skont it-termini tal-Artikolu 12 tad-Direttiva, id-detenturi ta’ permess uniku jgawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini f’għadd ta’ oqsma, inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-libertà tal-assoċjazzjoni, il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki akkademiċi u professjonali, il-benefiċċji tat-taxxa, l-aċċess għal oġġetti u servizzi u għal servizzi ta’ konsulenza (punti (a) sa (h)). B’mod ġenerali l-Istati Membri ttrasponew dan l-Artikolu b’mod konformi.
L-Artikolu 12 jippermetti wkoll restrizzjonijiet fuq it-trattament ugwali fir-rigward ta’ wħud miż-żoni speċifikati u jiċċara li t-trattament ugwali għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess tar-residenza. Minkejja l-eżistenza ta’ dawn ir-restrizzjonijiet fakultattivi, ftit kienu l-Istati Membri li użawhom.
Barra minn hekk, l-Artikolu 12 jindirizza t-trattament ugwali fir-rigward tal-portabbiltà tal-benefiċċji tal-pensjoni. Skont l-Artikolu12(1), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-trattament ugwali japplikaw mhux biss għal dawk ammessi għax-xogħol skont il-liġi tal-UE jew nazzjonali, iżda wkoll għal dawk li jingħataw permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra, sakemm dawn jitħallew jaħdmu.
L-Artikolu 12 ġie traspost fil-liġijiet nazzjonali permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi jew klawżoli ġenerali ta’ trattament ugwali jew permezz ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw kull waħda mill-oqsma speċifikati taħt il-punti (a) sa (h).
Għadd ta’ lmenti mressqa f’dan il-qasam jindikaw li fil-prattika jista’ jkun hemm xi problemi bit-traspożizzjoni, b’mod speċjali fejn il-prinċipju tat-trattament ugwali jrid jiġi implimentat minn firxa ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali differenti.
Il-kwistjonijiet tat-traspożizzjoni dwar it-trattament ugwali jirriżultaw, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ dawn l-aspetti:
-L-esklużjoni ġenerali tad-detenturi tal-viża (il-Portugall);
-Ir-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra fin-Netherlands (rikonoxximent ta’ diplomi għar-residenti permanenti biss);
-L-aċċess għal ċerti fergħat tas-sigurtà soċjali fin-Netherlands (restrizzjoni fuq l-aċċess għal benefiċċji tal-mard fi flus kontanti u għal benefiċċji tal-qgħad għal persuni b’residenza temporanja), is-Slovenja (tip wieħed biss ta’ benefiċċji tal-familja — is-suppliment tat-tfal — huwa disponibbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi); L-Italja (id-detenturi ta’ permess uniku esklużi minn ċerti tipi ta’ benefiċċji tal-familja), l-Iżvezja (restrizzjonijiet fuq il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għal soġġorni ta’ inqas minn sena);
-Aċċess għal oġġetti u servizzi f’Ċipru (ħaddiema minn pajjiżi terzi m’għandhomx id-dritt li jixtru proprjetà immobbli għal finijiet ta’ akkomodazzjoni).
Restrizzjonijiet fakultattivi
Skont l-Artikolu 12(2), l-Istati Membri għandhom l-opzjoni li jirrestrinġu t-trattament ugwali skont il-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 12(1). Bosta Stati Membri m’applikawx dawn l-opzjonijiet kollha, fejn Ċipru biss għażel li jadotta r-restrizzjonijiet fakultattivi kollha, filwaqt li xi wħud (BG, CZ, ES, HR, LU, RO u SK) m’applikaw l-ebda waħda mill-opzjonijiet.
Skont l-Artikolu 12(3), id-dritt għal trattament ugwali kif stabbilit fl-Artikolu 12(1) għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru li jirtira jew jirrifjuta li jġedded il-permess ta’ residenza maħruġ skont din id-Direttiva, il-permess tar-residenza maħruġ għal finijiet oħra apparti x-xogħol, jew kull awtorizzazzjoni oħra ta’ xogħol fi Stat Membru. Il-Polonja ma ttrasponietx l-Artikolu 12(3). Il-bqija tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni jew b’mod espliċitu jew permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali oħra.
Esportazzjoni tal-pensjonijiet
Skont l-Artikolu 12(4), ħaddiema minn pajjiżi terzi li jiċċaqilqu lejn pajjiż terz jew is-superstiti tagħhom li jirrisjedu f’pajjiż terz u li jieħdu drittijiet mingħand dawk il-ħaddiema, huma intitolati li jirċievu pensjonijiet statutorji għax-xjuħija, għall-invalidità u għall-mewt. Il-pensjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-impjieg preċedenti tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi u miksuba skont il-leġislazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess rati li jgawdu ċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati meta jiċċaqilqu lejn pajjiż terz.
Tlettax-il Stat Membru jippermettu t-trasferiment tal-pensjonijiet (li jkopri l-benefiċċji tax-xjuħija, tal-invalidità u tas-superstiti) lejn pajjiżi terzi. F’dan ir-rigward iċ-ċittadini u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu ttrattati bl-istess mod. Ġew identifikati problemi fis-Slovenja, fi Franza, fin-Netherlands u fil-Bulgarija. Skont il-liġi Slovena, il-benefiċjarju li bħala ċittadin barrani jirriloka b’mod permanenti barra s-Slovenja jirċievi pensjoni f’pajjiż barrani jekk ikun ġie ffirmat ftehim internazzjonali mal-pajjiż tar-rilokazzjoni jew jekk dak l-istat jirrikonoxxi tali dritt liċ-ċittadini Sloveni. Madankollu, għaċ-ċittadini tagħha s-Slovenja tħallas il-pensjoni lill-benefiċjarju li jkun jgħix barra l-pajjiż fiċ-ċirkustanzi kollha. Fi Franza, il-pensjonijiet tal-invalidità u tal-mewt ma jistgħux jiġu esportati lejn pajjiżi terzi. Fin-Netherlands ir-rati jidhru li huma mnaqqsa għall-esportazzjoni tal-pensjonijiet li jaffettwaw ir-ritorn lejn pajjiżi terzi. Il-leġiżlazzjoni Bulgara tippermetti l-esportazzjoni tal-pensjonijiet biss jekk ikun hemm ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi.
Artikolu 13 — Dispożizzjonijiet aktar favorevoli
L-Artikolu 13 jippermetti l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet aktar favorevoli. Skont l-Artikolu 13(1)(a), id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli tal-liġi tal-Unjoni, inklużi ftehimiet bilaterali u multilaterali bejn l-Unjoni, jew bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda u pajjiż terz wieħed jew aktar min-naħa l-oħra. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni b’mod konformi.
Skont l-Artikolu 13(1)(b), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom japplikaw ukoll mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar. F’dan ir-rigwad ma ġewx osservati kwistjonijiet problematiċi.
Skont l-Artikolu 13(2), l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-persuni li japplikaw għalihom. F’dan ir-rigwad ma ġewx osservati kwistjonijiet problematiċi.
Artikolu 14 — Informazzjoni lill-pubbliku ġenerali
L-Artikolu 14 jirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu informazzjoni aġġornata disponibbli b’mod regolari għall-pubbliku ġenerali dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom sabiex jaħdmu fih. L-Istati Membri kollha jikkonformaw ma’ dan l-obbligu. Ġie ipprovduta traspożizzjoni espliċita fil-leġiżlazzjoni f’għaxar Stati Membri. L-istudju rigward l-applikazzjoni prattika tal-qafas tal-migrazzjoni legali tal-UE mwettaq għall-kontroll tal-idoneità indika informazzjoni ġeneralment insuffiċjenti pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u d-drittijiet marbuta mal-permessi.
Artikolu 2 — Rappurtar
L-Artikolu 15(2) jobbliga lill-Istati Membri kull sena, u għall-ewwel darba sal-25 ta’ Diċembru 2014, biex jikkomunikaw lill-Kummissjoni statistiċi dwar il-volumi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw permess uniku matul is-sena kalendarja preċedenti, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 862/2007. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-obbligi ta’ informazzjoni mhumiex trasposti b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda huma ssodisfati fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi. Ċipru, il-Greċja u l-Litwanja biss jirregolaw tali obbligi fil-leġiżlazzjoni tagħhom. Madankollu, il-Greċja u l-Belġju s’issa għadhom ma rrappurtaw ebda statistika.
IV. KONKLUŻJONIJIET
Il-promozzjoni tal-integrazzjoni u tan-nondiskriminazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija impenn tal-UE li ilu stabbilit. Id-Direttiva dwar il-Permess Uniku hija għodda kruċjali sabiex jinkiseb dan l-objettiv. Mill-għeluq tal-iskadenza tat-traspożizzjoni tagħha fi tmiem l-2013, il-Kummissjoni nediet għadd ta’ proċeduri ta’ ksur u skambjat informazzjoni mal-Istati Membri sabiex tiżgura li dawn ikunu ttrasponew u implimentaw b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tagħha.
Aspett ewlieni tad-Direttiva huwa t-twaqqif ta’ mekkaniżmu “punt uniku ta’ servizz” fil-livell nazzjonali. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-istruttura organizzattiva ta’ istituzzjonijiet governattivi fejn il-kwistjoni tal-permessi tax-xogħol u tar-residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ awtoritajiet differenti — jiġifieri l-Ministeru għall-Intern u l-Ministeru għall-Impjieg. L-Istati Membri kollha żiedu l-isforzi tagħhom biex iwaqqfu dan it-tip ta’ mekkaniżmu. Madankollu fil-proċedura għad fadal kwistjonijiet problematiċi. Il-problemi li fadal jirrigwardaw prinċipalment il-passi amministrattivi multipli meħtieġa, iż-żmien meħtieġ biex jinkisbu l-viżi għad-dħul u l-approvazzjoni tas-suq tax-xogħol u r-rispett ta’ ċerti salvagwardji proċedurali.
Id-Direttiva tiggarantixxi wkoll lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenturi ta’ permess uniku sett estiż ta’ drittijiet u tippromwovi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali huma element ewlieni tal-qafas tal-migrazzjoni legali tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali u sar biss użu limitat tad-dispożizzjonijiet li jippermettu r-restrizzjoni fuq ċerti drittijiet. Dan ir-rapport juri, madankollu, ċerti nuqqasijiet fit-traspożizzjoni tad-Direttiva (pereżempju, interpretazzjoni restrittiva tad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali fi ftit Stati Membri) li għandhom iwasslu għat-teħid ta’ aktar passi fuq il-livell tal-UE u fuq dak nazzjonali. Finalment, il-kontroll tal-idoneità dwar il-migrazzjoni legali wera nuqqas ta’ informazzjoni fost iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar il-possibbiltà li jiksbu permess uniku u d-drittijiet marbuta miegħu.
Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura li d-Direttiva tiġi trasposta u implimentata b’mod korrett fl-UE kollha. Sabiex tikseb dan ir-riżultat, il-Kummissjoni se tagħmel użu sħiħ mis-setgħat tagħha taħt it-Trattat, inkluż billi tniedi proċeduri ta’ ksur fejn ikun meħtieġ. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri fil-livell tekniku. Xi kwistjonijiet legali u tekniċi jistgħu jiġu diskussi u ċċarati aktar, fosthom ir-rekwiżiti tat-test tal-viża u tas-suq tax-xogħol, il-kopertura tat-trattament ugwali u kwistjonijiet relatati mal-format tal-permessi u mal-informazzjoni li għandu jkun fihom. Barra minn hekk, id-detenturi ta’ permess uniku għandhom ikunu infurmati aħjar dwar id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva.
Il-Kummissjoni se tagħmel l-aħjar użu mis-siti web eżistenti, prinċipalment permezz tal-Portal tal-Immigrazzjoni aġġornat u se tħeġġeġ u tappoġġa lill-Istati Membri fit-tnedija ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni sabiex tinforma lill-applikanti potenzjali dwar id-drittijiet u l-proċeduri meħtieġa biex jiksbu l-permess uniku.