IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.2.2019
COM(2019) 87 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal liftijiet u komponenti ta' sikurezza għal-liftijiet
{SWD(2019) 26 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal liftijiet u komponenti ta' sikurezza għal-liftijiet
1. Introduzzjoni
Id-Direttiva 2014/33/UE dwar il-liftjiet u l-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet (“id-Direttiva”) ġiet adottata fis-26 ta’ Frar 2014. Inizjalment, il-qafas legali tal-UE relatat mal-liftijiet ġie introdott permezz ta’ żewġ direttivi: Id-Direttiva 84/528/KEE dwar l-apparati tal-irfigħ u tat-tqandil mekkaniku tas-17 ta’ Settembru 1984 u d-Direttiva 84/529/KEE dwar il-liftijiet li jaħdmu bl-elettriku, bl-idrawliku jew biż-żejt u l-elettriku tas-17 ta’ Settembru 1984. Mill-1 ta’ Lulju 1999, iż-żewġ direttivi ġew revokati mid-Direttiva 95/16/KE dwar il-liftijiet ta’ Ġunju 1995 li aktar tard ġiet issostitwita mid-Direttiva 2014/33/UE.
Id-Direttiva għandha l-għan li:
·tikseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-utenti, tal-installaturi u tal-persunal tal-manutenzjoni tal-liftijiet madwar l-UE; u
·tikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern billi tarmonizza l-aspetti tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-saħħa u mas-sikurezza tal-liftijiet.
L-Artikolu 46 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tressaq rapport quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tagħha. Dan ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u għandu jkun akkumpanjat, fejn ikun applikabbli, minn proposta għal reviżjoni tad-Direttiva.
Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni evalwat id-Direttiva, billi għamlet użu minn studju estern dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva li inkluda diversi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati; u sorsi oħra ta’ data.
L-evalwazzjoni tfasslet f’Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (“SWD”) li jakkumpanja dan ir-rapport. Peress li d-Direttiva kienet evalwata inqas minn tliet snin wara li l-liġijiet nazzjonali li jittrasponuha suppost kellhom isiru applikabbli, il-bażi ta’ evidenza kienet relattivament limitata. Madankollu, peress li d-Direttiva 2014/33/UE hija r-riżultat tal-allinjament assolut tad-Direttiva 95/16/KE mad-Deċiżjoni Qafas Leġiżlattiva Nru 768/2008/KE mingħajr l-ebda bidla kbira fis-sustanza, l-evalwazzjoni kopriet ukoll il-perjodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva attwali, jiġifieri mill-1 ta’ Lulju 1999 sad-19 ta’ April 2014 li kien kopert mid-Direttiva 95/16/KE.
L-evalwazzjoni vvalutat il-prestazzjoni tad-Direttiva dwar il-Liftijiet abbażi tal-punt sa fejn din tissodisfa l-objettivi tagħha (l-effikaċja), l-effiċjenza tagħha (b’fokus fuq l-eżami tal-ispejjeż u l-benefiċċji regolatorji, inklużi dawk amministrattivi u tal-potenzjal għal simplifikazzjoni, il-koerenza tagħha ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE, ir-rilevanza tagħha meta mqabbla mal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati u l-valur miżjud tal-UE tagħha.
2. L-għan u d-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva
Id-Direttiva tistabbilixxi l-qafas legali għall-introduzzjoni fis-suq tal-liftijiet u tal-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet, u għall-bidu tal-użu tal-liftijiet.
Iż-żewġ għanijiet ewlenin tad-Direttiva huma:
·Li tiżgura l-moviment liberu tal-liftijiet u tal-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet madwar l-UE, filwaqt li tikkontribwixxi u topera b’mod effettiv is-suq intern għal dawn il-prodotti. Bħala tali, l-Istati Membri għandhom jippermettu li fit-territorju tagħhom jiġu kkumerċjalizzati l-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva;
·Li tiggarantixxi li l-lifts u l-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jkunu sikuri għall-utenti u għall-persunal tal-manutenzjoni u b’hekk jittejbu s-saħħa u s-sikurezza ta’ dawn il-gruppi.
Id-Direttiva tarmonizza d-dispożizzjonijiet relatati mal-lifts u mal-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet u hija bbażata fuq il-prinċipji tal-“Approċċ Ġdid” li jfisser li din hija limitata għall-espressjoni tar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza (EHSRs) li l-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza fis-suq huma soġġetti għalihom u li għandhom jissodisfaw.
Id-dispożizzjonijiet ewlenin huma relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni u mad-definizzjonijiet, mal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, mal-proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità, mal-EHSRs u mas-sorveljanza tas-suq, jiġifieri:
·Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u tad-definizzjonijiet: il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, id-definizzjoni tal-installatur ta’ lift u l-manifattur tal-komponenti ta’ sikurezza, l-introduzzjoni fis-suq u d-disponibbiltà fis-suq, eċċ.;
·Fir-rigward tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, skont id-Deċiżjoni tal-QLĠ Nru 768/2008/KE, id-definizzjoni tal-obbligi tal-installaturi, tal-manifatturi, tar-rappreżentanti, tal-importaturi u tad-distributuri awtorizzati kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi pereżempju dwar il-fluss bidirezzjonali tal-informazzjoni bejn il-persuni responsabbli għall-kostruzzjoni tal-bini u l-installatur tal-lift;
·Fir-rigward tal-proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità: id-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri għal notifika tal-korpi notifikati, il-kriterji li japplikaw għall-korpi notifikati u l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità;
·Fir-rigward tal-EHSRs: id-definizzjoni tal-objettivi relatati mas-saħħa u s-sikurezza li għandhom jintlaħqu inklużi d-dispożizzjonijiet biex il-persuni b’diżabbiltà jingħataw aċċess għal-liftijiet u biex jiġi evitat ir-riskju ta’ tgħaffiġ;
·Fir-rigward tas-sorveljanza tas-suq: id-dispożizzjonijiet konformi mad-Deċiżjoni tal-QLĠ Nru 768/2008/KE inklużi s-sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u l-kontroll tal-liftijiet jew tal-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet li jidħlu fis-suq tal-Unjoni, il-proċeduri fir-rigward tal-liftijiet u tal-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet li jippreżentaw riskju fil-livell nazzjonali, il-proċedura tas-salvagwardja tal-Unjoni, eċċ.
3. Traspożizzjoni u implimentazzjoni
Sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi, id-Direttiva armonizzat ċerti apsetti tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati mal-liftijiet u mal-komponenti ta’ sikurezza tagħhom. Id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jiġu trasposti u implimentati mill-Istati Membri.
Id-Direttiva ġiet trasposta b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. M’hemm l-ebda evidenza li turi xi diffikultà fit-traspożizzjoni bl-eċċezzjoni ta’ kwistjoni waħda li ġiet identifikata fl-istudju ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjoni dwar l-“approvazzjoni minn qabel” stipulata fit-tielet paragrafu tal-EHSR 2.2 Dan il-punt huwa spjegat aktar fit-Taqsima 4.2 t’hawn taħt.
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħha, ġew identifikati xi diskrepanzi żgħar bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjonijiet li ntużaw, il-mod li bih ġie implimentat il-fluss bidirezzjonali tal-informazzjoni bejn l-installatur u l-persuna responsabbli għax-xogħol fuq il-bini, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċessibbiltà tal-liftijiet għall-persuni b’diżabbiltà, il-possibbiltà li tingħata approvazzjoni minn qabel sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ tgħaffiġ, il-valutazzjoni tal-konformità u ċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-KE u l-prattiki tas-sorveljanza tas-suq.
Id-definizzjoni ta’ “installatur” kif prevista fid-Direttiva ġiet trasposta minn 26 Stat Membru. Inizjalment, il-leġiżlazzjoni Estonjana kienet tinkludi definizzjoni differenti li tirreferi għall-installatur bħala “manifattur”. L-użu tat-terminu “manifattur” minflok ta’ “installatur” ma ħalliet l-ebda impatt fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Estonjana li tittrasponi d-Direttiva 2014/33/UE issa tirreferi wkoll għat-terminu “manifattur”.
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jistabbilixxi l-fluss bidirezzjonali tal-informazzjoni filwaqt li jiżgura li l-persuna responsabbli għax-xogħol fuq il-bini u l-installatur it-tnejn li huma jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni meħtieġa u jieħdu l-passi xierqa biex jiżguraw l-operat kif suppost u l-użu sikur tal-liftijiet. Dan l-artikolu ġie traspost eżattament kif inhu stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ 26 Stat Membru. Il-leġiżlazzjona Awstrijaka u l-leġiżlazzjoni Ungeriża t-tnejn li huma jipprevedu mekkaniżmi speċifiċi li jiggarantixxu dan il-fluss tal-informazzjoni. Dawn id-differenzi żgħar ma jħallux impatt fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva.
Għoxrin Stat Membru inkludew fil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet relatati mal-aċċessibbiltà tal-liftijiet għall-persuni b’diżabbiltà filwaqt li ttrasponew id-dispożizzjonijiet eżattament kif inhuma stabbiliti fid-Direttiva. It-tmien Stati Membri li jifdal inkludew dispożizzjonijiet dwar l-aċċessibbiltà tal-liftijiet primarjament fir-regolamenti nazzjonali tagħhom dwar il-bini. Il-maġġoranza tal-Istati Membri stabbilixxew dispożizzjonijiet addizzjonali jew aktar speċifiċi biex jirregolaw l-aċċessibbiltà tal-bini fir-regolamenti nazzjonali tagħhom dwar il-bini. Dan l-aspett jaqa’ taħt il-kompetenza nazzjonali.
Għoxrin Stat Membru ttrasponew direttament it-tielet paragrafu tal-EHSR 2.2 tad-Direttiva li jagħti lill-Istati Membri, f’każijiet speċifiċi, il-possibbiltà li jagħtu “approvazzjoni minn qabel”, b’mod partikolari f'bini eżistenti, biex jiġu adottati mezzi oħra xierqa bil-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ tgħaffiġ milli jiġi pprovdut spazju vojt jew rifuġju lil hinn mill-pożizzjonijiet estremi tal-kabina tal-liftijiet. F’erba’ Stati Membri, l-“approvazzjoni minn qabel” tista’ tiġi applikata biss meta jkun se jiġi installat lift f’“bini eżistenti” fejn ikunu jeżistu restrizzjonijiet strutturali. Fil-prattika, l-approvazzjoni hija implimentata b’mod differenti fl-Istati Membri. Meta jitqiesu d-diversi soluzzjonijiet tad-disinn ibbażati fuq teknoloġiji differenti, il-proċedura tal-“approvazzjoni minn qabel” tippermetti lill-installaturi jużaw mezzi alternattivi biex jevitaw ir-riskju ta’ tgħaffiġ. Madankollu, id-differenzi fil-kriterji applikati mill-Istati Membri jagħmluha aktar diffiċli għall-installaturi biex isibu informazzjoni dwar il-prattiki ta’ implimentazzjoni nazzjonali. L-impatt ta’ tali prattiki fuq il-funzjonament tad-Direttiva ġie diskuss fit-taqsima 4.2 ta’ hawn taħt.
Il-proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità li għandhom jiġu applikati mill-manifatturi tal-komponenti ta’ sikurezza u mill-installaturi tal-liftijiet, kif ġie ddefinit fl-Artikolu 15 u l-Artikolu 16 tad-Direttiva, ġew trasposti u implimentati fl-Istati Membri kollha. Xi partijiet ikkonċernati rrapportaw li xi drabi l-installaturi ntalbu jipprovdu aktar evidenza dwar il-konformità tal-liftijiet flimkien maċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-KE. Tali kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ġew eliminati peress li d-Direttiva 2014/33/UE l-ġdida emendat il-kontenut taċ-ċerifikati tal-eżami tat-tip.
Is-sorveljanza tas-suq hija għodda essenzjali biex tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni u hija bbażata fuq miżuri li jikkontrollaw li l-prodotti jissodisfaw l-EHSRs rilevanti u li l-prodotti mhux konformi jinġiebu f’konformità jew jiġu rtirati/jissejħu lura mis-suq. Fid-Direttiva 95/16/KE ma ġiet stabbilita l-ebda proċedura speċifika. Il-qafas għas-sorveljanza tas-suq ġie stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u d-Direttiva 2014/33/UE tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi għas-sorveljanza tas-suq abbażi ta’ dan. L-evalwazzjoni wriet li s-sorveljanza tas-suq ġiet implimentata b’mod differenti fl-Istati Membri, fir-rigward tal-istrateġiji, l-estent tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ u l-frekwenza u t-tipi ta’ kontrolli.
Il-proċeduri ta’ notifika tal-korpi nnotifikati, kif definiti fl-Artikolu 28 tad-Direttiva, ġew implimentati b’mod differenti fl-Istati Membri. L-akkreditazzjoni hija l-mezz ippreferut biex tintwera l-kapaċità teknika tal-korpi nnotifikati u 19-il Stat Membru ttrasponew dan l-artikolu billi għamlu l-akkreditazzjoni obbligatorja. Meta l-akkreditazzjoni ma tintużax, il-korpi nnotifikati għandhom jipprovdu lill-awtorità notifikanti bl-evidenza ddokumentata kollha meħtieġa għall-verifika tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti rilevanti. Id-differenzi relatati mal-implimentazzjoni fil-proċeduri ta’ notifika ma jħallux impatt fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva.
4. Sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni
4.1. Rilevanza
L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-objettivi oriġinali tad-Direttiva għadhom siewja llum daqs meta d-Direttiva kienet proposta għall-ewwel darba. B'mod partikolari, l-objettivi li jiġu żgurati livell għoli ta’ sikurezza tal-utenti, tal-installaturi u tal-persunal tal-manutenzjoni u l-moviment liberu tal-liftijiet u tal-komponenti ta’ sikurezza tagħhom jibqgħu rilevanti bis-sħiħ.
B'mod ġenerali, id-Direttiva hija meqjusa bħala waħda ċara. Madankollu, l-evalwazzjoni żvelat li hemm bżonn li jiġi investigat il-mod kif tista' tittejjeb iċ-ċarezza tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward tal-modifiki kbar tal-liftijiet operattivi li jixpruna l-applikazzjoni tad-Direttiva minflok tar-regolamenti nazzjonali, id-definizzjoni ta’ “installatur” użata fid-Direttiva minflok ta’ “manifattur” ta' lift u l-kunċetti tal-“bidu tal-użu” u tal-“introduzzjoni fis-suq”. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l- "approvazzjoni minn qabel”, ġie espress tħassib, minn naħa waħda, relatat mal-kriterji mhux armonizzati li jintużaw mill-Istati Membri biex jagħtu jew jiċħdu approvazzjoni minn qabel li jwasslu għal prattiki diverġenti u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-possibbiltà li jistgħu jinħolqu standards ta’ sikurezza differenti madwar l-UE. Ġie identifikat ukoll xi tħassib dwar iċ-ċarezza tad-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċessibbiltà tal-liftijiet għall-persuni b’diżabbiltà minħabba l-fatt li r-rekwiżiti nazzjonali differenti dwar l-aċċessibbiltà japplikaw għall-bini kollu filwaqt li l-aċċessibbiltà tal-liftijiet hija regolata mid-Direttiva.
Minbarra li hija rilevanti għall-moviment liberu tal-prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-evalwazzjoni wriet li d-Direttiva hija għodda ta’ politika xierqa anke biex tindirizza b’mod ġenerali r-riskji ġodda li jinħolqu mill-iżviluppi teknoloġiċi relatati mal-liftijiet. B’mod konsistenti mal-Approċċ Ġdid, id-Direttiva tiddefinixxi biss ir-riskji li għandhom jiġu indirizzati u l-objettivi ta’ sikurezza li għandhom jintlaħqu, filwaqt li tħalli f’idejn il-manifatturi u l-installaturi biex jagħżlu s-soluzzjonijiet tekniċi bil-għan li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni. Dan jippermetti li ssir l-innovazzjoni fis-settur tal-liftijiet.
4.2. Effikaċja
Ir-rata ta’ tkabbir stabbli tal-valur tal-kummerċ ġewwa u barra l-UE hija indikatur b’saħħtu li d-Direttiva kkontribwixxiet b’mod effettiv għal suq intern li jiffunzjona tajjeb fir-rigward tal-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza, permezz tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. L-effikaċja tad-Direttiva tittejjeb aktar miċ-ċertezza legali u mit-trasparenza li din tipprovdi. Id-data dwar l-aċċidenti relatati mal-liftijiet fl-UE hija fframmentata u hija nieqsa mid-dettalji. Għalhekk, din id-data tista’ tipprovdi biss indikazzjonijiet magħżula, aneddotali dwar l-għadd u x-xejriet tal-aċċidenti matul iż-żmien. B’mod ġenerali, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva rnexxielha tikkontribwixxi għaż-żieda fis-sikurezza tal-liftijiet meta jitqies l-għadd dejjem anqas ta’ aċċidenti li jinvolvu l-persunal tal-manutenzjoni skont l-għadd ta’ liftijiet operattivi. Sa fejn huma kkonċernati l-utenti, id-data pprovduta mir-rapporti nazzjonali disponibbli tissuġġerixxi li l-impatt tad-Direttiva mhuwa fl-ebda ċirkostanza negattiv u li d-Direttiva saħansitra setgħet tat kontribut żgħir għat-titjib fil-livell tas-sikurezza tal-liftijiet.
L-evalwazzjoni kkonkludiet ukoll li l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità wrew li huma adegwati biex jiżguraw l-ogħla livell ta’ saħħa u sikurezza għall-utenti u l-persunal tal-manutenzjoni. Dan ġie rikonoxxut primarjament mill-partijiet ikkonċernati u ġie marbut mal-kontroll downstream li jsir mill-korpi nnotifikati.
Fost affarijiet oħra, id-definizzjoni ta’ “installatur”, il-kunċetti ta’ “introduzzjoni fis-suq” u l-“bidu tal-użu” tal-liftijiet, id-dispożizzjoni dwar il-fluss bidirezzjonali tal-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1) u l-proċeduri ta’ notifika tal-korpi nnotifikati li ġew diskussi hawn fuq fit-taqsima 3 ġew ikkjarifikati aktar fil-“Guide to the Application of the Lifts Directive 2014/33/EU” (Gwida dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva 2014/33/UE dwar il-Liftijiet) (minn hawn ‘il quddiem “il-Gwida dwar il-Liftijiet) li ċ-ċarezza tagħha hija rikonoxxuta b’mod wiesa’ mill-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, il-“Gwida Blu” tipprevedi kjarifika fir-rigward tal-applikazzjoni armonizzata tal-leġiżlazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-prodotti tal-Unjoni bħad-Direttiva 2014/33/UE.
Madankollu, l-evalwazzjoni enfasizzat xi fatturi li llimitaw l-effikaċja tad-Direttiva. Fir-rigward tal-proċedura ta’ “approvazzjoni minn qabel”, l-Istati Membri adottaw prattiki nazzjonali diverġenti u b’hekk għamluha diffiċli għall-installaturi biex isibu informazzjoni dwar il-proċeduri u l-kriterji ta’ approvazzjoni nazzjonali applikati. Id-Direttiva tħalli “lok għal manuvrar” fir-rigward tal-installaturi tal-liftijiet biex ikopru r-riskju ta’ tgħaffiġ, filwaqt li l-problema ta’ dan hija n-nuqqas ta’ trasparenza u ċertezza fl-għoti tal-approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. L-evalwazzjoni kkonkludiet li, minkejja l-fatt li l-“approvazzjoni minn qabel” hija konformi mal-Approċċ Ġdid, attwalment il-“Gwida dwar il-Liftijiet” ma tipprovdix gwida ddettaljata biżżejjed fir-rigward ta’ din il-proċedura.
Fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-liftijiet għall-persuni b’diżabbiltà, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċessibbiltà tal-liftijiet ġew implimentati b’mod differenti madwar l-UE. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għal-liftijiet ġew armonizzati permezz tad-Direttiva, filwaqt li l-aċċessibbiltà tal-bini taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Għalkemm il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati ma jqisux li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-aċċessibbiltà huma ta’ piż jew ixekklu s-suq intern, il-Gwida dwar il-Liftijiet tista’ tintuża biex tiġi kkjarifikata aktar id-diviżjoni tal-kompetenzi.
Id-differenzi fl-implimentazzjoni tas-sorveljanza tas-suq bejn l-Istati Membri ġew identifikati fir-rigward tal-istrateġiji, l-estent tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ, il-frekwenza u t-tipi ta’ kontrolli, u l-livell tal-penali, filwaqt li dan ħalla impatt negattiv fuq l-effikaċja ġenerali tad-Direttiva. Madankollu, l-evidenza li nġabret tissuġġerixxi li l-livell tan-nuqqas ta’ konformità tal-liftijiet u tal-komponenti ta’ sikurezza tagħhom li jiġu introdotti fis-suq huwa fil-fatt baxx ħafna. Din il-kisba pożittiva tirrelata mar-rwol b’saħħtu u pożittiv tal-korpi nnotifikati fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-konformità, li jaġixxu bħala l-“kontrolluri finali” tal-konformità tal-prodott mad-Direttiva. Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/33/UE l-ġdida allinjata tal-QLĠ tejbet b’mod konsiderevoli l-qafas tas-sorveljanza tas-suq għal-liftijiet minħabba l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet ferm aktar komprensivi dwar is-sorveljanza tas-suq.
L-iżvilupp ta’ standards armonizzati kien essenzjali biex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva tad-Direttiva. Tabilħaqq, dawn jintużaw primarjament bħala l-aktar mezzi komuni biex tintwera l-konformità mal-EHSRs. Permezz tal-preżunzjoni tal-mekkaniżmu ta’ konformità, l-istandards armonizzati jippermettu lill-manifatturi u lill-installaturi jevitaw spejjeż addizzjonali biex jittestjaw il-konformità ta’ soluzzjonijiet alternattivi għal dawk ipprovduti mill-istandards. Partikolarment għal din ir-raġuni, l-istandards armonizzati volontarji huma de facto meqjusa bħala vinkolanti mill-operaturi ekonomiċi. Dan huwa partikolarment il-każ għall-SMEs, li m’għandhomx biżżejjed riżorsi biex jittestjaw soluzzjonijiet tekniċi alternattivi għall-istandards. Kwistjoni oħra hija relatata mal-proċedura li xi drabi tieħu fit-tul meħteġa mis-CEN biex jiġu żviluppati standards armonizzati li timplika li l-istandards mhux dejjem ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ħeffa tal-progress teknoloġiku. L-SMEs jistgħu jkunu wkoll potenzjalment żvantaġġati mill-mod ta’ kif jiġu żviluppati l-istandards peress li l-proċess mhuwiex trasparenti u inklużiv biżżejjed. Filwaqt li l-Kummissjoni hija impenjata li tinvolvi l-aktar firxa wiesgħa possibbli tal-partijiet ikkonċernati fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni, il-kwistjoni tar-rappreżentanza tal-SMEs fil-proċess tal-iżvilupp tas-CEN tirrelata mal-organizzazzjoni interna tal-ESOs rilevanti li huma korpi privati indipendenti.
4.3. Effiċjenza
M’hemmx opinjoni ċara dwar l-impatt ġenerali tad-Direttiva fuq l-ispejjeż għan-negozji peress li ma kienx possibbli li jinbena mill-ġdid xenarju bażi jew jiġu identifikati punti ta’ tqabbil oħra. Barra minn hekk, miż-żmien qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva hija disponibbli data limitata ħafna. Il-partijiet ikkonċernati li ġew ikkonsultati fil-qafas tal-evalwazzjoni ma pprovdewx stimi kwantitattivi tal-impatti tad-Direttiva u ma setgħux jistabbilixxu rabta każwali diretta bejn il-bidu tal-applikazzjoni tagħha u ż-żieda fil-bejgħ. L-analiżi hija għalhekk ibbażata fuq informazzjoni kwalitattiva.
Abbażi tad-data kwalitattiva disponibbli, jidher li b’mod ġenerali d-Direttiva tegħleb l-ispejjeż u hija ta’ benefiċċju għall-kategoriji tal-partijiet ikkonċernati kollha. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda evidenza li turi li l-ispejjeż ta’ konformità li jirriżultaw mid-Direttiva żdiedu meta mqabbla mal-perjodu qabel l-1999. Fi kwalunkwe każ, permezz tal-armonizzazzjoni ta’ reġimi nazzjonali differenti, id-Direttiva tissimplifika r-rekwiżiti amministrattivi u ta’ konformità għall-bejgħ tal-liftijiet u tal-komponenti ta’ sikurezza barra mill-pajjiż. F’dan ir-rigward, ma jidhirx li hemm aktar potenzjal għal simplifikazzjoni ulterjuri. Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-benefiċċji li jirriżultaw mill-aċċess faċli għas-suq intern jidhru li mhumiex mifruxa b’mod indaqs, b’kumpaniji akbar jibbenefikaw aktar mill-SMEs f’dak li jirrigwardja l-armonizzazzjoni minħabba l-orjentazzjoni tagħhom lejn l-esportazzjonijiet ġewwa l-UE. Dan huwa minnu kemm għall-operaturi ekonomiċi tal-SMEs kif ukoll għall-Korpi Nnotifikati tal-SMEs.
Fl-aħħar, l-istatistika disponibbli turi li f’dawn l-aħħar snin kien hemm tnaqqis fl-aċċidenti relatati mal-liftijiet li jinvolvu l-persunal tal-manutenzjoni, li jista’ jwassal biex wieħed jaħseb f’żieda fis-skurezza tal-liftijiet. Sfortunatament, l-istatistika disponibbli dwar l-aċċidenti ma tippermettix li tiġi stabbilita rabta każwali diretta bejn id-Direttiva u żieda fis-sikurezza tal-liftijiet peress li l-istatistika ma tagħmilx distinzjoni bejn il-liftijiet qodma operattivi u dawk li ġew introdotti fis-suq skont id-Direttiva, u normalment ma tindikax il-kawża tal-aċċidenti.
4.4. Il-koerenza
B’mod ġenrali, id-Direttiva hija meqjusa li hi koerenti ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE, u f’dan ir-rigward ma ġiet identifikata ma l-ebda problema kbira. Ma ġiet identifikata l-ebda evidenza ta’ inkonsistenza bejn id-Direttiva u leġiżlazzjoni oħra rilevanti tal-UE għal-liftijiet, b’kunsiderazzjoni partikolari tad-Direttiva 2006/42/KE dwar il-makkinarju, ir-Regolament (UE) 2016/424 dwar l-installazzjonijiet tal-funikular u r-Regolament (UE) Nru 305/2011dwar il-prodotti għall-bini. Madankollu, l-interfaċċji bejn dawn id-Direttivi mhux dejjem huma kompletament ċari.
Ma rriżultat l-ebda kontradizzjoni kbira bejn id-Direttiva u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-bini. Fir-rigward tal-koerenza interna tad-Direttiva, ir-rekwiżiti għall-installaturi tal-liftijiet u għall-manifatturi tal-komponenti ta’ sikurezza jistgħu jitqiesu b’mod ġenerali bħala ċari u ma ġiet identifikata l-ebda regola ta’ trikkib.
4.5. Il-valur miżjud tal-UE
Approċċ tal-UE jibqa’ l-aktar rispons xieraq u huwa aktar probabbli li jilħaq l-objettivi stabbiliti mid-Direttiva minn approċċi nazzjonali. Fil-fatt, id-Direttiva naqset il-frammentazzjoni regolatorja fost l-Istati Membri billi allinjat il-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mas-settur tal-liftijiet, li kien ta’ benefiċċju kemm għall-funzjonament tas-suq intern kif ukoll ikkontribwixxa b’mod pożittiv għas-sikurezza tal-liftijiet. Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet ikkonċernati jirrikonoxxu l-valur miżjud tal-UE tad-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tat-titjib fil-moviment liberu tal-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza tagħhom, u t-titjib fis-sikurezza tagħhom.
5. Konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem
L-eżitu tal-evalwazzjoni huwa pożittiv. L-evidenza li nġabret tikkonferma li d-Direttiva qed tiffunzjona tajjeb u li b’mod ġenerali l-objettivi tagħha qed jiġu ssodisfati. Id-Direttiva hija meqjusa wkoll bħala mezz effiċjenti biex jiġi stabbilit qafas armonizzat mifrux madwar l-Unjoni għal-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza tagħhom. Ma ġiet identifikata l-ebda ineffiċjenza jew potenzjal ta’ simplifikazzjoni li jirrikjedu bidliet leġiżlattivi. Id-Direttiva hija meqjusa wkoll bħala koerenti, rilevanti u li ġġib b’mod ċar valur miżjud fil-livell tal-UE.
Madankollu, ġew identifikati xi sejbiet li jaffettwaw il-funzjonament tad-Direttiva. F’dan il-kuntest, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa waħda, aspetti relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva u b’hekk dan jitlob titjib fl-implimentazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, fatturi li jirrikjedu bidla possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni u/jew tar-rekwiżiti tal-prodotti tagħha permezz ta’ proċess leġiżlattiv.
Fid-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjoni, m’hemmx biżżejjed elementi biex jiġi konkluż li d-Direttiva jeħtieġ li tiġi riveduta. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-kwistjonijiet identifikati fil-proċess ta’ evalwazzjoni jistgħu jiġu indirizzati billi jsir titjib ulterjuri fl-implimentazzjoni uniformi tad-Direttiva, b’mod partikolari billi jiġu applikati miżuri mhux vinkolanti bħal koordinazzjoni aħjar u gwida mtejba.
Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-informazzjoni aġġornata dwar ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà tal-Istati Membri għall-ambjent mibni u l-approċċi fit-traspożizzjoni tal-proċedura ta’ “approvazzjoni minn qabel” isiru disponibbli għall-operaturi ekonomiċi u l-korpi nnotifikati kollha kkonċernati.
Barra minn hekk, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq, filwaqt li tiġi enfasizzata n-natura volontarja tal-applikazzjoni ta’ standards armonizzati li jikkonferixxu l-preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza tad-Direttiva, jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex tiġi żgurata d-disponibbiltà fil-ħin tal-istandards għall-manifatturi u l-installaturi, b’mod partikolari għall-SMEs.
Is-settur tal-liftijiet għandu forums stabbiliti tajjeb li jistgħu jintużaw biex jiġu implimentati miżuri bil-għan li jtejbu l-implimentazzjoni u l-funzjonament tad-Direttiva, jiġifieri
·il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Liftijiet (Grupp ta’ Ħidma dwar il-Liftijiet);
·il-grupp ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva dwar il-Liftijiet tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq (il-grupp ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva dwar il-Liftijiet); u
·l-grupp ta’ koordinazzjoni tal-Korpi Nnotifikati dwar il-Liftijiet (Korpi Nnotifikati dwar il-Liftijiet).
Konsegwentement, bħala rispons għas-sejbiet tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tieħu l-miżuri li ġejjin:
·Fir-rigward tan-nuqqas ta’ ċarezza ta’ xi definizzjonijiet: Il-Kummissjoni se tintensifika l-isforzi ta’ koordinazzjoni tagħha fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Liftijiet biex tikkjarifika t-terminoloġija tad-Direttiva, pereżempju ta’ “installatur”, l-“introduzzjoni fis-suq” u l-“bidu tas-servizz”, kif intalab mill-partijiet ikkonċernati.
·Fir-rigward tal-approvazzjoni minn qabel: Il-Kummissjoni se tressaq il-kwistjoni quddiem il-grupp ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva dwar il-Liftijiet biex ittejjeb il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri bl-objettiv li toħloq applikazzjoni aktar koerenti u uniformi tal-proċedura ta’ “approvazzjoni minn qabel” prevista fil-punt 2.2 tal-aħħar paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva sabiex tiġi żgurata trasparenza sħiħa u tittejjeb iċ-ċertezza legali,
·Fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-liftijiet għall-persuni b’diżabbiltà: Il-Kummissjoni se tikkjarifika aktar id-differenza bejn ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għal-liftijiet tad-Direttiva meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aċċessibbiltà tal-bini u tal-kostruzzjoni billi tqajjem il-kwistjoni fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Liftijiet. B’mod partikolari, se tingħata attenzjoni lill-kundizzjonijiet differenti tal-installazzjoni u l-użu tal-liftijiet, pereżempju skont it-tip tal-bini u l-funzjoni tiegħu, il-livelli ta’ sulari, eċċ.
Ladarba tiġi approvata mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Liftijiet, il-gwida mtejba u ġdida dwar id-dispożizzjonijiet li l-evalwazzjoni qieset li għandhom nuqqas ta’ ċarezza se tiġi introdotta bħala emendi għall-“Gwida dwar il-Liftijiet” li hija d-dokument ta’ referenza ewlieni b’appoġġ għall-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva.
·Fir-rigward tas-sorveljanza tas-suq: Il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa l-infurzar tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha u l-attivitajiet tal-grupp ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva dwar il-Liftijiet. Din se tissuġġerixxi wkoll azzjonijiet konġunti fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq kompetenti (MSAs).
Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-membri tal-grupp ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva dwar il-Liftijiet biex ixerrdu fost l-MSAs kompetenti informazzjoni aktar iddettaljata dwar il-Programmi ta’ Sorveljanza tas-Suq Nazzjonali rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar is-sorsi tal-istatistika dwar l-aċċidenti u se tistieden lill-grupp jesplora sinerġiji possibbli. Il-Kummissjoni se tkompli tiffoka fuq l-iffaċilitar ta’ kooperazzjoni bla xkiel bejn l-MSAs biex jiġi żgurat li l-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet li huma konformi biss jiġu introdotti fis-suq u tinżamm kompetizzjoni ġusta.
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-proposta tagħha relatata mal-“Pakkett dwar il-Prodotti” tinkludi proposta għal regolament ġdid fil-qasam tas-sorveljanza tas-suq li, fost l-oħrajn, ikollu l-għan li jsaħħaħ il-kontrolli tal-MSAs u tal-uffiċjali doganali biex tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ prodotti mhux sikuri fis-suq tal-Unjoni.
·Fir-rigward tal-proċess tal-istandardizzazzjoni: Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà fil-ħin tal-istandards armonizzati li jikkonferixxu l-preżunzjoni ta’ konformità mal-EHSRs tad-Direttiva, il-Kummissjoni diġà ħadet il-miżuri meħtieġa sabiex tappoġġja u żżid l-involviment tagħha fir-rigward tal-proċess tal-iżvilupp tal-istandards. It-Talba ta’ Standardizzazzjoni M/549 ġdida tagħti l-għodod meħtieġa biex tiġi mmonitorjata u ggwidata t-tħejjija ta’ standards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva. Se jsiru sforzi speċjali biex jiġu implimentati b’mod effiċjenti l-azzjonijiet li jtejbu t-trasparenza, itejbu ċ-ċertezza legali u jħaffu l-adozzjoni ta’ standards f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Standards Armonizzati.