IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 15.1.2019
COM(2019) 8 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE
1.Introduzzjoni
It-tassazzjoni hija essenzjali għall-funzjonament tas-soċjetà tagħna u hija strument ewlieni ta’ politika pubblika fil-livelli kollha tal-governanza. Hija s-sors ewlieni tad-dħul tal-gvernijiet u għandha rwol ċentrali biex tkun żgurata ekonomija effiċjenti u s tabbli f’soċjetà ġusta u inklużiva. Għal din ir-raġuni l-miżuri mmirati biex ikun hemm koordinazzjoni, approssimazzjoni jew armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni huma għodda importanti għall-politika fil-livell tal-UE, fil-limiti stabbiliti mit-Trattati u bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għalhekk, fit-Trattat tal-1957 li stabbilixxa l-Komunità Ekonomika Ewropea kienu previsti l-bażijiet legali għal tali miżuri bħala element neċessarju għall-integrazzjoni Ewropea. Fil-bidu, il-politika tat-tassazzjoni tal-UE kienet iffokata l-iżjed biex twarrab it-tfixkil għas-Suq Uniku, u biex timpedixxi d-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni. Dan wassal għal għadd ta’ suċċessi li kienu strumentali biex jinbena s-Suq Intern, bħal-leġiżlazzjoni maħsuba biex titnaqqas kemm jista’ jkun it-tassazzjoni doppja għan-negozji transfruntiera.
Għal bosta snin, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni kienet marbuta mill-qrib mas-sovranità nazzjonali minħabba r-rwol tagħha fid-dħul, fil-baġits u fl-għażliet ta’ politika nazzjonali. L-Istati Membri ddefendew din is-sovranità u kienu jqisu t-teħid tad-deċiżjonijiet bl-unanimità, li jinvolvi l-possibbiltà ta’ veto nazzjonali, bħala mezz biex jipproteġuha. B’riżultat ta’ dan, it-Trattati żammew ir-regola ġenerali li l-Kunsill irid jiddeċiedi b’mod unanimu dwar proposti fil-qasam tat-tassazzjoni qabel ma dawn ikunu jistgħu jiġu adottati fil-livell tal-UE. Dan kien rekwiżit addattat għall-Unjoni meta kienet iżgħar, u li fiha l-integrazzjoni kienet limitata, u għal ekonomija iżjed tradizzjonali li kellha inqas sfidi transfruntiera milli għandha l-Unjoni tal-lum.
L-isfidi ġodda li tfaċċaw, fl-UE u madwar id-dinja, esponew il-limitazzjonijiet tal-unanimità fil-politika tat-tassazzjoni kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali. Fl-UE tal-lum li hija ikbar, aktar moderna u aktar integrata, m’għadux jaħdem approċċ purament nazzjonali għat-tassazzjoni u l-unanimità la hija mod prattiku u lanqas effettiv biex jittieħdu d-deċiżjonijiet. L-interessi nazzjonali u komuni huma marbutin flimkien. Iż-żieda fil-mobbiltà tan-negozji u taċ-ċittadini tfisser li d-deċiżjonijiet dwar it-taxxa ta’ Stat Membru wieħed jistgħu jaffettwaw ħafna d-dħul tal-oħrajn, u jaffettwaw ukoll l-ambitu biex jagħmlu l-għażliet ta’ politika tagħhom. Il-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni ħolqu sfidi komuni li jeħtieġu soluzzjonijiet komuni. Il-pressjonijiet kompetittivi esterni, bħar-riforma fiskali riċenti tal-Istati Uniti, jeħtieġu li l-Istati Membri jaġixxu flimkien biex jissalvagwardjaw l-interessi tal-Unjoni billi jsaħħu l-kompetittività tas-sistema tat-tassazzjoni tal-UE. Hija essenzjali l-azzjoni kkoordinata tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni biex ikun protett id-dħul tal-Istati Membri u biex ikun żgurat ambjent tat-taxxa ġust għal kulħadd. Sabiex jinżamm ir-ritmu mal-ambjent tal-lum, li qed jinbidel b’rata mgħaġġla, il-politika tat-tassazzjoni tal-UE trid tkun kapaċi tirreaġixxi u taddatta malajr. Madankollu, sakemm ir-regola tibqa’ l-unanimità, dan mhuwiex possibbli. Jekk fl-imgħoddi stajna naffordjaw niddibattu fuq xi kwistjonijiet tul bosta snin, illum jista’ jkun neċessarju li nikkonkluduhom f’temp ta’ ftit xhur. Il-kobor tal-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri llum ifisser li ma nistgħux inħallu lid-deċiżjonijiet l-importanti jiġu mblukkati minn Stat Membru wieħed.
It-tassazzjoni hija l-aħħar qasam ta’ politika tal-UE li fih it-teħid tad-deċiżjonijiet jiddependi b’mod esklużiv mill-unanimità. Permezz ta’ bidliet suċċessivi fit-Trattati matul dawn l-aħħar 30 sena, il-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’oqsma oħra evolvew b’reazzjoni għall-bidliet ekonomiċi, ambjentali, soċjali u teknoloġiċi u wasslu riżultati ċari. Il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata llum saret normali, anki għall-politiki li huma sensittivi mil-lat politiku daqs it-tassazzjoni. L-Istati Membri ma sabuhiex faċli biex jgħaddu mill-unanimità għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata f’oqsma oħra ta’ politika. Iżda dan għamluh għax indunaw li l-UE teħtieġ għodod effiċjenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet biex tirreaġixxi b’mod effettiv għall-isfidi moderni u biex tisfrutta l-vantaġġi tas-Suq Uniku u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja b’mod aktar wiesa’. Xi wħud mill-kisbiet l-aktar importanti tal-integrazzjoni Ewropea fl-aħħar deċennji ma kinux ikunu possibbli mingħajr din il-bidla.
Minkejja li t-teħid tad-deċiżjonijiet b’maġġoranza kwalifikata kienet prevista għal ċerti politiki fit-Trattati oriġinali, kien biss mit-tieni nofs tat-tmeninijiet (1980s) li l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata ntużat b’mod effettiv, fejn dan kien possibbli. Kienet it-tranżizzjoni għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għall-maġġoranza tad-deċiżjonijiet li kellhom x’jaqsmu mas-Suq Uniku, b’riżultat tal-Att Uniku Ewropew tal-1986, li kienet il-katalizzatur ewlieni biex jitlesta l-proġett ikoniku, u li rawmet dinamiżmu ġdid fil-Komunità li wassal għal riżultati mingħajr preċedent.
L-unika eċċezzjoni li fadal illum ixxekkel il-progress lejn il-kisba tal-għanijiet ta’ politika tal-UE u lejn it-tlestija tas-Suq Uniku. Wasal iż-żmien li t-teħid tad-deċiżjonijiet b’rabta mal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxi jiġi allinjat ma’ dak ta’ oqsma ta’ politika oħra daqstant importanti.
It-tassazzjoni hija wkoll waħda mill-ftit oqsma ta’ politika fejn id-deċiżjonijiet għadhom jittieħdu permezz ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali. Fil-preżent, u mill-1958 ’l hawn, l-inizjattivi tal-UE dwar it-tassazzjoni jittieħdu mill-Kunsill wara proposta mill-Kummissjoni; il-Parlament Ewropew għandu biss rwol konsultattiv. L-esklużjoni tal-Parlament Ewropew, elett direttament, mit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam ta’ politika daqstant importanti tat-tassazzjoni, tmur kontra l-għanijiet demokratiċi tal-Unjoni. Bidla għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja tagħlaq dan id-defiċit demokratiku.
Mill-bidu tal-mandat preżenti tagħha, il-Kummissjoni ilha tisħaq biex ikun hemm sistema tat-tassazzjoni Ewropea aktar ġusta u aktar effiċjenti. L-Istati Membri aċċettaw sensiela ta’ regoli ġodda avvanzati biex jipproteġu r-riżorsi tagħhom kontra l-evitar tat-taxxa korporattiva fl-UE kollha, filwaqt li jkun żgurat ambjent aktar ekwu u aktar stabbli għan-negozji.
Huwa f’dan l-isfond li fid-Diskorsi tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017u tal-2018, il-President Juncker issuġġerixxa li ssir il-bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fuq ċerti kwistjonijiet tat-taxxa:
“Meta jiġi għal kwistjonijiet tas-suq uniku importanti, irrid li d-deċiżjonijiet fil-Kunsill jittieħdu aktar ta’ spiss u b’mod aktar faċli b’maġġoranza kwalifikata – bid-delega ugwali tal-Parlament Ewropew. Ma hemmx għalfejn inbiddlu t-Trattati biex nagħmlu dan. Hemm l-hekk imsejħa “klawsoli passerelle” fit-Trattati attwali li jippermettulna ngħaddu mill-unanimità għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata f’ċerti każijiet — dment li l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi b’mod unanimu li jsir hekk.
Jien ferm favur li ngħaddu għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għal deċiżjonijiet dwar il-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, dwar taxxi ġusti għall-industrija diġitali u dwar it-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji.”
Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni mhijiex maħsuba biex tipproponi xi bidla fl-attribuzzjoni tal-kompetenzi tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni. Lanqas ma għandha l-għan li tipproponi tranżizzjoni lejn sistema armonizzata ta’ rati tat-taxxa personali u korporattivi madwar l-UE. Din il-Komunikazzjoni qed tipproponi biss li nimmodifikaw il-mod kif l-UE teżerċita l-kompetenzi tagħha fil-qasam tat-tassazzjoni. B’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tistabbilixxi Pjan Direzzjonali biex jintlaħaq dan l-għan. Din maħsuba biex tistimola dibattitu ġenerali dwar il-politiki u biex tagħti kontribut lill-mexxejja tal-UE, qabel l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin. Fid-dawl ta’ dawk id-diskussjonijiet, u abbażi tal-prijoritajiet għas-snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tiddeċiedi liema proposti konkreti jridu jsiru.
2.Għaliex hemm bżonn ta’ bidla?
2.1 politika tat-tassazzjoni mtejba għal Suq Uniku aktar b’saħħtu u aktar kompetittiv
Minħabba l-unanimità t-tassazzjoni ma tistax tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha biex tgħin biex tippreserva u ssaħħaħ is-Suq Uniku u ssostni t-tkabbir inklużiv fil-pajjiżi kollha. It-tassazzjoni hija ta’ importanza ċentrali biex jinbena Suq Uniku b’saħħtu u dinamiku, li jappoġġja n-negozji, jattira l-investituri u li jkun kapaċi jikkompeti mas-swieq dinjin l-iktar b’saħħithom. Huwa kruċjali għat-tkabbir u għall-impjiegi, minħabba l-impatt fuq id-deċiżjonijiet li jieħdu l-kumpaniji biex jespandu, jinvestu u jimpjegaw lill-ħaddiema. Barra minn hekk, it-tassazzjoni hija element ewlieni biex ikunu garantiti l-ġustizzja soċjali għaċ-ċittadini u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji fl-UE. Tabilħaqq, fi stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru, tliet kwarti mir-rispondenti semmew il-ġlieda kontra l-abbuż tat-taxxa bħala qasam prioritarju għall-azzjoni tal-UE.
Iżda minkejja l-impatt pożittiv li jista’ jkollha, il-politika tat-tassazzjoni tal-UE mhijiex tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha. Ġewwa s-Suq Uniku, il-kumpaniji u l-konsumaturi jgawdu ġabra ta’ regoli u standards komuni mingħajr fruntieri. Ġewwa l-Unjoni Monetarja Ewropea munita unika tiffaċilita l-attività ekonomika. Madankollu, it-taxxa diretta u xi ftit inqas it-taxxa indiretta wkoll, għadhom frammentati fi 28 leġiżlazzjoni nazzjonali differenti. Sakemm din il-frammentazzjoni tibqa’ ma tiġix indirizzata, l-Istati Membri qegħdin jimponu spejjeż enormi ta’ konformità fuq in-negozji tal-UE, b’mod speċjali fuq l-SMEs, u b’hekk jagħmlu s-Suq Uniku post inqas attraenti għall-investiment fil-livell globali.
Tul is-snin, l-unanimità xekklet il-progress lejn inizjattivi tat-taxxa importanti, li kienu meħtieġa biex jissaħaħ is-Suq Uniku u biex jagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE.
Pereżempju, il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), ġiet proposta l-ewwel fl-2011, bħala sistema tat-taxxa korporattiva moderna, ġusta, u favur in-negozju għall-UE kollha. Imnedija mill-ġdid fl-2016, il-BKKTK wasslet għal simpliċità, għal kummerċ faċli u għal ċertezza legali bla preċedent, u fl-istess ħin kienet garanzija li l-kumpaniji multinazzjonali jħallsu sehem ġust tat-taxxa u proporzjonat mal-pajjiżi fejn jiġġeneraw il-profitti tagħhom. Madankollu, il-BKKTK għadha fuq il-mejda tan-negozjati fil-Kunsill, sakemm l-Istati Membri jkomplu jippruvaw jaqblu b’mod unanimu dwar il-futur tat-tassazzjoni korporattiva.
Id-Dikjarazzjoni Standard tal-VAT hija proposta oħra li kienet ittejjeb l-ambjent tal-kummerċ fis-Suq Uniku. Permezz ta’ sistema sempliċi u armonizzata għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT, din il-proposta kienet toffri l-opportunità li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji transfruntiera b’EUR 15 biljun fis-sena. Madankollu, fl-isforzi tagħhom biex jilħqu l-unanimità, l-Istati Membri mxew lejn eżitu li fixkel kompletament l-għan tas-simplifikazzjoni. Fl-aħħar, il-Kummissjoni kellha tirtira l-proposta fl-2016, u tħalli lill-kumpaniji tal-UE jlaħħqu ma’ 28 denunzja tal-VAT differenti.
Il-Kost tan-Nuqqas ta’ Azzjoni fil-politika tat-tassazzjoni tal-UE
Is-Sistema Definittiva tal-VAT tista’ tgħin biex titnaqqas id-diskrepanza annwali fil-VAT ta’ EUR 147 biljun ikkawżat mill-evażjoni u l-evitar tat-taxxi, u tnaqqas ukoll il-frodi fuq il-VAT li bħalissa jiswew madwar EUR 50 biljun fis-sena għall-baġits pubbliċi.
Il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva fuq żmien twil iżżid l-investiment fl-UE sa 3.4% u twassal għal żieda tat-tkabbir sa 1.2% (ugwali għal madwar EUR 180 biljun).
It-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (TTF) proposta mill-Kummissjoni fl-2011 toħloq dħul ġdid ta’ EUR 57 biljun fis-sena.
It-Taxxa fuq is-Servizzi Diġitali proposta fl-2018 bħala soluzzjoni temporanja żżid dħul annwali ta’ madwar EUR 5 biljun fl-Unjoni, u tgħin biex timpedixxi l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku.
L-unanimità fil-qasam tat-tassazzjoni kellha effett detrimentali wkoll fuq il-prijoritajiet ta’ politika aktar ġenerali tal-UE. It-tassazzjoni hija essenzjali wkoll għal ħafna mill-proġetti tal-UE l-aktar ambizzjużi, fosthom l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, is-Suq Uniku Diġitali, il-Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija sal-2030 u l-Ekonomija Ċirkolari. Pereżempju, il-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija saret bil-mira li tappoġġa l-għanijiet dwar il-klima u l-enerġija billi tinkludi l-emissjonijiet tas-CO2 fir-rata tat-taxxa tal-fjuwil. Din kienet timassimizza l-potenzjal tat-tassazzjoni fuq l-enerġija biex jintlaħqu l-impenji għat-tibdil fil-klima u kienet tappoġġa t-tkabbir sostenibbli. Kienet ukoll tbiddel is-sitwazzjoni paradossali li f’xi każijiet l-aktar fjuwils li jniġġsu jkunu l-inqas intaxxati fl-Ewropa. Madankollu, l-Istati Membri ma rnexxilhomx jilħqu l-unanimità u eventwalment il-proposta kellha tiġi rtirata biex ikun evitat test li jaħdem kontra l-għanijiet segwiti. Minħabba f’hekk il-qasam legali tal-UE għat-tassazzjoni fuq l-enerġija llum għadu jikkontradixxi l-għanijiet ambjentali u dwar it-tibdil tal-klima tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għadu ma ġiex implimentat bis-sħiħ. Kieku t-tassazzjoni tkun armonizzata u mmirata fuq l-esternalitajiet soċjali u ambjentali negattivi fis-Suq Uniku tal-UE – bħal fit-trasport u l-enerġija – abbażi tal-prinċipju ta’ “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas”, dan ikun jippermetti wkoll li l-UE timxi lejn ekonomija aktar effiċjenti u sostenibbli. Dan jenfasizza kif l-unanimità fit-tassazzjoni tmur kontra l-iskopijiet tagħha stess, u juri aktar il-bżonn li ssir bidla.
Minkejja l-unanimità, sar ukoll progress importanti fil-politika tat-tassazzjoni tal-UE f’dawn l-aħħar snin, iżda fil-biċċa l-kbira dan sar b’reazzjoni għall-pressjoni mill-pubbliku. Mill-2015 ġiet miftiehma sensiela ta’ leġiżlazzjoni li żżid it-trasparenza fiskali, tiġġieled l-abbuż tat-taxxa u l-frodi tal-VAT u tirriforma r-regoli tal-VAT li japplikaw għall-kummerċ elettroniku. Fil-Kunsill, l-Istati Membri ħadmu flimkien ukoll biex jipproduċu lista sewda komuni ta’ ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx. Dan juri li l-Istati Membri jirrikonoxxu l-valur tal-azzjoni tal-UE fit-tassazzjoni, u li bir-rieda politika t-tajba huma kapaċi li jaslu għall-kunsens.
Madankollu, ir-ritmu riċenti fil-qasam tat-tassazzjoni kien xprunat l-aktar mill-pressjoni pubblika u minn influwenzi esterni. Wara l-kriżi finanzjarja u l-iskandli marbuta mat-taxxa li ġew żvelati fil-midja, iċ-ċittadini eżiġew tassazzjoni aktar ġusta u effettiva, u għamlu pressjoni fuq l-Istati Membri biex iwettqu r-riformi tant meħtieġa. L-iżviluppi fil-qasam tat-taxxa internazzjonali, bħalma hu l-G20/OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS), ukoll ħeġġew lill-Istati Membri biex iwieġbu b’azzjoni tal-UE. Iżda l-politika tat-tassazzjoni tal-UE m’għandhiex tiddipendi mir-rabja pubblika jew mill-aġendi tas-sħab esterni biex in-nuqqasijiet jiġu indirizzati b’mod effettiv u biex isir progress lejn l-għanijiet komuni. Xi proposti dwar it-taxxa li huma importanti ħafna biex tingħata spinta lill-effiċjenza tas-Suq Uniku għadhom ma ġewx adottati. Ir-ritmu tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE għandu jimxi mal-ambizzjoni tal-għanijiet li tappoġġa. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu l-miżuri opportuni fil-ħin opportun, biex isawru qafas fiskali li jħares ’il quddiem u li jirreaġixxi b’suċċess għal sfidi ġodda. Biex dan jiġi ffaċilitat, jenħtieġ proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar effettiv.
2.2 Sovranità miġbura biex tipproteġi s-sovranitajiet fiskali nazzjonali
It-tassazzjoni hija marbuta mill-qrib mas-sovranità nazzjonali. L-Istati Membri jqisu li t-taxxi, flimkien mal-baġits, huma marbutin direttament ma’ dawk l-għażliet li huma essenzjalment għażliet politiċi u li jeħtieġu r-responsabbiltà b’rabta mal-kostitwenzi nazzjonali. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom ukoll ir-responsabbiltà sħiħa għall-ġbir u l-kontroll tat-taxxa fit-territorju tagħhom sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet baġitarji. Barra minn hekk, jista’ jkun il-każ li l-Istati Membri jqisu t-tassazzjoni bħala riskju għas-sigurtà nazzjonali f’għadd ta’ oqsma, pereżempju l-provvista tal-enerġija. F’dak is-sens, xi Stati Membri huma tal-fehma li r-regola tal-unanimità tiggarantixxi r-rispett tas-sovranità nazzjonali dwar it-tassazzjoni kontra kwalunkwe bidla mhux mixtieqa deċiża fil-livell tal-UE. Hemm fosthom li jibżgħu wkoll li mingħajr ir-regola tal-unanimità l-UE tmur lil hinn mill-kompetenzi tagħha u tindaħal fir-rati tat-taxxa korporattiva, fit-taxxi fuq id-dħul personali jew f’taxxi oħrajn li ma għandhom ebda rilevanza għas-Suq Uniku. Dawn il-biżgħat mhumiex ġustifikati.
Biex il-politika tat-tassazzjoni tal-UE tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha, wasal iż-żmien li jiġi addattat il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet biex il-Kunsill ikun jista’ jadotta b’mod f’waqtu l-miżuri fiskali li jikkorrispondu ma’ Suq Uniku b’ekonomiji integrati ħafna. F’dinja ta’ negozji mobbli, ta’ attivitajiet diġitalizzati u assi intanġibbli, il-politika tat-tassazzjoni ma tistax tibqa’ titmexxa biss ġewwa l-fruntieri nazzjonali. It-theddid modern għall-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri, inkluża l-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, ma jistgħux jiġu evitati b’mod unilaterali. Qed joħroġ dejjem aktar ċar li l-uniku mod kif l-Istati Membri jistgħu jilħqu l-għanijiet ta’ politika tagħhom u jiddefendu ruħhom mit-theddid għall-bażijiet tat-taxxa tagħhom huwa billi jaħdmu flimkien.
Il-koordinazzjoni tal-politiki tat-taxxa fil-livell tal-UE effettivament tista’ tipproteġi l-kapaċità tal-Istati Membri li jieħdu azzjoni u jwasslu r-riżultati, u b’hekk ikunu qegħdin jipproteġu d-drittijiet sovrani tagħhom. B’riżultat tal-libertajiet tat-Trattat, l-Istati Membri ċedew parti mis-sovranità tagħhom fil-qasam tat-tassazzjoni. Il-bidla għat-teħid tad-deċiżjonijiet b’maġġoranza kwalifikata b’ebda mod ma tkun tnaqqas il-kompetenzi tat-taxxa tal-Istati Membri jew tbiddel il-kompetenza tal-UE f’din il-kwistjoni. Iżda jekk tintuża s-sovranità miġbura fil-livell tal-UE, din tkun tipprevedi teħid tad-deċiżjonijiet aktar effiċjenti, u l-Istati Membri jingħataw is-saħħa biex jindirizzaw l-isfidi komuni, jipproteġu d-dħul tagħhom, isegwu politiki tat-taxxa li jgħinu t-tkabbir u jiġġieldu t-theddid estern għall-bażijiet tat-taxxa tagħhom. Pereżempju, l-azzjoni konġunta tal-UE hija l-uniku mod kif wieħed jikkumbatti l-problemi transfruntiera tal-frodi tal-VAT, li jiswew EUR 50 fis-sena fi dħul pubbliku, u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, li huma stmati li jiswew bejn EUR 50 biljun u EUR70 biljun fis-sena. Fil-kuntest internazzjonali l-ġdid, is-sovranità miġbura tal-Istati Membri biex jaġixxu fil-livell tal-UE fuq kwistjonijiet ewlenin tat-taxxa ħafna drabi tkun iżjed effettiva mis-sovranità nazzjonali individwali tagħhom f’dan il-qasam.
Iżda l-Istati Membri ġieli bbażaw l-argumenti tagħhom fuq is-sovranità u l-unanimità biex jipproteġu l-interessi nazzjonali speċifiċi tagħhom għad-detriment tas-Suq Uniku. Dan il-fatt jippermetti li l-Istati Membri jibnu l-mudelli ekonomiċi tagħhom fuq il-kunċett ta’ sistema tat-taxxa maħsuba biex tattira ċerti attivitajiet jew konsumaturi, pereżempju rati tas-sisa baxxi ħafna fuq it-tabakk u l-alkoħol, jew sistemi tat-taxxa attraenti għall-korporazzjonijiet jew għall-individwi għanja. Biex iħarsu l-interessi tagħhom f’oqsma speċifiċi, xi drabi l-Istati Membri mblukkaw il-progress f’ċerti fajls tat-taxxa, filwaqt li approċċ kollettiv jagħmel iktar minn hekk u jipproteġi l-interessi usa’ tal-UE. Pereżempju, id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil damet aktar minn erbatax-il sena biex ġiet adottata u sentejn oħra biex tiġi implimentata. Emenda li ġiet proposta fl-2008 biex din id-Direttiva ssir effettiva bis-sħiħ sabiex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxi ġiet imblukkata għal 6 snin oħra. Ta’ min wieħed isaqsi jekk sitwazzjoni li fiha Stat Membru waħdu jista’ jimblokka l-inizjattivi mixtieqa mis-27 pajjiż l-ieħor hijiex ta’ benefiċċju għas-sovranità nazzjonali tas-27 l-oħrajn kollha.
Il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxi mhijiex ħaġa intrinsikament ħażina. Iżda f’ċerti każijiet tista’ tnaqqas l-għażliet ta’ politika tal-Istati Membri kollha. Pereżempju, il-miżuri tat-taxxa ta’ Stat Membru wieħed, maħsubin biex jattiraw bażijiet tat-taxxa mobbli, bħalma hu d-dħul kapitali, għandhom tendenza li jnaqqsu l-livell tat-tassazzjoni fuq dan it-tip ta’ dħul fl-Istati Membri kollha. Biex jikkumpensaw għal dan it-tnaqqis, dawn l-Istati Membri ħafna drabi jkollhom iżidu t-tassazzjoni ta’ bażijiet tat-taxxa inqas mobbli, bħalma huma t-taxxi fuq id-dħul mix-xogħol jew fuq il-konsum. B’riżultat ta’ dan, il-piż ikun ikbar fuq il-ħaddiema, fuq il-konsumaturi u fuq in-negozji domestiċi. Dan jimmina l-ekwità tas-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri u l-aġenda favur it-tkabbir tal-UE kollha. Il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għalhekk tkun ta’ għajnuna biex ittaffi l-effetti transfruntiera tal-kompetittività tat-taxxi.
Il-politika tat-tassazzjoni tal-UE m’għandhiex tiddependi mir-regola tal-unanimità li tista’ tintuża ħażin għal interessi purament nazzjonali a skapitu tas-Suq Uniku u tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri l-oħra. Bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-qasam tat-tassazzjoni tkun tippermetti lill-Istati Membri jikkontrollaw b’mod aktar effettiv il-parti tas-sovranità li ġabru flimkien fl-interess tal-Unjoni kollha u biex jiksbu riżultati aħjar, kemm kollettivi kif ukoll individwali.
2.3 Teħid ta’ deċiżjonijiet imtejjeb favur deċiżjonijiet aħjar u leġitimità demokratika aktar b’saħħitha
Bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata ttejjeb il-kwalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar it-tassazzjoni. L-unanimità għandha tendenza li toħloq ostaklu kwadruplu għat-teħid tad-deċiżjonijiet effiċjenti.
L-ewwel nett, minħabba fiha huwa diffiċli ħafna li jintlaħaq ebda kompromess, billi kulma hemm bżonn biex ma jsirx qbil huwa li Stat Membru wieħed jopponi. F’dan is-sens, l-Istati Membri ħafna drabi joqogħdu lura milli jinnegozjaw soluzzjonijiet b’mod serju fil-Kunsill, għaliex jafu li għandhom is-setgħa li jagħmlu veto fuq kull riżultat li ma jogħġobhomx. Din “il-kultura tal-unanimità” xi kultant tinkoraġġixxi lill-Istati Membri, lill-Ministri u lill-amministrazzjonijiet biex jiffukaw fuq il-preżervazzjoni tas-sistemi domestiċi tagħhom minflok jippruvaw jaslu għal kompromess li jkun meħtieġ biex jissalvagwardja l-interessi ġenerali tal-UE. Din hi r-raġuni għaliex bosta proposti dwar it-tassazzjoni jieħdu snin twal qabel ma jaqblu bejniethom l-Istati Membri, jew sempliċiment jiġu mblukkati fil-Kunsill mingħajr ma tkun saret ebda diskussjoni.
It-tieni, anki meta jintlaħaq qbil unanimu fil-qasam tat-tassazzjoni, dan fil-biċċa l-kbira jkun fil-livell tad-denominatur komuni l-aktar baxx, u jillimita l-impatt pożittiv għan-negozji u għall-konsumaturi, jew jirrendi l-implimentazzjoni aktar diffiċli. Pereżempju, id-Direttiva dwar il-Fatturazzjoni tal-VAT ġiet adottata għas-spejjeż tad-disparitajiet bejn reqwiżiti ta’ fatturar li ħarġu mill-għażliet li ngħataw lill-Istati Membri.
It-tielet, l-unanimità fil-qasam tat-tassazzjoni wasslet għal xi effetti mhux mixtieqa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, għaliex ċerti Stati Membri għandhom is-setgħa li jużaw proposti importanti dwar it-taxxi bħala pedina biex jiksbu l-affarijiet li jkunu jridu f’oqsma kompletament differenti, jew biex jagħmlu pressjoni fuq il-Kummissjoni biex tagħmel proposti leġiżlattivi. Hekk kien il-każ, pereżempju, meta l-qbil dwar id-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa nżamm lura minn ċerti Stati Membri li kienu qed jitolbu permess japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-VAT.
Finalment, l-unanimità fil-qasam tat-tassazzjoni hija kontroproduttiva. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu bl-unanimità jistgħu jinbidlu biss bl-unanimità. Minħabba f’hekk l-Istati Membri ħafna drabi jkunu kawti wisq, l-ambizzjonijiet jitnaffru u l-eżitu aħħari jiddgħajjef. L-Istati Membri jżommu lura milli jidħlu f’sitwazzjoni li fiha jkunu jaqblu dwar direttiva li ma tħallihomx jiġbru t-taxxi b’mod xieraq, jew li mbagħad tagħti vantaġġ mhux mixtieq lil Stat Membru ieħor, billi f’sitwazzjoni bħal din ma jkollhomx is-setgħa li jirrettifikaw il-leġiżlazzjoni mingħajr il-qbil ta’ dak l-Istat Membru.
L-involviment tal-Parlament Ewropew ikompli jtejjeb il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-tassazzjoni. F’dawn l-aħħar snin, waqt li l-iskandli tat-taxxa kienu qed jidhru fil-paġni ta’ quddiem tal-gazzetti kull sitt xhur, il-Parlament Ewropew kellu impatt sinifikanti fuq il-politika tat-tassazzjoni tal-UE. Dan uża s-setgħa politika tiegħu biex jargumenta favur aġenda ambizzjuża għal tassazzjoni ġusta permezz ta’ għadd ta’ kumitati organizzati għal dan l-iskop. Madankollu, il-Parlament Ewropew m’għandux drittijiet ta’ votazzjoni skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali għat-tassazzjoni attwali. Għalhekk, l-uniku mezz li għandu biex jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-UE dwar it-taxxa huwa l-pressjoni politika. Bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tkun tippermetti lill-Parlament Ewropew jagħti l-kontribut sħiħ tiegħu fit-tfassil tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE. Mingħajr l-irbit ta’ pressjoni u interessi nazzjonali, il-Parlament Ewropew jista’ jġib ideat ġodda fin-negozjati dwar it-taxxa li jkunu jistgħu jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tal-Unjoni kollha. Li kieku l-Parlament Ewropew kellu l-istess setgħa biex jiddeċiedi l-forma aħħarija tal-inizjattivi għall-politika tat-tassazzjoni tal-UE, dan jgħin biex jinħoloq ambjent fejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jinnegozjaw bis-serjetà. Fl-aħħar mill-aħħar, bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tista’ twassal għal riżultati aktar effettivi, rilevanti u ambizzjużi fil-politika tat-tassazzjoni tal-UE.
3.X’alternattivi hemm fit-Trattati tal-UE biex issir bidla mill-unanimità għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata?
Din mhijiex l-ewwel darba li tlissnu d-dubji dwar l-unanimità fil-qasam tat-tassazzjoni. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew, kemm-il darba pproponiet li jkun hemm bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għall-politika tat-tassazzjoni fil-kuntest tal-bidliet fit-Trattati. Iżda xi wħud mill-Istati Membri din għamluha kwistjoni li ma tistax tintmiss, u baqa’ kollox kif kien. Issa wasal iż-żmien li terġa’ tinfetaħ id-diskussjoni minħabba l-ħtieġa li qed tikber għat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar effettiv fil-qasam tat-tassazzjoni, għar-raġunijiet kollha msemmijin hawn fuq.
It-Trattati tal-UE jagħtu tifsira ċara fejn għandu x’jaqsam ma’ kif iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar proposti fil-qasam tat-tassazzjoni. Ir-regola ġenerali hi li l-Kunsill irid jaqbel b’mod unanimu fuq proposti dwar it-taxxa, skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali (l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)). Madankollu t-Trattati fihom ukoll dispożizzjonijiet oħra li jagħtu l-flessibbiltà biex jintużaw proċeduri oħrajn minbarra l-unanimità, mingħajr il-ħtieġa li t-Trattati stess jiġu riveduti.
L-ewwel nett, il-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa tippermetti li grupp magħmul minn għallinqas disa’ Stati Membri flimkien jipproċedu b’inizjattiva proposta meta jkun impossibbli li jintlaħaq qbil unanimu fil-Kunsill. Fl-2013 il-kooperazzjoni msaħħa kienet ġiet proposta għat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (it-TTF), li kienet ilha tiġi diskussa mill-Isati Membri kollha mill-2011. Din il-proposta għadha qed tiġi nnegozjata mill-għaxar Stati Membri involuti, biex jintlaħaq kompromess unanimu. Il-kooperazzjoni msaħħa tista’ tkun alternattiva tajba biex jitmexxew ’il quddiem ċerti inizjattivi tal-UE bi grupp ta’ pajjiżi iżgħar, iżda mhijiex l-aħjar soluzzjoni biex jintgħelbu l-problemi aktar ġenerali li toħloq l-unanimità għall-politika tat-tassazzjoni tal-UE, jew biex ikunu żgurati l-progress u l-konsistenza għas-Suq Uniku kollu.
It-Trattati fihom ukoll żewġ Artikoli mmirati li jippermettu l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata f’ċirkostanzi speċjali. Permezz tal-Artikolu 116 tat-TFUE, il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja hija possibbli biex tiġi eliminata id-distorzjoni tal-kompetizzjoni kkawżat minn regoli tat-taxxa differenti, jekk id-distorzjoni ma tkunx tista’ tiġi eliminata b’mod kollaborattiv mal-Istati Membri. Iżda din id-dispożizzjoni hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stretti t’hawn fuq, u ma tistax tindirizza n-nuqqasijiet kollha li jirriżultaw mill-unanimità llum. S’issa għadu ma ntużax l-Artikolu 116 tat-TFUE, iżda l-Kummissjoni hija lesta li tużah jekk tinqala’ l-ħtieġa speċifika. Il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata tista’ tintuża wkoll għal miżuri kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (l-Artikolu 325 tat-TFUE). Din tista’ tintuża għal ċerti miżuri kontra l-frodi fuq il-VAT, billi l-VAT huwa Riżors Proprju tal-UE, iżda l-ambitu tal-inizjattiva jrid ikun immirat tajjeb.
L-iżjed mod prattiku kif wieħed jgħaddi mill-unanimità għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-qasam tat-tassazzjoni jkun li jintużaw il-klawsoli “passerelle” li hemm fit-Trattati. Dawn ikunu jippermettu li l-bidla mill-unanimità għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata ssir b’mod aktar strutturat milli kieku ssir skont l-alternattivi deskritti hawn fuq.
Il-Klawsoli Passerelle
L-Artikolu 48(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-TUE) jipprevedi klawsola passerelle ġenerali. Din tawtorizza lill-Kunsill biex, minn dakinhar ’il quddiem, jadotta miżuri fil-qasam ikkonċernat, li sa dak iż-żmien kienu soġġetti għall-unanimità, permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata jew permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
Biex din il-klawsola tiġi attivata, irid jieħu l-inizjattiva l-Kunsill Ewropew, u jrid jindika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-bidla maħsuba fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u jinnotifikaha lill-Parlamenti nazzjonali. Jekk ma jkunx hemm oppożizzjoni minn ebda Parlament nazzjonali f’perjodu ta’ sitt xhur, il-Kunsill Ewropew ikun jista’ jadotta dik id-deċiżjoni b’mod unanimu wara li jkun kiseb il-permess tal-Parlament Ewropew.
Il-klawsola passerelle ġenerali tagħti l-għażla li tiddaħħal il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata filwaqt li tibqa’ skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali, fejn il-Parlament Ewropew jiġi biss ikkonsultat. Din tagħti wkoll il-possibbiltà ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja - bil-kodeċiżjoni tal-Parlament Ewropew.
L-Artikolu 192(2) tat-TFUE fih klawsola passerelle speċifika għall-miżuri fil-qasam ambjentali li fil-preżent huma soġġetti għall-votazzjoni unanima, inklużi d-dispożizzjonijiet li huma “primarjament ta’ natura fiskali”. Din il-possibbiltà hija partikolarment rilevanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ambjentali.
Sabiex issir bidla għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja rigward il-miżuri tat-taxxa f’dan il-qasam, il-Kunsill irid jaqbel b’mod unanimu abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u mal-Kumitat tar-Reġjuni.
Kif issemma qabel rigward il-kwistjoni tas-sovranità, il-bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata ma taffettwax il-kompetenzi attwali tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni. Tabilħaqq, it-Trattat ta’ Lisbona fih Protokoll li jiddikjara li ma hemm xejn f’dak it-Trattat li jagħmel xi bidla fl-ambitu jew fit-tħaddim tal-kompetenza tal-UE rigward it-tassazzjoni. It-tranżizzjoni progressiva mill-unanimità għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata f’xi oqsma tat-tassazzjoni tkun konsistenti ma’ dan il-prinċipju. Il-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Unjoni ma jinbidlux. Ikun hemm biss bidla tal-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-futur, li jkunu qablu dwarha l-Istati Membri b’mod unanimu fl-eżerċizzju tas-sovranità tagħhom.
Fi kwalunkwe każ, il-bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata tkun deċiżjoni demokratika kompletament taħt il-kontroll tal-Istati Membri. Kienu huma li ddeċidew b’mod unanimu li tiddaħħal il-klawsola passerelle fit-Trattat ta’ Lisbona. Trid issir deċiżjoni unanima oħra biex il-Kunsill Ewropew jattiva l-passerelle. Barra minn hekk, kwalunkwe Parlament nazzjonali jista’ joġġezzjona għal din il-bidla, u l-Parlament Ewropew irid jivvalidaha.
4.It-triq ’il quddiem: pjan direzzjonali għal tranżizzjoni progressiva u mmirata
Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-kwistjoni m’għadhiex hemmx il-ħtieġa ta’ bidla lil hinn mill-unanimità fil-qasam tat-tassazzjoni, iżda kif din għandha ssir u meta għandha ssir. Il-Parlament Ewropew, u bosta Stati Membri u partijiet ikkonċernati wrew l-istess ħsieb. Il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata tippermetti li jintlaħaq il-potenzjal kollu tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE u tippermetti li l-Istati Membri jaslu aktar malajr għal kompromessi aktar effettivi u aktar demokratiċi. Bidla għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja tiżgura wkoll li d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-tassazzjoni jgawdu minn ideat konkreti mill-Parlament Ewropew, li jirrappreżenta l-opinjonijiet taċ-ċittadini, u minn aktar responsabbiltà.
L-aħjar mod kif jinkiseb dan il-għan ikun permezz ta’ sistema progressiva u mmirata, bl-użu ta’ objettivi intermedji ċari. Dan ikun jippermetti lill-Istati Membri jaddattaw ruħhom u jikkontribwixxu għall-proċess b’mod kollettiv u b’hekk jiġu evitati l-ħasdiet u l-kunflitti li tista’ toħloq bidla ħesrem. Għalhekk, għall-politika tat-tassazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni tipproponi tranżizzjoni fi stadji lejn il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
Għall-ewwel stadju, il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għandha tintuża għall-miżuri li ma jkollhomx impatt dirett fuq id-drittijiet tal-intaxxar, fuq il-bażijiet jew fuq ir-rati tat-taxxa tal-Istati Membri, iżda miżuri li huma essenzjali biex jiġu miġġielda l-frodi l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u li jiffaċilitaw il-konformità fiskali għan-negozji fis-Suq Uniku. Dan ikun jinkludi miżuri li jtejbu l-kooperazzjoni amministrattiva u l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Għandu jinkludi wkoll l-iffinalizzar ta’ ftehimiet internazzjonali bejn l-UE u pajjiżi terzi f’dan il-qasam. L-inizjattivi kontra l-abbuż tat-taxxa, li l-Istati Membri diġà qablu dwarhom f’livell internazzjonali, bħal dawk diskussi fil-kuntest tal-Azzjonijiet tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS), jidħlu wkoll f’din il-kategorija. Barra minn hekk, l-ewwel pass għandu jinkludi l-inizjattivi li jkunu maħsubin b’mod ewlieni biex jiffaċilitaw il-konformità mas-sistema tat-taxxa għan-negozji fis-Suq Uniku, bħalma huma l-obbligi ta’ rappurtar armonizzati. Dawn il-kwistjonijiet b’rabta mat-taxxa normalment ikunu inqas kontroversjali għall-Istati Membri, u jeżisti biċ-ċar ir-rikonoxximent li tenħtieġ l-azzjoni min-naħa tal-UE. Normalment dawn il-kwistjonijiet kienu jiġu mblukkati mill-unanimità biss meta jkunu rikattati minħabba interessi jew fajls oħrajn. Il-bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata f’dawn l-oqsma għalhekk tkun tippermetti proċess aktar mgħaġġel u aktar effiċjenti biex isir qbil fuq kwistjonijiet li fil-biċċa l-kbira tagħhom jeħtieġu kunsens.
Għat-tieni stadju, il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għandha tinkludi miżuri li jkunu primarjament ta’ natura fiskali maħsubin biex jappoġġaw għanijiet ta’ politika oħrajn. Dawn jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent, jew it-titjib tal-politiki dwar is-saħħa pubblika jew it-trasport. Deċiżjonijiet aktar effiċjenti b’rabta mat-taxxa jkunu jippermettu, pereżempju, l-implimentazzjoni ta’ politika tal-enerġija ekoloġika li tappoġġa miri ambizzjużi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-klawsola passerelle speċifika fit-Trattati fil-qasam tal-ambjent, li b’mod partikolari tinkludi dispożizzjonijiet ta’ natura primarjament fiskali, toffri b’mod ċar it-triq lil hinn mill-unanimità f’dan il-qasam. Minkejja li din il-klawsola passerelle għadha qatt ma ntużat, il-Kummissjoni hija lesta li tattivaha jekk tinqala’ l-ħtieġa. Il-klawsola passerelle ġenerali tkun meħtieġa għall-oqsma ta’ politika l-oħrajn kollha.
It-tielet stadju jkun il-konċentrazzjoni fuq l-oqsma tat-tassazzjoni li fil-biċċa l-kbira tagħhom diġà huma armonizzati, u li jenħtieġ li jevolvu u jiġu addattati għal ċirkostanzi ġodda. Dan b’mod partikolari jkun jinkludi l-VAT u d-dazji tas-sisa. It-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE aktar mgħaġġel f’dawn l-oqsma jippermetti lill-amministrazzjonijiet u s-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri jżommu ruħhom aġġornati mal-iżviluppi teknoloġiċi u l-bidliet fis-swieq l-aktar riċenti. Pereżempju, 25 sena wara l-introduzzjoni tas-Suq Uniku, l-UE għad għandha sistema tal-VAT li tfasslet aktar minn 40 sena ilu, u li hi wisq ikkumplikata għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet, u hija suxxettibbli għall-frodi. Dan mhux se jinbidel qabel ma jiddeċiedu l-Istati Membri fuq reġim definittiv li jippermetti li fil-futur tinħoloq sistema tal-VAT li tkun sostenibbli, reżistenti għall-frodi u favorevoli għan-negozju. L-innovazzjoni fis-swieq tat-tabakk u tal-alkoħol ukoll teħtieġ reazzjoni ta’ malajr biex ikun żgurat li l-prodotti l-ġodda jkunu rregolati tajjeb mil-lat tat-taxxa. Il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata tiżgura li l-modernizazzjoni tar-regoli armonizzati tal-UE ma titwaqqafx minn għadd żgħir ta’ Stati Membri li jimblukkawha. Il-fatt li l-VAT huwa Riżors Proprju tal-UE jsaħħaħ il-ħtieġa ta’ teħid tad-deċiżjonijiet li jkun aktar effettiv f’dan il-qasam.
Ir-raba’ pass ikun li l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata tiġi introdotta għal inizjattivi oħrajn fil-qasam tat-tassazzjoni, li huma meħtieġa għas-Suq Uniku u għal tassazzjoni ġusta u kompetittiva fl-Ewropa. Għad hemm il-ħtieġa ta’ xi proġetti kbar tat-tassazzjoni biex is-Suq Uniku jitlesta mil-lat tat-taxxa. Kif issemma fuq, il-BKKTK qed tagħmel progress bil-mod ħafna minħabba l-unanimità, minkejja l-fatt li tkun tipprovdi s-sistema tat-taxxa korporattiva li tkun kapaċi tirreżisti l-isfidi tal-futur, u li hija kompetittiva u ġusta u li għandha bżonn l-UE biex tikkompeti fil-livell dinji. Il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata tista’ tgħin biex jintemm dan l-impass u tipprovdi ċ-ċertezza u l-istabbiltà għan-negozji fl-UE kollha. Il-ħtieġa li tinsab soluzzjoni komprensiva għat-tassazzjoni tal-Ekonomija Diġitali hija kwistjoni urġenti oħra. Hemm ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni robusta biex tiżgura li l-kumpaniji li jwettqu attivitajiet diġitali jiġu ntaxxati b’mod ġust u effettiv. L-Unjoni ma tistax taffordja d-dewmien f’dan il-qasam waqt li l-Istati Membri jissieltu biex jaslu għal qbil unanimu. Bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fuq soluzzjoni komprensiva għat-tassazzjoni diġitali tgħin biex issaħħaħ l-ekwità u s-sostenibbiltà tas-sistemi tat-taxxa filwaqt li tikkontribwixxi wkoll għal Suq Uniku Diġitali stabbli.
5.Il-passi li jmiss
L-argument favur il-ħtieġa li jkun hemm tiswir aktar effiċjenti tal-liġijiet fil-politika tat-tassazzjoni tal-UE huwa ċar. Is-Suq Uniku u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja jeħtieġu politika tat-tassazzjoni li tippermetti li kulħadd igawdi mill-integrazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-UE li qed tiżdied. Il-bidliet b’ritmu mgħaġġel fl-ambjent tat-taxxa internazzjonali, kif ukoll fl-imġiba tan-negozju u tal-konsumaturi jeħtieġu sistema tat-taxxa tal-UE li tkun kapaċi żżomm ruħha aġġornata u tikkompeti fil-livell dinji. L-għanijiet Ewropej aktar ġenerali tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, tal-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, tal-impjiegi u tal-investiment, jisfruttaw il-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni u jiżguraw mudell soċjali ġust u sostenibbli, u dawn jeħtieġu miżuri tat-taxxa effettivi u ta’ malajr li jappoġġawhom.
Il-proċedura leġiżlattiva speċjali bir-regola tal-unanimità u sempliċiment b’konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-qasam tat-tassazzjoni ma taqbilx mar-realtajiet li qed tiffaċċa din il-politika llum il-ġurnata. Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jagħtu bidu għal dibattitu miftuħ dwar il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għall-politika tat-tassazzjoni tal-UE, b’aktar involviment tal-Parlament Ewropew, u biex jiddefinixxu metodu ta’ malajr u prammatiku biex din tiġi implimentata.
Il-Kummissjoni tistieden lill-mexxejja tal-UE:
·Biex japprovaw il-Pjan Direzzjonali spjegat f’din il-Komunikazzjoni.
·Biex jiddeċiedu malajr dwar l-użu tal-klawsola passerelle ġenerali (l-Artikolu 48(7) tat-TUE) għall-ewwel stadju dwar kwistjonijiet li m’għandhomx impatt dirett fuq id-drittijiet tat-taxxa, il-bażijiet jew ir-rati tat-taxxa tal-Istati Membri u għat-tieni stadju, fejn it-tassazzjoni tappoġġa għanijiet ta’ politiki oħrajn, biex issir bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew huwa mistieden jinnotifika lill-Parlamenti nazzjonali dwar l-inizjattiva u jfittex il-kunsens tal-Parlament Ewropew.
·Biex jikkunsidraw l-użu tal-klawsola passerelle ġenerali (l-Artikolu 48(7) tat-TUE) għat-tielet stadju, l-oqsma fejn it-tassazzjoni hija fil-biċċa l-kbira armonizzata u għar-raba’ stadju, inizjattivi oħrajn li huma meħtieġa għas-suq uniku u għal tassazzjoni ġusta, sa tmiem l-2025, sabiex issir il-bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja f’dawn l-oqsma.