EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AP0227

P8_TA(2019)0227 Is-suq intern tal-elettriku ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-suq intern tal-elettriku (riformulazzjoni) (COM(2016)0861 – C8-0492/2016 – 2016/0379(COD)) P8_TC1-COD(2016)0379 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-26 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-suq intern tal-elettriku (riformulazzjoni)

ĠU C 108, 26.3.2021, p. 190–192 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 108/190


P8_TA(2019)0227

Is-suq intern tal-elettriku ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-suq intern tal-elettriku (riformulazzjoni) (COM(2016)0861 – C8-0492/2016 – 2016/0379(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – riformulazzjoni)

(2021/C 108/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0861),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0492/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati preżentati mill-Kamra tad-Deputati Ċeka, mill-Bundestag Ġermaniż, mill-Parlament Spanjol, mis-Senat Franċiż, mill-Parlament Ungeriż, mill-Kunsill Federali Awstrijak, mis-Sejm Pollakk, mis-Senat Pollakk, mill-Kamra tad-Deputati Rumena, u mis-Senat Rumen, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017 (1)

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta' Lulju 2017 (2)

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali (3),

wara li kkunsidra l-ittra tat-13 ta’ Lulju 2017 mibgħuta mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-18 ta' Jannar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 104 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0042/2018),

A.

billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f'dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 91.

(2)  ĠU C 342, 12.10.2017, p. 79.

(3)  ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.


P8_TC1-COD(2016)0379

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-26 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-suq intern tal-elettriku (riformulazzjoni)

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE 2019/943.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR ID-DEFINIZZJONI TA’ INTERKONNETTUR

“Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ftehim tal-koleġiżlaturi rigward ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Elettriku u r-riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-Elettriku, li jerġgħu lura għad-definizzjoni ta’ ‘interkonnettur’ kif intużat fid-Direttiva 2009/72/KE u fir-Regolament (KE) Nru 714/2009. Il-Kummissjoni taqbel li s-swieq tal-elettriku huma differenti minn swieq oħra bħal dak tal-gass naturali, pereżempju permezz tal-kummerċ ta’ prodotti li attwalment ma jistgħux jinħażnu faċilment u li jiġu prodotti minn varjetà kbira ta’ installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni, inkluż installazzjonijiet fil-livell tad-distribuzzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, ir-rwol tal-konnessjonijiet ma’ pajjiżi terzi jvarja b’mod sinifikanti bejn is-setturi tal-elettriku u tal-gass u jistgħu jintgħażlu approċċi regolatorji differenti.

Il-Kummissjoni se tkompli teżamina l-impatt ta’ dan il-ftehim u se tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fejn ikun meħtieġ.

Għal raġunijiet ta’ ċarezza ġuridika, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza dan li ġej:

Id-definizzjoni maqbula ta’ interkonnettur fid-Direttiva dwar l-Elettriku tirreferi għal tagħmir ta’ konnessjoni tas-sistemi tal-elettriku. Din il-formulazzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn oqfsa regolatorji jew sitwazzjonijiet tekniċi differenti, u b’hekk tinkludi minn qabel il-konnessjonijiet tal-elettriku kollha lejn pajjiżi terzi fl-ambitu tal-applikazzjoni. Fir-rigward tad-definizzjoni maqbula ta’ interkonnettur fir-Regolament dwar l-Elettriku, il-Kummissjoni tisħaq li l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku teħtieġ livell għoli ta’ kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema, il-parteċipanti fis-suq u r-regolaturi. Filwaqt li l-ambitu tar-regoli applikabbli jista’ jvarja skont il-livell ta’ integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku, jenħtieġ li l-integrazzjoni mill-qrib ta’ pajjiżi terzi fis-suq intern tal-elettriku, bħall-parteċipazzjoni fi proġetti tal-akkoppjament tas-swieq, tkun ibbażata fuq ftehimiet li jeħtieġu l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti.”

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-PJANIJIET TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAR-RIFORMA TAS-SUQ

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ftehim tal-koleġiżlaturi rigward l-Artikolu 20(3) li jipprevedi li l-Istati Membri bi tħassib identifikat dwar l-adegwatezza għandhom jippubblikaw pjan ta’ implimentazzjoni bi skeda ta’ żmien għall-adozzjoni ta’ miżuri biex tiġi eliminata kwalunkwe distorsjoni regolatorja identifikata u/jew kwalunkwe falliment tas-suq bħala parti mill-proċess ta’ Għajnuna mill-Istat.

Skont l-Artikolu 108 tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha l-kompetenza esklużiva biex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni skont it-TFUE u ma jistax jaffettwaha. Għalhekk, fejn ikun rilevanti, il-Kummissjoni tista’ tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-pjanijiet ta’ riforma tas-suq b’mod parallel mal-proċess ta’ approvazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda ż-żewġ proċessi huma ġuridikament separati.


Top