Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018XC0217(02)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda minuri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 62, 17.2.2018, p. 9–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.2.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 62/9


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda minuri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2018/C 62/06)

    Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

    APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA' EMENDA MINURI

    Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

    CABRALES

    Nru tal-UE: PDO-ES-0081-AM01 — 20.10.2017

    DOP ( X ) IĠP ( ) STG ( )

    1.   Grupp applikant u interess leġittimu

    Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida “CABRALES”

    Ctra. General, s/n

    33555 Carreña de Cabrales

    ASTURIAS

    ESPAÑA

    Tel. +34 985845335

    Posta elettronika: dop@quesocabrales.org

    Internet: http://www.quesocabrales.org

    Il-Consejo Regulador (Bord Regolatorju) huwa l-grupp li jirrappreżenta lill-operaturi, rikonoxxut uffiċjalment għall-finijiet tal-ġestjoni tad-DOP skont ir-regoli fis-seħħ (l-ORDNI tad-29 ta' Ġunju 1990 li tirratifika r-Regolament dwar id-Denominazzjoni tal-Oriġini “Cabrales” u l-Bord Regolatorju tiegħu). Is-setgħat tal-Bord Regolatorju biex jipproponi emendi għall-Ispeċifikazzjoni huma ddefiniti fl-għanijiet u l-funzjonijiet tiegħu.

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Spanja

    3.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta' produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Oħrajn: Organu ta' spezzjoni

    4.   Tip ta' emenda

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti)

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' STG irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont ir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    5.   Emendi

    1.    It-taqsima (G) “Organu ta' spezzjoni”

    Test attwali

    “(G)   Organu ta' spezzjoni

    L-ispezzjoni tad-Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta ‘Cabrales’ hija r-responsabbiltà tal-Bord Regolatorju, li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-produtturi u tal-proċessuri, kif ġej:

    president

    viċi president

    żewġ membri li jirrappreżentaw is-settur tat-trobbija tal-bhejjem

    sitt membri li jirrappreżentaw is-settur tal-ipproċessar artiġjanali

    żewġ membri tekniċi b'għarfien espert fit-trobbija tal-bhejjem u fl-industrija tal-prodotti tal-ħalib

    Il-membri jiġu eletti b'mod demokratiku kull erba' snin.

    Kompetenzi:

    Fir-rigward tat-territorju: fiż-żona tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-maturazzjoni.

    Fir-rigward tal-prodott: il-prodotti koperti bid-Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta fi kwalunkwe fażi tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tal-maturazzjoni, tad-distribuzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni.

    Fir-rigward tal-persunal: dawk imniżżlin fid-diversi reġistri.

    Kompiti:

    it-tħejjija u l-kontroll tad-diversi reġistri;

    l-għoti ta' linji gwida, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kwalità tal-ġobon protett;

    il-valutazzjoni tal-prodott;

    il-promozzjoni u l-ħarsien tad-Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta;

    it-teħid ta' deċiżjonijiet rigward il-proċedura dixxiplinari f'każ ta' ksur tar-Regolament;

    l-eżerċitu tar-responsabbiltà legali u l-kapaċità ġuridika sħiħa biex jidħol f'obbligi u jidher fi proċessi tal-qrati, filwaqt li jieħu azzjoni skont ir-rwol tiegħu li jirrappreżenta u jiddefendi l-interessi ġenerali tal-Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta.”

    Test ġdid kif emendat

    “(G)   Organu ta' spezzjoni

    Il-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti f'din l-Ispeċifikazzjoni hija r-responsabbiltà ta':

    Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida ‘Cabrales’.

    Indirizz: Ctra. General, s/n 33555 Carreña de Cabrales (Asturias)

    Tel. +34 985845335

    Fax +34 985845130

    Posta elettronika: dop@quesocabrales.org

    L-ambitu tal-kontrolli

    Il-Bord Regolatorju għad-DOP ‘Cabrales’ jinkorpora organu ta' spezzjoni (‘Área de Certificación’) li jaġixxi bħala korp taċ-ċertifikazzjoni għall-prodott, u li huwa akkreditat skont l-istandard speċifiku ta' referenza (UNE-EN ISO/IEC 17065:2012 jew l-istandard li jissostitwih). L-organu jwettaq spezzjonijiet tal-azjendi ta' produzzjoni tal-ġobon kif ukoll spezzjonijiet tal-għerien fejn issir il-maturazzjoni, sabiex jivverifika l-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Ispeċifikazzjoni għad-DOP ‘Cabrales’.

    Dawn l-ispezzjonijiet jinkludu t-teħid ta' kampjuni tal-prodott li l-operaturi jkunu identifikaw bħala xierqa għad-DOP, sabiex ikunu jistgħu jsiru testijiet fiżikokimiċi u organolettiċi.

    Metodoloġija tal-kontrolli

    Il-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tissejjes fuq l-azzjonijiet li ġejjin:

    l-ispezzjoni tal-azjendi tat-trobbija tal-bhejjem, għall-verifika tal-karatteristiċi marbutin mal-materja prima;

    l-ispezzjoni taċ-ċentri ta' ġbir tal-ħalib, biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà;

    l-awditjar (inizjali, ta' segwitu, u straordinarju) tal-impjanti tal-ipproċessar (l-azjendi tal-produzzjoni tal-ġobon u l-għerien tal-maturazzjoni), għall-verifika tal-proċess ta' produzzjoni u tal-prodott;

    it-teħid ta' kampjuni tal-prodott biex isiru testijiet fiżikokimiċi u organolettiċi.

    Dawn il-verifiki jsiru tal-anqas darba fis-sena.

    Il-kampjuni jittieħdu waqt l-awditjar tal-operaturi li jittikkettaw il-ġobon tagħhom bid-DOP ‘Cabrales’. It-teħid tal-kampjuni jsir billi jiġu applikati kriterji proporzjonali abbażi tat-tip ta' prodott u l-volum tal-produzzjoni. L-analiżi fiżikokimika ssir f'laboratorji akkreditati.

    L-azjendi tat-trobbija tal-bhejjem mhumiex soġġetti għaċ-ċertifikazzjoni, iżda jiffurmaw parti mill-ispezzjoni tal-proċess. Iċ-ċertifikazzjoni tinħareġ biss għall-impjanti ta' pproċessar tal-ġobon u għall-għerien tal-maturazzjoni, bħala utenti tat-tikketta tad-DOP.

    Kompiti:

    it-tħejjija u l-kontroll tad-diversi reġistri;

    il-verifika tal-ispezzjoni tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kwalità tal-ġobon protett;

    il-valutazzjoni tal-miżuri ta' awtomonitoraġġ imwettqa mill-operaturi li huma inklużi fil-proċess ta' ċertifikazzjoni tal-prodott;

    il-ħruġ ta' ċertifikati lill-impjanti ta' pproċessar tal-ġobon u lill-għerien tal-maturazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni;

    il-promozzjoni u l-ħarsien tad-Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta.”

    Ġustifikazzjoni

    Id-definizzjoni tal-organu ta' spezzjoni ġiet emendata fir-rigward tal-kompożizzjoni u l-kompetenzi tiegħu. Dan iwieġeb għall-ħtieġa li s-sistema ta' spezzjoni fis-seħħ tiġi aġġustata sabiex l-organu jwettaq il-kompiti ddelegati u jaġixxi skont l-istandard ISO/IEC 17065.

    2.    It-taqsima (H) “Tikkettar”

    Test attwali

    “(H)   Tikkettar

    It-tikketti kummerċjali, proprji ta' kull ditta kummerċjali rreġistrata, għandhom ikunu approvati mill-Bord Regolatorju.

    Fit-tikketti għandu jidher il-kliem li ġej: Denominación de Origen ‘Cabrales’.

    Il-ġobon maħsub għall-konsum għandu jġorr tikketta, tikketta sekondarja jew siġill innumerat maħruġ mill-Bord Regolatorju.

    Billi l-parti l-kbira tal-produtturi tal-ġobon jaħdmu fi produzzjoni fuq skala żgħira, ġiet adottata tikketta waħdanija għall-produtturi tal-ġobon kollha, li fuqha jidhru silwetti differenti li jindikaw it-tip ta' ħalib użat waqt l-ipproċessar (speċje waħda, żewġ speċijiet jew it-tlieta li huma).

    (Eżempju ta' kull tip mehmużin.)”

    Test ġdid kif emendat

    “(H)   Tikkettar

    It-tikketti kummerċjali proprji ta' kull ditta rreġistrata għandhom jiġu nnotifikati lill-Bord Regolatorju, b'referenza għar-rekwiżiti elenkati f'din l-Ispeċifikazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jitniżżlu fir-reġistru.

    Fit-tikketti għandu jidher il-kliem li ġej: Denominación de Origen Protegida ‘Cabrales’.

    Il-prodott maħsub għall-konsum għandu jġorr tikketta u tikketta sekondarja magħmula minn strixxa ħamra bejn żewġ strixxi ħodor, kif ukoll il-logo tal-Bord Regolatorju, bin-numru korrispondenti maħruġ mill-istess Bord. It-tikketta u t-tikketta sekondarja għandhom jiġu applikati fl-azjenda tal-produzzjoni tal-ġobon b'tali mod li jistgħux jintużaw aktar minn darba.

    Billi l-parti l-kbira tal-produtturi tal-ġobon jaħdmu fi produzzjoni fuq skala żgħira, ġiet adottata tikketta waħdanija għall-produtturi tal-ġobon kollha, li fuqha jidhru silwetti differenti li jindikaw it-tip ta' ħalib użat waqt l-ipproċessar (speċje waħda, żewġ speċijiet jew it-tlieta li huma).

    (Eżempju ta' kull tip mehmużin.)”

    Ġustifikazzjoni

    Din it-taqsima ġiet emendata fir-rigward tal-kompetenzi tal-Bord Regolatorju bħala organu ta' spezzjoni.

    L-emenda titqies minuri peress li mhijiex marbuta mal-karatteristiċi essenzjali tal-prodott, ma tolqotx ir-rabta u lanqas liż-żona ġeografika, u ma tirrappreżentax żieda fir-restrizzjonijiet imposti fuq il-kummerċ tal-prodott jew tal-materja prima tiegħu, skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (li l-Artikolu 53(2) tiegħu jittratta l-emendi minuri).

    DOKUMENT UNIKU

    CABRALES

    Nru tal-UE: PDO-ES-0081-AM01 — 20.10.2017

    DOP ( X ) IĠP ( )

    1.   Isem

    “Cabrales”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Spanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta' prodott

    Klassi 1.3. Ġobon

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

    Ġobon bil-vini blu magħmul mill-ħalib nej sħiħ tal-baqra, tan-nagħġa jew tal-mogħża, jew minn taħlita ta' żewġ tipi ta' ħalib jew tat-tlieta li huma, b'kompożizzjoni bbilanċjata fir-rigward tax-xaħam u tal-proteini.

    Il-ġobon jiġi mmaturat f'għerien għal mill-inqas xahrejn, li jibdew mill-produzzjoni tal-baqta.

    Karatteristiċi tal-ġobniet immaturati:

    Forma: ċilindrika b'wiċċ ċatt.

    Għoli: bejn 7 u 15-il ċentimetru.

    Piż u dijametru: varjabbli.

    Qoxra: ratba, irqiqa, żejtnija, griża bi rqajja' ħamranija jagħtu fl-isfar.

    Konsistenza: żejtnija, anki jekk bi grad ta' koeżjoni varjabbli, skont il-livell ta' fermentazzjoni tal-ġobon. Kumpatta u mingħajr toqob. Lewn abjad b'vini ħadranija li jagħtu fl-ikħal. Togħma kemxejn pikkanti, li tkun iktar qawwija fil-ġobniet magħmula purament mill-ħalib tan-nagħġa jew tal-mogħża, jew minn taħlita ta' dawn it-tnejn.

    Xaħam: mhux inqas minn 45 % tal-materja niexfa.

    Umdità: minimu ta' 30 %.

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    (a)   Għalf

    Il-bhejjem jingħalfu skont prattiki tradizzjonali, billi jirgħu direttament fil-bwar, u b'suppliment tal-għalf.

    (b)   Materja prima

    Il-ħalib nej tal-baqra, tan-nagħġa jew tal-mogħża, minn azjendi agrikoli li jinsabu fiż-żona ġeografika ddefinita. It-tames irid ikun esklussivament ta' oriġini mill-annimali.

    3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Kemm il-produzzjoni tal-ħalib u kemm l-ipproċessar u l-maturazzjoni tal-ġobon għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    L-ippakkjar għandu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita, sabiex jiġu ggarantiti l-aqwa kundizzjonijiet għall-kwalità tal-prodott. B'hekk il-produtturi tal-ġobon jistgħu jippreżervaw l-awtentiċità tal-prodott, u l-verifiki tat-traċċabbiltà jiġu ffaċilitati.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Fit-tikketti kummerċjali tal-ġobniet, għandu jidher il-kliem “Denominación de Origen Protegida Cabrales”, kif ukoll il-logo tal-UE għad-Denominazzjonijiet ta' Oriġini Protetta.

    Il-ġobniet għandhom iġorru wkoll tikketta sekondarja, b'numru tas-serje uniku, ikkodifikata skont il-format tal-ġobon li qed tiċċertifika. Dawn it-tikketti sekondarji għandhom ikunu approvati, ivverifikati u pprovduti mill-organu ta' spezzjoni, b'tali mod li ma jistgħux jintużaw aktar minn darba.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona tal-produzzjoni tal-ħalib tajjeb biex minnu jsir il-ġobon “Cabrales” hija kkostitwita mill-irħula ta' Arangas, Arenas, Asiego, Berodia, Bulnes, Camarmeña, Canales, Carreña, Escobar, Inguanzo, La Molina, La Salce, Ortiguero, Pandiello, Puertas, Poo, Sotres u Tielve fil-muniċipalità ta' Cabrales, u Oceño, Cáraves y Rozagas fil-muniċipalità ta' Peñamellera Alta. Dawn l-irħula kollha jinsabu fiż-żona tal-Picos de Europa fil-provinċja tal-Asturji.

    L-ipproċessar u l-maturazzjoni tal-ġobon isiru fl-istess żona ta' produzzjoni.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    Speċifiċità tal-prodott

    L-ispeċifiċità tal-ġobon “Cabrales”, li jagħmlu uniku u differenti minn tipi oħra ta' ġobon, hija ddeterminata mill-karatteristiċi organolettiċi tiegħu (il-qoxra u l-konsistenza).

    Speċifiċità taż-żona ġeografika

    L-ispeċifiċità taż-żona hija riflessa fil-fatturi naturali u umani li ġejjin:

    1.   Fatturi naturali

    Il-Picos de Europa, li jinsabu fix-Xlokk tal-provinċja tal-Asturji u jibqgħu deħlin fil-provinċji ta' León u l-Cantabria, huma magħmula minn ktajjen ta' muntanji li jitilgħu mix-xaqliba tat-Tramuntana tal-Cordillera Cantábrica, u minn mergħat wesgħin f'altitudni ta' 'l fuq mit-800 metru.

    2.   Fatturi umani

    Minħabba l-iżolament fit-tul li ġarrbu ġenerazzjoni wara l-oħra f'din iż-żona, l-ekonomija lokali tissejjes fuq l-użu u l-isfruttament sħiħ tar-riżorsi naturali.

    Minn banda, ir-riżorsi tal-popolazzjoni tal-Picos de Europa tradizzjonalment ibbażaw fuq l-użu tal-mergħat fis-sajf għall-alimentazzjoni ta' bhejjem varji, li ġeneralment kienu jiġu mill-irħula fit-truf tal-Picos. Matul is-sajf, il-bhejjem huma liberi li jimirħu fil-mergħat diffiċli tal-peña (l-isem li bih ir-residenti lokali jirreferu għall-Picos de Europa). Kull raħal għandu l-imqajjel tiegħu, li jintużaw b'mod komunali, iżda kull merħla hija l-proprjetà ta' resident differenti. Fis-sajf, il-bhejjem jingħaddu lil grupp żgħir ta' residenti biex jkunu responsabbli għall-ġestjoni tagħhom, filwaqt li r-residenti l-oħra jibqgħu fir-raħal biex jiddedikaw ruħhom għall-qtugħ u l-produzzjoni tal-ħuxlief.

    Mill-banda l-oħra, bis-saħħa tal-għarfien espert tal-produtturi lokali, kif ukoll minħabba l-fatt li l-postijiet tal-konsum kienu jinsabu 'l bogħod, il-ħalib beda jiġi ttrasformat f'ġobon mir-raħħala nfushom.

    Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott

    (a)   L-għerien tal-maturazzjoni

    L-eżistenza ta' għerien u grotti ta' daqsijiet u karatteristiċi differenti hija konsegwenza tal-formazzjonijiet karstiċi, kif ukoll tad-dinamika partikulari bejn l-ajra u l-ilma fil-massa tal-ġir tal-Picos de Europa, li hija waħda mill-eħxen fil-kontinent.

    L-għerien li jintużaw għall-maturazzjoni tal-ġobon kultant ikunu qrib il-maqjel jew id-dar tar-raħħal, iżda l-parti l-kbira minnhom jinsabu 'l bogħod u l-aċċess għalihom bil-mogħdijiet tal-muntanja huwa diffiċli. Tali għerien jinsabu f'altitudni ta' bejn 800 u 1 200 metru, u jitqies li aktar ma l-ġobon jiġi mmaturat fil-għoli, itjeb tkun il-kwalità tiegħu.

    Biex għar ikun xieraq għall-maturazzjoni tal-ġobon “Cabrales”, irid jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin: għandu jkun profond, u d-daħla trid tħares lejn it-Tramuntana; irid ikollu tal-anqas żewġ fetħiet lejn l-arja ta' barra (waħda għall-aċċess u l-oħra għall-ventilazzjoni), sabiex fil-għar jgħaddi kurrent tal-arja, magħruf lokalment bħala “soplado”; u jrid ikollu kurrent tal-ilma. B'hekk l-arja tal-għar tiċċaqlaq b'mod kajman, u l-umdità tal-għar tkun għolja ħafna (ta' iktar minn 90 %), b'temperatura li żżomm bejn is-6 u l-10 °C.

    F'dawn il-kundizzjonijiet, il-ħitan ikunu miksija bil-moffa, l-iktar tat-tip Penicillium roqueforti, u l-kurrenti tal-arja jew “soplados” iħollu l-ispori tagħha li meta jaqgħu fuq il-ġobon, jinbtu u jikbru fih.

    Biex ikunu jistgħu jimmaturaw kif suppost, il-ġobniet għandhom jibqgħu fl-għerien għal bejn xahrejn u ħames xhur, fuq xkaffar tal-injam (“talameras”). Matul dan il-perjodu, il-ġobniet iridu jiddawru u jitnaddfu b'mod regolari.

    Dari, wara l-proċess ta' maturazzjoni, il-ġobniet kienu jitkebbu f'weraq tal-“plágano” (sikamoru, Acer pseudoplatanus) għall-manipulazzjoni aktar sikura tagħhom sakemm jinbigħu. Illum il-ġurnata, għall-ġobon kopert bid-denominazzjoni ta' oriġini protetta, minflok il-weraq tintuża karta apposta għat-tkebbib tal-ikel, bil-weraq stampati fuqha.

    (b)   Reputazzjoni

    Ir-reputazzjoni tajba tal-ġobon “Cabrales” tul l-istorja hija ddokumentata tajjeb. Pereżempju, il-kitbiet ta' Jovellanos (is-seklu 18), id-Diccionario Geográfico ta' Madoz editjat fil-bidu tas-seklu 19, u l-Memorias Asturianas ta' González Solís, kollha jistqarru li l-ġobon “Cabrales” ġie ppreżentat fil-Wirja Agrikola ta' Madrid fl-1857, fost prodotti Asturjani oħrajn.

    Fl-1911, fir-rapport tagħhom dwar l-azjendi tal-prodotti tal-ħalib f'Santander, l-aħwa Alvarado bdew il-vjaġġ tagħhom fir-reġjun ta' Cabrales, fejn ixxabbtu mal-Picos de Europa biex “żaru” l-għerien tar-raħħala li jagħmlu ċ-ċelebri ġobon ta' “Cabrales”.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

    (It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament.)

    https://www.asturias.es/Asturias/descargas/PDF_TEMAS/Agricultura/Alimentaci%C3%B3n/Queso%20Cabrales%20(MODIFICADO).pdf


    (1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

    (2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top