Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018SC0404

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni

SWD/2018/404 final

Brussell, 12.9.2018

SWD(2018) 404 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni

{COM(2018) 630 final}
{SEC(2018) 396 final}
{SWD(2018) 403 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar: Proposta għall-ħolqien tan-Netwerk ta’ Ċentri ta’ Kompetenza u taċ-Ċentru Ewropew ta’ Riċerka u ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Illum l-UE għad ma għandhiex biżżejjed kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali biex tiżgura b’mod awtonomu l-ekonomija u l-infrastrutturi kritiċi tagħha u biex issir pijuniera dinjija fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-problemi li ġejjin u tal-fatturi relatati ta’ din is-sitwazzjoni:

Problema 1: Livell insuffiċjenti ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni strateġiċi u sostenibbli bejn l-industriji, il-komunitajiet tar-riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà u l-gvernijiet biex jipproteġu l-ekonomija, is-soċjetà u d-demokrazija permezz ta’ soluzzjonijiet Ewropej avvanzati fil-qasam taċ-ċibersigurtà;

Problema 2: Investiment fuq skala insuffiċjenti u aċċess limitat għal għarfien espert, ħiliet u faċilitajiet b’rabta maċ-ċibersigurtà fl-Ewropa kollha;

Problema 3: Kienu biss ftit l-eżiti tar-riċerka u tal-innovazzjoni Ewropej fil-qasam taċ-ċibersigurtà li ssarrfu f’soluzzjonijiet kummerċjabbli u li ġew implimentati fl-ekonomija kollha.

Dawn il-problemi għandhom għadd ta’ fatturi sottostanti li jinkludu livell insuffiċjenti ta’ fiduċja bejn l-atturi differenti tas-suq taċ-ċibersigurtà, limitazzjonijiet inerenti fil-kooperazzjoni u fil-mekkaniżmi eżistenti għall-ġbir komuni tal-fondi, in-nuqqas ta’ qafas għall-akkwist konġunt ta’ infrastruttura taċ-ċibersigurtà u ta’ prodotti/soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà kif ukoll il-potenzjal mhux użat tal-mekkaniżmi push-pull tas-suq. 

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

L-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura li l-UE żżomm u tiżviluppa l-kapaċitajiet (teknoloġiċi u industrijali) essenzjali biex tiżgura b’mod awtonomu l-ekonomija, is-soċjetà u d-demokrazija diġitali tagħha u li tiżgura li l-Istati Membri jibbenefikaw mis-soluzzjonijiet fiċ-ċibersigurtà u mill-kapaċitajiet tad-difiża ċibernetika l-aktar avvanzati. L-inizjattiva għandha wkoll l-għan li żżid il-kompetittività dinjija tal-kumpaniji taċ-ċibersigurtà tal-UE u li tiżgura li l-industriji Ewropej f’setturi differenti jkollhom aċċess għall-kapaċitajiet u għar-riżorsi biex iċ-ċibersigurtà ssir vantaġġ kompetittiv għalihom. Dan għandu jinkiseb billi jiġu żviluppati mekkaniżmi effettivi għal kooperazzjoni strateġika fit-tul tal-atturi rilevanti kollha (l-awtoritajiet pubbliċi, l-industriji, il-komunità tar-riċerka mill-oqsma ċivili u tad-difiża), bil-ġbir komuni tal-għarfien u tar-riżorsi biex jiġu provduti kapaċitajiet u infrastrutturi mill-aqwa, billi jitħeġġeġ l-użu fuq skala kbira tal-prodotti u tas-soluzzjonijiet Ewropej taċ-ċibersigurtà fl-ekonomija kollha u fis-settur pubbliku kollu, billi jiġu appoġġati n-negozji ġodda u l-SMEs speċjalizzati fiċ-ċibersigurtà kif ukoll billi tingħata għajnuna biex jitneħħew il-lakuni fil-ħiliet fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

L-inizjattiva żżid il-valur tal-isforzi attwali fuq il-livell nazzjonali billi tgħin fil-ħolqien ta’ ekosistema industrijali u tar-riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà fl-Ewropa kollha. Għandha tħeġġeġ kooperazzjoni aħjar bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti (inkluż bejn is-setturi taċ-ċibersigurtà ċivili u tad-difiża) biex isir l-aħjar użu tar-riżorsi u tal-għarfien espert fil-qasam taċ-ċibersigurtà mifruxa mal-Ewropa kollha. Għandha tgħin lill-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu perspettiva proattiva, strateġika u għal terminu ta’ żmien itwal lejn il-politika industrijali taċ-ċibersigurtà, li tmur lil hinn minn sempliċement riċerka u żvilupp. Dan l-approċċ għandu jgħin mhux biss biex jinsabu soluzzjonijiet rivoluzzjonarji għall-isfidi fil-qasam taċ-ċibersigurtà li qegħdin jiffaċċjaw is-setturi privati u pubbliċi iżda wkoll biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn is-soluzzjonijiet. Se tippermetti wkoll lill-komunitajiet industrijali u tar-riċerka rilevanti kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi biex ikollhom aċċess għal kapaċitajiet ewlenin bħal pereżempju l-faċilitajiet ta’ ttestjar u ta’ esperimentazzjoni, li ta’ spiss ma jkunux jistgħu jintlaħqu mill-Istati Membri individwali minħabba riżorsi finanzjarji u umani insuffiċjenti. Se tikkontribwixxi wkoll fl-indirizzar tan-nuqqasijiet fir-rigward tal-ħiliet u biex jiġi evitat l-eżodu ta’ mħuħ billi tiżgura l-aċċess tal-aħjar talenti għall-proġetti Ewropej fuq skala kbira u b’hekk tipprovdi sfidi professjonali interessanti. Dan kollu li ssemma’ hawn fuq jitqies ukoll bħala neċessarju sabiex l-Ewropa tiġi rikonoxxuta globalment bħala pijuniera fiċ-ċibersigurtà.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Ġew ikkunsidrati għadd ta’ għażliet ta’ politika, kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi. L-għażliet li ġejjin inżammu sabiex issirilhom valutazzjoni bir-reqqa:

1.Ix-xenarju bażi - l-Għażla Kollaborattiva - tassumi l-kontinwazzjoni tal-approċċ attwali lejn il-bini ta’ kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi taċ-ċibersigurtà fl-UE permezz tal-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni u mekkaniżmi ta’ kollaborazzjoni relatati skont il-Programm Orizzont Ewropa;

2.Għażla 1: Netwerk ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà b’Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà li jingħata s-setgħa li jieħu miżuri li jappoġġaw it-teknoloġiji industrijali kif ukoll fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni;

3.Għażla 2: Netwerk ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà b’Ċentru Ewropew ta’ Riċerka u ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà li jwettaq attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni biss;

L-għażliet li ġew skartati fi stadju bikri inkludew 1) L-ebda azzjoni; 2) Netwerk ta’ ċentri ta’ kompetenza eżistenti biss u 3) L-użu ta’ aġenzija eżistenti (ENISA, REA jew INEA).

Fid-dawl tal-impenn ġenerali li diġà ħadet il-Kummissjoni għal din l-inizjattiva kif ukoll fid-dawl tar-rwol importanti li jridu jaqdu l-Istati Membri, id-distinzjoni ewlenija bejn iż-żewġ għażliet politiċi analizzati fid-dettall tinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kif rifless fil-bażi ġuridika tagħhom: entità li tkun ibbażata biss fuq l-Artikolu 187 tat-TFUE (l-Għażla 2) tillimita l-inizjattiva għall-isfera tar-riċerka u l-innovazzjoni, u tipikament tippreżumi kontribuzzjoni finanzjarja mill-atturi privati. Min-naħa l-oħra, entità bbażata fuq bażi ġuridika doppja - l-Artikolu 187 tat-TFUE u l-Artikolu 173 tat-TFUE (l-Għażla 1) - tfisser mandat usa’ li jkopri wkoll, inter alia, l-appoġġ industrijali u l-implimentazzjoni u l-ħolqien ta’ sinerġiji aktar b’saħħithom mad-difiża ċibernetika. Din kieku tagħti wkoll rwol aktar prominenti lill-Istati Membri - kemm f’termini tar-rwol tagħhom fil-governanza kif ukoll fir-rwol tagħhom bħala akkwirenti tat-teknoloġija taċ-ċibersigurtà.

 

L-analiżi wriet li l-Għażla 1 hija l-aktar waħda xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-inizjattiva, filwaqt li toffri wkoll l-ogħla impatt ekonomiku, soċjetali u ambjentali u tissalvagwardja l-interessi tal-Unjoni. L-argumenti ewlenin favur din l-Għażla inkludew flessibbiltà biex il-mudelli ta’ kooperazzjoni differenti mal-komunità u man-netwerk taċ-ċentri ta’ kompetenza jitħallew jottimizzaw l-użu tal-għarfien u tar-riżorsi eżistenti; l-abbiltà li tiġi strutturata l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati li jiġu mis-setturi rilevanti kollha, inkluż is-settur tad-difiża; l-abbiltà li tinħoloq politika industrijali taċ-ċibersigurtà reali billi jiġu appoġġati l-attivitajiet li huma marbutin mhux biss mar-riċerka u l-iżvilupp iżda anki mal-implimentazzjoni fis-suq. Fl-aħħar, l-Għażla 1 tippermetti wkoll aktar koerenza billi taġixxi bħala mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni għall-finanzjament relatat maċ-ċibersigurtà mill-Programm Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa, u billi ssaħħaħ is-sinerġiji bejn id-dimensjoni taċ-ċibersigurtà ċivili u dik tad-difiża b’rabta mal-Fond Ewropew għad-Difiża.

Liema għażla u min jappoġġaha? 

Skont l-eżitu tal-konsultazzjoni u l-proċessi għall-ġbir tal-evidenza hemm domanda ċara biex il-komunitajiet industrijali u tar-riċerka jkollhom mekkaniżmu li jippermetti lill-UE jkollha politika industrijali taċ-ċibersigurtà koerenti li tmur lil hinn mill-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp biss, jekk irridu li l-Ewropa ssir pijuniera dinjija fiċ-ċibersigurtà. Fl-istess ħin il-partijiet ikkonċernati saħqu li fattur kruċjali għas-suċċess se jkun rwol definit sew taċ-Ċentru fl-appoġġ u l-iffaċilitar tal-isforzi tan-Netwerk u tal-komunitajiet rilevanti u approċċ inklużiv u kollaborattiv għan-netwerk sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ kompartimenti ġodda. L-istruttura għandha wkoll tkun flessibbli sabiex tkun tista’ tiġi adattata faċilment, minħabba li dak taċ-ċibersigurtà huwa ambjent li jiżviluppa b’pass mgħaġġel. Tul il-proċess kollu, l-Istati Membri saħqu fuq il-ħtieġa li jintuża approċċ ta’ inklużjoni fir-rigward tal-Istati Membri kollha u fir-rigward taċ-ċentri ta’ eċċellenza u ta’ kompetenza eżistenti tagħhom, u li tingħata attenzjoni partikolari għall-komplementarjetà tal-azzjonijiet. B’mod speċifiku fir-rigward taċ-Ċentru, l-Istati Membri saħqu fuq l-importanza tar-rwol ta’ koordinazzjoni tiegħu fl-appoġġ tan-netwerk. Għalhekk, kull inizjattiva tal-Kummissjoni se jkollha ssib il-bilanċ ġust fl-istrutturi ta’ governanza u ta’ implimentazzjoni u tirrifletti dan il-bilanċ fl-istrutturi ta’ governanza u ta’ implimentazzjoni sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni Ewropea effettiva filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fil-livell nazzjonali.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-għażla ppreferuta se tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-industriji fl-Istati Membri kollha li b’mod aktar effettiv jipprevjenu u jirrispondu għal theddid ċibernetiku billi toffri u tgħammar lilha nnifisha bi prodotti u soluzzjonijiet aktar siguri. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-protezzjoni tal-aċċess għal servizzi essenzjali (pereżempju, servizzi tat-trasport, tas-saħħa, bankarji u finanzjarji). Se jkollha wkoll impatt pożittiv fuq il-kompetittività tal-UE u fuq l-SMEs minħabba li tipprevedi l-ħolqien ta’ mekkaniżmu li jkun kapaċi jibni l-kapaċitajiet industrijali taċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri u tal-Unjoni u tittraduċi b’mod effettiv l-eċċellenza xjentifika Ewropea f’soluzzjonijiet kummerċjabbli li jistgħu jiġu implimentati fl-ekonomija kollha. Din l-għażla tippermetti l-ġbir komuni tar-riżorsi biex isir investiment fil-kapaċitajiet neċessarji fil-livell tal-Istati Membri u biex jiġu żviluppati l-assi kondiviżi Ewropej filwaqt li jinkisbu ekonomiji ta’ skala. Dan x’aktarx li jirriżulta f’sitwazzjoni fejn l-SMEs, l-industriji u r-riċerkaturi jkollhom aktar aċċess akbar għal faċilitajiet bħal dawn, u dan mistenni jistimola l-innovazzjoni u jqassar il-proċessi ta’ żvilupp. Dan se jnaqqas ukoll il-kostijiet għal xi negozji min-naħa tad-domanda u jgħinhom biex iċ-ċibersigurtà jbiddluha f’vantaġġ kompetittiv għalihom. L-Għażla tippermetti li jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet tas-suq b’użu doppju billi tippermetti lill-komunitajiet tad-difiża u ċivili jaħdmu flimkien fuq sfidi komuni. X’aktarx ukoll li żżid il-valur tal-isforzi nazzjonali relatati mal-indirizzar tal-lakuni fil-ħiliet fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Fil-livell tal-UE, din l-għażla tippermetti wkoll li jittejbu l-koerenza u s-sinerġiji bejn il-mekkaniżmi ta’ finanzjament differenti.

Jista’ jinkiseb impatt pożittiv indirett fuq l-ambjent permezz tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet speċifiċi taċ-ċibersigurtà għas-setturi li għandhom impatt ambjentali potenzjalment kbir (pereżempju l-impjanti tal-enerġija nukleari), li jgħinuhom jevitaw konsegwenzi potenzjalment devastanti ta’ attakki ċibernetiċi kontra dan it-tip ta’ infrastruttura.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Il-kostijiet relatati mal-għażla ppreferuta huma l-aktar relatati mal-kostijiet tal-funzjonament taċ-Ċentru u taċ-Ċentri ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali. Il-kostijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament differenti (il-Programm Ewropa Diġitali u l-Programm Orizzont Ewropa) huma soġġetti għal Valutazzjonijiet tal-Impatt separati.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Il-kumpaniji Ewropej, kemm fuq in-naħa tad-domanda kif ukoll fuq in-naħa tal-provvista taċ-ċibersigurtà, inklużi l-SMEs u l-mikrointrapriżi li joperaw fil-qasam taċ-ċibersigurtà, se jkunu fost dawk il-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati li se jħossu l-aktar impatt qawwi. Filwaqt li l-istabbiliment taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Netwerk ma jimponix obbligi regolatorji fuqhom, se jiftaħ opportunitajiet f’termini ta’ tnaqqis fil-kostijiet għat-tfassil ta’ prodotti ġodda u se jgħinhom jiksbu aċċess aktar faċli għall-komunità tal-investituri u jattiraw il-finanzjament neċessarju biex jimplimentaw soluzzjonijiet kummerċjabbli. Fil-każ tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi l-aċċess għall-faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni ffinanzjati pubblikament huwa ħafna aktar importanti minħabba li għandhom nuqqas ta’ riżorsi biex jixtru jew jivvjaġġaw barra mis-suq tagħhom (u ta’ spiss barra mill-UE) biex isibu l-infrastruttura meħtieġa. Wieħed jittama wkoll li din l-inizjattiva tiftaħ swieq ġodda għall-SMEs u għall-mikrointrapriżi Ewropej li huma attivi fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu magħżul se jiżgura koordinazzjoni bejn ir-riċerka u l-industrija u għalhekk se jidderiġi l-isforzi fir-riċerka lejn il-ħtiġijiet industrijali konkreti. Indirettament, il-provvista ta’ għarfien espert u ta’ għodod mill-aqwa fiċ-ċibersigurtà se tappoġġa lill-operaturi ekonomiċi biex jikkonformaw mad-Direttiva NIS.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

L-inizjattiva se tippermetti lill-Istati Membri jikkoordinaw l-investimenti fl-infrastruttura taċ-ċibersigurtà meħtieġa fil-livell nazzjonali u fil-livell Ewropew. Il-mekkaniżmu se jippermetti l-ġbir komuni ta’ riżorsi għall-għodod u għall-infrastrutturi li normalment ikunu aktar għaljin u mhux affordabbli għall-Istati Membri individwali. Approċċ ta’ dan it-tip jippermetti ekonomiji ta’ skala u razzjonalizzazzjoni. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istati Membri liċ-Ċentru ta’ Kompetenza u lill-azzjonijiet rilevanti għandha tkun proporzjonata mal-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Iva, l-inizjattiva għandha impatt pożittiv ċar minħabba li x’aktarx li żżid b’mod sostanzjali l-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jiżguraw b’mod awtonomu l-ekonomiji tagħhom, inkluż il-protezzjoni tas-setturi kritiċi, u b’hekk iżżid il-kompetittività tan-negozji Ewropej fil-qasam taċ-ċibersigurtà kif ukoll tal-industriji f’bosta setturi differenti, li se jkunu jistgħu jiżguraw b’mod xieraq l-assi eżistenti tagħhom u jfasslu prodotti innovattivi siguri filwaqt li jnaqqsu l-kostijiet relatati mar-riċerka u l-iżvilupp. Fl-aħħar mill-aħħar, dan għandu jippermetti lill-UE ssir pijuniera fit-teknoloġiji taċ-ċibersigurtà u diġitali tal-ġenerazzjoni li jmiss.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Fl-istrument legali se jiġu inklużi klawsola espliċita biex jiġu mmonitorjati l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) kif ukoll klawsola ta’ evalwazzjoni u rieżami, li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea se twettaq evalwazzjoni interim sabiex tkejjel l-impatt tal-istrument u l-valur miżjud tiegħu. Sussegwentement il-Kummissjoni Ewropea se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Wara din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tipproponi rieżami u estensjoni tal-mandat taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Netwerk.

Top