|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
|
|
|
A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?
|
|
Il-problema li se tiġi indirizzata minn din il-proposta hija l-implimentazzjoniuwa bil-mod u b’mod irregolari tar-riformi strutturali. Ir-riformi strutturali huma meħtieġa biex tissaħħaħ il-koeżjoni u l-kompetittività, tiżdied il-produttività, trawwem ir-reżiljenza tal-istrutturi ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri u għax jgħinu lit-tkabbir u lill-impjiegi. L-implimentazzjoni tar-riformi qiegħda tavvanza bil-mod u mhux bl-istess mod fl-Istati Membri, kemm dawk fiż-żona tal-euro kif ukoll f’dawk li mhumiex, u dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq it-tkabbir u l-kompetittività fl-Istati Membri tal-UE u tal-Unjoni kollha kemm hi. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fi ħdan il-proċess tas-Semestru Ewropew ikkonfermat li l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa biex jindirizzaw ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi sa issa ma kinitx uniformi fl-Istati Membri kollha u li, anke jekk l-implimentazzjoni tar-riformi kumplessivament żdiedet bi ftit meta mqabbel ma’ Mejju 2017, ir-riformi ta’ spiss jieħdu aktar żmien biex jiġu implimentati minn dak antiċipat. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-kriżi taż-żona tal-euro wriet li huwa ta’ importanza assoluta li l-Istati Membri jagħmlu r-riformi meħtieġa qabel ma jadottaw l-euro sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Is-sitwazzjoni ekonomika favorevoli attwali fl-UE kollha, bi tkabbir mgħaġġel u l-irkupru tal-livelli tal-impjiegi u tal-investiment, u t-titjib tal-finanzi pubbliċi tipprovdi opportunità għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali.
|
|
X'mistenni jinkiseb minn din l-inizjattiva?
|
|
Il-proposta għall-istabbiliment ta’ Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma hija mistennija li tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi ta’ natura strutturali għar-riformi nazzjonali u biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri kollha tal-UE permezz ta’ inċentivi finanzjarji għall-implimentazzjoni tar-riformi u permezz ta’ appoġġ tekniku biex jgħin lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw ir-riformi u jtejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom. Barra minn hekk, se jiġi pprovdut ukoll appoġġ immirat lill-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro u li ħadu passi dimostrabbli lejn l-adozzjoni tal-munita unika f’qafas ta’ żmien stabbilit biex jgħinhom jippreparaw għas-sħubija fiż-żona tal-euro. Il-Programm għandu jipprova jilħaq dawn l-għanijiet billi jindirizza l-kawżi tal-implimentazzjoni kajmana u mhux uniformi tar-riformi, bħan-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva, kostijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi ta’ terminu qasir tar-riformi, u n-nuqqas ta’ sjieda politika.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?
|
|
Filwaqt li l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali fl-Istati Membri tibqa’ kompetenza nazzjonali, li s-snin ta’ kriżi wrew li minħabba r-rabtiet qawwija li hemm bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri, l-isforzi ta’ riforma ma jistgħux ikunu kwistjoni purament nazzjonali. Dan il-Programm se jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali kemm fl-Istati Membri taż-żona tal-euro kif ukoll f’dawk li mhumiex, biex b’hekk jikkontribbwixxu għall-koeżjoni, il-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir u l-impjiegi. Għaldaqstant, l-impatt tiegħu se jinħass mhux biss fil-livell nazzjonali, iżda se jkollu wkoll effetti konsegwenzjali pożittivi fuq l-Unjoni kollha kemm hi.
Biex jinkiseb dan, il-Programm se joffri tliet strumenti separati iżda kumplimentari (l-Għodda għat-Twettiq ta' Riformi, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku u l-Faċilità ta' Konverġenza), ħalli b’hekk jiġi mmassimizzat l-impatt fil-livell tal-UE.
L-Għodda għat-Twettiq ta' Riformi se tkun reazzjoni diretta għall-implimentazzjoni dgħajfa tar-riformi strutturali fil-livell nazzjonali. Hija mfassla biex isaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ riformi identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew billi tipprovdi inċentivi finanzjarji. Filwaqt li l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali fl-Istati Membri tibqa’ kompetenza nazzjonali, azzjoni fil-livell tal-UE se tagħti spinta biex tgħin biex jingħeleb in-nuqqas ta’ sjieda jew impenn politiku biex jitwettqu r-riformi (li jistgħu parzjalment ikunu minħabba l-kostijiet finanzjarji jew politiċi ta’ terminu qasir).
L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (u l-komponent tal-appoġġ tekniku tal-istrument tal-appoġġ għall-konverġenza) ser issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri permezz ta’ network ta’ għarfien espert mal-Unjoni kollha għall-benefiċċju tal-Istati Membri kollha li jitolbu appoġġ u se jippromwovi fiduċja reċiproka u aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.
Il-komponent tal-appoġġ finanzjarju tal-Faċilità ta’ Konverġenza, immirat lejn l-Istati Membri li huma ddeterminati jadottaw il-munita unika f’qafas ta’ żmien stabbilit, se jkollu l-għan li jsaħħaħ ir-reżiljenza ta’ dawk l-Istati Membri u r-resiljenza taż-żona tal-euro inġenerali, filwaqt li jippermetti effetti pożittivi transfruntiera u/jew effetti konsegwenzjali pożittivi madwar l-Unjoni kollha.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm xi għażla ppreferuta jew le? Għaliex?
|
|
Il-valutazzjoni tal-impatt eżaminat l-istrumenti eżistenti tal-Kummissjoni biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. Hija kkonkludiet li filwaqt li hemm xi strumenti fil-livell tal-UE biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, dawn mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw il-kawżi tal-implimentazzjoni batuta u mhux uniformi u biex jippromwovu r-riformi strutturali u amministrattivi meħtieġa. Is-Semestru Ewropew huwa għodda effettiva ta’ liġi mhux vinkolanti li jiddeskrivi l-isfidi u l-ħtiġijiet ta’ riforma u biex jinżamm rekord tat-tweġibiet mill-Istati Membri biex jindirizzaw dawk il-ħtiġijiet, iżda l-proċess tas-Semestru Ewropew innifsu ma għandu l-ebda element ta’ infurzar u l-ebda għodda biex jipprovdi inċentivi reali għal riforma. L-appoġġ tekniku provdut permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) għandu baġit limitat u dan il-Programm jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), li fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni l-ġdid se jissejħu l-“Fondi tal-Unjoni”, jiffinanzjaw l-implimentazzjoni ta’ xi riformi strutturali u jagħtu xi ftit inkoraġġiment għal xi riformi, notevolment permezz tal-applikazzjoni tal-kondizzjonalitajiet ex-ante. Madankollu, l-għanijiet u l-loġika ta’ intervent tal-FSIE u tal-“Fondi tal-Unjoni” futuri huma orjentati lejn l-investiment aktar milli lejn ir-riforma. Fl-aħħar nett, bħalissa ma hemm l-ebda appoġġ immirat lejn l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jixtiequ jissieħbu fiż-żona tal-euro, li jista’ jaċċellera l-proċess ta’ konverġenza f’dawk l-Istati Membri. Għalhekk, skont xenarju ta’ ebda tibdil fil-politika, dawn l-istrumenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni biex jiffaċilitaw u jippromwovu r-riformi amministrattivi u strutturali meħtieġa fl-Istati Membri tal-UE ma jkunux biżżejjed.
Il-ħolqien ta’ Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma ġdid huwa l-għażla preferuta għax dan jippermetti kontribuzzjoni biex tiġi indirizzata l-problema b’mod komprensiv billi ssaħħaħ l-appoġġ tekniku attwali offrut permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u jżid strument immirat li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u jżid ukoll strument immirat biex jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ riformi fi Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro.
Filwaqt li l-appoġġ tekniku jkun jikkontribwixxi lejn it-titjib tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri kollha tal-UE, inċentivi finanzjarji addizzjonali jgħinu biex jingħata stimolu għat-twettiq tar-riformi. Barra minn hekk, Faċilità ta’ Konverġenza dedikata li tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju mmirat lill-Istati Membri li jixtiequ jadottaw l-euro se tippermetti li tingħata għajnuna għat-tħejjija għal parteċipazzjoni b’suċċess fiż-żona tal-euro, tissaħħaħ ir-reżiljenza u tiġi promossa konverġenza ikbar fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
L-ISTRUTTURA TAL-PROGRAMM IL-ĠDID
Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi se jkollu baġit globali ta’ EUR 25 biljun u s-sħubija fil-Programm se tkun kompletament volontarja. Il-Programm se joffri appoġġ finanzjarju u tekniku għal riformi prijoritarji fil-livell nazzjonali. Ser ikun fih dawn l-istrumenti:
·L-Għodda għat-Twettiq ta' Riformi li se tipprovdi appoġġ finanzjarju fl-Istati Membri kollha għal riformi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew;
·Strument ta’ Appoġġ Tekniku mfassal apposta offrut lill-Istati Membri (estensjoni tal-Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali attwali), fuq talba tagħhom, li se jkollu l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri fit-tħejjija, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi li jsaħħu t-tkabbir; kif ukoll;
·Il-Faċilità ta’ Konverġenza biex tipprovdi appoġġ finanzjarju u tekniku apposta lill-Istati Membri li jkun iridu jadottaw l-euro.
Salvagwardji xierqa fit-tfassil tal-Għodda għat-Twettiq ta' Riformi, bħall-pagament fi tmiem l-implimentazzjoni tal-impenji ta’ riforma tal-Istati Membri, l-identifikazzjoni tar-riformi fi ħdan is-Semestru Ewropew, id-diskussjoni tal-proposti għall-impenji ta’ riforma fil-Kumitat tal-Politika Ekonomika (f’konsultazzjoni fejn meħtieġ mal-Kumitati rilevanti stabbiliti skont it-Trattati) jew is-sospensjoni u l-kanċellazzjoni ta’ pagament fil-każ ta’ l-impenji ta’ riforma mhux kompluti jew mhux mitmuma, se jiżguraw li r-riskju ta’ periklu morali jkun limitat.
|
|
Min jappoġġa liema għażla?
|
|
Evidenza li ssostni l-appoġġ tekniku msaħħaħ fl-għoti ta’ appoġġ tekniku permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP), adottat fl-2017 u li qablu l-appoġġ kien jingħata permezz tat-Task Force għall-Greċja (TFGR), u tal-Grupp ta’ Appoġġ għal Ċipru (SGCY), li l-istrutturi (ad hoc) tagħhom it-tnejn ġew integrati fis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali. Minn meta daħal fis-seħħ l-SRSP, il-Programm intuża ferm u ferm mill-Istati Membri, b’talbiet għal appoġġ li qabżu b’mod sinifikanti l-ammont ta’ finanzjament disponibbli għaċ-ċikli annwali tiegħu. Barra minn hekk, is-sopradomanda għall-ammonti disponibbli taħt l-SRSP, abbażi tal-feedback li wasal mingħand l-Istati Membri u mill-osservazzjonijiet preliminari mill-implimentazzjoni tal-proġetti inizjali tal-SRSP fuq il-post, l-SRSP jidher li qed jimla lakuna fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali billi jappoġġa lill-Istati Membri f’diversi stadji tal-proċess ta’ riforma. L-Istati Membri japprezzaw li n-natura volontarja tal-Programm, il-fatt li l-appoġġ jingħata b’mod rapidu, mingħajr kofinanzjament mill-baġits nazzjonali u b’piż amministrattiv pjuttost baxx, u l-iskambju tal-għarfien espert ma’ Stati Membri jew esperti oħra. L-SRSP jikkontribwixxi b’mod qawwi għall-implimentazzjoni konsistenti tal-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni, għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet li jindirizzaw kwistjonijiet transfruntiera u għall-isfidi tal-Unjoni kollha. F’ċerti każijiet, l-appoġġ ippermetta wkoll li l-finanzjament jiġi ingranat bi programmi oħra tal-Unjoni, pereżempju billi jgħinu biex jitħejjew aħjar il-proġetti taħt il-FSIE, jew biex jintegraw — permezz ta’ dawn il-proġetti — aspetti mhux koperti mill-FSIE.
Fir-rigward tal-Għodda għat-Twettiq ta' Riformi, peress li din hija strument ġdid, il-Kummissjoni ġabret l-ideat dwar id-disinn ta’ din l-għodda futura minn għadd ta’ workshops tekniċi organizzati f’kull Stat Membru tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrikonoxxew il-ħtieġa li jsir xi ħaġa dwar ir-riformi strutturali u laqgħu tajjeb li jkun hemm għodda ġdida li tinċentiva r-riformi. Fl-istess ħin, huma enfasizzaw il-ħtieġa li tingħata aktar sjieda fuq l-implimentazzjoni tar-riformi lill-Istati Membri. L-inputs mill-Istati Membri miġbura matul il-workshops ġew ikkunsidrati fit-tfassil tal-Għodda għat-Twettiq ta' Riformi, partikolarment id-disponibbiltà tal-Programm għall-Istati Membri kollha tal-UE, il-koordinazzjoni mal-FSIE, l-allokazzjoni ta’ fondi għall-Istati Membri kollha, is-salvagwardji kontra l-periklu morali u r-rabta mas-Semestru Ewropew.
|
|
C. Impatti tal-għażla preferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
L-impatti tal-Programm se jiddependu mir-riformi li l-Istati Membri se jipproponu u jimplimentaw fil-kuntest tal-Għodda għat-Twettiq ta' Riformi jew mit-tip ta’ appoġġ tekniku li se jitolbu u jużaw fil-qafas tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku. B’mod ġenerali, il-Programm huwa mistenni li jgħin biex titjieb l-implimentazzjoni batuta u mhux uniformi tar-riformi u biex jitnaqqas id-distakk bejn il-ħtieġa u r-rieda li jitlestew ir-riformi strutturali, b’enfażi fuq dawk ir-riformi li jsaħħu l-koeżjoni u l-kompetittività, iżidu l-produttività, iħeġġu t-tkabbir u l-impjiegi u jtejbu r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-Unjoni. Għalhekk, huwa mistenni li jiġġenera impatti pożittivi fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, l-iżvilupp sostenibbli u r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)?
|
|
It-tfassil tal-Programm huwa tali li jimminimizza l-kostijiet amministrattivi u tranżazzjonarji, kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri. Id-djalogu bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar il-proposti ta’ riforma se jimmiraw li jantiċipaw u jimmitigaw l-impatti negattivi possibbli li jistgħu jseħħu (pereżempju impatti ambjentali jew soċjali negattivi possibbli jew effetti ridistributtivi), permezz ta’ miżuri ta’ akkumpanjament jew ta azzjonijiet ta’ mitigazzjoni tar-riskju. L-appoġġ finanzjarju jista’ jintuża wkoll biex ipaċi l-impatti negattivi potenzjali.
|
|
Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?
|
|
Implimentazzjoni aħjar tar-riformi strutturali fis-settur tat-tkabbir u tal-ambjent tan-negozju toħloq kundizzjonijiet aħjar għat-twettiq ta’ negozju u tista’ għalhekk ikollha effett pożittiv fuq l-ambjent tan-negozju.
|
|
Ser ikun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Ir-riformi strutturali jistgħu jimponu kostijiet ta’ terminu qasir fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali. L-appoġġ finanzjarju jgħin biex ipaċi l-impatti negattivi qabel ma jimmaterjalizzaw il-benefiċċji fit-tul. L-appoġġ tekniku jista’ jiffoka b’mod partikolari fuq riformi mmirati lejn it-titjib tal-ġestjoni tad-dħul jew tal-ġestjoni finanzjarja pubblika, u b’hekk ikollu impatt pożittiv fuq il-baġits nazzjonali. Il-Programm se jfittex ukoll li jtejjeb il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri.
|
|
Kif se tkun żgurata l-komplementarjetà ma’ fondi oħra tal-Unjoni?
|
|
Il-Programm ta’ Appoġġ għar-Riformi jipprevedi komplementarjetà u sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jikkomplementa l-gwida tal-politika pprovduta taħt is-Semestru Ewropew u billi jgħin jistimola l-użu tal-FSIE.
Filwaqt li l-FSIE jimmiraw li jipprovdu finanzjament għal investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, l-Għodda għat-Twettiq ta’ Riformi futura se jkollha l-għan li tinċentiva r-riformi strutturali u b’hekk ittejjeb il-kundizzjonijiet qafas għall-investiment. L-impatt tal-investimenti jista’ jissaħħaħ ferm jekk jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas ideali. Fl-istess ħin, l-investimenti taħt il-FSIE jistgħu jkunu ta’ appoġġ għal xi riforma partikolari. Il-FSIE u l-Programm ta’ Appoġġ għar-Riformi għalhekk se jkunu ta’ rinforz reċiproku.
Sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet proposti għal implimentazzjoni skont il-Programm ikunu komplementari u ma jkunux jikkoinċidu ma’ programmi u fondi oħra tal-Unjoni (il-Fondi tal-Unjoni futuri), il-koordinazzjoni għat-tliet strumenti kollha se tiġi żgurata fi ħdan l-arranġamenti ta’ ħidma interna tal-Kummissjoni.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Programm kollu u se tkejjel il-kisba tal-għanijiet ġenerali u speċifiċi permezz ta’ qafas ta’ monitoraġġ u indikaturi xierqa. Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu u evalwazzjoni ex post għal kull strument se titwettaq sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm. L-evalwazzjonijiet se jitwettqu fil-ħin sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-preparazzjoni tal-programm li jmiss. Il-Kummissjoni se tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
|