IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.4.2018
SWD(2018) 125 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
Gwida dwar il-qsim tad-data tas-settur privat
fl-ekonomija tad-data Ewropea
Li jakkumpanja d-dokument
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni
"Għal spazju tad-data komuni Ewropew"
{COM(2018) 232 final}
1. Introduzzjoni
L-innovazzjoni bbażata fuq id-data hi abilitant importanti tat-tkabbir u tal-impjiegi fl-Ewropa. L-importanza tad-data miġbura onlajn, l-importanza dejjem akbar tad-data ġġenerata minn oġġetti konnessi mal-Internet tal-Oġġetti (IoT), id-disponibbiltà li qed tiżdied tal-għodod analitiċi tal-Big Data u l-feġġa ta’ disponibbiltà mifruxa ta’ ċerti applikazzjonijiet tal-Intelliġenza Artifiċjali huma xprunaturi tekniċi ewlenin. In-natura mingħajr rivali tad-data, li tagħmilha possibbli li l-istess data ssostni firxa ta’ prodotti jew ta’ servizzi ġodda jew ta’ metodi tal-produzzjoni ġodda, tissuġġerixxi li tista’ ssir effiċjenti li l-kumpaniji jaqsmu aktar data li jżommu ma’ kumpaniji oħra biex il-valur li jirriżulta mid-data jkun jista’ jiġi sfruttat kemm jista’ jkun.
Mudelli tan-negozju ġodda xprunati mid-data li jibnu fuq dawn il-motivaturi tekniċi huma opportunità mhux biss għall-kumpaniji l-kbar, iżda anki għall-SMEs u għan-negozji ġodda fl-Ewropa. B’mod simili, is-settur pubbliku qed jibda jaħtaf l-opportunitajiet tal-innovazzjoni bbażata fuq id-data. In-negozji diġà qed jibbenefikaw mill-aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku disponibbli bħala Data Miftuħa
kif ukoll mill-qsim tad-data bejniethom. Madankollu, l-SMEs u n-negozji ġodda għadhom qed jaffaċċjaw ostakli meta jqiegħdu d-data tagħhom għad-dispożizzjoni jew meta jerġgħu jużaw id-data minn kumpaniji oħra. Dan hu l-każ b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ data mhux personali ġġenerata mill-magni. Bl-istess mod, il-korpi tas-settur pubbliku jridu jimmodernizzaw il-mod li jaħdmu bih u jisfruttaw il-potenzjal ta’ sorsi ġodda ta’ data biex isiru aktar ibbażati fuq id-data u kosteffiċjenti. Iċ-ċittadini u n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, huma mistennija jibbenefikaw minn dan. Filwaqt li f’ċerti każijiet is-servizzi rilevanti bbażati fuq id-data jistgħu jinkisbu mis-suq, f’każijiet oħra jista’ jkun neċessarju li s-settur pubbliku janalizza b’mod dirett id-data miżmuma minn kumpanija privata jew iwaqqaf il-kisba regolari tad-data, eż. għall-fini ta’ statistiki uffiċjali. Din id-data jaf mhux dejjem tkun aċċessibbli għas-settur pubbliku bħala riżultat tat-tħassib rigward il-kunfidenzjalità tad-data jew ir-riskji perċepiti għall-interessi kummerċjali tal-kumpaniji. Dan jissuġġerixxi li l-kwistjonijiet ta’ provvista u ta’ użu (mill-ġdid) tad-data (“qsim tad-data”) iridu jiġu indirizzati f’żewġ sitwazzjonijiet: minn negozju għal negozju (B2B) u minn negozju għall-gvern/għas-settur pubbliku (B2G).
Il-Kummissjoni diġà pproponiet miżuri biex ittejjeb id-disponibbiltà tad-data għan-negozji. Bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u bid-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika
, l-UE stabbilixxiet qafas solidu għall-ipproċessar ta’ data personali u ta’ data tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, maħsub biex toħloq fiduċja diġitali li hi prekundizzjoni importanti għal kwalunkwe qsim tad-data. Dan il-qafas iwitti t-triq għal vantaġġ kompetittiv fil-ġejjieni għall-atturi kummerċjali Ewropej biex jisfruttaw it-teknoloġiji tad-data bis-sħiħ. Barra minn hekk, il-proposta għal Regolament dwar il-fluss liberu ta’ data mhux personali
se tagħmilha aktar faċli biex it-tali data tiġi ttrasferita fi ħdan l-UE.
Bil-Komunikazzjoni “Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Data” tal-10 ta’ Jannar 2017
, il-Kummissjoni pproponiet l-ewwel deskrizzjoni tal-problemi potenzjali tal-aċċess għad-data, b’mod partikolari fir-rigward ta’ data ġġenerata mill-magni u fir-rigward tar-relazzjonijiet mill-pjattaforma għan-negozji. Din semmiet ukoll l-importanza tal-aċċess għal data tas-settur privat għall-finijiet ta’ interess pubbliku.
Sar djalogu mifrux fost il-partijiet ikkonċernati fuq il-bażi ta’ dik il-Komunikazzjoni. Dan ikkonkluda li t-tema inkwistjoni ma tiġġustifikax intervent leġiżlattiv orizzontali f’dan l-istadju, u li gwida tkun aktar xierqa
.
Fil-Komunikazzjoni li jakkumpanja dan id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
, il-Kummissjoni tiddefinixxi sensiela ta’ prinċipji ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati biex l-interazzjonijiet tad-data f’sitwazzjonijiet minn negozju għal negozju u minn negozju għall-gvern ikunu suċċess għall-partijiet involuti kollha.
Barra minn hekk, dan id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għandu l-għan li jipprovdi sett ta’ għodod għal kumpaniji li huma detenturi tad-data, utenti tad-data, jew it-tnejn fl-istess ħin. Għal dan l-għan, dan fih gwida ta’ tagħrif dwar l-aspetti legali, kummerċjali u tekniċi tal-qsim tad-data li jistgħu jintużaw fil-prattika meta jiġu kkunsidrati u jitħejjew it-trasferimenti tad-data bejn il-kumpaniji li jkunu ġejjin mill-istess setturi jew minn setturi differenti.
Il-gwida pprovduta f’dan id-dokument hi mfassla għas-setturi kollha tal-ekonomija. Minħabba d-differenza fl-istruttura tas-swieq individwali, din jaf ikollha bżonn tiġi kkumplimentata b’miżuri speċifiċi għas-settur.
Finalment, dan id-dokument ma jikkostitwixxix dikjarazzjoni tal-liġi u hu mingħajr ħsara għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ). Dan ma jorbotx lill-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
2. Prinċipji għal qsim tad-data minn negozju għal negozju (B2B) u minn negozju għal gvern (B2G)
Il-Komunikazzjoni li jakkumpanja dan id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tiddefinixxi l-prinċipji li ġejjin biex tiżgura swieq ġusti għall-oġġetti tal-IoT u għal prodotti u għal servizzi li jibbażaw fuq id-data maħluqa mit-tali oġġetti:
a)
Trasparenza: Il-ftehimiet kuntrattwali rilevanti jenħtieġ jidentifikaw b’mod trasparenti u li jinftiehem (i) il-persuni jew l-entitajiet li se jkollhom aċċess għad-data li tiġi ġġenerata mill-prodott jew mis-servizz, it-tip ta’ din id-data, u f’liema livell ta’ dettall; u (ii) l-iskopijiet għall-użu ta’ din id-data.
b)
Ħolqien ta’ valur kondiviż: Il-ftehimiet kuntrattwali rilevanti jenħtieġ jagħrfu li, meta d-data tiġi ġġenerata bħala prodott sekondarju tal-użu ta’ prodott jew ta’ servizz, ikun hemm diversi partijiet li taw kontribut tagħhom favur il-ħolqien tad-data.
c)
Rispett għall-interessi kummerċjali ta’ xulxin: Il-ftehimiet kuntrattwali rilevanti jenħtieġ jindirizzaw l-ħtieġa li jitħarsu l-interessi kummerċjali u s-sigrieti tad-detenturi tad-data u tal-utenti tad-data.
d)
Żgurar ta’ kompetizzjoni mhux imxekkla: Il-ftehimiet kuntrattwali rilevanti jeħtieġ li jindirizzaw il-ħtieġa li tkun żgurata kompetizzjoni mhux imxekkla waqt l-iskambju ta’ data kummerċjalment sensittiva.
e)
Tnaqqis għall-minimu tal-intrappolament tad-data: Il-kumpaniji li joffru prodott jew servizz li jiġġenera data bħala prodott sekondarju jenħtieġ jippermettu u jiffaċilitaw l-portabbiltà tad-data kemm jista’ jkun
. Jenħtieġ li dawn iqisu wkoll, meta possibbli u b’konformità mal-karatteristiċi tas-suq fejn joperaw, li joffru l-istess prodott jew servizz mingħajr trasferimenti tad-data jew bi trasferimenti limitati tad-data flimkien mal-prodotti jew mas-servizzi li jinkludu dawn it-trasferimenti tad-data.
Il-Komunikazzjoni tiddikjara wkoll li r-rispett tal-prinċipji li ġejjin jista’ jsostni l-provvista ta’ data tas-settur privat lil korpi tas-settur pubbliku permezz ta’ kundizzjonijiet preferenzjali għall-użu mill-ġdid:
a)
Il-proporzjonalità fl-użu tad-data tas-settur privat: It-talbiet għall-forniment ta’ data tas-settur privat b’kundizzjonijiet preferenzjali għall-użu mill-ġdid jenħtieġ jiġu ġġustifikati b’interess pubbliku ċar u dimostrabbli. It-talba għal data tas-settur privat jenħtieġ tkun adegwata u rilevanti għall-iskop maħsub ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonat mil-lat ta’ dettalji, rilevanza u protezzjoni tad-data. L-ispiża u l-isforz meħtieġa għall-forniment u l-użu mill-ġdid tad-data tas-settur privat jenħtieġ ikunu raġonevoli meta mqabbla mal-benefiċċji pubbliċi mistennija.
b)
Limitazzjoni tal-iskop: L-użu tad-data tas-settur privat jenħtieġ jiġi limitat b’mod ċar għal wieħed jew diversi skopijiet li jridu jiġu speċifikati b’mod ċar kemm jista’ jkun fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jistabbilixxu l-kollaborazzjoni bejn in-negozji u l-gvern. Dawn jistgħu jinkludu limitazzjoni b’rabta mat-tul taż-żmien għall-użu ta’ din id-data. Il-kumpanija tas-settur privat jenħtieġ tirċievi assigurazzjonijiet speċifiċi li d-data miksuba mhux se tintuża għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji mhux relatati; id-dispożizzjonijiet legali u etiċi stretti li jirregolaw il-kunfidenzjalità tal-istatistika fis-Sistema Statistika Ewropea jistgħu jservu bħala mudell f’dan ir-rigward.
c)
“Tagħmilx ħsara”: Kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern b’rabta mad-data jenħtieġ tiżgura li jiġu rispettati l-interessi leġittimi, l-aktar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u informazzjoni oħra kummerċjalment sensittiva. Kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern b’rabta mad-data jenħtieġ tippermetti li l-kumpaniji jibqgħu jkunu jistgħu jimmonetizzaw l-għarfien miksub mid-data inkwistjoni fir-rigward ta’ partijiet interessati oħrajn.
d)
Kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid tad-data: Kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern b’rabta mad-data jenħtieġ tara li tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat filwaqt li tagħraf l-għan aħħari ta’ interess pubbliku billi tagħti trattament preferenzjali lill-korp tas-settur pubbliku fuq klijenti oħrajn.
Jenħtieġ li din toħroġ fid-deher b’mod partikolari fil-livell ta’ kumpens miftiehem billi dan ikun jista’ jintrabat mal-iskop maħsub ta’ interess pubbliku.
Jenħtieġ li kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern b’rabta mad-data li tinvolvi l-istess awtoritajiet pubbliċi li jwettqu l-istess funzjonijiet, tiġi trattata b’mod mhux diskriminatorju.
Kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern b’rabta mad-data jenħtieġ tnaqqas il-bżonn ta’ tipi oħra ta’ ġbir tad-data, bħall-istħarriġiet. Dan jenħtieġ inaqqas il-piż ġenerali minn fuq iċ-ċittadini u l-kumpaniji.
e)
Mitigazzjoni tal-limitazzjonijiet tad-data tas-settur privat: Biex jindirizzaw il-limitazzjonijiet potenzjali tad-data tas-settur privat, inkluż il-preġudizzju inerenti potenzjali, il-kumpaniji li jfornu d-data jenħtieġ jagħtu appoġġ raġonevoli u proporzjonat biex jgħinu fil-valutazzjoni tal-kwalità tad-data għall-iskopijiet speċifikati, inkluż permezz tal-possibbiltà li jawditjaw jew inkella jivverifikaw id-data, meta dan ikun xieraq. Il-kumpaniji ma għandhomx ikunu meħtieġa jtejbu l-kwalità tad-data inkwistjoni. Min-naħa tagħhom, il-korpi pubbliċi jenħtieġ jiżguraw li d-data mingħand sorsi differenti tiġi pproċessata b’mod li tkun evitata l-possibbiltà ta’ “preġudizzju fl-għażla”.
f)
It-trasparenza u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà: Kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern jenħtieġ tkun trasparenti dwar il-partijiet għall-ftehim u l-għanijiet tagħhom. L-għarfien tal-korpi pubbliċi u l-aqwa prattiki tal-kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern għandu jkun disponibbli għall-pubbliku sakemm dan ma jkunx jikkomprometti l-kunfidenzjalità tad-data.
3. Qsim tad-data minn negozju għal negozju (B2B) – gwida ta’ tagħrif
Il-provvista u l-użu mill-ġdid tad-data f’relazzjonijiet B2B jistgħu jieħdu diversi forom f’termini tal-mekkaniżmi tekniċi, tal-mudelli tan-negozju sottostanti u tal-mezz legali li jsostni l-arranġament ta’ qsim tad-data B2B. Din it-taqsima tiddeskrivi wħud minnhom f’aktar dettall.
3.1. Mudelli ta’ qsim tad-data B2B
Il-mudelli tan-negozju sottostanti tal-qsim tad-data jistgħu jvarjaw b’mod kemxejn sostanzjali u dawn jiddependu ħafna mit-tip ta’ data inkwistjoni u mill-interess kummerċjali strateġiku. Dawn ivarjaw minn approċċ tad-Data Miftuħa sa sħubijiet esklużivi għad-data ma’ parti waħda biss:
a)Approċċ tad-Data Miftuħa: Approċċ tad-Data Miftuħa, li bih id-data inkwistjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni mill-fornitur tad-data għal firxa, fil-prinċipju, miftuħa ta’ utenti (mill-ġdid) bl-anqas restrizzjonijiet possibbli u b’ebda remunerazzjoni jew b’remunerazzjoni limitata ħafna, jista’ jingħażel meta l-fornitur tad-data jkollu interess qawwi fl-użu mill-ġdid tad-data. Eżempji ta’ dawn huma fornituri ta’ servizzi li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minn ekosistema ta’ żviluppaturi terzi ta’ applikazzjoni biex jilħqu lill-klijenti finali.
b)Monetizzazzjoni tad-data f’suq tad-data: Il-monetizzazzjoni jew in-negozjar tad-data jistgħu jseħħu permezz ta’ suq tad-data bħala intermedjarju fuq il-bażi ta’ kuntratti bilaterali għal remunerazzjoni. Dan jista’ jkun interessanti għal kumpaniji li ma jkunux jafu b’utenti mill-ġdid potenzjali għad-data tagħhom u jkollhom l-għan li jagħmlu sforzi ta’ monetizzazzjoni ta’ darba minn fuq id-data. Dan il-mekkaniżmu jidher li jkun xieraq meta (1) ikun hemm riskji limitati ta’ użu illeċitu tad-data inkwistjoni, jew (2) il-fornitur tad-data jkollu raġunijiet validi għaliex jista’ jafda lill-utent (mill-ġdid), jew inkella (3) il-fornitur tad-data jkollu mekkaniżmi tekniċi li jipprevjenu jew jidentifikaw użu illeċitu. Termini kuntrattwali mudell jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż ta’ tfassil ta’ ftehimiet dwar l-użu tad-data.
c)Skambju tad-data fi pjattaforma magħluqa: L-iskambju tad-data jista’ jseħħ fi pjattaforma magħluqa, jew imwaqqfa minn attur prinċipali wieħed f’ambjent ta’ qsim tad-data jew minn intermedjarju indipendenti. F’dan il-każ, id-data trid tiġi fornuta wara li titħallas remunerazzjoni monetarja jew jiġu pprovduti servizzi b’valur miżjud, ipprovduti, eż. fil-pjattaforma. Din is-soluzzjoni tippermetti li jiġu offruti servizzi b’valur miżjud u, b’hekk, tipprovdi għal soluzzjoni aktar komprensiva għal sħubijiet aktar stabbli tad-data u tippermetti għal aktar mekkaniżmi ta’ kontroll dwar l-użu li jsir mid-data; klawsoli kuntrattwali mudell jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż ta’ tfassil ta’ ftehimiet dwar l-użu tad-data. Meta l-qsim tad-data jkun esklużiv, dan ikollu bżonn jikkonforma mar-regoli tal-kompetizzjoni
.
Varjazzjonijiet u kombinazzjonijiet ta’ dawn il-mudelli huma possibbli u jridu jiġu adattati għal kull ħtieġa kummerċjali konkreta. It-terminu “qsim tad-data” jintuża biex jiġu deskritti l-forom u l-mudelli possibbli kollha li huma fil-bażi tal-aċċess jew tat-trasferiment B2B tad-data.
3.2. L-aspetti legali tal-qsim tad-data: ftehimiet dwar l-użu jew il-liċenzjar tad-data
Il-qsim tad-data B2B tipikament jiġi implimentat fuq il-bażi ta’ kuntratti. Fi ftehimiet dwar l-użu jew il-liċenzjar tad-data, il-partijiet jaqblu fuq is-suġġett u l-valur tal-kuntratt kif ukoll fuq il-modalitajiet l-oħra kollha mniżżla fil-klawsoli kuntrattwali. Ftehimiet ta’ monetizzazzjoni tad-data mhux bilfors ikunu ta’ natura bilaterali iżda jistgħu jiġu konklużi bejn partijiet multipli wkoll.
It-tfassil tal-klawsoli kuntrattwali rilevanti għall-ftehimiet dwar l-użu jew il-liċenzjar tad-data jeħtieġ attenzjoni speċjali biex tinżamm konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti, b’mod partikolari mal-leġiżlazzjoni li tkun tipprevjeni l-qsim tad-data jew tagħmlu soġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-interessi strateġiċi ta’ kull parti u l-kompetizzjoni jiġu preservati.
Diġà qed jiġu żviluppati klawsoli kuntrattwali mudell għal tipi differenti ta’ ftehimiet dwar il-qsim tad-data u għal ċerti setturi jew tipi ta’ qsim tad-data. Il-Kummissjoni, permezz ta’ Ċentru ta’ Appoġġ għall-qsim tad-data li se jibda jopera minn kmieni fl-2019, qed tippjana li tiġbor l-aħjar prattiki, il-klawsoli kuntrattwali mudell eżistenti u l-listi ta’ kontroll
.
Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jistgħu jgħinu lill-kumpaniji meta jħejju u/jew jinnegozjaw ftehimiet dwar l-użu tad-data:
a)Liema data għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni?
-Iddeskrivi d-data li int tixtieq taqsam bl-aktar mod konkret u preċiż possibbli (eż. data dwar ir-R&Ż, data dwar il-klijenti, data djanjostika), inklużi l-livelli ta’ aġġornamenti li huma mistennija fil-futur. Meta r-riżorsi interpretattivi li jagħmlu l-analitika possibbli (eż. metodi, mudelli) jinqasmu flimkien ma’ settijiet ta’ data, dawn għandhom jiġu deskritti.
-X’livelli ta’ kwalità jistgħu jiġu assigurati għad-data, anki maż-żmien? Id-data maqsuma trid tkun ta’ kwalità tajba, jiġifieri preċiża, affidabbli u, meta jkun hemm bżonn, aġġornata. Żgura li d-data ma tkunx nieqsa, duplikata, mhux strutturata. Speċifika s-sors/l-oriġini tad-data u kif inġabret/inbniet. Jista’ jiġi stabbilit mekkaniżmu għar-rapportar ta’ żball fid-data.
-Il-qsim tad-data jikkonċerna sett ta’ data jew fluss ta’ data?
-Żgura li tinżamm konformità mal-obbligi legali li jistgħu jipprojbixxu l-aċċess jew it-trasferiment tad-data inkwistjoni għal oħrajn. Żgura r-rispett tad-drittijiet li oħrajn jista’ jkollhom fuq id-data. Ivverifika d-drittijiet dwar il-kontenut rappreżentat mid-data (drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u industrijali).
-Żgura r-rispett tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Fost l-oħrajn ivverifika li jkun hemm bażi ġuridika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.
b)Min jista’ jaċċessa u (jerġa’) juża d-data inkwistjoni?
-Żgura li l-kuntratt jiddefinixxi b’mod trasparenti, ċar u li jinftiehem min ikollu dritt ta’ aċċess, dritt ta’ użu (mill-ġdid), u dritt ta’ distribuzzjoni tad-data u f’liema kundizzjonijiet. Speċifika jekk u kif id-data tista’ tiġi lliċenzjata għall-użu mill-ġdid. Kun ċar(a) meta tispjega l-kundizzjonijiet tal-liċenzji għall-użu mill-ġdid u għad-distribuzzjoni tad-data. Il-ħtiġijiet tas-subliċenzjar li jridu jiġu kkunsidrati wkoll: dan għandu jiġi eskluż b’mod speċifiku jew inkella l-kundizzjonijiet li fihom jiġi awtorizzat u għal liema tipi ta’ datagħandhom jiġu speċifikati
-Id-dritt ta’ aċċess u ta’ użu (mill-ġdid) tad-data ma għandux bżonn ikun illimitat. Il-ftehim jista’, pereżempju, jillimita d-dritt ta’ aċċess: pereżempju, għal membri ta’ gruppi professjonali speċifiċi biss (eż. bdiewa) jew jorbtu ma’ ċerti skopijiet ta’ użu tad-data (eż. għal użu kummerċjali limitat).
c)L-utent (mill-ġdid) x’jista’ jagħmel bid-data?
-Fin-negozjati tal-kuntratti, l-utent (mill-ġdid) għandu jkun trasparenti u ċar kemm jista’ jkun dwar kif se tintuża d-data, inkluż mill-partijiet downstream. Dan jiżgura trasparenza u jżid il-fiduċja tal-fornitur tad-data.
-Speċifika l-użu eżatt li jista’ jsir mid-data, inklużi d-drittijiet fuq id-derivattivi tad-data (analitika).
-Iddefinixxi regoli dwar in-nuqqas ta’ divulgazzjoni rigward il-partijiet downstream.
d)Iddefinixxi l-mezzi tekniċi għall-aċċess u/jew għall-iskambju tad-data, inklużi
-Il-frekwenza tal-aċċess għad-data u t-tagħbijiet massimi;
-Ir-rekwiziti tas-sigurtà tal-IT;
-Il-livelli ta’ servizz għall-appoġġ.
e)X’data għandi bżonn nipproteġi u kif nipproteġiha?
-Żgura li jkun hemm fis-seħħ il-miżuri xierqa ta’ protezzjoni tad-data. Dawn il-miżuri għandhom japplikaw għal tranżazzjonijiet ta’ qsim tad-data u għall-ħżin tad-data peress li d-data tista’ tkun soġġetta għal serq jew għal użu ħażin minn gruppi tal-kriminalità organizzata u minn hackers individwali. Id-data tista’ tiġi rilaxxata b’mod aċċidentali wkoll, pereżempju permezz ta’ żball tal-bniedem jew minħabba problema teknika. Id-data tista’ tkun soġġetta għal aċċess jew għal divulgazzjoni mhux awtorizzati wkoll jew inkella tista’ tintilef.
-Żgura l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, ta’ liċenzji, ta’ privattivi, ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. L-ebda parti ma għandu jkollha l-għan li tiġbor lura informazzjoni sensittiva mingħand il-parti l-oħra bħala riżultat tal-iskambji ta’ data.
f)Inkludi regoli dwar id-dispożizzjonijiet tar-responsabbiltà għall-provvista ta’ data żbaljata, qtugħ fit-trażmissjoni tad-data, ħidma interpretattiva ta’ kwalità baxxa, jekk jinqasmu ma’ settijiet ta’ data, jew għal qerda/għal telf jew għal alterazzjoni tad-data (jekk illegali jew aċċidentali) li potenzjalment tista’ tikkawża ħsarat.
g)Iddefinixxi d-drittijiet taż-żewġ partijiet biex iwettqu awditi dwar ir-rispett tal-obbligi reċiproċi.
h)X’inhi d-durata maħsuba tal-kuntratt? Xi drittijiet hemm għat-terminazzjoni tal-kuntratt? X’avviż jingħata lis-sħab tiegħek?
i)Ftiehem dwar id-dritt applikabbli u l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim.
3.3. L-aspetti tekniċi tal-qsim tad-data
Hemm numru ta’ mekkaniżmi tekniċi għall-qsim tad-data fil-kuntest B2B. Uħud mill-mekkaniżmi tekniċi jistgħu jipprovdu regoli dwar l-użu tad-data filwaqt li joffru ambjent fdat u sigur għall-iskambju ta’ settijiet ta’ data
.
Tista’ ssir distinzjoni bejn tliet tipi ta’ mekkaniżmi: (a) id-detentur tad-data jagħmel id-data magħżula disponibbli b’mod dirett għal numru akbar ta’ utenti mill-ġdid, eż. permezz ta’ Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet; (b) id-detentur tad-data jagħmel id-data magħżula disponibbli permezz ta’ intermedjarju (suq tad-data) għal utent mill-ġdid wieħed jew aktar b’kontroll limitat fuq l-użu sussegwenti; (c) id-detentur tad-data jagħmel id-data magħżula disponibbli permezz ta’ intermedjarju (spazju jew pjattaforma tad-data) għal utent mill-ġdid wieħed jew aktar f’ambjent li jippermetti kontroll u traċċabbiltà akbar tal-użu sussegwenti.
a)Qsim tad-data minn wieħed għal ħafna permezz ta’ Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (API) jew permezz ta’ Pjattaforma tad-Data Industrijali: Ċerti kumpaniji li huma involuti f’interazzjonijiet tad-data ma’ oħrajn qed jużaw mekkaniżmi unilaterali biex jippermettu b’mod tekniku l-aċċess għad-data bħal APIs jew pjattaformi speċifiċi li huma stabbilixxew għall-ħżin, għall-ipproċessar u għall-iskambju ta’ data.
Il-ftuħ tal-aċċess għall-partijiet terzi għad-data permezz ta’ APIs pubbliċi, jiġifieri API aċċessibbli għal pubbliku usa’ u mhux biss għal partijiet fl-istess organizzazzjoni, qed isir dejjem aktar komuni. In-numru ta’ APIs żdied b’mod drammatiku mill-2010 u għadu jagħmel dan
.
L-APIs jistgħu jippermettu lil ċerti ditti b’mod partikolari biex jużaw jew jerġgħu jużaw faċilment id-data kummerċjali. APIs faċli għall-utenti u mfassla sew jgħinu biex jinħolqu u jiġu espanduti ekosistemi bi prodotti ġodda u innovattivi li jużaw data li diġà nġabret.
L-APIs għandhom il-potenzjal li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, biex b’hekk l-applikazzjonijiet tas-softwer ikunu jistgħu jiskambjaw settijiet ta’ data u flussi ta’ data
. B’mod inerenti, l-APIs jistgħu jinkludu speċifikazzjonijiet tas-settijiet ta’ data huma stess u jistgħu joffru f’livell tekniku l-ġestjoni tad-drittijiet ta’ aċċess.
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tħeġġeġ
lill-kumpaniji kollha minn madwar l-Ewropa biex jikkunsidraw l-użu ta’ APIs miftuħa, standardizzati u dokumentati sew b’mod aktar mifrux. Dan jista’ jinkludi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data f’formats li jinqraw mill-magni u l-provvista tal-metadata assoċjata.
|
TomTom hi kumpanija Olandiża li tipproduċi prodotti tat-traffiku, tan-navigazzjoni u tal-immappjar. Skont is-sejbiet reġistrati minn studju ffinanzjat mill-Kummissjoni
, ħafna mid-dħul mill-attivitajiet tal-kumpanija jiġi mid-data (mapep u servizzi onlajn) liċenzjata lil kumpaniji oħra.
TomTom toffri Interfaċċi għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet
għall-iżviluppaturi bħala mezz ta’ aċċess tad-data.
Skont TomTom, dan għandu l-vantaġġi li ġejjin meta mqabbel ma’ mezzi tekniċi oħra għall-qsim tad-data:
-Aċċess ħafif u veloċi għad-data
-Monitoraġġ tal-użu tad-data
-Verifika tal-ksur tal-kuntratt
-Azzjoni rapida dwar każijiet ta’ użu ħażin tad-data (jiġifieri terminazzjoni jew sospensjoni tal-aċċess għad-data)
|
Kumpaniji, b’mod partikolari kumpaniji kbar, jiżviluppaw ukoll pjattaformi dedikati tad-data biex jimmaniġġjaw l-interazzjonijiet regolari tad-data ma’ partijiet terzi. Dawn joffru funzjonalitajiet addizzjonali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ skambju tad-data, b’mod partikolari għal skambju bidirezzjonali tad-data, għall-ħżin fil-pjattaforma u biex jiġu pprovduti servizzi addizzjonali b’mod supplimentari għad-data (ibbażati fuq l-analitika tad-data).
|
Airbus hi korporazzjoni multinazzjonali Ewropa li tfassal, timmanifattura, u tbigħ prodotti tal-ajrunawtika ċivili u militari.
Wara li użat diversi modi kif tqiegħed id-data għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet u tas-sħab kummerċjali, f’Ġunju 2017 Airbus nediet Skywise
– “pjattaforma diġitali onlajn għall-avjazzjoni”.
Kumpaniji klijenti jagħmlu d-data disponibbli bħala kumpens għas-servizzi bbażati fuq l-analitika tad-data.
Fuq il-bażi tas-softwer Hadoop, il-vantaġġ ewlieni ta’ dan l-approċċ tekniku hu l-integrazzjoni mingħajr intoppi mal-infrastrutturi eżistenti tal-IT tal-linji tal-ajru, u b’hekk issir faċli għall-parteċipanti biex jagħmlu d-data tagħhom disponibbli fuq il-pjattaforma. Airbus tista’ taħdem fuq il-bażi tal-format tal-fajl oriġinali u tirritorna għarfien permezz tal-pjattaformi bl-użu ta’ tabelli komuni ta’ għodod ta’ viżwalizzazzjoni.
|
b)Monetizzazzjoni tad-data permezz ta’ suq tad-data minn ħafna għal ħafna: It-terminu “suq tad-data” jintuża hawn biex jirreferi għal tip speċifiku ta’ intermedjarju li jista’ jkollu tliet funzjonijiet essenzjali: (1) tlaqqigħ tal-fornitur potenzjali tad-data max-xerrej potenzjali tad-data; dan jista’ jinkludi ssettjar speċifiku li fih il-fornitur potenzjali u x-xerrej potenzjali jistgħu jibqgħu anonimi fl-ewwel parti tal-istabbiliment tat-tħejjija tat-trasferiment tad-data peress li l-intenzjoni ta’ provvista jew ta’ xiri diġà tista’ tikxef informazzjoni kummerċjali sigrieta (strateġiji kummerċjali futuri); (2) it-trasferiment attwali tad-data (u l-kumpens miftiehem), b’mod partikolari l-ħolqien tal-fiduċja li l-oġġett tan-negozjati, mhux se jinbidel matul in-negozjati; (3) funzjoni ta’ ċertifikazzjoni li t-tranżazzjoni fil-fatt seħħet, potenzjalment interessanti għar-rapportar fil-karta bilanċjali korporattiva. Barra minn hekk, it-tali intermedjarji jistgħu jipprovdu servizzi addizzjonali bħal klawsoli kuntrattwali mudell jew servizzi ta’ anonimizzazzjoni (jekk tiġi skambjata data personali jew kunfidenzjali). Ir-rwol ta’ dan it-tip ta’ intermedjarju jintemm ladarba tiġi ttrasferita d-data.
|
DAWEX
hi kumpanija Franċiża li tiddeskrivi lilha nfisha bħala “suq globali tad-data” li twaqqfet fl-2015.
Dawex ma tixtrix u lanqas ma tbigħ data. Minflok, Dawex tgħaqqad flimkien kumpaniji interessati fil-monetizzazzjoni u fl-użu mill-ġdid ta’ data, u trawwem it-trasparenza bejn il-fornituri u l-utenti tad-data billi tiżgura li dawn jikkomunikaw u jmexxu t-tranżazzjoni b’mod dirett fuq il-pjattaforma.
Dawex żviluppat sensiela ta’ għodod biex tgħin kemm lill-fornituri kif ukoll lill-utenti tad-data jifhmu, jivvalutaw u jikkomunikaw id-data. L-għodod ta’ viżwalizzazzjoni (eż. mapep termiċi, mapep siġar) jipprovdu lill-utenti tad-data b’informazzjoni differenti dwar sett ta’ data komplut li jista’ jinqasam b’mod sigur qabel ma titlesta tranżazzjoni. L-għodod ta’ kampjunar jiġġeneraw kampjuni rappreżentattivi tad-data fuq il-bażi ta’ algoritmi biex jevitaw kwalunkwe preġudizzju. L-utenti tad-data u l-fornituri tad-data jikkomunikaw bl-użu ta’ għodda ta’ trażmissjoni tal-messaġġi inkorporata fil-pjattaforma. Barra minn hekk, DAWEX issostni n-negozjar tal-ftehim kuntrattwali bi klawsoli mudell li jistgħu jiġu ġġenerati b’mod awtomatiku.
|
c)Qsim tad-data permezz ta’ abilitant tekniku: Filwaqt li huma differenti mit-tip ta’ intermedjarju diskuss aktar ’il fuq, tali abilitanti tekniċi jixħtu enfasi kbira fuq il-provvista ta’ servizzi minbarra skambju tad-data bħall-ipproċessar tad-data rilevanti fid-dawl tat-tweġib għal ċerti ħtiġijiet jew mistoqsijiet kummerċjali. Fuq kollox, tip bħal dan ta’ intermedjarju jkun joffri karatteristiċi addizzjonali li jippermettu lill-fornitur tad-data jikkontrolla l-użu li sar mid-data, b’mod partikolari r-rispett tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar it-trasferiment tad-data. Dan jista’ jinkludi forom ta’ traċċar u rintraċċar tal-użu li sar mid-data, eż. l-illoggjar tal-azzjonijiet kollha ta’ aċċess u ta’ pproċessar tad-data – potenzjalment bl-użu ta’ teknoloġija tar-reġistru distribwit (blockchain), jew l-iżvilupp ta’ forom ta’ marki tal-ilma diġitali. L-intermedjarju jista’ jiżviluppa wkoll istanzi ta’ awtoregolamentazzjoni fi ħdan il-komunità tal-utenti tal-ispazju jew tal-pjattaforma tad-data, li possibbilment jinkludu sanzjonijiet għall-utenti tad-data li jiksru l-ftehimiet individwali dwar it-trasferiment ta’ data.
|
Nallian
żviluppat pjattaforma bbażata fuq il-cloud li tippermetti l-qsim tad-data f’ħin reali u ssostni s-sinkronizzazzjoni tal-proċessi. Il-kumpanija taħdem b’saff bażiku tat-teknoloġija tal-qsim tad-data li jista’ jiġi ppersonalizzat biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti tad-data f’komunità jew f’dominju partikolari. Il-pjattaforma hi bbażata fuq teknoloġija tal-cloud flimkien ma’ għodda ta’ ġestjoni tal-komunità.
L-utenti kurrenti tas-soluzzjoni teknika ta’ Nallian huma kumpaniji li jaħdmu fil-loġistika, fi ktajjen tal-provvista vertikali u f’netwerks tat-trasport multimodali. Għal dawn il-kumpaniji, il-ħila li jegħlbu problemi ta’ frammentazzjoni u jaqsmu d-data mingħajr intoppi tidher li hi kruċjali.
Il-pjattaforma tilqa’ firxa wiesgħa ta’ għażliet biex id-data tiġi injettata fil-cloud: minn sempliċi tlugħ ta’ fajls sa integrazzjonijiet ibbażati fuq l-API. Il-pjattaforma hi arrikkita b’APIs ta’ valur miżjud u b’apps li jużaw mudell komuni tad-data biex tiġi sfruttata d-data kollha maħżuna fuq il-pjattaforma u jiġi pprovdut għarfien siewi lill-utenti. Finalment, il-pjattaforma taċċetta wkoll id-data mgħoddija b’apparati konnessi jew b’messaġġi B2B skambjati permezz tal-iskambju elettroniku ta’ data (EDI).
Il-pjattaforma tippermetti lill-fornituri tad-data jżommu kontroll granulari fuq min għandu aċċess għal liema data u għal liema skop. Dan il-kontroll jista’ jseħħ bis-saħħa ta’ magna ta’ għoti tad-drittijiet inkorporata fil-pjattaforma li tippermetti lill-fornituri tad-data jiddefinixxu r-rwoli u r-regoli dwar il-qsim għall-membri differenti tal-komunità sal-livell tal-ħidma prattika, inkluż għall-fornituri tal-apps. Barra minn hekk, il-pjattaforma tiffaċilita l-anonimizzazzjoni u l-aggregazzjoni tad-data biex tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji tal-privatezza.
|
4. Biex kollaborazzjoni tad-data B2G tkun suċċess – lista ta’ kontroll ta’ tagħrif
Il-provvista u l-użu mill-ġdid tad-data f’relazzjonijiet B2G jistgħu jieħdu diversi forom kemm f’termini tal-mekkaniżmi sottostanti kif ukoll tal-mezz legali li jsostnihom. Din it-taqsima tiddeskrivi wħud minnhom f’aktar dettall.
4.1. Mudelli ta’ qsim tad-data B2G
a)Donazzjoni tad-data: Il-provvista tad-data B2G tista’ tieħu l-forma ta’ donazzjoni tad-data. Tista’ titqies bħala forma ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva. Wieħed mill-effetti potenzjali jkun li tali programm ta’ donazzjoni tad-data jkun sostnut minn tim dedikat li jappoġġa lil kwalunkwe parti potenzjali interessata fl-użu tad-data.
Filantropija tad-Data ta’ Mastercard
Mastercard tqis li l-organizzazzjonijiet b’missjoni li jtaffu t-tbatija umana — indipendentement mid-daqs u mill-influwenza — għandu jkollhom l-għodod u r-riżorsi neċessarji biex jaċċessaw u jużaw data biex isolvu l-problemi. Il-Mastercard Center for Inclusive Growth ħa impenn favur it-tneħħija tad-diskrepanza permezz ta’ filantropija tad-data billi:
-jaqsam data, eż. jagħti aċċess għad-data proprjetarja tiegħu — b’mod li jħares bis-sħiħ il-privatezza tal-konsumaturi — biex jassisti fir-riċerka;
-jaqsam għarfien dwar id-data, eż. billi b’ingranaġġ jikseb għarfien espert intern biex jagħmel analiżi u joħroġ is-sejbiet għal użu usa’;
-jikseb għarfien espert b’ingranaġġ, eż. jaħdem mas-sħab tiegħu biex jipprovdi għarfien espert u kapaċità addizzjonali.
b)Premji: Il-kollaborazzjoni B2G tista’ tistabbilixxi wkoll premji li jħeġġu lill-individwi u lill-kumpaniji speċjalizzati fl-analitika tad-data biex isibu soluzzjonijiet għal sfida partikolari ta’ interess pubbliku. Pereżempju, organizzazzjoni pubblika tista’ tistabbilixxi sfida f’kollaborazzjoni ma’ kumpanija li tipprovdi lis-settur privat id-data meħtieġa biex tiġi solvuta t-tali sfida.
Premju tal-Orizzont għal Teknoloġiji tal-Big Data
Taħt il-programm ta’ finanzjament tal-UE Orizzont 2020, tħabbar premju fil-qasam tat-teknoloġiji tal-Big Data biex jinstabu modi kif jiġi ottimizzat l-użu ta’ grilji tal-enerġija permezz ta’ sistema ta’ tbassir aktar preċiża. Is-soluzzjonijiet rebbieħa jridu juru l-ħila li janalizzaw ġabriet estremament kbar ta’ settijiet ta’ data temporali ġeospazjali strutturati, reġistrazzjonijiet tal-ħin tal-kundizzjonijiet tat-temp u data oħra b’parametri differenti użati fl-operazzjoni tal-ġestjoni tal-grilji tal-enerġija.
c)Sħubijiet tad-data B2G: Il-kollaborazzjoni B2G tista’ tieħu l-forma ta’ sħubijiet tad-data. Il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jidħlu fi ftehimiet ma’ kumpaniji privati, li jinkludu l-qsim reċiproku tad-data, f’konformità mad-Direttiva PSI
rigward l-informazzjoni tas-settur pubbliku maqsuma mas-settur privat. Dan jista’ jġib benefiċċji għall-kumpanija privata wkoll peress li din tkun tista’ tikseb għarfien mill-korrelazzjoni tad-data tas-settur privat u ta’ dak pubbliku.
“Assessing the Quality of Mobile Phone Data as a Source of Statistics” - studju mill-Aġenzija Statistika tal-Belġju u mill-Eurostat
Studju mwettaq b’mod konġunt minn Statistics Belgium u mill-Eurostat wera l-potenzjal tad-data tan-netwerks mobbli biex tinħareġ stima tad-densità tal-popolazzjoni. Dan kellu l-għan li jivvaluta l-kwalità tad-data mobbli tal-Belġju mill-operatur ewlieni tan-netwerks, Proximus) b’enfasi fuq il-popolazzjoni preżenti attwali. Id-data tan-netwerks mobbli ġiet ittestjata għall-konsistenza interna u tqabblet f’kuntrast mar-riżultati taċ-ċensiment tal-popolazzjoni Belġjana tal-2011, li jiġi aġġornat b’mod regolari bħala parti mir-reġistru tal-popolazzjoni. Iż-żewġ settijiet ta’ data ġew aggregati għal raġunijiet ta’ privatezza
.
Ir-riżultati tal-istudju kienu ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet. Minn naħa, jista’ jintwera li d-data tan-netwerk mobbli tipprovdi informazzjoni valida u preċiża li tista’ sservi bħala element komplimentari għall-istatistiki tradizzjonali. Min-naħa l-oħra, l-operaturi tan-netwerks mobbli jistgħu pereżempju jibbenefikaw mid-data dwar il-popolazzjoni residenti biex itejbu l-istimi tal-mobbiltà tal-persuni għal applikazzjonijiet ġodda offruti mill-operatur tan-netwerk mobbli.
d)Intermedjarji: F’każijiet li fihom ma jkun hemm ebda relazzjoni preċedenti bejn kumpanija u korp tas-settur pubbliku u l-fiduċja bejn dawn it-tnejn tkun assenti, intermedjarju jista’ jingħata l-inkarigu li jikseb l-għarfien neċessarju għall-finijiet ta’ interess pubbliku.
Consumer Data Research Centre (CDCR UK)
Ta’ kuljum jiġu ġġenerati ammonti vasti ta’ data dwar il-konsumaturi tar-Renju Unit, li jipprovdu għarfien siewi li jgħin lill-organizzazzjonijiet joperaw b’mod aktar effiċjenti. L-għan tas-CDRC hu li jaħdem mal-organizzazzjonijiet biex jiftħu d-data tagħhom għal riċerkaturi fdati biex ikunu jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet li jixprunaw it-tkabbir ekonomiku u jtejbu s-soċjetà.
e)“Qsim tad-data ċivika”: L-individwi jistgħu jitħeġġu jawtorizzaw lil korpi tas-settur pubbliku biex jipproċessaw id-data personali tagħhom li qabel kienet tiġi proċessata minn kumpanija privata. Ta’ min jisħaq li f’dan il-każ l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom bżonn jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data wkoll. L-ipproċessar irid isir f’konformità ma’ bażi ġuridika xierqa (eż. kunsens skont l-Artikolu 6(1)(a) jew l-eżekuzzjoni ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 6(1)(e)
). Tali “qsim tad-data ċivika” aktarx li jaħdem l-aktar f’sitwazzjonijiet meta jkun hemm rabta b’saħħitha biżżejjed bejn iċ-ċittadin u l-korp tas-settur pubbliku inkwistjoni (eż. il-muniċipalità fejn jgħix) jew meta l-iskop ta’ interess pubbliku jkun konvinċenti b’mod partikolari minn perspettiva taċ-ċittadin (ġlieda kontra ċertu mard, it-trendija ta’ flussi tal-ivvjaġġar bejn avvenimenti popolari possibbli, eċċ.).
4.2. Kunsiderazzjonijiet legali u prattiċi f’kollaborazzjoni ta’ qsim tad-data B2G
Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jistgħu jgħinu lill-korpi pubbliċi u lill-kumpaniji meta jħejju u/jew jinnegozjaw ftehimiet dwar l-użu tad-data:
a)Il-korpi pubbliċi għandhom jidentifikaw skop ta’ interess pubbliku, id-data tas-settur privat u l-livell ta’ granularità meħtieġ. Ċerti eżempji ta’ data tas-settur privat li sservi skopijiet ta’ interess pubbliku jistgħu jkunu data tal-midja soċjali, data dwar tranżazzjonijiet jew data tal-bejjiegħa bl-imnut. Il-kumpaniji jistgħu jirriflettu wkoll dwar id-data tagħhom li tista’ tikkontribwixxi għal skop ta’ interess pubbliku u jibdew il-proċess ta’ negozjar.
b)Il-partijiet għandhom jidentifikaw l-isfidi u r-restrizzjonijiet interni relatati mal-qsim tad-data.
-Il-korpi pubbliċi u l-kumpaniji jaf ikollhom bżonn jinvestu fil-ġestjoni tal-għarfien u fil-governanza tad-data.
-Kumpaniji li jistabbilixxu dipartimenti korporattivi responsabbli għall-qsim tad-data li tinkludi l-monetizzazzjoni tad-data fil-kuntesti tal-B2B se jsibu li l-qsim tad-data B2G jiswa anqas flus u jġib miegħu anqas sfidi f’termini tal-governanza tad-data, tal-infrastruttura u tal-abbozzar legali. Hekk kif il-qsim tad-data jsir aktar importanti għal aktar kumpaniji, l-ispejjeż u l-piż għal kull kollaborazzjoni individwali aktarx li jkomplu jonqsu.
-Il-kumpaniji u l-korpi tas-settur pubbliku jridu jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR u mal-leġiżlazzjoni dwar il-Privatezza elettronika (jiżguraw il-legalità tal-ipproċessar, inkluża d-dipendenza fuq bażi ġuridika, bħall-kunsens, l-użu xieraq ta’ tekniki ta’ anonimizzazzjoni, rispett tal-kunfidenzjalità tal-prinċipju ta’ protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku, użu ta’ metodi analitiċi ta’ preservazzjoni tal-privatezza, valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data, fejn ikun hemm bżonn).
-Biex tiġi żgurata r-rappreżentattività tal-għarfien, jiġi evitat preġudizzju fl-għażla, il-korpi tas-settur pubbliku jridu jagħmlu analiżi bir-reqqa tas-sorsi tad-data potenzjali u jiżguraw il-limitazzjonijiet ta’ fornitur speċifiku wieħed tad-data. Dawn għandhom jikkunsidraw bir-reqqa t-triangolazzjoni tad-data, l-osservazzjoni kostanti u r-rikalibrazzjoni tal-mudelli, u taħlita ma’, pereżempju, konsultazzjoni pubblika u għodod biex jiġbru evidenza u l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati għall-mitigazzjoni tar-riskji u ma’ limitazzjonijiet metodoloġiċi possibbli tas-sorsi tad-data tas-settur privat.
c)Il-paritjiet iridu jagħżlu l-modalitajiet tekniċi jew prattiċi għall-qsim tad-data li jkunu l-aktar xierqa għall-isfidi interni u għall-governanza tad-data tagħhom.
-Il-korpi pubbliċi jridu jissalvagwardjaw il-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali leġittimi (eż. informazzjoni kunfidenzjali kummerċjali, sigrieti kummerċjali) u jiżguraw is-sigurtà tal-modalità teknika biex jaċċessaw id-data tas-settur privat. Id-data tas-settur privat li tiġi ttrasferita lil korp tas-settur pubbliku għandha tiġi ttrattata bħala data kunfidenzjali. Irid ikun espliċitu fl-infrastrutturi rilevanti tal-ipproċessar tad-data permezz ta’ annotazzjoni u ta’ restrizzjonijiet fl-aċċess li dawn huma koperti minn eżenzjonijiet stabbiliti jekk il-korp tas-settur pubbliku jkun soġġett għal aċċess għal-leġiżlazzjoni tad-dokumenti. Irid ikun hemm fis-seħħ miżuri adegwati li jiżguraw is-sigurtà tas-sistemi tan-netwerk u tal-informazzjoni.
-Il-korpi pubbliċi jaf ikollhom bżonn jespandu l-kapaċitajiet tekniċi u tal-persunal tagħhom biex jisfruttaw il-possibbiltajiet li jużaw data tas-settur privat.
d)Il-kuntratt għandu jinkludi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni, il-limitazzjonijiet taż-żmien u s-settijiet ta’ data speċifiċi li jintużaw.
-Il-korpi pubbliċi għandhom jiżguraw li t-talba tagħhom għal data privata speċifika tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u hi neċessarja biex jintlaħaq l-iskop ta’ interess pubbliku definit. Il-ftehim għandu jispeċifika li wara li jkun intlaħaq l-iskop jew il-limitu tad-durata, id-data mibgħuta trid titħassar. L-użu tal-istess data għal skop differenti għandu jkun soġġett għal ftehim ta’ kollaborazzjoni ġdid jew emendat.
-Il-partijiet għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet f’livell operazzjonali għat-trasferiment tad-data: il-format tad-data u tal-metadata, il-kwalità, il-granularità u d-durata tal-aċċess u l-modalità ta’ aċċess.
-Il-partijiet għandhom jiddeterminaw il-kumpens. F’dan ir-rigward jeżistu għażliet differenti, jiġifieri l-limitazzjoni tar-remunerazzjoni għal irkupru pro rata tal-ispejjeż imġarrba fil-produzzjoni, fil-preservazzjoni u fid-disseminazzjoni tad-data – kombinata f’eċċezzjonijiet biss ma’ permess ta’ redditu ġust fuq l-investiment – u limitazzjoni tar-remunerazzjoni massima għall-ispejjeż relatati mad-disseminazzjoni tad-data, b’kunsiderazzjoni li l-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-preservazzjoni tad-data skont il-każ istanti jaf diġà jkunu ġew koperti minn flussi oħra ta’ dħul. L-għażla tal-opzjoni tista’ tkun marbuta mal-iskop ta’ interess pubbliku mfittex u mal-ispeċifiċitajiet tal-ħtieġa soċjali li għandha l-għan li tissodisfa.
-Biex il-korpi pubbliċi jkunu jistgħu jagħmlu l-valutazzjoni neċessarja tal-kwalità bl-għan li jiżguraw il-preżenza ta’ preġudizzji potenzjali tal-għażla jew ta’ limitazzjonijiet oħra tal-kwalità li jistgħu jsiru apparenti biss wara l-konklużjoni tal-ftehim, il-kumpaniji li jfornu d-data għandhom joffru l-akbar appoġġ raġonevoli u proporzjonat possibbli biex jippermettu li ssir il-valutazzjoni tal-kwalità tad-data għall-finijiet stipulati, inkluż permezz tal-possibbiltà li d-data tiġi awditjata jew verifikata b’mod ieħor meta jasal iż-żmien xieraq.
e)Il-partijiet għandhom jaqblu dwar prinċipji komuni ta’ gwida għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kuntratt:
-Dawn jistgħu jaqblu dwar kodiċi tal-kondotta jew jużaw regoli etiċi eżistenti bħall-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea
, iwaqqfu kumitat ta’ koordinazzjoni jew jaħtru awditur indipendenti biex jissorvelja l-użu tad-data.
-Il-korpi pubbliċi jimplimentaw is-salvagwardji neċessarji biex jipprevjenu l-użu ħażin tad-data aċċessata għal finijiet oħra li mhumiex dawk definiti fil-kuntratt.
f)Il-kuntratt għandu jinkludi regoli dwar ir-responsabbiltà għall-provvista ta’ data żbaljata, qtugħ fit-trażmissjoni tad-data, ħidma interpretattiva ta’ kwalità baxxa, jekk jinqasmu ma’ settijiet ta’ data, jew għal qerda/għal telf jew għal alterazzjoni tad-data (jekk illegali jew aċċidentali) li tista’ tikkawża ħsarat.
g)Il-kuntratt għandu jistabbilixxi d-dritt applikabbli u l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim.
Kwalunkwe parti għandu jkollha l-libertà li ttemm il-kuntratt meta jkun hemm riskju legali jew tekniku rigward it-trattament jew l-użu tad-data maqsuma.
h)Il-korpi pubbliċi għandhom iqassmu r-riżultati/l-għarfien tal-kollaborazzjoni B2G u jiżguraw mekkaniżmi għal feedback pubbliku, kull meta dan ikun neċessarju jew rilevanti, mingħajr ma jixħtu f’riskju l-kunfidenzjalità tad-data tas-settur privat.
4.3. Mezzi tekniċi għall-istabbiliment ta’ kollaborazzjoni B2G
Fi kwalunkwe kollaborazzjoni B2G, trid tittieħed deċiżjoni dwar kif l-għarfien mid-data tas-settur privat irid jinkiseb għal finijiet ta’ interess pubbliku. Dan jista’ jfisser trasferiment propju ta’ data tas-settur privat fl-ambjent tal-IT tal-korp pubbliku inkwistjoni. Madankollu, dan mhuwiex l-unika possibbiltà u jistgħu jiġu kkunsidrati mekkaniżmi oħra. Din it-taqsima toffri ħarsa ġeneral lejn il-mezzi tekniċi li huma alternattivi għat-trasferiment ta’ data tas-settur privat fl-ambjent tal-IT tal-korp pubbliku. Dawn il-mekkaniżmi tekniċi jistgħu jipprovdu aċċess u regoli dwar l-użu tad-data filwaqt li joffru ambjent fdat u sigur għall-iskambju ta’ settijiet ta’ data.
a)Pjattaformi tad-data: Il-ħolqien ta’ pjattaformi tad-data jista’ joffri ambjent sigur għall-ħżin u għall-iskambju ta’ data bejn il-kumpaniji u l-korpi pubbliċi. It-tali pjattaformi jistgħu jipprovdu lill-korpi pubbliċi b’data standardizzata biex joħolqu riżorsi tad-data jew għarfien komuni, f’kollaborazzjoni ma’ kumpaniji.
Centre for Big Data Statistics, in-Netherlands
Is-Centre for Big Data Statistics (CBS) jissieħeb ma’ diversi organizzazzjonijiet mis-settur privat biex jiġbor id-data neċessarja tas-settur privat bl-għan li joħloq viżwalizzazzjonijiet tad-data ta’ kwalità għolja. Peress li s-CBS hu organizzazzjoni tas-settur pubbliku, dan għandu wkoll aċċess għar-repożitorju kbir tan-Netherlands ta’ data tal-gvern u tas-sensuri, li hu jkun jista’ jgħaqqad ma’ dawn is-sorsi ġodda ta’ data biex jipprovdi għarfien ġdid.
b)Algoritmu għad-data: It-twassil tal-algoritmu għad-data jista’ jkun soluzzjoni għall-isfidi tas-sigurtà, tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza tad-data. Dan ikun jirrispetta waħda mill-kunsiderazzjonijiet ewlenin għall-iżgurar tal-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, jiġifieri li d-data titmexxa mill-anqas. L-użu ta’ din is-soluzzjoni jfisser li l-algoritmu jiġi installat fi ħdan l-ambjent tal-IT tal-kumpanija privata u l-analiżi sseħħ hemmhekk. Hu biss l-għarfien anonimu derivat mill-algoritmu li jiġi ttrasferit lura lill-korp tas-settur pubbliku. L-interfaċċa ta’ domanda tad-data u l-possibbiltajiet tal-analitika jistgħu jiġu kodisinjati mill-kumpanija u/jew mill-organizzazzjoni pubblika inkwistjoni (jew minn intermedjarju fdat).
The Open Algorithms (OPAL)
Il-proġett hu innovazzjoni soċjoteknoloġika żviluppata minn Data-Pop Alliance, minn Imperial College London, minn MIT Media Lab, minn Orange u mill-Forum Ekonomiku Dinji biex b’ingranaġġ tinkiseb data tas-settur privat għal finijiet pubbliċi tajba billi “l-kodiċi jintbagħat lid-data” b’mod li jippreserva l-privatezza, prevedibbli, parteċipatorju, skalabbli u sostenibbli. Id-disinn tal-algoritmu għandu l-input mill-Kumitati konsultattivi lokali għall-Orjentazzjoni tal-Iżvilupp u tal-Etika (CODE) biex dawn l-algoritmi jaqdu l-ħtiġijiet lokali u jirrispettaw l-istandards lokali, minflok ma jimponu perspettivi u għarfien espert esterni.
c)
Komputazzjoni li tippreserva l-privatezza: Fl-aħħar snin ġew żviluppati diversi mudelli komputazzjonali li jippermettu t-twettiq ta’ operazzjonijiet fuq data li trid tibqa’ kunfidenzjali. Mudelli bħal dawn jippermettu l-estrazzjoni tal-informazzjoni tal-output mixtieqa mingħajr id-divulgazzjoni tad-data tal-input. Għaldaqstant, il-komputazzjoni tad-data tista’ sseħħ b’mod kollaborattiv fost diversi dominji amministrattivi (pubbliċi jew privati) differenti mingħajr ebda bżonn li d-data tinħareġ mill-kumpanija. Mudelli bħal dawn jimplikaw rivoluzzjoni fundamentali mill-“qsim tad-data” għall-“qsim tal-komputazzjoni”. Fost il-metodi eżistenti ta’ preservazzjoni tal-privatezza, il-klassi tal-komputazzjoni multiparti sigura tidher li hi partikolarment adatta fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tad-data B2G. Ċerti tekniki komputazzjonali multiparti siguri huma skalabbli u b’saħħithom ħafna. Ftit kumpaniji diġà jipprovdu t-teknoloġija u l-pjattaformi rilevanti. Saru studji li għamlu użu minn din it-teknika f’kollaborazzjoni B2G.
Komputazzjoni multiparti sigura
Komputazzjoni multiparti sigura hi metodu kriptografiku prattiku għall-ipproċessar ta’ data kunfidenzjali. Il-progress fir-riċerka wassal għall-użu ta’ din fl-analiżi statistika li tippreserva l-privatezza. Fl-2015, statistiċi miċ-Ċentru tar-Riċerka Applikata tal-Estonja (CentAR) għamlu studju tal-big data biex ifittxu korrelazzjonijiet bejn il-ħidma matul l-istudji universitarji u n-nuqqas ta’ gradwazzjoni fil-ħin. L-istudju sar bl-irbit tal-bażi tad-data ta’ pagamenti individwali tat-taxxa mill-Bord tal-Estonja għat-Taxxa u għad-Dwana u l-bażi tad-data tal-avvenimenti tal-edukazzjoni għolja mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u tar-Riċerka. Il-ġbir, it-tħejjija u l-analiżi tad-data saru bl-użu tas-sistema tal-komputazzjoni multiparti sigura Share-mind li pprovdiet protezzjoni kriptografika minn tarf sa tarf għall-analiżi. Bl-użu ta’ għaxar miljun rekord tat-taxxa u nofs miljun rekord tal-edukazzjoni fl-analiżi, dan hu l-akbar studju statistiku kriptografikament privat li qatt sar fuq data reali.