Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018SC0091

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI - RAPPORT TA' SINTEŻI Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina tal-provvista tal-ikel

SWD/2018/91 final - 2018/0082 (COD)

Brussell, 12.4.2018

SWD(2018) 91 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI - RAPPORT TA' SINTEŻI

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina tal-provvista tal-ikel

{COM(2018) 173 final}
{SWD(2018) 92 final}
{SWD(2018) 93 final}


Werrej

1.    Proċess ta’ konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati    

2.    Sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati    

2.1.    Valutazzjoni tal-impatt tal-bidu    

2.2.    Konsultazzjoni pubblika miftuħa    

2.3.    Kwestjonarju mmirat għall-impriżi    

2.4.    Kwestjonarju mmirat għall-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi    

2.5.    Kwestjonarju għall-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri    

2.6.    Workshop akkademiku taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar il-UTP fil-katina tal-provvista tal-ikel        

2.7.    Laqgħat ad hoc mal-partijiet ikkonċernati tal-katina tal-provvista tal-ikel    

2.8.    Gruppi ta’ Djalogu Ċivili    

1.Proċess ta’ konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati

Il-proċess ta’ konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati ġie stabbilit fi strateġija ta’ konsultazzjoni 1 u twettaq bejn is-17 ta’ Lulju u s-6 ta’ Diċembru 2017.

Il-partijiet ikkonċernati kienu mistiedna joffru kummenti u evidenza dwar id-definizzjoni tal-problema, l-għanijiet ta’ politika, il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE, l-opzjonijiet ta’ politika, dwar l-impatt probabbli tal-opzjonijiet ta’ politika, u dwar kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni, inkluż il-monitoraġġ u l-infurzar. Il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati tissodisfa r-rekwiżiti fil-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar.

2.Sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati

2.1.Valutazzjoni tal-impatt tal-bidu

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu rċeviet attenzjoni sinifikanti, b’66 kontribuzzjoni ippreżentati minn partijiet ikkonċernati diversi 2 . 33% minn dawn kienu bdiewa jew organizzazzjonijiet tal-biedja, 17% kienu awtoritajiet tal-Istati Membri, 15% kienu organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), 11% kienu proċessuri u l-organizzazzjonijiet tagħhom, 8% kienu bejjiegħa bl-imnut u l-organizzazzjonijiet tagħhom, u 17% kienu rispondenti oħra (akkademiċi, trejdjunjins, kummerċjanti, u anonimi). Għandu jiġi nnotat li l-proċess ta’ feedback dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu mhuwiex strutturat fis-sens ta’ kwestjonarju. Minflok, it-test tal-kontribuzzjonijiet ġie mifli għall-informazzjoni rilevanti b’mod sistematiku ex post.

91% tar-rispondenti qablu li jeżistu l-UTP fil-katina tal-provvista tal-ikel (5% ma weġbux, u 5% ma ddikjarawx pożizzjoni ċara). 76% tar-rispondenti ddikjaraw li l-UTP jikkawżaw problema sinifikanti, u 14% qalu li ma jagħmlux dan 3 . 5% tar-rispondenti ddikjaraw li l-UTP kienu jeżistu iżda b’effett ġenerali pożittiv fuq il-katina tal-provvista tal-ikel f’termini ta’ effiċjenza.

71% tar-rispondenti emmnu li kien hemm bżonn ta’ azzjoni mill-UE (minn 64% tal-“oħrajn” sa 90% tal-NGOs; il-bdiewa 82%, l-Istati Membri 73%, il-proċessuri 71%), ħlief għall-bejjiegħa bl-imnut (100% tal-bejjiegħa bl-imnut jemmnu li l-UE jenħtieġ li ma taġixxix).

5% biss tar-rispondenti kkummentaw dwar l-inklużjoni jew l-esklużjoni tal-prodotti tal-ikel fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva, fejn b’mod ġenerali kienu favur l-inklużjoni. 41% ikkummentaw dwar il-punt sa fejn għandhom jiġu inklużi l-operaturi tal-katina tal-provvista tal-ikel, bi 82% favur li tiġi koperta l-katina sħiħa tal-provvista (l-outlier ikun is-settur tal-ipproċessar, fejn 57% biss tar-rispondenti kienu favur li tiġi koperta l-katina sħiħa tal-provvista).

20% tar-rispondenti semmew il-fattur tal-biża’, fejn b’mod ġenerali kienu jħossu li dan l-effett jeżisti u li huwa sinifikanti. 62% kienu tal-fehma li għandha teżisti l-possibbiltà ta’ lmenti anonimi, 38% kienu tal-fehma li ma għandux ikun hemm din il-possibbiltà). 92% kienu tal-fehma li għandhom jeżistu sanzjonijiet kontra dawk li jipprattikaw il-UTP, 8% kienu tal-fehma li ma għandhomx jeżistu). 17% tar-rispondenti semmew il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, bil-biċċa l-kbira jappoġġaw il-kooperazzjoni.

2.2.Konsultazzjoni pubblika miftuħa 4

Ħarsa ġenerali tar-rispondenti

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa (OPC) kienu konsistenti ma’ dawk tal-IIA. L-OPC damet għaddejja tliet xhur, mill-25 ta’ Awwissu sas-17 ta’ Novembru, u attirat total ta’ 1,432 risposta (56% minn individwi - 803 risposta - u 44% minn organizzazzjonijiet - 628 risposta). 71% tal-individwi ddikjaraw li kienu involuti fil-biedja (570 risposta), u 29% ddikjaraw li ma kinux (233 risposta). Il-kontribuzzjonijiet tal-organizzazzjonijiet kienu prinċipalment minn kumpaniji privati (38% tar-risposti mill-organizzazzjonijiet), assoċjazzjonijiet tan-negozju u professjonali (31%), u NGOs (20%). F’termini tas-settur ta’ attività, ir-risposti tal-organizzazzjonijiet kienu minn produtturi agrikoli (53% tar-risposti tal-organizzazzjonijiet); is-settur agroalimentari (22%); is-settur tal-kummerċ (7%); l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (7%); is-settur tal-bejgħ bl-imnut (4%); l-organizzazzjonijiet tar-riċerka (1%); u “oħrajn” (6%).

Il-grupp “kumpanija privata” jista’ jinqasam ulterjorment skont id-daqs tal-kumpanija, (l-għadd ta’ impjegati). L-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) kienu 81% tar-risposti minn kumpaniji privati). L-intrapriżi kbar (dawk b’aktar minn 250 impjegat) kienu 19% tal-kontribuzzjonijiet kollha minn kumpaniji privati.

F’termini tal-Istat Membru ta’ oriġini, l-ogħla parteċipazzjoni kienet mill-Ġermanja (29% tat-total), l-Awstrija (14%), Franza u Spanja (7%). L-anqas kienet mill-Kroazja, il-Lussemburgu, u Ċipru (kontribuzzjoni waħda kull wieħed).

Opinjonijiet tar-rispondenti

a)Definizzjoni tal-problema 5

90% tar-rispondenti qablu jew qablu parzjalment li kien hemm prattiki fil-katina tal-provvista tal-ikel li setgħu jitqiesu bħala UTP. Dawn ir-riżultati kienu b’mod ġenerali simili għall-gruppi kollha ta’ partijiet ikkonċernati, ħlief għas-settur tal-bejgħ bl-imnut (12% qablu jew qablu parzjalment li kienu jeżistu UTP fil-katina tal-provvista tal-ikel, u 88% ma qablux jew ma qablux parzjalment – il-biċċa l-kbira ta’ dawn ma qablux parzjalment, ammont ta’ 72%).

Ir-rispondenti mbagħad kienu mistoqsija jekk lista ta’ prattiki tistax titqies bħala UTP, bir-rispondenti jaqblu jew jaqblu parzjalment f’ammont ta’ bejn 80% (perjodi ta’ ħlas itwal minn 30 jum għall-prodotti agroalimentari b’mod ġenerali) u 93% (bidliet unilaterali u retroattivi fil-kuntratti) li l-prattiki kienu UTP. Meta mistoqsija kemm kienu jseħħu ta’ spiss il-UTP fil-katina tal-provvista tal-ikel, 87% ddikjaraw li dawn kienu jseħħu b’mod regolari jew regolari ħafna. Ir-rispondenti kollha qablu li dawn kienu jseħħu b’mod regolari jew regolari ħafna ħlief fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li ddikjara li dawn qatt ma ġraw jew okkorrew biss rarament (84). 88% tal-individwi sostnew li l-UTP okkorrew b’mod regolari jew regolari ħafna.

Ir-rispondenti kienu mitluba jidentifikaw liema 3 prattiki huma kienu jikkunsidraw bħala UTP u li għandhom l-aktar impatt serju. Mit-8 prattiki identifikati l-aktar, sitta kienu elenkati bħala Prinċipji ta’ Prattika Tajba tal-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista (SCI) u sebgħa bħala UTP fir-rapport tat-Task Force għas-Swieq Agrikoli (AMTF) (“perjodi ta’ ħlas itwal minn 30 jum” jidhru darbtejn, għall-prodotti li jitħassru malajr u l-prodotti agrikoli b’mod ġenerali).

Frekwenza

Prinċipji ta’ Prattika tajba tal-SCI

UTP elenkati mill-AMTF

Bidliet unilaterali u retroattivi fil-kuntratti (rigward il-volumi, l-istandards tal-kwalità, il-prezzijiet)

771

*

*

Kanċellazzjonijiet tal-aħħar minuta ta’ ordnijiet li jikkonċernaw prodotti li jitħassru

316

*

*

Perjodi ta’ ħlas itwal minn 30 jum għal prodotti li jitħassru

275

 

*

Perjodi ta’ ħlas itwal minn 30 jum għal prodotti agroalimentari inġenerali

273

 

*

Impożizzjoni ta’ kontribuzzjonijiet għal spejjeż promozzjonali jew ta’ kummerċjalizzazzjoni

248

*

*

Terminazzjoni unilaterali ta’ relazzjoni kummerċjali mingħajr raġunijiet ġustifikati b’mod oġġettiv

227

*

 

Talbiet għal ħlas bil-quddiem biex il-kuntratti jiġu żgurati jew jinżammu (“kapparra”)

185

*

*

Impożizzjoni ta’ talbiet għal prodotti li tħassru jew li ma nbigħux

182

*

*

Impożizzjoni ta’ standards privati marbuta mas-sikurezza tal-ikel, mal-iġjene, mat-tikkettar tal-ikel u/jew mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, inklużi proċeduri stretti ta’ verifika

179

 

 

Impożizzjoni ta’ tariffa ta’ aċċess bil-quddiem għall-bejgħ ta’ prodott (“tariffi ta’ elenkar”)

152

*

 

Produzzjoni żejda pprogrammata li twassal għal ħela tal-ikel

146

 

 

Ħabi ta’ informazzjoni essenzjali minn parti waħda għaż-żewġ partijiet

114

*

 

Għoti ta’ informazzjoni kunfidenzjali li tkun waslet mingħand sieħeb lil partijiet oħrajn

98

*

 

Ħlas addizzjonali biex il-prodotti jiġu esposti b’mod favorevoli fuq l-ixkafef (“ipprezzar tal-ispazju fuq l-ixkafef”)

90

 

 

Impożizzjoni tax-xiri ta’ prodott mhux relatat fuq parti kontraenti (“bejgħ abbinat”)

78

 

 

Applikazzjoni inkonsistenti tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni li twassal għal ħela tal-ikel

60

 

 

Impożizzjoni fuq il-fornituri ta’ spejjeż marbuta mat-tnaqqis jew mas-serq tal-prodotti

40

*

 

Impożizzjoni ta’ ħajja minima tal-prodotti fuq l-ixkaffa fil-mument tax-xiri

11

 

 

Oħrajn

83

 

 

Il-kwestjonarju talab lir-rispondenti jidentifikaw l-atturi fil-katina tal-provvista tal-ikel li fuqhom il-UTP jista’ jkollhom effetti negattivi apprezzabbli. 94% tar-rispondenti qablu jew qablu parzjalment li tali effetti negattivi apprezzabbli seħħew għall-bdiewa. 83% tar-rispondenti għall-proċessuri; 66% għall-SMEs; 60% għall-konsumaturi; 55% għall-operaturi ta’ pajjiżi terzi li jipproduċu għas-suq tal-UE; 39% għall-kummerċjanti; u 35% għall-bejjiegħa bl-imnut. Ir-rispondenti kienu mistoqsija wkoll jekk kinux jaqblu li l-UTP jista’ jkollhom effetti indiretti negattivi fuq dawn il-gruppi, b’riżultati ġeneralment simili.

b)Ħtieġa ta’ azzjoni

Meta mistoqsija jekk għandhiex tittieħed azzjoni sabiex jiġu indirizzati l-UTP fil-katina tal-provvista tal-ikel, 95% tar-rispondenti qablu jew qablu parzjalment. Jekk kienu tal-fehma li għandha tittieħed azzjoni, ir-rispondenti mbagħad kienu mitluba jispeċifikaw min għandu jieħu tali azzjoni.

- 87% kienu tal-fehma li l-azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea (flimkien mal-Istati Membri, 58% ; jew mill-UE waħedha, 29%);

- 8% qalu li l-SM għandhom jaġixxu waħedhom; u

- 4% li l-azzjoni jenħtieġ li tittieħed permezz ta’ inizjattivi volontarji (54% ta’ dawn kienu organizzazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut).

Mis-87% tar-rispondenti li kienu tal-fehma li l-UE għandha tieħu azzjoni, 51% kienu tal-fehma li mezz xieraq kien il-leġiżlazzjoni, 46% kienu jippreferu taħlita ta’ leġiżlazzjoni u mhux leġiżlazzjoni, u 2% kienu jippreferu azzjoni mhux leġiżlattiva. 97% ta’ dawn ir-rispondenti kienu tal-fehma li azzjoni tal-UE twassal għal infurzar aħjar tar-regoli; 95% kienu tal-fehma li azzjoni tal-UE tipprovdi aktar ċertezza legali għan-negozji; 94% li ġġib kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern; 84% li tkun ta’ benefiċċju għat-tranżazzjonijiet transfruntiera tal-UE; 84% kienu tal-fehma li tnaqqas il-ħela tal-ikel; 80% li twassal għal grad ogħla ta’ innovazzjoni; u 75% li tespandi l-għażla offruta lill-konsumaturi. 67% kienu jippreferu kemm definizzjoni armonizzata kif ukoll lista ta’ UTP speċifiċi; 21% kienu jippreferu lista ta’ UTP speċifiċi; 11% kienu jippreferu prinċipji ġenerali; u 1% ma kienu jippreferu l-ebda waħda minn dawn.

Fl-aħħar nett ir-rispondenti kienu mitluba l-opinjoni tagħhom dwar jekk l-Inizjattiva volontarja tal-Katina tal-Provvista kinitx suffiċjenti sabiex tindirizza l-UTP. 75% ma qablux jew ma qablux parzjalment, u 22% qablu jew qablu parzjalment. It-tipi kollha ta’ organizzazzjonijiet primarjament ma qablux jew ma qablux parzjalment, ħlief għall-organizzazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut (88% qablu jew qablu parzjalment li l-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista kienet suffiċjenti). L-organizzazzjonijiet agroalimentari kellhom rati relattivament għoljin għal “naqbel jew naqbel parzjalment”, anki jekk b’mod ġenerali din ma kinitx l-opzjoni ppreferuta (43% u 40% rispettivament). 81% tal-individwi involuti fil-biedja u 69% tal-individwi l-oħra ma qablux jew ma qablux parzjalment.

c)Infurzar

92% tar-rispondenti qablu jew qablu parzjalment li jenħtieġ li jkun hemm standards minimi li japplikaw għall-infurzar tar-regoli dwar il-UTP fl-UE. L-appoġġ għal standards minimi ta’ infurzar kien ivarja minn 20% tal-organizzazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut sa 100% għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (96% tal-organizzazzjonijiet agrikoli; 87% tal-organizzazzjonijiet agroalimentari qablu jew qablu parzjalment).

Ir-rispondenti mbagħad kienu mistoqsija liema elementi kienu jqisu li jiffurmaw parti importanti minn infurzar pubbliku effettiv tar-regoli dwar il-UTP. 94% qalu t-trasparenza tal-investigazzjonijiet u r-riżultati; 93% qalu l-possibbiltà ta’ multi fil-każ ta’ ksur tar-regoli; 92% qalu l-possibbiltà li jitressqu lmenti kollettivi; 89% qalu l-kapaċità li jintlaqgħu u li jiġu ttrattati lmenti kunfidenzjali; 89% qalu l-ħatra ta’ awtorità kompetenti; 73% qalu l-abbiltà li jitwettqu investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja; u 36% qalu aspetti oħra. Id-diversi tipi ta’ organizzazzjonijiet u rispondenti individwali fil-biċċa l-kbira qablu jew qablu parzjalment ma’ dawn l-elementi, bl-eċċezzjoni tal-bejgħ bl-imnut (ma qablux jew ma qablux parzjalment ma’ kull wieħed mill-elementi bejn 72% sa 80%).

2.3.Kwestjonarju mmirat għall-impriżi

Il-kwestjonarju mmirat għall-impriżi kien miftuħ bejn is-6 ta’ Novembru u l-10 ta Diċembru u b’kollox daħlu 122 risposta. 35% tar-rispondenti kienu involuti fl-agrikoltura, 48% fl-ipproċessar, 10% fil-bejgħ bl-imnut, 4% fil-bejgħ bl-ingrossa (il-bqija tar-risposti ma kinux klassifikati). F’termini ta’ daqs, 70% tar-rispondenti kienu SMEs. 7% tar-rispondenti kklassifikaw ruħhom bħala xerrejja, 49% bħala fornituri, 40% bħala li jaġixxu kemm ta’ fornitur kif ukoll ta’ xerrej. Proporzjon għoli tar-risposti huwa mill-Belġju, Franza, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit (18-il Stat Membru għandhom 3 risposti jew anqas).

54% tal-intrapriżi li jaġixxu ta’ xerrejja u 89% tal-fornituri qalu li jsiru ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali. 14% sa 30% ta’ dawk li jaġixxu ta’ xerrejja qalu li imponew UTP oħra fi tranżazzjoni kummerċjali. Fil-każ tal-intrapriżi li jaġixxu ta’ fornituri, 44% sa 82% qalu li kienu soġġetti għal UTP kif definit hawn fuq.

30% tal-intrapriżi li jaġixxu ta’ fornituri kienu rifjutati kuntratt bil-miktub meta talbuh. Il-fornituri kienu mitluba jistmaw jekk kinux vittma ta’ UTP meta x-xerrejja kienu stabbiliti fi Stat Membru ieħor. 24% tar-rispondenti qalu li kienu “spiss jew f’għadd sinifikanti ta’ każijiet” f’sitwazzjonijiet bħal dawn. 19% tal-fornituri qalu li t-trattar ma’ xerrej barrani kellu effett negattiv fuq l-abbiltà tagħhom li jikkontestaw il-UTP.

60% tal-fornituri qalu li l-ispejjeż tal-UTP huma aktar minn 0.5% tal-fatturat annwali tal-operat kummerċjali tagħhom. Taħt ċerti suppożizzjonijiet f’termini ta’ piż għal kull kategorija ta’ risposta 6 , is-sinifikat kummerċjali ponderat tal-ispejjeż relatati mal-UTP jista’ jiġi stmat għal 1.8% (b’kont meħud tal-94 risposta tal-fornituri) sa 1.5% (billi jinqatgħu r-risposti estremi – l-ebda spiża, spejjeż ta’ aktar minn 5%) tal-fatturat tagħhom. 44% tax-xerrejja qiesu l-ispejjeż ta’ konformità bħala “għoljin jew moderati”.

2.4.Kwestjonarju mmirat għall-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi

Il-konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi wasslet għal tliet kontribuzzjonijiet. Din il-konsultazzjoni ffukat fuq jekk il-UTP fil-katina tal-provvista tal-ikel jaffettwawx il-konsumaturi u kif, skont l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.

Ir-rispondenti ma qablux li l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-UTP tgħolli l-prezzijiet għall-konsumaturi u qablu li din twassal għal żieda fil-fiduċja fil-katina tal-provvista tal-ikel u tkun ta’ benefiċċju għall-investiment. Tnejn qablu li l-kundizzjonijiet għal dawk impjegati fil-katina tal-provvista tal-ikel jitjiebu (wieħed ma kellux opinjoni). Ir-rispondenti kollha qablu li l-introduzzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-UTP tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi fuq perjodu fit-tul. Tnejn qablu u wieħed ma qabilx parzjalment li jkun hemm benefiċċji fi żmien qasir.

Rispondent wieħed qabel li l-introduzzjoni tar-regoli dwar il-UTP f’pajjiżu żiedet l-għażla għall-konsumaturi, żiedet il-fiduċja, tejbet il-kundizzjonijiet għall-investiment għall-operaturi, tejbet il-kundizzjonijiet għal dawk impjegati fil-katina tal-provvista tal-ikel, u ma qabilx li din żiedet il-prezzijiet għall-konsumaturi (iż-żewġ rispondenti l-oħra ma kellhomx opinjoni). Żewġ rispondenti ma qablux u wieħed ma qabilx parzjalment li l-inizjattivi awtoregolatorji huma suffiċjenti. Żewġ rispondenti ma qablux u wieħed qabel li l-effetti negattivi possibbli fuq il-konsumaturi mil-leġiżlazzjoni dwar il-UTP huma akbar mill-benefiċċji potenzjali (fil-livell tal-UE).

2.5.Kwestjonarju għall-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri

L-awtoritajiet tal-Istati Membri ġew ikkonsultati permezz ta’ sett ta’ kwestjonarji li talbu kontribuzzjonijiet dwar: l-ispejjeż amministrattivi attwali u/jew stmati tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-UTP taħt ċerti kundizzjonijiet; aġġornament tal-informazzjoni pprovduta qabel (2015) dwar l-istatus tar-regoli dwar il-UTP fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali tagħhom, inklużi aspetti tal-infurzar; u biex tinkiseb informazzjoni dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt u studji oħra li l-Istati Membri kellhom disponibbli f’dan il-qasam. Din id-dejta ntużat sabiex tinforma studju minn esperti esterni u direttament f’dan ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt (ara l-Anness 1). Il-kwestjonarju għall-Istati Membri kien miftuħ uffiċjalment bejn it-2 ta’ Ottubru 2017 u t-3 ta’ Novembru 2017, iżda s-sottomissjonijiet tard kienu aċċettati għall-użu fl-istudju mill-esperti esterni.

2.6.Workshop akkademiku taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar il-UTP fil-katina tal-provvista tal-ikel

Fis-17 u t-18 ta’ Lulju 2017 fi Brussell sar workshop organizzat b’mod konġunt mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC). Il-workshop ġabar flimkien esperti internazzjonali, bil-għan li jiddiskutu l-letteratura xjentifika dwar il-metodoloġija, l-impatti u l-aspetti regolatorji tal-UTP. Rapport li ġie kkompilat minn diversi esperti u editjat mill-JRC huwa disponibbli għall-pubbliku (aktar dettalji dwar l-eżiti tal-workshop jinsabu fl-Anness 1) 7 .

2.7.Laqgħat ad hoc mal-partijiet ikkonċernati tal-katina tal-provvista tal-ikel

Fuq talba tagħhom, ġew organizzati diversi laqgħat bilaterali mal-partijiet ikkonċernati. Saru laqgħat ma’ Independent Retail Europe, FoodDrinkEurope, EuroCommerce, European Brands Association (AIM), il-Kamra Daniża tal-Kummerċ, il-Federazzjoni tal-Bejgħ bl-Imnut Ġermaniża, iċ-Ċentru ta’ Kollegament għall-Industrija tal-Ipproċessar tal-Laħam fl-Unjoni Ewropea (CLITRAVI), l-Unjoni Ewropea tal-Kummerċ tal-Bhejjem u l-Laħam (UECBV), Edeka, REWE, Federation du Commerce et de la Distribution, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ħalib, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħalib, il-Federazzjoni Nazzjonali tan-Negozjanti tal-Laħam u l-Ikel tar-Renju Unit, Europatat, u Euro Fresh Foods. Il-laqgħat bilaterali ffokaw fuq li jwieġbu l-mistoqsijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar il-proċess u l-kontenut tal-valutazzjoni tal-impatt, biex il-partijiet ikkonċernati jesprimu l-appoġġ jew l-oppożizzjoni tagħhom għall-inizjattiva u jqajmu kwistjonijiet ta’ rilevanza għas-settur tagħhom.

2.8.Gruppi ta’ Djalogu Ċivili

Saru żewġ preżentazzjonijiet bi skambju ta’ opinjonijiet fil-Gruppi ta’ Djalogu Ċivili (CDGs) dwar il-Politika Agrikola Komuni, fejn huma rappreżentati diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati 8 . Dawn seħħew fis-6 ta’ Novembru 2017 (CDG dwar iż-Żebbuġ) u fit-22 ta’ Novembru 2017 (CDG dwar l-Ortikoltura/Frott u Ħaxix).

(1)

   Il-Kummissjoni Ewropea, Strateġija ta’ Konsultazzjoni – Inizjattiva sabiex tittejjeb il-katina tal-provvista tal-ikel, 2017

(2)

   Il-kontribuzzjonijiet individwali huma elenkati fil-paġna web tal- valutazzjoni tal-impatt tal-bidu .

(3)

   Fil-bqija tas-sottotaqsima tal-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, il-perċentwali għal “ebda risposta” jew “pożizzjoni mhux ċara” tħallew barra.

(4)

   Fejn iċ-ċifri ma jammontawx għal 100%, dan huwa minħabba l-ommissjoni ta’ dawk li wieġbu “ebda opinjoni”. Kien hemm dipendenza bejn xi mistoqsijiet (xi rispondenti biss ikunu raw ċerti mistoqsijiet, billi dawn kienu rilevanti biss skont risposta mogħtija qabel). Dan huwa rilevanti b’mod partikolari għas-settur tal-bejgħ bl-imnut, li kien ifisser li għal diversi mistoqsijiet, ir-rata tar-risposti tas-settur tal-bejgħ bl-imnut hija baxxa ħafna (3 jew 4 risposti minn 25 organizzazzjoni tal-bejgħ bl-imnut). It-risposti ma kinux obbligatorji, u xi rispondenti għażlu li ma jweġbux għal xi mistoqsijiet.

(5)

   Perċentwali bbażati fuq l-għadd ta’ rispondenti li wieġbu kull mistoqsija.

(6)

   Punti ta’ referenza stabbiliti: “aktar minn 5%” (14-il risposta) = 5%; “2 sa 5%” (18-il risposta) = 3.5%; “0.5 sa 2 %” (22 risposta) = 1.25 %; “>0.5%” (24 risposta) = 0.25%; “xejn jew insinifikanti” (16-il risposta) = 0%.

(7)

     Rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Unfair trading practices in the food supply chain, 2017.

(8)

    Gruppi ta’ Djalogu Ċivili dwar il-Politika Agrikola Komuni.

Top