IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2018
COM(2018) 817 final
2018/0414(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali rigward is-snin 2019 u 2020
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Il-proposta għandha l-għan li tipprovdi ċ-ċertezza u l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ lill-bdiewa Ewropej fis-snin 2019 u 2020 billi tadatta żewġ atti leġiżlattivi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK).
B’rabta mal-iżvilupp rurali, ċerti emendi għar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali) huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-politika fl-aħħar snin tal-perjodu ta’ programmazzjoni u tranżizzjoni bla xkiel għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid. Dawn l-emendi jikkonċernaw skeda ta’ digressività ġdida għall-eliminazzjoni gradwali tal-pagamenti liż-żoni li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali minbarra ż-żoni muntanjużi (ANC) u l-użu tal-assistenza teknika tal-FAEŻR fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni għall-azzjonijiet li jħejju l-implimentazzjoni tal-PAK futura.
B’rabta mal-pagamenti diretti, uħud mid-dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (Regolament dwar il-Pagamenti Diretti) ma jkoprux is-sena kalendarja 2020 peress li l-ispejjeż relatati mas-sena kalendarja 2020 jintefqu fis-sena finanzjarja 2021, li hija l-ewwel sena tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027. Fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament, għalhekk ma kienx possibbli li jsiru impenji relatati mal-QFP futur. Fin-nuqqas ta’ emenda tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, xi Stati Membri jkollhom jiffaċċjaw implikazzjonijiet finanzjarji li jistgħu jfixklu fir-rigward tal-pagamenti diretti fis-sena kalendarja 2020, li jmorru lil hinn minn dawk relatati mal-QFP il-ġdid (QFP 2021–2027). Li kieku ma jiġix emendat, dawk l-Istati Membri jiffaċċaw bidliet importanti fil-pagamenti diretti u fil-pakketti tal-iżvilupp rurali tagħhom b’effetti konsiderevoli fuq il-pagamenti lill-bdiewa taħt iż-żewġ pilastri. Barra minn hekk, jiżdiedu elementi tekniċi oħra, peress li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv attwali.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-emendi proposti huma konsistenti mar-Regolament għall-Iżvilupp Rurali u r-Regolament dwar il-Pagamenti Diretti, għalhekk il-proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika tal-PAK.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
It-TFUE jipprevedi li l-kompetenza għall-agrikoltura tinqasam bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. L-Unjoni teżerċita l-kompetenza tagħha permezz tal-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi varji, biex b’hekk tiddefinixxi u timplimenta politika agrikola komuni tal-UE kif previst fl-Artikoli 38 sa 44 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 jistabbilixxu sistema għall-appoġġ tal-iżvilupp rurali u għall-pagamenti diretti lill-bdiewa. Skont l-Artikolu 39 tat-TFUE, wieħed mill-għanijiet tat-Trattat tal-PAK, fost l-oħrajn, huwa li jiżgura standard tal-għajxien ġust għall-bdiewa u l-inizjattiva proposta hija konformi ma’ dan l-għan. Għaldaqstant, permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), il-PAK jiffinanzja l-pagamenti diretti u r-Regolament UE (Nru) 1307/2013 jirregola l-pagamenti fuq il-livell tal-Unjoni. L-appoġġ tal-iżvilupp rurali huwa parti integrali tal-PAK u jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-PAK kif stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-valur miżjud tal-proposta huwa li din tassigura ċ-ċertezza u l-istabbiltà tal-appoġġ għad-dħul dirett għall-bdiewa Ewropej fis-sena 2020 u li tappoġġja l-iżvilupp rurali fl-aħħar snin tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali. Dawn l-għanijiet jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ emenda tar-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 mill-koleġiżlaturi tal-UE.
•Proporzjonalità
Il-proposta ma tinvolvi l-ebda żvilupp ta’ politika ġdid meta mqabbla mal-atti leġiżlattivi li beħsiebha temenda. Din il-proposta timmodifika r-Regolamenti eżistenti biss sal-punt meħtieġ biex tikseb l-għanijiet deskritti hawn fuq.
•Għażla tal-istrument
Peress li l-atti leġiżlattivi oriġinali huma regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-emendi jridu jiġu introdotti wkoll bħala regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Il-proposta tiddevja mill-prattika standard kif stipulata fil-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar u fis-sett ta’ għodod. Tenħtieġ deroga mill-prattika standard għar-raġunijiet li ġejjin:
- il-proposta hija teknika ħafna fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha;
- l-inizjattiva hija limitata għall-aħħar snin tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali;
- hija ma tintroduċix impenji politiċi ġodda.
Għalhekk, valutazzjoni tal-impatt, konsultazzjoni pubblika u pjan direzzjonali mhumiex xierqa għal din il-proposta. Barra minn hekk, peress li jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni tkun fis-seħħ fl-2019, l-adozzjoni mill-koleġiżlaturi hija urġenti.
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-għażla proposta sabiex l-Istati Membri jżommu l-flessibbiltà attwali bejn il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali fis-sena kalendarja 2020 (sena finanzjarja 2021), u t-trasferiment tal-prodott stmat tat-tnaqqis mill-pagamenti diretti għall-iżvilupp rurali f’dik is-sena, tista’, soġġett għad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri, taffettwa l-allokazzjoni bejn il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali. Madankollu, kwalunkwe trasferiment ta’ dan it-tip se jkun newtrali f’termini tal-impenji baġitarji globali.
Aktar dettalji dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta preżenti huma pprovduti fid-dikjarazzjoni finanzjarja mehmuża ma’ din il-proposta.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
·Żvilupp rurali
Il-proposta tagħmilha possibbli biex l-Istati Membri li jimmodifikaw l-iskeda ta’ digressività għall-pagamenti f’żoni li rċevew ħlasijiet bħal dawn fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, filwaqt li fil-perjodu attwali, ma ġewx klassifikati aktar bħala żoni li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali minbarra ż-żoni muntanjużi skont l-Artikolu 31(5) tar-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali. Din il-modifika ssegwi l-estensjoni tal-iskadenza għad-delimitazzjoni ta’ żoni bħal dawn għall-2019, introdotta mir-Regolament (UE) 2017/2393, li jimplika, sal-aħħar tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, perjodu ta’ adattament iqsar għall-bdiewa li m’għadhomx eliġibbli għal dawn il-pagamenti. Din il-modifika tippermetti li jsir il-kalkolu tal-pagamenti tranżizzjonali għas-snin 2019 u 2020 abbażi tal-livelli ta’ pagament għall-perjodu 2014-2020. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-digressività tal-pagamenti tranżizzjonali tkun inqas qawwija għax din jenħtieġ li tiġi stabbilita mill-Istati Membri b’tali mod li l-livell tat-tmiem ikun in-nofs tal-livell tal-bidu.
Il-proposta testendi l-użu tal-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għal azzjonijiet relatati mal-preparazzjoni tal-PAK futura. Il-proposta tikkonċerna esklużivament il-kamp ta’ applikazzjoni tal-assistenza teknika mingħajr ma timmodifika l-appoġġ finanzjarju.
·Il-flessibilità bejn il-pilastri fis-sena 2020 u t-trasferiment tal-prodott tat-tnaqqis tal-pagamenti diretti għall-Iżvilupp Rurali
Il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà biex l-Istati Membri jittrasferixxu l-fondi bejn il-pilastri fis-sena kalendarja 2020 (li tikkorrispondi għas-sena finanzjarja 2021). Għall-perjodu 2015-2019, l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jittrasferixxu ammonti mill-pagamenti diretti għall-iżvilupp rurali u viċi versa. Ir-regoli fis-seħħ ma jistabbilixxux din it-tip ta’ flessibbiltà għas-sena kalendarja 2020/sena finanzjarja 2021. Dan il-mekkaniżmu finanzjarju huwa mekkaniżmu importanti li jipprovdi lill-Istati Membri bil-flessibilità fil-ġestjoni tal-pakketti finanzjarji tagħhom, u jottimizza l-użu tal-fondi disponibbli. L-esperjenza turi li dan il-mekkaniżmu wera l-użu tiegħu bħala għodda effettiva għall-Istati Membri u għaldaqstant ċerti Stati Membri jittrasferixxu ammont sinifikanti bejn iż-żewġ pilastri. Nuqqas ta’ flessibilità bejn il-pilastri fis-sena kalendarja 2020/sena finanzjarja 2021 x’aktarx joħloq tfixkil finanzjarju serju għall-bdiewa f’ċerti Stati Membri, peress li l-effett fuq il-pakketti tagħhom jista’ jkun sinifikanti. Għaldaqstant, il-proposta tappella sabiex it-trasferiment bejn il-pilastri jibqa’ possibbli fis-sena kalendarja 2020 skont l-istess kundizzjonijiet li hemm bħalissa u sabiex il-prodott stmat tat-tnaqqis jibqa’ jiġi trasferit mill-pagamenti diretti għall-iżvilupp rurali.
2018/0414 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali rigward is-snin 2019 u 2020
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa l-qafas legali attwali għall-appoġġ tal-iżvilupp rurali. Huwa jipprevedi appoġġ għaż-żoni li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali minbarra ż-żoni muntanjużi. Filwaqt li titqies l-estensjoni għall-2019 tal-iskadenza għad-delimitazzjoni l-ġdida taż-żoni li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali minbarra żoni muntanjużi permezz tar-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-perjodu ta’ adattament iqsar għall-bdiewa li mhumiex se jibqgħu eleġibbli għal pagamenti, il-pagamenti tranżizzjonali digressivi li jibdew biss fl-2019 jenħtieġ li jibdew f’livell ta’ mhux aktar minn 80 % tal-pagamenti medji ffissati fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Il-livell tal-pagament jenħtieġ li jiġi stabbilit b’tali mod li l-livell tat-tmiem fl-2020 ikun in-nofs tal-livell tal-bidu.
(2)Sabiex tingħata assistenza lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati għat-tħejjija f’waqtha tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) futura u sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-perjodu ta’ programmar il-ġdid, jenħtieġ li jiġi ċċarat li huwa possibbli li jiġu ffinanzjati attivitajiet marbuta mal-preparazzjoni tal-PAK futura permezz tal-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.
(3)Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa l-qafas legali attwali għall-pagamenti diretti. Għalkemm il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu japplikaw sakemm dak ir-Regolament jibqa’ fis-seħħ, dispożizzjonijiet oħra jirreferu b’mod espliċitu għas-snin kalendarji mill-2015 sal-2019 li huma koperti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020. Għal xi dispożizzjonijiet oħra, l-applikabbiltà tagħhom lil hinn mis-sena kalendarja 2019 ma kinitx espliċitament prevista. F’Ġunju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament ġdid bil-għan li jissostitwixxi r-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iżda biss mill-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk, huwa xieraq li jsiru ċerti aġġustamenti tekniċi lir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 sabiex dan ikun jista’ jiġi applikat bla xkiel għas-sena kalendarja 2020.
(4)L-obbligu stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li titnaqqas il-parti tal-ammont ta’ pagamenti diretti li għandhom jingħataw lil bidwi għal sena kalendarja partikolari li taqbeż EUR 150 000 jkompli japplika sakemm dak ir-Regolament jidħol fis-seħħ. Madankollu, attwalment, dak l-Artikolu jipprevedi biss l-obbligu ta’ notifika għall-Istati Membri rigward id-deċiżjonijiet tagħhom u l-prodott stmat ta’ dan it-tnaqqis għas-snin 2015 sa 2019. Bi ħsieb li tiġi żgurata kontinwazzjoni tas-sistema eżistenti, jenħtieġ li jiġi stipulat li l-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom rigward is-sena 2020 u l-prodott stmat tat-tnaqqis għal dik is-sena.
(5)Il-flessibiltà bejn il-pilastri hija t-trasferiment fakultattiv ta’ fondi bejn il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali. Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu minn din il-flessibiltà fir-rigward tas-snin kalendarji 2014 sa 2019. Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu l-istrateġija tagħhom stess, il-flessibiltà bejn il-pilastri jenħtieġ tkun disponibbli wkoll għas-sena kalendarja 2020, li tikkorrispondi għas-sena finanzjarja 2021.
(6)Bħala konsegwenza tal-emenda tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, huwa xieraq li jiġu aġġustati r-referenzi għal dak l-Artikolu fil-kuntest tal-obbligu tal-Istati Membri li jnaqqsu jew iżidu b’mod lineari, il-valur tad-drittijiet għall-pagamenti minħabba fluttwazzjonijiet fil-limitu massimu nazzjonali li rriżultaw min-notifiki tagħhom tal-applikazzjoni tal-flessibiltà bejn il-pilastri.
(7)Għalhekk, ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq.
(8)Sabiex tiġi pprovduta l-flessibiltà neċessarja lill-Istati Membri u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-politika ta’ żvilupp rurali fl-aħħar snin tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Marzu 2019,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1305/2013
Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 31(5), jiddaħħal it-tieni subparagrafu li ġej:
“Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, fejn il-pagamenti digressivi jibdew biss fis-sena 2019, dawk il-pagamenti għandhom jibdew f’livell ta’ mhux aktar minn 80 % tal-pagament medju stabbilit fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Il-livell tal-pagament għandu jiġi stabbilit b’tali mod li l-livell tat-tmiem fl-2020 ikun in-nofs tal-livell tal-bidu.”;
(2)fl-Artikolu 51(1), jiddaħħal it-tieni subparagrafu li ġej:
“Il-FAEŻR jista’ jiffinanzja attivitajiet li jippreparaw għall-implimentazzjoni tal-PAK fil-perjodu ta’ programmazzjoni sussegwenti.”.
Artikolu 2
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1307/2013
Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 huwa emendat kif ġej:
(1) fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Għal kull Stat Membru u għal kull sena kalendarja, il-prodott stmat tat-tnaqqis tal-pagamenti imsemmi fl-Artikolu 11 (li jkun rifless fid-differenza bejn il-limitu massimu nazzjonali stabbilit fl-Anness II, li magħhom jiżdied l-ammont disponibbli skont l-Artikolu 58, u l-limitu massimu nett stabbilit fl-Anness III) għandu jsir disponibbli bħala appoġġ tal-Unjoni ffinanzjat skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).”;
(2)fl-Artikolu 11(6), jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:
“Għas-sena 2020, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-Artikolu u dwar kwalunkwe prodott stmat tat-tnaqqis sal-31 ta’ Diċembru 2019.”;
(3)L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, jiżdied is-sitt subparagrafu li ġej:
“Sal-31 ta’ Diċembru 2019, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli, bħala appoġġ addizzjonali ffinanzjat taħt l-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2021, sa 15 % tal-limiti nazzjonali annwali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 stipulati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. B’riżultat ta’ dan, l-ammont korrispondenti ma għandux jibqa’ disponibbli għall-għoti tal-pagamenti diretti. Din id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019 u għandha tistipula l-perċentwal magħżul.”;
(b)fil-paragrafu 2, jiżdied is-sitt subparagrafu li ġej:
“Sal-31 ta’ Diċembru 2019, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli bħala pagamenti diretti sa 15 % jew, fil-każ tal-Bulgarija, l-Estonja, Spanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja sa 25 % tal-ammont allokat għall-appoġġ iffinanzjat taħt l-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2021 mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata wara r-Regolament adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 312(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. B’riżultat ta’ dan, l-ammont korrispondenti ma għandux jibqa’ disponibbli għall-appoġġ iffinanzjat taħt l-FAEŻR. Din id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019 u għandha tistipula l-perċentwal magħżul.”;
(4)fl-Artikolu 22, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5. Jekk il-limitu massimu għal Stat Membru, stipulat mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1, ikun differenti minn dak tas-sena ta’ qabel bħala riżultat ta’ kwalunkwe deċiżjoni li ttieħdet minn dak l-Istat Membru f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 14(1) jew (2), l-Artikolu 42(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 51(1), jew l-Artikolu 53, dak l-Istat Membru għandu b’mod lineari jnaqqas jew iżid il-valur tad-drittijiet kollha għall-pagament biex tkun żgurata konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.”.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA
|
FS/18/CS/pl 5249450
|
|
6.15.2018.1
|
|
DATA: 13/09/2018
|
1.
|
INTESTATURA TAL-BAĠIT: QFP attwali: Intestatura 2, proposta għall-QFP 2021 – 2027: intestatura 3
Abbozz tal-Baġit 2019:
05 03 Pagamenti diretti wara d-dixxiplina finanzjarja:
05 04 60 Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (2014 – 2020)
|
APPROPRJAZZJONIJIET:
f’miljuni ta’ EUR
40 981.6
14 673.6
|
2.
|
TITOLU:
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali rigward is-snin 2019 u 2020
|
3.
|
BAŻI ĠURIDIKA:
L-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
4.
|
GĦANIJIET:
Il-proposta għandha l-għan li tipprovdi kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ lill-bdiewa Ewropej fis-snin 2019 u 2020 billi tadatta żewġ atti leġiżlattivi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK): żvilupp rurali taħt ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013.
|
5.
|
IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI
|
PERJODU TA’ 12-IL XAHAR
(f’miljuni ta’ EUR)
|
SENA FINANZJARJA ATTWALI
2018
(f’miljuni ta’ EUR)
|
SENA FINANZJARJA TA’ WARA
2019
(f’miljuni ta’ EUR)
|
5.0
|
NEFQA
-
IDDEBITATA LILL-BAĠIT TAL-UE
(RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI)
-
AWTORITAJIET NAZZJONALI
-
OĦRAJN
|
|
Mhux applikabbli
|
Mhux applikabbli
|
5.1
|
DĦUL
-
RIŻORSI PROPRJI TAL-UE
(IMPOSTI/DAZJI DOGANALI)
-
NAZZJONALI
|
|
|
|
|
|
2017
|
2018
|
2019
|
2020
|
5.0.1
|
NEFQA PROĠETTATA
|
|
|
|
|
5.1.1
|
DĦUL PROĠETTAT
|
|
|
|
|
5.2
|
METODU TAL-KALKOLU:
Ara l-osservazzjonijiet
|
6.0
|
IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI?
|
Mhux applikabbli
|
6.1
|
IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI?
|
Mhux applikabbli
|
6.2
|
SE JKUN HEMM BŻONN TA’ BAĠIT SUPPLIMENTARI?
|
LE
|
6.3
|
SE JKUN HEMM BŻONN LI JIDDAĦĦLU L-APPROPRJAZZJONIJIET F’BAĠITS FUTURI?
|
IVA (ara l-osservazzjonijiet)
|
OSSERVAZZJONIJIET:
Fir-rigward tal-iżvilupp rurali taħt ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (FAEŻR), il-proposta hija marbuta mas-snin finanzjarji 2019 – 2021, filwaqt li l-modifiki proposti għal pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 huma relatati mas-sena kalendarja 2020/sena finanzjarja 2021.
Il-proposta m’għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji f’termini ta’ żieda fin-nefqa.
L-effett tad-dispożizzjonijiet proposti li jagħtu lill-Istati Membri l-għażla li jittrasferixxu ammonti bejn l-allokazzjonijiet ta’ pagamenti diretti fis-sena kalendarja 2020/sena finanzjarja 2021 u l-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2021, kif ukoll it-trasferiment tal-prodott stmat tat-tnaqqis mill-pagamenti diretti fis-sena kalendarja 2020 għall-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2021, se jkun jiddependi fuq l-implimentazzjoni tal-Istati Membri u għalhekk ma jistax jiġi kkwantifikat għalissa.
Fi kwalunkwe każ, trasferimenti bħal dawn se jibqgħu newtrali fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn ġenerali b’mod li kwalunkwe tnaqqis mill-allokazzjonijiet tal-pagamenti diretti se jitpaċew b’żieda korrispondenti fl-allokazzjonijiet tal-FAEŻR u viċi versa.
Fir-rigward tal-approprjazzjonijiet tal-pagamenti, jekk l-implimentazzjoni tal-Istati Membri ta’ dawn id-dispożizzjonijiet twassal għal trasferiment nett lejn l-FAEŻR, dan jista’ jwassal għal posponiment żgħir fil-pagamenti mis-sena finanzjarja 2021 għas-snin ta’ wara, meta mqabbel mas-sitwazzjoni fejn l-implimentazzjoni tal-Istati Membri tkun timplika trasferiment nett lejn l-allokazzjonijiet tal-pagamenti diretti jew li ma jkun hemm l-ebda riallokazzjoni.
Dan l-effett ma jistax madanakollu jiġi kkwantifikat f’dan l-istadju u f’kull każ huwa mistenni li jibqa’ minimu.
Bħala eżempju, mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-għażliet tal-Istati Membri għas-sena kalendarja 2020/sena finanzjarja 2021, il-flessibiltà fis-snin finanzjarji 2018 u 2019 timplika trasferimenti netti għall-FAEŻR ta’ EUR 612 miljun u EUR 920 miljun rispettivament. It-trasferiment għall-FAEŻR tal-prodott stmat tat-tnaqqis fl-istess snin finanzjarji huwa rispettivament EUR 110 miljun u EUR 111 miljun.
Fid-dawl tal-esperjenza tal-imgħoddi u tal-pakketti baġitarji proposti għall-2021-2027, trasferiment nett lill-FAEG jidher improbabbli; madankollu, ma jistax jiġi eskluż għalkollox f’dan l-istadju. F’każ bħal dan, sabiex issir konformità mal-limiti massimi applikabbli, jista’ jenħtieġ li n-nefqa differenzjata, bħall-pagamenti taħt il-FAEŻR, tingħata inqas prijorità.
|