IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.11.2018
COM(2018) 806 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mill-Ungerija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2017
{SWD(2018) 504 final}
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mill-Ungerija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2017
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(2), ir-raba’ subparagrafu tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fit-22 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill iddeċieda b’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) li fl-Ungerija teżisti devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju ta’ -1.5% tal-PDG.
(2)Fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, fit-22 ta’ Ġunju 2018 il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni għall-Ungerija biex tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiggarantixxi li fl-2017 ir-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-2,8 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-PDG. Huwa rrakkomanda li l-Ungerija tuża kull gwadann mhux previst għat-tnaqqis tad-defiċit, filwaqt li jenħtieġ li l-miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir. Il-Kunsill stabbilixxa skadenża tal-15 ta' Ottubru 2018 sa meta l-Ungerija kellha tirrapporta dwar l-azzjoni li tkun ħadet b'reazzjoni għal dik ir-rakkomandazzjoni.
(3)Fit-18 u d-19 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni wettqet missjoni ta' sorveljanza msaħħa fl-Ungerija għall-fini tal-monitoraġġ fuq il-post skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Wara li l-eżiti provviżorji ġew trażmessi lill-awtoritajiet Ungeriżi għall-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni rrapportat l-eżiti tagħha lill-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2018. Dawk il-konklużjonijiet sussegwentement ġew ippubblikati. Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonstata li l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom l-intenzjoni li jżommu l-mira tad-defiċit nominali bħal fl-2018 ta’ 2,4 % tal-PGD kif stabbilit fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2018 u għalhekk mhumiex jippjanaw li jaġixxu fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018.
(4)Fil-15 ta' Ottubru 2018, l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw rapport dwar azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018. Fir-rapport, l-awtoritajiet tennew li l-mira tagħhom għall-2018 jibqa' defiċit nominali ta' 2,4 % tal-PDG. Meta mqabbel mal-projezzjoni baġitarja fil-Programm ta' Konverġenza tal-2018, l-awtoritajiet jistennew li jsibu dħul mit-taxxa u tfaddil ogħla b’mod sinifikanti minħabba spejjeż ta’ konfinanzjament imnaqqsa ta’ proġetti finanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Madanakollu, huma jippjanaw nefqa addizzjonali li tpaċi b’mod sħiħ l-effett ta’ tnaqqis ta’ defiċit ta’ dawk l-iżviluppi. Miżuri diskrezzjonali ġodda rrapportati ma għandhom l-ebda impatt fiskali nett sinifikanti dwar l-eżitu tal-baġit fl-2018, u b’hekk ma jissodisfawx ir-rekwiżit iddikjarat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018.
(5)Fl-2018, abbażi tat-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2018, it-tkabbir tan-nefqa tal-gvern, bl-esklużjoni tal-miżuri diskrezjonarji tad-dħul u dħul ta’ darba, huwa pproġettat li jkun 7,0 %, ferm ogħla mir-rata ta’ referenza rakkomandata ta’ tkabbir ta’ 2,8 % (distakk ta’ 1,6 % tal-PDG). Il-bilanċ strutturali huwa mistenni li jiddeterjora b’ 0,4 % tal-PDG kontra t-titjib rakkomandat ta’ 1,0 % tal-PDG (distakk ta’ 1,4 % tal-PDG). Għaldaqstant, iż-żewġ pilastri jindikaw lejn devjazzjoni b’marġni wiesa’ mill-aġġustament rakkomandat. Ir-riżultat tal-parametru referenzjarju għan-nefqa huwa milqut negattivament minn tliet elementi, jiġifieri rata ta’ tkabbir potenzjali fuq terminu medju aktar baxxa milli stmata bħalissa, deflatur tal-PDG li hu l-bażi tal-parametru referenzjarju tan-nefqa baxx aktar milli mistenni, kif ukoll effett tad-dħul indirett ta’ ċerti miżuri. Wara aġġustament għal dawn il-fatturi kollha, il-parametru referenzjarju tal-infiq jidher li jirrifletti b’mod adegwat l-isforz fiskali u għadu jindika devjazzjoni. L-istima tal-bilanċ strutturali twassal għal riżultat simili. Il-bilanċ strutturali huwa affettwat b’mod negattiv minn tnaqqis fid-dħul, iżda dan huwa parzjalment paċut bl-effett ta’ stima tal-punt ogħla għat-tkabbir tal-PDG potenzjali meta mqabbel mal-medja fuq terminu medju sottostanti tal-valur referenzjarju tan-nefqa. Għalhekk, il-valutazzjoni kumplessiva tikkonferma devjazzjoni b’marġni wiesa’ mill-aġġustament rakkomandat.
(6)Is-sejbiet ta’ hawn fuq iwasslu għall-konklużjoni li r-reazzjoni tal-Ungerija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018 ma kinitx biżżejjed. L-isforz fiskali ma jiżgurax li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma teċċedix 2,8 % fl-2018, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-PDG.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Ungerija ma ħaditx azzjoni effikaċi b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Il-Ġimgħa, 22 ta' Ġunju 2018 .
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President