Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0783

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

COM/2018/783 final

Brussell, 28.11.2018

COM(2018) 783 final

2018/0402(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-Artikolu 301 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li l-għadd ta’ membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”) ma għandux jaqbeż it-350 u li l-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Kumitat.

L-Artikolu 300(5) TFUE jistipula li r-regoli li jirregolaw in-natura tal-kompożizzjoni tal-Korpi Konsultattivi “għandhom jiġu riveduti f’intervalli regolari mill-Kunsill sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u demografiċi fi ħdan l-Unjoni. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjonijiet għal dan il-għan.”

Mill-1 ta’ Lulju 2013, il-kompożizzjoni tal-Kumitat ġiet adattata bl-Artikolu 23(1) tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja 1 u l-Artikolu 23(2) kien jistipula żieda temporanja fin-numru ta’ membri tal-Kumitat għal 353 biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja. Għall-perjodu 2015-2020, fl-14 ta’ Lulju 2015 il-Kunsill adotta d-deċiżjoni li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat 2 għall-finijiet ta’ konformità man-numru massimu ta’ 350 previst fit-Trattat. Dan wassal għat-tnaqqis ta’ siġġu wieħed tad-delegazzjonijiet tal-Estonja, Ċipru u l-Lussemburgu rispettivament.

Il-mandat attwali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew se jintemm fl-20 ta’ Settembru 2020. Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kunsill jadotta deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat fil-ħin qabel il-Kunsill iniedi l-proċedura għat-tiġdid tal-Kumitat għall-perjodu 2020–2025.

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019 se jirriżulta f’24 siġġu battal fil-Kumitat.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-bilanċ attwali fil-kompożizzjoni tal-Kumitat jenħtieġ li jinżamm kemm jista’ jkun, peress li huwa r-riżultat ta’ Konferenzi Intergovernattivi suċċessivi.

Għaldaqstant, qed jiġi propost li l-Estonja, Ċipru u l-Lussemburgu jingħataw lura t-tliet siġġijiet li dawn l-Istati Membri tilfu wara l-aħħar deċiżjoni li ddeterminat il-kompożizzjoni tal-Kumitat u li l-bqija tas-siġġijiet battala jitħallew vojta bħala riżerva għal tkabbir possibbli fil-ġejjieni. Konsegwentement, fil-perjodu 2020–2025 il-Kumitat ikun kompost minn 329 membru.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Mhux applikabbli

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Il-Kummissjoni tadotta din il-proposta b’mod parallel mal-proposta dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni. Il-paralleliżmu fir-rigward tal-allokazzjoni tas-siġġijiet bejn l-Istati Membri fiż-żewġ Kumitati jrid jinżamm.

It-Trattati ma jistipulaw xejn dwar il-metodu ta’ kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali jew tal-Kumitat tar-Reġjuni, dment li l-għadd massimu jkun 350 membru. Dan b’kuntrast għall-kriterji għall-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew li huma stipulati fl-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Billi l-Parlament huwa magħmul minn rappreżentanti eletti direttament taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Kumitat jikkonsisti minn rappreżentanti ta’ impjegaturi, impjegati u partijiet oħra li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili (l-Artikolu 300(2) TFUE) Għalhekk, waqt id-determinazzjoni tal-kompożizzjoni l-ġdida tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, jenħtieġ li l-għan ewlieni jkun li l-vuċi tal-impjegaturi, tal-ħaddiema u tas-soċjetà ċivili tinstema’ fil-Kumitat u mhux li jkun hemm rabta diretta bejn id-daqs tad-delegazzjonijiet nazzjonali fi ħdan il-Kumitat u d-daqs tal-popolazzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 301 TFUE li jistipula li deċiżjoni unanima tal-Kunsill tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli

Proporzjonalità

Mhux applikabbli

Għażla tal-istrument

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 301 TFUE jistipula li l-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Kumitat.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, IL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Waqt il-preparazzjoni tal-proposta attwali, il-Kummissjoni kienet fi djalogu mill-qrib ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri u kellha diversi laqgħat magħhom.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bagħat ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni, abbażi tad-deċiżjoni tal-Bureau tat-18 ta’ Settembru 2018 3 , għar-restituzzjoni tat-tliet siġġijiet li l-Estonja, Ċipru u l-Lussemburgu kienu tilfu fl-2015 u biex l-ebda siġġijiet battala oħra ma jitqassmu mill-ġdid, u b’hekk l-għadd ta’ membri għall-mandat 2020–2025 ġie ffissat għal 329.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Mhux applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt speċifika peress li mhux mistenni li se jkollha impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali sinifikanti.

L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

Mhux applikabbli

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

In-numru mnaqqas ta’ siġġijiet b’konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jista’ jkollu effett ta’ tnaqqis fuq il-baġit kumplessiv tal-Kumitat.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Mhux applikabbli

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

Id-dħul fis-seħħ

Huwa propost li l-Kunsill jipposponi l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sal-għada ta’ tmiem il-mandat attwali tal-Kumitat.

2018/0402 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 301 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 300 tat-Trattat jistabbilixxi r-regoli għall-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1157 4 adattat il-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wara l-adeżjoni tal-Kroazja. L-Estonja, Ċipru u l-Lussemburgu rispettivament tilfu siġġu wieħed biex tiġi indirizzata d-diskrepanza bejn l-għadd massimu ta’ membri stabbilit mit-Trattat u l-għadd ta’ membri wara l-adeżjoni tal-Kroazja.

(3)Il-preambolu tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1157 jgħid li għandha tiġi riveduta fi żmien adegwat għall-mandat tal-Kumitat li jibda fl-2020.

(4)Fit-18 ta’ Settembru 2018, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-kompożizzjoni futura tiegħu 5 .

(5)Jenħtieġ li l-bilanċ attwali fil-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sa fejn hu possibbli jinżamm peress li huwa r-riżultat ta’ Konferenzi Intergovernattivi suċċessivi.

(6)Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea wassal għal 24 siġġu battal fil-Kumitat. B’konsegwenza ta’ dan, jista’ jerġa’ jintlaħaq il-bilanċ fl-allokazzjoni tas-siġġijiet li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1157.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kompożizzjoni tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandha tkun hekk:

Il-Belġju    12

Il-Bulgarija    12

Ir-Repubblika Ċeka    12

Id-Danimarka    9

Il-Ġermanja    24

L-Estonja    7

L-Irlanda    9

Il-Greċja    12

Spanja    21

Franza    24

Il-Kroazja    9

L-Italja    24

Ċipru    6

Il-Latvja    7

Il-Litwanja    9

Il-Lussemburgu    6

L-Ungerija    12

Malta    5

In-Netherlands    12

L-Awstrija    12

Il-Polonja    21

Il-Portugall    12

Ir-Rumanija    15

Is-Slovenja    7

Is-Slovakkja    9

Il-Finlandja    9

L-Iżvezja    12.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-21 ta’ Settembru 2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    L-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 112, 24.4.2012, p. 6–110).
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1157/UE, ĠU L 187, 15.7.2015, p. 28-29.
(3)    Ittra tal-President tal-Kumitat lill-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2018.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1157 tal-14 ta’ Lulju 2015 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU L 187, 15.7.2015, p. 28).
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Settembru 2018.
Top