IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.9.2018
COM(2018) 658 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil-Latvja
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018PC0658
Proposal for a DECISION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on the mobilisation of the European Union Solidarity Fund to provide assistance to Latvia
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil-Latvja
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil-Latvja
COM/2018/658 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.9.2018
COM(2018) 658 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil-Latvja
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Il-kuntest tal-proposta
Din id-deċiżjoni tkopri l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 1 (minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala “ir-Regolament”) għal ammont ta’ EUR 17 730 519 biex jipprovdi assistenza lil-Latvja wara d-diżastru li seħħ matul l-2017. Din il-mobilizzazzjoni se tiġi ffinanzjata kollha kemm hi permezz tal-użu parzjali ta’ EUR 47 479 154 li jifdal f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament li diġà ddaħħlu fil-baġit tal-2018, biex jiġu koperti l-pagamenti bil-quddiem. Baġit emendatorju għalhekk mhuwiex meħtieġ.
2.Informazzjoni u kundizzjonijiet
Matul is-sajf u l-ħarifa tal-2017, il-Latvja kienet milquta minn xita qawwija li damet perjodu twil li wasslet għas-saturazzjoni tal-ħamrija u għargħar sussegwenti fil-pajjiż kollu, b’mod partikolari fir-reġjun ta’ Latgale u fit-territorji tal-madwar. Bħala konsegwenza, l-uċuħ tar-raba’ nqerdu u saret ħsara fil-kanali tal-ilma, is-sistema tad-drenaġġ, l-installazzjonijiet għat-trattament tal-ilma relatati, kif ukoll l-infrastruttura tat-triq u tal-ferroviji.
(1)Il-Latvja applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE fl-14 ta’ Novembru 2017 qabel l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa minn meta ġiet irreġistrata l-ewwel ħsara fl-24 ta’ Awwissu 2017. It-talba ġiet ippreżentata bħala “diżastru naturali maġġuri” skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament. Fis-27 ta’ April 2018, wara talba mill-Kummissjoni, il-Latvja ppreżentat informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex titlesta l-valutazzjoni ta’ dan il-każ.
(2)Id-diżastru huwa ta' oriġini naturali u għalhekk jaqa' taħt l-ambitu tat-talba tal-FSUE.
(3)Il-Latvja stmat il-ħsara diretta totali kkawżata mill-għargħar għal EUR 380,5 miljun. Dan l-ammont jaqbeż “il-limitu ta’ diżastru maġġuri” biex jiġi mmobilizzat il-FSUE applikabbli għal-Latvja fl-2017 ta’ EUR 145 740 000 (jiġifieri 0,6 % tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-Latvja fuq il-bażi tad-data tal-2015). Minħabba li l-ħsara diretta totali stmata taqbeż il-limitu, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri”, kif definit mir-Regolament. Għaldaqstant, it-talba mil-Latvja hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSUE.
(4)Il-Latvja ma talbitx li jsir ħlas bil-quddiem.
(5)It-talba tal-Latvja tagħti deskrizzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni meteoroloġika li wasslet għad-diżastru u l-effetti tiegħu. Ix-xita u l-għargħar kontinwi matul Awwissu, Settembru u Ottubru 2017 ikkawżaw ħsara konsiderevoli fl-agrikoltura li wasslet għal telf ta’ uċuħ tar-raba’ u s-sadd mifrux tas-sistema tad-drenaġġ agrikolu. Barra minn hekk, l-infrastruttura pubblika statali u lokali saritilha ħsara, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ilma (kanali tal-ilma, sistemi ta’ drenaġġ, installazzjonijiet idroloġiċi, imbankmenti u infrastruttura protettiva relatata) u l-infrastruttura tat-trasport (toroq maġġuri u lokali, ferroviji). B’kollox, saret ħsara f’184 triq statali, u t-traffiku ferrovjarju kellu jiġi sospiż temporanjament. Fid-29 ta’ Awwissu 2017 ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza. L-istituzzjonijiet u l-intrapriżi pubbliċi statali u lokali, li jipprovdu s-servizzi lill-popolazzjoni, ma setgħux jiffunzjonaw kif xieraq. Għadd ta’ skejjel u bini pubbliċi lokali oħra sfaw mgħarrqa u kellhom jingħalqu. Il-kanali tal-ilma għerqu u l-qigħan tagħhom imtlew b’depożiti, u ġew affettwati aktar minn 28 000 km ta’ sistemi ta’ drenaġġ (taħt l-art), xi 4 500 km ta’ dranaġġi mikxufa u gandotti u xi 1 700 kanal tal-ilma u kostruzzjonijiet idroloġiċi. L-għargħar tal-installazzjonijiet ta’ trattament tal-ilma mormi wassal għal tniġġis tal-ilma kif ukoll periklu għall-ambjent.
(6)Il-Latvja stmat l-ispiża tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza u rkupru eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament għal EUR 36,2 miljun u ppreżentata maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. Bil-bosta l-ikbar sehem tal-ispejjeż eliġibbli (kważi EUR 32 miljun) jirrigwarda s-sistema tad-drenaġġ pubbliku u l-infrastruttura relatata. Il-kontribuzzjoni mill-FSUE ma tistax madankollu tintuża għal tiswijiet li jmorru lil hinn mill-istat ta’ dawn l-assi qabel id-diżastru.
(7)L-awtoritajiet Latvjani kkonfermaw li l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni ma tagħmel tajjeb għall-ispejjeż eliġibbli.
(8)Ir-reġjun milqut huwa "reġjun inqas żviluppat" taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (2014-2020). L-awtoritajiet Latvjani ma indikawx lill-Kummissjoni l-ħsieb tagħhom li jallokaw mill-ġdid fondi mill-programmi tal-Fondi SIE għall-miżuri tal-irkupru. Madankollu, wara talba mil-Latvja għal appoġġ lill-bdiewa li ġiet preżentata lill-Kummissjoni f’Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/108 dwar miżura ta’ emerġenza fil-forma ta’ għajnuna lill-bdiewa minħabba l-għargħar u x-xita qawwija li kien hemm f’ċerti żoni tal-Litwanja, tal-Latvja, tal-Estonja u tal-Finlandja”. L-ammont massimu mogħti lil-Latvja huwa ta’ EUR 3,5 miljun.
(9)Il-Latvja ma attivatx il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.
(10)Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji tad-diżastri, bħalissa ma hemm l-ebda proċedura ta’ ksur għaddejja.
2.5Konklużjoni
Minħabba r-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, id-diżastru msemmi fit-talba ppreżentata mil-Latvja jissodisfa r-rekwiżiti stabbilit fir-Regolament biex jiġi mmobilizzat il-FSUE.
3.Finanzjament mill-allokazzjonijiet tal-FSUE għall-2018
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 2 (minn issa 'l quddiem “ir-Regolament dwar il-QFP”), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu, jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FSUE, b’limitu massimu annwali ta’ EUR 500 000 000 (prezzijiet tal-2011). Il-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxipplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 3 (IIA) jistabbilixxi l-modalitajiet għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE.
Billi s-solidarjetà kienet il-ġustifikazzjoni ċentrali għall-ħolqien tal-FSUE, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li l-għajnuna tkun progressiva. Dan ifisser li, skont prattika preċedenti, jenħtieġ li l-porzjon tal-ħsara li jaqbeż il-livell limitu ta’ “diżastru naturali maġġuri” għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE (jiġifieri 0,6 % tal-ING jew EUR 3 biljun fil-prezzijiet tal-2011, skont liema minnhom ikun l-iżgħar ammont) iwassal għal intensità ta’ għajnuna akbar mill-ħsara sal-livell limitu. Ir-rata applikata fil-passat biex jiġu definiti l-allokazzjonijiet għal diżastri maġġuri hija ta' 2,5 % tal-ħsara diretta totali taħt il-livell limitu, u 6 % għall-parti tal-ħsarat 'il fuq minn dan. Għal diżastri reġjonali u diżastri aċċettati taħt id-dispożizzjoni ta’ “pajjiż ġar”, ir-rata hija ta’ 2,5 %.
Il-kontribuzzjoni ma tistax taqbeż l-ispiża totali stmata tal-operazzjonijiet eliġibbli. Il-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-għajnuna kienet imfassla fir-Rapport Annwali tal-2002-2003 dwar il-FSUE u aċċettata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.
Abbażi tat-talba mil-Latvja, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE, ibbażat fuq l-istima tal-ħsara diretta totali kkawżata, huwa kif ġej:
|
Stati Membri |
Kwalifikazzjoni ta’ diżastru |
Ħsara diretta totali (miljuni ta’ EUR) |
Limitu minimu għal diżastru maġġuri (miljuni ta’ EUR) |
2,5 % tal-ħsara diretta sal-livell limitu (f’EUR) |
6 % tal-ħsara diretta 'l fuq mil-livell limitu (f’EUR) |
Ammont totali tal-għajnuna proposta (f’EUR) |
Ħlas bil-quddiem imħallas (f’EUR) |
|
IL-LATVJA |
Maġġuri (L-Art. 2(2)). |
380,524 |
145,740 |
3 643 500 |
14 087 019 |
17 730 519 |
0 |
|
TOTAL |
17 730 519 |
0 |
|||||
Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar il-QFP, l-ammont totali disponibbli għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-bidu tal-2018 kien ta’ EUR 421 142 057, billi hija s-somma tal-allokazzjoni li fadal tal-2018 ta’ EUR 280 371 754 (jiġifieri EUR 574 342 834 nieqes EUR 293 971 080 diġà mobilizzati fl-2017 4 ), flimkien mal-allokazzjoni li fadal tal-2017 ta’ EUR 140 770 303 li għadhom ma ntefqux u li ġew riportati għall-2018.
L-ammont li jista’ jiġi mobilizzat f’dan l-istadju tas-sena 2018 huwa ta’ EUR 139 397 191. Dan jikkorrispondi għall-ammont totali disponibbli għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-bidu tal-2018 (EUR 421 142 057), nieqes l-ammont miżmum ta’ EUR 143 585 709 sabiex jiġi rispettat l-obbligu li jinżammu 25 % mill-allokazzjoni annwali tal-2018 sal-1 ta’ Ottubru 2018, kif stipulat mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar il-QFP, wara li jitnaqqas EUR 104 166 951 mobilizzat għall-Greċja, Spanja, Franza u l-Portugall 5 aktar kmieni din is-sena, u wara li jitnaqqas EUR 33 992 206, mobilizzat għall-Bulgarija, il-Greċja, il-Litwanja u l-Polonja 6 aktar kmieni din is-sena.
|
Tabella sommarja tal-finanzjament mill-FSUE |
Ammont EUR |
|
Allokazzjoni tal-2017 riportata għall-2018 |
140 770 303 |
|
Allokazzjoni tal-2018 |
574 342 834 |
|
Allokazzjoni tal-2018 fornita fl-2017 skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar il-QFP |
-293 971 080 ---------------- |
|
Total disponibbli fil-bidu tal-2018 |
421 142 057 |
|
Bit-tnaqqis diġà mobilizzat fl-2018 għall-Greċja, għal Spanja, għal Franza u għall-Portugall |
-104 166 951 |
|
Bit-tnaqqis ta’ dak diġà mobilizzat fl-2018 għall-Bulgarija, għall-Greċja, għall-Litwanja u għall-Polonja |
- 33 992 206 |
|
Bit-tnaqqis ta’ 25 % tal-allokazzjoni tal-2018 miżmum |
-143 585 709 ---------------- |
|
Ammont massimu disponibbli attwalment (allokazzjonijiet tal-2017+2018) |
139 397 191 |
|
Ammont totali ta’ għajnuna proposta biex jiġi mobilizzat għal-Latvja |
- 17 730 519 |
|
Disponibbiltajiet li fadal sal-1 ta’ Ottubru 2018 |
121 666 672 |
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil-Latvja
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 7 , u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 8 , u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta’ reġjuni milquta minn diżastri naturali.
(2)Il-Fond ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 500 000 000 (bil-prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 9 .
(3)Fl-14 ta’ Novembru 2017, il-Latvja ressqet it-talba għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara perjodu twil ta’ xita qawwija matul is-sajf u l-ħarifa tal-2017 li wasslet għal saturazzjoni tal-ħamrija u għargħar sussegwenti.
(4)It-talba mil-Latvja tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.
(5)Għalhekk il-Fond jenħtieġ li jiġi mobilizzat biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lil-Latvja.
(6)Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-ħin li jieħu l-Fond biex jiġi mobilizzat, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
(7)Permezz tad-Deċiżjoni 2018/508 tas-27 ta’ Marzu 2018 10 , il-Fond ġie mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 50 000 000 f’impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament għall-ħlas ta’ avvanzi għas-sena finanzjarja 2018. Dawn l-approprjazzjonijiet intużaw biss b'mod limitat ħafna. Għaldaqstant, hemm lok għall-finanzjament tal-ammont kollu għall-mobilizzazzjoni attwali permezz tar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet mobilizzati għall-ħlasijiet tal-avvanzi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018.
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mobilizzat sabiex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 17 730 519 lil-Latvja, f’approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika minn… [id-data tal-adozzjoni tagħha]**.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1599 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Italja (ĠU L 245, 23.9.2017) flimkien mal-Baġit Emendatorju Nru 4/2017 (ĠU L 330, 13.12.2017).
Id-Deċiżjoni (UE) 2018/846 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Greċja, Spanja, Franza lill-Portugall (ĠU L 144, 8.6.2018, p.3-4) u l-Baġit Emendatorju Nru 1/2018 (ĠU L 191, 27.7.2018, p. 1-22) li jakkumpanjaha.